EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0765
Judgment of the Court (Seventh Chamber) of 2 April 2020.#Stadtwerke Neuwied GmbH v RI.#Request for a preliminary ruling from the Landgericht Koblenz.#Reference for a preliminary ruling — Directive 2003/55/EC — Common rules for the internal market in natural gas — Consumer protection — Article 3(3) and point (b) of Annex A — Transparency of contractual terms and conditions — Obligation to give consumers adequate notice directly of an increase in charges.#Case C-765/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-2 ta’ April 2020.
Stadtwerke Neuwied GmbH vs RI.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Koblenz.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/55/KE – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali – Protezzjoni tal-konsumaturi – Artikolu 3(3) u l-punt (b) tal-Anness A – Trasparenza tal-kundizzjonijiet kuntrattwali – Obbligu li l-konsumatur jiġi informat b’żieda fit-tariffa fi żmien xieraq u direttament.
Kawża C-765/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-2 ta’ April 2020.
Stadtwerke Neuwied GmbH vs RI.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Koblenz.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/55/KE – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali – Protezzjoni tal-konsumaturi – Artikolu 3(3) u l-punt (b) tal-Anness A – Trasparenza tal-kundizzjonijiet kuntrattwali – Obbligu li l-konsumatur jiġi informat b’żieda fit-tariffa fi żmien xieraq u direttament.
Kawża C-765/18.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:270
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
2 ta’ April 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/55/KE – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali – Protezzjoni tal-konsumaturi – Artikolu 3(3) u l-punt (b) tal-Anness A – Trasparenza tal-kundizzjonijiet kuntrattwali – Obbligu li l-konsumatur jiġi informat b’żieda fit-tariffa fi żmien xieraq u direttament”
Fil-Kawża C‑765/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Koblenz (il-Qorti Reġjonali ta’ Koblenz, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura
Stadtwerke Neuwied GmbH
vs
RI,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn P. G. Xuereb (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz u A. Kumin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Stadtwerke Neuwied GmbH, minn J. Müller, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet u M. Noll‑Ehlers, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3), moqri flimkien mal-punti (b) u (ċ) tal-Anness A, tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Stadtwerke Neuwied GmbH, bħala fornitur tal-gass, u l-klijent RI tagħha dwar il-ħlas ta’ arretrati wara diversi żidiet fil-prezz tal-gass. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 2 u 3 tad-Direttiva 2003/55 huma fformulati kif ġej:
|
4 |
Skont il-premessa 27 ta’ din id-direttiva: “Ir-rispett tar-rekwiziti tas-servizz pubbliku huwa rekwiżit fundamentali ta’ din id-Direttiva u huwa important li jiġu speċifikati hawn l-istandards komuni, rispettati mill-Istati Membri kollha, li jqisu l-għanijiet tal-ħarsiet tal-konsumatur, sigurtà tal-fornitura, ħarsien ta’ l-ambjent u livelli ta’ kompetizzjoni ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. Huwa importanti li r-rekwiziti tas-servizz pubbliku jistgħu jiġu interpretati fuq bażi nazzjonali, kont meħud għaċ-ċirkostanzi nazzjonali bla ħsara għall-osservanza tal-liġijiet [tal-Unjoni].” |
5 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/55 jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex iħarsu l-klijenti finali u jaċċertaw livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur u għandhom, b’mod partikolari, jaċċertaw illi hemm salvagwardji xieraq għall-ħarsien tal-klijenti vulnerabbli, inklużi miżuri xierqa biex jgħinuhom jeveitaw id-diskonnessjoni. F’dan il-kuntest jistgħu jieħdu l-passi xierqa biex iħarsu l-klijenti f’żoni remoti li huma mqabbda mas-sistema tal-gass. L-Istati Membri jistgħu jaħtru provditur ta’ l-aħħar riżort [fornitur li jkun l-aħħar għażla disponibbli] għall-klijenti mqabbdin man-netwerks tal-gass. Għandhom jaċċertaw livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari rigward trasparenza rigward it-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali ta’ l-appalti, informazzjoni ġenerali u mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-klijent eliġibbli effettivament jista’ jaqleb għal provditur ġdid. Rigward klijenti tad-dar dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk stabbiliti fl-Anness A.” |
7 |
L-Anness A tal-istess direttiva jistabbilixxi l-miżuri relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi b’dan il-mod: “Mingħajr preġudizzju għar-regoli [tal-Unjoni] dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari d-Direttivi 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[, tal‑20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319)] u d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KE [tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288)], il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jaċċertaw li l-klijenti: […]
[…]” |
Id-dritt Ġermaniż
8 |
L-Artikolu 36(1) u (2) tal-Energiewirtschaftsgesetz (il-Liġi dwar il-Provvista tal-Enerġija, iktar ’il quddiem l-“EnWG”) huwa fformulat kif ġej: “Obbligu ta’ provvista bażika (1) L-impriżi ta’ provvista tal-enerġija huma meħtieġa, għaż-żoni tan-netwerk ta’ distribuzzjoni li tagħhom huma jiżguraw il-provvista bażika tal-klijenti domestiċi, li jagħmlu pubbliċi l-kundizzjonijiet u l-prezzijiet ġenerali relatati mal-provvista b’vultaġġ baxx jew bi pressjoni baxxa u li jippubblikawhom fuq l-internet, kif ukoll li jipprovdu lill-klijenti domestiċi kollha b’dawn il-kundizzjonijiet u b’dawn il-prezzijiet. L-obbligu ta’ provvista bażika ma japplikax meta, għal raġunijiet ekonomiċi, il-provvista ma tkunx possibbli għall-impriża li tipprovdi l-enerġija. (2) Il-fornituri ta’ servizz ta’ provvista bażika msemmija fil-paragrafu 1 huma l-impriżi ta’ provvista tal-enerġija li jipprovdu l-iktar klijenti domestiċi f’żona ta’ provvista ġenerali […]” |
9 |
Skont l-Artikolu 1(1) tal-Verordnung über allgemeine Bedingungen für die Gasversorgung von Tarifkunden (ir-Regolament dwar il-Kundizzjonijiet Ġenerali għall-Provvista tal-Gass lill-Klijenti li Jaqgħu taħt it-Tariffa Standard) tal‑21 ta’ Ġunju 1979 (BGBl. 1979 I, p. 676) (iktar ’il quddiem l-“AVBGasV”): “Il-kundizzjonijiet ġenerali li taħthom l-impriżi tal-gass għandhom l-obbligu […] li jgħaqqdu kull persuna man-netwerk ta’ distribuzzjoni u li jipprovdu tariffi ġenerali huma ffissati fl-Artikoli 2 sa 34 ta’ dan ir-regolament. Dawn il-kundizzjonijiet jagħmlu parti mill-kuntratt ta’ provvista.” |
10 |
Skont l-Artikolu 4(2) tal-AVBGasV, il-bidliet li jsiru lill-kundizzjonijiet u lit-tariffi ġenerali ma jkollhomx effett qabel il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. |
11 |
L-Artikolu 32(1) u (2) tal-AVBGasV jipprevedi: “(1) Il-kuntratt jibqa’ japplika kontinwament sax-xoljiment tiegħu minn waħda miż-żewġ partijiet permezz ta’ preavviż ta’ xahar fi tmiem xahar kalendarju […] (2) F’każ ta’ bidliet fit-tariffi ġenerali jew ta’ bidla fil-kundizzjonijiet ġenerali mill-impriża tal-gass fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, il-klijent jista’ jxolji l-kuntratt permezz ta’ preavviż ta’ ġimagħtejn fi tmiem ix-xahar li jsegwi l-pubblikazzjoni uffiċjali. […]” |
12 |
L-AVBGasV tħassar bil-Gasgrundversorgungsverordnung (ir-Regolament dwar il-Provvista Bażika tal-Gass) tas‑26 ta’ Ottubru 2006 (BGBl. 2006 I, p. 2396), kif emendat bil-Liġi tad‑29 ta’ Awwissu 2016 (BGBl. 2016 I, p. 2034). L-Artikolu 5(2) u (3) tar-Regolament dwar il-Provvista Bażika tal-Gass jipprevedi: “(2) Il-bidliet fil-prezzijiet ġenerali u fil-kundizzjonijiet addizzjonali jidħlu fis-seħħ fil-bidu tax-xahar rilevanti, iżda biss wara l-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, li għandu jseħħ tal-inqas sitt ġimgħat qabel il-bidla ppjanata. Fl-istess waqt li jagħmel il-pubblikazzjoni, il-fornitur tas-servizz ta’ provvista bażika huwa obbligat jibgħat notifika bil-miktub lill-klijenti tiegħu tal-bidliet previsti u li jippubblikahom fuq is-sit internet tiegħu; f’dan il-kuntest, huwa għandu jispeċifika l-portata, ir-raġunijiet u l-kundizzjonijiet tal-bidla u jirreferi, b’mod li jista’ jinqara, għad-drittijiet tal-klijent imsemmija fil-paragrafu 3 kif ukoll għall-informazzjoni msemmija fil-punt 7 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(3). (3) Meta ssir bidla fil-prezzijiet ġenerali jew fil-kundizzjonijiet addizzjonali, il-klijent għandu d-dritt ixolji l-kuntratt, mingħajr terminu ta’ preavviż, mill-mument tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija bidliet […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13 |
Stadtwerke Neuwied hija fornitur ta’ gass naturali organizzat fil-forma ta’ kumpannija rregolata mid-dritt privat Ġermaniż, iżda hija suġġetta, bħala impriża komunali inkarigata mill-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali favur kollettività pubblika, għall-kontroll tal-Istat, peress li l-belt ta’ Neuwied (il-Ġermanja) hija l-unika azzjonista tagħha u s-sindku ta’ din il-belt jagħmel parti mill-bord ta’ sorveljanza tagħha. |
14 |
RI ilu klijent ta’ Stadtwerke Neuwied mit‑28 ta’ Lulju 2004. Dan il-fornitur tal-gass issodisfa l-obbligi tiegħu ta’ fornitur fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ provvista bażika. Bejn Jannar 2005 u Settembru 2011, Stadtwerke Neuwied introduċiet żidiet fit-tariffi li jikkorrispondu għaż-żieda fl-ispiża għall-akkwist tal-gass naturali filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-iffrankar miksub f’oqsma oħra tas-settur tal-gass. Hija issa titlob lil RI jħallas is-somma ta’ EUR 1 334.71 li tikkorrispondi għall-arretrati dovuti minħabba dawn l-adattamenti tat-tariffi. RI ma ġiex informat personalment dwar l-imsemmija adattamenti, iżda għandu jiġi ppreċiżat li Statdwerke Neuwied ippubblikat, fuq is-sit internet tagħha, il-prezzijiet tagħha u t-tariffi ġenerali tagħha kif ukoll l-adattamenti kuntrattwali. Barra minn hekk, iż-żidiet fit-tariffa ġew ippubblikati fl-istampa reġjonali. |
15 |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, RI sostna li l-kuntratt ta’ provvista konkluż ma’ Stadtwerke Neuwied ma kienx jinkludi klawżola effettiva ta’ reviżjoni tal-prezzijiet u kkontesta l-pretensjonijiet ta’ Stadtwerke Neuwied. Huwa jqis, b’mod partikolari, li Stadtwerke Neuwied ma kellhiex id-dritt effettiv li taġġusta l-prezzijiet tagħha, li l-prezz tal-konsum mitlub ma kienx raġonevoli u li, jekk jiġi preżunt li jeżisti, id-dritt unilaterali għall-iffissar tal-prezzijiet skont l-Artikolu 4 tal-AVBGasV ma huwiex trasparenti. Minn dan RI jikkonkludi li ż-żidiet fil-prezz tal-gass kienu invalidi. Barra minn hekk, RI ressaq kontrotalba intiża sabiex jiġi kkonstatat li l-prezzijiet iffissati mill-fornitur kienu irraġonevoli u infondati, u sabiex jinkiseb ir-rimbors ta’ parti mis-somom li huwa ħallas lil Stadtwerke Neuwied bejn l‑1 ta’ Jannar 2005 u l‑31 ta’ Diċembru 2011. |
16 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tal-kawża quddiemha tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/55. |
17 |
Hija tqis li n-nuqqas ta’ Stadtwerke Neuwied li tinforma lill-konsumatur fi żmien xieraq u direttament biż-żidiet fil-prezz tal-gass jista’ jqajjem dubji dwar il-validità ta’ dawn iż-żidiet, minħabba li r-rekwiżit ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 3(3) u mill-punti (b) u (ċ) tal-Anness A tad-Direttiva 2003/55 huwa direttament invokabbli f’tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali, minkejja n-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt Ġermaniż matul il-perijodu inkwistjoni. |
18 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, madankollu, li l-approċċ tagħha jippreżumi li, fid-dawl ta’ dan in-nuqqas ta’ traspożizzjoni, ir-rekwiżit ta’ trasparenza previst mid-Direttiva 2003/55 huwa direttament applikabbli u invokabbli minn individwu kontra kumpannija rregolata mid-dritt privat bħalma hija Stadtwerke Neuwied u li l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit tikkundizzjona l-validità stess taż-żieda fil-prezz. |
19 |
F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li d-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali ma setgħux jiġu interpretati skont id-Direttiva 2003/55. Barra minn hekk, peress li hija kkonkludiet li din id-direttiva ma kinitx direttament applikabbli, din il-qorti qieset li tali sitwazzjoni ma kellhiex twassal għall-invalidità taż-żidiet fil-prezzijiet inkwistjoni u rrikonoxxiet li Stadtwerke Neuwied kellha d-dritt li taġġusta l-prezzijiet tagħha abbażi ta’ interpretazzjoni addizzjonali tal-kuntratt ta’ provvista ta’ gass. |
20 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(3) flimkien mal-punti (b) u (ċ) tal-Anness A tad-Direttiva 2003/55 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-provvista ta’ informazzjoni diretta lill-klijent dwar iż-żieda fit-tariffi hija kundizzjoni għall-validità taż-żieda. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex direttament applikabbli minħabba l-fatt li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn jistgħu jitqiesu li huma inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi u li huma invokati kontra entità, jiġifieri Stadtwerke Neuwied, li tista’ titqies, dejjem skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija suġġetta għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat jew li għandha drittijiet speċjali li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet applikabbli għar-relazzjonijiet bejn individwi. |
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Koblenz (il-Qorti Reġjonali ta’ Koblenz, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
22 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/55, moqri flimkien mal-punti (b) u (ċ) tal-Anness A tagħha, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta jsiru bidliet tariffarji mhux innotifikati personalment lill-klijenti minn fornitur tal-gass li jkun l-aħħar għażla disponibbli bl-uniku għan li ż-żieda fl-ispiża tal-akkwist tal-gass naturali tiġi mgħoddija mingħajr tfittxija għal profitt, l-osservanza, minn dan il-fornitur, tal-obbligi ta’ trasparenza u ta’ informazzjoni msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, hija kundizzjoni għall-validità tal-bidliet tariffarji kkonċernati. |
23 |
Għandu jitfakkar li l-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2003/55 huwa li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern tal-gass. F’dan ir-rigward, l-aċċess għan-netwerk li ma jkunx diskriminatorju u li jkun trasparenti u disponibbli bi prezz ġust huwa neċessarju għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni u huwa ta’ importanza kbira sabiex jitkompla s-suq intern tal-gass (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014, Schulz u Egbringhoff, C‑359/11 u C‑400/11, EU:C:2014:2317, punt 39). |
24 |
F’dan il-kuntest, it-tħassib dwar il-protezzjoni tal-konsumatur huwa l-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/55 u huwa relatat mill-qrib kemm mal-liberalizzazzjoni tas-swieq inkwistjoni kif ukoll mal-għan, li wkoll għandu jintlaħaq minn din id-direttiva, li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista kontinwa tal-gass (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014, Schulz u Egbringhoff, C‑359/11 u C‑400/11, EU:C:2014:2317, punt 40). |
25 |
Huwa fid-dawl ta’ dan l-għan u ta’ dan it-tħassib li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/55, dwar l-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-konsumaturi, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jipproteġu lill-klijenti finali u jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jaħtru fornitur li jkun l-aħħar għażla disponibbli sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-klijenti konnessi man-netwerk tal-gass. Fi kwalunkwe każ, dawn il-miżuri jinkludu, tal-inqas fir-rigward tal-klijenti domestiċi, dawk li jinsabu fl-Anness A ta’ din id-direttiva. |
26 |
Il-punt (b) tal-Anness A tad-Direttiva 2003/55 jippreċiża li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(3) għandhom b’mod partikolari l-għan li jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi jinformaw lill-abbonati tagħhom immedjatament b’kull żieda fit-tariffi, fi żmien xieraq u, fi kwalunkwe każ, qabel tmiem il-perijodu ta’ fatturazzjoni normali wara d-dħul fis-seħħ taż-żieda. Barra minn hekk, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti jkunu ħielsa li joħorġu minn kuntratt jekk dawn ma jaċċettawx il-kundizzjonijiet il-ġodda għall-provvista ta’ gass. Skont il-punt (ċ) tal-Anness A ta’ din id-direttiva, il-klijenti għandhom jirċievu informazzjoni trasparenti dwar il-prezzijiet u t-tariffi applikabbli. |
27 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet madankollu ma tindikax jekk l-osservanza tal-obbligi ta’ trasparenza u ta’ informazzjoni imposti fuq il-fornituri tal-gass hijiex kundizzjoni għall-validità ta’ bidliet tariffarji tal-provvista ta’ gass. |
28 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa sabiex igawdu b’mod sħiħ u effettiv mid-drittijiet tagħhom u jieħdu, b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, deċiżjoni dwar it-terminazzjoni possibbli tal-kuntratt jew sabiex jikkontestaw il-bidla fil-prezz tal-provvista, li l-klijenti għandhom ikunu informati, fi żmien xieraq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-bidla, dwar ir-raġunijiet, il-kundizzjonijiet u l-portata tagħha (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014, Schulz u Egbringhoff, C‑359/11 u C‑400/11, EU:C:2014:2317, punt 47). |
29 |
Minn dan jirriżulta li l-obbligi ta’ trasparenza u ta’ informazzjoni stabbiliti fil-punti (b) u (ċ) tal-Anness A tad-Direttiva 2003/55 huma intiżi sabiex jiżguraw, konformement mal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li l-klijent ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu li joħroġ mill-kuntratt jew li jikkontesta l-bidla fil-prezz tal-provvista. |
30 |
Issa, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt mill-klijenti ma jistax jiġi żgurat u d-dispożizzjonijiet tal-punti (b) u (ċ) tal-Anness A tad-Direttiva 2003/55 jitilfu l-effett utli tagħhom jekk il-fornitur tal-gass jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu ta’ trasparenza u ta’ informazzjoni billi jonqos, b’mod partikolari, milli jinforma personalment lill-klijenti tiegħu bil-bidla tat-tariffa prevista. |
31 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, Stadtwerke Neuwied kienet qiegħda taġixxi bħala “provditur ta’ l-aħħar riżort [fornitur li jkun l-aħħar għażla disponibbli]”, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/55 u li l-bidliet tariffarji mwettqa suċċessivament minn dan il-fornitur kienu intiżi biss sabiex jgħaddu ż-żieda tal-ispiża tal-akkwist tal-gass naturali mingħajr tfittxija għal profitt. |
32 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li peress li tali fornitur tal-gass huwa obbligat, fil-kuntest tal-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jidħol f’kuntratti mal-klijenti li jkunu talbu għalihom u li għandhom dritt għall-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija leġiżlazzjoni, l-interessi ekonomiċi tal-imsemmi fornitur għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn dan ma jkollux l-għażla tal-parti kontraenti l-oħra u ma jistax itemm il-kuntratt b’mod liberu (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014, Schulz u Egbringhoff, C‑359/11 u C‑400/11, EU:C:2014:2317, punt 44). |
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, meta l-bidliet tariffarji tal-fornitur tal-gass sempliċement jgħaddu ż-żieda fl-ispiża tal-akkwist tal-gass għall-prezz tas-servizz mingħajr ma l-fornitur ifittex li jikseb l-iċken profitt, l-invalidità ta’ tali bidliet minħabba l-assenza ta’ notifika personali lill-klijenti tista’ tipperikola serjament l-interessi ekonomiċi tal-fornitur tal-gass. |
34 |
Konsegwentement, sa fejn il-fornitur huwa obbligat li jiżgura s-sigurtà tal-provvista għall-klijenti tiegħu, il-validità taż-żieda fit-tariffi li effettivament tgħaddi l-ispiża tal-akkwist tal-gass ma tistax tiddependi mill-provvista ta’ informazzjoni lill-imsemmija klijenti personalment. Fil-każ kuntrarju, ir-riskju ekonomiku li jkollu jsostni l-fornitur tal-gass jista’ kemm jipperikola t-twettiq tal-għan ta’ sigurtà tal-provvista previst mid-Direttiva 2003/55 kif ukoll jippreġudika b’mod sproporzjonat l-interessi ekonomiċi ta’ dan il-fornitur. |
35 |
Peress li n-nuqqas ta’ notifika personali tal-bidliet tariffarji xorta waħda jikkostitwixxi, anki f’tali sitwazzjoni, preġudizzju għall-protezzjoni tal-konsumaturi huwa importanti, madankollu, minn naħa, li l-klijenti ta’ tali fornitur ikunu jistgħu jxolju l-kuntratt fi kwalunkwe mument u, min-naħa l-oħra, peress li l-provvista ta’ gass issir b’tariffa li l-klijent ma setax ikun jaf biha qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, rimedji xierqa għandhom ikunu miftuħa għalih sabiex ikun jista’ jitlob kumpens għad-dannu li seta’ ġarrab minħabba l-fatt li huwa ġie mċaħħad mill-possibbiltà li jeżerċita d-dritt tiegħu, fi żmien xieraq, li jibdel il-fornitur sabiex ikun jista’ jibbenefika minn tariffa iktar vantaġġuża. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dawn il-kwistjonijiet. |
36 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/55, moqri flimkien mal-punti (b) u (ċ) tal-Anness A tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jsiru bidliet tariffarji mhux innotifikati personalment lill-klijenti minn fornitur tal-gass li jkun l-aħħar għażla disponibbli bl-uniku għan li ż-żieda fl-ispiża tal-akkwist tal-gass naturali tiġi mgħoddija mingħajr tfittxija għal profitt, l-osservanza, minn dan il-fornitur, tal-obbligi ta’ trasparenza u ta’ informazzjoni msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet ma hijiex kundizzjoni għall-validità tal-bidliet tariffarji inkwistjoni, sakemm il-klijenti jkunu jistgħu jxolju l-kuntratt fi kwalunkwe ħin u jkollhom rimedji xierqa sabiex jiksbu kumpens għad-dannu li jkunu setgħu ġarrbu minħabba l-assenza ta’ notifika personali tal-bidliet. |
Fuq it-tieni domanda preliminari
37 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
38 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE, moqri flimkien mal-punti (b) u (ċ) tal-Anness A tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jsiru bidliet tariffarji mhux innotifikati personalment lill-klijenti minn fornitur tal-gass li jkun l-aħħar għażla disponibbli bl-uniku għan li ż-żieda fl-ispiża tal-akkwist tal-gass naturali tiġi mgħoddija mingħajr tfittxija għal profitt, l-osservanza, minn dan il-fornitur, tal-obbligi ta’ trasparenza u ta’ informazzjoni msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet ma hijiex kundizzjoni għall-validità tal-bidliet tariffarji inkwistjoni, sakemm il-klijenti jkunu jistgħu jxolju l-kuntratt fi kwalunkwe ħin u jkollhom rimedji xierqa sabiex jiksbu kumpens għad-dannu li jkunu setgħu ġarrbu minħabba l-assenza ta’ notifika personali tal-bidliet. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.