EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CC0255
Opinion of Advocate General Campos Sánchez-Bordona delivered on 26 June 2019.#State Street Bank International GmbH v Banca d'Italia.#Request for a preliminary ruling from the Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.#Reference for a preliminary ruling — Directive 2014/59/EU — Recovery and resolution of credit institutions — National financing arrangement — Resolution authority — National fund — Articles 103 and 104 — Obligation to contribute — Ex ante contributions and extraordinary ex post contributions — Calculation — Late transposition of the directive — Delegated Regulation (EU) 2015/63 — Articles 12 and 14 — Concept of ‘change of status’ — Impact on the obligation to contribute.#Case C-255/18.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fis-26 ta’ Ġunju 2019.
State Street Bank International GmbH vs Banca d'Italia.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/59/UE – Ristrutturazzjoni u riżoluzzjoni tal-istabbilimenti ta’ kreditu – Mekkaniżmu ta’ finanzjament nazzjonali – Awtorità ta’ riżoluzzjoni – Fond nazzjonali – Artikoli 103 u 104 – Obbligu ta’ kontribuzzjoni – Kontribuzzjonijiet ex ante u kontribuzzjonijiet ex post straordinarji – Kalkolu – Traspożizzjoni tardiva tad-direttiva – Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 – Artikoli 12 u 14 – Kunċett ta’ ‘bidla fl-istatus’ – Effett fuq l-obbligu ta’ kontribuzzjoni.
Kawża C-255/18.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fis-26 ta’ Ġunju 2019.
State Street Bank International GmbH vs Banca d'Italia.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/59/UE – Ristrutturazzjoni u riżoluzzjoni tal-istabbilimenti ta’ kreditu – Mekkaniżmu ta’ finanzjament nazzjonali – Awtorità ta’ riżoluzzjoni – Fond nazzjonali – Artikoli 103 u 104 – Obbligu ta’ kontribuzzjoni – Kontribuzzjonijiet ex ante u kontribuzzjonijiet ex post straordinarji – Kalkolu – Traspożizzjoni tardiva tad-direttiva – Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 – Artikoli 12 u 14 – Kunċett ta’ ‘bidla fl-istatus’ – Effett fuq l-obbligu ta’ kontribuzzjoni.
Kawża C-255/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:539
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA
ippreżentati fis‑26 ta’ Ġunju 2019 ( 1 )
Kawża C‑255/18
State Street Bank International GmbH
vs
Banca d’Italia,
bl-intervent ta’:
Banco delle Tre Venezie SpA
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja))
“Domanda preliminari — Direttiva 2014/59/UE — Ristrutturazzjoni u riżoluzzjoni ta’ stabbilimenti ta’ kreditu — Bidliet fl-istatus — Amalgamazzjoni permezz ta’ inkorporazzjoni ta’ stabbiliment fil-kumpannija omm li tinsab fi Stat Membru ieħor — Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 — Mekkaniżmi ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni — Kontribuzzjonijiet ordinarji — Kontribuzzjonijiet straordinarji — Ġbir tal-kontribuzzjonijiet fis-sena finanzjarja 2015 — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Applikazzjoni tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 minkejja n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/59”
1. |
L-istabbilimenti ta’ kreditu huma obbligati jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-mekkaniżmi nazzjonali maħluqa fl-Istati Membri kollha sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni u tar-riżoluzzjoni tas-settur finanzjarju. Dawn għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem il-“FUR”), li huwa l-mekkaniżmu analogu fil-livell tal-Unjoni. |
2. |
Id-Direttiva 2014/59/UE ( 2 ) rregolat dawn il-kontribuzzjonijiet obbligatorji, li jikkostitwixxu element prinċipali għall-funzjonament tas-sistemi nazzjonali ta’ ristrutturazzjoni u ta’ riżoluzzjoni tal-istabbilimenti finanzjarji, kif ukoll tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem il-“MUR”), filwaqt li wettqet distinzjoni bejn il-kontribuzzjonijiet ordinarji ex ante u dawk straordinarji ex post. |
3. |
Din id-domanda preliminari tippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja, għall-ewwel darba, tiddeċiedi dwar ir-regoli applikabbli għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet. Barra minn hekk, ir-risposta tippermetti li jissolvew il-problemi li l-kontribuzzjonijiet tas-sena finanzjarja 2015 iqajmu fl-Italja, minħabba d-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/59 u tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 ( 3 ). |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2014/59
4. |
Skont l-Artikolu 100: “1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġament [mekkaniżmu] ta’ finanzjament wieħed jew iżjed għall-fini li tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti mill-awtorità tar-riżoluzzjoni tal-għodod u s-setgħat tar-riżoluzzjoni. […] 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti tal-finanzjament ikollhom riżorsi finanzjarji adegwati. 4. Għall-għan previst fil-paragrafu 3, l-arranġamenti ta’ finanzjament għandhom partikolarment ikollhom is-setgħa li:
5. Bl-eċċezzjoni tal-każijiet skont il-paragrafu 6, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-arranġament finanzjarju nazzjonali tiegħu permezz ta’ fond, li l-użu tiegħu jista’ jitnieda mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiegħu, għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 101(1). […]” |
5. |
Skont l-Artikolu 102: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal‑31 ta’ Diċembru 2024, il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-arranġamenti [mekkaniżmi] ta’ finanzjament tagħhom, jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tagħhom. […] 2. Matul il-perijodu inizjali ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1, kontribuzzjonijiet għall-arranġamenti ta’ finanzjament miġbura skont l-Artikolu 103 għandhom jinfirxu tul iż-żmien bl-aktar mod ekwu possibbli sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira, iżda b’kunsiderazzjoni xierqa tal-fażi taċ-ċiklu ta’ negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet pro‑ċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-instituzzjonijiet kontribwenti. […]” |
6. |
L-Artikolu 103 (“Kontribuzzjonijiet ex‑ante”) jistipula li: “1. Sabiex jilħqu l-livell fil-mira speċifikat fl-Artikolu 102, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet jinġabru mill-anqas annwalment mill-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tagħhom inkluż mill-fergħat fl-Unjoni. 2. Il-kontribuzzjoni ta’ kull istituzzjoni għandha tkun pro rata għall-ammont tal-obbligazzjonijiet tagħha (esklużi l-fondi proprji) li minnhom jitnaqqsu d-depożiti koperti fir-rigward tal-obbligazzjonijiet aggregati (esklużi l-fondi proprji) li minnhom jitnaqqsu d-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istat Membru. Dawk il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu aġġustati proporzjonalment għall-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet, f’konformità mal-kriterji adottati skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu. […]” |
7. |
L-Artikolu 104(1) (“Kontribuzzjonijiet straordinarji ex‑post”) jipprovdi li: “Meta l-mezzi finanzjarji disponibbli mhumiex suffiċjenti biex ikopru t-telf, l-ispejjeż jew infiq ieħor imġarrab bl-użu tal-arranġamenti ta’ finanzjament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinġabbru kontribuzzjonijiet straordinarji ex‑post mingħand l-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tagħhom, sabiex jiġu koperti l-ammonti addizzjonali. Dawk il-kontribuzzjonijiet straordinarji ex post għandhom jiġu allokati bejn l-istituzzjonijiet skont ir-regoli stipulati fl-Artikolu 103(2). Il-kontribuzzjonijiet straordinarji ex‑post ma għandhomx jeċċedu tliet darbiet l-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 103.” |
2. Ir-Regolament ta’ Delega 2015/63
8. |
L-Artikolu 4 (“Determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet annwali”) jipprovdi li: “1. L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jiddeterminaw il-kontribuzzjonijiet annwali li jitħallsu minn kull istituzzjoni fi propozjon mal-profil tar-riskju tagħha abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-istituzzjoni skont l-Artikolu 14 billi japplikaw il-metodoloġija stipulata f’din it-Taqsima. 2. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina l-kontribuzzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi tal-livell annwali fil-mira tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni billi tqis il-livell fil-mira li jrid jintlaħaq sal‑31 ta’ Diċembru 2024 skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 102 tad-Direttiva 2014/59/UE u fuq il-bażi tal-ammont medju ta’ depożiti koperti fis-sena preċedenti, kalkolat kull tliet xhur, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tagħha.” |
9. |
L-Artikolu 12 (“Istituzzjonijiet taħt superviżjoni ġodda jew bidla fl-istatus”) jistipula li: “1. Meta istituzzjoni tkun istituzzjoni taħt superviżjoni ġdida għal parti biss minn perijodu kontributorju, il-kontribuzzjoni parzjali tiġi ddeterminata billi tiġi applikata l-metodoloġija stabbilita fit-Taqsima 3 għall-ammont tal-kontribuzzjoni annwali tagħha kalkulat matul il-perijodu kontributorju sussegwenti b’referenza għall-għadd ta’ xhur sħaħ mill-perijodu kontributorju li tulhom l-istituzzjoni tkun taħt superviżjoni. 2. Bidla fl-istatus ta’ istituzzjoni, inkluża istituzzjoni żgħira, matul il-perijodu kontributorju ma jkollha l-ebda effett fuq il-kontribuzzjoni annwali li trid titħallas f’dik is-sena partikolari.” |
10. |
L-Artikolu 13(1) jistipula li: “L-awtorità tar-riżoluzzjoni tinnotifika lil kull istituzzjoni msemmija fl-Artikolu 2 bid-deċiżjoni tagħha li tiddetermina l-kontribuzzjoni annwali dovuta minn kull istituzzjoni mhux aktar tard mill‑1 ta’ Mejju ta’ kull sena.” |
11. |
L-Artikolu 14(1) jipprovdi li: “L-istituzzjonijiet jipprovdu lill-awtorità tar-riżoluzzjoni bl-aħħar rapporti finanzjarji annwali approvati disponibbli qabel il‑31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel il-perijodu kontributorju, flimkien mal-opinjoni sottomessa mill-awditur statutorju jew mill-kumpannija tal-awditjar, skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2013/34/UE […]”. |
12. |
Id-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 huma stabbiliti fl-Artikolu 20, li s-subparagrafi (1), (2) u (3) tiegħu jispeċifikaw li: “1. […] B’deroga mill-Artikolu 13(1), rigward il-kontribuzzjonijiet li jridu jitħallsu fl‑2015, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jinnotifikaw lil kull istituzzjoni bid-deċiżjoni tagħhom li tiddetermina l-kontribuzzjoni annwali li jridu jħallsu sa mhux aktar tard mit‑30 ta’ Novembru 2015. 2. B’deroga mill-Artikolu 13(4), u fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet li jridu jitħallsu fl‑2015, l-ammont dovut skont id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 13(3) jitħallas sal‑31 ta’ Diċembru 2015. 3. B’deroga mill-Artikolu 14(4), u fir-rigward tal-informazzjoni li trid tingħata lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni fl‑2015, l-informazzjoni msemmija f’dak il-paragrafu tingħata sal‑1 ta’ Settembru 2015 l-aktar tard.” |
13. |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 21, dan ir-regolament “[j]applika mill‑1 ta’ Jannar 2015”. |
B. Id-dritt nazzjonali. Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 180, tas‑16 ta’ Novembru 2015, dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/59 ( 4 )
14. |
Id-Direttiva 2014/59 ġiet trasposta fid-dritt Taljan permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 180/2015, li daħal fis-seħħ meta ġie ppubblikat uffiċjalment, jiġifieri fis‑16 ta’ Novembru 2015. |
15. |
Skont l-Artikolu 2(1): “1. Dan id-digriet ma japplikax għall-istabbilimenti li ġejjin:
|
16. |
L-Artikolu 3(1) jistipula li: “Il-Bank tal-Italja jeżerċita l-funzjonijiet u s-setgħat previsti f’dan id-digriet bħala awtorità ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-istabbilimenti previsti fl-Artikolu 2, meta dawn ikollhom is-sede tagħhom fl-Italja, sakemm mhux indikat mod ieħor. Fil-każijiet previsti f’dan id-digriet, il-funzjonijiet u s-setgħat huma eżerċitati f’fergħat fl-Italja ta’ banek stabbiliti barra mill-Unjoni.” |
17. |
Skont id-Digriet Leġiżlattiv Nru 180/2015:
|
18. |
Il-Bank tal-Italja ħoloq, permezz tad-Deċiżjoni tat‑22 ta’ Settembru 2015, l-Unità di risoluzione e gestione della crisi (id-Diviżjoni ta’ riżoluzzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżi) ( 5 ), li permezz tagħha jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ Awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni. Permezz tad-Deċiżjoni tat‑18 ta’ Novembru 2015 ( 6 ), stabbilixxa l-fond nazzjonali ta’ riżoluzzjoni bankarja. |
II. Il-fatti tal-kawża u d-domandi preliminari
19. |
State Street Bank International GmbH (iktar ’il quddiem “SSB International”) huwa stabbiliment ta’ kreditu Ġermaniż li żviluppa l-attivitajiet tiegħu fl-Italja, sal‑5 ta’ Lulju 2015, permezz ta’ bank Taljan bl-isem State Street Bank SpA (iktar ’il quddiem “SSB Italia”). |
20. |
Mis‑6 ta’ Lulju 2015, SSB International, wara li assorba lil SSB Italia, baqa’ jiżviluppa l-attivitajiet tiegħu fit-territorju Taljan billi eżerċita l-libertà ta’ stabbiliment tiegħu permezz ta’ fergħa unika, bl-isem State Street Bank International GmbH — Succursale Italia. |
21. |
Fit‑22 ta’ Novembru 2015, il-Bank tal-Italja beda proċedura ta’ riżoluzzjoni kontra erba’ banek suġġetti għall-ġurisdizzjoni tiegħu ( 7 ), li l-ispiża tagħha ammontat għal kważi EUR 3700 miljun. |
22. |
Sabiex jaffaċċja din l-ispiża, il-Bank tal-Italja, barra li stabbilixxa l-kontribuzzjonijiet ordinarji tas-sena 2015 (approssimattivament EUR 588 miljun), iddeċieda li jeżiġi l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji. Dawn ma qabżux il-limitu stabbilit legalment, li jammonta għat-triplu tal-kontribuzzjonijiet ordinarji (EUR 1763 miljun) ( 8 ). |
23. |
Permezz tan-nota Nru 0445827/16, tal‑1 ta’ April, “Contribuzione 2015 al Fondo Nazionale di Risoluzione (Kontribuzzjoni 2015 għall-fond nazzjonali ta’ riżoluzzjoni)”, il-Bank tal-Italja talab lil SSB International il-ħlas ta’ EUR 5102425, fejn EUR 1275606 minnhom kienu jikkorrispondu għall-kontribuzzjoni ordinarja tas-sena 2015 u EUR 3826819 għall-kontribuzzjoni straordinarja. |
24. |
Quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), SSB International talab l-annullament tan-nota tal-Bank tal-Italja Nru 0445827/16, kif ukoll ta’ atti oħrajn relatati magħha. |
25. |
Skont SSB International, il-Bank tal-Italja ma kienx kompetenti li jitolbu xi kontribuzzjoni korrispondenti għas-sena 2015, minħabba li, fid-data meta saru t-talbiet inkwistjoni, SSB International kien suġġett għall-ġurisdizzjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ġermaniża. Għaldaqstant, ma kienx parti mill-“banek b’sede fl-Italja” u, wisq inqas, mill-“fergħat Taljani tal-banek f’pajjiżi terzi”, fis-sens tal-Artikoli 82 u 83 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 180/2015. |
26. |
SSB International jallega wkoll li d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 180/2015, li fuq il-bażi tagħhom il-Bank tal-Italja adotta l-miżuri tiegħu, daħlu fis-seħħ fis‑16 ta’ Novembru 2015. F’dak iż-żmien, SSB Italia ma kienx għadu jeżisti bħala bank b’sede fl-Italja u, għaldaqstant, kien eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv. Barra minn hekk, il-ħolqien tal-Fond Nazzjonali ta’ Riżoluzzjoni u l-implimentazzjoni tas-sistema kollha stabbilita mid-Direttiva 2014/59 saru, fl-Italja, wara l-amalgamazzjoni ta’ SSB Italia mal-kumpannija omm (SSB International) u, konsegwentement, wara li r-rikorrent telaq mill-Italja bħala bank awtonomu suġġett għad-dritt nazzjonali. |
27. |
Sussidjarjament, SSB International jafferma li, l-iktar l-iktar, il-Bank tal-Italja seta’ talbu l-ħlas ta’ kontribuzzjoni ordinarja pro rata skont in-numru ta’ xhur li matulhom SSB Italia kien wettaq l-attività tiegħu, iżda mhux il-kontribuzzjoni annwali kollha ( 9 ). Dan jiġi dedott mill-applikazzjoni analoga tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, b’tali mod li l-istabbiliment li ma jibqax jeżisti matul is-sena ma jibqax suġġett għas-superviżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali u għandu jikkontribwixxi biss għall-perijodu tal-eżistenza tiegħu. |
28. |
Il-Bank tal-Italja jikkontesta dawn l-allegazzjonijiet u jiddefendi l-korrettezza tal-azzjonijiet tiegħu. Fil-fehma tiegħu, fl‑1 ta’ Jannar 2015, SSB Italia kien parti mis-sistema bankarja Taljana, fatt li jiġġustifika t-talba għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ordinarji u straordinarji korrispondenti. Il-bidliet suġġettivi ta’ dan l-istabbiliment finanzjarju li seħħew wara huma irrilevanti. |
29. |
L-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ġermaniża la setgħet tieħu materjalment inkunsiderazzjoni l-assorbiment ta’ SSB Italia minn SSB International, u lanqas is-sussegwenti żieda fid-daqs tiegħu, minħabba li l-effetti tal-amalgamazzjoni ma kinux evidenti, mill-perspettiva tal-kontabbiltà, ħlief bil-pubblikazzjoni tal-għeluq tal-kontijiet tas-sena finanzjarja 2015, li kienu disponibbli biss iktar tard. Għaldaqstant, jiġi eskluż ir-riskju ta’ taxxa/kontribuzzjoni doppja. |
30. |
Skont il-Bank tal-Italja, mill-perspettiva ratione temporis:
|
31. |
Fil-konfront ta’ dawn it-teoriji kontrapposti, it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) qiegħda tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
32. |
SSB International, il-Bank tal-Italja, il-Kummissjoni, u l-Gvernijiet tal-Italja u ta’ Spanja ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn kollha kienu preżenti fis-seduta miżmuma fl‑10 ta’ April 2019. |
III. Analiżi tad-domandi preliminari
A. Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar il-mekkaniżmi ta’ ristrutturazzjoni u ta’ riżoluzzjoni bankarja
33. |
Qabel nagħti l-opinjoni tiegħi dwar id-domandi preliminari, naħseb li huwa xieraq li jiġu deskritti fil-qosor il-parametri bażiċi tal-finanzjament tal-mekkaniżmi ta’ ristrutturazzjoni u riżoluzzjoni bankarja. |
34. |
Bħala risposta għall-kriżi ekonomika tal‑2008, il-pajjiżi taż-żona euro waqqfu unjoni bankarja, billi ttrasferixxew kompetenzi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali u ta’ ristrutturazzjoni u riżoluzzjoni ta’ stabbilimenti finanzjarji. Dan il-proċess ta’ trasferimenti kien ippreċedut minn armonizzazzjoni regolatorja għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea (imsejħa l-ġabra unika ta’ regoli). |
35. |
Għalkemm l-iskema unika ta’ garanzija għal depożiti għad trid tiġi żviluppata, iż-żewġ pilastri l-oħrajn tal-unjoni bankarja, jiġifieri, il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Superviżjoni (iktar ’il quddiem il-“MUS”) u l-MUR, diġà jaħdmu. Preċedentement, ġew adottati r-regoli ta’ armonizzazzjoni għall-Unjoni kollha fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali u tar-riżoluzzjoni bankarja. |
36. |
Fir-rigward tar-ristrutturazzjoni u r-riżoluzzjoni bankarja, l-armonizzazzjoni twettqet permezz tad-Direttiva 2014/59, applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2015. Fir-rigward tal-pajjiżi taż-żona euro, l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 ( 10 ) ippermettiet l-implimentazzjoni tal-MUR mill‑1 ta’ Jannar 2016, ladarba ġie stabbilit il-MUS, li daħal fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2015. |
37. |
Id-Direttiva 2014/59 tinkludi regoli u proċeduri sabiex l-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni u tar-riżoluzzjoni ta’ stabbilimenti ta’ kreditu jiġu koperti mis-settur finanzjarju kollu kemm hu, bil-għan li jiġu evitati l-bailouts mill-baġits nazzjonali. |
38. |
F’ħafna każijiet, l-effettività tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni tista’ tiddependi mid-disponibbiltà ta’ finanzjament għal żmien qasir. Għaldaqstant, id-Direttiva 2014/59 ipprevediet (Artikolu 99) il-ħolqien ta’ sistema Ewropea magħmula minn: i) il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ finanzjament (Artikoli 100 sa 105); ii) is-self bejn il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ finanzjament (Artikolu 106); u iii) il-mutwalizzazzjoni tal-mekkaniżmi nazzjonali ta’ finanzjament, fil-każ ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp (Artikolu 107). |
39. |
Kull Stat Membru kellu joħloq il-mekkaniżmu nazzjonali ta’ finanzjament tiegħu stess u jipprovdilu xi riżorsi finanzjarji, ikkontrollati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiegħu, li għandhom jintużaw sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni ( 11 ). |
40. |
Il-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jiġu ffinanzjati minn tliet tipi ta’ riżorsi ( 12 ):
|
41. |
L-Artikolu 102(1) tad-Direttiva 2014/59 jiddetermina minn qabel l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ordinarji. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-perijodu bejn id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva (l‑1 ta’ Jannar 2015) u l‑31 ta’ Diċembru 2024, “il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-arranġamenti ta’ finanzjament tagħhom, jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tagħhom” ( 13 ). |
42. |
Il-kontribuzzjonijiet ordinarji għandhom jinġabru mill-inqas darba fis-sena u jirriflettu kemm id-daqs tal-istabbiliment finanzjarju, kif ukoll il-livell ta’ riskju tal-attivitajiet tiegħu ( 14 ). Ir-Regolament ta’ Delega 2015/63 jispeċifika l-elementi u l-proċedura għall-kalkolu tagħhom. |
43. |
Jekk il-kontribuzzjonijiet ordinarji ma kinux suffiċjenti sabiex ikopru l-eventwalitajiet li jsir riferiment għalihom fl-Artikolu 104(1) tad-Direttiva 2014/59, din id-dispożizzjoni tippermetti li l-Istati jiġbru l-kontribuzzjonijiet straordinarji jew ex post mingħand l-istabbilimenti ta’ kreditu li jinsabu fit-territorju tagħhom. |
44. |
Il-kontribuzzjonijiet straordinarji ex post ma jistgħux jaqbżu t-triplu tal-ammont annwali ta’ dawk ordinarji. Il-kalkolu u l-ġestjoni tagħhom huma simili għal dawk tal-kontribuzzjonijiet ordinarji. |
45. |
Id-Direttiva 2014/59 u r-Regolament ta’ Delega 2015/63 saru applikabbli għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni sa mill‑1 ta’ Jannar 2015. Madankollu, fir-rigward tad‑19‑il pajjiż taż-żona euro li jipparteċipaw fl-unjoni bankarja (fosthom l-Italja), l-attivazzjoni tal-MUR mill‑1 ta’ Jannar 2016 hija marbuta ma’ dawn iż-żewġ atti. |
46. |
Fil-fatt, mill‑1 ta’ Jannar 2016, ir-Regolament MUR:
|
47. |
Għalhekk, il-FUR huwa l-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-MUR. L-għan tiegħu huwa li jissostitwixxi progressivament (f’perijodu ta’ tmien snin, mis-sena 2016 sas-sena 2024) il-fondi nazzjonali, fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-istabbilimenti finanzjarji suġġetti għall-MUS u għall-MUR. Il-fondi nazzjonali jibqgħu applikabbli biss għall-istabbilimenti inqas sinjifikattivi tal-Istati Membri li huma parti mill-unjoni bankarja ( 15 ). |
48. |
L-Artikoli 67 sa 79 tar-Regolament Nru 806/2014 jirregolaw il-FUR b’mod kważi parallel għal dak stipulat fid-Direttiva 2014/59 għall-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni. Dan huwa minnu fir-rigward tad-dħul tiegħu ( 16 ), fir-rigward tar-riżorsi tiegħu ( 17 ) u fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ordinarji u straordinarji ( 18 ). |
49. |
Il-karatteristika partikolari tal-FUR tinsab fil-mutwalizzazzjoni progressiva tar-riżorsi tiegħu, prevista mir-Regolament Nru 806/2014 u applikata permezz ta’ ftehim intergovernattiv bejn l-Istati Membri tal-Unjoni parteċipanti fl-unjoni bankarja (“Ftehim dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni”, konkluż fi Brussell fil‑21 ta’ Mejju 2014) ( 19 ). |
50. |
Il-FUR jiġi ffinanzjat mir-riżorsi finanzjarji li jinġabru mill-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni ( 20 ). Magħmul inizjalment minn “kompartimenti nazzjonali”, dawn jingħaqdu progressivament matul fażi tranżitorja ta’ tmien snin. Il-mutwalizzazzjoni tad-dħul bdiet b’40 % fl-ewwel sena u b’20 % fit-tieni sena, sabiex tiżdied bi kwantitajiet ugwali matul is-sitt snin li jifdal, sakemm il-kompartimenti nazzjonali ma jibqgħux jeżistu. |
51. |
Fl-Artikolu 3(3) u (5) tal-Ftehim tal‑21 ta’ Mejju 2014 jiġi indikat li:
|
B. Impatt tal-bidliet fl-istatus tal-istabbilimenti ta’ kreditu fuq il-kontribuzzjonijiet ordinarji ex ante tagħhom għall-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni (l-ewwel u t-tieni domanda preliminari)
52. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, konformement mal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, operazzjoni ta’ negozju li permezz tagħha stabbiliment ta’ kreditu, li sa dakinhar kien suġġett għas-superviżjoni ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, jiġi assorbit (amalgamazzjoni b’assorbiment) mill-kumpannija omm b’sede fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxix “bidla fl-istatus”. |
53. |
Id-domanda tagħmel sens jekk jiġi indikat li, skont din id-dispożizzjoni, “[b]idla fl-istatus ta’ istituzzjoni, inkluża istituzzjoni żgħira, matul il-perijodu kontributorju ma jkollha l-ebda effett fuq il-kontribuzzjoni annwali li trid titħallas f’dik is-sena partikolari”. L-għan tad-dibattitu huwa li jiġi ċċarat jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni, l-istabbiliment ikunx obbligat iħallas il-kontribuzzjoni sħiħa korrispondenti għal dan il-perijodu, jew il-parti alikwota (jiġifieri, pro rata skont in-numru ta’ xhur li matulhom kien suġġett għas-superviżjoni tal-awtorità tal-ewwel Stat Membru). |
54. |
SSB International isostni li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, b’tali mod li ma jinkludix amalgamazzjoni b’assorbiment, u huwa limitat biss għall-bidliet fid-daqs tal-istabbilimenti finanzjarji. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni, il-Bank tal-Italja, il-Gvern Spanjol u l-Gvern Taljan jipproponu interpretazzjoni wiesgħa, b’tali mod li l-“bidla fl-istatus”, bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, tinkludi l-operazzjonijiet transkonfinali ta’ amalgamazzjoni b’assorbiment. Għaldaqstant, tapplika għall-assorbiment ta’ SSB Italia minn SSB International. |
55. |
Jiena naqbel ma’ din it-tieni pożizzjoni. |
56. |
L-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jeżiġi li dan jiġi applikat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Il-kunċett ta’ “bidla fl-istatus” jew ta’ “cambio de condición [bdil fis-sitwazzjoni]” ( 22 ) ta’ stabbiliment li jsegwi din ir-regola għandu jiġi interpretat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, l-iktar meta d-dispożizzjoni ma tagħmel l-ebda riferiment għad-dritt nazzjonali. |
57. |
Skont il-metodu ermenewtiku abitwali fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 23 ), ser nittratta l-kriterji ta’ interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika. |
1. Interpretazzjoni letterali
58. |
Mill-perspettiva letterali, ikun hemm “bidla fis-sitwazzjoni” jew fl-istatus ta’ stabbiliment finanzjarju meta s-sitwazzjoni legali jew fattwali tiegħu tinbidel b’tali mod li tista’ tinbidel, bħala prinċipju, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/59 u tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. |
59. |
Naturalment, fost dawn il-bidliet hemm il-bidla fid-dimensjoni, li l-frażi “inkluża istituzzjoni żgħira”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, tagħmel riferiment għaliha b’mod impliċitu. Madankollu, din hija modalità oħra tal-bidliet fl-istatus, mhux l-unika waħda. |
60. |
Id-Direttiva 2014/59 u r-Regolament ta’ Delega 2015/63 (b’mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu) jinkludu regoli ssemplifikati u iktar favorevoli għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ordinarji tal-istabbilimenti żgħar ( 24 ). Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott li l-uniċi bidliet fl-istatus irrilevanti, skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, huma dawk li jikkonċernaw il-bidliet fid-dimensjoni tal-istabbilimenti finanzjarji li l-għan tagħhom kien li jibbenefikaw minn sistema ta’ kontribuzzjoni iktar favorevoli. |
61. |
Ċertament, l-għan tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 (kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 għall-istabbilimenti suġġetti għall-MUR) huwa li jipprevjeni tibdil fl-istabbilimenti finanzjarji li jkun intiż sabiex id-daqs tagħhom jitnaqqas artifiċjalment, jiġifieri, bl-intenzjoni li jibbenefikaw mis-sistema ssemplifikata ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ordinarji. |
62. |
Madankollu, il-bidliet fl-istatus tal-istabbilimenti finanzjarji li jsir riferiment għalihom fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma humiex limitati, minn perspettiva letterali, għat-tnaqqis fil-qies jew fid-dimensjoni ta’ dawn l-istabbilimenti. Minn din il-perspettiva testwali, il-kunċett inkwistjoni jippermetti li fih jiġu inkorporati każijiet oħrajn. |
63. |
L-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 tippermetti wkoll li jiġi eskluż l-argument riduttiv ta’ SSB International, li skontu l-bidliet fl-istatus jikkoinċidu biss mal-bidliet tal-istruttura tal-kumpannija jew tad-dimensjoni ta’ stabbiliment finanzjarju, sakemm dan ikun fit-territorju tal-Istat u, għaldaqstant, fi ħdan il-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni nazzjonali. |
64. |
Dan l-argument iwassal sabiex mill-bidliet fl-istatus jiġu esklużi l-amalgamazzjonijiet b’assorbiment transkonfinali ( 25 ), meta ma jkun hemm l-ebda riferiment f’dan ir-rigward fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. Barra minn hekk, kif ser nispjega immedjatament, dan jikkontradixxi l-loġika tad-Direttiva 2014/59, li toħloq sistema Ewopea interkonnessa ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament tar-riżoluzzjonijiet bankarji ( 26 ). |
2. Interpretazzjoni sistematika
65. |
Minn perspettiva sistematika, ma għandux jiġi injorat li r-Regolament Nru 806/2014 iwaqqaf Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni li fih jiġu integrati progressivament il-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni tal-pajjiżi involuti fl-unjoni bankarja. F’dan il-kuntest, wieħed ma jistax jitkellem strettament dwar amalgamazzjonijiet b’assorbiment transkonfinali, minħabba li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ordinarji huwa stabbilit mill-BUR u l-ġbir tiegħu jsir mill-fondi nazzjonali sabiex jiġi inkluż fil-FUR. |
66. |
Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “bidla fl-istatus”, fil-kuntest tad-Direttiva 2014/59 u tal-bqija tar-regoli f’dan ir-rigward, jinkludi l-amalgamazzjonijiet b’assorbiment transkonfinali, b’tali mod li jagħmilhom irrilevanti għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ordinarji. |
67. |
Fil-fatt, kif tispjega l-Kummissjoni, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63:
|
3. Interpretazzjoni teleoloġika
68. |
L-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 għandu jiġi interpretat b’mod koerenti maż-żewġ għanijiet inerenti għall-ħolqien tal-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri: a) il-ħtieġa ta’ stabbiltà fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ordinarji; u b) l-integrazzjoni u ċ-ċentralizzazzjoni progressivi ta’ dawn il-fondi. |
a) Stabbiltà fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet
69. |
L-Artikoli 102 u 103(1) tad-Direttiva 2014/59 u l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jeżiġu l-ġbir annwali ( 27 ) tal-kontribuzzjonijiet ordinarji, bil-għan li r-riżorsi tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament jilħqu progressivament (sal‑31 ta’ Diċembru 2024) għall-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istabbilimenti kollha awtorizzati fit-territorju tagħhom. |
70. |
Sabiex jintlaħaq dan l-iskop, l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni tispeċifika l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ordinarji skont is-sitwazzjoni tal-istabbilimenti finanzjarji fl‑1 ta’ Jannar ta’ kull sena fiskali. Għaldaqstant, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jobbliga lil dawn l-istabbilimenti sabiex jipprovdu lill-awtorità tar-riżoluzzjoni bl-aħħar rapporti finanzjarji annwali approvati, disponibbli qabel il‑31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel il-perijodu kontributorju, flimkien mal-opinjoni sottomessa mill-awditur statutorju jew mill-kumpanniji tal-awditjar ( 28 ). |
71. |
Kif jista’ jiġi nnotat, il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ordinarji jitwettaq fuq ix-“xbieha ta’ dak il-mument” tal-istabbilimenti finanzjarji suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-awtorità nazzjonali fl‑1 ta’ Jannar ta’ kull sena finanzjarja, konformement mal-informazzjoni finanzjarja disponibbli ta’ dawn l-istabbilimenti. |
72. |
L-istabbiltà fil-kalkolu hija indispensabbli sabiex il-kontribuzzjonijiet ordinarji jkunu jistgħu jiżdiedu, b’mod progressiv, sakemm jilħqu l‑1 % tad-depożiti fl‑2024. Li kieku l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-bidliet tas-sitwazzjoni legali u finanzjarja tal-istabbilimenti li seħħew matul is-sena finanzjarja kollha, ikun diffiċli li jintlaħaq il-livell stabbilit mid-Direttiva 2014/59. |
73. |
Għaldaqstant, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jimponi bħala regola ġenerali l-irrilevanza tal-bidliet fl-istatus tal-istabbilimenti matul sena finanzjarja, għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ordinarji. Din ir-regola tikkonferma li r-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma jippermettix li l-kontribuzzjonijiet ordinarji annwali jiġu kkalkolati mill-ġdid skont il-modifikazzjonijiet li l-istabbilimenti jkunu esperjenzaw matul din is-sena finanzjarja, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni. |
b) Integrazzjoni u ċentralizzazzjoni progressiva tal-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni
74. |
L-għanijiet tad-Direttiva 2014/59 u tar-Regolament MUR huma l-integrazzjoni u ċ-ċentralizzazzjoni progressiva tal-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni. Għal dan l-iskop, hija iktar koerenti interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “bidla fl-istatus” li tinkludi l-amalgamazzjonijiet b’assorbiment transkonfinali, li tagħmilhom irrilevanti għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ordinarji. |
75. |
Fil-pajjiżi taż-żona euro, fis-sena 2015, il-ħolqien tal-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni (permezz tad-Direttiva 2014/59 u tar-Regolament ta’ Delega 2015/63) ġie magħqud, mis-sena 2016, mal-implimentazzjoni tal-MUR u tal-FUR ( 29 ). F’dan il-kuntest, id-distinzjoni bejn l-amalgamazzjonijiet b’assorbiment nazzjonali u dawk transkonfinali qiegħda titlef is-sens, minħabba l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ordinarji. |
76. |
L-implimentazzjoni tal-MUR wasslet għal sistema ta’ riżoluzzjoni unika u ċċentralizzata għall-istabbilimenti finanzjarji sinjifikattivi. Din is-sistema hija bbażata fuq fond uniku (il-FUR, taħt il-kontroll tal-BUR), għalkemm xorta waħda taħdem b’kompartimenti nazzjonali li progressivament jiġu mmutwalizzati sal‑2024. Għaldaqstant, tista’ tiġi miċħuda t-teorija ta’ SSB International, li tippromwovi separazzjoni stretta bejn il-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni ( 30 ) meta din lanqas ma tapplika għas-sena finanzjarja ta’ tranżizzjoni tas-sena 2015. |
77. |
Anki jekk tiġi aċċettata din is-separazzjoni stretta, nibqa’ tal-opinjoni li, għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ordinarji, huma irrilevanti l-bidliet fl-istatus li jinħolqu minn amalgamazzjoni b’assorbiment transkonfinali. Minħabba li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 japplika kemm għall-awtorità tal-pajjiż tal-istabbiliment assorbit (f’dan il-każ, l-Italja), kif ukoll għall-pajjiż tal-istabbiliment omm (il-Ġermanja), ma jistax ikun hemm taxxa doppja: SSB International iħallas il-kontribuzzjoni annwali tas-sena 2015 lill-Fond Taljan ta’ Riżoluzzjoni għal SSB Italia, mingħajr ma jżid il-kontribuzzjoni ekwivalenti tiegħu lill-Fond Ġermaniż fis-sena 2015 (fir-rigward tal-assi u r-riskju tas-sussidjarja tiegħu, assorbita minnu fil‑5 ta’ Lulju 2015). |
78. |
Fil-każijiet ta’ amalgamazzjoni b’assorbiment li jseħħu matul sena finanzjarja, l-istabbiliment li jassorbi għandu jħallas il-kontribuzzjoni annwali sħiħa lill-fond nazzjonali ta’ riżoluzzjoni tal-Istat ta’ sede tal-istabbiliment assorbit. Kif diġà spjegajt, għall-kalkolu tagħha għandha titqies is-sitwazzjoni eżistenti fl‑1 ta’ Jannar tas-sena finanzjarja ta’ impożizzjoni, ladarba huma irrilevanti l-bidliet fl-istatus sussegwenti, inter alia, l-amalgamazzjonijiet b’assorbiment transkonfinali. |
79. |
Din ir-regola ġenerali, stabbilita mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, tipprovdi biss l-eċċezzjoni li tinsab fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu: il-ħlas ta’ kontribuzzjoni parzjali pro rata temporis għall-istabbilimenti finanzjarji ġodda. Is-soluzzjoni speċifika għal din l-ipoteżi ma tistax tiġi estrapolata sal-estrem li r-regola ġenerali tiġi żnaturata (jiġiferi, l-irrilevanza tal-bidliet fl-istatus). |
80. |
Għalhekk, għandha tiġi miċħuda t-talba li l-kontribuzzjoni annwali titnaqqas meta l-bidla fl-istatus tal-istabbiliment finanzjarju hija legalment irrilevanti. Għaldaqstant, l-applikazzjoni analoga proposta minn SSB International ma hijiex adegwata. |
C. Impatt tal-bidliet fl-istatus tal-istabbilimenti ta’ kreditu fuq il-kontribuzzjonijiet straordinarji tagħhom għall-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni (it-tielet domanda preliminari)
81. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-qosor, jekk il-kontribuzzjonijiet straordinarji humiex suġġetti għall-istess regoli bħal dawk ordinarji, fil-każ ta’ amalgamazzjoni b’assorbiment transkonfinali. |
82. |
Ir-risposti tal-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet huma differenti ħafna:
|
83. |
Skont l-Artikolu 104(1) tad-Direttiva 2014/59, il-kontribuzzjonijiet straordinarji ex post jinġabru mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni “[m]eta l-mezzi finanzjarji disponibbli mhumiex suffiċjenti biex ikopru t-telf, l-ispejjeż jew infiq ieħor imġarrab bl-użu tal-arranġamenti ta’ finanzjament”. |
84. |
Din l-istess dispożizzjoni tindika li l-kontribuzzjonijiet straordinarji jiġu allokati bejn l-istabbilimenti skont ir-regoli tal-Artikolu 103(2), bil-limitu li ma jaqbżux it-triplu tal-ammont annwali ta’ dawk ordinarji. Barra minn hekk, l-Artikolu 103(4) sa (8) għandu jkun applikabbli wkoll għall-kontribuzzjonijiet straordinarji, skont dak stipulat fl-Artikolu 104(2) tad-Direttiva 2014/59. |
85. |
Fl-opinjoni tiegħi, ir-riferimenti li jsiru fl-Artikolu 104 tad-Direttiva 2014/59 għas-sistema legali tal-kontribuzzjonijiet ordinarji ma jfissrux li l-kontribuzzjonijiet straordinarji jimplikaw riflessjoni tal-oħrajn. Jekk il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet straordinarji huwa identiku għal dak tal-kontribuzzjonijiet ordinarji, stabbilit mir-Regolament ta’ Delega 2015/63, il-limitu jvarja, minħabba li l-kontribuzzjonijiet straordinarji jistgħu jogħlew sat-triplu ta’ dawk ordinarji annwali. L-Artikolu 104(3) jipprovdi wkoll il-possibbiltà ta’ differiment totali jew parzjali tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet straordinarji ( 31 ), ċirkustanza li ma tgħoddx għal dawk ordinarji. Jirriżulta iktar sinjifikattiv li anki l-mument u l-loġika li jiġġustifikaw il-ġbir ta’ ċerti kontribuzzjonijiet u oħrajn huma diverġenti. |
86. |
L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jirrikorru għall-kontribuzzjonijiet straordinarji meta jkollhom iwettqu operazzjonijiet li jnaqqsu l-ammont tal-fond nazzjonali u jkun hemm bżonn ta’ dħul addizzjonali sabiex jintlaħaq il-livell ta’ riżorsi stabbilit annwalment. Għaldaqstant, il-kontribuzzjonijiet straordinarji huma imprevedibbli, jiġifieri, ma jistgħux jiġu ppjanati bħal dawk ordinarji, li l-ġbir tagħhom jitwettaq għas-sena kalendarja ta’ tassazzjoni, konformement mas-sitwazzjoni tal-istabbilimenti fl‑1 ta’ Jannar. |
87. |
Għalhekk, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet straordinarji jiddependi mill-ħtieġa ta’ finanzjament mill-ġdid tal-fond nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, fid-dawl tar-riżorsi kkonsmati fl-operazzjonijiet ta’ riżoluzzjoni konkreti ( 32 ). Minħabba n-natura tagħhom, ma hemmx ċertezza dwar il-mument li fih għandhom jiġu imposti, u għalhekk dan jiddependi mid-data tal-operazzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li joħolqu d-defiċit fil-fond. |
88. |
Minħabba l-imprevedibbiltà tagħhom u l-fatt li ma huwiex possibbli li jiġu ppjanati, nikkunsidra li, kif sostniet il-Kummissjoni, il-kontribuzzjonijiet straordinarji jistgħu jintalbu biss mingħand l-istabbilimenti suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-fond nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fid-data li fiha tiġi adottata d-deċiżjoni korrispondenti. |
89. |
Bħala prinċipju, l-istabbilimenti attivi fis-sistema finanzjarja tal-Istat meta jiġu imposti l-kontribuzzjonijiet straordinarji huma dawk li ħolqu r-riskju li ddetermina l-ġbir tagħhom (jiġifieri r-riskju li pprovoka l-operazzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li minħabba fihom ġew ikkonsmati riżorsi tal-fond). L-istabbilimenti li ħarġu mill-ġurisdizzjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni fis-sena finanzjarja li fiha ġew stabbiliti l-kontribuzzjonijiet straordinarji x’aktarx li kellhom, b’mod ġenerali, inqas impatt fuq ir-riskju li kkawżaw l-operazzjonijiet ta’ riżoluzzjoni. |
90. |
Din l-interpretazzjoni hija konsistenti mal-formulazzjoni tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, li jitkellem biss dwar in-newtralizzazzjoni tal-effett tal-bidliet fl-istatus fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ordinarji, iżda li ma jsemmix dawk straordinarji ( 33 ). Għaldaqstant, stabbiliment li jingħaqad mal-istabbiliment omm tiegħu fi Stat Membru ieħor qabel ma l-awtorità ta’ riżoluzzjoni timponi l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet straordinarji ma huwiex obbligat li jħallashom fl-Istat fejn dan ma għadux preżenti. |
91. |
Fl-istess ħin, l-istabbiliment li jassorbi għandu jħallas il-kontribuzzjonijiet straordinarji adottati mill-fond ta’ riżoluzzjoni tal-Istat ta’ residenza tiegħu, billi fil-kalkolu tagħhom jiġu inklużi l-assi tal-istabbiliment assorbit, mingħajr ma jkun jista’ jibbenefika mill-ħlas pro rata temporis previst fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 għall-istabbilimenti l-ġodda fis-sistema finanzjarja ta’ dan l-Istat. B’dan il-mod, jiġu evitati manuvri intiżi għall-evitar tal-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji permezz ta’ bidla fl-istatus. |
92. |
Għaldaqstant, il-bidla fl-istatus tal-istabbiliment taffettwa l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet straordinarji, li għandu jsir konformement max-“xbieha f’dak il-mument” tas-settur bankarju fil-mument meta jiġu adottati, filwaqt li jiġu ntaxxati l-istabbilimenti li fl-imsemmi mument ikunu suġġetti għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni. |
D. Applikazzjoni ratione temporis tal-kontribuzzjonijiet ordinarji għall-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni (it-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari)
93. |
Il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk l-interpretazzjoni tal-kunċett “bidla fl-istatus” previst fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 għandhiex tapplika f’sitwazzjoni fejn l-amalgamazzjoni u l-estinzjoni konsegwenti tal-istabbiliment seħħew matul is-sena 2015, meta l-Italja kienet għadha ma stabbilixxietx formalment la l-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali u lanqas il-fond nazzjonali u meta l-kontribuzzjonijiet kienu għadhom ma ġewx ikkalkolati. |
94. |
Ir-risposta għal din id-domanda teżiġi l-analiżi tas-sistema tranżitorja stabbilita mid-Direttiva 2014/59 u mir-Regolament ta’ Delega 2015/63, fir-rigward tal-implimentazzjoni, tal-kalkolu u tal-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ordinarji għas-sena finanzjarja 2015. |
95. |
Għal darba oħra, jittieħdu pożizzjonijiet differenti f’dan ir-rigward:
|
96. |
L-Artikolu 130(1) tad-Direttiva 2014/59 jistipula li l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal‑31 ta’ Diċembru 2014, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jimplimentaw din id-direttiva, u jippreċiża li l-Istati Membri għandhom japplikawhom mill‑1 ta’ Jannar 2015. |
97. |
Ma hemm l-ebda dubju li kien hemm dewmien sabiex l-Italja tittrasponi din id-direttiva fid-dritt nazzjonali tagħha. Il-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 180/2015) daħlet fis-seħħ fis‑16 ta’ Novembru 2015 u l-Bank tal-Italja, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, stabbilixxa l-fond ta’ riżoluzzjoni fit‑18 ta’ Novembru 2015, billi talab il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ordinarji u straordinarji lill-istabbilimenti finanzjarji (inkluż SSB International), fit‑23 u fis‑26 ta’ Novembru 2015, rispettivament. |
98. |
Fir-rigward tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, id-dħul fis-seħħ seħħ fis‑6 ta’ Frar 2015, anki jekk fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 ġie stabbilit li “[j]applika mill‑1 ta’ Jannar 2015”. Għaldaqstant, dan ir-regolament, li ma jeħtieġx li jiġi traspost fid-dritt nazzjonali Taljan, kien fis-seħħ meta saret l-amalgamazzjoni b’assorbiment ta’ SSB Italia. |
99. |
L-adozzjoni tardiva tad-Direttiva 2014/59 ( 34 ) u tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 ħtieġet l-inklużjoni f’dan tal-aħħar ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji li jippermettu l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ordinarji korrispondenti għas-sena finanzjarja 2015. Dawn il-miżuri jinsabu fl-Artikolu 20(1), (2), (3) u (4) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, li mill-formulazzjoni tiegħu, fir-rigward tal-fatti tat-tilwima, jiġi dedott li:
|
100. |
L-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma fih l-ebda dispożizzjoni tranżitorja jew ta’ deroga fir-rigward tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ordinarji. Dan jimplika, konformement mal-kriterji tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dritt tranżitorju ( 35 ), li dan il-kalkolu kellu jsir fis-sena 2015, skont il-mod ġenerali preskritt fid-Direttiva 2014/59 u żviluppat fir-Regolament ta’ Delega 2015/63. |
101. |
Id-data ta’ riferiment għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ordinarji hija l‑1 ta’ Jannar tas-sena finanzjarja inkwistjoni, mingħajr ma l-bidliet fl-istatus tal-istabbilimenti, li seħħew f’din is-sena, ma jkunu rilevanti. |
102. |
Konsegwentement, ir-Regolament ta’ Delega 2015/63 jippermetti li l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ordinarji korrispondenti għas-sena 2015 jintalab mingħand l-istabbilimenti kollha li kienu stabbiliti fl-Italja fl‑1 ta’ Jannar 2015. F’dan il-kuntest, it-tmiem tal-istabbiliment bħala korollarju ta’ amalgamazzjoni b’assorbiment transkonfinali huwa ineffettiv. |
103. |
Għandu jitqies li l-kontribuzzjonijiet ordinarji jsiru annwalment u l-ġbir tagħhom huwa essenzjalment iddeterminat mid-Direttiva 2014/59, sa mis-sena finanzjarja 2015 ’il quddiem. Ir-Regolament ta’ Delega 2015/63 stabbilixxa d-dispożizzjonijiet tranżitorji msemmija iktar ’il fuq, li għamlu possibbli li l-kontribuzzjonijiet għas-sena 2015 jinġabru f’dati sussegwenti. Għalkemm l-Istat Taljan dam sabiex ittraspona d-Direttiva 2014/59, huwa adotta l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ implimentazzjoni (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 180/2015) fil-ħin sabiex ikun konformi mal-kalendarju ta’ ġbir previst fl-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. |
104. |
Konsegwentement, inqis li ma ninsabux fil-preżenza ta’ każ ta’ applikazzjoni retroattiva tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 180/2015, kif argumenta SSB. Dan pjuttost jirrigwarda l-applikazzjoni tar-regoli tranżitorji għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet annwali tas-sena 2015, stabbiliti mill-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/59, li qabel kienet tirregola l-elementi essenzjali ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet. |
105. |
Għal din ir-raġuni, jidhirli li ma huwiex meħtieġ li jiġi analizzat jekk ir-Regolament ta’ Delega 2015/63 kienx applikabbli u kienx jipproduċi effett dirett (anki fl-Italja) mill‑1 ta’ Jannar 2015. Madankollu, ser nittratta dan il-punt f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidrah. |
106. |
SSB International jargumenta li r-Regolament ta’ Delega ma setax jiġi applikat direttament fi Stat Membru meta d-direttiva li jimplimenta tkun għadha ma ġietx trasposta fid-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat. Għalhekk, ma jkunx fattibbli li r-Regolament ta’ Delega 2015/63 jiġi applikat fil-konfront ta’ SSB Italia, minħabba li d-Direttiva 2014/59 ġiet trasposta fid-dritt Taljan fis‑16 ta’ Novembru 2015, data li fiha SSB Italia diġà ma kienx jeżisti peress li ġie assorbit minn SSB International fis‑6 ta’ Lulju 2015. |
107. |
Ma naqbilx ma’ dan ir-raġunament. Huwa minnu li, b’mod ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrikonoxxix l-effett dirett vertikali invers tad-direttivi ( 36 ), madankollu, din ir-regola għandha tiġi spjegata f’kawża bħal din, minħabba li d-Direttiva 2014/59, li hija r-regola bażika, kienet tinkludi delega fl-Artikolu 103(7) u (8) ( 37 ), li skontha l-Kummissjoni adottat l-att ta’ delega (ir-Regolament ta’ Delega 2015/63) bil-għan li:
|
108. |
Fl-opinjoni tiegħi, ir-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma jaqbiżx il-limiti tal-mandat tal-att ta’ awtorizzazzjoni ( 38 ) meta jistabbilixxi l-perijodi tal-proċedura standard għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ordinarji annwali. Lanqas ma jaqbeż il-limiti, fir-rigward tal-att leġiżlattiv bażiku, meta fl-Artikolu 20 tiegħu jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet applikabbli għas-sena finanzjarja 2015. Kif diġà indikajt, il-perijodu mqassar għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/59 u d-dewmien fir-rigward tat-traspożizzjoni tagħha fid-drittijiet nazzjonali wasslu sabiex dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji jkunu neċessarji għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ordinarji għas-sena 2015. |
109. |
Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Delega 2015/63 kien jikkostitwixxi regola direttament applikabbli fl-ordinament ġuridiku Taljan sa mill‑1 ta’ Jannar 2015 u minnu nnifsu seta’ jipproduċi effetti legali minn din id-data, ladarba jkun daħal fis-seħħ. |
110. |
Ma jkunx loġiku li l-effettività tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 (li nqis awtosuffiċjenti, b’tali mod li jista’ jiġi applikat direttament) tiġi suġġetta għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/59 fid-dritt nazzjonali. Jekk dan ikun il-każ, kwalunkwe Stat Membru jkun jista’ jinnewtralizza u jdewwem l-applikabbiltà diretta tar-Regolament ta’ Delega, sempliċement billi jdewwem it-traspożizzjoni tad-direttiva bażika. Kif jenfasizzaw il-Kummissjoni u l-Bank tal-Italja, dan id-dewmien ikun ta’ dannu għall-applikazzjoni uniformi tar-Regolament ta’ Delega, li jiġi applikat qabel, f’xi Stati Membri, u wara, f’xi oħrajn. |
111. |
Barra minn hekk, id-dewmien ikollu effetti negattivi fuq l-uniformità tal-finanzjament tal-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u, għaldaqstant, tal-FUR. Kieku r-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma kienx applikabbli fl-Italja mill‑1 ta’ Jannar 2015, il-fond ta’ riżoluzzjoni Taljan seta’ biss idaħħal perċentwali żgħira tal-ġbir ordinarju tas-sena 2015 (dak ta’ wara s‑16 ta’ Novembru 2015, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola nazzjonali ta’ traspożizzjoni). Barra minn hekk, f’din iċ-ċirkustanza, il-fond ta’ riżoluzzjoni Taljan ma jipprovdix lill-FUR, fis-sena 2016, il-parti proporzjonali dovuta minnu skont id-daqs tal-istabbilimenti finanzjarji Taljani. |
112. |
Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 ippermettew l-eżiġibbiltà tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-sena finanzjarja 2015 mingħand stabbiliment finanzjarju li kien suġġett għall-ġurisdizzjoni tal-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni għal parti minn dik is-sena finanzjarja u li ma baqax suġġett għaliha b’riżultat ta’ amalgamazzjoni b’assorbiment transkonfinali. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante kienu applikabbli direttament fl-Italja matul is-sena finanzjarja 2015, irrispettivament mid-data li fiha seħħet it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/59 fid-dritt nazzjonali. |
IV. Konklużjoni
113. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) kif ġej: “L-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, moqri flimkien ma’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).
( 3 ) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).
( 4 ) Decreto legislativo 16 novembre 2015, n. 180. Attuazione della direttiva 2014/59/UE del Parlamento europeo e del Consiglio, del 15 maggio 2014, che istituisce un quadro di risanamento e risoluzione degli enti creditizi e delle imprese di investimento e che modifica la direttiva 82/891/CEE del Consiglio, e le direttive 2001/24/CE, 2002/47/CE, 2004/25/CE, 2005/56/CE, 2007/36/CE, 2011/35/UE, 2012/30/UE e 2013/36/UE e i regolamenti (UE), n. 1093/2010 e (UE) n. 648/2012, del Parlamento europeo e del Consiglio (GURI Nru 267, tas‑16 ta’ Novembru 2015) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 180/2015”).
( 5 ) Delibera 436/2015 de la Banca d’Italia, 22 settembre 2015, Istituzione dell’Unità di Risoluzione e Gestione delle Crisi, disponibbli fuq https://www.bancaditalia.it/compiti/vigilanza/normativa/archivio norme/disposizioni/Provv_22_09_15_UGC.pdf.
( 6 ) Provvedimento n. 1226609/15, del 18 novembre 2015, istitutivo del Fondo Nazionale di Risoluzione, https://www.bancaditalia.it/compiti/risoluzione-gestione-crisi/provvedimenti-crisi/2015/provv-generali/RGC_FONDO_NAZIONALE_RISOLUZIONE_181115.pdf.
( 7 ) Banca della Marche s.p.a., Banca Popolare dell’Etruria e del Lazio s.c.p.a., Cassa di Risparmio della Provincia di Chieti s.p.a. u Cassa di Risparmio di Ferrara s.p.a.
( 8 ) Banca d’Italia, Rendiconto del Fondo nazionale di risoluzione, anno 2015, p. 6, disponibbli fuq https://www.bancaditalia.it/pubblicazioni/rendiconto-fondo-nazionale-risoluzione/2016-rendiconto-fondo-nazionale-risoluzione/Rendiconto-dei-fondi-di-risoluzione.pdf.pdf.
( 9 ) Fil-fehma tiegħu, minħabba li SSB Italia kien suġġett għas-superviżjoni Taljana biss mill‑1 ta’ Jannar 2015 sat‑30 ta’ Ġunju 2015, l-iktar li seta’ jiġi mitlub kien in-nofs tal-kontribuzzjoni ordinarja annwali stabbilita fl-atti kkontestati. Ma kienx xieraq li titħallas il-kontribuzzjoni straordinarja, stabbilita meta SSB Italia kien diġà ħareġ mill-ambitu ta’ superviżjoni u mis-sistema ta’ riżoluzzjoni Taljana.
( 10 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).
( 11 ) Skont l-Artikolu 101(2) tad-Direttiva 2014/59, il-mekkaniżmu ta’ finanzjament “ma għandux jintuża direttament għall-assorbiment ta’ telf ta’ istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) jew għar-rikapitalizzazzjoni ta’ din it-tip ta’ istituzzjoni jew entità”.
( 12 ) Il-premessi 104 u 105, u l-Artikolu 100 tad-Direttiva 2014/59.
( 13 ) Matul dan il-perijodu, il-kontribuzzjonijiet ordinarji għandhom jinfirxu tul iż-żmien bl-iktar mod uniformi possibbli sakemm jintlaħaq il-livell ta’ finanzjament stabbilit, billi titqies il-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istabbilimenti kontributuri.
( 14 ) Il-kontribuzzjoni ordinarja tikkostitwixxi ammont fiss, stabbilit skont l-obbligazzjonijiet ta’ dan l-istabbiliment (kontribuzzjoni annwali bażika), li miegħu jiġi miżjud ammont ieħor, ikkalkolat skont il-profil tar-riskju (aġġustament għar-riskju addizzjonali).
( 15 ) Il-FUR ma joperax għall-Istati Membri tal-Unjoni li jinsabu barra mill-unjoni bankarja. F’dawn l-Istati, il-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jibqgħu bbażati fuq id-Direttiva 2014/59 u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni u ta’ eżekuzzjoni tagħha.
( 16 ) Id-dħul tal-FUR huwa l-kontribuzzjonijiet ordinarji, il-kontribuzzjonijiet straordinarji u r-riżorsi ta’ finanzjament alternattivi.
( 17 ) Fis-sena 2024 għandhom jilħqu, mill-inqas, il-1 % tal-ammont tad-depożiti li jkopru l-istabbilimenti ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti kollha.
( 18 ) Fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad‑19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1) isir riferiment għar-Regolament ta’ Delega 2015/63.
( 19 ) Test disponibbli fuq: http://register.consilium.europa.eu/doc/srv?l=ES&f=ST%208457%202014%20IN.
( 20 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 77(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxi li matul il-perijodu tranżitorju ta’ 8 snin, il-BUR juża l-FUR “skont prinċipji bbażati fuq diviżjoni tal-Fond f’kompartimenti nazzjonali li jikkorrispondu għal kull Stat Membru parteċipanti, kif ukoll fuq fużjoni progressiva tal-fondi differenti miġbura fil-livell nazzjonali biex ikunu allokati lil kompartimenti nazzjonali tal-Fond, kif stipulat fil-Ftehim”.
( 21 ) Skont l-informazzjoni tal-BUR, fis-sena 2018 il-kontribuzzjonijiet ordinarji għolew għal EUR 7500 miljun, għaldaqstant il-FUR diġà akkumula madwar EUR 24900 miljun mill-ammont ta’ madwar EUR 56300 miljun li għandu l-għan li jilħaq fl‑2024 (dan l-ammont huwa ekwivalenti għall‑1 % tad-depożiti tal-istabbilimenti finanzjarji li jifformaw il-MUR). Ara https://srb.europa.eu/en/content/ex-ante-contributions-0.
( 22 ) Il-verżjoni Spanjola tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 titkellem dwar “cambio de condición [bdil fis-sitwazzjoni]”. F’verżjonijiet lingwistiċi oħrajn tintuża l-“bidla fl-istatus”: “changement de statut” fil-verżjoni Franċiża; “change of status” fil-verżjoni Ingliża; “cambiamento di status” fil-verżjoni Taljana; “alteração do estatuto” fil-verżjoni Portugiża; u “Statusänderung” fil-verżjoni Ġermaniża. Għalkemm l-espressjoni “cambio de estatuto [bidla fl-istatus]” kienet tkun iktar preċiża, fir-realtà hija ekwivalenti għall-kunċett ta’ “cambio de condición [bdil fis-sitwazzjoni]”, u għaldaqstant ma hemm l-ebda diverġenza sinjifikattiva bejn il-verżjonijiet lingwistiċi.
( 23 ) Sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257), punt 44; tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999), punt 47; u tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u Il‑BĊE vs Il‑Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139), punt 45.
( 24 ) L-Artikolu 8(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jippermetti wkoll li l-istabbilimenti li l-assi totali tagħhom ikunu ta’ EUR 3000000000 jew inqas, għandhom iħallsu kontribuzzjoni ordinarja ssemplifikata f’ammont f’daqqa ta’ EUR 50000 għall-ewwel EUR 300000000 tal-obbligazzjonijiet totali, bil-fondi proprji u d-depożiti koperti mnaqqsa minnhom, filwaqt li meta dan l-ammont jinqabeż huma għandhom iħallsu kontribuzzjonijiet, konformement mar-regoli ġenerali tal-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. Skont il-premessa 18 ta’ dan ir-regolament, dan il-kalkolu ssemplifikat tal-kontribuzzjonijiet ta’ dawn l-istabbilimenti “jipprevjeni wkoll bidliet possibbli fl-istatus fuq il-perijodu qasir li dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jwettqu biex jikkwalifikaw għall-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/63”.
( 25 ) “Merger permezz ta’ akkwiżizzjoni” hija “l-operazzjoni li biha kumpanija waħda jew aktar jiġu stralċjati mingħajr ma’ jispiċċaw f’likwidazzjoni u jittrasferixxu lil xi oħra l-attiv u l-passiv kollu tagħhom billi jinħarġu lill-azzjonisti tal-kumpanija jew kumpaniji li qed jiġu akkwistati ishma fil-kumpanija li qed takkwista u jingħatalhom pagament fi flus kontanti, jekk ikun il-każ, li ma jkun iktar minn 10 % tal-valur nominali tal-ishma maħruġa jew, meta m’għandhomx valur nominali, tal-parità kontabbli tagħhom”, skont l-Artikolu 89(1) tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU 2017, L 169, p. 46).
( 26 ) Fil-premessa 113 tad-Direttiva 2014/59 jiġi affermat li “[l]-istabbiliment ta’ arranġamenti ta’ finanzjament li jipprovdu għas-sistema Ewropea ta’ arranġamenti ta’ finanzjament stabbilita f’din id-Direttiva għandu jiżgura l-koordinazzjoni tal-użu tal-fondi disponibbli fil-livell nazzjonali għal riżoluzzjoni”.
( 27 ) Il-punt 6 tal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jipprovdi li l-“perjodu kontributorju” huwa s-sena kalendarja.
( 28 ) Din l-informazzjoni għandha tingħata sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Jannar ta’ kull sena finanzjarja fir-rigward tas-sena li ntemmet fil‑31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel, jew tas-sena finanzjarja rilevanti applikabbli, skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. Mhux iktar tard mill‑1 ta’ Mejju ta’ kull sena, l-awtorità tar-riżoluzzjoni tinnotifika lil kull stabbiliment bid-deċiżjoni tagħha li tiddetermina l-kontribuzzjoni ordinarja annwali dovuta, skont l-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament.
( 29 ) Is-sena 2015 kienet sena finanzjarja tranżitorja li fiha l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni allokaw u ġabru l-kontribuzzjonijiet annwali; fis-sena 2016, id-determinazzjoni ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet diġà kienet responsabbiltà tal-BUR, bil-ġbir tagħhom jitħalla f’idejn dawn l-awtoritajiet nazzjonali. Il-fondi nazzjonali ttrasferixxew il-ġbir tas-sena 2015 lill-FUR u, mis-sena 2016, il-kontribuzzjonijiet annwali kollha ġew ittrasferiti lill-FUR, sabiex progressivament jiġu mmutwalizzati.
( 30 ) Fl-opinjoni tiegħu, li SSB International jiġi obbligat iħallas kontribuzzjoni ordinarja lill-Fond Nazzjonali Taljan minħabba l-operazzjonijiet imwettqa minn SSB Italia fl-Italja matul is-sena 2015 jimplika, fil-fatt, li tiġi imposta “kopertura ta’ assigurazzjoni” li: i) is-suġġett tagħha huwa riskju li r-rikorrent ma jikkontribwixxix sabiex iżidu (minħabba li ma jifformax parti mis-sistema Taljana); u ii) qatt ma tista’ tiġi attivata, minħabba li SSB International qatt ma jista’ jkun id-destinatarju tar-riżoluzzjonijiet iffinanzjati mill-Fond Taljan, minħabba li huwa suġġett għall-awtorità Ġermaniża.
( 31 ) L-Artikolu 104(4) tad-Direttiva 2014/59 jippermetti li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ delega bil-għan li tistabbilixxi ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet ta’ dan id-differiment, delega li għadha ma daħlitx fis-seħħ.
( 32 ) Fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nispeċifika ċ-ċifri tar-riżoluzzjoni ta’ erba’ stabbilimenti, imwettqa fit‑22 ta’ Novembru 2015 mill-Bank tal-Italja.
( 33 ) Fil-fatt ir-Regolament ta’ Delega 2015/63 jirregola biss il-kontribuzzjonijiet ordinarji.
( 34 ) Il-perijodu qasir għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, ippubblikata uffiċjalment fit‑12 ta’ Ġunju u li kellha tiġi trasposta fid-drittijiet interni qabel il‑31 ta’ Diċembru 2014, wasslet, bħalma ġara fl-Italja, għal dewmien fit-traspożizzjoni tagħha.
( 35 ) Id-dispożizzjonijiet tranżitorji għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta u ma jistgħux jiġu applikati b’analoġija, minħabba li jagħmlu eċċezzjoni u jidderogaw minn dispożizzjonijiet ġenerali ta’ regola tal-Unjoni. Ara, inter alia, is-sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2006, Eurodental (C‑240/05, EU:C:2006:763), punt 54, u tat‑12 ta’ Ġunju 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑462/05, EU:C:2008:337), punt 54.
( 36 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjoni ta’ direttiva li Stat Membru ma ttrasponiex fid-dritt intern tiegħu ma tistax tiġi invokata minnu kontra l-individwi (sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2017, Cussens et, C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 49; u tal‑21 ta’ Settembru 2017, DNB Banka, C‑326/15, EU:C:2017:719, punt 41). Direttiva ma tistax, minnha nnifisha, timponi obbligi fir-rigward ta’ individwu u, għaldaqstant, ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra dan l-individwu (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et, C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punt 114; u tal‑5 ta’ Lulju 2007, Kofoed, C‑321/05, EU:C:2007:408, punt 42).
( 37 ) Fl-Artikolu 115 tad-Direttiva 2014/59, il-Kummissjoni tingħata s-setgħat sabiex tadotta atti ta’ delega.
( 38 ) Fil-każ ta’ setgħa ddelegata fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi li huwa meħtieġ li jiġi vverifikat li l-awtoritajiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti tal-mandat fdat lilhom permezz tal-att ta’ awtorizzazzjoni, billi s-setgħa ddelegata għandha tosserva, fi kwalunkwe każ, l-elementi essenzjali tal-att ta’ awtorizzazzjoni u għandha titfassal fil-qafas regolatorju ddefinit mill-att leġiżlattiv bażiku (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 38; u tas‑17 ta’ Marzu 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑286/14, EU:C:2016:183, punt 30).
Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li d-delimitazzjoni tas-setgħa mogħtija tkun suffiċjentement preċiża, fis-sens li din għandha tindika b’mod ċar il-limiti ta’ din is-setgħa u għandha tkun ta’ natura li tissuġġetta l-użu li jsir minnha mill-Kummissjoni għal kontroll fir-rigward tal-kriterji oġġettivi stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 1988, Central‑Import Münster vs Hauptzollamt Münster, 291/86, EU:C:1988:361, punt 13; tat‑12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 90; u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑696/15 P, EU:C:2017:595, punt 49).