EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0531

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-14 ta’ Frar 2019.
Vetsch Int. Transporte GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 143(1)(d) – Eżenzjonijiet mill-VAT fuq l-importazzjoni – Importazzjonijiet segwiti minn trasferiment intra-Komunitarju – Kunsinna intra-Komunitarja sussegwenti – Frodi fiskali – Rifjut tal-eżenzjoni – Kundizzjonijiet.
Kawża C-531/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:114

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

14 ta’ Frar 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 143(1)(d) – Eżenzjonijiet mill-VAT fuq l-importazzjoni – Importazzjonijiet segwiti minn trasferiment intra-Komunitarju – Kunsinna intra-Komunitarja sussegwenti – Frodi fiskali – Rifjut tal-eżenzjoni – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑531/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Settembru 2017, fil-proċedura

Vetsch Int. Transporte GmbH

fil-preżenza ta’:

Zollamt Feldkirch Wolfurt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Vetsch Int. Transporte GmbH, minn P. Csoklich, Rechtsanwalt,

għaz-Zollamt Feldkirch Wolfurt, minn G. Kofler, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn F. Koppensteiner, D. Schwab u C. Pesendorfer, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou u G. Papadaki, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 143(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”) u tal-Artikolu 143(1)(d) ta’ din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/69/KE tal-25 ta’ Ġunju 2009 (ĠU 2009, L 175, p. 12) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT kif emendata”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Vetsch Int. Transporte GmbH (iktar ’il quddiem “Vetsch”) u z-Zollamt Feldkirch Wolfurt (l-Uffiċċju Doganali ta’ Feldkirch Wolfurt, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Doganali”), dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-importazzjonijiet, fl-Awstrija, ta’ merkanzija li toriġina fl-Isvizzera u intenzjonata li tiġi ttrasferita lejn il-Bulgarija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għal ċirkolazzjoni libera inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew ippreżentati matul il-perijodu bejn l-10 ta’ Diċembru 2010 u l-5 ta’ Lulju 2011. Peress li d-Direttiva dwar il-VAT ġiet emendata, b’mod partikolari, bid-Direttiva 2009/69, li t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha skada fl-1 ta’ Jannar 2011, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT u dawk tad-Direttiva dwar il-VAT kif emendata japplikaw għall-kawża prinċipali.

Id-Direttiva dwar il-VAT

4

L-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[…]

(d)

l-importazzjoni ta’ merkanzija.”

5

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“It-trasferiment ta’ merkanzija li tkun saret minn persuna taxxabbli li tifforma parti mill-assi tan-negozju tagħha għal Stat Membru ieħor għandha tiġi trattata bħala provvista ta’ merkanzija bi ħlas.”

6

Skont l-Artikolu 138 tal-imsemmija direttiva:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-provvista ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lejn destinazzjoni ’l barra mit-territroju tagħhom iżda [fl-Unjoni Ewropea], jew mill-bejjiegħ jew f’ismu jew il-persuna li tkun qed takkwista l-merkanzija, għal persuna taxxabbli oħra, jew għal persuna legali mhux taxxabbli li tkun qed taġixxi bħala tali fi Stat Membru ieħor li mhux dak minn fejn bdiet tinbagħat jew tkun ittrasportata il-merkanzija.

2.   Flimkien mal-provvista ta’ merkanzija msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(ċ)

il-provvista ta’ merkanzija, li tikkonsisti fit-trasferiment lejn Stat Membru ieħor, li kien ikun intitolat għal eżenzjoni skond il-paragrafu 1 u l-punti (a) u (b) kieku din kienet saret f’isem persuna taxxabbli oħra.”

7

L-Artikolu 143 tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(d)

l-importazzjoni ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata minn territorju terz jew pajjiż terz u importata fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun waslet il-merkanzija mibgħuta jew ittrasportata, fejn il-provvista ta’ merkanzija ta’ dan it-tip mill-importatur innominat jew rikonoxxut skond l-Artikolu 201 bħala obbligat li jħallas il-VAT hu eżenti skond l-Artikolu 138;

[…]”

8

Skont l-Artikolu 201 tad-Direttiva dwar il-VAT:

“Ma’ l-importazzjoni, il-VAT għandha titħallas mill-persuna jew mill-persuni nominati jew rikonoxxuti bħala responsabbli mill-Istat Membru ta’ l-importazzjoni.”

Id-Direttiva dwar il-VAT kif emendata

9

L-Artikolu 2(1)(d) kif ukoll l-Artikoli 138 u 201 tad-Direttiva dwar il-VAT kif emendata huma fformulati bi kliem identiċi għal dawk tal-artikoli korrispondenti tad-Direttiva dwar il-VAT. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 143 tad-Direttiva dwar il-VAT kif emendata jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(d)

l-importazzjoni ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata minn territorju terz jew pajjiż terz u importata fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun waslet il-merkanzija mibgħuta jew ittrasportata, fejn il-provvista ta’ merkanzija ta’ dan it-tip mill-importatur innominat jew rikonoxxut skond l-Artikolu 201 bħala obbligat li jħallas il-VAT hu eżenti skond l-Artikolu 138;

[…]

2.   L-eżenzjoni prevista f’punt (d) tal-paragrafu 1 għandha tapplika f’każijiet meta l-importazzjoni ta’ merkanzija tkun segwita mill-provvista ta’ merkanzija eżentata skont l-Artikolu 138(1) u (2)(c) biss jekk fil-mument tal-importazzjoni l-importatur ikun ipprovda lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-importazzjoni għall-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tiegħu maħruġ fl-Istat Membru tal-importazzjoni jew in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tar-rappreżentant tat-taxxa tiegħu, responsabbli għall-ħlas tal-VAT, maħruġ fl-Istat Membru tal-importazzjoni;

(b)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-klijent, li għalih il-merkanzija tiġi pprovduta skont l-Artikolu 138(1), maħruġ fi Stat Membru ieħor, jew in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tiegħu stess maħruġ fl-Istat Membru fejn jispiċċa d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija meta l-merkanzija tkun soġġetta għal trasferiment skont l-Artikolu 138(2)(c);

(c)

ix-xhieda li l-merkanzija importata hi intenzjonata li tinġarr jew tintbagħat mill-Istat Membru tal-importazzjoni lejn Stat Membru ieħor.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li x-xhieda msemmija f’punt (c) tiġi indikata lill-awtoritajiet kompetenti biss fuq talba.”

Id-dritt Awstrijak

10

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness bid-Dispożizzjonijiet dwar is-Suq Intern tal-Umsatzsteuergesetz 1994 (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ tal-1994, iktar ’il quddiem l-“UStG 1994”), l-importazzjoni tal-merkanzija li d-dikjarant sussegwentement juża direttament għall-finijiet tat-twettiq ta’ kunsinni intra-Komunitarji hija eżentata; id-dikjarant għandu jistabbilixxi, permezz ta’ dokumenti tal-kontabbiltà, li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 ta’ dan l-anness tal-UStG 1994 huma ssodisfatti. L-eżenzjoni tapplika biss jekk il-parti, li għall-impriża tagħha tkun ġiet importata l-merkanzija, twettaq il-kunsinna intra-Komunitarja sussegwenti.

11

Konformement mal-Artikolu 26(1) tal-UStG 1994, id-dispożizzjonijiet dwar id-dazji doganali għandhom japplikaw b’analoġija għall-VAT fuq l-importazzjoni.

12

Skont l-Artikolu 71a taz-Zollrechts-Durchführungsgesetz (il-Liġi dwar l-Implimentazzjoni tad-Dritt Doganali), fil-każijiet ta’ eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni taħt l-Artikolu 6(3) tal-Anness bid-Dispożizzjonijiet dwar is-Suq Intern tal-UStG 1994, id-dikjarant huwa responsabbli wkoll għall-ħlas tad-dejn tal-VAT fuq l-importazzjoni li jkun tnissel skont l-Artikolu 204(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), jekk ma jkunx diġà meqjus li huwa debitur skont l-Artikolu 204(3) tal-Kodiċi Doganali.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Vetsch hija kumpannija Awstrijaka b’responsabbiltà limitata li teżerċita attività ta’ trasport.

14

Matul il-perijodu bejn l-10 ta’ Diċembru 2010 u l-5 ta’ Lulju 2011, din il-kumpannija ppreżentat fl-Uffiċċju Doganali, bħala rappreżentant indirett ta’ żewġ kumpanniji stabbiliti fil-Bulgarija, K u B, dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għal ċirkolazzjoni libera ta’ merkanzija importata mill-Isvizzera. Fil-kuntest ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, Vetsch talbet il-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 6(3) tal-Anness bid-Dispożizzjonijiet dwar is-Suq Intern tal-UStG 1994, filwaqt li indikat f’dan ir-rigward il-kodiċi tas-“sistema doganali 42”. Għaldaqstant, il-merkanzija kkonċernata ġiet irrilaxxata għal ċirkolazzjoni libera b’eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni.

15

Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 2011, l-Uffiċċju Doganali talab lil Vetsch tħallas il-VAT fuq l-importazzjoni fir-rigward tal-merkanzija kkonċernata, konformement mal-Artikolu 204(1) tal-Kodiċi Doganali, għar-raġuni li l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mitluba fl-imsemmija dikjarazzjonijiet ma kinux issodisfatti. B’hekk, Vetsch saret il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT. Fil-31 ta’ Jannar 2012, l-Uffiċċju Doganali ċaħad l-ilment imressaq minn Vetsch kontra din id-deċiżjoni.

16

Vetsch ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Uffiċċju Doganali quddiem il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija), li ġie miċħud bħala infondat permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2016.

17

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dik il-qorti qieset li kien stabbilit li l-bejjiegħ tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ittrasferixxa lid-destinatarji Bulgari d-dritt li jiddisponu minn din il-merkanzija meta kienet tinsab fl-Isvizzera, jiġifieri qabel inħarġet mid-dwana fl-Awstrija. Ma ġiex stabbilit li dawn id-destinatarji kienu tilfu dan id-dritt fil-Bulgarija. L-imsemmija destinatarji kienu ddikjaraw l-akkwist intra-Komunitarju tal-imsemmija merkanzija iżda kienu wettqu frodi fiskali f’dan l-Istat Membru meta ddikjaraw indebitament li kienu wettqu kunsinna intra-Komunitarja eżentata tal-merkanzija inkwistjoni favur Vetsch.

18

Vetsch ippreżentat appell għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni tal-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi).

19

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, fid-dritt Awstrijak, il-VAT fuq l-importazzjoni hija dovuta jekk il-kundizzjoni għall-eżenzjoni marbuta mat-trasferiment wara l-importazzjoni fl-Awstrija, prevista fl-Artikolu 138(2)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, ma tkunx issodisfatta. F’dan il-każ, id-dritt nazzjonali jipprevedi li d-debitur ta’ din it-taxxa jkun il-persuna li għandha tosserva din il-kundizzjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, id-destinatarji Bulgari kkonċernati, li tagħhom Vetsch hija r-rappreżentant indirett. Fil-kawża prinċipali, Vetsch hija madankollu meqjusa li hija d-debitur in solidum fir-rigward tal-imsemmija taxxa.

20

Skont il-qorti tar-rinviju, l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni, taħt l-Artikolu 143(d) tad-Direttiva dwar il-VAT u taħt l-Artikolu 143(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT kif emendata tiddependi mill-kwistjoni ta’ jekk it-trasferiment intra-Komunitarju huwiex eżentat skont l-Artikolu 138(2)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT.

21

F’dan ir-rigward, hija tosserva li l-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) qieset li l-kundizzjonijiet li jippermettu l-benefiċċju ta’ tali eżenzjoni ma kinux issodisfatti billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha joħroġ li l-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT, taħt l-Artikolu 138(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, għandu jiġi rrifjutat lil persuna taxxabbli meta din tkun wettqet frodi fiskali jew meta kienet taf jew kien imissha kienet taf li t-tranżazzjoni mwettqa minnha kienet involuta fi frodi mwettaq mix-xerrej u ma tkunx ħadet il-miżuri raġonevoli kollha fis-setgħa tagħha sabiex tevita dan il-frodi. Skont il-qorti tar-rinviju, f’dan id-dawl il-Qorti tal-Ġustizzja assimilat it-trasferiment intra-Komunitarju mal-kunsinna intra-Komunitarja.

22

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet tikkonċerna sitwazzjonijiet fejn il-frodi kien jikkonċerna t-tranżazzjoni li kienet is-suġġett tat-tnaqqis, tal-eżenzjoni jew tal-ħlas lura tal-VAT jew inkella t-tranżazzjoni mwettqa fi stadju preċedenti jew sussegwenti għaliha. Madankollu, iċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali huma differenti minn dawk li taw lok għal din il-ġurisprudenza.

23

Hija tindika li l-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) ikkonstatat li ż-żewġ impriżi Bulgari, li t-trasferiment intra-Komunitarju tagħhom jinsab inkwistjoni, ippreżentaw dikjarazzjonijiet fiskali fejn semmew l-akkwist intra-Komunitarju fil-Bulgarija. Kien biss fi stadju ulterjuri tat-tranżazzjoni li twettaq il-frodi fiskali, jiġifieri fil-kuntest tad-dikjarazzjoni ta’ kunsinna intra-Komunitarja ġdida tal-merkanzija inkwistjoni mwettqa minn dawn l-impriżi bil-għan li jbigħu mill-ġdid din il-merkanzija lil Vetsch. L-imsemmija impriżi eżentaw indebitament din il-kunsinna intra-Komunitarja. Il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-premessa li l-imsemmija kunsinna ma twettqitx. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) qieset li madankollu ma kienx ġie stabbilit li, fid-data tat-trasferiment intra-Komunitarju tal-imsemmija merkanzija lejn il-Bulgarija, l-istess impriżi kellhom diġà l-intenzjoni li jwettqu frodi fir-rigward ta’ tranżazzjoni ulterjuri li tikkonċerna din il-merkanzija.

24

Skont il-qorti tar-rinviju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-benefiċċju tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT jew għall-eżenzjoni mill-VAT fir-rigward ta’ kunsinna intra-Komunitarja għandu jiġi rrifjutat meta l-persuna taxxabbli twettaq hija stess frodi fiskali.

25

F’dan ir-rigward, hija tosserva li din il-ġurisprudenza ma tikkonċernax biss il-persuna taxxabbli li tkun wettqet frodi fiskali iżda tikkonċerna wkoll il-persuna taxxabbli li kienet taf jew li kien imissha kienet taf li t-tranżazzjoni mwettqa minnha kienet involuta fi frodi fiskali mwettaq mill-fornitur jew minn operatur ieħor li jintervjeni fi stadju preċedenti jew sussegwenti fil-katina ta’ kunsinni.

26

Hija għalhekk għandha dubju dwar ir-rilevanza ta’ din il-ġurisprudenza f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn kien biss fi stadju ulterjuri tal-katina ta’ kunsinni wara t-trasferiment intra-Komunitarju inkwistjoni u l-akkwist intra-Komunitarju wara dan it-trasferiment li twettaq il-frodi inkwistjoni.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 138 tad-Direttiva [dwar il-VAT] għandha tiġi rrifjutata għal trasferiment intra-Komunitarju mwettaq minn Stat Membru meta l-persuna taxxabbli li twettaq dan it-trasferiment b’destinazzjoni għal Stat Membru ieħor tiddikjara, huwa minnu, fl-Istat Membru l-ieħor, l-akkwist intra-Komunitarju li jikkorrispondi għat-trasferiment intra-Komunitarju, iżda twettaq, fl-Istat Membru l-ieħor, frodi fiskali fi tranżazzjoni taxxabbli sussegwenti li tikkonċerna l-oġġetti kkonċernati billi tiddikjara b’mod ħażin kunsinna intra-Komunitarja eżentata minn dan l-Istat Membru l-ieħor?

2)

Ir-risposta għall-ewwel domanda tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk, fil-mument tat-trasferiment intra-Komunitarju, il-persuna taxxabbli diġà kellhiex l-intenzjoni li twettaq frodi fiskali fir-rigward ta’ tranżazzjoni sussegwenti li tikkonċerna dawn l-oġġetti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

28

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel domanda tikkonċerna l-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 138 tad-Direttiva dwar il-VAT. Madankollu, mill-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemmx lok li tiġi rrifjutata l-eżenzjoni mill-VAT li jibbenefikaw minnha l-importazzjonijiet ta’ merkanzija minn pajjiż terz fi Stat Membru, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 143(d) tad-Direttiva dwar il-VAT u fl-Artikolu 143(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT kif emendata, meta din il-merkanzija tkun ġiet sussegwentement ittrasferita fi Stat Membru ieħor lil persuna li wettqet frodi wara dan it-trasferiment permezz ta’ din il-merkanzija.

29

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 143(d) tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 143(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT kif emendata għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni, prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi rrifjutat lill-importatur indikat jew irrikonoxxut bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa, fis-sens tal-Artikolu 201 ta’ din id-direttiva, meta d-destinatarju tat-trasferiment intra-Komunitarju sussegwenti għal din l-importazzjoni jwettaq frodi fir-rigward ta’ tranżazzjoni sussegwenti għal dan it-trasferiment u li ma tkunx marbuta mal-imsemmi trasferiment.

30

Skont l-Artikolu 143(d) tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 143(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT kif emendata, l-Istati Membri għandhom jeżentaw l-importazzjonijiet ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata minn territorju terz jew minn pajjiż terz fi Stat Membru li ma jkunx dak fejn jaslu l-ispedizzjoni jew it-trasport, fil-każ li l-kunsinna ta’ din il-merkanzija, imwettqa mill-importatur indikat jew irrikonoxxut bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa skont l-Artikolu 201 ta’ din id-direttiva, tkun eżentata konformement mal-Artikolu 138 tal-imsemmija direttiva.

31

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni hija għalhekk suġġetta għat-twettiq sussegwenti, mill-importatur, ta’ kunsinna intra-Komunitarja li tkun hija stess eżentata taħt l-Artikolu 138 tad-Direttiva dwar il-VAT u li għalhekk tiddependi mill-osservanza tal-kundizzjonijiet materjali stabbiliti f’dan l-artikolu (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2018, Enteco Baltic,C‑108/17, EU:C:2018:473, punt 47). Dan jgħodd ukoll meta, bħal f’dan il-każ, il-kunsinna ta’ merkanzija tikkonsisti fit-trasferiment tagħha lejn Stat Membru ieħor.

32

L-Artikolu 138(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-kunsinni ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata barra mit-territorji rispettivi tagħhom, iżda fl-Unjoni, mill-bejjiegħ, mix-xerrej jew f’isimhom, imwettqa minn persuna taxxabbli oħra, jew għal persuna ġuridika li ma hijiex persuna taxxabbli, li jaġixxu bħala tali fi Stat Membru li ma jkunx dak minn fejn jitilqu l-ispedizzjoni jew it-trasport tal-merkanzija. Konformement mal-Artikolu 138(2)(ċ) tal-imsemmija direttiva, minbarra l-kunsinni previsti fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-kunsinni ta’ merkanzija li jikkonsistu fi trasferimenti lejn Stat Membru ieħor li kienu jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet previsti b’mod partikolari fl-imsemmi paragrafu 1 li kieku jitwettqu minn persuna taxxabbli.

33

Għall-finijiet tal-eżenzjoni mill-VAT, trasferiment intra-Komunitarju, iddefinit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, bħala t-trasferiment minn persuna taxxabbli ta’ merkanzija li tifforma parti mill-assi tan-negozju tiegħu lejn Stat Membru ieħor, huwa assimilat, b’mod partikolari, ma’ kunsinna intra-Komunitarja li l-eżenzjoni mill-VAT tagħha hija prevista fl-Artikolu 138 ta’ din id-direttiva (ara, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Plöckl,C‑24/15, EU:C:2016:791, punt 29).

34

Issa, f’dan il-każ, fid-dawl tal-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu minn dik il-qorti, li t-trasferiment intra-Komunitarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 138 tad-Direttiva dwar il-VAT, li għalih jirreferu l-Artikolu 143(d) ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 143(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT kif emendata.

35

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma tirriżulta ebda element li jippermetti li jitqies li l-importazzjonijiet ta’ merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra għall-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni previsti fl-aħħar żewġ dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

36

Għaldaqstant, wieħed għandu jitlaq mill-premessa li l-importazzjonijiet ta’ merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni previsti fl-Artikolu 143(d) tad-Direttiva dwar il-VAT u fl-Artikolu 143(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT kif emendata.

37

Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar l-impatt ta’ tranżazzjoni frawdolenti, imwettqa fil-kuntest ta’ kunsinna intra-Komunitarja sussegwenti għal din l-importazzjoni segwita minn trasferiment, fuq id-dritt għall-benefiċċju tal-eżenzjonijiet mill-VAT inkwistjoni. Dik il-qorti, madankollu, ma tesprimi l-ebda dubju dwar il-legalità tal-importazzjoni u tat-trasferiment li seħħew qabel il-kunsinna intra-Komunitarja kkonċernata mill-frodi fiskali.

38

Issa, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet li ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-importazzjoni segwita mit-trasferiment intra-Komunitarju, minn naħa, u l-kunsinna intra-Komunitarja li kienet is-suġġett tal-frodi, min-naħa l-oħra, għandhom jitqiesu li huma tranżazzjonijiet indipendenti minn xulxin.

39

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 143(d) tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 143(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT kif emendata, jimplikaw, fil-verità, eżenzjoni doppja, jiġifieri eżenzjoni inizjali mill-VAT li, konformement mal-Artikolu 201 tad-Direttiva dwar il-VAT, hija normalment dovuta fuq l-importazzjoni, u eżenzjoni oħra fir-rigward tal-kunsinna jew tat-trasferiment intra-Komunitarji li jkunu saru wara din l-importazzjoni.

40

B’hekk, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 143(d) tad-Direttiva dwar il-VAT u fl-Artikolu 143(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT kif emendata jkunu ssodisfatti, il-VAT fuq il-merkanzija mibgħuta jew ittrasportata minn pajjiż terz lejn l-Unjoni hija dovuta, bħala prinċipju, għall-ewwel darba, fl-Istat Membru fejn jaslu l-ispedizzjoni jew it-trasport u mhux fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ġiet inizjalment importata din il-merkanzija. Kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tagħha, l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa għan ta’ semplifikazzjoni, li hija intiża li tiffaċilita l-kummerċ transkonfinali billi, bis-saħħa tal-eżenzjoni tal-importazzjoni, ma jingħatax id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fuq l-importazzjoni dovuta li, altrimenti, jingħata.

41

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-frodi inkwistjoni twettaq fil-Bulgarija, fil-kuntest ta’ kunsinna intra-Komunitarja li telqet minn dan l-Istat Membru, huma l-awtoritajiet Bulgari li għandhom jirrifjutaw il-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT fir-rigward ta’ din il-kunsinna.

42

Peress li huwa stabbilit li dan il-frodi ma jikkonċernax it-trasferiment li minnu jiddependi l-għoti tal-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni prevista fl-Artikolu 143(d) tad-Direttiva dwar il-VAT u fl-Artikolu 143(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT kif emendata, din l-eżenzjoni ma tistax tiġi rrifjutata lill-importatur indikat jew irrikonoxxut bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fis-sens tal-Artikolu 201 ta’ din id-direttiva f’sitwazzjoni fejn, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma hemm ebda element li jippermetti li jitqies li l-importatur kien jaf jew kien imissu kien jaf li din il-kunsinna sussegwenti għall-importazzjoni kienet involuta fi frodi mwettaq mid-destinatarji Bulgari.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 143(d) tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 143(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT kif emendata għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni, prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet, ma għandux jiġi rrifjutat lill-importatur indikat jew irrikonoxxut bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa fis-sens tal-Artikolu 201 tad-Direttiva dwar il-VAT f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, minn naħa, id-destinatarju tat-trasferiment intra-Komunitarju sussegwenti għal din l-importazzjoni jwettaq frodi fir-rigward ta’ tranżazzjoni sussegwenti għal dan it-trasferiment u li ma tkunx marbuta mal-imsemmi trasferiment, u fejn, min-naħa l-oħra, ma hemm ebda element li jippermetti li jitqies li l-importatur kien jaf jew kien imissu kien jaf li din it-tranżazzjoni sussegwenti kienet involuta fi frodi mwettaq mid-destinatarju.

Fuq it-tieni domanda

44

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi x’jista’ jkun l-impatt, fid-dawl tar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda tagħha, tal-fatt li d-destinatarju tal-merkanzija ttrasferita kellu diġà, fil-mument tat-trasferiment intra-Komunitarju tagħha, l-intenzjoni li jwettaq frodi fiskali fir-rigward ta’ tranżazzjoni ulterjuri li tikkonċerna din il-merkanzija.

45

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li, f’dan il-każ, tali intenzjoni ma ġietx stabbilita. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-domanda, li għandha natura ipotetika, hija inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 143(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u l-Artikolu 143(1)(d) ta’ din id-direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/69/KE tal-25 ta’ Ġunju 2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni, prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet, ma għandux jiġi rrifjutat lill-importatur indikat jew irrikonoxxut bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa fis-sens tal-Artikolu 201 tad-Direttiva 2006/112 f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, minn naħa, id-destinatarju tat-trasferiment intra-Komunitarju sussegwenti għal din l-importazzjoni jwettaq frodi fir-rigward ta’ tranżazzjoni sussegwenti għal dan it-trasferiment u li ma tkunx marbuta mal-imsemmi trasferiment, u fejn, min-naħa l-oħra, ma hemm ebda element li jippermetti li jitqies li l-importatur kien jaf jew kien imissu kien jaf li din it-tranżazzjoni sussegwenti kienet involuta fi frodi mwettaq mid-destinatarju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top