EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0642

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-5 ta’ Diċembru 2019.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2008/98/KE – Artikoli 30 u 33 – Pjan għall-immaniġġar tal-iskart – Komunitajiet Awtonomi tal-Islas Baleares u tal-Islas Canarias (Spanja) – Obbligu ta’ reviżjoni – Obbligu li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata – Nuqqas ta’ intimazzjoni regolari – Intimazzjoni mibgħuta kmieni wisq – Inammissibbiltà.
Kawża C-642/18.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1051

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

5 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2008/98/KE – Artikoli 30 u 33 – Pjan għall-immaniġġar tal-iskart – Komunitajiet Awtonomi tal-Islas Baleares u tal-Islas Canarias (Spanja) – Obbligu ta’ reviżjoni – Obbligu li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata – Nuqqas ta’ intimazzjoni regolari – Intimazzjoni mibgħuta kmieni wisq – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑642/18,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-12 ta’ Ottubru 2018,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Pardo Quintillán, E. Sanfrutos Cano u F. Thiran, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn L. S. Rossi (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma rrevediex il-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart previsti fid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3), fir-rigward tal-Komunitajiet Awtonomi tal-Islas Baleares u tal-Islas Canarias u billi ma informahiex uffiċjalment dwar ir-reviżjoni ta’ dawn il-pjanijiet, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, rispettivament, taħt l-Artikolu 30(1) u taħt l-Artikolu 33(1) ta’ din id-direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2008/98 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistabbilixxu, skond l-Artikoli 1, 4, 13 u 16, pjan wieħed jew iżjed għall-immaniġġar ta’ l-iskart

Dawk il-pjanijiet, weħidhom jew flimkien, għandhom ikopru t-territorju kollu ta’ l-Istat Membru kkonċernat.”

3

L-Artikolu 30(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjanijiet għall-immaniġġar ta’ l-iskart u l-programmi għall-prevenzjoni ta’ l-iskart jiġu evalwati mill-inqas kull sitt snin, u riveduti kif ikun xieraq. u, fil-każijiet fejn ikun relevanti, konformement ma’ l-Artikoli 9 u 11.”

4

L-Artikolu 33(1) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat b’dan il-mod:

“L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-pjanijiet għall-immaniġġar ta’ l-iskart u l-programmi għall-prevenzjoni ta’ l-iskart imsemmija fl-Artikoli 28 u 29, ladarba jiġu adottati, u dwar kull reviżjoni sostanzjali tal-pjanijiet u l-programmi.”

5

Skont l-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2008/98, it-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kien iffissat għat-12 ta’ Diċembru 2010, jiġifieri sentejn wara d-dħul fis-seħħ tagħha fit-12 ta’ Diċembru 2008.

Il-proċedura prekontenzjuża

6

Fit-18 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ Spanja li fiha sostniet li, peress li dan tal-aħħar ma kienx adotta jew ma kienx irreveda l-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart fir-rigward tal-Komunitajiet Awtonomi ta’ Aragón, tal-Islas Baleares, tal-Islas Canarias, ta’ Cantabria, ta’ Castilla‑La Mancha, ta’ Cataluña, ta’ Extremadura, ta’ Galicia, ta’ La Rioja, ta’ Madrid, ta’ Murcia u ta’ Navarra kif ukoll fir-rigward tal-Belt Awtonoma ta’ Ceuta u, għaldaqstant, peress li ma kienx innotifika dawn il-pjanijiet lill-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja kien kiser l-Artikolu 28(1), l-Artikolu 30(1) u l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2008/98.

7

Ir-Renju ta’ Spanja wieġeb għal din l-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Jannar 2017.

8

Fl-14 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha kkonkludiet li r-Renju ta’ Spanja kien baqa’ ma wettaqx l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2008/98 fir-rigward tal-Komunitajiet Awtonomi ta’ Aragón, tal-Islas Baleares, tal-Islas Canarias u ta’ Madrid kif ukoll fir-rigward tal-Belt Awtonoma ta’ Ceuta u stiednet lil dan l-Istat Membru jadotta l-miżuri meħtieġa f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi din l-opinjoni motivata, jiġifieri sal-14 ta’ Settembru 2017.

9

Ir-Renju ta’ Spanja wieġeb għall-imsemmija opinjoni motivata permezz ta’ ittri tal-14 ta’ Settembru 2017 kif ukoll tas-17 ta’ Jannar, tat-18 ta’ Mejju, tat-23 ta’ Mejju u tas-6 ta’ Ġunju 2018.

10

Peress li qieset li r-Renju ta’ Spanja ma kienx għadu ħa l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2008/98, il-Kummissjoni ddeċidiet, fit-12 ta’ Ottubru 2018, li tippreżenta dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tallega li, billi ma adottax jew ma rrevediex u, għaldaqstant, billi ma nnotifikax il-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart fir-rigward tal-Komunitajiet Awtonomi ta’ Aragón, tal-Islas Baleares, tal-Islas Canarias u ta’ Madrid kif ukoll fir-rigward tal-Belt Awtonoma ta’ Ceuta, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, rispettivament, taħt l-Artikolu 28(1), taħt l-Artikolu 30(1) u taħt l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2008/98.

12

Fid-dawl tal-informazzjoni kkomunikata mir-Renju ta’ Spanja fir-risposta tiegħu dwar, essenzjalment, l-adozzjoni u t-trażmissjoni lill-Kummissjoni, matul is-sena 2018, ta’ pjanijiet ġodda għall-immaniġġar tal-iskart fir-rigward tal-Komunitajiet Awtonomi ta’ Aragón u ta’ Madrid kif ukoll fir-rigward tal-Belt Awtonoma ta’ Ceuta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrinunzja għar-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sa fejn kien jikkonċerna lil dawn il-komunitajiet awtonomi u lil din il-belt awtonoma. Barra minn hekk, fir-rigward tal-Komunitajiet Awtonomi tal-Islas Baleares u tal-Islas Canarias, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira l-ilment dwar l-assenza ta’ adozzjoni tal-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ komunitajiet awtonomi, jiġifieri l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2008/98, sa fejn dawn il-pjanijiet, adottati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, kienu ġew ikkomunikati mir-Renju ta’ Spanja.

13

B’hekk, il-Kummissjoni llimitat is-suġġett tar-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għall-ilmenti dwar il-ksur tal-obbligi ta’ reviżjoni u ta’ notifika tal-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart previsti, rispettivament, fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2008/98 u fl-Artikolu 33(1) ta’ din id-direttiva, sa fejn huma kkonċernati biss il-Komunitajiet Awtonomi tal-Islas Baleares u tal-Islas Canarias.

It-talbiet tal-partijiet

14

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi naqas milli jirrevedi l-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart previsti fid-Direttiva 2008/98 fir-rigward tal-Komunitajiet Awtonomi tal-Islas Baleares u tal-Islas Canarias, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 30(1) ta’ din id-direttiva;

tiddikjara li, billi naqas milli jinforma uffiċjalment lill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart fir-rigward tal-Komunitajiet Awtonomi tal-Islas Baleares u tal-Islas Canarias, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 33(1) tal-imsemmija direttiva; u

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

15

Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

16

Għandu jitfakkar li l-għan tal-proċedura prekontenzjuża prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE huwa li l-Istat Membru kkonċernat jingħata l-possibbiltà jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni jew li jinvoka b’mod utli l-motivi ta’ difiża tiegħu fil-konfront tal-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni. B’hekk, in-natura regolari ta’ din il-proċedura tikkostitwixxi garanzija essenzjali mixtieqa mit-Trattat FUE sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni. Huwa biss meta tkun żgurata din il-garanzija li l-proċedura kontradittorja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tippermetti lil din tal-aħħar taqta’ l-kwistjoni ta’ jekk l-Istat Membru effettivament naqasx milli jwettaq l-obbligi li l-Kummissjoni tkun qiegħda tallega ksur tagħhom. B’mod partikolari, l-ittra ta’ intimazzjoni għandha l-għan, fil-proċedura prekontenzjuża, li tistabbilixxi l-limiti tas-suġġett tat-tilwima u li tindika lill-Istat Membru, mistieden sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, l-elementi meħtieġa għat-tħejjija tad-difiża tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2003, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑145/01, EU:C:2003:324, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

Bl-istess mod, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħruġ ta’ ittra ta’ intimazzjoni, b’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, jeħtieġ, b’mod preliminari, li l-Kummissjoni tkun tista’ tallega b’mod validu nuqqas min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat li jwettaq obbligu (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza,C‑230/99, EU:C:2001:100, punt 32, u tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu,C‑23/05, EU:C:2005:660, punt 7).

18

Minn dan jirriżulta li l-ftuħ tal-fażi prekontenzjuża tal-proċedura prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, f’sitwazzjoni fejn ebda nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat ma jkun jista’ jiġi allegat b’mod validu mill-Kummissjoni, jaffettwa neċessarjament in-natura regolari tal-proċedura li tikkonstata n-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu.

19

Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ intimazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 258 TFUE jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, teżamina ex officio (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-13 ta’ Settembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑341/97, EU:C:2000:434, punt 21, u s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑23/05, EU:C:2005:660, punti 57).

20

F’dan il-każ, kif essenzjalment osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 17 sa 19 tal-konklużjonijiet tagħha, meta bagħtet l-ittra ta’ intimazzjoni tagħha lir-Renju ta’ Spanja fit-18 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni akkużat lil dan l-Istat Membru li naqas milli jwettaq ċerti obbligi previsti fid-Direttiva 2008/98, nuqqas li, f’dik id-data, kien għadu ma jistax jiġi invokat.

21

Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mir-replika, il-Kummissjoni interpretat l-Artikolu 30(1) ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart ikunu evalwati minn tal-inqas kull sitt snin u, jekk ikun il-każ, għandhom jiġu rreveduti, fis-sens li dan l-artikolu jobbliga lill-Istati Membri jirrevedu dawn il-pjanijiet fis-sitt snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, jiġifieri b’effett mit-12 ta’ Diċembru 2008.

22

Madankollu, l-obbligu li jiġu evalwati u, jekk ikun il-każ, li jiġu rreveduti l-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart adottati mill-Komunitajiet Awtonomi tal-Islas Baleares u tal-Islas Canarias, previst fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2008/98, ma setax jitnissel qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, kif jirriżulta mill-Artikolu 40(1) tal-imsemmija direttiva, jiġifieri b’effett mit-12 ta’ Diċembru 2010.

23

Għaldaqstant, it-terminu mogħti lill-Istati Membri fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2008/98 sabiex iwettqu l-obbligi previsti f’dan l-artikolu kien jiskadi biss sitt snin wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri fit-12 ta’ Diċembru 2016.

24

Huwa għalhekk li, meta intimat lir-Renju ta’ Spanja, fit-18 ta’ Novembru 2016, sabiex iwaqqaf allegat ksur tal-obbligu previst fl-Artikolu 30(1) tal-imsemmija direttiva, il-Kummissjoni fetħet il-fażi prekontenzjuża tal-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE b’mod prematur.

25

Fil-fatt, peress li l-obbligu li l-ksur tiegħu qiegħed jiġi allegat mill-Kummissjoni tnissel biss wara d-data li fiha nħarġet l-ittra ta’ intimazzjoni, ebda nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu previst fl-imsemmi Artikolu 30(1) ma seta’ jiġi invokat b’mod validu mill-Kummissjoni.

26

Barra minn hekk, jekk tiġi aċċettata l-ipoteżi kuntrarja, dan infallibbilment jipperikola r-rekwiżiti ta’ ċertezza legali, li huma inerenti għal kull proċedura li tista’ ssir kontenzjuża (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑230/99, EU:C:2001:100, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fit-tieni lok, dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ notifika ta’ kwalunkwe reviżjoni sostanzjali tal-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart, fis-sens tal-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2008/98.

28

Fil-fatt, peress li dan l-obbligu ta’ notifika għandu natura anċillari għal dak tar-reviżjoni ta’ dawn il-pjanijiet, huwa biss wara li titlesta l-proċedura ta’ evalwazzjoni u ta’ eventwali reviżjoni tal-imsemmija pjanijiet li tkun tista’ tiġi evalwata l-portata tar-reviżjoni u li jkun jista’ jiġi kkonstatat, jekk ikun il-każ, li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 33(1) ta’ din id-direttiva.

29

Minn dan isegwi li ebda ksur tal-obbligu ta’ notifika fis-sens tal-imsemmi Artikolu 33(1) ma seta’ jiġi invokat b’mod validu mill-Kummissjoni qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt snin previst fl-Artikolu 30(1) tal-imsemmija direttiva, jiġifieri qabel it-12 ta’ Diċembru 2016.

30

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

31

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju ta’ Spanja talab li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li r-rikors ippreżentat minn din tal-aħħar ġie ddikjarat inammissibbli, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top