EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0642

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fil-5 ta’ Settembru 2019.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2008/98/KE – Artikoli 30 u 33 – Pjan għall-immaniġġar tal-iskart – Komunitajiet Awtonomi tal-Islas Baleares u tal-Islas Canarias (Spanja) – Obbligu ta’ reviżjoni – Obbligu li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata – Nuqqas ta’ intimazzjoni regolari – Intimazzjoni mibgħuta kmieni wisq – Inammissibbiltà.
Kawża C-642/18.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:682

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil‑5 ta’ Settembru 2019 ( 1 )

Kawża C‑642/18

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju ta’ Spanja

“Proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Ambjent – Direttiva 2008/98/KE – Skart – Pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart–Evalwazzjoni u reviżjoni – Terminu – Komunikazzjoni lill-Kummissjoni – Komunitajiet Awtonomi tal-Islas Baleares u tal-Islas Canarias”

I. Introduzzjoni

1.

Id-Direttiva dwar l-iskart ( 2 ) tipprevedi l-iżvilupp ta’ pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart u l-evalwazzjoni u r-reviżjoni regolari tagħhom. Fil-kawża preżenti, għandu jiġi ċċarat jekk ir-Renju ta’ Spanja wettaqx din ir-reviżjoni fil-ħin f’żewġ reġjuni. L-element partikolarment rilevanti huwa jekk ir-reviżjoni għandhiex tiġi konkluża fi ħdan terminu speċifiku. Il-leġiżlazzjoni rilevanti ġiet introdotta reċentement fid-Direttiva dwar l-iskart u l-formulazzjoni tagħha fuq dan il-punt, sfortunatament, ma hijiex partikolarment ċara.

II. Il-kuntest ġuridiku

2.

L-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar l-iskart jirrikjedi li l-Istati Membri jfasslu pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart u jinkludi rekwiżiti fir-rigward tal-kontenut tagħhom:

“(1)   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistabbilixxu, skond l-Artikoli 1, 4, 13 u 16, pjan wieħed jew iżjed għall-immaniġġar ta’ l-iskart.

[…]

(2)   Il-pjanijiet għall-immaniġġar ta’ l-iskart għandhom jinkludu analiżi tal-qagħda kurrenti ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart fl-entità ġeografika kkonċernata, kif ukoll il-miżuri li għandhom jittieħdu għat-titjib fil-preparazzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, l-irkupru u r-rimi ta’ l-iskart u evalwazzjoni ta’ kif il-pjan ser jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet u d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

(3) […]”

3.

L-Artikolu 30(1) tad-Direttiva dwar l-iskart jirregola l-evalwazzjoni u reviżjoni tal-pjanijiet:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjanijiet għall-immaniġġar ta’ l-iskart u l-programmi għall-prevenzjoni ta’ l-iskart jiġu evalwati mill-inqas kull sitt snin, u riveduti kif ikun xieraq. u, fil-każijiet fejn ikun relevanti, konformement ma’ l-Artikoli 9 u 11.”

4.

L-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva dwar l-iskart jinkludu miri speċifiċi għall-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart.

5.

Skont l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva dwar l-iskart, il-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata:

“L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-pjanijiet għall-immaniġġar ta’ l-iskart u l-programmi għall-prevenzjoni ta’ l-iskart imsemmija fl-Artikoli 28 u 29, ladarba jiġu adottati, u dwar kull reviżjoni sostanzjali tal-pjanijiet u l-programmi.”

6.

L-Artikolu 40(1) tad-Direttiva dwar l-iskart jistabbilixxi t-terminu ta’ traspożizzjoni:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat‑12 ta’ Diċembru 2010.

[…]”

III. Il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet tar-rikors

7.

Fit‑18 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni stiednet lir-Renju ta’ Spanja sabiex jissottometti osservazzjonijiet dwar, inter alia, l-allegazzjoni li l-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart f’ċerti reġjuni Spanjoli ma ġewx irriveduti fil-ħin. Wara li rċeviet it-tweġiba tar-Renju ta’ Spanja, fl‑14 ta’ Lulju 2017 il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, li fih speċifikat terminu finali sal‑14 ta’ Settembru 2017 sabiex jirrimedja l-allegat nuqqas tiegħu li jwettaq l-obbligu tiegħu taħt id-Direttiva dwar l-iskart. Fit‑12 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti.

8.

Wara li rtirat partijiet mir-rikors oriġinali tagħha, il-Kummissjoni issa qiegħda titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiddikjara, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, li r-Renju ta’ Spanja

naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva dwar l-iskart billi ma wettaqx reviżjoni tal-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart kif previst fl-imsemmija direttiva fir-rigward tal-Komunitajiet Awtonomi tal-Islas Baleares u tal-Islas Canarias,

naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva dwar l-iskart billi ma informax uffiċjalment lill-Kummissjoni bl-adozzjoni u bir-reviżjoni tal-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart fir-rigward tal-Komunitajiet Awtonomi tal-Islas Baleares u tal-Islas Canarias;

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

9.

Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat,

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

10.

Il-partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV. L-analiżi ġuridika

11.

Fil-fehma tiegħi, ir-rikors huwa inammissibbli peress li, kif ser nispjega issa, il-Kummissjoni talbet lir-Renju ta’ Spanja malajr wisq sabiex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-allegazzjoni li l-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart ġew irriveduti tard. Għalhekk ser nagħti l-opinjoni tiegħi biss sussidjarjament dwar jekk ir-rikors huwiex fondat, fl-eventwalità, minkejja dan, li kellu jiġi ammess mill-Qorti tal-Ġustizzja.

A. Fuq l-ammissibbiltà

12.

Għalkemm, fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja qiegħed jitlob li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli, ma ngħatat l-ebda motivazzjoni għal din it-talba.

13.

Barra minn hekk, tali talba tkun tressqet tard skont l-Artikolu 127 tar-Regoli tal-Proċedura. Skont dan l-artikolu, l-ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fil-mori tal-kawża, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, dawn il-motivi ma humiex evidenti.

14.

Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina dubji dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ex officio ( 3 ). Fil-kawża preżenti, dawn id-dubji jirriżultaw mid-data tal-komunikazzjoni tal-ittra tat‑18 ta’ Novembru 2016 li fiha l-Kummissjoni stiednet lir-Renju ta’ Spanja, b’mod konformi mal-Artikolu 258 TFUE, sabiex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-allegazzjonijiet inkwistjoni b’rabta mar-reviżjoni ta’ pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart.

15.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tinħareġ ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni għandha tallega li l-Istat Membru kkonċernat ikun diġà naqas milli jwettaq obbligu ( 4 ). Anki jekk dan l-Istat Membru ma jqisx li huwa neċessarju li japprofitta mill-opportunità li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu, tali opportunità tikkostitwixxi garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat FUE. Il-fatt li tingħata tali opportunità huwa kundizzjoni essenzjali għal-legalità tal-proċedura għall-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ obbligu minn Stat Membru. L-ittra ta’ intimazzjoni għalhekk ma tistax tirrigwarda partikolarment in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha kien għadu ma skadiex ( 5 ). L-istess japplika meta l-Kummissjoni tallega n-nuqqas ta’ twettiq ta’ xi tip ieħor ta’ obbligu li jrid jitwettaq f’terminu partikolari ( 6 ). Jekk il-Kummissjoni tibgħat l-ittra ta’ intimazzjoni lil Stat Membru qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, din l-ittra ma tkunx effettiva. Rikors skont l-Artikolu 258 TFUE bbażat fuq ittra ta’ intimazzjoni bħal din ikun inammissibbli minħabba proċedura prekontenzjuża irregolari ( 7 ).

16.

L-Artikolu 28(1) tad-Direttiva dwar l-iskart jobbliga lill-Istati Membri jfasslu pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart. F’konformità mal-Artikolu 40 l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mit‑12 ta’ Diċembru 2010. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva dwar l-iskart, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart u l-programmi għall-prevenzjoni tal-iskart jiġu evalwati mill-inqas kull sitt snin u rriveduti kif xieraq.

17.

Konsegwentement, il-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart kellhom jiġu mfassla għall-ewwel darba sa mhux iktar tard mit‑12 ta’ Diċembru 2010. It-terminu stipulat fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva dwar l-iskart, li l-Kummissjoni tallega li ma kienx osservat, għalhekk intemm (l-iktar kmieni ( 8 )) sitt snin wara, fit‑12 ta’ Diċembru 2016.

18.

Madankollu, il-Kummissjoni kienet diġà stiednet lir-Renju ta’ Spanja ftit ġimgħat qabel, jiġifieri, fit‑18 ta’ Novembru 2016, sabiex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-allegazzjoni li l-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart f’ċerti reġjuni Spanjoli ma kinux ġew irriveduti fil-ħin.

19.

Huwa minnu li t-terminu preskritt mill-Kummissjoni sabiex jissottometti osservazzjonijiet intemm biss wara t-12 ta’ Diċembru 2016, jiġifieri fit‑18 ta’ Jannar 2017 ( 9 ). Madankollu, il-proċedura prekontenzjuża skont l-Artikolu 258 TFUE tipperżupponi li l-Istat Membru diġà naqas milli jwettaq obbligu taħt it-Trattati. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tistieden lil dan l-Istat Membru jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu minn qabel, sa ċertu punt bħala antiċipazzjoni ta’ ksur futur. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li tali talba bil-quddiem tista’ tippreġudika d-drittijiet ta’ difiża tal-Istat Membru u tista’ twassal għal inċertezza fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti proċedurali.

20.

Konsegwentement, ir-rikors ma jistax ikun ibbażat fuq l-ittra ta’ intimazzjoni tat‑18 ta’ Novembru 2016. Lanqas ma jidher li hemm indikazzjonijiet li, wara li skada t-terminu stipulat fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva dwar l-iskart, il-Kummissjoni talbet għal darba oħra lir-Renju ta’ Spanja sabiex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu.

21.

Konsegwentement, ir-rikors huwa inammissibbli.

22.

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-opinjoni tiegħi rigward l-ammissibbiltà tar-rikors jew, għall-inqas, ma ssegwihiex, pereżempju minħabba li l-partijiet ma kkummentawx dwar l-istedina prematura sabiex jiġu sottomessi osservazzjonijiet.

23.

Konsegwentement, ser neżamina sussidjarjament il-mertu tar-rikors iktar ’il quddiem.

B. Sussidjarjament: fuq il-mertu tar-rikors

24.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, billi ma rrevediex il-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart li jikkonċernaw il-Komunitajiet Awtonomi tal-Islas Baleares u tal-Islas Canarias skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-iskart, jiġifieri fi żmien sitt snin mill-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, u billi ma kkomunikax din ir-reviżjoni lill-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 30(1) u taħt l-Artikolu 33(1) ta’ din id-direttiva.

1.   Fuq ir-reviżjoni tal-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart

25.

Skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva dwar l-iskart, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart jiġu evalwati mill-inqas kull sitt snin u, jekk ikun meħtieġ, jiġu rriveduti kif ikun xieraq.

26.

Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jaqblu li l-Komunitajiet Awtonomi tal-Islas Baleares u tal-Islas Canarias fil-fatt qegħdin jirrevedu l-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart tagħhom, iżda kienu għadhom ma lestewx dawn il-proċeduri sa tmiem il-proċedura bil-miktub.

a)   Fuq il-ħtieġa għal reviżjoni

27.

Ir-Renju ta’ Spanja jirrikonoxxi li l-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart għandhom jiġu evalwati kull sitt snin. Madankollu, huwa jqis li huwa meħtieġ biss li l-pjanijiet jiġu emendati jekk il-pjanijiet eżistenti ma jibqgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti. Madankollu, dan ma huwiex il-każ.

28.

Il-Kummissjoni ġustament toġġezzjona għall-argument tar-Renju ta’ Spanja li, skont l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva dwar l-iskart, il-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart għandhom jinkludu analiżi tal-qagħda tal-immaniġġar tal-iskart. Bl-eċċezzjoni tal-verżjoni Franċiża, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ din id-direttiva jindikaw li din għandha tkun analiżi kurrenti. Barra minn hekk, l-obbligu li jiġu evalwati l-pjanijiet mill-inqas kull sitt snin juri li l-analiżijiet li jmorru lura sitt snin sempliċement ma jistgħux jitqiesu li huma attwali. Anki jekk l-evalwazzjoni kellha turi li s-sitwazzjoni ma nbidlitx, dan xorta jkun meħtieġ li jiġi espressament iddikjarat. Din il-konstatazzjoni għandha mill-inqas tkun marbuta mal-pjan għall-immaniġġar tal-iskart b’tali mod li mill-qari tal-pjan ikun ċar li l-analiżi għadha attwali. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk jagħmlux dan billi jemendaw espressament il-pjan jew b’mod ieħor, pereżempju billi jehmżu rapport ta’ evalwazzjoni mal-pjan. Madankollu, reviżjoni minima tal-pjan hija meħtieġa f’kull każ.

29.

Barra minn hekk, fil-kawża preżenti, ir-Renju ta’ Spanja diġà informa lill-Kummissjoni fil-proċedura prekontenzjuża li l-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart tal-Islas Baleares qegħdin fil-proċess li jiġu rriveduti ( 10 ) u li l-Islas Canarias qegħdin ifasslu pjan għall-immaniġġar tal-iskart ( 11 ). Ir-Renju ta’ Spanja sostna dan l-argument fil-mori tal-kawża.

30.

Peress li ma jistax jiġi assunt li dawn ir-reġjuni ser jibdlu l-pjanijiet tagħhom anki jekk dan ma kienx meħtieġ, ir-Renju ta’ Spanja tal-inqas ammetta impliċitament li l-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart għal dawn iż-żewġ reġjuni għandhom bżonn jiġu rriveduti.

b)   Fuq it-terminu għar-reviżjoni

31.

Madankollu, fil-kontroreplika, ir-Renju ta’ Spanja jżid mal-argument legali tiegħu li, għalkemm il-pjanijiet għandhom jiġu evalwati wara sitt snin, ma hemm l-ebda terminu għat-tlestija ta’ din l-evalwazzjoni u sabiex isiru l-eventwali emendi.

32.

L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li dan l-argument tressaq tard minħabba li r-Renju ta’ Spanja ressqu għall-ewwel darba fil-kontroreplika ( 12 ). Fir-risposta, ir-Renju ta’ Spanja kien għadu jqis li t-terminu kien japplika wkoll għar-reviżjoni ( 13 ).

33.

Fi kwalunkwe każ, dan l-argument fl-aħħar mill-aħħar lanqas ma huwa konvinċenti fuq il-mertu.

i) Il-formulazzjoni

34.

Huwa minnu li skont xi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva dwar l-iskart, jista’ effettivament jiġi ssuġġerit li t-terminu ta’ sitt snin għandu x’jaqsam esklużivament mal-evalwazzjoni, filwaqt li r-reviżjoni ma hijiex neċessarjament suġġetta għal tali terminu. Dan isegwi, grammatikalment, mill-ordni tat-termini pereżempju bil-Franċiż (“que les programmes de prévention des déchets soient évalués au moins tous les six ans et révisés, s’il y a lieu”), bl-Ingliż (“the waste management plans and waste prevention programmes are evaluated at least every sixth year and revised as appropriate”), bit-Taljan (“i piani di gestione e i programmi di prevenzione dei rifiuti siano valutati almeno ogni sei anni e, se opportuno, riesaminati”) u bl-Ispanjol (“los planes de gestión de residuos y los programas de prevención de residuos se evalúen, como mínimo, cada seis años y se revisen en la forma apropiada”).

35.

Dawn il-verżjonijiet jistgħu jinftiehmu b’mod partikolari bħala li jfissru li reviżjoni għandha sseħħ meta u hekk kif tkun meħtieġa. Kemm il-ħtieġa kif ukoll iż-żmien tar-reviżjoni għandhom imbagħad jiġu evalwati fuq bażi ta’ każ b’każ skont ir-riżultati tal-evalwazzjoni.

36.

Madankollu, dawn il-verżjonijiet lingwistiċi ma jipprekludux li t-terminu ta’ sitt snin japplika wkoll għar-reviżjoni. Id-dispożizzjoni tista’ tinftiehem ukoll bħala li teħtieġ lill-Istati Membri jevalwaw il-pjanijiet mill-inqas kull sitt snin u, jekk meħtieġ, jirreveduhom ukoll f’dan il-perijodu ( 14 ). Interpretazzjoni bħal din tkun eskluża biss li kieku terminu speċifiku kien speċifikat għal eventwali reviżjoni ( 15 ).

37.

Il-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva dwar l-iskart hija fil-fatt iktar konformi ma’ din it-tieni interpretazzjoni. Fil-verżjoni Ġermaniża t-terminu jiġi qabel iż-żewġ stadji (“die Abfallwirtschaftspläne und Abfallvermeidungsprogramme [werden] mindestens alle sechs Jahre bewertet und gegebenenfalls – […] – überarbeitet”). Madankollu, din ir-relazzjoni lanqas ma hija fformulata b’mod grammatikalment konklużiv. Ikun ukoll possibbli li t-terminu jkun relatat biss mal-ewwel stadju.

38.

Għaldaqstant, għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tiġi identifikata r-rieda reali tal-awtur tagħha ( 16 ) partikolarment billi jiġu eżaminati l-kuntest u l-għan tagħha ( 17 ) kif ukoll l-oriġini tagħha ( 18 ).

ii) L-oriġini tal-leġiżlazzjoni

39.

L-oriġini tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva dwar l-iskart juri fuq kollox li l-Istati Membri riedu jevitaw l-obbligu li jirrevedu l-pjanijiet tal-immaniġġar tal-iskart regolarment u indipendentement mill-bżonnijiet reali.

40.

Il-Kummissjoni kienet ipproponiet li l-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart jiġu rriveduti mill-inqas kull ħames snin ( 19 ). Il-Kunsill issupplimenta din il-proposta dwar ir-reviżjoni bil-kjarifika li l-pjanijiet ikollhom jiġu rriveduti biss fejn meħtieġ. B’hekk, it-terminu ġie estiż għal sitt snin ( 20 ).

41.

Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li fl-istess ħin il-Kunsill kellu l-intenzjoni li jeżenta reviżjoni possibbli minn kwalunkwe terminu, dan iżda lanqas ma jista’ jiġi stabbilit b’mod ċar. Huwa wkoll konċepibbli li l-estensjoni tat-terminu għal sitt snin kienet immirata sabiex tippermetti żmien biżżejjed għall-implimentazzjoni taż-żewġ stadji, jiġifieri l-evalwazzjoni u r-reviżjoni.

iii) Il-kuntest u l-għan

42.

Kemm il-kuntest kif ukoll l-għan tar-reviżjoni tal-pjanijiet tal-immaniġġar tal-iskart jissuġġerixxu li t-terminu previst ta’ sitt snin għandu jkun relatat ukoll mar-reviżjoni.

43.

Tal-inqas, l-evalwazzjoni hija maħsuba li ssir mill-inqas kull sitt snin. Dan jimplika li l-pjanijiet għandhom jiġu evalwati wkoll f’intervalli iqsar jekk dan ikun meħtieġ. Għalhekk, it-terminu jikkostitwixxi l-limitu massimu għall-evalwazzjoni li ma għandux jinqabeż, partikolarment, billi l-evalwazzjoni tinbeda fi ħdan it-terminu iżda titlesta biss wara, kif isostni r-Renju ta’ Spanja.

44.

Jekk, madankollu, mill-evalwazzjoni tirriżulta l-ħtieġa għal reviżjoni, ma jkunx jagħmel sens li din ma tiġi suġġetta għall-ebda terminu. Ir-raġuni għal dan hija li, mingħajr terminu, ikun hemm ir-riskju li reviżjoni li, bħala prinċipju, hija meħtieġa, ma titwettaqx jew titwettaq biss b’ċertu dewmien. L-effett prattiku tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva dwar l-iskart u l-livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali fis-sens tal-Artikolu 3(3) TUE, tal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 191(2) TFUE ma jibqgħux iktar żgurati.

45.

Anki l-preżunzjoni ta’ obbligu taċitu sabiex jiġu rriveduti l-pjanijiet fi ħdan terminu raġonevoli tista’ ma tiżgurax b’mod suffiċjenti l-effikaċja tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva dwar l-iskart ( 21 ). Ir-raġuni għal dan hija li tali “perijodu raġonevoli” ikun assoċjat ma’ diffikultajiet prattiċi kunsiderevoli. Qabel ma tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni, ma jkunx ċar jekk tali terminu jeżistix u f’kull każ ikollu konsegwentement jiġi ċċarat liema terminu jista’ jkun raġonevoli. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ tali terminu mhux miktub, din kienet madankollu soluzzjoni ad hoc minħabba li ma kien previst l-ebda terminu ( 22 ). Fil-kawża preżenti, min-naħa l-oħra, ikun perfettament rikonċiljabbli mal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni jekk it-terminu previst ta’ sitt snin jiġi estiż għar-reviżjoni ( 23 ).

46.

Lanqas il-fatt li r-reviżjoni ta’ pjan tieħu neċessarjament iż-żmien ma jeskludi dan. Huwa minnu li huwa impossibbli li pjan jiġi rrivedut qabel jiskadi t-terminu jekk fl-istess żmien tkun għadha kemm tlestiet l-evalwazzjoni. Madankollu, din il-problema tista’ tiġi indirizzata billi titwettaq l-evalwazzjoni fil-ħin, u b’hekk ikun hemm żmien biżżejjed għal kwalunkwe reviżjoni li tista’ tkun meħtieġa.

47.

Għandu jkun ukoll possibbli għall-korpi kompetenti li jorganizzaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva dwar l-iskart kif meħtieġ mingħajr diffikultà kbira. Dan peress li dawn għandhom ikunu kapaċi jantiċipaw b’mod relattivament wiesa’ r-riżultati tal-evalwazzjoni u, għalhekk, il-ħtieġa għal reviżjoni abbażi tal-esperjenza prattika tagħhom fl-immaniġġar tal-iskart. Dan ukoll jintwera mill-informazzjoni kkomunikata mir-Renju ta’ Spanja fir-rigward tas-sitwazzjoni fiż-żewġ reġjuni inkwistjoni. F’din l-informazzjoni deher ċar mill-ewwel li l-evalwazzjoni kienet ser twassal għal reviżjoni ( 24 ).

48.

Finalment, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva dwar l-iskart għandu jitqies il-fatt li dawn ma humiex obbligi li japplikaw direttament fir-rigward ta’ persuni privati. Pjuttost, huma l-Istati Membri, li kienu pparteċipaw fl-adozzjoni mill-Kunsill tad-Direttiva dwar l-iskart, li għandhom jevalwaw u jirrevedu l-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart. Huwa għalhekk iġġustifikat li dispożizzjoni ambigwa tiġi interpretata b’tali mod li l-effettività prattika tagħha tkun żgurata.

49.

Konsegwentement, għall-kuntrarju tal-fehma tar-Renju ta’ Spanja, l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva dwar l-iskart għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom jevalwaw il-pjanijiet mill-inqas kull sitt snin u, jekk meħtieġ, jirreveduhom ukoll f’dan it-terminu. Dan ma seħħx fil-kawża preżenti.

50.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-rikors huwa ammissibbli, l-ewwel talba għandha, għalhekk, tintlaqa’.

2.   Fuq il-komunikazzjoni tal-pjanijiet irriveduti lill-Kummissjoni

51.

Min-naħa l-oħra, it-tieni talba tar-rikors, jiġifieri li jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva dwar l-iskart billi ma informax uffiċjalment lill-Kummissjoni bir-reviżjoni tal-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart fir-rigward tal-Komunitajiet Awtonomi tal-Islas Baleares u tal-Islas Canarias, għandha, għall-kuntrarju, tiġi miċħuda. Ir-Renju ta’ Spanja jirreferi korrettament għall-fatt li skont l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva dwar l-iskart huwa meħtieġ biss jinforma lill-Kummissjoni b’bidliet sostanzjali fil-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart. Madankollu, il-Kummissjoni ma ssostanzjatx l-argument li r-reviżjoni tal-pjanijiet għal dawn iż-żewġ reġjuni neċessarjament ser twassal għal bidliet sostanzjali.

V. Fuq l-ispejjeż

52.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-fehma tiegħi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tal-kawża skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li r-Renju ta’ Spanja ressaq talba f’dan ir-rigward.

53.

Min-naħa l-oħra, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa ammissibbli u taqbel mal-osservazzjonijiet li għamilt sussidarjament, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tkun iktar ikkumplikata. Iż-żewġ partijiet huma parzjalment rebbieħa u, għaldaqstant, parzjalment telliefa. Sa fejn il-Kummissjoni rtirat ir-rikors, dan huwa parzjalment attribwibbli għall-fatt li r-Renju ta’ Spanja rreveda l-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart għal ċerti reġjuni tard, iżda n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu oriġinarjament allegat tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva dwar l-iskart huwa attribwibbli wkoll għall-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-kontenut tal-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart iktar antiki li kellha quddiemha. Iż-żewġ partijiet f’din il-kawża għandhom għalhekk ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

VI. Konklużjoni

54.

Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

55.

Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-rikors huwa ammissibbli, hija għandha minn tal-inqas tilqa’ r-rikors parzjalment:

1)

Ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi billi ma wettaqx reviżjoni tal-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart fir-rigward tal-Komunitajiet Awtonomi tal-Islas Baleares u tal-Islas Canarias, konformement mar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva, jiġifieri fi żmien sitt snin mill-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni.

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju ta’ Spanja huma kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3), fil-verżjoni tad-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/1127 tal‑10 ta’ Lulju 2015 (ĠU 2015, L 184, p. 13, rettifika fil-ĠU 2015, L 297, p. 9).

( 3 ) Sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 1992, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑362/90, EU:C:1992:158, punt 8), tal‑14 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑343/08, EU:C:2010:14), u tat‑22 ta’ Settembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑525/14, EU:C:2016:714, punt 14).

( 4 ) Digriet tat‑13 ta’ Settembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑341/97, EU:C:2000:434, punt 18), kif ukoll is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑230/99, EU:C:2001:100, punt 32), tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑23/05, EU:C:2005:660, punt 7), u tal‑21 ta’ Lulju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (C‑104/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:581, punt 35).

( 5 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑23/05, EU:C:2005:660, punt 7), u tal‑21 ta’ Lulju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (C‑104/15, mhux ippubblikata EU:C:2016:581, punt 35).

( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (C‑104/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:581, punt 36).

( 7 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑23/05, EU:C:2005:660, punt 8).

( 8 ) Ara l-punti 31 et seq iktar ’il quddiem.

( 9 ) Paġna 8 tal-ittra ta’ intimazzjoni, Anness I għar-rikors.

( 10 ) Ara l-Anness II għar-rikors, p. 23 et seq.

( 11 ) Ara l-Anness II għar-rikors, p. 30 et seq.

( 12 ) Ara l-punt 13 iktar ’il fuq.

( 13 ) Punt 19.

( 14 ) Ara wkoll ir-risposta tar-Renju ta’ Spanja fil-punt 19.

( 15 ) Bħala eżempju, ara s-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2002, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑292/99, EU:C:2002:276, punt 41).

( 16 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 1969, Stauder (29/69, EU:C:1969:57, punt 3), tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Confédération paysanne (C‑298/12, EU:C:2013:630, punt 22), u tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 122).

( 17 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punt 14), tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting (C‑442/14, EU:C:2016:890, punt 84), u tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Sharda Europe (C‑293/16, EU:C:2017:430, punt 21).

( 18 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2009, Zurita García u Choque Cabrera (C‑261/08 u C‑348/08, EU:C:2009:648, punt 57), u tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Confédération paysanne (C‑298/12, EU:C:2013:630, punt 27).

( 19 ) Artikolu 26(1) tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart (KUMM (2005) 667 finali).

( 20 ) L-Artikolu 27 tal-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 4/2008 adottata mill-Kunsill fl‑20 ta’ Diċembru 2007, bi qbil mal-proċedura msemmija f’Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, C 71E, p. 16). Ara wkoll l-Artikolu 26b tal-abbozz tal‑11 ta’ Mejju 2007 (Dokument tal-Kunsill 9475/07, p. 32).

( 21 ) F’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2003, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑233/00, EU:C:2003:371, punti 116117).

( 22 ) Sentenzi tat‑2 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑282/02, EU:C:2005:334, punti 3133), u tal‑25 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑392/08, EU:C:2010:164, punt 21).

( 23 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2003, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑233/00, EU:C:2003:371, punt 118).

( 24 ) Ara l-atti msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġni 10 u 11.

Top