EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0568

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Mejju 2019.
Staatssecretaris van Financiën vs L.W. Geelen.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Artikolu 9(2)(ċ) u (e) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 52(a) – Artikolu 56(1)(k) – Provvista ta’ servizzi – Post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli – Rabta fiskali – Sessjonijiet interattivi ta’ natura erotika ffilmjati u mxandra bi streaming dirett permezz tal-internet – Attività ta’ divertiment – Kunċett – Post fejn is-servizzi huma fiżikament imwettqa.
Kawża C-568/17.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:388

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Artikolu 9(2)(ċ) u (e) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 52(a) – Artikolu 56(1)(k) – Provvista ta’ servizzi – Post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli – Rabta fiskali – Sessjonijiet interattivi ta’ natura erotika ffilmjati u mxandra bi streaming dirett permezz tal-internet – Attività ta’ divertiment – Kunċett – Post fejn is-servizzi huma fiżikament imwettqa”

Fil-Kawża C‑568/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Settembru 2017, fil-proċedura

Staatsecretaris van Financiën

vs

L. W. Geelen

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed taġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Olandiż, minn C. S. Schillemans, M. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, E. de Moustier u A. Alidière, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u R. Lyal, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(ċ) u tat-tnax-il inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE tas‑7 ta’ Mejju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 358) (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), tal-Artikolu 52(a) u tal-Artikolu 56(1)(k) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), kif ukoll tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1777/2005 tas‑17 ta’ Ottubru 2005 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għad-Direttiva 77/388 (ĠU 2006, L 173M, p. 93).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-iStaatssecretaris van Financiën (is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) u L. W. Geelen dwar il-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq il-provvista ta’ sessjonijiet interattivi ta’ natura erotika ffilmjati u mxandra bi streaming dirett permezz tal-internet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Is-Sitt Direttiva

3

Skont is-seba’ premessa tas-Sitt Direttiva:

“Billi biex ikun stabbilit il-post minn fejn isiru operazzjonijiet taxxabbli jagħti lok għal ħafna konflitti dwar ġurisdizzjoni bejn Stati Membri, partikolarment dwar provvisti ta’ oġġetti li jeħtiġilhom ikunu mmuntati u dwar il-provvista ta’ servizzi; billi għalkemm il-post fejn jingħataw servizzi għandu fil-prinċipju jfisser il-post fejn il-persuna li tagħti s-servizzi jkollha l-post prinċipali tan-negozju tagħha, dak il-post għandu jfisser li hu l-pajjiż tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi, partikolarment fil-każ ta’ ċerti servizzi mogħtija bejn persuni taxxabbli fejn l-ispejjeż tas-servizzi huma magħduda fil-prezz ta’ l-oġġetti”.

4

Taħt it-Titolu VI ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Post ta’ operazzjonijiet taxxabbli”, l-Artikolu 9 tagħha, bit-titolu “Provvista ta’ servizzi”, kien ifformulat kif ġej:

“1.   Il-post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.

2.   Iżda:

[…]

(ċ)

il-post tal-provvista tas-servizzi li għandhom x’jaqsmu ma’:

attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment jew attivitajiet simili, inklużi l-attivitajiet ta’ l-organizzaturi ta’ attivitajiet bħal dawn, u fejn jixraq, il-provvista ta’ servizzi anċillari,

[…]

għandu jkun il-post fejn dawk is-servizzi jingħataw materjalment;

[…]

(e)

il-post fejn jingħataw is-servizzi li ġejjin, meta jsiru għal konsumaturi stabbiliti barra l-Komunità jew għal persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità imma mhux fl-istess pajjiż bħal tal-fornitur, għandu jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss li lilu jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti:

[…]

servizzi forniti b’mezzi elettroniċi, fost ħwejjeġ oħra, dawk deskritti fl-Anness L.

[…]”

Ir-Regolament Nru 1777/2005

5

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1777/2005 kien jipprovdi:

“Servizzi provduti elettronikament kif imsemmija fit-tnax-il-inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) u fl-Anness L għa[s-Sitt Direttiva] għandhom jinkludu servizzi li jiġu provduti minn fuq l-Internet jew permezz ta’ network elettroniku u li n-natura tagħhom tagħmel il-provvista tagħhom essenzjalment awtomatizzata u li jinvolvu intervent minimu min-naħa tal-bniedem, u li m’għandhomx vijabbiltà jekk tonqos it-teknoloġija ta’ l-informatika.”

Id-Direttiva dwar il-VAT

6

Mill‑1 ta’ Jannar 2007, is-Sitt Direttiva tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva dwar il-VAT.

7

L-Artikolu 43 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jinsab taħt it-Taqsima 1 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Regola ġenerali”, li taqa’, fi ħdan it-Titolu V tagħha li jirrigwarda l-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, taħt il-Kapitolu 3, bit-titolu “Post ta’ provvista ta’ servizzi”, huwa fformulat kif ġej:

“Il-post minn fejn hu pprovdut is-servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn hu pprovdut is-servizz, jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu jkollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.”

8

L-Artikolu 52(a) ta’ din id-direttiva, li jinsab taħt it-Taqsima 2 tal-imsemmi Kapitolu 3, bit-titolu “Disposizzjonijiet partikolari”, jipprovdi:

“Il-post ta’ provvista tas–servizzi li ġejjin għandu jkun il-post fejn is-servizzi huma fiżikament imwettqa:

(a)

attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment jew attivitajiet simili, inklużi l-attivitajiet ta’ l-organizzaturi ta’ attivitajiet bħal dawn u, fejn jixraq, servizzi anċillari”.

9

Taħt din it-Taqsima 2, l-Artikolu 56(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Il-post ta’ provvista tas-servizzi li ġejjin lil konsumaturi stabbiliti barra mill-Komunità, jew lil persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità imma mhux fl-istess Stat Membru bħall-fornitur, għandu jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew għandu stabbiliment fiss li għalih jingħata s-servizz, jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post fejn hu jkollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti:

[…]

(k)

servizzi pprovduti elettronikament, bħal dawk imsemmija fl-Anness II”.

Id-dritt Olandiż

10

L-Artikolu 6(1), il-punt 1 tal-Artikolu 6(2)(c) u l-punt 10 tal-Artikolu 6(2)(d) tal-Wet op de omzetbelasting 1968 (il-Liġi tal-1968 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), fil-verżjoni tagħha applikabbli matul il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Jannar 2006 u l‑31 ta’ Diċembru 2009, ittrasponew, fid-dritt Olandiż, l-Artikolu 9(1), l-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(ċ) u t-tnax-il inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva kif ukoll l-Artikolu 43, l-Artikolu 52(a) u l-Artikolu 56(1)(k) tad-Direttiva dwar il-VAT.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

L. W. Geelen, irreġistrat fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT, jipprovdi bi ħlas servizzi li jikkonsistu fl-offerta ta’ sessjonijiet interattivi ta’ natura erotika ffilmjati u mxandra bi streaming dirett permezz tal-internet. Il-mudelli ffilmjati matul dawn is-sessjonijiet jinsabu fil-Filippini u jaħdmu għal L. W. Geelen. Dan tal-aħħar jipprovdilhom il-materjal u s-softwer meħtieġa għax-xandir bi streaming tal-imsemmija sessjonijiet permezz tal-internet. Sabiex jiksbu aċċess għas-sessjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-klijenti ta’ L. W. Geelen huma meħtieġa joħolqu kont ma’ wieħed mill-fornituri tal-aċċess għall-internet. Dawn il-fornituri jirċievu l-ħlasijiet relatati ma’ dawn is-sessjonijiet mingħand l-imsemmija klijenti u jħallsu lura parti minnhom lil L. W. Geelen. L-imsemmija sessjonijiet huma interattivi, fis-sens li kull klijent għandu l-possibbiltà jikkomunika mal-mudelli u jagħmlilhom talbiet partikolari. Diversi klijenti, b’mod simultanju, jistgħu jaraw l-istess sessjoni diretta.

12

Peress li L. W. Geelen ma ppreżentax dikjarazzjoni tal-VAT għal dawn il-provvisti ta’ servizzi u peress li l-amministrazzjoni tat-taxxa Olandiża kienet tqis li dawn kienu suġetti għall-VAT fl-Olanda, hija bagħtitlu avviż ta’ aġġustament għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta Ġunju 2006 u l‑31 ta’ Diċembru 2009.

13

Ir-Rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti ta’ Zeeland - il-Punent ta’ Brabant, il-Pajjiżi l-Baxxi) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn L. W. Geelen kontra dan l-avviż ta’ aġġustament.

14

Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Lulju 2015, il-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi) annullat l-imsemmi avviż, minħabba, essenzjalment, li l-provvista ta’ servizzi inkwistjoni kienet tikkostitwixxi attività ta’ divertiment, li kellha titqies bħala fiżikament eżerċitata mill-mudelli kkonċernati fil-Filippini.

15

Is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi ppreżenta quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza fejn sostna li l-post ta’ din il-provvista ta’ servizzi kien dak fejn kienu jinsabu l-klijenti fil-mument li huma kienu xtraw is-servizzi kkonċernati, fejn, f’dan il-każ, dan il-post kien, il-Pajjiżi l-Baxxi.

16

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-eżami ta’ dan l-appell jeżiġi, qabel kollox, li jiġi eżaminat il-punt dwar jekk il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni tikkostitwixxix “attività ta’ divertiment”, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva u tal-Artikolu 52(a) tad-Direttiva dwar il-VAT. Ċertament, is-sessjonijiet inkwistjoni huma b’mod ċar intiżi għad-divertiment tal-klijenti u l-ispiża tad-diversi servizzi pprovduti f’din l-okkażjoni tkun inkluża fil-prezz imħallas għall-aċċess għal dawn is-sessjonijiet. Issa, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien preċiżament adotta s-sistema speċjali prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet għal dawn it-tip ta’ provvisti ta’ servizzi kumplessi. Madankollu, jista’ jiġi dedott mis-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2006, Gillan Beach (C‑114/05, EU:C:2006:169), u tas‑27 ta’ Ottubru 2011, Inter-Mark Group (C‑530/09, EU:C:2011:697), li l-attività kkonċernata għandha tiġi eżerċitata matul perijodu speċifiku, f’post fejn il-fornitur u r-riċevituri ta’ servizzi jiltaqgħu fiżikament. Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk dan ir-rekwiżit huwiex meħtieġ wara l-iżvilupp tal-internet, li issa jirrendi possibbli li servizz ma jkunx iktar lokalizzat f’post fiżiku speċifiku.

17

Sussegwentement, fil-każ fejn il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun tikkostitwixxi “attività ta’ divertiment”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet, din il-qorti tikkonstata li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat il-post fejn din il-provvista hija “fiżikament imwettqa”, fis-sens tagħhom. Għalkemm dan il-post jista’, skont din il-qorti, ikun il-post fejn jinsabu l-mudelli, jista’ wkoll jitqies li dan jikkorrispondi għall-post fejn il-klijent igawdi mill-attività ta’ divertiment, jiġifieri dak fejn huwa jaqbad mas-sessjoni. F’din il-kawża prinċipali, il-klijenti kollha jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, peress li dawn il-klijenti jistgħu, fit-teorija, ikunu jinsabu f’kwalunkwe post, tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rabta mal-post fejn il-klijenti jaqbdu mal-internet tipprovdix regola applikabbli fil-prattika u soluzzjoni razzjonali mil-lat fiskali.

18

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk is-sistema partikolari applikabbli għas-servizzi pprovduti elettronikament, prevista fit-tnax-il inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva u fl-Artikolu 56(1)(k) tad-Direttiva dwar il-VAT, tistax ukoll tittieħed inkunsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1777/2005 jista’ jiġi dedott li huma biss it-tranżazzjonijiet li jeħtieġu intervent uman minimu u li ma jistgħux jitwettqu fl-assenza ta’ teknoloġija tal-informatika li jaqgħu taħt din il-kategorija ta’ servizzi. Minn dan isegwi li l-provvista ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix servizz ipprovdut elettronikament, peress li t-twettiq tas-sessjonijiet, minħabba x-xandir bi streaming dirett tagħhom u minħabba n-natura interattiva tagħhom, jeħtieġ intervent uman u l-użu tal-internet.

19

Fl-aħħar nett, fil-każ fejn din il-provvista ta’ servizzi tkun taqa’ taħt iż-żewġ sistemi msemmija iktar ’il fuq, ikollu jiġi ddeterminat, meta dawn iwasslu sabiex jiġu indikati postijiet ta’ rabta differenti, dik li għandha tiġi applikata. Għalkemm, skont il-qorti tar-rinviju, jidher li jirriżulta mis-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 1997, Linthorst, Pouwels en Scheres (C‑167/95, EU:C:1997:105), li l-ordni tal-enumerazzjoni li tinsab fl-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva hija determinanti, l-ebda ċertezza ma tista’ tiġi dedotta minn dan, peress li l-provvista ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza ma setgħet tiġi marbuta ma’ ebda wieħed mill-każijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanded (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1a)

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva […] flimkien mal-Artikolu 52(a) tad-Direttiva [dwar il-VAT] għandhom jiġu interpretati fis-sens li taħt dawn id-dispożizzjonijiet jaqa’ wkoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni bi ħlas ta’ sessjonijiet webcam erotiċi interattivi diretti?

b)

Jekk il-parti (a) tal-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, il-frażijiet ‘il-post fejn dawk is-servizzi jingħataw materjalment’ u ‘il-post fejn is-servizzi huma fiżikament imwettqa’ li jinsabu rispettivament fl-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva u fil-parti introduttiva tal-Artikolu 52 tad-Direttiva [dwar il-VAT] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-post determinanti huwa dak fejn il-mudelli jidhru quddiem il-webcam, jew fis-sens li l-post determinanti huwa dak fejn il-[klijenti] jħarsu lejn l-immaġni, jew għandu jiġi kkunsidrat post ieħor?

2)

It-tnax-il inċiż tal Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 56(1)(k) tad-Direttiva [dwar il-VAT], flimkien mal-Artikolu 11 tar-Regolament [Nru 1777/2005], għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tqegħid għad-dispożizzjoni bi ħlas ta’ sessjonijiet webcam erotiċi interattivi diretti jista’ jiġi kkunsidrat bħala ‘[s]ervizzi provduti elettronikament’?

3)

Fil-każ li kemm il-parti (a) tal-ewwel domanda kif ukoll it-tieni domanda jingħataw risposta affermattiva u fil-każ li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi rilevanti jwasslu għal riżultati differenti fir-rigward tal-postijiet fejn jiġu pprovduti s-servizzi, kif għandu, għalhekk, jiġi stabbilit il-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 52(a) tad-Direttiva dwar il-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li provvista ta’ servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fl-offerta ta’ sessjonijiet interattivi ta’ natura erotika ffilmjati u mxandra bi streaming dirett permezz tal-internet tikkostitwixxi “attività ta’ divertiment”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, f’liema post tali provvista għandha titqies bħala li hija “fiżikament imwettqa”, fis-sens tagħhom.

22

Peress li din id-domanda hija magħmula fil-kuntest ta’ aġġustament fiskali relatat mal-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Ġunju 2006 u l‑31 ta’ Diċembru 2009, kemm id-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva kif ukoll dawk tad-Direttiva dwar il-VAT huma applikabbli ratione temporis f’tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

23

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva jinkludi regoli li jiddeterminaw il-post ta’ tassazzjoni tal-provvisti ta’ servizzi. Filwaqt li, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1) jistabbilixxi regola ta’ natura ġenerali, l-Artikolu 9(2) jelenka serje ta’ rabtiet speċifiċi. L-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa, minn naħa, li jiġu evitati kunflitti ta’ ġurisdizzjoni li jistgħu jwasslu għal tassazzjoni doppja u, min-naħa l-oħra, li jiġi evitat in-nuqqas ta’ tassazzjoni fuq id-dħul (sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 1996, Dudda, C‑327/94, EU:C:1996:355, punt 20; tad‑9 ta’ Marzu 2006, Gillan Beach, C‑114/05, EU:C:2006:169, punt 14; tas‑6 ta’ Novembru 2008, Kollektivavtalsstiftelsen TRR Trygghetsrådet, C‑291/07, EU:C:2008:609, punt 24, u tat‑3 ta’ Settembru 2009, RCI Europe, C‑37/08, EU:C:2009:507, punt 20).

24

Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, ma teżisti l-ebda preminenza tal-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva fuq l-Artikolu 9(2) tagħha. F’kull sitwazzjoni, id-domanda li tqum hija jekk din hijiex koperta minn wieħed mill-każijiet msemmija fl-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva. Fin-nuqqas ta’ dan, din is-sitwazzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 9(1) tagħha (sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2005, RAL (Channel Islands) et, C‑452/03, EU:C:2005:289, punt 24; tad‑9 ta’ Marzu 2006, Gillan Beach, C‑114/05, EU:C:2006:169, punt 15 kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2008, Kollektivavtalsstiftelsen TRR Trygghetsrådet, C‑291/07, EU:C:2008:609, punt 25).

25

Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva ma għandhomx jitqiesu bħala li jikkostitwixxu eċċezzjoni għal regola ġenerali li għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank, C‑41/04, EU:C:2005:649, punt 34).

26

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi li l-post tal-provvisti ta’ servizzi li jirrigwardaw, b’mod partikolari, “attivitajiet ta’ divertiment jew attivitajiet simili”, inklużi, fejn xieraq, provvisti ta’ servizzi anċillari għal dawn l-attivitajiet, huwa l-post fejn dawn is-servizzi huma fiżikament imwettqa. Il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-fatt qies li, sa fejn il-fornitur jipprovdi s-servizzi tiegħu fl-Istat li fih tali servizzi huma fiżikament imwettqa u sa fejn l-organizzatur tal-avveniment jiġbor f’dan l-istess Stat il-VAT imħallsa mill-konsumatur finali, il-VAT li hija miġbura fuq is-servizzi kollha li l-ispiża tagħha hija inkluża fil-prezz tas-servizz totali mħallas minn dan il-konsumatur, għandha tiġi mħallsa lil dan l-Istat, irrispettivament mill-post fejn il-fornitur stabbilixxa s-sede tal-attività ekonomika tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 1996, Dudda, C‑327/94, EU:C:1996:355, punt 24, kif ukoll tad‑9 ta’ Marzu 2006, Gillan Beach, C‑114/05, EU:C:2006:169, punti 18 u 22).

27

L-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(ċ) tagħha jikkorrispondu, rispettivament, għall-Artikolu 43 u għall-Artikolu 52(a) tad-Direttiva dwar il-VAT.

28

Peress li l-formulazzjoni ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet hija, essenzjalment, identika għal dik tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tas-Sitt Direttiva, dawn għandhom jiġu interpretati b’mod identiku (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2008, Kollektivavtalsstiftelsen TRR Trygghetsrådet, C‑291/07, EU:C:2008:609, punt 23).

29

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

30

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, in-natura tas-servizzi, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem stess tal-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva jirriżulta li, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, provvista ta’ servizzi għandha prinċipalment tirrigwarda, b’mod partikolari, id-divertiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 1996, Dudda, C‑327/94, EU:C:1996:355, punt 26, kif ukoll tat‑12 ta’ Mejju 2005, RAL (Channel Islands) et, C‑452/03, EU:C:2005:289, punt 31).

31

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li ebda livell artistiku partikolari ma huwa meħtieġ, u li mhux biss servizzi li jirrigwardaw attivitajiet, b’mod partikolari, ta’ divertiment, iżda wkoll dawk li jirrigwardaw attivitajiet li huma sempliċement simili jaqgħu taħt l-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva (sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 1996, Dudda, C‑327/94, EU:C:1996:355, punt 25; tat‑12 ta’ Mejju 2005, RAL (Channel Islands) et, C‑452/03, EU:C:2005:289, punt 32, kif ukoll tad‑9 ta’ Marzu 2006, Gillan Beach, C‑114/05, EU:C:2006:169, punt 19).

32

F’din il-kawża, mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-provvista ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura kumplessa, peress li tikkonsisti f’diversi attivitajiet. Fil-fatt, minn naħa, mudelli li jinsabu fil-Filippini jipparteċipaw f’spettakli ta’ natura erotika. Min-naħa l-oħra, dawn tal-aħħar huma s-suġġett ta’ sessjonijiet interattivi, aċċessibbli b’mod dirett permezz tal-internet, organizzati minn L. W. Geelen mill-post, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn huwa stabbilixxa s-sede tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu, u li l-għan tagħhom huwa li jippermettu lill-klijenti mhux biss jaraw dawn is-sessjonijiet, iżda wkoll jinteraġixxu mal-mudelli, b’tali mod li huma jkunu jistgħu jinfluwenzaw l-iżvolġiment tal-imsemmija spettakli u jevolvuhom skont ix-xewqat tagħhom.

33

F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li dawn l-ispettakli huma mwettqa mill-mudelli fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn dawn tal-aħħar u l-organizzatur tagħhom. Barra minn hekk, peress li huwa permezz tal-fornituri tal-aċċess għall-internet, li magħhom il-klijenti huma meħtieġa joħolqu kont, li dan l-organizzatur jirċievi l-ħlas meħtieġ għall-wiri tas-sessjonijiet interattivi, jirriżulta li huwa stabbilixxa wkoll il-kuntest tekniku, organizzattiv u kuntrattwali meħtieġ sabiex jippermetti aċċess għall-imsemmija sessjonijiet, li huwa ristrett għal tali klijenti li jħallsu. B’mod partikolari, mill-informazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha jirriżulta li l-imsemmi organizzatur jipprovdi għal dan il-għan lill-mudelli s-softwer neċessarju għax-xandir bi streaming permezz tal-internet.

34

Minn dan jirriżulta li s-sessjonijiet interattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex komparabbli ma’ avvenimenti kulturali tradizzjonali, bħal kunċert, fiera jew wirja, peress li, permezz tas-servizz li huwa joffri, L. W. Geelen ma għandux l-intenzjoni jipprovdi aċċess għal provvista ta’ servizzi mwettqa f’post preċiż matul perijodu speċifiku, imma jorganizza u jippermetti, fl-istess ħin, il-ħolqien u x-xandir bi streaming ta’ kategorija ta’ spettakli li jistgħu jseħħu fi kwalunkwe ħin u post, u dan fil-kuntest tas-sessjonijiet interattivi aċċessibbli permezz tal-internet.

35

Għaldaqstant, sabiex tiġi stabbilita n-natura tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi evalwat is-servizz ikkonċernat, hekk kif ipprovdut minn L. W. Geelen.

36

F’dan il-każ, huwa paċifiku li dan is-servizz huwa intiż li jipprovdi lid-destinatarji tiegħu sors ta’ divertiment.

37

Minn dan isegwi li, hekk kif isostnu kemm il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, tali provvista ta’ servizzi għandha titqies bħala “attività ta’ divertiment” li taqa’ taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva.

38

Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, il-fatt li dan is-servizz ta’ divertiment ma huwiex ipprovdut fil-preżenza fiżika tad-destinatarji tiegħu u li dawn tal-aħħar ma jgawdux minn dan is-servizz minn post wieħed.

39

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kategoriji differenti ta’ servizzi msemmija fl-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva għandhom, b’mod partikolari, bħala karatteristika komuni li huma ġeneralment ipprovduti fil-każ ta’ avvenimenti individwali u li l-post fejn dawn is-servizzi huma fiżikament imwettqa jista’, bħala prinċipju, jiġi faċilment identifikat, peress li l-imsemmija avvenimenti jseħħu f’post speċifiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2006, Gillan Beach, C‑114/05, EU:C:2006:169, punti 2425, kif ukoll tas‑27 ta’ Ottubru 2011, Inter‑Mark Group, C‑530/09, EU:C:2011:697, punt 23).

40

Madankollu, għalkemm dan huwa l-każ bħala regola ġenerali, xejn fil-kliem tal-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva ma huwa ta’ natura li jissuġġerixxi li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija neċessarjament limitata biss għas-servizzi pprovduti fil-każ ta’ tali avvenimenti.

41

Għall-kuntrarju, hekk kif jirriżulta mill-punt 30 ta’ din is-sentenza, provvista ta’ servizzi taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni minħabba s-sempliċi fatt li l-għan prinċipali tagħha huwa, b’mod partikolari, id-divertiment u, għaldaqstant, minħabba n-natura tiegħu stess.

42

Għalhekk, fl-assenza ta’ preċiżjoni espliċita fl-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva fir-rigward tan-natura faċilment identifikabbli jew preċiża tal-post fejn l-attività ta’ divertiment hija fiżikament imwettqa, hemm lok li jitqies li la l-fatt li servizz ma huwiex ipprovdut fil-preżenza fiżika tad-destinatarji tiegħu u lanqas il-fatt li dawn tal-aħħar ma jgawdux mill-imsemmi servizz minn post wieħed ma huma ta’ natura li tiġi ostakolata l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat, fit-tieni lok, f’liema post provvista ta’ servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha titqies bħala li “[tingħata] materjalment”, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva.

44

Skont il-Kummissjoni, il-post fejn huma fiżikament imwettqa sessjonijiet interattivi ta’ natura erotika ffilmjati u mxandra bi streaming dirett permezz tal-internet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkorrispondi neċessarjament għall-post fejn l-ispettaklu huwa fiżikament imwettaq mill-mudelli. Min-naħa l-oħra, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak Franċiż iqisu li dan il-post, fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi, għandu jitqies bħala dak fejn il-klijent jista’ jaċċedi għal dan l-ispettaklu. Din l-interpretazzjoni tal-aħħar tkun konformi mal-loġika li fuqha huma bbażati r-regoli tal-VAT relatati mal-post tal-provvista ta’ servizzi, li abbażi tagħha t-tassazzjoni għandha sseħħ, sa fejn ikun possibbli, fil-post fejn is-servizzi huma użati mid-destinatarji tagħhom.

45

Ċertament, il-mudelli li jipparteċipaw fl-ispettaklu li huwa s-suġġett tas-sessjonijiet interattivi ta’ natura erotika ffilmjati u mxandra bi streaming dirett permezz tal-internet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinsabu fiżikament fil-Filippini.

46

Madankollu, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 32 sa 34 ta’ din is-sentenza, il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tikkonsisti fl-organizzazzjoni u fl-offerta ta’ sessjonijiet interattivi ta’ natura erotika hija provvista kumplessa mwettqa mhux mill-mudelli iżda minn L. W. Geelen, l-organizzatur ta’ dawn is-sessjonijiet.

47

Issa, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-attivitajiet meħtieġa għall-provvista ta’ dan is-servizz kumpless jiffokaw fuq il-post li minnu l-fornitur, minn naħa, jorganizza s-sessjonijiet interattivi intiżi għall-ispettaklu ta’ natura erotika mwettaq mill-mudelli u, min-naħa l-oħra, jagħti l-possibbiltà lill-klijenti jaraw dawn is-sessjonijiet permezz tal-internet, mill-post tal-għażla tagħhom, kif ukoll jinteraġixxu ma’ dawn il-mudelli, tali servizz kumpless għandu jitqies bħala li “[jingħata] materjalment”, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva, fil-post li minnu dan huwa pprovdut mill-imsemmi fornitur, jiġifieri, fil-kawża prinċipali, fil-post tas-sede tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi.

48

Għalkemm huwa minnu li dan il-post ta’ rabta jikkorrispondi, f’dan il-każ, għal dak previst fl-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 9(2) tal-imsemmija Sitt Direttiva ma għandux jitqies bħala li jistabbilixxi eċċezzjoni għal regola ġenerali.

49

Għaldaqstant, anki jekk l-aħħar waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, hekk kif jirriżulta mis-seba’ premessa tas-Sitt Direttiva, u hekk kif sostnew il-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-proċedura, tippermetti, jekk ikun il-każ, li jiġi żgurat li s-servizzi kkonċernati jkunu suġġetti għas-sistema tal-VAT fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu s-servizzi huma użati mid-destinatarji tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005, RAL (Channel Islands) et, C‑452/03, EU:C:2005:289, punt 33), jibqa’ l-fatt li xejn ma jeskludi li l-post fejn is-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma fiżikament imwettqa jista’ jikkorrispondi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, għall-Istat Membru li fih il-fornitur ta’ servizzi huwa stabbilit.

50

Din l-interpretazzjoni tapplika a fortiori fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża prinċipali sa fejn din tipprovdi punt ta’ rabta utli, li jwassal għal soluzzjoni razzjonali mil-lat fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 1985, Berkholz, 168/84, EU:C:1985:299, punti 1718).

51

Fil-fatt, tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan imfittex mill-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva, li, hekk kif tfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, huwa dak ta’ regola ta’ kunflitt intiża sabiex jiġu evitati r-riskji ta’ tassazzjoni doppja kif ukoll ta’ nuqqas ta’ tassazzjoni, u tiffaċilita l-implimentazzjoni tar-regola ta’ kunflitt stabbilita fl-Artikolu 9(2) (ċ), tas-Sitt Direttiva, billi tippermetti amministrazzjoni sempliċi, fil-post tal-provvista ta’ servizzi, tar-regoli ta’ ġbir tat-taxxa (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2008, Kollektivavtalsstiftelsen TRR Trygghetsrådet, C‑291/07, EU:C:2008:609, punti 30 u 31).

52

Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt irrilevat mill-qorti tar-rinviju, imsemmi fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, li l-klijenti kollha ta’ L. W. Geelen jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi, jidher li, f’dan il-każ, l-imsemmija interpretazzjoni tippermetti, barra minn hekk, li jiġi żgurat li s-servizzi kkonċernati jkunu suġġetti għas-sistema tal-VAT fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu s-servizzi huma użati mid-destinatarji tagħhom.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 52(a) tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li provvista ta’ servizzi kumplessa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fl-offerta ta’ sessjonijiet interattivi ta’ natura erotika ffilmjati u mxandra bi streaming dirett permezz tal-internet tikkostitwixxi “attività ta’ divertiment”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li għandha titqies li hija “fiżikament imwettqa”, fis-sens tagħhom, fil-post fejn il-fornitur stabbilixxa s-sede tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu jew stabbiliment fiss li minnu s-servizz huwa pprovdut, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fil-post tad-domiċilju tiegħu jew tar-residenza abitwali tiegħu.

Fuq it-tieni domanda

54

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tnax-il inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 56(1)(k) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqrija flimkien mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1777/2005, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li provvista ta’ servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fl-offerta ta’ sessjonijiet interattivi ta’ natura erotika ffilmjati u mxandra bi streaming dirett permezz tal-internet, għandha titqies bħala li tirrigwarda “[s]ervizzi provduti elettronikament”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

55

Għandu jiġi rrilevat li t-tnax-il inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva jiddetermina l-post tas-servizzi pprovduti elettronikament, f’dak li jirrigwarda s-servizzi msemmija fl-Anness L ta’ din id-direttiva u fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1777/2005, meta dawn huma pprovduti lil benefiċjarji stabbiliti barra mill-Unjoni jew lil persuni taxxabbli stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, iżda barra mill-pajjiż tal-fornitur ta’ servizzi.

56

Dan it-tnax-il inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) jikkorrispondi għall-Artikolu 56(1)(k) tad-Direttiva dwar il-VAT. Peress li l-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija essenzjalment identika, dawn għandhom, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, jiġu interpretati b’mod identiku.

57

Madankollu mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, imsemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li s-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie pprovdut lil klijenti li jinsabu kollha fil-Pajjiżi l-Baxxi.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk servizz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jitqies bħala “[s]ervizzi provduti elettronikament” imsemmija fl-Anness L tas-Sitt Direttiva u fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1777/2005, għandu jiġi kkonstatat li t-tnax-il inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) ta’ din id-direttiva ma huwiex intiż li japplika f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali.

59

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tnax-il inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 56(1)(k) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqrija flimkien mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1777/2005, għandhom jiġu interpretati fis-sens li provvista ta’ servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fl-offerta ta’ sessjonijiet interattivi ta’ natura erotika ffilmjati u mxandra bi streaming dirett permezz tal-internet ma taqax, meta s-servizzi ġew ipprovduti lil benefiċjarji li jinsabu kollha fl-Istat Membru tal-fornitur ta’ dawn is-servizzi, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq it-tielet domanda

60

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE tas‑7 ta’ Mejju 2002, u l-Artikolu 52(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li provvista ta’ servizzi kumplessa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fl-offerta ta’ sessjonijiet interattivi ta’ natura erotika ffilmjati u mxandra bi streaming dirett permezz tal-internet tikkostitwixxi “attività ta’ divertiment”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li għandha titqies li hija “fiżikament imwettqa”, fis-sens tagħhom, fil-post fejn il-fornitur stabbilixxa s-sede tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu jew stabbiliment fiss li minnu s-servizz huwa pprovdut, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fil-post tad-domiċilju tiegħu jew tar-residenza abitwali tiegħu.

 

2)

It-tnax-il inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 2002/38, u l-Artikolu 56(1)(k) tad-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1777/2005 tas‑17 ta’ Ottubru 2005 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għad-Direttiva 77/388, għandhom jiġu interpretati fis-sens li provvista ta’ servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fl-offerta ta’ sessjonijiet interattivi ta’ natura erotika ffilmjati u mxandra bi streaming dirett permezz tal-internet ma taqax, meta s-servizzi ġew ipprovduti lil benefiċjarji li jinsabu kollha fl-Istat Membru tal-fornitur ta’ dawn is-servizzi, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top