This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CJ0622
Judgment of the Court (Second Chamber) of 4 July 2019.#Baltic Media Alliance Ltd v Lietuvos radijo ir televizijos komisija.#Request for a preliminary ruling from the Vilniaus apygardos administracinis teismas.#Reference for a preliminary ruling — Freedom to provide services — Directive 2010/13/EU — Audiovisual media services — Television broadcasting — Article 3(1) and (2) — Freedom of reception and retransmission — Incitement to hatred on grounds of nationality — Measures taken by the receiving Member State — Temporary obligation for media service providers and other persons providing services relating to the distribution of television channels or programmes via the internet to distribute or retransmit a television channel in the territory of that Member State only in pay-to-view packages.#Case C-622/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Lulju 2019.
Baltic Media Alliance Ltd. vs Lietuvos radijo ir televizijos komisija.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 2010/13/UE – Servizzi tal-midja awdjoviżiva – Xandir televiżiv – Artikolu 3(1) u (2) – Libertà ta’ riċezzjoni u ta’ trażmissjoni mill-ġdid – Inċitament għall-mibegħda bbażata fuq in-nazzjonalità – Miżuri meħuda mill-Istat Membru ta’ riċezzjoni – Obbligu temporanju għall-fornituri ta’ servizzi tal-midja u għall-persuni l-oħra li jipprovdu servizz ta’ xandir permezz tal-internet ta’ stazzjonijiet jew ta’ programmi tat-televiżjoni li jxandru jew jittrażmettu mill-ġdid fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru stazzjon tat-televiżjoni biss f’pakketti bi ħlas.
Kawża C-622/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Lulju 2019.
Baltic Media Alliance Ltd. vs Lietuvos radijo ir televizijos komisija.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 2010/13/UE – Servizzi tal-midja awdjoviżiva – Xandir televiżiv – Artikolu 3(1) u (2) – Libertà ta’ riċezzjoni u ta’ trażmissjoni mill-ġdid – Inċitament għall-mibegħda bbażata fuq in-nazzjonalità – Miżuri meħuda mill-Istat Membru ta’ riċezzjoni – Obbligu temporanju għall-fornituri ta’ servizzi tal-midja u għall-persuni l-oħra li jipprovdu servizz ta’ xandir permezz tal-internet ta’ stazzjonijiet jew ta’ programmi tat-televiżjoni li jxandru jew jittrażmettu mill-ġdid fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru stazzjon tat-televiżjoni biss f’pakketti bi ħlas.
Kawża C-622/17.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:566
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
4 ta’ Lulju 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 2010/13/UE – Servizzi tal-midja awdjoviżiva – Xandir televiżiv – Artikolu 3(1) u (2) – Libertà ta’ riċezzjoni u ta’ trażmissjoni mill-ġdid – Inċitament għall-mibegħda bbażata fuq in-nazzjonalità – Miżuri meħuda mill-Istat Membru ta’ riċezzjoni – Obbligu temporanju għall-fornituri ta’ servizzi tal-midja u għall-persuni l-oħra li jipprovdu servizz ta’ xandir permezz tal-internet ta’ stazzjonijiet jew ta’ programmi tat-televiżjoni li jxandru jew jittrażmettu mill-ġdid fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru stazzjon tat-televiżjoni biss f’pakketti bi ħlas”
Fil-Kawża C‑622/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura
Baltic Media Alliance Ltd
vs
Lietuvos radijo ir televizijos komisija,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, T. von Danwitz, C. Vajda (Relatur) u P. G. Xuereb, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Novembru 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Baltic Media Alliance Ltd, minn R. Audzevičius, advokatas, u minn H. Stelmokaitis, |
– |
għal-Lietuvos radijo ir televizijos komisija, minn A. Iškauskas u J. Nikė, advokatai, |
– |
għall-Gvern Litwan, minn K. Juodelytė, R. Dzikovič u D. Kriaučiūnas, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Steiblytė, G. Braun u S. L. Kalėda, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ Frar 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar “is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva”) (ĠU 2010, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Baltic Media Alliance Ltd. (iktar ’il quddiem “BMA”) u l-Lietuvos radijo ir televizijos komisija (il-Kummissjoni Litwana tar-Radju u tat-Televiżjoni, il-Litwanja) (iktar ’il quddiem il-“LRTK”) dwar deċiżjoni ta’ din l-awtorità tat‑18 ta’ Mejju 2016 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2016”), li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi tal-midja li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju Litwan u lill-persuni l-oħra li jipprovdu lill-konsumaturi Litwani servizz ta’ xandir, permezz tal-internet, ta’ stazzjonijiet jew ta’ programmi tat-televiżjoni jxandru jew jittrażmettu mill-ġdid l-istazzjon NTV Mir Lithuania fit-territorju Litwan, matul il-perijodu ta’ tnax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni, biss f’pakketti bi ħlas. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Tul il-Fruntieri
3 |
L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Tul il-Fruntieri, iffirmata fi Strasbourg fil‑5 ta’ Mejju 1989, bit-titolu “Libertà ta’ riċezzjoni u ta’ trażmissjoni mill-ġdid”, huwa fformulat kif ġej: “Il-Partijiet għandhom jiżguraw il-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni b’mod konformi mal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni [Ewropea] għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950,] u għandhom jiggarantixxu l-libertà ta’ riċezzjoni u ma għandhomx jirrestrinġu t-trażmissjoni mill-ġdid fit-territorju tagħhom ta’ servizzi ta’ programmi li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-[k]onvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 89/552/KEE
4 |
Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat‑3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 27), kienet tipprovdi, fir-raba’, fid-disa’, fl-għaxar u fil-ħmistax-il premessa tagħha: “[b]illi l-Kunsill ta’ l-Ewropa adotta l-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni tul il-Fruntieri; […] [b]illi l-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri amministrattivi fl-Istati Membri li jikkonċernaw it-twettiq ta’ attivitajiet bħala xandara tat-televiżjoni u operaturi tal-cable fihom disparitajiet, li wħud minnhom jistgħu jimpedixxu l-moviment liberu ta’ xandiriet fil-Komunità u jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq komuni; [b]illi dawn ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tax-xandir fil-Komunità għandhom jiġu aboliti taħt it-Trattat; […] [b]illi l-ħtieġa li l-Istat Membru li minnu joriġinaw għandu jivverifika li x-xandiriet jikkonformaw mal-liġi nazzjonali kif ikkoordinata b’din id-Direttiva hija suffiċjenti taħt il-liġi tal-Komunità sabiex tassigura l-moviment liberu ta’ xandiriet mingħajr kontroll sekondarju fuq l-istess bażi fl-Istati Membri li jirċevuhom; billi, madanakollu, l-Istat Membru li jirċevihom jista’eċċezzjonalment u taħt kondizzjonijiet speċifiċi jissospendi proviżorjament it-trasmissjoni mill-ġdid ta’ xandiriet bit-televiżjoni”. |
5 |
L-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jassiguraw il-libertà tar-riċezzjoni u m’għandhomx jirrestrinġu t-trasmissjoni mill-ġdid fuq it-territorju tagħhom ta’ xandiriet bit-televiżjoni minn Stati Membri oħrajn għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-oqsma kkoordinati b’din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu proviżorjament jissospendu t-trasmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet bit-televiżjoni jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati: […]” |
Id-Direttiva 97/36/KE
6 |
Id-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Ġunju 1997 li temenda d-Direttiva 89/552 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321) issostitwixxiet l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/552 b’test ġdid u inkludiet Artikolu 2a ġdid fid-Direttiva 89/552, li kien jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-libertà tar-riċezzjoni u m’għandhomx jagħmlu xi restrizzjoni fuq it-trasmissjonijiet mill-ġdid fuq it-territorju tagħhom ta xandiriet televiżivi minn Stati Membri oħra għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-oqsma koordinati minn din id-Direttiva. 2. L-Istati Membri jistgħu, proviżorjament, jidderogaw mill-paragrafu 1 jekk is-segwenti kondizzjonijiet jiġu ssodisfati: […]” |
Id-Direttiva 2010/13
7 |
Id-Direttiva 2010/13 ikkodifikat u ssotitwixxiet id-Direttiva 89/552, kif emendata bid-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, L 332, p. 27). Il-premessi 1, 4, 5, 8, 26, 35, 36, 41, 43, 54 u 104 tad-Direttiva 2010/13 jipprovdu:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
8 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2010/13, li jifforma parti mill-Kapitolu 1 tagħha, bit-titolu “Definizzjonijiet” jipprovdi, fil-paragrafu (1)(a) u (c) sa (f) tiegħu: “Għall-fini ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
|
9 |
Skont l-Artikolu 2(1) sa (3) tad-Direttiva 2010/13: “1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-servizzi tal-media awdjoviżiva kollha trasmessi minn fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jkunu konformi mar-regoli fis-sistema tal-liġi applikabbli għal servizzi tal-media awdjoviżiva maħsuba għall-pubbliku f’dak l-Istat Membru. 2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva il-fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru huma dawn li ġejjin:
[…] 3 Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, fornitur ta’ servizzi tal-media għandu jitqies bħala stabbilit fi Stat Membru fil-każijiet li ġejjin:
|
10 |
L-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-libertà tar-riċezzjoni u m’għandhomx jirrestrinġu fit-territorju tagħhom re-trasmissjonijiet ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva minn Stati Membri oħrajn għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva. 2. Fir-rigward tax-xandir televiżiv, l-Istati Membri jistgħu, proviżorjament, jidderogaw mill-paragrafu 1 jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:
Il-Kummissjoni għandha, fi żmien xahrejn wara n-notifika tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru, tieħu deċiżjoni dwar jekk il-miżuri humiex kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. Jekk tiddeċiedi li m’humiex, l-Istat Membru huwa meħtieġ li jtemm il-miżuri inkwistjoni b’urġenza.” |
11 |
L-Artikolu 4(2) sa (5) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “2. F’każijiet fejn Stat Membru:
huwa jkun jista’ jikkuntattja lill-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni bil-ħsieb li tinkiseb soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti għal kwalunkwe problema kaġunata. Meta l-ewwel Stat Membru jirċievi talba sostanzjata, l-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni għandu jitlob lix-xandar biex jikkonforma mar-regoli tal-interess pubbliku ġenerali in kwistjoni. Fi żmien xahrejn l-Istat Membru bil-ġurisdizzjoni għandu jgħarraf lill-ewwel Stat Membru bir-riżultati miksuba wara din it-talba. Kull wieħed minn dawn l-Istati Membri jista’ jistieden lill-Kumitat ta’ Kuntatt stabbilit taħt l-Artikolu 29 biex jeżamina l-każ. 3 L-ewwel Stat Membru jista’ jadotta miżuri xierqa kontra x-xandar ikkonċernat fejn jivvaluta li:
Tali miżuri għandhom ikunu oġġettivament meħtieġa, applikati b’mod non-diskriminatorju u proporzjonati mal-objettivi li huma jfittxu li jwettqu. 4 Stat Membru jista’ jieħu miżuri skont il-paragrafu 3 fil-każ biss li l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:
5. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi fi żmien tliet xhur wara n-notifika prevista fil-punt (a) tal-paragrafu 4. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-miżuri m’humiex kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. l-Istat Membru in kwistjoni m’għandux jieħu l-miżuri proposti.” |
12 |
Skont l-Artikolu 6 tal-istess direttiva: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mezzi xierqa li servizzi tal-media awdjoviżiva pprovduti minn fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jkunx fihom ebda inċitament għall-mibegħda bbażata fuq ir-razza, is-sess, ir-reliġjon jew in-nazzjonalità.” |
Id-dritt Litwan
13 |
Il-punt 3 tal-Artikolu 19(1) tal-Lietuvos Respublikos visuomenės informavimo įstatymas (il-Liġi Litwana dwar l-Informazzjoni lill-Pubbliku), tat‑2 ta’ Lulju 2006 (Žin., 2006, Nru. 82–3254), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Informazzjoni lill-Pubbliku”), li jittrasponi l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2010/13, jipprovdi: “Huwa pprojbit li tixxandar fil-midja informazzjoni […]
|
14 |
L-Artikolu 33(11) u (12) ta’ din il-liġi jipprovdi: “11. Ix-xandara li jittrażmettu mill-ġdid stazzjonijiet tat-televiżjoni kif ukoll persuni oħra li jipprovdu lill-konsumaturi Litwani servizz ta’ xandir permezz tal-internet ta’ stazzjonijiet u/jew ta’ programmi tat-televiżjoni li jifformaw pakketti ta’ stazzjonijiet trażmessi mill-ġdid u/jew imxandra permezz tal-internet, għandhom jikkonformaw mar-regoli adottati mil-[LRTK] dwar il-kompożizzjoni tal-pakketti u jiggarantixxu d-dritt tal-konsumaturi għal informazzjoni imparzjali, għal diversità ta’ opinjonijiet, ta’ kulturi u lingwi, u għal protezzjoni adegwata tal-minuri kontra l-effetti ħżiena tal-informazzjoni pubblika. Matul perijodu ta’ tnax‑il xahar wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 33(12), l-istazzjonijiet tat-televiżjoni li fuqhom tkun ixxandret informazzjoni li taqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 19(1) [ta’ din il-liġi] jistgħu jiġu trażmessi mill-ġdid u/jew imxandra fuq l-internet biss f’pakketti bi ħlas, f’liema każ huwa pprojbit li jiġu ssussidjati jew sostnuti dawn il-pakketti jew li jingħataw kwalunkwe vantaġġ u l-prezz tagħhom ma jistax ikun inqas mill-ispejjeż sostnuti mill-fornitur tas-servizz sabiex jakkwista, jittrażmetti mill-ġdid u/jew ixandar fuq l-internet l-istazzjonijiet li jifformaw dawn il-pakketti. 12 Meta l-[LRTK] tikkonstata li, fuq stazzjon televiżiv trażmess mill-ġdid u/jew imxandar fuq l-internet minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, minn Stati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea u minn Stati Ewropej oħra li rratifikaw il-[Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Tul il-Fruntieri] jew f’xandiriet ta’ dan l-istazzjon, tkun ġiet ippubblikata, trażmessa u mxerrda informazzjoni li taqa’ taħt il-projbizzjoni ta’ xandir prevista fil-punti 1, 2 u 3 tal-Artikolu 19(1) [tal-imsemmija liġi]:
[…]” |
15 |
L-Artikolu 341(1) u (3) tal-Liġi dwar l-Informazzjoni lill-Pubbliku jittrasponi l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2010/13. L-Artikolu 341(1) ta’ din il-liġi jipprovdi li l-libertà ta’ riċezzjoni tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva li ġejjin, b’mod partikolari, mill-Istati Membri għandha tkun iggarantita fil-Litwanja. L-Artikolu 341(3) tal-imsemmija liġi jipprevedi li din il-libertà tista’ tiġi “sospiża temporanjament” meta jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet li jikkorrispondu għal dawk previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2010/13. |
16 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li pakkett bażiku huwa grupp ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni kompost u propost lill-konsumaturi minn xandar televiżiv jew persuna oħra li tipprovdi lill-imsemmija konsumaturi servizzi ta’ xandir ta’ stazzjonijiet jew ta’ programmi tat-televizjoni fuq l-internet, permezz tal-ħlas ta’ ammont fiss. Pakkett bi ħlas huwa grupp ta’ stazzjonijiet imxandra lill-konsumaturi permezz tal-ħlas ta’ suppliment li ma huwiex inkluż fil-prezz tal-pakkett bażiku. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
17 |
BMA, kumpannija rreġistrata fir-Renju Unit, hija detentriċi ta’ liċenzja, maħruġa mill-Office of Communications (l-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet, ir-Renju Unit) għax-xandir tal-istazzjon televiżiv NTV Mir Lithuania. |
18 |
Il-LRTK adottat, skont l-Artikolu 33(11) u l-punt 1 tal-Artikolu 33(12) tal-Liġi dwar il-Provvista ta’ Informazzjoni lill-Pubbliku, id-deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2016. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li programm imxandar fil‑15 ta’ April 2016 fuq l-istazzjon NTV Mir Lithuania bit-titolu “Ypatingas įvykis. Tyrimas” (“Ġrajja partikolari – Investigazzjoni”), kien jinkludi informazzjoni li tinċita l-mibegħda abbażi tan-nazzjonalità, li hija pprojbita skont il-punt 3 tal-Artikolu 19(1) ta’ din il-liġi. |
19 |
Fit‑22 ta’ Ġunju 2016, il-LRTK adottat deċiżjoni ġdida li temenda d-deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2016. Hija neħħiet l-obbligu li l-istazzjon NTV Mir Lithuania jixxandar biss f’pakketti bi ħlas u ddeċidiet li tibda proċedura intiża għas-sospensjoni temporanja ta’ dan l-istazzjon, b’applikazzjoni tal‑Artikolu 341(3) tal-Liġi dwar il-Provvista ta’ Informazzjoni lill-Pubbliku. F’dan il-kuntest, hija nnotifikat lil BMA l-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni tagħha tat‑18 ta’ Mejju 2016 kif ukoll il-miżuri li hija kellha l-intenzjoni tieħu jekk jerġa’ jseħħ ksur bħal dan. Il-LRTK innotifikat ukoll lill-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet il-ksur inkwistjoni. |
20 |
Fl-istess jum, BMA ressqet quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2016. F’dan il-kuntest, BMA sostniet, inter alia, li din id-deċiżjoni kienet ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2010/13 u li din irrestrinġiet it-trażmissjoni mill-ġdid ta’ stazzjon tat-televiżjoni li ġej minn Stat Membru. Ir-raġunijiet li jiġġustifikaw din ir-restrizzjoni u l-proċedura segwita għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni għalhekk kellhom ikunu konformi ma’ din id-dispożizzjoni. Issa, dan ma kienx il-każ. |
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
22 |
Il-LRTK u l-Gvern Litwan isostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. |
23 |
Fl-ewwel lok, huma jargumentaw li d-domandi magħmula huma ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, peress li l-LRTK, fl-istess jum li fih BMA adixxiet lill-qorti tar-rinviju, emendat id-deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2016, neħħiet l-obbligu li l-istazzjon NTV Mir Lithuania jixxandar biss f’pakketti bi ħlas u bdiet proċedura ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2010/13, it-tilwima fil-kawża prinċipali tilfet is-suġġett tagħha, peress li BMA ma għandhiex iktar interess f’li tiġi kkonstatata ġudizzjarjament l-illegalità ta’ din id-deċiżjoni. |
24 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 18). |
25 |
Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tagħti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu dwar l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju li, minkejja l-emenda tad-deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2016, li permezz tagħha l-LRTK ħassret il-miżuri kkontestati minn BMA, hija għandha tiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk, permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-LRTK kisritx id-drittijiet ta’ din il-kumpannija u jekk l-imsemmija deċiżjoni kinitx legali fid-data tal-adozzjoni tagħha. |
29 |
F’dan ir-rigward, BMA targumenta li d-deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2016 kienet fis-seħħ mit‑23 ta’ Mejju sas‑27 ta’ Ġunju 2016, li, matul dan il-perijodu, din kellha effetti dannużi għaliha u li, billi emendat din id-deċiżjoni, il-LRTK ma rrikonoxxietx l-illegalità tagħha u lanqas ħassret l-effetti tagħha li kienu diġà twettqu. Barra minn hekk, BMA tirrileva li konstatazzjoni tal-illegalità tad-deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2016 b’mod partikolari tippermetti li jiġi evitat ir-riskju li l-illegalità allegata terġa’ sseħħ fil-futur. |
30 |
Jidher għalhekk li, peress li t-tħassir, mil-LRTK, tal-miżuri kkontestati minn BMA fid-data tal-preżentata tar-rikors fil-kawża prinċipali ma kienx ta’ sodisfazzjoni għaliha, teżisti tassew tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. |
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li t-tilwima fil-kawża prinċipali tilfet is-suġġett tagħha, b’mod li d-domandi preliminari ma għandom ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima jew jirrigwardaw problema ipotetika. |
32 |
Fit-tieni lok, il-Gvern Litwan isostni li miżura li timponi l-obbligu li, matul perijodu ta’ tnax-il xahar, stazzjon tat-televiżjoni jixxandar biss b’pakketti bi ħlas, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirrestrinġi l-aċċessibbiltà fit-territorju nazzjonali ta’ tali stazzjon, mingħajr, madankollu, ma tissospendi t-trażmissjoni mill-ġdid ta’ servizz tal-midja awdjoviżiva. Għalhekk, tali miżura ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2010/13 u tikkostitwixxi miżura awtonoma meħuda abbażi tad-dritt nazzjonali, bil-konsegwenza li interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma tkunx neċessarja. |
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma jirrigwardax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda jaqa’ taħt il-mertu tal-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, huwa s-suġġett tal-ewwel domanda magħmula (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 1991, Society for the Protection of Unborn Children Ireland, C‑159/90, EU:C:1991:378, punt 15). |
34 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies bħala ammissibbli. |
Fuq il-mertu
Osservazzjonijiet preliminari
35 |
L-ewwel nett, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-LRTK u tal-Gvern Litwan li jipprovdu li stazzjon tat-televiżjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-programmi tiegħu huma prodotti fi Stat terz, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13 u għalhekk ma jistax jibbenefika mil-libertà ta’ riċezzjoni u ta’ trażmissjoni mill-ġdid stabbilita minn din id-direttiva. |
36 |
Il-Gvern Litwan fil-fatt jargumenta li l-programmi tal-istazzjon NTV Mir Lithuania huma prodotti minn kumpannija stabbilita fir-Russja u li BMA, stabbilita fir-Renju Unit, sempliċement toffri sempliċi servizz ta’ xandir ta’ dan l-istazzjon fit-territorju Litwan, mingħajr ma teżerċità ebda responsabbiltà editorjali fuq il-kontenut tiegħu. |
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2010/13, hekk kif jirriżulta mill-premessa 35 tagħha, tistabbilixxi serje ta’ kriterji sostantivi li jiddeterminaw liema Stat Membru għandu ġurisdizzjoni fuq fornitur ta’ servizzi tal-midja fir-rigward tal-provvista tas-servizzi koperti minn din id-direttiva. |
38 |
Skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2010/13, il-fornituri ta’ servizzi tal-midja, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(d), li huma meqjusa bħala li huma stabbiliti f’dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru. |
39 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizzi tal-midja”, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 1(1)(d) tad-Direttiva 2010/13 bħala li jkopri l-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabbiltà editorjali għall-għażla tal-kontenut awdjoviżiv tas-servizz tal-midja awdjoviżiva u li tiddetermina l-mod li bih dan huwa organizzat. |
40 |
Il-kunċett ta’ “responsabbiltà editorjali” huwa ddefinit fl-Artikolu 1(1)(c) ta’ din id-direttiva bħala “l-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv kemm fuq is-selezzjoni tal-programmi u fuq l-organizzazzjoni tagħhom jew fi skeda kronoloġika, fil-każ ta’ xandiriet bit-televiżjoni, jew f’katalogu, fil-każ ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand”. Huwa l-eżerċizzju ta’ dan il-kontroll li jwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet editorjali u l-fatt li tiġi assunta r-responsabbiltà editorjali li tirriżulta minn dan li jikkaratterizzaw il-fornitur ta’ servizzi tal-midja, iddefinit fl-Artikolu 1(1)(d) tal-imsemmija direttiva. |
41 |
Għaldaqstant, persuna fiżika jew ġuridika, stabbilita fi Stat Membru, tassumi r-responsabbiltà editorjali, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(c) tad-Direttiva 2010/13, fuq il-programmi ta’ stazzjon televiżiv imxandar jekk hija tagħżel u torganizza fuq skeda kronoloġika l-programmi ta’ dan l-istazzjon. F’dan il-każ, hija għaldaqstant tikkostitwixxi fornitur ta’ servizzi tal-midja, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(d) ta’ din id-direttiva. |
42 |
Għall-kuntrarju, hekk kif jirriżulta mill-premessa 26 tad-Direttiva 2010/13, id-definizzjoni tal-fornitur ta’ servizzi tal-midja teskludi l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jxandru biss programmi li r-responsabbiltà editorjali tagħhom hija ta’ terzi. |
43 |
Fir-rigward tad-diversi fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward, il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun ingħatat liċenzja mill-korp regolatorju ta’ Stat Membru, għalkemm jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tal-fatt li din il-persuna assumiet ir-responsabbiltà editorjali għall-programmi tal-istazzjon imxandar, ma jistax, hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, ikun deċiżiv, fin-nuqqas, minn naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li jarmonizza fid-Direttiva 2010/13 l-għoti ta’ liċenzji jew ta’ awtorizzazzjonijiet amministrattivi għall-provvista ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi evalwat jekk il-persuna kkonċernata għandhiex is-setgħa tiddeċiedi, b’mod definittiv, fir-rigward tal-offerta awdjoviżiva fiha nnifisha, fatt li jimplika li hija għandha biżżejjed riżorsi materjali u umani għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tkun tista’ tassumi tali responsabbiltà, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 sa 45 tal-konklużjonijiet tiegħu. |
44 |
It-tieni nett, l-Artikolu 2(3)(a) sa (c) tad-Direttiva 2010/13 jelenka l-każijiet li fihom fornitur ta’ servizzi tal-midja huwa kkunsidrat li huwa stabbilit fi Stat Membru u, għalhekk, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
45 |
Mill-Artikolu 2(3)(a) tad-Direttiva 2010/13 jirriżulta li fornitur ta’ servizzi tal-midja għandu jitqies bħala li huwa stabbilit fi Stat Membru meta dan il-fornitur ikollu l-uffiċċju prinċipali tiegħu f’dan l-Istat Membru u meta “d-deċiżjonijiet editorjali dwar is-servizz tal-media awdjoviżiv jittieħdu f’dak l-Istat Membru”. |
46 |
Minn dan isegwi li, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk persuna fiżika jew ġuridika taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13, skont l-Artikolu 2(3)(a) ta’ din id-direttiva, huwa meħtieġ li jiġi vverifikat mhux biss jekk il-persuna kkonċernata, li għandha responsabbiltà editorjali għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva pprovduti, għandhiex l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru, iżda wkoll jekk id-deċiżjonijiet editorjali relatati ma’ dawn is-servizzi humiex meħuda f’dan l-Istat Membru. |
47 |
Għalkemm tali verifika tikkostitwixxi kwistjoni ta’ fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdilha l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għaliha sabiex issolvi t-tilwima li hija mitluba tiddeċiedi. |
48 |
Għall-finijiet tal-verifika msemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjonijiet editorjali dwar is-servizzi tal-midja awdjoviżiva msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza humiex meħuda fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-fornitur ta’ servizzi tal-midja kkonċernat għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu. |
49 |
Għandu jiġi rrilevat f’dan il-kuntest li l-post li fih dawn id-deċiżjonijiet editorjali dwar is-servizzi tal-midja awdjoviżiva jittieħdu huwa rilevanti wkoll għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterji sostantivi previsti fl-Artikolu 2(3)(b) u (c) tad-Direttiva 2010/13. |
50 |
F’dan ir-rigward, jirriżulta, minn naħa, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(3)(b) tad-Direttiva 2010/13 li “jekk fornitur ta’ servizzi tal-media għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu fi Stat Membru wieħed iżda d-deċiżjonijiet editorjali dwar is-servizz tal-media awdjoviżiv jittieħdu fi Stat Membru ieħor, dan għandu jitqies li huwa stabbilit fl-Istat Membru fejn topera parti sinifikanti mill-forza tax-xogħol involuta fit-twettiq tal-attività tas-servizz tal-media awdjoviżiv”. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(3)(c) ta’ din id-direttiva jipprovdi li “jekk fornitur ta’ servizzi tal-media jkollu l-uffiċċju prinċipali tiegħu fi Stat Membru iżda d-deċiżjonijiet dwar is-servizz tal-media awdjoviżiv jittieħdu f’pajjiż terz, jew viċe-versa, huwa għandu jitqies li huwa stabbilit fl-Istat Membru kkonċernat, sakemm parti sinifikanti mill-forza tax-xogħol involuta fit-twettiq tal-attività tas-servizz tal-media awdjoviżiv tkun topera f’dak l-Istat Membru”. |
51 |
Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni rispettiva tal-Artikolu 2(3)(b) tad-Direttiva 2010/13 u tal-Artikolu 2(3)(c) ta’ din id-direttiva, il-post tal-uffiċċju prinċipali tal-fornitur ta’ servizzi tal-midja, kif ukoll il-post li fih jopera l-persunal involut fl-attivitajiet ta’ dawn is-servizzi huma wkoll rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
52 |
Mill-eżami li jinsab fil-punti 38 sa 51 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-eżerċizzju ta’ responsabbiltà editorjali fir-rigward tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva jikkaratterizza fornitur ta’ dawn is-servizzi, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(d) tad-Direttiva 2010/13. Barra minn hekk, il-post li fih fornitur ta’ servizzi tal-midja għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu u l-post li fih jittieħdu d-deċiżjonijiet editorjali relatati mal-imsemmija servizzi, kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-post li fih jopera l-persunal involut fl-attivitajiet tal-istess servizzi, jikkostitwixxu kriterji rilevanti għall-finijiet li jiġi vverifikat jekk dan il-fornitur huwiex stabbilit fi Stat Membru, skont l-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, b’mod li s-servizzi li huwa jipprovdi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13. Għal kuntrarju, il-fatt li l-programmi ta’ stazzjon tat-televiżjoni mxandra fit-territorju ta’ Stat Membru jistgħu jiġu prodotti f’pajjiż terz huwa irrilevanti għal dawn il-finijiet. |
53 |
Fit-tieni lok, hemm lok li jiġi eżaminat l-argument tal-Gvern Litwan li l-leġiżlazzjoni Litwana għandha tiġi applikata peress li l-istazzjon NTV Mir Lithuania huwa maħsub esklużivament għat-territorju Litwan u BMA stabbilixxiet ruħha fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tevita din il-leġiżlazzjoni. |
54 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(2) sa (5) tad-Direttiva 2010/13 jipprevedi proċedura speċifika sabiex jiġu ttrattati s-sitwazzjonijiet li fihom xandar tat-televiżjoni, suġġett għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru, jipprovdi xandira televiżiva maħsuba kompletament jew prinċipalment għat-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Fil-fatt, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-proċedura previsti minn din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru ta’ riċezzjoni jista’ japplika fir-rigward ta’ tali xandar ir-regoli tiegħu ta’ interess pubbliku ġenerali jew regoli oħra iktar stretti fl-oqsma kkoordinati minn din id-direttiva. |
55 |
F’dan il-każ, huwa madankollu paċifiku li l-LRTK ma segwietx din il-proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2016. |
56 |
Minn dan li jippreċedi jirriżulta li la l-fatt li l-programmi tal-istazzjon NTV Mir Lithuania jistgħu jiġu prodotti f’pajjiż terz u lanqas, fin-nuqqas tar-Repubblika tal-Litwanja li tosserva l-proċedura speċifika prevista mid-Direttiva 2010/13, il-fatt li dan l-istazzjon, li l-fornitur tiegħu huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor, huwa maħsub esklużivament għat-territorju Litwan ma jeżentaw lir-Repubblika tal-Litwanja mill-applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
Fuq l-ewwel domanda
57 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2010/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li miżura ta’ ordni pubbliku, adottata minn Stat Membru, li tikkonsisti fl-obbligu, għall-fornituri ta’ servizzi tal-midja li x-xandiriet tagħhom huma maħsuba għat-territorju ta’ dan l-Istat Membru u għall-persuni l-oħra li jipprovdu lill-konsumaturi tal-imsemmi Stat Membru servizz ta’ xandir permezz tal-internet ta’ stazzjonijiet jew ta’ programmi tat-televiżjoni, li jxandru jew jittrażmettu mill-ġdid fit-territorju ta’ dan l-istess Stat Membru, matul perijodu ta’ tnax-il xahar, stazzjon tat-televiżjoni li ġej minn Stat Membru ieħor biss f’pakketti bi ħlas, taqa’ taħt din id-dispożizzjoni. |
58 |
Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li BMA, destinatarja tal-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija fornitur ta’ servizzi tal-midja stabbilit fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal-Litwanja, jiġifieri r- Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13, skont l-Artikoli 1 u 2 tiegħu, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-indikazzjonijiet li jinsabu fil-punti 37 sa 52 ta’ din is-sentenza. |
59 |
Għall-kuntrarju, sa fejn il-persuni l-oħra li jipprovdu lill-konsumaturi tal-Litwanja servizz ta’ xandir permezz tal-internet ta’ stazzjonijiet jew ta’ programmi tat-televiżjoni ma jikkwalifikawx bħala “fornitur ta’ servizzi tal-midja” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(d) tad-Direttiva 2010/13, dawn ma jaqgħux taħt l-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva. |
60 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li fornitur ta’ servizzi tal-midja stabbilit fil-Litwanja jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dan l-Istat Membru, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/13, b’mod li l-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva ma huwiex applikabbli fir-rigward tiegħu. |
61 |
Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/13 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-libertà ta’ riċezzjoni u ma għandhomx jirrestrinġu fit-territorju tagħhom it-trażmissjoni mill-ġdid ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva li ġejjin minn Stati Membri oħra għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-oqsma kkoordinati minn din id-direttiva, li fosthom hemm il-miżuri kontra l-inċitament għall-mibegħda, imsemmija fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva. Fir-rigward tax-xandir televiżiv, l-Artikolu 3(2) tal-istess direttiva jippermetti madankollu lill-Istati Membri jidderogaw provviżorjament mill-Artikolu 3(1), b’osservanza għal ċertu numru ta’ kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali. |
62 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li hemm nuqqas ta’ qbil bejn, minn naħa, BMA, u min-naħa l-oħra, il-LRTK u l-Gvern Litwan, fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2010/13. Filwaqt li BMA ssostni li din id-dispożizzjoni tirrigwarda kull restrizzjoni mill-Istat Membru ta’ riċezzjoni għal-libertà ta’ riċezzjoni u ta’ trażmissjoni mill-ġdid tax-xandiriet televiżivi, restrizzjoni li għandha tiġi mifhuma fis-sens tal-kunċett ta’ restrizzjoni li jinsab fl-Artikolu 56 TFUE, il-LRTK u l-Gvern Litwan iqisu li l-imsemmija dispożizzjoni tkopri biss il-każ tas-sospensjoni kompluta tar-riċezzjoni u tat-trażmissjoni mill-ġdid tax-xandiriet televiżivi. |
63 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss it-termini tagħha u l-għanijiet segwiti minnha iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll id-dispożizzjonijiet b’mod ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni wkoll jista’ jipprovdi elementi rilevanti fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 50). |
64 |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kliem tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2010/13, dan ma jippermettix minnu nnifsu li tiġi ddeterminata n-natura tal-miżuri koperti minn din id-dispożizzjoni. |
65 |
Fir-rigward, it-tieni nett, tal-kuntest li taħtu jaqa’ l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2010/13 u tal-għanijiet tiegħu, għandu jiġi rrilevat, hekk kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, għalkemm din id-direttiva tikkonkretizza, fil-qasam tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE, billi tistabbilixxi, hekk kif jirriżulta mill-premessa 104 tagħha, “żona mingħajr fruntieri interni” għal dawn is-servizzi, fl-istess ħin tittieħed inkunsiderazzjoni, hekk kif tixhed il-premessa 5 tagħha, in-natura kemm kulturali kif ukoll ekonomika tal-imsemmija servizzi u l-importanza tagħhom għad-demokrazija, l-edukazzjoni u l-kultura, li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ regoli speċifiċi għal dawn l-istess servizzi. |
66 |
Barra minn hekk, mid-disa’ u mill-għaxar premessa tad-Direttiva 89/552 kien jirriżulta li r-restrizzjonijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried ineħħi kienu dawk li kienu jirriżultaw mid-differenzi eżistenti bejn id-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-eżerċizzju tal-attività ta’ xandir u ta’ distribuzzjoni tal-programmi tat-televiżjoni. Għalhekk, l-oqsma kkoordinati minn din id-direttiva kienu jirrigwardaw biss ix-xandir televiżiv fil-veru sens tal-kelma, hekk kif kien iddefinit fl-Artikolu 1(a) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Mesopotamia Broadcast u Roj TV, C‑244/10 u C‑245/10, EU:C:2011:607, punti 31 u 32). |
67 |
Mill-premessi 1 u 4 tad-Direttiva 2010/13 jirriżulta li din tikkodifika d-Direttiva 89/552 fid-dawl tat-teknoloġiji ġodda ta’ trażmissjoni ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva. Minn dan isegwi li l-oqsma kkoordinati minn din l-ewwel direttiva huma kkoordinati biss għal dak li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva fil-veru sens tal-kelma. |
68 |
Fir-rigward, it-tielet nett, tal-oriġini tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/13, għandu jiġi rrilevat li, fil-verżjoni inizjali tagħha, it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/552 kienet issemmi l-possibbiltà tal-Istati Membri li “jissospendu” provviżorjament it-trażmissjoni mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi meta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu kienu ssodisfatti. Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni introduċa, meta emenda permezz tad-Direttiva 97/36 d-Direttiva 89/552, Artikolu 2a ġdid, li, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (2) tiegħu rriproduċa, essenzjalment, il-kliem inizjali tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, filwaqt li ssostitwixxa l-verb “jissospendu” bil-verb “jidderogaw”, ma hemm, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ebda indikazzjoni fir-raġunijiet tad-Direttiva 97/36 li, permezz ta’ din l-emenda, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried imur lura fuq in-natura tal-miżuri koperti. Għall-kuntrarju, il-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 89/552 kompliet issemmi, minkejja din l-emenda, il-possibbiltà tal-Istat Membru ta’ riċezzjoni li “jissospendi proviżorjament it-trasmissjoni mill-ġdid ta’ xandiriet bit-televiżjoni” riferiment li issa jinsab fil-premessa 36 tad-Direttiva 2010/13. |
69 |
Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li l-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Tul il-Fruntieri, li ġiet redatta fl-istess żmien tad-Direttiva 89/552 u li għaliha din id-direttiva tirreferi fir-raba’ premessa tagħha, teżiġi, fl-Artikolu 4 tagħha, li fih dispożizzjoni simili għall-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/13, li l-partijiet għal din il-konvenzjoni “għandhom jiggarantixxu l-libertà ta’ riċezzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u ma “għandhomx jirrestrinġu t-trażmissjoni mill-ġdid” fit-territorju tagħhom ta’ servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni u li huma konformi mad-dispożizzjonijiet tagħha. |
70 |
Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ispira ruħu, fil-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/13, mill-kliem li jinsab fl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Tul il-Fruntieri, jissuġġerixxi li l-kliem “libertà tar-riċezzjoni” u “jirrestrinġu” għandu, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, tifsira speċifika, iktar ristretta minn dik tal-kunċett ta’ “restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu pprovduti servizzi” imsemmi fl-Artikolu 56 TFUE. |
71 |
Għandu jiġi rrilevat, f’dan il-kuntest, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tad-Direttiva 89/552, kif emendata bid-Direttiva 97/36, li l-Artikolu 2a(1) u (2) tagħha jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2010/13, li din l-ewwel direttiva kienet tistabbilixxi l-prinċipju ta’ rikonoxximent, mill-Istat Membru ta’ riċezzjoni, tal-funzjoni ta’ kontroll tal-Istat Membru ta’ oriġini fir-rigward tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva tal-fornituri li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Mesopotamia Broadcast u Roj TV, C‑244/10 u C‑245/10, EU:C:2011:607, punt 35). |
72 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini applikabbli għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva u tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/552, kif emendata bid-Direttiva 97/36, jaqa’ biss fuq l-Istat Membru li minnu dawn is-servizzi joriġinaw, u li l-Istat Membru ta’ riċezzjoni ma huwiex awtorizzat jeżerċita l-kontroll tiegħu stess għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-oqsma kkoordinati minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Mesopotamia Broadcast u Roj TV, C‑244/10 u C‑245/10, EU:C:2011:607, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
73 |
Għall-kuntrarju, id-Direttiva 2010/13 ma tipprekludix, bħala prinċipju, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, b’mod ġenerali, issegwi għan ta’ interess ġenerali mingħajr madankollu ma tistabbilixxi t-tieni kontroll tax-xandiriet televiżivi li jiżdied ma’ dak li l-Istat Membru ta’ xandir huwa obbligat iwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 1997, De Agostini u TV‑Shop, C‑34/95 sa C‑36/95, EU:C:1997:344, punt 34). |
74 |
Mis-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 1997, De Agostini u TV‑Shop (C‑34/95 sa C‑36/95, EU:C:1997:344), jirriżulta li miżura nazzjonali li ssegwi għan ta’ interess ġenerali li tirregola ċerti aspetti tax-xandir jew tad-distribuzzjoni ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva taqa’ taħt l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2010/13 biss jekk din tistabbilixxi t-tieni kontroll tax-xandiriet televiżivi li jiżdied ma’ dak li l-Istat Membru ta’ xandir huwa obbligat iwettaq. |
75 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fil-punt 50 tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Mesopopotamia Broadcast u Roj TV (C‑244/10 u C‑245/10, EU:C:2011:607), li ma jaqgħux taħt id-Direttiva 89/552, kif emendata bid-Direttiva 97/36, leġiżlazzjonijiet ta’ Stat Membru li ma jirrigwardawx speċifikament ix-xandir u d-distribuzzjoni tal-programmi u li, b’mod ġenerali, iridu jilħqu għan ta’ ordni pubbliku, mingħajr madankollu ma jimpedixxu t-trażmissjoni mill-ġdid fil-veru sens tal-kelma fit-territorju tiegħu tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva li ġejjin minn Stati Membri oħra, |
76 |
Madankollu, ma hemmx lok li l-punt 50 tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Mesopopotamia Broadcast u Roj TV (C‑244/10 u C‑245/10, EU:C:2011:607), jiġi interpretat fis-sens li miżura nazzjonali tikkostitwixxi restrizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/13, meta l-leġiżlazzjoni li fuq il-bażi tagħha din hija adottata tirregola ċerti aspetti tax-xandir jew tad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva, bħall-modalitajiet li permezz tagħhom dawn is-servizzi huma mxandra jew iddistribwiti. |
77 |
Ma tikkostitwixxix tali restrizzjoni miżura nazzjonali li, b’mod ġenerali, issegwi għan ta’ ordni pubbliku u li tirregola l-modalitajiet ta’ distribuzzjoni ta’ stazzjon tat-televiżjoni lill-konsumaturi tal-Istat Membru ta’ riċezzjoni, meta tali modalitajiet ma jimpedixxux it-trażmissjoni mill-ġdid fil-veru sens tal-kelma tal-isemmi stazzjon. Fil-fatt, tali miżura ma tistabbilixxix t-tieni kontroll tax-xandir tal-istazzjon inkwistjoni li jiżdied ma’ dak li l-Istat Membru ta’ xandir huwa obbligat iwettaq. |
78 |
Fir-rigward tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ewwel nett, mill-osservazzjonijiet ippreżentati mil-LRTK u mill-Gvern Litwan jirriżulta li, permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 33(11) u tal-punt 1 tal-Artikolu 33(12) tal-Liġi dwar l-Informazzjoni lill-Pubbliku, li fuq il-bażi tagħha ġiet adottata d-deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2016, il-leġiżlatur nazzjonali ried jiġġieled kontra x-xandir attiv ta’ informazzjoni li tiskredita lill-Istat Litwan u thedded l-istatus tiegħu ta’ Stat sabiex, fid-dawl tal-influwenza partikolarment importanti tat-televiżjoni fuq il-formazzjoni tal-opinjoni pubblika, jipproteġi s-sigurtà tal-ispazju ta’ informazzjoni Litwan kif ukoll sabiex jiggarantixxi u jippreserva l-interess pubbliku li jiġi korrettament informat. L-informazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni hija dik li taqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 19 ta’ din il-liġi, li fostha tinsab informazzjoni li tistieden li tingħeleb permezz tal-forza l-ordni kostituzzjonali Litwana, li tinċita sabiex tiġi ppreġudikata s-sovranità tar-Repubblika tal-Litwanja, l-integrità territorjali tagħha u l-indipendenza politika tagħha, li tikkonsisti fil-propaganda tal-gwerra, li tinċita l-gwerra jew il-mibegħda, iż-żebligħ jew id-disprezz, jew li tinċita d-diskriminazzjoni, il-vjolenza jew ir-ritaljazzjonijiet fiżiċi kontra grupp ta’ persuni jew membru ta’ dan il-grupp minħabba, b’mod partikolari, in-nazzjonalità tiegħu. |
79 |
Fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-LRTK ippreċiżat li d-deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2016 kienet ġiet adottata minħabba li wieħed mill-programmi mxandra fuq l-istazzjon NTV Mir Lithuania kien fih informazzjoni falza li kienet tinċita l-ostilità u l-mibegħda bbażati fuq in-nazzjonalità lejn il-pajjiżi Baltiċi li tirrigwarda l-kollaborazzjoni tal-Litwani u tal-Latvjani fil-kuntest tal-Olokawst u li tirrigwarda l-politika interna tal-pajjiżi Baltiċi allegatament nazzjonalista u neoNażista, politika li tikkostitwixxi theddida għall-minoranza nazzjonali Russa li tgħix fit-territorju ta’ dawn il-pajjiżi. Skont il-LRTK, dan il-programm kien immirat lejn il-minoranza tal-lingwa Russa tal-Litwanja u kien intiż, permezz ta’ diversi tekniċi ta’ propaganda, li jinfluwenza, b’mod negattiv u suġġestiv, l-opinjoni ta’ dan il-grupp soċjali fir-rigward tal-politika interna u esterna mmexxija mir-Repubblika tal-Litwanja, mir-Repubblika tal-Estonja u mir-Repubblika tal-Latvja, u li jkabbar il-firdiet u l-polarizzazzjoni tas-soċjetà kif ukoll li jenfasizza t-tensjoni fir-reġjun tal-Ewropa tal-Lvant maħluqa mill-pajjiżi tal-Punent u r-rwol ta’ vittma tal-Federazzjoni tar-Russja. |
80 |
Mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li dawn il-konstatazzjonijiet ġew ikkontestati, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Fuq din il-bażi, miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies bħala li ssegwi, b’mod ġenerali, għan ta’ ordni pubbliku. |
81 |
It-tieni nett, il-LRTK u l-Gvern Litwan ippreċiżaw, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li d-deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2016, li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi tal-midja li x-xandiriet tagħhom huma maħsuba għat-territorju Litwan u lill-persuni l-oħra li jipprovdu lill-konsumaturi Litwani servizz ta’ xandir permezz tal-internet ta’ stazzjonijiet jew ta’ xandiriet televiżivi jxandru jew jittrażmettu mill-ġdid f’dan it-territorju, matul perijodu ta’ tnax-il xahar, l-istazzjon NTV Mir Lithuania biss f’pakketti bi ħlas, tirregola biss il-modalitajiet ta’ distribuzzjoni ta’ dan l-istazzjon lill-konsumaturi Litwani. Fl-istess ħin, huwa paċifiku, fil-kawża prinċipali, li d-deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2016 ma tissospendix jew ma tipprojbixxix it-trażmissjoni mill-ġdid ta’ dan l-istess stazzjon fit-territorju Litwan, peress li dan jista’, minkejja l-imsemmija deċiżjoni, dejjem jiġi mxandar legalment f’dan it-territorju u l-konsumaturi Litwani dejjem jistgħu jarawh, sakemm huma jabbonaw ma’ pakkett bi ħlas. |
82 |
Għalhekk, miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma timpedixxix it-trażmissjoni mill-ġdid fil-veru sens tal-kelma fit-territorju tal-Istat Membru ta’ riċezzjoni tax-xandiriet televiżivi tal-istazzjon televiżiv kopert minn din il-miżura li ġejjin minn Stat Membru ieħor. |
83 |
Għalhekk, tali miżura ma taqax taħt l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2010/13. |
84 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2010/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura ta’ ordni pubbliku, adottata minn Stat Membru, li tikkonsisti fl-obbligu, għall-fornituri ta’ servizzi tal-midja li x-xandiriet tagħhom huma maħsuba għat-territorju ta’ dan l-Istat Membru u għall-persuni l-oħra li jipprovdu lill-konsumaturi tal-imsemmi Stat Membru servizz ta’ xandir permezz tal-internet ta’ stazzjonijiet jew ta’ programmi tat-televiżjoni, li jxandru jew jittrażmettu mill-ġdid fit-territorju ta’ dan l-istess Stat Membru, matul perijodu ta’ tnax-il xahar, stazzjon tat-televiżjoni li ġej minn Stat Membru ieħor biss f’pakketti bi ħlas, mingħajr madankollu ma timpedixxi t-trażmissjoni mill-ġdid fil-veru sens tal-kelma fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru tax-xandiriet televiżivi ta’ dan l-istazzjon, ma taqax taħt din id-dispożizzjoni. |
Fuq it-tieni domanda
85 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
86 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar “is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva”), għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura ta’ ordni pubbliku, adottata minn Stat Membru, li tikkonsisti fl-obbligu, għall-fornituri ta’ servizzi tal-midja li x-xandiriet tagħhom huma maħsuba għat-territorju ta’ dan l-Istat Membru u għall-persuni l-oħra li jipprovdu lill-konsumaturi tal-imsemmi Stat Membru servizz ta’ xandir permezz tal-internet ta’ stazzjonijiet jew ta’ programmi tat-televiżjoni, li jxandru jew jittrażmettu mill-ġdid fit-territorju ta’ dan l-istess Stat Membru, matul perijodu ta’ tnax-il xahar, stazzjon tat-televiżjoni li ġej minn Stat Membru ieħor biss f’pakketti bi ħlas, mingħajr madankollu ma timpedixxi t-trażmissjoni mill-ġdid fil-veru sens tal-kelma fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru tax-xandiriet televiżivi ta’ dan l-istazzjon, ma taqax taħt din id-dispożizzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.