Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0601

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Settembru 2018.
Dirk Harms et vs Vueling Airlines SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Amtsgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 8(1) – Rimbors tal-prezz tal-biljett fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira – Kummissjoni rċevuta minn persuna li taġixxi bħala intermedjarju bejn il-passiġġier u t-trasportatur tal-ajru waqt ix-xiri tal-biljett – Inklużjoni.
Kawża C-601/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:702

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

12 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 8(1) – Rimbors tal-prezz tal-biljett fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira – Kummissjoni rċevuta minn persuna li taġixxi bħala intermedjarju bejn il-passiġġier u t-trasportatur tal-ajru waqt ix-xiri tal-biljett – Inklużjoni”

Fil-Kawża C‑601/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Hamburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ottubru 2017, fil-proċedura

Dirk Harms,

Ann-Kathrin Harms,

Nick-Julius Harms,

Tom-Lukas Harms,

Lilly-Karlotta Harms,

Emma-Matilda Harms

vs

Vueling Airlines SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Malenovský (Relatur), President tal-Awla, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Vueling Airlines SA, minn B. Liebert, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn D. Harms, A‑K. Harms flimkien mal-erbat itfal tagħhom u Vueling Airlines SA dwar ir-rimbors tal-prezz tal-biljetti mixtrija permezz tal-intermedjarja Opodo Ltd.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 261/2004, jiddefinixxi l-kelma “biljett” bħala “dokument validu li jagħti intitolament għal transport jew xi ħaġa ekwivalenti mhux fil-forma ta’ karta, inkluża forma elettronika, maħruġ jew awtorizzat mil-trasportatur ta’ l-ajru jew l-aġent awtorizzat tiegħu”.

4

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

(a)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8;

[…]”.

5

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

(a)

rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri […]

titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq […]

[…]”

6

L-Artikolu 10 tal-istess regolament, intitolat “Titjieb u tnaqqis fil-grad [klassi]”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Jekk trasportatur ta’ l-ajru li jopera jpoġġi passiġġier fi klassi aktar baxxa minn dik għal liema l-biljett ġie akkwistat, għandu fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), jagħti rimbors ta’

(a)

30 % tal-prezz tal-biljett għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas, jew

(b)

50 % tal-prezz tal-biljett għat-titjiriet kollha intra-Komunitarji ta’ [iktar] minn 1500 kilometru […] u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru, jew

(ċ)

75 % tal-prezz tal-biljett għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b) […]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7

D. Harms xtara, minn fuq is-sit web opodo.de, biljetti li kienu jippermettu lil martu, lilu u lill-erbat itfal tagħhom itiru minn Hambourg (il-Ġermanja) għal Faro (il-Portugall) b’waqfa f’Barcelona (Spanja), permezz ta’ titjira mwettqa mill-kumpannija tal-ajru Vueling Airlines. Opodo ffatturat l-ammont ta’ EUR 1108.88 lil D. Harms għax-xiri ta’ dawn il-biljetti u bagħtitlu l-konferma korrispondenti, fejn kien hemm indikat l-imsemmi ammont, mingħajr ebda dettalji addizzjonali. Fl-istess waqt, Opodo ttrażmettiet l-ammont ta’ EUR 1031.88 lill-Vueling Airlines.

8

Madankollu, it-titjira li kellha tieħu l-familja Harms ma seħħietx skont il-pjan ta’ titjiriet previst minn Vueling Airlines, u skont il-qorti tar-rinviju, din is-sitwazzjoni kellha tiġi assimilata ma’ kanċellazzjoni ta’ titjira fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004.

9

Quddiem il-qorti tar-rinviju, D. Harms u A‑K. Harms, li qegħdin jaġixxu f’isimhom u f’isem l-erbat itfal tagħhom isostnu li Vueling Airlines hija obbligata, taħt l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, tirrimborsahom it-totalità tal-ammont ta’ EUR 1108.88 li ġie ffatturat lilhom minn Opodo. Vueling Airlines ma tikkontestax il-fondatezza ta’ din it-talba sa fejn din tirrigwarda l-ammont ta’ EUR 1031.88 li ġie trażmess lilha minn Opodo, billi tindika li dan huwa l-prezz tal-biljetti mixtrija minn D. Harms. Min-naħa l-oħra, hija tqis li ma għandhiex tirrimborsa lil dan tal-aħħar id-differenza bejn dan l-ammont u l-ammont ta’ EUR 1108.88 rċevut minn Opodo, billi ssostni li din id-differenza ta’ EUR 77 ma tagħmilx parti mill-imsemmi prezz.

10

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Amtsgericht Hamburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Hambourg, il-Ġermanja), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-kunċett ta’ ‘rimbors […], permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett’, konformement mal-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għall-ammont imħallas mill-passiġġieri għall-biljett inkwistjoni, jew għandu jitqies li jirreferi għall-ammont li jkun effettivament irċieva t-trasportatur tal-ajru konvenut, meta fil-proċess ta’ riżervazzjoni jkun aġixxa intermedjarju li jirċievi, mingħajr ma javża, id-differenza bejn l-ammont imħallas mill-passiġġier u dak irċevut mit-trasportatur tal-ajru?

Fuq id-domanda preliminari

11

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 261/2004, u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1)(a) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prezz tal-biljett li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tar-rimbors dovut mit-trasportatur tal-ajru lil passiġġier fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira jinkludi d-differenza bejn l-ammont imħallas minn dan il-passiġġier u l-ammont rċevut minn dan it-trasportatur tal-ajru, li tikkorrispondi għal kummissjoni rċevuta minn persuna li intervjeniet bħala intermedjarju bejn dawn it-tnejn tal-aħħar.

12

Skont il-kliem tal-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-regolament, huwa l-obbligu tat-trasportatur tal-ajru, fil-każ tal-kanċellazzjoni tat-titjira, li joffri assistenza lill-passiġġiera kkonċernati li tikkonsisti f’li jipproponilhom, fost oħrajn, ir-rimbors tal-biljett tagħhom, għall-prezz li nxtara, kif ukoll, jekk ikun il-każ, titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq.

13

Il-kliem tal-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 jistabbilixxi rabta diretta bejn il-kunċett ta’ “biljett” u l-espressjoni l-“prezz b’liema ġie mixtri”, fejn tali biljett jista’ jinxtara mill-passiġġiera kkonċernati jew direttament mingħand it-trasportatur tal-ajru, jew permezz ta’ intermedjarju bħal, fost oħrajn, aġent awtorizzat kif imsemmi fl-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 261/2004.

14

Meta dan l-intermedjarju jirċievi, bħala tali, kummissjoni mingħand passiġġier, bħal fil-kawża prinċipali, tqum il-kwistjoni dwar jekk u sa liema punt din il-kummissjoni tikkostitwixxi komponent mill-prezz tal-biljett li jrid jiġi rrimborsat mit-trasportatur tal-ajru kkonċernat lil dan il-passiġġier fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira korrispondenti.

15

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fuq livell ġenerali, li r-Regolament Nru 261/2004 ma għandux biss l-għan li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni lill-passiġġieri, iżda wkoll li jiżgura bilanċ bejn l-interessi ta’ dawn il-passiġġieri u dawk tat-trasportaturi tal-ajru (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 67).

16

Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, għandu jitqies li, għalkemm kummissjoni rċevuta minn intermedjarju mingħand passiġġier, meta jinxtara l-biljett, għandha fil-prinċipju titqies li tikkostitwixxi komponent mill-prezz li għandu jiġi rrimborsat lil dan il-passiġġier fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira korrispondenti, din l-inklużjoni għandha, madankollu, tiġi suġġetta għal ċerti limiti, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tat-trasportaturi tal-ajru li hija timmina.

17

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li “biljett” jikkostitwixxi dokument jew xi ħaġa ekwivalenti mhux fil-forma ta’ karta, inkluża forma elettronika, maħruġ jew awtorizzat mit-trasportatur tal-ajru jew aġent awtorizzat tiegħu. Minn din id-definizzjoni jirriżulta li d-diversi elementi ta’ tali biljett, fosthom il-prezz, għandhom, fil-każ li dan il-biljett ma jinħariġx mit-trasportatur tal-ajru nnifsu, fi kwalunkwe każ jiġu awtorizzati minnu u, għaldaqstant ma jistax jiġi stabbilit mingħajr ma huwa jkun jaf.

18

Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li minnha jirriżulta li r-rimbors parzjali tal-“prezz tal-biljett” previst fl-Artikolu 10(2)(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, fil-każ li t-trasportatur tal-ajru jpoġġi lil passiġġier fi klassi iktar baxxa minn dik li għaliha dan il-passiġġier xtara l-biljett tiegħu, għandu jiġi ddeterminat billi jittieħdu inkunsiderazzojni biss il-komponenti “inevitabbli” tal-imsemmi prezz, fis-sens li huma neċessarji li jitħallsu sabiex wieħed jibbenefika, bħala korrispettiv, mis-servizzi proposti mit-trasportatur tal-ajru (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Mennens, C‑255/15, EU:C:2016:472, punt 36).

19

Fil-fatt, komponent tal-prezz tal-biljett li huwa stabbilit mingħajr l-għarfien tat-trasportatur tal-ajru ma jistax jitqies li huwa neċessarju sabiex wieħed jibbenefika mis-servizzi proposti minn dan tal-aħħar.

20

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li r-Regolament Nru 261/2004, u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1)(a) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prezz tal-biljett li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tar-rimbors dovut mit-trasportatur tal-ajru lil passiġġier fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira jinkludi d-differenza bejn l-ammont imħallas minn dan il-passiġġier u l-ammont rċevut minn dan it-trasportatur tal-ajru, li tikkorrispondi għal kummissjoni rċevuta minn persuna li intervjeniet bħala intermedjarju bejn dawn it-tnejn tal-aħħar, ħlief jekk din il-kummissjoni kienet stabbilita mingħajr l-għarfien tal-imsemmi trasportatur tal-ajru, u dan huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifikah.

Fuq l-ispejjeż

21

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1)(a) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prezz tal-biljett li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tar-rimbors dovut mit-trasportatur tal-ajru lil passiġġier fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira jinkludi d-differenza bejn l-ammont imħallas minn dan il-passiġġier u l-ammont rċevut minn dan it-trasportatur tal-ajru, li tikkorrispondi għal kummissjoni rċevuta minn persuna li intervjeniet bħala intermedjarju bejn dawn it-tnejn tal-aħħar, ħlief jekk din il-kummissjoni kienet stabbilita mingħajr l-għarfien tal-imsemmi trasportatur tal-ajru, u dan huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifikah.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top