This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CJ0673
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 1 October 2019.#Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband e.V. v Planet49 GmbH.#Request for a preliminary ruling from the Bundesgerichtshof.#Reference for a preliminary ruling — Directive 95/46/EC — Directive 2002/58/EC — Regulation (EU) 2016/679 — Processing of personal data and protection of privacy in the electronic communications sector — Cookies — Concept of consent of the data subject — Declaration of consent by means of a pre-ticked checkbox.#Case C-673/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Ottubru 2019.
Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband eV vs Planet49 GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 95/46/KE – Direttiva 2002/58/KE – Regolament (UE) 2016/679 – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Cookies – Kunċett ta’ kunsens tas-suġġett tad-data – Dikjarazzjoni ta’ kunsens permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel.
Kawża C-673/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Ottubru 2019.
Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband eV vs Planet49 GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 95/46/KE – Direttiva 2002/58/KE – Regolament (UE) 2016/679 – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Cookies – Kunċett ta’ kunsens tas-suġġett tad-data – Dikjarazzjoni ta’ kunsens permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel.
Kawża C-673/17.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:801
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
1 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 95/46/KE – Direttiva 2002/58/KE – Regolament (UE) 2016/679 – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Cookies – Kunċett ta’ kunsens tas-suġġett tad-data – Dikjarazzjoni ta’ kunsens permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel”
Fil-Kawża C‑673/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura
Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband eV
vs
Planet49 GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, M. Vilaras, T. von Danwitz, C. Toader, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), L. Bay Larsen, M. Safjan u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Novembru 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband eV, minn P. Wassermann, Rechtsanwalt, |
– |
għal Planet49 GmbH, minn M. Jaschinski, J. Viniol u T. Petersen, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. De Luca, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn L. Medeiros u C. Guerra, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u H. Kranenborg kif ukoll minn P. Costa de Oliveira, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(f) u tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata permezz tad-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”), moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband eV (il-Federazzjoni tal-Organizzazzjonijiet u tal-Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi – Federazzjoni tal-Organizzazzjonijiet tal-Konsumaturi, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“Federazzjoni”) u, min-naħa l-oħra, Planet49 GmbH, kumpannija li tipproponi logħob online, rigward il-kunsens tal-parteċipanti f’lotterija promozzjonali organizzata minn din il-kumpannija għat-trasferiment tad-data personali tagħhom lil promoturi u msieħba ta’ din kif ukoll għall-ħażna ta’ informazzjoni u għall-aċċess għal informazzjoni maħżuna fit-tagħmir terminali ta’ dawn l-utenti. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 95/46
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/46 jipprevedi: “1. Skont din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali. 2. Stati Membri m’għandhomx jirrestrinġu jew jipprojbixxu it-tixrid ħieles ta’ data personali bejn Stati Membri għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni mogħtija fil-paragrafu 1.” |
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
|
5 |
L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi: “Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:
[…]” |
6 |
Skont l-Artikolu 10 tal-istess direttiva: “Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data li mingħandu tinġabar id-data dwaru nnifsu, għall-inqas bl-informazzjoni li ġejja, ħlief meta huwa jkun diga jaf biha:
sakemm din l-informazzjoni tkun meħtieġa, meħud kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-data jkun inġabar, biex ikun garantit ipproċessar ġust dwar is-suġġett tad-data.” |
Id-Direttiva 2002/58
7 |
Il-premessi 17 u 24 tad-Direttiva 2002/58 jipprevedu:
[…]
|
8 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/58 jipprevedi: “1. Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika [fl-Unjoni Ewropea]. 2. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippartikularizzaw u jikkomplementaw id-Direttiva [95/46] għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1. […]” |
9 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid-Direttiva [95/46] u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349].’’ Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]” |
10 |
L-Artikolu 5(3) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva [95/46], dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas-soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.” |
Ir-Regolament 2016/679
11 |
Il-premessa 32 tar-Regolament 2016/679 tgħid: “Il-kunsens għandu jingħata b’att affermattiv ċar li jistabbilixxi indikazzjoni mogħtija liberament, speċifika, infurmata u mhux ambigwa tal-qbil tas-suġġett tad-data li huwa jaqbel li tiġi pproċessata data personali b’rabta miegħu, pereżempju b’dikjarazzjoni bil-miktub, inkluż b’mod elettroniku, jew bil-fomm. Dan jista’ jinkludi l-immarkar ta’ kaxxa meta jżur sit elettroniku tal-internet, l-għażla ta’ settings tekniċi għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jew xi dikjarazzjoni jew imġiba oħra li f’dan il-kuntest jindikaw b’mod ċar l-aċċettazzjoni tas-suġġett tad-data tal-ipproċessar propost tad-data personali tiegħu. Is-silenzju, kaxxi mmarkati minn qabel jew in-nuqqas ta’ attività għaldaqstant ma għandhomx jitqiesu bħala kunsens. Il-kunsens għandu jkopri l-attivitajiet tal-ipproċessar kollha li jsiru għall-istess fini jew finijiet. Meta l-ipproċessar ikollu diversi finijiet, għandu jingħata kunsens għalihom kollha. Jekk il-kunsens tas-suġġett tad-data jkollu jingħata wara talba b’mod elettroniku, it-talba għandha tkun ċara, konċiża u li ma toħloqx tfixkil bla bżonn għall-użu tas-servizz li tkun qed tiġi pprovduta għalih.” |
12 |
L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
[…]
[…]” |
13 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jipprevedi: “1. L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:
[…]” |
14 |
L-Artikolu 7(4) tal-istess regolament jipprevedi: “Meta jiġi vvalutat jekk il-kunsens ikunx ingħata b’mod liberu, għandu jittieħed kont sħiħ tal-fatt jekk, inter alia, l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, inkluż il-provvista ta’ servizz, tkunx kondizzjonata fuq il-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali li ma jkunx meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ dak il-kuntratt.” |
15 |
Skont l-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament 2016/679: “1. Fejn data personali relatata ma’ suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data: […]
[…] 2. Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu, meta tinkiseb id-data personali, jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni ulterjuri li ġejja meħtieġa biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti:
[…]” |
16 |
L-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “1. Id-Direttiva [95/46] titħassar b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018. 2. Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. Ir-referenzi għall-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar tad-Data Personali stabbilit bl-Artikolu 29 tad-Direttiva [95/46] għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit b’dan ir-Regolament.” |
Id-dritt Ġermaniż
17 |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 307(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), “[i]d-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ma humiex applikabbli jekk, kuntrarjament għar-rekwiżiti ta’ bona fide, huma jiżvantaġġaw indebitament il-parti l-oħra tal-kuntratt mal-utent”. |
18 |
Il-punt 1 tal-Artikolu 307(2) tal-BGB jipprevedi li, fil-każ ta’ dubju, “għandu jiġi preżunt li jeżisti żvantaġġ indebitu jekk dispożizzjoni ma tkunx kompatibbli mal-prinċipji essenzjali tad-dispożizzjoni statutorja li minnha tiddevja”. |
19 |
L-Artikolu 12 tat-Telemediengesetz (il-Liġi dwar il-Mezzi ta’ Telekomunikazzjoni, tas-26 ta’ Frar 2007 (BGBl. 2007 I, p. 179), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem it-“TMG”), jipprevedi: “(1) Il-fornitur tas-servizzi ma jistax jiġbor u juża data ta’ natura personali bl-iskop li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-mezzi ta’ komunikazzjoni ħlief jekk il-liġi preżenti jew strument legali ieħor li jipprevedi b’mod espliċitu lill-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi jawtorizzah jew jekk l-utent ta l-kunsens tiegħu. (2) Il-fornitur tas-servizzi jista’ juża għal skopijiet oħra d-data personali miġbura sabiex jipprovdi s-servizzi ta’ telekomunikazzjoni biss sal-estent permess minn din il-Liġi u dispożizzjonijiet oħra li jirreferu espressament għal tali servizzi, jew jekk l-utent ikun ta l-kunsens tiegħu. (3) Sakemm ma jkunx previst mod ieħor, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ li tirregola l-protezzjoni tad-data ta’ natura personali għandha tiġi applikata anki jekk id-data ma kinitx is-suġġett ta’ pproċessar awtomatizzat.” |
20 |
Skont l-Artikolu 13(1) tat-TMG, mill-bidu tal-użu, il-fornitur ta’ servizzi għandu jinforma lill-utent f’forma li tkun ġeneralment komprensibbli dwar il-mod, il-portata u l-iskop tal-ġbir u tal-użu ta’ data personali, jekk ma jkunx diġà ġie informat b’dan minn qabel. Fil-proċeduri awtomatizzati, li jippermettu li jiġi identifikat l-utent ulterjorment u li jippreparaw il-ġbir jew l-użu ta’ data personali, l-utent għandu jiġi informat fil-bidu ta’ din il-proċedura. |
21 |
Skont l-Artikolu 15(3) tat-TMG, il-fornitur ta’ servizzi jista’, fil-każ tal-użu ta’ psewdonimi, jistabbilixxi profili ta’ użu għal finijiet ta’ reklamar, ta’ analiżi tas-suq, jew għall-konfigurazzjoni tal-mezzi elettroniċi għall-bżonnijiet, sakemm l-utent, informat bid-dritt tiegħu li jopponi ruħu għal dan, ma jopponix ruħu. |
22 |
Skont id-definizzjoni mogħtija mill-Artikolu 3(1) tal-Bundesdatenschutzgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tad-Data), tal-20 ta’ Diċembru 1990 (BGBl. 1990 I, p. 2954), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BDSG”), “id-data personali hija indikazzjoni distinta li tirrigwarda elementi personali jew fattwali ta’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (is-suġġett tad-data)”. |
23 |
Skont id-definizzjoni li l-Artikolu 3(3) tal-BDSG jagħti ta’ dan il-kunċett, il-ġbir huwa l-fatt li tinkiseb data dwar is-suġġett tad-data. |
24 |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4a(1) tal-BDSG, li jittrasponi l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, tipprevedi li l-kunsens ikun validu biss jekk ikun ġej minn deċiżjoni meħuda liberament mis-suġġett tad-data. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
25 |
Fl-24 ta’ Settembru 2013, Planet49 organizzat lotterija promozzjonali fuq is-sit internet www.dein-macbook.de. |
26 |
L-utenti tal-internet li xtaqu jieħdu sehem f’din il-lotterija kellhom jikkomunikaw il-kodiċi postali tagħhom, u dan kien iwassalhom f’paġna web li fiha kellhom idaħħlu isimhom u l-indirizz tagħhom. Taħt il-kaxxi li għandhom jimtlew bl-indirizz kien hemm żewġ settijiet ta’ testi spjegattivi akkumpanjati minn kaxxi tal-immarkar. L-ewwel test spjegattiv, li l-kaxxa tiegħu (iktar ’il quddiem l-“ewwel kaxxa tal-immarkar”) ma kinitx immarkata minn qabel, kien jaqra: “Naqbel li nirċievi informazzjoni permezz tal-posta, jew it-telefon jew il-posta elettronika/messaġġ SMS mingħand ċerti promoturi u l-imsieħba fil-kooperazzjoni dwar offerti mill-qasam kummerċjali rispettiv tagħhom. Nista’ niddetermina dawn jiena stess hawnhekk; fin-nuqqas ta’ dan, l-għażla ssir mill-organizzatur. Nista’ nirrevoka dan il-kunsens f’kull żmien. Informazzjoni ulterjuri dwar dan tista’ tinsab hawnhekk.” |
27 |
It-tieni test spjegattiv, li l-kaxxa (iktar ’il quddiem it-“tieni kaxxa tal-immarkar”) kienet immarkata minn qabel, kien jaqra: “Naqbel li s-servizz ta’ analiżi tal-web Remintrex jintuża għalija. Bħala konsegwenza, wara r-reġistrazzjoni għal-lotterija, l-organizzatur tal-lotterija, [Planet49], jinstalla cookies, li jippermetti lil Planet49 tevalwa l-aġir ta’ navigazzjoni u l-aġir ta’ użu tiegħi fuq il-web tal-imsieħba fir-reklamar u għalhekk jippermetti lil Remintrex tirreklama abbażi tal-interessi tal-utent. Nista’ nerġa nħassar il-cookies f’kull żmien. Tista’ taqra iktar dwar dan hawnhekk.” |
28 |
Il-parteċipazzjoni fil-lotterija promozzjonali kienet possibbli biss wara li tiġi mmarkata, mill-inqas, l-ewwel kaxxa tal-immarkar. |
29 |
Il-link elettroniku li jinsab fit-test spjegattiv li jakkumpanja l-ewwel kaxxa tal-immarkar, taħt il-kliem “promoturi u l-imsieħba fil-kooperazzjoni” u “hawnhekk”, kien iwassal għal lista li kien fiha 57 kumpannija li tinkludi l-indirizzi tagħhom, il-qasam kummerċjali li għandu jiġi rreklamat u l-metodu ta’ komunikazzjoni użat għar-reklamar (il-posta elettronika, il-posta jew it-telefon). Il-kliem issottolinjat “Ħassar l-abbonament” kien jinsab wara l-isem ta’ kull kumpannija. Id-dikjarazzjoni li ġejja kienet tippreċedi l-lista: “Billi nagħfas fuq il-link ‘Ħassar l-abbonament’, jiena qiegħed niddeċiedi li ma nippermettix li jingħata l-kunsens għar-reklamar lill-imsieħeb/promotur inkwistjoni. Jekk ma ħassartx l-abbonamenti għal kwalunkwe wieħed minn, jew għal numru suffiċjenti ta’, imsieħba/promoturi, Planet49 ser tagħżel għalija fid-diskrezzjoni tagħha l-imsieħba/promoturi (numru massimu: 30 imsieħeb/promotur).” |
30 |
Meta jiġi attivat il-link elettroniku assoċjat mal-kelma “hawnhekk” fit-tieni kaxxa tal-immarkar, taħt il-kelma “hawnhekk”, kienet tintwera l-informazzjoni li ġejja: “Il-cookies imsemmija ceng_cache, ceng_etag, ceng_png u gcr huma fajls żgħar maħżuna b’mod li jiġu attribwiti fuq il-hard disk tiegħek mill-browser li inti tuża u li permezz tagħhom tingħata ċerta informazzjoni li tippermetti reklamar iktar faċli biex jintuża u iktar effettiv. Il-cookies fihom numru (ID) speċifiku ġġenerat b’mod każwali, li fl-istess ħin huwa attribwit lid-data ta’ reġistrazzjoni tiegħek. Jekk inti sussegwentement iżżur sit internet ta’ msieħeb fir-reklamar li huwa rreġistrat għal Remintrex (biex tara jekk teżistix reġistrazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta d-dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data tal-imsieħeb fir-reklamar), Remintrex tirreġistra b’mod awtomatiku, permezz ta’ iFrame li huwa integrat hemm, li inti (jew l-utent bl-ID maħżun) żort is-sit, liema prodott urejt interess fih u jekk ikkonkludejtx tranżazzjoni. Sussegwentement, [Planet49] tista’ tagħmel l-arranġamenti, abbażi tal-kunsens għar-reklamar mogħti waqt ir-reġistrazzjoni għal-lotterija, biex tintbagħatlek posta elettronika ta’ reklamar li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi li inti wrejt fuq is-sit internet tal-imsieħeb fir-reklamar. Wara li tirrevoka l-kunsens għar-reklamar, ovvjament ma intix ser tibqa’ tirċievi posta elettronika ta’ reklamar. L-informazzjoni kkomunikata minn dawn il-cookies tintuża esklużivament għall-finijiet ta’ reklamar li fih jiġu ppreżentati prodotti tal-imsieħeb fir-reklamar. L-informazzjoni hija miġbura, maħżuna u użata b’mod separat għal kull imsieħeb fir-reklamar. Bl-ebda mod ma huma ser jinħolqu profili tal-utenti li jinvolvu diversi msieħba. L-imsieħba individwali ma jirċievu l-ebda data personali. Jekk ma għandek l-ebda interess ulterjuri li tuża l-cookies, inti tista’ tħassarhom mill-browser tiegħek f’kull mument. Tista’ ssib gwida fil-funzjoni ta’ ‘għajnuna’ fil-browser tiegħek. Ma jista’ jitħaddem l-ebda programm u ma’ jiġi trażmess l-ebda virus permezz tal-cookies. Ovvjament inti tista’ tirrevoka dan il-kunsens f’kull żmien. Inti tista’ tibgħat ir-revoka tiegħek bil-miktub lil [Planet49] [indirizz]. Madankollu, messaġġ elettroniku lid-dipartiment tas-servizzi tal-konsumatur tagħna [indirizz tal-posta elettronika] ikun ukoll biżżejjed.” |
31 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-cookies huma fajls li l-fornitur ta’ sit internet iqiegħed fuq il-kompjuter tal-utent ta’ dan is-sit u li huwa jista’ jaċċedi għalihom mill-ġdid fi żjara ġdida tas-sit mill-utent, sabiex tiġi ffaċilitata n-navigazzjoni fuq l-internet jew tranżazzjonijiet jew sabiex tinkiseb informazzjoni dwar l-aġir ta’ dan tal-aħħar. |
32 |
Fil-kuntest ta’ intimazzjoni li ma wasslet għal ebda riżultat, il-Federazzjoni, li hija mniżżla fil-lista tal-organi li għandhom locus standi taħt l-Artikolu 4 tal-Gesetz über Unterlassungsklagen bei Verbraucherrechts- und anderen Verstößen (Unterlassungsklagengesetz – UKlaG) (il-Liġi dwar il-mandati ta’ inibizzjoni fil-każ ta’ ksur tal-liġi tal-konsumatur u ta’ liġijiet oħra), tas-26 ta’ Novembru 2001 (BGBl. 2001 I, p. 3138), sostniet li d-dikjarazzjonijiet ta’ kunsens mitluba minn Planet49 permezz tal-ewwel u t-tieni kaxxa tal-immarkar ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 307 tal-BGB, tal-punt 2 tal-Artikolu 7(2) tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi kontra l-Kompetizzjoni Żleali), tat-3 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1414), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, u tal-Artikoli 12 et seq. tat-TMG. |
33 |
Il-Federazzjoni ppreżentat quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) rikors intiż, essenzjalment, sabiex Planet49 tieqaf titlob tali dikjarazzjonijiet ta’ kunsens u sabiex hija tiġi kkundannata tħallas lill-Federazzjoni s-somma ta’ EUR 214, flimkien mal-interessi mill-15 ta’ Marzu 2014. |
34 |
Il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main) laqgħet parzjalment dan ir-rikors. |
35 |
Wara appell ippreżentat minn Planet49 quddiem l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), din il-qorti qieset li t-talba tal-Federazzjoni intiża sabiex Planet49 tieqaf tinkludi, fi ftehim ta’ lotteriji promozzjonali ma’ konsumaturi, it-test kif jinsab fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li t-tieni kaxxa tal-immarkar tiegħu kienet immarkata minn qabel, ma kinitx fondata għaliex, minn naħa, l-utent kien jaf bil-possibbiltà li jneħħi l-marka minn din il-kaxxa u, min-naħa l-oħra, dan kien ippreżentat f’tipografija suffiċjentement ċara u kien jagħti informazzjoni dwar il-modalitajiet għall-użu tal-cookies, mingħajr il-ħtieġa li tiġi żvelata l-identità ta’ terzi li jista’ jkollhom aċċess għall-informazzjoni miġbura. |
36 |
Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), adita mill-Federazzjoni b’appell ibbażat fuq punt ta’ liġi, tqis li l-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali jiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 5(3) u tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2002/58, tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679. |
37 |
Peress li kellha dubji dwar il-validità, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tal-ksib, minn Planet49, tal-kunsens tal-utenti tas-sit internet www.dein-macbook.de permezz tat-tieni kaxxa tal-immarkar kif ukoll tal-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
38 |
B’mod preliminari, għandha tiġi eżaminata l-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46 u tar-Regolament 2016/679 għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
39 |
B’effett mill-25 ta’ Mejju 2018, id-Direttiva 95/46 tħassret u ġiet issostitwita bir-Regolament 2016/679, bis-saħħa tal-Artikolu 94(1) ta’ dan tal-aħħar. |
40 |
Huwa minnu li din id-data tiġi wara d-data tal-aħħar seduta li nżammet quddiem il-qorti tar-rinviju, li seħħet fl-14 ta’ Lulju 2017, u tiġi wkoll wara d-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita bit-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-imsemmija qorti. |
41 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju indikat li, fid-dawl tad-dħul fis-seħħ, fil-25 ta’ Mejju 2018, tar-Regolament 2016/679, li huwa s-suġġett barra minn hekk ta’ parti mill-ewwel domanda, huwa probabbli li dan ir-regolament ikollu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-mument li fih tiġi deċiża t-tilwima fil-kawża prinċipali. Minbarra dan, kif il-Gvern Ġermaniż indika waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex eskluż li, sa fejn il-proċedura mibdija mill-Federazzjoni hija intiża sabiex twaqqaf l-aġir ta’ Planet49 fil-futur, ir-Regolament 2016/679 ikun applikabbli ratione temporis fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali abbażi tal-ġurisprudenza nazzjonali rigward is-sitwazzjoni legali rilevanti fil-qasam ta’ azzjonijiet għal ħruġ ta’ mandati ta’ inibizzjoni, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (ara, fir-rigward ta’ rikors ta’ natura dikjaratorja, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2019, Deutsche Post, C‑496/17, EU:C:2019:26, punt 38). |
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li, bis-saħħa tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament 2016/679, ir-riferimenti magħmula, fid-Direttiva 2002/58, għad-Direttiva 95/46 jinftiehmu bħala magħmula għall-imsemmi regolament, ma huwiex eskluż, f’dan il-każ, li d-Direttiva 2002/58 tapplika b’mod konġunt mad-Direttiva 95/46, jew mar-Regolament 2016/679, skont in-natura tat-talbiet tal-Federazzjoni u skont il-perijodu kkonċernat. |
43 |
Għaldaqstant id-domandi magħmula għandhom jingħataw risposta abbażi kemm tad-Direttiva 95/46 kif ukoll tar-Regolament 2016/679. |
Fuq id-domandi 1(a) u (c)
44 |
Permezz tad-domandi 1(a) u (c) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(f) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, kif ukoll mal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kunsens previst f’dawn id-dispożizzjonijiet jingħata b’mod validu meta l-ħażna ta’ informazzjoni jew l-aċċess għal informazzjoni diġà maħżuna fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet, permezz ta’ cookies, tiġi awtorizzata permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel li l-utent għandu jneħħi l-marka minnha sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu. |
45 |
B’mod preliminari, għandu jiġi speċifikat li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-cookies li jistgħu jitqiegħdu fuq it-tagħmir terminali ta’ utent li jipparteċipa f’lotterija promozzjonali organizzata minn Planet49 fihom numru li jiġi attribwit lid-data ta’ reġistrazzjoni ta’ dan l-utent, li għandu jinkludi ismu u l-indirizz tiegħu fil-formola ta’ parteċipazzjoni f’din il-lotterija. Il-qorti tar-rinviju żżid li l-assoċjazzjoni ta’ dan in-numru u ta’ din id-data tippersonalizza d-data maħżuna mill-cookies meta l-utent juża l-internet, b’tali mod li l-ġbir ta’ din id-data permezz ta’ cookies jaqa’ taħt ipproċessar ta’ data personali. Dawn l-indikazzjonijiet ġew ikkonfermati minn Planet49, li enfasizzat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-kunsens li jikkorrispondi għat-tieni kaxxa tal-immarkar huwa preżunt li jawtorizza l-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali, u mhux informazzjoni anonima. |
46 |
Flimkien ma’ din l-ispeċifikazzjoni, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-ħażna ta’ informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għal informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ utent huma permessi biss bil-kundizzjoni li l-utent ikun ta l-kunsens tiegħu, wara li jkun irċieva, b’osservanza tad-Direttiva 95/46, informazzjoni ċara u kompleta, fost l-oħrajn dwar l-iskopijiet tal-ipproċessar. |
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jkun fih l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens tagħha u l-portata tagħha għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (sentenzi tas-26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild imqiegħed taħt il-kafala Alġerina), C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 50, u tal-11 ta’ April 2019, Tarola, C‑483/17, EU:C:2019:309, punt 36). |
48 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha u l-għanijiet imfittxija minnha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni wkoll jista’ jkollha elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, għandu jiġi osservat li, minkejja li din id-dispożizzjoni tipprevedi b’mod espliċitu li l-utenti għandhom “ikunu taw il-kunsens tagħhom” għat-tqegħid u għall-konsultazzjoni ta’ cookies fuq it-tagħmir terminali tagħhom, l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludix, min-naħa l-oħra, indikazzjonijiet rigward il-mod kif dan il-kunsens għandu jingħata. Il-kliem “ikunu taw il-kunsens tagħhom” huwa miftuħ madankollu għal interpretazzjoni letterali skont liema azzjoni tal-utent tkun meħtieġa sabiex jiġi espress il-kunsens tiegħu. F’dan ir-rigward, mill-premessa 17 tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li l-kunsens ta’ utent, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, jista’ jingħata b’kull mod xieraq li jippermetti lill-utent jindika b’mod liberu x-xewqat tiegħu, b’mod speċifiku u informat, b’mod partikolari “l-ittikkjar ta’ kaxxa meta żżur l-Internet website ta’ l-Internet”. |
50 |
F’dak li jirrigwarda l-kuntest madwar l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi l-“kunsens” fis-sens ta’ din, jirreferi, f’dan ir-rigward, għall-“kunsens tas-suġġett tad-data” li jinsab fid-Direttiva 95/46. Il-premessa 17 tad-Direttiva 2002/58 tispeċifika li l-kunsens ta’ utent, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, għandu jkollu l-istess tifsira bħall-kunsens tas-suġġett tad-data kif iddefinit u speċifikat ulterjorment mid-Direttiva 95/46. |
51 |
L-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva msemmija l-aħħar jiddefinixxi l-“kunsens tas-suġġett tad-data” bħala “indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru”. |
52 |
B’dan il-mod, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rekwiżit ta’ “indikazzjoni” tax-xewqat tas-suġġett tad-data jevoka b’mod ċar aġir attiv u mhux passiv. Issa, kunsens mogħti permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel ma jimplikax aġir attiv min-naħa tal-utent ta’ sit internet. |
53 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46, li jipprevedi lista eżawrjenti tal-każijiet li fihom ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies bħala leġittimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito, C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 30, kif ukoll tad-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer, C‑582/14, EU:C:2016:779, punt 57). |
54 |
B’mod partikolari, l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46 jipprevedi li l-kunsens tas-suġġett tad-data jista’ jirrendi tali pproċessar leġittimu sakemm il-kunsens jingħata “b’mod ċar” mis-suġġett tad-data. Issa, biss aġir attiv min-naħa ta’ din il-persuna sabiex jindika l-kunsens tagħha huwa tali li jissodisfa dan ir-rekwiżit. |
55 |
F’dan ir-rigward, jidher prattikament impossibbli li jiġi stabbilit b’mod oġġettiv jekk l-utent ta’ sit internet effettivament tax il-kunsens tiegħu għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu billi ma neħħiex il-marka minn kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel kif ukoll, f’kull każ, jekk dan il-kunsens ingħatax b’mod informat. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-imsemmi utent ma jkunx qara l-informazzjoni li takkumpanja l-kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel, jew li saħansitra ma jkunx induna b’din il-kaxxa, qabel ma kompla bl-attività tiegħu fuq is-sit internet li huwa jżur. |
56 |
Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-oriġini tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, għandu jiġi kkonstatat li l-verżjoni inizjali ta’ din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi biss ir-rekwiżit li l-utent ikollu d-“dritt li [jirrifjuta]” it-tqegħid ta’ cookies, wara li jkun irċieva, b’osservanza tad-Direttiva 95/46, informazzjoni ċara u kompleta, fost l-oħrajn dwar l-iskopijiet tal-ipproċessar. Id-Direttiva 2009/136 introduċiet modifika sostanzjali fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, billi ssostitwixxiet din l-espressjoni bil-kliem “ikunu taw il-kunsens tagħhom”. L-oriġini tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 donnha għalhekk tindika li l-kunsens tal-utent ma jistax minn issa ’l quddiem jibqa’ jiġi preżunt u għandu jirriżulta minn aġir attiv ta’ dan tal-aħħar. |
57 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-kunsens li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 2(f) u fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, ma huwiex għalhekk mogħti b’mod validu meta l-ħażna ta’ informazzjoni jew l-aċċess għal informazzjoni diġà maħżuna fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet tiġi awtorizzata permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel mill-fornitur tas-servizz, li l-utent għandu jneħħi l-marka minnha sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu. |
58 |
Għandu jingħad ukoll li l-indikazzjoni tax-xewqa li hemm riferiment għaliha fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 għandha, b’mod partikolari, tkun “speċifika”, fis-sens li hija għandha tirrigwarda preċiżament l-ipproċessar ta’ data kkonċernat u ma tistax tiġi dedotta minn indikazzjoni tax-xewqa bi skop differenti. |
59 |
F’dan il-każ, bil-kontra ta’ dak li ssostni Planet49, il-fatt li utent jattiva l-buttuna ta’ parteċipazzjoni fil-lotterija promozzjonali organizzata minn din il-kumpannija ma jistax għaldaqstant ikun biżżejjed sabiex jitqies li l-utent ta b’mod validu l-kunsens tiegħu għat-tqegħid ta’ cookies. |
60 |
L-interpretazzjoni preċedenti hija neċessarja, iktar u iktar, fid-dawl tar-Regolament 2016/679. |
61 |
Fil-fatt, kif ikkonstata, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-formulazzjoni tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679, li tiddefinixxi l-“kunsens tas-suġġett tad-data”, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6(1)(a) tiegħu, li hemm riferiment għaliha fid-domanda 1(c), tidher iktar stretta minn dik tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, sa fejn hija teżiġi indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data “mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa”, li tieħu l-forma ta’ dikjarazzjoni jew ta’ “azzjoni affermattiva ċara” li turi li huwa jaqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata miegħu. |
62 |
Kunsens attiv huwa għalhekk issa previst b’mod espliċitu mir-Regolament 2016/679. Għandu jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, li, skont il-premessa 32 ta’ dan ir-regolament, l-espressjoni tal-kunsens tista’ ssir b’mod partikolari billi tiġi mmarkata kaxxa meta wieħed iżur sit internet. L-imsemmija premessa teskludi, min-naħa l-oħra, b’mod espliċitu li hemm kunsens “[fil-każ ta’] silenzju, kaxxi mmarkati minn qabel jew in-nuqqas ta’ attività”. |
63 |
Għaldaqstant il-kunsens li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 2(f) u fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mal-punt 11 tal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679, ma huwiex mogħti b’mod validu meta l-ħażna ta’ informazzjoni jew l-aċċess għal informazzjoni diġà maħżuna fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet tiġi awtorizzata permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel, li l-utent għandu jneħħi l-marka minnha sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu. |
64 |
Għandu, fl-aħħar nett, jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju ma adixxietx lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-kwistjoni dwar jekk il-fatt li l-kunsens ta’ utent għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu għal finijiet ta’ reklamar jissuġġetta l-possibbiltà, ta’ dan, li jipparteċipa f’lotterija, kif donnu huwa l-każ hawnhekk, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, mill-inqas f’dak li jirrigwarda l-ewwel kaxxa tal-immarkar, huwiex kompatibbli mar-rekwiżit ta’ kunsens mogħti “liberament” fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 kif ukoll tal-punt 11 tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament 2016/679. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina din il-kwistjoni. |
65 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domandi 1(a) u (c) għandha tkun li l-Artikolu 2(f) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, kif ukoll mal-punt 11 tal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunsens previst f’dawn id-dispożizzjonijiet ma huwiex mogħti b’mod validu meta l-ħażna ta’ informazzjoni jew l-aċċess għal informazzjoni diġà maħżuna fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet, permezz ta’ cookies, tiġi awtorizzata permezz ta’ kaxxa tal-immarkar immarkata minn qabel li l-utent għandu jneħħi l-marka minnha sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu. |
Fuq id-domanda 1(b)
66 |
Permezz tad-domanda 1(b) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(f) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, kif ukoll mal-punt 11 tal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679, għandhomx jiġu interpretati b’mod differenti skont jekk l-informazzjoni maħżuna jew ikkonsultata fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet tikkostitwixxix data personali, fis-sens tad-Direttiva 95/46 u tar-Regolament 2016/679. |
67 |
Kif ġie osservat fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tqegħid tal-cookies inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa parti minn ipproċessar ta’ data personali. |
68 |
Madankollu, għandu, f’kull każ, jiġi kkonstatat li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 jirreferi għall-“ħżin tal-informazzjoni” u għall-“ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna”, mingħajr ma jikklassifika din l-informazzjoni u mingħajr ma jispeċifika jekk din għandhiex tkun data personali. |
69 |
Kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 107 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni hija intiża, għalhekk, sabiex tipproteġi lill-utent minn kull indħil fil-ħajja privata tiegħu, irrispettivament minn jekk dan l-indħil jinvolvix data personali jew data oħra. |
70 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 24 tad-Direttiva 2002/58, li tgħid li kull informazzjoni maħżuna fuq it-tagħmir terminali tal-utent ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tagħmel parti mill-ħajja privata tal-utent, li għandha tiġi protetta taħt il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Din il-protezzjoni tapplika għal kull informazzjoni maħżuna fuq dan it-tagħmir terminali, indipendentement minn jekk id-data tkunx personali jew le, u hija intiża, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-istess premessa, sabiex tipproteġi lill-utenti mir-riskju li “hidden identifiers” jew mezzi simili oħra jidħlu fit-tagħmir terminali ta’ dawn l-utenti mingħajr ma jkunu jafu. |
71 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda 1(b) għandha tkun li l-Artikolu 2(f) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, kif ukoll mal-punt 11 tal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/679, ma għandhomx jiġu interpretati b’mod differenti skont jekk l-informazzjoni maħżuna jekk ikkonsultata fit-tagħmir terminali tal-utent ta’ sit internet tikkostitwixxix data personali, fis-sens tad-Direttiva 95/46 u tar-Regolament 2016/679. |
Fuq it-tieni domanda
72 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni li l-fornitur ta’ servizzi għandu jagħti lill-utent ta’ sit internet għandha tinkludi t-tul ta’ funzjonament tal-cookies kif ukoll jekk huwiex possibbli li terzi jkollhom aċċess għal dawn il-cookies. |
73 |
Kif jirriżulta diġà mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 jeżiġi li l-utent ikun ta l-kunsens tiegħu, wara li jkun irċieva “informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva [95/46], dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar”. |
74 |
Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 115 tal-konklużjonijiet tiegħu, informazzjoni ċara u komprensiva tfisser li l-utent jinsab f’pożizzjoni li jiddetermina faċilment il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe kunsens li huwa jista’ jagħti u tiggarantixxi li dan il-kunsens jingħata b’għarfien sħiħ. Hija għandha tkun komprensibbli b’mod ċar u suffiċjentement iddettaljata b’mod li tippermetti lill-utent jifhem il-funzjonament tal-cookies li jintużaw. |
75 |
Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-cookies huma intiżi sabiex tinġabar informazzjoni għal finijiet ta’ reklamar dwar prodotti tal-imsieħba tal-organizzatur ta’ lotterija, it-tul ta’ funzjonament tal-cookies kif ukoll jekk huwiex possibbli li terzi jkollhom aċċess għal dawn il-cookies jagħmlu parti mill-informazzjoni ċara u komprensiva li għandha tiġi pprovduta lill-utent skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58. |
76 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46, li għalih jirreferi l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, kif ukoll l-Artikolu 13 tar-Regolament 2016/679, jistabbilixxu l-informazzjoni li dak li huwa responsabbli għall-ipproċessar għandu jipprovdi lill-persuna li mingħandha huwa jiġbor data li tirrigwardaha. |
77 |
Din l-informazzjoni tinkludi b’mod partikolari, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46, minbarra l-identità tal-persuna responsabbli għall-ipproċessar u l-iskopijiet tal-ipproċessar li għalihom id-data hija intiża, kull informazzjoni addizzjonali bħad-destinatarji jew il-kategoriji ta’ destinatarji tad-data, sa fejn, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari li fihom id-data tinġabar, din l-informazzjoni addizzjonali hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat fir-rigward tas-suġġett tad-data pproċessar ġust tad-data. |
78 |
Għalkemm it-tul ta’ żmien tal-ipproċessar tad-data ma huwiex inkluż fost din l-informazzjoni, jirriżulta madankollu mill-espressjoni “għall-inqas” li tinsab fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46 li din ma hijiex elenkata b’mod eżawrjenti. Issa, l-informazzjoni dwar it-tul tal-funzjonament tal-cookies għandha titqies li tissodisfa r-rekwiżit ta’ trattament ġust tad-data previst mill-imsemmi artikolu, sa fejn, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tul ta’ żmien twil, jew bla limitu, jimplika l-ġbir ta’ bosta elementi ta’ informazzjoni dwar id-drawwiet ta’ navigazzjoni u l-frekwenza tal-eventwali żjarat tal-utent fuq is-siti tal-imsieħba fir-reklamar tal-organizzatur tal-lotterija. |
79 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament 2016/679, li jipprevedi li l-persuna responsabbli għall-ipproċessar għandha tagħti lis-suġġett tad-data, sabiex jiġi ggarantit ipproċessar ġust u trasparenti, informazzjoni dwar, b’mod partikolari, it-tul taż-żamma tad-data personali jew, meta dan ma huwiex possibbli, il-kriterji użati sabiex jiġi ddeterminat dan it-tul. |
80 |
Rigward jekk huwiex possibbli li terzi jkollhom aċċess għal dawn il-cookies, din hija informazzjoni inkluża fl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 95/46, kif ukoll fl-Artikolu 13(1)(e) tar-Regolament 2016/679, għaliex dawn id-dispożizzjonijiet isemmu b’mod espliċitu d-destinatarji jew il-kategoriji ta’ destinatarji tad-data. |
81 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni li l-fornitur ta’ servizzi għandu jagħti lill-utent ta’ sit internet tinkludi t-tul ta’ funzjonament tal-cookies kif ukoll jekk huwiex possibbli li terzi jkollhom aċċess għal dawn il-cookies. |
Fuq l-ispejjeż
82 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.