This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CJ0722
Judgment of the Court (First Chamber) of 10 July 2019.#Norbert Reitbauer and Others v Enrico Casamassima.#Request for a preliminary ruling from the Bezirksgericht Villach.#Reference for a preliminary ruling — Area of freedom, security and justice — Regulation (EU) No 1215/2012 — Jurisdiction in civil and commercial matters — Exclusive jurisdiction — Article 24(1) and (5) — Disputes in proceedings which have as their object rights in rem in immovable property and in proceedings concerned with the enforcement of judgments — Judicially ordered auction of immovable property — Opposition proceedings regarding the proceeds from that auction.#Case C-722/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Lulju 2019.
Norbert Reitbauer et vs Enrico Casamassima.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bezirksgericht Villach.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni esklużiva – Punti 1 u 5 tal-Artikolu 24 – Tilwim fil-qasam tad‑drittijiet tal-proprjetà immobbli in rem u fil-qasam tal-eżekuzzjoni tad‑deċiżjonijiet – Proċedura ta’ bejgħ ġudizzjarju b’subbasta ta’ proprjetà immobbli – Azzjoni għal oppożizzjoni tar-rikavat ta’ dan il-bejgħ b’subbasta.
Kawża C-722/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Lulju 2019.
Norbert Reitbauer et vs Enrico Casamassima.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bezirksgericht Villach.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni esklużiva – Punti 1 u 5 tal-Artikolu 24 – Tilwim fil-qasam tad‑drittijiet tal-proprjetà immobbli in rem u fil-qasam tal-eżekuzzjoni tad‑deċiżjonijiet – Proċedura ta’ bejgħ ġudizzjarju b’subbasta ta’ proprjetà immobbli – Azzjoni għal oppożizzjoni tar-rikavat ta’ dan il-bejgħ b’subbasta.
Kawża C-722/17.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:577
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
10 ta’ Lulju 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni esklużiva – Punti 1 u 5 tal-Artikolu 24 – Tilwim fil-qasam tad‑drittijiet tal-proprjetà immobbli in rem u fil-qasam tal-eżekuzzjoni tad‑deċiżjonijiet – Proċedura ta’ bejgħ ġudizzjarju b’subbasta ta’ proprjetà immobbli – Azzjoni għal oppożizzjoni tar-rikavat ta’ dan il-bejgħ b’subbasta”
Fil-Kawża C‑722/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bezirksgericht Villach (il-Qorti Distrettwali ta’ Villach, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil‑Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura
Norbert Reitbauer,
Dolinschek GmbH,
B.T.S. Trendfloor Raumausstattungs-GmbH,
Elektrounternehmen K. Maschke GmbH,
Klaus Egger,
Architekt DI Klaus Egger Ziviltechniker GmbH
vs
Enrico Casamassima,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader (Relatur), A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Jannar 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal N. Reitbauer, Dolinschek GmbH, B.T.S. Trendfloor Raumausstattungs-GmbH, Elektrounternehmen K. Maschke GmbH, K. Egger u Architekt DI Klaus Egger Ziviltechniker GmbH, minn G. Götz, Rechtsanwalt, |
– |
għal E. Casamassima, minn H. Walder, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u P. Lacerda, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Svizzeru, minn M. Schöll, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u M. Wilderspin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ April 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 1 u 5 tal‑Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Norbert Reitbauer, Dolinschek GmbH, B.T.S. Trendfloor Raumausstattungs‑GmbH, Elektrounternehmen K. Maschke GmbH, Klaus Egger u Architekt DI Klaus Egger Ziviltechniker GmbH (iktar ’il quddiem “Reitbauer et”), minn naħa, u Enrico Casamassima, iddomiċiljat fl-Italja, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ azzjoni għal oppożizzjoni tar-rikavat ta’ bejgħ ġudizzjarju b’subbasta ta’ proprjetà immobbli li tinsab fl-Awstrija. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 15, 21 u 34 tar-Regolament Nru 1215/2012 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
4 |
Il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi b’mod partikolari t-Taqsima 1, “Dispożizzjonijiet Ġenerali”, u t-Taqsima 2, “Ġurisdizzjoni Speċjali”. L-Artikolu 4(1), li jinsab taħt din it-Taqsima 1, jipprovdi: “Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.” |
5 |
L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej: “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:
|
6 |
Skont il-punti 1 u 5 tal-Artikolu 24 tal-istess regolament: “Dawn il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentement mid-domiċilju tal-partijiet:
[…]
|
Id-dritt Awstrijak
L-EO
7 |
Mill-Artikoli 209 sa 212 tal-Exekutionsordnung (il-Kodiċi dwar il-Proċeduri ta’ Eżekuzzjoni, iktar ’il quddiem l-“EO”), jirriżulta li għandu jkun hemm trattazzjoni orali dwar it-tqassim tar-rikavat tal-prodott tal-bejgħ forzat ta’ oġġett. F’dan is-sens, il-kredituri jiġu mistiedna jiddikjaraw il-pretensjonijiet tagħhom fuq ir-rikavat li għandu jitqassam li għandhom jiġu ssostanzjati permezz ta’ provi dokumentarji. L-eżattezza u l-ordni ta’ prijorità tal-pretensjonijiet jiġu eżaminati waqt is-seduta. |
8 |
Fil-kuntest tal-proċedura ta’ tqassim tar-rikavat tal-bejgħ forzat, il-kredituri u d-debitur jistgħu jopponu, bis-saħħa tal-Artikolu 213 tal-EO, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti pretensjonijiet. L-oppożizzjoni tista’ tirrigwarda l-eżistenza, il-klassifikazzjoni jew l-ammont ta’ pretensjoni ddikjarata. |
9 |
Skont l-Artikolu 231(1) tal-EO, il-qorti tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet ta’ liġi mqajma mill-oppożizzjoni permezz ta’ ordni ta’ tqassim. Jekk id-deċiżjoni dwar l-oppożiżizzjoni tkun tiddependi mill-konstatazzjoni ta’ elementi ta’ fatt kontenzjużi, l-ordni ta’ tqassim tistieden lill-parti rikorrenti tippreżenta azzjoni għal oppożizzjoni għat-tqassim tar-rikavat. |
10 |
Skont l-Artikolu 232 tal-EO, il-qorti ta’ eżekuzzjoni għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi dwar l-azzjoni għal oppożizzjoni għat-tqassim tar-rikavat. |
L-AnfO
11 |
Skont l-Artikolu 1 tal-Anfechtungsordnung (il-Kodiċi Awstrijak dwar l-Actio Pauliana, iktar ’il quddiem l-“AnfO”), l-actio pauliana hija intiża sabiex jiġi ddikjarat li l-atti ta’ natura ġuridika frawdolenti li jirrigwardaw il-patrimonju tad-debitur ma jkunux jistgħu jiġu invokati esklużivament fil-konfront tal-kreditur li jressaq il-pretensjoni. Din l-azzjoni hija disponibbli meta l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni kontra l-assi tad-debitur ma jkunux ikopru jew ma jkoprux kompletament il-pretensjonijiet tal-kreditur u jekk din l-azzjoni toffri l-possibbiltà li dawn il-pretensjonijiet jiġu ssodisfatti. |
12 |
Mill-Artikoli 2 u 3 tal-AnfO jirriżulta li l-actio pauliana ma tistax titressaq fil-każ ta’ intenzjoni frawdolenti jew ta’ tħarbit tal-assi, kif ukoll trasferimenti li jsiru b’mod gratuwitu. |
13 |
Konformement mal-Artikolu 6 tal-AnfO, il-fatt li l-att kontenzjuż ikun twettaq bis-saħħa ta’ titolu eżekuttiv jew permezz tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ma jipprekludix l-actio pauliana. |
14 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 10 tal-AnfO, l-actio pauliana tista’ tiġi ppreżentata fil-kuntest tal-proċedura ta’ tqassim tar-rikavat tal-bejgħ forzat. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 |
E. Casamassima u s-Sinjura C., iddomiċiljati f’Ruma, kienu f’relazzjoni ta’ konvivenza more uxorio sa mill-inqas ir-rebbiegħa tal‑2014. Matul is-sena 2010, huma kienu xtraw dar f’Villach (l-Awstrija). Fir-reġistru tal-artijiet, C. kienet imniżżla bħala proprjetarja. |
16 |
Sussegwentement ġew ordnati xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni tal-proprjetà immobbli mingħand Reitbauer et. Peress li l-ħlasijiet għal dawn ix-xogħlijiet ma kinux ġew onorati għalkollox, Reitbauer et ippreżentaw azzjoni ta’ kumpens għad-danni kontra C. Sensiela ta’ deċiżjonijiet, fosthom l-ewwel waħda, mhux definittiva, mogħtija fil-bidu tas-sena 2014, laqgħu din it-talba għal kumpens. |
17 |
Fis‑7 ta’ Mejju 2014, C. irrikonoxxiet, quddiem qorti ta’ Ruma, li kellha dejn fil-konfront ta’ E. Casamassima relatat ma’ self ta’ ammont ta’ EUR 349 772.95 li l-modalitajiet għall-ħlas lura tiegħu fuq ħames snin kienu ġew miftiehma fil-kuntest ta’ tranżazzjoni ġudizzjarja. Barra minn hekk, C. impenjat ruħha li tirreġistra ipoteka fuq il-proprjetà li tinsab f’Villach sabiex tiggarantixxi dan id-dejn. |
18 |
Permezz ta’ att notarili tat‑13 ta’ Ġunju 2014, stabbilit fi Vjenna (l-Awstrija), C. ipproċediet sabiex tirrikonoxxi mill-ġdid l-imsemmi dejn. Fit‑18 ta’ Ġunju 2014, sigurtà in rem favur E. Casamassima ġiet irreġistrata għall-proprjetà kkonċernata fir-reġistru tal-artijiet. |
19 |
L-ewwel deċiżjoni mogħtija favur Reitbauer et fil-bidu tas-sena 2014 wara l-azzjoni ta’ kumpens għad-danni saret eżekuttiva biss wara r-reġistrazzjoni tas-sigurtà in rem favur E. Casamassima, b’tali mod li s-sigurtajiet ta’ Reitbauer et fuq il-proprjetà ta’ C. li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni kienu ta’ klassifikazzjoni inferjuri għal dik ta’ E. Casamassima. |
20 |
Fit‑3 ta’ Settembru 2015, il-qorti ta’ Ruma ċċertifikat it-tranżazzjoni ġudizzjarja konkluża bejn C. u E. Casamassima bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38). |
21 |
Fix-xahar ta’ Frar 2016, E. Casamassima talab quddiem il-Bezirksgericht Villach (il-Qorti Distrettwali ta’ Villach, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, il-bejgħ forzat tal-proprjetà immobbli kkonċernata. Mill-ordni ta’ klassifikazzjoni tal-kredituri li jinsab fir-reġistru tal-artijiet jirriżulta li l-prezz ta’ EUR 280000, li huwa l-ammont li bih ġiet mibjugħa l-proprjetà matul il-ħarifa tas-sena 2016, kien imur kważi kollu kemm hu lil E. Casamassima fuq il-bażi tas-sigurtà in rem irreġistrata favurih f’dan ir-reġistru. |
22 |
Sabiex jiġi evitat tali tqassim tar-rikavat tal-bejgħ ġudizzjarju b’subbasta, Reitbauer et wettqu ċertu numru ta’ inizjattivi ġudizzjarji. |
23 |
B’hekk, minn naħa, fix-xahar ta’ Ġunju 2016, Reitbauer et ippreżentaw quddiem il-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija) actio pauliana kontra E. Casamassima u kontra C. Permezz ta’ digriet li sar definittiv fix-xahar ta’ Lulju 2017, din il-qorti, li eskludiet il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fid-dawl tad-domiċilju ta’ E. Casamassima u ta’ C. barra mill-Awstrija, ċaħdet din l-azzjoni. |
24 |
Min-naħa l-oħra, waqt is-seduta organizzata fl‑10 ta’ Mejju 2017 quddiem il-qorti tar-rinviju konformement mal-Artikoli 209 sa 212 tal-EO għall-finijiet tat-tqassim tar-rikavat tal-bejgħ ġudizzjarju b’subbasta bejn il-kredituri differenti, Reitbauer et ressqu oppożizzjoni taħt l-Artikolu 213 tal-EO fir-rigward tal-ammont imqassam lil E. Casamassima. |
25 |
Wara li ressqu din l-oppożizzjoni Reitbauer et adixxew lill-qorti tar-rinviju b’azzjoni għal oppożizzjoni għat-tqassim tar-rikavat bis-saħħa tal-Artikolu 232 tal-EO, li fil-kuntest tagħha qajmu żewġ motivi ta’ oppożizzjoni. L-ewwel motiv huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-attribuzzjoni tar-rikavat mill-bejgħ ġudizzjarju b’subbasta lil E. Casamassima kien ġie deċiż b’mod żbaljat, inkwantu l-pretensjoni ta’ dan tal-aħħar kienet ġiet paċuta mad-danni dovuti minnu lil C. talli kien ordna x-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni mingħand Reitbauer et mingħajr ma kienet tat il-kunsens tagħha. It-tieni motiv, li l-qorti tar-rinviju pparagunat għal actio pauliana, tirrigwarda r-rikonoxximent tad-dejn tat‑13 ta’ Ġunju 2014 li, skont Reitbauer et, ġie stabbilit permezz ta’ att notarili bl-uniku għan li jkollhom prijorità fuq il-proprjetà immobbli kkonċernata. |
26 |
Sabiex jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-Bezirksgericht Villach (il-Qorti Distrettwali ta’ Villach) sabiex tieħu konjizzjoni minn tali azzjoni, Reitbauer et invokaw il-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012. Min-naħa l-oħra E. Casamassima qajjem eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ din il-qorti fejn allega li l-azzjoni prinċipali għandha, essenzjalment, natura analoga għal dik ta’ actio pauliana li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet iddeċidiet, permezz tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:149), li din ma taqax taħt din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva. |
27 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont id-dritt Awstrijak, fl-okkażjoni tas-seduta organizzata sabiex jiġi diskuss it-tqassim tar-rikavat tal-bejgħ ġudizzjarju b’subbasta, fil-każ ta’ oppożizzjoni mressqa bis-saħħa tal-Artikolu 213 tal-EO tista’ ssir il-verifika tal-eżistenza tal-ordni ta’ prijorità tal-pretensjonijiet. Jekk id-deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni tkun tiddependi mill-konstatazzjoni ta’ fatti kontenzjużi, il-partijiet huma mistiedna jippreżentaw azzjoni distinta f’terminu ta’ xahar, jiġifieri l-azzjoni għal oppożizzjoni għat-tqassim tar-rikavat. |
28 |
Din l-azzjoni tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tqassim fir-rigward tal-parti kontenzjuża tagħha. |
29 |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-azzjoni għal oppożizzjoni għat-tqassim tar-rikavat tippermetti, b’mod partikolari, li ssir il-verifika tal-infurzabbiltà ta’ sigurtà in rem, hekk kif Reitbauer et għandhom l-għan li jiksbu minn din il-qorti permezz tat-tieni motiv ta’ oppożizzjoni tagħhom. L-imsemmija qorti tqis li din il-possibbiltà tagħti lill-azzjoni għal oppożizzjoni għat-tqassim tar-rikavat in-natura ta’ actio pauliana. |
30 |
Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni internazzjonali biex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni għal oppożizzjoni għat-tqassim tar-rikavat, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhomx jiġu eżaminati fir-rigward ta’ tali azzjoni b’mod globali u astratt, jew fir-rigward ta’ kull motiv ta’ oppożizzjoni mqajjem f’każ konkret. |
31 |
Skont din il-qorti, il-karatteristiċi ta’ din il-proċedura, ikkunsidrata fl-intier tagħha, jixhdu rabta qawwija mal-qorti tal-post tal-eżekuzzjoni forzata jew tal-bażi tas-sigurtà in rem. |
32 |
Għalhekk, fir-rigward tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva favur qrati tal-Istat Membru tal-post ta’ eżekuzzjoni, previsti fil-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti tar-rinviju ssostni li, skont l-EO, l-azzjoni għal oppożizzjoni għat-tqassim tar-rikavat tirriżulta mill-ġurisdizzjoni obbligatorja tal-qorti ta’ eżekuzzjoni. Għalkemm huwa minnu li l-azzjoni taħt l-Artikolu 232 tal-EO ma hijiex prinċipalment intiża sabiex tikkontesta l-eżekuzzjoni, ġaladarba d-debitur ikun diġà tilef il-proprjetà immobbli waqt il-bejgħ ġudizzjarju b’subbasta, il-proprjetà immobbli kkonċernata tiġi ssostitwita, f’dan l-istadju, bir-rikavat tal-bejgħ, b’tali mod li t-tqassim tiegħu mill-qorti jkun jirriżulta wkoll mill-attivitajiet tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni. |
33 |
Fir-rigward tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva favur qrati tal-Istat Membru tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, previsti fil-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-azzjoni għal oppożizzjoni għat-tqassim tar-rikavat ukoll taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, inkwantu tali azzjoni tikkostitwixxi stadju tal-eżekuzzjoni ta’ sigurtà in rem iffinalizzat bit-tqassim tar-rikavat tal-bejgħ tal-bażi ta’ din is-sigurtà. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bezirksgericht Villach (il-Qorti Distrettwali ta’ Villach) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
35 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punti 1 u 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni ta’ kreditur għall-oppożizzjoni għat-tqassim tar-rikavat minn bejgħ ġudizzjarju b’subbasta ta’ proprjetà immobbli intiża, minn naħa, għall-konstatazzjoni tal-estinzjoni permezz ta’ tpaċija ta’ pretensjoni kompetitriċi, u, min-naħa l-oħra, għan-nuqqas ta’ infurzar tas-sigurtà in rem li tiggarantixxi l-eżekuzzjoni ta’ din l-aħħar pretensjoni, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli jew tal-qrati tal-post ta’ eżekuzzjoni forzata. |
36 |
Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li, sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 iħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001 li, min-naħa tiegħu, jissostitwixxi l-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-aħħar strumenti legali hija wkoll valida għar-Regolament Nru 1215/2012 f’sitwazzjonijiet fejn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “ekwivalenti” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2018, Nothartová, C‑306/17, EU:C:2018:360, punt 18; tal‑15 ta’ Novembru 2018, Kuhn, C‑308/17, EU:C:2018:911, punt 31; kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2019, Gradbeništvo Korana, C‑579/17, EU:C:2019:162, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Is-sistema ta’ attribuzzjonijiet ta’ ġurisdizzjonijiet komuni prevista fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 hija bbażata fuq ir-regola ġenerali, iddikjarata fl-Artikolu 4(1) tiegħu li l-persuni ddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru jitressqu quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat, indipendentement min-nazzjonalità tal-partijiet. |
38 |
Huwa biss b’eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva, b’mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet. Dawn ir-regoli speċifiċi ta’ ġurisdizzjoni għandhom, konsegwentement, ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta. |
39 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li skont ir-regoli rilevanti tal-EO wara proċedura ta’ bejgħ ġudizzjarju b’subbasta ta’ proprjetà immobbli, it-tqassim tar-rikavat tal-eżekuzzjoni forzata huwa deċiż waqt seduta organizzata quddiem il-qorti ta’ eżekuzzjoni. F’din l-okkażjoni, jekk id-dritt ta’ parteċipazzjoni ta’ kreditur jiġi kkontestat, il-qorti jkollha twettaq verifiki li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ ordni ta’ prijorità tal-pretensjonijiet. Fil-każ fejn id-deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni tiddependi fuq il-konstatazzjoni ta’ fatti kontenzjużi, il-partijiet jiġu mistiedna jippreżentaw azzjoni għal oppożizzjoni għat-tqassim tar-rikavat. |
40 |
F’dan il-każ, insostenn tal-azzjoni għal oppożizzjoni għat-tqassim tar-rikavat inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Reitbauer et invokaw, minn naħa, l-estinzjoni permezz ta’ tpaċija tal-pretensjoni ta’ E. Casamassima u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ infurzabbiltà tas-sigurtà in rem li tiggarantixxi l-eżekuzzjoni ta’ din il-pretensjoni, fejn din l-aħħar oġġezzjoni, skont il-qorti tar-rinviju, għandha n-natura ta’ actio pauliana. |
41 |
Għalkemm ma jistax jiġi miċħud li, analizzata fl-intier tagħha, l-azzjoni għal oppożizzjoni għat-tqassim tar-rikavat għandha rabta mal-proċedura ta’ eżekuzzjoni relatata mal-bejgħ forzat tal-proprjetà immobbli, xorta jibqa’ l-fatt, hekk kif jirriżulta mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-motivi ta’ oppożizzjoni mqajma fil-kuntest ta’ tali azzjoni jistgħu jkunu differenti ħafna fir-rigward tal-kontenut tagħhom u b’hekk jista’ jkollhom natura ġuridika differenti, b’tali mod li l-qrubija tagħhom mal-eżekuzzjoni forzata jew mad-drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli jistgħu jvarjaw kunsiderevolment. |
42 |
Għalhekk, kif ġie essenzjalment irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 35, 38 u 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, analiżi globali tal-azzjoni għal oppożizzjoni għat-tqassim tar-rikavat għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali applikabbli għal din l-azzjoni tmur kontra l-interpretazzjoni stretta imposta min-natura eċċezzjonali tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva previsti fil-punti 1 u 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012. |
43 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk, minn naħa, il-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012, u, min-naħa l-oħra, il-punt 5 tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, jippermettux li jiġi ddeterminat il-forum li għandu ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni rispettivament ta’ kull wieħed mill-motivi ta’ oppożizzjoni mqajma minn Reitbauer et. |
Fuq il-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012
44 |
Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat li fih tinsab il-proprjetà immobbli, prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li din il-ġurisdizzjoni esklużiva ma tinkludix l-azzjonijiet kollha li jirrigwardaw drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli, iżda biss dawk fosthom li, fl-istess waqt, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 kif ukoll ikunu fost dawk li, minn naħa, jiddeterminaw il-portata, il-konsistenza, il-proprjetà, il-pussess ta’ proprjetà immobbli jew l-eżistenza ta’ drittijiet oħra in rem fuq dawn il-proprjetajiet u, min-naħa l-oħra, jiżguraw lil min għandu dawn id-drittijiet il-protezzjoni tal-prerogattivi marbuta mat-titolu tagħhom (sentenzi tat‑3 ta’ April 2014, Weber, C‑438/12, EU:C:2014:212, punt 42; tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Komu et, C‑605/14, EU:C:2015:833, punt 26; kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2016, Schmidt, C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 30). |
45 |
Għalhekk, sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ qorti tal-Istat Membru fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli ma huwiex biżżejjed li l-azzjoni tkun tikkonċerna dritt in rem fuq proprjetà immobbli jew li l-azzjoni jkollha rabta ma’ proprjetà immobbli. Għall-kuntrarju jeħtieġ li l-azzjoni tkun ibbażata fuq dritt in rem u mhux fuq dritt personali (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Schmidt, C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 34). |
46 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motiv ta’ oppożizzjoni intiż għall-konstatazzjoni tal-estinzjoni permezz ta’ tpaċija tal-pretensjoni ta’ E. Casamassima, jeħtieġ li jiġi osservat li, permezz ta’ tali talba, Reitbauer et, essenzjalment, għandhom l-intenzjoni li jikkontestaw l-eżistenza tal-pretensjoni invokata kontrihom fil-kuntest tat-tqassim tar-rikavat tal-bejgħ ġudizzjarju b’subbasta. |
47 |
Issa, għalkemm huwa minnu li l-eżistenza ta’ pretensjoni serviet bħala bażi għall-kostituzzjoni tas-sigurtà in rem u għall-eżekuzzjoni sussegwenti, din it-talba għal tpaċija ma hijiex ibbażata fuq dritt in rem. Il-fatt dwar jekk il-pretensjoni ta’ E. Casamassima fir-rigward tad-debitriċi tiegħu hijiex estinta permezz ta’ tpaċija ma huwiex, għalhekk, marbut mar-raġunijiet li jippermettu l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, jiġifieri l-ħtieġa li jsiru verifiki, investigazzjonijiet u perizji fuq il-post (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Komu et, C‑605/14, EU:C:2015:833, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-motiv li permezz tiegħu Reitbauer et jikkontestaw il-fondatezza taċ-ċertifikat notarili ta’ dejn bejn E. Casamassima u C. fit‑13 ta’ Ġunju 2014 li serva bħala bażi għall-eżekuzzjoni forzata u jitolbu l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ dan l-att fil-konfront tagħhom, jeħtieġ li jiġi osservat li l-eżami ta’ tali argument ma jirrikjedi la l-evalwazzjoni ta’ fatti u lanqas l-applikazzjoni tar-regoli u tal-konswetudnijiet tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli li jistgħu jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru li fih tinsab il-proprjetà immobbli (sentenza tal‑10 ta’ Jannar 1990, Reichert u Kockler, C‑115/88, EU:C:1990:3, punt 12). |
49 |
Fil-fatt, tali motiv ta’ kontestazzjoni pparagunat mill-qorti tar-rinviju għal actio pauliana jsib il-bażi tiegħu fid-dritt dwar il-pretensjonijiet, dritt personali tal-kreditur fil-konfront tad-debitur, u għandu l-għan li jipproteġi l-garanzija patrimonjali li tal-ewwel ikollu fil-konfront tal-patrimonju tat-tieni (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Feniks, C‑337/17, EU:C:2018:805, punt 40). |
50 |
Konsegwentement, hekk kif ġie osservat ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ tali azzjoni humiex issodisfati ma jirrikjedix verifiki strettament marbuta mal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, li jkunu tali li jiġġustifikaw ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru tal-post fejn tkun tinsab din il-proprjetà immobbli. |
Fuq il-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012
51 |
Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, fil-qasam tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, huma kompetenti biss, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tad-domiċilju tal-partijiet, il-qrati tal-Istat Membru tal-post tal-eżekuzzjoni. |
52 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-azzjonijiet intiżi sabiex tiġi deċiża oppożizzjoni dwar l-użu ta’ forza, limitazzjoni jew qbid ta’ proprjetà mobbli jew immobbli sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-deċiżjonijiet u tal-atti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler, C‑261/90, EU:C:1992:149, punt 28). |
53 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motiv ta’ oppożizzjoni mqajjem minn Reitbauer et, intiż għall-konstatazzjoni tal-estinzjoni permezz ta’ tpaċija tal-pretensjoni ta’ E. Casamassima, jeħtieġ li jiġi osservat li l-eżami tal-fondatezza ta’ tali talba ma huwiex bħall-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tal-eżekuzzjoni forzata bħala tali. |
54 |
Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura speċifika tar-rabta rikjesta fil-punt 5 tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif emendata bil-konvenzjonijiet sussegwenti relatati mal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni, li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew riprodotti fil-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012, timplika li parti tista’ tinvoka l-ġurisdizzjoni li din id-dispożizzjoni tagħti lill-qrati tal-post tal-eżekuzzjoni sabiex tadixxi lil dawn il-qrati, b’mod eċċezzjonali, b’tilwima li taqa’ taħt il-qrati ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 1985, AS‑Autoteile Service, 220/84, EU:C:1985:302, punt 17). |
55 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-motiv ta’ oppożizzjoni pparagunat mill-qorti tar-rinviju ma’ actio pauliana, jeħtieġ li jiġi osservat li, permezz tiegħu, Reitbauer et ma jikkontestawx l-atti tal-awtoritajiet inkarigati mill-eżekuzzjoni forzata, fihom innifishom, fejn għalhekk tali azzjoni ma tippreżentax il-livell ta’ qrubija meħtieġa b’din l-eżekuzzjoni sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regola esklużiva ta’ ġurisdizzjoni prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012. |
56 |
Għaldaqstant, u sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata l-indikazzjonijiet utli kollha sabiex tiddeċiedi t-tilwima li biha ġiet adita, jeħtieġ li jiġi eżaminat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali, jekk il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdix bażi legali għall-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ din il-qorti fir-rigward tal-actio pauliana. |
57 |
Skont din id-dispożizzjoni, fil-qasam kuntrattwali, persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ titressaq fi Stat Membru ieħor, quddiem il-qorti tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi bħala bażi għat-talba. |
58 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-actio pauliana, meta tiġi ppreżentata fuq il-bażi ta’ drittijiet fuq dejn derivanti minn obbligi derivanti mill-konklużjoni ta’ kuntratt, taqa’ taħt il-“kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt” fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Feniks, C‑337/17, EU:C:2018:805, punt 44). |
59 |
F’dan il-każ, kif essenzjalment sostnew Reitbauer et u l-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta, peress li t-tieni motiv ta’ oppożizzjoni pparagunat mill-qorti tar-rinviju għal actio pauliana ġie fformulat bil-għan li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ infurzabbiltà min-naħa ta’ Reitbauer et tas-sigurtà in rem ikkostitwita favur E. Casamassima minn C., debitriċi komuni li magħha kull wieħed minn dawn il-kredituri kien marbut kuntrattwalment, il-forum tad-domiċilju tal-konvenut jista’ jiġi kkompletat b’dak awtorizzat fil-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012. |
60 |
Tali forum jissodisfa, fir-rigward tal-oriġini kuntrattwali tar-relazzjonijiet bejn il-kredituri u C., kemm ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà kif ukoll l-għan tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. |
61 |
Konsegwentement, min għandu pretensjonijiet li jirriżultaw minn kuntratt jista’ jippreżenta actio pauliana quddiem il-qorti tal-“post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni”, inkwantu dan il-forum huwa dak li huwa awtorizzat bis-saħħa tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012. F’dan il-każ, permezz tat-tieni motiv, Reitbauer et għandhom l-intenzjoni li jippreżervaw l-interessi tagħhom fl-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni konklużi ma’ C. Għaldaqstant il-“post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni” huwa, konformement mal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, dak fejn, bis-saħħa ta’ dawn il-kuntratti, dawn ix-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni ġew ipprovduti, jiġifieri fl-Awstrija. |
62 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jeħtieġ li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-punti 1 u 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-azzjoni ta’ kreditur għal oppożizzjoni għat-tqassim tar-rikavat ta’ bejgħ ġudizzjarju b’subbasta ta’ proprjetà immobbli intiża, minn naħa, għall-konstatazzjoni tal-estinzjoni permezz ta’ tpaċija ta’ pretensjoni kompetitriċi u, min-naħa l-oħra, għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà tas-sigurtà in rem li tiggarantixxi l-eżekuzzjoni ta’ din l-aħħar pretensjoni ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli jew tal-qrati tal-post ta’ eżekuzzjoni forzata. |
Fuq l-ispejjeż
63 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-punti 1 u 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-azzjoni ta’ kreditur għal oppożizzjoni għat-tqassim tar-rikavat ta’ bejgħ ġudizzjarju b’subbasta ta’ proprjetà immobbli intiża, minn naħa, għall-konstatazzjoni tal-estinzjoni permezz ta’ tpaċija ta’ pretensjoni kompetitriċi u, min-naħa l-oħra, għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà tas-sigurtà in rem li tiggarantixxi l-eżekuzzjoni ta’ din l-aħħar pretensjoni ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli jew tal-qrati tal-post ta’ eżekuzzjoni forzata. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.