Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0047

Kawża C-47/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Haarlem (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-1 ta’ Frar 2017 – X vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

OJ C 112, 10.4.2017, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 112/23


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Haarlem (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-1 ta’ Frar 2017 – X vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

(Kawża C-47/17)

(2017/C 112/33)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Haarlem

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X

Konvenut: Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

Domandi preliminari

1)

L-Istat Membru mitlub għandu, fid-dawl tal-għan, tal-kontenut u tal-portata tar-Regolament ta’ Dublin (1) u tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ ażil (2), jirrispondi fi żmien ġimagħtejn għat-talba għal eżami mill-ġdid kif prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni (3)?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, għandu jiġi applikat, fid-dawl tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, il-perijodu massimu ta’ xahar previst fl-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 343/2003 (4) [li issa huwa l-Artikolu 25(1) tar-Regolament ta’ Dublin]?

3)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda, l-Istat Membru mitlub għandu, bħala konsegwenza tal-espressjoni “għandu jagħmel l-għalmu tiegħu” li tinsab fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, terminu raġonevoli sabiex jirrispondi għat-talba għal eżami mill-ġdid?

4)

Jekk jikkostitwixxi effettivament terminu raġonevoli li fih l-Istat Membru mitlub għandu jirrispondi, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, għat-talba għal eżami mill-ġdid, jibqa’ jikkostitwixxi terminu raġonevoli, meta jgħaddu iktar minn sitt xhur, bħal fil-każ inkwistjoni? Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda, x’għandu jinftiehem b’terminu raġonevoli?

5)

Liema konsegwenzi għandhom jiġu dedotti mill-fatt li l-Istat Membru mitlub ma jirrispondix għat-talba għal eżami mill-ġdid fi żmien ġimagħtejn, fi żmien xahar jew f’terminu raġonevoli? Huwa l-Istat li qiegħed jagħmel it-talba, f’dak il-każ, responsabbli li jeżamina fil-mertu l-applikazzjoni għal ażil ta’ barrani, jew huwa responsabbli l-Istat Membru mitlub?

6)

Jekk għandu jitqies li l-Istat Membru mitlub isir responsabbli għall-eżami fil-mertu tal-applikazzjoni għal ażil bħala konsegwenza tal-fatt li ma rrispondiex fil-ħin għat-talba għal eżami mill-ġdid, kif huwa stabbilit fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, f’liema terminu għandu l-Istat Membru li qiegħed jagħmel it-talba — il-konvenut f’dan il-każ — jinforma lill-barrani b’dan?


(1)  Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, p. 31).

(2)  Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, p. 60).

(3)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003, tat-2 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).


Top