EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017TJ0607
Judgment of the General Court (First Chamber, Extended Composition) of 13 May 2020.#Volotea, SA v European Commission.#State aid — Aviation sector — Aid granted by Italy in favour of Sardinian airports — Decision declaring the aid partly compatible and partly incompatible with the internal market — Imputability to the State — Recovery — Beneficiaries — Advantage for co-contracting airlines — Market economy operator principle — Selectivity — Effect on trade between Member States — Adverse effect on competition — Recovery — Legitimate expectations — Obligation to state reasons.#Case T-607/17.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tat-13 ta’ Mejju 2020.
Volotea, SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Settur tal-ajru – Għajnuna mogħtija mill-Italja favur l-ajruporti ta’ Sardegna – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Imputabbiltà lill-Istat – Irkupru – Benefiċjarji – Vantaġġ favur il-kumpanniji tal-ajru kontraenti – Prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq – Selettività – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Irkupru – Aspettattivi leġittimi – Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża T-607/17.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tat-13 ta’ Mejju 2020.
Volotea, SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Settur tal-ajru – Għajnuna mogħtija mill-Italja favur l-ajruporti ta’ Sardegna – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Imputabbiltà lill-Istat – Irkupru – Benefiċjarji – Vantaġġ favur il-kumpanniji tal-ajru kontraenti – Prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq – Selettività – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Irkupru – Aspettattivi leġittimi – Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża T-607/17.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2020:180
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)
13 ta’ Mejju 2020 ( *1 )
“Għajnuna mill-Istat – Settur tal-ajru – Għajnuna mogħtija mill-Italja favur l-ajruporti ta’ Sardegna – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Imputabbiltà lill-Istat – Irkupru – Benefiċjarji – Vantaġġ favur il-kumpanniji tal-ajru kontraenti – Prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq– Selettività – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Irkupru – Aspettattivi leġittimi – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża T‑607/17,
Volotea, SA, stabbilita f’Barcelona (Spanja), irrappreżentata minn M. Carpagnano u M. Nordmann, avukati,
rikorrenti,
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Recchia, D. Grespan u S. Noë, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1861 tad‑29 ta’ Lulju 2016 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA 33983 (2013/C) (ex 2012/NN) (ex 2011/N) – l-Italja – Kumpens lill-ajruporti ta’ Sardinja għall-obbligi ta’ servizz pubbliku (SIEĠ) (ĠU 2017, L 268, p. 1),
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),
komposta minn S. Papasavvas, President, J. Svenningsen (Relatur), V. Valančius, Z. Csehi u P. Nihoul, Imħallfin,
Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
A. Fuq il-miżuri kontenzjużi
1 |
Il-gżira ta’ Sardegna (l-Italja) għandha ħames ajruporti, fosthom l-ajruporti ta’ Alghero, ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia. |
2 |
L-ajruport ta’ Alghero huwa operat minn So.Ge.A.Al SpA (iktar ’il quddiem “SOGEAAL”) li l-kapital tagħha ġie kompletament sottoskritt minn organi pubbliċi lokali u li l-maġġoranza tiegħu hija miżmuma mir-Regione autonoma della Sardegna (ir-Reġjun Awtonomu ta’ Sardegna, l-Italja, iktar ’il quddiem ir-“Reġjun Awtonomu”), inkluż indirettament permezz ta’ Società Finanziaria Industriale Regione Sardegna (SFIRS). Min-naħa tiegħu, l-ajruport ta’ Cagliari-Elmas huwa operat minn So.G.Aer SpA (iktar ’il quddiem “SOGAER”), kumpannija li l-maġġoranza tal-ishma tagħha hija miżmuma mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Cagliari, filwaqt li l-ajruport ta’ Olbia huwa operat minn GEASAR SpA (iktar ’il quddiem “GEASAR”), kumpannija rreġistrata f’Olbia li l-maġġoranza tal-ishma tagħha hija miżmuma minn impriża privata, Meridiana SpA. |
1. Fuq id-dispożizzjonijiet adottati mir-Reġjun Awtonomu
a) Fuq l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010
3 |
Fit-13 ta’ April 2010, ir-Reġjun Awtonomu adotta l-legge regionale n. 10 – Misure per lo sviluppo del trasporto aereo (il-Liġi Reġjonali Nru 10 – Miżuri għall-Iżvilupp tat-Trasport bl-Ajru) (Bollettino ufficiale della Regione autonoma della Sardegna Nru 12, tas-16 ta’ April 2010) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 10/2010”). |
4 |
L-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010, intitolat “Inċentivi għall-aġġustamenti staġjonali tar-rotot tal-arju tal-gżira” (Incentivi alla destagionalizzazione dei collegamenti aerei isolani), jaqra kif ġej: “1. Għandu jkun awtorizzat infiq ta’ [EUR] 19700000 għas-sena 2010 u ta’ [EUR] 24500000 għal kull waħda mis-snin 2011 sa 2013 għall-finanzjament tal-ajruporti tal-gżira għall-finijiet tat-tisħiħ u tal-iżvilupp tat-trasport bl-ajru bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, inkluż permezz tal-aġġustamenti staġjonali tar-rotot tal-ajru, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2005/C 312/01 dwar linji gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna mill-Istat tal-bidu lill-kumpanniji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali. 2. Il-kriterji, in-natura u t-tul tal-offerta ta’ trasport kif ukoll id-direttivi għat-tfassil tal-pjanijiet ta’ attivitajiet min-naħa tal-kumpanniji ta’ amministrazzjoni ta’ ajruporti, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri dwar il-kontinwità territorjali previsti fl-Artikolu 2, għandhom ikunu ddefiniti permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Eżekuttiv Reġjonali, li għandha tiġi adottata fuq proposta tal-Kunsillier Reġjonali għat-trasport, bi qbil mal-Kunsilliera għall-ippjanar, għall-baġit, għall-kreditu u għall-iżvilupp reġjonali, għat-turiżmu, għall-artiġjanat u għall-kummerċ, għall-agrikultura u għar-riforma tal-agrikoltura u tat-trobbija tal-bhejjem, għall-patrimonju kulturali, għall-informazzjoni, għad-divertiment u għall-isport. 3. Ir-riżoluzzjoni prevista fil-paragrafu 2 u l-pjanijiet ta’ attivitajiet, inklużi dawk diġà ddefiniti mill-kumpanniji ta’ amministrazzjoni ta’ ajruporti fid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, flimkien mal-atti u mal-kuntratti korrispondenti, għandhom ikunu ffinanzjati jekk ikunu stabbiliti skont il-kriterji, in-natura, it-tul tal-offerta ta’ trasport u d-direttivi previsti fil-paragrafu 2 u għandhom jiġu sottomessi minn qabel lill-kummissjoni kompetenti għal opinjoni vinkolanti.” |
b) Fuq l-atti ta’ implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010
5 |
Konformement mal-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 10/2010, l-Eżekuttiv tar-Reġjun Awtonomu adotta diversi atti ta’ implimentazzjoni tal-miżuri previsti f’dan l-Artikolu 3 (iktar ’il quddiem l-“atti ta’ implimentazzjoni”), b’mod partikolari d-deliberazione della Giunta regionale n. 29/36 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali Nru 29/36), tad-29 ta’ Lulju 2010 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36”), id-deliberazione della Giunta regionale n. 43/37 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali Nru 43/37), tas-6 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Reġjonali Nru 43/37”), u d-deliberazione della Giunta regionale n. 52/117 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali Nru 52/117), tat-23 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Reġjonali Nru 52/117”), (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien mal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010, il-“miżuri kontenzjużi”). |
6 |
Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni jiddefinixxu tliet tipi ta’ “attivitajiet” li għalihom l-operaturi tal-ajruporti setgħu jirċievu kumpens mingħand ir-Reġjun Awtonomu għas-snin 2010 sa 2013, jiġifieri:
|
7 |
Id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, minn naħa, kienet tispeċifika li, fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010, l-għan li titnaqqas in-natura staġjonali tar-rotot tal-ajru kien jikkonsisti fiż-żieda fil-frekwenza tat-titjiriet fix-xhur ta’ bejn l-istaġuni u fl-istaġun tax-xitwa kif ukoll fil-ftuħ ta’ rotot tal-ajru ġodda. Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni kienet tindika li l-għan aħħari, li l-miżuri previsti fl-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010 għall-promozzjoni ta’ politika reġjonali ta’ trasport bl-ajru kienu jfittxu li jilħqu, kien it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll l-iżvilupp tal-ekonomiji lokali, tat-turiżmu u tal-kultura tal-gżira ta’ Sardegna. |
8 |
F’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tiddefinixxi l-kriterji, in-natura u t-tul tas-servizzi ta’ trasport li għalihom seta’ jingħata kumpens matul il-perijodu 2010‑2013 kif ukoll linji gwida għat-tfassil u għall-evalwazzjoni tal-“pjanijiet ta’ attivitajiet” ifformulati mill-operaturi tal-ajruporti. |
9 |
B’mod konkret, sabiex jirċievi finanzjament previst mil-Liġi Nru 10/2010, operatur tal-ajruport kellu jissottometti pjan ta’ attivitajiet iddettaljat għall-approvazzjoni lir-Reġjun Awtonomu. Dan il-pjan kellu jidentifika liema attivitajiet, minn fost l-attivitajiet 1 sa 3, l-operatur tal-ajruport kellu l-intenzjoni li jimplimenta sabiex jilħaq l-għanijiet tal-Liġi Nru 10/2010. Dan il-pjan kellu eventwalment jitwettaq permezz ta’ ftehimiet speċifiċi bejn l-operatur tal-ajruport u kumpanniji tal-ajru. |
10 |
Meta operatur tal-ajruport kien jixtieq jirċievi finanzjament għall-attività 1, il-pjan ta’ attivitajiet li kien jippreżenta lir-Reġjun Awtonomu kellu jidentifika “rotot ta’ interess strateġiku” (nazzjonali u internazzjonali) u jiddefinixxi miri annwali fir-rigward ta’ frekwenza tat-titjiriet, ta’ rotot ġodda u ta’ numru ta’ passiġġieri. |
11 |
Skont l-awtoritajiet Taljani, l-operat ta’ dawn ir-rotot ta’ interess strateġiku għaldaqstant kien jikkostitwixxi s-servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (iktar ’il quddiem is-“SIEĠ”) li l-kumpanniji tal-ajru kienu jipprovdu inkambju għal kumpens. |
12 |
Pjan ta’ attivitajiet li jimplimenta l-attività 2 kellu jiddefinixxi attivitajiet speċifiċi ta’ marketing u ta’ reklamar li kienu jfittxu li jżidu n-numru ta’ passiġġieri u li jippromwovu ż-żona moqdija mill-ajruport. |
13 |
Id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tipprovdi li l-pjanijiet ta’ attivitajiet kellhom jiġu sostnuti minn previżjonijiet dwar il-prospetti ta’ profittabbiltà tal-attivitajiet identifikati minnhom. |
14 |
Mid-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 jirriżulta li l-pjanijiet ta’ attivitajiet kellhom josservaw ċerti prinċipji:
|
15 |
Fil-każ li r-Reġjun Awtonomu kellu jikkonstata inkoerenzi bejn, minn naħa, il-pjanijiet ta’ attivitajiet ippreżentati mill-operaturi tal-ajruporti u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 10/2010 u l-atti ta’ implimentazzjoni tagħha, dan seta’ jeżiġi li dawn il-pjanijiet ta’ attivitajiet jiġu emendati. |
16 |
Wara li jkun approva d-diversi pjanijiet ta’ attivitajiet li jkunu ġew sottomessi lilu mill-operaturi tal-ajruporti, ir-Reġjun Awtonomu kien iqassam ir-riżorsi finanzjarji disponibbli għal kull waħda mis-snin 2010 sa 2013 bejn l-operaturi tal-ajruporti. |
17 |
L-ammont ta’ dan il-kumpens kien ikkalkolat abbażi tad-differenza bejn, minn naħa, l-ispejjeż stmati sostnuti mill-kumpanniji tal-ajru sabiex joperaw ir-rotot strateġiċi u jilħqu l-miri annwali fir-rigward ta’ passiġġieri u, min-naħa l-oħra, id-dħul reali jew preżunt mill-bejgħ tal-biljetti lill-passiġġieri. |
18 |
Meta t-total tal-kumpens mitlub mill-operaturi tal-ajruporti kien ikun ogħla mill-ammont previst mil-Liġi Nru 10/2010, id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tipprevedi kriterji ta’ attribuzzjoni preferenzjali. |
19 |
Fl-aħħar nett, l-atti ta’ implimentazzjoni kienu jipprovdu li l-operaturi tal-ajruporti kellhom jissorveljaw il-prestazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru. B’mod partikolari, dawn kienu jimponu li l-ftehimiet speċifiċi konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru jipprevedu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuq il-kumpanniji tal-ajru fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-miri ddefiniti minn qabel, b’mod partikolari fir-rigward ta’ frekwenza tat-titjiriet u ta’ numru ta’ passiġġieri. |
2. Fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri kontenzjużi
20 |
Ir-rikorrenti, Volotea SA, hija kumpannija tal-ajru stabbilita fi Spanja, li topera netwerk ta’ rotot ta’ distanza qasira lejn u minn ajruporti tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk ta’ Alghero, ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia. |
a) Implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010 f’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Olbia
21 |
L-operatur tal-ajruport ta’ Olbia ppubblika, fis-sit internet tiegħu, sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess bil-għan li jiġu konklużi kuntratti ta’ marketing u ta’ reklamar. |
22 |
Bi tweġiba għal din is-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess, ir-rikorrenti ppreżentat pjan tal-operat għall-iżvilupp ta’ rotot tal-ajru minn u lejn Olbia kif ukoll programm ta’ marketing u ta’ reklamar. Il-kumpannija tal-ajru stiednet lil GEASAR tipparteċipa fl-investiment meħtieġ sabiex jiġi stabbilit il-programm ta’ marketing u ta’ reklamar. |
23 |
GEASAR eżaminat il-pjan tal-operat tar-rikorrenti u pproduċiet il-pjan tal-operat tagħha stess li minnu kien jirriżulta li parteċipazzjoni fl-investiment kif propost mir-rikorrenti jkun profittabbli għall-operatur tal-ajruport. |
24 |
GEASAR ippreżentat lir-Reġjun Awtonomu pjanijiet ta’ attivitajiet għas-sena 2010 u għall-perijodu ta’ tliet snin 2011‑2013, flimkien mal-applikazzjonijiet għal finanzjament korrispondenti. Ir-Reġjun Awtonomu approva dawn il-pjanijiet ta’ attivitajiet u ffissa l-ammonti mogħtija lil GEASAR għall-2010 u għall-perijodu 2011/2013 permezz tad-Deċiżjonijiet Reġjonali Nru 43/37 u Nru 52/117. |
25 |
Fl-4 ta’ April 2012 u fil-31 ta’ Marzu 2013, GEASAR u r-rikorrenti kkonkludew żewġ ftehimiet dwar l-operat mir-rikorrenti ta’ rotot tal-ajru lejn Bordeaux (Franza), Genova (l-Italja), Nantes (Franza), Palermo (l-Italja) u Venezia (l-Italja), kif ukoll dwar servizzi ta’ marketing u ta’ reklamar li jirrigwardaw l-istabbiliment ta’ rotot tal-ajru ġodda u ż-żieda fil-kapaċità f’termini ta’ numru ta’ postijiet tal-passiġġieri. |
b) Implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010 f’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Cagliari-Elmas
26 |
SOGAER, l-operatur tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas, ippubblikat, fis-sit internet tagħha, avviż li jistieden lill-kumpanniji tal-ajru jippreżentawlha pjanijiet tal-operat għal rotot minn u lejn dan l-ajruport kif ukoll għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ marketing intiżi sabiex jiġi promoss ir-reġjun ta’ Sardegna. |
27 |
Ir-rikorrenti ppreżentat lil SOGAER pjan tal-operat għall-iżvilupp ta’ rotot tal-ajru minn u lejn l-ajruport ta’ Cagliari-Elmas u programm ta’ marketing u ta’ reklamar. |
28 |
SOGAER ippreżentat lir-Reġjun Awtonomu pjanijiet ta’ attivitajiet għas-sena 2010 u għall-perijodu ta’ tliet snin 2011‑2013, flimkien mal-applikazzjonijiet għal finanzjament korrispondenti. Dawn il-pjanijiet ġew approvati u l-ammonti attribwiti lil SOGAER għall-2010 u għall-perijodu 2011‑2013 ġew iffissati permezz tad-Deċiżjonijiet Reġjonali Nru 43/37 u Nru 52/117, rispettivament. |
29 |
Fis-26 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti u SOGAER ikkonkludew ftehim dwar attivitajiet ta’ marketing li jirrigwardaw l-istabbiliment ta’ rotot tal-ajru ġodda u ż-żieda fil-kapaċità f’termini ta’ numru ta’ postijiet tal-passiġġieri. |
c) Implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010 f’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Alghero
30 |
F’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Alghero, kuntratti konklużi bejn SOGEAAL u l-kumpannija Ryanair Ltd, diġà fl-2003 u estiżi minn dak iż-żmien ’il quddiem, kienu s-suġġett ta’ lment imressaq minn kumpannija tal-ajru Taljana. Dan wassal għall-ftuħ, mill-Kummissjoni Ewropea, fit-12 ta’ Settembru 2007, tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE f’dak li kien jirrigwarda għajnuna mill-Istat allegatament mogħtija lil u mill-Ajruport ta’ Alghero favur Ryanair u trasportaturi bl-ajru oħrajn (ĠU 2008, C 12, p. 7). Fis-27 ta’ Ġunju 2012, din il-proċedura ġiet estiża, sabiex jiġu inklużi miżuri supplimentari meħuda mir-Repubblika Taljana li ma kinux is-suġġett tal-ilment inizjali (ĠU 2013, C 40, p. 15), li fosthom kien hemm “[i]l-miżuri kollha mogħtija lil Ryanair u s-sussidjarja tiegħu AMS, kif ukoll lill-kumpaniji tal-ajru li għamlu użu mill-ajruport sa mis-sena 2000 […] [li b’]mod partikolari […] jinkludu għotjiet ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija direttament minn SOGEAAL jew trażmessi minnha permezz ta’ bosta ftehimiet dwar servizzi tal-ajruport u ftehimiet dwar servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li saru ma’ Ryanair u ma’ trasportaturi oħra tal-ajru sa mis-sena -2000”. |
31 |
L-imsemmija proċedura wasslet għall-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1584 tal‑1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.23098 (C 37/07) (ex NN 36/07) implimentata mill-Italja favur is-Società di Gestione dell’Aeroporto di Alghero So.Ge.A.AL S.p.A. u diversi trasportaturi tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta’ Alghero (ĠU 2015, L 250, p. 38, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ‘Alghero’”), li fiha l-Kummissjoni b’mod partikolari qieset, b’applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, li l-miżuri implimentati mir-Reġjun Awtonomu, b’mod partikolari l-kuntratti konklużi minn SOGEAAL, ikkontrollata mill-imsemmi reġjun, ma’ ċerti kumpanniji tal-ajru u li jirrigwardaw il-promozzjoni jew it-tnedija ta’ rotot tal-ajru ġodda minn u lejn l-ajruport ta’ Alghero kif ukoll attivitajiet ta’ marketing u ta’ reklamar ma kinux jikkostitwixxu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
B. Fuq id-deċiżjoni kkontestata
32 |
Fit-30 ta’ Novembru 2011, ir-Repubblika Taljana, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, innotifikat lill-Kummissjoni l-Liġi Nru 10/2010, liema miżura ġiet eżaminata skont il-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). |
33 |
Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-iskema nnotifikata (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna kontenzjuża”). Permezz tal-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, C 152, p. 30), il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-allegata skema ta’ għajnuna. |
34 |
L-awtoritajiet Taljani kif ukoll partijiet interessati, inklużi l-operaturi tal-ajruporti ta’ Alghero, ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
35 |
Permezz ta’ ittri tal-24 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati bl-adozzjoni, fl-20 ta’ Frar 2014, ta’ komunikazzjoni intitolata “Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru” (ĠU 2014, C 99, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2014”), u bil-fatt li dawn il-linji gwida kienu ser japplikaw f’dan il-każ mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali. Fil-15 ta’ April 2014, komunikazzjoni li tistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-applikazzjoni għal dan il-każ tal-Linji gwida tal-2014, u dan f’terminu ta’ xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tal-imsemmija linji gwida tal-2014, ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 2014, C 113, p. 30). |
36 |
Fid-29 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1861 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA 33983 (2013/C) (ex 2012/NN) (ex 2011/N) – l-Italja – Kumpens lill-ajruporti ta’ Sardinja għall-obbligi ta’ servizz pubbliku (SIEĠ) (ĠU 2017, L 268, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li d-dispożittiv tagħha jaqra kif ġej: “Artikolu 1 1. L-iskema li l-Italja stabbilixxiet bil-liġi [Nru 10/2010] ma tinvolvix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) [TFUE] favur SOGEAAL […], SOGAER […] u GEASAR […] 2. L-iskema li stabbiliet l-Italja permezz tal-Liġi 10/2010 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat favur Ryanair/AMS, easyJet, Air Berlin, Meridiana, Alitalia, Air Italy, [ir-rikorrenti], Wizzair, Norwegian, JET2.COM, Niki, Tourparade, Germanwings, Air Baltic u Vueling, għaliex din hija marbuta mal-operazzjonijiet ta’ dawn il-linji tal-ajru fl-ajruport Cagliari-Elmas u l-ajruport ta’ Olbia. 3. L-għajnuna tal-Istat imsemmija fil-Paragrafu 2 iddaħħlet fis-seħħ mill-Italja bil-ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE]. 4. L-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Paragrafu 2 hija inkompatibbli mas-suq intern. Artikolu 2 1. L-Italja għandha tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 1(2). 2. Filwaqt li Ryanair u AMS jitqies li jikkostitwixxu unità ekonomika waħda għall-għan ta’ din id-deċiżjoni, dawn għandhom ikunu responsabbli b’mod konġunt għall-ħlas lura tal-għajnuna mill-Istat li jkun irċieva xi wieħed minnhom. 3. Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandu jkollhom l-imgħax mid-data li fiha jkunu tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sal-irkupru effettiv tagħhom. […] 5. L-Italja għandha tikkanċella l-ħlas kollu ta’ għajnuna pendenti kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) b’effett mid-data ta’ adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 3 1. L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun immedjat u effettiv. 2. L-Italja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha ta’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 4 1. Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Italja għandha tagħti l-informazzjoni li ġejja:
2. L-Italja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 tkun irkuprata għal kollox. Hija għandha immedjatament tibgħat, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu diġà u li huma previsti għall-konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħaxijiet fuq l-irkupru li diġà ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarji. Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.” |
37 |
F’dak li jirrigwarda l-portata tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 344 sa 346 ta’ din id-deċiżjoni, li din tal-aħħar ma kellhiex tkopri l-miżuri ta’ għajnuna li diġà kienu s-suġġett tal-investigazzjoni separata li għaliha jirreferi l-punt 30 iktar ’il fuq. Fil-fatt, għalkemm mhux il-ħlasijiet kollha mwettqa minn SOGEAAL għall-attivitajiet 1 u 2 previsti abbażi tal-Liġi Nru 10/2010 mill-atti ta’ implimentazzjoni kienu twettqu skont il-kuntratti eżaminati fil-kuntest tal-investigazzjoni separata li tirrigwarda esklużivament l-ajruport ta’ Alghero, il-Kummissjoni qieset li l-maġġoranza kbira tagħhom kienet ġiet evalwata fil-kuntest ta’ dak il-każ l-ieħor. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li “mhux dejjem [kienet] xi ħaġa ovvja li fil-każijiet kollha ssir distinzjoni ċara minħabba li r-relazzjoni finanzjarja bejn SOGEAAL u linja tal-ajru partikolari fil-perjodu rilevanti [setgħet] tkun immexxija minn kuntratti varji li xi ftit minnhom biss [kienu] ġew ikkunsidrati [fl-imsemmi każ l-ieħor]”. Għaldaqstant, hija qieset li kellhom jiġu esklużi mill-portata tad-deċiżjoni kkontestata l-ftehimiet kollha konklużi bejn il-kumpanniji tal-ajru u SOGEAAL fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, jiġifieri, fi kliem ieħor, il-parti tal-miżuri kontenzjużi li tirrigwarda l-ajruport ta’ Alghero. |
38 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-proċedura miftuħa f’dan il-każ ma kinitx tirrigwarda l-għajnuna potenzjali mogħtija mill-operaturi tal-ajruporti lil fornituri ta’ servizzi li ma humiex kumpanniji tal-ajru u li jaqgħu taħt l-attività 3. Għaldaqstant, hija qieset, fil-premessa 346 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma setgħetx tieħu pożizzjoni fuq dan il-punt. |
39 |
Fl-4 ta’ Awwissu 2016, ir-Reġjun Awtonomu bagħat lir-rikorrenti estratti tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet ġiet innotifikata mill-Kummissjoni lir-Repubblika Taljana, sabiex ir-rikorrenti tikkomunika l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-kunfidenzjalità ta’ ċerta data, ħaġa li hija għamlet fil-21 ta’ Awwissu 2016. |
40 |
Fil-11 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni li tingħata aċċess għall-fajl dwar id-deċiżjoni kkontestata. Fis-27 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba billi indikat lir-rikorrenti li, peress li din id-deċiżjoni ma kinitx għadha ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, it-terminu tar-rikorrenti għall-preżentata ta’ rikors għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni ma kienx għadu beda jiddekorri. |
41 |
Fit-30 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Sardegna, l-Italja) kontra d-deċiżjoni tar-Reġjun Awtonomu, tal-5 ta’ Ġunju 2017, li ordnatilha tirrimborsa ammont ta’ EUR 262 297.54. It-talba għal miżuri provviżorji mressqa fil-kuntest ta’ dan ir-rikors ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2017, li fiha l-imsemmija qorti rrilevat li, fil-5 ta’ Ġunju 2017, ir-Reġjun Awtonomu kien bagħat id-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrenti. Din tal-aħħar appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja). |
II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
42 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. |
43 |
Fit-18 ta’ April 2018 u wara skambju doppju ta’ noti, ingħalqet il-fażi bil-miktub tal-proċedura. |
44 |
Fit-18 ta’ Mejju 2018, il-Qorti Ġenerali, wara li semgħet lill-partijiet, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura sakemm tingħalaq il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-kawżi konnessi Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni (T‑833/17) u easyJet Airline vs Il‑Kummissjoni (T‑8/18), liema għeluq seħħ f’dawn il-kawżi fil-21 ta’ Settembru u fit-23 ta’ Lulju 2018, rispettivament. |
45 |
Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali sussegwentement iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. Fid-dawl ta’ dan, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ġew mistiedna jipproduċu dokumenti u jwieġbu bil-miktub għal mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali abbażi ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif ukoll jieħdu pożizzjoni fuq l-opportunità li din il-kawża tingħaqad mal-kawża easyJet Airline vs Il‑Kummissjoni (T‑8/18), tgħaqqid li l-Qorti Ġenerali fl-aħħar mill-aħħar iddeċidiet li ma twettaqx minħabba kwistjonijiet marbuta mal-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni kkonformaw ruħhom ma’ dawn il-miżuri fit-termini mogħtija. |
46 |
Fid-19 ta’ Ġunju 2019, il-Qorti Ġenerali, waqt il-laqgħa plenarja tagħha, iddeċidiet, fuq proposta tal-Ewwel Awla u tal-Viċi President, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża quddiem l-Ewwel Awla kkostitwita minn kulleġġ ġudikanti estiż għal ħames Imħallfin. |
47 |
Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2019 li fi tmiemha ngħalqet il-fażi orali tal-proċedura. |
48 |
Fis-7 ta’ Novembru 2019, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura. Fit-12 ta’ Novembru 2019, hija talbet lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti, ħaġa li hija għamlet fit-terminu mogħti. Fl-20 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet f’dan ir-rigward. Fit-22 ta’ Jannar 2020, il-Qorti Ġenerali għalhekk għalqet il-fażi orali tal-proċedura. |
49 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
50 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
III. Id-dritt
51 |
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażati rispettivament:
|
A. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE
52 |
Permezz tal-ewwel motiv tagħha, li jinqasam f’erba’ partijiet, ir-rikorrenti tikkontesta l-klassifikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, bħala “għajnuna mill-Istat” mogħtija favur tagħha. |
53 |
Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat. |
1. Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti
54 |
Il-Kummissjoni tqis li l-argumenti esposti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv, li huma intiżi li jipprovaw li hija wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata li l-operaturi tal-ajruporti ma kinux benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat, huma inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, ineffettivi. Fil-fatt, ir-rikors huwa indirizzat kontra d-deċiżjoni kkontestata biss f’dak li jikkonċerna lir-rikorrenti. Barra minn hekk, il-konklużjoni li din tal-aħħar ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat ma kinitx ibbażata fuq il-fatt li l-operaturi tal-ajruporti tqiesu li ma kinux benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tqiegħed fid-dubju l-konstatazzjonijiet li jinsabu fit-Taqsima 7.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata. |
55 |
Ir-rikorrenti tirribatti li hija volontarjament irrestrinġiet is-suġġett tar-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss f’dak li jikkonċerna lilha. Issa, f’din il-perspettiva, hija għandha dritt tipprova li l-operaturi tal-ajruporti kienu l-benefiċjarji tal-għajnuna mir-Reġjun Awtonomu, għaliex id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata preċiżament fuq il-fatt li l-fondi tar-Reġjun Awtonomu ġew ittrasferiti lill-kumpanniji tal-ajru permezz tal-operaturi tal-ajruporti. Għaldaqstant, il-kontestazzjoni ta’ din id-deċiżjoni tippreżupponi neċessarjament il-prova li l-imsemmija operaturi ma aġixxewx bħala “pupazzi” tar-Reġjun Awtonomu, iżda għall-kuntrarju bbenefikaw minn għajnuna li naqqset l-ispejjeż ta’ marketing li normalment kien ikollhom isostnu. |
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti hija identifikata, fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, bħala benefiċjarja tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Għaldaqstant, hija kkonċernata direttament u individwalment kemm min dan l-Artikolu 1(2) kif ukoll mill-Artikolu 1(3) u (4) tal-imsemmija deċiżjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, hija obbligata tirrimborsa lill-awtoritajiet Taljani l-ammonti li hija rċeviet abbażi tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Għalhekk hija wkoll ikkonċernata direttament u individwalment minn dan l-Artikolu 2. |
57 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn huwa intiż għall-annullament, f’dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, tal-Artikolu 1(2) sa (4), kif ukoll tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, dan ir-rikors huwa ammissibbli fid-dawl tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
58 |
Issa, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tista’ tqajjem, insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tal-imsemmija żewġ dispożizzjonijiet, kull motiv ta’ natura li jipprova li hija ma kinitx benefiċjarja tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, inklużi, f’dan il-kuntest, argumenti intiżi li jipprovaw li l-operaturi tal-ajruporti kienu l-benefiċjarji reali tal-imsemmija skema ta’ għajnuna kontenzjuża u mhux il-kumpanniji tal-ajru, bħar-rikorrenti. |
59 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti fuq l-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, filwaqt li għandu jiġi madankollu speċifikat li, fil-petitum, ir-rikors ma huwiex intiż għall-annullament tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata u li, fi kwalunkwe każ, peress li r-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija tal-ajru, ma hijiex f’kompetizzjoni mal-operaturi tal-ajruporti u, għaldaqstant, ma hijiex ikkonċernata direttament u individwalment minn dan l-Artikolu 1(1), hija ma jistax ikollha locus standi sabiex titlob l-annullament tiegħu. |
2. Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar id-determinazzjoni żbaljata tal-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, u fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, dwar l-assenza ta’ vantaġġ għar-rikorrenti
60 |
Insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li huma l-operaturi tal-ajruporti li huma esklużivament il-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża filwaqt li, fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan l-istess motiv, hija tfittex li tipprova li hija ma bbenefikatx minn vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
61 |
Il-Kummissjoni titlob li ż-żewġ partijiet tal-ewwel motiv jiġu miċħuda bħala infondati. |
62 |
Sa fejn l-argumenti esposti fil-kuntest taż-żewġ partijiet tal-ewwel motiv jikkoinċidu parzjalment, dawn għandhom jiġu ttrattati flimkien. |
63 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, qabelxejn, billi tikkontesta li hija setgħet tkun benefiċjarja tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u billi tafferma li l-operaturi tal-ajruporti kienu l-uniċi benefiċjarji, ir-rikorrenti tikkontesta li, ladarba ngħataw lill-imsemmija operaturi tal-ajruporti, l-ammonti li kienu joriġinaw minn riżorsi tal-Istat, f’dan il-każ tar-Reġjun Awtonomu, setgħu jibqgħu jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat meta dawn sussegwentement intużaw mill-imsemmija operaturi sabiex jirremunerawha. Barra minn hekk, hija tikkontesta li r-rwol tal-operaturi tal-ajruporti kien limitat għal dak ta’ intermedjarji bejn ir-Reġjun Awtonomu u l-kumpanniji tal-ajru. B’dan il-mod, hija tikkontesta l-imputabbiltà lir-Reġjun Awtonomu tad-deċiżjonijiet kummerċjali tal-operaturi tal-ajruporti. |
a) Fuq l-użu ta’ “riżorsi ta’ l-Istat” mill-operaturi tal-ajruporti
64 |
Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tippreżupponi li jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li dan l-intervent ikun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li dan l-intervent jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u li dan l-intervent iwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
F’dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet sekondarji huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punti 48 u 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il‑Kummissjoni, T‑351/02, EU:T:2006:104, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
66 |
F’dan ir-rigward, intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat ma għandux neċessarjament ikun miżura adottata mill-awtorità ċentrali tal-Istat ikkonċernat. Huwa jista’ daqstant ieħor jirriżulta minn awtorità infrastatali, bħar-Reġjun Awtonomu. Fil-fatt, miżura meħuda minn awtorità lokali u mhux mill-awtorità ċentrali tista’ tikkostitwixxi għajnuna meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 248/84, EU:C:1987:437, punt 17, u tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 55). Fi kliem ieħor, il-miżuri meħuda minn entitajiet infrastatali, deċentralizzati, federali, reġjonali jew oħrajn, tal-Istati Membri, ikun xi jkun l-istatus ġuridiku u d-denominazzjoni tagħhom, jaqgħu, bħall-miżuri meħuda mill-awtorità federali jew ċentrali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑92/00 u T‑103/00, EU:T:2002:61, punt 57, u tat-12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il‑Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, EU:T:2011:209, punt 108). |
67 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-iskop li interventi statali jfittxu li jilħqu ma huwiex biżżejjed sabiex dawn ma jiġux ikklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Fil-fatt, dan l-artikolu ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi statali, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 84 u 85 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑461/13, EU:T:2015:891, punt 39). |
68 |
Għaldaqstant, vantaġġ mogħti direttament lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi jista’ jikkostitwixxi vantaġġ indirett u, għalhekk, għajnuna mill-Istat għal persuni ġuridiċi oħra li huma impriżi (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punti 22 sa 35; tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 38 u 60 sa 66, u tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni, T‑177/07, EU:T:2010:233). |
69 |
F’dan il-każ, fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, huwa paċifiku li r-Reġjun Awtonomu qiegħed għad-dispożizzjoni tal-operaturi tal-ajruporti, indikati mil-Liġi Nru 10/2010 u mill-miżuri ta’ implimentazzjoni bħala “benefiċjarji”, fondi fuq perijodu ta’ diversi snin sabiex jieħdu azzjonijiet bil-għan li jippromwovu r-reġjun ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika, ħaġa li kienet tinvolvi kemm li jintlaħqu miri fir-rigward tas-servizz bl-ajru tal-gżira minn u lejn id-diversi ajruporti tagħha kif ukoll li jiġu pprovduti servizzi ta’ marketing. Ir-rikorrenti ma tikkontestax li dawn il-fondi, li kienu joriġinaw mir-Reġjun Awtonomu u li tħallsu l-ewwel lill-operaturi tal-ajruporti, huma riżorsi tal-Istat u li d-deċiżjoni li tali fondi jingħataw lill-operaturi tal-ajruporti kienet imputabbli lill-Istat Taljan. Madankollu tqum il-kwistjoni jekk, kif tikkontesta r-rikorrenti, l-ammonti li hija rċeviet mingħand l-imsemmija operaturi b’eżekuzzjoni tal-kuntratti li hija kienet ikkonkludiet magħhom kellhomx jew kienx għad għandhom in-natura ta’ “riżorsi ta’ l-Istat” u kinux imputabbli lill-Istat Taljan, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
70 |
F’dan ir-rigward, kemm mill-mekkaniżmu stabbilit mir-Reġjun Awtonomu permezz tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kif ukoll mill-implimentazzjoni tiegħu fil-prattika jirriżulta li l-fondi mħallsa mill-imsemmi reġjun lill-operaturi tal-ajruporti kienu dawk li ntużaw minn dawn tal-aħħar sabiex jirremuneraw lill-kumpanniji kontraenti, bħar-rikorrenti. |
71 |
Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kienet tipprevedi tip ta’ mekkaniżmu ta’ clearance. B’mod iktar partikolari, id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tipprovdi li l-operaturi tal-ajruporti magħżula kellhom jirċievu ħlas bil-quddiem ta’ 20 % fuq il-fondi dovuti għas-sena ta’ referenza, segwit minn ħlas tat-tieni porzjon ta’ 60 %, fuq medda ta’ żmien u suġġett għall-preżentazzjoni ta’ rapporti kull tliet xhur, u, fl-aħħar nett, l-aħħar porzjon ta’ 20 % mal-preżentazzjoni tad-dokumenti li jippermettu lir-Reġjun Awtonomu jivverifika li l-attività kienet twettqet korrettament, li l-miri kienu ntlaħqu u li l-ispejjeż sostnuti kienu reali. Konsegwentement, dan il-mekkaniżmu ta’ kontroll kien intiż li jimpedixxi lil kull operatur tal-ajruport milli jikseb ir-rimbors ta’ ammonti li ma kinux dawk sostnuti minnu sabiex jirremunera lill-kumpanniji kontraenti, bħar-rikorrenti, u li huma s-suġġett tal-obbligu ta’ rkupru previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. L-eżistenza ta’ dan il-mekkaniżmu tikkonferma wkoll li s-servizzi tal-imsemmija kumpanniji tal-ajru kienu ffinanzjati mill-imsemmi reġjun, peress li l-ammonti mħallsa bil-quddiem mill-operaturi tal-ajruporti bħala remunerazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru kontraenti kienu jikkorrispondu għall-fondi li huma kienu jirċievu, fi tmiem il-proċess, mir-Reġjun Awtonomu. |
72 |
Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessi 242 sa 246 u 313, 314 u 317 tad-deċiżjoni kkontestata, li jesponu l-osservazzjonijiet li kienu ppreżentaw fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, l-operaturi tal-ajruporti ta’ Olbia u ta’ Cagliari-Elmas stess spjegaw li, effettivament, huma kienu ħallsu bil-quddiem l-ammonti li jikkorrispondu għall-ħlas lill-kumpanniji tal-ajru kontraenti li kienu jipprovdu s-servizzi mixtieqa mir-Reġjun Awtonomu sabiex jiġi promoss it-turiżmu ta’ Sardegna u li, sussegwentement, kienu ppreżentaw lir-Reġjun Awtonomu r-rapporti ta’ kontabbiltà tagħhom li kienu jindikaw l-ispejjeż realment inkorsi sabiex jinkiseb ir-rimbors għal dan mingħand l-imsemmi reġjun. F’dan il-kuntest, l-operatur tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas saħansitra afferma li r-Reġjun Awtonomu kien eżiġa mingħandu li jipprova li l-kumpanniji tal-ajru fornituri kienu rċevew it-totalità tal-kontribuzzjonijiet reġjonali u li għalhekk huwa kien biss intermedjarju li ttrasferixxa lilhom l-ammonti rċevuti mingħand ir-Reġjun Awtonomu. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 340 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Taljana stess sostniet li, essenzjalment, l-operatur tal-ajruport ta’ Olbia kien ittrasferixxa lill-kumpanniji tal-ajru t-totalità tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet li dan l-operatur kien irċieva mingħand ir-Reġjun Awtonomu. |
73 |
Għalhekk jidher ċar li l-fondi użati mill-operaturi tal-ajruporti sabiex jirremuneraw lir-rikorrenti fil-kuntest tal-kuntratti li dawn tal-aħħar kienu kkonkludew magħha oriġinaw mill-baġit tar-Reġjun Awtonomu u għalhekk kienu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din il-korrispondenza li tippermetti li jiġi stabbilit li l-ammonti li hija rċeviet kienu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat hija element rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk hija bbenefikatx minn għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
74 |
Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-fatt, irrilevat mir-rikorrenti, li, fl-2013, l-operaturi tal-ajruporti komplew jirremunerawha meta huma ma kinux għadhom qegħdin jirċievu fondi mir-Reġjun Awtonomu, għandu jiġi kkonstatat li, kif spjegat il-Kummissjoni, meta r-Reġjun Awtonomu waqqaf dawn il-ħlasijiet minħabba deċiżjoni tiegħu li jissospendi l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, l-operaturi tal-ajruporti ma għamlu xejn ħlief onoraw l-impenji kuntrattwali tagħhom meta l-kuntratti inkwistjoni ma kinux jipprevedu t-terminazzjoni ta’ dawn il-kuntratti fil-każ ta’ telf tal-finanzjament mir-Reġjun Awtonomu. Fi kwalunkwe każ, jekk, f’ċerti każijiet, huma kellhom isostnu l-ispejjeż marbuta mal-ħlas bil-quddiem bi flus kontanti, inkluż permezz ta’ SFIRS, fuq l-ammonti sussegwentement irrimborsati mir-Reġjun Awtonomu, dan xejn ma jnaqqas mill-fatt li, skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom stess u skont dak li kienet tipprevedi l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, l-operaturi tal-ajruporti użaw it-totalità tal-fondi li kienu ngħataw lilhom mill-imsemmi reġjun sabiex jirremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru kontraenti, bħar-rikorrenti, u li huma esklużivament is-suġġett tal-obbligu ta’ rimbors previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. |
75 |
Barra mid-dikjarazzjonijiet tal-Gvern Taljan u tal-operaturi tal-ajruporti stess fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li ppreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u barra mit-tabelli li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, il-korrispondenza bejn il-fondi pprovduti mir-Reġjun Awtonomu lill-operaturi tal-ajruporti u dawk użati minn dawn tal-aħħar sabiex jirremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru kontraenti hija kkorroborata, fil-każ partikolari tar-rikorrenti u kuntrarjament għal dak li hija ssostni, mill-kontenut stess tal-ftehimiet li hija ffirmat mal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia. |
76 |
Fil-fatt, il-preambolu tal-kuntratt li hija kienet ikkonkludiet fis-26 ta’ Frar 2012 ma’ SOGAER kien jindika espressament li r-Reġjun Awtonomu kien iddeċieda li jżid l-investimenti ta’ marketing tiegħu fl-industriji tat-trasport u tat-turiżmu; li, għal dan il-għan, huwa kien ser jipprovdi ammont kull sena lil SOGAER li dan l-operatur tal-ajruport kellu jonfoq sabiex jilħaq dan il-għan, u li, fid-dawl tal-intenzjoni tar-Reġjun Awtonomu, SOGAER kienet ippubblikat avviż fis-sit internet tagħha sabiex tinvesti f’attivitajiet ta’ marketing maħsuba sabiex jippromwovu l-attrazzjonijiet turistiċi tan-nofsinhar ta’ Sardegna. F’dak li jirrigwarda l-kuntratt konkluż fil-31 ta’ Marzu 2013 bejn ir-rikorrenti u GEASAR, dan il-kuntratt kien jindika li dan l-operatur tal-ajruport, bi qbil mar-Reġjun Awtonomu, kien ser jippromwovi lil Olbia u lil Sardegna b’mod attiv bħala destinazzjoni għall-vaganzi, billi jimplimenta l-azzjonijiet xierqa kollha ta’ marketing, ta’ reklamar u ta’ komunikazzjoni, u li, għal dan il-għan, ir-Reġjun Awtonomu kien ser jipprovdi ammont kull sena lil GEASAR li dan l-operatur tal-ajruport kellu jonfoq sabiex jilħaq dawn l-għanijiet. |
77 |
Għalhekk għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, hija ma ġietx irremunerata mill-operaturi tal-ajruporti permezz ta’ fondi li joriġinaw mir-Reġjun Awtonomu. |
78 |
Ir-rikorrenti targumenta wkoll li l-allegata korrispondenza bejn iż-żewġ flussi finanzjarji ma hijiex prova suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li l-ħlasijiet imwettqa lilha kienu saru bħala korrispettiv reali għal servizzi li hija pprovdiet lill-operaturi tal-ajruporti. |
79 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar mill-ġdid li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-iskop li interventi statali jfittxu li jilħqu ma huwiex biżżejjed sabiex dawn ma jiġux ikklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Fil-fatt, dan l-artikolu ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi statali, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 84 u 85 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑461/13, EU:T:2015:891, punt 39). |
80 |
Issa, peress li, meta teżamina miżura, il-Kummissjoni jista’ jkollha teżamina jekk vantaġġ jistax jitqies li jkun ingħata indirettament lil operaturi li ma jkunux il-persuna riċeventi immedjata tat-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 61 u 62), għandu jitqies li, sa fejn jista’ jiġi stabbilit, bħal f’dan il-każ, li vantaġġ li joriġina minn riżorsi tal-Istat ġie ttrasferit mill-persuna riċeventi immedjata lil benefiċjarju finali, huwa irrilevanti li dan it-trasferiment ikun twettaq mill-persuna riċeventi immedjata skont loġika kummerċjali jew, għall-kuntrarju, li dan it-trasferiment ikun laħaq għan ta’ interess ġenerali. |
81 |
Dan huwa kkorroborat mill-ġurisprudenza li tistabbilixxi li vantaġġ mogħti direttament lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi jista’ jikkostitwixxi vantaġġ indirett u, għalhekk, għajnuna mill-Istat għal persuni ġuridiċi oħra li huma impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punti 22 sa 35; tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 38 u 60 sa 66; tal-4 ta’ Marzu 2009, Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il‑Kummissjoni, T‑445/05, EU:T:2009:50, punt 127, u tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni, T‑177/07, EU:T:2010:233). Fil-fatt, fil-kawżi li wasslu għal dawn is-sentenzi, it-trasferiment tal-vantaġġ minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li kienu persuni riċeventi immedjati ta’ riżorsi tal-Istat, kien jagħmel parti minn relazzjoni kummerċjali, ħaġa li tikkonferma li l-eżistenza ta’ raġuni kummerċjali li fuqha jkun ibbażat it-trasferiment hija irrilevanti għall-evalwazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, tal-passaġġ segwit mir-riżorsi ta’ oriġini statali sakemm jaslu għand il-benefiċjarju finali. |
82 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-ħlasijiet imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti lill-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-attivitajiet 1 u 2 kienu jikkorrispondu għal riżorsi tal-Istat. |
b) Fuq l-imputabbiltà, lir-Reġjun Awtonomu, tad-deċiżjonijiet u tal-ħlasijiet magħmula lir-rikorrenti mill-operaturi tal-ajruporti
83 |
F’dak li jirrigwarda l-imputabbiltà lir-Reġjun Awtonomu tad-deċiżjonijiet tal-operaturi tal-ajruporti li jikkonkludu l-kuntratti kontenzjużi mar-rikorrenti, din tal-aħħar tikkontesta li l-imsemmija operaturi kellhom biss rwol ta’ intermedjarji. Fil-fatt, minkejja l-eżistenza ta’ proċedura għall-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ attivitajiet tagħhom mir-Reġjun Awtonomu, l-operaturi tal-ajruporti żammew setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar il-mod kif jiġu allokati l-fondi rċevuti mir-Reġjun Awtonomu. |
84 |
F’dan ir-rigward, minkejja li tirrigwarda kawżi li fihom il-fondi inkwistjoni, kuntrarjament għall-każ inkwistjoni, ma kinux joriġinaw immedjatament mill-baġit tal-Istat jew ma kinux għaddew minnu, il-ġurisprudenza tikkonferma, fir-rigward tal-kundizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li l-kriterju deċiżiv huwa l-livell ta’ kontroll eżerċitat mill-Istat fuq l-għoti tal-vantaġġ, b’mod partikolari fuq il-kanal għat-trażmissjoni ta’ dan il-vantaġġ (sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il‑Kummissjoni, C‑83/98 P, EU:C:2000:248, punt 50; tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 37, u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 33), u li dan japplika anki meta l-għoti tal-imsemmi vantaġġ ma jinvolvix trasferiment formali ta’ riżorsi tal-Istat (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
85 |
Għalkemm il-livell ta’ kontroll eżerċitat mill-Istat fuq l-għoti ta’ vantaġġ jippermetti li jiġi evalwat jekk dan tal-aħħar jistax jitqies li jimmobilizza “riżorsi ta’ l-Istat”, sabiex tiġi vverifikata l-kundizzjoni sekondarja dwar l-imputabbiltà tal-miżura kkonċernata lill-Istat, prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE, dan il-livell ta’ kontroll għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-kwistjoni jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jitqiesu li kienu involuti fl-adozzjoni tal-imsemmija miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 52, u tat-28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata), involviment li jista’ jiġi dedott minn serje ta’ indizji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih ittieħdet din il-miżura u, b’mod partikolari, mill-portata tagħha, mill-kontenut tagħha jew mill-kundizzjonijiet li din tinvolvi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 52 sa 56, u tas-17 ta’ Settembru 2014, Commerz Nederland, C‑242/13, EU:C:2014:2224, punti 31 sa 33). |
86 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-operaturi tal-ajruporti mir-Reġjun Awtonomu kellhom jintużaw u effettivament intużaw skont l-istruzzjonijiet adottati mill-imsemmi reġjun, f’dan il-każ bħala remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti mill-kumpanniji tal-ajru, jiġifieri l-ftuħ ta’ rotot tal-ajru ġodda, iż-żieda fi frekwenzi, il-fatt li jintlaħqu miri f’termini ta’ volum ta’ passiġġieri u l-estensjoni ta’ perijodi ta’ operat ta’ rotot eżistenti, kif ukoll il-provvista ta’ servizzi ta’ marketing. |
87 |
F’dak li jirrigwarda l-kontestazzjoni mir-rikorrenti tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, li jinsabu fil-premessi 357 sa 359 tad-deċiżjoni kkontestata, li skonthom l-aġir tal-operaturi tal-ajruporti kien iddeterminat mir-Reġjun Awtonomu permezz tal-Liġi Nru 10/2010 u tal-pjanijiet ta’ attivitajiet, li kellhom jiġu approvati mir-Reġjun Awtonomu qabel ma jidħlu fis-seħħ, għandu jiġi kkonstatat li huwa minnu li l-Liġi Nru 10/2010 tidentifika lill-operaturi tal-ajruporti bħala li huma formalment il-benefiċjarji tal-ħlasijiet previsti minn din il-liġi. |
88 |
Madankollu, l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 10/2010 kien jipprovdi espressament li l-kriterji, in-natura u t-tul tal-offerta ta’ trasport kif ukoll id-direttivi għat-tfassil tal-pjanijiet ta’ attivitajiet mill-operaturi tal-ajruporti kellhom jiġu adottati permezz ta’ riżoluzzjonijiet tal-Eżekuttiv Reġjonali, filwaqt li l-Artikolu 3(3) ta’ din il-liġi kien jipprovdi, espressament ukoll, li l-pjanijiet ta’ attivitajiet stabbiliti mill-operaturi tal-ajruporti kellhom ikollhom magħhom l-atti u l-kuntratti korrispondenti u li kienu ser ikunu ffinanzjati biss jekk ikunu stabbiliti skont il-kriterji, in-natura, it-tul tal-offerta ta’ trasport u d-direttivi adottati mill-Eżekuttiv Reġjonali u biss jekk ikunu ġew sottomessi minn qabel lill-kummissjoni kompetenti għal opinjoni vinkolanti. |
89 |
F’dan ir-rigward, mill-mekkaniżmu stabbilit mil-Liġi Nru 10/2010 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar għandhom neċessarjament jinqraw flimkien mat-testi li din il-liġi kienet tipprevedi li jiġu adottati mill-Eżekuttiv Reġjonali u li kienu jikkundizzjonaw il-ħlasijiet imwettqa mir-Reġjun Awtonomu lill-operaturi tal-ajruporti inkwistjoni f’dan il-każ. Issa, dawn it-testi, b’mod partikolari d-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, kienu jipprovdu espressament li l-operaturi tal-ajruporti kellhom jissottomettu l-pjanijiet ta’ attivitajiet tagħhom lir-Reġjun Awtonomu għall-approvazzjoni u li, sabiex ikunu jistgħu jkunu eliġibbli għall-finanzjament previst mill-imsemmi reġjun, l-imsemmija pjanijiet kellhom jitfasslu skont il-kriterji, in-natura u t-tul tal-offerta ta’ trasport kif ukoll skont id-direttivi adottati mill-Eżekuttiv Reġjonali. |
90 |
Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ rimbors tal-ispejjeż imħallsa bil-quddiem mill-operaturi tal-ajruporti kien ta’ natura li jippermetti lir-Reġjun Awtonomu jikkontrolla l-inizjattivi tal-operaturi tal-ajruporti, għaliex kienu biss dawk stabbiliti skont id-direttivi tiegħu u sostnuti bil-produzzjoni tad-dokumenti kuntrattwali u ta’ kontabbiltà rilevanti li setgħu jagħtu lok għall-finanzjament previst mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Fil-fatt, il-pjanijiet ta’ attivitajiet kienu sottomessi upstream tal-proċess għall-approvazzjoni mir-Reġjun Awtonomu u l-operaturi tal-ajruporti kellhom ukoll jipproduċu rapporti kull tliet xhur għall-finijiet tal-ħlas ta’ 60 % tal-għajnuna u setgħu biss jiksbu l-aħħar porzjon tal-ħlas, ta’ 20 %, wara li jkunu pprovaw li kienu osservaw l-istruzzjonijiet tar-Reġjun Awtonomu. |
91 |
Il-kontroll tar-Reġjun Awtonomu fuq il-kontenut u l-portata tal-inizjattivi tal-operaturi tal-ajruporti huwa kkorroborat minn dawn tal-aħħar stess. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata, GEASAR indikat li kienet innegozjat il-proposti għal attivitajiet ta’ marketing, mal-kumpanniji tal-ajru li wieġbu għas-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess li dan l-operatur tal-ajruport kien ippubblika fis-sit internet tiegħu, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-pjan ta’ marketing għat-turiżmu mfassal mir-Reġjun Awtonomu fost l-istrumenti ta’ ppjanar tagħha. Min-naħa tagħha, SOGAER sostniet, kif jirriżulta mill-premessa 313 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, l-imsemmi reġjun kien jipprovdi kumpens li kien sempliċement mgħoddi mill-operatur tal-ajruport, u dan “bħala parti minn pjan deċiż, iffinanzjat u mmonitorjat mir-Reġjun [Awtonomu]”. |
92 |
Huwa minnu li l-Liġi Nru 10/2010 ma kinitx issemmi l-azzjonijiet speċifiċi li kellhom jiġu proposti mill-operaturi tal-ajruporti fil-pjanijiet ta’ attivitajiet, u lanqas ma kienet tidentifika liema kumpanniji tal-ajru kellhom jiġu involuti. Barra minn hekk, l-inizjattiva li jiġu ppreżentati pjanijiet ta’ attivitajiet lir-Reġjun Awtonomu bil-għan li jintalbu l-fondi previsti fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kif ukoll, kif tenfasizza r-rikorrenti, l-għażla tal-kumpanniji tal-ajru kontraenti kienu jaqgħu formalment fuq l-operaturi tal-ajruporti, b’mod partikolari sa fejn il-Liġi Nru 10/2010 u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha ma kinux isemmu b’isimhom kumpanniji tal-ajru li magħhom kellhom neċessarjament jidħlu f’relazzjoni kummerċjali. Madankollu, ladarba ttieħdet mill-operaturi tal-ajruporti d-deċiżjoni li jipparteċipaw fil-programm ta’ finanzjament stabbilit mir-Reġjun Awtonomu permezz tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom fid-definizzjoni tal-pjanijiet tal-operat tagħhom u fl-għażla tal-fornituri kontraenti tnaqqas b’mod sinjifikattiv mill-kriterji u mid-direttivi ddefiniti mir-Reġjun Awtonomu. |
93 |
B’mod partikolari, ir-riferiment, fl-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 10/2010, għall-kuntratti li għandhom jiġu prodotti mill-operaturi tal-ajruporti u r-riferiment, fid-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, għall-każijiet li fihom il-pjanijiet ta’ attivitajiet jitwettqu minn kumpanniji tal-ajru jikkonfermaw, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li r-Reġjun Awtonomu kien jinċentiva lill-operaturi tal-ajruporti sabiex jużaw kumpanniji tal-ajru, peress li dawn huma l-uniċi entitajiet li jistgħu jimpenjaw ruħhom mal-kumpanniji tal-ajru dwar il-ftuħ jew iż-żamma ta’ rotot tal-ajru, il-frekwenzi tagħhom u miri fir-rigward ta’ passiġġieri, u li l-imsemmi reġjun kien jiddeċiedi liema rotot tal-ajru jitqiesu li huma eliġibbli. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet ta’ marketing, ir-Reġjun Awtonomu għamel distinzjoni bejn dawk li jiġu offruti minn kumpanniji tal-ajru, ħaġa li tikkonferma l-użu neċessarju ta’ tali kumpanniji mill-operaturi tal-ajruporti, u dawk li jiġu offruti minn fornituri differenti minn kumpanniji tal-ajru, liema kumpanniji, kif issostni l-Kummissjoni, ma humiex inkwistjoni f’dan il-każ u l-eżistenza tagħhom, fi kwalunkwe każ, ma hijiex ta’ natura li tinfluwenza l-kwistjoni jekk il-fondi rċevuti mir-rikorrenti kinux joriġinaw mill-baġit tar-Reġjun Awtonomu u kinux imputabbli lilu. |
94 |
Billi jikkontrolla strettament, upstream, il-pjanijiet ta’ attivitajiet ippreżentati mill-operaturi tal-ajruporti, b’mod partikolari r-rotot tal-ajru kkonċernati u s-servizzi ta’ marketing previsti, kif ukoll, downstream, l-ammonti inkorsi mill-operaturi tal-ajruporti għar-remunerazzjoni tal-imsemmija servizzi offruti mill-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-promozzjoni tal-gżira ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika, ir-Reġjun Awtonomu assuma kontroll suffiċjenti, fuq l-aġir kuntrattwali tal-operaturi tal-ajruporti li ddeċidew li jitolbu l-miżuri ta’ finanzjament previsti fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, sal-punt li għandu jitqies li l-imsemmi aġir kien imputabbli lilu. |
95 |
Barra minn hekk, fid-Deċiżjonijiet tar-Reġjun Awtonomu Nru 300 u Nru 322, tas-16 ta’ Ġunju 2014 u tat-13 ta’ Ġunju 2013, rispettivament, li jiffissaw l-ammonti annwali definittivi, ir-Reġjun Awtonomu stess qies li “l-intervent previst fil-Liġi [Nru 10/2010] [twettaq] permezz tal-operaturi tal-ajruporti, li [kellhom] ir-rwol ta’ intermedjarji u ta’ prekursuri operattivi tat-trasferiment ta’ riżorsi lill-kumpanniji tal-ajru, skont ir-rotta ddeterminata mir-Reġjun stess, kif stabbilita mil-Liġi [Nru 10/2010] iċċitata iktar ’il fuq u l-miżuri ta’ implimentazzjoni” (che l’intervento di cui alla LR. n. 10/2010 si realizza attraverso le societa di gestione aeroportuale, che fungono da tramiti operativi e da soggetti anticipatori del trasferimento di risorse a favore dei vettori, secondo il percorso dalla Regione stessa disegnato con la sopraccitata legge regionale n. 10/2010 e con e delibere di attuazione della stessa) u li “il-kumpanniji tal-ajru għandhom jitqiesu li huma d-destinatarji reali u uniċi tal-flussi ta’ riżorsi finanzjarji skont il-Liġi [Nru 10/2010]” (che i vettori debbano considerarsi i reali ed unici destinatari dei flussi delle risorse di cui alla predetta legge regionale). |
96 |
Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-preambolu tal-kuntratt tas-26 ta’ Frar 2012 konkluż bejn ir-rikorrenti u l-operatur tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas jipprova, b’mod ċar, il-portata tal-kontroll eżerċitat mir-Reġjun Awtonomu, peress li, fil-fatt, jispeċifika li kien “[k]onformement mad-direttivi ppubblikati mir-Reġjun [Awtonomu li] SOGAER [kienet] fasslet pjan ta’ attivitajiet li jiddeskrivi l-istrateġija u l-azzjonijiet li [kellhom jiġu] implimentati sabiex jintlaħaq l-għan ta’ żvilupp tat-traffiku”; li “[i]l-finanzjament tal-pjan ta’ attivitajiet [kien] suġġett għall-approvazzjoni tal-Kumitat tal-Kunsill Reġjonali skont l-Artikolu 3(3) tal-Liġi [Nru 10/2010]”; li “ir-Reġjun [Awtonomu] u SOGAER [kienu] jistennew żieda fir-reklamar ġenerali ta’ Cagliari, [tal‑]ajruport u [tan‑]nofsinhar ta’ Sardegna[; u li b’[riżultat ta’ dawn is-servizzi ta’ marketing, kemm ir-Reġjun [Awtonomu] kif ukoll SOGAER kienu jistennew żieda fit-traffiku ta’ passiġġieri u dħul ekonomiku pożittiv għall-ajruport ta’ Cagliari u għaż-żona moqdija minnu”. |
97 |
F’dak li jirrigwarda l-fatt li l-imsemmija operaturi kkontrollaw it-twettiq tal-pjanijiet ta’ attivitajiet, dan ma jimplikax li huma kellhom awtonomija fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Fil-fatt, l-introduzzjoni ta’ klawżoli penali fil-kuntratti konklużi mal-kumpanniji tal-ajru msieħba hija spjegata fuq kollox mir-rieda tal-operaturi tal-ajruporti li josservaw l-obbligi tagħhom, kif previsti fid-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, sabiex jiżguraw li jiksbu effettivament il-finanzjament mitlub mingħand ir-Reġjun Awtonomu u li huma kienu ħallsu bil-quddiem b’eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti. Mill-perspettiva tal-interess tar-Reġjun Awtonomu u kif issostni l-Kummissjoni, l-obbligu impost fuq l-operaturi tal-ajruporti li jipprevedu mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet kien intiż li jipproteġi l-investiment pubbliku, billi jiggarantixxi li l-fondi mogħtija jintużaw korrettament u jagħtu lok għas-servizzi mistennija bil-għan li jiġi promoss it-turiżmu f’Sardegna. Dan japplika wkoll għall-mekkaniżmu ta’ segwitu, f’dak li jirrigwarda l-produzzjoni mill-operaturi tal-ajruporti lir-Reġjun Awtonomu kemm ta’ rapporti kull tliet xhur kif ukoll tad-dokumenti kollha ta’ kontabbiltà u kuntrattwali ta’ sostenn bil-għan li jinkisbu l-aħħar porzjonijiet ta’ ħlas tal-finanzjament offrut mill-imsemmi reġjun. |
98 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, l-argument tar-rikorrenti dwar l-allegata awtonomija deċiżjonali tal-operaturi tal-ajruporti fid-definizzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom mal-kumpanniji tal-ajru kontraenti abbażi tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża għandu jiġi miċħud bħala infondat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-premessi 355 sa 361 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-operaturi tal-ajruporti setgħu jitqiesu li kienu intermedjarji bejn ir-Reġjun Awtonomu u l-kumpanniji tal-ajru, li ttrasferixxew it-totalità tal-fondi rċevuti mir-Reġjun Awtonomu u li b’dan il-mod aġixxew skont l-istruzzjonijiet irċevuti mill-imsemmi reġjun permezz tal-pjanijiet ta’ attivitajiet approvati minn dan tal-aħħar. |
c) Fuq l-identifikazzjoni żbaljata tal-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u l-assenza ta’ vantaġġ għall-kumpanniji tal-ajru
99 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-operaturi tal-ajruporti kienu l-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża sa fejn din taffitilhom l-ispejjeż li normalment kien ikollhom isostnu sabiex jiksbu s-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratti kontenzjużi, kemm dawk relatati ma’ miri ta’ frekwenza tar-rotot tal-ajru u ta’ volum ta’ passiġġieri kif ukoll dawk li jirrigwardaw servizzi ta’ marketing. Għaldaqstant, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża tikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ sussidju tal-operaturi tal-ajruporti bil-għan li dawn jiksbu mingħand kumpanniji tal-ajru servizzi relatati mal-attivitajiet 1 u 2. Dan il-mekkaniżmu jtaffi spejjeż li l-operaturi tal-ajruporti normalment kien ikollhom isostnu sabiex jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom stess. Għaldaqstant, l-imsemmija operaturi tal-ajruporti kisbu dħul ekonomiku permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet mar-rikorrenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-estensjoni taż-żona moqdija minnhom u taż-żieda fit-traffiku ta’ passiġġieri. |
100 |
Il-fatt li, bħala kumpannija tal-ajru, ir-rikorrenti, b’eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti, ipprovdiet attivitajiet ta’ marketing li jippromwovu r-rotot tal-ajru li hija kienet topera ma jeliminax l-interess ekonomiku tal-operaturi tal-ajruporti li jiksbu tali servizzi permezz ta’ kuntratti. Fil-fatt, il-kuntratti konklużi bejn dawn tal-aħħar u r-rikorrenti żvelaw interess ekonomiku reali tagħhom li jiksbu s-servizzi kontenzjużi, interess li l-Kummissjoni rrikonoxxiet f’deċiżjonijiet preċedenti u li jwassal lil diversi ajruporti sabiex jużaw servizzi analogi mingħand kumpanniji tal-ajru. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-ftehimiet huma komuni fil-qasam ajrunawtiku, kif jikkonferma l-fatt li, f’dan il-każ, l-operaturi tal-ajruporti inkwistjoni ffinanzjaw dawn il-kuntratti parzjalment mill-fondi tagħhom stess. Għaldaqstant, is-servizzi li hija pprovdiet b’eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti kienu reali u, anki jekk l-attivitajiet previsti fihom kienu jikkorrispondu għall-interess ekonomiku tagħha stess, il-fatt li setgħet tislet vantaġġ ekonomiku mill-imsemmija ftehimiet kummerċjali ma jistax jipprova li r-rikorrenti rċeviet għajnuna mill-Istat illegali min-naħa tar-Reġjun Awtonomu. |
101 |
Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li l-operaturi tal-ajruporti kienu benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, meta huma kienu d-destinatarji diretti tal-ħlasijiet mir-Reġjun Awtonomu, inqas u inqas bl-argument illoġiku li l-imsemmija skema ma kinitx maħsuba sabiex tittrasferixxi l-effetti sekondarji tagħha lill-ajruporti. |
102 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-operaturi tal-ajruporti kellhom interess li jipparteċipaw, bħala intermedjarji, fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, peress li t-twettiq mill-kumpanniji tal-ajru tal-obbligi tagħhom fir-rigward ta’ frekwenza tar-rotot tal-ajru u ta’ miri fir-rigward ta’ volum ta’ passiġġieri kif ukoll il-provvista tas-servizzi ta’ marketing tagħhom kellhom l-effett li jżidu l-frekwentazzjoni tal-ajruporti kkonċernati u, neċessarjament, id-dħul mill-ajruporti u mhux mill-ajruporti tal-operaturi tagħhom. |
103 |
Madankollu, kif enfasizzat il-Kummissjoni b’mod partikolari waqt is-seduta, ma huwiex probabbli li, fl-assenza tal-finanzjament mir-Reġjun Awtonomu, l-operaturi tal-ajruporti kien ikollhom fondi suffiċjenti, f’dan il-każ għexieren ta’ miljuni ta’ euro, sabiex iwettqu akkwisti ta’ tali portata, mingħand kumpanniji tal-ajru, ta’ obbligi li jiftħu rotot tal-ajru u li jilħqu miri ta’ traffiku ta’ passiġġieri kif ukoll ta’ servizzi ta’ marketing u lanqas ma kienu neċessarjament jikkonkludu, fl-istrateġiji ta’ espansjoni tagħhom, dawn it-tipi ta’ kuntratti. Għall-kuntrarju, jidher li l-imsemmija operaturi impenjaw ruħhom kuntrattwalment mal-kumpanniji tal-ajru biss bil-garanzija tar-Reġjun Awtonomu li jirċievu l-fondi korrispondenti mingħand dan tal-aħħar. |
104 |
Dan huwa kkorroborat mill-fatt li, f’dan il-każ, l-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia ma kinux użaw is-servizzi ta’ marketing tar-rikorrenti, u lanqas ma kkonkludew ftehimiet li jirrigwardaw frekwenzi tas-servizz bl-ajru jew miri fir-rigward ta’ passiġġieri, qabel l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u li, wara s-sospensjoni tal-imsemmija skema, l-imsemmija operaturi, fl-assenza ta’ finanzjament mir-Reġjun Awtonomu, ma ddeċidewx mar-rikorrenti li jikkonkludu kuntratti ġodda li jirrigwardaw servizzi analogi. Fl-aħħar mill-aħħar, kif osservat il-Kummissjoni, ix-xiri tal-imsemmija servizzi kien relatat inqas ma’ ħtieġa kummerċjali tal-operaturi tal-ajruporti milli mad-deċiżjoni ta’ dawn tal-aħħar li jipprovdu l-assistenza tagħhom fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża stabbilita mir-Reġjun Awtonomu. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax issostni li, permezz tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ir-Reġjun Awtonomu taffa spejjeż li l-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia normalment kien ikollhom isostnu. |
105 |
Din il-konklużjoni ma titqigħedx fid-dubju mill-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-operaturi tal-ajruporti rremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru wkoll mill-fondi tagħhom stess. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti tonqos milli tipprova x’ammonti ħallsu l-operaturi tal-ajruporti mill-fondi tagħhom stess mingħajr ma kisbu jew talbu r-rimbors sussegwenti tagħhom mingħand ir-Reġjun Awtonomu abbażi tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, minkejja li l-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma r-rikorrenti tipproduċi l-prova kuntrarja, li l-operaturi tal-ajruporti użaw fondi tagħhom stess biss fi proporzjonijiet żgħar ħafna u unikament bil-għan li jissodisfaw l-impenji kuntrattwali residwi tagħhom wara s-sospensjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża mir-Reġjun Awtonomu. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, fi kwalunkwe każ, dawn l-allegati investimenti tal-operaturi tal-ajruporti stess ma jaqgħux taħt l-obbligu ta’ rimbors previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u ma jirriflettux teħid ta’ riskji kummerċjali sinjifikattiv b’rabta mal-użu tal-fondi li joriġinaw mir-Reġjun Awtonomu. |
106 |
F’dak li jirrigwarda s-servizzi li kienu s-suġġett tal-kuntratti kontenzjużi, barra mill-fatt, li ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, li l-kumpanniji tal-ajru kontraenti ma ntgħażlux wara proċedura ta’ natura li tiggarantixxi li r-Reġjun Awtonomu, permezz tal-operaturi tal-ajruporti, irremunerahom bil-prezzijiet tas-suq, għandu jiġi kkonstatat li, wara li ġiet mistiedna mill-Qorti Ġenerali tipproduċi dokumenti probatorji f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti pproduċiet materjal ta’ reklamar u kuntrattwali li jikkonferma li, kif qieset il-Kummissjoni fil-premessa 368 tad-deċiżjoni kkontestata, il-promozzjoni ta’ ċerti bliet u reġjuni li sservi r-rikorrenti ġeneralment hija intrinsikament marbuta, fis-sit internet tagħha, mal-promozzjoni tat-titjiriet operati minnha stess. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li hija ssostni, fl-assenza tal-kuntratti ta’ marketing iffirmati ma’ SOGAER u ma’ GEASAR, ma huwiex eskluż li r-rikorrenti xorta waħda kienet torganizza l-promozzjoni tar-rotot tal-ajru tagħha minn u lejn Sardegna bl-istess mod kif ma huwiex stabbilit li, b’eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti, ir-rikorrenti żviluppat attività promozzjonali sostanzjalment iktar sinjifikattiva minn dik normalment imwettqa bil-għan li tippromwovi direttament it-titjiriet tagħha stess. |
107 |
Għalhekk il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta rrilevat, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi ta’ marketing inxtraw mill-operaturi tal-ajruporti inkwistjoni, f’dan il-każ bil-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom mir-Reġjun Awtonomu, sabiex jippromwovu l-operat tar-rotta jew tar-rotot tal-ajru operati mill-kumpanniji tal-ajru kontraenti u li għall-ftuħ jew għaż-żamma tagħhom huma ġew irremunerati fil-kuntest tal-attività 1. |
108 |
Bl-istess mod, il-Kummissjoni setgħet ukoll tikkonkludi li l-kumpanniji tal-ajru ġew irremunerati mir-Reġjun Awtonomu sabiex jippromwovu s-servizzi tagħhom stess bħala kumpanniji tal-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑53/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:943, punt 271; tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑165/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:952, punt 167; tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑165/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:953, punt 230, u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑111/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:954, punt 232), minkejja li dawn kienu spejjeż ta’ marketing u ta’ reklamar li l-kumpanniji tal-ajru inkwistjoni, inkluża r-rikorrenti, kellhom bħala prinċipju jsostnu. |
109 |
Bl-istess mod, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li l-operaturi tal-ajruporti ma kinux benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Fil-fatt, it-twettiq mill-kumpanniji tal-ajru kontraenti tas-servizzi mixtieqa u ffinanzjati mir-Reġjun Awtonomu kellu l-effett li żied it-traffiku tal-ajru u l-volum ta’ passiġġieri lejn u mill-ajruporti kkonċernati, ħaġa li kienet timplika żieda fir-riżorsi mill-ajruporti u mhux mill-ajruporti tal-operaturi tagħhom. Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, dan huwa effett sekondarju tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża li minnha bbenefika s-settur turistiku ta’ Sardegna kollu kemm hu, inkluża, barra minn hekk, ir-rikorrenti, li, b’ċertu mod, kisbet ukoll tali vantaġġ sekondarju permezz ta’ żieda fil-bejgħ tas-servizzi offruti abbord l-ajruplani tagħha. Madankollu, il-vantaġġ immedjat li huwa s-suġġett tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u li ma nkisibx f’kundizzjonijiet normali tas-suq kien ikkostitwit mill-ħlasijiet imwettqa lill-kumpanniji tal-ajru. |
110 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument tar-rikorrenti dwar l-allegat żball tal-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u fil-konstatazzjoni ta’ vantaġġ favur ir-rikorrenti għandu jiġi miċħud. |
d) Fuq il-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq
111 |
Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma evalwatx korrettament l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, għaliex ma applikatx, kif messha għamlet, il-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq kemm fuq il-livell tar-Reġjun Awtonomu kif ukoll fuq il-livell tal-operaturi tal-ajruporti. Bl-istess mod, hija tikkritikaha għal nuqqas ta’ motivazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkonstata li l-attivitajiet li hija pprovdiet ikkontribwixxew b’mod sinjifikattiv għall-iżvilupp tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia u li, fi kwalunkwe każ, peress li fl-2013 l-operaturi tal-ajruporti komplew jiffinanzjaw l-attivitajiet koperti mill-kuntratti inkwistjoni, dan jipprova li s-sena finanzjarja 2012 kienet daqstant ieħor konformi mal-kriterju tal-investitur privat. |
112 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li hija ħadet inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq kemm fuq il-livell tar-Reġjun Awtonomu kif ukoll fuq il-livell tal-operaturi tal-ajruporti. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, li jirriżulta mill-Artikolu 345 TFUE, tippreżupponi neċessarjament li l-awtorità pubblika inkwistjoni timpenja ruħha fi tranżazzjoni ekonomika u li jkollha rabta mal-benefiċjarju, billi tkun proprjetarja jew azzjonista tiegħu jew billi żżomm ishma f’din l-entità. |
113 |
Minn naħa, il-Kummissjoni tirrileva li, matul il-proċedura amministrattiva, ir-Repubblika Taljana ma kinitx issuġġerixxiet l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fuq il-livell tar-Reġjun Awtonomu u li fi kwalunkwe każ kien ċar li l-imsemmi reġjun kien qiegħed ifittex mhux li jagħmel profitt, iżda li jilħaq għanijiet ta’ politika pubblika, b’mod partikolari t-tisħiħ tal-ekonomija b’mod ġenerali billi jiġu attirati iktar turisti. Issa, tali għan ma jittiħidx inkunsiderazzjoni minn operatur privat li jwettaq investiment. Fi kwalunkwe każ, ir-Reġjun Awtonomu ma setax jitqies li kien operatur tal-ajruport li jfittex li jinvesti, speċjalment peress li kien jikkontrolla biss l-ajruport ta’ Alghero, li ma huwiex inkwistjoni f’dan il-każ. Għaldaqstant, l-adozzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma tistax titqies li tirriżulta minn deċiżjoni ta’ investiment tal-Istat fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist. |
114 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li lanqas f’dak li jirrigwarda l-operaturi tal-ajruporti ma kienet iġġustifikata l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, peress li, meta kkonkludew id-diversi ftehimiet tagħhom mal-kumpanniji tal-ajru, huma sempliċement kienu qegħdin jimplimentaw l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża maħsuba mir-Reġjun Awtonomu sabiex tiżdied il-frekwentazzjoni tal-gżira mit-turisti li jivvjaġġaw bl-ajru. Għaldaqstant, huma ma mmobilizzawx il-fondi tagħhom stess għall-ħlas tas-servizzi koperti mill-imsemmija ftehimiet, iżda użaw il-fondi pprovduti mir-Reġjun Awtonomu, u b’dan il-mod ittrasferixxew riżorsi tal-Istat skont l-intenzjoni u d-direttivi tal-imsemmi Reġjun Awtonomu. Għaldaqstant, dawn it-tranżazzjonijiet ma twettqux f’kundizzjonijiet normali tas-suq mingħajr l-intervent inkwistjoni tal-Istat, filwaqt li għandu jitqies, barra minn hekk, li l-operaturi tal-ajruporti inkwistjoni f’dan il-każ ma humiex miżmuma mill-awtorità pubblika. |
1) Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq għar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru
115 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġustifikat l-inapplikabbiltà tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fuq il-livell tat-tranżazzjonijiet imwettqa bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru, għar-raġuni, essenzjalment, li l-miżuri eżaminati kienu jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna stabbilita minn awtorità pubblika għal raġunijiet ta’ politika pubblika, li kienet tkopri diversi ajruporti, li minnhom wieħed biss kien miżmum mir-Reġjun Awtonomu, u mhux ftehim individwali bejn ajruport u kumpannija tal-ajru. Barra minn hekk, għall-Kummissjoni, kien ċar li l-operaturi tal-ajruporti ma kinux aġixxew bħala operaturi f’ekonomija tas-suq meta kienu kkonkludew id-diversi kuntratti mal-kumpanniji tal-ajru. Fil-fatt, huma sempliċement implimentaw skema ta’ għajnuna maħsuba mir-Reġjun Awtonomu sabiex jiżdied it-trasport bl-ajru għall-benefiċċju ġenerali tat-territorju tal-gżira ta’ Sardegna. |
116 |
F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fid-dawl tal-awtonomija tal-operaturi tal-ajruporti fl-użu tal-fondi pprovduti mir-Reġjun Awtonomu u fid-definizzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom mal-kumpanniji tal-ajru, dan għandu jiġi miċħud għall-motivi diġà esposti fil-punti 102 sa 110 iktar ’il fuq. |
117 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kif tirrikonoxxi r-rikorrenti u kuntrarjament għal dak li kien il-każ fid-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni li hija ssemmi, iż-żewġ operaturi tal-ajruporti kkonċernati f’dan il-każ, jiġifieri dawk ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, fi kwalunkwe każ ma humiex miżmuma mir-Reġjun Awtonomu. Issa, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, sabiex tista’ tiġi prevista l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq għal tranżazzjoni finanzjarja bejn żewġ impriżi bil-għan li jsir magħruf jekk, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 345 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑142/87, EU:C:1990:125, punt 29; tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑303/88, EU:C:1991:136, punt 20, u tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il‑Kummissjoni, T‑358/94, EU:T:1996:194, punt 70), din it-tranżazzjoni tissodisfax razzjonalità ekonomika li teskludi li din tista’ tagħti lok għall-għoti ta’ vantaġġ mill-ewwel impriża lit-tieni waħda, huwa neċessarju li l-ewwel impriża tkun miżmuma mill-Istat u li dan tal-aħħar jista’ jitqies li qiegħed jaġixxi bħala investitur li jistenna dħul ekonomiku ftit jew wisq fit-tul mill-investiment tiegħu. |
118 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, indipendentement mill-istabbiliment ta’ pjanijiet tal-operat mill-kumpanniji tal-ajru u/jew ta’ analiżi ex ante tal-profittabbiltà tal-investimenti magħmula mill-operaturi tal-ajruporti, kif invokati mir-rikorrenti, jidher li, minn naħa, l-imsemmija operaturi ma kinux miżmuma mir-Reġjun Awtonomu u li, min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, dawn tal-aħħar sempliċement użaw il-flus imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom mir-Reġjun Awtonomu sabiex jakkwistaw servizzi skont l-istruzzjonijiet ta’ dan tal-aħħar. |
119 |
Minn dan jirriżulta li, kif qieset ġustament il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-operaturi tal-ajruporti llimitaw ruħhom essenzjalment li jimplimentaw l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Barra minn hekk, peress li l-imsemmija operaturi ma kinux miżmuma mill-Istat, it-tranżazzjonijiet imwettqa bejn il-kumpanniji tal-ajru u l-operaturi tal-ajruporti ma kinux intiżi li jiġu eżaminati fid-dawl tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, minkejja li dawn it-tranżazzjonijiet twettqu permezz ta’ riżorsi tal-Istat, f’dan il-każ tar-Reġjun Awtonomu. |
120 |
Din il-konstatazzjoni ma titqigħedx fid-dubju mill-fatt, anki jekk jitqies li ġie stabbilit, li l-operaturi tal-ajruporti rremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru wkoll mill-fondi tagħhom stess. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti tonqos milli tipprova x’ammonti ħallsu l-operaturi tal-ajruporti mill-fondi tagħhom stess mingħajr ma kisbu jew talbu r-rimbors sussegwenti tagħhom mingħand ir-Reġjun Awtonomu abbażi tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, minkejja li l-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma r-rikorrenti tipproduċi l-prova kuntrarja, li l-operaturi tal-ajruporti użaw fondi tagħhom stess biss fi proporzjonijiet żgħar ħafna u unikament bil-għan li jissodisfaw l-impenji kuntrattwali residwi tagħhom wara s-sospensjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża mir-Reġjun Awtonomu. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, fi kwalunkwe każ, dawn l-allegati investimenti tal-operaturi tal-ajruporti stess ma jaqgħux taħt l-obbligu ta’ rimbors previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u ma jirriflettux teħid ta’ riskji kummerċjali sinjifikattiv b’rabta mal-użu tal-fondi li joriġinaw mir-Reġjun Awtonomu. |
121 |
Għalhekk l-argument tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fuq il-livell tal-operaturi tal-ajruporti għandu jiġi miċħud. |
2) Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fuq il-livell tar-Reġjun Awtonomu
122 |
Fil-premessi 380 sa 388 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qabelxejn osservat li r-Repubblika Taljana ma kienet siltet ebda argument mill-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq; li xejn ma kien jindika li r-Reġjun Awtonomu aġixxa skont dan il-prinċipju meta kien stabbilixxa l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u li kien ċar li, permezz tal-istabbiliment tal-imsemmija skema, huwa kien fittex li jilħaq għanijiet ta’ politika pubblika, b’mod partikolari t-tisħiħ tal-ekonomija reġjonali billi jiġu attirati iktar turisti, iktar milli jikseb profitti fil-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju. Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat l-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju fuq il-livell tal-operaturi tal-ajruporti u tar-Reġjun Awtonomu sabiex tikkonkludi li dan ma kienx japplika fil-każ inkwistjoni. |
123 |
Ir-rikorrenti tqis li hija żbaljata l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha r-Reġjun Awtonomu ma aġixxiex bħala investitur privat f’ekonomija tas-suq. |
124 |
Madankollu, f’dan il-każ, peress li r-Reġjun Awtonomu ma jżommx l-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, li huma biss huma inkwistjoni f’dan il-każ, ma jistax jitqies li dan tal-aħħar aġixxa bħala investitur. Għall-kuntrarju, jidher li r-Reġjun Awtonomu stabbilixxa l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża unikament għall-finijiet tal-iżvilupp ekonomiku tal-gżira ta’ Sardegna. |
125 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi, b’mod partikolari fil-premessi 380 sa 384 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kinitx obbligata tanalizza jekk, permezz tal-finanzjament li kien is-suġġett tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ir-Reġjun Awtonomu kienx wettaq investiment paragunabbli ma’ dak ta’ investitur privat. Għaldaqstant, hija setgħet tqis li l-analiżijiet ex ante tal-profittabbiltà ekonomika tal-kuntratti ta’ servizzi konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u r-rikorrenti ma kinux rilevanti, peress li, f’dan il-każ, ir-Reġjun Awtonomu, li aġixxa esklużivament bħala awtorità pubblika, ma setax jistenna dividendi, qligħ kapitali jew kwalunkwe forma oħra ta’ profitt paragunabbli ma’ dawk li jikseb investitur privat. |
126 |
Fuq dan il-punt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-eventwali żieda fir-riżorsi fiskali ta’ entità pubblika, bħar-Reġjun Awtonomu, minħabba l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ politika pubblika, ma tistax tiġi assimilata, u lanqas ma tista’ tiġi pparagunata, mal-qligħ li investitur privat jistenna mill-investimenti tiegħu, peress li din ma hijiex tal-istess natura bħal vantaġġ finanzjarju li operatur jistenna minn wieħed mill-investimenti tiegħu. Fil-fatt, hawnhekk huma inkwistjoni benefiċċji makroekonomiċi mistennija mill-intervent pubbliku fil-kuntest ta’ politika ekonomika, li ma taqax taħt il-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, iżda taħt il-prinċipji ta’ razzjonalizzazzjoni tal-infiq pubbliku. |
127 |
Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jfittex li jitqies li r-Reġjun Awtonomu, fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża adottata fil-kuntest ta’ politika ekonomika ġenerali, aġixxa bħala investitur b’mod li tkun iġġustifikata l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq. |
128 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-ħlasijiet imwettqa mir-Reġjun Awtonomu lill-kumpanniji tal-ajru permezz tal-operaturi tal-ajruporti fil-kuntest tal-attività 1 u tal-attività 2 kellhom jitqiesu li kienu sussidji mogħtija lill-kumpanniji tal-ajru sabiex dawn joperaw iktar titjiriet lejn u mill-gżira ta’ Sardegna. |
129 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li, peress li r-Reġjun Awtonomu ma jżommx l-ajruporti kollha tal-gżira ta’ Sardegna, li huma l-uniċi entitajiet li jistgħu jiftiehmu kuntrattwalment dwar l-użu tal-infrastrutturi tal-ajruporti li huma jamministraw, b’mod partikolari dwar il-ftuħ tar-rotot tal-ajru ġodda, ir-Reġjun Awtonomu, bħala awtorità pubblika, ma setax jakkwista dan it-tip ta’ servizzi direttament mingħand il-kumpanniji tal-ajru. Issa, kif jirriżulta mill-premessi 312 u 314 tad-deċiżjoni kkontestata, l-operatur tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas ikkonferma li, minn naħa, ir-Reġjun Awtonomu, permezz tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, talab servizz li kien jikkonsisti fl-għażla ta’ kumpanniji tal-ajru li kienu kapaċi jilħqu l-miri annwali ffissati għall-frekwenza u għall-volum ta’ passiġġieri fuq rotot strateġiċi minn u lejn l-ajruport ta’ Cagliari-Elmas u li, min-naħa l-oħra, dan is-servizz ġie pprovdut mill-kumpanniji tal-ajru kontraenti magħżula mill-operaturi tal-ajruporti. |
130 |
Mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża jirriżulta wkoll li s-servizzi ta’ marketing ipprovduti mill-kumpanniji tal-ajru kellhom l-għan li jippromwovu l-gżira ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika. |
131 |
Għaldaqstant, għalkemm ma jistax jitqies li, meta adotta l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ir-Reġjun Awtonomu aġixxa bħala investitur, għandu madankollu jitqies li l-imsemmi reġjun aġixxa bħala akkwirent ta’ servizzi, b’mod partikolari ta’ marketing. Dan huwa dak li, barra minn hekk, enfasizzat ir-rikorrenti, b’mod partikolari fir-replika, meta rrilevat li r-Reġjun Awtonomu “kien involva kumpannija orjentata lejn is-suq sabiex takkwista servizzi f’suq, jiġifieri servizzi ta’ marketing u postijiet tal-passiġġieri”. |
132 |
Fil-fatt, minn naħa, l-ammonti li rċeviet ir-rikorrenti kienu jikkorrispondu għall-provvista ta’ servizzi bi tweġiba għal ordni tar-Reġjun Awtonomu li fir-rigward tagħha l-operaturi tal-ajruporti kellhom biss rwol ta’ intermedjarji bejn l-awtorità kontraenti u l-fornituri ta’ dawn is-servizzi. Min-naħa l-oħra, kif issostni r-rikorrenti, il-kumpanniji tal-ajru pprovdew servizzi, kemm fir-rigward tal-impenji dwar rotot tal-ajru u volum ta’ traffiku ta’ passiġġieri kif ukoll fir-rigward ta’ marketing, li jistgħu jiġu offruti lill-operaturi tal-ajruporti fis-settur tat-trasport bl-ajru. |
133 |
F’dan ir-rigward, miżura statali favur impriża ma tistax tiġi eskluża a priori mill-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat previst fl-Artikolu 107 TFUE sempliċement minħabba li l-partijiet jimpenjaw ruħhom li jwettqu servizzi reċiproċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il‑Kummissjoni, T‑14/96, EU:T:1999:12, punt 71). |
134 |
F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-akkwist ta’ servizzi mill-awtorità pubblika, dan l-akkwist bħala prinċipju għandu jsir billi jiġu segwiti r-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti mid-dritt sekondarju tal-Unjoni. F’dan il-każ, l-eżistenza ta’ tali proċedura ta’ sejħa għal offerti, imwettqa qabel xiri ta’ servizzi minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru, normalment titqies li hija suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li dan l-Istat Membru jista’ jagħti vantaġġ lill-impriża fornitriċi magħżula li altrimenti hija ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2003, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni, T‑116/01 u T‑118/01, EU:T:2003:217, punt 118). |
135 |
F’dan il-każ, l-akkwist tas-servizzi inkwistjoni ma sarx mir-Reġjun Awtonomu stess, li, bħala awtorità pubblika, kien ikun suġġett għar-regoli tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Fil-fatt, dan l-akkwist sar permezz ta’ operaturi oħra, li f’din is-sitwazzjoni ma kinux suġġetti għall-imsemmija regoli, f’dan il-każ l-operaturi tal-ajruporti, li ġew inkarigati jiksbu fis-suq is-servizzi mixtieqa mir-Reġjun Awtonomu u li dan tal-aħħar iffinanzja. |
136 |
F’tali sitwazzjoni, is-sempliċi fatt li Stat Membru jixtri servizzi li, kif issostni r-rikorrenti, ġew allegatament offruti bil-kundizzjonijiet tas-suq ma huwiex suffiċjenti sabiex din l-operazzjoni tikkostitwixxi tranżazzjoni kummerċjali mwettqa taħt kundizzjonijiet li operatur privat kien jaċċetta, jew, fi kliem ieħor, tranżazzjoni kummerċjali normali. Fil-fatt, f’sitwazzjoni ta’ dan it-tip, huwa neċessarju, minn naħa, li l-Istat kellu bżonn reali ta’ dawn is-servizzi u, min-naħa l-oħra, li l-akkwist ta’ dawn is-servizzi jkun sar permezz ta’ proċedura miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja ta’ natura li tiżgura l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-fornituri li jistgħu joffru s-servizzi inkwistjoni u li tiggarantixxi li s-servizzi inkwistjoni jiġu akkwistati bil-prezz tas-suq, liema prezz jiżgura li, meta jiġu akkwistati l-imsemmija servizzi, l-awtorità pubblika ma tagħtix vantaġġ lill-fornitur magħżul (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2003, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni, T‑116/01 u T‑118/01, EU:T:2003:217, punti 112 sa 120; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il‑Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punti 93 u 94, u tas-16 ta’ Lulju 2015, BVVG, C‑39/14, EU:C:2015:470, punt 32). |
137 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-finanzjament ipprovdut mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kienx jikkostitwixxi remunerazzjoni għal prodotti jew għal servizzi li jissodisfaw bżonnijiet ġenwini tar-Reġjun Awtonomu u li ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa u trasparenti ma kienet ġiet segwita sabiex tiġi pprovduta l-għajnuna finanzjarja lill-kumpanniji tal-ajru kkonċernati. |
138 |
F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li qieset il-Kummissjoni, ir-Reġjun Awtonomu, bħala awtorità pubblika li tfittex li tilħaq għanijiet ta’ politika ekonomika, seta’ jqis li huwa kellu bżonn jippromwovi l-gżira ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika sabiex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tal-gżira. |
139 |
Madankollu, minn naħa, kif issostni l-Kummissjoni, il-portata bla preċedent tas-servizzi ta’ marketing iffinanzjati fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża hija ta’ natura li tqiegħed fid-dubju l-fatt li dawn is-servizzi kienu jissodisfaw, b’mod proporzjonat u fid-dawl tal-prinċipji ta’ razzjonalizzazzjoni tal-infiq pubbliku, il-bżonnijiet reali tar-Reġjun Awtonomu bil-għan li jfittex li jilħaq l-għanijiet tiegħu ta’ żvilupp ekonomiku tal-gżira ta’ Sardegna. |
140 |
Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata indirizzat il-kwistjoni tal-organizzazzjoni ta’ sejħiet għal offerti bil-għan li jiġu konklużi ftehimiet mill-operaturi tal-ajruporti għaliex l-organizzazzjoni ta’ tali sejħiet għal offerti setgħet tipprova l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet tas-suq u, għaldaqstant, l-assenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
141 |
Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni l-Kummissjoni, li, bil-għan li jiġu akkwistati s-servizzi ta’ żieda fit-traffiku tal-ajru u ta’ marketing, la r-Reġjun Awtonomu u lanqas l-operaturi tal-ajruporti, li aġixxew bħala intermedjarji, ma organizzaw proċeduri ta’ sejħa għal offerti miftuħa u trasparenti ta’ natura li jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn fornituri u l-akkwist tal-imsemmija servizzi, mir-Reġjun Awtonomu u permezz ta’ riżorsi tal-Istat imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-operaturi tal-ajruporti, bi prezzijiet tas-suq. |
142 |
Fil-fatt, huwa tabilħaqq paċifiku li l-operaturi tal-ajruporti ppubblikaw fis-siti internet rispettivi tagħhom sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess li fil-kuntest tagħhom il-kumpanniji tal-ajru interessati li jiftħu jew li jwettqu aġġustamenti staġjonali ta’ wħud mir-rotot tal-ajru tagħhom, barra minn dawk li diġà kienu s-suġġett ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, u li jipprovdu servizzi ta’ marketing, setgħu joffru s-servizzi tagħhom lill-operaturi tal-ajruporti. |
143 |
Madankollu, dawn is-sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess ma jistgħux jitqiesu li huma ekwivalenti għal proċeduri ta’ sejħa għal offerti. Fil-fatt, wara li ġiet mistiedna mill-Qorti Ġenerali tipproduċi dawn is-sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess kif ukoll l-offerti li hija kienet issottomettiet lill-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, ir-rikorrenti naqset milli tipproduċihom, billi spjegat li hija ma kinitx żammet dawn id-dokumenti. Lanqas il-Kummissjoni ma kienet f’pożizzjoni li tipproduċi l-imsemmija sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess. Barra minn hekk, mill-proċess ma jirriżultax li kienu ġew iffissati kriterji preċiżi sabiex jintgħażlu l-kumpanniji tal-ajru kontraenti. Għall-kuntrarju, jidher li dawk kollha li kienu ssottomettew offerti ġew mistiedna jikkuntrattaw mal-operaturi tal-ajruporti kkonċernati u li, f’dak li jirrigwarda t-tarifikazzjoni tas-servizzi offruti, it-tariffi applikati mill-kumpanniji tal-ajru kienu jvarjaw. Issa, minkejja li kienu jidhru bħala evalwazzjonijiet finanzjarji approssimattivi u arrotondati, ir-rekwiżiti finanzjarji tal-kumpanniji tal-ajru madankollu taw lok għal rimborsi kważi sħaħ, mir-Reġjun Awtonomu, lill-operaturi li kienu għamlu ħlasijiet bil-quddiem fir-rigward tal-imsemmija servizzi. |
144 |
F’dak li jirrigwarda r-realtà tas-servizzi offruti, ir-rikorrenti ma pprovatx realment b’liema mod hija kienet ipprovdiet b’mod konkret is-servizzi inkwistjoni, b’mod partikolari dawk ta’ marketing, marbuta speċifikament mal-kuntratti konklużi mal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia. Fil-fatt, il-materjal ta’ reklamar prodott fuq talba tal-Qorti Ġenerali ma huwiex speċifiku għall-kampanji ta’ reklamar inkwistjoni, iżda għal dawk tal-2015 li jirrigwardaw l-ajruporti tan-nofsinhar tal-Italja. F’dak li jirrigwarda l-fatturi tal-fornitur terz li hija ssostni li użat għat-tfassil tal-offerti bil-għan li tikseb il-kuntratti mal-imsemmija operaturi tal-ajruporti, l-ammonti ta’ kull xahar iffatturati minn dan il-fornitur huma biss ta’ xi eluf ta’ euro u, għaldaqstant, huma ammonti żgħar meta mqabbla mal-finanzjament miksub mir-Reġjun Awtonomu u, fi kwalunkwe każ, ma jippermettux li jiġi stabbilit li dawn kienu jirrigwardaw servizzi intiżi esklużivament għall-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia. |
145 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet tikkonstata, fit-Taqsima 7.2.1.3 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Vantaġġ ekonomiku”, li l-ħlasijiet irċevuti mill-kumpanniji tal-ajru kontraenti, bħar-rikorrenti, ma setgħux jitqiesu li kienu korrispettiv reali għas-servizzi ta’ marketing ipprovduti. |
146 |
Barra minn hekk, barra mill-fatt li l-kumpanniji tal-ajru kontraenti ma ntgħażlux wara proċedura ta’ natura li tiggarantixxi li r-Reġjun Awtonomu, permezz tal-operaturi tal-ajruporti, irremunerahom bil-prezzijiet tas-suq, għandu jiġi kkonstatat li, wara li ġiet mistiedna mill-Qorti Ġenerali tipproduċi dokumenti probatorji f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti pproduċiet materjal ta’ reklamar u kuntrattwali li jikkonferma li, kif qieset il-Kummissjoni fil-premessa 368 tad-deċiżjoni kkontestata, il-promozzjoni ta’ ċerti bliet u reġjuni li sservi r-rikorrenti ġeneralment hija intrinsikament marbuta, fis-sit internet tagħha, mal-promozzjoni tat-titjiriet operati minnha stess. |
147 |
Għalhekk il-Kummissjoni kellha raġun tirrileva, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi ta’ marketing fil-kuntest tal-attività 2 inxtraw mill-operaturi tal-ajruporti inkwistjoni, f’dan il-każ bil-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom mir-Reġjun Awtonomu, sabiex jippromwovu l-operat tar-rotta jew tar-rotot tal-ajru operati mill-kumpanniji tal-ajru kontraenti u li għall-ftuħ jew għaż-żamma tagħhom huma ġew irremunerati fil-kuntest tal-attività 1. |
148 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li l-kumpanniji tal-ajru ġew irremunerati mir-Reġjun Awtonomu sabiex jippromwovu s-servizzi tagħhom stess bħala kumpanniji tal-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑53/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:943, punt 271; tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑165/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:952, punt 167; tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑165/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:953, punt 229, u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑111/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:954, punt 232), minkejja li dawn kienu spejjeż ta’ marketing u ta’ reklamar li l-kumpanniji tal-ajru inkwistjoni, inkluża r-rikorrenti, kellhom bħala prinċipju jsostnu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-fatt li jintlaħqu l-miri fir-rigward ta’ frekwenzi tal-ajru u ta’ volum ta’ passiġġieri, li kienu s-suġġett tal-attività 1, kif ukoll il-provvista tas-servizzi ta’ marketing fil-kuntest tal-attività 2, kellhom l-effett li żiedu l-attività ekonomika tar-rikorrenti. |
149 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, kif sostniet il-Kummissjoni, fl-assenza tal-finanzjament sinjifikattiv ipprovdut mir-Reġjun Awtonomu, l-operaturi tal-ajruporti, fl-istrateġiji ta’ espansjoni tagħhom, ma kinux neċessarjament jikkonkludu ftehimiet jew ftehimiet ta’ tali portata, jew saħansitra ma kinux ikunu f’pożizzjoni finanzjarja li jagħmlu dan. Dan huwa kkorroborat mill-fatt li, f’dan il-każ, l-operaturi tal-ajruporti ma kinux użaw is-servizzi ta’ marketing tar-rikorrenti qabel l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u li, wara s-sospensjoni ta’ din tal-aħħar, l-imsemmija operaturi, fl-assenza ta’ finanzjament mir-Reġjun Awtonomu, ma ddeċidewx li jikkonkludu kuntratti ġodda li jirrigwardaw servizzi analogi. |
150 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet validament tikkonkludi, fil-premessa 388 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-finanzjament ipprovdut mir-Reġjun Awtonomu lill-kumpanniji tal-ajru, bħar-rikorrenti, permezz tal-operaturi tal-ajruporti għall-finanzjament tal-attivitajiet 1 u 2 fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kien ta vantaġġ ekonomiku lill-kumpanniji tal-ajru kkonċernati, f’dan il-każ remunerazzjoni li huma ma kinux jiksbu f’kundizzjonijiet normali tas-suq. |
151 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fuq il-livell tar-Reġjun Awtonomu għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
3) Fuq il-possibbiltà li l-finanzjament li jirrigwarda l-ajruport ta’ Olbia jitqies li huwa għajnuna għal attivitajiet ta’ marketing, għall-investiment jew għal ajruporti reġjonali
152 |
Ir-rikorrenti tistaqsi dwar ir-raġunijiet li għalihom “għajnuna indiretta mill-Istat għall-marketing permezz [tagħha]” issir għajnuna illegali meta “għajnuna diretta mill-Istat għall-marketing għall-operaturi tal-ajruporti ma hijiex illegali fid-dawl tal-iktar emendi reċenti” għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE] (ĠU 2014, L 187, p. 1). Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, l-għajnuna inkwistjoni setgħet titqies li hija għajnuna għall-investiment, peress li l-ajruport ta’ Olbia jilqa’ inqas minn tliet miljun passiġġier fis-sena. |
153 |
Filwaqt li tidentifika l-argument tar-rikorrenti bħala li jirreferi għall-possibbiltà li tiġi eżentata l-għajnuna għall-attivitajiet ta’ marketing abbażi tar-Regolament Nru 651/2014, il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li din il-possibbiltà hija limitata għall-ajruporti li jilqgħu inqas minn 200000 passiġġier fis-sena, li ma huwiex il-każ tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, u, min-naħa l-oħra, li din hija għajnuna mogħtija lill-operaturi tal-ajruporti u mhux, bħal f’dan il-każ, lill-kumpanniji tal-ajru. Fl-aħħar nett, l-ammonti mħallsa għall-attivitajiet ta’ marketing ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “għajnuna għall-investiment”, peress li ma kinux intiżi li jiffinanzjaw assi fissi u, fi kwalunkwe każ, l-ilment huwa inammissibbli, għaliex tressaq għall-ewwel darba mir-rikorrenti fir-replika. |
154 |
F’dan ir-rigward, fil-premessa 408 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li ebda regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija ma kien ikopri l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, inkluż, konsegwentement, ir-Regolament Nru 651/2014 invokat mir-rikorrenti. |
155 |
Barra minn hekk, huwa minnu li mill-Artikolu 14(1) sa (3) tar-Regolament Nru 651/2014 jirriżulta li l-miżuri ta’ għajnuna għall-investiment għal skopijiet reġjonali huma kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3) TFUE u huma eżenti mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, sa fejn, b’mod partikolari, jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti minn dan l-artikolu, fosthom ir-rekwiżit li l-għajnuna tingħata f’żoni megħjuna, jiġifieri, skont l-Artikolu 2(27) tal-imsemmi regolament, lil “żoni speċifikati f’mappa tal-għajnuna reġjonali approvata għall-perjodu 1[ta’ Lulju]2014 – 31[ta’ Diċembru]2020 skont l- Artikoli 107(3)(a) u (c) tat-Trattat”. Issa, f’dak li jirrigwarda l-Italja, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014 ‑ 2020” (ĠU 2013, C 209, p. 1), kopriet biss ir-reġjuni ta’ Campania, ta’ Puglia, ta’ Basilicata, ta’ Calabria u ta’ Sicilia. Peress li r-reġjun ta’ Sardegna ma jidhirx fil-mappa tal-għajnuna għal skopijiet reġjonali għall-perijodu inkwistjoni, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 651/2014. |
156 |
Bl-istess mod, l-għajnuna inkwistjoni ma tistax taqa’ taħt l-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 651/2014 peress li din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss l-għajnuna għall-ajruporti li jinsabu f’reġjuni mbiegħda, li ma huwiex neċessarjament il-każ tal-ajruporti ta’ Sardegna, u peress li teżiġi li l-imsemmija għajnuna tibbenefika fit-totalità tagħha lill-konsumaturi finali li jkollhom ir-residenza normali tagħhom f’reġjun imbiegħed, ħaġa li manifestament ma tipprevedix l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. |
157 |
Anki jekk jitqies, kif tagħmel il-Kummissjoni, li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni tinvoka l-Artikolu 56a tar-Regolament Nru 651/2014, għandu jiġi kkonstatat li dan l-artikolu ddaħħal permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1084 tal‑14 ta’ Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuna għal infrastruttura tal-port u tal-ajruport, livelli limitu ta’ notifika għal għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju u għajnuna għall-infrastrutturi għall-isport u għar-rikreazzjoni multifunzjonali, u l-iskemi ta’ għajnuna operatorja reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 702/2014 f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli (ĠU 2017, L 156, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 26, p. 53), u li għalhekk ma kienx applikabbli ratione temporis fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna għall-investiment, peress li din ma kinitx tirrigwarda assi fissi tal-operaturi tal-ajruporti, iżda kienet tibbenefika lill-kumpanniji tal-ajru. |
158 |
Konsegwentement, indipendentement min-nuqqas ta’ ċarezza tiegħu, li kien jiġġustifika li jiġi miċħud bħala inammissibbli, għandu jiġi konkluż li, anki jekk isir tentattiv sabiex isir jinftiehem, l-argument tar-rikorrenti jista’ biss jiġi miċħud bħala manifestament infondat, peress li, kuntrarjament għall-premessa li fuqha tibbaża ruħha r-rikorrenti, għajnuna tat-tip ta’ dik inkwistjoni f’dan il-każ ma setgħetx tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern abbażi tar-Regolament Nru 651/2014 anki li kieku tqies li ġiet attribwita lill-operaturi tal-ajruporti. |
159 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
3. Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, dwar l-assenza ta’ selettività tal-miżura ta’ għajnuna
160 |
Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv u jekk jitqies li hija tista’ titqies li hija benefiċjarja tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, ir-rikorrenti tikkontesta li din il-miżura tista’ tiġi kklassifikata bħala “selettiva”. Fil-fatt, il-kumpanniji tal-ajru li joperaw titjiriet minn jew lejn Alghero, Cagliari-Elmas u Olbia huma f’sitwazzjonijiet paragunabbli u f’kompetizzjoni ma’ xulxin. Huma kellhom aċċess indistintament għall-finanzjamenti mir-Reġjun Awtonomu sabiex jippromwovu t-trasport bl-ajru u kollha kemm huma setgħu jinnegozjaw mal-operaturi tal-ajruporti kuntratti dwar servizzi tal-ajruport u ta’ marketing. Barra minn hekk, il-kumpanniji tal-ajru li ma kinux benefiċjarji għażlu li ma jipparteċipawx u, konsegwentement, ma ġewx ittrattati b’mod diskriminatorju. F’dak li jirrigwarda l-kumpanniji tal-ajru li kkonkludew kuntratti mal-operaturi tal-ajruporti, dawn intgħażlu minn dawn tal-aħħar skont l-utilità tal-offerti tagħhom u mhux fid-dawl ta’ rekwiżiti stabbiliti mir-Reġjun Awtonomu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma pprovatx in-natura selettiva tal-għajnuna. |
161 |
Il-Kummissjoni titlob li t-tielet parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda bħala infondata, billi ssostni li l-argument tat-tip li tressaq mir-rikorrenti ġie miċħud diversi drabi mill-ġurisprudenza (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2012, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑379/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:422, punti 47 u 48). Peress li l-kumpanniji tal-ajru li joperaw mill-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia u li ma kkonkludewx kuntratti mal-operaturi tal-ajruporti rispettivi ma kinux jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, huwa stabbilit li l-imsemmija skema kienet selettiva. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-kumpanniji tal-ajru benefiċjarji ntgħażlu wara l-manifestazzjonijiet ta’ interess ippubblikati fuq l-internet ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li miżura tkun miftuħa għal kull impriża li tkun lesta tibbenefika minnha ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jipprekludi li din il-miżura tkun ta’ natura selettiva, mingħajr ir-riskju, jekk ikun il-każ, li jixxejjen totalment l-effett utli tal-Artikolu 107 TFUE. Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma tidentifikax il-benefiċjarji tagħha abbażi ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji. Fil-fatt, il-benefiċċju tal-miżura kien suġġett għal negozjati mal-operaturi tal-ajruporti b’mod li ma kienx jiggarantixxi li l-kumpanniji tal-ajru interessati jibbenefikaw mill-vantaġġ, u lanqas mill-ammont tiegħu, bl-istess mod kif ma żgurax li dawn il-kumpanniji jintgħażlu b’mod nondiskriminatorju. |
162 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li n-natura speċifika ta’ miżura statali, jiġifieri n-natura selettiva ta’ din il-miżura, tikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Sabiex jiġi vverifikat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, għandu jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura statali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli fid-dawl tal-għan li l-miżura kkonċernata tfittex li tilħaq, filwaqt li għandu jiġi speċifikat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ għajnuna mill‑Istat ma jirreferix għall-miżuri statali li jintroduċu differenzazzjoni bejn impriżi u li, għaldaqstant, huma a priori selettivi, meta din id-differenzjazzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema ta’ spejjeż li huma jagħmlu parti minnha (ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2009, Franza u France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, EU:T:2009:474, punti 228 u 229 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
163 |
F’dan il-każ, fil-premessa 389 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġustifikat is-selettività tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża għar-raġuni li din ma setgħetx titqies li kienet skema ta’ applikazzjoni ġenerali u minħabba l-fatt li t-tfassil u l-implimentazzjoni tagħha kienu għall-benefiċċju esklużiv ta’ ċerti impriżi jew ċerti setturi ta’ attivitajiet, jiġifieri l-kumpanniji tal-ajru ffinanzjati mir-Reġjun Awtonomu permezz tal-operaturi tal-ajruporti. Għaldaqstant, hija rrilevat li l-kumpanniji tal-ajru li joperaw titjiriet minn u lejn l-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia u li ma kinux ikkonkludew ftehimiet mal-operaturi tal-ajruporti ma kinux jibbenefikaw mill-istess għajnuna finanzjarja tar-Reġjun Awtonomu jew, tal-inqas, ma kinux jibbenefikaw minn din l-għajnuna fil-kundizzjonijiet previsti mil-Liġi Nru 10/2010. Skont il-Kummissjoni, peress li l-benefiċċju tal-vantaġġ ekonomiku inkwistjoni kien irriżervat lil ċerti impriżi speċifiċi ta’ settur partikolari, jiġifieri t-trasport bl-ajru, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kienet selettiva. |
164 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mhux il-kumpanniji tal-ajru kollha li joperaw titjiriet minn u lejn l-ajruporti ta’ Sardegna, b’mod partikolari dawk ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, qiesu li kien opportun li jippreżentaw offerta ta’ servizzi lill-operaturi tal-ajruporti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Barra minn hekk, minkejja li r-rikorrenti ma kkonfermatx dan l-element, billi invokat is-sigriet kummerċjali tal-kumpanniji tal-ajru kkonċernati, ma huwiex eskluż li, fuq ir-rotot tal-ajru operati permezz ta’ titjiriet diretti mir-rikorrenti minn u lejn l-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia minn jew lejn ajruporti Ewropej, kumpanniji tal-ajru oħra kienu jew huma f’pożizzjoni li joffru trasport ekwivalenti b’konnessjoni minn ajruporti Ewropej oħra, ħaġa li timplika li dawn huma f’kompetizzjoni mar-rikorrenti. Bl-istess mod, din tal-aħħar hija f’kompetizzjoni ma’ kumpanniji tal-ajru li joperaw rotot li jaqgħu taħt obbligi ta’ servizz pubbliku minn u lejn l-ajruporti ta’ Sardegna, liema rotot kienu esklużi mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. |
165 |
Issa, peress li dawn il-kumpanniji kompetituri tar-rikorrenti ma kkonkludewx kuntratti mal-operaturi tal-ajruporti jew ma setgħux jikkonkludu tali kuntratti għar-raġuni li kienu joperaw rotot tal-ajru esklużi mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, dawn ma rċevewx il-vantaġġ allegat, minkejja li, fid-dawl tal-għan tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u tal-miżuri meħuda fil-kuntest tal-attivitajiet 1 u 2, dawn il-kumpanniji tal-ajru li ma kinux benefiċjarji kkontribwixxew daqstant ieħor sabiex jiġu operati rotot tal-ajru għat-turisti, b’mod partikolari mill-Ewropa kontinentali, li xtaqu jżuru l-gżira ta’ Sardegna. |
166 |
Għaldaqstant, peress li, barra minn hekk, in-natura selettiva ta’ miżura tiġi evalwata b’riferiment għat-totalità tal-impriżi, u mhux b’riferiment għall-impriżi benefiċjarji tal-istess vantaġġ fi ħdan l-istess grupp (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑222/04, EU:T:2009:194, punt 66), għandu jiġi kkonstatat li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ffavorixxiet ċerti impriżi meta mqabbla ma’ impriżi oħra li kienu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli fid-dawl tal-għan li l-miżura kkonċernata kienet qiegħda tfittex li tilħaq. |
167 |
Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-fatt li l-kumpanniji tal-ajru benefiċjarji kienu ntgħażlu wara sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess ippubblikati fuq l-internet, dan fi kwalunkwe każ ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, li kieku dan kien il-każ, kien ikun leġittimu għall-Istati Membri li jwettqu tali sejħiet għall-finijiet tal-għażla tal-benefiċjarji ta’ għajnuna sabiex ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE, ħaġa li tippreġudika l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni. |
168 |
Huwa barra minn hekk għal din ir-raġuni li s-sempliċi fatt li miżura tista’ tibbenefika lill-operaturi kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti, jiġifieri li din tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha abbażi ta’ kriterji oġġettivi, ma jistabbilixxix fih innifsu n-natura ġenerali ta’ din il-miżura u ma jipprekludihiex milli tkun ta’ natura selettiva (ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2012, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑379/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:422, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
169 |
Barra minn hekk, fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, l-operaturi tal-ajruporti, li aġixxew bħala amministraturi tal-fondi pubbliċi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom mir-Reġjun Awtonomu, innegozjaw individwalment l-ammonti tal-inċentivi finanzjarji marbuta ma’ miri ta’ traffiku kif ukoll il-prezzijiet tas-servizzi ta’ marketing li huma kisbu r-rimbors tagħhom mingħand l-imsemmi reġjun. Bl-istess mod, huma ddeterminaw, taħt il-kontroll tar-Reġjun Awtonomu, il-volumi tas-servizzi li kellhom jiġu akkwistati, taħt dawn il-kundizzjonijiet tariffarji, mingħand il-kumpanniji tal-ajru. Din is-setgħa diskrezzjonali fil-modulazzjoni tal-ammonti individwalizzati hekk imħallsa, permezz ta’ kuntratti, lill-operaturi mill-fondi pprovduti mir-Reġjun Awtonomu tikkonferma, iktar u iktar, in-natura selettiva tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑241/94, EU:C:1996:353, punti 23 u 24, u tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, EU:T:2002:59, punt 154). |
170 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
4. Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel motiv, dwar l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri
171 |
Fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-ħlasijiet magħmula favur tagħha mill-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia la wasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas ma affettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. B’mod partikolari, dawn jaqgħu taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal‑25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE] għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu [SIEĠ] (ĠU 2012, L 114, p. 8), b’mod partikolari għaliex jaqgħu taħt il-livell ta’ EUR 500000 previst fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. |
172 |
Il-Kummissjoni titlob li r-raba’ parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda bħala infondata. |
173 |
Fid-dawl tal-intestatura tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, għandu jinftiehem li r-rikorrenti tqis li, peress li l-għajnuna kontenzjuża li tirrigwardaha kienet iktar baxxa minn dan il-livell ta’ EUR 500000 previst mir-Regolament Nru 360/2012, ħaġa li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, din l-għajnuna ma setax ikollha l-effett li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u lanqas li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, ħaġa li ser tiġi eżaminata fit-tieni lok. |
a) Fuq il-possibbiltà li l-għajnuna kontenzjuża li tirrigwarda lir-rikorrenti titqies li taqa’ taħt il-livell de minimis previst mir-Regolament Nru 360/2012
174 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 26) dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali, anness mat-Trattati UE u FUE (ĠU 2010, C 83, p. 308), jirrikonoxxi li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom rwol essenzjali u setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw is-SIEĠ b’mod li jissodisfaw kemm jista’ jkun il-ħtiġijiet tal-utenti. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 106(2) TFUE jipprovdi b’mod partikolari li l-impriżi responsabbli sabiex joperaw SIEĠ għandhom ikunu suġġetti għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari għar-regoli tal-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tostakolax it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lilhom. |
175 |
Għaldaqstant, l-Artikolu 106(2) TFUE jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, derogi mir-regoli ġenerali tat-Trattat u jfittex li jirrikonċilja l-interess tal-Istati Membri li jużaw ċerti impriżi, b’mod partikolari tas-settur pubbliku, bħala strument ta’ politika ekonomika jew soċjali, mal-interess tal-Unjoni li jiġu osservati r-regoli tal-kompetizzjoni u li tiġi ppreżervata l-unità tas-suq intern. Fid-dawl tal-interess hekk iddefinit tal-Istati Membri, huma ma jistgħux jiġu pprojbiti milli jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jiddefinixxu s-SIEĠ li bihom jinkarigaw lil ċerti impriżi, għanijiet speċifiċi għall-politika nazzjonali tagħhom u milli jfittxu li jwettquhom permezz ta’ obbligi u ta’ restrizzjonijiet li huma jimponu fuq l-imsemmija impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑159/94, EU:C:1997:501, punti 55 u 56, u tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany, C‑67/96, EU:C:1999:430, punti 103 u 104). |
176 |
F’dan ir-rigward, bla ħsara b’mod partikolari għal regolament adottat f’dan il-qasam abbażi tal-Artikolu 14 TFUE, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-definizzjoni, b’mod ġenerali, ta’ dak li huma jqisu li huma SIEĠ, jiġifieri servizzi li għandhom karatteristiċi speċifiċi meta mqabbla mal-interess ekonomiku ġenerali li għandhom attivitajiet ekonomiċi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova, C‑179/90, EU:C:1991:464, punt 27, u tat-18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France, C‑266/96, EU:C:1998:306, punt 45) u, b’mod partikolari, tal-funzjoni li huma jagħtu lil dawn is-SIEĠ (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2012, CBI vs Il‑Kummissjoni, T‑137/10, EU:T:2012:584, punt 191). Għaldaqstant, id-definizzjoni ta’ dawn is-servizzi minn Stat Membru tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss f’każ ta’ żball manifest (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il‑Kummissjoni, T‑17/02, EU:T:2005:218, punt 216, u tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punti 166 u 169), b’mod partikolari meta l-Istat Membru jkun eżerċita din is-setgħa b’mod arbitrarju sempliċement sabiex jevita li settur partikolari jaqa’ taħt l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 168). |
177 |
Madankollu, f’dak li jirrigwarda deroga mir-regoli fundamentali tat-Trattat, huwa l-Istat Membru li jinvoka l-Artikolu 106(2) TFUE li għandu jipprova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑159/94, EU:C:1997:501, punt 94). L-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija li l-impriża benefiċjarja għandha effettivament tkun inkarigata bl-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u li dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar (sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 89). |
178 |
Ir-Regolament Nru 360/2012 invokat mir-rikorrenti sempliċement jimplimenta dawn il-kontribuzzjonijiet tal-ġurisprudenza. L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 360/2012 għaldaqstant ifakkar li hija biss “[g]ħajnuna mogħtija lil impriżi għall-forniment ta’ [SIEĠ] [li] għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għaldaqstant għandha tiġi eżentata mill-ħtieġa ta’ notifika skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat”. |
179 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod iktar partikolari fil-premessi 379 u 411, il-Kummissjoni rrilevat li r-rotot li huma s-suġġett ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (ĠU 2008, L 93, p. 3), li jeżistu f’Sardegna, kienu espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010, li kienet kjarament maħsuba bħala sistema parallela għas-sistema ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku skont ir-Regolament Nru 1008/2008. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li obbligi fil-kuntest ta’ SIEĠ setgħu jiġu imposti biss fir-rigward ta’ rotta speċifika jew grupp ta’ rotot speċifiċi, u ma jisgħux jiġu imposti b’mod ġeneriku fir-rigward ta’ kwalunkwe rotta regolari li toriġina minn ajruport, belt jew reġjun partikolari. |
180 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tonqos milli tipprova li hija ġiet inkarigata b’SIEĠ fil-kuntest ta’ kull waħda mir-rotot tal-ajru li ntgħażlu u ġew iffinanzjati fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. |
181 |
Fil-fatt, minn naħa, kif qieset il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 stess kienet teskludi li r-rotot ta’ interess strateġiku, iddeterminati mill-pjanijiet ta’ attivitajiet sottomessi fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, jistgħu jikkoinċidu mar-rotot diġà operati fil-kuntest ta’ sistema ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku. Min-naħa l-oħra, huwa l-fatt li jiġi pperikolat it-twettiq tal-funzjonijiet partikolari mogħtija lill-impriża inkarigata b’SIEĠ, kif speċifikati mill-obbligi ta’ servizz pubbliku li jaqgħu fuqha, li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑159/94, EU:C:1997:501, punt 95). |
182 |
Issa, f’dan il-każ, fir-rigward tar-rotot tal-ajru operati mir-rikorrenti u li ġew iffinanzjati skont l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ir-rikorrenti ma tistax raġonevolment issostni li ġew imposti fuqha obbligi ta’ servizz pubbliku jew li ġiet inkarigata b’funzjonijiet speċifiċi fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE, inqas u inqas meta ma huwiex ikkontestat li, fil-perijodu kopert mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, il-parti l-kbira ta’ dawn ir-rotot tal-ajru kienu qegħdin jiġu offruti, inkluż mir-rikorrenti, taħt kundizzjonijiet normali tas-suq eżenti minn intervent tal-awtorità pubblika. Għaldaqstant, il-fatt li, fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ir-Reġjun Awtonomu qies li l-operat ta’ dawn ir-rotot tal-ajru, ikklassifikati bħala ta’ interess strateġiku, kienu jikkostitwixxu SIEĠ, ma huwiex suffiċjenti, b’mod partikolari fl-assenza ta’ definizzjoni preċiża, mill-imsemmi reġjun, ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq ir-rikorrenti. |
183 |
Fl-assenza ta’ SIEĠ mogħti lir-rikorrenti u lill-kumpanniji tal-ajru l-oħra benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, il-Kummissjoni kellha raġun ma tindirizzax, fid-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni f’dan il-każ tar-Regolament Nru 360/2012. Għall-kompletezza, għandu jiġi kkonstatat li, abbażi tal-kuntratti kontenzjużi konklużi mal-operaturi tal-ajruporti u kif ikkonfermat mir-rikorrenti bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, hija kellha tirċievi ammont ta’ EUR 580000 u, b’eżekuzzjoni ta’ dawn tal-aħħar, irċeviet ammont ta’ EUR 670 298.75, li għaldaqstant jeċċedi l-livell ta’ EUR 500000 previst mill-imsemmi regolament. |
b) Fuq id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ intra-Komunitarju tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża
184 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda għandu jiġi eżaminat biss jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, EU:C:2005:768, punt 111, u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 134). |
185 |
B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla mal-pożizzjoni ta’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, dan tal-aħħar għandu jitqies li huwa affettwat mill-għajnuna (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia, C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
186 |
Barra minn hekk, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni, jekk, minħabba l-ammonti jew il-perċentwali għolja tal-għajnuna, il-karatteristiċi tal-investimenti sostnuti jew modalitajiet oħra previsti minn din l-iskema, din tal-aħħar tagħtix vantaġġ sinjifikattiv lill-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u hijiex ta’ natura li tibbenefika essenzjalment lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn Stati Membri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, f’deċiżjoni li tirrigwarda tali skema, ma hijiex obbligata twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi tal-imsemmija skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li huwa neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 248/84, EU:C:1987:437, punt 18, u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 63). |
187 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ fil-premessi 390 sa 392, il-Kummissjoni spjegat b’mod suffiċjenti li l-kumpanniji tal-ajru, li jibbenefikaw mill-ħlasijiet imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti skont l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, kienu attivi f’settur ikkaratterizzat minn kompetizzjoni intensa bejn operaturi li ġejjin minn Stati Membri differenti, u għalhekk kienu jipparteċipaw f’kummerċ fi ħdan l-Unjoni. |
188 |
Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, tali motivazzjoni hija fiha nnifisha suffiċjenti fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jaqa’ fuq il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, EU:C:2002:143, punti 88 u 89, u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 114 u 121). |
189 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma evalwatx b’mod żbaljat il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif previst fl-Artikolu 107(1) TFUE, meta qieset li n-natura transkonfinali evidenti tal-attivitajiet inkwistjoni, jiġifieri servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, kienet timplika li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża setgħet twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri billi ssaħħaħ il-pożizzjoni fis-suq tal-kumpanniji tal-ajru li bbenefikaw mill-imsemmija skema. Fil-fatt, it-trasportaturi bl-ajru, bħar-rikorrenti, huma f’kompetizzjoni fis-suq tal-ajru fuq livell Ewropew b’mod li l-għoti tal-għajnuna lill-kumpanniji tal-ajru, bħar-rikorrenti, li kkonkludew kuntratti mal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, isaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dawn l-impriżi benefiċjarji meta mqabbla ma’ dik ta’ impriżi tal-ajru kompetituri fuq livell Ewropew, kemm jekk joperaw u kemm jekk ma joperawx rotot tal-ajru diretti mal-gżira ta’ Sardegna. |
190 |
Fi kwalunkwe każ, minn naħa, kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti, din tal-aħħar hija f’kompetizzjoni, fuq ir-rotot tal-ajru tagħha minn u lejn l-ajruporti ta’ Sardegna, ma’ kumpanniji tal-ajru Ewropej li jittrasportaw vjaġġaturi minn u lejn l-istess ajruporti kontinentali b’konnessjoni minn ajruporti oħra. Issa, dawn il-kumpanniji tal-ajru, f’dak li jirrigwarda dawn ir-rotot tal-ajru b’konnessjoni, li jikkompetu mar-rotot tal-ajru tar-rikorrenti, ma bbenefikawx mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża li kienet tkopri biss rotot diretti (point-to-point), fi kwalunkwe każ mhux f’dak li jirrigwarda s-segmenti tat-titjira operati lil hinn mill-ajruport ta’ konnessjoni, b’mod li l-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarji, bħar-rikorrenti, neċessarjament issaħħet meta mqabbla ma’ dik ta’ tali kumpanniji tal-ajru li ma kinux benefiċjarji. |
191 |
Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar il-fatt li ċerti kumpanniji, b’mod partikolari l-kumpanniji tal-ajru regolari, ma kinux benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża unikament għaliex ma kinux issottomettew offerti ta’ kollaborazzjoni fil-kuntest ta’ sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess ippubblikati mill-operaturi tal-ajruporti, dan ukoll ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ma jistax jiddependi f’dan il-każ mill-kwistjoni jekk il-kumpanniji tal-ajru kollha bbenefikawx jew kellhomx il-possibbiltà li jibbenefikaw mill-miżura inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies – ħaġa li ma hijiex stabbilita f’dan il-każ – li l-kumpanniji tal-ajru Ewropej kollha li joperaw titjiriet diretti minn u lejn l-ajruporti ta’ Sardegna kienu intitolati jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, dan il-fatt, li jirrigwarda s-selettività tal-miżuri kontenzjużi, ma kien ikollu ebda konsegwenza għall-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-effett tal-imsemmija skema fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri sa fejn din issaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dawn il-kumpanniji tal-ajru meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom, fis-suq Ewropew, li ma jservux il-gżira ta’ Sardegna. |
192 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata u li, konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
B. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball dwar il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata l-għajnuna kontenzjuża
193 |
Insostenn tat-tieni motiv, ir-rikorrenti qabelxejn issostni li s-servizzi li bihom hija ġiet inkarigata jaqgħu taħt il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, intitolata “Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011)” (ĠU 2012, C 8, p. 15). Għaldaqstant, l-iskema inkwistjoni setgħet titqies li kienet iġġustifikata bħala SIEĠ. Billi ma analizzatx din il-kwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi jew, tal-inqas, din id-deċiżjoni hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. |
194 |
Sa fejn dan l-argument huwa analogu għal dak żviluppat fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, dan għandu, għall-istess motivi relatati mal-assenza ta’ SIEĠ mogħti b’mod tanġibbli lir-rikorrenti u kif talbet il-Kummissjoni, jiġi miċħud bħala infondat. |
195 |
Sussegwentement, ir-rikorrenti issostni li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża taqa’ taħt il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2005/C 312/01 dwar linji gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna mill-Istat tal-bidu lill-kumpanniji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali (ĠU 2005, C 312, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2005”), liema linji gwida huma applikabbli ratione temporis u mhux dawk tal-2014. Issa, l-imsemmija skema tissodisfa d-diversi kriterji previsti fil-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005. Fil-fatt, il-finanzjament previst mir-Reġjun Awtonomu kien jonqos maż-żmien, minn EUR 21 miljun fl-2012 għal EUR 17.5 miljun fl-2013. Bl-istess mod, il-pjanijiet ta’ attivitajiet u l-kuntratti konklużi mal-kumpanniji tal-ajru kienu jipprovdu li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal kull waħda mir-rotot tal-ajru ssussidjati kellhom jonqsu maż-żmien. Barra minn hekk, il-fondi mogħtija skont l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża koprew spejjeż ta’ marketing u ta’ reklamar li jirrigwardaw il-ftuħ ta’ rotot tal-ajru ġodda. Barra minn hekk, il-kundizzjoni prevista fil-punt 79(f) tal-Linji gwida tal-2005 “kważi” ġiet issodisfatta f’dan il-każ. F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni ta’ reklamar prevista fil-punt 79(h) tal-imsemmija linji gwida, din ukoll ġiet issodisfatta minħabba l-pubblikazzjoni ta’ sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess fis-siti internet tal-operaturi tal-ajruporti bil-għan li jiġu konklużi ftehimiet mal-kumpanniji tal-ajru. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-eżenzjoni prevista fil-punt 81 tal-Linji gwida tal-2005 ma tistax tiġi applikata jekk eżenzjoni skont il-punt 79 ma tkunx possibbli. |
196 |
Il-Kummissjoni titlob li dan l-argument jiġi miċħud bħala infondat, billi ssostni li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti, la setgħet tiġi ddikjarata kompatibbli bħala għajnuna għat-tnedija skont il-punt 79 u lanqas skont il-punt 81 tal-Linji gwida tal-2005. |
197 |
F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, tista’ b’mod partikolari titqies li hija kompatibbli mas-suq intern l-għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, meta din l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni, liema kundizzjoni għandha tiġi evalwata skont il-kriterji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità (sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑385/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:117, punt 80). |
198 |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ġenerali stabbilit mill-Artikolu 107(1) TFUE huwa dak tal-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat u d-derogi minn dan il-prinċipju, kif previsti fl-imsemmi Artikolu 107(3) TFUE, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 20; tat-23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C‑346/03 u C‑529/03, EU:C:2006:130, punt 79, u tas-26 ta’ Frar 2015, Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑385/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:117, punt 81). |
199 |
Barra minn hekk, ukoll skont ġurisprudenza stabbilita, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, il-Kummissjoni tgawdi setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali. Għaldaqstant, l-istħarriġ ġudizzjarju applikat għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni kif ukoll għall-istħarriġ tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati u tal-assenza ta’ żball ta’ liġi, ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑351/98, EU:C:2002:530, punt 74; tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑372/97, EU:C:2004:234, punt 83, u tal-15 ta’ Diċembru 2016, Abertis Telecom Terrestre u Telecom Castilla-La Mancha vs Il‑Kummissjoni, T‑37/15 u T‑38/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:743, punt 160). |
200 |
Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 24 tal-Linji gwida tal-2005, dawn tal-aħħar huma intiżi li jispeċifikaw il-każijiet li fihom finanzjament pubbliku għall-ajruporti u għall-kumpanniji tal-ajru jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, meta dan effettivament ikun għajnuna, il-kundizzjonijiet li taħthom hija tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. |
201 |
F’dan ir-rigward, kif tenfasizza r-rikorrenti u kif qieset il-Kummissjoni fil-premessi 412 sa 414 tad-deċiżjoni kkontestata, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, jekk jitqies li din tista’ tiġi analizzata bħala li tipprovdi għajnuna għat-tnedija ta’ rotot tal-ajru ġodda, effettivament kienet taqa’ taħt il-Linji gwida tal-2005. Fil-fatt, skont dak li jipprovdi l-punt 174 tal-Linji gwida tal-2014, l-għajnuna nnotifikata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-linji gwida tal-aħħar setgħet bħala prinċipju tiġi eżaminata, wara l-4 ta’ April 2014, fid-dawl ta’ dawn il-linji gwida. Madankollu, l-għajnuna, innotifikata jew le, implimentata, bħal f’dan il-każ, qabel ma l-Kummissjoni ddeċidiet fuq il-miżuri nnotifikati mir-Repubblika Taljana u li, konsegwentement, jirriżultaw li huma illegali fid-dawl tal-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, għandhom, min-naħa tagħhom, jiġu eżaminati fid-dawl tal-Linji gwida tal-2005. |
202 |
F’dak li jirrigwarda l-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005, li huwa rilevanti f’dan il-każ, dan jaqra kif ġej: “Fid-dawl tal-għanijiet iċċitati iktar ’il fuq u tad-diffikultajiet sinjifikattivi li tista’ toħloq it-tnedija ta’ rotta ġdida, il-Kummissjoni tista’ tapprova tali għajnuna meta din tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
203 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ fil-premessi 410 sa 421, il-Kummissjoni qieset li l-kumpens finanzjarju pprovdut mill-operaturi tal-ajruporti lill-kumpanniji tal-ajru skont l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma setax jitqies li kien kompatibbli mas-suq intern, għaliex il-kriterji ta’ kompatibbiltà msemmija fl-imsemmi punt 79 tal-Linji gwida tal-2005 ma kinux issodisfatti. |
204 |
Permezz tat-tieni motiv invokat, ir-rikorrenti tfittex essenzjalment li tipprova li, fil-każ individwali tagħha, l-għajnuna li hija rċeviet, ikkostitwita mill-ammonti li ħallsuha l-operaturi ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia b’eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi magħha, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005 u li, kieku dan ma kienx il-każ, din xorta waħda setgħet tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont il-punt 81 tal-imsemmija linji gwida jew, indipendentement minn dawn il-linji gwida, bħala għajnuna għall-iżvilupp tat-turiżmu fl-ispirtu tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. |
205 |
F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat, kif issostni l-Kummissjoni, li l-argumenti invokati mir-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jinvalidaw il-konstatazzjoni tagħha, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li skontha l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kinitx tissodisfa l-kriterji previsti fil-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005, li huma kumulattivi, ħaġa li timplika li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ wieħed minnhom kien suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li għajnuna tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “għajnuna għat-tnedija” kompatibbli mas-suq intern skont dawn il-linji gwida. |
206 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 410 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Taljana stess sostniet li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kinitx tfasslet bħala skema sabiex tappoġġa t-tnedija ta’ rotot tal-ajru ġodda u li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005. |
207 |
Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 79(d) tal-Linji gwida tal-2005, anki jekk jitqies, ħaġa li ma ġietx ipprovata, li l-ftehimiet kummerċjali bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru ġew konklużi f’perspettiva ta’ profittabbiltà ekonomika, evalwata permezz ta’ evalwazzjoni ex ante tal-vijabbiltà u tal-profittabbiltà tal-pjanijiet tal-operat ippreżentati mill-kumpanniji tal-ajru u tal-analiżijiet ekonomiċi mfassla mill-operaturi tal-ajruporti, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma stabbilixxietx sistema ta’ għajnuna li tonqos maż-żmien għal kull waħda mir-rotot tal-ajru li huma s-suġġett tal-kuntratti konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru u li, fi kwalunkwe każ, ma humiex kollha “ġodda” fis-sens ta’ dawn il-linji gwida. B’mod partikolari, kull kumpannija tal-ajru rċeviet ammonti globali li jikkorrispondu għal perijodi ta’ attivitajiet, iżda, effettivament, il-finanzjament ma ġiex individwalizzat għal kull rotta tal-ajru kkonċernata minn u lejn kull ajruport ikkonċernat. Dwar dan il-punt, l-allegazzjoni li l-għajnuna mogħtija għas-snin 2012 u 2013 kienet tonqos maż-żmien, minn EUR 21 miljun għal EUR 17.5 miljun, hija ineffettiva, peress li l-intensità li tonqos maż-żmien, fil-kuntest tal-Linji gwida tal-2005, titqies għal kull rotta tal-ajru kkonċernata. |
208 |
Fil-każ partikolari tagħha, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-għajnuna li rċeviet, għar-rotot tal-ajru kollha li hija topera mill-ajruport ta’ Olbia, ma kinitx tonqos maż-żmien f’dak li jirrigwarda dan l-ajruport, peress li, taħt l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, hija rċeviet jew kellha tirċievi mingħand l-operatur ta’ dan l-ajruport remunerazzjonijiet li għall-kuntrarju kienu jiżdiedu maż-żmien, f’dan il-każ ammont ta’ EUR 280000 għall-perijodu minn Mejju 2012 sa Marzu 2013 u ammont ta’ EUR 300000 għall-perijodu minn Ġunju sa Diċembru 2013. F’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Cagliari-Elmas, kien previst li hija tirċievi ammont ta’ EUR 74450 għall-perijodu minn Diċembru 2012 sa Jannar 2013. Madankollu, mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża jew mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti la jirriżulta li r-rotot tal-ajru li, globalment, kienu s-suġġett ta’ dawn l-ammonti kienu profittabbli mingħajr il-finanzjament inkwistjoni u lanqas li l-għajnuna tista’ tiġi individwalizzata għal kull waħda minn dawn ir-rotot sabiex jiġi kkonstatat, għal kull waħda minnhom, li l-għajnuna korrispondenti għar-rotta kkonċernata kienet tonqos maż-żmien. |
209 |
F’dak li jirrigwarda l-mekkaniżmu ta’ segwitu, stabbilit mir-Reġjun Awtonomu, tal-ħlasijiet imwettqa skont l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ma jidhirx li dan kien jiggarantixxi, fid-dawl tal-kriterju stabbilit fil-punt 79(e) tal-Linji gwida tal-2005, li l-finanzjament pubbliku pprovdut kien neċessarju sabiex ikopri parti mill-ispejjeż ta’ tnedija tar-rotot tal-ajru kkonċernati, li kien jirrappreżenta biss l-ispejjeż reali inkorsi mill-operaturi tal-ajruporti u li kien jirrigwarda biss dawn l-ispejjeż. Dan huwa inqas u inqas il-każ peress li ma sarx taqsim tal-għajnuna pprovduta lil kull kumpannija tal-ajru għal kull waħda mir-rotot tal-ajru operata minn u lejn kull wieħed mill-ajruporti ta’ Sardegna kkonċernati. |
210 |
F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-operaturi tal-ajruporti allegatament ħadu responsabbiltà mill-fondi tagħhom stess, barra minn hekk sa limitu mhux magħruf, għall-ispejjeż addizzjonali jew li r-rikorrenti ma kinitx tiftaħ jew iżżomm ir-rotot tal-ajru kkonċernati fl-assenza tal-għajnuna finanzjarja li rċeviet mingħand l-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia. Barra minn hekk, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u l-kuntratti konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru ma jispeċifikawx, għar-rotot tal-ajru kkonċernati, x’kienu l-ispejjeż addizzjonali ta’ tnedija għal kull waħda minnhom. |
211 |
Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 79(f) tal-Linji gwida tal-2005, din kjarament ma hijiex issodisfatta peress li huwa manifest li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u l-kuntratti konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru ma jidentifikawx spejjeż eliġibbli. Fil-fatt, fl-assenza ta’ indikazzjoni ta’ spejjeż eliġibbli, ma huwiex possibbli li tiġi evalwata l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ finanzjament massimu ta’ 50 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli kull sena, b’massimu ta’ finanzjament medju ta’ 30 %. Għall-kuntrarju, mill-proċess jirriżulta li r-Reġjun Awtonomu rrimborsa fuq talba l-ħlasijiet imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti lill-kumpanniji tal-ajru u li dawn kienu ffissati għal ammonti b’rata fissa, spiss arrotondati, mingħajr dettalji oħra u, fi kwalunkwe każ, b’mod mhux individwalizzat għal kull waħda mir-rotot tal-ajru kkonċernati. |
212 |
Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li Sardegna hija reġjun ekonomiku żvantaġġat tal-Unjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-punt 79(f) tal-Linji gwida tal-2005, għandu jiġi kkonstatat, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li dan ir-reġjun ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mil-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għal skopijiet reġjonali għall-perijodu 2007‑2013 (ĠU 2006, C 54, p. 13). |
213 |
F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni prevista fil-punt 79(h) tal-Linji gwida tal-2005 u li tirrigwarda l-attribuzzjoni nondiskriminatorja tal-għajnuna għat-tnedija, għall-motivi diġà esposti iktar ’il fuq insostenn taċ-ċaħda tat-tieni parti tal-ewwel motiv, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-operaturi tal-ajruporti organizzaw proċedura li kienet tiggarantixxi l-kompetizzjoni bejn il-kumpanniji tal-ajru, li tiżgura t-trasparenza, pubbliċità suffiċjenti, l-assenza ta’ diskriminazzjoni u l-għażla tal-iktar offerti ekonomikament vantaġġużi. |
214 |
Għaldaqstant, huwa manifest li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, inkluż f’dak li jirrigwarda l-għajnuna rċevuta individwalment mir-rikorrenti, ma kinitx tissodisfa l-kriterji previsti fil-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005. |
215 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni f’dan il-qasam kif ukoll tan-neċessità li l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat jiġu interpretati b’mod strett, il-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi, minkejja t-talba mressqa f’dan is-sens mir-Repubblika Taljana matul il-proċedura amministrattiva, li lanqas ma kien hemm lok għal deroga mill-kriterji stabbiliti fil-Linji gwida tal-2005 abbażi tal-punt 81 tal-imsemmija linji gwida, li skontu l-Kummissjoni tista’ “teżamina każ b’każ għajnuna jew skema li ma tosservax kompletament il-kriterji [tal-punt 79], iżda li twassal għal sitwazzjoni paragunabbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, fi kwalunkwe każ, peress li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma tosservax il-maġġoranza tal-kriterji previsti fil-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005, din ma tistax titqies li twassal għal sitwazzjoni paragunabbli ma’ għajnuna li tosserva l-imsemmija rekwiżiti. |
216 |
Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti, esposta għall-ewwel darba fir-replika u, għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, inammissibbli, li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża tiġi awtorizzata, indipendentement mil-Linji gwida tal-2005, abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, sa fejn kienet tfittex li tippromwovi t-turiżmu f’Sardegna u l-attivitajiet kummerċjali tal-imsemmija operaturi tal-ajruporti, minn naħa, ir-Repubblika Taljana ma talbitx il-benefiċċju ta’ din id-deroga matul il-proċedura amministrattiva, liema deroga għandha tiġi applikata b’mod strett. Min-naħa l-oħra, ma kienx probabbli li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, minħabba l-portata tal-finanzjament li kienet tipprovdi, ma kinitx ser tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. |
217 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
C. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna kontenzjuża
218 |
Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tagħha meta ordnat lir-Repubblika Taljana, fid-deċiżjoni kkontestata, tirkupra l-għajnuna kontenzjuża mingħand ir-rikorrenti. Issa, fid-dawl tan-numru żgħir ta’ każijiet ta’ għajnuna rrikonoxxuti li ngħataw indirettament u tal-inċertezzi tal-Kummissjoni stess fir-rigward tal-mod kif kellu jiġi ttrattat il-każ inkwistjoni, ir-rikorrenti tista’ tinvoka aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-fatt li l-mekkaniżmu stabbilit mil-Liġi Nru 10/2010 ma kienx ser jiġi kklassifikat bħala “għajnuna mill-Istat” imħallsa lill-kumpanniji tal-ajru. F’dan ir-rigward hija tenfasizza li ma setgħetx tkun taf li l-kuntratti li jorbtuha mal-operaturi tal-ajruporti kienu jinvolvu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. |
219 |
Il-Kummissjoni titlob li t-tielet motiv jiġi miċħud bħala infondat. B’mod partikolari, il-fatt li, skont ir-rikorrenti, l-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna indiretta ftit li xejn hija ċara fil-kuntest tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat assolutament ma huwiex element li jista’ jipprekludi lill-Kummissjoni milli tordna l-irkupru ta’ għajnuna, speċjalment peress li, f’dan il-każ, l-għajnuna kienet kjarament illegali għar-raġuni li r-Repubblika Taljana ma kinitx innotifikat minn qabel l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u peress li r-rikorrenti tqieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li kienet benefiċjarja diretta tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Fi kwalunkwe każ, l-eżistenza ta’ dubji dwar l-eżistenza ta’ għajnuna ma toħloqx aspettattivi leġittimi għall-benefiċjarju tagħha. |
220 |
F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull parti f’kawża li fiha istituzzjoni tal-Unjoni tkun nisslet aspettattivi fondati. Barra minn hekk, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑506/03, mhux ippubblikata, EU:C:2005:715, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka l-benefiċċju ta’ tali prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs Il‑Kummissjoni, 265/85, EU:C:1987:121, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
221 |
Fid-dawl tar-rwol fundamentali li għandu l-obbligu ta’ notifika sabiex jippermetti l-effettività tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat min-naħa tal-Kummissjoni, liema stħarriġ huwa ta’ natura imperattiva, il-benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, bħala prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-imsemmija għajnuna biss jekk din tkun ingħatat b’osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE u operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura li l-imsemmija proċedura tkun ġiet osservata. B’mod partikolari, kif enfasizzat il-Kummissjoni, meta għajnuna tiġi eżegwita mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni jew, bħal f’dan il-każ, mingħajr ma wieħed ikun stenna d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura, b’mod li din tkun illegali fid-dawl tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, bħala prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għoti ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Producteurs de légumes de France vs Il‑Kummissjoni, T‑328/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:498, punti 20 u 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
222 |
F’dan il-każ, kif issostni l-Kummissjoni, din tal-aħħar, f’ebda mument, ma tat assigurazzjonijiet lir-rikorrenti dwar il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża mas-suq intern, inqas u inqas peress li r-Repubblika Taljana implimentat l-imsemmija skema mingħajr ma stenniet lill-Kummissjoni tagħti deċiżjoni fuq din tal-aħħar skont l-Artikolu 108 TFUE, ħaġa li, konsegwentement, timplika l-illegalità tal-imsemmija skema. |
223 |
Fir-rigward tal-allegati aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti fin-natura strettament kummerċjali tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha mal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, li ma setgħetx tqajjem suspetti dwar l-oriġini statali tal-aġir u tal-fondi użati mill-imsemmija operaturi, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-oriġini statali tal-fondi miksuba mill-operaturi tal-ajruporti ma jidhirx li nħbiet fis-sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess ippubblikati minnhom fis-siti internet tagħhom u, min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, li l-kuntratt li kien jorbot lir-rikorrenti mal-operatur ta’ Cagliari-Elmas kien jispjega, f’termini partikolarment espliċiti, li r-Reġjun Awtonomu kien qiegħed jiffinanzja l-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt, bl-istess mod kif il-kuntratt tal-31 ta’ Marzu 2013 konkluż mal-operatur ta’ Olbia kien jagħmel riferiment għal dan. |
224 |
Barra minn hekk, peress li l-Liġi Nru 10/2010 ġiet ippubblikata fil-Bollettino ufficiale della Regione autonoma della Sardegna, ir-rikorrenti, bħala operatur avżat attiv fis-suq tat-trasport bl-ajru fl-Italja, la setgħet ma tkunx taf bl-eżistenza tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading vs Il‑Kummissjoni, C‑38/07 P, EU:C:2008:641, punt 61) u lanqas, konsegwentement, bil-mekkaniżmi ta’ finanzjament li din kienet tipprevedi u bir-riskju, minn naħa, li dawn tal-aħħar setgħu jitqiesu li kienu skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 u, min-naħa l-oħra, li l-kumpanniji tal-ajru jitqiesu li kienu l-benefiċjarji reali tal-imsemmija skema. |
225 |
F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-diffikultà li tifhem il-kunċett ta’ benefiċjarji indiretti jew finali ta’ għajnuna mill-Istat ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, minn naħa, tnejn mit-tliet kuntratti li hija kkonkludiet mal-operaturi tal-ajruporti kienu jsemmu espressament il-finanzjament mir-Reġjun Awtonomu tas-servizzi ordnati mill-imsemmija operaturi. Min-naħa l-oħra, bħal kull operatur ekonomiku diliġenti, ir-rikorrenti messha kienet taf li n-natura indiretta tal-għajnuna ma għandha ebda effett fuq l-irkupru tagħha (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni, T‑177/07, EU:T:2010:233, punt 177) u konsegwentement b’ebda mod ma tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali li tippermettilha tevita l-effett dirett tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE. Barra minn hekk, il-punt 79(h) tal-Linji gwida tal-2005, invokat mir-rikorrenti, isemmi espressament il-possibbiltà li entità pubblika tista’ tagħti għajnuna lil kumpannija tal-ajru “permezz ta’ ajruport” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u b’dan il-mod jikkonferma li l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali ma kinitx tipprekludi per se l-possibbiltà li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat favur kumpanniji tal-ajru inkompatibbli mas-suq intern. |
226 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
D. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ġestjoni ħażina tal-investigazzjoni
227 |
Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni għal nuqqas ta’ diliġenza u ta’ imparzjalità fit-tmexxija tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dan huwa pprovat b’mod partikolari bir-rifjut tal-Kummissjoni li teżamina fid-dettall l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat. |
228 |
Il-Kummissjoni titlob li l-motiv jiġi miċħud bħala inammissibbli, billi tirrileva li, bi ksur tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, dan il-motiv bilkemm huwa sostnut f’punt wieħed biss tar-rikors. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni applikat ħażin il-prinċipju tal-investitur privat, dan ma jipprovax li l-investigazzjoni amministrattiva ma tmexxietx korrettament. |
229 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li huwa applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi, b’mod partikolari, is-suġġett tal-kawża u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li din l-espożizzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali twettaq l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑267/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:69, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Ġunju 2019, Strabag Belgium vs Il‑Parlament, T‑299/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:411, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
230 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma sostniet ir-raba’ motiv li hija tinvoka u li huwa biss is-suġġett ta’ punt wieħed fir-rikors. |
231 |
Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, filwaqt li jiġi enfasizzat, għall-kompletezza, li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni analizzat b’mod suffiċjentement iddettaljat il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq għall-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. |
E. Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq motivi kontradittorji
232 |
Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’diversi aspetti kif ukoll b’motivi kontradittorji. |
233 |
Il-Kummissjoni titlob li l-motiv jiġi miċħud bħala infondat, billi tenfasizza li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija osservat ir-rekwiżiti ġurisprudenzjali dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni. Fir-realtà, diversi lmenti fformulati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kienu jirrigwardaw iktar il-fondatezza tad-deċiżjoni fuq id-diversi aspetti invokati fil-kuntest tal-motivi preċedenti. |
234 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ att għandha tkun adatta għan-natura tiegħu u għandha turi b’mod ċar ir-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tiegħu, b’mod li tippermetti, minn naħa, lill-partijiet interessati jifhmu l-bażi tiegħu u, jekk ikun il-każ, jikkontestaw il-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tistħarreġ il-fondatezza tiegħu, mingħajr madankollu ma jkun meħtieġ li l-istituzzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti, peress li l-kwistjoni jekk hija tissodisfax l-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl kemm tal-formulazzjoni ta’ dan l-att kif ukoll tal-kuntest ġuridiku u fattwali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑501/00, EU:C:2004:438, punt 73, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, T‑200/04, mhux ippubblikata, EU:T:2005:460, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
235 |
Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, l-ilmenti u l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata huma ineffettivi u irrilevanti (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03, EU:T:2005:221, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
236 |
F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ttrattat fid-dettall il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, f’dan il-każ fil-premessi 362 sa 388 tad-deċiżjoni kkontestata. |
237 |
F’dak li jirrigwarda s-selettività tal-miżura, huwa minnu li l-Kummissjoni ddedikat premessa waħda biss tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-premessa 389, għall-kwistjoni jekk din il-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE, kinitx issodisfatta. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, tali motivazzjoni hija fiha nnifisha suffiċjenti fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jaqa’ fuq il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, EU:C:2002:143, punti 88 u 89, u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 114 u 121), b’mod partikolari għaliex ir-rikorrenti kienet assolutament f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunament tal-Kummissjoni u li tikkontestah fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv. |
238 |
Dan japplika wkoll għall-eżami tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, li huwa s-suġġett tal-premessi 390 sa 392 tad-deċiżjoni kkontestata. |
239 |
Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-livell de minimis previst għas-SIEĠ, b’mod partikolari mir-Regolament Nru 360/2012, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tindirizza din il-kwistjoni, peress li, fil-premessi 379 u 411, hija kienet ikkonstatat, filwaqt li pprovdiet, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-motivazzjoni neċessarja fuq dan l-aspett, li r-rikorrenti ma kinitx ġiet inkarigata b’SIEĠ abbażi tal-ewwel kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 106 TFUE u tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415). |
240 |
F’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni ta’ assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti f’dak li jirrigwarda l-irkupru tal-għajnuna allegatament illegali, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tindirizza din il-kwistjoni, peress li, minn naħa, ir-rikorrenti ma kinitx ippreżentat osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u għalhekk ma kinitx qajmet din il-kwistjoni u li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kienet affaċċjata bi skema ta’ għajnuna illegali, għaliex kienet ġiet implimentata qabel ma hija ddeċidiet fuq il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Issa, skont il-ġurisprudenza mfakkra qabel fil-kuntest taċ-ċaħda tat-tielet motiv, minħabba l-illegalità tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, il-benefiċjarji fi kwalunkwe każ ma setgħux jinvokaw aspettattivi leġittimi. |
241 |
F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din il-kwistjoni ġiet eżaminata. Fil-fatt, fil-premessi 380 sa 387 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom hija eskludiet l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, inkluż il-kriterju tal-investitur privat, u għaldaqstant qieset li r-rikorrenti kienet irċeviet vantaġġ ekonomiku. F’dawn il-premessi, hija spjegat b’mod partikolari r-raġunijiet li għalihom, skontha, ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kienet ġiet segwita għall-finijiet tal-għoti, mill-operaturi tal-ajruporti, tal-kuntratti ta’ servizzi lill-kumpanniji tal-ajru. Issa, kif tenfasizza l-Kummissjoni, minn din il-kunsiderazzjoni seta’ jiġi dedott li l-prezzijiet imħallsa mill-operaturi tal-ajruporti lill-kumpanniji tal-ajru għas-servizz ta’ marketing ma kinux dawk tas-suq. Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni spjegat, b’mod partikolari fil-premessa 382 tad-deċiżjoni kkontestata, għaliex hija qieset li r-Reġjun Awtonomu ma setax jistenna dħul, paragunabbli ma’ dak li jistenna investitur, meta adotta l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. |
242 |
F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk is-servizzi pprovduti kinux jissodisfaw bżonnijiet ġenwini tar-Reġjun Awtonomu, il-Kummissjoni spjegat, f’dan il-każ fil-premessi 386 u 387 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kinitx tissodisfa bżonnijiet ġenwini tar-Reġjun Awtonomu, anki jekk, meta għamlet dan, waslet għal konklużjoni żbaljata, irrilevata mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti tal-ewwel motiv. Bl-istess mod, il-Kummissjoni spjegat, b’mod partikolari taħt it-Titolu 7.2.1.3 tad-deċiżjoni kkontestata, għalfejn hija qieset li l-ħlasijiet magħmula lill-kumpanniji tal-ajru ma setgħux jitqiesu li kienu korrispettiv reali għas-servizz ta’ marketing, għaliex, skont il-Kummissjoni, dawn is-servizzi ta’ marketing kienu intiżi li jippromwovu fuq kollox ir-rotot tal-ajru tal-kumpanniji tal-ajru. |
243 |
F’dak li jirrigwarda l-portata tal-klawżoli penali introdotti fil-kuntratti konklużi mal-operaturi tal-ajruporti, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 359 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-mekkaniżmu ta’ segwitu stabbilit, kif deskritt fit-Taqsima 2.7.3 tal-imsemmija deċiżjoni u li kien jinkludi, fil-premessa 80, l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet mill-operaturi tal-ajruporti fuq il-kumpanniji tal-ajru, kien jiggarantixxi l-osservanza tal-obbligi imposti mir-Reġjun Awtonomu fuq l-operaturi tal-ajruporti. Peress li l-Kummissjoni kienet qieset li dan il-mekkaniżmu, inklużi l-klawżoli penali introdotti mill-operaturi tal-ajruporti sabiex jikkonformaw ruħhom mad-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, kienu jikkontribwixxu sabiex l-aġir kuntrattwali tal-operaturi tal-ajruporti jiġi imputat lir-Reġjun Awtonomu, hija ma kinitx obbligata tevalwa din il-kwistjoni mill-ġdid fl-eżami tagħha tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, inqas u inqas fuq il-livell tal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, peress li, f’dak li jirrigwarda lil dawn tal-aħħar, dawn ma kinux miżmuma mir-Reġjun Awtonomu. |
244 |
F’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżaminaha ex officio peress li r-Repubblika Taljana ma kellhiex l-intenzjoni li tiġġustifika l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża abbażi tad-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni. |
245 |
Fir-rigward tal-punt jekk l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kinitx tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni setgħet tqis, fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan kien il-każ mill-mument li fih ebda impriża individwali li hija kienet tqis li kienet benefiċjarja, f’dan il-każ kumpannija tal-ajru, ma kienet indikata fil-qafas ġuridiku, deskritt fit-Taqsima 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet tqis li jikkostitwixxi l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Din il-motivazzjoni kienet suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrenti tifhem li d-deskrizzjoni tal-iskema, li tinsab f’din it-taqsima, kienet tissodisfa, skont il-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel sitwazzjoni koperta mid-definizzjoni ta’ skema ta’ għajnuna li tinsab fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. |
246 |
Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-Kummissjoni li ma spjegatx għaliex l-analiżi ex ante tal-profittabbiltà inkrementali, kif prevista fil-punti 61 sa 66 tal-Linji gwida tal-2014, ma kinitx applikabbli fil-każ inkwistjoni. Madankollu, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, fil-premessi 381 sa 384 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġustifikat l-assenza ta’ rilevanza tal-analiżi ex ante, kif prevista fl-imsemmija punti 61 sa 66, bil-fatt, minn naħa, li r-Repubblika Taljana ma kinitx ipproduċiet analiżijiet ex ante tal-profittabbiltà inkrementali u, min-naħa l-oħra, li r-Reġjun Awtonomu kien iżomm wieħed biss mit-tliet ajruporti kkonċernati, jiġifieri dak ta’ Alghero. Barra minn hekk, peress li hija kienet qieset li l-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia kienu sempliċement implimentaw l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, l-assenza ta’ rilevanza ta’ dan it-tip ta’ analiżi kienet tapplika wkoll f’dak li kien jirrigwarda l-applikazzjoni tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fuq il-livell tal-imsemmija operaturi. |
247 |
F’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li l-Kummissjoni la pprovat li l-fondi rċevuti mill-kumpanniji tal-ajru mingħand l-operaturi tal-ajruporti kienu dawk li joriġinaw mir-Reġjun Awtonomu, u lanqas b’liema mod l-operaturi tal-ajruporti kienu biss intermedjarji fit-trasferiment tal-fondi tar-Reġjun Awtonomu lill-kumpanniji tal-ajru bħala benefiċjarji, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 357 sa 360 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom qieset li l-operaturi tal-ajruporti kellhom rwol ta’ intermedjarji li permezz tagħhom il-fondi li joriġinaw mir-Reġjun Awtonomu kienu ġew ittrasferiti lill-kumpanniji tal-ajru. Barra minn hekk, kif diġà ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, huwa ċar li l-fondi użati mill-operaturi tal-ajruporti sabiex jirremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru kienu dawk li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-imsemmija operaturi mir-Reġjun Awtonomu. |
248 |
F’dak li jirrigwarda l-kritika magħmula lill-Kummissjoni li hija ma ħaditx jew ma ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-argumenti mressqa mill-kumpanniji Ryanair u easyJet fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari dawk esposti fil-premessi 116, 118, 131, 136, 145, 152, 166, 172, 177 u 199 tad-deċiżjoni kkontestata, minbarra li dawn tal-aħħar kienu jirrigwardaw essenzjalment is-sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ dawn il-kumpanniji tal-ajru, li, għaldaqstant, huma f’pożizzjoni aħjar sabiex jevalwaw is-suffiċjenza tal-motivazzjoni mogħtija bi tweġiba mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-kritika tar-rikorrenti hija fattwalment żbaljata, għaliex il-Kummissjoni wieġbet għall-imsemmija argumenti fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, peress li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tirrigwarda l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna, hija ma kinitx obbligata, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, teżamina fid-dettall il-kontenut tal-kuntratti kollha konklużi mill-operaturi tal-ajruporti mal-kumpanniji tal-ajru kollha. |
249 |
Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’motivi kontradittorji, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Linji gwida tal-2005 u tal-2014 u fir-rigward tal-għanijiet tas-servizzi ta’ marketing offruti mill-kumpanniji tal-ajru lill-operaturi tal-ajruporti. |
250 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni spjegat, fil-premessa 414 tad-deċiżjoni kkontestata, għaliex l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, sa fejn din kienet tikkostitwixxi għajnuna lill-kumpanniji tal-ajru, kienet taqa’ taħt il-Linji gwida tal-2005 u mhux taħt dawk tal-2014. Għaldaqstant hija eżaminat il-legalità ta’ din l-għajnuna, fil-premessi 407 sa 420 tal-imsemmija deċiżjoni, fid-dawl tal-Linji gwida tal-2005. Huwa minnu li, fil-premessi 379 sa 387 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ vantaġġ, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal ċerti elementi ta’ metodoloġija li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, li kienu diġà ġew esposti minn din l-istituzzjoni fil-Linji gwida tal-2014. Madankollu, billi għamlet dan, il-Kummissjoni sempliċement applikat kunċetti li fi kwalunkwe każ setgħu jiġu applikati anki fl-assenza tal-imsemmija linji gwida. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment għal-Linji gwida tal-2014, fl-eżami tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, ma kienx jidħol f’kontradizzjoni man-neċessità li l-għajnuna favur kumpanniji tal-ajru tiġi eżaminata fid-dawl tal-Linji gwida tal-2005 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Transavia Airlines vs Il‑Kummissjoni, T‑591/15, EU:T:2018:946, punti 157 sa 163). |
251 |
Fir-rigward tal-għanijiet tas-servizzi ta’ marketing offruti mill-kumpanniji tal-ajru lill-operaturi tal-ajruporti, ir-rikorrenti tinvoka inkoerenza f’dan ir-rigward. Madankollu, il-formulazzjoni ta’ dan l-ilment ma tippermettix lill-Qorti Ġenerali tifhmu, b’mod li dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
252 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata la hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni u lanqas b’motivi kontradittorji u li, fir-rigward tal-kumplament, l-ilmenti u l-argumenti li jfittxu li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata huma ineffettivi u irrilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv. |
253 |
Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti li jiġi impost fuq il-Kummissjoni obbligu ta’ motivazzjoni msaħħaħ meta hija tordna l-irkupru ta’ għajnuna, din għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li jitfakkar f’dan ir-rigward li, skont il-ġurisprudenza, it-tneħħija ta’ għajnuna statali mogħtija illegalment permezz ta’ rkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha. Permezz ta’ dan il-ħlas lura, li ma jistax jitqies li huwa sanzjoni, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li huwa kien ibbenefika minnu fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu, u dan jippermetti ritorn għas-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas tal-għajnuna (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑75/97, EU:C:1999:311, punti 64 u 65). Minn dan isegwi li, wara li kkonstatat, fil-premessa 421 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-kumpanniji tal-ajru mir-Reġjun kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali inkompatibbli mas-suq intern, il-motivazzjoni li tinsab fil-premessi 422 sa 426 tad-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjenti sabiex jiġi ordnat l-irkupru tal-għajnuna, inkluż fil-każ tar-rikorrenti. |
254 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
IV. Fuq l-ispejjeż
255 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Papasavvas Svenningsen Valančius Csehi Nihoul Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Mejju 2020. Firem |
Werrej
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża |
|
A. Fuq il-miżuri kontenzjużi |
|
1. Fuq id-dispożizzjonijiet adottati mir-Reġjun Awtonomu |
|
a) Fuq l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010 |
|
b) Fuq l-atti ta’ implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010 |
|
2. Fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri kontenzjużi |
|
a) Implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010 f’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Olbia |
|
b) Implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010 f’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Cagliari-Elmas |
|
c) Implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010 f’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Alghero |
|
B. Fuq id-deċiżjoni kkontestata |
|
II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet |
|
III. Id-dritt |
|
A. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE |
|
1. Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti |
|
2. Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar id-determinazzjoni żbaljata tal-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, u fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, dwar l-assenza ta’ vantaġġ għar-rikorrenti |
|
a) Fuq l-użu ta’ “riżorsi ta’ l-Istat” mill-operaturi tal-ajruporti |
|
b) Fuq l-imputabbiltà, lir-Reġjun Awtonomu, tad-deċiżjonijiet u tal-ħlasijiet magħmula lir-rikorrenti mill-operaturi tal-ajruporti |
|
c) Fuq l-identifikazzjoni żbaljata tal-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u l-assenza ta’ vantaġġ għall-kumpanniji tal-ajru |
|
d) Fuq il-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq |
|
1) Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq għar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru |
|
2) Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fuq il-livell tar-Reġjun Awtonomu |
|
3) Fuq il-possibbiltà li l-finanzjament li jirrigwarda l-ajruport ta’ Olbia jitqies li huwa għajnuna għal attivitajiet ta’ marketing, għall-investiment jew għal ajruporti reġjonali |
|
3. Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, dwar l-assenza ta’ selettività tal-miżura ta’ għajnuna |
|
4. Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel motiv, dwar l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri |
|
a) Fuq il-possibbiltà li l-għajnuna kontenzjuża li tirrigwarda lir-rikorrenti titqies li taqa’ taħt il-livell de minimis previst mir-Regolament Nru 360/2012 |
|
b) Fuq id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ intra-Komunitarju tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża |
|
B. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball dwar il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata l-għajnuna kontenzjuża |
|
C. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna kontenzjuża |
|
D. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ġestjoni ħażina tal-investigazzjoni |
|
E. Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq motivi kontradittorji |
|
IV. Fuq l-ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.