EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0070

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fit-2 ta’ Mejju 2019.
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid vs A et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Deċiżjoni Nru 2/76 – Artikolu 7 – Deċiżjoni Nru 1/80 – Artikolu 13 – Klawżoli ta’ ‘standstill’ – Restrizzjoni ġdida – Ġbir, reġistrazzjoni u żamma ta’ data bijometrika ta’ ċittadini Torok f’fajl ċentrali – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Għan ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentarja – Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata – Dritt għall-protezzjoni ta’ data personali – Proporzjonalità.
Kawża C-70/18.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:361

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fit‑2 ta’ Mejju 2019 ( 1 )

Kawża C‑70/18

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

vs

A

B

P

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Regoli ta’ standstill – Deċiżjoni Nru 1/80 – Artikolu 13 – Restrizzjonijiet ġodda – Projbizzjoni – Data bijometrika taċ-ċittadini Torok – Forniment ta’ din id-data lil terzi – Raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali – Prevenzjoni u ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentali – Natura neċessarja u proporzjonata – Prevenzjoni, identifikazzjoni u investigazzjoni ta’ reat – Effett inċert u indirett”

1. 

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-obbligu, impost fuq il-ħaddiema Torok malli jidħlu fit-territorju Olandiż sabiex jeżerċitaw attività bħala persuna impjegata u fuq il-membri tal-familja tal-ħaddiema Torok li huma diġà preżenti f’dak it-territorju u li jixtiequ jingħaqdu magħhom, sabiex jipprovdu għaxar marki tas-swaba’ u xbieha tal-wiċċ qabel ma din id-data bijometrika tiddaħħal fil-fajl taċ-ċittadini barranin kkonsultat kemm għall-finijiet ta’ verifika tal-awtentiċità tad-dokumenti u tal-identità tad-detentur tagħhom jew għall-finijiet ta’ identifikazzjoni tal-awturi ta’ reat, jikkostitwixxix restrizzjoni pprojbita mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 ( 2 ) tal‑20 ta’ Diċembru 1976 adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 2/76”) stabbilita permezz tal-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat, fit‑12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, fuq naħa waħda, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, fuq in-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE tat‑23 ta’ Diċembru 1963 ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) u – fuq kollox – mill-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 4 ) tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad‑19 ta’ Settembru 1980 dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”).

I. Il-kuntest ġuridiku

2.

Is-sistema nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ppreżentata kif ġej:

3.

Mil-leġiżlazzjoni Olandiża jirriżulta li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi, inklużi ċ-ċittadini Torok, li jixtiequ joqogħdu fil-Pajjiżi l-Baxxi għal tul taż-żmien ta’ iktar minn 90 jum bħala residenza ordinarja għandhom, bħala prinċipju, ikunu detenturi ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja fil-mument tad-dħul tagħhom fit-territorju. Tali awtorizzazzjoni tingħata mill-awtoritajiet konsulari u diplomatiċi tal-Pajjiżi l-Baxxi. Għall-finijiet tal-kisba ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja, minbarra s-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet tal-mertu, l-applikanti għandhom “jikkooperaw mal-istabbiliment ta’ data bl-għan tal-identifikazzjoni [tagħhom]” ( 5 ).

4.

Il-Liġi dwar il-Barranin tat lill-awtoritajiet Olandiżi s-setgħa li jiġbru u jipproċessaw id-data bijometrika taċ-ċittadini ta’ Stati terzi. B’mod partikolari l-Artikolu 106a ta’ din il-liġi jipprevedi, essenzjalment, li xbieha tal-wiċċ u xbieha tal-għaxar swaba’ diġitali ta’ ċittadin barrani jistgħu jittieħdu u jiġu pproċessati sabiex tiġi stabbilita l-identità tiegħu bil-għan tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija liġi. L-imsemmija xbihat jitqabblu immedjatament ma’ dawk li jinsabu fil-fajl taċ-ċittadini barranin u sussegwentement jinħażnu fih.

5.

L-Artikolu 107 tal-Liġi dwar il-Barranin jipprevedi l-ħolqien ta’ fajl taċ-ċittadini barranin li jkun fih id-data bijometrika stabbilita fl-Artikolu 106a ta’ din il-liġi u jippreċiża li din id-data tiġi pproċessata għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija liġi ( 6 ) kif ukoll għall-finijiet ta’ identifikazzjoni ta’ reati u ta’ proċeduri kriminali ( 7 ). It-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data bijometrika ta’ ċittadini ta’ Stati terzi għall-finijiet ta’ identifikazzjoni ta’ reati u ta’ proċeduri kriminali huwa suġġett għall-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(6) tal-Liġi dwar il-Barranin. Għalhekk, għandha tittieħed deċiżjoni dwar miżura ta’ arrest provviżorju għar-reat inkwistjoni ( 8 ) u l-konsultazzjoni tal-fajl tal-barranin għandha tiġi awtorizzata bil-miktub minn qorti istruttorja fuq talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur meta jkun hemm suspett raġonevoli li l-persuna ssuspettata tkun ċittadin ta’ Stat terz ( 9 ) jew meta dan ikun fl-interess tal-investigazzjoni, fl-ipoteżi fejn l-investigazzjoni preliminari ma jsirilhiex progress jew fl-ipoteżi fejn ir-riżultati rapidi jkunu neċessarji għall-kjarifika tal-investigazzjoni ( 10 ). Il-persuna ssuspettata, barra minn hekk, għandha tqajjem tħassib serju.

6.

Id-data bijometrika tinżamm għal tul taż-żmien ta’ ħames snin wara ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja, it-tluq mill-Pajjiżi l-Baxxi fit-tmiem ta’ residenza legali jew it-telf tal-validità ta’ projbizzjoni tad-dħul jew ta’ dikjarazzjoni ta’ persuna mhux mixtieqa. Għalhekk id-data tinqered wara dan il-perijodu jew qabel, fil-każ ta’ naturalizzazzjoni taċ-ċittadin ta’ Stat terz ( 11 ).

7.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-setgħa li tittieħed, tiġi pproċessata u tinżamm data bijometrika fil-fajl taċ-ċittadini barranin tista’ tiġi eżerċitata fil-konfront ta’ ċittadini ta’ Stati terzi li jixtiequ jiksbu permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi għal tul ta’ iktar minn 90 ġurnata jew li joqogħdu illegalment f’dan l-Istat Membru.

II. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8.

B huwa ċittadin Tork li twieled fl‑1982 li l-konjuġi tiegħu, P ( 12 ), għandha n-nazzjonalità doppja Olandiża u Torka. Fis‑17 ta’ Frar 2014, P ippreżenta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja għal B bil-għan ta’ riunifikazzjoni tal-familja. Wara li inizjalment irrifjuta, is-staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà; iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) finalment ta l-awtorizzazzjoni mitluba permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ April 2014 bil-kundizzjoni li tiġi pprovduta d-data bijometrika ta’ B. Din tal-aħħar tat il-kunsens li tittieħed l-imsemmija data qabel ma ppreżentat fit‑2 ta’ Mejju 2014, flimkien ma’ P, rikors amministrattiv kontra t-teħid u l-ipproċessar tad-data bijometrika tagħha li fih B u P invokaw in-nuqqas ta’ konformità tal-obbligu li tiġi pprovduta din id-data bijometrika mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 u l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Fit‑23 ta’ Diċembru 2014, is-Segretarju tal-Istat irrifjuta l-argument li skontu tali obbligu jkun jikkostitwixxi restrizzjoni ġdida fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, billi l-obbligu ta’ kooperazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-data għall-finijiet ta’ identifikazzjoni diġà jirriżulta minn leġiżlazzjoni tal‑1965. Għalkemm huwa veru li t-teħid u l-ipproċessar ta’ data jaffettwaw l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 13 ), dan il-ksur ikun iġġustifikat minn għan leġittimu. Is-Segretarju tal-Istat qies li t-teħid u l-ipproċessar ta’ data bijometrika lanqas ma jmorru kontra l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ( 14 ). Għall-kuntrarju tal-każ taċ-ċittadini tal-Unjoni, il-permess ta’ residenza taċ-ċittadini Torok mal-ewwel dħul ma huwiex ta’ natura dikjaratorja iżda kostituttiva, u dan jiġġustifika l-fatt li d-data bijometrika ta’ dawk tal-ewwel la tinġabar u lanqas tinħażen. Is-Segretarju tal-Istat barra minn hekk enfasizza li l-passaporti taċ-ċittadini tal-Unjoni fihom data bijometrika.

9.

A huwa ċittadin Tork li twieled fl‑1966 li kien impjegat mill‑1 ta’ Diċembru 2013 għal tul taż-żmien ta’ 5 snin bħala xufier internazzjonali tat-trakkijiet. Fil‑15 ta’ Novembru 2013, il-persuna ta’ referenza ta’ A – jiġifieri l-persuna li timpjegah – ippreżentat applikazzjoni sabiex A jingħata awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja bil-għan li jeżerċita attività bħala persuna impjegata. Fit‑28 ta’ Marzu 2014, is-Segretarju tal-Istat laqa’ din l-applikazzjoni. Madankollu d-deċiżjoni tal-għoti kienet tipprevedi li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata biss ladarba A jkun pprovda d-data bijometrika tiegħu. Wara li kkoopera fit-teħid tal-imsemmija data, A ppreżenta rikors amministrattiv kontra t-teħid u l-ipproċessar tad-data bijometrika tiegħu. Is-Segretarju tal-Istat iddeċieda dwar dan ir-rikors fis‑6 ta’ Jannar 2015 billi adotta l-istess pożizzjoni bħal dik indikata fid-deċiżjoni tiegħu tat‑23 ta’ Diċembru 2014 li permezz tagħha ċaħad ir-rikors amministrattiv ta’ B u ta’ P.

10.

A, minn naħa, u B u P, min-naħa l-oħra, ippreżentaw rikors kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet tas-Segretarju tal-Istat quddiem ir-rechtbank den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) li tat iż-żewġ sentenzi tagħha fit‑3 ta’ Frar 2016. Ir-Rechtbank den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) iddeċidiet li l-obbligu ta’ kooperazzjoni għat-teħid u għall-ipproċessar ta’ data bijometrika, li jissuġġetta l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja, kien jikkostitwixxi kundizzjoni formali tad-dħul fit-territorju Olandiż u, bħala tali, kundizzjoni ġdida fir-rigward tad-data kkonċernata. Sussegwentement iddeċidiet li l-għan li għandu jintlaħaq minn tali obbligu, jiġifieri l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentali, kien leġittimu. Finalment qieset l-obbligu inkwistjoni bħala sproporzjonat meta mqabbel mal-għan leġittimu li għandu jintlaħaq. F’dan ir-rigward, ir-rechtbank den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) iddeċidiet li s-Segretarju tal-Istat ma kienx stabbilixxa biżżejjed in-neċessità li d-data bijometrika tiġi pproċessata fil-fajl taċ-ċittadini barranin previst fl-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Barranin. Fil-fehma tagħha, ma ntweriex li ċ-ċittadini Torok jirrikorru iktar għal dokumenti tal-ivvjaġġar iffalsifikati jew għal dokumenti awtentiċi mogħtija fuq il-bażi ta’ dokumenti ffalsifikati miċ-ċittadini l-oħra ta’ Stati terzi. L-argument li skontu l-kostituzzjoni ta’ tali fajl tkun neċessarja sabiex jiġi żgurat li d-detentur tad-dokument tal-ivvjaġġar – li diġà fih data bijometrika – ma kienx ippreżenta diġà applikazzjoni taħt identità oħra ma ntlaqax minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni taċ-ċittadini Torok, f’dan ir-rigward, ma tkunx differenti minn dik ta’ ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità Olandiża li fir-rigward tagħhom il-leġiżlazzjoni nazzjonali madankollu ma tipprevedix id-dħul ta’ data bijometrika f’fajl ċentrali. Finalment, ir-rechtbank den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) iddeċidiet li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data bijometrika għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-awturi ta’ reati jmur lil hinn minn dan li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu. Il-rechtbank den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) iddeċidiet li l-obbligu ta’ kooperazzjoni għall-ġbir ta’ data bijometrika u li jingħata l-kunsens għall-ipproċessar tal-imsemmija data fil-fajl ċentrali skont l-Artikolu 107 tal-Liġi dwar il-Barranin, kif emendata bil-Liġi tal‑2013, kien jikkostitwixxi restrizzjoni ġdida pprojbita mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 u mill-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

11.

Is-Segretarju tal-Istat appella quddiem il-qorti tar-rinviju u jsostni quddiemha li l-ġbir u l-ipproċessar ta’ data bijometrika f’fajl ta’ ċittadini ta’ Stati terzi huma neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-frodi tal-identità. L-identifikazzjoni permezz tal-paragun tal-għaxar marki tas-swaba’ diġitali jkun iktar affidabbli, u l-perijodu ta’ żamma tad-data jkun neċessarju u proporzjonat fir-rigward tal-għan li tiġi stabbilita b’mod affidabbli l-identità taċ-ċittadini barranin. Is-setgħa li tiġi pproċessata d-data bijometrika tkun limitata fiż-żmien u tintemm, skont is-Segretarju tal-Istat, fl‑1 ta’ Marzu 2021. Fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data bijometrika għall-finijiet ta’ identifikazzjoni ta’ awturi ta’ reati, din taqdi l-għan leġittimu ta’ żamma tal-ordni pubbliku u tkun proporzjonata.

12.

Il-qorti tar-rinviju titlaq mill-preżunzjoni li tgħid li s-setgħa li tittieħed u tiġi pproċessata data bijometrika ta’ ċittadini Torok tikkostitwixxi restrizzjoni ġdida fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 u tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Filwaqt li tibbaża b’mod partikolari fuq is-sentenza Genc ( 15 ) li skontha restrizzjoni ġdida hija pprojbita ħlief sa fejn tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu mfittex u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq, din il-qorti tistaqsi essenzjalment dwar in-natura neċessarja u proporzjonata tat-teħid u tal-ipproċessar tad-data bijometrika. Minn naħa, hija tqajjem dubju dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-kostituzzjoni ta’ fajl tal-barranin li fih tinżamm id-data bijometrika għal tul relattivament twil. Minn naħa l-oħra, hija tistaqsi jekk il-fatt li l-fajl jista’ jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-pulizija fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-identità tal-awtur ta’ reat huwiex ta’ natura li jmur lil hinn minn dawk li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu b’rabta mar-repressjoni kriminali.

13.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u, permezz ta’ deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Frar 2018, jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lil din tal-aħħar:

“1)

a)

L-Artikolu 7 tad-[Deċiżjoni Nru 2/76] u l-Artikolu 13 tad-[Deċiżjoni Nru 1/80] għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, f’termini ġenerali, l-ipproċessar u l-ħażna ta’ data bijometrika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi Torok, f’sistema ta’ ħażna fis-sens tal-[Artikolu 2(a) u (b)] tad-[Direttiva 95/46 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data ( 16 )], peress li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għan leġittimu [li għandu jintlaħaq], [jiġifieri l-]prevenzjoni u [l-]ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentali?

b)

Il-fatt li t-tul ta’ ħażna ta’ data bijometrika jkun marbut ma’ dak tar-residenza legali u/jew illegali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi Torok, huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward?

2)

L-Artikolu 7 tad-[Deċiżjoni Nru 2/76] u l-Artikolu 13 tad-[Deċiżjoni Nru 1/80] għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali ma tikkostitwixxix restrizzjoni fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet meta l-effett tagħha fuq l-aċċess għall-impjieg kif previst minnhom huwa wisq inċert u indirett sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li jeżisti ostakolu għal dan l-aċċess?

3)

a)

Jekk hemm lok li t-tieni domanda tiġi risposta fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ terzi ta’ data bijometrika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi Torok, li tinsab f’sistema ta’ ħażna għal għanijiet ta’ prevenzjoni, ta’ sejbien u ta’ investigazzjoni ta’ ksur – terroristiċi jew mhux – tikkostitiwxxi restrizzjoni ġdida, l-Artikolu 52(1) tal-[Karta], moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 8 ta’ din il-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi tali leġiżlazzjoni nazzjonali?

b)

Il-fatt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu fuqu, fil-mument meta jiġi miżmum bħala ssuspettat bit-twettiq ta’ ksur, dokument ta’ residenza li jinkludi d-data bijometrika tiegħu huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward?”

14.

F’din il-kawża ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn A, il-Gvernijiet tad-Danimarka, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

15.

Matul is-seduta li saret quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Jannar 2019, A, il-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni nstemgħu permezz tas-sottomissjonijiet orali tagħhom.

III. Analiżi

A.   Osservazzjonijiet preliminari

16.

Qabel l-analiżi nixtieq nagħmel tliet sensiliet ta’ osservazzjonijiet preliminari.

17.

Fl-ewwel lok, kemm l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 kif ukoll l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprevedu klawżola mhux ekwivoka ta’ “standstill” għal dak li jirrigwarda l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda għall-aċċess għall-impjieg ta’ ħaddiema legalment residenti u impjegati fit-territorju tal-Istati kontraenti ( 17 ). Dawn il-klawżoli jipprojbixxu għaldaqstant b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura interna ġdida li għandha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju minn ċittadin Tork tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjonijiet fir-rigward tal-Istati Membri kkonċernati ( 18 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 japplika ratione temporis għall-miżuri nazzjonali introdotti matul il-perijodu ta’ bejn l‑20 ta’ Diċembru 1976 u t‑30 ta’ Novembru 1980 u li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 japplika, min-naħa tiegħu, ratione temporis għall-miżuri nazzjonali introdotti sa mill‑1 ta’ Diċembru 1980 ( 19 ). Peress li s-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta mil-liġijiet u d-digrieti adottati wara din id-data, l-eżami tagħha jaqa’ biss fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 13 Nru 1/80 u huwa fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni biss li ser nanalizza l-imsemmija sistema.

18.

Fit-tieni lok, nirrimarka li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx adita bil-kwistjoni dwar jekk, iva jew le, is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni ġdida minn perspettiva kronoloġika u lanqas b’dik dwar jekk din tissodisfax raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn huma l-ewwel żewġ stadji tat-test li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq sabiex tiddetermina jekk hijiex fil-preżenza ta’ restrizzjoni ġdida kompatibbli mal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 20 ). Il-kwistjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità biss tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għalkemm aħna, naturalment, marbuta mid-domandi magħmula lilna, għandi madankollu ċerti riservi fir-rigward tal-affermazzjoni li skontha l-obbligu ta’ kooperazzjoni fil-ġbir ta’ data bijometrika, fih innifsu, ikun jikkostitwixxi restrizzjoni ġdida. F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li, mill‑1965, data bijometrika setgħet tittieħed jekk, fil-fehma tal-uffiċjal responsabbli mis-sorveljanza tal-fruntieri jew tal-kontroll tal-barranin, dan kien jidher iġġustifikat għal raġunijiet leġittimi ( 21 ). F’dawn il-kundizzjonijiet, ikun possibbli li jitqies li d-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mill-verżjoni emendata fl‑2013 tal-Liġi dwar il-Barranin u li jobbligaw b’mod partikolari lill-ħaddiema Torok u lill-membri tal-familja tagħhom jikkooperaw fil-ġbir tal-għaxar marki tas-swaba’ diġitali u ritratt tal-wiċċ ma humiex intiżi, fis-sens strett tal-kelma, bħala restrizzjoni ġdida iżda pjuttost bħala żvilupp teknoloġiku ġdid ta’ rekwiżit ta’ identifikazzjoni li kien jeżisti diġà fid-dritt Olandiż qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Għalhekk wieħed jista’ jqajjem dubju dwar l-eżistenza ta’ tali restrizzjoni.

19.

Madankollu, wieħed ma jistax jaħbi l-fatt li s-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tillimitax ruħha li timponi l-ġbir tad-data bijometrika iżda tipprevedi wkoll l-ipproċessar tagħha f’fajl li jista’ jiġi kkonsultat minn terzi għal finijiet diversi kif ukoll iż-żamma tagħha għal tul taż-żmien li jista’ jkun twil wisq. L-iżvilupp teknoloġiku ġdid li semmejt iktar ’il fuq ġab miegħu ksur potenzjali tad-drittijiet tal-ħaddiema Torok u dan jiġġustifika l-fatt li s-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali titqies bħala li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “restrizzjoni ġdida” meta mqabbla mal-portata tal-obbligu impost fl‑1965.

20.

Barra minn hekk, huwa utli li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprekludi l-introduzzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, mid-data tad-dħul fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ta’ kwalunkwe restrizzjoni ġdida għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, inklużi dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet fuq il-mertu u/jew ta’ proċedura fir-rigward tal-ewwel dħul fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru taċ-ċittadini Torok li jixtiequ jagħmlu użu minn din il-libertà ( 22 ), kif jidher li huwa l-każ ta’ A. Prima facie, is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher għalhekk li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 23 ).

21.

Fit-tielet lok, nirrimarka li l-qorti tar-rinviju diġà kkonstatat hija stess l-eżistenza ta’ żewġ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, fejn waħda hija intiża għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentali, u l-oħra hija intiża għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati. Din il-konstatazzjoni għandha tiġi kkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentali għandha tiġi approssimata mal-għan ta’ ġlieda kontra d-dħul u r-residenza illegali u saħansitra mal-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi ta’ migrazzjoni, li diġà ġew ikklassifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ( 24 ). Il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati, minkejja li għadhom ma ġewx stabbiliti – sa fejn naf jien – bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, għandhom jitqiesu bħala korollarju taż-żamma tal-ordni pubbliku li jista’ jiġġustifika restrizzjoni ġdida skont l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 25 ) u jikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, għan li jista’ jitfittex b’mod leġittimu.

22.

Wara dawn il-kunsiderazzjonijiet, ser ngħaddi għall-analiżi tal-ewwel domanda.

B.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

23.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi l-ipproċessar u ż-żamma ta’ data bijometrika taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi l-ħaddiema Torok u l-membri tal-familja tagħhom, għall-finijiet ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għan leġittimu li għandu jintlaħaq. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’dan ir-rigward, it-tul ta’ żamma huwiex element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. It-tħassib ta’ din il-kwistjoni huwa li jiġi ddeterminat jekk ir-restrizzjoni ġdida, li tikkonsisti fl-impożizzjoni fuq iċ-ċittadini Torok ikkonċernati li jikkooperaw fil-ġbir tad-data bijometrika tagħhom sabiex dawn sussegwentement jiddaħħlu u jiġu pproċessati fil-fajl tal-barranin, hijiex iġġustifikata fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

24.

Essenzjalment, il-karatteristiċi prinċipali tas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi huma marbuta, b’xi eċċezzjonijiet ( 26 ), jikkooperaw fil-ġbir tal-għaxar marki tas-swaba’ diġitali tagħhom kif ukoll ta’ ritratt tal-wiċċ peress li dan huwa previst sabiex tingħatalhom awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja. Din l-awtorizzazzjoni tieħu l-forma ta’ tikketta mwaħħla fuq id-dokument tal-ivvjaġġar li jkun validu. It-tikketta fiha d-data bijometrika tad-detentur tagħha. Żewġ marki tas-swaba’ ser jinħażnu fuq il-permess ta’ residenza mogħti ladarba l-individwu kkonċernat jasal fit-territorju Olandiż. Id-data miġbura kollha, barra minn hekk, tiddaħħal fir-reġistru bijometriku tal-barranin li jikkostitwixxi parti mill-fajl tal-barranin. Il-fajl, li fih hemm inkluż ir-reġistru, jista’ jiġi kkonsultat biss minn kollaboraturi awtorizzati speċifikament għal dan il-għan mill-awtoritajiet assoċjati mal-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali relatata mal-barranin jiġifieri, bħala prinċipju, il-persunal tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom. Fir-rigward tal-awtoritajiet ta’ akkoljenza, dawn jillimitaw ruħhom li jagħmlu verifiki, jekk ikun il-każ billi jikkonsultaw il-fajl. L-implimentazzjoni ta’ dan il-fajl, fil-parti bijometrika tiegħu, tissodisfa r-rekwiżit li ma tiġix żgurata biss l-identità proprja tal-persuna li żżomm u tippreżenta d-dokument tal-ivvjaġġar iżda wkoll tal-qbil bejn id-detentur tal-awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja u l-persuna li tippreżenta l-applikazzjoni. Il-paragun tad-data tal-applikant mad-data mdaħħla diġà fil-fajl jippermetti, barra minn hekk, lill-awtoritajiet jiżguraw li l-applikant ma ppreżentax diġà applikazzjoni taħt identità oħra u lanqas li kien residenti diġà b’mod illegali fit-territorju Olandiż. Id-data tinżamm fil-fajl għal tul taż-żmien ta’ ħames snin wara ċ-ċaħda tal-applikazzjoni, it-tluq tal-individwu kkonċernat fit-tmiem ta’ residenza legali jew it-telf tal-validità ta’ projbizzjoni ta’ dħul jew ta’ dikjarazzjoni ta’ persuna mhux mixtieqa. Id-data bijometrika ser tinqered immedjatament fil-każ ta’ naturalizzazzjoni tal-individwu kkonċernat. It-tul taż-żmien ta’ żamma, relattivament twil, ikun spjegat fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq ta’ ġlieda kontra l-iskambji ta’ identità, fejn tali skambju jista’ jseħħ wara li l-individwu jkun temm ir-residenza tiegħu fit-territorju Olandiż.

25.

Sabiex nagħti risposta għad-domanda magħmula, qabel kollox għandu jiġi rrilevat li d-data bijometrika hija data personali sensittiva li l-użu u l-ipproċessar tagħha għandhom jiġu rregolati. Bħala tali, din hija protetta mill-Artikolu 8 tal-Karta. Ir-rwol tagħha fl-identifikazzjoni tal-persuna diġà ġie rrikonoxxut fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, din tal-aħħar diġà ddeċidiet li l-marki tas-swaba’ diġitali jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “data personali” sa fejn fihom, oġġettivament, informazzjoni unika dwar persuni fiżiċi u jippermettu l-identifikazzjoni preċiża tagħhom ( 27 ). Il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li jirrikorri għal dan it-tip ta’ data bil-għan tal-istabbiliment tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni ( 28 ) jew taċ-ċittadini ta’ Stati terzi ( 29 ). Barra minn hekk, l-azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali li tikkonsisti fil-ġbir u ż-żamma ta’ marki tas-swaba’ diġitali fuq it-tikketta u fil-fajl ċentrali tal-barranin għandha titqies bħala li tikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali li dan ukoll huwa rregolat ( 30 ).

26.

Kull ipproċessar tad-data personali minn terz jista’ jikkostitwixxi ksur tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ( 31 ). Id-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet għal din il-protezzjoni għandhom jitwettqu fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju ( 32 ). Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjoni li għandha tiġi evalwata n-natura neċessarja u proporzjonata tas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Sabex isir dan, għandhom jiġu eżaminati n-neċessità tal-ġbir u tal-ħżin għat-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq, in-natura tad-data, il-kwantità tagħha kif ukoll it-tul taż-żmien taż-żamma u l-kundizzjonijiet li fihom din tista’ tiġi kkonsultata fil-fajl.

27.

Bħalma rrimarkajt diġà, jidher assolutament leġittimu l-fatt li Stat Membru jfittex li jiżgura, permezz tad-determinazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ dħul fit-territorju tiegħu, l-identità korretta tal-applikant għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja. Il-ħżin ta’ żewġ marki tas-swaba’ diġitali fit-tikketta jippermetti li jiġi żgurat il-fatt li d-detentur tal-imsemmija tikketta jkun tassew il-persuna li effettivament ingħatatilha tali awtorizzazzjoni. Fir-rigward tad-dħul tad-data bijometrika tal-applikanti fil-fajl ċentrali tal-barranin, għal darba oħra, dan jidhirli neċessarju sa fejn il-Gvern Olandiż, sostnut f’dan is-sens mill-gvernijiet l-oħra li intervenew matul din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, semma n-neċessità tal-ġlieda kontra l-użi frawdolenti tal-identità, u dan jista’ jirrikjedi li jiġi żgurat li applikant ma ppreżentax diġà applikazzjoni taħt identità differenti meta jitqabblu l-marki tas-swaba’ tiegħu ma’ dawk diġà rreġistrati.

28.

In-natura tad-data miġbura hija evidentement koerenti mal-għan li għandu jintlaħaq fid-dawl tar-rabta intrinseka bejn id-data bijometrika u l-identità tal-persuni.

29.

Il-kwantità ta’ data ma tidhirx eċċessiva. Il-leġiżlatur tal-Unjoni inċidentalment għażel li jissuġġetta lill-applikanti għal viża għall-obbligu li jipprovdu l-għaxar marki tas-swaba’ diġitali tagħhom kif ukoll ritratt tal-wiċċ ( 33 ). Tali data hija s-suġġett ukoll ta’ pproċessar fis-sistema tal-informazzjoni dwar il-viża ( 34 ) li l-iskop tagħha huwa li ttejjeb l-implimentazzjoni tal-politika komuni fil-qasam tal-viżi u tal-ġlieda kontra l-frodi.

30.

It-tul taż-żmien taż-żamma għandu, naturalment, jittieħed inkunsiderazzjoni fil-mument li tiġi stabbilita l-proporzjonalità tar-restrizzjoni l-ġdida, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali tul taż-żmien għandu jissodisfa dejjem kriterji oġġettivi, li jistabbilixxu rabta bejn id-data personali li għandha tinżamm u l-għan imfittex ( 35 ). Il-Gvern Olandiż jirrikonoxxi li t-tul taż-żmien taż-żamma ħafna drabi ser ikun, fil-prattika, ta’ iktar minn ħames snin, fejn it-terminu taż-żamma jkun marbut mat-tul taż-żmien tar-residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, jidher li dan it-terminu huwa ffissat b’kunsiderazzjoni tal-għan li għandu jintlaħaq. Ir-rekwiżit li tiġi żgurata l-identità tal-applikant għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja ma jisparixxix immedjatament ladarba l-individwu kkonċernat jidħol fit-territorju Olandiż jew ladarba huwa joħroġ minn dan tal-aħħar. L-imsemmija identità ser tkun tista’ terġa’ tiġi vverifikata sa fejn id-dritt ta’ residenza tiegħu ser jiġi eżaminat mill-ġdid jew ikkonsolidat. Bl-istess mod, il-ġlieda kontra l-frodi tal-identità u kontra l-identitajiet multipli tista’ tiġġustifika żamma fit-tul ta’ data bijometrika fil-fajl tal-barranin. Inċidentalment dan jista’ jaħdem favur ċittadini ta’ Stati terzi li huma diġà preżenti fit-territorju Olandiż fl-ipoteżi fejn applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja tiġi ppreżentata f’isimhom, u għalhekk taħt l-identità falza tagħhom. Il-persunal konsulari għalhekk ikun jista’, pereżempju, jinduna li l-identità ddikjarata tikkorrispondi għal data bijometrika diġà miġbura. Il-Kummissjoni rrimarkat b’mod utli f’dan ir-rigward li l-proposta tagħha għal emenda tar-Regolament VIS tipprevedi li t-terminu ta’ żamma ta’ data relatata mal-applikanti għal viżi, għal viżi għal perijodu twil jew għal permessi ta’ residenza jsir ta’ ħames snin mit-tmiem tal-validità ta’ dawn il-permessi ( 36 ).

31.

Il-kundizzjonijiet li fihom il-konsultazzjoni tal-fajl hija prevista huma konformi mal-funzjoni tiegħu u l-għan li għandu jintlaħaq peress li huwa l-persunal tar-rappreżentanzi konsulari u diplomatiċi li huwa awtorizzat jimla u jikkonsulta l-fajl, dejjem għall-finijiet ta’ verifika tal-identità tal-applikant u tal-assenza ta’ serq jew ta’ frodi tal-identità. L-awtoritajiet ta’ akkoljenza ser ikunu jistgħu jikkonsultawh biss għal dawn l-istess finijiet.

32.

Għaldaqstant, l-eżami tas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma wera l-ebda raġuni li tista’ tqajjem dubju dwar in-natura neċessarja u proporzjonata tar-restrizzjoni l-ġdida fir-rigward tal-għan ta’ ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentali.

33.

Għaldaqstant, minn dak li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tobbliga lill-ħaddiema Torok, li jixtiequ jidħlu fit-territorju Olandiż sabiex jeżerċitaw fih attività bħala persuna impjegata u lill-membri tal-familja tal-ħaddiema Torok li jkunu diġà preżenti f’dak it-territorju li jixtiequ jingħaqdu magħhom hemm, sabiex jiksbu awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja fil-Pajjiżi l-Baxxi bil-għan ta’ residenza għal tul taż-żmien ta’ iktar minn 90 ġurnata neċessarju bil-għan tad-dħul fit-territorju Olandiż, jikkooperaw fit-teħid tal-għaxar marki tas-swaba’ diġitali tagħhom u ta’ ritratt tal-wiċċ għall-ħażna u l-ipproċessar tagħhom f’fajl tal-barranin li jista’ jiġi kkonsultat mill-persunal tal-awtoritajiet konsulari, diplomatiċi u ta’ akkoljenza għall-finijiet ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentali u filwaqt li din id-data ser tinżamm għal tul taż-żmien ta’ ħames snin wara ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja, it-tluq mill-Pajjiżi l-Baxxi fi tmiem residenza legali jew it-telf ta’ validità ta’ projbizzjoni tad-dħul jew ta’ dikjarazzjoni ta’ persuna mhux mixtieqa.

C.   Fuq it-tieni u t-tielet domanda preliminari

34.

Permezz tat-tieni domanda tagħha indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tfittex li jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax ma taqax taħt il-kunċett ta’ “restrizzjoni ġdida” fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 1/80 sa fejn l-effett tagħha fuq l-aċċess għall-impjieg taċ-ċittadini Torok jirriżulta li jkun inċert u indirett wisq sabiex wieħed ikun jista’ jikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ ostakolu għal dan l-aċċess. Minkejja l-formulazzjoni ġenerali tagħha, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din id-domanda saret fir-rigward tat-tieni funzjonalità tal-fajl tal-barranin jiġifieri dik li tfittex l-għan intiż għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati.

35.

Bħalma fakkart diġà, il-klawżola ta’ “standstill” stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tipprojbixxi b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju minn ċittadin Tork ta’ libertà ekonomika fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni. Huwa għalhekk fl-ipoteżi fejn ir-restrizzjoni l-ġdida tkun ta’ natura li taffettwa l-libertà ta’ A li jeżerċita attività bħala persuna impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi li l-applikazzjoni tas-sistema nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi miċħuda. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ P li tistabbilixxi ruħha u, fuq kollox, li tibqa’ fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala ħaddiema Torka tista’ tiġi infuwenzata negattivament ukoll jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun rendiet diffiċli jew impossibbli r-riunifikazzjoni tal-familja ma’ B b’tali mod li P jista’ jkun għalhekk li jiġi obbligat jagħżel bejn l-attività tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-ħajja tal-familja tiegħu fit-Turkija ( 37 ). Għalhekk il-kwistjoni hawn hija jekk il-possibbiltà biss tal-użu tad-data bijometrika ta’ ċittadini Torok – ħaddiema jew membri tal-familja tal-ħaddiema – għall-finijiet kriminali hijiex ta’ natura li taffettwa l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika mill-imsemmija ħaddiema u tikkostitwixxix għalhekk “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għall-eżerċizzju tal-moviment liberu minn dawn il-ħaddiema Torok.

36.

F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha mill-formulazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kif ukoll mill-għan tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi dedott li l-prinċipji ammessi fil-kuntest tal-Artikoli 45 u 46 TFUE għandhom jiġu trasposti, sa fejn huwa possibbli, għar-residenti Torok li jibbenefikaw minn drittijiet irrikonoxxuti mill-imsemmija deċiżjoni ( 38 ). Għalhekk hemm lok li tittieħed ispirazzjoni mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita dwar il-kunċett ta’ “ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema tal-Unjoni” sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tipprevedi li d-data bijometrika miġbura mingħand iċ-ċittadini Torok mal-għoti tal-awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja sabiex jiġu jeżerċitaw attività bħala persuna impjegata fit-territorju Olandiż jew sabiex jingħaqdu f’dan it-territorju ma’ ħaddiem Tork li huwa diġà preżenti, tista’ tiġi kkonsultata għall-finijiet ta’ identifikazzjoni ta’ awturi ta’ reati, tista’ taffettwa l-eżerċizzju miċ-ċittadini Torok ikkonċernati tal-attività ekonomika tagħhom.

37.

Il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Gvern Olandiż invokaw b’mod partikolari s-sentenza Graf ( 39 ). Minn din is-sentenza, mogħtija fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema tal-Unjoni, jirriżulta li għalkemm l-effett restrittiv ta’ miżura nazzjonali jidher inċert u indirett wisq, din ma hijiex ser titqies bħala li hija ta’ natura li tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema ( 40 ).

38.

Issa, l-avveniment li jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni, fil-fajl tal-barranin, tad-data bijometrika ta’ A jew ta’ B sabiex tiġi megħjuna l-identifikazzjoni ta’ persuni ssuspettati b’reati jidhirli li huwa inċert u indirett wisq sabiex jikkostitwixxi restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertà tal-moviment li huma intitolati għaliha l-ħaddiema Torok.

39.

Is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tipprevedi t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data bijometrika tal-ħaddiema Torok u tal-membri tal-familja tagħhom għall-finijiet ta’ identifikazzjoni ta’ awturi ta’ reati, fil-fehma tiegħi, ma hijiex ta’ natura li tipprevjeni jew tiskoraġġixxi lill-imsemmija ħaddiema milli joqogħdu u jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi minħabba li dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni jiddependi minn sensiela ta’ avvenimenti futuri u ipotetiċi, jiġifieri a) il-fatt li jkunu ssuspettati li wettqu reat li għar-repressjoni tiegħu tkun possibbli tiftixa fil-fajl tal-barranin jew il-fatt li l-interess tal-investigazzjoni jeħtieġ il-konsultazzjoni tal-fajl b) il-fatt li jkun hemm suspetti raġonevoli li l-awtur ta’ reat ikun ċittadin ta’ Stat terz, c) il-fatt li l-aġir tal-imsemmi barrani jkun sors ta’ tħassib serju u, finalment, d) il-fatt li l-imsemmija tiftixa tkun mitluba mill-Prosekutur Pubbliku u awtorizzata mill-qorti ( 41 ).

40.

Għalhekk ma nistax nimmaġina li P tkun skoraġġita milli tibqa’ jaħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi minħabba l-fatt li d-data bijometrika tal-konjuġi tagħha eventwalment ser titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fl-ipoteżi fejn huwa jkun issuspettat b’mod serju li pparteċipa fit-twettiq ta’ reat jew li A ser ikun lest li jirrinunzja għall-attività tiegħu ta’ sewwieq internazzjonali għal din ir-raġuni. L-affermazzjoni tal-Gvern Olandiż, li ma hijiex ikkontestata mill-partijiet li qegħdin jieħdu sehem fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha l-fajl tal-barranin jiġi kkonsultat, għall-finijiet kriminali, bejn 10 u 30 darba fis-sena tikkonferma, fil-fehma tiegħi, l-effett inċert u indirett wisq ta’ tali konsultazzjoni fuq l-eżerċizzju tal-libertà ekonomika li huma intitolati għaliha l-ħaddiema Torok. Il-Gvern Olandiż ikkonferma wkoll matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-data tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx intużat fil-kuntest ta’ proċedura kriminali.

41.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tippermetti t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ terzi ta’ data bijometrika tal-ħaddiema Torok u tal-membri tal-familja tagħhom li tinsab f’fajl għall-finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ identifikazzjoni u ta’ investigazzjoni ta’ reati, ma tikkostitwixxix restrizzjoni ġdida fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 minħabba l-effett inċert u indirett wisq tagħha fuq l-aċċess għall-impjieg tal-imsemmija ħaddiema.

42.

Peress li t-tielet domanda preliminari hija indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ipoteżi ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda, ma hemmx lok, skont l-analiżi tiegħi, li tiġi eżaminata.

IV. Konklużjoni

43.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi):

1)

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad‑19 ta’ Settembru 1980 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tobbliga lill-ħaddiema Torok, li jixtiequ jidħlu fit-territorju Olandiż sabiex jeżerċitaw fih attività bħala persuna impjegata u lill-membri tal-familja tal-ħaddiema Torok li jkunu diġà preżenti f’dak it-territorju li jixtiequ jingħaqdu magħhom hemm, sabiex jiksbu awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja fil-Pajjiżi l-Baxxi bil-għan ta’ residenza għal tul taż-żmien ta’ iktar minn 90 ġurnata neċessarju bil-għan tad-dħul fit-territorju Olandiż, jikkooperaw fit-teħid tal-għaxar marki tas-swaba’ diġitali tagħhom u ta’ ritratt tal-wiċċ għall-ħażna u l-ipproċessar tagħhom f’fajl tal-barranin li jista’ jiġi kkonsultat mill-persunal tal-awtoritajiet konsulari, diplomatiċi u ta’ akkoljenza għall-finijiet ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-frodi tal-identità u dokumentali u filwaqt li din id-data ser tinżamm għal tul taż-żmien ta’ ħames snin wara ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza provviżorja, it-tluq mill-Pajjiżi l-Baxxi fi tmiem residenza legali jew it-telf ta’ validità ta’ projbizzjoni tad-dħul jew ta’ dikjarazzjoni ta’ persuna mhux mixtieqa.

2)

Is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tippermetti t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ terzi ta’ data bijometrika tal-ħaddiema Torok u tal-membri tal-familja tagħhom li tinsab f’fajl għall-finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ identifikazzjoni u ta’ investigazzjoni ta’ reati, ma tikkostitwixxix restrizzjoni ġdida fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 minħabba l-effett inċert u indirett wisq tagħha fuq l-aċċess għall-impjieg tal-imsemmija ħaddiema.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Li skontu “[l]-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 3 ) ĠU 1964, 217, p. 3685.

( 4 ) Li skontu “[l]-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema u tal-membri tal-familji tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 5 ) L-Artikolu 54(1)(c) tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi tal-2000 dwar il-Barranin) kif emendata mill-Wet van 11 december 2013 tot wijziging van de Vreemdelingenwet 2000 in verband met de uitbreiding van het gebruik van biometrische kenmerken in de vreemdelingenketen in verband met het verbeteren van de identiteitsvaststelling van de vreemdeling (il-Liġi tal-11 ta’ Diċembru 2013 li Temenda l-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin fir-Rigward tal-Użu Estiż tal-Identifikaturi Bijometriċi fil-Kuntest tal-Kooperazzjoni bejn il-Korpi Kompetenti fil-Qasam tal-Barranin bil-Għan tat-Titjib tal-Identifikazzjoni ta’ Ċittadin Barrani, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2014 (Stb. 2014, Nruo 2, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-baranin ”)

( 6 ) Artikolu 107(2) tal-Liġi dwar il-Barranin.

( 7 ) Artikolu 107(5) tal-Liġi dwar il-Barranin.

( 8 ) Dan huwa l-każ, bħala prinċipju, għal kull reat suġġett għal piena ta’ mill-inqas erba’ snin priġunerija, għall-każijiet speċifiċi previsti mill-Kodiċi Kriminali Olandiż u mil-liġijiet speċjali.

( 9 ) Artikolu 107(6)(a) tal-Liġi dwar il-Barranin.

( 10 ) Artikolu 107(6)(b) tal-Liġi dwar il-Barranin kif emendata bil-Liġi tal‑2013.

( 11 ) Artikolu 107(9) tal-Liġi dwar il-Barranin kif emendata bil-Liġi tal‑2013. Ara wkoll l-Artikolu 8.35 tal-Vreemdelingenbesluit 2000 (id-Digriet tas-sena 2000 dwar il-Barranin).

( 12 ) Sa fejn l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja tidher ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 1/80, hemm lok li jiġi preżunt li P għandu l-kwalità ta’ ħaddiema Torka, fis-sens tal-imsemmija deċiżjoni, diġà preżenti fit-territorju Olandiż. Għandu jiġi preżunt ukoll li l-attività ta’ P hija attività bħala persuna impjegata.

( 13 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 14 ) Li skontu “[l]-Partijiet Kontraenti jirrikonoxxu li fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari li jistgħu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 8, kull diskriminazzjoni mwettqa minħabba n-nazzjonalità hija pprojbita skont il-prinċipju stipulat fl-Artikolu 7 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 15 ) Sentenza tat‑12 ta’ April 2016 (C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 51).

( 16 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.

( 17 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Yön (C‑123/17, EU:C:2018:632, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Yön (C‑123/17, EU:C:2018:632, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Yön (C‑123/17, EU:C:2018:632, punti 40 sa 48).

( 20 ) Għal tfakkira ta’ dan it-test, ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 21 ) Ara l-punt 7 tat-talba għal deċiżjoni preliminari li tiċċita l-Vreemdelingenwet 1965 (il-Liġi dwar il-Barranin tal‑1965) u l-Vreemdelingenbesluit 1966 (id-Digriet dwar il-Barranin tal‑1966).

( 22 ) Ara s-sentenzi tad‑29 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑92/07, EU:C:2010:228, punt 49), u tas‑7 ta’ Novembru 2013, Demir (C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) F’dan ir-rigward, infakkar li d-domandi preliminari li ġiet adita bihom il-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw esklużivament il-kompatibbiltà tas-sistema inkwistjoni mal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, bl-esklużjoni tal-kwistjoni tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija invokat mis-Segretarju tal-Istat fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-qorti tal-ewwel istanza (ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 24 ) Ara, rispettivament, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, x (C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 41); tad‑29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir (C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 39), kif ukoll tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Yön (C‑123/17, EU:C:2018:632, punt 77).

( 25 ) Li skontu “[d]-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima għandhom ikunu applikabbli ħlief għal limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 26 ) Mill-proċess jirriżulta li l-obbligu ta’ ġbir ma huwiex impost fuq it-tfal ta’ inqas minn 6 snin u lanqas fuq il-persuni li ma jkunux fiżikament kapaċi sabiex jiġu suġġetti għal tali obbligu.

( 27 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 27).

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 tat‑13 ta’ Diċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti ta’ l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (ĠU 2006, L 153M, p. 375).

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU 2009, L 243, p. 1).

( 30 ) Ara l-Artikolu 8(2) tal-Karta.

( 31 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 25).

( 32 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 96).

( 33 ) Ara l-Artikolu 13 tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 34 ) Ara r-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema ta’ l-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU 2008, L 218, p. 60).

( 35 ) Ara l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punt 191 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ara l-proposta tal-Artikolu 23 tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 767/2008, ir-Regolament (KE) Nru 810/2009, ir-Regolament (UE) 2017/2226, ir-Regolament (UE) 2016/399, ir-Regolament XX/2018 [ir-Regolament tal-Interoperabilità], u d-Deċiżjoni 2004/512/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/663/ĠAI (COM (2018) 302 finali, Brussell, 16 ta’ Mejju 2018).

( 37 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punti 39 u 40) kif ukoll tad‑29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir (C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 31). Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Ucar u Kilic (C‑508/15 u C‑509/15, EU:C:2016:986, punt 68). Ara, fir-rigward tar-rabta bejn il-libertà ta’ stabbiliment tal-ħaddiema Torok u l-kundizzjonijiet li fihom hija awtorizzata r-riunifikazzjoni tal-familja, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u punt 35) u tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Yön (C‑123/17, EU:C:2018:632, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 1995, Bozkurt (C‑434/93, EU:C:1995:168, punt 20); tal‑10 ta’ Frar 2000, Nazli (C‑340/97, EU:C:2000:77, punti 5054); tad‑19 ta’ Novembru 2002, Kurz (C‑188/00, EU:C:2002:694, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell (C‑371/08, EU:C:2011:809, punti 52, 5866).

( 39 ) Sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2000 (C‑190/98, EU:C:2000:49).

( 40 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2000, Graf (C‑190/98, EU:C:2000:49, punti 23 sa 25). Ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach (C‑437/17, EU:C:2019:193, punt 40).

( 41 ) B’analoġija, ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2000, Graf (C‑190/98, EU:C:2000:49, punt 24)

Top