This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0192
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 5 November 2019.#European Commission v Republic of Poland.#Failure of a Member State to fulfil obligations — Second subparagraph of Article 19(1) TEU — Rule of law — Effective judicial protection in the fields covered by EU law — Principles of the irremovability of judges and judicial independence — Lowering of the retirement age of judges of the ordinary Polish courts — Possibility of continuing to carry out the duties of judge beyond the newly set age, by authorisation of the Minister for Justice — Article 157 TFEU — Directive 2006/54/EC — Articles 5(a) and 9(1)(f) — Prohibition of discrimination based on sex in matters of pay, employment and occupation — Establishment of different retirement ages for men and women holding the position of judge of the ordinary Polish courts or of the Sąd Najwyższy (Supreme Court, Poland) or that of public prosecutor in Poland.#Case C-192/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Novembru 2019.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Prinċipji ta’ irremovabbiltà u ta’ indipendenza tal-imħallfin – Tnaqqis tal-età tal-irtirar għal imħallfin fil-qrati ordinarji Pollakki – Possibbiltà li mħallef ikompli fil-kariga tiegħu lil hinn mill-età stabbilita mill-ġdid suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja – Artikolu 157 TFUE – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 5(a) u Artikolu 9(1)(f) – Projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq is-sess fil-qasam tar-remunerazzjoni, tal-impjieg u tax-xogħol – Introduzzjoni ta’ etajiet tal-irtirar differenti għan-nisa u għall-irġiel għal imħallfin fil-qrati ordinarji Pollakki u fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) kif ukoll għal avukati tal-Istat.
Kawża C-192/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Novembru 2019.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Prinċipji ta’ irremovabbiltà u ta’ indipendenza tal-imħallfin – Tnaqqis tal-età tal-irtirar għal imħallfin fil-qrati ordinarji Pollakki – Possibbiltà li mħallef ikompli fil-kariga tiegħu lil hinn mill-età stabbilita mill-ġdid suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja – Artikolu 157 TFUE – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 5(a) u Artikolu 9(1)(f) – Projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq is-sess fil-qasam tar-remunerazzjoni, tal-impjieg u tax-xogħol – Introduzzjoni ta’ etajiet tal-irtirar differenti għan-nisa u għall-irġiel għal imħallfin fil-qrati ordinarji Pollakki u fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) kif ukoll għal avukati tal-Istat.
Kawża C-192/18.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:924
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
5 ta’ Novembru 2019 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Prinċipji ta’ irremovabbiltà u ta’ indipendenza tal-imħallfin – Tnaqqis tal-età tal-irtirar għal imħallfin fil-qrati ordinarji Pollakki – Possibbiltà li mħallef ikompli fil-kariga tiegħu lil hinn mill-età stabbilita mill-ġdid suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja – Artikolu 157 TFUE – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 5(a) u Artikolu 9(1)(f) – Projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq is-sess fil-qasam tar-remunerazzjoni, tal-impjieg u tax-xogħol – Introduzzjoni ta’ etajiet tal-irtirar differenti għan-nisa u għall-irġiel għal imħallfin fil-qrati ordinarji Pollakki u fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) kif ukoll għal avukati tal-Istat”
Fil-Kawża C‑192/18,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil‑15 ta’ Marzu 2018,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Szmytkowska, K. Banks, C. Valero u H. Krämer, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, K. Majcher u S. Żyrek, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Prechal (Relatur), M. Vilaras, E. Regan, P. G. Xuereb u L. S. Rossi, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen, D. Šváby u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ April 2019,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Ġunju 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata:
|
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
It-Trattat UE
2 |
L-Artikolu 2 TUE jaqra kif ġej: “L-Unjoni [Ewropea] hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.” |
3 |
L-Artikolu 19(1) TUE jiddisponi: “Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-qrati speċjalizzati. Hija għandha tara li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati. L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.” |
It-Trattat FUE
4 |
L-Artikolu 157 TFUE jistabbilixxi: “1. Kull Stat Membru għandu jassigura li l-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali, għandu jkun applikat. 2. Għall-għan ta’ dan l-Artikolu, ‘paga’ tfisser il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, minngħand min iħaddmu. […] 3. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, u wara li jikkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw miżuri li jassiguraw l-applikazzjoni tal-prinċpju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa f’materji ta’ impjiegi u xogħol, inklużi l-prinċipji ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali. 4. Bl-għan li tkun assigurata l-ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol, il-prinċipju ta’ trattament indaqs m’għandux ifixkel lil xi Stat Membru milli jżomm jew jadotta miżuri li jipprovdu għal vantaġġi speċifiċi sabiex jagħmilha aktar faċli għal dak is-sess li jkun anqas rappreżentat sabiex jfittex attività professjonali jew sabiex jipprevjeni jew jikkumpensa għal żvantaġġi fil-karrieri professjonali.” |
Il-Karta
5 |
It-Titolu VI tal-Karta, intitolat “Ġustizzja”, jinkludi l-Artikolu 47, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, li jiddisponi: “Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. […] […]” |
6 |
Skont l-Artikolu 51 tal-Karta: “1. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati. 2. Il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta’ l-Unjoni jew ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati.” |
Id-Direttiva 2006/54
7 |
Il-premessi 14 u 22 tad-Direttiva 2006/54 jgħidu:
[…]
|
8 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/54: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol. Għal dan il-għan, hi fiha dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’relazzjoni ma’: […]
[…]” |
9 |
L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
|
10 |
Intitolat “Azzjoni posittiva”, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/54 jipprevedi: “L-Istati Membri jistgħu izommu jew jadottaw mizuri fis-sens ta’ l-Artikolu [157(4) TFUE] bil-ħsieb li tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol.” |
11 |
Il-Kapitolu 2, intitolat “Trattament ugwali fi skemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali”, tat-Titolu II tad-Direttiva 2006/54, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 5, 7 u 9 tagħha. |
12 |
L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jiddisponi: “[…] m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fi skemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali, b’mod partikolari fir-rigward ta’:
[…]” |
13 |
Intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “1. Dan il-Kapitolu japplika għal:
[…] 2. Dan il-Kapitolu japplika wkoll għall-iskemi tal-pensjoni għal kategorija partikolari ta’ ħaddiem bħal dik ta’ l-uffiċjali pubbliċi jekk il-benefiċċji li jitħallsu skond l-istess skema jitħallsu minħabba r-relazzjoni ta’ l-impjieg ma’ min iħaddem fis-settur pubbliku. Il-fatt li tali skema tifforma parti mill-iskema ġenerali ta’ l-istat għandu jkun mingħajr preġudizzju f’ dak ir-rigward.” |
14 |
Skont l-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Eżempji ta’ diskriminazzjoni”: “1. Dispożizzjonijiet kuntrarji għall-prinċipju ta’ trattament ugwali għandhom jinkludu dawk ibbażati fuq is-sess, jew direttament jew indirettament, sabiex: […]
[…]” |
Id-dritt Pollakk
Il-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji
15 |
L-Artikolu 69(1) u (3) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji) tas‑27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. Nru 98, titlu 1070, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qrati Ordinarji”), kien ifformulat kif ġej: “1. Imħallef għandu jirtira meta jagħlaq 67 sena […], sakemm, mhux iktar tard minn sitt xhur qabel ma jagħlaq din l-età, huwa jissottometti stqarrija lill-Ministru għall-Ġustizzja li tindika x-xewqa tiegħu li jkompli fil-kariga tiegħu u jippreżenta ċertifikat, maħruġ skont ir-regoli speċifikati għall-kandidati li japplikaw għal kariga ġudizzjarja, li jikkonferma li s-saħħa tiegħu ma hijiex impediment għat-twettiq tal-funzjonijiet ta’ mħallef. […] 3. Meta imħallef jissottometti stqarrija u jippreżenta ċertifikat fis-sens tal-paragrafu 1, huwa jista’ jeżerċita l-funzjoni tiegħu biss sal-età ta’ 70 sena magħluqa. […]” |
16 |
L-Artikolu 69(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, qabelxejn, ġie emendat mill-ustawa o zmianie ustawy o emeryturach i rentach z Funduszu Ubezpieczeń Społecznych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Pensjonijiet tal-Irtirar u Pensjonijiet Oħra li Jitħallsu mill-Fond tas-Sigurtà Soċjali u Ċerti Liġijiet Oħra) tas‑16 ta’ Novembru 2016 (Dz. U. tal‑2017, titlu 38, iktar ’il quddiem il-“Liġi tas-16 ta’ Novembru 2016”), li naqqset l-età tal-irtirar tal-imħallfin għal 65 sena, kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel. Din l-emenda kellha tidħol fis-seħħ fl‑1 ta’ Ottubru 2017. |
17 |
Madankollu, anki qabel ma din l-emenda daħlet fis-seħħ, l-imsemmi Artikolu 69(1) ġie emendat mill-ġdid permezz tal-punt 1 tal-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Emenda tat‑12 ta’ Lulju 2017, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Ottubru 2017. Bħala konsegwenza tal-imsemmija emenda, l-età tal-irtirar tal-imħallfin ġiet stabbilita għal 60 sena għan-nisa u 65 sena għall-irġiel. |
18 |
Il-paragrafi (b) u (c) tal-punt 26 tal-Artikolu 1 tal-Liġi ta’ Emenda tat‑12 ta’ Lulju 2017 introduċew, barra minn hekk, paragrafu 1b ġdid mal-Artikolu 69 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji filwaqt li emenda l-paragrafu 3 ta’ dan l-aħħar artikolu. |
19 |
Bħala konsegwenza tal-emendi msemmija fiż-żewġ punti preċedenti, l-imsemmi Artikolu 69 kien jipprevedi: “1. Imħallef, fil-każ tan-nisa, għandha tirtira meta tagħlaq 60 sena jew, fil-każ tal-irġiel, meta jagħlaq 65 sena, sakemm, mhux iktar tard minn sitt xhur u mhux qabel tnax-il xahar qabel ma jagħlqu din l-età, huwa jew hija jissottomettu stqarrija lill-Ministru għall-Ġustizzja li tindika x-xewqa tiegħu jew tagħha li jkomplu fil-kariga tiegħu jew tagħha u jippreżentaw ċertifikat, maħruġ skont ir-regoli speċifikati għall-kandidati li japplikaw għal kariga ġudizzjarja, li jikkonferma li s-saħħa tiegħu jew tagħha ma hijiex impediment għat-twettiq tal-funzjonijiet ta’ mħallef. […] 1b. Il-Ministru għall-Ġustizzja jista’ jagħti l-kunsens tiegħu biex imħallef ikompli fil-kariga tiegħu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-użu razzjonali tal-persunal tal-qrati ordinarji u l-bżonnijiet li jirriżultaw mill-ammont ta’ xogħol ta’ qrati individwali. F’sitwazzjoni fejn il-proċedura marbuta mal-kontinwazzjoni tal-imħallef fil-kariga tiegħu għadha ma waslitx fi tmiemha wara li jagħlaq l-età msemmija fil-paragrafu 1, l-imħallef għandu jibqa’ fil-kariga tiegħu sakemm din il-proċedura tintemm. […] 3. Fil-każ li l-Ministru għall-Ġustizzja jagħti l-kunsens imsemmi fl-Artikolu 69(1b), imħallef jista’ jkompli fil-kariga tiegħu biss sakemm jagħlaq 70 sena. […]” |
20 |
Skont l-Artikolu 91 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji: “1. Il-livell ta’ remunerazzjoni tal-imħallfin li jokkupaw karigi ġudizzjarji ekwivalenti għandu jsirlu distinzjoni skont it-tul ta’ servizz jew il-funzjonijiet imwettqa: […] 1c. Is-salarju bażiku annwali tal-imħallfin huwa bbażat fuq ir-remunerazzjoni medja tat-tieni trimestru tas-sena preċedenti, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja (Monitor Polski) […] […] 2. Is-salarju bażiku ta’ mħallef għandu jkun espress fi gradi, li l-livell tagħhom għandu jiġi ddeterminat permezz tal-applikazzjoni ta’ fatturi ta’ multiplikazzjoni għall-bażi ta’ determinazzjoni tas-salarju bażiku msemmi f’paragrafu 1(c). Il-gradi tas-salarju bażiku ta’ karigi ġudizzjarji individwali u l-fatturi ta’ multiplikazzjoni użati biex jiġi ddeterminat il-livell tas-salarju bażiku ta’ mħallfin fi gradi individwali huma stabbiliti fl-anness ta’ din il-liġi. […] […] 7. Iktar minn hekk, ir-remunerazzjoni tal-imħallfin għandu jsirilha distinzjoni ta’ allowance għall-anzjanità li tammonta, mis-sitt sena ta’ servizz, għal 5 % tas-salarju bażiku u li tiżdied kull sena b’1 % sakemm tilħaq l‑20 % tas-salarju bażiku. […]” |
21 |
L-Artikolu 91a tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jiddisponi: “1. Mad-dħul tiegħu fis-servizz, imħallef tas-[Sąd Rejonowy (il-Qorti Distrettwali, il-Polonja)] għandu jirċievi salarju bażiku fl-ewwel grad. Mad-dħul tiegħu fis-servizz, imħallef tas-[Sąd Okręgowy (il-Qorti Reġjonali, il-Polonja)] għandu jirċievi salarju bażiku fir-raba’ grad; jekk kien diġà jirċievi, f’pożizzjoni inferjuri, salarju fir-raba’ jew fil-ħames grad, is-salarju bażiku tiegħu għandu jkun, rispettivament, fil-ħames jew fis-sitt grad. Mad-dħul tiegħu fis-servizz, imħallef tas-[Sąd Apelacyjny (il-Qorti tal-Appell, il-Polonja)] għandu jirċievi salarju bażiku fis-seba’ grad; jekk kien diġà jirċievi, f’pożizzjoni inferjuri, salarju fis-seba’ jew fit-tmien grad, is-salarju bażiku tiegħu għandu jkun, rispettivament, fit-tmien jew fid-disa’ grad. […] […] 3. Is-salarju bażiku ta’ mħallef għandu jiġi stabbilit mill-ogħla grad sussegwenti wara l-konklużjoni ta’ ħames snin servizz f’kariga ġudizzjarja partikolari. 4. Il-perijodu tal-mandat ta’ mħallef awżiljarja għandu jiżdied ma’ dak tal-mandat ta’ mħallef ta’ qorti distrettwali. […]” |
22 |
Il-punt 1 tal-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Emenda tat‑12 ta’ Lulju 2017 emenda il-paragrafu 1 tal-Artikolu 100 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u introduċa il-paragrafi 4a u 4b f’dan l-istess artikolu. Wara dawn l-emendi, l-imsemmi Artikolu 100 kien jiddisponi: “1. Imħallef li kellu jirtira minħabba tibdiliet fis-sistema tal-qrati jew tibdiliet fil-konfini tad-distretti ġudizzjarji għandu jkun intitolat, fil-każ tan-nisa, sakemm l-imħallef tagħlaq l-età ta’ 60 sena, u, fil-każ tal-irġiel, sakemm l-imħallef jagħlaq 65 sena, għal remunerazzjoni fl-ammont ta’ remunerazzjoni rċevuta fil-kariga okkupata l-iktar reċenti. 2. Imħallef li rtira jew li kellu jirtira fuq il-bażi ta’ età, mard jew telf ta’ saħħa għandu jkun intitolat għal remunerazzjoni fl-ammont ta’ 75 % tas-salarju bażiku u l-allowance għat-tul ta’ servizz irċevuta fil-kariga okkupata l-iktar reċenti. 3. Ir-remunerazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiżdiedu skont it-tibdiliet tal-ammont tas-salarju bażiku tal-imħallfin li għadhom jaħdmu. […] 4a. Fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, imħallef irtirat għandu jirċievi ħlas uniku meta, fil-każ tan-nisa, l-imħallef tagħlaq 60 sena, u fil-każ tal-irġiel, meta l-imħallef jagħlaq 65 sena. 4b. Imħallef li rritorna għall-kariga li preċedentement kien jokkupa jew għal kariga ekwivalenti li preċedentement kien jokkupa skont l-Artikolu 71c(4) jew l-Artikolu 74(1a), f’każ li jirtira jew li kellu jirtira, huwa intitolat għal ħlas uniku fl-ammont li jikkonsisti fid-differenza bejn l-ammont tal-ħlas ikkalkolat dakinhar tal-irtirar u l-ammont tal-ħlas diġà mogħti. Fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 l-imħallef għandu jkun intitolat għall-ħlas meta, fil-każ tan-nisa, l-imħallef tagħlaq l-età ta’ 60 sena, u fil-każ tal-irġiel, meta l-imħallef jagħlaq 65 sena.” |
Il-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat
23 |
L-Artikolu 127(1) tal-ustawa Prawo o prokuraturze (il-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat) tat‑28 ta’ Jannar 2016 (Dz. U. tal‑2016, titlu 177), jistabbilixxi: “Sakemm ma huwiex previst mod ieħor f’din il-Liġi, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 69 sa 71, […] l-Artikoli 99 sa 102 […] tal-[Liġi dwar il-Qrati Ordinarji] għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-avukati tal-Istat. […]” |
24 |
Skont l-Artikolu 124 tal-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat: “1. L-ammont ta’ remunerazzjoni tal-avukati tal-Istat li jokkupaw karigi ekwivalenti ta’ avukati tal-Istat għandu jsirlu distinzjoni skont it-tul ta’ servizz jew il-funzjonijiet imwettqa. […] 2. Is-salarju bażiku tal-avukati tal-Istat għandu jiġi espress fi gradi, li l-livell tagħhom għandu jiġi ddeterminat permezz tal-applikazzjoni ta’ fatturi ta’ multiplikazzjoni għall-bażi ta’ determinazzjoni tas-salarju bażiku tal-avukati tal-Istat. 3. Mad-dħul fis-servizz tagħhom, l-avukati tal-Istat għandhom jirċievu:
[…] 5. Is-salarju bażiku ta’ avukat tal-Istat għandu jiġi stabbilit mill-ogħla grad sussegwenti wara l-konklużjoni ta’ ħames snin servizz f’kariga ta’ avukat tal-Istat partikolari. 6. Il-perijodu tal-mandat ta’ avukat tal-Istat awżiljarju għandu jiżdied ma’ dak tal-mandat ta’ avukat tal-Istat f’[Prokuratura Rejonowa (Uffiċċju ta’ Prosekutur Distrettwali)]. […] 11. L-avukati tal-Istat għandhom jirċievu allowance għall-anzjanità, li tirrappreżenta, b’effett mis-sitt sena ta’ servizz, 5 % tas-salarju bażiku attwalment irċevut mill-persuni kkonċernati u din għandha tiżdied sussegwentement b’1 % kull sena, mingħajr, madankollu, ma taqbeż 20 % tas-salarju bażiku. Wara 20 sena ta’ servizz, l-allowance għandha titħallas mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-anzjanità addizzjonali, u għandha tikkorrispondi għal 20 % tas-salarju bażiku attwalment irċevut mill-persuni kkonċernati. […]” |
25 |
Il-punt 3 tal-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Emenda tat‑12 ta’ Lulju 2017 emenda ċerti dispożizzjonijiet oħra tal-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat billi introduċa, b’mod partikolari, riferimenti għal etajiet ġodda għall-irtirar tal-avukati tal-Istat, jiġifieri 60 sena għan-nisa u 65 sena għall-irġiel. |
Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002
26 |
L-Artikolu 30 tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑23 ta’ Novembru 2002 (Dz. U. tal‑2002, Nru. 240, titlu 2052, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002”), stabbilixxa, fil-paragrafu 1 tiegħu, l-età tal-irtirar għal imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għal 70 sena. Madankollu, il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu 30(2) kien jipprevedi li l-imħallfin li jagħmlu talba għall-irtirar setgħu jirtiraw wara li jkunu laħqu l-età ta’ 67 sena. |
27 |
L-Artikolu 30(2) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002, inizjalment, ġie emendat bil-Liġi tas‑16 ta’ Novembru 2016 li naqqset l-età li fiha tali talba setgħet tiġi fformulata għal 65 sena. Madankollu, anki qabel ma din l-emenda daħlet fis-seħħ, din l-istess dispożizzjoni ġiet emendata mill-ġdid bil-punt 2 tal-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Emenda tat‑12 ta’ Lulju 2017. Fil-verżjoni wara din l-aħħar emenda, l-Artikolu 30(2) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002 kien jipprevedi: “L-imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li jagħmlu talba għall-irtirar:
[…]” |
28 |
L-Artikoli 42 u 43 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002 kienu jiddisponu: “Artikolu 42. […] (4) Ir-remunerazzjoni ta’ mħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandha tiġi espressa bħala l-grad bażiku jew il-grad ta’ promozzjoni. Il-grad ta’ promozzjoni għandu jkun 115 % tal-grad awtomatiku. (5) Imħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], mad-dħul tiegħu fis-servizz, għandu jirċievi salarju bażiku ta’ grad awtomatiku. Wara servizz ta’ seba’ snin, is-salarju bażiku ta’ dan l-imħallef għandu jiżdied għall-grad ta’ promozzjoni. […] Artikolu 43. Imħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandu jkun intitolat għal allowance għall-anzjanità li żżid is-salarju bażiku kull sena b’1 %, iżda mingħajr ma jinqabeż l‑20 % ta’ dan is-salarju. Il-perijodu ta’ servizz li fuqu jiddependi l-ammont tal-allowance għandu jinkludi wkoll il-perijodu ta’ servizz jew ir-relazzjoni ta’ impjieg preċedenti għall-għażla tiegħu għal kariga ġudizzjarja [fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], kif ukoll il-perijodi ta’ prattika professjonali bħala avukat, konsulent ġuridiku jew nutar.” |
29 |
L-Artikolu 50 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002 kien ifformulat kif ġej: “Imħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] rtirat għandu jkun intitolat għal remunerazzjoni fl-ammont ta’ 75 % tas-salarju bażiku u tal-allowance għat-tul ta’ servizz rċevuta fil-kariga okkupata l-iktar reċenti. Il-kundizzjonijiet u l-ammonti ta’ din ir-remunerazzjoni għandhom jiġu aġġustati kif xieraq għat-tibdiliet fis-salarju bażiku tal-imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li għadhom jaħdmu.” |
30 |
Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002 tħassret u ġiet issostitwita bl-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, titlu 5, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017”), li daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ April 2018. |
Il-proċedura prekontenzjuża
31 |
Peress li qieset li, minħabba l-adozzjoni tal-paragrafi (b) u (c) tal-punt 26 tal-Artikolu 1 u tal-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Emenda tat‑12 ta’ Lulju 2017, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt, minn naħa, l-Artikolu 157 TFUE kif ukoll l-Artikolu 5(a) u l-Artikolu 9(1)(f) tad-Direttiva 2006/54, u, min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kkunsidrat flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, il-Kummissjoni, fit‑28 ta’ Lulju 2017, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru. Dan tal-aħħar wieġeb b’ittra tal‑31 ta’ Awwissu 2017, li fiha kkontesta kwalunkwe ksur tad-dritt tal-Unjoni. |
32 |
Fit‑12 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn sostniet li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-punt preċedenti kienu jiksru l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, din l-istituzzjoni stiednet lir-Repubblika tal-Polonja sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-imsemmija opinjoni motivata f’terminu ta’ xahar minn meta tirċeviha. Dan l-Istat Membru wieġeb permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Ottubru 2017 li fiha wasal għall-konklużjoni li l-ksur allegat ma kienx jeżisti. |
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
34 |
Wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura li matulha r-Repubblika tal-Polonja ppreżentat risposta u, sussegwentement, kontroreplika bħala tweġiba għar-replika li ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni, il-partijiet ippreżentaw l-argumenti orali tagħhom fis-seduta li nżammet fit‑8 ta’ April 2019. L-Avukat Ġenerali ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fl‑20 ta’ Ġunju 2019, u, konsegwentement, wara din id-data ngħalqet il-fażi orali tal-proċedura. |
35 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Settembru 2019, ir-Repubblika tal-Polonja talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Sabiex issostni t-talba tagħha, hija indikat, essenzjalment, li hija ma taqbilx mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li huma bbażati, b’mod partikolari, kif jirriżulta “mill-kontenut u mill-kuntest” ta’ ċerti punti tagħhom kif ukoll minn punti simili li jirrigwardaw il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali li ġew ippreżentati fil‑11 ta’ April 2019 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:325), ibbażati fuq qari allegatament żbaljat tal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, tas-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), li huwa qari li, barra minn hekk, ma ġiex dibattut bejn il-partijiet. |
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet, li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu r-rwol li jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hija marbuta la minn dawn il-konklużjonijiet u lanqas mill-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu xi jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi kwalunkwe ħin, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma tkunx informata biżżejjed jew meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx diskuss mill-partijiet (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis madankollu, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, permezz tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u tas-seduta li nżammet quddiemha, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi. Hija tirrileva, madankollu, li l-kawża ma għandhiex tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex dibattut mill-partijiet. |
40 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
Fuq ir-rikors
Fuq iż-żamma tas-suġġett tat-tilwima
41 |
Fil-kontroreplika tagħha u matul is-seduta, ir-Repubblika tal-Polonja sostniet li din il-proċedura għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma kienx għad għandha skop minħabba d-dħul fis-seħħ, fit‑23 ta’ Mejju 2018, tal-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz ustawy o Sądzie Najwyższym (il-Liġi li Temenda l-[Liġi dwar il-Qrati Ordinarji], il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura kif ukoll il-[Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017]) tat‑12 ta’ April 2018 (Dz. U. tal‑2018, titlu 848, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑12 ta’ April 2018”). |
42 |
Fir-rigward tal-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 157 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 5(a) u tal-Artikolu 9(1)(f) tad-Direttiva 2006/54, il-punt 4 tal-Artikolu 1 tal-Liġi tat‑12 ta’ April 2018 fil-fatt emenda d-dispożizzjonijiet tal-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Emenda tat‑12 ta’ Lulju 2017 billi ħassar id-differenzi bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-qrati ordinarji Pollakki kif ukoll tal-avukati tal-Istat Pollakk, ħaġa li l-Kummissjoni tikkontesta. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), dawn fil-frattemp kienu ġew issostitwiti b’dawk li jinsabu fil-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017. |
43 |
Fir-rigward tat-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kkunsidrat flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, l-emendi tal-punt 1 tal-Artikolu 13 u tal-paragrafi (b) u (c) tal-punt 26 tal-Artikolu 1 tal-Liġi ta’ Emenda tat‑12 ta’ Lulju 2017, permezz tal-punt 4 tal-Artikolu 1 tal-Liġi tat‑12 ta’ April 2018, kellhom il-konsegwenza li l-Artikolu 69(1b) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji issa jipprevedi li issa huwa l-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura (il-Polonja) u mhux il-Ministru għall-Ġustizzja li għandu jawtorizza li mħallef tal-qrati ordinarji Pollakki jkompli fil-kariga tiegħu lil hinn mill-età ta’ 65 sena. Bis-saħħa tal-imsemmija emendi, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura huwa, barra minn hekk, imsejjaħ li jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward fid-dawl ta’ kriterji differenti minn dawk li sa dak iż-żmien kienu japplikaw fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Ministru għall-Ġustizzja. |
44 |
Min-naħa tagħha, waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat iż-żamma tar-rikors tagħha. |
45 |
F’dan ir-rigward, u mingħajr ma jkun hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-emendi leġiżlattivi invokati mir-Repubblika tal-Polonja jistgħux ikunu temmew, totalment jew parzjalment, in-nuqqasijiet allegati ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa biżżejjed li jitfakkar, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑286/12, EU:C:2012:687, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu kkontestati mill-Kummissjoni permezz ta’ dan ir-rikors kienu għadhom fis-seħħ fid-data meta skada t-terminu stabbilit mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha. Minn dan isegwi li hemm lok, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddeċiedi fuq l-imsemmi rikors. |
Fuq l-ewwel ilment
L-argumenti tal-partijiet
47 |
Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-distinzjonijiet magħmula, fil-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Emenda tat‑12 ta’ Lulju 2017, bejn in-nisa u l-irġiel, f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-età tal-irtirar għall-imħallfin tal-qrati ordinarji Pollakki u għall-avukati tal-Istat Pollakk, u, min-naħa l-oħra, l-età li warajha l-irtirar huwa possibbli fir-rigward tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), jiġifieri, fiż-żewġ każijiet, l-età ta’ 60 sena għan-nisa u ta’ 65 sena għall-irġiel, jikkostitwixxu diskriminazzjonijiet ibbażati fuq is-sess ipprojbiti mill-Artikolu 157 TFUE kif ukoll mill-Artikolu 5(a) u mill-Artikolu 9(1)(f) tad-Direttiva 2006/54. |
48 |
Skont il-Kummissjoni, l-iskemi tal-pensjoni applikabbli għal dawn it-tliet kategoriji ta’ mħallfin jew avukati tal-Istat jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE u fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54, peress li jissodisfaw it-tliet kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri li l-pensjoni ta’ rtirar prevista minn dawn l-iskemi tikkonċerna biss kategorija partikolari ta’ ħaddiema, li hija direttament relatata maż-żmien ta’ servizz imwettaq u li l-ammont tagħha għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-aħħar salarju. |
49 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, l-imsemmija skemi kienu kollha jikkonċernaw kategorija partikolari ta’ ħaddiema. It-tieni nett, l-ammont tal-pensjoni ta’ rtirar tal-persuni kkonċernati huwa kkalkolat abbażi tar-remunerazzjoni rċevuta għall-aħħar pożizzjoni li kienet okkupata peress li dan huwa stabbilit għal 75 % tal-imsemmija remunerazzjoni. It-tielet nett, din il-pensjoni tiddependi direttament miż-żmien ta’ servizz imwettaq peress li mid-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli jirriżulta li n-numru ta’ snin ta’ servizz jikkostitwixxi fattur deċiżiv għall-kalkolu ta’ kull wieħed miż-żewġ komponenti ta’ din l-istess remunerazzjoni, jiġifieri s-salarju bażiku, minn naħa, u l-allowance għall-anzjanità, min-naħa l-oħra. |
50 |
Issa, kemm l-Artikolu 157 TFUE kif ukoll l-Artikolu 5(a) u l-Artikolu 9(1)(f) tad-Direttiva 2006/54 jipprekludu l-iffissar ta’ kundizzjonijiet ta’ età differenti skont is-sess għall-għoti ta’ tali pensjonijiet. |
51 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li d-distinzjonijiet kontenzjużi ma jikkostitwixxux miżuri ta’ azzjoni pożittiva awtorizzati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 157(4) TFUE u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/54. |
52 |
Min-naħa tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, prinċipalment, li l-iskemi tal-pensjoni inkwistjoni ma jaqgħu la taħt l-Artikolu 157 TFUE u lanqas taħt id-Direttiva 2006/54, iżda taħt id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad‑19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215), li l-Artikolu 7(1)(a) tagħha jipprevedi l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar direttiva l-kwistjoni tal-iffissar tal-età tal-irtirar bl-għoti ta’ pensjoni. Fil-fatt, dawn l-iskemi ma jissodisfawx wieħed mit-tliet kriterji msemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, jiġifieri li l-pensjoni inkwistjoni għandha tiddependi direttament miż-żmien ta’ servizz imwettaq. |
53 |
Il-fatt li l-allowance għall-anzjanità hija limitata għal 20 % tas-salarju bażiku u li tali limitu jintlaħaq wara 20 sena ta’ karriera jimplika, fil-fatt, li l-perijodu ta’ servizz għandu importanza sekondarja biss għall-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni. |
54 |
Fir-rigward tas-salarju bażiku, fid-dawl tal-fatt li, mad-dħul tiegħu fis-servizz mas-Sąd Rejonowy (il-Qorti Distrettwali) jew mal-Prokuratura Rejonowa (l-Uffiċċju ta’ Prosekutur Distrettwali), imħallef jew avukat tal-Istat għandu jirċievi remunerazzjoni ffissata għall-grad bażiku u li dan għandu jibbenefika minn salarju bażiku ta’ grad immedjatament ogħla wara ħames snin f’tali pożizzjoni, kull imħallef jew avukat tal-Istat għandu jibbenefika mill-ħames grad ta’ promozzjoni, jiġifieri l-ogħla wieħed, wara 20 sena ta’ servizz. Il-ksib ta’ gradi ta’ promozzjoni minħabba t-trasferiment għal livell ogħla ta’ funzjonijiet jiddependi minn promozzjonijiet individwali tal-imħallfin jew avukati tal-Istat ikkonċernati u għalhekk ma huwiex direttament marbut maż-żmien ta’ servizz imwettaq. |
55 |
Għalhekk, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, l-imħallfin u l-avukati tal-Istat kollha, irġiel u nisa, inklużi dawk li preċedentement eżerċitaw attivitajiet professjonali oħra li jikkwalifikaw bħala mandat ta’ mħallef jew ta’ avukat tal-Istat, għandhom jibbenefikaw mill-allowance għall-anzjanità massimu u mis-salarju bażiku miżjud għall-massimu ferm qabel ma jkunu laħqu l-età tal-irtirar. Dan għandu l-konsegwenza li d-differenza fl-età tal-irtirar bejn l-irġiel u n-nisa introdotta mil-Liġi ta’ Emenda tat‑12 ta’ Lulju 2017 ma għandha l-ebda impatt fuq l-ammont tal-pensjoni ta’ rtirar li dawn l-imħallfin jew avukati tal-Istat għandhom jirċievu, u dan jgħodd anki fil-każ ta’ rtirar kmieni, peress li dan tal-aħħar ikun fil-fatt ikkundizzjonat mir-rekwiżit li jkun jista’ jiġi ġġustifikat b’tal-inqas 25 snin ta’ karriera professjonali. |
56 |
Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, meta d-dispożizzjonijiet ikkontestati mill-Kummissjoni kienu għadhom fis-seħħ, kienu jeżistu dispożizzjonijiet tranżitorji, jiġifieri dawk previsti fl-Artikolu 26(1) u (2) tal-Liġi tas‑16 ta’ Novembru 2016, li abbażi tagħhom l-imħallfin jew l-avukati tal-Istat kollha, kemm nisa kif ukoll irġiel, imsemmija fil-Liġi ta’ Emenda tat‑12 ta’ Lulju 2017 u li laħqu l-età ta’ 60 sena għan-nisa jew 65 sena għall-irġiel sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ April 2018, setgħu jibbenefikaw mill-età tal-irtirar kif kienet stabbilita qabel, identika għall-irġiel u għan-nisa, suġġetta għas-sempliċi preżentazzjoni ta’ stqarrija fit-termini legali preskritti u mingħajr bżonn ta’ ebda awtorizzazzjoni min-naħa ta’ xi awtorità. |
57 |
Sussidjarjament, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati jikkostitwixxu “miżuri ta’ azzjoni pożittiva awtorizzati” skont l-Artikolu 157(4) TFUE u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/54. Fil-fatt, minħabba r-rwol soċjali partikolari tagħhom marbut mal-maternità u mal-edukazzjoni tat-tfal, in-nisa jkollhom iktar diffikultajiet sabiex jinvolvu ruħhom b’mod kontinwu f’karriera professjonali b’tali mod li jibbenefikaw minn promozzjonijiet professjonali inqas ta’ spiss mill-irġiel. Issa, l-interess pubbliku jeżiġi li r-rekwiżiti stabbiliti għal tali promozzjonijiet jibqgħu għolja u uniformi, ħaġa li tagħmilha impossibbli li jkun hemm l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ flessibbiltà speċifiċi sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom in-nisa sabiex jevolvu l-karriera tagħhom. Il-possibbiltà ta’ rtirar kmieni għalhekk tikkostitwixxi kumpens indirett għall-inkonvenjenzi li dawn normalment ġarrbu. |
L-ewalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
58 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 157(1) TFUE, kull Stat Membru għandu jiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ remunerazzjoni ugwali għall-ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa għall-istess xogħol jew għal xogħol tal-istess valur. Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 157(2) TFUE, ir-remunerazzjoni hija ddefinita bħala r-remunerazzjoni jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, mingħand il-persuna li timpjegah. |
59 |
Sabiex jiġi evalwat jekk pensjoni ta’ rtirar taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE, huwa biss il-kriterju bbażat fuq il-konstatazzjoni li l-pensjoni titħallas lill-ħaddiem minħabba r-relazzjoni ta’ xogħol li torbtu mal-persuna li kienet timpjegah preċedentement, jiġifieri, il-kriterju tal-impjieg, ibbażat fuq il-kliem stess tal-imsemmi artikolu, li jista’ jkun ta’ natura determinanti (sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2019, E.B., C‑258/17, EU:C:2019:17, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Benefiċċji mogħtija taħt skema tal-pensjoni, li essenzjalment hija relatata mal-impjieg tal-persuna kkonċernata, jifformaw parti mir-remunerazzjoni li din il-persuna tirċievi u jaqgħu fil-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑559/07, mhux ippubblikata, EU:C:2009:198, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
60 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, taqa’ b’mod partikolari fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE l-pensjoni li taffettwa biss kategorija partikolari ta’ ħaddiema, li hija direttament relatata mal-perijodu ta’ servizz imwettaq u li l-ammont tagħha huwa kkalkolat abbażi tal-aħħar salarju (sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2019, E.B., C‑258/17, EU:C:2019:17, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
F’dan il-każ, l-imħallfin tal-qrati ordinarji Pollakki, l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u l-avukati tal-Istat Pollakk li għalihom japplikaw it-tliet skemi tal-pensjoni inkwistjoni għandhom jitqiesu bħala kategoriji partikolari ta’ ħaddiema fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta, fil-fatt, li uffiċjali li jibbenefikaw minn skema tal-pensjoni huma distinti minn ħaddiema miġbura f’impriża jew fi grupp ta’ impriżi, f’qasam ekonomiku jew f’settur professjonali jew interprofessjonali biss minħabba l-karatteristiċi speċifiċi li jirregolaw ir-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom mal-Istat, ma’ korpi jew persuni pubbliċi oħra li jimpjegaw (sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2001, Griesmar, C‑366/99, EU:C:2001:648, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑559/07, mhux ippubblikata, EU:C:2009:198, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
62 |
Huwa wkoll stabbilit li, f’dan il-każ, l-ammont tal-pensjoni ta’ rtirar imħallsa lil kull waħda minn dawn it-tliet kategoriji ta’ mħallfin jew avukati tal-Istat ikkonċernati huwa kkalkolat abbażi tal-aħħar salarju tal-persuni kkonċernati. Fil-fatt, mill-Artikolu 100(2) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, mill-Artikolu 127(1) tal-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, li jirreferi għall-imsemmi Artikolu 100, u mill-Artikolu 50 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002 jirriżulta li l-ammont tal-pensjoni mħallsa lil dawn l-imħallfin jew avukati tal-Istat huwa ffissat għal 75 % tas-salarju bażiku u tal-allowance għall-anzjanità li dawn jirċievu skont l-aħħar pożizzjoni okkupata. |
63 |
Fir-rigward tal-kwistjoni jekk tali pensjonijiet humiex direttament relatati mal-perijodu ta’ servizz imwettaq mill-persuni kkonċernati, hemm lok li jiġi kkonstatat, minn naħa, li mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 91(1) u mill-Artikolu 91a(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, mill-Artikolu 124(1) u (5) tal-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat u mill-Artikolu 42(4) u (5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002 jirriżulta li l-ammont tas-salarju bażiku li jikkostitwixxi wieħed miż-żewġ komponenti tal-aħħar remunerazzjoni li għaliha hija applikata perċentwali ta’ 75 % sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-pensjoni li għandu jitħallas lil dawn il-kategoriji differenti ta’ mħallfin jew avukati tal-Istat jinbidel, b’mod partikolari, skont l-anzjanità tal-imħallfin jew avukati tal-Istat ikkonċernati. |
64 |
Min-naħa l-oħra, u fir-rigward tal-komponent l-ieħor ta’ din ir-remunerazzjoni tal-aħħar, jiġifieri l-allowance għall-anzjanità, mill-Artikolu 91(7) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, mill-Artikolu 124(11) tal-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, u mill-Artikolu 43 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002 jirriżulta li n-numru ta’ snin ta’ servizz jidħol fil-kalkolu ta’ din l-allowance, peress li din tammonta għal 5 % tas-salarju bażiku wara ħames snin ta’ servizz u li din tiżdied sussegwentement b’punt wieħed għal kull sena ta’ servizz għal ħmistax‑il sena. |
65 |
Barra minn hekk, u kif osservat il-Kummissjoni, l-allowance għall-anzjanità, peress li din stess tikkostitwixxi perċentwali tal-ammont ta’ dan is-salarju bażiku, li jinbidel skont l-anzjanità tal-imħallfin jew avukati tal-Istat ikkonċernati, hija kkalkolata wkoll skont il-perijodu ta’ servizz imwettaq mill-persuni kkonċernati. |
66 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-diversi ċirkustanzi invokati mir-Repubblika tal-Polonja msemmija fil-punti 53 sa 55 ta’ din is-sentenza ma humiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-pensjonijiet imħallsa taħt l-iskemi tal-pensjoni inkwistjoni jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “remunerazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE. |
67 |
Fil-fatt, tali ċirkustanzi ma jaffettwaw la l-fatt li, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 63 sa 65 ta’ din is-sentenza, it-tul tas-servizz imwettaq mill-persuni kkonċernati għandu f’dan il-każ rwol determinanti fil-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tagħhom u lanqas il-fatt li l-pensjonijiet imħallsa taħt l-iskemi tal-pensjoni kkonċernati jiddependu, fil-parti l-kbira, mill-impjieg li kellhom il-persuni kkonċernati, li, skont il-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxi l-kriterju determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala “remunerazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Settembru 1994, Beune, C‑7/93, EU:C:1994:350, punti 5 u 46; tad‑29 ta’ Novembru 2001, Griesmar, C‑366/99, EU:C:2001:648, punti 33 sa 35, kif ukoll tat‑12 ta’ Settembru 2002, Niemi, C‑351/00, EU:C:2002:480, punti 45 u 55). |
68 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, barra minn hekk, li, kif sostniet il-Kummissjoni, din ir-rabta bejn il-pensjoni u l-impjieg eżerċitat mill-persuni kkonċernati hija msaħħa iktar mill-fatt li mill-Artikolu 100(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, mill-Artikolu 127(1) tal-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, li jirreferi għall-imsemmi Artikolu 100, u mill-Artikolu 50 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002 jirriżulta li l-pensjonijiet ikkonċernati huma s-suġġett ta’ rivalorizzazzjonijiet li huma stess jiddependu fuq il-bdil fir-remunerazzjoni tal-imħallfin jew avukati tal-Istat li għadhom jaħdmu. |
69 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li pensjonijiet imħallsa taħt skemi bħal dawk stabbiliti mil-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, mil-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat u mil-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002 jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE. |
70 |
Fir-rigward tad-Direttiva 2006/54, b’mod partikolari l-Artikolu 5(a) u l-Artikolu 9(1)(f) tagħha, li l-Kummissjoni tallega wkoll il-ksur tagħhom, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet jinsabu, it-tnejn li huma, fil-Kapitolu 2 tat-Titolu II tal-imsemmija direttiva, fejn dan il-kapitolu jinkludi, kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, dispożizzjonijiet iddedikati għall-ugwaljanza fit-trattament fl-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali. |
71 |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/54, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmi Kapitolu 2, jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li dan il-kapitolu japplika b’mod partikolari għall-iskemi tal-pensjoni intiżi għal kategorija partikolari ta’ ħaddiema, bħal dik tal-uffiċjali, jekk il-benefiċċji li jitħallsu skont tali skema jitħallsu minħabba r-relazzjoni ta’ impjieg mal-persuna pubblika li timpjega. |
72 |
F’dan ir-rigward, mill-premessa 14 tad-Direttiva 2006/54 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jieħu konjizzjoni tal-fatt li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, skema tal-pensjoni għall-uffiċjali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ remunerazzjoni ugwali stabbilit fl-Artikolu 157 TFUE jekk il-benefiċċji li jitħallsu skont din l-iskema jitħallsu lill-ħaddiem minħabba r-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu mal-persuna pubblika li timpjega, peress li tali kundizzjoni tkun issodisfatta jekk l-imsemmija skema tal-pensjoni tikkonċerna kategorija partikolari ta’ ħaddiema u jekk il-benefiċċji jkunu direttament relatati mal-perijodu ta’ servizz imwettaq u kkalkolati abbażi tal-aħħar salarju tal-uffiċjal. |
73 |
Issa, mill-punti 61 sa 69 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-tliet skemi tal-pensjoni kkonċernati minn dan ir-rikors jissodisfaw l-imsemmija kundizzjonijiet, b’tali mod li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Kapitolu 2 tat-Titolu II tad-Direttiva 2006/54 u, għaldaqstant, taħt l-Artikoli 5 u 9 tagħha. |
74 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li l-Artikolu 157 TFUE jipprojbixxi kull diskriminazzjoni fil-qasam ta’ remunerazzjoni bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa irrispettivament mill-mekkaniżmu li jiddetermina din l-inugwaljanza. Skont din l-istess ġurisprudenza, l-iffissar ta’ kundizzjoni ta’ età differenti skont is-sess għall-għoti ta’ pensjoni li tikkostitwixxi remunerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE tmur kontra din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 1990, Barber, C‑262/88, EU:C:1990:209, punt 32; tat‑12 ta’ Settembru 2002, Niemi, C‑351/00, EU:C:2002:480, punt 53, kif ukoll tat‑13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑46/07, mhux ippubblikata, EU:C:2008:618, punt 55). |
75 |
Fir-rigward tal-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2006/54, dan jistabbilixxi li kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess hija pprojbita fl-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal tali skemi. |
76 |
Fir-rigward tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, dan l-artikolu jidentifika ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet li, meta jkunu bbażati fuq is-sess, kemm direttament, kif ukoll indirettament, għandhom jiġu kklassifikati fost id-dispożizzjonijiet kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dan huwa b’mod partikolari l-każ, kif jirriżulta mill-punt (f) tal-imsemmija dispożizzjoni, tad-dispożizzjonijiet li huma bbażati fuq is-sess sabiex jiġu imposti etajiet differenti għall-irtirar. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li r-regoli fil-qasam tal-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali li tirreferi għalihom l-imsemmija dispożizzjoni imorru kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit mid-Direttiva 2006/54 (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2014, X, C‑318/13, EU:C:2014:2133, punt 48). |
77 |
Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li d-dispożizzjonijiet tal-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Emenda tat‑12 ta’ Lulju 2017, minħabba li dawn jistabbilixxu l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-qrati ordinarji u tal-avukati tal-Istat, rispettivament, għal 60 sena għan-nisa u għal 65 sena għall-irġiel, u peress li dawn jawtorizzaw il-possibbiltà ta’ rtirar kmieni tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) mill-età ta’ 65 sena għall-irġiel u minn 60 sena għan-nisa, huma bbażati fuq is-sess sabiex jiġu imposti etajiet differenti għall-irtirar. |
78 |
B’dan il-mod, l-imsemmija dispożizzjonijiet jintroduċu kundizzjonijiet direttament diskriminatorji bbażati fuq is-sess fl-iskemi tal-pensjoni kkonċernati, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-mument li fih il-persuni kkonċernati jistgħu jibbenefikaw minn aċċess effettiv għall-vantaġġi previsti minn dawn l-iskemi, b’tali mod li jiksru kemm l-Artikolu 157 TFUE kif ukoll l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2006/54, b’mod partikolari l-punt (a) tiegħu, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1)(f) ta’ din l-istess direttiva. |
79 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja li l-iffissar, għall-irtirar, ta’ tali kundizzjonijiet ta’ età differenti skont is-sess huwa ġġustifikat mill-għan li jiġu eliminati diskriminazzjonijiet għad-detriment tan-nisa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan ma jistax jintlaqa’. |
80 |
Anki jekk l-Artikolu 157(4) TFUE jawtorizza lill-Istati Membri li jżommu jew li jadottaw miżuri li jipprevedu vantaġġi speċifiċi intiżi għall-prevenzjoni jew sabiex jikkumpensaw għal żvantaġġi fil-karriera professjonali, sabiex tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja professjonali, minn dan ma jistax jiġi dedott li din id-dispożizzjoni tippermetti l-iffissar ta’ tali kundizzjonijiet ta’ età differenti skont is-sess. Fil-fatt, il-miżuri nazzjonali koperti mill-imsemmija dispożizzjoni għandhom, fi kwalunkwe każ, jikkontribwixxu sabiex jgħinu lin-nisa jkollhom il-ħajja professjonali tagħhom fuq bażi ugwali għall-irġiel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2001, Griesmar, C‑366/99, EU:C:2001:648, punt 64, u tat‑13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑46/07, mhux ippubblikata, EU:C:2008:618, punt 57). |
81 |
Issa, l-iffissar, għall-irtirar, ta’ kundizzjoni ta’ età differenti skont is-sess ma huwiex ta’ natura li jikkumpensa għall-iżvantaġġi li għalihom huma esposti l-karrieri tal-uffiċjali nisa billi jgħinu lil dawn in-nisa fil-ħajja professjonali tagħhom u billi jagħtuhom rimedju għall-problemi li jistgħu jiltaqgħu magħhom matul il-karriera professjonali tagħhom (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑46/07, mhux ippubblikata, EU:C:2008:618, punt 58). |
82 |
Għar-raġunijiet esposti fiż-żewġ punti preċedenti, tali miżura ma tistax tiġi awtorizzata abbażi tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/54. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni u mill-premessa 22 ta’ din id-direttiva, il-miżuri li tirreferi għalihom l-imsemmija dispożizzjoni huma biss dawk li jawtorizza l-Artikolu 157(4) TFUE nnifsu. |
83 |
Fir-raba’ lok, u fir-rigward tal-miżuri tranżitorji li għamlet riferiment għalihom ir-Repubblika tal-Polonja fil-kontroreplika tagħha u matul is-seduta, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-imsemmija miżuri setgħu, fi kwalunkwe każ u skont l-ammissjoni tal-imsemmi Stat Membru huwa stess, jibbenefikaw minnhom biss l-imħallfin jew avukati tal-Istat nisa li laħqu l-età ta’ 60 sena qabel it‑30 ta’ April 2018. Għalhekk, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-data rilevanti sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan ir-rikors, jiġifieri, kif ġie mfakkar fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza, dik li fiha skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, kienu għadhom jeżistu d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq is-sess li l-Kummissjoni tilmenta dwarhom. |
84 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel ilment tal-Kummissjoni, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 157 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 5(a) u tal-Artikolu 9(1)(f) tad-Direttiva 2006/54, għandu jintlaqa’. |
Fuq it-tieni lment
Fuq il-portata tal-ilment
85 |
Matul is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li, permezz tat-tieni lment tagħha, hija essenzjalment talbet li jiġi kkonstatat il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “protezzjoni ġudizzjarja effettiva” imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu fil-fatt jiġi interpretat fid-dawl tal-kontenut tal-Artikolu 47 tal-Karta u, b’mod partikolari, tal-garanziji inerenti fid-dritt għal rimedju effettiv kif previst minn din l-aħħar dispożizzjoni, b’tali mod li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet timplika li għandha tiġi żgurata ż-żamma tal-indipendenza ta’ qrati bħalma huma l-qrati ordinarji Pollakki li lilhom b’mod partikolari jiġi fdat il-kompitu tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. |
86 |
Għaldaqstant, sabiex tittieħed deċiżjoni dwar dan l-ilment, hemm lok li jiġi eżaminat jekk ir-Repubblika tal-Polonja naqsitx milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. |
L-argumenti tal-partijiet
87 |
Billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), il-Kummissjoni ssostni li, sabiex tissodisfa l-obbligu impost fuqha mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li tipprovdi sistema ta’ rimedji li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, ir-Repubblika tal-Polonja hija marbuta, b’mod partikolari, li tiżgura li l-istanzi nazzjonali li, bħall-qrati ordinarji Pollakki, jistgħu jiddeċiedu fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-imħallfin, peress li dan tal-aħħar jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq kif jirriżulta, b’mod partikolari, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
88 |
Issa, skont il-Kummissjoni, bit-tnaqqis, fil-punt 1 tal-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Emenda tat‑12 ta’ Lulju 2017, tal-età tal-irtirar applikabbli għall-imħallfin tal-qrati ordinarji Pollakki għal 65 sena għall-irġiel u għal 60 sena għan-nisa, billi tat lill-Ministru għall-Ġustizzja s-setgħa li jiddeċiedi dwar jekk tingħatax estensjoni tal-perijodu tal-mandat tagħhom ta’ mħallfin sal-età ta’ 70 sena, skont il-paragrafi (b) u (c) tal-punt 26 tal-Artikolu 1 tal-imsemmija liġi, ir-Repubblika tal-Polonja kisret l-obbligu msemmi fil-punt preċedenti. |
89 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-kriterji li abbażi tagħhom il-Ministru għall-Ġustizzja huwa mitlub jieħu d-deċiżjoni tiegħu huma wisq vagi u li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jobbligawhx, barra minn hekk, la li jawtorizza lill-imħallfin ikkonċernati jkomplu fil-kariga tagħhom abbażi tal-imsemmija kriterji u lanqas li jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu skont dawn il-kriterji, peress li l-imsemmija deċiżjoni barra minn hekk ma tistax tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. L-imsemmija dispożizzjonijiet lanqas ma jispeċifikaw f’liema terminu u lanqas f’kemm żmien għandha tittieħed din id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja u jekk din tistax jew għandhiex, jekk ikun il-każ, tiġġedded. |
90 |
Skont il-Kummissjoni, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali li għandu l-Ministru għall-Ġustizzja, il-prospett li jkollok tindirizzah sabiex titlob tali estensjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef u, ladarba ssir tali talba, is-sitwazzjoni ta’ stennija għad-deċiżjoni tal-Ministru għal perijodu ta’ żmien mhux speċifikat jistgħu jiġġeneraw, fuq l-imħallef ikkonċernat, pressjoni li tista’ twasslu sabiex ikun konformi max-xewqat tas-setgħa eżekuttiva fir-rigward tal-kawżi li huwa adit bihom, inkluż meta jkun meħtieġ jinterpreta u japplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati għalhekk jippreġudikaw l-indipendenza personali u funzjonali tal-maġistrati li għadhom jaħdmu. |
91 |
Fil-fehma tal-Kummissjoni, dawn l-istess dispożizzjonijiet jippreġudikaw ukoll l-irremovabbiltà tal-maġistrati kkonċernati. Il-Kummissjoni tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-ilment tagħha jikkonċerna mhux il-miżura tat-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin bħala tali, iżda l-fatt li dan it-tnaqqis f’dan il-każ kien akkumpanjat bl-għoti ta’ setgħa diskrezzjonali lill-Ministru għall-Ġustizzja. Skont il-Kummissjoni, l-imħallfin għandhom fil-fatt jiġu protetti kontra kull deċiżjoni li ċċaħħadhom b’mod arbitrarju mid-dritt li jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom, mhux biss f’każ ta’ telf formali tal-istatus tagħhom li jirriżulta, pereżempju, minn revoka, iżda wkoll meta teżisti l-kwistjoni dwar jekk tingħatax estensjoni ta’ tali eżerċizzju wara li jkunu laħqu l-età tal-irtirar filwaqt li huma stess jixtiequ jkomplu jaħdmu u l-istat ta’ saħħa tagħhom jippermetti dan. |
92 |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li l-argument imressaq mir-Repubblika tal-Polonja li d-dispożizzjonijiet ikkontestati kellhom l-għan li jallinjaw l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-qrati ordinarji Pollakki mal-età ġenerali tal-irtirar applikabbli għall-ħaddiema huwa infondat peress li ma jista’ jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin. Fi kwalunkwe każ, l-iskema ġenerali ta’ rtirar twassal, b’differenza għas-sistema kkontestata li tapplika għall-imħallfin tal-qrati ordinarji kkontestata, mhux għall-irtirar awtomatiku tal-ħaddiema iżda biss għad-dritt, u mhux għall-obbligu, li ma jibqgħux jaħdmu. Barra minn hekk, mill-white paper tat‑8 ta’ Marzu 2018 ippubblikata mill-Gvern Pollakk u ddedikata għar-riforma tal-qrati Pollakki, jirriżulta li l-għan tat-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin kien, b’mod partikolari, li jeskludi ċerti kategoriji ta’ mħallfin. |
93 |
Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, fl-ewwel lok, li r-regoli nazzjonali bħal dawk li tikkontesta l-Kummissjoni fir-rikors tagħha jirrigwardaw l-organizzazzjoni u l-funzjonament tajjeb tal-ġustizzja nazzjonali, li jaqgħu mhux taħt id-dritt tal-Unjoni jew taħt il-kompetenza ta’ din tal-aħħar, iżda taħt il-kompetenza esklużiva u taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Tali regoli nazzjonali għalhekk ma jistgħux jiġu mistħarrġa fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, mingħajr ma jestendu b’mod eċċessiv il-portata tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li fil-fatt huma intiżi sabiex japplikaw biss f’sitwazzjonijiet irregolati minn dan id-dritt. |
94 |
F’dan il-każ, b’mod partikolari, ma hemm l-ebda sitwazzjoni ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Barra minn hekk, mill-Artikolu 6(1) TUE kif ukoll mill-Artikolu 51(2) tal-Karta jirriżulta li din la testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni, u lanqas toħloq xi kompetenza ġdida jew xi kompitu ġdid għaliha. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jistabbilixxi biss obbligu ġenerali li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jagħti lil din tal-aħħar kompetenza f’dak li jikkonċerna l-adozzjoni tar-regoli bażiċi dwar is-setgħa ġudizzjarja, b’mod partikolari dawk relatati mal-età tal-irtirar tal-imħallfin, li ma għandhomx rabtiet reali mad-dritt tal-Unjoni. |
95 |
Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta kull preġudizzju għall-irremovabbiltà tal-imħallfin peress li din tal-aħħar tikkonċerna biss l-imħallfin fil-kariga u li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet tirrigwarda l-imħallfin li jkunu diġà laħqu l-età tal-irtirar statutorja. Ladarba jirtiraw, l-imħallfin iżommu l-istatus tagħhom ta’ mħallef u jiksbu d-dritt għal pensjoni ta’ rtirar sinjifikattivament ogħla mill-benefiċċji tal-irtirar previsti mis-sistema ġenerali ta’ sigurtà soċjali. F’dan il-każ, l-allinjament tal-età tal-irtirar għall-imħallfin ma’ dik tas-sistema ġenerali ta’ rtirar applikabbli għall-ħaddiema ma jistax, barra minn hekk, jitqies li huwa arbitrarju jew inġustifikat. |
96 |
Fit-tielet lok, minn kriterji legali li abbażi tagħhom il-Ministru għall-Ġustizzja għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward tal-estensjoni possibbli tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef lil hinn mill-età normali tal-irtirar jirriżulta li rifjut ta’ estensjoni huwa aċċettabbli biss meta dan ikun iġġustifikat minn ammont ta’ xogħol baxx tal-imħallef ikkonċernat fi ħdan il-qorti li fiha jokkupa pożizzjoni u minħabba l-bżonn li din il-pożizzjoni tiġi assenjata lil qorti oħra li jkollha ammont ta’ xogħol ogħla. Tali miżura tkun leġittima fid-dawl, b’mod partikolari, tal-impossibbiltà, ħlief f’każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-imħallfin jiġu ttrasferiti f’qorti oħra mingħajr il-kunsens tagħhom. |
97 |
Fi kwalunkwe każ, hija infondata l-biża’ li l-imħallfin fil-kariga jistgħu, għal perijodu ta’ sitt xhur sa tnax‑il xahar, ikunu mħajra li jiddeċiedu f’sens favorevoli fir-rigward ta’ setgħa eżekuttiva, minħabba l-inċertezza fir-rigward tad-deċiżjoni li għandha tittieħed fir-rigward tal-estensjoni possibbli tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, ikun żbaljat li wieħed jemmen li mħallef jista’, wara li jkollu mandat bħala mħallef għal ħafna snin, iħoss pressjoni marbuta mal-possibbiltà li ma jkunx hemm estensjoni tal-funzjonijiet tiegħu għal numru ta’ snin addizzjonali. Barra minn hekk, il-garanzija ta’ indipendenza tal-imħallfin ma timplikax neċessarjament assenza assoluta ta’ relazzjonijiet bejn is-setgħa eżekuttiva u dik ġudizzjarja. Għalhekk, it-tiġdid tal-mandat ta’ mħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jiddependi wkoll fuq l-evalwazzjoni tal-Gvern tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-persuna kkonċernata. |
L-ewalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Fuq l-applikabbiltà u l-portata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE
98 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kompitu li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet fil-kawża jiksbu minn dan id-dritt (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 47). |
99 |
Għal dan l-għan, u kif previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-imsemmija oqsma (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 48). |
100 |
Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jibbażaw fuqu mid-dritt tal-Unjoni, li għalih jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi, fil-fatt, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem, iffirmat f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 u li ġie affermat permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 49). |
101 |
Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tirreferi għal “oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 29, u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 50). |
102 |
Barra minn hekk, għalkemm, hekk kif tfakkar ir-Repubblika tal-Polonja, l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ fi ħdan il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, meta jeżerċitaw din il-kompetenza, l-Istati Membri huma marbuta li jikkonformaw ruħhom mal-obbligi li jirriżultaw fil-konfront tagħhom mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 40, u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
103 |
F’dan ir-rigward, kull Stat Membru għandu, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’mod partikolari jiżgura li l-qrati, bħala “qorti” fis-sens kif iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, li huma parti mis-sistema ta’ rimedji fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni u li jistgħu, għaldaqstant, jiddeċiedu, f’din il-kapaċità, dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
104 |
F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-qrati ordinarji Pollakki jistgħu, f’din il-kapaċità, jissejħu sabiex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li, bħala “qorti”, fis-sens iddefinit minn dan id-dritt, jaqgħu taħt is-sistema Pollakka ta’ rimedji legali fl-“oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’tali mod li dawn il-qrati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
105 |
Issa, sabiex jiġi żgurat li tali qrati ordinarji jkunu jistgħu joffru tali protezzjoni, il-preżervazzjoni tal-indipendenza ta’ dawn il-qrati hija fundamentali, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 57). |
106 |
Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-kompitu li tittieħed deċiżjoni, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali sa fejn jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni u l-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari tal-valur tal-istat tad-dritt (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 48 u 63, kif ukoll tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 58). |
107 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-regoli nazzjonali msemmija fit-tieni lment ifformulat mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u, għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni din l-istituzzjoni, ir-Repubblika tal-Polonja kisritx din id-dispożizzjoni. |
– Fuq l-ilment
108 |
Għandu jitfakkar li r-rekwiżit tal-indipendenza tal-qrati li l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-osservanza tiegħu, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, fir-rigward tal-qrati nazzjonali li, bħall-qrati ordinarji Pollakki, huma msejħa sabiex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni u mal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu żewġ aspetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 71). |
109 |
L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-qorti kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal xi rabta ġerarkika jew għal subordinazzjoni fir-rigward ta’ xi ħadd u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, b’tali mod li b’hekk tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 72). |
110 |
It-tieni aspett, ta’ natura interna, huwa marbut min-naħa tiegħu mal-kunċett ta’ imparzjalità u huwa intiż li jiżgura distanza ugwali fil-konfront tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fid-dawl tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jirrikjedi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fl-eżitu tat-tilwima għajr l-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 73). |
111 |
Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-qorti, tal-ħatra, tat-tul tal-funzjonijiet kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ tkeċċija tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imsemmija qorti fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi inkwistjoni (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 74). |
112 |
Kif jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita, il-libertà indispensabbli tal-imħallfin fir-rigward ta’ kwalunkwe interventi jew pressjonijiet esterni tirrikjedi ċerti garanziji li jipproteġu lill-persuna ta’ min għandha l-kompitu li tiddeċiedi, fosthom l-irremovabbiltà (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 75). |
113 |
Il-prinċipju ta’ irremovabbiltà jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-imħallfin ikunu jistgħu jibqgħu fil-kariga sakemm jilħqu l-età obbligatorja tal-irtirar jew sa tmiem il-mandat tagħhom meta dan tal-aħħar ikun għal perijodu speċifiku. Mingħajr ma dan ikollu natura totalment assoluta, l-imsemmi prinċipju jista’ jiġi suġġett għal eċċezzjonijiet sakemm ikun hemm raġunijiet leġittimi u imperattivi li jiġġustifikawh, u dan fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk huwa normalment aċċettat li l-imħallfin ikunu jistgħu jitkeċċew jekk ma jkunux jistgħu jkomplu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom minħabba inkapaċità jew nuqqas serju, permezz tal-osservanza ta’ proċeduri xierqa (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 76). |
114 |
Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod iktar preċiż li r-rekwiżit ta’ indipendenza jirrikjedi li r-regoli li jirregolaw is-sistema dixxiplinari u, konsegwentement, il-possibbiltà tat-tkeċċija ta’ dawk li għandhom il-kompitu li jiġġudikaw, ikollhom il-garanziji meħtieġa sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ użu ta’ tali sistema bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. F’dan ir-rigward, l-ippromulgar ta’ regoli li jiddefinixxu, b’mod partikolari, kemm l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari kif ukoll is-sanzjonijiet applikabbli konkretament, li jipprevedu l-intervent ta’ qorti indipendenti konformement ma’ proċedura li tiggarantixxi b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, u li jistabbilixxu l-possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-korpi dixxiplinari jiġu kkontestati quddiem qorti, jikkostitwixxi ġabra ta’ garanziji essenzjali għall-finijiet tal-ħarsien tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 67, kif ukoll tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 77). |
115 |
Fid-dawl tal-importanza kardinali tal-prinċipju ta’ irremovabbiltà, eċċezzjoni tista’ tiġi aċċettata biss jekk tkun iġġustifikata minn għan leġittimu u proporzjonat fid-dawl ta’ dan u sakemm ma tagħtix lok għal dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-qrati kkonċernati fir-rigward tal-fatturi esterni u tan-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 79). |
116 |
F’dan il-każ, u kif ippreċiżat kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll waqt is-seduta, permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tikkritika l-miżura tat-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-qrati ordinarji Pollakki bħala tali. Fil-fatt, dan l-ilment essenzjalment jirrigwarda l-mekkaniżmu li bih inħarġet din il-miżura, li permezz tiegħu l-Ministru għall-Ġustizzja huwa mogħti s-setgħa li jawtorizza t-tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tal-imħallfin tal-imsemmija qrati li għadhom jaħdmu lil hinn mill-età tal-irtirar hekk imnaqqsa. Skont il-Kummissjoni, fir-rigward tal-karatteristiċi tiegħu, dan il-mekkaniżmu jippreġudika l-indipendenza tal-imħallfin ikkonċernati peress li ma jippermettix li jiġi żgurat li dawn jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’mod awtonomu billi jkunu protetti kontra interventi jew pressjonijiet esterni. Barra minn hekk, il-kombinazzjoni tal-imsemmija miżura u tal-imsemmi mekkaniżmu tippreġudika l-irremovabbiltà tal-persuni kkonċernati. |
117 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-mekkaniżmu hekk ikkritikat mill-Kummissjoni huwa relatat mhux mal-proċess ta’ ħatra ta’ kandidati għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji, iżda għall-possibbiltà, fil-każ ta’ mħallfin fil-kariga li għaldaqstant igawdu mill-garanziji inerenti għall-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet, tat-tkomplija fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet lil hinn mill-età normali tal-irtirar, u li dan il-mekkaniżmu għalhekk jikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-iżvolġiment u t-tmiem tal-karriera tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 109). |
118 |
Madankollu, filwaqt li huwa l-kompitu tal-Istati Membri biss li jiddeċiedu jekk jippermettux tali estensjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji lil hinn mill-età normali tal-irtirar, xorta jibqa’ l-fatt li, meta jagħżlu tali mekkaniżmu, huma obbligati li jiżguraw li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li għalihom hija suġġetta tali estensjoni ma jkunux tali li jimminaw il-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 110). |
119 |
Fir-rigward tan-neċessità, imfakkra fil-punti 109 sa 111 ta’ din is-sentenza, li jiġi żgurat li l-qrati ġudizzjarji jkunu jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’awtonomija sħiħa, bl-osservanza tal-oġġettività u fl-assenza ta’ kull interess fl-eżitu tat-tilwima, billi jkunu protetti kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħhom u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom, għandu, ċertament, jiġi rrilevat li l-fatt li korp bħall-Ministru għall-Ġustizzja għandu s-setgħa li jiddeċiedi jagħtix estensjoni possibbli tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji lil hinn mill-età normali tal-irtirar ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex jiġi konkluż li hemm l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin. Madankollu, hemm lok li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet ikunu tali li ma jkunux jistgħu jagħtu lok għal dubji leġittimi f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fir-rigward tal-fatturi esterni u tan-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 111). |
120 |
Għal dak l-għan, huwa importanti, b’mod partikolari, li l-imsemmija kundizzjonijiet u modalitajiet jitfasslu b’tali mod li dawn l-imħallfin ikunu ħielsa minn kull possibbiltà ta’ tentazzjoni li jċedu għal interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom. Tali modalitajiet għandhom, b’mod partikolari, jippermettu l-esklużjoni mhux biss ta’ kwalunkwe influwenza diretta, fil-forma ta’ struzzjonijiet, iżda wkoll ta’ forom iktar indiretti ta’ influwenza li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
121 |
Issa, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet proċedurali li għalihom id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati jissuġġettaw il-possibbiltà tat-tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef tal-qrati ordinarji Pollakki lil hinn mill-età ġdida tal-irtirar ma jissodisfawx tali rekwiżiti. |
122 |
Qabelxejn, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 69(1b) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprevedi li l-Ministru għall-Ġustizzja jista’ jiddeċiedi jekk jawtorizzax tali tkomplija abbażi ta’ ċerti kriterji. Madankollu, dawn il-kriterji jidhru wisq vagi u mhux verifikabbli u, barra minn hekk, kif ammettiet ir-Repubblika tal-Polonja matul is-seduta, id-deċiżjoni tal-Ministru ma għandhiex tkun motivata, b’mod partikolari fid-dawl ta’ dawn il-kriterji. Barra minn hekk, tali deċiżjoni ma tistax tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 114). |
123 |
Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 69(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, it-talba għall-estensjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji għandha ssir mill-imħallfin kkonċernati mhux iktar kmieni minn tnax‑il xahar u mhux iktar tard minn sitt xhur qabel ma tintlaħaq l-età normali tal-irtirar. Barra minn hekk, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-Repubblika tal-Polonja, l-imsemmija dispożizzjoni ma timponix terminu fuq il-Ministru għall-Ġustizzja li matulu dan għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu f’dan ir-rigward. Din id-dispożizzjoni, flimkien ma’ dik tal-Artikolu 69(1b) ta’ din l-istess liġi, li tipprevedi li, meta mħallef jilħaq l-età normali tal-irtirar qabel it-tmiem tal-proċedura intiża għal estensjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, il-persuna kkonċernata tibqa’ fil-kariga sal-għeluq tal-imsemmija proċedura, tista’ ttawwal il-perijodu ta’ inċertezza li fih jinsab l-imħallef ikkonċernat. Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tul tal-perijodu li matulu l-imħallfin jistgħu għalhekk jibqgħu jistennew id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja ladarba tkun intalbet l-estensjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fl-aħħar mill-aħħar ukoll huwa suġġett għad-diskrezzjoni ta’ dan tal-aħħar. |
124 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li s-setgħa li jgawdi minnha f’dan il-każ il-Ministru għall-Ġustizzja sabiex jawtorizza t-tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef tal-qrati ordinarji Pollakki, mill-età ta’ 60 sena sal-età ta’ 70 sena għan-nisa, u mill-età ta’ 65 sena sal-età ta’ 70 sena għall-irġiel, tista’ tagħti lok għal dubji leġittimi, b’mod partikolari f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fir-rigward tal-fatturi esterni u tan-newtralità tagħhom f’relazzjoni mal-interessi li x’aktarx jiltaqgħu magħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 118). |
125 |
Barra minn hekk, din is-setgħa tikser ukoll il-prinċipju ta’ irremovabbiltà li huwa inerenti għall-indipendenza ġudizzjarja (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 96). |
126 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmija setgħa ngħatat lill-Ministru għall-Ġustizzja fil-kuntest iktar ġenerali ta’ riforma li wasslet għat-tnaqqis tal-età normali tal-irtirar, b’mod partikolari, tal-imħallfin tal-qrati ordinarji Pollakki. |
127 |
L-ewwel nett, fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ ċerti dokumenti preparatorji dwar ir-riforma inkwistjoni, il-kombinazzjoni taż-żewġ miżuri msemmija fil-punt preċedenti huwa ta’ natura li joħloq, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji leġittimi dwar il-fatt li s-sistema l-ġdida setgħet fir-realtà kienet intiża sabiex tippermetti lill-Ministru għall-Ġustizzja, li jaġixxi b’mod diskrezzjonali, li jeskludi, ladarba jilħqu l-età normali tal-irtirar li tkun għadha kif ġiet stabbilita, ċerti gruppi ta’ mħallfin fil-kariga fi ħdan il-qrati ordinarji Pollakki filwaqt li jżomm parti oħra minnhom fil-kariga (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 85). |
128 |
It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li t-tul tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tal-imħallfin tal-qrati ordinarji Pollakki, li b’hekk jaqgħu taħt is-setgħa purament diskrezzjonali tal-Ministru għall-Ġustizzja, huwa kunsiderevoli peress li dan jirrigwarda l-aħħar għaxar snin ta’ eżerċizzju ta’ tali funzjonijiet tal-karriera ta’ mħallef mara u l-aħħar ħames snin ta’ eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet f’dak li jikkonċerna l-karriera ta’ mħallef raġel. |
129 |
It-tielet nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 69(1b) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, meta mħallef jilħaq l-età normali tal-irtirar qabel it-tmiem tal-proċedura intiża għal estensjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, il-persuna kkonċernata tibqa’ fil-kariga sal-għeluq tal-imsemmija proċedura. F’ipoteżi bħal din, id-deċiżjoni negattiva tal-Ministru għall-Ġustizzja, li, barra minn hekk, kif diġà ġie enfasizzat, fil-punt 123 ta’ din is-sentenza, ma hija suġġetta għal ebda terminu, tista’ għalhekk tingħata wara li l-imħallef ikkonċernat ikun baqa’ fil-kariga, jekk ikun il-każ, għal perijodu ta’ inċertezza relattivament twil, lil hinn minn din l-età normali tal-irtirar. |
130 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 126 sa 129 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li, peress li naqset milli tosserva r-rekwiżiti mfakkra fil-punti 113 sa 115 ta’ din is-sentenza, il-kombinazzjoni tal-miżura ta’ tnaqqis tal-età normali tal-irtirar għal 60 sena għan-nisa u għal 65 sena għall-irġiel, u tas-setgħa diskrezzjonali li ngħatat f’dan il-każ lill-Ministru għall-Ġustizzja sabiex jawtorizza jew jirrifjuta t-tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef tal-qrati ordinarji Pollakki, minn 60 sena għal 70 sena, għan-nisa, u minn 65 snin għal 70 sena għall-irġiel, tmur kontra l-prinċipju ta’ irremovabbiltà. |
131 |
Il-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti la hija affettwata miċ-ċirkustanzi, invokati mir-Repubblika tal-Polonja, li l-imħallfin li ma jkunux awtorizzati jkomplu bl-eżerċizzju tal-imsemmija funzjonijiet iżommu t-titolu ta’ mħallef jew li dawn ikomplu jibbenefikaw minn immunità u minn remunerazzjoni kbira ladarba jiritraw, u lanqas hija affettwata mill-argument formali ta’ dan l-istess Stat Membru li skontu l-imħallfin ikkonċernati ma jkunux jistgħu jibbenefikaw iktar mill-garanzija ta’ irremovabbiltà minħabba li jkunu diġà laħqu l-età tal-irtirar statutorja ġdida. Barra minn hekk, f’din it-tieni kunsiderazzjoni, diġà tfakkar, fil-punt 129 ta’ din is-sentenza, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 69(1b) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja dwar jekk tingħatax estensjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tal-partijiet ikkonċernati tista’ tingħata meta dawn ikunu baqgħu fil-kariga lil hinn minn din l-età normali ġdida tal-irtirar. |
132 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja bbażat fuq xebh bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati u l-proċedura applikabbli fl-okkażjoni tat-tiġdid possibbli tal-mandat ta’ mħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, dan ma jistax jirnexxi. |
133 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għall-kuntrarju tal-imħallfin nazzjonali li jinħatru sakemm jilħqu l-età tal-irtirar statutorja, il-ħatra tal-imħallfin fil-Qorti tal-Ġustizzja sseħħ, kif previst fl-Artikolu 253 TFUE, għal perijodu speċifiku ta’ sitt snin. Barra minn hekk, ħatra ġdida għal tali pożizzjoni ta’ mħallef li ser ikun qiegħed jirtira teħtieġ, bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, u bħall-ħatra inizjali tiegħu, il-ftehim komuni tal-gvernijiet tal-Istati Membri, wara konsultazzjoni mal-kumitat previst fl-Artikolu 255 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 121). |
134 |
Għalhekk, il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati ma jistgħux jibdlu l-portata tal-obbligi imposti fuq l-Istati Membri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 122). |
135 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tieni lment tal-Kummissjoni, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jintlaqa’. |
136 |
Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi milqugħ kollu kemm hu b’tali mod li hemm lok li jiġi kkonstatat:
|
Fuq l-ispejjeż
137 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.