EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0070

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2019.
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid vs A et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Deċiżjoni Nru 2/76 – Artikolu 7 – Deċiżjoni Nru 1/80 – Artikolu 13 – Klawżoli ta’ ‘standstill’ – Restrizzjoni ġdida – Ġbir, reġistrazzjoni u żamma ta’ data bijometrika ta’ ċittadini Torok f’fajl ċentrali – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Għan ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentarja – Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata – Dritt għall-protezzjoni ta’ data personali – Proporzjonalità.
Kawża C-70/18.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:823

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Deċiżjoni Nru 2/76 – Artikolu 7 – Deċiżjoni Nru 1/80 – Artikolu 13 – Klawżoli ta’ ‘standstill’ – Restrizzjoni ġdida – Ġbir, reġistrazzjoni u żamma ta’ data bijometrika ta’ ċittadini Torok f’fajl ċentrali – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Għan ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentarja – Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata – Dritt għall-protezzjoni ta’ data personali – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑70/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

vs

A,

B,

P,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, C. Toader, A. Rosas u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A, B u P, minn D. Schaap, advocaat,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u M. A. M. de Ree, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren, M. Wolff u P. Ngo, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn A. Joyce, bħala aġent, assistit minn D. Fennelly, barrister,

għall-Gvern tar-Renju Unit, inizjalment minn R. Fadoju, sussegwentement minn S. Brandon, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils, D. Martin u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 tal‑20 ta’ Diċembru 1976 adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf mill-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit‑12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat‑23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), kif ukoll tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad‑19 ta’ Settembru 1980 dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, rispettivament, l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) u A u s-Segretarju tal-Istat u B u P dwar l-obbligu ta’ kooperazzjoni mall-ġbir tad-data bijometrika ta’ A u B għall-finijiet tal-kisba ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja fil-Pajjiżi l-Baxxi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

3

L-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinsab fil-Kapitolu 3, bit-titolu “Dispożizzjonijiet ekonomiċi oħra”, tat-Titolu II tiegħu jipprevedi:

“Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li ser ikunu ggwidati mill-Artikoli [39], [40] u [41 KE] sabiex bejniethom jintlaħaq progressivament il-moviment liberu tal-ħaddiema”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]“

Id-Deċiżjoni Nru 2/76

4

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 2/76, dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jipprevedi:

“1.   Din id-deċiżjoni tistabbilixxi, bħala l-ewwel fażi, ir-regoli applikabbli għall-implementazzjoni tal-Artikolu 36 tal-[Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit‑23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72 tad‑19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41)].

2.   Din l-ewwel fażi għandha ddum erba’ snin, li jibdew jiddekorru mill-1 ta’ Diċembru 1976.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni jistabbilixxi:

“L-Istati Membri tal-Komunità u r-[Repubblika tat-Turkija] ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg applikabbli għall-ħaddiema legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

L-Artikolu 11 tal-istess deċiżjoni huwa fformulat kif ġej:

“Sena qabel tmiem l-ewwel fażi u fid-dawl tar-riżultati miksuba matul din il-fażi, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jagħti bidu għal diskussjonijiet sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut tal-fażi sussegwenti u jiżgura li d-deċiżjoni dwar din il-fażi tiġi implimentata fid-data tal-iskadenza tal-ewwel fażi. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni għandhom japplikaw sal-bidu tal-fażi sussegwenti. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni japplikaw sal-bidu tal-fażi segwenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7

Skont l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 2/76, din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ fl‑20 ta’ Diċembru 1976.

Id-Deċiżjoni Nru 1/80

8

It-Taqsima 1, bit-titolu “Kwistjonijiet dwar l-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema”, tal-Kapitolu II, intitolat “Dispożizzjonijiet soċjali”, tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tinkludi l-Artikolu 13 li jipprevedi:

“L-Istati Membri tal-Komunità u [r-Repubblika tat-Turkija] ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema u tal-membri tal-familja tagħhom li jinsabu fit-territorju rispettiv tagħhom f’sitwazzjoni regolari f’dak li jikkonċerna r-residenza u l-impjieg.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

L-Artikolu 14(1) ta’ din id-deċiżjoni, li wkoll jagħmel parti mill-imsemmija Taqsima I, jipprevedi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima għandhom japplikaw bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubbliċi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

Skont l-Artikolu 16(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tagħha huma applikabbli sa mill‑1 ta’ Diċembru 1980.

Id-Direttiva 95/46/KE

11

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

b)

‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

ċ)

‘sistema ta’ ħażna ta’ data personali’ (‘sistema ta’ ħażna’) tfisser sett strutturat ta’ data personali li jkun aċċessibbli skond kriterji speċifiċi, kemm jekk ċentraliżżat, di-ċentraliżżat jew imferrex fuq bażi funzjonali jew ġeografika;

[…]”

Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008

12

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema ta’ l-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU 2008, L 218, p. 60), jipprevedi:

“Il-VIS għandu jkollha l-iskop li ttejjeb l-implimentazzjoni tal-politika komuni tal-viża, l-kooperazzjoni konsulari u l-konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-viża billi tiffaċilita l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar applikazzjonijiet [għal viża] u d-deċiżjonijiet relatati, sabiex:

[…]

ċ)

tiġi faċilitata l-ġlieda kontra l-frodi;

[…]”

Ir-Regolament (UE) 2019/817;

13

L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew tal‑20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU 2019, L 135, p. 27), jipprevedi:

“1.   Billi jiżgura l-interoperabbiltà, dan ir-Regolament għandu l-għanijiet li ġejjin:

a)

li jtejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-verifiki fil-fruntieri tal-fruntieri esterni;

b)

li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali;

[…]

2.   L-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintlaħqu billi:

a)

tiġi żgurata l-identifikazzjoni korretta tal-persuni;

b)

isir kontribut għall-ġlieda kontra l-frodi tal-identità;

[…]”

Id-dritt Olandiż

14

Skont l-Artikolu 106a(1) tal-Vreemdelingwet 2000 (il-Liġi tal-2000 dwar il-Barranin), tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495), kif emendata bil-wet tot wijziging van de Vreemdelingenwet 2000 in verband met de uitbreiding van het gebruik van biometrische kenmerken in de vreemdelingenketen in verband met het verbeteren van de identiteitsvaststelling van de vreemdeling (il-Liġi li Temenda l-Liġi tal-2000 dwar il-Barranin fir-Rigward tal-Użu Estiż tal-Identifikaturi Bijometriċi fil-Kuntest tal-Kooperazzjoni bejn il-Korpi Kompetenti fil-Qasam tal-Barranin bil-Għan tat-Titjib tal-Identifikazzjoni ta’ Ċittadin Barrani), tal‑11 ta’ Diċembru 2013 (Stb. 2014, Nru 2, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”):

“Xbieha tal-wiċċ u xbihat tal-għaxar marki tas-swaba’ diġitali ta’ ċittadin barrani jistgħu, meta r-regolamenti Ewropej dwar id-data bijometrika msemmija fl-Artikolu 1 ma jipprevedux tali possibbiltà, jittieħdu u jiġu pproċessati sabiex tiġi stabbilita l-identità ta’ dan iċ-ċittidin għall-eżekuzzjoni ta’ din il-liġi. Ix-xbieha tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’ diġitali huma pparagunati ma’ dawk li jinsabu fil-fajl taċ-ċittadini barranin.”

15

L-Artikolu 107 tal-Liġi dwar il-Barranin jipprevedi:

“1.   Huwa stabbilit fajl ta’ ċittadini barranin amministrat mill-ministru tagħna. Ir-reġistru taċ-ċittadini barranin jinkludi:

a)

ix-xbieha tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’ diġitali msemmija fl-Artikolu 106(1);

[…]

2.   Il-fajl taċ-ċittadini barranin huwa intiż għall-ipproċessar:

a)

tad-data msemmija fil-paragrafu 1 (a), għall-eżekuzzjoni ta’ din il-liġi, tal-liġi tar-Renju [tal-Pajjiżi l-Baxxi] dwar in-Nazzjonalità Olandiża u d-dispożizzjonijiet adottati b’applikazzjoni tagħhom;

[…]

5.   Mingħajr preġudizzju għall-għan imsemmi fil-paragrafu 2(a), […] id-data msemmija fil-paragrafu 1(a), għandha tkun disponibbli biss għall-finijiet ta’:

[…]

c)

identifikazzjoni ta’ reati u ta’ prosekuzzjoni;

[…]

6.   Id-data tal-fajl taċ-ċittadini barranin dwar il-marki tas-swaba’ diġitali taċ-ċittadin barrani ma tistax, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 5(c), tingħata għal finijiet ta’ identifikazzjoni u ta’ prosekuzzjonijiet fil-każijiet ta’ reati li fir-rigward tagħhom tista’ tiġi imposta miżura ta’ detenzjoni provviżorja, skont awtorizzazzjoni bil-miktub tal-qorti istruttorja mogħtija fuq talba tal-prosekutur pubbliku u:

a)

meta jkun hemm suspett raġonevoli li l-persuna ssuspettata tkun persuna barranija, jew

b)

fl-interessi ta’ investigazzjoni, minkejja li l-investigazzjoni preliminari ma tagħmilx progress jew li jkunu meħtieġa riżultati rapidi sabiex jintefa’ dawl fuq ir-reat.

[…]”

16

L-Artikolu 8.34 tal-Vreemdelingenbesluit 2000 (id-Digriet tal-2000 dwar il-Barranin), tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 497) jipprevedi li:

“1.   L-uffiċjali inkarigati biż-żamma tal-fajl ta’ ċittadini barranin għandhom aċċess dirett għax-xbieha tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’ li jinsabu fil-fajl sa fejn huwa meħtieġ l-aċċess għalihom sabiex iwettqu b’mod xieraq l-inkarigu tagħhom u sa fejn il-Ministru tagħna kien awtorizzahom li jagħmlu dan.

[…]”

17

L-Artikolu 8.35 tad-Digriet tal-2000 dwar il-Barranin jipprevedi:

“Il-perijodu ta’ żamma tax-xbieha tal-wiċċ u tal-marki tas-swaba’ li jinsabu fil-fajl ta’ ċittadini barranin ma jaqbiżx:

a)

ħames snin wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja;

b)

fil-każ ta’ residenza legali, ħames snin wara d-data li fiha jista’ jintwera li ċ-ċittadin barrani li r-residenza legali tiegħu tkun intemmet telaq mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jew

c)

jekk iċ-ċittadin barrani kien suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul jew ġie ddikjarat bħala persuna mhux mixtieqa, ħames snin minn meta jiskadi l-perijodu ta’ validità tal-projbizzjoni fuq id-dħul jew id-dikjarazzjoni ta’ persuna mhux mixtieqa.”

18

Il-qorti tar-rinviju tesponi li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi li jixtiequ joqogħdu fil-Pajjiżi l-Baxxi għal tul ta’ iktar minn 90 jum bħala residenza ordinarja għandhom, bħala prinċipju, ikunu detenturi ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja fil-mument tad-dħul tagħhom fit-territorju.

19

Barra minn hekk, din il-qorti tippreċiża li, konformement mal-Artikolu 54(1)(c) tal-Liġi dwar il-Barranin, flimkien mal-Artikolu 1.31 tad-Digriet tal-2000 dwar il-Barranin, ċittadin ta’ Stat terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja huwa obbligat, fil-mument tal-applikazzjoni tiegħu, li jikkoopera fit-teħid u fl-ipproċessar tad-data bijometrika tiegħu.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

20

Fil‑15 ta’ Novembru 2013, kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż introduċiet f’isem A, ċittadin Tork, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja bil-għan li dan tal-aħħar jeżerċita attività bħala persuna impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi.

21

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Marzu 2014, is-Segretarju tal-Istat laqa’ din l-applikazzjoni. Madankollu, din id-deċiżjoni tissuġġetta l-għoti tal-awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja għall-kundizzjoni li A jipprovdi ċerta data bijometrika, jiġifieri x-xbieha tal-wiċċ u l-għaxar marki tas-swaba’ diġitali tiegħu. A kkoopera għall-ġbir tad-data bijometrika tiegħu u kiseb awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja fil-Pajjiżi l-Baxxi.

22

B huwa ċittadin Tork li l-konjuġi tiegħu, P, tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi u għandha n-nazzjonalità doppja Torka u Olandiża. Fis‑17 ta’ Frar 2014, P ressqet applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja favur B.

23

Is-Segretarju tal-Istat, inizjalment, ċaħad din it-talba. B u P ippreżentaw rikors amministrattiv kontra din iċ-ċaħda. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ April 2014, is-Segretarju tal-Istat iddikjara fondat l-imsemmi rikors u laqa’ l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja, filwaqt li ssuġġetta l-għoti tagħha għall-kundizzjoni li B jipprovdi ċerta data bijometrika, jiġifieri x-xbieha tal-wiċċ u l-għaxar marki tas-swaba’ diġitali tiegħu. B ikkoopera għall-ġbir tad-data bijometrika tiegħu u kiseb awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja fil-Pajjiżi l-Baxxi.

24

A, minn naħa, kif ukoll B u P, min-naħa l-oħra, ippreżentaw rikors amministrattiv quddiem is-Segretarju tal-Istat kontra d-deċiżjonijiet tiegħu tat‑28 ta’ Marzu u tal‑4 ta’ April 2014, sa fejn dawn kienu jobbligaw lil A u B rispettivament sabiex jikkooperaw għall-ġbir tad-data bijometrika tagħhom sabiex jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja fil-Pajjiżi l-Baxxi.

25

Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑23 ta’ Diċembru 2014 u tas‑6 ta’ Jannar 2015, is-Segretarju tal-Istat ċaħad, rispettivament, ir-rikorsi ppreżentati minn B u P, minn naħa, kif ukoll minn A, min-naħa l-oħra.

26

A, minn naħa, u B u P, min-naħa l-oħra, ippreżentaw rikors quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) kontra dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar.

27

Permezz ta’ sentenzi tat‑3 ta’ Frar 2016, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Rotterdam) iddikjarat fondati l-imsemmija rikorsi. Din il-qorti ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-ġbir, ir-reġistrazzjoni u ż-żamma ta’ data bijometrika taċ-ċittadini Torok f’fajl ċentrali kienet tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 u tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Barra minn hekk, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Rotterdam) ikkunsidrat, essenzjalment, li l-miżura inkwistjoni ma kinitx proporzjonata fid-dawl tal-għan leġittimu segwit, jiġifieri l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumetarja. Konsegwentement, l-imsemmija qorti, minn naħa, annullat id-deċiżjonijiet tas-Segretarju tal-Istat tat‑28 ta’ Marzu u tal‑4 ta’ April 2014, sa fejn dawn kienu jirrikjedu li A u B jikkooperaw mal-ġbir tad-data bijometrika tagħhom, u, min-naħa l-oħra, ordnat lis-Segretarju tal-Istat li jneħħi d-data bijometrika tagħhom mill-fajl ċentrali f’terminu ta’ sitt ġimgħat li jibda jiddekorri min-notifika tal-imsemmija sentenzi.

28

Is-Segretarju tal-Istat appella minn dawn is-sentenzi tat‑3 ta’ Frar 2016 quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi).

29

Il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-ġbir, ir-reġistrazzjoni u ż-żamma ta’ data bijometrika taċ-ċittadini Torok f’fajl ċentrali kienet tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 u tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali restrizzjoni hija pprojbita ħlief jekk tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan leġittimu segwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. F’dan il-kuntest, abbażi tal-prinċipju li l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha għan leġittimu u li hija xierqa sabiex jintlaħaq dan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġbir, ir-reġistrazzjoni u ż-żamma ta’ data bijometrika ta’ ċittadini ta’ Stati terzi f’fajl ċentrali, kif previsti minn din il-leġiżlazzjoni, imorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentarja. Skont il-qorti tar-rinviju, sa fejn it-teħid u l-ipproċessar tad-data bijometrika jikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46, u li din id-data taqa’ taħt kategorija partikolari ta’ data, fis-sens tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, id-derogi għall-protezzjoni ta’ din id-data u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom joperaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 96).

30

Barra minn hekk, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti, f’ċerti kundizzjonijiet, il-provvista ta’ data bijometrika ta’ ċittadini Torok lil terzi għall-finijiet tas-sejbien u tal-prosekuzzjoni ta’ reati, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxix “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 u tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u, fl-affermattiv, jekk tali restrizzjoni hijiex proporzjonata fid-dawl tal-għan segwit. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk l-effett prodott minn din il-leġiżlazzjoni fuq l-aċċess għall-impjieg fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ ċittadini Torok jistax jiġi kkunsidrat bħala inċert u indirett wisq sabiex jiġi konkluż li teżisti “restrizzjoni ġdida” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

L-Artikolu 7 tad-[Deċiżjoni Nru 2/76] u l-Artikolu 13 tad-[Deċiżjoni Nru 1/80] għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, f’termini ġenerali, l-ipproċessar u l-ħażna [żamma] ta’ data bijometrika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi Torok, f’sistema ta’ ħażna [fajl] fis-sens tal-[Artikolu 2(c) tad-[Direttiva 95/46], peress li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għan leġittimu [li għandu jintlaħaq], [jiġifieri l-]prevenzjoni u [l-]ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentali?

b)

Il-fatt li t-tul ta’ ħażna ta’ data bijometrika jkun marbut ma’ dak tar-residenza legali u/jew illegali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi Torok, huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward?

2)

L-Artikolu 7 tad-[Deċiżjoni Nru 2/76] u l-Artikolu 13 tad-[Deċiżjoni Nru 1/80] għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali ma tikkostitwixxix restrizzjoni fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet meta l-effett tagħha fuq l-aċċess għall-impjieg kif previst minnhom huwa wisq inċert u indirett sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li jeżisti ostakolu għal dan l-aċċess?

3)

a)

Jekk hemm lok li t-tieni domanda tiġi risposta fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ terzi ta’ data bijometrika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi Torok, li tinsab f’sistema ta’ ħażna għal għanijiet ta’ prevenzjoni, ta’ sejbien u ta’ investigazzjoni ta’ ksur – terroristiċi jew mhux – tikkostitiwxxi restrizzjoni ġdida, l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 8 ta’ din il-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi tali leġiżlazzjoni nazzjonali?

b)

Il-fatt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu fuqu, fil-mument meta jiġi miżmum bħala ssuspettat bit-twettiq ta’ ksur, dokument ta’ residenza li jinkludi d-data bijometrika tiegħu huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

32

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 u l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja favur ċittadini ta’ Stati terzi, inklużi ċittadini Torok, għall-kundizzjoni li d-data bijometrika tagħhom tinġabar, tiġi rrreġistrata u miżmuma f’fajl ċentrali, tikkostitwixxix “restrizzjoni ġdida”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u, fl-affermattiv, jekk tali leġiżlazzjoni tistax tiġi ġġustifikata mill-għan li jikkonsisti fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentarja.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li kemm l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 kif ukoll l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistabbilixxu klawżola ta’ “standstill” li tipprojbixxi, b’mod ġenerali, l-introduzzjoni ta’ kull miżura interna ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju minn ċittadin Tork tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli għalih fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjonijiet fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Yön, C‑123/17, EU:C:2018:632, punt 39).

34

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, minn naħa, li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 japplika ratione temporis għall-miżuri nazzjonali introdotti matul il-perijodu ta’ bejn l‑20 ta’ Diċembru 1976 u t‑30 ta’ Novembru 1980, u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 japplika ratione temporis għall-miżuri nazzjonali introdotti sa mill‑1 ta’ Diċembru 1980, id-data li fiha daħlet fis-seħħ din id-deċiżjoni (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Yön, C‑123/17, EU:C:2018:632, punt 48).

35

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tressqet wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fil-Pajjiżi l-Baxxi.

36

Minn dan isegwi li l-imsemmija leġiżlazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, b’tali mod li din l-aħħar dispożizzjoni biss għandha tiġi interpretata fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda.

37

Kif tfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-klawżola ta’ standstill imsemmija fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tipprojbixxi b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura interna ġdida li għandha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju minn ċittadin Tork tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli għalih fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir, C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 25).

38

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li din id-dispożizzjoni tipprekludi l-introduzzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, mid-data tad-dħul fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ta’ kwalunkwe restrizzjonijiet ġodda għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, inklużi dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet fuq il-mertu u/jew ta’ proċedura fir-rigward tal-ewwel dħul fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru taċ-ċittadini Torok li jixtiequ jagħmlu użu minn din il-libertà (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Demir, C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrendi iktar stretti l-kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-ħaddiema Torok legalment residenti fl-Istat Membru kkonċernat, meta mqabbla ma’ dawk applikabbli meta daħlet fis-seħħ id-Deċiżjoni Nru 1/80 f’dan l-Istat Membru, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni, għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema min-naħa ta’ dawn iċ-ċittadini Torok fl-imsemmi Stat Membru (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir, C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 31).

40

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fir-rigward tagħha ġie kkonstatat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza li ġiet introdotta fil-Pajjiżi l-Baxxi wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 f’dan l-Istat Membru, tipprevedi li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi, inklużi ċ-ċittadini Torok, li jixtiequ jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi għal tul ta’ iktar minn 90 jum, għandhom jiksbu minn qabel awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-imsemmija ċittadini jikkoperaw għall-ġbir tad-data bijometrika tagħhom, jiġifieri għaxar marki tas-swaba’ u xbieha tal-wiċċ. Din id-data għandha tiġi sussegwentement irreġistrata u miżmuma f’fajl ċentrali għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi fl-identità u dokumentarja.

41

B’hekk, l-imsemmija leġiżlazzjoni tagħmel il-kundizzjonijiet tal-ewwel dħul fit-territorju Olandiż fir-rigward taċ-ċittadini Torok iktar restrittivi meta mqabbla ma’ dawk li kienu applikabbli għalihom fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fil-Pajjiżi l-Baxxi.

42

Fil-kawżi prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet ta’ residenza provviżorja lil A u lil B sabiex, rispettivament, jeżerċita attività bħala persuna impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi u sabiex jibbenefika mir-riunifikazzjoni tal-familja ma’ P f’dan l-Istat Membru, kien suġġett għall-kundizzjoni li A u B jipprovdu d-data bijometrika tagħhom.

43

F’dawn iċ-ċikustanzi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

44

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali restrizzjoni hija pprojbita ħlief jekk din taqa’ taħt il-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 14 ta’ din id-deċiżjoni jew jekk tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan segwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Yön, C‑123/17, EU:C:2018:632, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet.

46

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kwistjoni dwar jekk l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-għan ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentarja, jistax jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ta’ natura li jiġġustifika “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan ta’ prevenzjoni tad-dħul u tar-residenza irregolari jikkostitwixxi tali raġuni imperattiva (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Demir, C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 41)

47

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-ġbir u ż-żamma ta’ marki tas-swaba’ diġitali fil-kuntest tal-ħruġ ta’ passaporti sabiex tiġi evitata l-falsifikazzjoni tagħhom u l-użu frawdolenti tagħhom isegwu għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni Ewropea, jiġifieri li jiġi prekluż id-dħul illegali ta’ persuni fit-territorju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz, C‑291/12, EU:C:2013:670, punti 36 sa 38).

48

Fit-tielet u fl-aħħar lok, għandha tiġi rrilevata l-importanza mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-frodi tal-identità, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 2(ċ) tar-Regolament Nru 767/2008, u mill-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 2019/817.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għan li jikkonsisti fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentarja jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tkun ta’ natura li tiġġustifika “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

50

It-tieni nett, fir-rigward tan-natura xierqa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jiġi ggarantit it-twettiq ta’ tali għan, għandu jiġi rrilevat li l-ġbir, ir-reġistrazzjoni u ż-żamma ta’ għaxar marki tas-swaba’ diġitali u tax-xbieha tal-wiċċ ta’ ċittadini ta’ Stati terzi f’fajl ċentrali jippermettu li tiġi identifikata b’mod preċiż il-persuna kkonċernata u li tinstab il-frodi tal-identità u dokumentarja, billi d-data bijometrika tal-applikant għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja tiġi pparagunata ma’ dik li tidher fl-imsemmi fajl.

51

Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija xierqa sabiex tiggarantixxi l-għan segwit.

52

It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit, għandu jiġi żgurat li hija ma tirrigwardax, f’isem l-għan tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentarja, ksur sproporzjonat tad-dritt għall-ħajja privata fil-qasam tal-ipproċessar tad-data personali.

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprevedi, b’mod partikolari, li kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tagħha. Skont l-Artikolu 8(1) tagħha, kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.

54

Ir-rispett tad-dritt għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, irrikonoxxut mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, jirrigwarda kull informazzjoni li tikkonċerna persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 52).

55

B’hekk, minn naħa, il-marki tas-swaba’ diġitali u x-xbieha tal-wiċċ ta’ persuna fiżika jaqgħu taħt dan il-kunċett peress li oġġettivament jinkludu informazzjoni uniċi fuq persuni fiżiċi u jippermettu l-identifikazzjoni preċiża tagħhom (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz, C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 27). Min-naħa l-oħra, l-operazzjonijiet ta’ ġbir, ta’ reġistrazzjoni u ta’ żamma tal-marki tas-swaba’ diġitali u tax-xbieha tal-wiċċ ta’ ċittadini ta’ Stati terzi f’fajl ċentrali jikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata fuq livell tal-Unjoni tirrikjedi li d-derogi għall-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, sabiex jiġu evitati u miġġielda l-frodi tal-identità u dokumentarja, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw l-identità ddikjarata tal-applikant għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja. Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-għan jirrikjedi li jiġi żgurat, b’mod partikolari, li l-applikant ma jkunx ippreżenta, qabel din l-applikazzjoni, applikazzjoni oħra taħt identità differenti, billi jiġu pparagunati l-marki tas-swaba’ diġitali tiegħu ma’ dawk li jinsabu f’fajl ċentrali.

58

Fit-tieni lok, id-data prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija limitata għal għaxar marki tas-swaba’ diġitali u għal xbieha tal-wiċċ. Il-ġbir ta’ din id-data, minbarra li tippermetti li tiġi identifikata b’mod affidabbli l-persuna kkonċernata, ma hijiex ta’ natura intima u lanqas ma timplika inkonvenjenza fiżika jew psikoloġika partikolari għall-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz, C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 48).

59

Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni stess ippreveda, b’mod partikolari fil-kuntest tar-Regolament Nru 767/2008, l-obbligu fuq l-applikanti għal viżi li jipprovdu l-għaxar marki tas-swaba’ diġitali tagħhom u x-xbieha tal-wiċċ tagħhom.

60

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din tapplika, essenzjalment, għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi kollha li jixtiequ jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi għal tul ta’ iktar minn 90 jum jew li jirrisjedu illegalment f’dan l-Istat Membru.

61

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-għan segwit mill-imsemmija leġiżlazzjoni, jiġifieri li tiġi evitata u miġġielda l-frodi tal-identità u dokumentarja ta’ ċittadini ta’ Stati terzi, ma jistax jintlaħaq billi tiġi limitata l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni għal kategorija ta’ ċittadini ta’ Stati terzi partikolari. Għaldaqstant, il-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li tiżgura t-twettiq effikaċi tal-għan segwit.

62

Fir-raba’ lok, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-aċċess u l-użu tad-data bijometrika li tinsab fil-fajl ċentrali huma limitati għall-uffiċjali tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-barranin, bħall-persunal tal-postijiet konsulari u diplomatiċi, debitament awtorizzati għal dan il-għan mill-ministru kompetenti, sabiex tiġi stabbilita jew ivverifikata l-identità taċ-ċittadini ta’ Stati terzi sa fejn neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

63

Fil-ħames u l-aħħar lok, f’dak li jirrigwarda t-tul taż-żamma tad-data personali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata għandha, b’mod partikolari, dejjem tissodisfa kriterji oġġettivi li jistabbilixxu rabta bejn id-data personali li għandha tinżamm u l-għan segwit (Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 191).

64

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li d-data bijometrika tinżamm fil-fajl ċentrali għal tul ta’ ħames snin wara ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja, it-tluq tal-persuna kkonċernata fi tmiem residenza legali jew l-iskadenza tal-perijodu ta’ validità ta’ projbizzjoni ta’ dħul jew ta’ dikjarazzjoni ta’ persuna mhux mixtieqa. Id-data bijometrika tinqered immedjatament fil-każ ta’ naturalizzazzjoni taċ-ċittadin ta’ Stat terz matul ir-residenza tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi.

65

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi relazzjoni bejn it-tul taż-żamma tad-data bijometrika u l-għan dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentarja.

66

Fil-fatt, iż-żamma tad-data bijometrika ta’ ċittadini ta’ Stati terzi matul ir-residenza tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi tidher iġġustifikata fid-dawl tan-neċessità li jiġu vverifikati, matul dan il-perijodu, l-identità u l-legalità tar-residenza f’dan l-Istat Membru ta’ tali ċittadini, skont il-Liġi dwar il-Barranin, b’mod partikolari waqt l-eżami ta’ estensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ residenza. Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa neċessarju li jkun hemm tali perijodu ta’ żamma sabiex jiġi evitat li applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ residenza temporanja jiġu ppreżentati taħt l-identità ta’ ċittadini ta’ Stati terzi li jirrisjedu legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi.

67

Fir-rigward taż-żamma tad-data bijometrika taċ-ċittadini ta’ Stati terzi matul perijodu ta’ ħames snin wara ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja, tat-tluq tagħhom fi tmiem residenza legali jew tal-iskadenza tat-tul ta’ validità ta’ projbizzjoni ta’ dħul jew ta’ dikjarazzjoni ta’ persuna mhux mixtieqa meħuda fil-konfront tagħhom, għandu jiġi rrilevat li tali perijodu ta’ żamma jipprekludi, b’mod partikolari, li ċittadini ta’ Stati terzi li jinsabu f’dawn iċ-ċirkustanzi jintroduċu applikazzjoni ġdida taħt identità differenti.

68

Għal dan il-għan, l-imsemmi perijodu ta’ żamma ta’ ħames snin ma jidhirx li huwa eċċessiv fid-dawl tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

69

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentarja.

70

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja favur ċittadini ta’ Stati terzi, inklużi ċittadini Torok, għall-kundizzjoni li d-data bijometrika tagħhom tinġabar, tiġi rreġistrata u tinżamm f’fajl ċentrali, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Tali restrizzjoni hija madankollu ġġustifikata mill-għan li jikkonsisti fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentarja.

Fuq it-tieni domanda

71

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 u l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali ma tikkostitwixxix restrizzjoni fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet meta l-effett tagħha fuq l-aċċess għall-impjieg huwa inċert u indirett wisq sabiex jista’ jiġi konkluż li jeżisti ostakolu għal dan l-aċċess.

72

B’mod partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tat-tieni domanda tagħha, din il-qorti tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk, fid-dawl tal-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti wkoll il-provvista ta’ data bijometrika ta’ ċittadini ta’ Stati terzi, inklużi ċittadini Torok, lil terzi għall-finijiet tas-sejbien u tal-prosekuzzjoni ta’ reati, din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxix “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

73

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġustifikazzjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 130 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi, essenzjalment, li l-provvista ta’ data bijometrika ta’ ċittadini ta’ Stati terzi, inklużi ċittadini Torok, lil terzi għall-finijiet tas-sejbien u tal-prosekuzzjoni ta’ reati hija awtorizzata biss fil-każijiet ta’ reati li fir-rigward tagħhom tista’ tiġi imposta miżura ta’ arrest provviżorju meta, tal-inqas, jeżisti suspett li ċittadin ta’ Stat terz wettaq reat ta’ din in-natura.

75

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li A u B huma ssuspettati li wettqu reat u li d-data bijometrika tagħhom ġiet ipprovduta lil terzi skont l-Artikolu 107(5) u (6) tal-Liġi dwar il-Barranin. Barra minn hekk, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Olandiż ikkonferma li d-data bijometrika ta’ A u ta’ B ma ntużatx fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.

76

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tieni domanda tiġi ddikjarata inammissibbli.

Fuq it-tielet domanda

77

Peress li t-tieni domanda ġiet iddikjarata inammissibbli, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

78

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad‑19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, imwaqqaf mill-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit‑12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat‑23 ta’ Diċembru 1963, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja favur ċittadini ta’ Stati terzi, inklużi ċittadini Torok, għall-kundizzjoni li d-data bijometrika tagħhom tinġabar, tiġi rreġistrata u tinżamm f’fajl ċentrali, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Tali restrizzjoni hija madankollu ġġustifikata mill-għan li jikkonsisti fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentarja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top