Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0833

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fis-6 ta’ Frar 2020.
    SI u Brompton Bicycle Ltd vs Chedech / Get2Get.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal de l'entreprise de Liège.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikoli 2 sa 5 – Kamp ta’ applikazzjoni – Oġġett utilitarju – Kunċett ta’ ‘xogħol’ – Protezzjoni tax-xogħlijiet abbażi tad-drittijiet tal-awtur – Kundizzjonijiet – Forma ta’ prodott li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku – Rota li tintewa.
    Kawża C-833/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:79

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

    ippreżentati fis‑6 ta’ Frar 2020 ( 1 )

    Kawża C‑833/18

    SI,

    Brompton Bicycle Ltd.

    vs

    Chedech/Get2Get

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de l’entreprise de Liège (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Liège, il-Belġju))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Dritt ta’ privattiva – Disinni – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kumulu ta’ drittijiet – Oġġett utli u funzjonali – Kunċett ta’ ‘xogħol’ – Dehra imposta mill-funzjoni teknika tal-oġġett – Kriterji ta’ evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali – Interessi kontrapposti – Proporzjonalità – Rota li tintewa”

    1.

    Il-kawża mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju hija bejn il-kreatur ta’ sistema ta’ tiwi ta’ roti (u l-impriża li timmanifatturahom) u kumpannija Koreana li tipproduċi roti simili u li qed tiġi akkużata li kisret id-drittijiet tal-awtur ta’ dan il-kreatur.

    2.

    Il-qorti tar-rinviju kkonċernata għandha tiċċara jekk rota li s-sistema ta’ tiwi tagħha kienet koperta minn privattiva, li llum skadiet, tistax tiġi kklassifikata bħala xogħol li jista’ jiġi protett mid-dritt tal-awtur. B’mod partikolari, tixtieq tkun taf jekk din il-protezzjoni tiġix eskluża meta l-forma tal-oġġett “hija neċessarja sabiex jintlaħaq ir-riżultat tekniku” u liema kriterji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’din il-kawża.

    3.

    Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, għalkemm huwa bbażat fuq ir-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-awtur, jirrigwarda kwistjoni (il-kompatibbiltà tal-protezzjoni karatteristika tad-dritt tal-awtur ma’ dik li tirriżulta mill-proprjetà industrijali) li dwarha reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni ( 2 ).

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt internazzjonali

    1. Il-Konvenzjoni ta’ Berne ( 3 )

    4.

    Skont il-punti 1 u 7 tal-Artikolu 2:

    “1)

    It-termini ‘xogħlijiet letterarji u artistiċi’ jkopru kull produzzjoni fil-qasam letterarju, xjentifiku u artistiku, indipendentement mill-mod jew mill-forma ta’ espressjoni bħal: […] ix-xogħlijiet tal-arti applikata […]

    […]

    7)

    Il-leġiżlazzjonijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni għandhom il-possibbiltà li jirregolaw il-qasam ta’ applikazzjoni tal-liġijiet li jikkonċernaw ix-xogħlijiet tal-arti applikata u d-disinni industrijali, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet u disinni, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(4) ta’ din il-Konvenzjoni. Ix-xogħlijiet protetti unikament bħala disinni fil-pajjiż ta’ oriġini huma intitolati, f’pajjiż ieħor tal-Unjoni, biss għal dik il-protezzjoni speċjali li tingħata f’dak il-pajjiż lid-disinni; madankollu, jekk protezzjoni speċjali bħal din ma tingħatax f’dak il-pajjiż, dawn ix-xogħlijiet għandhom jiġu protetti bħala xogħlijiet artistiċi.”

    2. Il-Ftehim dwar it-TRIPs

    5.

    Konformement mal-Artikolu 7:

    “Il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijet tal-proprjetà intellettwali għandhom jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ l-innovazzjoni teknoloġika u t-trasferiment u disseminazzjoni tat-teknoloġija, għall-vantaġġ tal-produtturi kollha u għall-utenti ta’ l-għarfien teknoloġika u b’mod li jagħti lok għall-ġid soċjali u ekonomiku, u bilanċ tad-drittijiet u l-obbligi”.

    6.

    Skont l-Artikolu 26:

    “1.   Is-sid ta’ disinn industrijali protett għandu d-dritt li ma jħallix partijiet terzi li ma għandhomx il-kunsens tas-sid li jagħmlu, jbiegħu jew jimportaw oġġetti li għandhom jew ikollhom fihom disinn li huwa kopja, jew sostanzjalment kopja, tad-disinn prottett, fejn atti bħal dawn ittieħdu għal għanijiet kummerċjali.

    […]”

    7.

    L-Artikolu 27 jistipula li:

    “1.   Il-patenti [privattivi] għandhom ikunu disponibbli għal kwalunkwe invenzjoni, jekk inhuma prodotti jew proċessi, f’kull qasam tat-teknoloġija, sakemm huma ġodda, għandhom passi inventivi u jistgħu jkunu ta’ applikazzjoni industrijali […]

    […]”

    8.

    L-Artikolu 29 jipprovdi li:

    “1.   Il-Membri għandhom jeħtieġu li applikant għall-patent [privattiva] għandu jiżvela l-invenzjoni b’mod ċar u komplet sabiex l-invenzjoni jsir minn persuna li għandu abbilitajiet f’dik l-arti u jeħtieġu li dak li japplika jindika li l-aqwa metodu biex jagħmel l-invenzjoni magħruf mill-inventur fid-data tal-dħul ta’ l-applikazzjoni […]

    […]”.

    B.   Id-dritt tal-Unjoni

    1. Id-Direttiva 2001/29/KE ( 4 )

    9.

    Il-premessa 60 tindika li:

    “Il-protezzjoni li hemm provdut dwarha skond din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet legali nazzjonali jew tal-Komunità f’dawn l-oqsma, bħal proprjetà industrijali, aċċess kondizzjonat, aċċess għal dokumenti pubbliċi, u r-regola ta’ kronoloġija ta’ l-isfruttar tal-media, li jistgħu jaffettwaw il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati.”

    10.

    L-Artikoli 2 sa 4 jobbligaw, b’mod partikolari, lill-Istati Membri sabiex jiggarantixxu lill-awturi d-drittijiet esklużivi li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom (Artikolu 2(a)), li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-komunikazzjoni tagħhom lill-pubbliku (Artikolu 3(1)), u li jawtorizzaw jew jipprojbixxu d-distribuzzjoni tagħhom (Artikolu 4(1)).

    11.

    L-Artikolu 9 (“Applikazzjoni kontinwa ta’ disposizzjonijiet legali oħra”) jiddikjara:

    “Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar drittijiet ta’ privattivi partikolari, trade marks, drittijiet ta’ disinni […]”.

    2. Ir-Regolament (KE) Nru 6/2002 ( 5 )

    12.

    Il-premessa 10 hija fformulata kif ġej:

    “L-innovazzjoni teknoloġika ma għandhiex tiġi mfixkla bil-konċessjoni ta’ protezzjoni tad-disinji lill-karatteristiċi ddettati biss b’funzjoni teknika. […]”

    13.

    Il-premessa 32 tiddikjara li:

    “Fin-nuqqas ta’ l-armonizzazzjoni sħiħa tal-liġijiet dwar id-drittijiet ta’ l-awtur, huwa importanti li jiġi stabbilit il-prinċipju tal-kumulu tal-protezzjoni taħt id-disinn Komunitarju u taħt il-liġijiet tad-drittijiet ta’ l-awtur, filwaqt li l-Istati Membri jitħallew ħielsa li jistabbilixxu safejn u sakemm iwasslu l-liġi tad-drittijiet ta’ l-awtur u l-kondizzjonijiet li taħthom tiġi kkonferita din il-protezzjoni.”

    14.

    L-Artikolu 3(a) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “disinn” bħala:

    “[I]d-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu”.

    15.

    L-Artikolu 8 jindika li:

    “1.   Disinn Komunitarju ma għandux jeżisti fil-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li jkunu ddettati biss bil-funzjoni teknika tiegħu.

    […]”

    16.

    L-Artikolu 96 (“Relazzjoni ma’ għamliet oħra tal-protezzjoni skond il-liġijiet nazzjonali”) jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li:

    “Disinn protett minn disinn Komunitarju għandu jkun eliġibbli wkoll għall-protezzjoni skond il-liġijiet tad-drittijiet ta’ l-awtur ta’ l-Istati Membri mid-data li fiha d-dritt kien maħluq jew iffissat f’kull għamla. Safejn u sakemm li għalihom din il-protezzjoni tiġi kkonferita u l-kondizzjonijiet li fuqhom din il-protezzjoni tiġi kkonferita, inkluż il-livell meħtieġ ta’ l-oriġinalità, għandhom jiġu stabbiliti minn kull Stat membru”.

    3. Id-Direttiva 2006/116/KE ( 6 )

    17.

    L-Artikolu 1(1) (“It-tul tal-perjodu ta’ validità tad-drittijiet ta’ l-awtur”) jipprovdi li:

    “Id-drittijiet ta’ l-awtur ta’ xogħol artistiku jew letterarju skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berna għandhom idumu tul il-ħajja ta’ l-awtur u għal 70 sena wara mewtu, irrispettivament mid-data meta x-xogħol ikun sar legalment disponibbli għall-pubbliku.”

    II. Il-fatti tal-kawża u d-domandi preliminari

    18.

    Fl‑1975, SI ħoloq mudell ta’ rota li tintewa u semmieha Brompton.

    19.

    Is-sena ta’ wara, ikkostitwixxa l-kumpannija Brompton Ltd, bil-għan li jikkummerċjalizza r-rota li tintewa tiegħu b’kollaborazzjoni ma’ kwalunkwe impriża ikbar li tiggarantixxi l-manifattura tagħha u d-distribuzzjoni tagħha. Ladarba ma kien hemm ebda impriża interessata, huwa kompla jaħdem waħdu.

    20.

    Fl‑1981 irċieva l-ewwel ordni ta’ 30 rota Brompton, li mmanifattura b’dehra daqsxejn differenti minn dik oriġinali.

    21.

    Minn dakinhar, żviluppa l-attività tal-kumpannija tiegħu sabiex jippromwovi r-rota li tintewa tiegħu li, mill‑1987, ikkummerċjalizza b’din l-għamla:

    Image

    22.

    Brompton Ltd. kienet detentur ta’ privattiva fuq il-mekkaniżmu ta’ tiwi tar-rota (ikkaratterizzata bl-adozzjoni ta’ tliet pożizzjonijiet: miftuħa, “stand by” u mitwija), privattiva li, iktar tard, kienet taqa’ taħt il-qasam pubbliku ( 7 ).

    23.

    SI jafferma wkoll li huwa d-detentur tad-drittijiet patrimonjali li jirriżultaw mid-drittijiet tal-awtur fuq id-dehra tar-rota Brompton.

    24.

    Il-kumpannija Koreana GET2GET, speċjalizzata fil-produzzjoni ta’ tagħmir għall-isport, timmanifattura u tikkummerċjalizza rota li tintewa (Chedech) li wkoll għandha tliet pożizzjonijiet, b’dehra simili għar-rota Brompton:

    Image

    25.

    Ladarba Brompton Ltd. u SI qiesu li GET2GET kienet kisret id-drittijiet tal-awtur tagħhom fuq ir-rota Brompton, huma ħarrkuha quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn talbuha, fil-qosor: a) tiddikjara li r-roti Chedech, irrispettivament mis-sinjali distintivi mwaħħla fuqhom, kienu jiksru d-drittijiet tal-awtur ta’ Brompton Ltd. u d-drittijiet morali ta’ SI fuq ir-rota Brompton, u b) tordna l-waqfien tal-attivitajiet ta’ ksur tad-drittijiet u l-irtirar tal-prodott mis-suq ( 8 ).

    26.

    GET2GET affermat li d-dehra tar-rota tagħha kienet iddettata mis-soluzzjoni teknika mixtieqa u li adottat volontarjament it-teknika ta’ tiwi (li qabel kienet protetta mill-privattiva ta’ Brompton Ltd., u li sussegwentement skadiet), minħabba li kien l-iktar metodu funzjonali. Hija ssostni li din ir-restrizzjoni teknika tiddetermina d-dehra tar-rota Chedech.

    27.

    Brompton Ltd. u SI argumentaw li fis-suq hemm roti oħrajn li jintwew fi tliet pożizzjonijiet li jippreżentaw dehra differenti minn dik tar-rota tagħhom, fejn jeżistu drittijiet tal-awtur favurihom f’dan l-aħħar rigward. Id-dehra tagħha turi t-twettiq ta’ għażliet kreattivi u, għaldaqstant, oriġinalità.

    28.

    F’din iċ-ċirkustanza, il-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, li tistabbilixxi b’mod partikolari l-varji drittijiet esklużivi rrikonoxxuti lill-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur fl-Artikoli 2 sa 5 tagħha, għandu jiġi interpretat bħala li jeskludi mill-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ix-xogħlijiet li l-forma tagħhom hija neċessarja sabiex jintlaħaq ir-riżultat tekniku?

    2)

    Sabiex tiġi evalwata n-natura neċessarja ta’ forma sabiex jintlaħaq ir-riżultat tekniku, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji li ġejjin:

    L-eżistenza ta’ forom oħra possibbli li jippermettu li jintlaħaq l-istess riżultat tekniku?

    L-effettività tal-forma sabiex jintlaħaq l-imsemmi riżultat?

    Ir-rieda tal-allegata persuna li tkun wettqet il-ksur li tilħaq dan ir-riżultat?

    L-eżistenza ta’ privattiva preċedenti, li llum skadiet, fuq il-proċess li jippermetti li jintlaħaq ir-riżultat tekniku mfittex?”

    III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    29.

    Id-digriet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ġie rreġistrat fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Ġunju 2018.

    30.

    SI u Brompton Ltd., GET2GET, il-Gvern Belġjan u dak Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ressqu l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Din tal-aħħar u l-partijiet fil-kawża prinċipali kienu preżenti fis-seduta li saret fl‑14 ta’ Novembru 2019.

    IV. Analiżi

    A.   Osservazzjonijiet preliminari

    31.

    Il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domandi tagħha dwar il-protezzjoni tad-dritt tal-awtur fir-rigward ta’ xogħol li “l-forma [tiegħu] hija neċessarja […] sabiex jintlaħaq ir-riżultat tekniku”. Hija esklużivament rilevanti l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 2001/29.

    32.

    Ix-“xogħol” li tittratta l-kawża huwa, kif diġà spjegajt, rota li s-sistema ta’ tiwi tagħha kienet, dakinhar, protetta bi dritt ta’ privattiva.

    33.

    Mill-qari tal-osservazzjonijiet ta’ SI u ta’ Brompton Ltd. ( 9 ) jirriżulta li huma differenti d-dehra oriġinali ta’ din ir-rota u dik li attwalment timmira għall-protezzjoni bħala dritt tal-awtur, għalkemm it-tnejn li huma jimplimentaw is-sistema ta’ tiwi ( 10 ).

    34.

    Fid-digriet tar-rinviju ma hemm ebda indikazzjoni li r-rota Brompton kienet ġiet protetta bħala mudell, għall-applikazzjoni industrijali tagħha. Il-qorti tar-rinviju lanqas ma tagħmel riferiment għar-regoli, nazzjonali jew tal-Unjoni, li jirregolaw id-disinni (nazzjonali jew Komunitarji).

    35.

    Għalkemm fl‑1987 setgħet timmira biss għal protezzjoni bħala mudell nazzjonali, xejn ma pprekluda li r-rota Brompton tintlaqa’ sussegwentement fis-sistema legali proprja tal-mudelli ( 11 ), kemm bis-saħħa tad-Direttiva 98/71/KE ( 12 ), kif ukoll bis-saħħa tar-Regolament Nru 6/2002. Dan tal-aħħar jikkunsidra, inkluż, “protezzjoni […] għal disinn [Komunitarju] fuq skond [terminu] qasir mhux irreġistrat” ( 13 ).

    36.

    Ir-risposta għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tistax tinjora l-problemi marbuta mal-kumulu ta’ protezzjonijiet (bħala proprjetà intellettwali, minn naħa, u bħala proprjetà industrijali, min-naħa l-oħra), li għalihom ser nagħmel riferiment b’mod immedjat. Għaldaqstant, naħseb ikun aħjar li dawn jiġu indirizzati kemm għall-ipoteżi fejn is-sistema ta’ tiwi kienet ġiet protetta biss minn privattiva, kif ukoll għal dik li d-dehra tar-rota kienet tikkorrispondi għal mudell industrijali.

    37.

    Minkejja l-għan differenti tagħhom ( 14 ), iż-żewġ figuri (disinni) għandhom karatteristiċi komuni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni:

    It-tnejn jimmiraw għal applikazzjoni prattika: il-protezzjoni tal-mudell industrijali tiġi assoċjata mat-twettiq ta’ atti għal finijiet kummerċjali, filwaqt li dik tal-attività inventiva marbuta mal-privattiva tiġi relatata mal-kompetenza għall-applikazzjoni industrijali tagħha.

    Il-pubbliċità hija essenzjali kemm għall-privattivi, li għandhom jiġu rreġistrati, kif ukoll għad-disinni. Madankollu dawn tal-aħħar igawdu biss minn protezzjoni jekk ikunu ġodda, li tista’ tinkiseb permezz tar-reġistrazzjoni formali tagħhom jew, jekk ma jkunux irreġistrati, meta jkunu ġew ippubblikati għall-ewwel darba (Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002).

    L-għan tal-promozzjoni tal-innovazzjoni teknoloġika huwa komuni għaż-żewġ figuri ( 15 ), kif jenfasizzaw ir-Regolament Nru 6/2002 ( 16 ) għall-mudelli, u r-Regolament (UE) Nru 1257/2012 ( 17 ) għall-privattivi.

    38.

    Ir-risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju għandha titqies f’kuntest iktar ġenerali, li jinkludi d-diversi għanijiet u skopijiet li għandhom jintlaħqu, rispettivament, għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u tad-dritt tal-awtur, kif ukoll l-interessi li fuqhom huma bbażati t-tnejn li huma.

    39.

    Fost l-elementi ta’ interess ġenerali hemm l-inċentiv tal-promozzjoni teknoloġika u l-iżvilupp tal-kompetizzjoni. Il-validità tal-prinċipju ta’ kumulu ma għandhiex tfisser protezzjoni sproporzjonata tad-dritt tal-awtur, li tmur kontra l-interessi pubbliċi billi taġixxi bħala ostakolu għas-sistema ta’ difiża tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali.

    40.

    L-għoti ta’ dritt ta’ operat esklużiv lid-detentur ta’ dritt ta’ privattiva, jew lill-awtur ta’ disinn, ifittex, preċiżament, li jistabbilixxi bilanċ bejn l-interessi tal-qasam pubbliku u dak privat:

    L-inventur jew id-disinjatur jiġu kkumpensati bil-fatt li huma biss għandhom jiksbu vantaġġ ekonomiku mill-invenzjonijiet jew mid-disinni tagħhom, għal perijodu speċifiku, liema fatt jikkostitwixxi inċentiv għall-kompetizzjoni fil-kamp teknoloġiku ( 18 ).

    Il-korrispettiv għall-interess pubbliku huwa li dan il-ħolqien isir ta’ għarfien ġenerali, b’tali mod li l-bqija tar-riċerkaturi jkunu jistgħu jiżviluppaw invenzjonijiet ġodda matul it-terminu ta’ protezzjoni jew, ladarba dan jiskadi, japplikawh fil-prodotti tagħhom.

    41.

    Dan il-bilanċ delikat, li t-traduzzjoni l-iktar immedjata tiegħu hija l-iqsar perijodu ta’ protezzjoni għall-inventur jew għad-disinjatur, jiġi miksur li kieku t-terminu mogħti kellu jiġi estiż, awtomatikament, sakemm jintlaħqu t-termini ġenerużi proprji tad-dritt tal-awtur. Id-disinjaturi jitilfu l-inċentivi sabiex jibbenefikaw mis-sistema ta’ proprjetà industrijali li kieku, b’inqas infiq u inqas rekwiżiti formali (inter alia l-assenza ta’ reġistrazzjoni), kellhom jiġu ggarantiti l-protezzjoni tal-kreazzjonijiet tagħhom bħala dritt tal-awtur u għal terminu ħafna iktar estiż ( 19 ).

    42.

    Lanqas l-effett fuq iċ-ċertezza legali ma huwa negliġibbli: il-pubbliċità uffiċjali meħtieġa għad-disinn industrijali tippermetti li l-kompetituri jkunu jafu b’ċertezza fejn huma l-limiti tal-kreazzjonijiet industrijali proprji u sa meta jkunu protetti.

    43.

    Irrispettivament mill-mudell mhux irreġistrat ( 20 ) jidher li huwa leġittimu li l-kompetituri ta’ min ikun kiseb formalment dritt tal-proprjetà industrijali jistrieħu fuq il-pubbliċità tar-reġistrazzjoni sabiex jużaw l-innovazzjoni teknika rreġistrata, ladarba jiskadu d-drittijiet tad-detentur irreġistrat. Il-premessa 21 tar-Regolament Nru 6/2002 tirrikonoxxi li “[n-]natura esklużiva tad-dritt ikkonferit bid-disinn Komunitarju rreġistrat hija konsistenti maċ-ċertezza legali ikbar tiegħu” ( 21 ). Għall-kuntrarju, fl-assenza ta’ kwalunkwe pubbliċità ta’ reġistrazzjoni, kif jiġri fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur, l-operaturi ekonomiċi ma jkollhomx ċertezza dwar il-kontenut tal-kreazzjonijiet intellettwali bi skop industrijali.

    44.

    Fir-realtà dawn l-argumenti ma huma xejn ħlief varjazzjonijiet fir-rigward tal-istess tema diġà ttrattata mill-Avukat Ġenerali Szpunar fil-konklużjonijiet tiegħu għall-kawża Cofemel, li għalihom qiegħed nagħmel riferiment ( 22 ).

    45.

    B’mod definittiv, it-tqabbil tal-iskopijiet u tal-valuri mfittxija minn ċerti sistemi legali (dawk tal-proprjetà industrijali) u oħrajn (id-drittijiet tal-awtur) għandu jitwettaq b’mod proporzjonat sabiex jiġi evitat li salvagwardja sproporzjonata ta’ dawn tal-aħħar tħalli lil dawk tal-ewwel mingħajr kontenut.

    B.   Il-kumulu ta’ protezzjonijiet u l-limiti tagħhom

    46.

    Id-dritt tal-Unjoni jipprovdi li mal-protezzjoni legali proprja ta’ disinn tiżdied dik li tirriżulta minn dritt tal-awtur. Dan ġie stabbilit, dak iż-żmien, mid-Direttiva 98/71, li l-Artikolu 17 tagħha kien jirrikonoxxi li d-disinni (irreġistrati f’kull Stat Membru) jistgħu jkunu eliġibbli għall-protezzjoni mogħtija mir-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur. Madankollu, din id-dispożizzjoni żiedet li “[k]ull Stat Membru għandu jistabbilixxi sa fejn u l-kondizzjonijiet li bihom tingħata dik il-protezzjoni, magħdud il-grad ta’ oriġinalità meħtieġ” ( 23 ).

    47.

    Il-prinċipju ta’ “kumulu” deher sussegwentement fl-Artikolu 96(2) tar-Regolament Nru 6/2002, li għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 32 tiegħu, fir-rigward tad-disinni Komunitarji protetti fuq livell tal-Unjoni.

    48.

    Mill-perspettiva tad-difiża speċifika tad-drittijiet tal-awtur, fil-premessa 60 tad-Direttiva 2001/29 jiġi ddikjarat li “din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet legali nazzjonali jew [tal-Unjoni] f’dawn l-oqsma”.

    49.

    Għalhekk, “[…] id-Direttiva 2001/29 iżżomm fis-seħħ l-eżistenza u l-portata tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam ta’ disinni, inkluż il-prinċipju ta’ ‘kumulu’” ( 24 ).

    50.

    Madankollu, baqgħu ċerti dubji dwar in-natura kumplimentari ta’ dawn iż-żewġ protezzjonijiet. B’mod speċifiku, ġie diskuss jekk l-Istati Membri jistgħux jitolbu li l-mudelli industrijali jkunu jinkludu rekwiżiti ta’ oriġinalità iktar stretti, sabiex igawdu mill-protezzjoni karatteristika tad-drittijiet tal-awtur.

    51.

    Is-sentenza Cofemel ikkonfermat, bħala regola ġenerali, li “[l-]protezzjoni tad-disinni u l-protezzjoni assoċjata mad-drittijiet tal-awtur jistgħu […] jingħataw b’mod kumulattiv għall-istess għan”.

    52.

    Madankollu, din id-dikjarazzjoni tiġi segwita minn ċerti kjarifiki li jnaqqsu, sabiex ngħid hekk, jew jirrelativizzaw il-forza tal-prinċipju ta’ kumulu.

    53.

    L-ewwel nett, “għalkemm il-protezzjoni tad-disinni u l-protezzjoni assoċjata mad-drittijiet tal-awtur jistgħu, skont id-dritt tal-Unjoni, jingħataw b’mod kumulattiv għall-istess għan, dan il-kumulu jista’ jiġi kkunsidrat biss f’ċerti sitwazzjonijiet” ( 25 ).

    54.

    It-tieni nett, is-sens tal-protezzjoni mogħtija huwa differenti fiż-żewġ każijiet. Filwaqt li, fir-rigward tad-disinni, l-għan huwa li tiġi evitata l-imitazzjoni mill-kompetituri, id-dritt tal-awtur għandu funzjoni oħra, ġuridika u ekonomika ( 26 ).

    55.

    It-tielet nett, il-kisba tad-dritt tal-awtur fuq oġġett li diġà jgawdi mill-protezzjoni nnifisha tad-disinni għandha ċerti riskji li ma għandhomx jiġu injorati ( 27 ). B’mod partikolari, “l-għoti ta’ protezzjoni, abbażi tad-dritt tal-awtur, għal suġġett protett bħala disinn ma jistax iwassal sabiex l-għanijiet u l-effettività rispettivi ta’ dawn iż-żewġ protezzjonijiet jiġu ppreġudikati” ( 28 ).

    56.

    Ir-raba’ nett, il-qorti nazzjonali għandha tispeċifika meta tkun tinsab f’waħda minn “ċerti sitwazzjonijiet” li jippermettu l-kumulu ta’ protezzjonijiet. Għalhekk, fi kwalunkwe każ għandu jiġi ddefinit il-bilanċ bejn id-difiża tad-drittijiet tal-awtur u l-interess ġenerali.

    C.   L-ewwel domanda preliminari: il-kunċett ta’ “xogħol”, ir-rekwiżit ta’ oriġinalità u l-esklużjoni tal-protezzjoni bħala dritt tal-awtur meta l-forma ta’ xogħol tissodisfa rekwiżiti tekniċi

    57.

    Bħala punt ta’ tluq, mill-ġdid nagħmel riferiment għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Cofemel, li fihom jittratta kemm l-analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ xogħol, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza għad-disinni ( 29 ).

    58.

    Naħseb li din l-analiżi hija kompleta biżżejjed b’tali mod li ma teħtieġx spjegazzjonijiet addizzjonali min-naħa tiegħi. Barra minn hekk, is-sentenza Cofemel inkludietha fir-raġunament tagħha fejn ippreċiżat il-karatteristiċi tal-kunċett ta’ “xogħol” bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni ( 30 ).

    59.

    Minn din il-ġurisprudenza hawnhekk nixtieq nenfasizza fuq l-element tal-oriġinalità ( 31 ), li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat f’sentenzi preċedenti ( 32 ), fejn iddikjarat li dan l-element għandu jirrifletti l-personalità tal-kreatur tax-xogħol ( 33 ).

    60.

    Wieħed mill-kontributi rilevanti tas-sentenza Cofemel huwa li ma tippermettix li tiġi assoċjata l-oriġinalità tal-allegat “xogħol” (f’dan il-każ, ħwejjeġ) mal-elementi estetiċi tagħha. Is-sejħa għal dak li huwa estetiku, bħala raġuni għall-protezzjoni ta’ mudell bħala dritt tal-awtur, ġie eskluż mill-Qorti tal-Ġustizzja, billi sostniet li “[l-]Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti protezzjoni, abbażi tad-dritt tal-awtur, għal mudelli […] għar-raġuni li, lil hinn mill-għan utilitarju tagħhom, dawn jiġġeneraw effett viżiv proprju u notevoli mill-perspettiva estetika” ( 34 ).

    61.

    Jekk jiġu esklużi l-effetti estetiċi, id-dubju huwa dwar jekk, meta tiġi kkunsidrata l-oriġinalità bħala premessa sabiex ikun hemm kreazzjoni intellettwali proprja tal-awtur tagħha ( 35 ), jistgħux jidħlu inkwistjoni l-obbligi li jirriżultaw mir-rekwiżit li jintlaħaq riżultat tekniku jew funzjonali, bħala raġuni għar-rifjut tal-protezzjoni ta’ xogħol bħala dritt tal-awtur. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għal din il-problema.

    62.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ttrattat din il-kwistjoni b’rabta mal-protezzjoni tad-dritt tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter ( 36 ).

    63.

    B’mod partikolari, hija ddikjarat li, meta l-espressjoni tal-elementi ta’ oġġett “tkun iddettata mill-funzjoni teknika tagħhom, il-kriterju tal-oriġinalità ma huwiex sodisfatt, peress li l-modi differenti sabiex tiġi implementata idea huma tant limitati li l-idea u l-espressjoni jitfixklu” ( 37 ). Din is-sitwazzjoni ma tippermettix “lill-awtur li jesprimi l-ispirtu kreattiv tiegħu b’mod oriġinali u li jwassal għal riżultat li jikkostitwixxi ħolqien intellettwali ta’ dan l-awtur stess” ( 38 ).

    64.

    F’din l-istess direzzjoni, hija affermat li l-kreazzjoni intellettwali oriġinali proprja tista’ tingħata protezzjoni permezz tad-dritt tal-awtur, iżda dan ma huwiex il-każ meta tissodisfa “kunsiderazzjonijiet tekniċi, regolatorji jew minn restrizzjonijiet li ma jħallux post għal libertà kreattiva” ( 39 ).

    65.

    Minn dawn is-sentenzi jista’ jiġi dedott li, bħala kriterju ġenerali, ma jkunx possibbli li jiġu protetti permezz ta’ drittijiet tal-awtur ix-xogħlijiet (oġġetti) ta’ arti applikata li l-forma tagħhom hija kkundizzjonata mill-funzjoni tagħhom. Jekk id-dehra ta’ wieħed minn dawn ix-xogħlijiet tkun iddettata esklużivament mill-funzjoni teknika tiegħu, fir-rigward tal-fattur determinanti, hija ma tistax tgawdi mill-protezzjoni bħala dritt tal-awtur ( 40 ).

    66.

    L-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju għad-drittijiet tal-awtur hija parti mill-istess linja li tapplika għad-disinni u għat-trade marks:

    Fir-rigward tad-disinni (irregolati kemm mid-Direttiva 98/71, kif ukoll mir-Regolament Nru 6/2002) ( 41 ), kemm l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, kif ukoll l-Artikolu 7 tad-Direttiva 98/71 ma jattribwixxux drittijiet fuq “il-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li jkunu ddettati biss bil-funzjoni teknika tiegħu” ( 42 ).

    Fir-rigward tat-trade marks tal-Unjoni, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 ( 43 ) jistabbilixxi l-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni bħala trade mark ta’ kull sinjal kompost mill-forma tal-prodott neċessarja sabiex jintlaħaq riżultat tekniku.

    67.

    Fil-qosor, id-disinni li l-konfigurazzjoni tagħhom tiġi ddeterminata permezz ta’ raġunijiet tekniċi li ma jħallux lok għall-eżerċizzju tal-libertà kreattiva ma jistgħux jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-dritt tal-awtur. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li disinn juri ċerti elementi funzjonali ma jċaħħadx lil dan tal-aħħar mill-protezzjoni msemmija bħala dritt tal-awtur.

    68.

    Din ir-regola ma tippreżentax problemi kbar meta r-raġunijiet tekniċi msemmija jannullaw, prattikament, il-marġni ta’ kreattività. Madankollu, id-diffikultajiet jinqalgħu meta d-disinni jikkombinaw karatteristiċi funzjonali u artistiċi. A priori, dawn id-disinni kkombinati ma għandhomx għalfejn jiġu esklużi mill-protezzjoni tad-dritt tal-awtur, iżda dan jiġri, għall-kuntrarju, meta l-elementi funzjonali jieħdu preċedenza fuq dawk artistiċi sal-punt estrem li dawn tal-aħħar isiru irrilevanti ( 44 ).

    69.

    L-analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-forom assoċjati mal-elementi funzjonali fl-oqsma tal-proprjetà industrijali u tad-dritt tat-trade mark tista’ tipprovdi ċerti interpretazzjonijiet validi, b’analoġija, għad-drittijiet tal-awtur.

    70.

    Huwa minnu li kull wieħed minn dawn it-tliet oqsma (disinni, dritt tat-trade marks u dritt tal-awtur) għandu l-karatteristiċi proprji tiegħu, li ma jippermettux li s-sistemi legali tagħhom jiġu ttrattati bl-istess mod. Madankollu, xejn ma jipprekludi li, b’ċerta prudenza, ir-riflessjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ wħud jiġu estrapolati għall-oħrajn, għal interpretazzjoni ta’ kriterju applikabbli, inkluż b’ċerti sfumaturi, għalihom kollha ( 45 ).

    71.

    Fil-fehma tiegħi, f’din il-ġurisprudenza tiġi enfasizzata s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Iuris vs UASI ( 46 ), mogħtija mill-Awla Manja, li interpretat il-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni bħala trade mark ta’ sinjal kompost mill-forma tal-prodott neċessarja sabiex jintlaħaq riżultat tekniku ( 47 ).

    72.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li din il-projbizzjoni “tiżgura li impriżi ma jistgħux jużaw id-dritt tat-trade marks sabiex iwettqu, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, drittijiet esklużivi li jirrigwardaw soluzzjonijiet tekniċi” ( 48 ).

    73.

    Barra minn hekk, hija sostniet li “billi llimita r-raġuni għal rifjut li jinsab fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 għas-sinjali komposti ‘esklussivament’ mill-forma tal-prodott ‘neċessarja’ għall-kisba ta’ riżultat tekniku, il-leġiżlatur debitament ikkunsidra li kull forma tal-prodott hija, sa ċertu punt, funzjonali u li konsegwentement ma jkunx xieraq li tkun irrifjutata r-reġistrazzjoni bħala trade mark forma ta’ prodott għas-sempliċi raġuni li hija tippreżenta karatteristiċi utilitarji. Permezz tat-termini ‘esklussivament’ u ‘neċessarja’, din id‑dispożizzjoni tiżgura li l-forom ta’ prodott li jinkorporaw soluzzjoni teknika biss u li r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark toħloq għalhekk realment l-użu ta’ din is-soluzzjoni teknika permezz ta’ impriżi oħra li jkunu miċħuda r-reġistrazzjoni” ( 49 ).

    74.

    Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet ċerti kjarifiki rilevanti dwar “[il-]preżenza ta’ wieħed jew ta’ xi elementi arbitrarji minuri f’sinjal tridimensjonali fejn l-elementi essenzjali kollha huma stipulati mis-soluzzjoni teknika li għaliha dan is-sinjal jagħti espressjoni”:

    Minn naħa, dan il-fattur “ma [jbiddilx] il-konklużjoni li dan is-sinjal huwa kompost esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku” ( 50 ).

    Min-naħa l-oħra, “[…] r-reġistrzzjoni ta’ tali sinjal bħala trade mark ma tistax tkun irrifjutata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jekk il-forma tal-prodott inkwistjoni tinkorpora element mhux funzjonali maġġuri, bħal element ta’ tiżjin jew fantażist li għandu rwol importanti f’din il-forma” ( 51 ).

    75.

    Fir-rigward tal-kunċett ta’ forma neċessarja sabiex jintlaħaq ir-riżultat tekniku previst, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri “li din il-kundizzjoni ma tfissirx li l-forma inkwistjoni għandha tkun l-unika li tippermetti li jinkiseb dan ir-riżultat” ( 52 ). Hija żiedet li “l-eżistenza ta’ forom oħra li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku ma tikkostitwixxix […] ċirkustanza ta’ natura li tiċħad ir-raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni” ( 53 ).

    76.

    Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, li l-applikazzjoni b’analoġija tagħhom għal din il-kawża nqis li hija xierqa, tista’ tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju. Jidher li din ikkunsidrat li d-dehra tar-rota inkwistjoni kienet neċessarja sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku ( 54 ), liema fatt jikkostitwixxi evalwazzjoni tal-fatti li esklużivament għandha twettaq hija nnifisha. Jekk permezz ta’ din id-dikjarazzjoni tixtieq tfisser li teżisti r-relazzjoni ta’ esklużività bejn id-dehra u l-funzjonalità, li għaliha għamilt riferiment iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda tagħhom għandha tkun li ma tistax tingħata l-protezzjoni taħt id-dritt tal-awtur.

    D.   Fuq it-tieni domanda preliminari

    77.

    Il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, b’mod partikolari, l-effett li, sabiex tiġi evalwata r-relazzjoni bejn l-oriġini tal-forma tal-oġġett u l-oriġini tar-riżultat tekniku mixtieq, jista’ jkollhom erba’ fatturi speċifiċi, li hija stess telenka.

    1. L-eżistenza ta’ privattiva preċedenti

    78.

    Billi tinqaleb l-ordni ta’ dawn il-fatturi, kif riflessi fid-digriet tar-rinviju ser nibda billi neżamina b’liema mod tista’ tkun ta’ influwenza l-eżistenza ta’ privattiva preċedenti wara li tkun skadiet.

    79.

    Minħabba l-validità tal-prinċipju ta’ kumulu, din iċ-ċirkustanza, fiha nnifisha, ma għandhiex timplika l-prevalenza tad-dritt tal-proprjetà industrijali (b’mod partikolari jekk l-effettività tiegħu diġà ntemmet) sal-punt li tostakola l-protezzjoni bħala dritt tal-awtur. Ir-riflessjonijiet ippreżentati fir-rigward tal-prossimità tal-privattivi u l-mudelli industrijali, sa fejn hija kkonċernata din il-kwistjoni ( 55 ), jipproponu li jiġi estiż dan il-prinċipju anki għall-oġġetti protetti minn privattiva.

    80.

    Madankollu, mill-perspettiva tal-elementi ta’ evalwazzjoni, naħseb li l-qorti tar-rinviju għandha raġun meta tenfasizza din iċ-ċirkustanza, li jista’ jkollha effett doppju:

    Minn naħa, privattiva rreġistrata tista’ sservi sabiex tiċċara jekk kienx hemm restrizzjonijiet tekniċi li jimponu l-forma tal-prodott. Huwa naturali li d-deskrizzjoni tad-disinn u l-funzjonalità tiegħu fid-dokumentazzjoni tal-iskrizzjoni tal-privattiva (li, bħala definizzjoni, hija ddestinata għal applikazzjoni industrijali) titwettaq bl-iktar mod eżawrjenti possibbli, minħabba li dan jiddependi mill-portata tal-protezzjoni.

    Min-naħa l-oħra, l-għażla tal-privattiva, bħala strument għall-protezzjoni tal-attività ta’ min jirreġistraha, tippermetti li jiġi preżunt li l-forma protetta bi privattiva u r-riżultat propost huma strettament marbuta: l-ewwel waħda hija, ġustament, dik li l-inventur ikkunsidra bħala effikaċi sabiex tinkiseb il-funzjonalità mfittxija.

    2. L-eżistenza ta’ forom oħrajn possibbli li jippermettu li jintlaħaq l-istess riżultat tekniku

    81.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema effett jista’ jkollha l-eżistenza ta’ forom oħrajn li jippermettu li jintlaħaq l-istess riżultat tekniku. B’mod partikolari, hija tagħmel riferiment għal żewġ approċċi kuntrarji, ibbażati fuq l-hekk imsejħa “teorija tal-għamliet multipli” u “teorija tal-kawżalità”.

    82.

    Reċentement, l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe wettaq analiżi kompleta ta’ dawn iż-żewġ teoriji, applikati għad-disinni, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża DOCERAM ( 56 ). Ladarba naqsam l-istess ħsibijiet, ser nagħmel riferiment għalihom.

    83.

    Is-sentenza DOCERAM, fejn essenzjalment ġiet aċċettata l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali (il-qorti tar-rinviju tiċċita kemm is-sentenza kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali) ( 57 ), iddeċidiet dwar dan ir-rigward kif ġej:

    “[…] sabiex jiġi evalwat jekk karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott huma esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tiegħu, hemm lok li jiġi stabbilit li din il-funzjoni hija l-uniku fattur li ddetermina dawn il-karatteristiċi, peress li l-eżistenza ta’ disinni alternattivi ma hijiex determinanti f’dan ir-rigward.” ( 58 ).

    Madankollu, xejn ma jwaqqaf lill-qorti milli tieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ “eżistenza ta’ disinni alternattivi li jippermettu li tinkiseb l-istess funzjoni teknika” ( 59 ). Dan tal-aħħar, għalhekk, ma huwiex fatt deċiżiv iżda sempliċi element addizzjonali ta’ evalwazzjoni.

    84.

    Għalhekk, il-qari ta’ din is-sentenza jenfasizza l-assenza ta’ effett tas-soluzzjonijiet alternattivi sabiex tiġi ċċarata r-relazzjoni ta’ esklużività bejn il-karatteristiċi tad-dehra u l-funzjoni teknika tal-prodott. Madankollu ma jippermettix li jiġi eliminat kwalunkwe effett ta’ dawn is-soluzzjonijiet alternattivi bħala element adattat sabiex jiġi rrikonoxxut marġni għall-kreazzjoni intellettwali li jwassal għall-istess riżultat tekniku.

    85.

    F’dawk il-mudelli fejn l-intersezzjoni tal-arti mad-disinn tkun partikolarment enfasizzata, ikun hemm possibbiltajiet ikbar ta’ libertà kreattiva ( 60 ) għall-konfigurazzjoni tad-dehra tal-prodott. Kif ġie propost mill-Kummissjoni waqt is-seduta, l-integrazzjoni tal-aspetti formali ma’ dawk funzjonali, f’xogħlijiet ta’ arti applikata, għandha tiġi analizzata fid-dettall sabiex jiġi ċċarat jekk id-dehra ta’ dawn ix-xogħlijiet tkunx iddettata kollha kemm hi għar-rekwiżiti tekniċi. F’ċerti każijiet ikun possibbli li jiġu sseparati, għall-inqas idealment, l-elementi li jissodisfaw kunsiderazzjonijiet funzjonali minn dawk li jissodisfaw biss għażliet liberi (oriġinali) tal-kreatur tagħhom li jistgħu jiġu protetti bħala dritt tal-awtur ( 61 ).

    86.

    Nifhem li dawn ir-riflessjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati pjuttost bħala teoretiċi u forsi ma jgħinux biżżejjed lill-qorti tar-rinviju, li qiegħda taffaċċja l-kompitu diffiċli li tiċċara liema elementi kreattivi jistgħu jiġu protetti f’rota li l-funzjonalità tagħha teħtieġ il-preżenza ta’ roti, katina, frejm u manubriju, tkun xi tkun il-forma tagħha ( 62 ).

    87.

    Fi kwalunkwe każ, minn perspettiva marbuta mal-interpretazzjoni tar-regola, iktar milli mal-applikazzjoni tagħha għal suppożizzjoni partikolari, huwa sinjifikattiv li wieħed jiftakar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-risposta għal din il-parti tat-tieni domanda preliminari tinsilet mis-sentenza DOCERAM.

    88.

    Is-soluzzjoni esposta fir-rigward tad-disinni tista’ tiġi estrapolata, mutatis mutandis, sabiex jiġi ċċarat il-grad ta’ oriġinalità tax-“xogħlijiet” b’applikazzjoni industrijali, li l-kreaturi tagħhom għandhom l-għan li jipproteġu bħala dritt tal-awtur.

    3. Ir-rieda tal-allegata persuna li tkun wettqet il-ksur li tilħaq dan ir-riżultat tekniku

    89.

    Sabiex il-qorti tikkunsidra jekk hemmx ksur, mill-perspettiva oġġettiva, bħala prinċipju, ma hijiex rilevanti r-rieda ta’ min jikkummerċjalizza, mingħajr ma jkun awtorizzat, oġġett protett bi dritt tal-awtur.

    90.

    Differenti huwa l-fatt li r-rieda sabiex jinkiseb riżultat tekniku tista’ titqies meta tiġi evalwata r-relazzjoni bejn il-forma u l-funzjonalità. Huwa loġiku li min jipproduċi oġġett kopert minn privattiva li jkun għadda fil-qasam pubbliku ma jkollux skop ieħor ħlief li jikseb il-konsegwenza teknika mistennija ( 63 ).

    91.

    Madankollu, fid-dawl tal-affermazzjoni li l-forma tal-mudell tissodisfa deċiżjoni purament estetika u mhux funzjonali xejn ma jwaqqaf lil min isostni l-kuntrarju (jiġifieri, li uża din il-forma b’impożizzjoni strettament teknika jew funzjonali) milli jipprovaha ( 64 ).

    92.

    Wara li tinvestiga l-eżistenza jew l-assenza ta’ dritt għall-protezzjoni tal-oġġett bħala xogħol, il-qorti tista’ teżamina r-rieda oriġinali tal-inventur jew tad-disinjatur, qabel dik tal-persuna li tirriproduċi l-invenzjoni jew id-disinn tagħhom.

    93.

    Għal dan il-għan għandu jitqies il-mument tal-kunċett inizjali tiegħu ( 65 ) sabiex jiġi evalwat jekk l-awtur tiegħu kienx aspira realment sabiex iwettaq kreazzjoni intellettwali proprja, jew jekk, minflok, kienx qiegħed ifittex mod esklużiv sabiex jiddefendi idea applikabbli għat-tfassil ta’ prodott industrijali oriġinali, għall-manifattura u l-bejgħ eċċessiv tiegħu fis-suq. Iċ-ċirkustanza fejn saret applikazzjoni industrijali jew inkiseb vantaġġ kummerċjali mill-invenzjoni jew id-disinn tista’ tipprovdi indizji li jistħoqqilhom l-attenzjoni.

    94.

    Il-fatt li r-rikonoxximent sussegwenti tad-disinn kien mistħoqq, inkluż tal-esibizzjoni tiegħu f’mużewijiet, ma jidhirlix li huwa rilevanti minn din il-perspettiva. Dan il-fattur jew oħrajn analogi, bħall-kisba ta’ premjijiet fil-kuntest tad-disinn industrijali, jikkonferma, pjuttost, li n-natura tiegħu hija waħda ta’ oġġett industrijali li ħaqqu tifħir, jew inkluż ta’ ammirazzjoni, fil-qasam proprju tiegħu, jew li għandu komponenti estetiċi rilevanti.

    4. L-effettività tal-forma sabiex jinkiseb riżultat tekniku

    95.

    Il-qorti tar-rinviju ma toffrix biżżejjed elementi ta’ evalwazzjoni sabiex tifhem liema huwa s-sens preċiż ta’ din il-parti tat-tieni domanda preliminari, li dwarha ma tipprovdi ebda spjegazzjoni.

    96.

    Għalhekk, u minħabba li nirrikonoxxi li r-raġunijiet preċedenti huma biżżejjed għad-deskrizzjoni tar-relazzjoni bejn il-forma tal-prodott u l-funzjoni jew ir-riżultat tekniku tiegħu, ftit għandi xi nżid.

    97.

    Loġikament, jekk il-forma li ddisinja d-disinjatur tal-prodott (f’dan il-każ ir-rota) ma tkunx ideali sabiex tinkiseb il-funzjonalità li trid tintlaħaq, dak li jkun jonqos hija s-suppożizzjoni nnifisha tal-applikazzjoni industrijali futura. Għalhekk, għandu jiġi preżunt li l-forma proposta hija effikaċi għal dan l-iskop (f’dan il-każ, għall-manifattura ta’ rota li tista’ kemm iddur kif ukoll tintewa).

    98.

    Fi kwalunkwe każ hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dan il-fatt fid-dawl tal-provi (b’mod partikolari tal-għarfien espert) li ġew prodotti quddiemha.

    E.   Kunsiderazzjoni finali

    99.

    Il-kriterji għall-evalwazzjoni tar-relazzjoni ta’ esklużività bejn id-dehra tal-prodott u r-riżultat tekniku tiegħu, probabbilment, ma humiex eżawriti fl-erbgħa analizzati sa issa. Madankollu, kif sostna l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-konklużjonijiet tiegħu tal-kawża DOCERAM ( 66 ), ma jkunx xieraq li ssir lista, eżawrjenti jew le, ta’ dawn il-kriterji astratti meta, fir-realtà, din l-evalwazzjoni (ta’ natura fattwali) tkun marbuta ma’ għadd ta’ ċirkustanzi diffiċilment rikonoxxibbli a priori.

    100.

    Fl-aħħar nett, inżid li r-rifjut eventwali tal-protezzjoni bħala drittijiet tal-awtur ma tipprekludix ir-rikors għal regoli oħrajn previsti għall-ġlieda kontra l-imitazzjonijiet mhux oriġinali jew parassitiċi. Kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni żleali, anki jekk mhux kompletament armonizzata fuq il-livell tal-Unjoni ( 67 ), tista’ toffri rimedji għal dan il-fenomenu mhux mixtieq ( 68 ).

    101.

    Permezz ta’ din l-aħħar riflessjoni, kif indikajt darba oħra, “ma għandix l-intenzjoni li nidħol fil-possibbiltajiet li l-qorti tar-rinviju tista’ssib, taħt id-dritt nazzjonali tagħha, biex tikklassifika l-imġiba inkwistjoni. Nillimita ruħi sabiex niftaħ il-perspettiva li minnha jistgħu jintwerew ir-reazzjonijiet proċedurali fir-rigward ta’ mġiba potenzjalment illegali, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tad-dritt tat-trade marks” ( 69 ).

    V. Konklużjoni

    102.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lit-Tribunal de l’entreprise de Liège (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Liège, il-Belġju) kif ġej:

    “1)

    L-Artikoli 2 sa 5 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, ma jipproteġux, permezz ta’ drittijiet tal-awtur, il-kreazzjonijiet ta’ prodotti b’applikazzjoni industrijali li l-forma tagħhom hija ddeterminata esklużivament mill-funzjoni teknika tagħhom.

    2)

    Sabiex tiċċara jekk il-karatteristiċi speċifiċi tal-forma ta’ prodott humiex iddettati esklużivament mill-funzjoni teknika tiegħu, il-qorti kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi oġġettivi rilevanti kollha ta’ kull kawża, inklużi l-eżistenza ta’ privattiva jew disinn preċedenti fuq dan l-istess prodott, l-effettività tal-forma sabiex jintlaħaq ir-riżultat tekniku u r-rieda li jinkiseb.

    3)

    Meta l-funzjoni teknika tkun l-uniku fattur determinanti tad-dehra tal-prodott, jirriżulta irrilevanti li jeżistu forom alternattivi oħrajn. Għall-kuntrarju, jista’ jkun rilevanti li l-forma magħżula tinkludi elementi mhux funzjonali importanti li jissodisfaw għażla libera tal-awtur tagħhom”.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel‑Sociedade de Vestuário, S.A (C‑683/17, EU:C:2019:721; iktar ’il quddiem is-“sentenza Cofemel”).

    ( 3 ) Konvenzjoni għall-Protezzjoni tax-Xogħlijiet Litterarji u Artistiċi, iffirmata f’Berne fid‑9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971), emendata fit‑28 ta’ Settembru 1979. L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti f’din il-konvenzjoni iżda hija parti fil-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li jirrigwardaw il-Kummerċ li jikkostitwixxi l-Anness 1C tal-Ftehim ta’ Marrakech li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, iffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar it-TRIPs”), approvat f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 94/800/KE dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), li l-Artikolu 90(1) tagħha jobbliga lill-partijiet kontraenti sabiex josservaw l-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Berne.

    ( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

    ( 5 ) Regolament tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

    ( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet ta’ l-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (ĠU 2006, L 372, p. 12 u r-rettifika fil-ĠU 2013, L 117, p. 23).

    ( 7 ) L-applikazzjoni għal privattiva tressqet fit‑3 ta’ Ottubru 1979 u l-għoti tagħha ġie ppubblikat fil‑15 ta’ April 1981 bin-numru 00 26800 (Anness 12 għall-osservazzjonijiet ta’ SI u Brompton Ltd.).

    ( 8 ) B’mod speċifiku, it-talba tagħhom għal waqfien kienet tirreferi għar-roti Chedech kontenzjużi u għal kwalunkwe rota oħra li tintewa li għandha l-karatteristiċi oriġinali tar-rota Brompton li ġejjin:

    “(i) F’pożizzjoni mitfuħa:

    – il-forma tal-frejm prinċipali kkaratterizzata minn tubu mgħawweġ prinċipali u parti triangolari fuq wara; u/jew

    – il-forma tal-frejm fuq wara kkaratterizzata minn triangolu rett, mgħawweġ f’angolu inferjuri u b’element ta’ sospensjoni fl-angolu superjuri; u/jew

    – id-dehra tal-mekkaniżmu tat-tagħmir għall-ġbid tal-katina; u/jew

    – il-kejbils mhux marbuta.

    (ii) F’pożizzjoni ta’ “stand by”:

    – il-pożizzjoni tal-frejm triangolari ta’ wara mitwi taħt il-frejm prinċipali u r-rota ta’ wara li toqgħod fil-kurva tal-frejm prinċipali; u/jew

    – id-dehra tat-tagħmir għall-ġbid tal-katina mitwi għat-tħaddim mill-ġdid tal-katina.

    (iii) F’pożizzjoni mitwija:

    – id-dehra tal-frejm ta’ wara fejn ir-rota ta’ wara hija mwaħħla b’mod li din ir-rota tmiss il-parti inferjuri tat-tubu mgħawweġ prinċipali; u/jew

    – id-dehra tar-rota ta’ quddiem, parallela għall-frejm u sserraħ mal-art; u/jew

    – il-manubriju mitwi ’l isfel, ’il barra mir-rota.

    […]”

    ( 9 ) Punti 148 u 153, u l-Anness 12 (dokumentazzjoni tal-privatttiva EP 00 26800).

    ( 10 ) Fis-seduta kkonfermaw li ma għandhomx l-għan li jestendu l-protezzjoni tal-funzjonalità teknika tat-tiwi, protetta dakinhar mill-privattiva.

    ( 11 ) Fis-seduta, ir-rikorrenti rrikonoxxew li ma talbux il-protezzjoni tad-dehra tar-rota bħala mudell.

    ( 12 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120).

    ( 13 ) Premessa 17 u Artikolu 11 tar-Regolament Nru 6/2002. Fid-Direttiva 98/71, il-protezzjoni tal-mudelli mhux irreġistrati ma kinitx armonizzata għalkemm fl-Artikolu 16 tagħha ma kienx hemm riferiment għad-drittijiet nazzjonali.

    ( 14 ) Filwaqt li d-dritt ta’ privattiva jiffoka fuq l-invenzjonijiet ta’ prodotti jew ta’ proċessi, id-dritt dwar il-mudelli jaqa’ fuq “id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu” (Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002).

    ( 15 ) L-Artikolu 7 tal-Ftehim dwar it-TRIPs jenfasizza li d-drittijet tal-proprjetà intellettwali għandhom jikkontribwixxu “għall-promozzjoni ta’ l-innovazzjoni teknoloġika u t-trasferiment u disseminazzjoni tat-teknoloġija, għall-vantaġġ tal-produtturi kollha u għall-utenti ta’ l-għarfien teknoloġika u b’mod li jagħti lok għall-ġid soċjali u ekonomiku, u bilanċ tad-drittijiet u l-obbligi”.

    ( 16 ) Il-premessa 7 tiegħu tipprovdi li “protezzjoni mtejba għad-disinji industrijali […] wkoll tinkoraġġixxi l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda u l-investiment fil-produzzjoni tagħhom”.

    ( 17 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2012 li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (ĠU 2012, L 361, p. 1). Skont il-premessa 4 tiegħu, “[i]l-protezzjoni tal-privattiva unitarja ser ittrawwem l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi u l-funzjonament tas-suq intern […]”.

    ( 18 ) Mingħajr din l-esklużività jistgħu jitnaqqsu l-inċentivi ekonomiċi sabiex isir investiment f’riċerka applikata.

    ( 19 ) Fis-seduta, il-Kummissjoni sostniet li protezzjoni eċċessiva tad-dritt tal-awtur għal xogħlijiet industrijali jkollha l-effett ta’ “assorbiment” tas-sistema legali tad-disinni, liema fatt jitlef, fir-realtà, is-sens tiegħu.

    ( 20 ) Infakkar li anki fis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 6/2002, li jinkludi d-disinni mingħajr reġistrazzjoni, il-protezzjoni tagħhom teħtieġ il-pubbliċità.

    ( 21 ) Il-premessa 4 tar-Regolament Nru 1257/2012 tgħid espressament “legalment sikur” bħala pjan tal-protezzjoni tal-privattiva unitarja. Id-Direttiva 2001/29 ukoll tagħmel għaċ-ċertezza legali fl-espożizzjoni tal-motivi.

    ( 22 ) Kawża C‑683/17, EU:C:2019:363.

    ( 23 ) Fl-istess sens, il-premessa 8 tad-Direttiva 98/71.

    ( 24 ) Sentenza Cofemel, punt 47.

    ( 25 ) Sentenza Cofemel, punt 52.

    ( 26 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Cofemel (C‑683/17, EU:C:2019:363, punt 55): “id-drittijiet tal-awtur jinjoraw din il-protezzjoni kontra l-kompetizzjoni. Għall-kuntrarju, id-djalogu, l-ispirazzjoni u r-riformulazzjoni huma inerenti fil-kreazzjoni intellettwali u d-drittijiet tal-awtur ma humiex maħsuba sabiex ifixkluhom. Dak li jipproteġu d-drittijiet tal-awtur, għall-inqas permezz ta’ drittijiet ekonomiċi, hija l-possibbiltà ta’ sfruttament ekonomiku bla xkiel tax-xogħol bħala tali”.

    ( 27 ) Ibidem, punt 52. L-Avukat Ġenerali enfasizza “[r-]riskju li s-sistema tad-drittijiet tal-awtur teskludi s-sistema sui generis għad-disinni”. Iżid li “din l-esklużjoni jkollha diversi effetti negattivi: l-iżvalutazzjoni tad-drittijiet tal-awtur, imfittxija sabiex jipproteġu l-kreazzjonijiet effettivament banali, l-ostakolu għall-kompetizzjoni minħabba t-tul eċċessiv tal-protezzjoni jew anki l-inċertezza legali, sa fejn il-kompetituri ma humiex f’pożizzjoni li jbassru jekk disinn li l-protezzjoni tiegħu sui generis tkun skadiet huwiex protett ukoll permezz tad-drittijiet tal-awtur”.

    ( 28 ) Sentenza Cofemel, punt 51.

    ( 29 ) Kawża C‑683/17, EU:C:2019:363, punti 23 sa 32.

    ( 30 ) Sentenza Cofemel, punti 27 u 28.

    ( 31 ) Sentenza Cofemel, punt 30. L-oriġinalità hija wieħed miż-żewġ elementi indispensabbli għall-klassifikazzjoni ta’ kreazzjoni bħala xogħol. L-element l-ieħor huwa li jkun jeżisti “oġġett identifikabbli bi preċiżjoni u oġġettività suffiċjenti” (punt 32).

    ( 32 ) Is-sentenza Cofemel tiċċita, fil-punt 29 tagħha, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, (C‑5/08, EU:C:2009:465, punti 3739); u tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo (C‑310/17, EU:C:2018:899, punti 33 u 35 sa 37).

    ( 33 ) Sentenza Cofemel, punt 30: “sabiex oġġett ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala oriġinali, huwa kemm neċessarju kif ukoll suffiċjenti li dan jirrifletti l-personalità tal-awtur tiegħu, billi jimmanifesta l-għażliet liberi u kreattivi ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punti 88, 8994, kif ukoll tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff, C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 14)”.

    ( 34 ) Fl-osservazzjonijiet tagħhom, SI u Brompton Ltd. isostnu li huwa biżżejjed li l-għażla tal-forma ġiet iddeterminata, għall-inqas sa ċertu punt, minn raġuni waħda jew diversi raġunijiet differenti minn dawk purament funzjonali bħal, pereżempju, dawk estetiċi (punt 67). Huma jagħmlu riferiment għall-estetika anki fil-punti 3, 5, 69 u 155 ta’ dawn l-osservazzjonijiet, sabiex jaffermaw li dan kien id-disinn tagħhom, lil hinn mill-bażijiet tekniċi. Fil-fehma tagħhom, il-forma tar-rota Brompton ma kinitx meħtieġa esklużivament għal motivi tekniċi marbuta mal-mekkaniżmu tat-tiwi, iżda għal raġunijiet purament estetiċi.

    ( 35 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 37).

    ( 36 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace (C‑393/09, EU:C:2010:816).

    ( 37 ) Ibidem, punt 49

    ( 38 ) Ibidem, punt 50.

    ( 39 ) Sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2012, Football Dataco et (C‑604/10, EU:C:2012:115, punt 39).

    ( 40 ) It-termini li jintużaw għad-deskrizzjoni ta’ din ir-relazzjoni jistgħu jvarjaw. Id-dehriet jew forom “iddeterminati minn qabel”, “imposti”, “iddettati esklużivament” jew “ikkundizzjonati” mill-funzjoni teknika tiegħu huma dawk fejn din il-funzjoni teknika tgawdi prevalenza assoluta.

    ( 41 ) Huwa loġiku li japplika l-istess kriterju għaż-żewġ mudelli minħabba li, skont il-premessa 9 tar-Regolament Nru 6/2002, “[i]d-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dan ir-Regolament fuq il-liġijiet dwar id-disinji għandhom jiġu allineati mad-dispożizzjonijiet rispettivi fid-Direttiva 98/71/KE”.

    ( 42 ) Fl-istess sens, il-premessa 10 tar-Regolament Nru 6/2002 tipprovdi li “[l]-innovazzjoni teknoloġika ma għandhiex tiġi mfixkla bil-konċessjoni ta’ protezzjoni tad-disinji lill-karatteristiċi ddettati biss b’funzjoni teknika”.

    ( 43 ) Regolament tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).

    ( 44 ) Sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172).

    ( 45 ) Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-kawża DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2017:779), l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe ppropona dan l-istess metodu fir-rigward tar-regola applikabbli għad-disinni u l-projbizzjoni tar-reġistrazzjoni bħala trade marks tas-sinjali komposti mill-forma tal-prodott neċessarja sabiex jintlaħaq riżultat tekniku.

    ( 46 ) Kawża C‑48/09 P, EU:C:2010:516 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Lego Iuris”).

    ( 47 ) Raġuni għal rifjut tar-reġistrazzjoni stabbilit fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.

    ( 48 ) Sentenza Lego Iuris, punt 45.

    ( 49 ) Ibidem, punt 48.

    ( 50 ) Ibidem, punt 52.

    ( 51 ) Ibidem, punt 52.

    ( 52 ) Ibidem, punt 53.

    ( 53 ) Ibidem, punt 83

    ( 54 ) Fil-parti finali tad-digriet tar-rinviju jiġi affermat li “[s]-soluzzjoni għal din il-kawża tiddependi mid-determinazzjoni ta’ jekk l-eżistenza ta’ drittijiet tal-awtur […] tiġix eskluża meta d-dehra li huwa maħsub li tiġi protetta hija neċessarja sabiex jinkiseb effett tekniku preċiż”.

    ( 55 ) Punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 56 ) Konklużjonijiet tad‑19 ta’ Ottubru 2017, fil-KawżaC‑395/16, EU:C:2017:779.

    ( 57 ) Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma użatx, b’analoġija, il-kriterji applikabbli għall-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks u hija limitata għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 6/2002, il-kunsiderazzjonijiet sostantivi tagħha jikkoinċidu, fir-realtà, ma’ dawk ippreżentati fis-sentenza Lego Iuris.

    ( 58 ) Sentenza DOCERAM, punt 32 u d-dispożittiv (enfasi miżjuda minni).

    ( 59 ) Ibidem, punt 37.

    ( 60 ) Il-grad ta’ libertà kreattiva li jgawdi minnu l-awtur ma jikkundizzjonax il-portata tal-protezzjoni bħala dritt tal-awtur (punt 35 tas-sentenza Cofemel).

    ( 61 ) Bħala prinċipju, l-oriġinalità tax-xogħol hija biżżejjed sabiex din tkun eliġibbli għall-protezzjoni tad-dritt tal-awtur, mingħajr ħtieġa ta’ rekwiżiti addizzjonali. Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati sabiex jiddeterminaw il-“grad ta’ oriġinalità meħtieġ” (Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71) jista’ jiġi kklassifikat bħala żgħir ħafna, jekk mhux ineżistenti, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-aħħar turija tagħha hija s-sentenza Cofemel.

    ( 62 ) Ir-rikorrenti għamlu riferiment fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom għal tliet sentenzi ta’ qrati oħrajn (ta’ Groningen, tal‑24 ta’ Mejju 2006; ta’ Bruges, tal‑10 ta’ Ġunju 2009; u ta’ Madrid, tal‑10 ta’ Frar 2010) li rrikonoxxew il-protezzjoni bħala dritt tal-awtur lir-rota Brompton, filwaqt li rrifjutaw li d-dehra tagħha kienet esklużivament iddeterminata mill-funzjoni teknika tagħha.

    ( 63 ) Minn din il-perspettiva, il-mudelli mhux irreġistrati jippreżentaw iktar diffikultajiet minħabba li ma titteħidx inkunsiderazzjoni d-deskrizzjoni proprja tat-talba ta’ reġistrazzjoni.

    ( 64 ) F’din il-kawża għandu jiġi affermat li l-kurvatura tal-bar tal-frejm tar-rota tippermetti li r-roti jintwew b’mod iktar kumpatt jew li tiżdied ir-reżistenza. Dan l-argument jinsilet mir-raba’ paragrafu tal-ittra A(3) tat-Taqsima III tal-osservazzjonijiet ta’ GET2GET.

    ( 65 ) Ir-rikorrenti għandhom din l-opinjoni fit-tilwima prinċipali fejn jindikaw is-snin 1975 u 1987 bħala mumenti ta’ referenza (punt 89 tal-osservazzjonijiet tagħhom). Din l-għażla hija wkoll dik tas-sentenza DOCERAM, meta tagħmel riferiment għaċ-“ċirkustanzi oġġettivi li jindikaw ir-raġunijiet wara l-għażla tal-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat” (punt 37).

    ( 66 ) Konklużjonijiet tad‑19 ta’ Ottubru 2017, fil-KawżaC‑395/16, EU:C:2017:779, punt 65: “ma hemmx lok li tiġi stabbilita lista, anki mhux eżawrjenti, tal-kriterji rilevanti f’dan ir-rigward, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevedix li jirrikorri għal din il-proċedura u jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx li hija utli fir-rigward tal-evalwazzjoni, anki tal-ordinament fattwali, li għandha ssir […]”.

    ( 67 ) Id-dritt tal-Unjoni armonizza parzjalment id-dritt tal-kompetizzjoni żleali, esklużivament fir-rigward tal-prattiċi kummerċjali tal-impriżi fir-relazzjonijiet tagħhom mal-konsumaturi. Ara d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU 2005, L 149, p. 22, u r-rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).

    ( 68 ) Għamilt riferiment għal din il-possibbiltà fil-konklużjonijiet tal-kawża Mitsubishi Shoji Kaisha (C‑129/17, EU:C:2018:292, punti 90 sa 95). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment ukoll għaliha, b’mod obiter dictum, fil-punt 61 tas-sentenza Lego Iuris: “is-sitwazzjoni ta’ impriża li tkun żviluppat soluzzjoni teknika fir-rigward ta’ kompetituri li jqiegħdu fis-suq kopji servili tal-forma ta’ prodott li tinkorpora eżattament l-istess soluzzjoni ma tistax tkun protetta billi jingħata monopolju lil din l-impriża permezz tar-reġistrazzjoni bħala trade mark tas-sinjal tridimensjonali kompost minn din il-forma iżda tista’, skont il-każ, tiġi eżaminata fid-dawl tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali. Madankollu tali eżami ma huwiex is-suġġett ta’ din il-kawża”.

    ( 69 ) Konklużjonijiet tal-kawża Mitsubishi Shoji Kaisha (C‑129/17, EU:C:2018:292, punt 95).

    Top