EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0066

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2020.
Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ammissibbiltà – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi – Artikolu XVI – Aċċess għas-swieq – Skeda ta’ impenji speċifiċi – Kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni – Artikolu XX(2) – Artikolu XVII – Trattament nazzjonali – Fornitur ta’ servizzi li għandu s-sede tiegħu fi Stat terz – Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li timponi kundizzjonijiet għall-provvista ta’ servizzi ta’ edukazzjoni ogħla fit-territorju tiegħu – Rekwiżit relatat mal-konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali mal-Istat tas-sede tal-fornitur – Rekwiżit relatat mal-għoti ta’ taħriġ fl-Istat tas-sede tal-fornitur – Modifika tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni favur fornituri nazzjonali – Ġustifikazzjoni – Ordni pubbliku – Prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Direttiva 2006/123/KE – Servizzi fis-suq intern – Artikolu 16 – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Eżistenza ta’ restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali – Ordni pubbliku – Prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa – Livell għoli ta’ kwalità tat-tagħlim – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 13 – Libertà akkademika – Artikolu 14(3) – Libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ tagħlim – Artikolu 16 – Libertà ta’ intrapriża – Artikolu 52(1).
Kawża C-66/18.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:792

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )

Werrej

 

I. Il-kuntest ġuridiku

 

A. Id-dritt tal-WTO

 

1. Il-Ftehim li Jistabbilixxi l-WTO

 

2. Il-GATS

 

3. Il-Ftehim dwar ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim

 

B. Id-dritt tal-Unjoni

 

C. Id-dritt Ungeriż

 

II. Il-proċedura prekontenzjuża

 

III. Fuq ir-rikors

 

A. Fuq l-ammissibbiltà

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

B. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

C. Fuq il-mertu

 

1. Fuq ir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti

 

a) Fuq l-effetti li għandhom jingħataw lill-impenn tal-Ungerija, fir-rigward tas-servizzi ta’ edukazzjoni ogħla, fir-rigward tar-regola tat-trattament nazzjonali li tinsab fl-Artikolu XVII tal-GATS

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

b) Fuq il-bidla tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni favur fornituri nazzjonali simili

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

2) Fuq il-ġustifikazzjoni skont l-Artikolu XIV tal-GATS

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

2. Fuq ir-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat

 

a) Fuq l-Artikolu XVII tal-GATS

 

1) Fuq il-bidla tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni favur fornituri nazzjonali simili

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

2) Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

b) Fuq l-Artikolu 49 TFUE

 

1) Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 49 TFUE

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

2) Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

3) Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

c) Fuq l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 u, sussidjarjament, fuq l-Artikolu 56 TFUE

 

1) Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

2) Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

3) Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni

 

i) L-argumenti tal-partijiet

 

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

3. Fuq l-Artikolu 13, l-Artikolu 14(3) u l-Artikolu 16 tal-Karta

 

a) Fuq l-applikabbiltà tal-Karta

 

1) L-argumenti tal-partijiet

 

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

b) Fuq l-eżistenza ta’ limitazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali kkonċernati

 

1) L-argumenti tal-partijiet

 

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

c) Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni

 

1) L-argumenti tal-partijiet

 

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq l-ispejjeż

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ammissibbiltà – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi – Artikolu XVI – Aċċess għas-swieq – Skeda ta’ impenji speċifiċi – Kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni – Artikolu XX(2) – Artikolu XVII – Trattament nazzjonali – Fornitur ta’ servizzi li għandu s-sede tiegħu fi Stat terz – Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li timponi kundizzjonijiet għall-provvista ta’ servizzi ta’ edukazzjoni ogħla fit-territorju tiegħu – Rekwiżit relatat mal-konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali mal-Istat tas-sede tal-fornitur – Rekwiżit relatat mal-għoti ta’ taħriġ fl-Istat tas-sede tal-fornitur – Modifika tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni favur fornituri nazzjonali – Ġustifikazzjoni – Ordni pubbliku – Prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Direttiva 2006/123/KE – Servizzi fis-suq intern – Artikolu 16 – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Eżistenza ta’ restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali – Ordni pubbliku – Prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa – Livell għoli ta’ kwalità tat-tagħlim – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 13 – Libertà akkademika – Artikolu 14(3) – Libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ tagħlim – Artikolu 16 – Libertà ta’ intrapriża – Artikolu 52(1)”

Fil-Kawża C‑66/18,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fl‑1 ta’ Frar 2018

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, L. Malferrari u B. De Meester kif ukoll minn K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

L‑Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, M Vilaras, M. Safjan u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, J. Malenovský (Relatur), L. Bay Larsen, T. von Danwitz, C. Toader u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Ġunju 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkonstata li, billi imponiet fuq l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni barranin li jinsabu barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) il-konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali bħala kundizzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu pprovduti servizzi ta’ tagħlim, b’mod konformi mal-Artikolu 76(1)(a) tan-Nemzeti felsġoktatásról szóló 2011. évi CCIV. törvény (il-Liġi Nru CCIV tal-2011, dwar l-Edukazzjoni Ogħla Nazzjonali) (Magyar Közlöny 2011/165), kif emendata bin-Nemzeti felsġoktatásról szóló 2011. évi CCIV. törvény (il-Liġi Nru XXV tal-2017, li temenda l-Liġi Nru CCIV tal-2011 dwar l-Edukazzjoni Ogħla Nazzjonali), adottata mill-Parlament Ungeriż fl-4 ta’ April 2017 (Magyar Közlöny 2017/53) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla”), l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu XVII tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (iktar ’il quddiem il-“GATS”) li jinsab fl-Anness 1 B tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesh u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim li Jistabbilixxi l-WTO”);

tikkonstata li, billi imponiet fuq l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin li jipprovdu edukazzjoni ogħla fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, b’mod konformi mal-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), u, fi kwalunkwe każ, skont l-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif ukoll l-Artikolu XVII tal-GATS;

tikkonstata li, billi imponiet il-miżuri msemmija iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 76(1)(a) u (b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla (iktar ’il quddiem il-“miżuri kontenzjużi”), l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13, l-Artikolu 14(3) u l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

I. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-WTO

1.   Il-Ftehim li Jistabbilixxi l-WTO

2

L-Artikolu XVI(4) tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-WTO jipprovdi:

“Kull Membru għandu jiżgura l-konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri amminisrattivi tiegħu rigward l-obbligi tiegħu kif ipprovvdut fil-Ftehim annessi.”

2.   Il-GATS

3

L-Artikolu I(1) sa (3) tal-GATS jipprovdi:

“1.   Dan il-Ftehim japplika għal miżuri minn Membri li jagħmlu kummerċ fis-servizzi.

2.   Għall-iskop ta’ dan il-Ftehim, kummerċ fis-servizzi huwa definit bħala l-provvista ta’ servizz:

[…]

(ċ)

minn fornitur ta’ servizz ta’ Membru wieħed, permezz ta’ preżenza kummerċjali fit-territorju ta’ Membru ieħor;

[…]

3.   Għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim:

a)

‘miżuri mill-Membri’ tfisser miżuri meħuda minn:

i)

gvernijiet u awtoritajiet reġjonali jew lokali: u

ii)

korpi non-governattivi fl-eżerċizzju tal-poteri tagħhom iddelegati minn gvernijiet u awtoritajiet reġjonali jew lokali;

Fil-qadi ta’ l-obbligazzjonijiet u r-rabtiet taħt dan il-Ftehim, kull Membru għandu jieħu dawk il-miżuri raġonevoli li jkunu disponibbli għalih sabiex jiżgura l-osservanza tagħhom minn gvernijiet u awtoritajiet reġjonali u lokali u korpi non-governattivi fit-territorju tiegħu;

[…]”

4

L-artikolu XIV tal-GATS jipprovdi:

“Mingħajr ħsara għall-ħtieġa li dawn il-miżuri ma jkunux applikati b’mod li jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u mhux ġustifikabbli bejn il-pajjiżi fejn jipprevalu kondizzjonijiet simili, jew restrizzjoni fuq il-kummerċ fis-servizzi moħbija, xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jinftiehem li ma jħallix l-adozzjoni jew l-infurzar minn xi Membri ta’ miżuri:

a)

neċessarji sabiex jipproteġu l-morali pubblika jew sabiex iżommu l-ordni pubblika;

[…]

(ċ)

neċessarji sabiex jiżguraw il-konformità mal-liġijiet jew regolamenti li mhumiex inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, inklużi dawk li għandhom x’jaqsmu ma’:

i)

il-prevenzjoni ta’ prassi li jqarrqu u frodulenti jew it-trattament ta’ l-effetti ta’ ksur ta’ kuntratti ta’ servizz;

[…]”

5

L-Artikoli XVI sa XVIII tal-GATS jaqgħu taħt il-Parti III ta’ dan il-ftehim, intitolata “Rabtiet speċifiċi”.

6

L-Artikolu XVI tal-GATS, intitolat “Aċċess għas-Suq”, jipprevedi:

“1.   Fejn jidħol aċċess għas-suq permezz tal-modi ta’ provvista identifikati fl-Artikolu I, kull Membru għandu jagħti lis-servizzi u lill-fornituri tas-servizzi ta’ Membru ieħor trattament mhux inqas favorevoli minn dak ipprovdut taħt it-termini, limitazzjonijiet u kondizzjonijiet miftehma u speċifikati fl-Iskeda tiegħu.

2.   F’setturi fejn ir-rabtiet tal-aċċess għas-suq ikunu ttieħdu, il-miżuri li Membru ma jistax iżomm jew jaddotta sew jekk fuq bażi ta’ suddiviżjoni reġjonali jew fuq il-bażi tat-territorju kollu tiegħu, sakemm mhux speċifikat mod ieħor fl-Iskeda tiegħu, hume definiti bħala:

a)

limitazzjonijiet fuq in-numru ta’ fornituri tas-servizzi sew jekk fil-forma ta’ kwoti numeriċi, monopolji, fornituri tas-servizzi esklussivi jew il-ħtieġa tat-test tal-bżonnijiet ekonomiċi;

b)

limitazzjonijiet fuq il-valur totali tat-tranżazzjonijiet jew assi tas-servizz fil-forma ta’ kwoti numeriċi jew il-ħtieġa tat-test tal-bżonnijiet ekonomiċi;

(ċ)

limitazzjonijet fuq in-numru totali ta’ operazzjonijiet tas-servizz jew fuq il-kwantitá totali ta’ ħruġ espress f’termini ta’ units numeriċi fil-forma ta’ kwoti jew il-ħtieġa ta’ test tal-bżonnijiet ekonomiċi;

d)

limitazzjonijiet fuq in-numru totali ta’ persuni naturali li jistgħu jkunu impjegati f’settur tas-servizzi partikolari jew li fornitur tas-servizzi jista’ jimpjega u li huma neċessarji għal, u direttament irrelatati mal-provvista ta’ servizz speċifiku fil-forma ta’ kwoti numeriċi jew il-ħtieġa ta’ test tal-bżonnijiet ekonomiċi;

e)

miżuri li jirrestrinġu jew jirrikjedu tipi speċifiċi ta’ entitá legali jew intrapriża konġunta li permezz tagħha fornitur tas-servizzi jista’ jipprovdi servizz; u

f)

limitazzjonijiet fuq il-parteċipazzjoni ta’ kapital barrani f’termini ta’ limitu ta’ perċentwal massimu fuq azzjonarjat barrani jew il-valur totali ta’ l-investiment barrani totali jew individwali.”

7

L-Artikolu XVII tal-GATS, intitolat “Trattament Nazzjonali”, jipprovdi:

“1.   “Fis-setturi imsemmija fl-Iskeda, bla ħsara għal xi kondizzjonijiet jew kwalifiċi imsemmija fiha, kull Membru għandu jħalli lil servizzi jew fornituri ta’ servizzi ta’ Membri oħrajn, fejn jidħlu miżuri li jaffettwaw il-provvista tas-servizzi, trattament mhux inqas favorevoli minn dak li jħalli għal servizzi u fornituri tas-servizzi simili tiegħu stess.

2.   Membru jista’ jilħaq il-ħtiġijiet tal-paragrafu 1 billi jħalli lil servizzi jew fornituri tas-servizzi ta’ xi Membru ieħor, jew trattament formalment identiku jew trattament formalment differenti minn dak li jħalli lil servizzi jew fornituri tas-servizzi simili tiegħu stess.

3.   Trattament formalment identiku jew formalment differenti għandu jkun ikkunsidrat inqas favorevoli jekk ibiddel il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni favur is-servizzi jew il-fornituri tas-servizzi tal-Membru meta kkumparat ma’ servizzi jew fornituri tas-servizzi simili ta’ xi Membru ieħor.”

8

Skont l-Artikolu XX(1) u (2) tal-GATS:

“1.   Kull Membru għandu jistabbilixxi fi skeda r-rabtiet speċifiċi li għamel taħt Parti III ta’ dan il-Ftehim. Fejn jidħlu setturi li fihom dawn ir-rabtiet ġew magħmulin, kull Skeda għandha tispeċifika:

a)

termini, limitazzjonijiet u kondizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq;

b)

kondizzjonijiet u kwalifiċi fuq it-trattament nazzjonali;

[…]

2.   Miżuri inkonsistenti kemm ma’ l-Artikolu XVI u kemm ma’ l-Artikolu XVII għandhom ikunu mniżżla fil-kolonna rrelatata ma’ l-Artikolu XVI. F’dan il-każ l-iskrizzjoni tkun ikkunsidrata bħala waħda li tipprovdi kondizzjoni jew kwalifika għall-Artikolu XVII ukoll”.

3.   Il-Ftehim dwar ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim

9

Il-Ftehim dwar Regoli u Proċeduri li Jirregolaw Konkluzjonijiet ta’ Tilwim, li jinsab fl-Anness 2 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim”), jipprevedi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, li r-regoli u l-proċeduri li jinsabu fih għandhom japplikaw għat-tilwim ippreżentat skont id-dispożizzjonijiet dwar il-konsultazzjonijiet u r-riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-ftehimiet li jinsabu fl-Anness 1 tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-WTO, fosthom il-GATS.

10

L-Artikolu 3(2) ta’ dan il-ftehim jipprovdi:

“Is-sistema ta’ risoluzzjoni ta’ rilwim tal-WTO hi element ċentrali fil-provvista ta’ sigurtà u predizzjoni għas-sistema kummerċjali multilaterali. Il-Membri jagħrfu li sservi biex tippreserva d-drittijiet u l-obbligi tal-Membri taħt il-ftehim koperti, u biex tiċċara d-dispożizzjonijiet ta’ dawk il-ftehim skond ir-regoli tas-soltu ta’ l-interpretazzjoni tal-liġi pubblika internazzjonali Rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet [tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim] ma jistgħux iżidu jew inaqqsu d-drittijiet u l-obbligi provduti fil-ftehim koperti.”

11

Skont l-Artikolu 11 tal-imsemmi ftehim:

“Il-funzjoni tal-panels hu li jassistu [lill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim] fit-twettiq tar-responsabbilitajiet tiegħu taħt dan il-Ftehim u l-ftehim koperti. Bl-istess mod, panel għandu jagħmel stima oġġettiva tal-kwistjoni quddiemu, inklużi stima oġġettiva tal-fatti tal-każ u l-applikabbilità u konformità mal-ftehim koperti rilevanti, waqt li jagħmel sejbiet oħra bħal dawn li jassistu [lill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim] meta jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet jew fl-għotja tad-deċiżjonijiet provduti mill-ftehim koperti. Il-panels għandhom jikkonsultaw regolarment mal-partijiet tat-tilwima u jagħtuhom opportunità adegwata biex jiżviluppaw soluzzjoni sodisfaċenti reċiprokament.”

12

L-Artikolu 17 tal-istess ftehim, intitolat “Reviżjoni ta’ l-Appell”, jipprovdi b’mod partikolari:

“6.   Appell għandu jkun limitat għall-materji ta’ liġi koperti fir-rapport tal-panel u fl-interpretazzjonijiet legali żviluppati mill-panel.

[…]

13.   Il-Korp Ta’ l-Appell jista’ jżomm, jimodifika jew jaqleb is-sejbiet legali u l-konklużjonijiet tal-panel.

[…]”

13

Skont l-Artikolu 19(1) tal-Ftehim dwar ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim:

“Fejn panel jew Korp Ta’ l-Appell jikkonkludi li miżura hi inkonsistenti mal-ftehim kopert, hu għandu jirrakkomanda li l-Membru konċernat iġib il-miżura skond dak il-ftehim. Barra minn hekk mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-panel jew il-Korp Ta’ l-Appell jista’ jipproponi modi li fihom il-Membru konċernat jista’ jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet.”

14

L-Artikolu 21 ta’ dan il-memorandum ta’ ftehim, intitolat “Sorveljanza ta’ l-Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet u d-Deċiżjonijiet”, jipprovdi:

“1.   Konformità mill-ewwel mar-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet [tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim] hi essenzali biex tkun aċċertata resoluzzjoni effettiva tat-tilwim għall-benefiċċju tal-Membri kollha.

[…]

3.   F’laqgħa [tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim] li ssir fi żmien 30 jum wara d-data ta’ l-adozzjoni tar-rapport tal-panel jew il-Korp Ta’ l-Appell, il-Membru konċernat għandu jgħarraf [lill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim] bl-intenzjonijiet tiegħu dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet [tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim]. Jekk huwa impratikabbli biex taqbel immedjatament mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet, il-Membru konċernat għandu jkollu perjodu raġonevoli ta’ żmien li fih jista’ jagħmel hekk. […]

[…]

6.   [Il-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim] għandu jżomm taħt sorveljanza l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet addottati. […]

[…]”

15

L-Artikolu 22(1) tal-imsemmi ftehim jipprovdi li:

“1. Kumpens u s-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħra huma miżuri temporanji disponibbli fil-każ li r-rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet m’humiex implimentati f’perjodu raġonevoli ta’ ħin. […]”

16

Skont l-Artikolu 23(1) ta l-istess ftehim:

“Meta Membri jfittxu r-rimedju għal ksur ta’ obbligi jew tħassir ieħor tal-benefiċċji taħt il-ftehim koperti jew tfixkil għal kisba ta’ kwalunkwe għan tal-ftehim koperti, għandhom ikunu jistgħu jirrikorru għal, u jimxu ma’, ir-regoli u l-proċeduri ta’ dan il-Ftehim.”

B. Id-dritt tal-Unjoni

17

Il-premessa 41 tad-Direttiva 2006/123 tipprovdi li:

“Il-kunċett ta’ ‘politika pubblika’, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea], ikopri l-protezzjoni kontra theddid serju ġenwin u suffiċjenti li jaffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà u jista’ jinkludi, b’mod partikolari, kwistjonijiet relatati mad-dinjità umana, il-protezzjoni ta’ minuri u adulti vulnerabbli u l-benesseri ta’ l-annimali. […]”

18

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/123, id-direttiva tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

19

Il-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “servizz” bħala “attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu [57 TFUE]”.

20

L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Libertà tal-provvista ta’ servizzi”, jipprevedi fl-ewwel u fit-tielet paragrafu tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

L-Istat Membru fejn ġie provdut is-servizz għandu jiżgura aċċess liberu u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it-territorju tiegħu.

L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:

a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir-rigward ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti,

b)

bżonn: il-bżonn għandu jkun ġusitifikat għal raġunijiet tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent,

(ċ)

proporzjonalità: ir-rekwiżit għandu jkun adatt biex jikseb l-objettivi mfittxa, u m’għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-objettiv.

[…]

3.   L-Istat Membru fejn il-fornitur imur m’għandux ikun imxekkel milli jimponi rekwiżiti fir-rigward tal-provvista ta’ attività ta’ servizz, fejn ikunu ġustifikati minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika, saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent u skond il-paragrafu 1. […]”

C. Id-dritt Ungeriż

21

Skont l-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla ma jistax jeżerċita attività ta’ taħriġ li twassal għal diploma fit-territorju Ungeriż ħlief jekk “il-Gvern Ungeriż u l-Gvern tal-Istat fejn tinsab is-sede tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla barrani jkunu taw il-kunsens tagħhom sabiex ikunu marbuta minn konvenzjoni dwar is-sostenn ta’ prinċipju mogħti lill-istabbiliment sabiex tiġi eżerċitata attività fl-Ungerija, konvenzjoni, li, fil-każ ta’ Stat Federali, hija bbażata fuq ftehim minn qabel konkluż mal-gvern ċentrali meta dan ma għandux kompetenza sabiex jagħti kunsens sabiex ikun marbut minn konvenzjoni internazzjonali” (iktar ’il quddiem ir-“rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti”).

22

Skont l-Artikolu 77(2) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-Artikolu 76(1)(a) ta’ din il-liġi ma japplikax għall-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin stabbiliti f’pajjiż ieħor membru taż-ŻEE.

23

L-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla jipprovdi li l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin li jeżerċitaw attività fl-Ungerija għandhom mhux biss ikollhom il-kwalità ta’ stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla awtorizzati mill-Istat fil-pajjiż fejn tinsab is-sede tagħhom, iżda għandhom ukoll jipprovdu “effettivament taħriġ ta’ edukazzjoni ogħla” fil-pajjiż inkwistjoni (iktar ’il quddiem ir-“rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat”).

24

B’mod konformi mal-Artikolu 77(3) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76(1)(b) ta’ din il-liġi japplikaw ukoll għall-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru taż-ŻEE.

25

L-Artikolu 115(7) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla kien jistabbilixxi fl‑1 ta’ Jannar 2018 it-terminu mogħti lill-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin sabiex jissodisfaw il-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 76(1) ta’ din il-liġi, bl-eċċezzjoni tal-Istati Federali li għalihom ftehim preċedenti kellu jiġi konkluż mal-gvern ċentrali fis-sitt xhur wara l-pubblikazzjoni tal-Liġi Nru XXV tal-2017, jiġifieri qabel il‑11 ta’ Ottubru 2017. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni kienet tipprovdi li l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija liġi tiġi rtirata lilhom l-awtorizzazzjoni li huma għandhom u li, mill-1 ta’ Jannar 2018, ebda student ma jista’ jiġi rreġistrat fl-ewwel sena ta’ taħriġ ipprovdut fl-Ungerija minn stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla barrani, filwaqt li l-korsijiet diġà mibdija fl-Ungerija fl‑1 ta’ Jannar 2018 setgħu jitlestew, mhux iktar tard fis-sena universitarja 2020/2021, fl-istess kundizzjonijiet skont sistema ta’ abbandun gradwali.

II. Il-proċedura prekontenzjuża

26

Peress li qieset li, billi adottat il-Liġi Nru XXV tal-2017, l-Ungerija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 9, 10 u 13, il-punt 3 tal-Artikolu 14 u l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123, kif ukoll, sussidjarjament, l-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikolu XVII tal-GATS, u l-Artikolu 13, l-Artikolu 14(3) u l-Artikolu 16 tal-Karta, il-Kummissjoni, fis‑27 ta’ April 2017, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru, li lilu hija tat terminu ta’ xahar sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. L-Ungerija weġbitha permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Mejju 2017, li fiha hija kkontestat in-nuqqasijiet li ġiet akkużata bihom.

27

Fl‑14 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha kkonkludiet, b’mod partikolari, li:

billi imponiet fuq l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin li jinsabu barra miż-ŻEE l-konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali bħala kundizzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu pprovduti servizzi ta’ tagħlim, b’mod konformi mal-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu XVII tal-GATS;

billi imponiet fuq l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin li jipprovdu edukazzjoni ogħla fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, b’mod konformi mal-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 u, fi kwalunkwe każ, taħt l-Artikoli 49 u 56 TFUE, u

billi imponiet il-miżuri kontenzjużi, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13, l-Artikolu 14(3) u l-Artikolu 16 tal-Karta.

28

Il-Kummissjoni imponiet terminu ta’ xahar fuq l-Ungerija sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata jew sabiex tippreżentalha osservazzjonijiet.

29

Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Lulju 2017, l-Ungerija talbet proroga ta’ dan it-terminu, li l-Kummissjoni rrifjutatilha.

30

L-Ungerija wieġbet għall-opinjoni motivata permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Awwissu 2017, li fiha kkonkludiet li ma kienx hemm l-allegati nuqqasijiet.

31

Dan l-Istat Membru, permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Settembru 2017, ittrażmetta lill-Kummissjoni osservazzjonijiet ġodda intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiġi stabbilit il-paragun bejn is-sitwazzjoni tiegħu u dik ta’ Stati Membri oħra kif ukoll sabiex tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna diversi Stati Membri.

32

Fis‑26 ta’ Settembru 2017, saret laqgħa ta’ esperti bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u dawk tal-Ungerija.

33

Fil‑5 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni bagħtet lill-Ungerija opinjoni motivata addizzjonali li fiha hija sostniet li, billi imponiet fuq l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin l-obbligu li jipprovdu edukazzjoni ogħla fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, b’mod konformi mal-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-Ungerija kienet ukoll naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu XVII tal-GATS.

34

Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Ottubru 2017, l-Ungerija bagħtet lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali, li fiha spjegat li l-Istati Uniti tal-Amerika kienu l-uniku Stat Federali mhux membru taż-ŻEE li miegħu kellu jiġi konkluż ftehim minn qabel, kif previst fl-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla. Skont l-informazzjoni pprovduta sussegwentement mill-awtoritajiet Ungeriżi, tali ftehim preċedenti kien ġie konkluż fit-terminu inizjalment previst fl-Artikolu 115(7) ta’ din il-liġi li d-data ta’ skadenza tiegħu kienet il‑11 ta’ Ottubru 2017.

35

L-Ungerija wieġbet għall-opinjoni motivata addizzjonali permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Ottubru 2017, li fiha informat lill-Kummissjoni bl-adozzjoni mill-Parlament Ungeriż, fis‑17 ta’ Ottubru 2017, ta’ abbozz ta’ liġi li jemenda l-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla li, b’mod partikolari, kellu l-effett li jipposponi għall‑1 ta’ Jannar 2019 id-data ta’ skadenza prevista fl-Artikolu 115(7) ta’ din il-liġi sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 76(1) tagħha.

36

L-Ungerija indikat, barra minn hekk, f’din l-ittra li l-liġi li tirrigwarda l-promulgazzjoni tal-ftehim dwar il-kooperazzjoni fil-qasam ta’ edukazzjoni ogħla konkluż bejn il-Gvern Ungeriż u l-Istat tal-Maryland (l-Istati Uniti), dwar l-eżerċizzju, mill-McDaniel College, ta’ attività fl-Ungerija, kienet ġiet ippubblikata fil-Magyar Közlöny (il-Ġurnal Uffiċjali tal-Ungerija).

37

Fl-aħħar nett, permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Novembru 2017, l-Ungerija bagħtet lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali ġdida, li tippreċiża li l-konvenzjoni internazzjonali neċessarja għat-tkomplija fl-Ungerija tal-attività tal-università tal-mediċina ta’ Heilongjiang Daxue (iċ-Ċina) kienet ġiet iffirmata fit‑30 ta’ Ottubru 2017.

38

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni, fl‑1 ta’ Frar 2018, ippreżentat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-miżuri kontenzjużi.

39

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2018, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta lil din il-kawża trattament prijoritarju, b’applikazzjoni tal-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

III. Fuq ir-rikors

A. Fuq l-ammissibbiltà

1.   L-argumenti tal-partijiet

40

Fir-risposta tagħha, l-Ungerija ssostni li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, minħabba l-aġir tal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża u minħabba illegalitajiet li jirriżultaw minn dan l-aġir. Dan l-Istat Membru jesponi l-ewwel nett li l-Kummissjoni imponietlu, mingħajr ma pprovdiet ebda ġustifikazzjoni, li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-ittra ta’ intimazzjoni, imbagħad fuq l-opinjoni motivata, f’terminu ta’ xahar, minflok dak ta’ xahrejn li huwa normalment applikat fil-kuntest tal-proċeduri prekontenzjużi, u dan minkejja li l-Ungerija kellha taffaċċja żewġ proċeduri oħra għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija b’mod parallel u rregolati wkoll minn termini simili. Sussegwentement, il-Kummissjoni kienet ċaħdet it-talbiet għal proroga tagħha ta’ dan it-terminu mingħajr ma pprovdiet motivazzjoni xierqa.

41

Tali aġir juri li l-Kummissjoni ma fittxitx li tisma’ b’mod adegwat lill-Ungerija, bi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba. Dan l-aġir jikkostitwixxi wkoll ksur tad-dritt tal-Ungerija li tinvoka b’mod utli l-motivi ta’ difiża tagħha.

42

Fil-kontroreplika tagħha, l-Ungerija tirrileva, barra minn hekk, li l-Kummissjoni tipprova tiġġustifika l-aġir tagħha billi tinvoka ċ-ċirkustanza li l-awtoritajiet Ungeriżi ma kinux disposti li jħassru d-dispożizzjonijiet kontenzjużi tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla. Issa, tali ċirkustanza ma tistax tiġi invokata sabiex tiġġustifika tnaqqis tat-termini applikabbli għall-proċedura prekontenzjuża, mingħajr ma jkun hemm ksur tal-għanijiet ta’ din tal-aħħar.

43

Barra minn hekk, l-Ungerija ssostni li, billi ħalliet x’jinftiehem b’mod ċar li hija kienet bdiet din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu esklużivament fl-interess tas-Central European University (CEU) u minħabba kunsiderazzjonijiet purament politiċi, il-Kummissjoni ppreġudikat b’mod serju d-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta.

44

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

2.   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument ibbażat fuq termini ta’ tweġiba allegatament eċċessivament qosra imposti mill-Kummissjoni fuq l-Ungerija, għandu jitfakkar li l-għan tal-proċedura prekontenzjuża hu li tingħata l-possibbiltà lill-Istat Membru kkonċernat li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni jew li jsostni utilment il-motivi ta’ difiża tiegħu kontra lmenti fformulati mill-Kummissjoni (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑371/04, EU:C:2006:668, punt 9). Ir-regolarità ta’ din il-proċedura tikkostitwixxi garanzija essenzjali mixtieqa mit-Trattat FUE, mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll sabiex jiġi żgurat li l-eventwali proċedura kontenzjuża jkollha bħala suġġett tilwima ddefinita b’mod ċar (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja et, L‑Ungerija vs Ir‑Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 91 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Dawn l-għanijiet jobbligaw lill-Kummissjoni li tagħti lill-Istati Membri kkonċernati terminu raġonevoli sabiex iwieġbu għall-ittra ta’ intimazzjoni u sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ opinjoni motivata jew, jekk ikun il-każ, sabiex jippreparaw id-difiża tagħhom. Sabiex tiġi evalwata n-natura raġonevoli tat-terminu stabbilit, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-każ ineżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Polonja et, L‑Ungerija vs Ir‑Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 92 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li terminu qasir jista’ jkun iġġustifikat f’sitwazzjonijiet partikolari, b’mod partikolari meta jkun hemm urġenza sabiex jiġi rrimedjat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew meta l-Istat Membru kkonċernat ikun jaf b’mod sħiħ il-perspettiva tal-Kummissjoni ferm qabel il-bidu tal-proċedura (sentenza tat-2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja et, L‑Ungerija vs Ir‑Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 92).

48

F’dan il-każ, il-Parlament Ungeriż, fl‑4 ta’ April 2017, adotta l-Liġi Nru XXV, li tipprovdi li l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet minn issa elenkati fl-Artikolu 76(1) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, minn naħa, kienet ser tiġi lilhom irtirata l-awtorizzazzjoni sabiex jeżerċitaw l-attività tagħhom u, min-naħa l-oħra, ma għandhomx iktar id-dritt li jaċċettaw studenti ġodda fl-ewwel sena mill‑1 ta’ Jannar 2018, fejn il-korsijiet diġà mibdija għandhom jitlestew mhux iktar tard matul is-sena universitarja 2020/2021.

49

Fis‑27 ta’ April 2017, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Ungerija u tatha terminu ta’ xahar sabiex tippreżenta osservazzjonijiet. Fl‑14 ta’ Lulju 2017, din l-istituzzjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha tat lil dan l-Istat Membru terminu ta’ xahar sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu magħha jew sabiex jippreżenta osservazzjonijiet.

50

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li t-terminu mogħti lill-Ungerija kien immotivat mill-urġenza li kienet teżisti, skont il-Kummissjoni, sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront ta’ dan l-Istat Membru, terminu ta’ xahar ma jidhirx li huwa irraġonevoli.

51

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ungeriż, din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu biss fl‑1 ta’ Frar 2018. Fil-fatt, din tal-aħħar kienet ġiet informata minn qabel, permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Ottubru 2017, dwar il-posponiment sal‑1 ta’ Jannar 2019 tad-data li minnha l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa fl-Artikolu 76(1) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla ma jkollhomx iktar id-dritt li jaċċettaw studenti ġodda fl-ewwel sena.

52

Fi kwalunkwe każ, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-Kummissjoni tissottometti proċedura prekontenzjuża għal termini qosra ma jistax, fih innifsu, iwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sussegwenti. Fil-fatt, ikun hemm tali inammissibbiltà biss fil-każ fejn l-aġir tal-Kummissjoni jkun ipprekluda lill-Istat Membru kkonċernat milli jsostni b’mod utli l-motivi ta’ difiża tiegħu kontra lmenti fformulati mill-Kummissjoni u għalhekk tkun kisret id-drittijiet tad-difiża, fejn dan l-Istat Membru għandu l-obbligu li jipproduċi l-prova ta’ dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva), C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Issa, f’dan il-każ, l-Ungerija ma pproduċietx tali prova.

54

Għall-kuntrarju, l-eżami tal-iżvolġiment tal-proċedura prekontenzjuża, kif imfakkar fil-punti 26 sa 37 ta’ din is-sentenza, juri, qabel kollox, li l-Ungerija, fit-terminu ta’ xahar li kien ġie mogħti lilha mill-Kummissjoni, ippreżentat osservazzjonijiet iddettaljati dwar l-ittra ta’ intimazzjoni, u sussegwentement dwar l-opinjoni motivata. Sussegwentement, dan l-Istat Membru ppreżenta osservazzjonijiet ġodda dwar dan is-suġġett fi tliet ittri tal‑11 ta’ Settembru, tas‑6 ta’ Ottubru u tat‑13 ta’ Novembru 2017, li kollha ġew aċċettati mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, mill-analiżi tad-dokumenti skambjati matul il-proċedura prekontenzjuża kif ukoll dik tar-rikors promotur jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet kollha fformulati mill-Ungerija għall-fażijiet differenti ta’ din il-proċedura, inklużi dawk ippreżentati wara l-iskadenza tat-termini mogħtija.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa irrilevanti li termini analogi kienu ġew mogħtija lill-Ungerija, matul l-istess perijodu, f’żewġ proċeduri oħra għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li kienu jikkonċernawha.

56

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-allegazzjoni tal-Ungerija li l-Kummissjoni allegatament tat bidu għal din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bl-għan waħdieni li tipproteġi l-interessi tas-CEU, u dan għal għanijiet purament politiċi, għandu jitfakkar li l-għan li għandu jintlaħaq mill-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE huwa l-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligi imposti fuqu mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ tali proċedura, il-Kummissjoni għandha, f’dak li jikkonċerna l-opportunità li tibda tali proċedura, setgħa diskrezzjonali li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax’ teżerċita stħarriġ ġudizzjarju.(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa ammissibbli.

B. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

1.   L-argumenti tal-partijiet

58

L-Ungerija teċċepixxi n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’dak li jikkonċerna l-ilmenti tal-Kummissjoni bbażati fuq ksur tal-GATS.

59

Fl-ewwel lok, dan l-Istat Membru jsostni li, b’mod konformi mal-Artikolu 6(e) TFUE, il-qasam tal-edukazzjoni ogħla ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea u li huma konsegwentement l-Istati Membri kkonċernati li, f’dan il-qasam, jissodisfaw, individwalment, l-eventwali nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tagħhom skont il-GATS.

60

Fit-tieni lok, b’mod konformi mar-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali, huma esklużivament il-gruppi speċjali u l-Korp tal-Appell tal-WTO (iktar ’il quddiem il-“Korp tal-Appell”) stabbiliti mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim (iktar ’il quddiem il-“KRT”) li għandhom jevalwaw jekk il-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla hijiex kompatibbli mal-impenji meħuda mill-Ungerija skont il-GATS.

61

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑61/94, EU:C:1996:313, punti 15 u 16), il-Kummissjoni hija kompetenti sabiex teżamina l-implimentazzjoni ta’ ftehim tal-WTO li sar parti integrali mid-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn Stati Membri u istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda mhux f’dak tar-relazzjonijiet bejn Stat Membru u Stat terz.

62

Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talba tal-Kummissjoni sa fejn din hija bbażata fuq ksur tal-GATS, din tippreġudika, permezz tal-interpretazzjoni awtonoma tagħha tal-artikoli tal-GATS u tal-iskeda ta’ impenji speċifiċi tal-Ungerija, il-kompetenza esklużiva tal-membri tal-WTO u tal-korpi li jikkostitwixxu s-sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-WTO sabiex jiġu interpretati l-ftehimiet tal-WTO, u dan bi ksur tal-Artikolu 216(2) TFUE, u dan b’hekk joħloq riskju li l-interpretazzjoni uniformi tal-GATS tiġi kompromessa.

63

Fil-fatt, ladarba l-eżistenza tan-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-GATS hija kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati terzi ma jkollhomx iktar interess li jibdew proċedura fil-kuntest tas-sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-WTO.

64

Il-Kummissjoni twieġeb, fl-ewwel lok, li, b’mod konformi mal-Artikolu 207(4) TFUE, il-kummerċ tas-servizzi ta’ tagħlim jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni sa fejn dan huwa inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni. B’konsegwenza, billi jiżguraw l-osservanza tal-impenji li jirriżultaw mill-GATS, l-Istati Membri jissodisfaw obbligu fir-rigward tal-Unjoni, peress li din assumiet ir-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tajba ta’ dan il-ftehim.

65

Fit-tieni lok, b’mod konformi mal-Artikolu 216(2) TFUE, il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni jorbtu lill-Istati Membri. B’konsegwenza, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑61/94, EU:C:1996:313, punt 15), in-nuqqas ta’ osservanza tagħhom minn dawn tal-aħħar jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni u jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors abbażi tal-Artikolu 258 TFUE.

66

F’dan il-każ, peress li l-GATS huwa ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, hija għalhekk il-Kummissjoni li għandha tiżgura li l-Istati Membri josservaw l-obbligi internazzjonali li jirriżultaw minnu għall-Unjoni, u dan jippermetti b’mod partikolari li jiġi evitat impenn possibbli tar-responsabbiltà internazzjonali tal-Unjoni f’sitwazzjoni fejn jeżisti riskju li titressaq tilwima quddiem il-WTO.

67

L-eżistenza tas-sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-WTO hija irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, minn naħa, l-Unjoni, bħala membru tal-WTO, hija obbligata tiżgura l-osservanza, fit-territorju tagħha, tal-obbligi tagħha skont ftehimiet tal-WTO. Min-naħa l-oħra, il-pajjiżi terzi la huma marbuta bir-riżoluzzjoni, fi ħdan l-Unjoni, ta’ tilwimiet li jikkonċernaw l-obbligi internazzjonali li huma vinkolanti għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha, u lanqas bl-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti għal dawn l-obbligi internazzjonali.

2.   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, b’mod konformi mal-Artikolu 258 TFUE, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista’ jkollu bħala suġġett biss il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2002, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑13/00, EU:C:2002:184, punt 13).

69

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, jagħmel parti integrali mid-dritt tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, EU:C:1974:41, punti 5 u 6; tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 73, kif ukoll Opinjoni 1/17 (Ftehim ECG UE-Kanada), tat‑30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punt 117).

70

F’dan il-każ, il-Ftehim li Jistabbilixxi l-WTO, li jagħmel parti minnu l-GATS, ġie ffirmat mill-Unjoni, imbagħad approvat minnha, fit‑22 ta’ Diċembru 1994, bid-Deċiżjoni 94/800. Daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 1995.

71

Isegwi li l-GATS jagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni.

72

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-oġġezzjoni mqajma mill-Ungerija u msemmija fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, b’mod konformi mal-Artikolu 3(1)(e) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni.

73

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-impenji meħuda fil-kuntest tal-GATS jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapor), tas-16 ta’ Mejju 2017, EU:C:2017:376, punti 36 u 54).

74

Isegwi li, għalkemm mill-Artikolu 6(e) TFUE jirriżulta li l-Istati Membri għandhom kompetenza estiża fil-qasam tal-edukazzjoni, peress li f’dan il-qasam l-Unjoni għandha biss kompetenza “li tieħu azzjonijiet sabiex tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjoni ta’ l-Istati Membri”, l-impenji meħuda fil-kuntest tal-GATS, inklużi dawk li jikkonċernaw il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tas-servizzi ta’ tagħlim privati, jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

75

Għalhekk, l-Ungerija hija żbaljata meta ssostni li huma l-Istati Membri kkonċernati li, fil-qasam tal-kummerċ tas-servizzi ta’ tagħlim, huma kompetenti sabiex iwieġbu, individwalment, għan-nuqqas ta’ osservanza possibbli tal-obbligi tagħhom skont il-GATS.

76

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-oġġezzjoni mqajma mill-Ungerija u esposta fil-punti 60 sa 63 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi enfasizzat li dan l-Istat Membru ma jikkontestax, b’mod ġenerali, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni, skont l-Artikolu 258 TFUE, ta’ rikors intiż sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn ftehim internazzjonali li jorbot lill-Unjoni. Madankollu, l-Ungerija ssostni li hija l-partikolarità marbuta mal-eżistenza tas-sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-WTO, applikabbli b’mod partikolari għall-obbligi tal-membri tal-WTO li jirriżultaw mill-GATS, li tipprekludi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita din il-ġurisdizzjoni.

77

Issa, għandu jiġi rrilevat li din il-kwistjoni ma ġietx deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza dwar ir-relazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mad-dritt tal-WTO.

78

Fil-fatt, sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni kemm fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-validità ta’ att ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni għal raġunijiet meħuda mill-inkompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-WTO (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2005, Van Parys, C‑377/02, EU:C:2005:121, punti 1 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), kemm fil-kuntest tal-impenn possibbli tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u tal-implimentazzjoni tad-dritt għal kumpens għad-dannu subit (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punti 1 u 107).

79

B’mod partikolari, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita b’deċiżjonijiet mogħtija mill-WTO li ma kinux favorevoli għall-Unjoni u kellha tiddeċiedi dwar diversi aspetti tal-eżekuzzjoni tagħhom, b’mod partikolari dak tal-invokabbiltà tad-dritt tal-WTO mill-individwi kkonċernati.

80

Issa, f’din il-kawża, minn naħa, il-Kummissjoni ssostni li ċerti dispożizzjonijiet leġiżlattivi adottati minn Stat Membru huma inkompatibbli mal-GATS, b’tali mod li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq id-dritt tal-Unjoni li l-ftehim internazzjonali jagħmel parti integrali minnu. Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ deċiżjoni mogħtija mill-KRT li tiddikjara aġir tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru bħala inkompatibbli mad-dritt tal-WTO, il-kwistjoni ta’ eventwali eżekuzzjoni tagħha ma tqumx.

81

Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 66 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ssostni li l-għan ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa li jiġi evitat kull teħid tar-responsabbiltà internazzjonali tal-Unjoni f’sitwazzjoni fejn jeżisti riskju li titressaq tilwima quddiem il-WTO.

82

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(2) tal-Ftehim dwar ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim jippreċiża li s-sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-WTO hija element essenzjali sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u l-prevedibbiltà tas-sistema kummerċjali multilaterali, li għandha l-għan li tippreżerva d-drittijiet u l-obbligi tal-Membri tal-WTO kif ukoll sabiex tiċċara d-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet b’mod konformi mar-regoli konswetudinarji ta’ interpretazzjoni tad-dritt internazzjonali pubbliku.

83

B’mod iktar partikolari, skont l-Artikolu 11 tal-Ftehim dwar ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim, grupp speċjali huwa awtorizzat iwettaq evalwazzjoni oġġettiva tal-kwistjoni mressqa quddiemu, inkluża evalwazzjoni oġġettiva tal-fatti tal-kawża, tal-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet imsemmija rilevanti u tal-konformità ta’ dawn il-fatti ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Skont l-Artikolu 17(13) ta’ dan il-ftehim, il-Korp tal-Appell jista’ jikkonferma, jemenda jew jinvalida l-konstatazzjonijiet u l-konklużjonijiet ta’ dan il-grupp speċjali, peress li l-kompetenza tiegħu hija limitata, skont l-Artikolu 17(6) tal-imsemmi ftehim, għall-kwistjonijiet ta’ liġi koperti mir-relazzjoni tal-imsemmi grupp speċjali u għall-interpretazzjonijiet tad-dritt mogħtija minn dan tal-aħħar. Il-membri tal-WTO huma bħala prinċipju marbuta li jikkonformaw ruħhom immedjatament mar-rakkomandazzjonijiet u mad-deċiżjonijiet tal-KRT, hekk kif dan jirriżulta mill-Artikolu 21(1) u (3) tal-istess ftehim.

84

Minn dawn l-elementi jirriżulta li, f’ċerti ċirkustanzi, l-istħarriġ imwettaq fil-kuntest tas-sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-WTO jista’ jwassal għal konstatazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dritt ta’ din l-organizzazzjoni tal-miżuri meħuda minn membru tagħha u jista’, b’mod definittiv, jistabbilixxi r-responsabbiltà internazzjonali tal-Unjoni, li hija membru tiegħu, minħabba fatt illeċitu.

85

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu XVI(4) tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-WTO, kull membru tal-WTO għandu l-obbligu, fil-kuntest tal-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu, li jiżgura l-osservanza tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-WTO fil-partijiet differenti tat-territorju tiegħu. Obbligu analogu huwa, barra minn hekk, previst fl-Artikolu I(3)(a) tal-GATS.

86

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-partikolarità tal-eżistenza tas-sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-WTO mhux biss ma taffettwax il-ġurisdizzjoni attribwita lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE, iżda l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni huwa barra minn hekk għal kollox koerenti mal-obbligu ta’ kull membru tal-WTO li jiżgura l-osservanza tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt ta’ din l-organizzazzjoni.

87

Għandu wkoll jitfakkar li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-Unjoni għandha l-obbligu li teżerċita l-kompetenzi tagħha fir-rispett tad-dritt internazzjonali kollu kemm hu, inklużi mhux biss id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jorbtuha, iżda wkoll ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali ġenerali u konswetudinarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Issa, qabelxejn, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3 tal-artikoli dwar ir-responsabbiltà tal-Istat għal fatt internazzjonalment illeċitu, imfassla mill-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u li l-Assemblea Ġenerali ta’ din l-organizzazzjoni ħadet nota tagħhom fir-Riżoluzzjoni 56/83 tagħha tat‑12 ta’ Diċembru 2001, li jikkodifikaw id-dritt internazzjonali konswetudinarju u huma applikabbli għall-Unjoni, il-klassifikazzjoni tal-fatt tal-Istat bħala “internazzjonalment illeċitu” taqa’ biss taħt id-dritt internazzjonali. B’konsegwenza, din il-kwalifika ma tistax tiġi affettwata mill-klassifikazzjoni tal-istess fatt li ssir, jekk ikun il-każ, skont id-dritt tal-Unjoni.

89

F’dan ir-rigward, għalkemm il-Kummissjoni tenfasizza, ġustament, li l-evalwazzjoni tal-aġir li bih huwa akkużat l-Istat Membru kkonċernat li għandha ssir mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE ma torbotx lill-membri l-oħra tal-WTO, għandu jiġi osservat li tali evalwazzjoni lanqas ma taffettwa dik li tista’ eventwalment tiġi adottata mill‑KRT.

90

Sussegwentement, mill-Artikolu 32 tal-artikoli dwar ir-responsabbiltà tal-Istat għal fatt internazzjonalment illeċitu jirriżulta li l-Istat responsabbli ma jistax jinvoka d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tiegħu sabiex jiġġustifika nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu taħt id-dritt internazzjonali.

91

Minn dan jirriżulta b’mod partikolari li la l-Unjoni u lanqas l-Istat Membru kkonċernat ma jistgħu jinvokaw l-evalwazzjoni, fir-rigward tad-dritt tal-WTO, tal-aġir ta’ dan tal-aħħar imwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, sabiex jirrifjutaw li jikkonformaw ruħhom mal-konsegwenzi legali previsti mid-dritt tal-WTO fil-każ fejn il-KRT jikkonstata n-nuqqas ta’ konformità ta’ dan l-aġir ma’ dan id-dritt.

92

Fl-aħħar nett, bla ħsara tal-limiti miġjuba għall-invokabbiltà tad-dritt tal-WTO sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità ta’ atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni, imfakkra fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ dritt internazzjonali ġenerali ta’ osservanza tal-impenji kuntrattwali (pacta sunt servanda), stabbilit fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq id-Dritt tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331), jimplika li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għall-finijiet tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-GATS, tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet differenti ta’ dan il-ftehim li l-KRT kien adotta. Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn l-KRT ikun għadu ma interpretax id-dispożizzjonijiet ikkonċernati, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet b’mod konformi mar-regoli konswetudinarji ta’ interpretazzjoni tad-dritt internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni, fl-osservanza tal-prinċipju tal-eżekuzzjoni in bona fide ta’ dan il-ftehim internazzjonali, li dan l-Artikolu 26 jistabbilixxi.

93

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument invokat mill-Ungerija u bbażat fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq ksur tal-GATS għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

C. Fuq il-mertu

1.   Fuq ir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti

94

Sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-ewwel ilment, għandha, qabel kollox, tiġi ppreċiżata l-portata tal-impenji tal-Ungerija fil-qasam tas-servizzi ta’ edukazzjoni ogħla fir-rigward tar-regola tat-trattament nazzjonali li tinsab fl-Artikolu XVII tal-GATS, sussegwentement, li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti jbiddilx il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni favur fornituri nazzjonali ta’ tali servizzi jew ta’ servizzi li huma jipprovdu, bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni, u fl-aħħar nett, fl-affermattiv, li jiġu eżaminati l-argumenti tal-Ungerija intiżi sabiex din l-emenda tiġi ġġustifikata skont waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu XIV tal-GATS.

a)   Fuq l-effetti li għandhom jingħataw lill-impenn tal-Ungerija, fir-rigward tas-servizzi ta’ edukazzjoni ogħla, fir-rigward tar-regola tat-trattament nazzjonali li tinsab fl-Artikolu XVII tal-GATS

i) L-argumenti tal-partijiet

95

Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-inklużjoni tas-servizzi ta’ edukazzjoni ogħla ffinanzjati privatament fl-iskeda ta’ impenji speċifiċi tal-Ungerija u, f’dak li jikkonċerna l-istabbiliment ta’ preżenza kummerċjali, prevista fl-Artikolu I(2)(ċ) tal-GATS (iktar ’il quddiem il-“metodu ta’ provvista 3”), l-użu tal-kliem “Bla restrizzjonijiet” fil-kolonna dwar il-“Limitazzjonijiet fuq it-Trattament Nazzjonali” imsemmija fl-Artikolu XVII ta’ dan il-ftehim jimplikaw l-assenza ta’ restrizzjoni fir-rigward ta’ dan l-impenn u għaldaqstant, impenn integrali ta’ dan l-Istat Membru f’dan ir-rigward.

96

Fit-tieni lok, din l-istituzzjoni ssostni li l-kundizzjoni, imsemmija mill-Ungerija fil-kolonna dwar il-“Limitazzjonijiet fuq l-Aċċess għas-Suq” imsemmija fl-Artikolu XVI tal-GATS, li tipprovdi li “[t]waqqif ta’ skejjel huwa soġġett għal liċenzja minn awtoritajiet”, ma tistax titqies li tikkonċerna wkoll ir-regola ta’ trattament nazzjonali, skont l-Artikolu XX(2) tal-GATS.

97

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qabelxejn issostni li din il-kundizzjoni hija fformulata b’mod tant vag u tant ġenerali li tippermetti li l-kisba ta’ din l-awtorizzazzjoni tiġi suġġetta għal kwalunkwe kundizzjoni speċifika, bi ksur tal-formulazzjoni tal-Artikolu XX(1)(a) u (b) tal-GATS. Tali kundizzjoni, marbuta mal-kisba ta’ awtorizzazzjoni preċedenti, hija barra minn hekk ta’ natura li tikkomprometti l-iskop tal-iskrizzjoni ta’ impenji skont l-Artikoli XVI u XVII tal-GATS, kif stabbilita fit-tieni paragrafu tal-preambolu tal-GATS u li tikkonsisti li l-“kummerċ fis-servizzi […] jespandi taħt kondizzjonijiet ta’ trasparenza u liberalizzazzjoni progressiva”. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li din il-kundizzjoni, imniżżla fil-kolonna dwar il-“Limitazzjonijiet fuq l-Aċċess għas-Suq”, tapplika effettivament għat-trattament nazzjonali, din, kif ifformulata, ma tistax tinkludi r-rekwiżit speċifiku previst fl-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, tant li l-Gvern Ungeriż u l-Gvern tal-Istat fejn tinsab is-sede tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla barrani jkunu taw il-kunsens tagħhom li jintrabtu minn konvenzjoni dwar is-sostenn ta’ prinċipju mogħti lil dan l-istabbiliment fid-dawl tal-eżerċizzju eventwali minn dan l-istabbiliment ta’ attività fl-Ungerija.

98

Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li, b’mod konformi mal-linji gwida għall-istabbiliment tal-iskedi ta’ impenji speċifiċi fil-kuntest tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), adottati mill-Kunsill tal-Kummerċ fis-Servizzi tal-WTO fit‑23 ta’ Marzu 2001 (S/L/92), il-preskrizzjonijiet fil-qasam ta’ awtorizzazzjoni ma jistgħux jitqiesu bħala limitazzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għas-suq skont l-Artikolu XVI tal-GATS. B’konsegwenza, l-Ungerija ma tistax tinħeba wara r-rekwiżit tal-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni preċedenti sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju tat-trattament nazzjonali.

99

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li dan ir-rekwiżit ma huwiex miżura li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu XVI tal-GATS. Fil-fatt, l-Artikolu XVI(2) ta’ dan il-ftehim jelenka b’mod eżawrjenti l-limitazzjonijiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. Issa, l-imsemmi rekwiżit ma jinsabx f’din l-iskeda u lanqas ma huwa simili għal waħda mill-miżuri li huma elenkati fiha.

100

Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li, fir-rigward tal-metodu ta’ provvista 3, l-Ungerija ntrabtet li tapplika, għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pajjiżi terzi membri tal-WTO, trattament mhux inqas favorevoli minn dak li dan l-Istat Membru jagħti lill-fornituri nazzjonali tiegħu.

101

L-Ungerija ssostni li, b’mod konformi mal-Artikolu XX(2) tal-GATS, il-kundizzjoni li hija inkludiet fil-kolonna dwar il-“Limitazzjonijiet fuq l-Aċċess għas-Suq”, imsemmija fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, għandha wkoll effetti fir-rigward tal-obbligu ta’ trattament nazzjonali.

102

Dan l-Istat Membru jsostni, barra minn hekk, li l-formulazzjoni, f’termini ġenerali, ta’ din il-kundizzjoni tawtorizzah iżomm “sistema ta’ liċenzja diskrezzjonali” li fir-rigward tagħha tista’ jadatta liberament il-modalitajiet, jekk ikun meħtieġ billi tirrestrinġi l-istabbiliment ta’ fornituri barranin, inkluż billi timponi l-konklużjoni minn qabel ta’ konvenzjoni internazzjonali.

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

103

L-ewwel nett, skont l-Artikolu XVII(1) tal-GATS kull membru tal-WTO għandu, fis-setturi inklużi fl-iskeda ta’ impenji speċifiċi tiegħu u fid-dawl tal-kundizzjonijiet u tar-restrizzjonijiet li huma indikati fiha, jagħti lis-servizzi u lill-fornituri ta’ servizzi ta’ kull membru ieħor tal-WTO trattament mhux inqas favorevoli minn dak li jagħti lis-servizzi simili tiegħu stess u lill-fornituri ta’ servizzi simili tiegħu stess.

104

Sussegwentement, b’mod konformi mal-Artikolu XVI(1) tal-GATS, f’dak li jikkonċerna l-aċċess għas-swieq skont il-metodi ta’ provvista identifikati fl-Artikolu I tal-GATS, kull membru tal-WTO għandu l-obbligu li jagħti lis-servizzi u lill-fornituri ta’ servizzi ta’ kull membru ieħor tal-WTO trattament li ma jkunx inqas favorevoli minn dak li huwa previst skont modalitajiet, limitazzjonijiet u kundizzjonijiet miftiehma u speċifikati fl-iskeda ta’ impenji speċifiċi tiegħu.

105

Fl-aħħar nett, l-Artikolu XX(1) tal-GATS jippreċiża li kull membru tal-WTO għandu jindika, fi skeda, l-impenji speċifiċi li huwa jintrabat għalihom skont il-Parti III tal-GATS, li taħtha jaqgħu b’mod partikolari l-Artikoli XVI u XVII. F’dak li jirrigwarda s-setturi li għalihom jittieħdu dawn l-impenji, kull skeda għandha tippreċiża l-modalitajiet, il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għas-swieq kif ukoll il-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet fil-qasam ta’ trattament nazzjonali. Dawn l-iskedi ta’ impenji speċifiċi jagħmlu parti integrali mill-GATS.

106

Konsegwentement, mill-Artikoli XVI, XVII u XX tal-GATS jirriżulta li l-iskeda ta’ impenji speċifiċi proprja għal membru tal-WTO tippreċiża l-impenji li dan ikun ħa skont is-settur u skont il-metodu ta’ provvista. Tali skeda tippreċiża, b’mod partikolari, il-modalitajiet, il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet relatati mal-“Limitazzjonijiet fuq l-Aċċess għas-Suq” kif ukoll il-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet dwar il-“Limitazzjonijiet fuq it-Trattament Nazzjonali”. Dawn il-preċiżazzjonijiet huma s-suġġett ta’ żewġ kolonni distinti.

107

Barra minn hekk, b’mod konformi mal-Artikolu XX(2) tal-GATS, il-miżuri inkompatibbli kemm mal-Artikolu XVI u kemm mal-Artikolu XVII tal-GATS għandhom, f’xewqa ta’ semplifikazzjoni, jitniżżlu fl-unika kolonna dwar il-“Limitazzjonijiet fuq l-Aċċess għas-Suq” tal-iskeda ta’ impenji speċifiċi tal-membru kkonċernat, peress li l-inklużjoni unika kienet għalhekk ikkunsidrata bħala li tintroduċi wkoll b’mod impliċitu kundizzjoni jew restrizzjoni fil-qasam ta’ trattament nazzjonali (ara r-rapport tal-grupp speċjali tal-WTO tas‑16 ta’ Lulju 2012, intitolat “Ċina – Ċerti miżuri li jaffettwaw is-servizzi ta’ ħlas elettroniku” (WT/DS 413/R), adottat mill-KRT fil‑31 ta’ Awwissu 2012, paragrafu 7.658).

108

Isegwi li kundizzjoni formalment imniżżla unikament skont l-Artikolu XVI tal-GATS ma tippermettix li ssir deroga mill-obbligu ta’ trattament nazzjonali previst fl-Artikolu XVII ħlief fl-ipoteżi fejn it-tip ta’ miżuri li hija tintroduċi jmur kontra kemm l-obbligu previst fl-Artikolu XVI u f’dak previst fl-Artikolu XVII tal-GATS (ara r-rapport tal-grupp speċjali tal-WTO, tas‑16 ta’ Lulju 2012, intitolat “Ċina - Ċerti miżuri li jaffettwaw is-servizzi ta’ ħlas elettroniku” (WT/DS 413/R), adottat mill-KRT fil‑31 ta’ Awwissu 2012, paragrafu 7.658).

109

F’dan il-każ, l-iskeda ta’ impenji speċifiċi adottata mill-Ungerija (GATS/SC/40, tal‑15 ta’ April 1994) tinkludi, fil-kolonna dwar il-“Limitazzjonijiet fuq l-Aċċess għas-Suq”, fir-rigward tas-servizzi ta’ edukazzjoni ogħla (Higher Education Services) ipprovduti permezz ta’ preżenza kummerċjali, il-kundizzjoni li l-ħolqien ta’ skejjel huwa suġġett għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni preċedenti mill-awtoritajiet ċentrali.

110

Il-kolonna dwar il-“Limitazzjonijiet fuq it-Trattament Nazzjonali” tinkludi r-riferiment “Bla restrizzjonijiet”, fir-rigward tat-taqsima sussidjarja tas-servizzi ta’ edukazzjoni ogħla.

111

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi stabbilit jekk il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni preċedenti, imsemmija fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, inkluża fil-kolonna dwar il-“Limitazzjonijiet fuq l-Aċċess għas-Suq”, hijiex applikabbli wkoll jew le għall-obbligu ta’ trattament nazzjonali previst fl-Artikolu XVII tal-GATS.

112

F’dan ir-rigward, mill-portata tar-regola ta’ semplifikazzjoni stabbilita fl-Artikolu XX(2) tal-GATS, kif ippreċiżata fil-punt 108 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li kundizzjoni tista’ tibbenefika mill-imsemmija regola u, għaldaqstant, tapplika wkoll għall-Artikolu XVII tal-GATS, biss jekk tkun ta’ natura diskriminatorja.

113

Issa, hemm lok li jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni preċedenti, din il-kundizzjoni hija intiża li tkopri l-istabbilimenti ta’ tagħlim kollha, indipendentement mill-oriġini tagħhom, b’tali mod li ma tinkludi ebda aspett diskriminatorju. Għaldaqstant, ir-regola prevista fl-Artikolu XX(2) tal-GATS ma tistax tapplika f’dan il-każ. Isegwi li l-imsemmija kundizzjoni ma tippermettix lill-Ungerija tinvoka deroga mill-obbligu ta’ trattament nazzjonali previst fl-Artikolu XVII tal-GATS.

114

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament issostni li l-inklużjoni mill-Ungerija ta’ servizzi ta’ edukazzjoni ogħla ffinanzjati privatament fl-iskeda ta’ impenji speċifiċi tagħha u, f’dak li jikkonċerna l-metodu ta’ provvista 3, l-inklużjoni tal-kelma “bla restrizzjoni” fil-kolonna dwar il-“Limitazzjonijiet fuq it-Trattament Nazzjonali”, jimplikaw l-assenza ta’ restrizzjoni għall-impenji ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu XVII tal-GATS fir-rigward ta’ dawn is-servizzi.

b)   Fuq il-bidla tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni favur fornituri nazzjonali simili

i) L-argumenti tal-partijiet

115

Il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li għandhom is-sede tagħhom f’pajjiż membru tal-WTO differenti minn dawk taż-ŻEE jistgħu jipprovdu servizzi ta’ edukazzjoni ogħla fl-Ungerija biss sa fejn l-Istat fejn tinsab is-sede tagħhom ikun ikkonkluda konvenzjoni internazzjonali minn qabel mal-Gvern Ungeriż, il-leġiżlazzjoni Ungeriża tirriżerva lil dawn il-fornituri ta’ servizzi trattament inqas favorevoli minn dak li jibbenefikaw minnu kemm il-fornituri simili Ungeriżi kif ukoll dawk stabbiliti fi Stat taż-ŻEE, bi ksur tal-obbligu ta’ trattament nazzjonali previst fl-Artikolu XVII tal-GATS.

116

Filwaqt li tirreferi għall-formulazzjoni tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, il-Kummissjoni żżid li l-Gvern Ungeriż għandu setgħa diskrezzjonali f’dak li jirrigwarda l-kontenut ta’ din il-konvenzjoni u d-deċiżjoni li jinbdew negozjati bil-għan li tiġi konkluża. B’konsegwenza, huwa possibbli li dan il-gvern jirrifjuta, anki għal raġunijiet arbitrarji, li jikkonkludi tali konvenzjoni minkejja li l-Istat fejn tinsab is-sede tal-fornitur ta’ servizzi jkun dispost li jikkonkludiha.

117

L-Ungerija ssostni li l-għan ewlieni tar-rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti huwa li jiġu intensifikati l-isforzi diplomatiċi fil-qasam ta’ politika kulturali. Il-Gvern Ungeriż iddikjara ruħu lest, diversi drabi, li jibda negozjati u jagħmel dak kollu li jista’ sabiex jiżgura li dawn ikunu jistgħu jitlestew. Il-firem ta’ żewġ konvenzjonijiet, waħda mal-Istat tal-Maryland (l-Istati Uniti) u l-oħra mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li seħħew wara l-emenda tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, jipproduċu l-prova li l-miżura adottata ma tikkostitwixxix kundizzjoni li huwa impossibbli li tiġi ssodisfatta.

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

118

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti, li jeħtieġ il-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-Ungerija u Stat ieħor, li ma jagħmilx parti miż-ŻEE, jista’ jaffettwa biss, fi kwalunkwe każ, ċerti fornituri barranin. Peress li dan ir-rekwiżit jimponi fuq dawn il-fornituri barranin kundizzjoni supplimentari sabiex jipprovdu servizzi ta’ edukazzjoni ogħla fl-Ungerija meta mqabbla ma’ dawk applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi simili stabbiliti f’dan l-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor taż-ŻEE, l-imsemmi rekwiżit jintroduċi trattament formalment differenti ta’ dawn il-kategoriji ta’ fornituri, fis-sens tal-Artikolu XVII(3) tal-GATS.

119

B’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti, billi jintroduċi trattament formalment differenti, ibiddilx il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni favur fornituri ta’ servizzi ta’ edukazzjoni ogħla stabbiliti fl-Ungerija, jew ta’ servizzi li jipprovdu.

120

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan ir-rekwiżit, kif ifformulat fl-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, jimplika li l-Ungerija għandha setgħa diskrezzjonali, kemm fir-rigward tal-opportunità li tikkonkludi tali konvenzjoni kif ukoll fir-rigward tal-kontenut ta’ din tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-possibbiltà għall-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li għandhom is-sede tagħhom f’pajjiż Membru tal-WTO minbarra dawk taż-ŻEE, li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju Ungeriż hija kompletament suġġetta għas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet Ungeriżi.

121

Minn dan jirriżultaw żvantaġġi kompetittivi għall-fornituri ta’ servizzi li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru tal-WTO li ma jappartjenux għaż-ŻEE, b’tali mod li r-rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti jibdel il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni favur fornituri Ungeriżi, bi ksur tal-Artikolu XVII tal-GATS.

2)   Fuq il-ġustifikazzjoni skont l-Artikolu XIV tal-GATS

i) L-argumenti tal-partijiet

122

L-Ungerija ssostni li r-rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti huwa neċessarju għall-finijiet li jinżamm l-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa. Fil-fatt, dan ir-rekwiżit jippermetti li jiġi żgurat li l-Istat fejn tinsab is-sede tal-istabbiliment ikkonċernat iqis lil dan il-fornitur bħala “denju ta’ fiduċja” u jipprovdi l-appoġġ tiegħu għall-attività futura fl-Ungerija ta’ dan l-istabbiliment. Barra minn hekk, l-imsemmi rekwiżit jippermetti li jiġi żgurat li l-istabbiliment ikkonċernat josserva l-leġiżlazzjoni tal-Istat li fih tinsab is-sede u li, jekk ikun il-każ, jimponi l-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tiġi eżerċitata attività fl-Ungerija.

123

Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li ma teżistix soluzzjoni alternattiva, kompatibbli mar-regoli tal-WTO, li tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet previsti mil-leġiżlatur Ungeriż.

124

B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma huwiex realistiku li l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tiġi applikata għall-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin ikkonċernati bl-istess mod bħall-istabbilimenti Ungeriżi.

125

Il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti ma huwa ġġustifikat taħt ebda waħda mill-eċċezzjonijiet awtorizzati mill-GATS, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu XIV(a) u (ċ)(i) u (ii) tiegħu.

126

F’dan ir-rigward, l-Ungerija ma pproduċiet, b’mod iktar partikolari, l-ebda prova li tippermetti li tissostanzja l-affermazzjoni tagħha li dan ir-rekwiżit jikkontribwixxi għaż-żamma tal-ordni pubbliku, u lanqas ma spjegat, f’dan il-kuntest, fhiex tikkonsisti t-theddida ġenwina u suffiċjentement serja li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà Ungeriża, u lanqas ma ppreċiżat, barra minn hekk, kif l-imsemmi rekwiżit jista’ jirriżulta neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan taż-żamma tal-ordni pubbliku jekk jiġi preżunt li dan ġie stabbilit, u għaliex ma teżistix, f’dan il-każ, soluzzjoni alternattiva inqas restrittiva.

127

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, minħabba s-setgħa diskrezzjonali li l-Ungerija għandha sabiex tibda negozjati mal-Istat fejn tinsab is-sede ta’ stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla barranija, l-istess rekwiżit ma josservax, fi kwalunkwe każ, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu XIV tal-GATS li l-miżuri eventwalment ġustifikabbli fir-rigward ta’ dan l-artikolu ma għandhomx jiġu “applikati b’mod li jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u mhux ġustifikabbli bejn il-pajjiżi fejn jipprevalu kondizzjonijiet simili, jew restrizzjoni fuq il-kummerċ fis-servizzi moħbija”.

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

128

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu XIV tal-GATS jipprevedi b’mod partikolari, fil-punt (a) u fil-punt(ċ)(i) tiegħu, li ebda dispożizzjoni ta’ dan il-ftehim ma għandha titqies bħala li tipprekludi l-adozzjoni jew l-applikazzjoni ta’ miżuri neċessarji, minn naħa, għall-protezzjoni tal-moralità pubblika jew għaż-żamma tal-ordni pubbliku u, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-liġijiet jew tal-leġiżlazzjonijiet li ma humiex inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim, inklużi dawk relatati mal-prevenzjoni ta’ prattiki ta’ natura li jwasslu għal żball u frawdolenti jew għall-mezzi li jiġu rrimedjati l-effetti ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi għal kuntratti ta’ servizzi.

129

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi rrilevat li ż-żewġ għanijiet invokati mill-Ungerija, jiġifieri, minn naħa, dak dwar iż-żamma tal-ordni pubbliku u, min-naħa l-oħra, dak dwar il-prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa, huma effettivament previsti fil-GATS.

130

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżami tan-natura ġġustifikata tar-rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti fir-rigward tal-għan taż-żamma tal-ordni pubbliku, in-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 5, imdaħħla taħt l-Artikolu IV(a) tal-GATS tippreċiża li “[l]-eċċezzjoni ta’ l-ordni pubblika tista’ tkun invokata biss fejn theddida ġenwina u serja biżżejjed tkun magħmula fuq wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetá”.

131

Issa, l-Ungerija ma ppreżentat ebda argument ta’ natura li jistabbilixxi, b’mod konkret u ddettaljat, kif l-eżerċizzju, fit-territorju tagħha, ta’ attività ta’ edukazzjoni ogħla minn stabbilimenti li għandhom is-sede tagħhom fi Stat li ma jagħmilx parti miż-ŻEE jikkostitwixxi, fl-assenza ta’ tali konvenzjoni, theddida ġenwina u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà Ungeriża.

132

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li r-rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti ma jistax jiġi ġġustifikat mill-argument tal-Ungerija dwar iż-żamma tal-ordni pubbliku.

133

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għan ta’ prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa, mill-argumenti tal-Ungerija f’dan ir-rigward, miġbura fil-qosor fil-punt 122 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-Ungerija tidher li tqis li l-konklużjoni minn qabel ta’ konvenzjoni internazzjonali hija neċessarja sabiex tinkiseb, min-naħa tal-Istat terz ikkonċernat, il-garanzija li l-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla barrani kkonċernat huwa affidabbli u b’hekk għall-prevenzjoni li jkun hemm riskji f’dan ir-rigward.

134

Madankollu, dan l-argument ma jistax jiġġustifika rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti.

135

Fil-fatt, l-Artikolu XIV tal-GATS jipprevedi li l-eċċezzjonijiet li huwa jelenka ma jistgħux jiġu applikati b’mod li jikkostitwixxu jew mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew inġustifikabbli bejn il-pajjiżi fejn jeżistu kundizzjonijiet simili, jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ tas-servizzi.

136

Issa, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrilevat fil-punti 119 u 120 tal-konklużjonijiet tagħha, li r-rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti jippermetti lill-Ungerija li tipprekludi b’mod arbitrarju d-dħul ta’ stabbiliment fis-suq tagħha jew it-tkomplija tal-attivitajiet ta’ stabbiliment f’dan is-suq, peress li l-konklużjoni ta’ tali konvenzjoni u, għaldaqstant, is-sodisfazzjon ta’ dan ir-rekwiżit jiddependu in fine biss mir-rieda politika ta’ dan l-Istat Membru. L-imsemmi rekwiżit huwa distint b’mod fundamentali permezz ta’ kundizzjoni li tgħid li l-affidabbiltà ta’ stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla għandha tiġi kkonfermata permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali tal-gvern tal-Istat terz li fih ikollu s-sede tiegħu.

137

Min-naħa l-oħra, sa fejn tapplika għal stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin li kienu diġà preżenti fis-suq Ungeriż, ir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti ma huwiex, fi kwalunkwe każ, proporzjonat peress li l-għan li jikkonsisti fil-prevenzjoni tal-prattiki qarrieqa jista’ jintlaħaq b’mod iktar effikaċi billi jiġu kkontrollati l-attivitajiet ta’ tali stabbilimenti fl-Ungerija u, jekk ikun il-każ, billi jiġi pprojbit it-tkomplija ta’ dawn l-attivitajiet biss għal dawk fosthom li fir-rigward tagħhom seta’ jiġi stabbilit li huma kienu adottaw tali prattiki.

138

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti ma jistax jiġi ġġustifikat bl-argument tal-Ungerija bbażat fuq il-prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa.

139

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi adottat il-miżura prevista fl-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu XVII tal-GATS.

2.   Fuq ir-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat

a)   Fuq l-Artikolu XVII tal-GATS

140

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, li huwa s-suġġett tal-ilment tal-Kummissjoni, jimponi fuq l-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla barrani li jixtieq jeżerċita attività fl-Ungerija li huwa jipprovdi taħriġ fl-Istat fejn għandu s-sede tiegħu, kemm jekk dan l-Istat ikun Stat Membru jew Stat terz u, min-naħa l-oħra, li l-argument ippreżentat mill-Kummissjoni insostenn ta’ dan l-ilment jirrigwarda r-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat mingħajr ma ssir distinzjoni skont jekk dan ir-rekwiżit japplikax għal stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru jew fi Stat terz. Madankollu, peress li, hekk kif jirriżulta minn dak li ġie espost fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu XVII tal-GATS jaqa’ taħt il-politika kummerċjali komuni, din id-dispożizzjoni hija rilevanti għall-finijiet tal-eżami ta’ dan l-ilment biss sa fejn l-imsemmi rekwiżit japplika għal stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li għandhom is-sede tagħhom fi Stat terz membru tal-WTO.

141

Peress li l-portata tal-impenji tal-Ungerija skont l-Artikolu XVII tal-GATS, fir-rigward tas-servizzi ta’ edukazzjoni ogħla, ġiet ippreċiżata fil-punt 114 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi eżaminat jekk ir-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat, sa fejn dan huwa Stat terz membru tal-WTO, ibiddilx il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni favur fornituri nazzjonali simili jew servizzi li jipprovdu, bi ksur ta’ din l-istess dispożizzjoni, u, f’każ ta’ tweġiba affermattiva, li jiġu eżaminati l-argumenti tal-Ungerija intiżi li jiġġustifikaw din l-emenda skont waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu XIV tal-GATS.

1) Fuq il-bidla tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni favur fornituri nazzjonali simili

i) L-argumenti tal-partijiet

142

Il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat jibdel il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni favur il-fornituri nazzjonali u, għaldaqstant, li dan imur kontra l-obbligu ta’ trattament nazzjonali li l-Ungerija hija obbligata tosserva b’mod sħiħ skont l-Artikolu XVII tal-GATS.

143

B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni ssostni li l-GATS ma jissuġġettax ir-rikonoxximent tal-kwalità ta’ fornitur li jibbenefika mid-drittijiet iggarantiti minn dan il-ftehim għall-kundizzjoni li jiġu pprovduti servizzi fil-pajjiż ta’ oriġini. Għaldaqstant, sa fejn dan ir-rekwiżit għandu l-effett li jipprekludi lill-fornituri ta’ servizzi barranin milli inizjalment joħolqu stabbiliment fl-Ungerija, dan ikun diskriminatorju fir-rigward tagħhom.

144

L-Ungerija tirreferi, mutatis mutandis, għall-argumenti li hija żviluppat fir-rigward tar-rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti.

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

145

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punt 114 ta’ din is-sentenza, l-Ungerija impenjat ruħha, skont l-Artikolu XVII tal-GATS, li tiżgura trattament nazzjonali sħiħ fir-rigward tal-preżenza kummerċjali ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ edukazzjoni ogħla.

146

Issa, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat jirrigwarda b’mod speċifiku l-fornituri li għandhom is-sede tagħhom barra mill-pajjiż.

147

Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat, billi jiġi introdott dan it-trattament formalment differenti, ibiddilx il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni favur fornituri Ungeriżi jew servizzi li huma jipprovdu meta pparagunati mal-fornituri ta’ servizzi simili li għandhom is-sede tagħhom f’kull Stat terz membru tal-WTO jew servizzi li dawn tal-aħħar jipprovdu.

148

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fornituri ta’ servizzi ta’ edukazzjoni ogħla li għandhom is-sede tagħhom fi Stat terz membru tal-WTO u li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fl-Ungerija huma obbligati li joħolqu minn qabel stabbiliment f’dan l-Istat terz u li jipprovdu effettivament fih taħriġ ta’ edukazzjoni ogħla.

149

Minn dan jirriżulta żvantaġġ kompetittiv għall-fornituri ta’ servizzi barranin ikkonċernati, tant li r-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat jibdel il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni favur fornituri Ungeriżi simili.

2) Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni

i) L-argumenti tal-partijiet

150

Sabiex tiġġustifika tali bidla fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, l-Ungerija tinvoka, minn naħa, l-għan taż-żamma tal-ordni pubbliku u, min-naħa l-oħra, dak tal-prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa.

151

Il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat ma huwa ġustifikabbli abbażi ta’ ebda wieħed minn dawn l-għanijiet. Hija ssostni, b’mod iktar partikolari, li l-Ungerija ma pprovdiet ebda element li jippermetti li tiġi sostnuta l-affermazzjoni tagħha li dan ir-rekwiżit jikkontribwixxi għaż-żamma tal-ordni pubbliku, u lanqas ma spjegat fhiex tikkonsisti t-theddida ġenwina u suffiċjentement serja fuq wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà Ungeriża, u lanqas, barra minn hekk, ma ppreċiżat kif l-imsemmi rekwiżit jista’ jirriżulta neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan taż-żamma tal-ordni pubbliku jekk wieħed jissoponi li dan huwa l-każ, u għaliex ma teżistix, f’dan il-każ, soluzzjoni alternattiva inqas restrittiva.

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

152

Hekk kif jirriżulta mill-punti 128 u 129 ta’ din is-sentenza, iż-żewġ għanijiet invokati mill-Ungerija, jiġifieri, minn naħa, dak marbut maż-żamma tal-ordni pubbliku u, min-naħa l-oħra, dak marbut mal-prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa, huma effettivament imsemmija, rispettivament, fl-Artikolu XIV(a) u fl-Artikolu XIV(ċ)(i) tal-GATS.

153

F’dan ir-rigward, l-Ungerija tirreferi, mingħajr ma tissostanzjahom iktar, għall-argumenti tagħha dwar ir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti.

154

Issa, għandu jiġi rrilevat li l-Ungerija, b’dan il-mod, ma ppreżentat ebda argument ta’ natura li jistabbilixxi, b’mod konkret u ddettaljat, kif l-eżerċizzju, fit-territorju tagħha, ta’ attività ta’ edukazzjoni ogħla minn stabbilimenti li għandhom is-sede tagħhom fi Stat li ma jagħmilx parti miż-ŻEE jikkostitwixxi, fl-assenza ta’ għoti minn tali stabbilimenti ta’ taħriġ fl-Istat tas-sede tagħhom, theddida ġenwina u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà Ungeriża li tippermetti lil dan l-Istat Membru li jinvoka ġustifikazzjoni intiża sabiex jinżamm l-ordni pubbliku.

155

Bl-istess mod, billi għalhekk sempliċement irreferiet għall-argument tagħha dwar ir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti, l-Ungerija ma pprovdiet ebda element konkret li jista’ juri kif ir-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat huwa neċessarju għall-prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa.

156

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, billi adottat il-miżura prevista fl-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-Ungerija, sa fejn din id-dispożizzjoni tapplika għal stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li għandhom is-sede tagħhom fi Stat terz membru tal-WTO, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu XVII tal-GATS.

b)   Fuq l-Artikolu 49 TFUE

1) Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 49 TFUE

i) L-argumenti tal-partijiet

157

L-Ungerija ssostni, prinċipalment, li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “attività ekonomika”, fis-sens tat-Trattat FUE, it-taħriġ ipprovdut minn stabbilimenti ta’ edukazzjoni ffinanzjati, essenzjalment, minn fondi privati meta, bħalma huwa l-każ fir-rigward tas-CEU, huwa l-fornitur ta’ servizzi nnifsu li jiffinanzja l-attività ta’ tagħlim. Isegwi li l-Artikolu 49 TFUE ma japplikax f’dan il-każ.

158

Il-Kummissjoni ssostni, għall-kuntrarju, li s-servizzi ta’ edukazzjoni ogħla pprovduti bi ħlas minn stabbilimenti privati jikkostitwixxu “servizzi”, fis-sens tat-Trattat FUE. B’konsegwenza, l-istabbilimenti privati li jeżerċitaw fl-Ungerija b’mod stabbli u kontinwu attivitajiet ta’ tagħlim u ta’ riċerka xjentifika jistgħu jinvokaw id-dritt għal-libertà ta’ stabbiliment, skont l-Artikolu 49 TFUE.

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

159

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE jipprovdi li, fil-qafas tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti.

160

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-organizzazzjoni, bi ħlas, ta’ kors ta’ edukazzjoni ogħla hija attività ekonomika li taqa’ taħt dan il-Kapitolu 2 meta titwettaq minn ċittadin ta’ Stat Membru fi Stat Membru ieħor, b’mod stabbli u kontinwu, minn stabbiliment prinċipali jew sekondarju f’dan l-aħħar Stat Membru (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2003, Neri, C‑153/02, EU:C:2003:614, punt 39).

161

F’dan il-każ, l-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla huwa applikabbli għall-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla, mingħajr ma ssir ebda distinzjoni skont jekk dawn l-istabbilimenti jagħtux it-taħriġ li jwassal għal diploma tagħhom bi ħlas jew le.

162

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment sitwazzjoni li fiha kumpannija kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fih ikollha s-sede statutorja tagħha tkun tixtieq toħloq fergħa fi Stat Membru ieħor, minkejja li din il-kumpannija tkun ġiet ikkostitwita, fl-ewwel Stat Membru, bil-għan biss li tistabbilixxi ruħha fit-tieni Stat Membru fejn hija kienet teżerċita l-attivitajiet ekonomiċi essenzjali, jekk mhux kollha, tagħha (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 38).

163

B’konsegwenza, ir-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat jaqa’ taħt l-Artikolu 49 TFUE sa fejn dan ir-rekwiżit japplika għal stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru li ma huwiex l-Ungerija u li jagħti taħriġ bi ħlas f’dan l-aħħar Stat.

2) Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni

i) L-argumenti tal-partijiet

164

Skont il-Kummissjoni, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, ir-rekwiżit li l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla kkonċernati għandhom, skont l-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, jissodisfaw kundizzjonijiet speċifiċi fl-Istat Membru tas-sede tagħhom sabiex ikunu jistgħu joħolqu stabbiliment ieħor fl-Ungerija.

165

B’mod partikolari, Stat Membru ma jistax jirrifjuta l-benefiċċju tal-vantaġġi marbuta mal-libertà ta’ stabbiliment lil entità ġuridika minħabba li din ma teżerċita ebda attività ekonomika fl-Istat Membru fejn ġiet ikkostitwita.

166

L-Ungerija ssostni, sussidjarjament, li r-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat ma jirrestrinġix il-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, dan ir-rekwiżit huwa marbut mal-eżerċizzju ta’ attività, u mhux mal-kostituzzjoni ta’ kumpanniji. B’mod partikolari, dan ma jipprekludix lil stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla barrani milli joħloq, pereżempju, fil-kuntest ta’ stabbiliment sekondarju, fergħa fl-Ungerija. Dan lanqas ma jillimita l-għażla tal-forma ġuridika tal-istabbiliment u jipprevedi biss, fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi diġà stabbiliti fl-Ungerija permezz ta’ stabbiliment sekondarju, kundizzjoni marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività ta’ edukazzjoni ogħla.

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

167

B’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull miżura li tipprojbixxi, timpedixxi jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà għandha titqies bħala restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑38/10, EU:C:2012:521, punt 26).

168

F’dan il-każ, l-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla jeżiġi li l-fornituri ta’ servizzi kkonċernati li jixtiequ jipprovdu fl-Ungerija servizzi ta’ edukazzjoni ogħla permezz ta’ stabbiliment fiss li effettivament jipprovdi taħriġ ta’ edukazzjoni ogħla fl-Istat fejn ikollhom is-sede tagħhom.

169

Issa, tali rekwiżit huwa ta’ natura li jagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment fl-Ungerija għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fl-Ungerija sabiex jipprovdu servizzi ta’ edukazzjoni ogħla hemmhekk.

170

B’konsegwenza, ir-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE.

3) Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni

i) L-argumenti tal-partijiet

171

L-Ungerija ssostni l-ewwel nett li r-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat huwa neċessarju għall-finijiet li jinżamm l-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tal-offerta ta’ tagħlim mill-istabbilimenti kkonċernati fl-Ungerija, iktar u iktar peress li d-diplomi maħruġa minn dawn tal-aħħar huma dokumenti uffiċjali li jipproduċu effetti legali.

172

Dan l-Istat Membru sussegwentement isostni li l-imsemmi rekwiżit huwa mezz li jippermetti li tiġi ggarantita b’mod xieraq l-osservanza ta’ tali għanijiet sa fejn l-awtorità kompetenti tkun għalhekk fil-pożizzjoni li tkun konvinta li teżisti attività reali u legali fil-pajjiż tas-sede tal-fornitur tas-servizzi, u dan bil-għan li tiġi ggarantita edukazzjoni universitarja ta’ livell għoli ta’ kwalità fl-Ungerija.

173

Madankollu, l-Ungerija tosserva li l-awtoritajiet tagħha, fil-prattika, sempliċement jeżaminaw l-attività ta’ edukazzjoni ogħla, id-diplomi diġà maħruġa, it-taħriġ iċċertifikat minn dawn id-diplomi, jiġifieri l-kundizzjonijiet u l-programm ta’ tagħlim, kif ukoll il-kwalifika tal-korp ta’ tagħlim li jiżgura dan it-tagħlim.

174

Fl-aħħar nett, ma teżistix miżura inqas restrittiva, peress li l-għan li jikkonsisti li jiġi ggarantit taħriġ ta’ edukazzjoni ogħla ta’ livell għoli jista’ jitwettaq biss billi tiġi eżaminata l-attività eżerċitata fl-Istat li fih l-istabbiliment għandu s-sede tiegħu. Fi kwalunkwe każ, sa fejn l-edukazzjoni ogħla ma kinitx is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ manuvra sinjifikattiva f’dan ir-rigward.

175

Il-Kummissjoni ssostni l-ewwel nett li r-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat ma huwa ta’ natura li jissodisfa ebda wieħed mill-għanijiet invokati mill-Ungerija. Fil-fatt, l-Ungerija ma invokat ebda argument konvinċenti fir-rigward tal-motivi li għalihom dan ir-rekwiżit huwa ġġustifikat u proporzjonat fir-rigward ta’ tali għanijiet, u lanqas ma indikat fhiex kienu jikkonsistu l-abbużi li dan ir-rekwiżit jippermetti li jiġu preklużi.

176

Il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li l-imsemmi rekwiżit huwa inadegwat sa fejn il-livell ta’ kwalità tal-edukazzjoni mogħtija fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat ma jipprovdi ebda indikazzjoni dwar il-kwalità tas-servizz ipprovdut fl-Ungerija. Barra minn hekk, jekk l-għan tagħha kien verament li tipprevjeni l-frodi u l-abbużi, l-Ungerija kellha tadotta regoli speċifiċi f’dan ir-rigward.

177

Fl-aħħar nett, ir-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat huwa sproporzjonat. Fil-fatt, l-iskambju ta’ informazzjoni mal-aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità u/jew tal-akkreditament tal-Istat tas-sede tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni kkonċernat, kif isostnu l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2014 dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità li tappoġġa l-edukazzjoni u t-taħriġ (ĠU 2014, C 183, p. 30), u l-kooperazzjoni msaħħa fi ħdan iż-ŻEE bejn awtoritajiet tal-edukazzjoni ogħla jikkostitwixxu soluzzjonijiet alternattivi inqas restrittivi.

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

178

Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata biss bil-kundizzjoni, fl-ewwel lok, li tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u, fit-tieni lok, li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tat‑23 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 166).

179

Barra minn hekk, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu juri li dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi huma ssodisfatti (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva), C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 77).

180

F’dan il-każ, l-Ungerija tinvoka, fl-ewwel lok, in-neċessità li jinżamm l-ordni pubbliku.

181

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li, fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati, ir-raġunijiet ta’ ordni pubbliku jistgħu jiġu invokati biss fil-preżenza ta’ theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑319/06, EU:C:2008:350, punt 50).

182

Issa, l-Ungerija sempliċement tiddikjara li r-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat jippermetti lill-awtorità kompetenti li tkun konvinta li teżisti attività reali u legali fil-pajjiż tas-sede tal-fornitur ta’ servizzi kkonċernat. Hekk kif dan ġie rrilevat fil-punt 154 ta’ din is-sentenza, hija ma ppreżentat ebda argument ta’ natura li jistabbilixxi, b’mod konkret u ddettaljat, kif l-eżerċizzju, fit-territorju tagħha, ta’ attività ta’ edukazzjoni ogħla minn tali stabbilimenti jikkostitwixxi, fin-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan ir-rekwiżit, theddida ġenwina, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà Ungeriża.

183

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-eżistenza ta’ tali theddida ma hijiex stabbilita f’dan il-każ.

184

Fit-tieni lok, l-Ungerija tinvoka l-għan li jikkonsisti fil-prevenzjoni tal-prattiki qarrieqa. Mingħajr ma jsostni iktar l-argument tiegħu, dan l-Istat Membru jidher li jikkunsidra li l-aċċess tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin għas-suq Ungeriż jinvolvi r-riskju li tali prattiki jiġu żviluppati.

185

Issa, billi tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali, l-Ungerija ma turix, minkejja l-oneru tal-prova impost fuqha, imfakkar fil-punt 179 ta’ din is-sentenza, fhiex jikkonsisti b’mod konkret tali riskju, u lanqas kif ir-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat jippermetti l-prevenzjoni ta’ dan.

186

Fi kwalunkwe każ, hekk kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrilevat fil-punt 185 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Ungerija ma spjegatx għaliex l-għan ta’ prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa ma jkunx jista’ jintlaħaq jekk fornitur li ma jagħtix minn qabel taħriġ ta’ edukazzjoni ogħla fl-Istat Membru fejn għandu s-sede tiegħu jkun jista’ jistabbilixxi bi kwalunkwe mezz ieħor li huwa josserva l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat u li barra minn hekk juri natura affidabbli.

187

Fit-tielet lok, l-għan, invokat mill-Ungerija, li jikkonsisti li jiġi żgurat livell għoli għall-kwalità tal-edukazzjoni ogħla ċertament jista’ jiġġustifika restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2003, Neri, C‑153/02, EU:C:2003:614, punt 46).

188

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat ma jinkludi ebda preċiżazzjoni fir-rigward tal-livell meħtieġ tal-kwalità tat-tagħlim li l-istabbiliment barrani jagħti fl-Istat Membru tas-sede tiegħu u li barra minn hekk bl-ebda mod ma jippreġudika l-kwalità tat-tagħlim li jingħata fl-Ungerija, b’tali mod li ma huwiex, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jiggarantixxi t-twettiq ta’ dan l-għan.

189

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat ma jistax jiġi ġġustifikat mill-argument tal-Ungerija bbażat fuq iż-żamma tal-ordni pubbliku, u lanqas minn dak ibbażat fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali relatati mal-prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa u man-neċessità li jiġi żgurat livell għoli tal-kwalità tal-edukazzjoni ogħla.

190

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, billi adottat il-miżura prevista fl-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-Ungerija, sa fejn din id-dispożizzjoni tapplika għal stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 TFUE.

c)   Fuq l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 u, sussidjarjament, fuq l-Artikolu 56 TFUE

1) Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123

i) L-argumenti tal-partijiet

191

L-Ungerija ssostni li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “attività ekonomika”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, it-taħriġ ipprovdut minn stabbilimenti edukattivi ffinanzjati, essenzjalment, minn fondi privati meta, bħalma huwa l-każ fir-rigward tas-CEU, huwa l-fornitur ta’ servizzi nnifsu li jiffinanzja l-attività ta’ tagħlim. Konsegwentement, din id-direttiva ma hijiex applikabbli f’dan il-każ.

192

Il-Kummissjoni ssostni li, b’mod konformi mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/123, kif ukoll il-punt 1 tal-Artikolu 4 tagħha, li jirreferi għad-definizzjoni tas-servizzi stabbilita fit-Trattat FUE, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jinkludi l-attivitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ li huma ffinanzjati essenzjalment permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji privati. B’konsegwenza, l-istabbilimenti privati li jeżerċitaw fl-Ungerija b’mod temporanju attivitajiet ta’ tagħlim u ta’ riċerka xjentifika jistgħu jinvokaw id-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-imsemmija direttiva.

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

193

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/123, din tapplika għas-servizzi pprovduti mill-fornituri li għandhom l-istabbiliment tagħhom fi Stat Membru.

194

B’mod konformi mal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, “servizz” għandu jinftiehem bħala kwalunkwe attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula bi ħlas, kif imsemmija fl-Artikolu 57 TFUE.

195

F’dan il-każ, l-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla jikkonċerna b’mod ġenerali l-provvista ta’ servizzi ta’ tagħlim li jistgħu jiġu eżerċitati mill-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin fl-Ungerija u, għaldaqstant, ukoll l-għoti ta’ taħriġ bi ħlas. Issa, dan l-għoti jikkostitwixxi “attività ekonomika”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123. Għaldaqstant, din tal-aħħar hija applikabbli f’dan il-każ.

2) Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni

i) L-argumenti tal-partijiet

196

Il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat, sa fejn dan jirrigwarda wkoll l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li jixtiequ jipprovdu fl-Ungerija servizzi transkonfinali, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iggarantita fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li dan ir-rekwiżit jikser l-Artikolu 56 TFUE.

197

L-Ungerija tikkontesta dan l-argument.

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

198

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2006/123, l-Istat Membru li fih jiġi pprovdut is-servizz għandu jiggarantixxi, b’mod partikolari, l-eżerċizzju liberu tal-attività ta’ servizz fit-territorju tiegħu.

199

F’dan il-każ, l-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla jeżiġi mill-istabbilimenti kkonċernati li jipprovdu taħriġ ta’ edukazzjoni ogħla fl-Istat li fih għandhom is-sede tagħhom.

200

Ikkunsidrat fid-dawl tad-Direttiva 2006/123, tali rekwiżit, sa fejn jimponi fuq il-fornituri ta’ servizzi li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor kundizzjoni supplimentari, huwa ta’ natura li jirrestrinġi d-dritt tagħhom għall-eżerċizzju liberu ta’ attivitajiet ta’ edukazzjoni ogħla fl-Ungerija, fl-ipoteżi fejn huma jkunu jixtiequ jeżerċitaw l-attività tagħhom inizjalment fl-Ungerija pjuttost milli fl-Istat Membru tas-sede tagħhom kif ukoll fl-ipoteżi fejn dawn ikollhom l-intenzjoni li jeżerċitaw tali attività esklużivament fl-Ungerija.

3) Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni

i) L-argumenti tal-partijiet

201

L-Ungerija ssostni li r-rekwiżit li jingħata taħriġ fl-Istat Membru tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat huwa neċessarju għall-finijiet li jinżamm l-ordni pubbliku. F’dan ir-rigward, l-Ungerija tirreferi, mutatis mutandis, għall-argument tagħha dwar il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 49 TFUE.

202

Il-Kummissjoni tqis li l-Ungerija ma wrietx li s-servizzi ta’ tagħlim ipprovduti temporanjament mill-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla stabbiliti fi Stat Membru kellhom effett fuq l-ordni pubbliku fl-Ungerija, kif madankollu jeżiġi l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2006/123.

ii) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

203

Skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2006/123, l-Istat Membru li fih il-fornitur jiċċaqlaq sabiex jipprovdi s-servizz tiegħu għandu l-possibbiltà li jimponi rekwiżiti dwar il-provvista tal-attività ta’ servizz meta dawn ikunu ġġustifikati b’mod partikolari minħabba raġuni ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika, kif ukoll b’mod konformi mal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu 16.

204

Madankollu, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 181 ta’ din is-sentenza, li għaliha tirreferi l-premessa 41 tad-Direttiva 2006/123, ir-raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika jippreżupponu b’mod partikolari l-eżistenza ta’ theddida ġenwina, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. Issa, hekk kif dan ġie rrilevat fil-punti 154 u 182 ta’ din is-sentenza, l-Ungerija ma invokat ebda argument ta’ natura li jistabbilixxi, b’mod konkret u ddettaljat, kif l-eżerċizzju, fit-territorju tagħha, ta’ attività ta’ edukazzjoni ogħla minn stabbilimenti li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxi, fin-nuqqas tal-osservanza tar rekwiżit li jiġi pprovdut taħriġ fl-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat, theddida ġenwina, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà Ungeriża.

205

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi ġġustifikat fir-rigward tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2006/123.

206

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi adottat il-miżura prevista fl-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-Ungerija, sa fejn din id-dispożizzjoni tapplika għal stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123. B’konsegwenza, ma hemmx bżonn li jiġi eżaminat jekk dan l-Istat Membru kisirx l-Artikolu 56 TFUE, peress li tali ksur tqajjem mill-Kummissjoni biss sussidjarjament.

207

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi adottat il-miżura prevista fl-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-Ungerija naqset, sa fejn din id-dispożizzjoni tapplika għal stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li għandhom is-sede tagħhom fi Stat terz membru tal-WTO, milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu XVII tal-GATS u, sa fejn tapplika għal stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor, mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 TFUE u taħt l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123.

3.   Fuq l-Artikolu 13, l-Artikolu 14(3) u l-Artikolu 16 tal-Karta

a)   Fuq l-applikabbiltà tal-Karta

1) L-argumenti tal-partijiet

208

Il-Kummissjoni ssostni li, meta l-Istati Membri jwettqu l-obbligi tagħhom skont ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, bħall-GATS, dawn “jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’tali mod li huma obbligati josservaw id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar.

209

Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla jirrestrinġi libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE, id-Direttiva 2006/123 u l-GATS, din id-dispożizzjoni għandha tkun kompatibbli mal-Karta.

210

L-Ungerija ssostni li, minn naħa, miżura nazzjonali li tikser l-impenji meħuda mill-Istati Membri fil-kuntest tal-GATS ma tistax titqies li tagħmel parti mill-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

211

Min-naħa l-oħra, peress li, skont dan l-Istat Membru, la d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u lanqas id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 ma japplikaw f’dan il-każ u li, konsegwentement, il-miżuri kontenzjużi ma jikkostitwixxux restrizzjoni li tikser il-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat FUE jew id-Direttiva 2006/123, dawn ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-Karta hija irrilevanti.

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

212

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, f’dak li jirrigwarda l-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, skont liema d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri unikament “meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”.

213

F’dan il-każ, minn naħa, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, il-GATS tagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li, meta l-Istati Membri jeżegwixxu l-obbligi li jirriżultaw minn dan il-ftehim, inkluż dak impost fl-Artikolu XVII(1) tiegħu, huma għandhom jitqiesu bħala li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

214

Min-naħa l-oħra, meta Stat Membru jsostni li miżura li jkun l-awtur tagħha, u li tirrestrinġi libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE, hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali rrikonoxxuta mid-dritt tal-Unjoni, tali miżura għandha titqies bħala li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’tali mod li għandha tkun konformi mad-drittijiet fundamentali stabbiliti minn din tal-aħħar (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva), C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess japplika f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123.

215

Konsegwentement, il-miżuri kontenzjużi għandhom ikunu konformi mad-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta.

216

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-miżuri jillimitawx id-drittijiet fundamentali invokati mill-Kummissjoni u, fl-affermattiv, jekk humiex madankollu ġġustifikati, kif tallega l-Ungerija.

b)   Fuq l-eżistenza ta’ limitazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali kkonċernati

1) L-argumenti tal-partijiet

217

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri kontenzjużi jaffettwaw, fl-ewwel lok, il-libertà akkademika, iggarantita fl-Artikolu 13 tal-Karta, u, fit-tieni lok, il-libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ tagħlim kif ukoll il-libertà ta’ intrapriża, stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 14(3) tal-Karta u fl-Artikolu 16 tagħha.

218

Fir-rigward tal-libertà akkademika, din l-istituzzjoni tikkunsidra li dawn il-miżuri jaffettwaw il-fakultà tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin ikkonċernati li jwettqu liberament xogħlijiet ta’ riċerka fl-Ungerija kif ukoll li jxandru l-għarfien u kisbiet xjentifiċi.

219

Fir-rigward tal-libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ tagħlim u tal-libertà tal-intrapriża, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri kontenzjużi jirrestrinġu d-dritt tal-individwi li jeżerċitaw attività kummerċjali u d-dritt tal-impriżi li jibbenefikaw minn ċerta stabbiltà fir-rigward tal-attività tagħhom.

220

L-Ungerija ssostni, fir-rigward tal-libertà akkademika, li l-fatt li stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla għandu jissodisfa ċerti obbligi legali la jaffettwa l-libertà akkademika tal-istabbiliment ikkonċernat u lanqas dik tal-persunal tiegħu. Fil-fatt, tali obbligi ma għandhomx inevitabbilment effett fuq il-fakultà li jiġu eżerċitati attivitajiet xjentifiċi, kemm minn perspettiva istituzzjonali jew minn perspettiva personali.

221

Fir-rigward tal-libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ tagħlim u l-libertà ta’ intrapriża, l-Ungerija ma tikkontestax, essenzjalment, il-fatt li l-miżuri kontenzjużi jillimitaw l-eżerċizzju tal-ewwel waħda minnhom.

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

222

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-libertà akkademika, din hija stabbilita f’termini ġenerali fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13 tal-Karta, li tipprovdi li “[i]l-libertà akkademika għandha tiġi rispettata”.

223

Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, hemm lok li d-drittijiet stabbiliti fiha u li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jingħataw l-istess tifsira u, tal-inqas, l-istess portata bħal dawk li tagħtihom din il-konvenzjoni.

224

Ċertament, it-test tal-KEDB ma jagħmilx riferiment għal-libertà akkademika. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li din il-libertà hija assoċjata, b’mod partikolari, mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni stabbilit fl-Artikolu 10 tal-KEDB (Qorti EDB, 15 ta’ April 2014, Hasan Yazıcı vs It‑Turkija, CE:ECHR:2014:0415JUD004087707, punti 55 u 69, kif ukoll il-Qorti EDB, 27 ta’ Mejju 2014, Mustafa Erdoğan et vs It‑Turkija, CE:ECHR:2014:0527JUD000034604, punti 40 u 46), kif jikkonferma wkoll il-kummentarju dwar l-Artikolu 13 tal-Karta li jinsab fl-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).

225

F’din il-perspettiva speċifika, il-libertà akkademika, fir-riċerka kif ukoll fit-tagħlim, għandha tiggarantixxi l-libertà ta’ espressjoni u ta’ azzjoni, il-libertà li tiġi kkomunikata informazzjoni kif ukoll dik ta’ riċerka u ta’ xandir mingħajr restrizzjoni tal-għarfien u tal-verità, filwaqt li huwa ppreċiżat li din il-libertà ma hijiex limitata għar-riċerka akkademika jew xjentifika, iżda testendi wkoll għal-libertà tal-universitajiet li jesprimu b’mod liberu l-fehmiet tagħhom u l-opinjonijiet tagħhom (Qorti EDB, 27 ta’ Mejju 2014, Mustafa Erdoğan et vs It‑Turkija, CE:ECHR:2014:0527JUD000034604, punt 40).

226

Madankollu, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punti 145 u 146 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kunċett ta’ “libertà akkademika” għandu jinftiehem b’mod iktar wiesa’.

227

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li huwa utli, sabiex jiġu ċċarati l-elementi differenti relatati mal-libertà akkademika u sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri kontenzjużi jikkostitwixxux limitazzjonijiet għal din il-libertà, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tar-Rakkomandazzjoni 1762 (2006), adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fit‑30 ta’ Ġunju 2006 u intitolata “Libertà Akkademika u Awtonoma tal-Universitajiet”, li minnha jirriżulta li l-libertà akkademika tinkludi wkoll dimensjoni istituzzjonali u organizzattiva, peress li r-rabta ma’ infrastruttura hija kundizzjoni essenzjali għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ tagħlim u ta’ riċerka. Huwa wkoll rilevanti l-punt 18 tar-Rakkomandazzjoni dwar il-Kundizzjoni tal-Għalliema tal-Edukazzjoni Ogħla, adottata fil‑11 ta’ Novembru 1997 mill-Konferenza Ġenerali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, għax-Xjenza u għall-Kultura (Unesco), miġbura f’Pariġi mill‑21 ta’ Ottubru sat‑12 ta’ Novembru 1997 fid-29 sessjoni tagħha, li jippreċiża li “[l]-awtonomija hija l-espressjoni istituzzjonali tal-libertajiet akkademiċi u kundizzjoni neċessarja sabiex l-għalliema u l-istabbilimenti tal-edukazzjoni ogħla jkunu jistgħu jwettqu funzjonijiet tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-punt 19 ta’ din ir-rakkomandazzjoni jippreċiża li “[h]uwa d-dmir tal-Istati Membri li jipproteġu l-awtonomija tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla kontra kull theddida, minn kwalunkwe post minn fejn tkun ġejja” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

228

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-miżuri kontenzjużi jistgħu jipperikolaw l-attività akkademika tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin ikkonċernati fit-territorju Ungeriż u, għaldaqstant, iċaħħdu lill-universitajiet ikkonċernati mill-infrastruttura awtonoma, neċessarja għat-twettiq tar-riċerki xjentifiċi tagħhom u għall-eżerċizzju tal-attivitajiet pedagoġiċi tagħhom. B’konsegwenza, dawn il-miżuri huma ta’ natura li jillimitaw il-libertà akkademika protetta fl-Artikolu 13 tal-Karta.

229

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ tagħlim u l-libertà ta’ intrapriża, dawn huma stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 14(3) tal-Karta u fl-Artikolu 16 tagħha.

230

Skont l-Artikolu 14(3) tal-Karta, il-libertà li jinħolqu stabbilimenti edukattivi fl-osservanza tal-prinċipji demokratiċi għandha tiġi osservata skont il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju tagħhom.

231

Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tal-Karta jistabbilixxi li l-libertà ta’ intrapriża għandha tiġi rrikonoxxuta b’mod konformi mad-dritt tal-unjoni u mal-leġiżlazzjonijiet u prattiki nazzjonali.

232

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ tagħlim, pubbliċi jew privati, hija ggarantita bħala wieħed mill-aspetti tal-libertà ta’ intrapriża, b’tali mod li dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien.

233

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri kontenzjużi huma, skont il-każ, ta’ natura li jirrendu inċerta jew li tiġi eskluża l-possibbiltà stess li jinħoloq fl-Ungerija stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla jew li tali stabbiliment diġà eżistenti jkompli jiġi operat fiha.

234

B’konsegwenza, dawn il-miżuri għandhom jitqiesu li jillimitaw kemm il-libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ tagħlim iggarantita fl-Artikolu 14(3) tal-Karta kif ukoll il-libertà ta’ intrapriża stabbilita fl-Artikolu 16 ta’ din tal-aħħar.

c)   Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni

1) L-argumenti tal-partijiet

235

L-Ungerija ssostni li l-miżuri kontenzjużi huma ġġustifikati fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

236

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-libertà li jinħolqu stabbilimenti edukattivi u ta’ libertà ta’ intrapriża, dan l-Istat Membru jsostni li dawn għandhom jiġu eżerċitati fl-osservanza tal-prinċipji demokratiċi u fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju tagħhom. Għalhekk, Stat Membru ma jista’ jiġi akkużat b’ebda limitazzjoni illegali meta dan jirregola attività ekonomika bil-għan li jippermetti lil suġġetti tad-dritt oħrajn li jeżerċitaw dawn il-libertajiet.

237

Il-Kummissjoni ssostni li l-limitazzjonijiet li l-miżuri kontenzjużi jimponu għal-libertajiet stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 13, fl-Artikolu 14(3) u fl-Artikolu 16 tal-Karta ma jidhrux li huma ġġustifikati fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

238

Fil-fatt, l-Ungerija ma turix, f’dan il-każ, li l-limitazzjonijiet miġjuba mill-miżuri kontenzjużi għal-libertà akkademika u għal-libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ tagħlim jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti drittijiet u libertajiet ta’ oħrajn, u lanqas li dawn il-limitazzjonijiet huma proporzjonati.

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

239

L-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprevedi li kull limitazzjoni miġjuba għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tosserva l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u tal-imsemmija libertajiet. Fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet biss jekk ikunu neċessarji u dawn effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti drittijiet u libertajiet tal-oħrajn.

240

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punti 132, 138, 154, 155 u 189 ta’ din is-sentenza, li l-miżuri kontenzjużi ma kienu ġġustifikati minn ebda wieħed mill-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni li l-Ungerija invokat.

241

Minn dan jirriżulta li dawn il-miżuri, li jillimitaw id-drittijiet stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 13, fl-Artikolu 14(3) u fl-Artikolu 16 tal-Karta, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 228 u 234 ta’ din is-sentenza, ma jissodisfawx, fi kwalunkwe każ, dawn l-għanijiet ta’ interess ġenerali.

242

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi adottat il-miżuri kontenzjużi, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13, l-Artikolu 14(3) u l-Artikolu 16 tal-Karta.

243

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li,

billi adottat il-miżura prevista fl-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu XVII tal-GATS;

billi adottat il-miżura prevista fl-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-Ungerija naqset, sa fejn din id-dispożizzjoni tapplika għal stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li għandhom is-sede tagħhom fi Stat terz membru tal-WTO, milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu XVII tal-GATS u, sa fejn tapplika għal stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor, milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 TFUE u l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123, u

billi adottat il-miżuri kontenzjużi, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13, l-Artikolu 14(3) u l-Artikolu 16 tal-Karta.

Fuq l-ispejjeż

244

Skond l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Ungerija tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi adottat il-miżura prevista fl-Artikolu 76(1)(a) tan-Nemzeti felsġoktatásról szóló 2011. évi CCIV. törvény (il-Liġi Nru CCIV tal-2011, dwar l-Edukazzjoni Ogħla Nazzjonali), kif emendata bin-Nemzeti felsġoktatásról szóló 2011. évi CCIV. törvény módosításáról szóló 2017. évi XXV. törvény (il-Liġi Nru XXV tal-2017, li temenda l-Liġi Nru CCIV tal-2011 dwar l-Edukazzjoni Ogħla Nazzjonali), li tissuġġetta l-eżerċizzju, fl-Ungerija, ta’ attività ta’ taħriġ li twassal għal diploma mill-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin li jinsabu barra miż-Żona Ekonomika Ewropea għall-kundizzjoni li l-Gvern Ungeriż u l-Gvern tal-Istat tas-sede tal-istabbiliment ikkonċernat ikunu taw kunsens li jintrabtu permezz ta’ konvenzjoni internazzjonali, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu XVII tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi, li jinsab fl-Anness 1 B tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, iffirmat f’Marrakesh u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994).

 

2)

Billi adottat il-miżura prevista fl-Artikolu 76(1)(b) tan-Nemzeti felsġoktatásról szóló 2011. évi CCIV. törvény (il-Liġi Nru CCIV tal-2011, dwar l-Edukazzjoni Ogħla Nazzjonali), kif emendata bin-Nemzeti felsġoktatásról szóló 2011. évi CCIV. törvény módosításáról szóló 2017. évi XXV. törvény (il-Liġi Nru XXV tal-2017, li temenda l-Liġi Nru CCIV tal-2011 dwar l-Edukazzjoni Ogħla Nazzjonali), li tissuġġetta l-eżerċizzju, fl-Ungerija, tal-attività tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin għall-kundizzjoni li huma jagħtu taħriġ ta’ edukazzjoni ogħla fl-Istat tas-sede tagħhom, l-Ungerija naqset, sa fejn din id-dispożizzjoni tapplika għal stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li għandhom is-sede tagħhom fi Stat terz membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, għall-obbligi tagħha taħt l-Artikolu XVII tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi, li jinsab fl-Anness 1 B tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, iffirmat f’Marrakesh u approvat bid-Deċiżjoni 94/800 u, sa fejn tapplika għal stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor, għall-obbligi li hija għandha skont l-Artikolu 49 TFUE u l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern.

 

3)

Billi adottat il-miżuri previsti fl-Artikolu 76(1)(a) u (b) tan-Nemzeti felsġoktatásról szóló 2011. évi CCIV. törvény (il-Liġi Nru CCIV tal-2011, dwar l-Edukazzjoni Ogħla Nazzjonali), kif emendata bin-Nemzeti felsġoktatásról szóló 2011. évi CCIV. törvény módosításáról szóló 2017. évi XXV. törvény (il-Liġi Nru XXV tal-2017, li temenda l-Liġi Nru CCIV tal-2011 dwar l-Edukazzjoni Ogħla Nazzjonali), l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13, l-Artikolu 14(3) u l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

 

4)

L-Ungerija hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Top