EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0016

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fid-29 ta’ Lulju 2019.
Michael Dobersberger vs Magistrat der Stadt Wien.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 56 u 57 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 96/71/KE – Applikabbiltà – Artikolu 1(3)(a) – Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi – Provvista ta’ servizzi abbord ferroviji internazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligi amministrattivi fir-rigward tal-kollokament ta’ ħaddiema.
Kawża C-16/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:638

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fid-29 ta’ Lulju 2019 ( 1 )

Kawża C-16/18

Michael Dobersberger

fil-preżenza ta’:

Magistrat der Stadt Wien

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija))

“Talba għal deċiżjoni preliminari - Provvista ta’ servizzi ta’ catering abbord ferroviji internazzjonali - Direttiva 96/71/KE - Kamp ta’ applikazzjoni - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Artikolu 56 TFUE”

I. Introduzzjoni

1.

Fir-rumanz tagħha “Murder on the Orient Express”, ippubblikat fl-1934, Agatha Christie ma qabditx il-kwistjoni tal-post eżatt fejn kien imwettaq il-qtil. Dak kollu li hu magħruf hu li seħħ fuq ferrovija, l-Orient Express, fuq ir-rotta Simplon tagħha, li taqsam diversi pajjiżi fil-vjaġġ tagħha minn Istanbul għal Calais, f’xi punt qabel jew wara ma l-ferrovija kienet waqfet f’dik li kient il-Jugoslavja. Madankollu, il-qarrej jitħalla fl-għama dwar il-kwistjoni f’liema pajjiż seħħ il-qtil. B’mod ċar, din id-domanda, li kienet tkun ta’ importanza kruċjali fil-kuntest tal-proċeduri kriminali sussegwenti, sabiex jiġi ddeterminat liema dritt kriminali nazzjonali huwa applikabbli, ma kinitx fil-kompetenza tal-investigazzjoni ta’ Hercule Poirot. U fil-fatt, għar-ritmu u l-eċitament tal-istorja, kien żgur negliġibbli. Għal Agatha Christie, il-ġeografija ma kinitx importanti.

2.

Il-kwistjoni li hija fil-qalba ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija) hija inqas interessanti, iżda iktar importanti għall-funzjonament tas-suq intern u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi: huma d-dispożizzjonijiet tad-”Direttiva dwar il-ħaddiema kkollokati”, jiġifieri d-Direttiva 96/71/KE ( 2 ), applikabbli għal sitwazzjoni fejn ferrovija internazzjonali li taqsam l-Awstrija fi triqitha minn Budapest għal Munich, bil-konsegwenza li, fuq l-Orient Express, kull qsim tal-fruntiera jkollu implikazzjonijiet legali? Forsi mhux għad-definizzjoni ta’ qtil, iżda żgur għall-applikazzjoni tax-xogħol u d-dritt kriminali relatat max-xogħol.

3.

F’dawn il-konklużjonijiet jiena ser nargumenta li sitwazzjoni bħal din tal-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71. Fil-każ preżenti wkoll, il-ġeografija ma għandhiex effett.

II. Il-qafas ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

4.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, jistazzjonaw ħaddiema skond il-paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-impriżi ta’ marina merkantili fir-rigward ta’ baħħara.

3.   Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:

a)

jistazzjonaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru għall-kont tagħhom proprju u taħt il-kontroll tagħhom fil-qafas ta’ kuntratt konkluż bejn l-impriża li tagħmel l-istazzjonament u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta’ servizzi li jopera f’dak l-Isat Membru, sakemm teżisti relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tagħmel l-istazzjonament u l-ħaddiem fil-perjodu tal-istazzjonament; jew

b)

jistazzjonaw ħaddiema fi stabbiliment jew f’impriża fil-proprjetà ta’ grupp fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tagħmel l-istazzjonament u l-ħaddiema tul il-perjodu tal-istazzjonament; jew

c)

billi jkunu impriża ta’ impjieg temporanju jew aġent ta’ kollokament temporanju, ifornu ħaddiem lil impriża utenti stabbilita jew li topera fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża ta’ impjieg temporanju jew aġent ta’ kollokament temporanju u l-ħaddiem matul il-perjodu tal-istazzjonament..

4.   L-impriżi stabbiliti fi Stat li mhux membru m’għandhomx jingħataw trattamenti iktar favorevoli minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru.”

5.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/71, intitulat “ Tifsira” jipprevedi:

“ 1.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, “ħaddiem stazzjonat” tfisser ħaddiem li, għall-perjodu limitat jagħmel ix-xogħol tiegħu fitterritorju ta’ Stat Membru barra mill-Istat li normalment jaħdem fih.

2.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjoni ta’ ħaddiem hija dik li tapplika fil-liġi ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem jiġi stazzjonat.”

6.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71, intitolat “It-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”, jipprevedi fil-paragrfu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, irrispettivament mil-liġi li tkun tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu lill-ħaddiema stazzjonati fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:

skond liġi, regolament jew dispożizzjonijiet amministrattivi, u/jew

bi ftehim kollettiv jew sentenza ta’ arbitraġġ li kienu ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fl-Anness::

a)

il-perjodi massimi ta’ xogħol u l-perjodi minimi ta’ mistrieħ;

(b)

it-tul minimu tal-vaganzi annwali mħallsa;

(ċ)

ir-rati minimi ta’ ħlas, li jinkludu rati ta’ sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi komplimentari għall-irtirar mixxogħol;

(d)

il-kundizzjonijiet ta’ fornitura ta’ ħaddiema, b’mod partikulari il-fornitura ta’ ħaddiema minn impriżi ta’ impjieg temporanju;

(e)

is-saħħa, is-sigurtà u l-iġjene fuq ix-xogħol;

(f)

miżuri protettivi dwar termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ nisa tqal jew nisa li għadhom kif weldu reċentement, ta’ tfal u ta’ żgħażagħ;

(g)

it-trattament ugwali bejn irġiel u nisa u dispożizzjonijiet oħra dwar non-diskriminazzjoni.

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas imsemmija fil-paragrafu 1 (ċ) huwa definit mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem jiġi stazzjonat.”

B.   Id-dritt Awstrijak

7.

L-Artikolu 7b tal-Arbeitsvertragsrechts-Anpassungsgesetz (il-Liġi li temenda l-liġi dwar il-kuntratti tax-xogħol) ( 3 ) fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AVRAG”), tittratta d-drittijiet tal-impjegati kontra prinċipali barranin ibbażati fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew iż-Żona Ekonomika Ewropea. Essenzjalment, hija tipprovdi li ħaddiem li jiġi kkollokat biex jaħdem fl-Awstrija minn prinċipal li għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea minbarra l-Awstrija awtomatikament għandu jkollu matul il-perjodu tal-kollokament u mingħajr preġudizzju għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli għar-relazzjoni tax-xogħol, għall-inqas id-dritt għar-remunerazzjoni minima statutorja, stabbilita b’regolament jew bi ftehim kollettiv, li, fuq il-post tax-xogħol, għandha titħallas lil ħaddiema komparabbli minn dawk il-prinċipali komparabbli. Barra minn hekk, persuna li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea għajr l-Awstrija għandha titqies bħala prinċipal fir-rigward tal-ħaddiema mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha li huma kkollokati fl-Awstrija għall-iskop li jwettqu xogħolhom. Dawk li jħaddmu għandhom jiddikjaraw, mill-inqas ġimgħa qabel il-bidu tax-xogħol inkwistjoni, l-użu ta’ ħaddiema li ġew ikkollokati biex jaħdmu fl-Awstrija. Dikjarazzjoni bħal din għandha ssir separatament għal kull kollokament u għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja: (i) isem, indirizz u liċenzja jew għan professjonali tan-negozju ta’ min iħaddem; (ii) il-perjodu totali kopert mill-kollokament, kif ukoll il-bidu u t-tul previst tal-impjieg tal-ħaddiema differenti fl-Awstrija, il-ħin tax-xogħol normali u l-kundizzjonijiet tal-post miftiehma għall-ħaddiema differenti; (iii) l-ammont ta’ remunerazzjoni dovuta lill-ħaddiema individwali skont id-dispożizzjonijiet legali Awstrijaċi u l-bidu tar-relazzjoni tal-impjieg ma’ min iħaddem; (iv) post (indirizz eżatt) tal-impjieg fl-Awstrija (ukoll postijiet oħra ta’ intervent fl-Awstrija); u (v) it-tip ta’ attività u użu tal-ħaddiem, filwaqt li jitqies il-kuntratt kollettiv Awstrijak rilevanti. Fejn ma jkun hemm l-ebda obbligu għall-ħaddiema kkollokati biex jissieħbu fis-sigurtà soċjali fl-Awstrija, min iħaddem għandu jżomm id-dokumenti disponibbli relatati mad-dikjarazzjoni tal-ħaddiem għas-sigurtà soċjali (id-dokument tas-sigurtà soċjali E 101 skont ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 ( 4 ), dokument tas-sigurtà soċjali A1 skont ir-Regolament (KE) Nru 883/04) ( 5 ), kif ukoll kopja tad-dikjarazzjoni tal-kollokoment fil-post tat-twettiq tax-xogħol (jew intervent) fit-territorju nazzjonali) jew jagħmilhom direttament aċċessibbli f’forma elettronika għas-servizzi tal-awtorità responsabbli mill-ġbir tal-kontribuzzjonijiet.

8.

Fir-rigward tal-obbligu li d-dokumenti tal-pagi jsiru disponibbli, l-Artikolu 7d tal-AVRAG jipprovdi, b’mod partikolari, li, matul il-perjodu ta’ kollokament, min iħaddem huwa obbligat li jżomm il-kuntratt tal-impjieg jew is-servizz, il-karta tal-pagi, disponibbli fil-post tat-twettiq tax-xogħol bil-Ġermaniż, prova tal-ħlas tal-pagi jew trasferimenti bankarji, dikjarazzjonijiet tal-pagi, skedi tal-ħin, rekords tas-sigħat maħduma u dokumenti relatati mal-klassifikazzjoni fl-iskala tas-salarji, sabiex, għat-tul tal-impjieg, ikun jista’ jiġi vverifikat li l-ħaddiem ikkollokat jirċievi l-pagi dovuti lilu/lilha skont id-dispożizzjonijiet legali.

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

9.

Mill-2012 sal-2016, Henry am Zug Hungary Kft. (iktar ’il quddiem “Henry am Zug”), stabbilit f’Budapest (l-Ungerija), ikkolloka ħaddiema biċ-ċittadinanza Ungeriża, li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet kienu mikrija lilha minn impriża Ungeriża oħra, fl-Awstrija sabiex iwettqu xogħolhom (is-servizz abbord, il-preparazzjoni u bejgħ ta’ ikel u xorb) fil-ferroviji tal-Österreichische Bundesbahnen (il-Ferroviji Federali Awstrijaċi, iktar ’il quddiem “l-ÖBB”).

10.

Permezz tas-sentenzi kkontestati fi proċedimenti amministrattivi kriminali, M. Dobersberger, l-appellant fuq punt ta’ liġi, bħala direttur maniġerjali ta’ Henry am Zug, instab ħati fuq il-bażi tal-fatt li, fit-28 ta’ Jannar 2016, Henry am Zug, fil-kapaċità tagħha ta’ prinċipal fis-sens tal-Artikolu 7b tal-AVRAG, waqt kontroll fi Vjenna Main Station (l-Awstrija), u kuntrarju għal din id-dispożizzjoni, (i) ma pprovda l-ebda notifika lill-awtorità Awstrijaka kompetenti dwar l-impieg imsemmi hawn fuq tal-ħaddiema kkollokati sa żmien ġimgħa qabel il-bidu tax-xogħol, (ii) ma żammx fil-post ta’ kollokament fi ħdan l-Awstrija dokumenti relatati mar-reġistrazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema, u (iii) ma żammx fil-post ta’ kollokament imsemmi hawn fuq il-kuntratt tal-impieg, dokumenti li jixhdu l-ħlas tal-pagi u dokumenti relatati mal-kategoriji tal-pagi, bil-Ġermaniż.

11.

Il-kuntratt biex jiġu pprovduti s-servizzi hawn fuq imsemmija kien ingħata mill-ÖBB lil D. GmbH (impriża stabbilita fl-Awstrija) u kien mgħoddi minn D. lil Henry am Zug permezz ta’ sottokuntratti jew katina ta’ sottokuntrattar (permezz ta’ impriża oħra stabbilita fl-Awstrija). Henry am Zug ipprovda s-servizzi lill-ħaddiema Ungeriżi fil-ferroviji ÖBB li jivvjaġġaw lejn Salzburg jew Munich, li kull belt minnhom għandha l-istazzjon tal-bidu jew it-tmiem tagħha f’Budapest u b’waqfa fl-istazzjon prinċipali ta’ Vjenna.

12.

Il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tikkunsidra li s-suċċess tal-appell fuq punt ta’ liġi jiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71 u l-Artikolu 56 TFUE. Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Jannar 2018, il-High Court għamlet id-domandi preliminari segwenti għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (iktar ’il quddiem ukoll id-“Direttiva 96/71”), b’mod partikolari l-Artikolu 1(3)(a) tagħha, jinkludi wkoll il-provvista ta’ servizzi bħas-servizz ta’ ristorazzjoni permezz ta’ ikel u xorb lill-passiġġieri, is-servizz ta’ alloġġ jew is-servizz ta’ tindif minn impjegati ta’ impriża ta’ servizzi li għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru mittenti (l-Ungerija) fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż ma’ operatur ferrovjarju li għandu s-sede tiegħu fl-Istat Membru ospitanti (l-Awstrija), meta dawn is-servizzi huma pprovduti f’ferroviji internazzjonali, li jaqsmu wkoll l-Istat Membru ospitanti?

(2)

L-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71 ikopri wkoll il-każ fejn l-impriża ta’ servizzi li għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru mittenti ma tipprovdix is-servizzi msemmija fl-ewwel domanda fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż mal-operatur ferrovjarju stabbilit fl-Istat Membru ospitanti, li jibbenefika b’mod definittiv minn servizzi (destinatarju tal-provvista ta’ servizzi), iżda fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż ma’ impriża oħra stabbilita fl-Istat Membru ospitanti, li min-naħa tagħha, tkun ikkonkludiet kuntratt mal-operatur ferrovjarju (katina ta’subappalt)?

(3)

L-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71 ikopri wkoll il-każ fejn l-impriża ta’ servizzi li għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru mittenti tuża, fid-dawl tal-provvista tas-servizzi msemmija fl-ewwel domanda, mhux l-impjegati tagħha stess, iżda l-ħaddiema ta’ impriża oħra, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom issir fl-Istat Membru mittenti?

(4)

Indipendentement mir-risposti għall-ewwel sat-tielet domanda: id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 56 u 57 TFUE), jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fid-dawl tal-provvista ta’ servizz l-obbligu li josservaw il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 u l-osservanza tal-obbligi anċillari (b’mod partikolari dak dwar id-dikjarazzjoni tal-kollokament transkonfinali ta’ ħaddiema lil awtorità tal-Istat Membru ospitanti u dak dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dokumenti li jikkonċernaw l-ammont tar-remunerazzjoni u l-affiljazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema mas-sigurtà soċjali) ukoll fil-każijiet fejn (l-ewwel nett), il-ħaddiema kollokati b’mod transkonfinali jagħmlu parti mill-persunal mobbli ta’ operatur ferrovjarju li għandu attività transkonfinali jew ta’ impriża li tipprovdi servizzi tipiċi ta’ operatur ferrovjarju (servizz ta’ ristorazzjoni permezz ta’ ikel u xorb lill-passiġġieri; servizzi ta’ alloġġ) fil-ferroviji tiegħu, li jaqsmu l-fruntieri tal-Istati Membru, u fejn (it-tieni nett), il-kollokament ma huwa bbażat fuq ebda kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi jew, tal-inqas, ma huwiex ibbażat fuq kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi konkluż bejn l-impriża mittenti u d-destinatajru tal-provvista ta’ servizzi li jeżerċita l-attività tiegħu fi Stat Membru ieħor, minħabba li l-obbligu li jiġu pprovduti servizzi fuq l-impriża mittenti fir-rigward tad-destinatarju tal-provvista ta’ servizzi li jeżerċita l-attività tiegħu fi Stat Membru ieħor jirriżulta mill-kuntratti ta’ subappalt (katina ta’ subappalt), u fejn (it-tielet nett) il-ħaddiema kollokati ma għandhomx relazzjoni ta’ xogħol mal-impriża mittenti, iżda relazzjoni ta’ xogħol ma’ impriża terza li tqiegħed lill-ħaddiema tagħha għad-dispożizzjoni tal-impriża mittenti fit-territorju tal-Istat Membru tas-sede tal-impriża mittenti?”

13.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mM. Dobersberger, il-Gvern Awstrijak, Ċek, Ġermaniż, Franċiż, Ungeriż u Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Franċiż u dak Pollakk, ħadu sehem fis-seduta li saret fit-12 ta’ Marzu 2019.

IV. Evalwazzjoni

14.

Dan il-każ iqajjem kwistjonijiet dwar id-Direttiva 96/71, li huma ta’ natura fundamentali: sa liema punt id-direttiva tapplika għal impriża f’sitwazzjoni fejn il-ħaddiem ikkollokat jaqdi d-dmirijiet tiegħu fuq ferrovija li titlaq minn u tasal lura fil-pajjiż tal-oriġini, ferrovija li l-ħaddiem, b’mod figurattiv, qatt ma jinżel minnha?

A.   L-ammissibilità tat-talbiet

1.

Il-Gvern Franċiż jikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel tliet domandi rrinvijati lilna għal deċiżjoni preliminari, essenzjalment billi jargumenta li d-Direttiva 96/71 ma tirregolax il-miżuri ta’ kontroll implimentati mill-awtoritajiet nazzjonali biex jiżguraw konformità mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg. F’dan ir-rigward, jirreferi għas-sentenza De Clercq et. ( 6 )

2.

Bħala regola, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli u huwa biss f’każijiet rari u estremi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tagħti risposta għalihom ( 7 ). Referenzi bħal dawn igawdu minn preżunzjoni ta’ relevanza ( 8 ). F’dak li l-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha tiddeskrivi bħala “ċirkostanzi eċċezzjonali” ( 9 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk irrifjutat li twieġeb domandi f’każijiet ipotetiċi, meta d-domandi mqajma ma kinux relevanti għas-soluzzjoni tal-kwistjoni, fejn id-domandi ma kinux artikolati b’mod ċar biżżejjed jew fejn il-fatti kienu b’mod ċar biżżejjed ( 10 ).

3.

Il-każ inkwistjoni ma jaqa’ taħt l-ebda waħda minn dawn il-kategoriji. Barra minn hekk, kif il-Gvern Ġermaniż korrettament enfasizza waqt is-seduta li De Clercq et ( 11 ) kienet dwar miżuri ta’ monitoraġġ filwaqt li d-domandi 1 sa 3 fil-kawża preżenti jindirizzaw il-kwistjoni usa’ tal-applikabilità tad-Direttiva 96/71 għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

4.

Għaldaqstant, id-domandi kollha magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ammissibbli.

B.   Id-Direttiva 96/71 u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi

5.

Qabel nindirizza l-erba’ domandi tal-qorti tar-rinviju, jidhirli li huwa utli li nfakkar, permezz ta’ rimarki preliminari, xi wħud mill-karatteristiċi essenzjali tad-Direttiva 96/71, li minnhom ser ninserixxi fl-analiżi li ġejja.

6.

Hemm tensjoni sottostanti bejn il-libertajiet tas-suq intern, b’mod partikolari, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 56 TFUE u d-Direttiva96/71 li tippreżenta ċerta frizzjoni, minkejja li jidhru bżala diġà deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha u l-leġiżlatur.

1. Għanijiet

7.

Is-suq intern, li jikkostitwixxi - skont il-perspettiva tiegħu - il-mezzi jew it-tmiem tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, huwa tant fundamentali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li huwa meqjus bħala stabbilit u jikkostitwixxi xejn inqas mill-prinċipju organizzattiv ċentrali tat-Trattati ( 12 ). Bħala regola, l-operaturi ekonomiċi jipproduċu jew fuq il-bażi ta’ standards armonizzati jew, fin-nuqqas ta’ tali standards, skont l-istandards lokali tagħhom ( 13 ). F’din it-tieni istanza, tapplika loġika tal-pajjiż tal-oriġini fis-sens li huwa biżżejjed li operatur ekonomiku jikkonforma mar-regolamenti lokali. Dan jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jikkompetu fuq kundizzjonijiet ugwali fis-suq intern kollu.

22.

Il-loġika segwita mid-Direttiva 96/71 hija, essenzjalment, waħda kompletament differenti, billi din id-direttiva tfittex li tnaqqas uħud mill-konsegwenzi (normali) tal-applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi: fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-liġi tax-xogħol, ma huwiex il-pajjiż ta’ oriġini iżda l-prinċipju tal-pajjiż tad-destinazzjoni li japplika. Dan jirriżulta f’tensjoni legali naturali bejn l-Artikolu 56 TFUE ( 14 ) u d-Direttiva 96/71.

23.

Sa fejn il-premessi tad-direttiva jindikaw għan maqsum fi tlieta, li huwa l-promozzjoni tal-forniment transnazzjonali ta’ servizzi ( 15 ), fi klima ta’ kompetizzjoni ġusta ( 16 ), u li jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema ( 17 ), ta’ min jinnota li dawn it-tlieta huma, fil-fatt, opposti b’mod dijametriku ( 18 ). Il-garanzija tar-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema ma trawwimx il-forniment transnazzjonali ta’ servizzi, iżda tirrestrinġih u f’dan il-kuntest tikkostitwixxi raġuni ta’ ġustifikazzjoni (jiġifieri raġuni imperattiva relatata mal-interess pubbliku) biex tagħmel hekk.

24.

Konsegwentement, nemmen li huwa iktar koerenti li d-Direttiva 96/71 titqies bħala miżura li tfittex li tirrikonċilja l-għanijiet opposti tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema.

25.

Iżda dwar liema ħaddiema qed nitkellmu? Il-ħaddiema tal-pajjiż tal-oriġini tal-fornitur tas-servizz li jintbagħtu fil-pajjiż tad-destinazzjoni li fih is-servizz huwa provdut jew il-ħaddiema tal-pajjiż tad-destinazzjoni? Jekk id-direttiva tqis il-valur nominali, żgur li huma dawk tal-pajjiż tal-oriġini ( 19 ). Ir-raġunament li fuqu hija bbażata kwalunkwe forma ta’ kollokament huwa għalhekk li ġej: ħaddiem ma għandux isofri, fuq bażi personali, kwalunkwe dħul jew telf ieħor irrelatat max-xogħol fir-rigward tal-ħaddiem lokali. L-għoli tal-ħajja jista’ jkun ogħla minn dak fl-Istat Membru li fih ikun ikkollokat. Huwa għalhekk li l-prinċipju tal-pajjiż tad-destinazzjoni japplika sabiex tittaffa kwalunkwe diskriminazzjoni possibbli.

26.

Ejja issa mmorru pass lura u, għal minuta, nimmaġinaw li aħna qegħdin fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, jiġifieri li ma hemm l-ebda Direttiva 96/71 u li Stat Membru (A) irid jissuġġetta għal-liġijiet tax-xogħol tiegħu ħaddiema ta’ Stat Membru ieħor (B) ikkollokati fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi lil dak l-Istat Membru (A). Ċertament, dan jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Kif tista’ tiġi ġġustifikata din ir-restrizzjoni? Billi tinvoka d-drittijiet tal-ħaddiema ta’ Stat Membru (B)?

27.

F’sitwazzjoni bħal din, wieħed jista’ jargumenta li jkun diffiċli li wieħed jikkonċepixxi li r-raġuni l-iktar importanti relatata mal-protezzjoni tal-ħaddiema ta’ Stat Membru (B) tista’ tiġi invokata mill-Istat Membru (A). Wieħed jista’ leġittimament jistaqsi d-domanda jekk hux verament l-Istat Membru (A) - fil-kuntest ta’ kollokament bħala parti mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ min iħaddem - li jkun jaf x’inhu l-aħjar għall-ħaddiema ta’ Stat Membru (B). Approċċ bħal dan jista’ jidher patrunizzanti, jekk mhux ta’ importanza kbira. Barra minn hekk, hemm il-kwistjoni delikata ta’ kompetenza: wieħed jista’ jargumenta li, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, Stat Membru (A) għandu jkun jista’ jipproteġi ħaddiema impjegati abitwalment f’dak l-Istat Membru stess biss, filwaqt li dawk impjegati fi Stat Membru ieħor (B) u - fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ min iħaddimhom - ikkollokati fl-Istat Membru normalment m’għandhomx ikunu dawk li dak l-Istat Membru jista’ jipproteġi ( 20 ).

28.

Jien, madankollu, nargumenta li tħassib bħal dan jista’ jitneħħa u li, barra minn hekk, hemm ġurisprudenza li ilha teżisti li Stat Membru jista’ jirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi sabiex il-ħaddiema jkunu protetti mill-Istat Membru tal-kollokament. Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward sitwazzjonijiet kemm qabel kif ukoll wara l-iskadenza tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 96/71 ( 21 ) li l-“protezzjoni tal-ħaddiema” ( 22 ) l-”interess ġenerali li jipprovdu lill-ħaddiema b’sigurtà soċjali” ( 23 ) jew il-”protezzjoni soċjali tal-ħaddiema fl-industrija tal-kostruzzjoni” ( 24 ) tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali, li timplika li huma ħaddiema tal-Istat Membru tal-oriġini kollokament u mhux dawk tal-Istat Membru ospitanti li huma involuti.

29.

F’Laval un Partneri ( 25 ) seħħet bidla fil-paradigma, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “d-dritt li titmexxa azzjoni kollettiva li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-ħaddiema tal-Istat ospitanti kontra prattika eventwali ta’ dumping soċjali tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ natura li tiġġustifika, bħala prinċipju, restrizzjoni ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat” ( 26 ). Minbarra l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddefinitx iktar u ma speċifikatx x’inhu mifhum b’“dumping soċjali”, dan il-każ huwa ta’ min jinnotah għal tliet raġunijiet. L-ewwel, fir-rigward tas-sustanza, il-Qorti tal-Ġustizzja, bil-kunċett ta’ “dumping soċjali”, tintroduċi raġuni imperattiva ġdida relatata mal-interess pubbliku fil-ġurisprudenza tagħha. Dan huwa perfettament possibbli, ovvjament, fil-prinċipju, billi l-interessi prevalenti ma humiex enumerati b’mod eżawrjenti u l-Qorti tal-Ġustizzja hija ħielsa li ssib oħrajn ġodda, billi żżomm il-pass mal-iżviluppi tas-soċjetà. It-tieni, din ir-raġuni imperattiva li għadha kemm ġiet misjuba li għandha x’taqsam mal-interess pubbliku hija ta’ natura ekonomika, u b’hekk tmur kontra l-ġurisprudenza li ilha teżisti tal-Qorti tal-Ġustizzja li għanijiet ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jikkostitwixxu bażi ta’ interess pubbliku, li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà fundamentali ( 27 ). Tabilħaqq, il-prevenzjoni ta’ “dumping soċjali” hija iktar simili għall-bażi ekonomika tal-ġustifikazzjoni taż-żamma tal-paċi industrijali - li ma ġietx irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala raġuni imperattiva marbuta mal-interess pubbliku ( 28 ). It-tielet, fir-rigward tal-metodoloġija, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjaratx espliċitament li “dumping soċjali” kellu minn issa ’l quddiem jikkostitwixxi raġuni iktar importanti li għandha x’taqsam mal-interess pubbliku. Anzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeduċi din ir-raġuni iktar importanti li għandha x’taqsam mal-Istat Membru ospitanti mill-ġurisprudenza eżistenti dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema tal-Istat Membru li qed jikkolloka. Madankollu, “dumping soċjali” u l-protezzjoni tal-ħaddiema tal-Istat Membru li qed jikkolloka huma żewġ kwistjonijiet kompletament differenti.

30.

Nixtieq nenfasizza li nifhem u nappoġġja bis-sħiħ il-ħtieġa li l-ħaddiema jiġu protetti fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u ma nista’ bl-ebda mod inpoġġija f’dubju. Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “dumping soċjali” għandu jiġi ttrattat b’attenzjoni u interpretat b’mod dejjaq. F’suq intern li huwa kkaratterizzat mill-moviment ħieles ta’ oġġetti, servizzi u fatturi ta’ produzzjoni, hemm il-periklu inerenti li d-”dumping soċjali” jsir iktar terminu politiku, iktar milli wieħed legali, terminu politiku li normalment jintuża f’infrastruttura żviluppata sew. Tabilħaqq, hemm il-periklu li, b’mod żbilanċjat, primarjament hija l-perspettiva tal-Istat ospitanti (Membru) li titqies ( 29 ). Fi kliem ċar, dak li hu “dumping soċjali” għal xi wħud huwa, sempliċement, “impjieg” għal oħrajn.

31.

Għalhekk, jekk il-kunċett ta’ “dumping soċjali” huwa applikat b’mod wiesa’ wisq, dan jammonta għal xejn inqas mill-protezzjoni tal-industrija domestika kontra kompetizzjoni orħos minn Stat Membru ieħor, protezzjoni li normalment ma tistax tinżamm taħt id-dritt tal-Unjoni ( 30 ). Kif jimplika t-terminu “dumping”, irid ikun hemm intenzjoni negattiva li telimina l-kompetizzjoni - u mhux biss li tibbenefika minn kundizzjonijiet aħjar. Madankollu, il-ħtieġa li jiġi evitat “dumping soċjali” ma tistax tiġi invokata kontra fornitur ta’ servizz li sempliċement ibiddel il-possibbiltajiet offruti mis-suq intern għall-vantaġġ ekonomiku tiegħu - u dak tal-klijent tiegħu, ir-riċevitur tas-servizzi ( 31 ). Wara kollox, is-suq intern huwa sostnut mill-prinċipju ta’ vantaġġ komparattiv ( 32 ).

32.

Nirritorna għad-Direttiva 96/71, jekk l-għan intenzjonat tagħha huwa li tipproteġi ħaddiema kkollokati, jiġifieri ħaddiema tal-Istat Membru ta’ oriġini, jiena nsostni li din hija biss parti mill-verità, għax id-direttiva għandha wkoll l-għan li tipprevjeni “dumping soċjali”.

2. Bażi legali u servizzi fil-qasam tat-trasport

33.

Skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fil-qasam tat-trasport, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-(Trattat) titolu dwar it-trasport, jiġifieri t-Tielet Parti, Titolu VI, tat-Trattat FUE ( 33 ). Hawnhekk, il-bażi legali standard għall-implimentazzjoni tal-politika tat-trasport tal-Unjoni, li tinkludi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport, huwa l-Artikolu 91 TFUE ( 34 ). Indikajt x’imkien ieħor li l-konsegwenza legali tal-Artikolu 58(1) tat-TFUE hija li t-Trattat ma għandu l-ebda effett dirett fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi fil-qasam tat-trasport ( 35 ) li hija konsegwenza legali estensiva, minħabba li ċċaħħad lill-operaturi ekonomiċi mid-dritt li jinvokaw l-Artikoli 56 TFUE et seq. quddiem il-qrati nazzjonali ( 36 ). L-applikazzjoni tal-prinċipji li jirregolaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandha għalhekk tinkiseb, skont it-Trattat tal-FUE, bl-introduzzjoni ta’ politika komuni tat-trasport ( 37 ). Ovvjament, ladarba jiġu adottati, il-miżuri ta’ armonizzazzjoni huma interpretati fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE ( 38 ).

34.

F’dan l-isfond, kont naħseb li l-armonizzazzjoni tas-servizzi fil-qasam tat-trasport, anke jekk bħala parti minn miżura ta’ armonizzazzjoni usa’, għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 91 TFUE.

35.

Madankollu, id-Direttiva 96/71 hija bbażata biss fuq l-Artikoli 53(1) u 62 tat-TFUE u mhux, addizzjonalment, fuq l-Artikolu 91 TFUE. L-istess jgħodd għad-Direttiva 2014/67/UE ( 39 ). Il-konklużjoni loġika tkun li dawn id-Direttivi ma jarmonizzawx is-servizzi fil-qasam tat-trasport. Inċidentalment, id-Direttiva 2006/123, l-hekk imsejħa “Direttiva dwar is-Servizzi”, li għandha l-istess bażijiet legali bħad-Direttivi 96/71 u 2014/67, teskludi speċifikament servizzi fil-qasam tat-trasport ( 40 ). Jiena nissottometti li dan huwa hekk għar-raġuni li għadha kif ġiet iddikjarata: sempliċement li l-Artikoli 53(1) u 62 TFUE ma jidhrux li jkopru servizzi fil-qasam tat-trasport.

36.

Madankollu, il-leġiżlatur tal-UE huwa ta’ opinjoni differenti. Għall-bidu, id-Direttiva 96/71 teskludi expressis verbis“impriżi ta’ marina merkantili fejn għandhom x’jaqsmu l-baħħara” mill-iskop tad-direttiva ( 41 ). Jien se nerġa’ niġi lura għal din id-dispożizzjoni hawn taħt, iżda hawnhekk diġà nista’ nindika li jekk l-impriżi ta’ marina merkantili jiġu esklużi allura, għall-inqas fil-prinċipju, servizzi oħra fil-qasam tat-trasport huma maħsuba biex jiġu inklużi mil-leġiżlatur. Bl-istess mod, id-Direttiva 2014/67 tirreferi, bħala ħaġa ovvja, għal “ħaddiema mobbli fis-settur tat-trasport” ( 42 ).

37.

Kemm jista’ jkun, għalkemm wieħed jista’ biss jispekula għalfejn l-Artikolu 91 TFUE ma ġiex inkluż bħala bażi legali għall-adozzjoni tad-Direttiva 96/71 ( 43 ) is-servizzi fil-qasam tat-trasport huma ġeneralment ikkunsidrati li ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva 96/71. Ma għandix l-intenzjoni li nikkontestaha f’dawn il-konklużjonijiet ( 44 ). Jidher li fil-fatt hu għerf legali li fil-prinċipju, is-servizzi fil-qasam tat-trasport huma koperti mid-direttiva.

3. In casu: servizzi fil-qasam tat-trasport?

38.

Madankollu, f’dan l-istadju nixtieq li fir-rigward tas-servizzi speċifiċi inkwistjoni neżamina jekk jikkostitwixxux “servizzi fil-qasam tat-trasport” jew le.

39.

Kif diġà semmejt hawn fuq, skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu (tat-Trattat) dwar it-trasport, jiġifieri t-Tielet Parti, Titolu VI, tat-Trattat FUE ( 45 ).

40.

Ovvjament, is-servizzi ta’ ikel u tindif fuq ferrovija ma jikkostitwixxux servizzi ta’ trasport fis-sens li jitwasslu nies jew oġġetti minn A sa B ( 46 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “servizzi fil-qasam tat-trasport”“ma tkoprix biss kull att fiżiku tal-moviment tal-persuni jew tal-merkanzija minn post għal ieħor permezz ta’ vetturi, inġenji tal-ajru jew tal-ilma, iżda wkoll kull servizz intrinsikament marbut ma’ tali att.” ( 47 ) F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, eżaminat testijiet tal-affidabilità stradali bħal “servizzi fil-qasam tat-trasport” ( 48 ) peress li huma “jitwettqu bħala kundizzjoni preliminari u indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività prinċipali li huwa t-trasport” ( 49 ).

41.

Jien nifhem li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja timplika li servizzi li min-natura tagħhom stess jikkostitwixxu (b’mod fattwali u legali) conditio sine qua non għall-attività tat-trasport, huma meqjusa bħala servizzi fil-qasam tat-trasport.

42.

Dan ma jistax jingħad dwar is-servizzi inkwistjoni. Is-servizzi inkwistjoni pprovduti bħala servizzi abbord huma indipendenti mill-att tat-trasport. In-nies jieklu u jixorbu kullimkien inkluż fuq il-ferroviji. Il-postijiet għandhom jinżammu nodfa. Inklużi l-ferroviji. Is-servizz ta’ ikel u xorb u tat-tindif tal-ferroviji huwa kompletament anċillari għas-servizz tat-trasport. Jew, fi ftit kliem, ix-xorb ma għandux jiġi servut fuq ferrovija u ferrovija ma għandhiex titnaddaf sabiex iseħħ it-trasport. Jekk xejn, huwa l-maqlub. Bħala konklużjoni, is-sempliċi fatt li l-ikel u x-xorb huma servuti fuq mezz ta’ trasport u li dak il-mezz ta’ trasport jitnaddaf ma jimplikax li aħna qegħdin fil-preżenza ta’ “servizz fil-qasam tat-trasport”.

C.   Fuq il-portata tad-Direttiva 2006/24 - L-ewwel domanda

43.

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71, b’mod partikolari l-Artikolu 1(3)(a), ikoprix il-provvista ta’ ikel u xorb lill-passiġġieri, servizzi abbord jew servizz ta’ tindif mill-ħaddiema ta’ impriża li tipprovdi servizz stabbilita fl-Istat Membru tal-kollokament fit-twettiq ta’ kuntratt ma’ impriża ferrovjarja stabbilita fl-Istat Membru ospitanti meta dawn is-servizzi jiġu provduti fuq ferroviji internazzjonali li jivvjaġġaw ukoll fi ħdan l-Istat Membru ospitanti.

44.

L-opinjonijiet tal-partijiet intervenjenti jistgħu jinġabru fi tliet kategoriji.

45.

Skont l-ewwel teżi, difiża M. Dobersberger, il-Gvern Ungeriż, Pollakk u Ċek, servizzi abbord ta’ catering jew tindif f’ferroviji ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71. Il-fehma opposta tressqet mill-Gvern Awstrijak, dak Franċiż u dak Ġermaniż. It-tielet, il-Kummissjoni tassumi li d-Direttiva 96/71, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha dwar ir-rati tal-paga minima u l-leave annwali minimu mħallas, li jinsabu fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva, hija applikabbli għall-provvista ta’ servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

46.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 96/71 jistipula li hija tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, jimpjegaw ħaddiema skont paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru. L-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71 iżid li d-direttiva tapplika sa fejn li l-impriżi msemmija fil-paragrafu 1 jimpustaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru f’isimhom u taħt id-direzzjoni tagħhom, taħt kuntratt konkluż bejn l-impriża li tagħmel l-issekondar u l-parti li għaliha huma maħsuba s-servizzi, li joperaw f’dak l-Istat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ xogħol bejn l-impriża li tagħmel l-issekondar u l-ħaddiem matul il-perjodu tal-kollokament.

47.

Il-kwistjoni kruċjali tal-ewwel domanda hija jekk il-ħaddiema humiex ikkollokati “fit-territorju” ta’ Stat Membru, jiġifieri fit-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija.

48.

Jiena nissottometti li l-kliem tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71 huwa, inkonklussiv għall-problema inkwistjoni. Ċertament, il-ħaddiema inkwistjoni, waqt li jaqsmu l-Awstrija, huma, legalment u fiżikament, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u, fil-prinċipju, huma suġġetti għall-ġurisdizzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Madankollu, peress li primarjament fiżikament jibqgħu fuq il-ferrovija u jirritornaw fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom, jien għandi diffikultà nassumi li huma ġenwinament ikkollokati “fit-territorju” tal-Awstrija. Jekk xejn, dawn jiġu kkollokati “fit-territorju” tal-ferrovija li, kif jiġri, tgħaddi mill-Awstrija.

49.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tiegħu iżda wkoll il-kuntest tiegħu u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnu, u b’mod partikolari l-oriġini ta’ dik il-leġiżlazzjoni ( 50 ).

50.

L-argument li, b’mod partikolari mill-Gvern Awstrijak, is-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71 peress li, skont l-Artikolu 1(2), id-direttiva ma tapplikax għal impriżi ta’ marina merkantili fejn għandhom x’jaqsmu l-baħħara. Sa fejn id-Direttiva 96/71 speċifikament tneħħi dan is-settur speċifiku ta’ attività mill-portata tagħha, a contrario għandha tapplika għall-oħrajn kollha.

51.

Jien stajt biss naqbel ma’ tali konklużjoni jekk l-oriġini leġiżlattiva tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/71 titfa’ xi dawl fuq din il-kwistjoni. Sfortunatament, dan mhux il-każ, bl-oriġini leġiżlattiva wkoll, hija inkonklużiva dwar dan il-punt.

52.

Tabilħaqq, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/71, li la kien jidher fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni ( 51 ) u lanqas fl-Opinjoni tal-Parlament fl-ewwel qari, ġie miżjud mill-Kunsill fil-Pożizzjoni Komuni ( 52 ) tiegħu mal-proposta emendata tal-Kummissjoni ( 53 ) u baqa’ mal-kliem propost mill-Kunsill sal-adozzjoni tad-direttiva. Ma jidher li hemm l-ebda evidenza li din l-eċċezzjoni kellha tkun eżawrjenti fis-sens li possibbilment tipprevjeni eċċezzjonijiet oħra ( 54 ).

53.

M. Dobersberger isostni li l-opinjoni tiegħu, skont il-każ preżenti jinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71, hija kkonfermata mid-deroga prevista fl-addendum għall-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill tal-1948 li saret fi Brussell fl-24 ta’ Settembru 1996 (9916/96 ADD 1). Skont dan l-addendum, ħaddiem li huwa normalment impjegat fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar u li huwa parti mill-persunal mobbli ta’ impriża li topera għaliha stess fit-trasport professjonali ta’ passiġġieri jew merkanzija internazzjonali permezz tal-linji tal-ferrovija, tat-toroq, tal-ajru jew tal-ilma interni ma jaqgħux fl-ambitu tal-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71. F’tali każ, ma jkun hemm l-ebda ssekondar. M. Dobersberger jemmen li din l-eċċezzjoni tista’ tinftiehem biss li tfisser li mhux biss il-persunal ta’ impriża tat-trasport iżda wkoll il-persunal ta’ impriża ta’ servizz li jipprovdu servizzi varji fuq l-istess mezzi ta’ trasport huma koperti minn din l-eċċezzjoni u għalhekk huma esklużi mill-ambitu tad-Direttiva 96/71.

54.

Huwa ovvju li l-minuti ta’ laqgħa tal-Kunsill ma humiex ta’ natura normattiva. Madankollu, huma jipprovdu indikazzjoni utli dwar l-intenzjoni u l-fehim tal-leġiżlatura u dwar l-interpretazzjoni tat-testi li adottat. U f’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni hija ċara għalija li niddeduċi żewġ affarijiet: l-ewwel, mhux biss l-impriżi ta’ marina merkantili fejn għandhom x’jaqsmu l-baħħara li jistgħu jiġu esklużi mill-ambitu tad-direttiva u, it-tieni, ħaddiema mobbli bħalma huma ħaddiema li jwettqu d-dmirijiet tagħhom fuq mezzi ta’ trasport ma jaqgħux taħt il-loġika tad-direttiva.

55.

Sussegwentement, il-Gvern Awstrijak jindika l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2014/67 li, fil-kuntest tar-rekwiżiti amministrattivi u l-miżuri ta’ kontroll meħtieġa sabiex jiġi żgurat monitoraġġ effettiv tal-konformità mal-obbligi stabbiliti fid-Direttivi 2014/67 u 96/71, tippermetti lill-Istati Membri jimponu l-obbligu li jżommu jew jagħmlu disponibbli dokumenti għall-ħaddiema mobbli fis-settur tat-trasport. Minn dan, il-Gvern Awstrijak jiddeduċi li t-traffiku ferrovjarju transkonfinali ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71.

56.

Dan l-argument, meħud b’mod iżolat, ma jikkonvinċinix. Ma tispeċifika bl-ebda mod x’inhu mifhum minn “ħaddiem mobbli fis-settur tat-trasport” jew sa fejn jasal dan il-kunċett. Din hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni. Ergo, il-fatt li, fir-rigward tal-ħaddiema mobbli fis-settur tat-trasport, ċerti rekwiżiti amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq il-fornituri tas-servizz ma jgħid xejn dwar jekk sitwazzjoni speċifika bħal dik tal-każ inkwistjoni taqax jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71. Fi kliem ieħor, jekk il-każ inkwistjoni jaqax taħt id-Direttiva 96/71 jew le hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni, li ma hijiex solvuta mill-ewwel mill-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2014/67.

57.

Iċ-ċavetta biex tinftiehem u titwieġeb l-ewwel domanda huwa l-għarfien li s-sitwazzjoni ta’ “ħaddiema mobbli ħafna”, terminu użat mill-Gvern Ċek fis-sottomissjonijiet tiegħu, ma taqbilx mal-loġika tad-Direttiva 96/71. Is-sitwazzjoni ta’ ħaddiema mobbli ħafna bħal dawk fil-każ inkwistjoni hija notevolment differenti minn dik ta’ ħaddiema mobbli oħra.

58.

Dak li jiddistingwi ħaddiema mobbli ħafna bħal dawn minn ħaddiema mobbli oħra huwa li l-post tax-xogħol tagħhom huwa, fir-realtà, immaterjali. Ma jimpurtax jekk f’xi ħin speċifiku l-mezzi tat-trasport li fuqhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom ikunux fl-Ungerija, fl-Awstrija jew fil-Ġermanja. Fi kliem ieħor, il-loġika kollha tal-pajjiż tal-oriġini (jew tal-kollokament) u tal-pajjiż tad-destinazzjoni ma tapplikax f’tali sitwazzjoni, peress li ma hemm l-ebda pajjiż tad-destinazzjoni: il-ferrovija titlaq minn Budapest. Tiġi lura Budapest. Jekk xejn, il-pajjiż tad-destinazzjoni huwa l-Ungerija nnifisha. Il-pajjiż tal-oriġini u d-destinazzjoni jikkoinċidu. Ma narax kif is-sitwazzjoni tal-ħaddiema tal-każ inkwistjoni hija differenti minn dawk li jaħdmu, ngħidu aħna, fuq it-tramm ta’ Budapest.

59.

F’dan il-kuntest, nixtieq infakkar li skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 96/71, it-terminu “ħaddiem kollokat” ifisser ħaddiem li, għal perijodu limitat, iwettaq ix-xogħol tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru li fih normalment jaħdem.

60.

Waqt is-seduta, il-fehma ġiet iddefenduta b’mod partikolari mill-Gvern Ungeriż, li f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, lanqas ma kien possibbli li jiġi ddeterminat f’liema Stat Membru l-ħaddiem normalment jaħdem, minħabba li s-sitwazzjoni fuq ferrovija internazzjonali hija tant speċifika, għar-raġunijiet deskritti hawn fuq. Jien, madankollu, ma nagħmilx tali affermazzjoni estensiva. Fil-fehma tiegħi, il-post tax-xogħol normali huwa l-Ungerija. Huwa hawn u minn hawn li l-ħaddiema inkwistjoni jibdew ix-xogħol tagħhom, jgħabbu l-ferroviji, iżommu kont tal-ħażniet u oħrajn. Kruċjali l-fatt li huwa hawn fejn għandhom iċ-ċentru (ekonomiku) tal-ħajja tagħhom. Hawnhekk huma jħallsu għall-akkomodazzjoni tagħhom u jixtru l-merċa tagħhom. Għalhekk huma suġġetti unikament għall-għoli tal-ħajja fl-Ungerija. Il-preżenza temporanja tagħhom fl-Awstrija matul ġurnata tax-xogħol speċifiku ma għandha l-ebda effett fuq l-għoli tal-ħajja tagħhom.

61.

Konsegwentement, il-loġika kollha tad-Direttiva 96/71 taqa’, din id-direttiva sempliċement ma għandhiex tidħol fix-xena.

62.

Finalment, nixtieq nindirizza fil-qosor l-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li d-direttiva tapplika fil-prinċipju, iżda li, minħabba l-partikolaritajiet li jirriżultaw min-natura mobbli ħafna tas-servizzi transkonfinali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ukoll ir-rabta insuffiċjenti tagħhom mat-territorju tal-Istat Membru “ospitanti”, l-applikazzjoni tar-rati tal-pagi minimi u r-regoli dwar it-tul minimu tal-leave imħallas ma humiex iġġustifikata. Il-Kummissjoni tiddeduċi dan mill-Artikolu 56 TFUE, li fid-dawl tiegħu tixtieq tinterpreta d-direttiva.

63.

Ma naqbilx ma’ approċċ bħal dan.

64.

Minħabba t-tensjoni naturali bejn l-Artikolu 56 TFUE u d-Direttiva 96/71 li ġiet deskritta hawn fuq, l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tikkomplika l-kwistjonijiet iktar milli ssolvihom. Meta jitqies ix-xenarju estrem, tali applikazzjoni à la carte tad-Direttiva 96/71 fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE jista’ jwassal għall-ebda applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva. Dan inaqqas iċ-ċertezza legali, minħabba li d-direttiva ġiet adottata preċiżament biex tippreskrivi bir-reqqa x’inhu u x’mhux permess fil-kuntest tal-kollokament tal-ħaddiema.

65.

Għalhekk ir-risposta proposta għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 96/71 ma jkoprix is-servizzi bħall-provvista ta’ ikel u xorb lill-passiġġieri, servizz abbord jew servizzi ta’ tindif mill-ħaddiema ta’ impriża li tipprovdi servizz stabbilit fl-Istat Membru tal-kollokament fit-twettiq ta’ kuntratt ma’ impriża ferrovjarja stabbilita fl-Istat Membru ospitanti meta dawn is-servizzi huma pprovduti fuq ferroviji internazzjonali li jivvjaġġaw ukoll mill-Istat Membru ospitanti.

D.   Dwar ktajjen ta’ subappalt - It-tieni u t-tielet domandi

66.

Peress li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71 ma japplikawx f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, it-tieni u t-tielet domanda huma ipotetiċi u ma għandhomx għalfejn jiġu mwieġba mill-Qorti tal-Ġustizzja - sakemm ovvjament il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tilħaq konklużjoni differenti fir-rigward tal-ewwel domanda u tkun tal-opinjoni li d-Direttiva 96/71 tapplika għall-każ inkwistjoni. F’sitwazzjoni bħal din, id-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar it-tieni u t-tielet domandi għandhom jiġu eżaminati.

67.

It-tieni u t-tielet domandi għandhom tema simili, peress li t-tnejn jikkonċernaw ktajjen ta’ subappalt u l-istruttura ta’ relazzjonijiet kuntrattwali fl-istadji varji tal-kollokament tal-ħaddiema.

1. Fuq it-tieni domanda

68.

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71 ikoprix ukoll il-każ fejn l-impriża ta’ servizzi li għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru mittenti ma tipprovdix is-servizzi msemmija fl-ewwel domanda fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż mal-operatur ferrovjarju stabbilit fl-Istat Membru ospitanti, li jibbenefika b’mod definittiv minn servizzi (destinatarju tal-provvista ta’ servizzi), iżda fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż ma’ impriża oħra stabbilita fl-Istat Membru ospitanti, li min-naħa tagħha, tkun ikkonkludiet kuntratt mal-operatur ferrovjarju (katina ta’ subappalt)?

69.

Din id-domanda għandha titqies fl-isfond tad-dritt nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva 96/71. Il-qorti tar-rinviju tfittex indirettament li tivverifika jekk id-direttiva ġietx implimentata korrettament fid-dritt Awstrijak.

70.

Huwa partikolarment it-termini “taħt kuntratt konkluż bejn l-impriża li tagħmel il-kollokament u l-parti li għaliha huma maħsuba s-servizzi” li hija fil-periklu f’dan il-punt.

71.

Fil-fatt, kif ġie deskritt hawn fuq, ma hemm l-ebda kuntratt bejn ÖBB u Henry am Zug, iżda, minflok, dawn iż-żewġ impriżi huma marbuta minn katina ta’ tliet appalti: hemm kuntratt bejn ÖBB u D. (stabbilit fl-Awstrija) għal servizz abbord, il-preparazzjoni u l-bejgħ ta’ ikel u xorb fuq il-ferroviji ta’ ÖBB, li ġiet mgħoddija minn D. lil Henry am Zug (stabbilit fl-Ungerija) permezz ta’ subappalt permezz ta’ H. (impriża oħra stabbilita fl-Awstrija).

72.

Id-domanda hija jekk din il-kostruzzjoni ta’ subappalti twassalx biex il-każ inkwistjoni ma jkunx kopert mill-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71.

73.

Naħseb li le.

74.

Skont il-qorti tar-rinviju, l-impriżi involuti fil-katina tas-subappalti huma kollha stabbiliti fl-Awstrija, il-pajjiż li fih huma kkollokati l-ħaddiema. Għalhekk ma jistax jagħmel differenza jekk ÖBB, li fuq il-ferroviji tagħha l-ħaddiema jwettqu s-servizzi tagħhom, jew impriża oħra li topera fl-Awstrija, ikkonkludietx kuntratt ma’ Henry am Zug. Fi kwalunkwe każ, il-kollokament iseħħ taħt kuntratt bejn l-impriża li tibgħat Henry am Zug u riċevitur ta’ servizzi li joperaw fl-Istat Membru ospitanti.

75.

Jekk ÖBB u Henry am Zug humiex direttament marbuta b’appalt wieħed jew permezz ta’ katina ta’ appalti jammontaw għall-istess ħaġa. Għall-finijiet tal-Artikolu 1(3)(a), hemm appalt bejniethom.

2. II Fuq it-tielet domanda

76.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tipprova tivverifika jekk l-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71 ikoprix ukoll is-sitwazzjoni fejn l-impriża li tipprovdi servizz stabbilita fl-Istat Membru tal-kollokament ma tużax il-ħaddiema tagħha stess iżda għal ħaddiema oħra li kienu mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha fl-Istat Membru tal-kollokament.

77.

Din id-domanda għandha titqies ukoll fl-isfond tad-dritt nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva 96/71. Għal darb’oħra, il-qorti tar-rinviju indirettament tipprova tivverifika jekk id-direttiva ġietx implimentata korrettament fid-dritt Awstrijak.

78.

Din id-darba hija l-interpretazzjoni tat-termini “sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ xogħol bejn l-impriża li tagħmel l-issekondar u l-ħaddiem matul il-perjodu tal-kollokament” li fuqhom il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika.

79.

Kif ġie deskritt hawn fuq, Henry am Zug min-naħa jirrikorri għall-ħaddiema tiegħu stess u min-naħa oħra għal dawk minn kumpanija oħra. Il-qorti tar-rinviju tassumi li dan mhux kopert mill-Artikolu 1(3)(ċ) tad-Direttiva 96/71, minħabba nuqqas ta’ element transkonfinali. Tabilħaqq, dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom sar fl-Ungerija ( 55 ).

80.

Huwa veru li l-kliem tal-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71 huwa ċar peress li bl-ebda mod inċert (“provdut”) ( 56 ) li “relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tibgħat u l-ħaddiem fil-perjodu tal-kollokazzjoni” hija meħtieġa. Dan jidher li jindika interpretazzjoni li taħtha dawk il-ħaddiema, li ma humiex direttament impjegati minn Henry am Zug innifsu, ma jaqgħux taħt l-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71. ( 57 )

81.

Minkejja li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jidher li huwa ċar, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tħares lil hinn mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fehma tiegħi, ma jistax ikun hemm dubju dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 96/71, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

82.

Fid-dawl tal-kontenut u l-għan tad-Direttiva 96/71, huwa irrilevanti għall-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jekk impriża stabbilita fi Stat Membru nnifisha tibgħatx ħaddiema fi Stat Membru ieħor jew jekk dan isirx indirettament billi tittrasferihom lil impriża oħra. Fiż-żewġ każijiet hemm il-provvista ta’ servizz transkonfinali li jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 56 TFUE. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71 għandu għalhekk jiġi interpretat li jkopri l-operazzjonijiet ta’ kollokament temporanji kollha suġġetti għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Kif intwera iktar ’il fuq, l-iskop maħsub tad-Direttiva 96/71 huwa, b’mod partikolari, li jiżgura bilanċ “ġust” bejn, minn naħa, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ impriżi li jikkollokaw ħaddiema u, min-naħa l-oħra, protezzjoni soċjali ta’ ħaddiema kkollokati. Il-ħtieġa li ħaddiema kkollokati fil-pajjiż ospitanti jitħallew jibbenefikaw minn sett minimu ta’ regoli ta’ protezzjoni definiti b’mod ċar ma hijiex rilevanti kemm jekk il-ħaddiem ikkollokat jintbagħat direttament minn min iħaddmu għal pajjiż ospitanti jew minn impriża li jkun ġie kkollokat magħha ( 58 ).

83.

Għaldaqstant nipproponi li tingħata risposta għat-tielet domanda fis-sens li l-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71 ikopri wkoll il-każ fejn l-impriża ta’ servizzi li għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru mittenti ma tużax l-impjegati tagħha stess, iżda l-ħaddiema ta’ impriża oħra, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom issir fl-Istat Membru mittenti.

E.   L-Artikolu 56 TFUE - Ir-raba’ domanda

84.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tipprova tivverifika jekk l-Artikolu 56 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fid-dawl tal-provvista ta’ servizz l-obbligu li josservaw il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 u l-osservanza tal-obbligi anċillari (b’mod partikolari dak dwar id-dikjarazzjoni tal-kollokament transkonfinali ta’ ħaddiema lil awtorità tal-Istat Membru ospitanti u dak dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dokumenti li jikkonċernaw l-ammont tar-remunerazzjoni u l-affiljazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema mas-sigurtà soċjali) f’sitwazzjonijiet li fihom

L-ewwel, il-ħaddiema kollokati b’mod transkonfinali jagħmlu parti mill-persunal mobbli ta’ operatur ferrovjarju li għandu attività transkonfinali jew ta’ impriża li tipprovdi servizzi tipiċi ta’ operatur ferrovjarju (servizz ta’ ristorazzjoni permezz ta’ ikel u xorb lill-passiġġieri; servizzi ta’ alloġġ) fil-ferroviji tiegħu, li jaqsmu l-fruntieri tal-Istati Membru

It-tieni, il-kollokament ma huwa bbażat fuq ebda kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi jew, tal-inqas, ma huwiex ibbażat fuq kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi konkluż bejn l-impriża mittenti u d-destinatajru tal-provvista ta’ servizzi li jeżerċita l-attività tiegħu fi Stat Membru ieħor, minħabba li l-obbligu li jiġu pprovduti servizzi fuq l-impriża mittenti fir-rigward tad-destinatarju tal-provvista ta’ servizzi li jeżerċita l-attività tiegħu fi Stat Membru ieħor jirriżulta mill-kuntratti ta’ subappalt (katina ta’ subappalt), u

It-tielet, il-ħaddiema kkollokati ma għandhomx relazzjoni ta’ xogħol mal-impriża mittenti, iżda relazzjoni ta’ xogħol ma’ impriża terza li tqiegħed lill-ħaddiema tagħha għad-dispożizzjoni tal-impriża mittenti fit-territorju tal-Istat Membru tas-sede tal-impriża mittenti.

85.

Din id-domanda ġiet mitluba “irrispettivament” mir-risposti għall-ewwel tliet domandi. L-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda waslitni għall-konklużjoni li d-Direttiva 96/71 ma hijiex applikabbli inkwistjoni. Jiena, korrispondentement, ser nillimita l-evalwazzjoni tiegħi tar-raba’ domanda għall-alternattiva tad-Direttiva 96/71 li ma hijiex applikabbli.

86.

Qabel ma ngħaddi għall-eżami tal-Artikolu 56 TFUE, nixtieq niċċara li l-kriterju għall-iskrutinju huwa tabilħaqq l-Artikolu 56 TFUE, u mhux id-Direttiva 2006/123.

1. Fuq id-Direttiva 2006/123

87.

Skont l-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 2006/123, din id-Direttiva ma taffettwax il-liġi tal-impjieg, jiġifieri kwalunkwe dispożizzjoni legali jew kuntrattwali dwar il-kondizzjonijiet tal-impjieg, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u r-relazzjoni bejn min jimpjega u l-ħaddiema, li l-Istati Membri japplikaw skont id-dritt nazzjonali li tirrispetta d-dritt tal-Unjoni.

88.

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 2006/123 “ma tistabbilixxi ebda distinzjoni bejn, minn naħa, ir-regoli sostantivi fil-qasam tad-dritt industrijali u, min-naħa l-oħra, ir-regoli dwar il-miżuri previsti sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn ir-regoli sostantivi u dawk intiżi sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-sanzjonijiet imposti f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-regoli ( 59 ).

89.

F’dan l-isfond, fl-opinjoni tiegħi, ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju li l-miżura inkwistjoni hija koperta minn din id-dispożizzjoni u għalhekk ma taqax fl-ambitu tad-Direttiva 2006/123. ( 60 )

2. Restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servzzi

90.

Huwa magħruf sew li l-Artikolu 56 TFUE jeżiġi mhux biss it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront ta’ min jipprovdi servizzi transkonfinali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-prestatarji nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta tkun tali li tipprojbixxi, tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur tas-servizz stabbilit fi Stat membru ieħor, fejn legalment jipprovdi servizzi simili ( 61 ).

91.

L-obbligu li impriża tikkonforma mal-miżuri Awstrijaċi inkwistjoni bla dubju jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt din id-definizzjoni. L-attività ta’ Henry am Zug hija fil-fatt magħmula inqas vantaġġuża fir-rigward tal-attivitajiet tagħha fl-Ungerija.

92.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-miżuri nazzjonali li ġejjin jikkostitwixxu restrizzjoni skont l-Artikolu 56 TFUE: miżuri nazzjonali li jirrikjedu li l-fornituri tas-servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra jiksbu permessi tax-xogħol għall-kollokament tal-ħaddiema tagħhom li kienu ċittadini ta’ Stati mhux membri u li legalment għexu u ħadmu f’dak l-Istat Membru l-ieħor ( 62 ), rekwiżiti tal-viża u kontrolli minn qabel ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-kuntest tal-kollokament ( 63 ) u, speċifikament, miżura Awstrijaka li tagħmel il-kollokament ta’ ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat mhux Membru minn impriża fi Stat Membru ieħor suġġett għall-akkwist minn dik l-impriża ta’ dokument magħruf bħala “Konferma tal-Kollokament tal-UE” ( 64 ). L-ebda wieħed mit-tliet każijiet imsemmija ma jaqa’ taħt id-Direttiva 96/71, peress li l-kollokament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet tal-forniment ta’ servizzi transkonfinali ma kienx armonizzat fil-livell tal-Unjoni ( 65 ).

3. Ġustifikazzjoni?

93.

Madankollu, hija ġurisprudenza ugwalment konsistenti li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tkun iġġustifikata meta tissodisfa raġuni prevalenti ( 66 ) li għandha x’taqsam mal-interess pubbliku (jiġifieri, hemm raġuni għal ġustifikazzjoni) u li l-interess ma jkunx diġà salvagwardjat mir-regoli li għalihom il-fornitur tas-servizz huwa suġġett għalih fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit u sa fejn huwa xieraq li jiġi assigurat il-kisba ta’ dak l-għan li huwa jsegwi u ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan (jiġifieri, huwa proporzjonat) ( 67 ).

94.

Ir-raġunijiet l-iktar importanti relatati mal-interess pubbliku, invokati mir-Repubblika tal-Awstrija sabiex tiġġustifika r-restrizzjoni tal-kontrolli tal-pagi u l-obbligu li tirrapporta l-kollokament u żżomm is-sigurtà soċjali u d-dokumenti tal-pagi disponibbli, jiġifieri l-protezzjoni tal-ħaddiema ( 68 ), il-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni inġusta ( 69 ) u l-ġlieda kontra l-frodi, ġew irrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha bħala tali.

95.

Kif inhu tassew ċar minn każijiet bħal, pereżempju, Seco u Desquenne & Giral ( 70 ), Rush Portuguesa ( 71 ), Guiot ( 72 ) u Arblade et ( 73 ), fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni l-Istati Membri jistgħu jobbligaw lill-fornituri tas-servizzi li jimpjegaw ħaddiema bil-għan li jipprovdu servizzi biex, ngħidu aħna, iħallsu lil ħaddiema bħal dawn ir-remunerazzjoni minima applikabbli fl-Istat Membru ospitanti, anke jekk dawn il-ħaddiema jwettqu l-attività tagħhom, temporanjament biss, fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u irrispettivament mill-pajjiż li fih huwa stabbilit min iħaddem. L-Istati Membri jistgħu jinfurzaw dawn ir-regoli ( 74 ).

96.

Intennni l-analiżi tiegħi fil-kuntest tal-ewwel domanda, tali ġurisprudenza tammonta de facto għall-obbligu fuq il-fornituri tas-servizzi u l-persunal tagħhom biex jistabbilixxu ruħhom temporanjament fl-Istat Membru ospitanti. Meta tagħmel hekk, il-libertà li tipprovdi servizzi flimkien mal-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini tagħha hija ristretta b’mod kunsiderevoli.

97.

Tkun li tkun, jekk wieħed jaċċetta, fir-rigward tal-każ inkwistjoni, u f’konformità mal-ġurisprudenza msemmija hawn fuq li hemm raġunijiet imperattivi validi rrelatati mal-interess pubbliku li jistgħu jiġu invokati mir-Repubblika tal-Awstrija, dan iħallilna d-domanda jekk il-miżuri meħuda humiex proporzjonati sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija. Fl-aħħar mill-aħħar, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità għandha ssir mill-qorti tar-rinviju.

98.

Madankollu, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, ma jidhirlix li l-miżuri inkwistjoni huma ġġustifikati skont l-Artikolu 56 TFUE.

99.

Hawnhekk, kif ukoll il-kwistjoni tal-qorti tar-rinviju, għandha ssir distinzjoni bejn it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-ħaddiema u l-obbligi ta’ akkumpanjament.

100.

L-ewwel, fir-rigward tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg, jiġifieri, id-dispożizzjonijiet relatati mal-ħlas ( 75 ), il-vaganzi u oħrajn, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi ġġustifikat, preċiżament minħabba r-rabta nieqsa mat-territorju tal-Awstrija.

101.

Bħala konsegwenza, ir-raġunament sħiħ tal-obbligi ta’ akkumpanjament huwa fiss u, għaldaqstant, diffiċli li jiġu ġġustifikati. Id-dritt Awstrijak inkwistjoni jpoġġi firxa sħiħa ta’ obbligi fuq min iħaddem. Filwaqt li ma nkunx qed nikkontesta r-rekwiżit li nżomm id-dokumenti disponibbli relatati mad-dikjarazzjoni ta’ ħaddiem għas-sigurtà soċjali, nassumi li l-obbligi li ġejjin huma problematiċi: l-obbligu għal min iħaddem li jiddikjara, mill-inqas ġimgħa qabel il-bidu tax-xogħol inkwistjoni, l-użu ta’ ħaddiema li ġew assenjati biex jaħdmu fl-Awstrija (l-ewwel obbligu) u l-obbligu għal min iħaddem li jżomm (a) il-kuntratt tal-impieg jew il-karta tas-servizz u l-karta tal-pagi disponibbli fil-post tat-twettiq tax-xogħol u bil-lingwa Ġermaniża, (b) il-prova tal-ħlas ta’ pagi jew trasferimenti bankarji, rendikonti tal-pagi, skedi tal-ħin, rekords tas-sigħat maħduma u dokumenti relatati mal-klassifikazzjoni fl-iskala tas-salarji, sabiex ikun jista’ jiġi vverifikat li l-ħaddiem ikkollokat jirċievi, għat-tul tat-terminu tal-impjieg, il-pagi dovuti lilu skont id-dispożizzjonijiet legali (it-tieni obbligu).

102.

Fir-rigward tal-ewwel obbligu, ma narax għalfejn min iħaddem għandu jiddikjara ġimgħa bil-quddiem min jiġi kkollokat u, fir-rigward tat-tieni obbligu, jekk il-ħaddiema inkwistjoni jistgħu jiġu impjegati taħt termini u kundizzjonijiet Ungeriżi, ma huwiex għall-awtoritajiet Awstrijaċi biex jivverifikaw jekk dawn it-termini u kundizzjonijiet ġewx irrispettati.

103.

Bħala konsegwenza, ir-risposta proposta għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tagħmel il-kollokament tal-ħaddiema kondizzjonali fuq il-konformità mal-obbligi ta’ akkumpanjament.

V. Konklużjoni

104.

Għaldaqstant nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) fit-talba għal deċiżjoni preliminari tkun kif ġej:

L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar il-kollokazzjoni ta’ ħaddiema fil-qafas tal-forniment ta’ servizzi ma jkoprix is-servizzi bħall-provvista ta’ ikel u ta’ xorb lill-passiġġieri, servizz abbord jew servizzi ta’ tindif mill-ħaddiema ta’ impriża li tipprovdi servizz stabbilita fl-Istat Membru tal-kollokament fit-twettiq ta’ kuntratt ma’ impriża ferrovjarja stabbilita fl-Istat Membru ospitanti meta dawn is-servizzi huma provduti fuq ferroviji internazzjonali li jivvjaġġaw ukoll mill-Istat Membru ospitanti.

L-Artikolu 56 TFUE jipprekludi dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tobbliga wkoll b’mod obbligatorju impriżi li jimpustaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor bil-għan li jipprovdu servizz biex jikkonformaw mat-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg fit-tifsira tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 u biex tikkonforma mal-obbligi ta’ akkumpanjament (bħal, b’mod partikolari, l-obbligu li tipprovdi notifika dwar il-kollokament transkonfinali ta’ ħaddiema lil awtorità pubblika fl-Istat Membru ospitanti u l-obbligu li żżomm dokumenti relatati mal-livell ta’ rimunerazzjoni u għar-reġistrazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ dawn il-ħaddiema) f’sitwazzjonijiet li fihom.

L-ewwel, il-ħaddiema kollokati b’mod transkonfinali jagħmlu parti mill-persunal mobbli ta’ operatur ferrovjarju li għandu attività transkonfinali jew ta’ impriża li tipprovdi servizzi tipiċi ta’ operatur ferrovjarju (servizz ta’ ristorazzjoni permezz ta’ ikel u xorb lill-passiġġieri; servizzi ta’ alloġġ) fil-ferroviji tiegħu, li jaqsmu l-fruntieri tal-Istati Membru

It-tieni, il-kollokament ma huwa bbażat fuq ebda kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi jew, tal-inqas, ma huwiex ibbażat fuq kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi konkluż bejn l-impriża mittenti u d-destinatajru tal-provvista ta’ servizzi li jeżerċita l-attività tiegħu fi Stat Membru ieħor, minħabba li l-obbligu li jiġu pprovduti servizzi fuq l-impriża mittenti fir-rigward tad-destinatarju tal-provvista ta’ servizzi li jeżerċita l-attività tiegħu fi Stat Membru ieħor jirriżulta mill-kuntratti ta’ subappalt (katina ta’ subappalt), u

It-tielet, il-ħaddiema kkollokati ma għandhomx relazzjoni ta’ xogħol mal-impriża mittenti, iżda relazzjoni ta’ xogħol ma’ impriża terza li tqiegħed lill-ħaddiema tagħha għad-dispożizzjoni tal-impriża mittenti fit-territorju tal-Istat Membru tas-sede tal-impriża mittenti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar il-kollokament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-forniment ta’ servizzi (ĠU 1997 L 18, p. 1).

( 3 ) BGBl. 459/1993.

( 4 ) Ir-Regolament tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità (ĠU L 197, 149, p. 2).

( 5 ) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (ĠU 2004 L 166, p. 1).

( 6 ) Sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014 (C-315/13, EU:C:2014:2408, punti 42 sa 48).

( 7 ) Ara l-konklużjoniet tiegħi f’AY (C-268/17, EU:C:2018:317, punt 26).

( 8 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Krüsemann et (C-195/17, C‑197/17 sa C-203/17, C-226/17, C-228/17, C-254/17, C-274/17, C-275/17, C‑278/17 sa C-286/17 u C-290/17 sa C-292/17, EU:C:2018:258, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, Celestini (C-105/94, EU:C:1997:277, punt 22).

( 10 ) Ara ibid. u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 11 ) Sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014 (C-315/13, EU:C:2014:2408, punti 42 sa 48).

( 12 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda X u Visser (C-360/15 u C‑31/16, EU:C:2017:397, punt 1).

( 13 ) Bħal fi: strumenti normattivi fis-sens tal-Artikolu 288 tat-TFUE, adottati fuq bażi legali u wara proċedura prevista fit-Trattat tal-FUE.

( 14 ) Jew, skont il-każ, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar servizzi fis-suq intern (ĠU 2006 L 376, p. 36).

( 15 ) Ara l-premessa 5 tad-Direttiva 96/71. Ara, barra minn hekk, is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal-20 ta’ Marzu 2013, in-Norveġja vs Jonsson, E-3/12 EFTA Ct. Rep., punt 58: “Id-Direttiva 96/71 għandha l-għan li primarjament tipproteġi l-moviment ħieles tas-servizzi aktar milli l-protezzjoni tal-ħaddiema.” L-enfasi miżjuda.

( 16 ) Ibid.

( 17 ) Ara l-premessi 5 u 13 tad-Direttiva 96/71.

( 18 ) Ara Tscherner, E. M., Arbeitsbeziehungen u Europäische Grundfreiheiten, Sellier pubblikaturi tal-liġi Ewropea, Munich, 2012, p. 63. Ara wkoll Krebber, S., “Die Bedeutung von Entsenderichtlinie und Arbeitnehmer-Entsendegesetz für das Arbeitskollisionsrecht”, Praxis des Internationalen Privat- und Verfahrensrechts (IPrax), 2001, p. 22-28, f’p. 23-24.

( 19 ) Ara wkoll f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Laval un Partneri (C-341/05, EU:C:2007:291, punt 171) u konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-319/06, EU:C:2007:516, punt 33).

( 20 ) Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008 L 177, p. 6, iktar ’il quddiem “ir-Regolament Ruma I”), li skontha kuntratt tax-xogħol individwali huwa rregolat mil-liġi magħżula mill-partijiet (Ara l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Ruma I) jew, sal-punt li ma kien hemm l-ebda għażla bħal din “il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih jew, fin-nuqqas ta’ dan, li minnu limpjegat abitwalment jeżerċita l-impjieg tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Il-pajjiż li fih ix-xogħol abitwalment jitwettaq m’għandux jitqies li nbidel jekk il-persuna tiġi impjegata temporanjament f’pajjiż ieħor.” Ara l-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Ruma I. Dwar l-interazzjoni bejn dak ir-regolament u d-Direttiva 96/71, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Sähköalojen ammattiliitto (C-396/13, EU:C:2014:2236, punti 5051).

( 21 ) Id-Direttiva 96/71 kellha tiġi trasposta sas-16 ta’ Diċembru 1999, ara l-Artikolu 7(1) tad-direttiva.

( 22 ) Ara, bħala eżempju, sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2001, Mazzoleni u ISA (C-165/98, EU:C:2001:162, punt 27); tal-25 ta’ Ottubru 2001, Finalarte et (C-49/98, C-50/98, C-52/98 sa C-54/98 u C-68/98 sa C-71/98, EU:C:2001:564, punt 33); tal-24 ta’ Jannar 2002, Portugaia Construções (C-164/99, EU:C:2002:40, punt 20); u tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wolff & Müller (C‑60/03, EU:C:2004:610, punt 35).

( 23 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Frar 1982, Seco u Desquenne & Giral (62/81 u 63/81, EU:C:1982:34, punt 10).

( 24 ) Ara s-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1996, Guiot (C-272/94, EU:C:1996:147, punt 15), u tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et (C-369/96 u C-376/96, EU:C:1999:575, punt 51).

( 25 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007 (C-341/05, EU:C:2007:809).

( 26 ) Ibid., punt 103. Enfasi tiegħi.

( 27 ) Ara, bħala eżempju, sentenzi tas-26 ta’ April 1988, Bond van Adverteerders et (352/85, EU:C:1988:196, punt 34); tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C-113/16, EU:C:2018:157, punt 123); u tal-21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (Usufruct fuq art agrikola) (C-235/17, EU:C:2019:432, punt 121).

( 28 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, SETTG (C-398/95, EU:C:1997:282, punt 23).

( 29 ) Dwar il-kunċett ta’ “dumping soċjali”, ara wkoll Ryszka, J., Prawa społeczne pracowników a prawa pracodawców-przedsiębiorców na rynku wewnętrznym Unii Europejskiej, C.H. Beck, Varsavja, 2018, p. 277-278.

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, Krebber, S., op. cit., f’p. 23-24

( 31 ) F’dan il-kuntest, ta’ min ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, li “il-fatt li ċittadin ta’ Stat Membru, li jixtieq joħloq kumpannija, jagħżel li jifformaha fl-Istat Membru li l-liġijiet dwar il-kumpanniji tiegħu jkunu, fil-fehma tiegħu, l-anqas onerużi u li joħloq fergħat fi Stati Membri oħra ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, użu abbużiv tad-dritt ta’ stabbiliment. Fil-fatt, id-dritt li jistabbilixxi kumpannija in konformità mal-liġijiet ta’ Stat Membru u li joħloq fergħat fi Stati Membri oħra huwa inerenti fl-eżerċizzju, f’suq wieħed, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat.” Ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C-212/97, EU:C:1999:126, punt 27).

( 32 ) Ara Müller-Graff, P.-Chr., “Die Verfassungsziele der Europäischen Union”, punt 113, f’Dauses, M. A., Handbuch des EU-Wirtschaftsrechts, Banda 1, EL 31, C. H. Beck, Munich, 2016.

( 33 ) Artikoli 90 sa 100 tat-TFUE.

( 34 ) Ara Müller-Graff, P.-Chr., F’R. Streinz (ed.), EUV/AEUV, C.H. Beck, it-3 edizzjoni, Munich, 2018, Artikel 58 AEUV, punt 1.

( 35 ) Ara s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (13/83, EU:C:1985:220, punti 6263).

( 36 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Trijber u Harmsen (C-340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:505, punt 27).

( 37 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 1991, Pinaud Wieger (C-17/90, EU:C:1991:416, punt 7). Dan, madankollu, ma jipprekludix applikazzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-istabbiliment, ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Yellow Cab Verkehrsbetrieb (C-338/09, EU:C:2010:814, punt 33).

( 38 ) Ara wkoll Kainer, F., Persch, J., “Der Verkehr im Binnenmarktrecht:Sonderfall jew Dienstleistung? - Anstöße für eine Riforma der Art. 90 ff. AEUV”, Europarecht, 2018, p. 33-61, f’p. 34.

( 39 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (iktar ’il quddiem “ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU 2014 L 159, p. 11)

( 40 ) Ara l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123.

( 41 ) Ara l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/71.

( 42 ) Ara l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2014/67.

( 43 ) Spjegazzjoni possibbli hija li l-Artikolu 75 TKE, il-prekursur tal-Artikolu 91 TFUE, fil-forma applikabbli fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Direttiva 96/71, jiġifieri, skont id-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1993 tat-Trattat ta’ Maastricht, kien soġġett għall-proċedura ta’ kooperazzjoni tal-Artikolu 189ċ TKE, filwaqt li l-Artikolu 57(2) TKE, il-prekursur tal-Artikolu 53(1) TFUE, kien suġġett għall-proċedura ta’ kodeċiżjoni tal-Artikolu 189b TKE. Il-proċedura preċedenti, introdotta bl-Att Uniku Ewropew u fl-aħħar imħassara bit-Trattat ta’ Liżbona, kienet tipprovdi għal inqas drittijiet għall-Parlament Ewropew minn tal-aħħar. Forsi l-leġiżlatur ma riedx li jakkumula dawn iż-żewġ proċeduri għall-finijiet tal-adozzjoni tad-Direttiva 96/71.

( 44 ) Fi kwalunkwe każ, taħt kundizzjonijiet preżenti, l-Artikoli 53(1), 62 u 91 tat-TFUE huma kollha rregolati mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

( 45 ) Artikoli 90 sa 100 tat-TFUE.

( 46 ) Dwar il-kunċett ta’ “transport”, ara wkoll l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi Magħquda Trijber u Harmsen (C-340/14 u C-341/14, EU:C:2015:505, punti 30 et seq.)

( 47 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et (C-168/14, EU:C:2015:685, punt 46), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fi Grupo Itevelesa et (C-168/14, EU:C:2015:351, punt 28). Ara wkoll is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C-434/15, EU:C:2017:981, punt 41) u konklużjonijet 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Singapor) tas-16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punt 61).

( 48 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et (C-168/14, EU:C:2015:685, punt 50).

( 49 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et (C-168/14, EU:C:2015:685, punt 47).

( 50 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger (C-414/16, EU:C:2018:257, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata)

( 51 ) Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-ikkollokar ta’ ħaddiema fil-qafas tal-forniment ta’ servizzi, Brussell, l-1 ta’ Awwissu 1991, COM(91) 230 finali.

( 52 ) Ara l-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 32/96 adottata mill-Kunsill fit-3 ta’ Ġunju 1996 bil-ħsieb li tadotta d-Direttiva 96/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ikkollokar ta’ ħaddiema fil-qafas tad-dispożizzjoni tas-servizzi (ĠU 1996 C 220, p. 1, punt III.2.1.b.).

( 53 ) Ara l-Proposta Emendata għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-ikkollokar ta’ ħaddiema fil-qafas tal-forniment ta’ servizzi, Brussell, 15 ta’ Ġunju 1993, COM(93) 225 finali.

( 54 ) Għandu jiżdied f’dan il-punt li għall-kuntrarju tal-affermazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-Kummissjoni biħsiebha, fil-proposta inizjali tagħha tal-1991, teskludi “membri tal-persunal tal-ivjaġġar ta’ impriża li topera servizzi ta’ trasport internazzjonali għal passiġġieri jew merkanzija bil-ferrovija, bit-triq, bl-ajru, bil-passaġġi fuq l-ilma interni jew bil-baħar” - u li waqqgħet din l-esklużjoni fil-proposta emendata tagħha fl-1993. Tabilħaqq, dik is-silta kkwotata mill-Gvern Ġermaniż tinsab fil-punt 23 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tall-proposta tad-direttiva tal-1991. Min-naħa l-oħra, il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta emendata tad-direttiva tal-1993 jiffoka, bħal ma jagħmel, b’mod uniku fuq il-bidliet fir-rigward tal-proposta tal-1991. Peress li ma kien hemm l-ebda bidla korrispondenti, fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-persunal tal-ivvjaġġar ma kellha ssir l-ebda referenza. Jekk xejn, l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-persunal li jivvjaġġa tibqa’ valida għall-abbozz ta’ direttiva, sal-adozzjoni.

( 55 ) L-opinjoni opposta, imħarsa b’mod partikolari mill-Gvern Ġermaniż, tenfasizza li l-Artikolu 1(3)(ċ) tad-Direttiva 96/71 jirreferi mhux biss għall-post ta’ stabbiliment ta’ impriża (l-Ungerija fil-każ ta’ Henry am Zug), iżda, alternattivament, għat-territorju ta’ operazzjoni ta’ impriża (forsi - kif hemm katina ta’ appalt - l-Awstrija fil-każ ta’ Henry am Zug). Liema minn dawn iż-żewġ opinjonijiet għandha tingħata preferenza m’għandhiex tiġi deċiża f’dan l-istadju, peress li din ma tifformax parti mill-kwistjoni tal-qorti tar-rinviju.

( 56 ) Il-kodiċi tar-rinviju titkellem dwar kundizzjoni sine qua non.

( 57 ) Fl-opinjoni tiegħi, ma tista’ tinġibed l-ebda konklużjoni mill-fatt li l-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71 juża t-termini “kuntratt” u “relazzjoni ta’ impjieg” fis-sens li “relazzjoni ta’ impjieg” ma tikkostitwix terminu legali. Tabilħaqq, it-terminu “relazzjoni ta’ impjieg” jikkaratterizza relazzjoni legali formali bejn impriża u ħaddiem.

( 58 ) Tali interpretazzjoni hija, madankollu, ikkonfermata bis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Danieli & C. Officine Meccaniche et (C‑18/17, EU:C:2018:904, punt 30 et seq.).

( 59 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2018, Čepelnik (C-33/17, EU:C:2018:896, punt 32).

( 60 ) Madankollu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, l-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 2006/123, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ din id-direttiva, kif imqiegħed mill-Avukat Ġenerali Wahl fil-konklużjonijiet tiegħu f’Cepepnik (C-33/17, EU:C:2018:311, punti 50 u 53), “ma jipprovdux li l-qasam tad-dritt industrijali huwa, kollu kemm hu, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi” u li “mhux biss ma tagħtix lill-Istati Membri carte blanche sabiex japplikaw id-dritt industrijali tagħhom irrispettivament mill-impatt li jista’ jkun hemm fuq is-suq intern, talli tipprovdi għal eċċezzjoni limitata biss”.

( 61 ) Dan jikkostitwixxi ġurisprudenza konsistenti. Ara, bħala eżempju, sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C-389/05, EU:C:2008:411, punt 57), u tad-9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst (C-43/93, EU:C:1994:310, punt 14). L-oriġini tal-ġurisprudenza tista’ tiġi rrintraċċata għas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Säger (C-76/90, EU:C:1991:331, punt 12), jekk mhux għal sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1974, van Binsbergen (33/74, EU:C:1974:131, punti 1011).

( 62 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑445/03, EU:C:2004:655, punt 23).

( 63 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-244/04, EU:C:2006:49, punt 35).

( 64 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑168/04, EU:C:2006:595, punt 42).

( 65 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑168/04, EU:C:2006:595, punt 38).

( 66 ) Xi drabi, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għal “rekwiżiti” prevalenti minflok “raġunijiet”. Għall-faċilità ta’ referenza, jiena ser nirreferi għal “raġunijiet” il-ħin kollu, mhux lanqas minħabba li dan jidhirli li huwa t-terminu użat komunement illum, inkluż mil-leġiżlatur tal-UE, ara eż., L-Artikolu 4, punt 8, tad-Direttiva 2006/123.

( 67 ) Ara s-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et (C-369/96 u C-376/96, EU:C:1999:575, punti 34 u 35); tal-24 ta’ Jannar 2002, Portugaia Construções (C-164/99, EU:C:2002:40, punt 19); u tal-21 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-168/04, EU:C:2006:595, punt 37).

( 68 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et (C-369/96 u C-376/96, EU:C:1999:575, punt 80).

( 69 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wolff & Müller (C-60/03, EU:C:2004:610, punt 41).

( 70 ) Sentenza tat-3 ta’ Frar 1982 (62/81 u 63/81, EU:C:1982:34, punt 14).

( 71 ) Sentenza tas-27 ta’ Marzu 1990 (C-113/89, EU:C:1990:142, punt 18).

( 72 ) Sentenza tat-28 ta’ Marzu 1996 (C-272/94, EU:C:1996:147, punt 15).

( 73 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999 (C-369/96 u C-376/96, EU:C:1999:575, punt 41).

( 74 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, De Clercq et (C-315/13, EU:C:2014:2408, punt 66 u ġurisprudenza ċċitata).

( 75 ) Ara l-Artikolu 7b tal-AVRAG.

Top