EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0486

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Mejju 2019.
RE vs Praxair MRC SAS.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 96/34/KE – Ftehim qafas fuq il-leave parentali – Klawżola 2, punt 6 – Ħaddiem irreklutat għal żmien indeterminat u full‑time f’sitwazzjoni ta’ leave parentali part‑time – Tkeċċija – Allowance ta’ tkeċċija u allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill‑ġdid – Modalitajiet ta’ kalkolu – Artikolu 157 TFUE – Ugwaljanza tar‑remunerazzjonijiet bejn ħaddiema nisa u ħaddiema rġiel – Leave parentali part‑time meħud essenzjalment mill‑ħaddiema nisa – Diskriminazzjoni indiretta – Fatturi oġġettivament iġġustifikati u li bl‑ebda mod ma jiddiskriminaw abbażi tas‑sess – Assenza.
Kawża C-486/18.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:379

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 96/34/KE – Ftehim qafas fuq il-leave parentali – Klawżola 2, punt 6 – Ħaddiem irreklutat għal żmien indeterminat u full‑time f’sitwazzjoni ta’ leave parentali part‑time – Tkeċċija – Allowance ta’ tkeċċija u allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill‑ġdid – Modalitajiet ta’ kalkolu – Artikolu 157 TFUE – Ugwaljanza tar‑remunerazzjonijiet bejn ħaddiema nisa u ħaddiema rġiel – Leave parentali part‑time meħud essenzjalment mill‑ħaddiema nisa – Diskriminazzjoni indiretta – Fatturi oġġettivament iġġustifikati u li bl‑ebda mod ma jiddiskriminaw abbażi tas‑sess – Assenza”

Fil-Kawża C‑486/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura

RE

vs

Praxair MRC SAS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal RE, minn J. Buk Lament, avocate,

għal Praxair MRC SAS, minn J.‑J. Gatineau, avocat,

għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier u R. Coesme, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Szmytkowska u C. Valero, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE kif ukoll tal-punti 4 u 6 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri [leave parentali], konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas dwar il-leave parentali”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri [leave parentali] konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 263) (iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 96/34”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn RE u Praxair MRC SAS rigward il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-allowance ta’ tkeċċija u tal-allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid li tħallsu lilha fil-kuntest tat-tkeċċija tagħha għal raġuni ekonomika, li seħħet waqt li hija kienet f’sitwazzjoni ta’ leave parentali part‑time.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 96/34 u l-Ftehim qafas dwar il-leave parentali

3

Id-Direttiva 96/34 tħassret, b’effett mit-8 ta’ Marzu 2012, bis-saħħa tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta’ Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU 2010, L 68, p. 13). Madankollu, fid-dawl tad-data li fiha seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, din tibqa’ rregolata mid-Direttiva 96/34 u l-Ftehim qafas dwar il-leave parentali.

4

Id-Direttiva 96/34 kienet intiża sabiex timplimenta l-Ftehim qafas dwar il-leave parentali, konkluż mill-organizzazzjonijiet ta’ natura ġenerali tal-industrija, jiġifieri l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet tal-Industrija u ta’ Min Iħaddem fl-Ewropa (UNICE), iċ-Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi (CEEP) u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC).

5

L-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali jistipula:

“Il-ftehim qafas [dwar il-leave parentali] anness jirrappreżenta l-impenn ta’ l-UKIIE, ĊEIP u ta’ KETU biex jistabbilixxu l-ħtiġiet minimi dwar il-leave tal-ġenituri u l-ħin frank mix-xogħol a bażi ta’ forza maġġuri, bħala mezz importanti biex jistgħu jkun rikonċiljati il-ħajja tax-xogħol u tal-familja u biex jippromwovu l-opportunitajiet u trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.”

6

Il-punti 4 sa 6 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ dan il-ftehim qafas kienu jgħidu:

“4.

Billi l-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tipprovdi fil-punt 16 li jitkellem dwar it-trattament ugwali li għandhom ikunu żviluppati miżuri biex jippermettu lill-irġiel u n-nisa li jaqdu flimkien l-obbligi tagħhom tax-xogħol u tal-familji;

5.

Billi r-Rizoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 1994 irrikonoxxiet li politika effettiva ta’ opportunitajiet ugwali tippresupponi strateġija integrata ġenerali li tippermetti l-organizzazzjoni aħjar tal-ħinijiet tax-xogħol u flessibilità akbar, u għal ritorn iktar faċli għall-ħajja tax-xogħol, u nnotat ir-rwol importanti ta’ l-imsieħba soċjali f’dan il-qasam u fl-offerta kemm lill-irġiel u lin-nisa ta’ l-opportunità li jaqdu flimkien ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u l-obbligi familjari;

6.

Billi miżuri biex jiġu rrikonċiljati ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u l-ħajja familjari għandhom jinkoraġġixxu l-introduzzjoni ta’ modi ġodda flessibbli fl-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-ħin li jkunu iktar adatti għall-bżonnijiet qed jinbidlu tas-soċjetà u li tieħu inkonsiderazzjoni l-bżonnijiet kemm ta’ l-impriża kif ukoll talħaddiema”.

7

Il-Klawżola 1 tal-imsemmi ftehim qafas, intitolata “L-Iskop u l-kamp ta’ l-applikazzjoni”, kienet tipprevedi:

“1.

Dan il-ftehim jistabilixxi ħtiġiet minimi intiżi biex jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tar-responsabbilitajiet professjonali u tal-familja għall-ġenituri li jaħdmu.

2.

Dan il-ftehim japplika għall-ħaddiema kollha, rgiel u nisa, li għandhom kuntratt ta’mpjieg jew relazzjoni ta’ xogħol kif definit mill-liġi, ftehim kollettiv jew prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru.”

8

Il-Klawżola 2 tal-istess ftehim qafas, intitolata “Il-Leave tal-ġenituri”, kienet ifformulata kif ġej:

“1.

Dan il-ftehim jagħti, b’riżerva tal-klawsola 2.2, lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa, id-dritt individwali għall-leave tal-ġenituri għar-raġuni tat-twelid jew ta’ l-adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild, għall-anqas għal tliet xhur, sa’ l-età li tista’ tkun ta’ tmien snin li għandha tiġidefinita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali.

[…]

4.

Biex jiżguraw li l-ħaddiema jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tal-leave tal-ġenituri, l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jieħdu il-miżuri neċċessarji biex jipproteġu lill-ħaddiem kontra t-tkeċċija abbażi ta’ applikazzjoni għal, jew minħabba li jittieħed, leave tal-ġenituri skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattiċi nazzjonali.

[…]

6.

Id-drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti mill-ħaddiem fid-data li fiha l-leave tal-ġenituri jibda’ għandhom jibqgħu kif inhuma sa meta jintemm il-leave tal-ġenituri. Fit-tmiem tal-leave tal-ġenituri, dawn id-drittijiet, inkluż kull tibdil ikkawżat mill-liġi, mill-ftehim kollettiv u mill-prattiċi nazzjonali, għandhom japplikaw.

[…]”

Il-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part‑time

9

Il-punti 1 u 2 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas dwar ix-xogħol part‑time”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE tas-7 ta’ April 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 278), jipprevedu:

“1.

Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.

2.

Meta approprjat, il-prinċipju tal-pro rata temporis għandu japplika.”

Id-dritt Franċiż

10

Skont l-Artikolu L. 1233‑71 tal-Kodiċi tax-Xogħol, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”):

“Fl-impriżi jew fl-istabbilimenti ta’ elf impjegat u iktar, kif ukoll fl-impriżi msemmija fl-Artikolu L. 2331‑1 u dawk imsemmija fl-Artikolu L. 2341‑4, meta huma jimpjegaw b’total mill-inqas elf impjegat, il-persuna li timpjega għandha tipproponi lil kull impjegat li fir-rigward tiegħu hija tikkunsidra li tiddikjara t-tkeċċija għal raġuni ekonomika leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid bl-għan li tippermetti lill-impjegat jibbenefika minn miżuri ta’ taħriġ u minn servizzi ta’ unità ta’ appoġġ fil-passi tat-tiftix ta’ impjieg.

It-tul ta’ żmien tal-leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ma jistax jaqbeż disa’ xhur.

Dan il-leave jibda, jekk meħtieġ, b’evalwazzjoni tal-kompetenzi intiża sabiex tippermetti lill-impjegat jiddefinixxi proġett professjonali u, fejn xieraq, li jiddetermina l-miżuri ta’ taħriġ meħtieġa għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tiegħu. Dawn jiġu implimentati matul il-perijodu previst fl-ewwel paragrafu.

Il-persuna li timpjega għandha tiffinanzja dawn il-miżuri kollha.”

11

L-Artikolu L. 1233‑72 tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprevedi:

“Il-leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid jittieħed matul il-preavviż, li l-impjegat huwa meħlus milli jwettaq.

Meta t-tul ta’ żmien tal-leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid jaqbeż it-tul ta’ żmien tal-preavviż it-tmiem ta’ dan tal-aħħar huwa pospost sat-tmiem tal-leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid.

L-ammont tar-remunerazzjoni li jeċċedi t-tul ta’ żmien tal-preavviż huwa ugwali għall-ammont tal-allowance ta’ konverżjoni msemmija fil-punt 3 tal-Artikolu L. 5123‑2. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli L. 5123‑4 u L. 5123‑5 huma applikabbli għal din ir-remunerazzjoni.”

12

L-Artikolu L. 1234‑9 tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprevedi:

“L-impjegat li għandu kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, imkeċċi meta għandu sena ta’ anzjanità mingħajr interruzzjoni fis-servizz tal-istess persuna li timpjega, għandu dritt, ħlief fil-każ ta’ nuqqas serju, għal allowance ta’ tkeċċija.

Il-modalitajiet tal-kalkolu ta’ din l-allowance jiddependu fuq ir-remunerazzjoni grossa li l-impjegat kien jibbenefika minnha qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol. […]”

13

L-Artikolu L. 3123‑13 tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprevedi:

“L-allowance ta’ tkeċċija u l-allowance tal-irtirar tal-persuna impjegata li tkun ħadmet full-time u part-time fl-istess impriża huma kkalkolati proporzjonalment għall-perijodi ta’ impjieg imwettqa skont kull waħda minn dawn iż-żewġ modalitajiet sa mid-dħul tagħha fl-impriża.”

14

L-Artikolu R. 1233‑32 tal-Kodiċi tax-Xogħol, dwar l-allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid, huwa fformulat kif ġej:

“Matul il-perijodu tal-leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid li jaqbeż it-tul ta’ żmien tal-preavviż, l-impjegat jibbenefika minn remunerazzjoni ta’ kull xahar imħallsa mill-persuna li timpjega.

L-ammont ta’ din ir-remunerazzjoni huwa mill-inqas ugwali għal 65 % tar‑remunerazzjoni grossa medja fix-xahar tiegħu suġġetta għall-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu L. 5422‑9 għall-aħħar tnax-il xahar li jippreċedu n-notifika tat-tkeċċija.

Huwa ma jistax ikun inqas minn salarju fix-xahar ugwali għal 85 % tal-prodott tas-salarju minimu ta’ tkabbir previst fl-Artikolu L. 3231‑2 u tan-numru ta’ sigħat li jikkorrispondu għat-tul ta’ żmien kollettiv ta’ xogħol stabbilit fl-impriża.

Huwa lanqas ma jista’ jkun inqas minn 85 % tal-ammont tal-garanzija ta’ remunerazzjoni mħallsa mill-persuna li timpjega skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tal-Liġi Nru 2000‑37 tad-19 ta’ Jannar 2000 dwar it-tnaqqis innegozjat tal-ħin tax-xogħol.

Kull xahar, il-persuna li timpjega tagħti lill-impjegat rendikont li jispeċifika l-ammont u l-modalitajiet tal-kalkolu ta’ din ir-remunerazzjoni.”

15

L-Artikolu R. 1234‑4 tal-Kodiċi tax-Xogħol jistabbilixxi:

“Is-salarju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-allowance ta’ tkeċċija huwa, skont il-formula l-iktar vantaġġuża għall-impjegat:

1° Jew wieħed mit-tnax tar-remunerazzjoni tal-aħħar tnax-il xahar qabel it-tkeċċija;

2° Jew it-terz tal-aħħar tliet xhur. F’dan il-każ, kull primjum jew bonus ta’ natura annwali jew eċċezzjonali, imħallsa lill-impjegat matul dan il-perijodu, jittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-limitu ta’ ammont ikkalkolat b’mod proporzjonat.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Fit-22 ta’ Novembru 1999, RE ġiet irreklutata minn Materials Research Corporation, li saret Praxair MRC, fil-kwalità ta’ assistent kummerċjali, fil‑kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u full‑time. B’emenda tal‑21 ta’ Lulju 2000, dan il-kuntratt ta’ xogħol ġie mibdul f’kuntratt full‑time għal żmien indeterminat, mill-1 ta’ Awwissu 2000.

17

RE bbenefikat minn leave tal-maternità għall-ewwel darba, għall-perijodu bejn l‑4 ta’ Frar u d-19 ta’ Awwissu 2001, segwit minn leave parentali ta’ edukazzjoni, bejn is-6 ta’ Settembru 2001 u s-6 ta’ Settembru 2003. Imbagħad hija bbenefikat mit-tieni leave tal-maternità, għall-perijodu bejn is-6 ta’ Novembru 2007 u s-6 ta’ Ġunju 2008, segwit minn leave parentali ta’ edukazzjoni mill-1 ta’ Awwissu 2008, fil-forma ta’ tnaqqis b’wieħed mill-ħamsa tal-ħin tax-xogħol. Dan il-leave msemmi l-aħħar kellu jintemm fid-29 ta’ Jannar 2011.

18

Fis-6 ta’ Diċembru 2010, RE tkeċċiet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tkeċċija kollettiva għal raġuni ekonomika. Hija aċċettat leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ tul ta’ żmien ta’ disa’ xhur.

19

Wara li rrinunzjat mill-1 ta’ Jannar 2011 għat-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol tagħha, RE telqet b’mod definittiv minn Praxair MRC fis-7 ta’ Settembru 2011.

20

Fit-30 ta’ Settembru 2011, RE adixxiet lill-Conseil de prud’hommes de Toulouse (il-Qorti Industrijali ta’ Toulouse, Franza) sabiex tikkontesta t-tkeċċija tagħha u billi għamlet diversi talbiet, b’mod partikolari għall-ħlas tas-somom ta’ EUR 941.15, bħala ħlas b’lura tal-allowance ta’ tkeċċija, u ta’ EUR 1 423.79, bħala ħlas b’lura tal-allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid.

21

B’sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, din il-qorti ċaħdet dawn iż-żewġ talbiet ta’ RE.

22

B’sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2016, il-Cour d’appel de Toulouse (il-Qorti tal-Appell ta’ Toulouse, Franza) ikkonfermat iċ-ċaħda tal-imsemmija talbiet magħmula minn RE quddiem il-conseil de prud’hommes de Toulouse (il-Qorti Industrijali ta’ Toulouse).

23

Fl-14 ta’ Diċembru 2016, RE ppreżentat appell ta’ kassazzjoni mill-imsemmija sentenza, billi sostniet li l-cour d’appel de Toulouse (il-Qorti tal-Appell ta’ Toulouse) kienet kisret il-punt 6 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali.

24

Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) tosserva li, skont il-ġurisprudenza tagħha, skont l-Artikolu L. 3123‑13 tal-Kodiċi tax-Xogħol, il-kalkolu tal-ammont tal-allowance ta’ tkeċċija dovuta lil RE għandu jsir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod proporzjonali l-perijodi ta’ xogħol imwettqa full‑time u part‑time. Rigward l-allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid, din għandha tiġi stabbilita, skont l-Artikolu R. 1233‑32 tal-Kodiċi tax-Xogħol, abbażi tar-remunerazzjoni grossa medja fix-xahar għall-aħħar tnax-il xahar qabel in-notifika tat-tkeċċija ta’ RE.

25

Din il-qorti tenfasizza madankollu li, fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts (C‑116/08, EU:C:2009:645), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ xoljiment unilaterali mill-persuna li timpjega, mingħajr raġuni serja jew mingħajr l-osservanza tat-terminu legali ta’ preavviż, tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ ħaddiem irreklutat għal żmien indeterminat u full‑time meta dan tal-aħħar kien jibbenefika minn leave parentali part‑time, l-allowance li għandha titħallas lil dan il-ħaddiem ma tistax tiġi stabbilita abbażi tar-remunerazzjoni mnaqqsa li huwa jkun jirċievi meta sseħħ it-tkeċċija. Il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet l-istess interpretazzjoni fis-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Lyreco Belgium (C‑588/12, EU:C:2014:99), rigward il-kalkolu tal-ammont ta’ allowance b’rata fissa ta’ protezzjoni.

26

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punt 6 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali huwiex applikabbli għad-dispożizzjonijiet rigward il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid, li titħallas wara t-tkeċċija tal-ħaddiem ikkonċernat.

27

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, għall-kalkolu tal-ammont tal-allowance ta’ tkeċċija u tal-allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid, il-bażi għandha tkun xogħol imwettaq full‑time, l-assenza ta’ effett dirett tad-direttivi tal-Unjoni Ewropea f’tilwima li hija esklużivament bejn individwi twassal lill-qorti tar-rinviju sabiex tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt nazzjonali tagħha għall-finijiet ta’ interpretazzjoni konformi. Madankollu, l-interpretazzjoni tal-Artikolu L. 3123‑13 tal-Kodiċi tax-Xogħol f’konformità mad-Direttiva 96/34 u mal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali tista’ twassal għal interpretazzjoni contra legem ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, ma huwiex ċert li l-Artikolu R. 1233‑32 tal-Kodiċi tax-Xogħol jista’ jiġi interpretat b’mod konformi mal-punti 4 u 6 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali.

28

Minbarra dan, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 157 TFUE japplika f’tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn il-benefiċċji kkonċernati jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “remunerazzjoni”, fis-sens ta’ dan l-artikolu. Hija tenfasizza li numru kunsiderevolment ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel jagħżlu li jibbenefikaw minn leave parentali part‑time u li minn dan tirriżulta diskriminazzjoni indiretta fir-rigward tal-ħaddiema nisa.

29

Fil-kuntest tal-eżami ta’ elementi oġġettivi li jiġġustifikaw tali diskriminazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti 1 u 2 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part‑time. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza madankollu li, fil-punt 51 tas-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts (C‑116/08, EU:C:2009:645), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li ħaddiem li jibbenefika minn leave parentali part‑time u ħaddiem li jaħdem full‑time ma jinstabux f’sitwazzjoni differenti fir-rigward tal-kuntratt ta’ xogħol inizjali li jorbothom mal-persuna li timpjega.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-Klawżola 2(4) u (6) tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri […] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-applikazzjoni għal persuna impjegata fuq leave parentali part-time fil-mument tat-tkeċċija tagħha ta’ dispożizzjoni ta’ dritt intern bħall-Artikolu L. 3123‑13 tal-Kodiċi tax-Xogħol, dak iż-żmien applikabbli, li jipprovdi li ‘L-allowance ta’ tkeċċija u l-allowance tal-irtirar tal-persuna impjegata li tkun ħadmet full-time u part-time fl-istess impriża huma kkalkolati proporzjonalment mal-perijodi ta’ impjieg imwettqa skont [kull] waħda minn dawn iż-żewġ modalitajiet sa mid-dħul tagħha fl-impriża’?

2)

Il-Klawżola 2(4) u (6) tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri […] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-applikazzjoni għal persuna impjegata part-time fil-mument tat-tkeċċija tagħha ta’ dispożizzjoni ta’ dritt intern bħall-Artikolu R. 1233‑32 tal-Kodiċi tax-Xogħol li jipprovdi li, matul il-perijodu tal-leave għal bidla fl-impjieg li jeċċedi t-tul tal-avviż tat-temm ta’ impjieg, il-persuna impjegata tgawdi minn remunerazzjoni mensili mħallsa mill-persuna li timpjega, li l-ammont tagħha huwa ta’ mill‑inqas 65 % tar-remunerazzjoni mensili gross medja tagħha suġġetta għall-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu L. 5422‑9 tal-aħħar tnax-il xahar qabel in-notifika tat-tkeċċija?

3)

Fl-ipoteżi li tingħata risposta fl-affermattiv għal xi waħda miż-żewġ domandi preċedenti, l-Artikolu 157 [TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet ta’ dritt intern bħall-Artikoli L. 3123‑13 tal-Kodiċi tax-Xogħol, dak iż-żmien applikabbli, u R 1233‑32 tal-istess kodiċi, sa fejn numru kunsiderevolment ogħla ta’ nisa milli rġiel jagħżlu li jgawdu mil-leave parentali part-time u li d-diskriminazzjoni indiretta li tirriżulta minn dan fir-rigward tad-dħul ta’ allowance ta’ tkeċċija u ta’ għoti ta’ leave għal bidla fl-impjieg imnaqqsa meta mqabbel mal-persuni impjegati li ma ħadux leave parentali part-time ma huwiex iġġustifikat minn elementi oġġettivi li bl-ebda mod ma huma diskriminatorji?”

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

31

Bl-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punti 4 u 6 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li, meta ħaddiem irreklutat għal żmien indeterminat u full‑time jitkeċċa fil-mument li fih ikun qed jibbenefika minn leave parentali part‑time, l-allowance ta’ tkeċċija u l-allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid li għandhom jitħallsu lil dan il-ħaddiem jiġu stabbiliti mill‑inqas parzjalment abbażi tar-remunerazzjoni mnaqqsa li huwa jkun jirċievi meta sseħħ it-tkeċċija.

Fuq l-ammissibbiltà

32

Praxair MRC u l-Gvern Franċiż isostnu li, sa fejn it-tilwima fil-kawża prinċipali hija bejn żewġ individwi u fl-assenza tal-possibbiltà li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi interpretata f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, RE ma tistax tinvoka l-Ftehim qafas dwar il-leave parentali sabiex tipprekludi l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni fil-każ li din tal-aħħar tkun tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni domanda ma humiex utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Dawn id-domandi huma għaldaqstant ipotetiċi u, għalhekk, inammissibbli.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex disponibbli l-informazzjoni fattwali u legali neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din tal-aħħar għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, indipendentement minn jekk għandhomx effett dirett (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Barra minn hekk, rigward l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minn din kif ukoll id-dmir tagħhom, skont l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 288 TFUE, li jieħdu l-miżuri kollha, ġenerali jew partikolari, li huma xierqa sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu huma imposti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inkluż, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N, C‑384/17, EU:C:2018:810, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Għall-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jirrikjedi li l-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu dak kollu li huwa fil-kompetenza tagħhom billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnu (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N, C‑384/17, EU:C:2018:810, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Madankollu, dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. B’dan il-mod, l-obbligu, għall-qorti nazzjonali, li tirreferi għall-kontenut tad-dritt tal-Unjoni meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N, C‑384/17, EU:C:2018:810, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, kif huwa indikat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li l-qorti tar-rinviju, minkejja li tesprimi dubji f’dan ir-rigward, ma teskludix il-possibbiltà ta’ interpretazzjoni konformi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fl-ewwel u fit-tieni domanda tagħha. Hija din il-qorti li għandha tiddetermina jekk hijiex f’pożizzjoni li twettaq interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel u t-tieni domanda għandhom jitqiesu bħala ammissibbli.

Fuq il-mertu

41

B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta kemm mill-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali kif ukoll mill-punti 4 u 5 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ dan il-ftehim qafas u mill-punt 1 tal-Klawżola 1 ta’ dan, l-imsemmi ftehim qafas jikkostitwixxi impenn tal-imsieħba soċjali li jistabbilixxu, permezz ta’ rekwiżiti minimi, miżuri intiżi sabiex jippermettu kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa li jikkonċiljaw ir-responsabbiltajiet professjonali tagħhom u l-obbligi tal-familja tagħhom (sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts, C‑116/08, EU:C:2009:645, punt 35, u tas-27 ta’ Frar 2014, Lyreco Belgium, C‑588/12, EU:C:2014:99, punt 30).

42

Skont il-punt 2 tal-Klawżola 1 tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali, dan japplika għall-ħaddiema kollha, irġiel u nisa, li għandhom kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol iddefiniti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew mill-prattiki fis-seħħ f’kull Stat Membru.

43

Huwa stabbilit li dan kien il-każ ta’ RE fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’tali mod li din taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim qafas.

44

Fl-ewwel u t-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-punti 4 u 6 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali. F’dan ir-rigward, il-punt 4 tal-Klawżola 2 tal-imsemmi ftehim qafas jistabbilixxi li, sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-leave parentali, l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipproteġu lill-ħaddiema mit-tkeċċija “abbażi ta’ applikazzjoni għal, jew minħabba li jittieħed, leave tal-ġenituri”, b’mod konformi mal-liġi, mal-ftehim kollettiv jew mal-prattiki nazzjonali.

45

F’dan il-każ, RE tkeċċiet fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva għal raġuni ekonomika. Mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li hija kienet is-suġġett ta’ din it-tkeċċija abbażi tat-talba għal, jew minħabba t-teħid ta’, leave parentali.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domanda fir-rigward tal-punt 4 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali, peress li l-punt 6 tal-Klawżola 2 ta’ dan il-ftehim qafas huwa l-uniku li huwa rilevanti.

47

Skont din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, id-drittijiet miksuba jew li huma fil-proċess li jinkisbu mill-ħaddiem fid-data tal-bidu tal-leave parentali jinżammu fl-istat tagħhom sat-tmiem tal-leave parentali u, fit-tmiem ta’ dan il-leave, dawn id-drittijiet, inkluż il-bdil li ġej mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew mill-prattika nazzjonali, japplikaw.

48

F’dan ir-rigward, jirriżulta kemm mill-formulazzjoni tal-punt 6 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali kif ukoll mill-kuntest li huwa jinsab fih li din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tevita t-telf jew it-tnaqqis tad-drittijiet li ġejjin mir-relazzjoni ta’ xogħol, miksuba jew fil-proċess li jinkisbu, li l-ħaddiem jista’ jinvoka meta huwa jibda leave parentali u li tiggarantixxi li, fit-tmiem ta’ dan il-leave, huwa jerġa’ jsib ruħu, fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet, fl-istess sitwazzjoni li kien fiha qabel l-imsemmi leave (is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts, C‑116/08, EU:C:2009:645, punt 39, u tas-27 ta’ Frar 2014, Lyreco Belgium, C‑588/12, EU:C:2014:99, punt 43).

49

Fid-dawl tal-għan ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa segwit permezz tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali, il-punt 6 tal-Klawżola 2 ta’ dan għandu jinftiehem fis-sens li jesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li huwa ta’ importanza partikolari u li ma jistax, għaldaqstant, jiġi interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts, C‑116/08, EU:C:2009:645, punt 42).

50

Mill-għanijiet tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali jirriżulta li l-kunċett ta’ “drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti”, fis-sens tal-imsemmi punt 6 tal-Klawżola 2, ikopri d-drittijiet u l-vantaġġi kollha, fi flus jew in natura, li ġejjin direttament jew indirettament mir-relazzjoni ta’ xogħol, li l-ħaddiem jista’ jinvoka fir-rigward tal-persuna li timpjega fid-data tal-bidu tal-leave parentali (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts, C‑116/08, EU:C:2009:645, punt 43).

51

Fost tali drittijiet u vantaġġi jinsabu dawk kollha li huma marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ impjieg, bħad-dritt ta’ ħaddiem full‑time li jibbenefika minn leave parentali part‑time għal perijodu ta’ preavviż fil-każ ta’ xoljiment unilaterali, mill-persuna li timpjega, ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, li t-tul ta’ żmien tiegħu jiddependi mill-anzjanità tal-ħaddiem fl-impriża u li l-għan tiegħu huwa li jiġi ffaċilitat it-tiftix ta’ impjieg ġdid (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts, C‑116/08, EU:C:2009:645, punt 44).

52

Huwa minnu li, meta jibbenefika minn leave parentali part‑time, ħaddiem irreklutat fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol full‑time ma jwettaqx l-istess numru ta’ sigħat bħal ħaddiem li jaħdem full‑time. Madankollu, dan il-fatt ma jfissirx li ż-żewġ ħaddiema jinstabu f’sitwazzjoni differenti fir-rigward tal-kuntratt ta’ xogħol inizjali li jorbothom mal-persuna li timpjegahom (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts, C‑116/08, EU:C:2009:645, punt 51).

53

Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward ta’ ħaddiem irreklutat fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol full‑time li jibbenefika minn leave parentali part‑time, ix-xoljiment unilaterali mill-persuna li timpjega għandu jitqies li jirrigwarda l-kuntratt ta’ xogħol full‑time (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts, C‑116/08, EU:C:2009:645, punt 55).

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-punti 6 u 7 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, fil-każ ta’ xoljiment unilaterali mill-persuna li timpjega, mingħajr raġuni serja jew mingħajr l-osservanza tat-terminu legali ta’ preavviż, tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ ħaddiem irreklutat għal żmien indeterminat u full‑time meta dan tal-aħħar kien jibbenefika minn leave parentali part‑time, l-allowance li għandha titħallas lil dan il-ħaddiem tiġi stabbilita abbażi tar-remunerazzjoni mnaqqsa li huwa jkun jirċievi meta sseħħ it-tkeċċija (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2009, Meerts, C‑116/08, EU:C:2009:645, punt 56).

55

F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ allowance ta’ tkeċċija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li din l-allowance titħallas abbażi tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot lill-benefiċjarju tagħha mal-persuna li kienet timpjega lill-imsemmi benefiċjarju. Għaldaqstant, tali allowance taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 6 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali.

56

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, meta ħaddiem irreklutat għal żmien indeterminat u full‑time jitkeċċa waqt li jkun jibbenefika minn leave parentali part‑time, l-allowance ta’ tkeċċija tiegħu għandha tiġi stabbilita kollha kemm hi abbażi tar-remunerazzjoni marbuta max-xogħol imwettaq full‑time minn dan il-ħaddiem.

57

Fil-fatt, leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal għal tnaqqis tad-drittijiet li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ xogħol fil-każ ta’ leave parentali jkollha mnejn tiddisswadi lill-ħaddiem milli jieħu tali leave u tinkoraġġixxi lill-persuna li timpjega sabiex tkeċċi, fost il-ħaddiema, pjuttost dawk li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ leave parentali. Dan imur direttament kontra l-iskop tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali, li wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li jiġu kkonċiljati aħjar il-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts, C‑116/08, EU:C:2009:645, punt 47).

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-punt 6 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timplika t-teħid inkunsiderazzjoni tar-remunerazzjoni mnaqqsa li l-ħaddiem fuq leave parentali part‑time jkun jirċievi meta sseħħ it-tkeċċija, billi tipprevedi li l-allowance ta’ tkeċċija għal ħaddiem li kien jaħdem full‑time u part‑time fl-istess impriża tiġi kkalkolata proporzjonalment għall-perijodi ta’ impjieg imwettqa skont kull waħda minn dawn iż-żewġ modalitajiet sa mid-dħul tiegħu fl-impriża.

59

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din hija marbuta mal-leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fl-impriżi li din il-leġiżlazzjoni tirreferi għalihom, il-persuna li timpjega għandha tipproponi lil kull impjegat li fir-rigward tiegħu hija tikkunsidra li tiddikjara t-tkeċċija għal raġuni ekonomika leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid bl-għan li tippermetti lill-impjegat jibbenefika minn miżuri ta’ taħriġ u minn servizzi ta’ unità ta’ appoġġ fil-passi tat-tiftix ta’ impjieg.

60

Għandu jiġi eżaminat jekk benefiċċju bħalma hija l-allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 6 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali u, fl-affermattiv, jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-imsemmija allowance li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

61

Fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, fid-dawl tal-kundizzjonijiet għall-għoti, benefiċċju bħalma hija l-allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid jikkostitwixxi dritt idderivat mir-relazzjoni ta’ xogħol, li l-ħaddiem jista’ jinvoka fir-rigward tal-persuna li timpjega. Is-sempliċi fatt li l-ħlas ta’ tali allowance ma huwiex ta’ natura awtomatika, sa fejn din għandha tintalab mill-ħaddiem imkeċċi mingħand il-persuna li timpjegah, u li dan il-ħlas iseħħ matul il-perijodu tal-leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid li jeċċedi t-tul ta’ żmien tal-preavviż ma jidhirx li huwa tali li jibdel din il-konstatazzjoni.

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-punt 6 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali huwa applikabbli għal benefiċċju bħalma hija l-allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid.

63

Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ din l-allowance, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li, meta ħaddiem irreklutat għal żmien indeterminat u full‑time jitkeċċa fil-mument li fih ikun qed jibbenefika minn leave parentali part‑time, l-imsemmija allowance tiġi kkalkolata, mill‑inqas, parzjalment, abbażi tar-remunerazzjoni mnaqqsa li huwa jkun qed jirċievi meta sseħħ it-tkeċċija.

64

Issa, bl-istess mod bħal għall-allowance ta’ tkeċċija, benefiċċju bħalma hija l-allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid għandu, skont il-punt 6 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali, jiġi stabbilit kollu kemm hu abbażi tar-remunerazzjoni marbuta max-xogħol imwettaq full‑time minn dan il-ħaddiem.

65

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt 6 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li, meta ħaddiem irreklutat għal żmien indeterminat u full‑time jitkeċċa fil-mument li fih ikun qed jibbenefika minn leave parentali part‑time, l-allowance ta’ tkeċċija u l-allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid li għandhom jitħallsu lil dan il-ħaddiem jiġu stabbiliti mill‑inqas parzjalment abbażi tar-remunerazzjoni mnaqqsa li huwa jkun qed jirċievi meta sseħħ it-tkeċċija.

Fuq it-tielet domanda

66

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 157 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi li, meta ħaddiem irreklutat għal żmien indeterminat u full‑time jitkeċċa fil-mument li fih ikun qed jibbenefika minn leave parentali part‑time, dan il-ħaddiem jirċievi allowance ta’ tkeċċija u allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid stabbiliti mill‑inqas parzjalment abbażi tar-remunerazzjoni mnaqqsa li huwa jkun qed jirċievi meta sseħħ it-tkeċċija, fis-sitwazzjoni fejn numru kunsiderevolment ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel jagħżlu li jibbenefikaw minn leave parentali part‑time u meta d-differenza fit-trattament li tirriżulta minn dan ma tistax tiġi spjegata permezz ta’ fatturi oġġettivament iġġustifikati u li bl-ebda mod ma jiddiskriminaw abbażi tas-sess.

67

B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li peress li l-Artikolu 157 TFUE huwa ta’ natura imperattiva, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa hija imposta mhux biss fuq l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, iżda hija estiża wkoll għall-ftehim kollu intiż sabiex jirregola b’mod kollettiv ix-xogħol b’salarju, kif ukoll għall-kuntratti bejn individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 1976, Defrenne, 43/75, EU:C:1976:56, punt 39, u tat‑18 ta’ Novembru 2004, Sass, C‑284/02, EU:C:2004:722, punt 25).

68

B’dan il-mod, il-prinċipju stabbilit permezz ta’ dan l-artikolu jista’ jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali b’mod partikolari fil-każ ta’ diskriminazzjonijiet li għandhom direttament is-sors tagħhom f’dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew fi ftehim kollettiv kif ukoll fil-każ fejn ix-xogħol jitwettaq fl-istess stabbiliment jew servizz, privat jew pubbiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 1976, Defrenne, 43/75, EU:C:1976:56, punt 40, u tat-13 ta’ Jannar 2004, Allonby, C‑256/01, EU:C:2004:18, punt 45).

69

Skont l-Artikolu 157(2) TFUE, “paga [remunerazzjoni]” tfisser il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe vantaġġi oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, mingħand il-persuna li timpjegah.

70

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “remunerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 157(2) TFUE għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’. Huwa jinkludi, b’mod partikolari, kwalunkwe korrispettiv fi flus jew in natura, attwali jew futur, sakemm il-ħaddiem jirċevih, anki jekk indirettament, mill-persuna li kienet timpjegah abbażi tal-impjieg ta’ dan tal-aħħar, kemm jekk taħt kuntratt ta’ xogħol, taħt dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew fuq bażi volontarja. Barra minn hekk, il-fatt li ċerti benefiċċji jitħallsu wara t-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol ma jeskludix li dawn jistgħu jkollhom in-natura ta’ remunerazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2012, Dittrich et, C‑124/11, C‑125/11 u C‑143/11, EU:C:2012:771, punt 35, kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2018, Bedi, C‑312/17, EU:C:2018:734, punt 33).

71

Fir-rigward tal-allowances mogħtija mill-persuna li timpjega lill-ħaddiem mat-tkeċċija tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li dawn jikkostitwixxu forma ta’ remunerazzjoni ddifferita, li għaliha l-ħaddiem huwa intitolat abbażi tal-impjieg tiegħu, iżda li titħallas lilu fil-mument tal-waqfien tar-relazzjoni tax-xogħol, bl-għan li jiġi ffaċilitat l-adattament tiegħu għaċ-ċirkustanzi l-ġodda li jirriżultaw minn dan (sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1990, Barber, C‑262/88, EU:C:1990:209, punt 13, u tad-19 ta’ Settembru 2018, Bedi, C‑312/17, EU:C:2018:734, punt 35).

72

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li benefiċċji bħalma huma l-allowance ta’ tkeċċija u l-allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid jissodisfaw il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 70 u 71 ta’ din is-sentenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali benefiċċji għandhom jiġu kklassifikati bħala “remunerazzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE.

73

Sabiex jiġi stabbilit jekk teżistix diskriminazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, diskriminazzjoni tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet komparabbli jew fl-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (sentenzi tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie et, C‑342/93, EU:C:1996:46, punt 16, kif ukoll tal-14 ta’ Lulju 2016, Ornano, C‑335/15, EU:C:2016:564, punt 39).

74

F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż isostni li ma hemmx lok li jitqabbel ħaddiem fuq leave parentali part‑time ma’ ħaddiem li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu full‑time, billi jirreferi għall-punt 2 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part‑time, li jgħid “[m]eta approprjat, il-prinċipju tal-pro rata temporis għandu japplika”.

75

Dan il-gvern kif ukoll Praxair MRC jinvokaw ukoll il-punt 63 tas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Gómez‑Limón Sánchez‑Camacho (C‑537/07, EU:C:2009:462), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa ma jipprekludix li, matul il-perijodu ta’ leave parentali part‑time, ħaddiem jikseb drittijiet għal pensjoni tal-invalidità permanenti skont il-ħin tax-xogħol imwettaq u skont is-salarju rċevut, u mhux bħallikieku eżerċita attività full‑time. Għaldaqstant ma hemmx lok li jitqabbel ħaddiem fuq leave parentali part‑time ma’ ħaddiem li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu full‑time.

76

Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, id-drittijiet li jieħdu inkunsiderazzjoni speċifikament is-sitwazzjoni ta’ leave parentali part‑time u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet li ma jirriżultawx speċifikament minn din is-sitwazzjoni.

77

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 53 ta’ din is-sentenza, fir-rigward ta’ ħaddiem irreklutat fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol full‑time li jkun jibbenefika minn leave parentali part‑time, ix-xoljiment unilaterali mill-persuna li timpjega għandu jitqies li jirrigwarda l-kuntratt ta’ xogħol full‑time.

78

Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-punti 51 u 55 tas-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts (C‑116/08, EU:C:2009:645), fir-rigward tad-dritt għal benefiċċji bħall-allowance ta’ tkeċċija u l-allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid, is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem fuq leave parentali part‑time, fir-rigward ta’ tali benefiċċji, hija komparabbli għal dik ta’ ħaddiem full‑time. Tali konstatazzjoni tapplika wkoll fil-kuntest tal-Artikolu 157 TFUE.

79

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 157 TFUE jipprekludi mhux biss l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jistabbilixxu diskriminazzjonijiet direttament ibbażati fuq is-sess, iżda wkoll l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jżommu differenzi fit-trattament bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema b’applikazzjoni ta’ kriterji mhux ibbażati fuq is-sess, meta dawn id-differenzi fit-trattament ma jkunux jistgħu jiġu spjegati b’fatturi oġġettivament iġġustifikati u li bl-ebda mod ma jiddiskriminaw abbażi tas-sess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1994, Helmig et, C‑399/92, C‑409/92, C‑425/92, C‑34/93, C‑50/93 u C‑78/93, EU:C:1994:415, punt 20, kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 2014, Leone, C‑173/13, EU:C:2014:2090, punt 40).

80

B’mod iktar preċiż, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess meta l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali, minkejja li fformulata b’mod newtrali, tqiegħed fi żvantaġġ fil-fatt numru ħafna ogħla ta’ ħaddiema ta’ sess wieħed meta mqabbla mal-ħaddiema tas-sess l-ieħor. Tali miżura hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biss bil-kundizzjoni li d-differenza fit-trattament bejn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema li hija tikkawża tkun iġġustifikata b’fatturi oġġettivi u li bl-ebda mod ma jiddiskriminaw abbażi tas-sess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Leone, C‑173/13, EU:C:2014:2090, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

F’dan il-każ, mill-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija fformulata b’mod newtrali, jirriżulta li, meta ħaddiem irreklutat għal żmien indeterminat u full‑time jitkeċċa fil-mument li fih huwa jkun qed jibbenefika minn leave parentali part‑time, dan il-ħaddiem huwa żvantaġġat meta mqabbel ma’ ħaddiem li jitkeċċa waqt li jkun qed jaħdem full‑time sa fejn, għall-ħaddiem fuq leave parentali part‑time, l-allowance ta’ tkeċċija u l-allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid jiġu stabbiliti mill‑inqas parzjalment abbażi tar-remunerazzjoni mnaqqsa li huwa jkun qed jirċievi fil-mument tat-tkeċċija tiegħu.

82

Il-qorti tar-rinviju tesponi, fit-tielet domanda tagħha, li numru kunsiderevolment ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel jagħżlu li jibbenefikaw minn leave parentali part‑time. Hija tindika fid-deċiżjoni tar-rinviju li, skont l-Avukat Ġenerali fil-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), mill-istatistiċi nazzjonali tax-xahar ta’ Marzu 2016 jirriżulta li, fi Franza, 96 % tal-ħaddiema li jieħdu leave parentali huma nisa.

83

F’tali ipoteżi, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biss bil-kundizzjoni li d-differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema nisa u l-ħaddiema rġiel ikkawżata b’dan il-mod tkun, jekk ikun il-każ, tista’ tiġi ġġustifikata b’fatturi oġġettivi u li bl-ebda mod ma jiddiskriminaw abbażi tas-sess.

84

Jirriżulta, b’mod partikolari, mill-formulazzjoni tat-tielet domanda tagħha, li l-qorti tar-rinviju tqis li din id-differenza fit-trattament ma hijiex iġġustifikata b’tali elementi oġġettivi.

85

Min-naħa tal-Gvern Franċiż, fir-rigward ta’ tali differenza fit-trattament, huwa ma jsostnix, fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, fatturi oġġettivament iġġustifikati b’raġunijiet li bl-ebda mod ma jiddiskriminaw abbażi tas-sess.

86

F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li hija konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa għall-istess xogħol jew għal xogħol tal-istess valur, kif previst fl-Artikolu 157 TFUE.

87

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 157 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi li, meta ħaddiem irreklutat għal żmien indeterminat u full‑time jitkeċċa fil-mument li fih ikun qed jibbenefika minn leave parentali part‑time, dan il-ħaddiem jirċievi allowance ta’ tkeċċija u allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid stabbiliti mill‑inqas parzjalment abbażi tar-remunerazzjoni mnaqqsa li huwa jkun qed jirċievi meta sseħħ it-tkeċċija, fis-sitwazzjoni fejn numru kunsiderevolment ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel jagħżlu li jibbenefikaw minn leave parentali part‑time u meta d-differenza fit-trattament li tirriżulta minn dan ma tistax tiġi spjegata permezz ta’ fatturi oġġettivament iġġustifikati u li bl-ebda mod ma jiddiskriminaw abbażi tas-sess.

Fuq l-ispejjeż

88

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 6 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali, konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal‑Kunsill 96/34/KE tat-3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri [leave parentali] konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC, kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li, meta ħaddiem irreklutat għal żmien indeterminat u full‑time jitkeċċa fil-mument li fih ikun qed jibbenefika minn leave parentali part‑time, l-allowance ta’ tkeċċija u l-allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill‑ġdid li għandhom jitħallsu lil dan il-ħaddiem jiġu stabbiliti mill‑inqas parzjalment abbażi tar-remunerazzjoni mnaqqsa li huwa jkun qed jirċievi meta sseħħ it-tkeċċija.

 

2)

L-Artikolu 157 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi li, meta ħaddiem irreklutat għal żmien indeterminat u full‑time jitkeċċa fil-mument li fih ikun qed jibbenefika minn leave parentali part‑time, dan il-ħaddiem jirċievi allowance ta’ tkeċċija u allowance ta’ leave ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid stabbiliti mill‑inqas parzjalment abbażi tar-remunerazzjoni mnaqqsa li huwa jkun qed jirċievi meta sseħħ it-tkeċċija, fis-sitwazzjoni fejn numru kunsiderevolment ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel jagħżlu li jibbenefikaw minn leave parentali part‑time u meta d-differenza fit-trattament li tirriżulta minn dan ma tistax tiġi spjegata permezz ta’ fatturi oġġettivament iġġustifikati u li bl-ebda mod ma jiddiskriminaw abbażi tas-sess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top