EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0098

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-2 ta’ Mejju 2019.
T. Boer & Zonen BV vs Staatssecretaris van Economische Zaken.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-College van Beroep voor het Bedrijfsleven.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-saħħa – Pakkett ta’ iġjene – Regolament (KE) Nru 853/2004 – Iġjene tal-prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali – Obbligi tal-operaturi fis-settur tal-ikel – Rekwiżiti speċifiċi – Laħam ta’ ungulati domestiċi – Ħażna u trasport – Kundizzjonijiet ta’ temperatura tal-laħam.
Kawża C-98/18.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:355

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

2 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-saħħa – Pakkett ta’ iġjene – Regolament (KE) Nru 853/2004 – Iġjene tal-prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali – Obbligi tal-operaturi fis-settur tal-ikel – Rekwiżiti speċifiċi – Laħam ta’ ungulati domestiċi – Ħażna u trasport – Kundizzjonijiet ta’ temperatura tal-laħam”

Fil-Kawża C‑98/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

T. Boer & Zonen BV

vs

Staatssecretaris van Economische Zaken,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tad-Disa’ Awla, D. Šváby (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal T. Boer & Zonen BV, minn K. J. Defares, advocaat,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u M. L. Noort, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, S. Horrenberger u A.‑L. Desjonquères, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

għall-Gvern Rumen, minn C.‑R. Canţăr, C.‑M. Florescu u A. Wellman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouquet, W. Farrell u B. Eggers, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 1 u 3 tal-Kapitolu VII tas-Sezzjoni I tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn T. Boer & Zonen BV, impriża fis-settur tal-ikel stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, u l-iStaatssecretaris van Economische Zaken (is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”), dwar multi amministrattivi imposti minn dan tal-aħħar fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali minħabba li ttrasbordat, f’vettura li tkessaħ, il-laħam li laħaq temperatura ta’ iktar minn 7 gradi Celsius u ċerti prodotti tal-laħam li laħqu temperatura ta’ iktar minn 11‑il grad Celsius.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 853/2004

3

Il-premessi 1, 2, 4 u 9 tar-Regolament Nru 853/2004 huma fformulati kif ġej:

“(1)

Skond ir-Regolament (KE) nru 852/2004 [tad‑29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 319)], il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stabbilew regoli ġenerali dwar l-iġjene ta’ oġġetti ta’ l-ikel għall-operaturi fin-negozju alimentari.

(2)

Ċerti oġġetti ta’ l-ikel jistgħu jkunu ta’ perikolu speċifiku għas-saħħa tal-bniedem, u dan jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ta’ iġjene speċifiċi, partikolament fil-każ ta’ ikel ta’ oriġini mill-annimali, li dwaru jkunu saru rapporti ta’ perikoli mikrobijoloġiċi u kimiċi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ ta’ ikel ta’ oriġini mill-annimali, li dwaru jkunu saru rapporti ta’ perikoli mikrobijoloġiċi u kimiċi ġew identifikati.

[…]

(4)

Fir-rigward tas-saħħa pubblika, dawn ir-regoli fihom prinċipji komuni, b’mod partikolari għall-fabrikanti, u responsabbilitajiet ‘għall-Awtoritajiet kompetenti’, ħtiġiet strutturali, operattivi u iġjeniċi għall-istbbilimenti, proċeduri għall-approvazzjoi ta’ stabbilimenti, ħtiġiet għall-ħażna u t-trasport, u timbri sanitarji.

[…]

(9)

Il-miri prinċipali ta’ din ir-riformulazzjoni huma li tiġi assigurata f’livell għoli l-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tas-sigurtà alimentari, b’mod partikolari billi tqiegħed taħt l-istess regoli l-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel tal-Komunità kollha, kif ukoll li s-suq intern fil-prodotti ta’ oriġini mill-annimali jiffunzjona sewwa, u b’dan il-mod issir kontribuzzjoni għalli jintlaħqu l-miri tal-politika agrikola komuni.”

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament dawn id-definizzjonijiet għandhom japplikaw:

1.

id-definizzjonijiet li jidhru fir-Regolament (KE) nru 178/2002;

2.

id-definizzjonijiet li jidhru fir-Regolament (KE) nru 852/2004;

3.

id-definizzjonijiet li jidhru fl-Anness I; u

4.

id-definizzjonijiet tekniċi li hemm fl-Annessi II u III.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament intitolat “Obbligi ġenerali” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-annessi II u III.”

6

Skont l-Artikolu 4 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Ir-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni ta’ l-istabbilimenti”:

“1.   L-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel jistgħu jqegħdu biss fis-suq prodotti ta’ oriġini mill-annimali maħduma fil-Komunità li jkunu inħadmu u ġew trattati biss fi stabbilimenti:

(a)

li jikkonformaw mal-ħtiġiet tar-Regolament (KE) nru 852/2004, dawk ta’ l-annessi II u III ta’ dan ir-Regolament u ħtiġiet oħra rilevanti tal-liġijiet dwar l-ikel; u

(b)

li jkunu ġew reġistrati jew, meta dan hu meħtieġ, skond il-paragrafu 2, approvati mill-awtorità kompetenti.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-artikolu 6(3) tar-Regolament nru 852/2004, stabbilimenti li jittrattaw dawk il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali li dwarhom l-Anness III ta’ dan ir-Regolament jistabbilixxi ħtiġiet, ma għandhom joperaw jekk l-awtorità kompetenti ma tkunx approvathom skond il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, bl-eċezzjoni ta’ l-istabbilmenti li jagħmlu biss:

[…]

(b)

operazzjonijiet ta’ transport;

[…]

3.   Stabbiliment li jeħtieġ l-approvazzjoni skond il-paragrafu 2 ma għandux jopera jekk l-awtorità kompetenti ma tkunx, skond ir-Regolament (KE) nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li stabbilixxa regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali, intiżi għall-konsum uman:

(a)

tatu l-approvazzjoni biex jopera wara viżta fuq il-post;

[…]

4.   L-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel għandhom jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti skond ir-Regolament (KE) nru 854/2004. B’mod partikolari l-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel għandhom jassiguraw li stabbiliment jieqaf milli jopera jekk l-awtorità kompetenti tirtira l-approvazzjoni, jew fil-każ ta’ approvazzjoni kondizzjonali ma ggeddidhiex jew ma tagħtix l-approvazzjoni sħiħa.

[…]”

7

L-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punt 1.16 tiegħu, li “biċċerija” tfisser “stabbiliment użat għall-qatla u t-tindif ta’ l-annimali, li l-laħam tagħhom ikun destinat li jittiekel mill-bniedem”.

8

Il-Kapitolu II tas-Sezzjoni I tal-Anness III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ħtiġiet għall-biċċeriji” jipprevedi diversi rekwiżiti dwar il-kostruzzjoni, it-tqassim u t-tagħmir tal-biċċeriji li għandhom jiġu ssodisfatti mill-operaturi fis-settur tal-ikel.

9

L-Anness III ta’ dan ir-regolament jinkludi Sezzjoni I, li l-Kapitolu VII tagħha, intitolat “Ħażna u trasport”, jiddisponi:

“L-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel għandhom jassiguraw illi l-ħażna u t-trasport ta’ laħam ta’ ungulati domestiċi isir skond il-ħtiġiet li ġejjin.

1.

(a)

Sakemm dispożizzjonijiet speċifiċi oħra ma jiddisponux mod ieħor l-ispezzjoni post-mortem għandha tiġi segwita mmedjatament bit-tkessiħ fil-biċċerija biex tiġi żgurata temperatura fil-laħam kollu ta’ mhux iktar minn 3°C għall-ġewwieni u 7 °C għall-laħam ieħor [skont kurva li tiżgura tnaqqis kontinwu tat-temperatura. Madankollu, il-laħam jista’ jiġi mqatta’ u jista’ jitneħħielu l-għadam matul it-tkessiħ konformement mad-dispożizzjonijiet tal-punt 4 tal-Kapitolu V.]

(b)

Waqt li jsiru l-operazzjonjiet tat-tkessiħ, għandu jkun hemm ventilazzjoni adegwata biex ma ssirx il-kondensazzjoni fuq wiċċ il-laħam.

2.

Il-laħam għandu jilħaq it-temperatura msemmija fil-punt 1 u jżomm dik it-temperatura matul il-ħażna.

3.

Il-laħam għandu jilħaq it-temperatura msemmija fil-punt 1 qabel ma jinġarr u jżomm dik it-temperatura matul il-ġarr. Madankollu, it-trasport jista’ jsir ukoll jekk l-awtorità kompetenti tawtorizzah biex tista’ ssir il-produzzjoni ta’ xi prodotti speċifiċi, sakemm:

(a)

dan it-trasport isir skond il-ħtiġiet li l-awtorità kompetenti tkun indikat fir-rigward ta’ trasport minn stabbiliment partikolari għal ieħor;

u

(b)

il-laħam għandu jitlaq mill-biċċerija, jew kamra tat-tqattigħ fl-istess bini tal-biċċerija, immedjatament u t-trasport ma jieħux iktar minn sagħtejn.

4.

Laħam destinat għall-friża għandu jiġi ffriżat mingħajr dewmien bla bżonn, billi jittieħed kont meta meħtieġ ta’ żmien biex il-laħam jistabbilizza qabel ma jiġi ffriżat.

5.

Il-laħam espost għandu jinħażen u jinġarr separatament mill-laħam ippakkjat, sakemm ma jkunx maħżun jew trasportat f’ħinijiet differenti jew b’tali mod illi l-materjal ta’ l-imballaġġ u l-mod ta’ ħażna u ġarr ma jistgħux jikkaġunaw kontaminazzjoni tal-laħam.”

Ir-Regolament Nru 852/2004

10

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 852/2004, intitolat “Definizzjonijiet”, jippreċiża, fil-paragrafu 1(c) tiegħu, li, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, “stabbiliment” għandu jinftiehem bħala “kwalunkwe unità tan-negozju ta’ l-ikel”.

11

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Punti ta’ l-analiżi u l-kontroll kritiku tal-perikoli”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel għandhom jistabbilixxu, jimplementaw u jżommu proċedura jew proċeduri permanenti ibbażati fuq il-prinċipji [Hazard Analysis Critical Control Point (HACCP) (Analiżi tal-Perikli u Punti Kritiċi ta’ Kontroll)].”

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002

12

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9 u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5), jiddefinixxi, fl-Artikolu 3(2) tiegħu, “negozju ta’ l-ikel” bħala “kull intrapriża, sew għall-profitt sew jekk le u sew pubblika kemm privata, li twettaq xi waħda mill-attivitajiet relatati ma’ xi stadju ta’ produzzjoni, ipproċessar jew tqassim ta’ l-ikel”.

13

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Analiżi tar-riskju”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Biex jintlaħaq l-għan prinċipali ta’ livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u l-ħajja, il-liġi dwar l-ikel għandha tkun ibbażata fuq analiżi tar-riskju u fejn dan ma jkunx adattat għaċ-ċirkostanzi jew in-natura tal-miżura.”

14

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipju ta’ prekawzjoni”, jiddisponi:

“1.   F’ċirkostanzi speċifiċi fejn, wara stima tat-tagħrif disponibbli, il-possibbiltà ta’ effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tiġi identifikata iżda tkun tippersisti inċertezza xjentifika, miżuri provviżorji ta’ l-amministrazzjoni tar-riskju meħtieġa biex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa magħżula fil-Komunità jistgħu jiġu adottati, sakemm ikun hemm aktar tagħrif xjentifiku disponibbli għal stima tar-riskju aktar komprensiva.

2.   Miżuri adottati fuq il-bażi tal-paragrafu 1 għandhom ikunu proporzjonati u ma jkunux aktar restrittivi għan-negozju milli meħtieġ biex jintlaħaq il-livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa magħżul fil-Komunità, waqt li jingħata kont tal-possibbiltà teknika u ekonomika u ta’ fatturi oħra meqjusa bħala legittimi fil-kwistjoni taħt konsiderazzjoni. Il-miżuri għandhom jiġu riveduti f’perijodu raġonevoli ta’ żmien skond in-natura tar-riskju għall-ħajja jew saħħa identifikat u t-tip ta’ tagħrif xjentifiku meħtieġ biex tiġi ċċarata l-inċertezza xjentifika u biex titwettaq stima tar-riskju aktar komprensiva.”

15

L-Artikolu 8 tal-istess regolament, intitolat “Protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumatur”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-liġi dwar l-ikel għandha timmira lejn l-interesi tal-konsumatur u għandha tipprovdi bażi għall-konsumaturi li jagħmlu għażla informata dwar l-ikel li jikkonsmaw. […]”

16

Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 178/2002, intitolat “Ħtiġijiet ġenerali tal-liġi dwar l-ikel”:

“1.   L-ikel m’għandux jitqiegħed fuq is-suq jekk ma jkunx tajjeb.

[…]

5.   Biex jiġi stabbilit jekk l-ikel ikunx tajjeb għall-konsum uman, għandu jingħata kont ta’ jekk l-ikel ikunx aċċettabbli jew le għall-konsum uman skond l-użu maħsub tiegħu, minħabba raġunijiet ta’ kontaminazzjoni, sew b’materjal estraneju jew mod ieħor, jew minħabba putrifikazzjoni, deterjorament jew tħassir.”

17

L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Responsabbiltajiet”, jipprevedi:

“1.   L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel u l-għalf f’kull stadju tal-produzzjoni, ipproċessar, u tqassim fin-negozji taħt il-kontroll tagħhom għandhom jiżguraw li l-ikel u l-għalf ikunu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel li huma relevanti għall-attivitajiet tagħhom u għandhom jivverifikaw li dawk il-ħtiġijiet jitħarsu.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurzaw il-liġi dwar l-ikel, u jimmonitorjaw u jivverifikaw li l-ħtiġijiet relevanti tal-liġi dwar l-ikel jiġu mħarsa mill-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel u l-għalf fl-istadji kollha tal-produzzjoni, ipproċessar u tqassim.

Għal dak il-għan għandhom iżommu sistema ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet oħra kif adattati fiċ-ċirkostanzi, inkluża komunikazzjoni pubblika dwar is-sigurtà u r-riskju ta’ l-ikel u l-għalf, sorveljanza dwar is-sigurtà ta’ l-ikel u l-għalf u attivitajiet oħra ta’ immonitorjar li jkunu jkopru l-istadji kollha tal-produzzjoni, ipproċessar u tqassim.

L-Istati Membri għandhom ukoll iniżżlu r-regoli dwar il-miżuri u penalitajiet applikabbli għall-ksur tal-liġi dwar l-ikel u l-għalf. Il-miżuri u l-penalitajiet ipprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

Id-dritt Olandiż

18

L-Artikolu 6.2(1) tal-Wet houdende een integraal kader voor regels over gehouden dieren en daaraan gerelateerde onderwerpen (il-Liġi li Tistabbilixxi Qafas Sħiħ għar-Regoli dwar l-Annimali Miżmuma u Kwistjonijiet Relatati), tad‑19 ta’ Mejju 2011 (Stb. 2001, Nru 345) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Annimali”), jipprevedi:

“Huwa pprojbit l-aġir bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ regolament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-punti koperti minn din il-liġi, li huma msemmija permezz jew bis-saħħa ta’ regolament ta’ amministrazzjoni pubblika jew ta’ digriet ministerjali.”

19

L-Artikolu 8.7 tal-Liġi dwar l-Annimali jiddisponi:

“Il-Ministru tagħna jista’ jimponi multa amministrattiva għal ksur.”

20

L-Artikolu 2.4 tar-Regeling van de Minister van Economische Zaken, nr. WJZ/12346914, houdende regels met betrekking tot dierlijke producten, (id-Digriet tal-Ministru tal-Affarijiet Ekonomiċi, Nru WJZ/12346914, li fih regoli dwar prodotti tal-annimali), tas‑7 ta’ Diċembru 2012 (Stcrt. 2012, Nru 25949), jiddisponi, fil-paragrafu 1(d) tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikolu 6.2(1) tal-Liġi dwar l-Annimali huma dawn li ġejjin:

[…]

d)

l-Artikoli 3 u 4(1) sa (4) kif ukoll l-Artikoli 5 u 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

21

T. Boer & Zonen topera biċċerija li primarjament tipproċessa u tikkumerċjalizza l-vitella, il-prodotti tal-laħam u l-prodotti sekondarji tal-laħam. Hija tapplika proċess ta’ qatla li fih, wara l-qatla u t-tindif, il-karkassi u l-biċċiet ta’ karkassi jiġu progressivament imkessħa f’kamra kiesħa ħdejn il-post ta’ qtil u ta’ tindif. It-tkessiħ sussegwentement jitkompla f’vettura li tkessaħ li tinsab fiż-żona ta’ tagħbija tal-biċċerija, li fiha l-laħam jiġi ttrasbordat, għall-finijiet tat-trasport tiegħu, mill-kamra l-kiesħa.

22

Sabiex tiddetermina jekk it-temperatura ta’ tkessiħ meħtieġa, stabbilita għal 7 gradi Celsius fil-Kapitolu VII tas-Sezzjoni I tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004, tintlaħaqx fil-partijiet kollha tal-laħam, T. Boer & Zonen tapplika regola empirika li skontha t-temperatura tal-laħam tinżel grad Celsius is-siegħa. Matul il-proċess progressiv ta’ tkessiħ, il-vettura li tkessaħ tibqa’ fil-konfini tal-proprjetà ta’ T. Boer & Zonen, fejn id-dokumenti tat-trasport jitfasslu u jinħarġu fi tmiem dan il-proċess. Sussegwentement, il-laħam jiġi ttrasportat f’din il-vettura.

23

Matul l-ispezzjonijiet imwettqa fis‑16 u fit‑30 ta’ Diċembru 2014 min-Nederlandse Voedsel- en Warenautoriteit (l-Awtorità Olandiża għas-Sigurtà tal-Ikel u tal-Prodotti tal-Konsum, il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-bini ta’ T. Boer & Zonen, instab li l-laħam kien ġie ttrasbordat f’vetturi li jkessħu b’temperatura ta’ iktar minn 7 gradi Celsius u, f’xi każijiet, ta’ iktar minn 11‑il grad Celsius. Instab ukoll li din il-prattika kienet ta’ natura strutturali.

24

Abbażi ta’ dawn is-sejbiet, permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet separati tas‑27 ta’ Marzu 2015, is-Segretarju tal-Istat impona multi amministrattivi fuq T. Boer & Zonen, ta’ ammont totali ta’ EUR 20000, minħabba, minn naħa, il-ksur tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 853/2004 u tal-punt 3 tal-Kapitolu VII tas-Sezzjoni I tal-Anness III tiegħu (ksur tat-temperatura massima għat-trasbord) u, min-naħa l-oħra, il-ksur tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 852/2004 dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel (ksur tal-proċeduri bbażati fuq il-prinċipji HACCP).

25

T. Boer & Zonen ippreżentat rikors kontra l-imsemmija deċiżjonijiet. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Ottubru 2015, is-Segretarju tal-Istat, li parzjalment laqa’ l-ilment ta’ T. Boer & Zonen, naqqas l-ammont ta’ dawn il-multi.

26

Hija sussegwentement ippreżentat appell kontra din id-deċiżjoni tal‑1 ta’ Ottubru 2015 quddiem ir-Rechtbank Rotterdam (il-Qorti ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), li ġie miċħud fl‑14 ta’ Lulju 2016.

27

T. Boer & Zonen appellat is-sentenza tal-ewwel istanza quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi).

28

Insostenn tal-appell tagħha, T. Boer & Zonen ssostni li t-tkessiħ tal-laħam jista’ jsir ukoll wara t-trasbord tiegħu f’vettura li tkessaħ, sakemm dan jilħaq it-temperatura meħtieġa ta’ 7 gradi Celsius u din il-vettura ma tkunx ħalliet is-sit tal-biċċerija qabel ma din it-temperatura tkun meqjusa li ntlaħqet abbażi tar-regola empirika li t-temperatura tal-laħam tonqos b’grad Celsius is-siegħa. Is-Segretarju tal-Istat isostni, għall-kuntrarju, li l-proċess ta’ tkessiħ applikat minn T. Boer & Zonen huwa manifestament mhux konformi mad-dispożizzjonijiet u mal-għan tar-Regolament Nru 853/2004, minħabba li ma jiżgurax is-sigurtà tal-ikel. Skont dan, it-tkessiħ għandu jitwettaq fil-biċċerija, konformement mal-preskrizzjonijiet tal-punt 1 tal-Kapitolu VII tas-Sezzjoni I li jinsabu fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, u l-vettura li tkessaħ ma tistax titqies bħala biċċerija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, it-tkessiħ meħtieġ għandu jintlaħaq qabel ma l-laħam jiġi ttrasbordat f’din il-vettura.

29

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li huwa stabbilit, minn naħa, li t-temperatura tal-laħam spezzjonat mill-Awtorità Olandiża għas-Sigurtà tal-Ikel u tal-Prodotti tal-Konsum qabżet is‑7 gradi Celsius matul it-trasbord fil-vettura li tkessaħ u, min-naħa l-oħra, li ċ-ċirkustanzi tal-kawża pendenti quddiemha ma jikkorrispondux għas-sitwazzjoni prevista fl-inċiżi (a) u (b) fit-tieni sentenza tal-punt 3, tal-Kapitolu VII tas-Sezzjoni I li tinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004.

30

Il-qorti tar-rinviju tqis, minn naħa, li vettura li tkessaħ ma tistax tiġi assimilata ma’ “biċċerija”, kif dan l-istabbiliment huwa ddefinit fil-punt 1.16 tal-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004. Min-naħa l-oħra, hija tqis li tali vettura ma hijiex unità ta’ impriża fis-settur tal-ikel u ma tistax, konsegwentement, titqies bħala stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament Nru 852/2004. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li t-trasport tal-laħam jibda meta dan jiġi ttrasbordat fil-vettura li tkessaħ u li t-tkessiħ sħiħ tiegħu għandu jintlaħaq qabel it-trasbord tiegħu f’din il-vettura.

31

Madankollu, minħabba l-eżistenza ta’ sentenzi diverġenti mogħtija mill-qrati Olandiżi dwar l-interpretazzjoni tal-obbligu ta’ tkessiħ previst fil-punti 1 u 3 tal-Kapitolu VII tas-Sezzjoni I tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004, il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni ma hijiex daqstant evidenti li ma tagħti lok għal ebda dubju raġonevoli.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-punti 1 u 3 tal-Kapitolu VII tas-Sezzjoni I tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-laħam għandu jitkessaħ fil-biċċerija anki sabiex it-trasbord tal-laħam ma jseħħx qabel dan ma jkun laħaq temperatura massima ta’ 7 gradi Celsius jew huwa possibbli ukoll li l-imsemmi laħam jitkessaħ ġewwa l-vettura li tkessaħ, sakemm din il-vettura ma titlaqx mill-post tal-biċċerija?”

Fuq id-domanda preliminari

33

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punti 1 u 3 tal-Kapitolu VII tas-Sezzjoni I tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li wara l-qatla l-laħam għandu jitkessaħ biss fil-bini tal-biċċerija sakemm il-laħam jilħaq, fil-partijiet kollha tiegħu, temperatura ta’ mhux iktar minn 7 gradi Celsius jew jekk dan jistax iseħħ ukoll f’vettura li tkessaħ li tinsab fis-sit ta’ din il-biċċerija.

34

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 853/2004 jipprevedi, fit-tieni sentenza tal-punt 3 tal-Kapitolu VII li jinsab fis-Sezzjoni I ta’ dan l-anness, deroga mill-obbligu ta’ tkessiħ tal-laħam għal temperatura ta’ 7 gradi Celsius qabel it-trasport fir-rigward ta’ ċerti prodotti taħt kundizzjonijiet speċifiċi. Issa, tali deroga ma ġietx ikkunsidrata f’dan il-każ u l-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni sa fejn din tipprevedi tali deroga.

35

Konformement mal-punti 1 u 3 tal-Anness III tas-Sezzjoni I tal-Kapitolu VII tar-Regolament Nru 853/2004, l-ispezzjoni post-mortem tal-annimali għandha tkun immedjatament segwita bi tkessiħ fil-biċċerija sabiex tiġi żgurata, fil-partijiet kollha tal-laħam, temperatura ta’ mhux iktar minn 7 gradi Celsius. Barra minn hekk, il-laħam irid jilħaq u jżomm din it-temperatura kemm qabel kif ukoll matul it-trasport tiegħu.

36

Mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li t-tkessiħ għandu jitwettaq fil-biċċerija stess. Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk vettura li tkessaħ, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax titqies bħala parti minn “biċċerija”, fis-sens tar-Regolament Nru 853/2004, iddedikata għat-tkessiħ tal-laħam.

37

Il-punt 1.16 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-“biċċerija” bħala “stabbiliment użat għall-qatla u t-tindif ta’ l-annimali, li l-laħam tagħhom ikun destinat li jittiekel mill-bniedem”. Skont l-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament Nru 852/2004, “stabbiliment” għandu jinftiehem bħala “kwalunkwe unità tan-negozju ta’ l-ikel”.

38

Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, tali stabbiliment għandu jiżgura t-tkessiħ immedjat tal-partijiet kollha tal-laħam, qabel it-trasport tagħhom.

39

F’dan ir-rigward, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni Ewropea, vettura li tkessaħ, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija, min-natura tagħha stess, maħsuba għat-trasport tal-laħam u ma hijiex involuta fil-proċess tal-qatla, tat-tindif u tat-tkessiħ tal-laħam qabel il-ħażna jew it-trasport tiegħu. Il-funzjoni ta’ tali vetturi prinċipalment tikkonsisti fit-trasport tal-laħam u mhux fit-tkessiħ tiegħu, peress li l-faċilitajiet ta’ tkessiħ tagħhom huma mfassla sabiex tinżamm temperatura baxxa matul it-trasport.

40

Barra minn hekk, u kif enfasizza l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, it-tkessiħ fil-kamra l-kiesħa tal-biċċeriji jippermetti applikazzjoni immedjata ta’ kesħa fl-aqwa kundizzjonijiet, sabiex jipprevjeni l-iżvilupp ta’ batterji u, konsegwentement, jiżgura livell għoli ta’ sigurtà tal-ikel, kuntrarjament għal dak li jista’ jintlaħaq f’vettura li tkessaħ, fejn it-temperatura tiġi kkontrollata biss b’mod empiriku.

41

Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati minħabba l-fatt li l-vettura li tkessaħ tinsab fis-sit tal-biċċerija matul il-proċess ta’ tkessiħ.

42

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 853/2004, l-operaturi fis-settur tal-ikel jistgħu jqiegħdu fuq is-suq biss prodotti ta’ oriġini mill-annimali maħduma (fl-Unjoni) li jkunu ġew ippreparati u ttrattati esklużivament fl-istabbilimenti li jkunu ġew irreġistrati jew, fil-każijiet previsti fil-paragrafu 2, approvati mill-awtorità kompetenti. Il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jipprevedi li l-istabbilimenti li jittrattaw il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali suġġetti għal rekwiżiti skont l-Anness III ta’ dan ir-regolament jistgħu joperaw biss jekk l-awtorità kompetenti tkun tathom, wara żjara fuq il-post, l-awtorizzazzjoni tagħha li tippermetti lil dawn l-istabbilimenti li jaħdmu. L-ilqugħ ta’ din l-awtorizzazzjoni mill-operaturi fis-settur tal-ikel huwa suġġett għal ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-bini tal-istabbiliment fejn jitwettqu l-attivitajiet ta’ qatla u ta’ tindif, stipulati fil-Kapitolu II tas-Sezzjoni I tal-Anness III tal-imsemmi regolament.

43

Issa, il-mezzi ta’ trasport tal-laħam, filwaqt li huma suġġetti għal ċertu numru ta’ rekwiżiti, bħal dawk previsti fil-Kapitolu IV tal-Anness II, intitolat “Trasport”, tar-Regolament Nru 852/2004, huma eżentati minn tali proċedura ta’ awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti u ma humiex koperti mill-awtorizzazzjoni tal-operatur tal-biċċerija.

44

Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni tal-punti 1 u 3 tal-Kapitolu VII tas-Sezzjoni I tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004 fis-sens li l-operaturi fis-settur tal-ikel jistgħu jkessħu, f’vettura li tkessaħ li tinsab fis-sit ta’ biċċerija, il-laħam iddestinat għall-konsum mill-bniedem li ġej minn annimali li ġew maqtula sakemm dan jilħaq 7 gradi Celsius ma tistax tkun konformi mal-għan prinċipali mfittex mil-leġiżlazzjoni dwar l-iġjene, li hija intiża, kif jirriżulta mill-premessa 9 ta’ dan ir-regolament, sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel.

45

Fil-fatt, mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 853/2004 jirriżulta li l-prodotti tal-ikel ta’ oriġini mill-annimali jistgħu jkunu ta’ perikolu speċifiku għas-saħħa tal-bniedem, li jeħtieġu l-istabbiliment ta’ regoli speċifiċi ta’ iġjene.

46

F’dan ir-rigward, l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika wassal lil-leġiżlatur tal-Unjoni, kif tistabbilixxi l-premessa 4 tar-Regolament Nru 853/2004, sabiex ipoġġi fuq l-operaturi fis-settur tal-ikel ir-responsabbiltà li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel, kif ukoll sabiex jimponi l-obbligu li kull qatla ta’ annimali sseħħ fil-biċċeriji li josservaw ir-rekwiżiti tekniċi relatati mal-bini, mat-tifsil u mat-tagħmir inklużi, b’mod partikolari, fl-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-punti 1 u 3 tal-Kapitolu VII tas-Sezzjoni I tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li wara l-qatla l-laħam għandu jitkessaħ fil-bini tal-biċċerija stess sakemm il-laħam jilħaq, fil-partijiet kollha tiegħu, temperatura ta’ mhux iktar minn 7 gradi Celsius, qabel ma jseħħ kwalunkwe trasbord ta’ dan il-laħam f’vettura li tkessaħ.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punti 1 u 3 tal-Kapitolu VII tas-Sezzjoni I tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali għandhom jiġu interpretati fis-sens li wara l-qatla l-laħam għandu jitkessaħ fil-bini tal-biċċerija stess sakemm il-laħam jilħaq, fil-partijiet kollha tiegħu, temperatura ta’ mhux iktar minn 7 gradi Celsius, qabel ma jseħħ kwalunkwe trasbord ta’ dan il-laħam f’vettura li tkessaħ.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top