This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0091
Judgment of the Court (Seventh Chamber) of 11 July 2019.#European Commission v Hellenic Republic.#Failure of a Member State to fulfil obligations — Excise duties on alcohol and alcoholic beverages — Article 110 TFEU — Directive 92/83/EEC — Directive 92/84/EEC — Regulation (EC) No 110/2008 — Application of a lower rate of duty to the manufacture of national products ‘tsipouro’ and ‘tsikoudia’.#Case C-91/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-11 ta’ Lulju 2019.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku – Artikolu 110 TFUE – Direttiva 92/83/KEE – Direttiva 92/84/KEE – Regolament (KE) Nru 110/2008 – Applikazzjoni ta’ rata ta’ dazji ta’ sisa iktar baxxa fuq il-produzzjoni ta’ prodotti nazzjonali msemmija tsipouro u tsikoudia.
Kawża C-91/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-11 ta’ Lulju 2019.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku – Artikolu 110 TFUE – Direttiva 92/83/KEE – Direttiva 92/84/KEE – Regolament (KE) Nru 110/2008 – Applikazzjoni ta’ rata ta’ dazji ta’ sisa iktar baxxa fuq il-produzzjoni ta’ prodotti nazzjonali msemmija tsipouro u tsikoudia.
Kawża C-91/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:600
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
11 ta’ Lulju 2019 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku – Artikolu 110 TFUE – Direttiva 92/83/KEE – Direttiva 92/84/KEE – Regolament (KE) Nru 110/2008 – Applikazzjoni ta’ rata ta’ dazji ta’ sisa iktar baxxa fuq il-produzzjoni ta’ prodotti nazzjonali msemmija tsipouro u tsikoudia”
Fil-Kawża C‑91/18,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-8 ta’ Frar 2018,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Kyratsou u F. Tomat, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn M. Tassopoulou u D. Tsagkaraki, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha:
|
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
2 |
Is-sittax-il, is-sbatax-il u l-għoxrin premessa tad-Direttiva 92/83 huma fformulati kif ġej: “Billi hu possibbli li l-Istati Membri jitħallew japplikaw rati mnaqqsa jew eżenzjonijiet għal ċerti prodotti ta’ natura reġjonali jew tradizzjonali; Billi, fil-każijiet fejn l-Istati Membri jitħallew japplikaw rati mnaqqsa, dawn ir-rati mnaqqsa m’għandhomx joħolqu distorsjoni ta’ kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern; […] Billi, madankollu, hu possibbli li l-Istati Membri jitħallew ikollhom il-possibbiltà ta’ l-għażla li japplikaw eżenzjonijiet marbuta ma’ l-użi finali fit-territorju tagħhom”. |
3 |
L-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom japplikaw taxxa tas-sisa lil alkoħol etiliku skond din id-Direttiva. 2. L-Istati Membri għandhom jiffissaw ir-rati tagħhom skond id-Direttiva 92/84/KEE.” |
4 |
L-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 jistipula: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva l-‘alkoħol etiliku’ jkopri:
[…]”. |
5 |
L-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva jistipula: “It-taxxa tas-sisa fuq alkoħol etiliku għandha tkun iffissata għal kull ettolitru ta’ alkoħol pur ta’ 20 °C, u għandha tkun ikkalkolata b’riferenza għan-numru ta’ ettolitri ta’ alkoħol pur. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22, l-Istati Membri għandhom iżommu l-istess rata ta’ dazju fuq il-prodotti kollha taxxabbli bid-dazju fuq l-alkoħol etiliku.” |
6 |
L-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva jispeċifika: “1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa ta’ taxxa tas-sisa lill-alkoħol etiliku prodott minn distilleriji żgħar fi ħdan il-limiti segwenti:
2. Għall-iskopijiet tar-rati mnaqqsa, it-terminu ‘distillerija żgħira’ għandu jfisser distillerija li hi legalment u ekonomikament indipendenti minn kull distillerija oħra u li ma toperax bil-liċenzja. […] 4. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw disposizzjonijiet fejn l-alkoħol prodott minn produtturi żgħar jinħeles għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa hekk kif dan jinkiseb (sakemm il-produtturi ma jkunux wettqu huma nfushom xi transazzjonijiet intra-Komunitarji) mingħajr ma jkunu soġġetti għall-arranġamenti tat-taxxa tal-magazzinaġġ, u jkunu intaxxati definittivament fuq bażi ta’ rata waħda. […]”. |
7 |
L-Artikolu 23 tal-istess direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri segwenti jistgħu japplikaw rata mnaqqsa, li tista’ taqa’ taħt ir-rata minima iżda mhux iffissata għal iżjed minn 50 % taħt ir-rata standard nazzjonali ta’ dazju fuq l-alkoħol etiliku, lil prodotti segwenti: […]
|
8 |
Ir-Regolament Nru 1576/89 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU 2008, L 39, p. 16). |
9 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 110/2008 jipprevedi: “Ix-xorb spirituż għandu jkun klassifikat f’kategoriji skond id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II.” |
10 |
Skont kliem l-Anness II ta’ dan ir-regolament: “[…]
[…]
|
11 |
Skont l-Artikolu 15(2) tal-imsemmi regolament, l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-ispirti huma rreġistrati fl-Anness III tal-istess regolament. Il-punti 6 u 29 ta’ dan l-anness huma fformulati kif ġej:
|
12 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/84 jipprevedi: “Mill-ewwel ta’ Jannar 1993, ir-rata minima tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol […] għandha tiġi ffissata għal [EUR] 550 għal kull ettolitru ta’ alkoħol pur.” |
Id-dritt Grieg
13 |
L-Artikolu 4(3)(b) tal-Liġi 3845/2010 (FEK A’65/6.5.2010) jipprovdi: “Għandu jiġi applikat dazju tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku b’rata mnaqqsa b’ħamsin fil-mija (50 %), meta mqabbel mar-rata standard fis-seħħ, għall-alkoħol etiliku intiż għall-produzzjoni tal-ouzo jew li jinsab fit-tsipouro u t-tsikoudia. Din ir-rata mnaqqsa hija stabbilita għal elf, mitejn u ħamsa u għoxrin euro (EUR 1225) għal kull ettolitru ta’ alkoħol etiliku deidrat.” |
14 |
L-Artikolu 82 tal-Liġi 2960/2001 (FEK A’265/22.11.2001), kif emendata bil-Liġi 2969/2001 (FEK A’281/18.12.2001), intitolat “Intaxxar tat-tsipouro jew tat-tsikoudia tad-distillaturi ‘okkażjonali’ tal-ewwel kategorija”, huwa fformulat kif ġej: “1. It-tsipouro u t-tsikoudia minn spirtu tal-karfa tal-għeneb magħsur u sustanzi oħra awtorizzati prodotti mid-distillaturi żgħar (okkażjonali), skont l-Artikolu 7(E) tal-Liġi 2969/2001, huma suġġetti għal ħlas b’rata fissa ta’ disgħa u ħamsin ċenteżmu ta’ euro (EUR 0.59) għal kull kilogramma tal-prodott lest. 2. It-taxxa għandha titħallas meta tinħareġ l-awtorizzazzjoni ta’ distillazzjoni, fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni tal-benefiċjarju fir-rigward tal-kwantità ta’ karfa tal-għeneb magħsur jew ta’ sustanzi oħra awtorizzati li huwa beħsiebu juża u tal-kwantità ta’ tsipouro jew ta’ tsikoudia li huwa ser jipproduċi. 3. Ir-rilaxx għall-konsum tal-imsemmi prodott isir mingħajr restrizzjoni fir-rigward tal-post jew tal-ħin, permezz tal-ħruġ tad-dokumenti fiskali previsti mil-liġi.” |
15 |
L-Artikolu 7(E)(1), (3) u (8) tal-Liġi 2969/2001 jipprovdi:
[…]
[…]
|
Il-proċedura prekontenzjuża
16 |
Il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar ir-rati tad-dazju tas-sisa applikabbli skont il-leġiżlazzjoni Griega dwar ix-xorb alkoħoliku magħruf bħala tsipouro u tsikoudia. Wara li eżaminat dan l-ilment, fit-28 ta’ Ottubru 2011 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ellenika li fiha indikatilha li kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt, minn naħa, id-Direttivi 92/83 u 92/84 u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 110 TFUE. |
17 |
Ir-Repubblika Ellenika wieġbet permezz ta’ ittra tal-11 ta’ April 2012, fejn innotifikat lill-Kummissjoni, fost l-oħrajn, bl-intenzjoni tagħha li temenda l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-distillaturi żgħar. |
18 |
Fin-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-emendi leġiżlattivi mħabbra, kif mitluba permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ġunju 2012 indirizzata lir-Repubblika Ellenika, fis-27 ta’ Settembru 2013 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali u r-Repubblika Ellenika wieġbet għal din l-ittra fil-11 ta’ April 2014. |
19 |
Peress li qieset li ma kinitx issodisfatta bit-tweġiba tar-Repubblika Ellenika, fil-25 ta’ Settembru 2015 il-Kummissjoni bagħtet opinjoni mmotivata lil dan l-Istat Membru li fiha tikkonferma l-kritika espressa fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tagħha. Hija stiednet lill-imsemmi Stat Membru jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni mmotivata f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi din l-opinjoni. |
20 |
Fit-tweġiba tagħha tal-21 ta’ Jannar 2016, ir-Repubblika Ellenika indikat l-intenzjoni tagħha li temenda l-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti, minn naħa, billi testendi r-rata ta’ dazju tas-sisa mnaqqsa b’50 % meta mqabbla mar-rata standard nazzjonali applikabbli għat-tsipouro u t-tsikoudia għal spirti oħra tal-karfa tal-għeneb magħsur li ġejjin minn Stati Membri oħra u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-produzzjoni tat-tsipouro u tat-tsikoudia mid-distillaturi ż-żgħar, billi tapplika din ir-rata ta’ dazju tas-sisa mnaqqsa b’50 % filwaqt li tillimita l-produzzjoni għal 120 kilogramma għal kull sena u għal kull produttur u billi tiddestinaha biss għal konsum privat, sa fejn kull kummerċjalizzazzjoni tkun ipprojbita. |
21 |
Fil-11 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Ellenika li dan l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni ma setax jissodisfa l-obbligi tagħha taħt, minn naħa, id-Direttivi 92/83 u 92/84 u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 110 TFUE. |
22 |
Peress li ma rċeviet l-ebda informazzjoni addizzjonali mir-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors. |
Fuq ir-rikors
23 |
Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tressaq żewġ ilmenti bbażati fuq ksur, minn naħa, kemm tal-Artikoli 19 u 21 tad-Direttiva 92/83, moqrija flimkien mal-Artikolu 23(2) tagħha, kif ukoll tal-Artikolu 110 TFUE u, min-naħa l-oħra, kemm tal-Artikoli 19 u 21 tad-Direttiva 92/83, moqrija flimkien mal-Artikolu 22(1) tagħha u mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/84, kif ukoll tal-Artikolu 110 TFUE. |
Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur kemm tal-Artikoli 19 u 21 tad-Direttiva 92/83, moqrija flimkien mal-Artikolu 23(2) tagħha, kif ukoll tal-Artikolu 110 TFUE
L-argumenti tal-partijiet
24 |
L-ewwel ilment tal-Kummissjoni huwa magħmul minn żewġ partijiet. |
25 |
Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Griega dwar id-dazju tas-sisa applikabbli għat-tsipouro u għat-tsikoudia prodotti minn impriżi ta’ distillazzjoni, magħrufa bħala “distillaturi sistematiċi”, ma hijiex kompatibbli mal-Artikoli 19 u 21 tad-Direttiva 92/83, moqrija flimkien mal-Artikolu 23(2) tagħha. |
26 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikoli 19 u 21 tad-Direttiva 92/83, ir-Repubblika Ellenika hija obbligata tapplika r-rata standard tad-dazju tas-sisa fuq it-tsipouro u t-tsikoudia, u mhux rata mnaqqsa b’50 % meta mqabbla mal-imsemmija rata. Kwalunkwe eċċezzjoni għal dan il-prinċipju tista’ tiġi aċċettata biss jekk tkun permessa b’mod espliċitu mid-dritt tal-Unjoni. Issa, l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva jaċċetta eċċezzjonijiet biss fir-rigward ta’ żewġ prodotti u t-tsipouro u t-tsikoudia ma humiex fost dawn iż-żewġ prodotti. |
27 |
Interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 92/83, li hija dispożizzjoni ta’ deroga, hija eskluża. Fil-fatt, skont ir-Regolament Nru 1576/89, issostitwit bir-Regolament Nru 110/2008, it-tsipouro u t-tsikoudia jaqgħu taħt kategorija ta’ spirti kompletament differenti minn dik tal-ouzo, prevista fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 92/83. Jekk ir-Repubblika Ellenika hija konvinta li, fid-dawl tax-xebh tal-prodotti inkwistjoni, it-tsipouro u t-tsikoudia għandhom jiġu inklużi fid-dispożizzjoni ta’ deroga, jiġifieri l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, l-istess bħall-ouzo, hija għandha tibda l-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan fuq livell leġiżlattiv. |
28 |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tosserva, barra minn hekk, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jippermetti li l-Istati Membri, fuq bażi diskrezzjonali, jintroduċu skemi li jidderogaw minn dawk previsti fid-Direttiva 92/83 (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑115/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:253, punt 35). |
29 |
Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel ilment, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Ellenika talli ma wettqitx l-obbligi tagħha kemm taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE kif ukoll taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE. |
30 |
Fir-rigward tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE, li jipprevedi li “Ebda Stat ma għandu japplika, direttament jew indirettament, fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi […] ogħla minn dawk applikati direttament jew indirettament fuq prodotti simili [li jixtiebhu] nazzjonali”, il-Kummissjoni ssostni li l-kunċett ta’ xebh għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. |
31 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, sabiex jiġi evalwat ix-xebh ta’ żewġ prodotti, għandhom b’mod partikolari jiġu eżaminati l-karatteristiċi oġġettivi tagħhom. Issa, il-karatteristiċi elenkati fil-punt 6 tal-Anness II tar-Regolament Nru 110/2008, dwar l-ispirti tal-karfa tal-għeneb magħsur jew il-karfa tal-għeneb magħsur, huma karatteristiċi wkoll tat-tsipouro u tat-tsikoudia. Għalhekk, dawn iż-żewġ prodotti jixbhu minn tal-inqas l-ispirti kollha importati li jifformaw parti mill-kategorija “spirtu tal-karfa tal-għeneb magħsur jew karfa tal-għeneb magħsur” fis-sens tar-Regolament Nru 110/2008. |
32 |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tispeċifika li, fil-fehma tagħha, il-mod li bih xarba tiġi kkonsmata ma jistax jitqies bħala kriterju ta’ distinzjoni ta’ żewġ xarbiet, peress li d-drawwiet tal-konsumaturi huma varjabbli u għalhekk ma għandhomx il-kwalità ta’ kriterju li ma jinbidilx. |
33 |
F’dak li jirrigwarda t-tieni paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE, li jipprevedi li “ebda Stat Membru ma għandu japplika fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ta’ tali natura li jagħtu protezzjoni indiretta lill-produzzjoni ta’ merkanzija oħra”, il-Kummissjoni tqis li din id-dispożizzjoni tipprojbixxi kwalunkwe forma ta’ protezzjoniżmu fiskali indirett fil-każ ta’ prodotti importati li, għalkemm ma jixbhux prodotti nazzjonali, jinstabu madankollu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni, anki parzjali, indiretta jew potenzjali ma’ xi wħud minnhom. |
34 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li t-tsipouro u t-tsikoudia jistgħu jkunu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ spirti bħall-wiski, il-ġinn u l-vodka. |
35 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li, fl-opinjoni tagħha, il-bejgħ ta’ spirti importati fil-Greċja naqas mis-sena 2010 meta mqabbel ma’ dak tal-ispirti prodotti fil-Greċja, u dan il-fatt jagħti prova tal-effett protettiv tal-leġiżlazzjoni Griega dwar id-dazji tas-sisa li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors. |
36 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni Griega dwar id-dazji tas-sisa applikabbli għat-tsipouro u t-tsikoudia prodotti mill-impriżi ta’ distillazzjoni, magħrufa bħala “distillaturi sistematiċi”, ma hijiex kompatibbli mal-Artikoli 19 u 21 tad-Direttiva 92/83, moqrija flimkien mal-Artikolu 23(2) ta’ din id-Direttiva, ir-Repubblika Ellenika taċċetta li l-ouzo kif ukoll it-tsipouro u t-tsikoudia jappartjenu, skont ir-Regolament Nru 110/2008, għal kategoriji differenti ta’ xorb alkoħoliku, jiġifieri l-ouzo fil-kategorija “Anis distillata” u, it-tsipouro u t-tsikoudia, fil-kategorija “spirtu tal-karfa tal-għeneb magħsur jew karfa tal-għeneb magħsur”. |
37 |
Skont ir-Repubblika Ellenika, madankollu, dan il-fatt ma jfissirx neċessarjament li dawn l-ispirti għandhom karatteristiċi u kwalitajiet differenti. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-istess rata ta’ dazju tas-sisa mnaqqsa b’50 % fir-rigward tat-tsipouro u tat-tsikoudia kif ukoll fir-rigward tal-ouzo tista’ tkun ibbażata fuq l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 92/83, minkejja l-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett. |
38 |
Insostenn tal-approċċ tagħha, ir-Repubblika Ellenika targumenta li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 92/83 għandha ssir fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn regoli tad-dritt ta’ livell superjuri, f’dan il-każ dawk stabbiliti fl-Artikolu 110 TFUE. Issa, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju huwa li tiġi pprojbita kull diskriminazzjoni fiskali. |
39 |
Billi jiċħad l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-Artikolu 110 TFUE huwa intiż li jipproteġi l-prodotti li ġejjin minn Stati Membri oħra, filwaqt li l-prodott li għalih tirreferi r-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 92/83 huwa l-ouzo, ta’ produzzjoni nazzjonali, dan l-Istat Membru jirrifjuta wkoll il-kritika tal-Kummissjoni li ma osservax l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 110 TFUE. |
40 |
Għalhekk, ir-Repubblika Ellenika targumenta, it-tieni nett, li l-leġiżlazzjoni Griega dwar id-dazji tas-sisa inkwistjoni ma tiksirx l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu, fuq il-prodotti tal-Istati Membri l-oħra, taxxi superjuri għal dawk imposti fuq prodotti nazzjonali li jixtiebhu magħhom. Fil-fatt, skont dan l-Istat Membru, it-tsipouro u t-tsikoudia, kemm jekk aromatizzati jew le, huma differenti mill-ispirti l-oħra importati, mhux biss bħall-wiski, il-ġinn jew il-vodka, iżda wkoll il-grappa jew iz-zivania u, b’mod ġenerali, spirti li jaqgħu taħt il-kategorija tal-ispirtu tal-karfa tal-għeneb magħsur. |
41 |
F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Ellenika tinnota li l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 6 tal-Anness II tar-Regolament Nru 110/2008, li għandhom ikunu ssodisfatti minn spirtu tal-karfa tal-għeneb magħsur, huma fformulati f’termini ġenerali ħafna u ma jiddeskrivux il-karatteristiċi essenzjali tal-kwalità tal-prodott. Għalhekk ma jittiħdux inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-materja prima użata, il-karfa, u l-metodu ta’ distillazzjoni użat li, it-tnejn li huma, għandhom influwenza deċiżiva fuq il-karatteristiċi organolettiċi tal-ispirtu miksub. |
42 |
It-tielet nett, fil-kuntest tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu, fuq prodotti ta’ Stati Membri oħra, taxxi interni li jkunu ta’ natura li jipproteġu indirettament prodotti oħra, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta wkoll l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn, minn naħa, it-tsipouro u t-tsikoudia u, min-naħa l-oħra, spirti oħra, bħall-wiski, il-ġinn jew il-vodka, kif ukoll dawk li jappartjenu għall-kategorija ta’ spirtu tal-karfa tal-għeneb magħsur. |
43 |
F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Ellenika fl-aħħar nett tiċħad id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis fil-konsum tal-ispirti importati. F’dan ir-rigward, hija tosserva li s-snin mill-2010 sal-2012 kienu kkaratterizzati minn perijodu ta’ kriżi u li għalhekk ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jinsiltu konklużjonijiet żguri u affidabbli dwar il-konsum tad-diversi kategoriji ta’ spirti. Għalhekk, in-natura protettiva tal-leġiżlazzjoni fiskali Griega għall-benefiċċju tat-tsipouro u t-tsikoudia, allegata mill-Kummissjoni, ma hijiex ipprovata. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
44 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li meta kwistjoni hija rregolata b’mod eżawrjenti u b’mod armonizzat fil-livell tal-Unjoni, kull miżura nazzjonali relatata ma’ din il-kwistjoni trid tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑216/11, EU:C:2013:162, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑115/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:253, punt 38). |
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 92/83 armonizzat b’mod eżawrjenti l-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku fl-Unjoni. Għalhekk, skont l-Artikoli 19 u 21 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju u b’mod konformi mad-Direttiva 92/84, jistabbilixxu l-istess rata ta’ dazju tas-sisa fuq il-prodotti kollha suġġetti għad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku, filwaqt li l-eċċezzjonijiet li jippermettu li l-Istati Membri, taħt ċerti kundizzjonijiet, jistabbilixxu l-imsemmija rata f’livell iktar baxx mir-rata minima, huma speċifikati fid-dettall fl-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 92/83 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑115/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:253, punti 38 u 39). |
46 |
Minn dan isegwi li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni, il-Qorti għandha tillimita ruħha għall-interpretazzjoni tad-Direttivi 92/83 u 92/84. |
47 |
F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tapplika rata ta’ dazju tas-sisa mnaqqsa b’50 % meta mqabbla mar-rata standard nazzjonali applikabbli għat-tsipouro u t-tsikoudia prodotti mill-impriżi ta’ distillazzjoni, magħrufa bħala “distillaturi sistematiċi”, filwaqt li x-xorb alkoħoliku importat minn Stati Membri oħra huwa suġġett għar-rata standard tad-dazju tas-sisa. |
48 |
Fir-rigward tal-eċċezzjoni, li tirriżulta mill-Artikoli 19 u 21 tad-Direttiva 92/83, għall-prinċipju tal-applikazzjoni tal-istess rata ta’ dazju tas-sisa fuq il-prodotti kollha suġġetti għad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku previst fl-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, din id-dispożizzjoni ta’ deroga tapplika, f’dak li jirrigwarda r-Repubblika Ellenika, esklużivament u b’mod inekwivoku għax-“xarbiet [spirti] bit-togħma ta’ l-anisetta”, jiġifieri l-ouzo. |
49 |
Inkwantu dispożizzjoni ta’ deroga li tistabbilixxi sistema ta’ eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali tal-iffissar tar-rati tad-dazju tas-sisa, l-Artikolu 23(2) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat b’mod strett. |
50 |
Issa, fir-rigward tal-eżenzjonijiet jew tat-tnaqqis tar-rati tad-dazju tas-sisa speċifiċi previsti mid-Direttiva 92/83 għal ċerti kategoriji ta’ xorb, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl kemm tal-għanijiet ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-kliem tas-sbatax-il premessa tagħha li tirreferi għall-projbizzjoni ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-kuntest tas-suq intern, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jippermetti li l-Istati Membri, fuq bażi diskrezzjonali, jintroduċu skemi li jidderogaw minn dawk previsti fid-Direttiva 92/83 (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑115/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:253, punt 35). |
51 |
Għalkemm minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikoli 19 u 21 tad-Direttiva 92/83, moqrija flimkien mal-Artikolu 23(2) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, peress li t-tsipouro u t-tsikoudia, fl-istadju attwali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ma humiex fost il-prodotti koperti mis-sistema ta’ deroga prevista fl-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva, dawn huma suġġetti għall-istess rata ta’ dazju tas-sisa bħall-prodotti kollha tal-alkoħol etiliku li huma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, madankollu hemm lok li jiġi vverifikat jekk din l-interpretazzjoni hijiex ikkonfutata mill-evalwazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet fid-dawl tal-Artikolu 110 TFUE. Fil-fatt, ir-Repubblika Ellenika targumenta li, skont dan l-approċċ, l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 92/83 għandu jingħata interpretazzjoni wiesa’ li tinkludi t-tsipouro u t-tsikoudia fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. |
52 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan tal-Artikolu 110 TFUE huwa li jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Għal dan il-għan, dan l-artikolu huwa intiż sabiex ineħħi kull forma ta’ protezzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxi interni diskriminatorji fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2011, Tatu, C‑402/09, EU:C:2011:219, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE huwa intiż sabiex jiggarantixxi n-newtralità totali tat-taxxi interni fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn prodotti li jinstabu diġà fis-suq nazzjonali u prodotti importati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2011, Tatu, C‑402/09, EU:C:2011:219, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
Għalhekk, minn kliem l-Artikolu 110 TFUE jirriżulta b’mod ċar li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali, invokat mir-Repubblika Ellenika, jirreferi biss għall-ugwaljanza fit-trattament bejn il-prodotti nazzjonali u dawk importati. Issa, il-prodotti li għalihom tagħmel riferiment ir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 92/83, f’dan il-każ kemm l-ouzo kif ukoll it-tsipouro u t-tsikoudia, huma prodotti ta’ produzzjoni nazzjonali. |
55 |
Dan espost, għandu jitfakkar li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jikkostitwixxi t-traduzzjoni, f’kuntest differenti, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, The Rank Group, C‑259/10 u C‑260/10, EU:C:2011:719, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata), hija speċifikat li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jippermettix, fih innifsu, li jkun hemm estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eżenzjoni. Fil-fatt, l-imsemmi prinċipju ma huwiex regola tad-dritt primarju iżda huwa prinċipju ta’ interpretazzjoni li għandu jiġi applikat b’mod parallel mal-prinċipju li jgħid li l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank, C‑44/11, EU:C:2012:484, punt 45). |
56 |
Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 92/83 huwa dispożizzjoni ta’ deroga li hija ċara u preċiża. |
57 |
Għaldaqstant, l-approċċ tar-Repubblika Ellenika, intiż sabiex din id-dispożizzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 110 TFUE, tiġi interpretata b’mod wiesa’ b’tali mod li tinkludi t-tsipouro u t-tsikoudia, għandu jiġi miċħud. |
58 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment għandu jiġi milqugħ. |
Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 19 u 21 tad-Direttiva 92/83, moqrija flimkien mal-Artikolu 22(1) tagħha u mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/84 kif ukoll mal-Artikolu 110 TFUE
L-argumenti tal-partijiet
59 |
It-tieni lment tal-Kummissjoni huwa magħmul minn żewġ partijiet. |
60 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni lment, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Griega dwar id-dazji tas-sisa applikabbli għat-tsipouro u għat-tsikoudia prodotti minn distillaturi żgħar, imsejħa “okkażjonali”, ma hijiex kompatibbli mal-Artikoli 19 u 21 tad-Direttiva 92/83, moqrija flimkien mal-Artikolu 22(1) tagħha u mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/84. |
61 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikoli 19 u 21 tad-Direttiva 92/83, ir-Repubblika Ellenika għandha, bħala prinċipju, tapplika l-istess rata ta’ dazju tas-sisa, stabbilita b’mod konformi mad-Direttiva 92/84, għall-prodotti kollha suġġetti għad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku. Huwa biss b’mod eċċezzjonali, u fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva li l-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq l-imsemmi alkoħol meta dan jiġi prodott minn distilleriji żgħar. |
62 |
Il-Kummissjoni tinnota li, skont il-leġiżlazzjoni Griega dwar id-dazji tas-sisa inkwistjoni, minn naħa, it-tsipouro u t-tsikoudia prodotti mid-distillaturi żgħar huma suġġetti għal taxxa ta’ EUR 0.59 għal kull kilogramma, li tikkorrispondi għal EUR 59 għal kull ettolitru. Issa, din it-taxxa hija ferm inqas minn 50 % tat-tnaqqis, permess skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 92/83, meta mqabbel mar-rata standard minima ta’ dazju tas-sisa stabbilita, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/84, għal EUR 550 għal kull ettolitru ta’ alkoħol pur. |
63 |
Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, l-imsemmija leġiżlazzjoni Griega ma tipprevedix, għad-distilleriji ż-żgħar, imsejħa “okkażjonali”, limiti massimi ta’ produzzjoni li ma jaqbżux il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 92/83, f’dan il-każ produzzjoni ta’ inqas minn għaxar ettolitri ta’ alkoħol pur fis-sena. |
64 |
Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni lment, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Ellenika talli ma osservatx, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar id-dazji tas-sisa applikabbli għat-tsipouro u għat-tsikoudia prodotti minn distillaturi żgħar, imsejħa “okkażjonali”, l-obbligi tagħha kemm taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE kif ukoll dawk stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-argumenti tagħha esposti fil-punti 29 sa 35 ta’ din is-sentenza. |
65 |
Ir-Repubblika Ellenika tosserva li d-distillaturi ż-żgħar, imsejħa “okkażjonali”, tat-tsipouro u tat-tsikoudia joperaw f’kuntest nazzjonali speċifiku li jieħu inkunsiderazzjoni prattika tradizzjonali stabbilita fis-snin. Il-bejgħ tat-tsipouro u tat-tsikoudia, li huma prodotti permezz ta’ tagħmir estremament sempliċi, jitwettaq biss fi kwantitajiet kbar, minn individwu għal ieħor, u qatt ma kien is-suġġett ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji. |
66 |
F’dak li jirrigwarda r-rata, ta’ darba u fissa, applikata kif previst fl-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 92/83, din hija ta’ natura simbolika, peress li l-għan ewlieni tagħha huwa li tikkontrolla l-osservanza tal-kuntest strett ħafna li fih id-distillaturi ż-żgħar, imsejħa “okkażjonali”, huma meħtieġa li jaġixxu. |
67 |
F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Ellenika tagħmel ukoll riferiment għall-minuti tal-Kunsill “Ecofin” tad-19 ta’ Ottubru 1992, fejn jingħad li l-Istati Membri li tradizzjonalment jeżentaw il-produzzjoni ta’ kwantitajiet żgħar ta’ alkoħol maħsub għall-konsum privat jistgħu jkomplu japplikaw dawk l-eżenzjonijiet. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
68 |
Kif ġie mfakkar fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, l-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku huma armonizzati fl-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu r-rata tad-dazju tas-sisa fuq livell inferjuri għal dak tar-rata minima. Konsegwentement, it-tieni lment għandu jiġi eżaminat biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 92/83 u 92/84 li huma s-suġġett tal-ewwel parti tiegħu. |
69 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Griega dwar id-dazji tas-sisa timponi, fuq it-tsipouro u t-tsikoudia prodotti mid-distillaturi ż-żgħar, imsejħa “okkażjonali”, taxxa ta’ EUR 59 għal kull ettolitru li hija ferm inqas minn 50 % tat-tnaqqis, permess skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 92/83, meta mqabbel mar-rata standard minima ta’ dazju tas-sisa stabbilita, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/84, għal EUR 550 għal kull ettolitru ta’ alkoħol pur. |
70 |
Fir-rigward ta’ dan l-argument, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li huwa paċifiku li r-rati minimi tad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku, previsti fl-Artikoli 19 u 21 tad-Direttiva 92/83, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/84, ma humiex osservati mil-leġiżlazzjoni Griega dwar id-dazji tas-sisa f’dak li jirrigwarda t-tsipouro u t-tsikoudia prodotti mid-distillaturi ż-żgħar, imsejħa “okkażjonali”. |
71 |
Għandu, wara dan, jiġi osservat li, għalkemm huwa ċertament minnu li d-Direttiva 92/83 tipprevedi eżenzjonijiet jew tnaqqis fir-rati speċifiċi tad-dazju tas-sisa fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ xorb jew ta’ ċerti Stati Membri, madankollu, fid-dawl kemm tal-għanijiet ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-kliem tas-sbatax-il premessa tagħha, li tfakkar li eventwali rati mnaqqsa ma għandhomx iwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-kuntest tas-suq intern, għandu jiġi deċiż li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jippermetti li l-Istati Membri, fuq bażi diskrezzjonali, jintroduċu skemi li jidderogaw minn dawk previsti fid-Direttiva 92/83. |
72 |
Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-effetti tal-eżenzjonijiet ta’ kwantitajiet żgħar ta’ alkoħol etiliku fis-suq intern, meta kwistjoni tkun irregolata b’mod armonizzat fil-livell tal-Unjoni, kull miżura nazzjonali relatata ma’ din il-kwistjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑115/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:253, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
73 |
F’dan il-kuntest, id-Direttivi 92/83 u 92/84 jiffissaw ir-rati minimi tad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku mingħajr ma jikkundizzjonaw l-applikazzjoni tagħhom għall-effett li l-produzzjoni u l-konsum privat ta’ dan l-alkoħol jista’ jkollu fuq is-suq. Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika Ellenika li jgħid li l-bejgħ tat-tsipouro u tat-tsikoudia, minn individwu għal ieħor, qatt ma kien is-suġġett ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji huwa irrilevanti. |
74 |
Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika Ellenika li d-distillaturi ż-żgħar, imsejħa “okkażjonali”, tat-tsipouro u tat-tsikoudia joperaw f’kuntest nazzjonali speċifiku li jieħu inkunsiderazzjoni prattika tradizzjonali stabbilita fis-snin, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-premessa sittax tad-Direttiva 92/83 tipprevedi li l-Istati Membri huma awtorizzati japplikaw rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa jew eżenzjonijiet għal ċerti prodotti reġjonali jew tradizzjonali, dan ma jfissirx li tradizzjoni nazzjonali tista’, fiha nnifisha, teżenta lill-imsemmija Stati Membri mill-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑115/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:253, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
75 |
Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi speċifikat li dikjarazzjoni li tinsab f’minuti tal-Kunsill “Ecofin” ma tistax tikkonfuta l-analiżi magħmula fil-punti 71 sa 74 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dikjarazzjonijiet magħmula fl-istadju tax-xogħlijiet preparatorji, li jwasslu għall-adozzjoni ta’ direttiva, ma jistgħux jiġu invokati għall-interpretazzjoni tagħha meta l-kontenut tagħhom ma jkun bl-ebda mod espress fit-test tad-dispożizzjoni inkwistjoni u meta dawn ma għandhom, għaldaqstant, l-ebda portata ġuridika (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑115/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:253, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
76 |
Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li, billi adottat u applikat leġiżlazzjoni li tipprevedi li, taħt il-kundizzjonijiet li hija tistabbilixxi, il-produzzjoni tat-tsipouro u tat-tsikoudia mwettqa mid-distillaturi ż-żgħar, imsejħa “okkażjonali”, hija suġġetta għal rata ta’ dazju tas-sisa ta’ EUR 59 għal kull ettolitru, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 19 u 21 tad-Direttiva 92/83, moqrija flimkien mal-Artikolu 22(1) tagħha u mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/84. |
77 |
Minn dawn l-elementi jirriżulta li t-tieni lment għandu jiġi milqugħ. |
78 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha:
|
Fuq l-ispejjeż
79 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.