EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0261

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fit-13 ta’ Ġunju 2019.
Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sentenza tal-Qorti li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Direttiva 85/337/KEE – Awtorizzazzjoni u kostruzzjoni ta’ qasam ta’ mtieħen tar-riħ – Proġett li jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent – Assenza ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-effetti fuq l-ambjent – Obbligu ta’ regolarizzazzjoni – Artikolu 260(2) TFUE – Talba għal kundanna għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa.
Kawża C-261/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:493

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fit‑13 ta’ Ġunju 2019 ( 1 )

Kawża C‑261/18

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

L‑Irlanda

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/16) – Talba għal kundanna għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa”

1. 

Bir-rikors suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, ippreżentat skont l-Artikolu 260(2) TFUE, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-waħda, sabiex tikkonstata li, billi ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tat-tieni kap tad-dispożittiv tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda”), l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 260 TFUE u, min-naħa l-oħra, sabiex tikkundanna lill-Irlanda, għal dan il-ksur, għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità sakemm tiġi eżegwita kompletament l-imsemmija sentenza.

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda

2.

Fl‑2003 bdew f’Derrybrien, fil-kontea ta’ Galway, fl-Irlanda, ix-xogħlijiet għall-kostruzzjoni ta’ qasam ta’ mtieħen tar-riħ (iktar ’il quddiem il-“qasam ta’ Derrybrien”). Dan jinvolvi l-ikbar proġett ta’ użu tal-art għall-enerġija tar-riħ li qatt ġie mwettaq fl-Irlanda u wieħed mill-iktar vasti fl-Ewropa. Il-fażijiet differenti ta’ awtorizzazzjoni tal-kostruzzjoni tal-qasam ta’ Derrybrien ġew deskritti fil-punt 83 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda: “fl‑4 u fit‑18 ta’ Diċembru 1997 tressqu applikazzjonijiet għal kunsens għal żvilupp relattivi għall-ewwel żewġ fażijiet tal-proġett, li kull waħda minnhom tkopri 23 turbina tar-riħ. Applikazzjonijiet ġodda tressqu fit‑23 ta’ Jannar 1998, billi l-applikazzjonijiet preċedenti għal kunsens għal żvilupp ma ġewx ikkunsidrati validi. Inħareġ permess fit‑12 ta’ Marzu 1998. Fil‑5 ta’ Ottubru 2000, tressqet applikazzjoni għal kunsens għal żvilupp għat-tielet fażi ta’ xogħlijiet, li tirrigwarda b’mod partikolari 25 turbina u toroq ta’ servizz, li ġiet milqugħa fil‑15 ta’ Novembru 2001. Fl‑20 ta’ Ġunju 2002, l-iżviluppatur talab l-awtorizzazzjoni li jbiddel l-ewwel żewġ fażijiet tal-proġett, u din l-awtorizzazzjoni ngħatatlu fit‑30 ta’ Lulju 2002. Matul ix-xahar ta’ Ottubru 2003, billi l-kunsens għal żvilupp mogħti għall-ewwel żewġ fażijiet tax-xogħlijiet skadiet, l-iżviluppatur talab it-tiġdid tal-imsemmi kunsens, li ġie milqugħ matul ix-xahar ta’ Novembru 2003.”

3.

Fis‑16 ta’ Ottubru 2003, f’Derrybrien seħħ żerżiq minn ġnub l-għoljiet li kkawża ż-żerżiq ta’ madwar nofs miljun metru kubu ta’ pit lejn ix-xmara ta’ Owendalulleegh, li spiċċa niġġes din ix-xmara u kkawża l-mewt ta’ madwar 50000 ħuta. Kif jirriżulta mill-fajl tal-Kawża C‑215/06, żewġ rapporti ta’ investigazzjoni, ippubblikati fi Frar 2004, ikkonkludew li l-katastrofi ambjentali kellha tkun marbuta max-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-qasam ta’ Derrybrien.

4.

Fil‑21 ta’ Diċembru 2001, wara ittra ta’ intimazzjoni tal‑5 ta’ April 2001, il-Kummissjoni bagħtet lill-Irlanda opinjoni motivata li fiha ddikjarat li diversi proġetti marbuta mal-estrazzjoni tal-pit imwettqa mingħajr evalwazzjoni minn qabel tal-effetti fuq l-ambjent imorru kontra d-Direttiva 85/337 ( 2 ). Fis‑7 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni bagħtet lill-Irlanda ittra ta’ intimazzjoni komplementari, li kienet telenka serje ta’ ksur tad-Direttiva 85/337, li fosthom kien hemm il-kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni inkompleta tal-effetti fuq l-ambjent. Din l-ittra ġiet segwita minn opinjoni motivata komplementari fil‑5 ta’ Jannar 2005.

5.

Fil‑11 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni ppreżentat rikors kontra l-Irlanda skont l-Artikolu 226 KE. Min-naħa l-waħda, il-Kummissjoni akkużat lill-Irlanda li ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-proġetti, li kienu jinkludu effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent, kienu, qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent konformi mad-Direttiva 85/337 u sabiex tippermetti l-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal regolarizzazzjoni wara t-twettiq sħiħ jew parzjali tal-proġetti, bi ksur tal-għanijiet ta’ prevenzjoni ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni lmentat mal-Irlanda mill-kundizzjonijiet li fihom ġiet awtorizzata l-kostruzzjoni tal-qasam ta’ Derrrybien.

6.

Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet iż-żewġ ilmenti. Fit-tieni kap tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, billi ma adottax il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura li “l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet relattivi għall-kostruzzjoni ta’ qasam ta’ mtieħen tar-riħ u għall-attivitajiet konnessi f’Derrybrien, fil-kontea ta’ Galway, kif ukoll it-twettiq tax-xogħlijiet ikunu ppreċeduti minn stima tal-effetti tal-proġett fuq l-ambjent, skont l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337, fil-verżjoni tagħha ta’ qabel jew ta’ wara l-emendi introdotti bid-Direttiva 97/11 ( 3 )”, l-Irlanda kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 4 u 5 sa 10 tal-imsemmija direttiva.

II. Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

7.

B’ittra tal‑15 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni talbet lill-Irlanda sabiex tipprovdilha, f’terminu ta’ xahrejn mid-data tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, l-informazzjoni dwar il-miżuri adottati għall-eżekuzzjoni tas-sentenza. Fit-tweġiba tagħha tat‑3 ta’ Settembru 2008, l-Irlanda ddikjarat li taċċetta b’mod sħiħ is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda u li tixtieq teżegwixxiha malajr. Fir-rigward tal-qasam ta’ Derrybrien, l-awtoritajiet Irlandiżi informaw lill-Kummissjoni li l-operatur tal-qasam kien aċċetta li jipprovdi evalwazzjoni aġġornata tal-effetti fuq l-ambjent, li jkun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 u fl-Anness IV tad-Direttiva 85/337 u maħsuba sabiex “tidentifika, teżamina u tevalwa l-effetti diretti u indiretti tal-qasam ta’ Derrybrien fuq l-ambjent kif ukoll l-interazzjoni bejn dawn l-effetti u sabiex tiddetermina l-miżuri korrettivi possibbli li għad iridu jiġu adottati sabiex jiġu rrimedjati dawn l-effetti”. Din l-evalwazzjoni kellha ssir qabel l-aħħar tal‑2008.

8.

Fit‑18 ta’ Settembru 2008 saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Irlandiżi li matulha dawn tal-aħħar ikkonfermaw mill-ġdid l-impenn li jwettqu evalwazzjoni korrettiva tal-effetti fuq l-ambjent tal-qasam ta’ Derrybrien. Matul din il-laqgħa ġiet diskussa l-possibbiltà li titwettaq din l-evalwazzjoni mingħajr ma titpoġġa fid-dubju l-awtorizzazzjoni eżistenti u ġie deċiż li ser ikun hemm stennija għall-adozzjoni tar-riforma tal-leġiżlazzjoni Irlandiża dwar il-proċedura ta’ regolarizzazzjoni maħsuba sabiex teżegwixxi l-ewwel kap tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda.

9.

Fl‑10 ta’ Marzu 2009 l-awtoritajiet Irlandiżi informaw lill-Kummissjoni li r-riforma leġiżlattiva ppjanata kienet ser tinkludi l-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ “awtorizzazzjoni sostituttiva” (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ sostituzzjoni”), li, biss għal każijiet eċċezzjonali, kienet ser tippermetti r-regolarizzazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija bi ksur tad-Direttiva 85/337. Fis‑17 ta’ April 2009, konformement mal-impenn meħud matul laqgħa li nżammet fit‑18 ta’ Marzu 2009, l-awtoritajiet Irlandiżi bagħtu lill-Kummissjoni dokument qafas, intitolat “ECJ Judgement in case C‑215/06: Draft framework response by Ireland 17 April 2009”, li fih stabbilixxew il-miżuri li bihom l-Irlanda kellha l-intenzjoni li teżegwixxi s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda. It-Taqsima D ta’ dan id-dokument kienet tipprovdi deskrizzjoni tal-proċedura ta’ sostituzzjoni li kellha tkun parti mir-riforma leġiżlattiva ppjanata, li l-adozzjoni tagħha kienet prevista għall-aħħar tal‑2009. It-Taqsima E tad-dokument qafas, intitolata “Proposti speċifiċi dwar il-qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien”, kienet tispeċifika li l-operatur tal-qasam kellu jippreżenta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sostituttiva bl-użu ta’ din il-proċedura.

10.

Fis‑26 ta’ Ġunju 2009 l-Kummissjoni bagħtet lill-Irlanda ittra ta’ intimazzjoni skont l-Artikolu 228(2) KE, fejn kienet innotat li ma rċevietx iktar informazzjoni dwar il-fażi tal-iżvolġiment tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien. Fid‑9 ta’ Settembru 2009, l-Irlanda wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni billi indikat, inter alia, li r-riforma leġiżlattiva li kellha tintroduċi l-proċedura ta’ sostituzzjoni kellha tiġi adottata ftit wara u kkonfermat li l-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien kien aċċetta li jippreżenta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sostituttiva, kif ukoll li jwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, hekk kif din ir-riforma kellha tidħol fis-seħħ.

11.

Peress li ma rċevietx iktar informazzjoni dwar l-adozzjoni tal-miżuri proposti, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni ġdida lill-Irlanda fit‑22 ta’ Marzu 2010, li l-Irlanda wieġbet għaliha b’ittri tat‑18 ta’ Mejju 2010, tat‑22 ta’ Lulju 2010 u tat‑13 ta’ Settembru 2010. Fl-ittra tat‑22 ta’ Lulju 2010, l-awtoritajiet Irlandiżi indikaw li l-leġiżlazzjoni l-ġdida, approvata mill-parlament, kellha tidħol fis-seħħ fl-aħħar ta’ Lulju. Fir-rigward tal-qasam ta’ Derrybrien, l-awtoritajiet Irlandiżi kienu indikaw mill-ġdid li, hekk kif tibda taħdem il-proċedura ta’ sostituzzjoni, l-operatur tal-qasam kellu jippreżenta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sostituttiva flimkien ma’ evalwazzjoni korrettiva tal-effetti fuq l-ambjent, “li tinkludi informazzjoni dwar il-miżuri intiżi sabiex jirrimedjaw id-danni ambjentali konsegwenti tal-eżekuzzjoni tal-proġett”. Fl-ittra tat‑13 ta’ Settembru 2010, l-awtoritajiet Irlandiżi informaw lill-Kummissjoni bl-adozzjoni tal-Planning and Development (Amendment) Act 2010 (No. 30 of 2010) (il-Liġi tal‑2010 dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp (emenda) (Nru 30 tal‑2010), iktar ’il quddiem il-“PDAA”). Il-parti XA ta’ din il-liġi tirregola l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni sostituttiva.

12.

Fid‑19 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni kitbet lill-awtoritajiet Irlandiżi sabiex titlobhom jipprovdu iktar dettalji dwar il-miżuri leġiżlattivi nnotifikati, bl-għan li tiġi evalwata l-konformità tagħhom mas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda. Barra minn hekk, peress li skopriet l-eżistenza ta’ dubji dwar il-volontà tal-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien sabiex jippreżenta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sostituttiva, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Irlandiżi sabiex jiċċaraw din il-kwistjoni. B’ittra tat‑13 ta’ Ottubru 2012, l-awtoritajiet Irlandiżi kkonfermaw ir-rifjut tal-operatur attwali tal-qasam ta’ Derrybrien sabiex jissuġġetta ruħu għall-proċedura ta’ sostituzzjoni, kemm minħabba l-ispejjeż li dan kien ser isostni, kif ukoll minħabba l-biża’ tal-irtirar possibbli tal-awtorizzazzjonijiet. Fl-istess ittra kien hemm spjegat li, wara analiżi iktar profonda tad-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet Irlandiżi kienu persważi li dan id-dritt ma kienx jimponi li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija jiġu kkontestati għall-finijiet ta’ kostruzzjoni tal-qasam ta’ Derrybrien, li sadanittant saru definittivi, u li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività tad-dritt, kif ukoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri kienu jopponu soluzzjoni li kienet timplika l-irtirar ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet Irlandiżi kienu tal-parir li kull tentattiv tal-Irlanda sabiex iġġiegħel lill-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien jissuġġetta ruħu għall-proċedura ta’ sostituzzjoni kien ser ikun kważi b’mod ċert imblokkat mill-awtorità ġudizzjarja, li kienet tagħti prevalenza lid-drittijiet ta’ dan l-operatur iggarantiti mill-Kostituzzjoni Irlandiża. Għal dawn ir-raġunijiet, l-awtoritajiet Irlandiżi kienu kkonkludew li evalwazzjoni korrettiva tal-effetti fuq l-ambjent tal-qasam ta’ Derrybrien setgħet tiġi mwettqa biss permezz ta’ kooperazzjoni fuq bażi volontarja tal-operatur tal-qasam. Din il-pożizzjoni ġiet imtennija fl-ittra tal-awtoritajiet Irlandiżi lill-Kummissjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2012.

13.

Fl‑10 ta’ Mejju 2013 l-awtoritajiet Irlandiżi indikaw lill-Kummissjoni li kkuntattjaw lill-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien sabiex jistudjaw l-għażla ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent “indipendenti u mhux uffiċjali”, li kellha titwettaq fuq il-bażi ta’ “protokoll ta’ ftehim ċar u konċiż”. B’ittra tat‑13 ta’ Diċembru 2013, l-awtoritajiet Irlandizi informaw lill-Kummissjoni li l-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien, għalkemm “konvint b’mod sħiħ li ma kienx obbligat”, kien aċċetta li jwettaq din l-evalwazzjoni. Wara din l-ittra, l-awtoritajiet Irlandiżi, fit‑8 ta’ Mejju u fl‑1 ta’ Awwissu 2014, bagħtu dokument intitolat “Derrybrien Environmental review-Concept” (Analiżi ambjentali ta’ Derrybrien – Kunċett) (iktar ’il quddiem id-“dokument kunċettwali”), li fih ġie indikat li evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, fir-rigward tal-punti indikati fl-anness għal dan id-dokument u ddefiniti fuq il-bażi ta’ “ftehim parallel”, kellha tiġi mwettqa minn espert indipendenti, maħtur direttament mill-Gvern Irlandiż, li xogħlu kellu jiġi kkontrollat minn kumitat ta’ tmexxija. Din l-evalwazzjoni ma kellha tinvolvi l-ebda stħarriġ tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti, lanqas ma kellha tiġi suġġetta għal stħarriġ min-naħa tal-awtorità ġudizzjarja. Fis‑6 ta’ Awwissu 2014 is-servizzi tal-Kummissjoni ġibdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet Irlandiżi li l-modalitajiet previsti fid-dokument imsemmi iktar ’il fuq ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337.

14.

Fil‑15 ta’ Settembru 2014, l-awtoritajiet Irlandizi informaw lill-Kummissjoni li kienu qegħdin jaħdmu fuq protokoll ta’ ftehim mal-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien. Abbozz ta’ dan il-protokoll ta’ ftehim intbagħat lill-Kummissjoni fil‑11 ta’ Marzu 2015. Matul laqgħa kollettiva li nżammet fis‑17 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Irlandiżi ftiehmu sabiex tintbagħat malajr lill-Kummissjoni verżjoni finali tal-protokoll ta’ ftehim.

15.

Fl-assenza ta’ rispons ulterjuri, il-Kummissjoni, fit‑18 ta’ Jannar 2016, insistiet mal-awtoritajiet Irlandiżi sabiex jibagħtu verżjoni finali tal-protokoll ta’ ftehim. Fis‑7 ta’ Marzu 2016, intbagħtet lill-Kummissjoni verżjoni ġdida tal-protokoll ta’ ftehim, bl-indikazzjoni li ċerti kwistjonijiet kienu għadhom suġġetti għal diskussjoni mal-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien. Permezz ta’ posta elettronika tas‑6 ta’ Ġunju 2016, is-servizzi tal-Kummissjoni indikaw lill-awtoritajiet Irlandiżi ċerti punti tal-verżjoni l-ġdida tal-protokoll ta’ ftehim li kellhom jiġu emendati. Wara laqgħa li nżammet fid‑29 ta’ Novembru 2016, is-servizzi tal-Kummissjoni, permezz ta’ posta elettronika tal‑15 ta’ Diċembru 2016, indikaw lill-awtoritajiet Irlandiżi li t-test finali tal-protokoll ta’ ftehim iffirmat kellu jasal għand il-Kummissjoni qabel l-aħħar tal‑2016, u li, f’każ li ma jsirx hekk, din tal-aħħar kienet ser tressaq mill-ġdid kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-bidu tal‑2017. Fit‑22 ta’ Diċembru 2016, l-Irlanda bagħtet lill-Kummissjoni verżjoni ġdida tad-dokument kunċettwali, li skont l-awtoritajiet Irlandiżi, kienet kompletament konformi mal-kriterji stabbiliti mid-Direttiva 85/337, kif ukoll dokument qafas ġdid tat‑2 ta’ Diċembru 2015. Fl-ittra ta’ motivazzjoni kien ġie indikat li l-firma taż-żewġ dokumenti kienet prevista għall-aħħar ta’ Jannar 2017.

16.

Fit‑2 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni kitbet lill-awtoritajiet Irlandiżi fejn indikat li, minħabba l-assenza ta’ progress fl-eżekuzzjoni tat-tieni kap tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, hija kellha l-intenzjoni li tressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fis‑16 ta’ Ottubru 2017, l-Irlanda rrispondiet billi hemżet dokument kunċettwali ġdid iffirmat fil‑11 ta’ Ottubru 2017 fejn iddikjarat li ser tistenna risposta mill-Kummissjoni. Il-verżjoni l-ġdida tad-dokument kunċettwali ma ġietx ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tindika madankollu li dan id-dokument kien jagħmel riferiment għal protokoll ta’ ftehim bilaterali bejn l-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien u l-awtoritajiet Irlandiżi u li dwaru ma kinitx irċeviet komunikazzjoni.

17.

B’ittra tat‑13 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni kkonfermat li l-progress li twettaq sa dak iż-żmien ma kienx suffiċjenti sabiex jiġi eżegwit it-tieni kap tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, billi tenniet li verżjoni finali tal-protokoll ta’ ftehim kienet mistennija għall-aħħar tal‑2016. Fid‑9 ta’ Jannar 2018, l-awtoritajiet Irlandiżi wieġbu li l-protokoll ta’ ftehim ġie integrat fid-dokument kunċettwali fuq talba tal-Kummissjoni, li dan id-dokument ġie ffirmat u li kienu qegħdin jistennew l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni sabiex jipproċedu bl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent mhux uffiċjali. B’ittra tas‑26 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni wieġbet li, irrispettivament mill-kwistjonijiet formali dwar id-dokumenti kkomunikati mill-awtoritajiet Irlandiżi, l-ebda progress sostanzjali ma sar f’disa’ snin sabiex jiġi stabbilit proċess li seta’ jwettaq evalwazzjoni serja tal-effetti fuq l-ambjent tal-qasam ta’ Derrybrien u li, għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li daħlet f’fażi ġdida li fiha ma kinitx iktar lesta li tissanzjona “ftehim extraġudizzjarju”. Il-Kummissjoni ssuġġerixxiet ukoll lill-Irlanda biex terġa’ tikkunsidra l-għażla li tissuġġetta lill-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien għall-proċedura ta’ sostituzzjoni. Fl‑1 ta’ Frar 2018, l-awtoritajiet Irlandiżi wieġbu billi lmentaw dwar id-deterjorament tar-relazzjoni ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni u akkużaw lil din tal-aħħar li ma ħaditx pożizzjoni dwar id-dokumenti mibgħuta mill-Irlanda fit‑22 ta’ Diċembru 2016, li kellhom jitqiesu bħala finali, biex b’hekk kompliet ittawwal il-bidu tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

18.

Billi kkunsidrat li l-Irlanda ma kinitx adottat il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiġi eżegwit b’mod sħiħ it-tieni kap tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, il-Kummissjoni, fit‑13 ta’ April 2018, ippreżentat ir-rikors li huwa s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet.

19.

Il-partijiet bagħtu lil xulxin żewġ stadji ta’ osservazzjonijiet bil-miktub u s-sottomissjonijiet orali tagħhom instemgħu fis-seduta tal‑1 ta’ April 2019. Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 62(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet kienu mitluba sabiex iwieġbu, matul is-seduta, ċerti mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-imħallef relatur. B’ittra nnotifikata lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ April 2019, qabel il-bidu tas-seduta, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li rċeviet, fid‑29 ta’ Marzu 2019, mill-awtoritajiet Irlandiżi komunikazzjoni li fiha kien hemm indikat li l-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien kien aċċetta li jikkoopera sabiex tinbeda l-proċedura ta’ sostituzzjoni prevista mill-PDAA. L-ittra mibgħuta mill-awtoritajiet Irlandiżi lill-Kummissjoni fid‑29 ta’ Marzu 2019 intbagħtet minn din tal-aħħar lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ April 2019. F’din l-ittra hemm indikat li l-proċedura ta’ sostituzzjoni ser tibda “malajr kemm jista’ jkun, b’tali mod li jiġi żgurat it-twettiq ta’ evalwazzjoni regolamentari tal-effetti fuq l-ambjent ex post”.

III. Fuq ir-rikors

A. Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

1.   L-argumenti tal-partijiet

20.

Il-Kummissjoni tafferma li l-Irlanda ma ħaditx il-miżuri li tinvolvi l-eżekuzzjoni tat-tieni kap tad-dispożittiv tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda. Minkejja li ddikjarat li hija disponibbli sabiex tibda malajr l-eżekuzzjoni tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq, l-Irlanda kienet illimitat ruħha fl-għaxar snin li għaddew mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-rikors suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, għall-preżentazzjoni ta’ diversi proposti sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu relatat mal-qasam ta’ Derrybrien, mingħajr madankollu ma timplimenta waħda minnhom.

21.

L-Irlanda tosserva li, fl-ewwel lok, mill-motivi u mid-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda jirriżulta li n-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatati mill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw globalment it-traspożizzjoni żbaljata tad-Direttiva 85/337, filwaqt li “[e]bda miżura dwar il-qasam ta’ Derrybrien ma ntalbet jew ingħatat”.

22.

Fit-tieni lok, l-Irlanda tfakkar, minn naħa, li l-obbligu li tiġi rrimedjata l-assenza ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent b’riferiment għal proġett speċifiku huwa suġġett għal-limitu tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li, fis-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt (C‑348/15, EU:C:2016:882, punti 41 u 42), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-istabbiliment mill-Istat Membru kkonċernat ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors kontra l-awtorizzazzjonijiet tal-ippjanar mogħtija bi ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni preliminari tal-effetti fuq l-ambjent previst mid-Direttiva 85/337. F’dan il-kuntest, l-Irlanda tippreċiża li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-kostruzzjoni tal-qasam ta’ Derrybrien u għall-iżvolġiment tal-attivitajiet marbuta setgħu jiġu annullati biss b’deċiżjoni tal-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) adottata wara stħarriġ ġudizzjarju tal-miżura tal-għoti kkonfermat b’rikors li għandu jiġi ppreżentat fit-termini previsti mil-liġi, jiġifieri fi żmien tmien ġimgħat mid-data tal-miżura ( 4 ). Issa, peress li t-termini legali previsti sabiex tiġi kkontestata l-validità ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet laħqu għaddew, u dan kien diversi snin qabel ma l-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li wassal għall-adozzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, ma hemm l-ebda obbligu, għall-awtoritajiet Irlandiżi, sabiex jirtirawhom.

23.

Fit-tielet lok, l-Irlanda tosserva li l-fatt li wieħed jirrikonoxxi li sentenza, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, fi tmiem proċedura ta’ ksur li tinvolvi unikament lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat, tista’ twassal sabiex tiġi invalidata miżura amministrattiva li saret definittiva bis-saħħa tad-dritt nazzjonali u tikser l-aspettattivi leġittimi tad-destinatarji ta’ din il-miżura, b’mod partikolari fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami fejn għaddew kważi għaxar snin bejn l-għoti tal-ewwel awtorizzazzjoni ta’ kostruzzjoni u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda.

24.

Fir-raba’ lok, l-Irlanda ssostni li l-iżvolġiment tal-proċedura prekontenzjuża juri li d-dewmien fl-adozzjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda huwa dovut għall-kumplessità tal-kwistjonijiet ġuridiċi sottostanti, speċjalment fid-dawl tal-osservanza taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tad-drittijiet tal-proprjetà tal-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien, iktar milli għan-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-Irlanda. Dan l-Istat Membru josserva li, wara l-proposta fformulata mill-awtoritajiet Irlandiżi fl‑2013 sabiex jipproċedu għal evalwazzjoni mhux uffiċjali tal-effetti fuq l-ambjent, l-imsemmija awtoritajiet, b’ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2016, bagħtu lill-Kummissjoni dokument kunċettwali sabiex jiksbu minn din tal-aħħar ftehim formali li madankollu ma sarx. Iż-żmien li għadda bejn meta ntbagħat dan id-dokument u meta ntbagħat, f’Ottubru 2017, l-istess dokument iffirmat għandu jiġi attribwit għal nuqqas ta’ ftehim bejn l-awtoritajiet Irlandiżi u l-uffiċjali tal-Kummissjoni, jekk mhux għal nuqqas proprju ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ din tal-aħħar. L-Irlanda tafferma wkoll, minn naħa, li l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda kienet timplika l-bidu ta’ proċess li kien jinsab ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 85/337 u, min-naħa l-oħra, li l-istess Kummissjoni ma kinitx kapaċi, lanqas fl-istadju tar-rikors, tidentifika l-miżuri speċifiċi li dan l-Istat Membru kien mitlub jieħu sabiex jelimina l-effetti tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fit-tieni kap tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Irlanda ma għandhiex tiġi ppenalizzata għaliex stenniet iż-żmien neċessarju sabiex tpoġġi fis-seħħ il-miżuri xierqa jew għaliex ma identifikatx korrettement u fil-ħin dawn il-miżuri.

25.

Finalment, l-Irlanda tiddikjara li issa eżegwixxiet b’mod sħiħ it-tieni kap tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, jekk jitqies l-istat tal-iżvolġiment tal-proċess ta’ evalwazzjoni ambjentali mhux uffiċjali previst mid-dokument kunċettwali.

2.   L-analiżi

a)   Fuq il-portata tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fit-tieni kap tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda

26.

Skont l-Artikolu 260(1) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssib li Stat Membru jkun naqas li jwettaq xi obbligu taħt it-Trattati, l-Istat ikun marbut li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jimxi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27.

Fil-motivi tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat separatament l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni, dwar, l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 85/337 fid-dritt Irlandiż (punti 34 sa 81) u, it-tieni nett, il-kundizzjonijiet li fihom seħħ l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet ta’ kostruzzjoni tal-qasam ta’ Derrybrien u l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet relatati (punti 82 sa 112). Wara li laqgħet iż-żewġ ilmenti, fid-dispożittiv ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat żewġ nuqqasijiet differenti tal-Irlanda fl-obbligi tagħha skont l-imsemmija direttiva.

28.

Ċertament, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta mill-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent konformement mad-Direttiva 85/337 tal-proġett ta’ kostruzzjoni tal-qasam ta’ Derrybrien huwa l-konsegwenza tal-applikazzjoni għal każ konkret tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Irlandiż li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat bħala mhux konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Madankollu, dan ma jimplikax, għall-kuntrarju ta’ dak li l-Irlanda tidher li qed tafferma, li dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, suġġett għal konstatazzjoni awtonoma min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-tieni kap tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, għandu jitqies bħala inkluż f’dak li huwa kkonstatat fl-ewwel parti ta’ dan id-dispożittiv ( 5 ).

29.

Jirriżulta li ma kienx suffiċjenti għall-Irlanda li temenda l-leġiżlazzjoni tagħha b’mod konformi mad-Direttiva 85/337 sabiex teżegwixxi t-tieni kap tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza – mingħajr ma jitneħħa kwalunkwe effett utli mill-konstatazzjoni awtonoma ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tinsab f’dan il-kap –, iżda dan l-Istat Membru kellu jadotta miżuri differenti li huma speċifikament diretti sabiex jirrimedjaw il-ksur ta’ din id-direttiva marbut mat-twettiq tal-proġett ta’ kostruzzjoni tal-qasam ta’ Derrybrien. Il-fatt, enfasizzat mill-Irlanda, li s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda ma ppreċiżatx in-natura ta’ dawn il-miżuri ma jippermettix, kif affermat korrettement il-Kummissjoni, li jitqajjem dubju dwar il-konstazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas dwar l-obbligi li jirriżultaw minn din id-deċiżjoni għall-Istat Irlandiż.

b)   Fuq il-miżuri neċessarji sabiex jiġi eżegwit it-tieni kap tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda

1) Fuq l-għan tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent prevista mid-Direttiva 85/337

30.

Id-Direttiva 85/337 timponi fuq l-Istati Membri obbligu li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent magħmula skont il-prinċipji armonizzati fuq il-livell tal-Unjoni titwettaq għall-proġetti li għalihom, speċjalment minħabba n-natura, id-daqs u l-post tagħhom, huwa previst effett sinjifikattiv fuq l-ambjent ( 6 ). Din l-evalwazzjoni għandha l-għan essenzjalment li tiġbor informazzjoni neċessarja sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jidentifikaw, matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ dawn il-proġetti, il-fatturi ambjentali li jistgħu jġarrbu ħsara u sabiex jiggwidaw għalhekk id-deċiżjoni tal-għoti jew ta’ rifjut tal-awtorizzazzjonijiet tal-ippjanar relatati ( 7 ).

31.

Id-Direttiva 85/337 bla dubju hija mmotivata minn loġika ta’ prevenzjoni tad-dannu ambjentali ( 8 ), li fiha l-obbligu ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett jissodisfaw in-neċessità li, fuq il-livell tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni, l-awtoritajiet kompetenti jqisu kemm jista’ jkun kmieni l-effetti eventwali fuq l-ambjent tal-proċessi tekniċi ta’ ppjanar u ta’ teħid ta’ deċiżjoni kollha sabiex “jiġi evitat, mill-bidu nett, il-ħolqien ta’ tniġġis jew ta’ inkonvenjenzi aktar milli tittieħed azzjoni sussegwentement kontra l-effetti tagħhom” ( 9 ). Madankollu, mit-test ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha wkoll l-għan li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, f’każ ta’ għoti tal-awtorizzazzjoni, jissuġġettaw din tal-aħħar għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet li jnaqqsu l-effetti negattivi tat-twettiq tal-proġett fuq l-ambjent u, b’mod iktar ġenerali, jieħdu miżuri li jiżguraw li l-użu tal-istruttura li tirriżulta tkun skont kriterji ta’ ġestjoni tajba ambjentali ( 10 ).

32.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-oħra, spiss iddikjarat li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 “huwa vast u l-għan tagħha għandu portata wiesgħa ħafna” ( 11 ), filwaqt li rrikonoxxiet li jkun “semplifikazzjoni” u kuntrarju għall-approċċ mitlub mil-leġiżlatur tal-Unjoni li l-“[i]stima globali” tal-effetti ambjentali li din id-direttiva tagħmel riferiment għaliha tieħu inkunsiderazzjoni “biss l-effetti diretti tax-xogħlijiet kkonċernati fihom nfushom, mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni l-effetti fuq l-amjent [l-ambjent] li jistgħu jkunu pprovokati mill-użu u l-esplojtazzjoni tal-prodott finali ta’ dawn ix-xogħlijiet” ( 12 ).

33.

Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li qed timplika l-Irlanda, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent mitluba mid-Direttiva 85/337 ma tispjegax biss l-effetti tal-proġett inkwistjoni fil-mument tad-deċiżjoni li dan jiġi awtorizzat, iżda anki suċċessivament, matul it-twettiq tiegħu u matul l-użu tal-opra li tirriżulta, filwaqt li tipprovdi bażi għall-aħjar ġestjoni tar-riskji ambjentali marbuta mat-tħaddim tagħha u l-limitazzjoni tal-effetti negattivi li dan it-tħaddim jikkawża fuq il-fatturi differenti meħudin inkunsiderazzjoni f’din l-evalwazzjoni.

34.

Il-loġika ta’ prevenzjoni sottostanti tad-Direttiva 85/337 ma tistax għalhekk tagħti lil Stat Membru, li naqas milli jwettaq l-obbligu li jiżgura li l-awtorizzazzjoni ta’ proġett li jista’ jkollu riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq l-ambjent tkun ippreċeduta minn evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, raġunijiet sabiex joqgħod lura milli jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jirrimedja ex post dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

2) Fuq il-miżuri neċessarji sabiex tiġi rrimedjata l-assenza ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent konformi mad-Direttiva 85/337

35.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tiddikjara li, għalkemm huwa minnu li d-Direttiva 85/337 (bħad-Direttiva 2011/92, attwalment fis-seħħ) ma fihiex dispożizzjonijiet dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni preliminari tal-effetti fuq l-ambjent, madankollu, bis-saħħa tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali stabbilit mill-Artikolu 4 TUE, l-Istati Membri huma marbuta li jneħħu l-konsegwenzi illegali ta’ dan il-ksur u huma, għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru li għandhom “fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, jieħdu l-miżuri kollha neċessarji, ġenerali jew speċjali, sabiex jiżguraw li l-proġetti jiġu eżaminati sabiex jiġi stabbilit jekk jistgħux ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u, jekk ikun il-każ, li jiżguraw li dawn ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent” ( 13 ). Madankollu ninnota li dan l-obbligu ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja anki b’riferiment għal każ fejn il-proġett li fir-rigward tiegħu l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ġiet ommessa bi ksur tad-Direttiva 85/337 tlesta b’mod sħiħ u t-tħaddim tal-opra relatata kien għadu għaddej ( 14 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li miżuri intiżi sabiex ineħħu l-konsegwenzi illegali ta’ ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni preliminari tal-effetti fuq l-ambjent huma kkostitwiti, b’mod partikolari, “[mir]-revoka jew is-sospensjoni ta’ awtorizzazzjoni li diġà nħarġet, sabiex titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġett inkwistjoni fis-sens tad-Direttiva 85/337” ( 15 ). F’każ li l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri tkun prevista fid-dritt nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti tal-istess Stat Membru, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u bl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandhom jadottawhom ( 16 ).

36.

Jirriżulta li, konformement mal-għanijiet tad-Direttiva 85/337 evokati fil-punti 31 sa 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni preliminari tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett li jista’ jkollu riperkussjonijiet kunsiderevoli fuq l-ambjent, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex tali evalwazzjoni jew evalwazzjoni korrettiva titwettaq wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni, anki f’każ li l-proġett ikun beda jew ikun diġà tlesta. Fejn ikun possibbli fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jipproċedu għas-sospensjoni jew l-annullament tal-awtorizzazzjoni diġà mogħtija, sabiex jippermettu r-regolarizzazzjoni tagħha jew il-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni ġdida konformi mal-preskrizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

37.

L-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jiżgura li titwettaq evalwazzjoni a posteriori tal-effetti fuq l-ambjent huwa ħafna iktar vinkolanti f’sitwazzjoni bħal dik analizzata f’dawn il-konklużjonijiet, fejn il-proġett inkwistjoni, b’mod partikolari d-daqs tiegħu, jista’ jkollu riperkussjonijiet partikolarment rilevanti u permanenti fuq l-ambjent, it-twettiq tiegħu diġà kkawża danni ambjentali kbar u l-ksur tad-direttiva ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

38.

L-argument tal-Irlanda li skontu, sabiex jiġi eżegwit it-tieni kap tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, l-Irlanda la kellha tirrevoka l-awtorizzazzjonijiet miżmuma mill-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien u lanqas timponi fuq dan tal-aħħar obbligu sabiex iwettaq (jew jippermetti li tiġi mwettqa) evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent a posteriori, għandu għalhekk jiġi miċħud.

c)   Fuq il-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Irlanda

1) Fuq il-limitu tal-awtonomija proċedurali u fuq l-aspettattivi leġittimi tal-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien

39.

Sabiex jiġi kkontestat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni, L-Irlanda tinvoka, fl-ewwel lok, il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u, b’riferiment għas-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt (C‑348/15, EU:C:2016:882), issostni li ma kellhiex tpoġġi fid-dubju l-validità tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-kostruzzjoni tal-qasam ta’ Derrybrien, li saru definittivi fuq il-bażi tad-dritt Irlandiż numru ta’ snin qabel id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda.

40.

F’dan ir-rigward infakkar li, fis-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 65), adita fit-talba għal deċiżjoni preliminari, fil-kuntest ta’ tilwima li nħolqot wara rikors ta’ individwu kontra r-rifjut tal-amministrazzjoni nazzjonali li jirrevoka jew jemenda awtorizzazzjoni ta’ minjiera mogħtija mingħajr evalwazzjoni preliminari tal-effetti fuq l-ambjent ( 17 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jirrevokaw jew jissospendu awtorizzazzjoni mogħtija bi ksur tad-Direttiva 85/337 kien limitat mill-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri ( 18 ). Fuq il-bażi ta’ dan il-prinċipju, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni, huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, fejn dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw sitwazzjonijiet simili bbażati fuq id-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jkunux jistgħu jirrendu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) ( 19 ).

41.

Fis-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt (C‑348/15, EU:C:2016:882, punti 41 u 42), li rreferiet għaliha l-Irlanda, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-dritt tal-Unjoni, li ma jipprovdi għal ebda regola marbuta mat-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra l-awtorizzazzjonijiet mogħtija bi ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni preliminari tal-effetti fuq l-ambjent, imsemmi fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, ma jipprekludix, bħala prinċipju u dment li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ekwivalenza, l-istabbiliment mill-Istat Membru kkonċernat ta’ “termini raġjonevoli għall-preżentata ta’ rikors fl-interess taċ-ċertezza legali, li jipproteġi kemm lill-individwu kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata” ( 20 ).

42.

Għall-kuntrarju ta’ dak li qed issostni l-Irlanda, inqis li la l-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u lanqas in-natura definittiva miksuba mill-miżuri ta’ awtorizzazzjoni tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-qasam ta’ Derrybrien wara l-iskadenza tat-termini għall-preżentata tar-rikors stabbiliti għall-azzjonijiet imressqa mill-partijiet fil-konfront ta’ dawn il-miżuri ma jistgħu jiġu invokati b’mod validu minn dan l-Istat Membru sabiex jevita l-obbligu li jeżegwixxi b’mod sħiħ it-tieni kap tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda.

43.

Għall-finijiet ta’ tali eżekuzzjoni, kien jeħtieġ fil-fatt li l-imsemmi Stat Membru jadotta l-miżuri kollha neċessarji, ġenerali jew speċifiċi, intiżi sabiex jirrimedjaw l-assenza ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent konformi mad-Direttiva 85/337 u fosthom, b’mod partikolari, miżuri li kapaċi jiżguraw it-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti ex post fuq l-ambjent.

44.

Issa, bħala prinċipju, l-iskadenza tat-termini proċedurali għall-preżentata ta’ rikorsi għall-protezzjoni tal-pożizzjonijiet tal-partijiet kontra miżuri adottati mill-amministrazzjoni ma teskludix is-setgħa ta’ din tal-aħħar sabiex tintervjeni, bħala awtoprotezzjoni, billi tirtira miżura illeġittima jew billi tissospendi l-eżekuzzjoni ta’ din tal-aħħar, u lanqas ma teskludi l-adozzjoni ta’ miżuri li jimponu fuq id-detentur ta’ awtorizzazzjoni tal-ippjanar obbligu sabiex jipproċedi għar-regolarizzazzjoni tagħha, fejn eventwalment jiġu ssodisfatti l-obbligi mhux osservati preċedenti, jiġifieri li tiġi adattata l-ġestjoni tax-xogħlijiet mibnija fuq il-bażi ta’ din l-awtorizzazzjoni fir-rigward ta’ kundizzjonijiet jew kriterji speċifiċi imposti għall-protezzjoni tal-interessi pubbliċi. Fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri għandhom, kull waħda fil-qasam tal-kompetenzi rispettivi, jadottaw tali miżuri u jattivaw is-setgħat li għandhom, f’każ li dawn jippermettulhom jirrimedjaw ksur tad-dritt tal-Unjoni.

45.

Huwa minnu li, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta, ir-rappreżentant tal-Irlanda jippreċiża li d-dritt Irlandiż ma jipprevedix il-possibbiltà li l-awtorizzazzjonijiet tal-ippjanar bħal dawk mogħtija għall-kostruzzjoni tal-qasam ta’ Derrybrien, li saru definittivi, jiġu rrevokati mill-awtorità amministrattiva fis-sistema ta’ awtoprotezzjoni għal raġunijiet ta’ interess pubbliku, fejn tenna li dawn l-awtorizzazzjonijiet jistgħu jiġu invalidati biss permezz ta’ deċiżjoni tal-High Court (il-Qorti Għolja), li f’dan il-każ minħabba l-iskadenza tat-termini għal preżentata ta’ rikors, issa ma tistax tintervjeni. Madankollu, anki tali ċirkustanza ma tippermettix, fil-fehma tiegħi, li tiġi ġġustifikata l-pożizzjoni tal-Irlanda li skontha l-Irlanda, f’din il-kawża, ma kellha tadotta l-ebda miżura speċifika sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

46.

Fil-fatt, ninnota li d-dritt Irlandiż attwalment fis-seħħ jipprevedi proċedura ta’ regolarizzazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija bi ksur tal-obbligi tad-Direttiva 85/337 li tirriżulta li hija applikabbli għaċ-ċirkustanza tal-kawża ineżami.

47.

Fuq il-bażi tal-Artikolu 177B(1) u (2)(b) tal-parti XA tal-PDAA, introdotta bir-riforma leġiżlattiva tal‑2010, f’każ li l-awtorizzazzjoni marbuta ma’ proġett li għalih ġiet mitluba evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ġiet irtirata, permezz ta’ “sentenza definittiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”, bħala mogħtija illegalment, l-awtorità tal-ippjanar (“planning authority”) kompetenti għandha tibgħat avviż bil-miktub lill-operatur tal-proġett li fih tordna lil dan tal-aħħar sabiex jippreżenta applikazzjoni sabiex jikseb awtorizzazzjoni ta’ sostituzzjoni. Il-paragrafu 2(c) tal-istess artikolu jippreċiża li l-avviż għandu jordna lill-operatur sabiex jipprevedi, fil-kuntest tal-applikazzjoni, dikjarazzjoni korrettiva tal-effetti fuq l-ambjent (“remedial environmental impact statement”).

48.

L-Irlanda tinterpreta din id-dispożizzjoni fis-sens li din ma tapplikax f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ ineżami, fejn l-awtorizzazzjoni tal-ippjanar mogħtija saret definittiva. Issa, tali limitazzjoni ma tirriżultax mit-test tal-Artikolu 177B tal-PDAA u lanqas ma tista’ tinkiseb minn qari litterali tal-imsemmija dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra jmur kontra l-interpretazzjoni sostnuta mill-Irlanda l-fatt li l-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni ma jagħmilx differenza bejn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, li hija inkorporata fi proċedura nazzjonali intiża sabiex tikkontesta l-validità tal-awtorizzazzjoni inkwistjoni, u sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li tista’ tingħata, bħal fil-każ tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, wara l-iskadenza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni jew wara li rikors intern kontra din il-miżura ġie miċħud definittivament.

49.

Ninnota wkoll li, f’deċiżjoni reċenti f’kawża li kienet tikkonċerna, inter alia, l-applikazzjoni tal-Artikolu 177B tal-PDAA għall-proprjetarju ta’ barriera li l-operat tagħha beda fis-sittinijiet, f’perijodu fejn ma kienx neċessarju li tinkiseb awtorizzazzjoni tal-ippjanar, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) ddikjarat li din it-taqsima tapplika għal “kategorija eċċezzjonali” ta’ proġetti li għalihom “awtorizzazzjoni preċedentement mogħtija” u “min-naħa l-oħra valida” ġiet irtirata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala mogħtija illegalment minħabba ommissjoni fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ( 21 ), mingħajr ma għamlet riferiment għal xi limitu li jirriżulta min-natura definittiva jew le għall-awtorizzazzjoni. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Irlanda, għalhekk bl-ebda mod ma kien stabbilit li kull tentattiv sabiex l-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien jiġi ssuġġettat għall-proċedura prevista mill-Artikolu 177B tal-PDAA kien ser jiġi mblokkat mill-qrati Irlandiżi ( 22 ).

50.

Finalment, infakkar li l-interpretazzjoni restrittiva attwalment sostnuta mill-Irlanda ġiet imressqa biss matul il-proċedura prekontenzjuża fix-xahar ta’ Ottubru 2012. Qabel dan il-mument, l-awtoritajiet Irlandiżi kienu wrew b’mod kostanti lill-Kummissjoni, kemm qabel kif ukoll wara d-dħul fis-seħħ tal-PDAA, l-intenzjoni tagħhom sabiex jattivaw il-proċedura ta’ sostituzzjoni sabiex jiġi eżegwit il-kap tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda dwar il-qasam ta’ Derrybrien. L-istess kontea ta’ Galway, kif ġie kkonfermat fis-seduta mill-Irlanda fit‑12 ta’ Ottubru 2011, bagħtet avviż skont l-Artikolu 177B tal-PDAA lill-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien, sabiex sussegwentement irtiratu ftit ġranet wara, fejn uriet għalhekk li interpretat, għall-inqas inizjalment, din id-dispożizzjoni b’mod differenti mill-Irlanda.

51.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, L-Irlanda ma tistax issostni b’mod validu li d-dritt Irlandiż ma joffrix strumenti sabiex jissuġġettaw għal eżami ġdid awtorizzazzjonijiet bħal dawk marbutin mal-qasam ta’ Derrybrien. Il-proċedura prevista mill-Artikolu 177B tal-PDAA tikkostitwixxi tali strument. Għalhekk l-awtoritajiet Irlandiżi kellhom jattivawha sabiex jeżegwixxu b’mod sħiħ it-tieni kap tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda.

52.

Fil-fehma tiegħi, ma jistgħux ikunu ta’ ostakolu għal tali miżura ta’ eżekuzzjoni l-kunsiderazzjonijiet, invokati mill-Irlanda, marbuta mal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien.

53.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-proċedura ta’ sostituzzjoni prevista mill-PDAA essenzjalment għandha l-għan li tippermetti, f’ċirkustanzi ddefiniti sew, ir-reviżjoni tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija bi ksur tad-Direttiva 85/337 kif ukoll tal-proġetti li għalihom ġew mogħtija u l-adattament tagħhom għall-kriterji imposti mill-imsemmija direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżit tat-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Din il-proċedura ma twassalx għalhekk neċessarjament għall-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet suġġetti għal reviżjoni, b’waqfien konsegwenti tal-attivitajiet awtorizzati, iżda tista’ tillimita ruħha għall-impożizzjoni tar-regolarizzazzjoni tagħhom, minbarra l-obbligu li jipproċedu għall-miżuri korrettivi kkunsidrati eventwalment bħala neċessarji ( 23 ).

54.

Fit-tieni lok, infakkar li, fis-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt (C‑348/15, EU:C:2016:882), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “l-proġetti li l-awtorizzazzjoni tagħhom ma tkunx għadha suxxettibbli għal rikors ġudizzjarju dirett, minħabba l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali”, ma jistgħux ikunu “purament u sempliċiment meqjusa bħala legalment awtorizzati fir-rigward tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent” ( 24 ), bil-konsegwena li, f’każ li jeżisti fid-dritt intern strument li jippermetti li jiżgura li tali evalwazzjoni tiġi mwettqa, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat huma marbuta li jużawh ( 25 ). Jirriżulta li l-operatur ta’ tali proġett ma jistax jinvoka l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi fil-validità tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija bi ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni preliminari tal-effetti fuq l-ambjent u mhux iktar esposti għal rikorsi ġudizzjarji interni sabiex jopponi l-obbligu li jwettaq tali evalwazzjoni a posteriori, li ġie impost fuqu bis-saħħa ta’ miżura adottata mill-awtoritajiet nazzjonali fl-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan ifisser a fortiori għall-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien li, kif jirriżulta mill-proċess u kif ġie kkonfermat fis-seduta mill-Irlanda, huwa sussidjarja indipendenti miżmuma f’100 % minn Electricity Supply Board (ESB), li min-naħa tiegħu huwa miżmum f’95 % mill-Irlanda ( 26 ).

55.

Iż-żmien li għadda bejn l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet kontenzjużi u s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda ma jippermettix li jpoġġi fid-dubju l-konklużjoni li tippreċedi. Ninnota għalhekk li, għalkemm huwa veru li din is-sentenza ngħatat fl‑2008 filwaqt li l-aħħar awtorizzazzjoni relatata mal-qasam ta’ Derrybrien saret definittiva fl‑2003, madankollu, fil-mument li fih ingħatat din l-awtorizzazzjoni, diġà kienet inbdiet, fil-konfront tal-Irlanda, proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 226 KE, li, minkejja li kienet għadha ma kkontestatx direttament il-proġett relatat mal-kostruzzjoni ta’ dan il-qasam, kienet qiegħda tikkontesta fil-konfront tal-imsemmi Stat Membru ksur sistematiku tal-obbligi tiegħu bis-saħħa tad-Direttiva 85/337. Issa, nistaqsi sa fejn operatur pubbliku jista’ jinvoka aspettattivi leġittimi fil-validità ta’ awtorizzazzjoni mhux konformi mal-imsemmija direttiva, mogħtija f’tali ċirkustanzi.

56.

Finalment, anki jekk kellu jiġi segwit l-argument tal-Irlanda, li skontu l-proċedura ta’ infurzar prevista mill-Artikolu 177B tal-PDAA ma hijiex applikabbli għall-każ ineżami, minħabba n-natura definittiva tal-awtorizzazzjonijiet kontenzjużi, ninnota li l-Artikolu 177C ta’ dan l-att jippermetti lill-operatur ta’ proġett awtorizzat mingħajr evalwazzjoni preliminari tal-effetti fuq l-ambjent jitlob l-applikazzjoni fil-konfront tiegħu tal-proċedura ta’ sostituzzjoni. Il-PDAA kienet toffri wkoll għalhekk lill-awtoritajiet Irlandiżi strument alternattiv għall-miżura awtoritattiva sabiex jirrimedjaw għall-assenza ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġett tal-kostruzzjoni tal-qasam ta’ Derrybrien ( 27 ), li għalih, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kontroll eżerċitat mill-Istat fuq l-operatur ta’ dan il-qasam, dawn l-awtoritajiet setgħu jirrikorru mingħajr diffikultajiet partikolari.

2) Fuq il-kumplessità tal-kwistjonijiet ġuridiċi mqajma u fuq in-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-Kummissjoni

57.

Għall-kuntrarju tal-Irlanda ma nqisx li l-eżekuzzjoni tat-tieni kap tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda kienet tinvolvi diffikultà partikolari fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex jiġu eliminati l-effetti tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u lanqas li qajmet kwistjonijiet ġuridiċi li għandhom ċerta kumplessità sabiex tiġi ġġustifikata l-kontinwazzjoni għal iktar minn għaxar snin ta’ sitwazzjoni ta’ waqfien sostanzjali.

58.

Mill-proċess jirriżulta li, mill-ewwel skambji ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Irlandiżi u matul l-iżvolġiment kollu tal-proċedura prekontenzjuża, it-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent a posteriori ġie identifikat, miż-żewġ partijiet, bħala l-unika miżura intiża sabiex tirrimedja l-assenza ta’ din l-evalwazzjoni b’mod preventiv. Il-Kummissjoni u l-Irlanda ddiskutew, fil-fażi finali tal-proċedura prekontenzjuża, dwar il-modalitajiet ta’ twettiq ta’ din l-evalwazzjoni, iżda mill-proċess ma jirriżultax li ħadu inkunsiderazzjoni miżuri ta’ eżekuzzjoni alternattivi.

59.

Huwa biss lejn l-aħħar tal‑2012, jiġifieri madwar erba’ snin wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda li l-awtoritajiet Irlandiżi, – li, sa issa, kienu taw garanziji b’mod kostanti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-proċedura ta’ sostituzzjoni għall-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien – qajmu problemi marbuta mal-protezzjoni taċ-ċertezza legali u mal-aspettattivi leġittimi ta’ dan l-operatur, filwaqt li fl-istess ħin ipproponew lill-Kummissjoni soluzzjoni alternattiva, jiġifieri evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent “mhux regolatorja”. Madankollu, anki t-twettiq ta’ din is-soluzzjoni ġie mmarkat mill-assenza ta’ progressi sostanzjali, li, minkejja d-dikjarazzjonijiet tal-Irlanda, ma humiex imputabbli għal nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

60.

Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni dan l-Istat Membru, ma nqisx fil-fatt li l-Kummissjoni għandha tieħu r-responsabbiltà taż-żmien li għadda bejn iż-żewġ dati, it‑22 ta’ Diċembru 2016 u t‑2 ta’ Ottubru 2017, ta’ meta ntbagħat id-dokument kunċettwali msemmi fil-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, fl-ewwel lok, kif tammetti l-istess Irlanda, l-ittra li takkumpanja l-ewwel verżjoni ta’ dan id-dokument ma tindikax li l-awtoritajiet Irlandiżi kienu ser jistennew ftehim formali tal-Kummissjoni qabel ma jipproċedu għall-fażi suċċessiva. Fit-tieni lok, il-verżjoni ta’ dan id-dokument mibgħuta f’Diċembru 2016 ma kinitx iffirmata mill-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien, ċirkustanza li kienet tippermetti li jitqajjem dubju dwar is-serjetà tal-impenn meħud minn dan tal-aħħar. Finalment, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Irlanda, il-Kummissjoni ssostni li l-kontenut tad-dokument mibgħut f’Diċembru 2016 kien sostanzjalment l-istess bħal dak ta’ dokument preċedenti li dwaru hija kienet qajmet serje ta’ osservazzjonijiet li ma kinux ser jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet Irlandiżi.

61.

B’mod iktar ġenerali, fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni wriet, matul il-proċedura prekontenzjuża kollha, disponibbiltà u volontà ta’ kooperazzjoni kważi eċċessiva, b’mod partikolari quddiem il-bidla drastika ta’ orjentament tal-awtoritajiet Irlandiżi dwar l-applikabbiltà tal-proċedura ta’ sostituzzjoni għall-operatur tal-qasam ta’ Derrybrien, li saret iktar minn erba’ snin wara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda.

62.

Fid-dawl tal-elementi msemmija iktar ’il fuq, ma nqisx li d-dewmien u l-falliment tal-proċedura prekontenzjuża jistgħu jiġu, anki jekk parzjalment biss, attribwiti għall-kumplessità tal-kwistjonijiet ġuridiċi mqajma u lanqas għal inċertezza tal-Kummissjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda jew għal nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ din l-istituzzjoni.

d)   Konklużjoni fuq l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkontestat

63.

B’iktar minn għaxar snin mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, mhux talli ma ġiet imwettqa l-ebda evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-qasam Derrybrien u tal-attivitajiet relatati konformi mal-preskrizzjonijiet tad-Direttiva 85/337, minkejja li l-Irlanda qatt ma kienet ikkontestat il-possibbiltà li tipproċedi għal tali evalwazzjoni, talli lanqas biss ġiet adottata miżura bl-għan li titwettaq tali evalwazzjoni. Anzi, wara li ddikjarat fir-risposta li kienet wasslet sal-punt li tikseb mill-operatur ta’ dan il-qasam it-twettiq ta’ evalwazzjoni a posteriori mhux regolatorja, l-Irlanda, qabel is-seduta f’din il-kawża, ħabbret, bħal fi speċi ta’ logħba ta’ snakes and ladders, li “marret lura minn fejn bdiet”, billi informat lill-Kummissjoni li biddlet mill-ġdid l-idea dwar il-possibbiltà li tirrikori għall-proċedura ta’ sostituzzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ma tistax, fil-fehma tiegħi, ma tintlaħaqx konklużjoni fis-sens tal-materjalità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkontestat mill-Irlanda u tar-rifjut tal-ġustifikazzjonijiet imressqa minn din tal-aħħar.

B. Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji

64.

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 260(2) TFUE, u fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni tagħha tat‑13 ta’ Diċembru 2005 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 228 KE (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2005”) ( 28 ) sabiex tissanzjona n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda b’kundanna għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa.

65.

Fil-kontroreplika, l-Irlanda ssostni li l-ebda sanzjoni ma għandha tiġi imposta fuqha, sa fejn is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et (C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589) u tat‑28 ta’ Frar 2018, Comune di Castelbellino (C‑117/17, EU:C:2018:129) li fuqhom tibbaża l-Kummissjoni tbegħdu mill-ġurisprudenza preċedenti. Fil-fehma tiegħi, dan l-argument għandu jiġi miċħud fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 26 sa 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

1.   Fuq il-pagamenti ta’ penalità

66.

Kif ġie kkonstatat fil-punti 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tieni kap tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda għadu ma ġiex eżegwit, mill-inqas sad-data tas-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, fl-ipoteżi fejn dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jippersisti fid-data tal-għoti tad-deċiżjoni ta’ dan ir-rikors ( 29 ), l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità bis-saħħa tal-Artikolu 260(2) TFUE, għandha titqies ġġustifikata ( 30 ).

67.

Fir-rigward tal-ammont ta’ din is-sanzjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-pagamenti tal-penalità b’mod li jkunu adatti għaċ-ċirkustanzi u proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-kapaċità finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat ( 31 ). Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterji ta’ bażi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huma t-tul tal-ksur, il-grad ta’ gravità tiegħu u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi inkwistjoni kif ukoll l-urġenza li l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu ( 32 ).

68.

Il-Kummissjoni tipproponi l-applikazzjoni ta’ somma ta’ kuljum korrispondenti għal somma f’daqqa ta’ bażi ta’ EUR 700 mmultiplikata b’koeffiċjent ta’ gravità, tul u dissważjoni, għal total ta’ EUR 12264 għal kull jum mid-data tal-għoti tad-deċiżjoni tas-sentenza fil-kawża ineżami u sakemm tiġi eżegwita b’mod sħiħ is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda.

69.

Fir-rigward tal-gravità, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, l-importanza tar-regolamenti tad-dritt tal-Unjoni li ġew miksura u tal-kuntest li fih daħal dan il-ksur, fit-tieni lok, il-konsegwenzi ta’ dan il-ksur u n-natura repetittiva tal-ksur tad-Direttiva 85/337 min-naħa tal-Irlanda ( 33 ), fit-tielet lok, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ dan l-Istat Membru matul tul ta’ żmien partikolarment twil. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda jikkonċerna biss parti minn din is-sentenza, il-Kummissjoni tipproponi koeffiċjent ta’ gravità ugwali għal 2, fuq skala ta’ wieħed sa għoxrin previst mill-Komunikazzjoni tal‑2005.

70.

Fil-fehma tiegħi, l-elementi kollha meħudin inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni huma, fil-fehma tiegħi, rilevanti. Għall-kuntrarju, l-argumenti mressqa mill-Irlanda, li skonthom għandhom għal dan il-għan jittieħdu inkunsiderazzjoni l-isforzi li saru minnha sabiex tadatta għat-talbiet tal-Kummissjoni, u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn din tal-aħħar, għandhom jiġu miċħuda. F’dan ir-rigward qiegħed nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet tal-punti 58 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

71.

L-Irlanda tikkontesta wkoll li l-ksur ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-tieni kap tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda huwa l-oriġini tad-danni ambjentali konsegwenti għaż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet tal‑2003 u li dan l-element ma għandux konsegwentement jittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. F’dan ir-rigward, ninnota li, mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda jirriżulta li dan l-Istat Membru qatt ma kkontesta l-fatt li dan iż-żerżiq ġie pprovokat mit-twettiq tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-qasam Derrybrien (ara l-punt 93). F’dan il-kuntest ma huwiex eskluż li evalwazzjoni preliminari tal-effetti fuq l-ambjent, li turi r-riskji marbuta ma’ dawn ix-xogħlijiet jew li tirrakkomanda l-adozzjoni ta’ miżuri preventivi partikolari, setgħet tevita d-danni li rriżultaw. Il-konsegwenzi taż-żerżiq tal‑2003 għandhom għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur imwettaq mill-Irlanda, anki jekk il-kunsiderazzjoni tagħhom f’din l-evalwazzjoni ma għandhiex tiġi ssopravvalutata.

72.

Fir-rigward tat-tul, il-Kummissjoni applikat il-koeffiċjent massimu previst mill-Komunikazzjoni tal‑2005, jiġifieri 3, b’kunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ 114‑il xahar li għaddew mid-data tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda u l‑25 ta’ Jannar 2018, id-data li fiha l-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors. Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm l-Artikolu 260(1) TFUE ma jippreċiżax it-terminu li fih għandha ssir l-eżekuzzjoni ta’ sentenza, l-interess marbut ma’ applikazzjoni immedjata u uniformi tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din l-eżekuzzjoni tinbeda immedjatament u tintemm mill-iktar fis possibbli ( 34 ). Issa, fil-kawża ineżami, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu imputat lill-Irlanda, kompla għal iktar minn għaxar snin, mingħajr ma seħħ xi progress sostanzjali sabiex tinkiseb evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-kostruzzjoni tal-qasam ta’ Derrybrien u tax-xogħlijiet marbuta. Dan id-dewmien huwa bla dubju eċċessiv. Anki jekk wieħed jammetti li eżekuzzjoni tat-tieni kap tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda tkun tirrikjedi l-istabbiliment tal-proċedura ta’ sostituzzjoni, kif isostni dan l-Istat Membru, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, sal-lum, ikun ilu għaddej għal iktar minn seba’ snin, jiġifieri għal perijodu ta’ żmien fi kwalunkwe każ kunsiderevoli.

73.

Il-Kummissjoni finalment applikat il-fattur ta’ dissważjoni ffissat għall-Irlanda fil-Komunikazzjoni tal‑2005, jiġifieri 2.92, mhux ikkontestat mill-Irlanda.

74.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 10000.

2.   Fuq is-somma f’daqqa

75.

Konformement mal-Komunikazzjoni tal‑2005, il-Kummissjoni tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika, bħala somma f’daqqa, ammont korrispondenti bażiku ta’ EUR 230, immultiplikat għall-fattur relatat mal-gravità u l-fattur ta’ dissważjoni “n”, jiġifieri ammont ta’ EUR 1343.20 għal kull jum li għadda bejn it‑3 ta’ Lulju 2008 u d-data ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda jew, fin-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, id-data tas-sentenza mogħtija f’din il-kawża, b’ammont fiss minimu ta’ EUR 1685000 ( 35 ). Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet li żvolġew fil-punt A ta’ dawn il-konklużjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tnaqqas dan l-ammont għal EUR 1000.

IV. Konklużjoni

76.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

Billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:3807), l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 260(1) TFUE.

Fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jippersisti fil-jum li fih tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ineżami, l-Irlanda hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 10000 għal kull jum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:3807), mid-data li fiha tingħata din is-sentenza, u sal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:3807);

L-Irlanda hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ EUR 1000 għal kull jum li għadda mid-data tal-għoti tas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:3807) u d-data ta’ eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza jew, fin-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, id-data tas-sentenza mogħtija f’din il-kawża.

L-Irlanda hija kkundannata għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas‑27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248). Din id-direttiva ġiet issostitwita, mis‑16 ta’ Frar 2012, bid-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (kodifikazzjoni) (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE tat‑3 ta’ Marzu 1997 li temenda d-Direttiva 85/337/KEE dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151).

( 4 ) Ara l-Artikolu 50 tal-Planning and Development Act 2000. L-Irlanda tosserva li proroga ta’ dawn it-termini hija prevista, iżda f’kundizzjonijiet li ma humiex applikabbli fil-każ inkwistjoni.

( 5 ) Fir-rigward ta’ awtonomija bejn iż-żewġ tipi ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ara s-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑255/05, EU:C:2007:406, punti 5051). B’mod iktar ġenerali, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’diversi okkażjonijiet, ikkonstatat nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżultaw mill-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/337 b’riferiment għal proġetti singoli, kemm b’mod iżolat kif ukoll b’mod kuntestwali għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu “sistemiku”. F’dan ir-rigward, ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2004 (C‑87/02, EU:C:2004:363), tat‑ 2 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑83/03, EU:C:2005:339), Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑332/04, mhux ippubblikata, EU:C:2006:180), tat‑32 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, (C‑486/04, EU:C:2006:732), tal‑5 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑255/05, EU:C:2007:406), tal‑24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑404/09, EU:C:2011:768), u tal‑14 ta’ Jannar 2016, IL-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑141/14, EU:C:2016:8) (fir-rigward tad-Direttiva 2011/92/UE).

( 6 ) Ara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, kif emendat bid-Direttiva 97/11, kif ukoll l-ewwel, ir-raba’ u s-sitt premessa; ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 42).

( 7 ) Ara s-sitt premessa tad-Direttiva 85/337, li fuq il-bażi tagħha “kunsens għal żvilupp għal proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent għandu jingħata biss wara li stima minn qabel tkun saret ta’ l-effetti sinifikanti probabbli ambjentali ta’ dawn il-proġetti”.

( 8 ) Ara b’mod partikolari l-premessa 1 tad-Direttiva 85/337.

( 9 ) Ara l-punt 58 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda. Ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et (C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589, punt 33).

( 10 ) Ara, b’mod partikolari, it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 85/337, kif emendat bid-Direttiva 97/11, li jeħtieġ li l-iżviluppatur jipprovdi, għall-inqas, deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex “jevitaw, inaqqsu u, jekk ikun possibbli, jirrimedjaw effetti avversi sinifikanti” marbuta mal-proġett, kif ukoll l-Artikolu 9(1), kif emendat bid-Direttiva 2003/35, li jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku “kull kondizzjoni mehmuża” mad-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tingħata jew tiġi rrifjutata l-awtorizzazzjoni (l-ewwel inċiż), kif ukoll “deskrizzjoni, fejn meħtieġa, tal-miżuri ewliena sabiex jiġu evitati, imnaqqsa u, jekk possibbli, ikkontrobilanċjati l-effetti negattivi maġġuri” (it-tielet inċiż).

( 11 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 31), u tas‑16 ta’ Settembru 1999, WWF et (C‑435/97, EU:C:1999:418, punt 40).

( 12 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 43).

( 13 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 6465), li sar ukoll riferiment għaliha fil-punt 59 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda. Ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et (C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589, punt 35) u, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157), is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punti 42, 4346).

( 14 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12) u s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et (C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589), fejn il-kwistjoni kienet tikkonċerna speċifikament il-miżuri li kellhom jiġu adottati f’każ ta’ assenza ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett ta’ impjant wara l-kostruzzjoni tiegħu (ara l-formulazzjoni tad-domanda preliminari fil-punt 27 tas-sentenza). F’din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat, fil-punt 41, li “evalwazzjoni magħmula wara l-istabbiliment u t-tpoġġija fis-servizz ta’ impjant ma tistax tkun limitata għall-effetti futuri tiegħu fuq l-ambjent, iżda għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti ambjentali li seħħew sa mill-istabbiliment tiegħu”.

( 15 ) Ara s-sentenz tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 65) u s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et (C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589, punt 35).

( 16 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 69). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punti 45 u 46).

( 17 ) L-awtorizzazzjoni kotenzjuża ngħatat fl‑1947.

( 18 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 65).

( 19 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt (C‑348/15, EU:C:2016:882, punt 40) u, iktar reċenti, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 137, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ rkupru ta’ għajnuniet illeġittimi).

( 20 ) Ara l-punti 41 u 42 tas-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt (C‑348/15, EU:C:2016:882). F’din il-kawża dan kien jittratta terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ tliet snin previst mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka.

( 21 ) Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018 fil-kawża An Taise- The National Trust for Ireland –v-McTigue Quarries Ltd & ors., punti 31 u 74. F’din is-sentenza is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) insistiet b’mod partikolari fuq il-ġenesi tat-Taqsima 177B, billi tenfasizza li din ġiet introdotta bl-għan li tiġi eżegwita s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (ara l-punt 31).

( 22 ) Ittra tal-awtoritajiet Irlandiżi lill-Kummissjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2012.

( 23 ) Ara l-Artikolu 177K(1) tal-PDAA.

( 24 ) Sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt (C‑348/15, EU:C:2016:882, punt 43).

( 25 ) Ara, f’dan ir-rigward, fid-dawl tal-ipoteżi li skontha x-xogħlijiet jew l-interventi fiżiċi marbuta mal-proġett jeħtieġu awtorizzazzjoni ulterjuri, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt (C‑348/15, EU:C:2016:882, punt 44) u tas‑17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 37).

( 26 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Medipac-Kazantzidis (C‑6/05, EU:C:2007:337, punt 43).

( 27 ) L-Artikolu 177D(7)(b) tal-PDAA Jipprevedi li, fil-każ li fih it-talba għal applikazzjoni tal-proċedura ta’ sostituzzjoni mressqa skont it-Taqsima 177C ta’ dan l-att tiġi milqugħa, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sostituttiva għandha tiġi akkumpanjata minn evalwazzjoni korrettiva tal-effetti fuq l-ambjent.

( 28 ) SEC(2005) 1658. L-ammonti indikati fil-Komunikazzjoni tal‑2005 ġew aġġornati bil-Komunikazzjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2017 (C(2017)8720) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2017”).

( 29 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 66).

( 30 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑196/13, EU:C:2014:2407, punt 87), u tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑167/14, EU:C:2015:684, punt 47).

( 31 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑196/13, EU:C:2014:2407, punt 95), u u tal‑15 ta’ Ottubru 2015,Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑167/14, EU:C:2015:684, punt 52).

( 32 ) Ara, inter alia, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑533/11, EU:C:2013:659, punt 69); Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑196/13, EU:C:2014:2407, punt 97), u Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑167/14, EU:C:2015:684, punt 54).

( 33 ) Il-Kummissjoni tirreferi għall-Kawżi C‑392/96, C‑427/07, C‑50/09 u C‑66/06.

( 34 ) Ara, b’mod speċjali, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑76/13, EU:C:2014:2029, punt 57).

( 35 ) Dan huwa l-ammont minimu ffissat għall-Irlanda fil-Komunikazzjoni tal‑2017.

Top