Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0646

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-13 ta’ Ġunju 2019.
Proċeduri kriminali kontra Gianluca Moro.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għal informazzjoni fi proċeduri kriminali – Artikolu 6(4) – Dritt li wieħed jiġi informat bl-akkuża mressqa kontrih – Informazzjoni dwar kull emenda fl-informazzjoni pprovduta meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi ggarantita n-natura xierqa tal-proċedura – Emenda tal‑kwalifika ġuridika tal-fatti li huma s-suġġett tal-akkuża – Impossibbiltà għall‑persuna akkużata li titlob, matul il-proċedura orali, l-applikazzjoni tal-piena nnegozjata prevista mid-dritt nazzjonali – Differenza f’każ ta’ emenda tal-fatti li fuqhom hija bbażata l-akkuża.
Kawża C-646/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:489

  The HTML format is unavailable in your User interface language.

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għal informazzjoni fi proċeduri kriminali – Artikolu 6(4) – Dritt li wieħed jiġi informat bl-akkuża mressqa kontrih – Informazzjoni dwar kull emenda fl-informazzjoni pprovduta meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi ggarantita n-natura xierqa tal-proċedura – Emenda tal‑kwalifika ġuridika tal-fatti li huma s-suġġett tal-akkuża – Impossibbiltà għall‑persuna akkużata li titlob, matul il-proċedura orali, l-applikazzjoni tal-piena nnegozjata prevista mid-dritt nazzjonali – Differenza f’każ ta’ emenda tal-fatti li fuqhom hija bbażata l-akkuża”

Fil-Kawża C‑646/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Brindisi (il-Qorti ta’ Brindisi, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura kriminali kontra

Gianluca Moro,

fil-preżenza ta’:

Procura della Repubblica presso il Tribunale di Brindisi,

Francesco Legrottaglie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Novembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal F. Legrottaglie, minn D. Vitale, avvocato,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u G. Tornyai, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K Bulterman u A. M. de Ree, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga kif ukoll minn R. Troosters u C. Zadra, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1), tal-Artikolu 3(1)(c) u tal-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012, dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali kontra Gianluca Moro (iktar ’il quddiem l-“akkużat”), minħabba li wettaq “detenzjoni ta’ oġġetti misruqin”, f’dan il-każ ġojjelli, fis-sens tad-dritt Taljan; akkuża li sussegwentement ġiet ikkwalifikata mill-ġdid, matul il-proċedura orali, għal “serq” tal-imsemmija ġojjelli.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Karta

3

L-Artikolu 48 tal-Karta, intitolat “Il-preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża”, jipprovdi:

“1.   Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi.

2.   Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.”

Id-Direttiva 2012/13

4

Skont il-premessi 3, 4, 9, 10, 14, 27 sa 29, 40 u 41 tad-Direttiva 2012/13:

“(3)

L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet f’materji kriminali tippresupponi li l-Istati Membri għandhom fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin. Il-punt safejn jasal ir-rikonoxximent reċiproku jiddipendi ħafna fuq numru ta’ parametri, li jinkludu mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ persuni suspettati jew akkużati u standards minimi komuni meħtieġa biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

(4)

Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet f’materji kriminali jista’ jaħdem b’mod effettiv biss fi spirtu ta’ fiduċja li fi ħdanu, mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji, iżda l-atturi kollha fil-proċess kriminali jikkunsidraw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri oħra bħala ekwivalenti għal tagħhom, li jimplika mhux biss fiduċja fl-adegwatezza tar-regoli ta’ Stati Membri oħra, iżda wkoll fiduċja li dawk ir-regoli huma applikati korrettament.

[…]

(9)

L-Artikolu 82(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi l-istabbiliment ta’ regoli minimi applikabbli fl-Istati Membri sabiex ikunu faċilitati r-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali li jkollhom dimensjoni transkonfinali. Dak l-Artikolu jirriferi għad-“drittijiet tal-individwi fil-proċedura kriminali” bħala wieħed mill-oqsma li fihom jistgħu jiġu stabbiliti regoli minimi.

(10)

Regoli minimi komuni għandhom iwasslu għal żieda fil-fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri kollha, li bħala riżultat għandha twassal għal kooperazzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti fi klima ta’ fiduċja reċiproka. Tali regoli minimi komuni għandhom jiġu stabbiliti fil-qasam tal-informazzjoni fi proċeduri kriminali.

[…]

(14)

Din id-Direttiva […] tistabbilixxi standards minimi komuni li għandhom jiġu applikati fil-qasam tal-informazzjoni dwar id-drittijiet u dwar l-akkuża li tingħata lil persuni suspettati jew akkużati li kkommettew reat, bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Id-Direttiva tibni fuq id-drittijiet stabbiliti fil-Karta, u b’mod partikolari l-Artikoli 6, 47 u 48 tagħha, billi tibni fuq l-Artikoli 5 u 6 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”)] kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-verżjoni Ingliża ta’ din id-Direttiva, it-terminu “akkuża” (accusation) jintuża sabiex jiddeskrivi l-istess kunċett tat-terminu “akkuża” (charge) użat fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

[…]

(27)

Persuni akkużati li wettqu reat kriminali għandhom jingħataw kull informazzjoni meħtieġa dwar l-akkuża biex tgħinhom iħejju d-difiża tagħhom u sabiex tiġi ssalvagwardjata l-ġustizzja tal-proċeduri.

(28)

L-informazzjoni provduta lis-suspettati jew lill-persuni akkużati dwar ir-reat kriminali li huma jkunu ssuspettati jew akkużati li kkommettew għandha tingħata fil-pront, u mhux aktar tard minn qabel l-ewwel intervista uffiċjali tagħhom mill-pulizija jew awtorità kompetenti oħra, u mingħajr ma jippreġudika l-kors tal-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. Deskrizzjoni tal-fatti, inkluż, fejn magħrufa, il-ħin u l-post, relatati mal-att kriminali li l-persuni jkunu ssuspettati jew akkużati li wettqu, u l-klassifikazzjoni legali possibbli tal-allegat reat għandhom jingħataw f’dettall suffiċjenti, filwaqt li jittieħed f’konsiderazzjoni l-istadju tal-proċeduri kriminali meta tingħata tali deskrizzjoni, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u sabiex jiġi permess l-eżerċizzju effikaċi tad-drittijiet tad-difiża.

(29)

Fejn, matul il-kors tal-proċeduri kriminali, id-dettalji tal-akkuża jinbidlu b’tali mod li l-pożizzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati tiġi sostanzjalment affettwata, dan għandu jiġi kkomunikat lilhom fejn ikun neċessarju sabiex tiġi ssalvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u fi żmien xieraq sabiex jiġi żgurat eżerċizzju effikaċi tad-drittijiet tad-difiża.

[…]

(40)

Din id-Direttiva għandha tistipula regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni wkoll f’sitwazzjonijiet li mhumiex previsti b’mod espliċitu f’din id-Direttiva. Il-livell ta’ protezzjoni m’għandu qatt jinżel taħt l-istandards previsti mill-mill-KEDB kif interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(41)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tippromwovi d-dritt tal-libertà, id-dritt għal proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża. Hija għandha tiġi implimentata skont dan.”

5

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jistipula:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati, dwar id-drittijiet tagħhom fi proċeduri kriminali u dwar l-akkuża kontrihom. Hija tistabbilixxi wkoll regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni ta’ persuni soġġetti għal Mandat ta’ Arrest Ewropew relatat mad-drittijiet tagħhom.”

6

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tapplika minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk is-suspettat jew il-persuna akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.”

7

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jingħataw fil-pront informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali li ġejjin, kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet:

a)

id-dritt ta’ aċċess għal avukat;

b)

kwalunkwe dritt għal parir legali mingħajr ħlas u l-kondizzjonijiet biex jinkiseb tali parir;

c)

id-dritt li l-persuna tkun informata bl-akkuża, f’konformità mal-Artikolu 6;

d)

id-dritt għal interpretar u traduzzjoni;

e)

id-dritt li persuna tibqa’ siekta.”

8

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati li jiġu arrestati jew detenuti jiġu informati bir-raġunijiet għall-arrest jew id-detenzjoni tagħhom, inkluż bl-att kriminali li huma jkunu ssuspettati jew akkużati li wettqu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jiġu informati fil-pront dwar kwalunkwe bidliet fl-informazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu fejn dan ikun meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri.”

Id-dritt Taljan

9

L-Artikolu 61 tal-codice penale (il-Kodiċi Kriminali), intitolat “Ċirkustanzi aggravanti ġenerali” jistabbilixxi fil-punt 7 tiegħu:

“Meta ċ-ċirkustanzi segwenti ma humiex elementi kostituttivi tal-ksur u lanqas ċirkustanzi aggravanti speċjali, huma jaggravaw il-ksur:

[…]

7)

fil-każ ta’ ksur kontra l-patrimonju jew li jikkawża preġudizzju u ksur imwettaq bi skop ta’ lukru, il-fatt li jiġi kkawżat dannu patrimonjali gravi lill-vittma”.

10

Skont it-terminu tal-Artikolu 624 tal-Kodiċi Kriminali, intitolat “Serq”:

“Il-persuna li tieħu oġġett mobbli ta’ xi ħadd ieħor, billi tissottrah mingħand id-detentur tiegħu, bil-għan li tikseb profitt minnu għaliha nnifisha jew għal xi ħadd ieħor hija suġġetta għal piena ta’ priġunerija ta’ minn sitt xhur sa tliet snin u għal multa ta’ minn EUR 154 sa 516. […]”

11

L-Artikolu 648 tal-Kodiċi Kriminali, intitolat “Detenzjoni ta’ oġġetti misruqin”, jipprovdi:

“Ħlief f’każ ta’ kompliċità, il-persuna li, bil-għan li tikseb profitt għaliha nnifisha jew għal xi ħadd ieħor, takkwista, tirċievi jew taħbi jew taġixxi bħala intermedjarju fil-fatt li tixtri, tirċievi jew taħbi somom ta’ flus jew oġġetti li jirriżultaw minn kwalunkwe reat ieħor hija suġġetta għal piena ta’ priġunerija ta’ minn sentejn sa tmien snin u għal multa ta’ minn EUR 516 sa 10329. […]”

12

L-Artikolu 444 tal-codice di procedura penale (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatt fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Kriminali”), intitolat “Applikazzjoni ta’ piena nnegozjata”, jipprovdi:

“1.   L-akkużat u l-prosekutur pubbliku jistgħu jitolbu lill-qorti tapplika sanzjoni alternattiva, fil-każ u skont kif ikun indikat, jew sanzjoni pekunjarja, imnaqqsa b’mhux iktar minn terz, jew piena ta’ priġunerija sa fejn din, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi u mnaqqsa għal massimu ta’ terz, ma taqbiżx ħames snin, waħeda jew flimkien ma’ sanzjoni pekunjarja.

[…]

2.   Jekk ikun jeżisti qbil, anki min-naħa tal-parti li ma għamlitx it-talba, u sa fejn ma jkunx hemm sentenza ta’ liberazzjoni abbażi tal-Artikolu 129, il-qorti, abbażi tal-atti, jekk tqis li l-kwalifika tal-fatti, l-applikazzjoni u t-tqabbil taċ-ċirkustanzi esposti mill-partijiet huma eżatti u li l-piena indikata hija adegwata, għandha tapplika l-imsemmija piena permezz ta’ sentenza, billi fil-parti operattiva ssemmi li l-partijiet ressqu t-talba f’dan ir-rigward […] l-akkużat huwa madankollu kkundannat għall-ispejjeż tal-parti ċivili, sa kemm ma jkunux jeżistu raġunijiet ġusti sabiex jiġi deċiż kumpens totali jew parzjali. L-Artikolu 75(3) ma japplikax. […]

3.   Fit-talba, il-parti tista’ tissuġġetta l-effettività tagħha għall-għoti ta’ piena b’sospensjoni. F’dan il-każ, jekk il-qorti tqis li s-sospensjoni ma tistax tingħata, hija għandha tiċħad it-talba.”

13

L-Artikolu 516 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, intitolat “Emenda fl-akkuża”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk matul il-proċedura orali (istruzione dibattimentale) l-atti jiġu pprovati li huma differenti minn kif ġew deskritti fit-taħrika, u ma jaqgħux taħt il-kompetenza ta’ qorti ogħla, il-prosekutur pubbliku għandu jemenda l-akkuża u jkompli bil-prosekuzzjoni rilevanti.”

14

L-Artikolu 521 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, intitolat “Korrelazzjoni bejn l-akkuża u s-sentenza”, jistabbilixxi:

“1.   Fis-sentenza, il-qorti tista’ tattribwixxi għall-fatt kwalifika ġuridika differenti minn dik li tkun ingħatat fl-att ta’ akkuża, sakemm ir-reat ma jkunx jeċċedi l-kompetenza tagħha u ma jkunx jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ qorti b’iktar minn imaħallef wieħed.

2.   Il-qorti għandha tordna t-trażmissjoni tal-atti lill-prosekutur pubbliku jekk tistabbilixxi li l-fatt ma jikkorrispondix għal dak deskritt fit-taħrika jew fil-kap ta’ akkuża fformulat abbażi tal-Artikoli 516, 517 u 518(2).

3.   Il-qorti għandha tipproċedi bl-istess mod jekk il-prosekutur pubbliku jinvoka kap ta’ akkuża ġdid ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikoli 516, 517 u 518(2).”

15

L-Artikolu 552 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, intitolat “Taħrika”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-taħrika għandha tkun tinkludi:

[…]

c)

id-deskrizzjoni tal-fatt, ifformulata b’mod ċar u preċiż, iċ-ċirkustanzi aggravanti u dawk li jistgħu iwasslu għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ detenzjoni, bl-indikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti;

[…]”

16

L-Artikolu 555 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, intitolat “Seduta ta’ dehra wara taħrika diretta”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Qabel id-dikjarazzjoni ta’ ftuħ tat-trattazzjoni, il-persuna akkużata jew il-prosekutur pubbliku jista’ jressaq it-talba prevista fl-Artikolu 444(1); barra minn hekk, il-persuna akkużata tista’ titlob proċedura mħaffa jew titlob li tingħatalha multa minflok ma tiġi suġġetta għal proċeduri kriminali”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Fil-11 ta’ Marzu 2015, Francesco Legrottaglie għamel rapport fil-kummissarjat tal-pulizija ta’ Ostuni (l-Italja) kontra l-akkużat, minħabba li dan irċieva mingħand persuna li l-identità tagħha ma hijiex magħrufa, diversi ġojjelli ta’ deheb misruqa mingħand il-familja Legrottaglie u li biegħ dawn il-ġojjelli f’ħanut, f’Ostuni, sabiex jikseb profitt minnhom.

18

Fl-1 ta’ April 2016, permezz ta’ att maħruġ mill-prosekutur pubbliku abbażi tal-Artikolu 552 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, l-akkużat tħarrek sabiex jidher quddiem it-Tribunale di Brindisi (il-Qorti ta’ Brindisi, l-Italja) sabiex iwieġeb għar-reat ta’ “Detenzjoni ta’ oġġetti misruqin”, kif previst fl-Artikolu 648 tal-Kodiċi Kriminali.

19

Fil-15 ta’ Settembru 2016, waqt seduta li nżammet fl-assenza tal-akkużat, F. Legrottaglie intervjena bħala parti ċivili.

20

Fit-13 ta’ Ottubru 2017, matul seduta li nżammet fil-preżenza tal-akkużat, dan għamel dikjarazzjonijiet spontanji li permezz tagħhom ammetta li kien l-awtur tas-serq tal-ġojjelli inkwistjoni.

21

F’dan l-istadju tal-kawża, il-qorti informat lill-akkużat li l-akkuża kontrih setgħet tiġi kkwalifikata mill-ġdid għar-reat previst fl-Artikolu 624 u fl-Artikolu 61(7) tal-Kodiċi Kriminali, jiġifieri “Serq”, flimkien maċ-ċirkustanza aggravanti li l-vittma sofra dannu patrimonjali gravi.

22

L-avukat tal-akkużat ġie awtorizzat minn dan jitlob l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata (imsejħa “patteggiamento”), abbażi tal-Artikolu 444 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, għal dak li jirrigwarda dan ir-reat kif ġuridikament ikkwalifikat mill-ġdid. Din it-talba ma ġietx ikkunsidrata ammissibbli minħabba li t-terminu previst fl-Artikolu 555(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali kien skada.

23

Il-qorti talbet lill-prosekutur pubbliku jibdel il-kap ta’ akkuża, abbażi tal-Artikolu 516 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, sabiex l-akkużat ikun jista’ jibbenefika minn piena nnegozjata abbażi tal-Artikolu 444 tal-imsemmi kodiċi. Il-prosekutur pubbliku ddeċieda li ma jagħmilx din l-emenda u li jirreferi lill-qorti, f’dan il-każ lit-Tribunali Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni Brindisi (il-Qorti ta’ Brindisi), għall-kwalifika ġuridika eżatta tal-fatti inkwistjoni.

24

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja), iddikkjarat l-inkostituzzjonalità tal-Artikolu 516 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali sa fejn dan l-artikolu ma jagħtix lill-persuna akkużata l-possibbiltà li titlob lill-qorti li għandha tagħti deċiżjoni dwar il-każ l-applikazzjoni tal-piena nnegozjata, skont l-Artikolu 444 tal-imsemmi kodiċi, fir-rigward ta’ fatt differenti li jkun ġie żvelat matul il-proċedura orali u li jkun is-suġġett ta’ kap ta’ akkuża ġdid.

25

Mill-ġurisprudenza tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) dwar l-Artikolu 516 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jirriżulta li, matul il-proċedura orali, il-persuna akkużata hija awtorizzata titlob l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata skont l-Artikolu 444 tal-imsemmi kodiċi, bil-ftuħ mill-ġdid tat-termini għall-preżentata tat-talba, fil-każ ta’ emenda tal-fatti li fuqhom hija bbażata l-akkuża, jew minħabba żball, jew fil-kuntest tal-iżvolġiment normali tal-proċedura, filwaqt li tali possibbiltà ta’ applikazzjoni ta’ piena nnegozjata hija eskluża meta l-emenda tkun tirrigwarda biss il-kwalifika ġuridika tal-fatti li huma s-suġġett tal-akkuża.

26

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li jingħataw drittijiet tad-difiża differenti lil persuna akkużata skont jekk l-emenda kkonċernata tikkonċernax il-fatti li fuqhom hija bbażata l-akkuża jew il-kwalifika ġuridika tal-fatti li huma s-suġġett tal-akkuża.

27

Fil-fatt, meta l-emenda tal-akkuża tkun tirrigwarda l-elementi ta’ fatt, il-persuna akkużata tibbenefika minn dritt tad-difiża sħiħ, inkluż il-possibbiltà li tintalab l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata skont l-Artikolu 444 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, filwaqt li meta din l-emenda tkun tirrigwarda l-kwalifika ġuridika tal-fatti, huwa biss id-dritt li jitressqu argumenti ta’ difiża li huwa ggarantit lill-akkużat.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Brindisi (il-Qorti ta’ Brindisi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 2(1), l-Artikolu 3(1)(c) u l-Artikolu 6(1), (2) u (3) tad-Direttiva [2012/13], kif ukoll l-Artikolu 48 tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet proċedurali kriminali ta’ Stat Membru li abbażi tagħhom id-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw mill-emenda tal-akkuża jiġu ggarantiti b’mod differenti fir-rigward tal-kwalità u tal-kwantità tagħhom, u dan skont jekk l-emenda tkunx tirrigwarda l-aspetti fattwali tal-akkuża jew il-klassifikazzjoni ġuridika tagħha, b’mod partikolari billi l-imputat ikun awtorizzat jitlob il-proċedura bbażata fuq sistema ta’ piena alternattiva u li tibbenefika lill-imputat, jiġifieri l-proċedura ta’ negozjar tal-piena (“patteggiamento”), fl-ewwel każ biss?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

29

Il-Gvern Taljan jeċċepixxi l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, billi jsostni li d-Direttiva 2012/13 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 82(2) TFUE, li jirreferi biss għall-materji kriminali li għandhom dimensjoni transkonfinali. Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13 għandu jkun limitat għar-reati li għandhom tali dimensjoni biss.

30

Madankollu, f’dan il-każ, il-kawża prinċipali tikkonċerna reat imwettaq minn ċittadin Taljan, fuq it-territorju Taljan, u li jikkawża preġudizzju lil ċittadin Taljan ieħor. Dan ir-reat għalhekk ma għandu ebda dimensjoni transkonfinali u d-Direttiva 2012/13 ma hijiex applikabbli għal kwistjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

31

L-Artikolu 48 tal-Karta lanqas ma japplika peress li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 51(1) tagħha, meta sitwazzjoni ġuridika ma tkunx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, waħedhom, ikunu ta’ bażi għal din il-ġurisdizzjoni.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-termini tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 82(2) TFUE, “[f]ejn ikun meħtieġ sabiex jiġi faċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ natura transkonfinali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jaġixxu permezz ta’ direttivi skond il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu regoli minimi. Dawn ir-regoli minimi għandhom jieħdu kont tad-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali ta’ l-Istati Membri”.

33

F’dak li jikkonċerna l-formulazzjoni tad-Direttiva 2012/13, la l-Artikolu 1 ta’ din, li jiddefinixxi s-suġġett ta’ din id-direttiva, u lanqas l-Artikolu 2 tagħha, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, ma jillimitaw l-applikazzjoni tal-istess direttiva għas-sitwazzjonijiet li għandhom dimensjoni transkonfinali.

34

Fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2012/13, mill-premessi 10 u 14 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din id-direttiva hija intiża, bl-adozzjoni ta’ regoli minimi komuni li jiddefinixxu d-dritt għal informazzjoni fil-proċeduri kriminali, li ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fis-sistemi ta’ ġustizzja kriminali rispettivi tagħhom. Kif jindikaw, essenzjalment, din l-istess premessa 14 kif ukoll il-premessa 41 tal-imsemmija direttiva, din hija bbażata, għal dan il-għan, fuq id-drittijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta u hija intiża li tippromwovi dawn id-drittijiet (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 88).

35

Fl-istess sens, il-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2012/13 huma bbażati fuq l-idea li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jimplika li d-deċiżjonijiet tal-awtorità ġudizzjarja, anki f’sitwazzjoni purament interna, ikunu bbażati fuq regoli minimi komuni. F’dan il-kuntest, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’sitwazzjoni speċifika fejn il-kooperazzjoni transkonfinali tidher neċessarja, l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarja ta’ Stat Membru jistgħu għalhekk jikkunsidraw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri l-oħra bħala ekwivalenti għal tagħhom.

36

Konsegwentement, id-Direttiva 2012/13 tipparteċipa għall-istabbiliment ta’ armonizzazzjoni minima tal-proċeduri penali fl-Unjoni Ewropea u l-applikazzjoni, fi Stat Membru, tar-regoli previsti minn din id-direttiva hija indipendenti mill-eżistenza ta’ sitwazzjoni transkonfinali fil-kuntest ta’ kawża li sseħħ f’dan l-Istat Membru.

37

Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

Osservazzjonijiet preliminari

38

F. Legrottaglie kif ukoll il-Gvern Taljan, dak Ungeriż, dak Olandiż u dak Pollakk isostnu, prinċipalment, li l-għan tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13 u, konsegwentement, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżamina din id-domanda.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Fil-fatt, il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija dik li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, AREX CZ, C‑414/17, EU:C:2018:1027, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Konsegwentement, anki jekk formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-kumpless tal-elementi pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, AREX CZ, C‑414/17, EU:C:2018:1027, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 3(1)(c) u l-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva 2012/13 kif ukoll l-Artikolu 48 tal-Karta.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/13 jipprevedi li din tiddefinixxi regoli dwar id-dritt tal-persuni ssuspettati jew akkużati li jiġu informati bid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri kriminali u tal-akkuża magħmula kontrihom.

43

Hekk kif jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2012/13, id-dritt imsemmi fl-Artikolu 1 tagħha jikkonċerna, mill-inqas, żewġ drittijiet distinti. Minn naħa, il-persuni ssuspettati jew akkużati għandhom, konformement mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jiġu informati, mill-inqas, b’ċerti drittijiet proċedurali, li tagħhom din id-dispożizzjoni telenka lista li tinkludi d-dritt għall-assistenza ta’ avukat, id-dritt għall-benefiċċju minn konsulent legali mingħajr ħlas u l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ tali konsulenti, id-dritt li tingħata l-informazzjoni dwar l-akkuża li titressaq kontra l-persuna, id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni kif ukoll id-dritt li jinżamm is-silenzju. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija direttiva tiddefinixxi, fl-Artikolu 6 tagħha, regoli dwar id-dritt għal informazzjoni bl-akkuża mressqa kontra l-persuna (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Covaci, C‑216/14, EU:C:2015:686, punti 54 sa 56).

44

F’dan il-każ, il-kawża prinċipali hija dwar il-possibbiltà, f’każ ta’ emenda fil-kwalifika ġuridika tal-fatti li fuqhom hija bbażata l-akkuża, li tintalab l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata abbażi tal-Artikolu 444 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, matul il-proċedura orali, billi jinfetħu mill-ġdid it-termini għat-tressiq ta’ tali talba.

45

Għaldaqstant, tali problema ġuridika għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, dwar id-dritt għal informazzjoni tal-akkuża mressqa kontra persuna.

46

F’dan ir-rigward, ma hemmx lok li tiġi analizzata l-imsemmija problema ġuridika fir-rigward tal-Artikolu 6(1) sa (3) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjoniiet, ma huwiex ikkontestat, l-ewwel nett, li l-akkużat kien informat bl-att issanzjonat kriminalment li huwa akkużat li wettaq u, it-tieni nett, li ma ġiex arrestat u ma huwiex detenut u, it-tielet nett, li l-informazzjoni dwar l-akkuża li huwa rċieva, b’mod partikolari dwar il-kwalifika ġuridika tagħha, ġiet ikkomunikata lilu qabel ma l-qorti kienet mitluba tiddeċiedi dwar il-fondatezza ta’ din l-akkuża.

47

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 jidher bħala dispożizzjoni rilevanti f’dak li jikkonċerna kawża bħal dik prinċipali.

48

Skont it-termini tal-imsemmija dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati jiġu informati malajr bi kwalunkwe emenda fl-informazzjoni pprovduta abbażi tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi ggarantita n-natura xierqa tal-proċedura.

49

Għalhekk, huwa importanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt għall-informazzjoni tal-persuna akkużata fir-rigward ta’ din l-istess dispożizzjoni fil-każ ta’ emenda tal-kwalifika ġuridika tal-fatti li hija s-suġġett tal-akkuża.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda għandha tinftiehem li tirrigwarda, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 u l-Artikolu 48 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li abbażi tagħha l-persuna akkużata tista’ titlob, matul il-proċedura orali, l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata fil-każ ta’ emenda fil-fatti li fuqhom hija bbażata l-akkuża, u mhux fil-każ ta’ emenda tal-kwalifika ġuridika tal-fatti li huma s-suġġett tal-akkuża.

Fuq id-Direttiva 2012/13

51

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2012/13 ma tirregolax il-mod kif l-informazzjoni dwar l-akkuża, prevista fl-Artikolu 6 tagħha, għandha tiġi kkomunikata lill-persuna akkużata. Madankollu, dawn il-modi ma jistgħux jiksru l-għan imfittex b’mod partikolari minn dan l-Artikolu 6, li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta wkoll mill-premessa 27 tal-imsemmija direttiva, fil-possibbiltà li l-persuni ssuspettati jew il-persuni mħarrka għal reat kriminali jkunu jistgħu jippreparaw id-difiża tagħhom u fil-garanzija tan-natura ekwa tal-proċedura (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Covaci, C‑216/14, EU:C:2015:686, punti 6263).

52

F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit li l-persuna akkużata, jew l-avukat tagħha, tkun tista’ tipparteċipa utilment għad-dibattiti fl-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, b’mod li ssostni l-pożizzjoni tagħha b’mod effettiv, ma jeskludix li l-informazzjoni relatata mal-akkuża mibgħuta lid-difiża tkun tista’ tinbidel ulterjorment, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-kwalifika ġuridika tal-fatti li tkun akkużata bihom, u lanqas li provi ġodda jkunu jistgħu jiġu infilzati fil-proċess matul id-dibattiti. Tali emenda u tali provi madankollu għandhom jiġu kkomunikati lill-persuna akkużata jew lill-avukat tagħha f’mument meta dawn ikun għad għandhom l-opportunità jirreaġixxu b’mod effettiv, qabel il-fażi tad-deliberazzjoni. Barra minn hekk, din il-possibbiltà hija msemmija fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13, li tipprovdi li kull emenda fl-informazzjoni pprovduta abbażi ta’ dan l-artikolu, li ssir matul il-proċedura kriminali, għandha tiġi kkomunikata malajr lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-ekwità tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 95).

53

Fi kwalunkwe ipoteżi, ikun xi jkun il-mument meta l-informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża tiġi pprovduta, il-persuna akkużata u l-avukat tagħha għandhom b’mod partikolari, fl-osservanza tal-prinċipju tal-kontradittorju u ta’ opportunitajiet ugwali għad-difiża, jingħataw terminu suffiċjenti sabiex jifhmu din l-informazzjoni u jkunu f’pożizzjoni li jippreparaw effettivament id-difiża, jippreżentaw eventwali osservazzjonijiet u, jekk ikun il-każ, jifformulaw kwalunkwe talba, b’mod partikolari ta’ istruttorja, li jkollhom dritt iressqu skont id-dritt nazzjonali. Dan ir-rekwiżit jeħtieġ li l-kawża tkun, jekk ikun meħtieġ, sospiża u li tiġi rrinvjata għal data ulterjuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 96).

54

Barra minn hekk, skont it-termini tal-premessa 40 tad-Direttiva 2012/13, din tistabbilixxi regoli minimi u l-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet iddefiniti f’din id-direttiva sabiex jiżguraw livell ta’ protezzjoni ogħla wkoll fis-sitwazzjoni li hija ma tipprevedix espliċitament, fejn il-livell ta’ protezzjoni ma għandu qatt ikun inferjuri għar-regoli stabbiliti mill-KEDB, kif ġew interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

55

F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza ta’ din il-qorti, f’materji kriminali, informazzjoni preċiża u kompleta tal-akkużi kontra persuna akkużata, u għalhekk il-kwalifika ġuridika li qorti tista’ żżomm kontriha, hija kundizzjoni essenzjali tal-ekwità tal-proċedura. Id-dritt ta’ informazzjoni dwar in-natura u l-kawża tal-akkuża għandu jkun ikkunsidrat fid-dawl tad-dritt għall-persuna akkużata li tipprepara d-difiża tagħha (QEDB, 25 ta’ Marzu 1999, Pélissier u Sassi vs Franza, CE:ECHR:1999:0325JUD002544494, punti 52 u 54). Jekk il-qrati fil-mertu jkollhom, meta tali dritt huwa rikonoxxut fid-dritt intern, il-possibbiltà li jikkwalifikaw mill-ġdid il-fatti li jkunu aditi bihom regolarment, huma għandhom jiżguraw li l-akkużati jkollhom l-opportunità li jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom dwar dan il-punt b’mod konkret u effettiv, billi jiġu informati, fi żmien utli, bil-kawża tal-akkuża, jiġifieri bil-fatti materjali li huma akkużati bihom u li fuqhom hija bbażata l-akkuża, iżda wkoll bil-kwalifika ġuridika mogħtija lil dawn il-fatti u dan irid ikun fid-dettall (QEDB, 11 ta’ Diċembru 2007, Drassich vs L-Italja, CE:ECHR:2007:1211JUD002557504, punt 34; QEDB, 22 ta’ Frar 2018, Drassich vs L-Italja, CE:ECHR:2018:0222JUD006517309, punt 65).

56

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 51 sa 53 u 55 ta’ din is-sentenza, l-informazzjoni dwar kull emenda f’dak li jikkonċerna l-akkuża, kif previst fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13, għandha b’mod partikolari tkun dwar l-emenda tal-kwalifika ġuridika tal-fatti li huma s-suġġett tal-akkuża, sabiex il-persuna akkużata tkun tista’ teżerċita d-drittijiet ta’ difiża tagħha b’mod konkret u effettiv.

57

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi distinzjoni skont jekk l-emenda tirrigwardax il-fatti li fuqhom hija bbażata l-akkuża jew fuq il-kwalifika ġuridika tal-fatti li huma s-suġġett tal-akkuża. Huwa biss fil-każ ta’ emenda tal-fatti li l-persuna akkużata hija awtorizzata titlob, matul il-proċedura orali, l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata, billi tiftaħ mill-ġdid it-terminu ta’ preżentata tat-talba.

58

F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, il-fatt li l-imputat irrikonoxxa li huwa l-awtur ta’ serq ta’ ġojjelli, li wassal għall-emenda fil-kwalifika tal-ksur minn “Detenzjoni ta’ oġġetti misruqin” għal “Serq”, fis-sens tad-dritt nazzjonali, jaqa’ taħt emenda tal-kwalifika ġuridika tal-fatti li hija bbażata fuqhom l-akkuża.

59

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, kif ġie indikat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, l-imputat ġie informat, matul il-proċedura orali, b’din l-emenda tal-kwalifika ġuridika tal-fatti.

60

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2012/13 timponix li, sabiex tiġi ggarantita l-ekwità tal-proċedura kriminali, l-imputat ikun jista’ jitlob l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata f’tali każ ta’ emenda tal-kwalifika ġuridika tal-fatti.

61

F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligi ddefiniti mid-Direttivi 2012/13 jikkostitwixxu espressjoni tal-mod kif l-ekwità tal-proċedura kriminali għandha tiġi ggarantita, f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni tal-persuni ssuspettati li wettqu reat jew akkużati abbażi ta’ dan.

62

Issa, kif jipprevedu l-premessa 14 u l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi regoli minimi li għandhom japplikaw fil-qasam tal-informazzjoni li għandha tingħata lill-persuni ssuspettati jew lill-persuni akkużati (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 82).

63

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 51 sa 53 u 55 ta’ din is-sentenza ma jirriżultax li d-dritt għall-informazzjoni tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata rigward l-emenda tal-kwalifka ġuridika tal-fatti li huma s-suġġett tal-akkuża jimplika l-obbligu li din il-persuna akkużata tibbenefika mid-dritt li tintalab l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata matul il-proċedura orali.

64

Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-każ ta’ tali emenda tal-kwalifika ġuridika tal-fatti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiggarantixxi lill-persuna akkużata d-dritt li tippreżenta argumenti għad-difiża tagħha.

65

Konsegwentement, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt għal persuna akkużata li tiġi informata malajr b’kull emenda fl-informazzjoni pprovduta, meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-ekwità tal-proċedura, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13, ma jimponix l-obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li jingħata lil din il-persuna d-dritt li titlob, wara l-ftuħ tat-trattazzjoni, l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata fil-każ ta’ emenda tal-kwalifika ġuridika li hija s-suġġett tal-akkuża.

Fuq il-Karta

66

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) ta’ din tal-aħħar, li jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 17).

67

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta essenzjalment, li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet. Huwa minħabba f’hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li hija ma tistax tevalwa, fir-rigward tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tifformax parti mill-qafas tad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, ġaladarba tali leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ tatħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’domanda preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali, li hija tiżgura r-rispett tagħhom (sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19, u d-digriet tat-23 ta’ Novembru 2017, Cunha Martins, C‑131/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:902, punt 10).

68

Peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-portata tad-dritt għall-akkużat li jiġi informat bl-akkuża mressqa kontrih, u b’mod partikolari tal-emenda tal-att issanzjonat kriminalment li huwa akkużat li wettaq, fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13, għandu jiġi kkonstatat li din is-sitwazzjoni ġuridika taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

69

Skont l-Artikolu 48(2) tal-Karta, għandu jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.

70

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 51 sa 53 u 55 ta’ din is-sentenza, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-Karta, teżiġi li, fil-każ ta’ emenda tal-kwalifika ġuridika tal-fatti li huma s-suġġett tal-akkuża, il-persuna akkużata tiġi informata biha fil-mument fejn ikun għad għandha l-opportunità li tirreaġixxi b’mod effettiv qabel il-fażi tad-deliberazzjoni, sabiex tkun f’pożizzjoni li tipprepara b’mod effettiv id-difiża tagħha.

71

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, kif ġie indikat fil-punti 21 u 27 ta’ din is-sentenza, li, wara d-dikjarazzjonijiet spontaji tiegħu matul il-proċedura orali, l-imputat ġie informat bl-emenda tal-kwalifika ġuridika tal-fatti li huwa akkużat bihom u li uża d-dritt li jippreżenta argumenti għad-difiża.

72

Min-naħa l-oħra, id-drittijiet tad-difiża previsti fl-Artikolu 48(2) tal-Karta, fil-kuntest tad-dritt għall-informazzjoni tal-persuna akkużata, ma jimponux li din tal-aħħar tkun tista’ titlob l-applikazzjoni, wara l-ftuħ tal-proċedura orali, ta’ piena nnegozjata fil-każ ta’ emenda tal-fatti li hija bbażata fuqhom l-akkuża jew ta’ emenda tal-kwalifika ġuridika tal-fatti li huma s-suġġett tal-akkuża.

73

F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li d-dritt nazzjonali ma jagħtix l-istess drittijiet lil persuna akkużata f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà li titlob l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata skont jekk l-emenda tkunx tirrigwarda l-fatti li fuqhom hija bbażata l-akkuża jew il-kwalifika ġuridika tal-fatti li huma s-suġġett tal-kawża ma jistax jikkostitwixxi, minnu nnifsu, ksur tad-drittijiet tad-difiża, fis-sens tal-Artikolu 48(2) tal-Karta, fir-rigward tad-dritt tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati li jiġu informati bl-akkuża mressqa kontrihom.

74

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, ir-risposta għad-domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 u l-Artikolu 48 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-persuna akkużata tista’ titlob, matul il-proċedura orali, l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata fil-każ ta’ emenda tal-fatti li fuqhom hija bbażata l-akkuża, u mhux fil-każ ta’ emenda tal-kwalifika ġuridika tal-fatti li huma s-suġġett tal-akkuża.

Fuq l-ispejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012, dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali u l‑Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-persuna akkużata tista’ titlob, matul il‑proċedura orali, l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata fil-każ ta’ emenda tal‑fatti li fuqhom hija bbażata l-akkuża, u mhux fil-każ ta’ emenda tal‑kwalifika ġuridika tal-fatti li huma s-suġġett tal-akkuża.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top