This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017TJ0571(01)
Judgment of the General Court (Seventh Chamber, Extended Composition) of 21 June 2023 (Extracts).#UG v European Commission.#Civil service – Contract staff – Contract of indefinite duration – Termination of contract – Article 47(c)(i) of the CEOS – Incompetence – Conduct in the service and attitude at work incompatible with the interests of the service – Obligation to state reasons – Right to be heard – Entitlement to parental leave – Article 42a of the Staff Regulations – Application of the minimum requirements in Directives 2010/18/EU and 2002/14/EC to officials and other servants of the European Union – Articles 27, 30 and 33 of the Charter of Fundamental Rights – Workers’ right to information and consultation – Article 24b of the Staff Regulations – Manifest error of assessment – Protection in the event of unjustified dismissal – Indirect challenge to definitive acts – Inadmissibility – Principle of proportionality – Misuse of powers – Liability.#Case T-571/17 RENV.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tal-21 ta’ Ġunju 2023 (Estratti).
UG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Kuntratt għal żmien indeterminat – Xoljiment tal-kuntratt – Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg – Inkompetenza professjonali – Kondotta fis-servizz u kapaċità għax-xogħol mhux kompatibbli mal-interess tas-servizz – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal smigħ – Dritt għal-leave parentali – Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal – Applikazzjoni għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal tal-Unjoni tar-rekwiżiti minimi tad-Direttivi 2010/18/UE u 2002/14/KE – Artikoli 27, 30 u 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema – Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Protezzjoni fil-każ ta’ tkeċċija inġusta – Kontestazzjoni b’mod inċidentali ta’ atti definittivi – Inammissibbiltà – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Użu ħażin ta’ poter – Responsabbiltà.
Kawża T-571/17 RENV.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tal-21 ta’ Ġunju 2023 (Estratti).
UG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Kuntratt għal żmien indeterminat – Xoljiment tal-kuntratt – Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg – Inkompetenza professjonali – Kondotta fis-servizz u kapaċità għax-xogħol mhux kompatibbli mal-interess tas-servizz – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal smigħ – Dritt għal-leave parentali – Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal – Applikazzjoni għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal tal-Unjoni tar-rekwiżiti minimi tad-Direttivi 2010/18/UE u 2002/14/KE – Artikoli 27, 30 u 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema – Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Protezzjoni fil-każ ta’ tkeċċija inġusta – Kontestazzjoni b’mod inċidentali ta’ atti definittivi – Inammissibbiltà – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Użu ħażin ta’ poter – Responsabbiltà.
Kawża T-571/17 RENV.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:351
SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)
21 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )
“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Kuntratt għal żmien indeterminat – Xoljiment tal-kuntratt – Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg – Inkompetenza professjonali – Kondotta fis-servizz u kapaċità għax-xogħol mhux kompatibbli mal-interess tas-servizz – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal smigħ – Dritt għal-leave parentali – Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal – Applikazzjoni għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal tal-Unjoni tar-rekwiżiti minimi tad-Direttivi 2010/18/UE u 2002/14/KE – Artikoli 27, 30 u 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema – Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Protezzjoni fil-każ ta’ tkeċċija inġusta – Kontestazzjoni b’mod inċidentali ta’ atti definittivi – Inammissibbiltà – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Użu ħażin ta’ poter – Responsabbiltà”
Fil-Kawża T‑571/17 RENV,
UG, irrappreżentata minn M. Richard, avukat,
rikorrenti,
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Radu Bouyon, bħala aġenta,
konvenuta,
IL‑QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),
komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn R. da Silva Passos, President, V. Valančius, I. Reine, L. Truchot (Relatur) u M. Sampol Pucurull, Imħallfin,
Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,
wara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, Il‑Kummissjoni vs UG (C‑249/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:964),
wara s-seduta tas‑27 ta’ Ottubru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrenti, UG, titlob essenzjalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2016 li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea xoljiet il-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-danni materjali u morali li hija tallega li ġarrbet minħabba din id-deċiżjoni. [omissis] |
II. Talbiet tal‑partijiet wara rinviju
|
20 |
Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
21 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
III. Id‑dritt
A. Fuq l‑estensjoni tat‑tilwima wara rinviju
|
22 |
Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati wara l-għoti tas-sentenza tal-appell, ir-rikorrenti sostniet it-talbiet kollha li kienu inklużi fir-rikors, inkluż it-talbiet intiżi għall-kumpens tad-danni materjali u morali allegatament imġarrba, kif ukoll dawk intiżi għall-ħlas lura tas-somom li hija tqis li tnaqqsu illegalment mill-Kummissjoni mis-salarju tagħha. |
|
23 |
Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ssostni li permezz tas-sentenza inizjali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod definittiv dwar ċerti talbiet ippreżentati mir-rikorrenti. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ ta’ rinviju, il-Qorti Ġenerali hija marbuta bil-punti ta’ liġi deċiżi permezz tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, CC vs Il‑Parlament, C‑612/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:776, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Għalhekk, wara l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja u r-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, din tkun adita permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’applikazzjoni tal-Artikolu 215 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u għandha tiddeċiedi fuq it-talbiet kollha ppreżentati mir-rikorrenti, bl-esklużjoni ta’ dawk li għalihom iwieġbu l-elementi tad-dispożittiv tad-deċiżjoni inizjali tal-Qorti Ġenerali li ma ġewx annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-motivi li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tal-imsemmija elementi, peress li dawn ikunu saru res judicata (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2021, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, T‑627/16 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2021:894, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 19 iktar ’il fuq, permezz tas-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat parzjalment is-sentenza inizjali, sa fejn, l-ewwel, annullat id-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-appell, punti 20 sa 44), it-tieni, ikkonstatat li l-Kummissjoni kienet wettqet illegalità li tista’ twassal għar-responsabbiltà tagħha u stiednet lill-partijiet ifittxu li jilħqu ftehim li jistabbilixxi kumpens finanzjarju ġust għal dannu materjali (sentenza tal-appell, punt 45), u t-tielet, ċaħdet bħala inammissibbli l-kap ta’ talbiet tar-rikorrenti dwar id-dannu morali tagħha (sentenza tal-appell, punti 55 sa 62). |
|
27 |
Konsegwentement, bl-eċċezzjoni tal-motivi tas-sentenza inizjali, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-illegalità tagħhom, kif indikat fil-punt 26 iktar ’il fuq, u li jirrigwardaw it-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u l-kumpens għad-danni materjali u morali allegatament imġarrba minħabba din id-deċiżjoni, l-imsemmija sentenza saret definittiva. |
|
28 |
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod definittiv, qabelxejn, dwar it-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-annullament tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2015, tat-tnaqqis mis-salarju u tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni kkunsidrat l-assenzi mix-xogħol tar-rikorrenti datati 30 u 31 ta’ Mejju 2016 bħala assenzi inġustifikati, imbagħad, dwar it-talbiet intiżi sabiex ir-rikorrenti tiġi reintegrata u mqiegħda mill-ġdid fis-sitwazzjoni preċedenti għall-proċedura mibdija permezz tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, u fl-aħħar nett, dwar it-talbiet intiżi għall-kundanna tal-Kummissjoni għar-rimbors ta’ tnaqqis eċċessiv u sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-ammonti addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni ma kinux dovuti. |
|
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali għandha, fil-kuntest ta’ din l-istanza, teżamina biss it-talbiet tar-rikorrenti intiżi, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u min-naħa l-oħra, għall-kumpens tad-danni materjali u morali li r-rikorrenti tallega li ġarrbet minħabba din id-deċiżjoni. |
|
30 |
Minn dan isegwi li t-talba tar-rikorrenti intiża għar-repetizzjoni, fil-kuntest ta’ din l-istanza, tat-talbiet kollha mfakkra fil-punt 20 iktar ’il fuq għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. |
B. Fuq it‑talbiet intiżi għall‑annullament tad‑deċiżjoni kkontestata
|
31 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li mir-rikors jirriżulta li, minkejja li l-ewwel kap ta’ talbiet jirrigwarda formalment il-kisba tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, huwa għandu jitqies bħala li fir-realtà jirrigwarda l-kisba tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
32 |
Insostenn ta’ dawn it-talbiet, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, seba’ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 51 tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-dritt għal smigħ, it-tielet, fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tad-dritt għal-leave parentali u tad-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema, ir-raba’, fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ fatt, il-ħames, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, is-sitt, fuq ksur tal-proċedura dixxiplinari prevista fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, u s-seba’, fuq użu ħażin ta’ poter. |
1. Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
|
33 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-motivi invokati fl-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 u fid-deċiżjoni kkontestata huma vagi u impreċiżi, b’mod partikolari l-motivi ta’ tkeċċija relatati mas-sena 2015 li jinsabu fil-paġna 3, punti (a) sa (f) u fil-paġna 4, punt (i) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, kif ukoll il-motivi li jinsabu fil-paġna 2, punti (c), (e) u (g) u fil-paġna 5, punt (d) tal-istess ittra. |
|
34 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt impjegat għal żmien indeterminat, ibbażata fuq l-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, hija suġġetta għar-rekwiżit ta’ motivazzjoni previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li “[k]ull deċiżjoni relatata ma’ individwu speċifiku li tittieħed taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandha tkun ikkomunikata minnufih bil-miktub lill-uffiċjal konċernat” u “[k]ull deċiżjoni li taffettwa ħażin uffiċjal għandha tagħti ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata” (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2011, P vs Il‑Parlament, T‑213/10 P, EU:T:2011:617, punt 28, u tal‑4 ta’ Diċembru 2013, ETF vs Schuerings, T‑107/11 P, EU:T:2013:624, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Skont ġurisprudenza stabbilita sewwa, il-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, meħtieġa wkoll mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punti 29 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Għaldaqstant, huwa fid-dawl tal-iskop tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni u tal-elementi kollha mfakkra fil-punti 35 u 36 iktar ’il fuq li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tista’ titqies, b’mod partikolari, assenti jew insuffiċjenti. |
|
38 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata u mill-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, li għaliha tirreferi d-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-Kummissjoni temmet il-kuntratt għal żmien indeterminat tar-rikorrenti, skont l-Artikolu 47(c) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, għar-raġuni li l-livell ta’ prestazzjoni tagħha u l-kondotta tagħha kienu inkompatibbli mal-ħtiġijiet tas-servizz, sa fejn ma kienx possibbli li wieħed jafda fuq ir-rikorrenti sabiex tissodisfa l-objettivi u l-missjonijiet assenjati lilha, li ma pprovatx tgħin b’mod attiv lill-kollegi tagħha u li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interess tas-servizz u lanqas tatu prijorità, li wassal għal konsegwenzi negattivi fuq il-kontinwità u l-kwalità tas-servizz offrut miċ-CPE [Ċentru Polivalenti tat-Tfal] kemm lit-tfal kif ukoll lill-ġenituri tagħhom. |
|
39 |
B’mod partikolari, l-AHCC [l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti] irreferiet għal xi għoxrin fatt dettaljat fl-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, li kienu jirrigwardaw l-aġir tar-rikorrenti matul is-snin 2013 sa 2016. |
|
40 |
Għalhekk, l-ewwel, fir-rigward tas-sena 2013, l-AHCC fakkret il-kliem tar-rapport ta’ evalwazzjoni dwar is-sena 2013 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni 2013”), li jipprovdi li r-rikorrenti, minn naħa, ftit kienet involviet ruħha fil-gruppi ta’ ħidma “Tisjir” u “Organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ informazzjoni għall-ġenituri”, u min-naħa l-oħra, kellha tippjana l-attivitajiet tagħha marbuta ma’ dawn il-gruppi ta’ ħidma matul is-sigħat imsejħa “flessibbli”, li matulhom hija ma kinitx tieħu ħsieb tfal, u ċerti ġenituri kienu lmentaw dwar l-assenza tar-rikorrenti fil-klassi meta ġew jiġbru lit-tfal tagħhom. |
|
41 |
It-tieni, fir-rigward tas-sena 2014, l-AHCC fakkret il-kliem tar-rapport ta’ evalwazzjoni dwar is-sena 2014 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni 2014”), li jipprovdi li d-diffikultajiet esperjenzati mir-rikorrenti sabiex tirrikonċilja l-ħajja professjonali tagħha u l-ħajja personali tagħha kif ukoll l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tas-servizz waqt l-ippjanar ta’ attivitajiet marbuta mal-mandat tagħha ta’ rappreżentanta tal-persunal wasslu għal konsegwenzi negattivi fuq l-operat effiċjenti tas-servizz. |
|
42 |
B’mod iktar partikolari, l-AHCC irrilevat: l-ewwel, it-talba mgħaġġla tar-rikorrenti tal‑24 ta’ April 2014 intiża sabiex taħdem full-time meta sa mill‑1 ta’ Jannar 2014 kien previst li hija taħdem part-time sa mill‑1 ta’ Mejju 2014; it-tieni, l-assenzi inġustifikati tagħha tas‑7 ta’ Mejju u tas‑16 ta’ Ġunju 2014; it-tielet, iċ-ċirkustanzi li fihom ir-rikorrenti kienet ippjanat l-assenza tagħha tat‑2 ta’ Mejju 2014 u li kienet avżat lid-dipartiment b’din l-assenza f’dik il-ġurnata stess; ir-raba’, l-assenza inġustifikata tagħha tat‑18 ta’ Ġunju 2014; il-ħames, il-fatt li r-rikorrenti kienet avżat lis-superjuri diretti tagħha bl-assenza tagħha tas‑26 ta’ Frar 2014, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħa sindakali, mhux qabel lejliet fil‑17.26; is-sitt, il-fatt li fid‑9 ta’ Diċembru 2014, waħda mill-kollegi tar-rikorrenti kienet ilmentat bin-nuqqas ta’ kooperazzjoni u ta’ komunikazzjoni tagħha; is-seba’, il-fatt li r-rikorrenti kienet avżat lis-superjuri diretti tagħha bl-assenzi tagħha tal‑11 u 12 ta’ Diċembru 2014, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’sessjoni plenarja taċ-CCP, mhux qabel lejliet il‑11 ta’ Diċembru 2014, u ma kinitx avżat lill-kollegi tagħha li magħhom kellha taħdem f’dawk il-ġranet bl-assenza tagħha; u t-tmien, il-fatt li r-rikorrenti kienet ikkuntattjat lis-superjuri diretti tagħha sabiex tiġi reintegrata fil-funzjonijiet tagħha full-time, wara nofs il-ħin terapewtiku mogħti għall-perijodu ta’ bejn is‑17 ta’ Novembru u t‑23 ta’ Diċembru 2014, mhux qabel it‑22 ta’ Diċembru 2014. |
|
43 |
It-tielet, fir-rigward tas-sena 2015, l-AHCC fakkret li, skont ir-rapport ta’ evalwazzjoni 2015, il-livell ta’ prestazzjoni tar-rikorrenti kien ikkunsidrat insodisfaċenti. |
|
44 |
B’mod iktar partikolari, l-AHCC irrilevat: l-ewwel, l-involviment insuffiċjenti jew ineżistenti tagħha fil-gruppi ta’ ħidma li tagħhom kienet membru; it-tieni, in-nuqqas ta’ proattività tagħha waqt li kienet teżerċita funzjonijiet ta’ edukatriċi “volatili”; it-tielet, il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx tat informazzjoni lis-superjuri diretti tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-objettiv li jiġu organizzati attivitajiet ta’ yoga; ir-raba’, il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx ippjanat skeda ta’ azzjonijiet edukattivi; il-ħames, in-nuqqas ta’ kontinwità li tieħu ħsieb il-grupp ta’ tfal li r-rikorrenti kienet responsabbli minnu; is-sitt, id-diffikultajiet esperjenzati minn ċerti kollegi sabiex jaħdmu mar-rikorrenti; u s-seba’, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tagħha dwar ċerti assenzi tagħha f’Ġunju 2015. |
|
45 |
Ir-raba’, fir-rigward tas-sena 2016, l-AHCC fakkret it-tliet objettivi li kienu ġew assenjati lir-rikorrenti fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2015, jiġifieri, l-ewwel, l-istabbiliment ta’ skeda ta’ azzjonijiet edukattivi, it-tieni, investiment ikbar min-naħa tagħha fit-twettiq ta’ funzjonijiet ta’ gruppi ta’ ħidma differenti li tagħhom kienet membru bħala persuna ta’ kuntatt jew supplenti, permezz tat-twettiq ta’ erba’ azzjonijiet speċifiċi (“kompilazzjoni u tixrid ta’ tliet ġurnali taċ-CPE”, “żamma ta’ skeda mensili li tirrapporta l-kummenti/problemi li setgħu nqalgħu”, “proposti/ippjanar għall-attivitajiet fiżiċi matul il-vaganzi skolastiċi” u “l-istabbiliment ta’ rapport annwali tal-grupp ‘Sport’”), u t-tielet, l-ippjanar tal-leave parentali tagħha ferm minn qabel sabiex tiffaċilita s-sostituzzjoni tagħha u l-organizzazzjoni effiċjenti sa mill-bidu tas-sena skolastika 2016-2017. |
|
46 |
Għalhekk, l-AHCC indikat li, minkejja li r-rikorrenti kienet ilha taf bl-objettivi ċċitati fil-punt 45 iktar ’il fuq sa mill‑5 ta’ April 2016, hija ma kinitx ikkonstatat sinjal ta’ titjib tal-prestazzjoni tagħha fir-rigward tal-imsemmija objettivi. |
|
47 |
F’dan il-kuntest, l-AHCC irrilevat il-persistenza tad-diffikultajiet imsemmija fir-rapporti ta’ evalwazzjoni 2014 u 2015, jiġifieri: l-ewwel, il-fatt li r-rikorrenti ma stabbilixxietx l-iskeda ta’ azzjonijiet edukattivi, imsemmija fil-punt 45 iktar ’il fuq, qabel ma ħarġet bil-leave parentali fil‑15 ta’ Lulju 2016; it-tieni, in-nuqqas ta’ proattività tagħha fil-gruppi ta’ ħidma, kif turi l-assenza ta’ rapport mensili dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-catering kollettiv fiċ-CPE, in-nuqqas ta’ involviment attiv fil-grupp ta’ ħidma “Sport”, in-nuqqas ta’ ġbir tal-bilanċi annwali tal-gruppi “Tisjir” u “Ġurnal taċ-CPE” qabel ma ħarġet bil-leave parentali u l-fatt li fix-xahar ta’ Lulju 2016 bagħtet ħarġa tal-ġurnal taċ-CPE marbuta max-xahar ta’ Diċembru 2015 u intitolata “Milied 2015” (iktar ’il quddiem il-“ġurnal tal-Milied 2015”), li s-superjuri diretti tagħha kienu kkunsidraw li ma kinitx għadha rilevanti; it-tielet, il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni, waqt l-applikazzjoni tagħha għal leave parentali fil‑25 ta’ April 2016, indikazzjonijiet tal-kap tad-dipartiment datati 18 ta’ Frar u 21 ta’ Marzu 2016, li jipprovdu, minn naħa, li leave matul ix-xahar ta’ Settembru ma kienx mixtieq, u min-naħa l-oħra, li leave parentali fil-bidu tas-sena skolastika kien previst biss għal xahrejn jew tlieta; ir-raba’, komunikazzjoni in mala fide min-naħa tagħha fil-konfront tas-superjuri diretti tagħha u tal-kollegi tagħha dwar l-assenzi tagħha, b’mod partikolari dawk tat‑28 ta’ Jannar u tal‑24 ta’ Mejju 2016; u l-ħames, l-assenza inġustifikata tagħha fit‑30 u 31 ta’ Mejju 2016. |
|
48 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata, li ngħatat wara n-notifika tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, u għalhekk, f’kuntest magħruf mir-rikorrenti, esponiet kemm il-kunsiderazzjonijiet legali kif ukoll numru suffiċjenti ta’ fatti ta’ importanza essenzjali fl-istruttura ta’ din id-deċiżjoni u li permezz tagħhom ir-rikorrenti setgħet tevalwa l-fondatezza u l-legalità tagħha. |
|
49 |
L-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li wħud mill-motivi li jinsabu fl-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, li għaliha tirreferi d-deċiżjoni kkontestata, ma kinux preċiżi biżżejjed, ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-konklużjoni li tinsab fil-punt 48 iktar ’il fuq. |
|
50 |
Minn naħa, huwa minnu li l-assenza ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni tista’ tiġi kkonstatata anki meta d-deċiżjoni inkwistjoni tinkludi ċerti elementi ta’ motivazzjoni. Madankollu, tali konstatazzjoni tista’ ssir biss jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja jew ma tinftehimx jew meta l-elementi ta’ motivazzjoni li jinsabu fid-deċiżjoni inkwistjoni jkollhom tant lakuni li bl-ebda mod ma jippermettu lid-destinatarju tagħha, fil-kuntest tal-adozzjoni tagħha, li jifhem ir-raġunament tal-awtur tagħha (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
Issa, f’dan il-każ, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata la hija kontradittorja u lanqas ma tinftehimx, u anki jekk jiġi preżunt li wħud mill-motivi tagħha jistgħu jitqiesu lakunarji, xorta jibqa’ l-fatt li hija turi r-raġunament tal-awtur tagħha b’mod ċar u inekwivoku. |
|
52 |
Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqha hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi huma vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti minkejja li tesprimi motivi żbaljati. Minn dan isegwi li l-ilmenti u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ att huma irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2022, Paesen vs SEAE, T‑88/21, EU:T:2022:631, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
53 |
Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta utilment, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li jinsabu fil-paġna 2, punti (c), (e) u (g), fil-paġna 3, punti (b) u (e), fil-paġna 4, punt (i) u fil-paġna 5, punt (d) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016. |
|
54 |
Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. [omissis] |
2. Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fir‑rigward tad‑dritt għal‑leave parentali u tad‑dritt għall‑informazzjoni u għall‑konsultazzjoni tal‑ħaddiema
|
73 |
Dan il-motiv jinkludi żewġ partijiet. |
|
74 |
L-ewwel parti hija bbażata, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri fid-dawl tar-rekwiżiti minimi kontenuti fil-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż fit‑18 ta’ Ġunju 2009 mill-organizzazzjonijiet Ewropej interprofessjonali ta’ msieħba soċjali (BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), kif implimentat mid-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat‑8 ta’ Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU 2010, L 68, p. 13). |
|
75 |
It-tieni parti tat-tielet motiv hija bbażata, essenzjalment, minn naħa, fuq żball ta’ liġi li jirriżulta min-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tar-rekwiżiti minimi kontenuti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 219), u min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-projbizzjoni tar-reat ta’ ostakolu. |
a) Fuq l‑ewwel parti tat‑tielet motiv, ibbażata fuq ksur tal‑Artikolu 42a tar‑Regolamenti tal‑Persunal, moqri fid‑dawl tar‑rekwiżiti minimi kontenuti fil‑klawżola 5(4) tal‑Ftehim Qafas
|
76 |
Din il-parti tinkludi żewġ ilmenti, ibbażati fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kisret dawn id-dispożizzjonijiet, l-ewwel, billi pproċediet bit-tkeċċija tar-rikorrenti waqt il-leave parentali tagħha, u t-tieni, minħabba l-applikazzjoni tagħha għal leave parentali. |
1) Fuq it‑teħid inkunsiderazzjoni tar‑rekwiżiti minimi kontenuti fil‑klawżola 5(4) tal‑Ftehim Qafas waqt l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 42a tar‑Regolamenti tal‑Persunal
|
77 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi, b’mod partikolari, li matul il-leave parentali tiegħu, l-uffiċjal “għandu jżomm il-pożizzjoni tiegħu”. |
|
78 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg jipprevedi li l-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal japplika b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanji u li l-leave parentali ma jistax jestendi lil hinn mit-tul tal-kuntratt. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 91 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, jipprovdi li l-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg japplika b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt. |
|
79 |
Barra minn hekk, id-Direttiva 2010/18, kif jindika l-Artikolu 1 tagħha, għandha l-għan li timplimenta l-Ftehim Qafas. |
|
80 |
Huwa minnu li skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, in-natura vinkolanti ta’ direttiva, bħad-Direttiva 2010/18, li fuqha hija msejsa l-possibbiltà ta’ invokazzjoni tagħha, teżisti biss fir-rigward ta’ “l-Istati Membri [destinatarji]” (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Portgás, C‑425/12, EU:C:2013:829, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
81 |
Madankollu, minn naħa, l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 80(4) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, jipprovdi li “[l]-uffiċjali f’impieġ atti għandhom jingħataw l-kondizzjonijiet tax-xogħol, konformi ma’ l-istandards xierqa tas-saħħa u tas-sigurtà, mill-anqas ekwivalenti għall-ħtiġijiet minimi applikabbli taħt il-miżuri adottati f’dawn l-oqsma skond it-Trattati”. Min-naħa l-oħra, skont il-prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma jqigħedx inkwistjoni l-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, UBS Europe et, C‑358/16, EU:C:2018:715, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
82 |
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali għandha tkun propensa lejn interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li tippermetti li tiġi żgurata l-konformità ta’ dawn tal-aħħar mal-prinċipji tad-dritt soċjali tal-Unjoni espressament stabbiliti mill-Karta u li tippermetti l-integrazzjoni fir-Regolamenti tal-Persunal tas-sustanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt derivat tal-Unjoni li jikkostitwixxu regoli ta’ protezzjoni minima intiża, jekk ikun il-każ, sabiex jiġu kkompletati d-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti tal-Persunal (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid ta’ Il‑Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 46). |
|
83 |
Barra minn hekk, minn naħa, għandu jitfakkar li kif jirriżulta mill-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati, b’mod partikolari, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li, għaldaqstant, huma obbligati jirrispettaw id-drittijiet stabbiliti fiha. Min-naħa l-oħra, peress li l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandu, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, l-istess valur legali bħad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa obbligat josservah b’mod partikolari meta jadotta att bħalma huma r-Regolamenti tal-Persunal, fuq il-bażi tal-Artikolu 336 TFUE (ara b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
84 |
Issa, huwa bil-għan li jiffaċilita r-rikonċiljazzjoni tar-responsabbiltajiet professjonali u tal-familja għall-ġenituri li jaħdmu li d-dritt għal-leave parentali kien inkluż fl-Artikolu 33(2) tal-Karta, fost id-drittijiet soċjali fundamentali miġbura fi ħdan it-Titolu IV tagħha, taħt it-titolu “Solidarjetà”. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li, sabiex ikunu jistgħu jiġu rrikonċiljati l-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali, kull persuna hija intitolata, b’mod partikolari, għal leave parentali wara t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Maïstrellis,C‑222/14, EU:C:2015:473, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
85 |
Skont l-ispjegazzjonijiet li jikkonċernaw il-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17, iktar ’il quddiem l-“ispjegazzjonijiet”), li b’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar, l-Artikolu 33(2) tal-Karta huwa ispirat, b’mod partikolari, mid-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat‑3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285), li kienet issostitwita bid-Direttiva 2010/18. |
|
86 |
Għalhekk, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 33(2) tal-Karta, mill-ispjegazzjonijiet jirriżulta li r-riferiment magħmul minnhom għad-Direttiva 96/34, u fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għad-Direttiva 2010/18 jirreferi għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jirriflettu u jippreċiżaw id-dritt fundamentali għal-leave parentali, stabbilit minn din id-dispożizzjoni tal-Karta. |
|
87 |
Dan huwa l-każ tad-dispożizzjoni intiża sabiex tipproteġi lill-ħaddiema mit-tkeċċija minħabba l-applikazzjoni għal jew it-teħid ta’ leave parentali, li għandha tinftiehem, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala li tirrifletti dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Lyreco Belgium, C‑588/12, EU:C:2014:99, punt 36, u tal‑25 ta’ Frar 2021, Caisse pour l’avenir des enfants (Impjieg fil-mument tat-twelid), C‑129/20, EU:C:2021:140, punt 44). |
|
88 |
Għaldaqstant, ir-rekwiżiti minimi tal-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas, sa fejn jiggarantixxu lil kull ħaddiem protezzjoni kontra trattament inqas favorevoli jew it-tkeċċija minħabba l-applikazzjoni għal jew it-teħid ta’ leave parentali, għandhom jitqiesu bħala parti integrali mir-Regolamenti tal-Persunal u għandhom, bla ħsara għal dispożizzjonijiet iktar favorevoli previsti fihom, jiġu applikati għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
89 |
Minn dan isegwi li r-rikorrenti għandha raġun issostni li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas, kif applikabbli skont id-Direttiva 2010/18, waqt l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal fil-kuntest tal-eżami taż-żewġ ilmenti ta’ din il-parti. |
2) Fuq il‑fondatezza tal‑ewwel ilment
|
90 |
Ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li billi pproċediet bit-tkeċċija tagħha matul il-perijodu tal-leave parentali tagħha, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri fid-dawl tar-rekwiżiti minimi kontenuti fil-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas. |
|
91 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti u targumenta, barra minn hekk, li dan l-ilment huwa inammissibbli. |
|
92 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri fid-dawl tar-rekwiżiti minimi kontenuti fil-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas, għar-raġuni li l-AHCC adottat id-deċiżjoni kkontestata matul il-leave parentali tagħha, u mhux għar-raġuni li din id-deċiżjoni ħadet effett fil-mument li fih hija kienet tinsab fuq leave parentali, b’tali mod li, f’dan l-aħħar każ, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien ikollha l-konsegwenza li tinterrompi l-imsemmi leave. |
|
93 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha tiddetermina biss jekk l-AHCC setgħetx, mingħajr ma tikser l-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri fid-dawl tar-rekwiżiti minimi kontenuti fil-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas, tadotta d-deċiżjoni kkontestata f’data li fiha r-rikorrenti kienet diġà tinsab fuq leave parentali, mingħajr ma tistenna r-reintegrazzjoni tagħha f’pożizzjoni ta’ attività. Għal dan il-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tal-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda wkoll il-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni u l-għanijiet li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2022, TC Medical Air Ambulance Agency, C‑633/20, EU:C:2022:733, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
94 |
Fl-ewwel lok, huwa minnu li l-formulazzjoni tal-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal tobbliga lill-AHCC iżżomm l-impjieg tal-uffiċjal li jibbenefika minn leave parentali matul dan il-perijodu ta’ leave. |
|
95 |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 1a tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali huma maħtura f’impjieg permanenti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, b’tali mod li, fl-aħħar tal-perijodu ta’ leave parentali, l-uffiċjal li jibbenefika minn tali leave għandu, bħala prinċipju, jirritorna għall-impjieg tiegħu. |
|
96 |
Mill-banda l-oħra, fir-rigward ta’ leave parentali mogħti lil membru tal-persunal bil-kuntratt, li b’applikazzjoni tal-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, ma huwiex assenjat f’impjieg previst fil-lista ta’ impjiegi mehmuża mat-taqsima tal-baġit marbut mal-istituzzjoni kkonċernata, il-kelma “impjieg” li tinsab fl-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal tindika neċessarjament il-funzjonijiet part-time jew full-time, li dan il-membru tal-persunal ġie impjegat għall-eżerċizzju tagħhom. |
|
97 |
Madankollu, il-formulazzjoni tal-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal ma tipprojbixxix lill-awtorità kompetenti tadotta deċiżjoni dwar it-tkeċċija ta’ uffiċjal jew ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt jew temporanju, minkejja li dan il-membru tal-persunal jinsab, fid-data ta’ din id-deċiżjoni, fuq leave parentali u li bħala prinċipju, kellu jirritorna għal dan l-impjieg jew għal dawn il-funzjonijiet fl-aħħar ta’ dan il-leave. |
|
98 |
Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg relatati mal-modalitajiet ta’ tmiem definittiv tal-funzjonijiet. |
|
99 |
L-ewwel, l-Artikolu 47 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jiddefinixxi, fir-rigward tal-uffiċjali, il-każijiet differenti ta’ tmiem definittiv tal-funzjonijiet, ma jipprevedix riżerva jew deroga marbutin mat-tqegħid tal-uffiċjal ikkonċernat fuq leave parentali. L-istess japplika għall-Artikolu 51, li jirrigwarda l-proċedura tal-inkompetenza professjonali, u għall-Artikolu 9(1)(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirrigwarda r-revoka dixxiplinari. |
|
100 |
It-tieni, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, li jirrigwarda t-tmiem tal-impjieg tal-membri tal-persunal temporanji, li huwa applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt b’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 119 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg. |
|
101 |
Qabelxejn, l-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg lanqas jipprovdi riżerva jew deroga marbutin mat-tqegħid tal-membru tal-persunal ikkonċernat fuq leave parentali. |
|
102 |
Imbagħad, kemm l-Artikolu 47(b)(ii) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg fir-rigward tax-xoljiment ta’ kuntratti għal żmien determinat, kif ukoll l-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, fir-rigward tax-xoljiment ta’ kuntratti għal żmien indeterminat, jipprevedu li l-avviż tat-temm ta’ impjieg ma jistax jibda għaddej u huwa sospiż matul it-tqala ddikjarata b’ċertifikat mediku jew matul iż-żmien tal-leave ta’ maternità jew ta’ leave tal-mard, sakemm dan tal-aħħar ma jeċċedix perijodu ta’ tliet xhur. |
|
103 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt matul iż-żmien ta’ leave ta’ maternità jew ta’ leave tal-mard, iżda jistabbilixxu l-kundizzjoni ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg li għaliha huwa suġġett tali xoljiment (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, WN vs Il‑Parlament, T‑431/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:781, punt 114). |
|
104 |
Issa, il-leave parentali ma huwiex wieħed mill-kawżi, previsti mill-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, ta’ sospensjoni tal-avviż tat-temm ta’ impjieg stabbilit fil-kuntratt, li fit-tmiem tiegħu tista’ sseħħ it-tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt. |
|
105 |
Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-AHCC tista’ tadotta deċiżjoni ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt matul il-perijodu ta’ leave parentali li minnu jgawdi l-membru tal-persunal ikkonċernat, b’mod partikolari minħabba l-inkompetenza professjonali tiegħu, u min-naħa l-oħra, li l-avviż tat-temm ta’ impjieg stabbilit mill-kuntratt la huwa prekluż milli jibda għaddej u lanqas sospiż bil-fatt li l-imsemmi membru tal-persunal jinsab fuq leave parentali. |
|
106 |
Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-iskop tal-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal, kif jirriżulta mill-premessi preliminari tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat‑22 ta’ Marzu 2004 Li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130). |
|
107 |
Fil-fatt, billi estenda, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 723/2004, id-dritt fundamentali għal-leave parentali għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal tal-Unjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jaġġusta għall-avvanzi u l-innovazzjonijiet sostanzjali tas-soċjetà sa mill-adozzjoni inizjali tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg fl‑1962, filwaqt li jirrispetta l-kultura u t-tradizzjoni tal-amministrazzjoni tal-Unjoni bbażati fuq il-prinċipju tas-servizz liċ-ċittadini (premessa 1 tar-Regolament Nru 723/2004). |
|
108 |
Għalhekk, skont il-premessa 2 tar-Regolament Nru 723/2004, l-Unjoni għandha l-għan li jkollha amministrazzjoni pubblika ta’ kwalità għolja u li tista’ twettaq il-kompiti tagħha sal-ogħla livell possibbli skont it-Trattati. Id-dritt fundamentali għal-leave parentali li minnu jibbenefikaw l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Unjoni għandu jkun irrikonċiljat ma’ dan l-għan. |
|
109 |
Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, id-dritt fundamentali għal-leave parentali li minnu jista’ jibbenefika uffiċjal jew membru tal-persunal ma jistax jittardja d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat meta l-awtorità kompetenti jkollha elementi suffiċjenti sabiex tikkonstata inkompetenza professjonali jew nuqqas dixxiplinari gravi min-naħa tiegħu. |
|
110 |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, skont il-punti 79 sa 89 iktar ’il fuq, l-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti minimi kontenuti fil-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas, kif magħmula applikabbli mid-Direttiva 2010/18. |
|
111 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza mogħtija fir-rigward tal-klawżola 2(4) tal-Ftehim Qafas dwar il-leave tal-ġenituri, konkluż fl‑14 ta’ Diċembru 1995, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 96/34, li tikkorrispondi, essenzjalment, għall-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas, jirriżulta li sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu jistgħu effettivament jeżerċitaw dan id-dritt għal leave parentali, din il-klawżola timponi li jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġu lill-ħaddiem kontra t-trattament inqas favorevoli jew it-tkeċċija abbażi ta’ applikazzjoni għal, jew it-teħid ta’ leave parentali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Lyreco Belgium, C‑588/12, EU:C:2014:99, punt 34). |
|
112 |
Għalhekk, il-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas la għandha l-għan u lanqas l-effett li tipprojbixxi lil persuna li timpjega milli tiddeċiedi dwar it-tkeċċija ta’ ħaddiem, minkejja li fid-data ta’ din id-deċiżjoni, dan kien qed jibbenefika minn leave parentali, sakemm din it-tkeċċija ma tkunx immotivata mill-applikazzjoni għal jew mit-teħid tal-imsemmi leave u tosserva l-kundizzjonijiet l-oħra previsti mil-liġi jew mir-regoli applikabbli. |
|
113 |
Għalhekk, mill-punti 93 sa 112 iktar ’il fuq, jirriżulta li r-rikorrenti ma għandhiex raġun tinvoka ksur tal-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri fid-dawl tar-rekwiżiti minimi kontenuti fil-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas, għar-raġuni li d-deċiżjoni kkontestata kienet adottata mill-AHCC fil-mument li fih hija kienet tinsab fuq leave parentali. |
|
114 |
Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, l-ewwel ilment ta’ din il-parti għandu jiġi miċħud bħala infondat (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2022, TK vs Il‑Kummissjoni, T‑435/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:303, punt 42). |
3) Fuq il‑fondatezza tat‑tieni lment
|
115 |
Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li billi pproċediet bit-tkeċċija tagħha minħabba l-applikazzjoni tagħha għal leave parentali, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri fid-dawl tar-rekwiżiti minimi kontenuti fil-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas. |
|
116 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
117 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal ma tipprojbixxix lill-awtorità kompetenti milli tkeċċi uffiċjal jew membru tal-persunal minħabba l-applikazzjoni għal jew it-teħid ta’ leave parentali. Madankollu, mill-punti 79 sa 89 iktar ’il fuq, jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti minimi stabbiliti mill-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas. |
|
118 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim Qafas u mill-premessa 8 tad-Direttiva 2010/18, dan il-ftehim qafas jikkostitwixxi impenn tal-imsieħba soċjali, irrappreżentati mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali ġenerali, li jistabbilixxu, permezz ta’ rekwiżiti minimi dwar il-leave parentali, miżuri intiżi li jippermettu rikonċiljazzjoni tar-responsabbiltajiet professjonali u dawk tal-familja u li jippromwovu l-ugwaljanza tal-possibbiltajiet u ta’ trattament bejn l-irġiel u n-nisa (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, H., C‑174/16, EU:C:2017:637, punti 29 u 30). |
|
119 |
Għalhekk, l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-Ftehim Qafas huma marbuta mat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol u mal-eżistenza ta’ protezzjoni soċjali adegwata tal-ħaddiema, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 151 TFUE, jidhru fl-iskala tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-politika soċjali tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, H., C‑174/16, EU:C:2017:637, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
120 |
Għalhekk, sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema jistgħu effettivament jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal leave parentali, il-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas timponi li jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal-ħaddiema, b’mod partikolari, kontra t-tkeċċija minħabba applikazzjoni għal jew it-teħid ta’ leave parentali skont il-liġi, il-ftehimiet kollettivi u l-prattiki applikabbli (ara b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Lyreco Belgium, C‑588/12, EU:C:2014:99, punt 34). |
|
121 |
Issa, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-Ftehim Qafas, kif imfakkra fil-punt 118 iktar ’il fuq, il-klawżola 5(4) għandha tinftiehem bħala li tirrifletti dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari u għalhekk ma tistax tiġi interpretata b’mod restrittiv (ara b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Lyreco Belgium, C‑588/12, EU:C:2014:99, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
122 |
Fit-tieni lok, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal, moqrija fid-dawl tar-rekwiżiti minimi kontenuti fil-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas, jipprojbixxu li l-awtorità kompetenti tkeċċi minħabba inkompetenza professjonali, uffiċjal jew membru tal-persunal minħabba l-applikazzjoni għal leave parentali, b’mod partikolari għal raġunijiet li jirrigwardaw id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-perijodu ta’ dan il-leave jew tat-tul ta’ dan il-leave mitlub f’din l-applikazzjoni. |
|
123 |
Fil-fatt, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, b’applikazzjoni kemm tal-istipulazzjonijiet tal-Ftehim Qafas kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal, id-dritt għal-leave parentali huwa ddefinit permezz ta’ żmien minimu kif ukoll b’limitazzjoni ratione temporis marbuta mal-età tal-wild li fir-rigward tiegħu jintalab dan il-leave. Għalhekk, l-applikazzjoni intiża għall-għoti ta’ tali leave għandha tinkludi neċessarjament speċifikazzjonijiet dwar id-dati u t-tul tal-leave mixtieqa mill-applikant. |
|
124 |
Barra minn hekk, huma dawn l-ispeċifikazzjonijiet dwar id-dati u t-tul tal-leave parentali li jippermettu lill-awtorità kompetenti tiddetermina jekk it-teħid ta’ dan il-leave huwiex kompatibbli mal-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni li l-applikant huwa impjegat magħha. |
|
125 |
It-tieni, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-klawżola 3(2) tal-Ftehim Qafas, li tipprovdi li l-ħaddiem għandu jagħti avviż tat-temm ta’ impjieg sabiex jinforma lill-persuna li timpjegah, mhux biss bl-intenzjoni tiegħu li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave parentali, iżda wkoll bid-dati tal-bidu u t-tmiem tal-perijodu ta’ leave, it-tul ta’ dan l-avviż tat-temm ta’ impjieg għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-ħaddiema u tal-persuni li jimpjegaw. |
|
126 |
It-tielet, prattika li permezz tagħha ħaddiem jista’ jitkeċċa, fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-inkompetenza professjonali, għar-raġuni li l-applikazzjoni għal leave parentali li huwa ppreżenta ma tikkorrispondix għal-linji gwida li kienu stabbiliti preliminarjament mill-persuna li timpjega tista’ tiddiswadi lill-ħaddiem milli jitlob tali leave u tmur direttament kontra l-iskop tal-Ftehim Qafas, li wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li jiġu rrikonċiljati aħjar il-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali (ara f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Praxair MRC, C‑486/18, EU:C:2019:379, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
127 |
F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ibbażata fuq l-applikazzjoni għal leave parentali ppreżentata mir-rikorrenti fil‑25 ta’ April 2016. |
|
128 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tirrepeti l-motivi kollha li jinsabu fl-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, inkluż il-motiv li jinsab fil-paġna 4, punt (c) ta’ din l-ittra, li jipprovdi li l-AHCC ikkonstatat, fir-rigward tal-persistenza tad-diffikultajiet imsemmija, b’mod partikolari, fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2015, li r-rikorrenti ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni, fl-applikazzjoni tagħha għal leave parentali tal‑25 ta’ April 2016, l-indikazzjonijiet tal-kap tad-dipartiment tagħha datati 18 ta’ Frar u 21 ta’ Marzu 2016. Skont dawn l-indikazzjonijiet, minn naħa, leave matul ix-xahar ta’ Settembru ma kienx mixtieq, u min-naħa l-oħra, leave parentali fil-bidu tas-sena skolastika kien previst biss għal xahrejn jew tlieta. |
|
129 |
Huwa minnu li, fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2015, l-AHCC assenjat lir-rikorrenti, għas-sena 2016, objettiv li jikkonsisti fl-ippjanar tal-leave parentali tagħha suffiċjentement minn qabel sabiex tiffaċilita s-sostituzzjoni tagħha u l-organizzazzjoni effiċjenti sa mill-bidu tas-sena skolastika 2016/2017. |
|
130 |
Madankollu, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 34 tas-sentenza tal-appell, mill-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, jirriżulta b’mod manifest li l-kritika magħmula mill-AHCC fir-rigward tal-leave parentali tar-rikorrenti ma tirrigwardax nuqqas ta’ ppjanar suffiċjentement minn qabel ta’ tali leave, iżda d-dati sostnuti minnha. |
|
131 |
Fil-fatt, mill-motivi tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 jirriżulta li, minkejja li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-konstatazzjoni globali tal-inkompetenza professjonali tar-rikorrenti, din il-konstatazzjoni stess hija bbażata fuq serje ta’ motivi, li jinkludu, fil-paġna 4, punt (c) tal-imsemmija ittra, il-fatt li d-dati ta’ leave parentali msemmija fl-applikazzjoni tar-rikorrenti tal‑25 ta’ April 2016 ma kinux konformi mal-linji gwida tal-kap tad-dipartiment tagħha datati 18 ta’ Frar u 21 ta’ Marzu 2016. |
|
132 |
Għalhekk, jidher li d-deċiżjoni kkontestata hija parzjalment ibbażata fuq l-applikazzjoni għal leave parentali ppreżentata mir-rikorrenti fil‑25 ta’ April 2016. |
|
133 |
Skont il-Kummissjoni, il-motiv li jinsab fil-paġna 4, punt (c) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 għandu jinftiehem bħala kritika indirizzata lir-rikorrenti minħabba komunikazzjoni in mala fide min-naħa tagħha dwar suġġett importanti għas-superjuri tagħha. |
|
134 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti kienet informat lill-kap tad-dipartiment tagħha, sa mill‑21 ta’ Marzu 2016, waqt djalogu preċedenti għall-adozzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2015, bl-intenzjoni tagħha li titlob leave parentali matul is-sena 2016. |
|
135 |
Fil-fatt, minn posta elettronika tal-kap tad-dipartiment tas‑26 ta’ Mejju 2016, jirriżulta li, fl-okkażjoni ta’ dan id-djalogu annwali, l-eventwalità li r-rikorrenti tieħu xi xhur ta’ leave parentali fil-bidu tas-sena skolastika 2016/2017 kienet ġiet invokata u l-kap tad-dipartiment ippreċiżat li kien preferibbli, fl-interess tas-servizz, li l-leave parentali tar-rikorrenti jestendi fuq perijodu ta’ xahrejn jew tlieta jekk kien ser ikun fil-bidu tas-sena skolastika. Fil-fatt, tali approċċ kien jippermetti lil edukatur ta’ sostituzzjoni jistabbilixxi stabbiltà u ritmu tajjeb fil-grupp sabiex tiġi ffaċilitata r-reintegrazzjoni tar-rikorrenti fil-funzjonijiet tagħha iktar tard fis-sena skolastika. |
|
136 |
Imbagħad, fil‑25 ta’ April 2016, jiġifieri inqas minn xahar wara l-istabbiliment tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2015, li fih ir-rikorrenti kienet ġiet mitluba tippjana suffiċjentement minn qabel il-leave parentali tagħha, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal leave parentali għall-perijodu ta’ bejn il‑15 ta’ Ġunju sal‑15 ta’ Settembru 2016. |
|
137 |
It-tieni, ma huwiex ikkontestat li fl‑20 ta’ Mejju 2016, jiġifieri kważi xahar wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal leave parentali tar-rikorrenti, il-kap tad-dipartiment ċaħdet din l-applikazzjoni parzjalment, sa fejn kienet tirrigwarda l-perijodu ta’ bejn il‑15 ta’ Ġunju u l‑14 ta’ Lulju 2016. |
|
138 |
Fil‑25 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti, li fil-frattemp kienet talbet l-estensjoni tal-leave parentali tagħha, sostniet l-applikazzjoni tagħha intiża għall-għoti ta’ leave parentali għall-perijodu ta’ bejn l‑1 u l‑15 ta’ Lulju 2016. |
|
139 |
Fl-aħħar nett, permezz ta’ posta elettronika tas‑26 ta’ Mejju 2016, is-superjuri diretta tar-rikorrenti aċċettat l-estensjoni tal-leave parentali tar-rikorrenti sal‑14 ta’ Novembru 2016, filwaqt li żammet ir-rifjut tagħha li tagħtiha leave parentali għall-perijodu ta’ bejn l‑1 u l‑15 ta’ Lulju 2016, għall-motivi, minn naħa, tan-natura tardiva tal-applikazzjoni tagħha, u min-naħa l-oħra, tal-ippjanar tal-leave tal-kollegi tagħha. B’mod partikolari, is-superjuri diretta tar-rikorrenti ppreċiżat li hija kellha tirrifjuta applikazzjonijiet għal leave oħra għall-ewwel ħmistax tax-xahar ta’ Lulju 2016 sa fejn dan il-perijodu kien mimli mill-perspettiva tan-numru ta’ tfal irreġistrati u l-persunal edukattiv permanenti ma kienx suffiċjenti sabiex jiżgura li t-tfal jintlaqgħu f’sigurtà sħiħa. |
|
140 |
Għalhekk, minkejja li miċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, kif imsemmija fil-punti 134 sa 139 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-applikazzjoni inizjali għal leave parentali ppreżentata mir-rikorrenti kienet timplika l-assenza tagħha mis-servizz matul l-ewwel ħmistax tax-xahar ta’ Settembru, u mhux matul xahrejn jew tliet xhur fil-bidu tas-sena skolastika, kif kienet uriet ix-xewqa l-kap tad-dipartiment, madankollu, ma jidhirx, li r-rikorrenti wriet komunikazzjoni in mala fide fil-konfront tal-kap tad-dipartimenti tagħha waqt il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħha għal leave parentali. |
|
141 |
Mill-banda l-oħra, l-imsemmija ċirkustanzi u l-kronoloġija tagħhom juru li l-AHCC ikkunsidrat li n-nuqqas ta’ osservanza tal-linji gwida tal-kap tad-dipartiment dwar il-leave parentali tar-rikorrenti kien juri n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tas-servizz min-naħa ta’ din tal-aħħar u kien jikkaratterizza aġir li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, flimkien ma’ elementi oħra, għall-finijiet ta’ tkeċċija minħabba inkompetenza professjonali. |
|
142 |
Madankollu, minkejja li kien possibbli li l-AHCC tiċħad l-applikazzjoni għal leave parentali ppreżentata mir-rikorrenti għall-motiv li d-dati previsti għat-tul ta’ dan il-leave kienu inkompatibbli mal-ħtiġijiet tas-servizz, l-AHCC ma setgħetx tinvoka d-dati tal-leave parentali mitluba mir-rikorrenti fil‑25 ta’ April 2016 bħala li jikkostitwixxu wieħed mill-motivi ta’ tkeċċija minħabba inkompetenza professjonali, mingħajr ma tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri fid-dawl tar-rekwiżiti minimi kontenuti fil-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas, li jiżguraw id-dritt tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal li jitlob il-benefiċċju tal-leave parentali. |
|
143 |
Għaldaqstant, it-tieni lment ta’ din il-parti, għandu jiġi milqugħ. |
|
144 |
Madankollu, l-illegalità kkonstatata fil-punt 142 iktar ’il fuq ma tistax twassal, waħedha, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
145 |
Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, fil-każ ta’ diversi motivi, anki jekk wieħed jew iktar mill-motivi tal-att ikkontestat ma huwiex fondat, dan il-vizzju ma jistax iwassal għall-annullament ta’ dan l-att jekk motiv wieħed jew iktar ikun suffiċjenti sabiex jiġġustifika legalment l-imsemmi att, irrispettivament mill-motivi vvizzjati minn illegalità (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2019, Pethke vs EUIPO, T‑169/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:135, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑23 ta’ Settembru 2020, VE vs AEMF, T‑77/18 u T‑567/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:420, punt 213 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
146 |
F’dan il-każ, peress li l-konstatazzjoni globali tal-inkompetenza professjonali tar-rikorrenti hija bbażata fuq diversi motivi, li huma distinti mill-motiv li jirrigwarda d-dati li hija għażlet fl-applikazzjoni tagħha għal leave parentali tal‑25 ta’ April 2016, għandha tiġi eżaminata t-tieni parti tat-tielet motiv u l-motivi l-oħra invokati. |
b) Fuq it‑tieni parti tat‑tielet motiv, ibbażata fuq żball ta’ liġi li jirriżulta min‑nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar‑rekwiżiti minimi kontenuti fl‑Artikolu 7 tad‑Direttiva 2002/14/KE u fuq il‑ksur tal‑projbizzjoni tar‑reat ta’ ostakolu
|
147 |
Din il-parti tinkludi żewġ ilmenti, ibbażati, l-ewwel, fuq żball ta’ liġi li jirriżulta min-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni, tar-rekwiżiti minimi kontenuti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 219), u t-tieni, fuq ksur tar-regola li tipprojbixxi r-reat ta’ ostakolu. |
1) Fuq it‑teħid inkunsiderazzjoni tar‑rekwiżiti minimi kontenuti fl‑Artikolu 7 tad‑Direttiva 2002/14 waqt l‑adozzjoni mill‑awtorità kompetenti ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba inkompetenza professjonali abbażi tal‑Artikolu 47(c)(i) tal‑Kondizzjonijiet tal‑Impjieg
|
148 |
Ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li billi adottat id-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi, peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti minimi kontenuti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14 għar-raġuni li hija tkeċċiet waqt li kienet tokkupa funzjonijiet sindakali fiċ-CLP. |
|
149 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti. |
|
150 |
Kif jirriżulta mill-punti 80 u 81 iktar ’il fuq, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tagħti privileġġ lil interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg li tippermetti li tiġi żgurata l-konformità ta’ dawn tal-aħħar mal-prinċipji tad-dritt soċjali tal-Unjoni llum espressament stabbiliti mill-Karta u li tippermetti l-integrazzjoni fir-Regolamenti tal-Persunal u fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tas-sustanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt derivat tal-Unjoni li jikkostitwixxu regoli ta’ protezzjoni minima sabiex, jekk ikun il-każ, jiġu kkompletati d-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
151 |
Issa, l-Artikolu 27 tal-Karta, intitolat “Id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża”, jipprevedi li l-ħaddiema għandhom jiġu żgurati, f’livelli differenti, informazzjoni u konsultazzjoni fil-każijiet u l-kundizzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mil-leġiżlazzjonijiet u prattiċi nazzjonali. |
|
152 |
Skont l-ispjegazzjonijiet, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 27 tal-Karta, din id-dispożizzjoni kienet ippreċiżata mid-Direttiva 2002/14. |
|
153 |
Għalhekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-istabbiliment mid-Direttiva 2002/14 ta’ qafas ġenerali għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 27 tal-Karta li huma imposti fuq l-istituzzjonijiet (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, TAO‑AFI u SFIE‑PE vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑456/14, EU:T:2016:493, punt 76). |
|
154 |
B’mod iktar preċiż, mill-Artikolu 1(1), mill-Artikolu 2(f) u (g), u mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14 jirriżulta li, minn naħa, dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu rekwiżiti minimi għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-iktar favorevoli għall-ħaddiema, u min-naħa l-oħra, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema huma organizzati permezz tar-rappreżentanti tal-persunal previsti mil-leġiżlazzjoni, mir-regolamenti jew mill-prattiki applikabbli (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, TAO‑AFI u SFIE‑PE vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑456/14, EU:T:2016:493, punt 80). |
|
155 |
Issa, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kumitat tal-Persunal “għandu jirrappreżenta l-interessi tal-persunal rigward l-istituzzjoni tagħhom u jżomm kuntatt kontinwu bejn l-istituzzjoni u l-persunal”. Dan “għandu jikkontribwixxi għall-operazzjoni tajba tas-servizz billi jipprovdi mezz ta’ espressjoni ta’ l-opinjoni tal-persunal”. |
|
156 |
Minn dan isegwi li hija l-Kummissjoni li għandha tapplika r-rekwiżiti minimi li jirrigwardaw l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema previsti mid-Direttiva 2002/14 għall-Kumitat tal-Persunal tagħha u għall-membri ta’ din l-istanza rappreżentattiva. |
|
157 |
F’dan il-każ, mill-proċess ma jirriżultax li fid-data tat-tkeċċija tagħha, ir-rikorrenti ma kellhiex iktar il-kwalità ta’ membru taċ-CLP u taċ-CCP. Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha raġun issostni, fil-kuntest tal-ewwel ilment ta’ din il-parti, li waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, meħuda abbażi tal-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti minimi previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14. |
2) Fuq il‑fondatezza tal‑ewwel ilment
|
158 |
Skont il-ġurisprudenza, it-tkeċċija ta’ rappreżentant tal-ħaddiema mmotivata mill-kwalità tiegħu jew mill-funzjonijiet tiegħu bħala rappreżentant, ma hijiex kompatibbli mal-protezzjoni meħtieġa mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14 (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2010, Ingeniørforeningen i Danmark, C‑405/08, EU:C:2010:69, punt 58). |
|
159 |
Rappreżentant tal-ħaddiema li jkun suġġett għal deċiżjoni ta’ tkeċċija mix-xogħol għandu għaldaqstant ikun kapaċi jivverifika, fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji xierqa, li din id-deċiżjoni ma hijiex immotivata mill-kwalità tiegħu jew mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bħala rappreżentant, u għandhom japplikaw is-sanzjonijiet adatti fil-każ li tinstab relazzjoni bejn l-imsemmija kwalità jew funzjonijiet u l-miżura ta’ tkeċċija meħuda kontra dan ir-rappreżentant (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2010, Ingeniørforeningen i Danmark, C‑405/08, EU:C:2010:69, punt 59). |
|
160 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-Unjoni, għandu barra minn hekk, jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li “[l]-uffiċjali għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw id-dritt ta’ assoċjazzjoni; huma jistgħu partikolarment ikunu membri ta’ trade unions jew assoċjazzjonijiet tal-persunal ta’ l-uffiċjali Ewropej”. Fil-fatt, huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li ma għandhom jagħmlu xejn li jostakola l-libertà ta’ sħubija f’sindakat rrikonoxxuta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal (ara b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 1990, Maurissen u Union syndicale vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, C‑193/87 u C‑194/87, EU:C:1990:18, punt 12). |
|
161 |
Il-libertà ta’ sħubija f’sindakat hekk irrikonoxxuta lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tal-Unjoni timplika d-dritt, għall-organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali (iktar ’il quddiem l-“OSP”), li jwettqu kwalunkwe attività legali fid-difiża tal-interessi professjonali tal-membri tagħhom (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 1990, Maurissen u Union syndicale vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, C‑193/87 u C‑194/87, EU:C:1990:18, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
162 |
Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jaċċettaw li l-OSP jeżerċitaw il-missjonijiet tagħhom ta’ rappreżentazzjoni u ta’ ftehim fuq il-materji kollha li jinteressaw lill-persunal, u min-naħa l-oħra, li ma jistgħux jippenalizzaw bi kwalunkwe mod l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal minħabba l-attivitajiet sindakali tagħhom (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 1990, Maurissen u Union syndicale vs Il-Qorti tal-Awdituri, C‑193/87 u C‑194/87, EU:C:1990:18, punti 14 u 15). |
|
163 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi evalwata l-fondatezza tal-ewwel ilment ta’ din il-parti. |
|
164 |
Fl-ewwel lok, ma jirriżultax la mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas mill-annessi tal-proċess li din id-deċiżjoni kienet ibbażata biss fuq il-kwalità ta’ membru taċ-CCP u taċ-CLP li r-rikorrenti kellha sa mit‑13 ta’ Mejju 2014, irrispettivament mill-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet ta’ rappreżentazzjoni tal-persunal, jew b’mod iktar wiesa’, mill-attivitajiet sindakali tagħha. |
|
165 |
Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix motiv li permezz tiegħu l-AHCC ikkunsidrat li l-mod kif ir-rikorrenti eżerċitat, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-funzjonijiet tagħha ta’ rappreżentanta tal-persunal, jew b’mod iktar wiesa’, l-attivitajiet sindakali tagħha kien jikkaratterizza aġir ta’ natura li tiġġustifika x-xoljiment tal-kuntratt tagħha minħabba inkompetenza professjonali. |
|
166 |
Barra minn hekk, mid-dibattiti waqt is-seduta jirriżulta li, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt, ir-rikorrenti kkonfermat li hija kienet waqfet tipparteċipa fl-attivitajiet taċ-CLP u taċ-CCP sa minn meta ħarġet bil-leave parentali fil‑15 ta’ Lulju 2016 u li hija kellha tiġi ssostitwita fi ħdan iċ-CCP u ċ-CLP minn membru supplenti. |
|
167 |
Għalhekk, il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx għadha teżerċita iktar b’mod effettiv il-funzjonijiet tagħha ta’ rappreżentanta tal-persunal, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxi indizju li l-imsemmija deċiżjoni ma hijiex ibbażata fuq l-eżerċizzju mir-rikorrenti, f’dik id-data, tal-imsemmija funzjonijiet. |
|
168 |
Fit-tielet lok, huwa minnu li wieħed mill-motivi li wassal lill-AHCC tkeċċi lir-rikorrenti minħabba inkompetenza professjonali jikkonsisti fin-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tas-servizz waqt l-ippjanar ta’ attivitajiet marbuta mal-mandat tagħha ta’ rappreżentanta tal-persunal, matul is-snin 2014 u 2016. |
|
169 |
B’mod partikolari, mill-punti 41 u 42 iktar ’il fuq jirriżulta li l-AHCC ikkritikat lir-rikorrenti, fir-rigward tas-sena 2014, li kienet informat tard lis-superjuri tagħha bil-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat taċ-CCP u taċ-CLP, u kultant, li ma kinitx informat lill-kollegi tagħha bil-parteċipazzjoni tagħha f’dawn il-laqgħat. Barra minn hekk, mill-punt 47 iktar ’il fuq, jirriżulta li fir-rigward tas-sena 2016, l-AHCC ikkritikat lir-rikorrenti li informat tard lis-superjuri diretti tagħha bil-parteċipazzjoni tagħha f’ċerti laqgħat taċ-CCP u li ma kinitx informat lill-kollegi tagħha, jew kultant, tard. |
|
170 |
Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk l-awtorità kompetenti setgħetx tibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq tali motiv mingħajr ma tikser l-obbligu li hija għandha li tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti minimi previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14. |
|
171 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li l-uffiċjali maħtura, b’mod partikolari, mill-membri tal-Kumitat tal-Persunal jitqiesu parti mis-servizzi li għandhom jiżguraw fl-istituzzjoni tagħhom. Għalhekk, l-istituzzjonijiet għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiżguraw l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ta’ rappreżentazzjoni tal-persunal, u f’dan ir-rigward, l-uffiċjali ma jistgħux iġarrbu dannu minħabba l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet fl-organi ta’ rappreżentazzjoni tal-persunal (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 1996, Maurissen vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑192/94, EU:T:1996:133, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
172 |
Bl-istess mod, is-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa intiż, permezz tat-tieni sentenza tiegħu, sabiex jissalvagwardja d-drittijiet, b’mod partikolari, tal-membri tal-Kumitat tal-Persunal, billi jipproteġihom minn kwalunkwe preġudizzju li huma jistgħu jsofru minħabba l-attivitajiet tagħhom ta’ rappreżentazzjoni statutorja tal-persunal. Din hija b’mod partikolari r-raġuni li għaliha l-attivitajiet ta’ rappreżentazzjoni tal-persunal għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-istabbiliment tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal ikkonċernati (sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 1996, Maurissen vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑192/94, EU:T:1996:133, punt 41, u tal‑5 ta’ Novembru 2003, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, T‑326/01, EU:T:2003:291, punt 49). Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni hija intiża, permezz tal-ewwel sentenza tagħha, sabiex tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali fir-rappreżentazzjoni tal-persunal tal-istituzzjoni tagħhom, billi tippermettilhom, b’mod partikolari, li jipparteċipaw fiha fil-kuntest tal-ħin tax-xogħol normalment allokat għas-servizzi li huma għandhom jipprovdu fl-istituzzjoni tagħhom, u mhux barra minnu (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, T‑364/09 P, EU:T:2010:539, punt 23), jew fil-kuntest ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ OSP, li jimplika eżenzjoni, parzjali jew totali, mix-xogħol fis-servizzi tal-istituzzjoni. |
|
173 |
Madankollu, uffiċjal jew membru tal-persunal li jibbenefika minn kollokament sindakali ta’ iktar minn 50 % għandu, skont l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, jikseb awtorizzazzjoni minn qabel mis-superjuri diretti tiegħu sabiex ikun assenti mis-servizz u jipparteċipa fil-laqgħat li għalihom jissejjaħ minħabba l-mandat sindakali tiegħu ta’ rappreżentant tal-persunal. Fil-fatt, l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel previst fl-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal jirrikonoxxi deroga biss fil-każ ta’ mard jew inċident, u mhux fil-każ ta’ parteċipazzjoni fir-rappreżentazzjoni sindakali tal-persunal jew fil-laqgħat ta’ istanza rappreżentattiva bħaċ-CCP jew iċ-CLP (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, T‑52/10 P, EU:T:2010:543, punt 30). |
|
174 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-punt 3.1 tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni C (2011) 3588 final tal-Kummissjoni, datata 27 ta’ Mejju 2011 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni C (2011) 3588”) jobbliga lir-rikorrenti tinforma lis-superjuri tagħha “fi żmien xieraq” bis-sejħiet tagħha għal-laqgħat taċ-CCP u taċ-CLP, u l-awtorità superjuri tista’, jekk ikun il-każ, tirrifjuta l-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata f’dawn il-laqgħat permezz ta’ deċiżjoni bil-miktub u mmotivata. |
|
175 |
Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata setgħet, mingħajr ma tikser ir-rekwiżiti minimi tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14, tibbaża fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza mir-rikorrenti tal-obbligu li tinforma lis-superjuri tagħha fi żmien xieraq, qabel il-laqgħat taċ-CLP u taċ-CCP li tagħhom hija kienet membru, bil-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat, peress li tali motiv ma huwiex ibbażat fuq l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha ta’ rappreżentanta tal-persunal, iżda fuq in-nuqqas ta’ osservanza mir-rikorrenti tal-kundizzjonijiet ta’ organizzazzjoni tas-servizz neċessarji għall-eżerċizzju tal-mandat li hija kellha. |
|
176 |
Għaldaqstant, l-ewwel ilment ta’ din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
3) Fuq it‑tieni lment
|
177 |
Ir-rikorrenti ssostni li permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret ir-regola li tipprojbixxi r-reat ta’ ostakolu. [omissis] |
3. Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ fatt
[omissis]
a) Fuq il‑livell ta’ stħarriġ tal‑qorti tal‑Unjoni
|
184 |
Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat il-livell ta’ stħarriġ li l-Qorti Ġenerali għandha teżerċita meta tkun adita bil-legalità ta’ deċiżjoni dwar tkeċċija ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt minħabba l-inkompetenza professjonali tiegħu. |
|
185 |
Fil-fatt, ir-rikorrenti ssostni li l-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-istħarriġ tal-Unjoni dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet ta’ tkeċċija ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal minħabba inkompetenza professjonali huwa limitat għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, tmur kontra l-Artikolu 30 tal-Karta, li jirrigwarda l-protezzjoni mit-tkeċċija inġusta. Barra minn hekk, hija targumenta li l-oneru tal-prova tal-legalità ta’ deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata għandha tkun fuq il-persuna li timpjega, inkella l-Artikolu 30 tal-Karta jitlef il-portata utli tiegħu kollha. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, waqt l-evalwazzjoni tal-oneru tal-prova, iż-żmien anormalment twil tal-proċedura ġudizzjarja, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). |
|
186 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà u l-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti. |
|
187 |
F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li peress li fir-rigward tax-xoljiment ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt għal żmien indeterminat, l-AHCC għandha, skont l-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u f’osservanza tal-avviż tat-temm ta’ impjieg previst fil-kuntratt, setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu, għalhekk, ikun limitat għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest jew ta’ użu ħażin ta’ poter (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 1981, de Briey vs Il‑Kummissjoni, 25/80, EU:C:1981:56, punt 7; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2022, YF vs AECP, T‑664/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:425, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
188 |
Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-kompetenza professjonali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni taqa’ primarjament taħt l-imsemmija istituzzjonijiet (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 1955, Kergall vs Assemblée commune, 1/55, EU:C:1955:9, p. 23). |
|
189 |
F’dan il-kuntest, żball jista’ biss jiġi kklassifikat bħala manifest meta dan ikun jista’ jintwera b’mod evidenti, fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur ried jissuġġetta l-eżerċizzju mill-amministrazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq l-iżball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-provi pprodotti mir-rikorrenti, l-evalwazzjoni kkontestata tista’ tibqa’ tiġi aċċettata bħala ġustifikata u koerenti (ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 2019, Fleig vs SEAE, T‑492/17, EU:T:2019:211, punt 55 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
190 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u, għalhekk, jipproduċu effetti legali sakemm ma jkunux ġew irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
191 |
Għalhekk, mill-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirriżulta li huwa l-membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija u li jippreżenta rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni li għandu juri l-illegalità ta’ tali deċiżjoni. |
|
192 |
Issa, l-Artikolu 30 tal-Karta ma huwiex ta’ natura li tikkontesta l-prinċipji u l-ġurisprudenza ċċitati fil-punti 187 sa 191 iktar ’il fuq. |
|
193 |
L-ewwel, mill-Artikolu 30 tal-Karta li jipprovdi li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għall-protezzjoni kontra tkeċċija inġusta, skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”, jirriżulta li l-formulazzjoni tiegħu ma tistabbilixxix obbligi preċiżi (sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2013, ETF vs Schuerings, T‑107/11 P, EU:T:2013:624, punt 100). Għalhekk, l-Artikolu 30 tal-Karta ma jistabbilixxi ebda regola ta’ natura li tikkontesta l-istħarriġ ristrett għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li twettaq il-Qorti Ġenerali meta tiġi adita bil-legalità tad-deċiżjoni ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt għal żmien indeterminat. |
|
194 |
It-tieni, l-istess japplika għall-punt 24 tal-Parti I tal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit‑18 ta’ Ottubru 1961, kif riveduta, li minnu, skont l-ispjegazzjonijiet fir-rigward tal-Artikolu 30 tal-Karta, l-imsemmi artikolu huwa ispirat, u li jipprovdi li “[l]-ħaddiema kollha għandhom id-dritt għal protezzjoni fil-każ ta’ tkeċċija”. |
|
195 |
It-tielet, l-ispjegazzjonijiet, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 30 tal-Karta, isemmu speċifikament id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98), kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE tal‑20 ta’ Ottubru 1980 dwar it-taqrib tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1 p. 217). Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li l-Artikolu 30 tal-Karta jista’ jiġi interpretat bħala li jagħti protezzjoni partikolari lill-ħaddiema mkeċċija b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt derivat tal-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma taqax taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet. |
|
196 |
Għaldaqstant, mill-Artikolu 30 tal-Karta ma jistax jiġi dedott obbligu tal-Qorti Ġenerali, meta jkollha tevalwa l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt minħabba inkompetenza professjonali, li teżerċita stħarriġ iktar preċiż minn dak tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, u lanqas obbligu li timponi fuq l-istituzzjoni kkonċernata l-oneru tal-prova tal-legalità ta’ tali deċiżjoni. |
|
197 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li għalkemm, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u għalkemm l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li d-drittijiet previsti fiha li jikkorrispondu għal drittijiet sanċiti mill-KEDB għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar ma hijiex, minħabba li l-Unjoni ma aderixxietx magħha, strument legali li jagħmel formalment parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Silver Plastics u Johannes Reifenhäuser vs Il‑Kummissjoni, C‑702/19 P, EU:C:2020:857, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
198 |
F’dan ir-rigward, sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet sanċiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza meħtieġa bejn id-drittijiet inklużi fiha u d-drittijiet korrispondenti sanċiti mill-KEDB, “u dan mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”. Skont l-ispjegazzjonijiet, għal dak li jirrigwarda t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Silver Plastics u Johannes Reifenhäuser vs Il‑Kummissjoni, C‑702/19 P, EU:C:2020:857, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
199 |
Għalhekk, l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB għandu jinftiehem bħala li huwa intiż sabiex jargumenta, essenzjalment, li billi tapplika stħarriġ ristrett għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni waqt l-eżami, wara r-rinviju tal-kawża mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, waqt li l-proċedura ġudizzjarja ma osservatx ir-regola tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza minħabba ż-żmien anormalment twil tagħha, il-Qorti Ġenerali tikser id-dritt għal smigħ xieraq stabbilit, b’mod partikolari, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
200 |
Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li eventwali ksur, minn qorti tal-Unjoni, tal-obbligu tagħha li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta li tiddeċiedi l-kawżi mressqa quddiemha f’terminu raġonevoli, għandu jiġi ssanzjonat permezz ta’ rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li tali rikors jikkostitwixxi rimedju effettiv (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, L‑Unjoni Ewropea vs Kendrion, C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
201 |
Barra minn hekk, fil-każ li l-Qorti Ġenerali, li jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 256(1) TFUE, tkun adita b’tali talba għall-kumpens, hija obbligata li tagħti deċiżjoni fuq din it-talba f’kompożizzjoni differenti minn dik li biha tkun ħadet konjizzjoni tal-kawża li tat lok għall-proċedura li t-tul tagħha huwa kkritikat (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trafilerie Meridionali vs Il‑Kummissjoni, C‑519/15 P, EU:C:2016:682, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
202 |
Għalhekk, mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fil-punti 200 u 201 jirriżulta li, waqt l-eżami ta’ talbiet għall-annullament flimkien, jekk ikun il-każ, ma’ talbiet għall-kumpens, wara r-rinviju ta’ kawża mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-kompożizzjoni ġudizzjarja tal-Qorti Ġenerali responsabbli mid-deċiżjoni dwar dawn it-talbiet ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa t-tul possibbilment eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja, u għaldaqstant, ma tistax tipprova tirrimedjah, b’mod partikolari billi tibdel l-estensjoni tal-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tal-motivi tad-deċiżjoni li l-annullament tagħha huwa mitlub. |
|
203 |
Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti mfakkar fil-punt 185 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud, mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni. |
b) Fuq l‑ewwel parti tar‑raba’ motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l‑motiv ibbażat fuq it‑talba mgħaġġla tar‑rikorrenti intiża għall‑irtirar ta’ awtorizzazzjoni sabiex teżerċita l‑funzjonijiet tagħha part‑time
|
204 |
Permezz ta’ din il-parti, ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-paġna 2, punt (a) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 ma jistgħux isostnu serjament il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eventwali inkompetenza professjonali tagħha, sa fejn hija esperjenzat diffikultà sabiex tirrikonċilja l-ħajja professjonali tagħha u l-ħajja tal-familja tagħha. |
|
205 |
B’mod partikolari, ir-rikorrenti tindika li, f’April 2014, hija kienet tinsab, wara proċedura ta’ divorzju, fis-sitwazzjoni ta’ ġenitur iżolat bi tlitt itfal dipendenti, b’tali mod li kien leġittimu li tipprova taħdem iktar sabiex tlaħħaq mal-piżijiet tal-familja. Hija ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-irtirar tat-talba tagħha li teżerċita l-funzjonijiet tagħha part-time kienet affettwat l-organizzazzjoni tas-servizz. |
|
206 |
F’dan ir-rigward, fil-paġna 2, punt (a) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, l-AHCC irrilevat li, f’Jannar 2014, it-talba tar-rikorrenti li teżerċita nofs il-ħin tal-funzjonijiet tagħha kienet ġiet aċċettata għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Mejju 2014 sat-tmiem tas-sena skolastika, iżda li madankollu, fl‑24 ta’ April 2014, ir-rikorrenti kienet talbet b’urġenza, għal raġunijiet familjari, il-possibbiltà li tinżamm fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha full-time u li l-ġestjonarju kien għamel l-isforzi neċessarji sabiex jassisti lir-rikorrenti u jaddatta l-organizzazzjoni tas-servizz, b’tali mod li r-rikorrenti setgħet taħdem full-time mill‑15 ta’ Mejju 2014. |
|
207 |
Barra minn hekk, l-AHCC indikat li, fid-dawl tal-wasla tardiva lid-dipartiment tal-ġestjoni tar-riżorsi umani tal-informazzjoni li r-rikorrenti kellha taħdem full-time sa mill‑15 ta’ Mejju 2014, kellhom isiru sforzi anormali sabiex il-ħtiġijiet tas-servizz jiġu addattati għall-bżonnijiet personali tar-rikorrenti. |
|
208 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax ir-riferiment magħmul mill-AHCC, għall-paġna 2 tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, għall-evalwazzjoni kontenuta fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2014, li kienet tipprovdi li hija kienet esperjenzat diffikultà, matul is-sena 2014, sabiex tirrikonċilja l-ħajja professjonali tagħha u l-ħajja personali tagħha, iżda sempliċement il-motiv tad-deċiżjoni kkontestata li jinsab fil-paġna 2 punt (a) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016. Dan il-motiv ma jirrepetix evalwazzjoni kontenuta fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2014. |
|
209 |
Għaldaqstant, l-argument imressaq mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-parti ma jistax jitqies li jikkontesta evalwazzjoni kontenuta fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2014, li l-Kummissjoni tallega li sar definittiv. |
|
210 |
Fir-rigward tal-fondatezza tal-argument imressaq fil-kuntest ta’ din il-parti, l-ewwel, għandu jitfakkar li l-Artikolu 55a tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 16 u 91 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom membru tal-persunal bil-kuntratt jista’ jeżerċita l-attività tiegħu part-time. Il-modalitajiet tal-attività part-time u l-proċedura tal-għoti tal-awtorizzazzjoni huma stabbiliti fl-Anness IVa tar-Regolamenti tal-Persunal, u jekk ikun il-każ, permezz tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni adottati mill-awtorità kompetenti. |
|
211 |
B’mod partikolari, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Anness IVa tar-Regolamenti tal-Persunal, jipprovdi li: “L-Awtorità tal-Ħatra tista’ fuq it-talba ta’ l-uffiċjal ikkonċernat, tirtira l-awtorizzazzjoni qabel jiskadi l-perjodu li ngħatat għalih. Id-data ta’ l-irtirar ma tistax tkun aktar minn xahrejn wara d-data proposta mill-uffiċjal, jew erba’ xhur wara dik id-data jekk ix-xogħol part-time kien awtorizzat għal aktar minn sena.” |
|
212 |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, billi talbet l-irtirar tal-awtorizzazzjoni li teżerċita l-funzjonijiet tagħha part-time qabel l-iskadenza tal-perijodu li għalih kienet ingħatat din l-awtorizzazzjoni, ir-rikorrenti eżerċitat fakultà li kienet espressament mogħtija lilha mir-Regolamenti tal-Persunal. |
|
213 |
It-tieni, ma jirriżultax la mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas mill-annessi tal-proċess li t-terminu li għadda bejn il-preżentazzjoni, fl‑24 ta’ April 2014, tat-talba tar-rikorrenti intiża għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni sabiex teżerċita l-funzjonijiet tagħha part-time, u d-data li fiha ħadet effett din l-awtorizzazzjoni, l‑1 ta’ Mejju 2014, kien jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 55a u tal-Anness IVa tar-Regolamenti tal-Persunal jew il-modalitajiet ta’ applikazzjoni li l-Kummissjoni kienet adottat għall-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
214 |
It-tielet, peress li r-rikorrenti kienet awtorizzata tirritorna għall-funzjonijiet tagħha full-time sa mill‑15 ta’ Mejju 2014, ma jidhirx li l-istabbilimenti mill-ġdid antiċipat tal-funzjonijiet tagħha full-time kien inkompatibbli mal-ħtiġijiet tas-servizz. Barra minn hekk, mill-annessi tal-proċess lanqas jirriżulta li l-indirizzar tat-talba tar-rikorrenti kien jeħtieġ li jsiru sforzi anormali min-naħa tad-dipartimenti kompetenti. |
|
215 |
Ir-raba’, ma huwiex ikkontestat li t-talba tar-rikorrenti tal‑24 ta’ April 2014 intiża għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha full-time saret wara proċedura ta’ divorzju li kienet mibdija matul l-istess xahar u li kellha l-effett li tqegħedha fis-sitwazzjoni ta’ ġenitur iżolat bi tlitt itfal dipendenti. Għalhekk, minkejja li din it-talba mgħaġġla kienet ibbażata fuq raġunijiet privati, dawn kienu madankollu ta’ natura serja u leġittima. |
|
216 |
Il-ħames, mill-proċess jirriżulta li, bi tweġiba għall-argument tar-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat biss li, sabiex tiffaċilita r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u tal-ħajja personali tar-rikorrenti, din setgħet tieħu leave parentali u tibbenefika minn organizzazzjoni tal-ħin meta hija kienet eżerċitat il-funzjonijiet tagħha part-time għal raġunijiet ta’ mard, f’Novembru u Diċembru 2014. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li l-amministrazzjoni ma kinitx ikkritikat lir-rikorrenti għax talbet l-aġġustament tal-ħin tax-xogħol tagħha skont il-bżonnijiet tagħha. |
|
217 |
B’hekk, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx in-natura ġustifikata u koerenti tal-evalwazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata u li tipprovdi li t-talba tar-rikorrenti tal‑24 ta’ April 2014 intiża għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni sabiex teżerċita l-funzjonijiet tagħha part-time kienet turi d-diffikultà tagħha sabiex tirrikonċilja l-ħajja professjonali tagħha u l-ħajja personali tagħha, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, imfakkra fil-punti 210 sa 215 iktar ’il fuq, li fihom kienet tressqet tali talba. |
|
218 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti għandha raġun issostni li, billi bbażat fuq il-motiv li jinsab fil-paġna 2, punt (a) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, sabiex tikkunsidra li hija kienet esperjenzat diffikultà sabiex tirrikonċilja l-ħajja professjonali tagħha u l-ħajja tal-familja tagħha, il-Kummissjoni vvizzjat id-deċiżjoni kkontestata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
c) Fuq it‑tieni parti tar‑raba’ motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l‑motiv dwar l‑assenzi allegatament irregolari tar‑rikorrenti
|
219 |
Permezz ta’ din il-parti, ir-rikorrenti targumenta żewġ ilmenti, ibbażati, l-ewwel, fuq in-natura tardiva u żleali tal-motiv tad-deċiżjoni kkontestata bbażat fuq l-assenzi allegatament irregolari tagħha fl‑2014, u t-tieni, fuq in-natura infondata ta’ dan il-motiv li jirrigwarda l-assenzi tagħha tas‑7 ta’ Mejju 2014, tas‑16 u 18 ta’ Ġunju 2014 kif ukoll tat‑30 u 31 ta’ Mejju 2016. |
|
220 |
Il-Kummissjoni ssostni li din il-parti hija inammissibbli, minħabba n-nuqqas tar-rikorrenti li tqajjimha fl-ilment preliminari u tikkontesta d-deċiżjonijiet li jikkonstataw in-natura irregolari tal-assenzi tagħha fit-termini previsti mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg. |
|
221 |
F’dan ir-rigward, fil-paġna 2, punt (b) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, l-AHCC irrilevat li r-rikorrenti kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ assenza inġustifikata fis‑7 ta’ Mejju u fis‑16 ta’ Ġunju 2014, imbagħad, fil-paġna 2, punt (d) tal-imsemmija ittra, fit‑18 ta’ Ġunju 2014. Fl-aħħar nett, fil-paġna 5, punt (e), tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, l-AHCC ibbażat ruħha wkoll fuq l-assenza inġustifikata tar-rikorrenti fit‑30 u 31 ta’ Mejju 2016. |
|
222 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt ibbażata fuq l-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, li hija essenzjalment, il-konsegwenza tal-inkompetenza professjonali kkritikata lill-persuna kkonċernata, tista’ tkun iġġustifikata b’riferiment għal serje ta’ fatti materjali preċiżi u konkordanti, jekk ikun il-każ sostnuti minn diversi rapporti annwali ta’ evalwazzjoni li juri prestazzjoni insodisfaċenti, filwaqt li, meħuda b’mod iżolat, dawn il-fatti ma jidhrux li huma ta’ tali gravità li jiġġustifikaw tali miżura (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2022, YF vs AECP, T‑664/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:425, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
223 |
Fil-fatt, l-inkompetenza professjonali ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt għandha tkun evalwata b’mod partikolari fid-dawl tal-kompetenza, tal-effiċjenza u tal-kondotta fis-servizz tiegħu (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 1980, Vecchioli vs Il‑Kummissjoni, 101/79, EU:C:1980:243, punt 7). |
|
224 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-uffiċjali, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, jipprevedi li, jekk ħames rapporti annwali konsekuttivi juru prestazzjoni insodisfaċenti min-naħa ta’ uffiċjal, dan għandu jitkeċċa. |
|
225 |
Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, meta l-awtorità li għandha s-setgħa li taħtar tiddeċiedi li tkeċċi uffiċjal minħabba inkompetenza professjonali, hija tista’ tibbaża ruħha fuq fatti ta’ natura li jistabbilixxu tali inkompetenza matul l-aħħar ħames snin preċedenti għad-deċiżjoni ta’ tkeċċija. |
|
226 |
Issa, għalkemm għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 51 tar-Regolamenti tal-Persunal ma japplikax, lanqas b’analoġija, għall-membri tal-persunal bil-kuntratt jew temporanji, dawn ma jistgħux jitqiegħdu, fir-rigward tal-proċeduri dwar l-inkompetenza professjonali previsti mir-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik tal-uffiċjali. |
|
227 |
Fil-fatt, anki jekk il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat huma differenti, mill-angolu tas-sigurtà tal-impjieg, mill-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, ma jistax jiġi miċħud li l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku tal-Unjoni impjegati abbażi ta’ kuntratt għal żmien indeterminat ma jistgħux jinjoraw in-natura temporanja tal-impjieg tagħhom u l-fatt li dan ma jagħtix garanzija ta’ impjieg (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2022, YF vs AECP, T‑664/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:425, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
228 |
Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 222 u 227 iktar ’il fuq jirriżulta li huwa possibbli li l-AHCC tibbaża deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba inkompetenza professjonali ta’ membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt fuq fatti kkonstatati, bħal f’dan il-każ, matul it-tliet snin ta’ qabel l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni. |
|
229 |
Minn dan isegwi li l-ewwel ilment ta’ din il-parti għandu jiġi miċħud, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati ż-żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u mfakkra fil-punt 220 iktar ’il fuq. |
|
230 |
Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati ż-żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-konfront tat-tieni lment ta’ din il-parti. |
|
231 |
L-ewwel, skont il-ġurisprudenza, ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment, fis-sens tal-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u r-rikors sussegwenti teħtieġ, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li motiv imqajjem quddiem il-qorti tal-Unjoni jkun diġà tqajjem fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, sabiex l-awtorità kompetenti tkun f’pożizzjoni li tkun taf il-kritika li l-persuna kkonċernata tagħmel fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata. Din ir-regola hija ġġustifikata mill-iskop innifsu tal-proċedura prekontenzjuża, li għandha bħala għan li tippermetti ftehim bonarju tat-tilwim li jirriżulta bejn l-uffiċjali u l-membri tal-persunal temporanji jew bil-kuntratt inkwistjoni, minn naħa, u l-amministrazzjoni, min-naħa l-oħra. Minn dan isegwi li, kif jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita, it-talbiet imressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni jistgħu jinkludu biss kontestazzjonijiet ibbażati fuq l-istess kawża bħal dik li fuqha huma bbażati l-kontestazzjonijiet invokati fl-ilment, filwaqt li huwa ppreċiżat li dawn il-kontestazzjonijiet jistgħu jiġu żviluppati, quddiem il-qorti tal-Unjoni, permezz ta’ preżentazzjoni ta’ motivi u argumenti li ma jinstabux neċessarjament fl-ilment, iżda huma strettament marbutin miegħu (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2022, Zegers vs Il‑Kummissjoni, T‑663/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:589, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
232 |
Issa, fl-ilment preliminari tagħha tas‑17 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti kienet ikkontestat “kategorikament” l-“allegati assenzi inġustifikati” li kienu attribwiti lilha fir-rigward tas-sena 2014 u sostniet li, fi kwalunkwe każ, dawn il-fatti ma kinux jippreżentaw livell ta’ gravità suffiċjenti. Barra minn hekk, hija kienet indikat li l-assenza allegatament inġustifikata mit‑30 ta’ Mejju sal‑1 ta’ Ġunju 2016 ma kinitx stabbilita u kienet kontradetta minn ċertifikati mediċi. |
|
233 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma għandhiex raġun issostni li t-tieni lment ta’ din il-parti jikser ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors li hija mfakkra fil-punt 231 iktar ’il fuq. |
|
234 |
It-tieni, għandu jiġi rrilevat li t-termini tat-talba, tal-ilment u tar-rikors previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal huma ta’ ordni pubbliku u ma humiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti, peress li dawn ġew stabbiliti sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u s-sigurtà ta’ sitwazzjonijiet legali. L-eventwali eċċezzjonijiet jew derogi għal dawn it-termini għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, XH vs Il‑Kummissjoni, T‑511/18, EU:T:2020:291, punt 74 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
235 |
Għalhekk, għalkemm skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kull uffiċjal jew kull membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt jista’ jressaq ilment quddiem l-awtorità kompetenti kontra att li jikkawżalu preġudizzju, madankollu din il-fakultà, ma tippermettix lill-uffiċjal jew lill-membru tal-persunal ikkonċernat jinjora t-termini previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-introduzzjoni ta’ lment jew ta’ rikors, billi jikkontesta indirettament, permezz ta’ talba, deċiżjoni preċedenti li ma kinitx ikkontestata fit-termini. Hija biss l-eżistenza ta’ fatt ġdid u sostantiv li tista’ tiġġustifika l-preżentazzjoni ta’ talba intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni li ma kinitx ikkontestata fit-termini (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2006, V vs Il‑Kummissjoni, T‑200/03 u T‑313/03, EU:T:2006:57, punti 94 u 95 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, XH vs Il‑Kummissjoni, T‑511/18, EU:T:2020:291, punt 75 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
236 |
Madankollu, fl-okkażjoni ta’ rikors kontra att li jikkawżalu preġudizzju, rikorrent huwa ammissibbli, b’mod partikolari fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, li jikkontesta l-konsegwenzi li istituzzjoni siltet minn att preċedenti li kien jikkawżalu preġudizzju wkoll, minkejja li dan sar definittiv u li l-motivi tiegħu ma jistgħux jiġu kkontestati iktar (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, VE vs L‑Awtorità Ewropea tat‑Titoli u s‑Swieq, T‑77/18 u T‑567/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:420, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
237 |
Fir-rigward, qabelxejn, tal-assenzi allegatament inġustifikati tas‑7 ta’ Mejju u tas‑16 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti ssostni li fir-realtà, ġie allegat li hija kienet bagħtet tard ċertifikati mediċi li juru, għal dawn il-jumejn, il-marda serja ta’ wieħed mit-tfal tagħha u li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmi ebda fatt ta’ żmien relattiv għal dan id-dewmien. |
|
238 |
Għalhekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax li kienet bagħtet tard iċ-ċertifikati mediċi li jiġġustifikaw l-assenza tagħha mis-servizz fis‑7 ta’ Mejju u fis‑16 ta’ Ġunju 2014, iżda ssostni, essenzjalment, li l-AHCC ma tistax tibbaża ruħha fuq id-deċiżjoni li tikkonstata l-assenza inġustifikata tagħha waqt dawn il-jumejn mingħajr ma tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
|
239 |
Għaldaqstant, permezz tal-argument tagħha, ir-rikorrenti ma tridx tikkontesta d-deċiżjoni, li saret definittiva, li tikkonstata l-assenzi inġustifikati tagħha tas‑7 ta’ Mejju u tas‑16 ta’ Ġunju 2014, b’tali mod li t-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi eskluża sa fejn din tirrigwarda l-argument tar-rikorrenti dwar l-imsemmija assenzi. |
|
240 |
Imbagħad, fir-rigward tal-assenza allegatament irregolari tat‑18 ta’ Ġunju 2014, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li hija dejjem ipprovdiet ċertifikat mediku fil-każ ta’ assenza minħabba raġunijiet ta’ saħħa, hija ma tindikax il-kawża tal-assenza tagħha mis-servizz dakinhar u ma tirreferi għal ebda dokument ippreżentat fil-proċedura li jista’ jiġġustifika din l-assenza. |
|
241 |
Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jikkontesta d-deċiżjoni li tikkonstata l-assenza irregolari tagħha tat‑18 ta’ Ġunju 2014, b’tali mod li dan l-ilment, sa fejn huwa magħmul kontra l-motiv li jinsab fil-paġna 2, punt (d) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata f’dan ir-rigward, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni. |
|
242 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward, tal-assenza allegatament irregolari tar-rikorrenti tat‑30 u 31 ta’ Mejju 2016, hija ssostni, essenzjalment, li l-AHCC ma setgħetx tibbaża ruħha fuq opinjoni tat-tabib-eżaminatur tas‑27 ta’ Mejju 2016, peress li, fl-okkażjoni ta’ dan l-eżami mediku, it-tabib ma setax jantiċipa d-dħul tagħha fl-emerġenza minħabba disturbi fil-ġilda u fit-tessuti tan-naħa tax-xellug fit‑30 ta’ Mejju 2016. Hija targumenta wkoll li hija pproduċiet dokumenti ta’ sostenn ta’ din l-assenza. |
|
243 |
Issa, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti trid tikkontesta d-deċiżjoni tal‑1 ta’ Ġunju 2016 li permezz tagħha l-AHCC ikkunsidrat li l-assenzi tagħha fit‑30 u 31 ta’ Mejju 2016 kienu inġustifikati għall-motiv li hija ma kinitx irritornat għax-xogħol f’dawk il-ġranet, minkejja opinjoni tat-tabib-eżaminatur tas‑27 ta’ Mejju 2016 li kienet tiddikjara l-kapaċità tagħha li tirritorna għax-xogħol. |
|
244 |
Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li din id-deċiżjoni kienet ġiet innotifikata permezz ta’ posta elettronika lir-rikorrenti fl‑1 ta’ Ġunju 2016. Issa, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 46 tas-sentenza inizjali, ir-rikorrenti ma ppreżentatx ilment, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra din id-deċiżjoni li kienet manifestament tikkawżalha preġudizzju. |
|
245 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tinvokax fatt ġdid u sostantiv li kien jiġġustifika eżami mill-ġdid tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni. |
|
246 |
Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jikkontesta b’mod inċidentali d-deċiżjoni tal‑1 ta’ Ġunju 2016 huwa inammissibbli sa fejn huwa jikkontesta att li sar definittiv. |
|
247 |
Fit-tielet lok, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti dwar il-motiv tad-deċiżjoni kkontestata bbażat fuq l-assenzi tagħha allegatament inġustifikati tas‑7 ta’ Mejju u tas‑16 ta’ Ġunju 2014. |
|
248 |
F’dan ir-rigward, mill-motiv tad-deċiżjoni kkontestata li jinsab fil-paġna 2 punt (b) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 jirriżulta li, fis‑7 u fit‑28 ta’ Frar 2014 kif ukoll fis‑7 ta’ Mejju u fis‑16 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti talbet leave speċjali minħabba l-marda serja ta’ wieħed mit-tfal tagħha. Minnu jirriżulta wkoll li l-AHCC ikkunsidrat li l-assenzi tas‑7 ta’ Mejju u tas‑16 ta’ Ġunju 2014 kienu inġustifikati sa fejn ir-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet id-dokumenti ta’ sostenn xierqa fit-termini meħtieġa. |
|
249 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, li japplika għall-membri tal-persunal bil-kuntratt b’applikazzjoni tal-Artikoli 16 u 91 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, jipprovdi dan li ġej: “Ħlief fil-każ ta’ mard jew inċident, uffiċjal ma jistax ikun assenti mingħajr permess minn qabel tas-superjur tiegħu dirett fuqu. Mingħajr preġudizzju għal xi miżuri dixxiplinari li jistgħu japplikaw, kull assenza mhux awtorizzata li hija stabbilita sew għandha titnaqqas mill-leave ta’ kull sena ta’ l-uffiċjal konċernat. Jekk uża l-leave ta’ xogħol tiegħu, għandu jitlef ir-remunerazzjoni tiegħu għal perjodu ekwivalenti.” |
|
250 |
Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt b’applikazzjoni tal-Artikoli 16 u 91 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, il-membru tal-persunal bil-kuntratt jista’, bħala eċċezzjoni u wara applikazzjoni, jingħata leave speċjali, u r-regoli tal-għoti ta’ dan il-leave huma stabbiliti fl-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
251 |
Għalhekk, l-Artikolu 6 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li, barra l-leave annwali, uffiċjal jista’, wara applikazzjoni, jingħata leave speċjali ta’ mhux iktar minn jumejn għal mard serju ta’ wild u ta’ mhux iktar minn ħamest ijiem għal mard serju ħafna ta’ wild iċċertifikat minn tabib jew jekk wild ta’ tnax‑il sena jew iżgħar jiġi rrikoverat l-isptar. |
|
252 |
F’dan il-każ, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-assenza inġustifikata tar-rikorrenti fis‑7 ta’ Mejju u fis‑16 ta’ Ġunju 2014 tirriżulta biss mid-dewmien tar-rikorrenti sabiex tibgħat ċertifikati mediċi dwar il-marda serja ta’ wieħed mit-tfal tagħha. |
|
253 |
Madankollu, minkejja li huwa minnu li t-terminu meħtieġ f’dan il-każ sabiex tibgħat dawk id-dokumenti kif ukoll it-terminu li fih ir-rikorrenti kkomunikat finalment dawn id-dokumenti ta’ sostenn lill-OIL ma jirriżultawx la mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas mill-annessi tal-proċess, ir-rikorrenti la stabbilixxiet u lanqas allegat li pproduċiet iċ-ċertifikati neċessarji għar-regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni amministrattiva tagħha f’terminu qasir fir-rigward tal-iskadenza li kienet imposta fuqha. |
|
254 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas tat raġunijiet li setgħu, b’mod leġittimu, jispjegaw dan id-dewmien sabiex tibgħat id-dokumenti. |
|
255 |
Issa, in-nuqqas ta’ osservanza, b’mod partikolari b’mod repetut, ta’ terminu impost fuq uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt sabiex jibgħat dokumenti ta’ sostenn ta’ assenza mis-servizz jista’ jirrappreżenta kondotta mhux xierqa min-naħa tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat. |
|
256 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-AHCC wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi rreferiet, waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, għal deċiżjoni preċedenti li tikkonstata l-assenzi irregolari tagħha tas‑7 ta’ Mejju u tas‑16 ta’ Ġunju 2014 minħabba dewmien sabiex tibgħat dokumenti li jistgħu jiġġustifikaw dawn l-assenzi. |
|
257 |
Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud, l-istess bħal din il-parti kollha. |
d) Fuq it‑tielet parti tar‑raba’ motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ fatt li jivvizzjaw il‑motiv dwar l‑involviment tar‑rikorrenti fix‑xogħol tagħha
|
258 |
Permezz ta’ din il-parti, ir-rikorrenti tinvoka tmien ilmenti. L-ewwel, ir-rikorrenti targumenta li l-involviment tagħha fil-gruppi ta’ ħidma matul is-sena 2014 kien irrikonoxxut fir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha rigward din l-istess sena. It-tieni, hija ssostni li, fl‑2015, hija involviet ruħha b’mod sħiħ fil-funzjonijiet tagħha ta’ edukatriċi volatili fiċ-CPE ta’ Mamer u li fit‑22 ta’ April 2015, hija bagħtet l-iskeda ta’ azzjonijiet edukattivi tagħha lil waħda mill-kollegi tagħha. It-tielet, hija targumenta li hija organizzat korsijiet ta’ yoga mat-tfal, minkejja li din l-attività ma kinitx objettiv li kien ġie assenjat lilha formalment. Ir-raba’, ir-rikorrenti tikkontesta n-nuqqas ta’ proattività li ġie allegat lilha fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-gruppi ta’ ħidma, b’mod partikolari, il-grupp ta’ ħidma “Tisjir”. Il-ħames, hija tindika li, fir-rigward tal-grupp ta’ ħidma “Sport”, hija kienet biss supplenti. Is-sitt, ir-rikorrenti tikkontesta li hija bagħtet lis-superjuri diretti tagħha l-ġurnal tal-Milied 2015 f’Lulju 2016. Is-seba’, ir-rikorrenti ssostni li l-pjan ta’ azzjonijiet edukattivi ma kienx neċessarjament ifformalizzat u li ma kienx xieraq li hija tikkomunika tali pjan għall-bidu tas-sena skolastika ta’ Settembru 2016 peress li hija kienet ħierġa bil-leave parentali. It-tmien, ir-rikorrenti targumenta li l-AHCC ikkunsidrat li hija ma kinitx laħqet l-objettivi stabbiliti għas-sena 2016 wara preżenza ta’ xahrejn biss. |
|
259 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti hija prekluża milli tikkritika l-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti ta’ evalwazzjoni 2013, 2014 u 2015 u li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, peress li hija ma kkontestatx dawn ir-rapporti fit-termini previsti mir-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti. |
|
260 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, għandu jsir riferimenti għall-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 235 u 236 iktar ’il fuq. |
|
261 |
F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal ċerti evalwazzjonijiet kontenuti, b’mod partikolari, fir-rapporti ta’ evalwazzjoni 2013, 2014 u 2015 li jirrigwardaw ir-rikorrenti. |
|
262 |
B’mod partikolari, mill-proċess jirriżulta li l-motivi li jinsabu fl-aħħar paragrafu tal-paġna 1 tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 jirreferu għar-rapport ta’ evalwazzjoni 2013. Minnu jirriżulta wkoll li l-motiv dwar id-diffikultà esperjenzata mir-rikorrenti sabiex tirrikonċilja l-ħajja personali tagħha u l-ħajja professjonali tagħha u li jinsab fit-tieni paragrafu tal-paġna 2 tal-istess ittra jirreferi għar-rapport ta’ evalwazzjoni 2014. Fl-aħħar nett, il-motivi li jinsabu fil-paġna 3, punti (a) sa (e) tal-istess ittra jsostnu l-evalwazzjoni kwalitattiva rigward l-effikaċja tar-rikorrenti, li tikkorrispondi għall-punt 3.1 tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2015. |
|
263 |
Issa, permezz tal-argument imressaq fil-kuntest tat-tieni sal-ħames ilment ta’ din il-parti, ir-rikorrenti trid tikkontesta l-kontenut ta’ din l-evalwazzjoni kwalitattiva, u għalhekk, tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2015. |
|
264 |
Madankollu, huwa stabbilit li r-rikorrenti rċeviet notifika tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2015 li jikkonċernaha u li hija ma kkontestatux fit-termini previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li kemm dan ir-rapport kif ukoll l-evalwazzjonijiet kontenuti fih saru definittivi. |
|
265 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma argumentatx l-eżistenza ta’ fatt ġdid u sostantiv sabiex tistabbilixxi li hija ma kinitx prekluża milli tikkontesta r-rapport ta’ evalwazzjoni 2015. |
|
266 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta r-rapport ta’ evalwazzjoni 2015 b’mod inċidentali fil-kuntest ta’ dan ir-rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, li fir-rigward tagħha dan ir-rapport kellu rwol preparatorju. Għalhekk, mit-tieni sal-ħames ilment tat-tielet parti tar-raba’ motiv huma inammissibbli sa fejn jikkontestaw att li sar definittiv. |
|
267 |
Għall-kuntrarju, l-ewwel, is-sitt, is-seba’ u t-tmien ilment ma humiex intiżi sabiex jikkontestaw evalwazzjonijiet kontenuti fir-rapporti ta’ evalwazzjoni 2013, 2014 u 2015. Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda f’dan ir-rigward. |
|
268 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti toqgħod fuq evalwazzjonijiet kontenuti fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2014 dwar l-involviment tagħha fil-gruppi ta’ ħidma “Organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ informazzjoni għall-ġenituri” u “Tisjir”. |
|
269 |
Madankollu, mir-rapporti ta’ evalwazzjoni 2013 u 2015, li għalihom tirreferi d-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li fl‑2013, l-involviment tar-rikorrenti fil-gruppi ta’ ħidma “Tisjir” u “Organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ informazzjoni għall-ġenituri” kien limitat ħafna, u li fl‑2015, l-involviment tagħha fil-gruppi ta’ ħidma “Ġurnal taċ-CPE”, “Tisjir” u “Sport”, kien insuffiċjenti, jew anke ineżistenti. |
|
270 |
Barra minn hekk, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li jinsabu fil-paġna 4 tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, jirriżulta li r-rapport ta’ evalwazzjoni 2015 kien jistabbilixxi b’mod partikolari, bħala objettiv għar-rikorrenti, għas-sena 2016, li turi investiment ikbar fit-twettiq tal-funzjonijiet tal-gruppi ta’ ħidma differenti bħala persuna ta’ kuntatt jew supplenti billi żżomm tabella mensili li tirrapporta l-kummenti jew il-problemi li tiltaqa’ magħhom (fattwali u preċiża), permezz ta’ proposti jew bl-istabbiliment ta’ ppjanar għall-attivitajiet fiżiċi matul il-vaganzi skolastiċi u permezz tal-istabbiliment ta’ rapport annwali tal-grupp ta’ ħidma “Sport”. Madankollu, jirriżulta li ma ġie kkonstatat ebda sinjal ta’ titjib tal-livell ta’ prestazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward ta’ dan l-objettiv li kienet ilha taf bih sa mill‑5 ta’ April 2016. |
|
271 |
Fil-fatt, paġna 4, punt (b) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, l-AHCC ikkunsidrat li fil‑15 ta’ Lulju 2016, qabel ma r-rikorrenti ħarġet bil-leave parentali, l-involviment tagħha fil-funzjonijiet li kellhom gruppi ta’ ħidma differenti li hija kienet parti minnhom kien ikkaratterizzat mill-istess nuqqas ta’ proattività. B’mod partikolari, l-AHCC tikkritika li r-rikorrenti ma ħaditx inizjattiva sabiex tistabbilixxi t-tabella mensili li tirrapporta l-problemi li tiltaqa’ magħhom fil-grupp “Tisjir”, li ma involvietx ruħha b’mod attiv fil-grupp ta’ ħidma “Sport” u li ma pprovdietx il-bilanċi annwali tal-gruppi “Tisjir” u “Ġurnal taċ-CPE” qabel ma ħarġet bil-leave parentali, minkejja talba f’dan is-sens mill-kap tad-dipartiment tagħha datata 26 ta’ Mejju 2016. |
|
272 |
Għalhekk, il-fatt li r-rikorrenti kienet uriet, fl‑2014, l-involviment li kien meħtieġ min-naħa tagħha fil-gruppi ta’ ħidma li tagħhom hija kienet membru, ma kellux effett fuq il-konstatazzjoni li tinsab fil-paġna 1, fil-paġna 3, punt (a) u fil-paġna 4, punt (b) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016. Din il-konstatazzjoni tirrigwarda n-nuqqas ta’ involviment tar-rikorrenti fil-gruppi ta’ ħidma li kienet parti minnhom matul is-snin 2013 u 2015 u fil-perijodu ta’ bejn l‑5 ta’ April u l‑15 ta’ Lulju 2016. |
|
273 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata bbażati fuq in-nuqqas ta’ involviment tagħha fil-gruppi ta’ ħidma li tagħhom kienet membru fl‑2013, fl‑2015 u parti mis-sena 2016 kienu vvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, b’tali mod li dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
274 |
Fit-tielet lok, permezz tas-sitt ilment, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball ta’ fatt peress li hija bagħtet l-abbozz tal-ġurnal tal-Milied 2015 lill-persuni responsabbli mill-konferma ta’ dan l-abbozz fit‑22 ta’ Jannar 2016 u mhux f’Lulju 2016. Hija ppreċiżat li problema teknika hija l-kawża tad-dewmien sabiex tintbagħat il-posta elettronika tagħha li magħha kienet hemżet dan l-abbozz u li d-dewmien għall-pubblikazzjoni tiegħu kien imputabbli lil żewġ kollegi tagħha u lis-superjuri diretti tagħha. |
|
275 |
F’dan ir-rigward, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li jinsabu fil-paġna 4 tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 jirriżulta li r-rapport ta’ evalwazzjoni 2015 kien jistabbilixxi b’mod partikolari bħala objettiv għar-rikorrenti, għas-sena 2016, li turi investiment ikbar fit-twettiq tal-funzjonijiet ta’ gruppi ta’ ħidma differenti bħala persuna ta’ kuntatt jew supplenti permezz tal-kumpilazzjoni u t-tqassim ta’ tliet ġurnali taċ-CPE. Skont dan il-motiv, ma kien ġie kkonstatat ebda sinjal ta’ titjib fil-livell ta’ prestazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward ta’ dan l-objettiv li kienet ilha taf bih sa mill‑5 ta’ April 2016. |
|
276 |
B’mod partikolari, fil-paġna 4, punt (b) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, l-AHCC ikkritikat lir-rikorrenti li kienet bagħtet, fit‑18 ta’ Lulju 2016, il-ġurnal tal-Milied 2015, li s-superjuri tagħha kkunsidrat li ma kienx għadu rilevanti. |
|
277 |
L-ewwel, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tirreferi għal posta elettronika li hija bagħtet fit‑22 ta’ Jannar 2016 u li tagħha hija pproduċiet kopja bħala anness għar-rikors tagħha. |
|
278 |
Madankollu, kif tindika l-Kummissjoni, dan id-dokument ma huwiex ta’ natura suffiċjentement probatorja, peress li, minkejja li din il-posta elettronika tinkludi l-messaġġ “[h]awn mehmuż nibgħatlek l-abbozz tal-ġurnal Edizzjoni Speċjali Milied għall-pubblikazzjoni” u ssemmi dokument mehmuż intitolat “Il-ġurnal żgħir tal-kindergarten MILIED.edizzjoni speċjalidocx”, hemm ippreċiżat ukoll li l-ġurnal “tal-Karnival jintbagħat mill-iktar fis possibbli”, minkejja li din il-festa seħħet, f’dik is-sena, fix-xahar ta’ Frar. |
|
279 |
It-tieni, il-Kummissjoni pproduċiet posta elettronika li ssemmi t‑18 ta’ Lulju 2016 bħala d-data li fiha ntbagħtet, mibgħuta mir-rikorrenti u indirizzata lill-istess destinatarji, u li tinkludi eżattament l-istess messaġġ bħal dak kontenut fil-posta elettronika li toqgħod fuqha r-rikorrenti. |
|
280 |
It-tielet, minkejja li r-rikorrenti ssostni li l-posta elettronika li permezz tagħha hija bagħtet l-abbozz tal-ġurnal tal-Milied 2015 lill-kollegi tagħha ma waslitx lid-destinatarji tagħha minħabba problema teknika, hija ma pproduċiet ebda prova insostenn ta’ din l-allegazzjoni. |
|
281 |
Ir-raba’, ir-rikorrenti ssostni li l-pubblikazzjoni tal-ġurnal tal-Milied 2015, wara li ntbagħat fit‑22 ta’ Jannar 2016, kienet ġiet posposta minħabba żewġ kollegi tagħha, u mbagħad minħabba l-kap taċ-CPE ta’ Kirchberg fil-Lussemburgu, li jispjega għaliex hija kienet bagħtet darbtejn l-abbozz tal-ġurnal tal-Milied 2015 lis-superjuri tagħha. |
|
282 |
Madankollu, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, li jibqgħu parzjalment kontradetti mill-annessi tal-proċess. |
|
283 |
Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-isem ta’ wieħed miż-żewġ kollegi msemmija fil-punt 281 iktar ’il fuq, la jidher fil-lista tad-destinatarji tal-posta elettronika datata 22 ta’ Jannar 2016 li qagħdet fuqha r-rikorrenti, u lanqas fil-kompożizzjoni tal-grupp ta’ ħidma “Ġurnal taċ-CPE” ipprodotta mir-rikorrenti. |
|
284 |
Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li l-abbozz tal-ġurnal tal-Milied 2015 kellu jiġi kkonfermat mill-kap taċ-CPE ta’ Kirchberg, kemm il-posta elettronika datata 22 ta’ Jannar 2016, li hija toqgħod fuqha, kif ukoll dik datata 18 ta’ Lulju 2016, ipprodotta mill-Kummissjoni, isemmu lil din il-persuna sempliċement bħala kkopjata b’din il-posta elettronika, filwaqt li d-destinatarji tagħhom kienu tliet persuni oħra li r-rikorrenti tallega li kienu membri tal-grupp ta’ ħidma “Ġurnal taċ-CPE”. |
|
285 |
Għalhekk, dan il-fatt huwa ta’ natura li jikkorrobora l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-abbozz tal-ġurnal tal-Milied 2015 ma kellux jiġi kkonfermat mill-kap taċ-CPE ta’ Kirchberg, iżda sempliċement mill-membri l-oħra tal-grupp ta’ ħidma “Ġurnal taċ-CPE”. |
|
286 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma pproduċietx provi li jistgħu jikkontestaw dawk ipprodotti mill-Kummissjoni, li jipprovdu li kien biss fit‑18 ta’ Lulju 2016 li hija bagħtet lill-membri tal-grupp ta’ ħidma “Ġurnal taċ-CPE” l-abbozz tal-ġurnal tal-Milied 2015, għall-konferma tiegħu. |
|
287 |
Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
288 |
Fir-raba’ lok, permezz tas-seba’ lment, ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas tagħha li tibgħat pjan ta’ azzjonijiet edukattivi kkritikat lilha fis-sena 2016 ma jfissirx li tali pjan ma kienx jeżisti, peress li, preċedentement, il-pjan ta’ azzjonijiet edukattivi ma kienx ġie fformalizzat. Barra minn hekk, hija tqis li wieħed għandu jistaqsi dwar il-ħtieġa li membru tal-persunal fuq leave parentali jipprepara pjan ta’ azzjonijiet edukattivi għall-perijodu li matulu dan il-membru tal-persunal ser ikun assenti mis-servizz, sa fejn tali pjan għandu jiġi addattat għat-tfal li wieħed jieħu ħsieb u ppersonalizzat. |
|
289 |
F’dan ir-rigward, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li jinsabu fil-paġna 4 tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, jirriżulta li r-rapport ta’ evalwazzjoni 2015 kien assenja b’mod partikolari bħala objettiv għar-rikorrenti, għas-sena 2016, li tistabbilixxi skeda ta’ azzjonijiet edukattivi. Fil-paġna 4, punt (a) tal-istess ittra, l-AHCC tikkritika lir-rikorrenti li ma pprovdietx l-imsemmija skeda qabel ma ħarġet bil-leave parentali fil‑15 ta’ Lulju 2016, minkejja, minn naħa, tfakkira f’dan is-sens datata 26 ta’ Mejju 2016, u min-naħa l-oħra, il-fatt li r-rikorrenti kienet ibbenefikat minn 112.5 sigħat flessibbli sabiex twettaq din l-iskeda, jiġifieri l-ekwivalenti ta’ erbgħin ġurnata xogħol. |
|
290 |
Madankollu, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jipprovdu minn naħa, li l-istabbiliment ta’ skeda ta’ azzjonijiet edukattivi ma kienx ikkorrisponda, preċedentement, għal prattika fformalizzata, u min-naħa l-oħra, li tali skeda la kienet neċessarja u lanqas xierqa sa fejn hija kienet ippjanat li toħroġ bil-leave parentali, ma jistgħux jikkontestaw utilment in-natura obbligatorja tal-objettiv li tistabbilixxi l-imsemmija skeda li kien ġie assenjat lilha fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2015, u li hija ma kkontestatx li kienet ilha taf bih sa mill‑5 ta’ April 2016. |
|
291 |
Barra minn hekk, minn posta elettronika mibgħuta lir-rikorrenti mill-kap tad-dipartiment fis‑26 ta’ Mejju 2016 jirriżulta li din tal-aħħar talbitha tipprepara l-iskeda ta’ azzjonijiet edukattivi bħala preparazzjoni għas-sena skolastika 2016/2017, billi ssegwi mudell li kien mehmuż mal-imsemmija posta elettronika. Barra minn hekk, il-kap tad-dipartiment fakkritha li dan l-ipprogrammar kellu jitwettaq kull sena skolastika, b’konformità mal-implimentazzjoni ta’ istruzzjoni sa mill‑2014. Fl-aħħar nett, din l-iskeda ta’ azzjonijiet edukattivi kellha sservi bħala bażi tax-xogħol għall-persuna li kellha tieħu r-responsabbiltà, f’Settembru 2016, tal-grupp ta’ tfal assenjat lir-rikorrenti għas-sena skolastika 2016/2017, bi stennija għar-ritorn tagħha mil-leave parentali. |
|
292 |
Għalhekk, għandu jitfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt b’applikazzjoni tal-Artikoli 11 u 81 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, jipprovdi li “[u]ffiċjal, ikun xi jkun il-grad tiegħu, għandu jassisti u jgħaddi pariri lis-superjuri tiegħu; huwa għandu jkun reponsabbli mill-qadi tad-dmirijiet assenjati lilu”. |
|
293 |
Skont l-Artikolu 21a tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli wkoll b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt b’applikazzjoni tal-Artikoli 11 u 81 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, uffiċjal huwa awtorizzat jevita l-obbligu ta’ obbidjenza previst fl-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal biss meta l-ordni indirizzata lilu mill-awtorità superjuri hija manifestament illegali jew tmur kontra r-regoli ta’ sigurtà applikabbli. |
|
294 |
Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti la stabbilixxiet u lanqas allegat li l-istruzzjoni li kienet obbligatha tistabbilixxi skeda ta’ azzjonijiet edukattivi qabel ma ħarġet bil-leave parentali kienet manifestament illegali jew tmur kontra r-regoli ta’ sigurtà applikabbli. |
|
295 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-AHCC ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx bagħtet lis-superjuri diretti tagħha, qabel ma ħarġet bil-leave parentali, l-iskeda ta’ azzjonijiet edukattivi li din tal-aħħar kienet talbitha kien jikkaratterizza kondotta mhux xierqa min-naħa tar-rikorrenti u seta’ jkun fost id-diversi motivi tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
296 |
Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
297 |
Fil-ħames u l-aħħar lok, permezz tat-tmien ilment, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-AHCC ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tiddeċiedi dwar it-twettiq tal-objettivi stabbiliti għas-sena 2016 abbażi ta’ preżenza ta’ xahrejn biss. |
|
298 |
Madankollu, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 28 tas-sentenza tal-appell, mill-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, jirriżulta espliċitament li, fl-evalwazzjoni ġenerali tagħha tal-mod li bih ir-rikorrenti kienet ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-objettivi, l-AHCC ikkonstatat biss li ma kienx hemm sinjal ta’ titjib fil-livell ta’ prestazzjoni tagħha f’dan ir-rigward. |
|
299 |
Fil-fatt, minkejja li l-AHCC ikkritikat lir-rikorrenti li ma kinitx laħqet bis-sħiħ l-ewwel objettiv li kien ġie assenjat lilha fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2015 tagħha, jiġifieri l-istabbiliment ta’ skeda ta’ azzjonijiet edukattivi, ma japplikax l-istess għaż-żewġ objettivi l-oħra li jikkonsistu, minn naħa, li turi investiment ikbar fit-twettiq tal-funzjonijiet ta’ gruppi ta’ ħidma differenti li fihom kienet tipparteċipa, u min-naħa l-oħra, l-ippjanar suffiċjentement minn qabel tal-leave parentali tagħha (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-appell, punt 29). |
|
300 |
Barra minn hekk, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-ewwel objettiv dwar l-istabbiliment ta’ skeda ta’ azzjonijiet edukattivi, li ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti kienet ilha taf bih sa mill‑5 ta’ April 2016, hija ma tistabbilixxix u lanqas tallega li ma kellhiex ħin sabiex tilħqu qabel ħarġet bil-leave parentali fil‑15 ta’ Lulju 2016, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata tindika li hija kellha f’dan ir-rigward ħin disponibbli ekwivalenti għal erbgħin ġurnata xogħol. |
|
301 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-AHCC kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonstatat, fl-aħħar ta’ perijodu ta’ madwar tliet xhur, li hija ma kinitx laħqet l-ewwel objettiv impost fuqha mir-rapport ta’ evalwazzjoni 2015 li kien jirrigwarda l-istabbiliment tal-iskeda ta’ azzjonijiet edukattivi. |
|
302 |
Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat, kif ukoll din il-parti kollha. |
e) Fuq ir‑raba’ parti tar‑raba’ motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l‑motiv marbut man‑nuqqas tar‑rikorrenti li tinforma lis‑superjuri diretti u lill‑kollegi dwar il‑parteċipazzjoni tagħha f’ċerti laqgħat taċ‑CCP u taċ‑CLP
|
303 |
Permezz ta’ din il-parti, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, żewġ ilmenti. L-ewwel, hija ssostni li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma timponilha li tinforma lill-kollegi tax-xogħol tagħha bil-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat taċ-CCP u taċ-CLP li għalihom kienet imsejħa. It-tieni, hija targumenta li hija dejjem informat minn qabel lis-superjuri diretti tagħha bil-laqgħat li hija kellha tipparteċipa fihom minħabba l-mandat tagħha ta’ delegata tal-persunal, li dawn tal-aħħar kellhom il-kalendarju tal-laqgħat taċ-CCP u taċ-CLP u li hija kienet imsejħa fl-aħħar minuta sabiex tipparteċipa fil-laqgħa taċ-CCP tal‑11 u 12 ta’ Diċembru 2014. |
|
304 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti. |
|
305 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-konstatazzjoni globali tal-inkompetenza professjonali li għamlet l-AHCC fid-deċiżjoni kkontestata hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-motiv li r-rikorrenti mhux dejjem kienet tieħu inkunsiderazzjoni l-interess tas-servizz waqt l-ippjanar tal-attivitajiet tagħha marbuta mal-mandat tagħha ta’ rappreżentanta tal-persunal. |
|
306 |
B’mod partikolari, fil-paġna 2, punt (e) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, l-AHCC tikkritika lir-rikorrenti li kienet informat lis-superjuri diretti tagħha bil-parteċipazzjoni tagħha, fis‑26 ta’ Frar 2014, f’laqgħa marbuta mal-mandat sindakali tagħha, mhux qabel lejliet fil‑17.26. |
|
307 |
Barra minn hekk, fil-paġna 2, punt (f) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, l-AHCC ikkritikat lir-rikorrenti li ma kinitx informat lill-kollegi tagħha bil-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħa taċ-CCP fid‑9 ta’ Diċembru 2014. |
|
308 |
Imbagħad, fil-paġna 2, punt (g) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, l-AHCC ikkritikat lir-rikorrenti, minn naħa, li kienet informat lis-superjuri diretti tagħha bil-parteċipazzjoni tagħha, fil‑11 u 12 ta’ Diċembru 2014, f’sessjoni plenarja taċ-CCP mhux qabel lejliet, u min-naħa l-oħra, li ma kinitx informat lill-kollegi tagħha. |
|
309 |
Fl-aħħar nett, fil-paġna 5, punt (d) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, l-AHCC ikkritikat lir-rikorrenti li kienet informat lis-superjuri diretti tagħha u lill-kollegi tagħha bil-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat taċ-CPP tat‑28 ta’ Jannar u tal‑24 ta’ Mejju 2016 fl-istess ġurnata ta’ dawn il-laqgħat. |
|
310 |
Preliminarjament għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax ir-riferiment magħmul mill-AHCC, fil-paġna 2 tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, għall-evalwazzjoni kontenuta fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2014, li tipprovdi li hija mhux dejjem kienet tieħu inkunsiderazzjoni l-interess tas-servizz waqt l-ippjanar tal-attivitajiet sindakali tagħha, iżda sempliċement il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li jinsabu fil-paġna 2, punti (e) sa (g) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, u li ma jirriproduċux evalwazzjoni magħmula fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2014. |
|
311 |
Għaldaqstant, l-argument imressaq mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-parti ma jistax jitqies bħala kontestazzjoni ta’ evalwazzjoni kontenuta fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2014, li l-Kummissjoni tallega li sar definittiv. |
|
312 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel ilment, u kif indikat fil-punt 173 iktar ’il fuq, uffiċjal jew membru tal-persunal li jibbenefika minn kollokament minħabba mandat sindakali jew mandat ta’ rappreżentant tal-persunal għandu, skont l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, jikseb awtorizzazzjoni minn qabel tas-superjuri diretti tiegħu sabiex ikun assenti mis-servizz u jipparteċipa fil-laqgħat li għalihom jissejjaħ skont l-imsemmi mandat. Fil-fatt, l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel previst fl-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti deroga biss fil-każ ta’ mard jew inċident, u mhux fil-każ ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet sindakali jew fil-laqgħat ta’ istanza rappreżentattiva tal-persunal bħaċ-CLP jew iċ-CCP. |
|
313 |
F’dan il-kuntest, kif indikat fil-punt 174 iktar ’il fuq, il-punt 3.1 tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni C (2011) 3588 li jobbliga lir-rikorrenti tinforma lis-superjuri diretti tagħha fi żmien xieraq bis-sejħiet tagħha għal-laqgħat taċ-CLP u taċ-CCP, l-awtorità superjuri tista’, jekk ikun il-każ, tirrifjuta l-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata f’dawn il-laqgħat permezz ta’ deċiżjoni bil-miktub u mmotivata. |
|
314 |
Madankollu, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas id-Deċiżjoni C (2011) 3588 ma jobbligaw lil membru tal-persunal li għandu mandat sindakali jew mandat ta’ rappreżentant tal-persunal li jinforma lill-kollegi tiegħu bil-parteċipazzjoni tiegħu fil-laqgħat marbuta mal-eżerċizzju tal-mandat tiegħu. |
|
315 |
It-tieni, għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta l-Kummissjoni, mill-annessi tal-proċess ma jirriżultax li r-rikorrenti rċeviet istruzzjoni formali min-naħa tas-superjuri diretti tagħha li timponilha li tinforma lill-kollegi tagħha bl-assenzi tagħha minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat taċ-CLP u taċ-CCP. |
|
316 |
Qabelxejn, huwa minnu li minn posta elettronika mibgħuta lir-rikorrenti mill-kap tad-dipartiment tagħha fis‑6 ta’ Settembru 2011 jirriżulta li din tal-aħħar kienet ikkunsidrat li l-ħtiġijiet partikolari taċ-CPE u n-natura tal-funzjonijiet tar-rikorrenti ma jippermettulhiex li tipparteċipa b’mod sistematiku fil-laqgħat marbuta mal-eżerċizzju tal-mandat sindakali tagħha. Permezz ta’ din il-posta elettronika, ir-rikorrenti kienet awtorizzata tipparteċipa fil-laqgħat sindakali b’żewġ kundizzjonijiet, minn naħa, li hija tirranġa mal-kollega li ser tieħu r-responsabbiltà ta’ grupp ta’ tfal, u min-naħa l-oħra, li hija tinforma b’dan lis-segretarjat tad-dipartiment u lill-ġestjonarja tal-kindergarten. |
|
317 |
Madankollu, mill-annessi tal-proċess ma jirriżultax li din l-istruzzjoni kienet imġedda wara s-sena skolastika 2011/2012, u b’mod partikolari, wara n-nomina tar-rikorrenti bħala membru taċ-CLP u taċ-CCP matul is-sena 2014. |
|
318 |
B’mod partikolari, min-nota tal-kap tad-dipartiment tar-rikorrenti tas‑7 ta’ Frar 2017 jirriżulta li l-implimentazzjoni tal-mandat sindakali tagħha kien is-suġġett ta’ arranġament mal-president tas-sindakat li tiegħu r-rikorrenti kienet membru, u li ma jidhirx li dan l-arranġament li kien fis-seħħ bejn is‑16 ta’ Lulju 2011 u l‑1 ta’ April 2014, kien iġġedded wara din id-data. |
|
319 |
Imbagħad, mill-posta elettronika msemmija fil-paġna 2, punt (f) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 jirriżulta li, permezz ta’ din il-posta elettronika, kollega tar-rikorrenti informat lill-kap tan-nursery taċ-CPE ta’ Mamer bil-għaġeb tagħha li ma ġietx informata mir-rikorrenti bl-assenza tagħha fid‑9 ta’ Diċembru 2014. Skont l-istess posta elettronika, hija kienet staqsiet lil dan il-kap dwar l-eżistenza ta’ protokoll ta’ kollaborazzjoni bejn il-kollegi. |
|
320 |
Fl-aħħar nett, id-dokumenti li għalihom tirreferi l-Kummissjoni ma jsostnux l-eżistenza ta’ istruzzjoni formali indirizzata lir-rikorrenti sabiex tinforma lill-kollegi tagħha bl-assenzi tagħha minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat taċ-CLP u taċ-CCP. |
|
321 |
Fil-fatt, dwar din il-kwistjoni, ir-rapport ta’ evalwazzjoni 2014 isemmi biss li r-rikorrenti kellha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sistematiku l-organizzazzjoni tas-servizz meta hija kellha tipparteċipa fl-attivitajiet sindakali tagħha u kellha tevita li tkun assenti fix-xahar ta’ Settembru. |
|
322 |
Bl-istess mod, il-posta elettronika li r-rikorrenti bagħtet fis‑27 ta’ April 2015 lill-kaxxa postali elettronika taċ-CPE ta’ Mamer, li fiha kkopjat uħud mill-kollegi tagħha, u li permezz tagħha hija kienet ippreċiżat, b’mod partikolari, l-assenzi futuri tagħha fix-xhur li ġejjin ma hijiex suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ istruzzjoni formali li kienet indirizzata lilha sabiex tinforma b’mod sistematiku lill-kollegi tagħha bil-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat taċ-CCP u taċ-CLP. |
|
323 |
Barra minn hekk, f’nota tal‑15 ta’ Lulju 2016 li għaliha tirreferi wkoll il-Kummissjoni, il-kap tad-dipartiment tar-rikorrenti kienet ikkunsidrat li, minkejja li fil-kwalità tagħha ta’ rappreżentanta tal-persunal, hija kellha dritt li tipparteċipa f’laqgħa taċ-CCP stabbilita f’Diċembru 2014 mingħajr awtorizzazzjoni preliminari, l-informazzjoni lis-superjuri diretti u lill-kollegi tagħha suffiċjentement minn qabel kienet tikkostitwixxi “prattika tajba”. |
|
324 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li r-rikorrenti kienet kisret istruzzjoni formali tas-superjuri tagħha li tipprovdi li hija kellha tinforma lill-kollegi tagħha bil-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat taċ-CCP u taċ-CLP, u għalhekk, l-obbligi ta’ lealtà u obbidjenza li jirriżultaw mill-Artikoli 11 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
325 |
Mill-preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti għandha raġun issostni li l-AHCC ivvizzjat id-deċiżjoni kkontestata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ informazzjoni minn qabel tal-kollegi tagħha dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tad‑9, 11 u 12 ta’ Diċembru 2014 u tat‑28 ta’ Jannar u tal‑24 ta’ Mejju 2016 kien jikkaratterizza min-naħa tagħha kondotta mhux xierqa. |
|
326 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tieni lment ta’ din il-parti, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li s-superjuri diretti tar-rikorrenti kellhom il-kalendarju tal-laqgħat taċ-CCP u taċ-CLP ma kienx jeżentaha mill-obbligu tagħha li titlob awtorizzazzjoni ta’ assenza sabiex tipparteċipa f’dawn il-laqgħat, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
327 |
It-tieni, minkejja li r-rikorrenti targumenta li hija dejjem informat minn qabel lis-superjuri diretti tagħha bil-laqgħat li kienet tipparteċipa fihom minħabba l-mandat tagħha ta’ delegata tal-persunal, hija ma pproduċietx provi li juru li hija talbet, wara li rċeviet is-sejħiet għal-laqgħat imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, awtorizzazzjoni ta’ assenza li tippermetti lis-superjuri diretti tagħha jipprovdu immedjatament is-sostituzzjoni tagħha u jiżguraw il-kontinwità tas-servizz. |
|
328 |
B’mod partikolari, ir-rikorrenti la tistabbilixxi u lanqas tallega li hija kienet imsejħa tard għal-laqgħa sindakali tas‑26 ta’ Frar 2014. |
|
329 |
Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li l-laqgħat taċ-CCP tal‑11 u 12 ta’ Diċembru 2014 kif ukoll tat‑28 ta’ Jannar u tal‑24 ta’ Mejju 2016 inżammu fi Brussell, b’tali mod li, fid-dawl tal-ħin li jimplika, skont il-mezzi ta’ trasport, iċ-ċaqliq bejn il-Lussemburgu u Brussell, huwa improbabbli li r-rikorrenti kienet informata biss lejliet jew fl-istess ġurnata ta’ dawn il-laqgħat. |
|
330 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-AHCC ma vvizzjatx id-deċiżjoni kkontestata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ informazzjoni lis-superjuri diretti tar-rikorrenti dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tas‑26 ta’ Frar 2014, tal‑11 u 12 ta’ Diċembru 2014 kif ukoll tat‑28 ta’ Jannar u tal‑24 ta’ Mejju 2016 kien jikkostitwixxi min-naħa ta’ din tal-aħħar aġir mhux xieraq. |
f) Fuq il‑ħames parti tar‑raba’ motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l‑motiv dwar it‑tardività tat‑talba ta’ reintegrazzjoni tar‑rikorrenti fil‑funzjonijiet tagħha full‑time wara nofs il‑ħin terapewtiku
|
331 |
Permezz ta’ din il-parti, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-motiv tad-deċiżjoni kkontestata li jinsab fil-paġna 3, punt (h) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn in-nofs ħin terapewtiku tagħha seta’ jiġi estiż, li r-reintegrazzjoni tagħha fil-funzjonijiet tagħha full-time kienet saret fuq inizjattiva tagħha u li dan il-motiv ma jesprimix b’mod preċiż dak li qed jiġi kkritikat lilha. |
|
332 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
333 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fil-paġna 3, punt (h) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, l-AHCC ikkonstatat li, wara li r-rikorrenti kienet eżerċitat il-funzjonijiet tagħha b’nofs il-ħin għal raġunijiet ta’ saħħa mis‑17 ta’ Novembru sat‑23 ta’ Diċembru 2014, is-servizz mediku kien taha l-parir li tiltaqa’ mas-superjuri tagħha sabiex torganizza, f’Jannar 2015, ir-reintegrazzjoni tagħha fil-funzjonijiet tagħha full-time. Hija rrilevat ukoll li kien biss fit‑22 ta’ Diċembru 2014 li r-rikorrenti kienet għamlet kuntatt mas-superjuri tagħha. |
|
334 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-motiv li jinsab fil-paġna 3, punt (h) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 ma jirriproduċix evalwazzjoni li kienet tinsab fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2014, li l-Kummissjoni tallega li sar definittiv. |
|
335 |
Fir-rigward tal-fondatezza tal-argument imressaq fil-kuntest ta’ din il-parti, l-ewwel, mit-tielet u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 59 tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt b’applikazzjoni tal-Artikoli 16 u 91 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, jirriżulta li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt fuq leave tal-mard jista’, f’kull ħin, ikun suġġett għal eżami mediku organizzat mill-istituzzjoni, li jekk l-eżami mediku jirrileva li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ikkonċernat huwa kapaċi jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, l-assenza tiegħu hija kkunsidrata inġustifikata sa mill-ġurnata tal-eżami, sakemm l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ikkonċernat ma jqisx li l-konklużjonijiet tal-eżami mediku organizzat mill-awtorità kompetenti huma medikament inġustifikati, f’liema każ l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ikkonċernat, jew tabib li jaġixxi għan-nom tiegħu, jista’, fi żmien jumejn, jagħmel lill-istituzzjoni talba ta’ arbitraġġ għal tabib indipendenti. |
|
336 |
F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti kienet awtorizzata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’nofs il-ħin għal raġunijiet ta’ saħħa sa mis‑17 ta’ Novembru 2014, u li fis‑16 ta’ Diċembru 2014 it-tabib li wettaq l-eżami mediku rrakkomanda r-ritorn għax-xogħol full-time sa minn Jannar 2015. |
|
337 |
Madankollu, la mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas mill-annessi tal-proċess ma jirriżulta li, billi kkuntattjat lill-persuna li timpjegaha t-Tnejn 22 ta’ Diċembru 2014, sabiex torganizza l-modalitajiet tar-reintegrazzjoni full-time tagħha f’Jannar 2015, ir-rikorrenti kienet kisret terminu previst minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew istruzzjoni tas-superjuri diretti tagħha. |
|
338 |
It-tieni, minkejja li huwa stabbilit li, fid-data tat‑22 ta’ Diċembru 2014, is-servizz tal-kindergarten taċ-CPE kien magħluq minħabba l-perijodu tal-leave tal-Milied, il-Kummissjoni ma tallegax li l-amministrazzjoni taċ-CPE ma kinitx tiżgura permanenza matul dan il-perijodu sabiex tiżgura l-kontinwità tas-servizz, b’tali mod li mill-annessi tal-proċess ma jirriżultax li l-modalitajiet tar-reintegrazzjoni full-time tar-rikorrenti ma setgħux jiġu stabbiliti bejn it‑22 ta’ Diċembru 2014 u l‑5 ta’ Jannar 2015. |
|
339 |
It-tielet, lanqas ma jidher li terminu ta’ ġimagħtejn kien insuffiċjenti sabiex tiġi organizzata r-reintegrazzjoni full-time tar-rikorrenti. |
|
340 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha raġun issostni li billi bbażat ruħha fuq il-motiv stabbilit fil-paġna 3, punt (h) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, l-AHCC kienet ivvizzjat id-deċiżjoni kkontestata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
g) Fuq is‑sitt parti tar‑raba’ motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l‑motiv dwar sitwazzjoni ta’ kunflitt fin‑nursery taċ‑CPE ta’ Mamer
|
341 |
Permezz ta’ din il-parti, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-motiv li jinsab fil-paġna 4, punt (f) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn l-AHCC ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-akkoljenza partikolarment ostili fir-rigward tagħha mal-wasla tagħha fin-nursery taċ-CPE ta’ Mamer minn uħud mill-kollegi tagħha. |
|
342 |
F’dan ir-rigward, fil-paġna 4, punt (f) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, l-AHCC ikkonstatat li kollegi tax-xogħol tar-rikorrenti kienu informawha b’diffikultajiet li kienu jesperjenzaw sabiex jikkollaboraw magħha, u li b’mod partikolari, f’April 2015, il-kap taċ-CPE ta’ Mamer kien bagħat lill-kap tad-dipartiment tar-rikorrenti posta elettronika li tindika li, meta hija ġiet biex tibda x-xogħol tagħha fin-nursery taċ-CPE ta’ Mamer, kien hemm diġà “kunflitt kbir”, “l-affarijiet kienu sejrin ħażin”, u “l-atmosfera sabiħa ta’ filgħodu kollha kienet sparixxiet”. |
|
343 |
Fl-ewwel lok, mill-annessi tal-proċess jirriżulta li, f’April 2015, ir-rikorrenti kienet ġiet ikkollokata fin-nursery taċ-CPE ta’ Mamer bħala “edukatriċi volatili”. Minnhom jirriżulta wkoll li, permezz ta’ posta elettronika tat‑23 ta’ April 2015 mibgħuta lill-kap tad-dipartiment tar-rikorrenti u intitolata “Kunflitt fil-kindergarten”, il-kap taċ-CPE ta’ Mamer indikat li, meta r-rikorrenti ġiet biex tibda l-funzjonijiet tagħha fin-nursery taċ-CPE ta’ Mamer, kien hemm diġà kunflitt kbir, l-affarijiet kienu sejrin ħażin, l-atmosfera sabiħa ta’ filgħodu fil-kindergarten kollha kienet sparixxiet u wieħed mill-kollegi tar-rikorrenti kien qed jibki filwaqt li oħra kienet qed tgħajjat fuq it-telefon. Barra minn hekk, kien indikat ukoll li l-kap taċ-CPE ta’ Mamer u waħda mill-kollegi tagħha kienu għamlu mill-aħjar sabiex jikkalmaw is-sitwazzjoni, li b’mod partikolari, dik tal-ewwel kienet qattgħet iktar minn siegħa mar-rikorrenti filgħodu filwaqt li t-tieni kienet tkellmet mal-kollegi l-oħra u li kien estremament urġenti li tiġi organizzata laqgħa ma’ kulħadd qabel ma “joqtlu lil xulxin”. |
|
344 |
Madankollu, fl-assenza ta’ indikazzjoni iktar preċiża dwar il-kawża tas-sitwazzjoni ta’ kunflitt deskritta fil-paġna 4, punt (f) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 u kkonfermata bil-posta elettronika tat‑23 ta’ April 2015 imsemmija fil-punt 343 iktar ’il fuq, ma jirriżultax la minn din il-posta elettronika u lanqas mill-annessi tal-proċess li r-responsabbiltà ta’ dan il-kunflitt kienet esklużivament jew prinċipalment imputabbli lir-rikorrenti. |
|
345 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti li għalihom tirreferi l-Kummissjoni ma jinkludux elementi suffiċjentement probatorji sabiex isostnu r-responsabbiltà prinċipali tar-rikorrenti għall-bidu tal-kunflitt tat‑23 ta’ April 2015 fin-nursery taċ-CPE ta’ Mamer. |
|
346 |
Fil-fatt, il-kontenut tal-posta elettronika ta’ kollega tar-rikorrenti datata 9 ta’ Diċembru 2014, mibgħuta wkoll mill-kap taċ-CPE ta’ Mamer fl-istess ġurnata, ma ġġib ebda kjarifika dwar il-kawżi tas-sitwazzjoni ta’ kunflitt ġewwa n-nursery taċ-CPE ta’ Mamer fit‑23 ta’ April 2015. |
|
347 |
L-istess japplika għall-iskambju ta’ posta elettronika tal‑25 ta’ Ġunju 2015 bejn il-kap tad-dipartiment tar-rikorrenti u l-kap taċ-CPE ta’ Mamer, li jirreferu biss għad-diffikultajiet li din tal-aħħar kellha sabiex tissostitwixxi lir-rikorrenti fl‑24 u 25 ta’ Ġunju 2015, minħabba assenza ddikjarata biss fl‑24 ta’ Ġunju 2015 filgħodu. |
|
348 |
Bl-istess mod, id-dikjarazzjonijiet tal-kap u tal-ġestjonarja taċ-CPE ta’ Mamer kif ukoll tal-kap tad-dipartiment tar-rikorrenti, kollha datati 18 ta’ Diċembru 2018, jindikaw, bi kliem ġenerali, li wħud mill-kollegi kienu rrapportaw direttament lilhom u diversi drabi d-diffikultajiet tagħhom sabiex jaħdmu b’mod seren mar-rikorrenti, mingħajr madankollu ma jsemmu s-sitwazzjoni ta’ kunflitt ġewwa n-nursery taċ-CPE ta’ Mamer tat‑23 ta’ April 2015. |
|
349 |
Fl-aħħar nett, minkejja li l-Kummissjoni tirreferi wkoll għal posta elettronika tal‑21 ta’ Ottubru 2015 mibgħuta minn ġenitur ta’ tifel li kienet tieħu ħsieb ir-rikorrenti fil-“kindergarten” taċ-CPE ta’ Kirchberg matul is-sena skolastika 2014/2015, din il-posta elettronika ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar il-kawżi tas-sitwazzjoni ta’ kunflitt ġewwa n-nursery taċ-CPE ta’ Mamer fit‑23 ta’ April 2015. |
|
350 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha raġun issostni li, billi bbażat ruħha fuq il-motiv li jinsab fil-paġna 4, punt (f) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, l-AHCC ivvizzjat id-deċiżjoni kkontestata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
h) Fuq is‑seba’ parti tar‑raba’ motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l‑konstatazzjoni globali tal‑inkompetenza professjonali tar‑rikorrenti
|
351 |
Din il-parti tinkludi ħames ilmenti, ibbażati, l-ewwel fuq l-assenza ta’ repetizzjoni ta’ nuqqasijiet ikkritikati lir-rikorrenti minn sena għall-oħra fir-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha, it-tieni, fuq in-nuqqas ta’ oġġettività fl-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2015, it-tielet, fuq iż-żmien tal-fatti kkritikati fir-rigward tas-snin 2014 u 2015, ir-raba’, fuq in-nuqqas ta’ ħtija jew negliġenza mwettqa mir-rikorrenti waqt li tieħu ħsieb it-tfal fdati lilha, u l-ħames, fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni taż-żmien ta’ servizz tar-rikorrenti u tal-fatt li qatt ma ngħatat ebda ċanfira jew twissija fir-rigward tagħha. |
|
352 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat, qabel l-eżami tal-ilmenti msemmija fil-punt 351 iktar ’il fuq, u fid-dawl tal-eżami tat-tielet u r-raba’ motivi fil-punti 73 sa 350 iktar ’il fuq, jekk l-illegalitajiet irrilevati mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tal-imsemmija motivi jimplikawx l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jew jekk il-motivi li r-rikorrenti ma kkontestatx jew li ma stabbilixxietx l-illegalità tagħhom humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw legalment l-imsemmija deċiżjoni, irrispettivament mill-motivi li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li kienu vvizzjati minn illegalità. |
|
353 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel, fir-rigward tal-aġir tar-rikorrenti matul is-sena 2013, din ma stabbilixxietx l-illegalità tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li jinsabu fil-paġna 1 tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 u li jipprovdu li r-rikorrenti, minn naħa, ftit kienet involuta fil-gruppi ta’ ħidma “Tisjir” u “Organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ informazzjoni għall-ġenituri”, u min-naħa l-oħra, kellha tippjana l-attivitajiet tagħha marbuta ma’ dawn il-gruppi ta’ ħidma matul is-sigħat imsejħa “flessibbli”, li matulhom hija ma tiħux ħsieb tfal, b’ċerti ġenituri jilmentaw dwar l-assenza tar-rikorrenti fil-klassi meta ġew jiġbru lit-tfal tagħhom. |
|
354 |
It-tieni, fir-rigward tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-aġir tar-rikorrenti matul is-sena 2014, hija lanqas stabbilixxiet l-illegalità tal-evalwazzjonijiet magħmula fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2014, li huma rriprodotti fil-paġna 2 tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 u jirrigwardaw, minn naħa, id-diffikultà li hija kienet tesperjenza sabiex tirrikonċilja l-ħajja personali tagħha u l-ħajja professjonali tagħha, u min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tas-servizz meta hija kienet tippjana l-attivitajiet marbuta mal-mandat tagħha ta’ rappreżentanta tal-persunal. |
|
355 |
Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma wrietx l-illegalità tal-motivi li ġejjin li jinsabu fil-paġna 2, punti (b) sa (g) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, jiġifieri, rispettivament: l-assenzi irregolari tagħha fis‑7 ta’ Mejju u fis‑16 ta’ Ġunju 2014; il-fatt li kienet ippjanat l-assenza tagħha tat‑2 ta’ Mejju 2014 u li kienet informat lid-dipartiment fl-istess ġurnata ta’ din l-assenza; l-assenza inġustifikata tagħha tat‑18 ta’ Ġunju 2014; il-fatt li kienet informat lis-superjuri diretti tagħha bl-assenza tagħha tas‑26 ta’ Frar 2014, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa sindakali, mhux qabel lejliet fil‑17.26; il-fatt li, fid‑9 ta’ Diċembru 2014, hija kienet bidlet it-tqassim ta’ klassi mingħajr il-ftehim mal-kollega li magħha kienet taħdem u ma kinitx irritornat il-klassi għat-tqassim inizjali tagħha u fl-aħħar nett, il-fatt li hija kienet informat lis-superjuri diretti tagħha bl-assenza tagħha fil‑11 u 12 ta’ Diċembru 2014, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’sessjoni plenarja taċ-CCP, mhux qabel lejliet il‑11 ta’ Diċembru 2014. |
|
356 |
It-tielet, fir-rigward tal-aġir tar-rikorrenti matul is-sena 2015, din ma kkontestatx il-motiv tad-deċiżjoni kkontestata li jinsab fil-paġna 3 tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 u li jipprovdi li, fil-kuntest tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2015, il-livell globali tal-prestazzjoni tagħha kien meqjus insuffiċjenti fl‑2015. |
|
357 |
Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx l-illegalità tal-motivi li ġejjin li jinsabu fil-paġna 3, punti (a) sa (e) u (i) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, jiġifieri, rispettivament: l-involviment insuffiċjenti jew ineżistenti tagħha fil-gruppi ta’ ħidma li tagħhom kienet membru; in-nuqqas ta’ proattività tagħha meta kienet teżerċita funzjonijiet ta’ edukatriċi “volatili”; in-nuqqas ta’ informazzjoni mingħand is-superjuri diretti tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-objettiv li torganizza attivitajiet ta’ yoga; in-nuqqas ta’ twettiq ta’ skeda ta’ azzjonijiet edukattivi; il-fatt li n-nuqqas ta’ kontinwità li tieħu ħsieb il-grupp ta’ tfal li minnhom kienet responsabbli kienet wasslet għal żewġ ilmenti ta’ żewġ ġenituri, u fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tagħha dwar ċerti assenzi f’Ġunju 2015. |
|
358 |
Ir-raba’, fir-rigward tal-aġir tar-rikorrenti matul is-sena 2016, hija ma stabbilixxietx l-illegalità tal-motiv tad-deċiżjoni kkontestata li jinsab fil-paġna 4 tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016 u li jipprovdi li ma kienx hemm sinjal ta’ titjib fil-livell ta’ prestazzjoni tagħha fir-rigward tat-tliet objettivi stabbiliti għaliha għas-sena 2016. |
|
359 |
Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx l-illegalità tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li jinsabu fil-paġna 4, punti (a) u (b), u fil-paġna 5, punti (d) u (e) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, jiġifieri, rispettivament: in-nuqqas li tibgħat l-iskeda ta’ azzjonijiet edukattivi li kienet mitluba lilha, qabel ma ħarġet bil-leave parentali fil‑15 ta’ Lulju 2016; in-nuqqas li tibgħat rapporti mensili dwar il-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-catering kollettiv taċ-CPE, in-nuqqas ta’ involviment attiv fil-grupp ta’ ħidma “Sport”, l-assenza tar-rapporti tal-bilanċi annwali tal-gruppi“Tisjir” u “Ġurnal taċ-CPE” qabel ma ħarġet bil-leave parentali, u l-fatt li fix-xahar ta’ Lulju 2016, bagħtet l-abbozz tal-ġurnal tal-Milied 2015, li s-superjuri diretti tagħha kienu kkunsidraw li ma kienx għadu rilevanti; komunikazzjoni mhux kompluta fir-rigward tas-superjuri diretti tagħha dwar l-assenzi tagħha, b’mod partikolari dawk tat‑28 ta’ Jannar u tal‑24 ta’ Mejju 2016; u fl-aħħar nett, l-assenza inġustifikata tagħha tat‑30 u 31 ta’ Mejju 2016. |
|
360 |
Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi diversi motivi li l-illegalità tagħhom ma ġietx ipprovata u li huma suffiċjentement importanti sabiex isostnu l-konstatazzjoni globali tal-inkompetenza professjonali li kkonkludiet l-AHCC, fid-dawl, essenzjalment, tan-nuqqas ta’ involviment tar-rikorrenti fil-gruppi ta’ ħidma li tagħhom kienet membru fl‑2013, 2015 u 2016, tal-assenzi inġustifikati tagħha fl‑2014 u fl‑2016, tan-nuqqas ta’ informazzjoni mibgħuta fi żmien xieraq lis-superjuri diretti tagħha dwar il-parteċipazzjoni tagħha f’ċerti laqgħat marbuta mal-mandat sindakali tagħha jew mal-mandat tagħha ta’ rappreżentanta tal-persunal fl‑2014 u fl‑2016 u tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ ċerti istruzzjonijiet stabbiliti mis-superjuri diretti tagħha fl‑2015 u fl‑2016. |
|
361 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-legalità tal-konstatazzjoni globali tal-inkompetenza professjonali tar-rikorrenti ma tistax tiġi kkontestata mill-iżball ta’ liġi li jaffettwa l-motiv tad-deċiżjoni kkontestata li jinsab fil-paġna 4, punt (c) tal-ittra tat‑8 ta’ Settembru 2016, dwar id-dati u l-perijodu mitlub mir-rikorrenti sabiex tibbenefika minn leave parentali, u lanqas mill-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li jinsabu fil-paġna 2, punti (a), (f) u (g), kif ukoll fil-paġna 3, punt (h), fil-paġna 4, punt (f) u fil-paġna 5, punt (d) tal-istess ittra u li jirrigwardaw, rispettivament: it-talba mgħaġġla tar-rikorrenti, għal raġunijiet familjari, intiża għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni sabiex teżerċita l-funzjonijiet tagħha part-time; in-nuqqas ta’ informazzjoni mibgħuta lill-kollegi tar-rikorrenti dwar il-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħa taċ-CCP fid‑9 ta’ Diċembru 2014; in-nuqqas ta’ informazzjoni mibgħuta lill-kollegi tar-rikorrenti dwar il-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħa taċ-CCP fil‑11 u 12 ta’ Diċembru 2014; it-talba tar-rikorrenti intiża għall-organizzazzjoni tal-modalitajiet tar-reintegrazzjoni tagħha full-time wara nofs il-ħin terapewtiku; is-sitwazzjoni ta’ kunflitt fin-nursery taċ-CPP ta’ Mamer fit‑23 ta’ April 2015; u fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ informazzjoni mibgħuta lill-kollegi tar-rikorrenti dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat taċ-CPP tat‑28 ta’ Jannar u tal‑24 ta’ Mejju 2016. |
|
362 |
Għaldaqstant, mill-preċedenti jirriżulta li l-illegalitajiet irrilevati mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tat-tielet u r-raba’ motiv fil-punti 73 sa 350 iktar ’il fuq ma humiex ta’ natura li jwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
363 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ewwel ilment ta’ din il-parti, ir-rikorrenti targumenta li, sa fejn din ma hijiex l-istess kritika li saret lilha fir-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha sena wara l-oħra, l-AHCC ma tistax tallega l-persistenza tan-nuqqasijiet tagħha matul diversi snin. |
|
364 |
Qabel xejn, għandu jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ applikazzjoni, anki b’analoġija, tal-Artikolu 51 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-membri tal-persunal bil-kuntratt, ebda dispożizzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ma timponi li waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt minħabba inkompetenza professjonali, l-AHCC għandha tibbaża ruħha esklużivament fuq nuqqasijiet repetuti li għandhom ikunu rrekordjati fir-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-membru tal-persunal ikkonċernat. |
|
365 |
Għalhekk, f’dan il-każ, l-AHCC setgħet legalment tibbaża d-deċiżjoni kkontestata tagħha mhux biss fuq l-aġir tar-rikorrenti li kien is-suġġett ta’ ċerti evalwazzjonijiet fir-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha 2013, 2014 u 2015, iżda wkoll fuq aġir li ma kienx imsemmi fl-imsemmija rapporti. |
|
366 |
Imbagħad, għandu jiġi rrilevat li ċertu aġir ikkritikat lir-rikorrenti mill-AHCC, kemm jekk ta jew ma tax lok għal evalwazzjonijiet fir-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha, jikkorrispondi għar-repetizzjoni tal-istess nuqqasijiet bejn is-snin 2013 u 2016. |
|
367 |
Għalhekk, l-istess japplika, b’mod partikolari, għan-nuqqas ta’ involviment tar-rikorrenti fil-gruppi ta’ ħidma li tagħhom kienet membru, fl‑2013, 2015 u 2016, għall-assenzi irregolari fl‑2014 u 2016, għan-nuqqas ta’ informazzjoni fi żmien xieraq lis-superjuri diretti tagħha dwar il-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħat marbuta mal-mandat sindakali tagħha jew mal-mandat tagħha ta’ rappreżentanta tal-persunal, fl‑2014 u fl‑2016, u n-nuqqas ta’ osservanza ta’ ċerti istruzzjonijiet, b’mod partikolari l-istruzzjoni li timponilha li tistabbilixxi skeda ta’ azzjonijiet edukattivi, fl‑2015 u fl‑2016. |
|
368 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-assenza ta’ repetizzjoni tal-istess nuqqasijiet sena wara l-oħra. Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
369 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tat-tieni lment ta’ din il-parti, mill-punt 266 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax tikkontesta r-rapport ta’ evalwazzjoni 2015 b’mod inċidentali fil-kuntest ta’ dan ir-rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, li fir-rigward tagħha dan ir-rapport kellu rwol preparatorju. |
|
370 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li permezz ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti trid tikkontesta l-oġġettività tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2015 tagħha, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-grupp ta’ ħidma ad hoc tal-persuni kkollokati u rappreżentanti tal-Kummissjoni dwar l-eżerċizzju tal-mandat tagħha ta’ rappreżentanta tal-persunal. |
|
371 |
Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
|
372 |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tat-tielet ilment ta’ din il-parti, ibbażat fuq iż-żmien tal-fatti kkritikati lir-rikorrenti fir-rigward tas-snin 2014 u 2015, mill-punt 228 iktar ’il fuq u mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 222 u 227 iktar ’il fuq, jirriżulta li huwa possibbli li l-AHCC tibbaża deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba inkompetenza professjonali ta’ membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt fuq fatti kkonstatati, bħal f’dan il-każ, matul it-tliet snin preċedenti għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni. |
|
373 |
Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
374 |
Fil-ħames lok, fir-rigward tar-raba’ lment ta’ din il-parti, ir-rikorrenti targumenta li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq ħtija jew negliġenza li hija setgħet wettqet waqt li tieħu ħsieb it-tfal li kienu fdati lilha. |
|
375 |
Dan l-ilment huwa bbażat fuq il-premessa li x-xoljiment tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt jew temporanju minħabba inkompetenza professjonali ma jistax iseħħ ħlief wara li l-membru tal-persunal ikkonċernat iwettaq ħtija jew negliġenza fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet li kienu mogħtija lilu prinċipalment. |
|
376 |
Madankollu, għalkemm it-twettiq ta’ ħtija jew negliġenza fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet mogħtija prinċipalment lil membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt jista’ jagħti lok, jekk ikun il-każ, għal sanzjoni dixxiplinari, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-assenza ta’ tali ħtija jew tali negliġenza, l-AHCC tista’ xxolji l-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt minħabba inkompetenza professjonali, meta, bħal f’dan il-każ, l-aġir ġenerali tal-membru tal-persunal ikkonċernat iwassal, minħabba n-natura mhux xierqa u matul diversi snin konsekuttivi, għal konsegwenzi negattivi fuq l-operat effiċjenti tas-servizz tal-istituzzjoni li timpjegah. |
|
377 |
Għaldaqstant, fid-dawl tan-natura żbaljata tal-premessa msemmija fil-punt 375 iktar ’il fuq, dan l-ilment jista’ biss jiġi miċħud. |
|
378 |
Fis-sitt u l-aħħar lok, fir-rigward tal-ħames ilment ta’ din il-parti, ir-rikorrenti tikkritika lill-AHCC li ma ħaditx inkunsiderazzjoni ż-żmien tas-servizz tagħha kif ukoll in-nuqqas ta’ ċanfira jew twissija fir-rigward tagħha. |
|
379 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 376 iktar ’il fuq, l-AHCC tista’ xxolji l-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt minħabba inkompetenza professjonali, meta, bħal f’dan il-każ, l-aġir ġenerali tal-membru tal-persunal ikkonċernat iwassal, minħabba n-natura mhux xierqa tiegħu u matul diversi snin konsekuttivi, għal konsegwenzi negattivi fuq l-operat effiċjenti tas-servizz tal-istituzzjoni li timpjegah. |
|
380 |
Għalhekk, il-fatti waħedhom li, minn naħa, ir-rikorrenti kellha servizz ta’ sitt snin qabel ma wriet, fl‑2013, aġir mhux xieraq min-naħa tagħha, u min-naħa l-oħra, li hija qatt ma kienet is-suġġett ta’ sanzjoni dixxiplinari, ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu n-natura manifestament żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata, peress li ma huwiex ikkontestat li b’mod kontinwu bejn l‑2013 u l‑2016, ir-rikorrenti, bl-aġir mhux xieraq tagħha, affettwat b’mod negattiv l-operat effiċjenti taċ-CPE li miegħu kienet ikkollokata. |
|
381 |
Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li dan l-ilment għandu jiġi miċħud, l-istess bħal din il-parti u r-raba’ motiv kollu. [omissis] |
|
Għal dawn il-motivi, IL‑QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
da Silva Passos Valančius Reine Truchot Sampol Pucurull Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Ġunju 2023. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-proċedura: il-Franċiż.
( 1 ) Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.