EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0373

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-20 ta’ Settembru 2018.
Agria Polska sp. z o.o. et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Ċaħda ta’ lment mill-Kummissjoni Ewropea – Nuqqas ta’ interess tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-373/17 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:756

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

20 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Appell – Kompetizzjoni – Ċaħda ta’ lment mill-Kummissjoni Ewropea – Nuqqas ta’ interess tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑373/17 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑20 ta’ Ġunju 2017,

Agria Polska sp. z o.o., stabbilita f’Sosnowiec (il-Polonja),

Agria Chemicals Poland sp. z o.o., stabbilita f’Sosnowiec,

Star Agro Analyse und Handels GmbH, stabbilita f’Allerheiligen bei Wildon (l-Awstrija),

Agria Beteiligungsgesellschaft mbH, stabbilita f’Allerheiligen bei Wildon,

irrappreżentati minn P. Graczyk, adwokat, u W. Rocławski, radca prawny,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Szczodrowski u A. Dawes, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn C. Vajda, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Agria Polska sp. z o.o., Agria Chemicals Poland sp. z o.o., Star Agro Analysis und Handels GmbH (iktar ’il quddiem “Star Agro”) u Agria Beteiligungsgesellschaft mbH jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑16 ta’ Mejju 2017, Agria Polska et vs Il-Kummissjoni (T‑480/15, iktar ’il quddiem is-”sentenza appellata”, EU:T:2017:339), li biha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikorsi tagħhom għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2015) 4284 finali, tad‑19 ta’ Ġunju 2015 [Kawża AT.39864 – BASF (preċedentement AGRIA et vs BASF et), li ċaħdet l-ilment tagħhom rigward ksur tal-Artikolu 101 TFUE u/jew tal-Artikolu 102 TFUE allegatament imwettaq minn, essenzjalment, tlettax-il impriża produttriċi u distributuri ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, bl-għajnuna jew bl-intervent ta’ erba’ organizzazzjonijiet professjonali u uffiċċju tal-avukati (iktar ’il quddiem id- “deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205):

“1.   Fejn il-Kummissjoni, taggixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur ta’ l-Artikolu [101] jew ta’ l-Artikolu [102 TFUE], tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li itemm dan il-ksur. Għal dan il-għan, tista’ timponi fuqhom kwalunkwe rimedju komportamentali jew strutturali li huma proporzjonali għall-ksur kommess u neċessarju biex iġib fit-temm dan il-ksur. Rimedji strutturali jistgħu jiġu imposti biss jekk ma jkunx hemm rimedju komportamentali li hu effettiv ugwalment jew jekk ir-rimedju komportamentali li hu effettiv ugwalment ikun ta’ aktar piż għall-impriża kkonċernata min rimedju strutturali. Jekk il-Kummissjoni għandha interessi legitimi li tagħmel hekk, hi tista issib li kien hemm xi ksur li sar fil-passat.

2.   Dawk intitolati li iqiegħdu xi ilment għall-għan ta’ paragrafu 1 huma persuni naturali jew legali li jistgħu juru interess leġitimu u l-Istati Membri.”

3

L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas‑7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-[Artikoli 101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), intitolat “Irroftar ta’ lment”, jipprevedi, fil-punti 1 u 2:

“1.   Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni fil-pussess tagħha hemm raġunijiet insuffiċjenti biex taġixxi dwar ilment, hija għandha tgħarraf lil min jagħmel l-ilment bir-raġunijiet tagħha u tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih min jagħmel l-ilment jista’ jagħti tagħrif tal-veduti tiegħu [bil-]miktub. Il-Kummissjoni m’għandhiex tieħu in konsiderazzjoni iktar sottomissjonijiet bil-miktub irċevuti wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.

2.   Jekk min jagħmel l-ilment jagħti tagħrif dwar il-veduti tiegħu fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni u s-sottomissjonijiet bil-miktub magħmula minn min jagħmel l-ilment ma jwasslux għal stima differenti ta’ l-ilment, il-Kummissjoni għandha tirrofta l-ilment b’deċiżjoni.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

4

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-elementi essenzjali tad-deċiżjoni kontenzjużaa, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 19 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej għall-finijiet ta’ din il-kawża.

5

Fl‑1 ta’ Lulju 2010, Agria Polska ressqet, quddiem l-Urząd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumaturi, il-Polonja), (iktar ’il quddiem l-“UOKiK”), ilment (iktar ’il quddiem l-“ilment nazzjonali”) rigward il-ksur tal-Ustawa o ochronie konkurencji i konsumentów (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumaturi) tas‑16 ta’ Frar 2007 (Dz. U. Nru 50, pożizzjoni 331), minn tlettax-il impriża produttriċi jew distributriċi ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, bl-għajnuna jew bl-intervent ta’ erba’ organizzazzjonijiet professjonali, stabbiliti rispettivament fil-Belġju, fil-Ġermanja u fil-Polonja, kif ukoll ta’ uffiċċju ta’ avukati.

6

B’ittra tal‑10 ta’ Awwissu 2010, il-president tal-UOKiK informa lil Agria Polska li, sa fejn il-prattiki li hemm riferiment għalihom fl-ilment nazzjonali kienu jirrigwardaw is-snin 2005 u 2006, dawn il-prattiki ma għadhomx jistgħu jkunu s-suġġett ta’ investigazzjoni li ssir minn dan l-uffiċċju. Fil-fatt, skont l-Artikolu 93 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumaturi, proċedura fil-qasam ta’ prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni ma tkunx tista’ tibqa’ tinfetaħ lil hinn minn terminu ta’ sena li jibda jgħodd mit-tmiem tas-sena li fiha l-ksur inkwistjoni jkun intemm.

7

Fit‑30 ta’ Awwissu 2010, Agria Polska rrepetiet quddiem l-UOKiK it-talba tagħha għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni billi sostniet li l-ilment nazzjonali kien ikopri wkoll ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea.

8

B’ittra tat‑22 ta’ Novembru 2010, il-president tal-UOKiK żamm il-pożizzjoni tiegħu filwaqt li speċifika li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena previst mid-dritt Pollakk kien applikabbli anki meta l-investigazzjoni mitluba tkun tirrigwarda dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

9

Fit‑30 ta’ Novembru 2010, Agria Polska, Agria Chemicals Poland, Star Agro, Agria Beteiligungsgesellschaft u Agro Nova Polska sp. z o.o. ressqu lment quddiem il-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar ’il quddiem l-“ilment”). Dan l-ilment kien jirreferi għall-istess entitajiet bħall-ilment nazzjonali. Agro Trade Handelsgesellschaft mbH u Cera Chem Sàrl., kumpanniji rregolati rispettivament mid-dritt Ġermaniż u mid-dritt Lussemburgiż, ingħaqdu mal-ilment (iktar ’il quddiem, flimkien ma’ Agria Polska, Agria Chemicals Poland, Star Agro, Agria Beteiligungsgesellschaft u Agro Nova Polska, il-“lanjanti”).

10

L-ilment kien jirrigwarda fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Huwa semma wkoll dik tal-Artikolu 102 TFUE minn RWA Raiffeisen Ware Austria AG, waħda mill-entitajiet li hemm riferiment għalihom fl-ilment nazzjonali.

11

Il-lanjanti kkritikaw l-entitajiet li hemm riferiment għalihom fl-ilment bi prattiki, li kienu essenzjalment ħadu l-forma ta’ ftehim u/jew prattiki miftiehma. Dawn il-prattiki kienu kkonsistew f’allegazzjonijiet abbużivi magħmula b’mod ikkoordinat quddiem l-awtoritajiet amministrattivi u kriminali Awstrijaki u Pollakki, li jqiegħdu f’dubju l-legalità tal-attivitajiet kummerċjali tal-lanjanti fir-rigward tar-rekwiżiti previsti fil-leġiżlazzjonijiet applikabbli għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif ukoll tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-kummerċ parallel ta’ tali prodotti, inkluż fuq il-livell fiskali.

12

Abbażi ta’ dikjarazzjonijiet żbaljati, maqtugħa jew foloz, magħmula mill-imsemmija entitajiet sabiex jeliminawhom mis-suq, il-lanjanti kienu s-suġġett, b’mod żbaljat, ta’ bosta kontrolli amministrattivi min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet.

13

Dawn il-proċeduri wasslu għall-impożizzjoni ta’ multi fuq il-lanjanti u għal miżuri ta’ projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, bil-konsegwenza ta’ telf sinjifikattiv, u diffiċilment reversibbli, ta’ partijiet tas-suq.

14

Is-sanzjonijiet amministrattivi u kriminali meħuda fir-rigward tal-lanjanti kienu, għal xi wħud, ġew ikkanċellati jew imnaqqsa mill-qrati nazzjonali kompetenti, li allegatament juri n-natura abbużiva u falza tad-dikjarazzjonijiet tal-entitajiet li hemm riferiment għalihom fl-ilment, li l-lanjanti jikklassifikaw bħala “proċeduri vessatorji”, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 1998, ITT Promedia vs Il-Kummissjoni (T‑111/96, EU:T:1998:183).

15

Fis‑27 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni, bagħtet verżjoni mhux kunfidenzjali u kkonsolidata tal-ilment lill-entitajiet li hemm riferiment għalihom f’dan l-ilment, u dawn ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom matul ix-xhur minn April sa Ġunju 2012.

16

Fl-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom, dawn l-entitajiet ikkontestaw il-preżentazzjoni tal-fatti li tinsab fl-ilment u essenzjalment sostnew li d-diversi azzjonijiet meħuda minn xi wħud fosthom mal-awtoritajiet amministrattivi jew mal-qrati nazzjonali kienu leġittimi, b’mod partikolari minħabba preġudizzju għad-drittijiet tagħhom tal-proprjetà intellettwali jew industrijali u sabiex jiġu pprevenuti danni għar-reputazzjoni tagħhom. Huma spjegaw ukoll li l-azzjonijiet tagħhom ma kinux ġew ikkoordinati u li l-fatt li dawn l-azzjonijiet kienu ttieħdu f’dati viċin xulxin kien spjegat prinċipalment mill-fatt li kellhom jiffaċċjaw, skont l-istess kalendarju, l-attivitajiet illegali tal-importaturi paralleli. Kemm il-kuntatti meħuda f’dan il-kuntest minn xi wħud mill-impriżi produttriċi u/jew distributriċi ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew bejn dawn tal-aħħar u l-organizzazzjonijiet professjonali jew inkella mal-amministrazzjonijiet nazzjonali, kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom fl-ispezzjonijiet kienu ġġustifikati b’mod sħiħ. B’dan il-mod, dawn il-kuntatti leġittimi ma jistgħux jipprovaw l-eżistenza ta’ akkordju fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

17

B’ittra tat‑8 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni informat lil-lanjanti bl-intenzjoni tagħha li tiċħad l-ilment għar-raġuni prinċipali li ma kienx hemm interess suffiċjenti għall-Unjoni li tkompli bl-ipproċessar tiegħu skont l-Artikoli 101 jew 102 TFUE.

18

Insostenn tal-analiżi provviżorja tagħha, l-ewwel nett, il-Kummissjoni spjegat li l-probabbiltà li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 u/jew tal-Artikolu 102 TFUE kienet limitata minħabba l-insuffiċjenza ta’ provi pprovduti insostenn tal-ilment u wkoll minħabba d-diffikultà li tiġi stabbilita f’dan il-każ l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ RWA Raiffeisen Ware Austria jew ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva u, imbagħad, li tiġi prodotta prova tal-abbuż minn tali pożizzjoni. F’dan ir-rigward, skont il-Kummissjoni, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1998, ITT Promedia vs Il-Kummissjoni (T‑111/96, EU:T:1998:183), u tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266), ma kinitx intiża sabiex tapplika għal sitwazzjonijiet li fihom impriżi jinformaw lill-awtoritajiet nazzjonali b’aġir jew b’azzjonijiet allegatament illegali ta’ impriżi oħra jew fejn jeżerċitaw pressjoni favur azzjonijiet amministrattivi jew kriminali fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar. It-tieni nett, il-Kummissjoni qieset li r-riżorsi neċessarji għall-finijiet tal-investigazzjoni mitluba huma probabbilment sproporzjonati meta mqabbla mal-probabbiltà limitata li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur. It-tielet nett, il-Kummissjoni qieset li, f’dan l-istadju, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali setgħu jkunu f’pożizzjoni aħjar sabiex jittrattaw il-problemi mqajma fl-ilment.

19

Fl-osservazzjonijiet ippreżentati fit‑8 ta’ Jannar 2015, l-avukat ta’ Agro Trade Handelsgesellschaft u ta’ Cera Chem, essenzjalment, informa lill-Kummissjoni li dawn il-kumpanniji kienu rtiraw l-ilment tagħhom. Huwa spjega wkoll li Agria Polska, Agria Chemicals Poland, Star Agro u Agria Beteiligungsgesellschaft kienu qed jikkontestaw id-deċiżjoni mħabbra li ma titteħidx azzjoni fuq l-ilment, b’mod partikolari billi speċifikaw li tali approċċ kien inaqqas b’mod kunsiderevoli l-opportunità tagħhom li jiksbu l-kumpens quddiem il-qrati nazzjonali għall-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

20

Bid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment filwaqt li rrepetiet, essenzjalment, l-elementi tal-analiżi provviżorja esposti fl-ittra tat‑8 ta’ Diċembru 2014, u fl-istess waqt insistiet fuq il-fatt li hija kellha riżorsi limitati u li, f’dan il-każ, l-investigazzjoni fid-dettall li kellha titwettaq, rigward potenzjalment l-attivitajiet eżerċitati matul perijodu ta’ seba’ snin minn tmintax-il entità li jinsabu f’erba’ Stati Membri, kienet tkun wisq kumplessa u tieħu ħafna ħin meta l-probabbiltà li jiġi stabbilit ksur kienet tidher limitata fil-każ inkwistjoni, li kien jimmilita kontra l-ftuħ ta’ investigazzjoni.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

21

Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal Ġenerali fid‑19 ta’ Awwissu 2015, Agria Polska, Agria Chemicals Poland, Star Agro u Agria Beteiligungsgesellschaft ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

22

Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti invokaw żewġ motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit mill‑Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

23

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u, għaldaqstant, ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-aggravji tal-partijiet

24

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Ġunju 2017, Agria Polska, Agria Chemicals Poland, Star Agro u Agria Beteiligungsgesellschaft ippreżentaw dan l-appell.

25

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Diċembru 2017, Star Agro informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija kienet qed tirrinunzja għall-appell tagħha.

26

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni infurmat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija ma kellha l-ebda kumment dwar din ir-rinunzja.

27

Permezz tal-appell tagħhom, Agria Polska, Agria Chemicals Poland u Agria Beteiligungsgesellschaft (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-kawża u tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

Fuq l-ammissibbiltà

29

Il-Kummissjoni titlob, prinċipalment, l-inammissibbiltà ta’ kull wieħed mill-aggravji mqajma mill-appellanti. Filwaqt li enfasizzat li hija ltaqgħet ma’ diffikultajiet konsiderevoli sabiex tifhem id-dikjarazzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar, hija madankollu tħalli għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà tal-appell fl-intier tiegħu.

30

L-appellanti jwieġbu li l-appell tagħhom, fl-intier tiegħu, u kull wieħed mill-aggravji tagħhom huma ammissibbli.

31

Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) KE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi u għandu jkun ibbażat fuq aggravji li jirrigwardaw nuqqas ta’ kompetenza tal-Qorti Ġenerali, ta’ ksur tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li tagħmel ħsara lill-interessi tal-appellant jew fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni minn din tal-aħħar.

32

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, kif ukoll li tevalwa l-provi prodotti. Il-konstatazzjoni ta’ dawn il-fatti u l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi ma jikkostitwixxux, suġġett għall-każ tad-distorsjoni tagħhom, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (digriet tal‑25 ta’ Marzu 2009, Scippacercola u Terezakis vs Il-Kummissjoni, C‑159/08 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:188, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-aggravji u l-argumenti ta’ dritt invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu qed jiġu kkontestati. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenzi tat‑23 ta’ April 2009, AEPI vs Il-Kummissjoni, C‑425/07 P, EU:C:2009:253, punt 25; tad‑19 ta’ Settembru 2013, EFIM vs Il-Kummissjoni, C‑56/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:575, punt 21, kif ukoll tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Apcoa Parking Holdings vs EUIPO, C‑32/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:396, punt 38).

34

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-appell ċertament ma kienx ifformulat bl-iktar mod ċar mixtieq u li jinkludi allegazzjonijiet li huma fformulati f’termini ġenerali u li huma nieqsa minn motivazzjoni konkreta, kif ukoll kontestazzjonijiet ta’ evalwazzjonijiet fattwali.

35

Madankollu, minkejja dawn in-nuqqasijiet, l-appell jidentifika, fir-rigward ta’ diversi argumenti, l-elementi tas-sentenza appellata li hija tikkritika u tiżviluppa argumentazzjoni ġuridika insostenn tagħhom.

36

Sa fejn il-Kummissjoni tallega li l-appellanti sempliċement jirrepetu argumenti mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu, suġġetti għall-osservazzjonijiet li jinsabu fil-punt preċedenti, jiġi nnutat li huma kkontestaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fil-kuntest ta’ dan l-appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq aggravji u argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑25 ta’ Marzu 2009, Scippacercola u Terezakis vs Il-Kummissjoni, C‑159/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:188, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, AEPI vs Commission, C‑425/07 P, EU:C:2009:253, punt 24).

37

Konsegwentement, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-appell huwa inammissibbli fl-intier tiegħu. L-ammissibbiltà tal-aggravji u tal-argumenti tal-appellanti, għaldaqstant, ser tkun evalwata fil-kuntest tal-eżami ta’ kull wieħed minnhom.

Fuq il-mertu

38

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikoli 101 u/jew 102 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003 u mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 773/2004. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-effett utli tal-Artikoli 101 u/jew 102 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 17(1) TUE u mal-Artikolu 105 TFUE. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

Fuq l-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

39

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi li jaffettwaw id-deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni.

40

Fl-ewwel lok, huma jikkritikaw il-punti 46 u 47 tas-sentenza appellata.

41

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha, fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, fuq l-ispjegazzjonijiet moghtija minn ċerti impriżi msemmija fl-ilment sabiex tiġġustifikaw li l-aġir tagħhom kien simltanju fir-rigward tal-appellanti. Fil-fatt, huwa evidenti li dawn l-impriżi, sabiex jipproteġu l-interess tagħhom li jaraw l-ilment miċħud, taw spjegazzjonijiet tali li jikkontestaw il-ksur allegat tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Il-Qorti Ġenerali kellha teżamina dawn l-ispjegazzjonijiet fir-rigward tal-provi prodotti mill-appellanti.

42

Il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 47 tas-sentenza appellata rigward l-għan potenzjalment antikompetittiv tal-miżuri meħuda mill-impriżi msemmija fl-ilment ma jikkorrispondu bl-ebda mod mal-fatti ppreżentati mill-appellanti. Lanqas ma jista’ jiġi affermat, kif jingħad fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li dawn il-miżuri jaqgħu taħt id-dritt ta’ dawn l-impriżi li jadattaw b’mod intelliġenti għall-aġir ikkonstatat jew antiċipat tal-kompetituri tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali allegatament naqset milli tagħti importanza xierqa għall-fatt li l-parti l-kbira tal-ilmenti mqajma mill-imsemmija impriżi ma kinux iġġustifikati u li d-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-istħarriġ fuq talba tagħhom ġew annullati. Barra minn hekk, l-appellanti kienu sabbilixxew, fir-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, l-għan b’mod ċar antikompetittiv tal-prattiki li huma s-suġġett tal-ilment.

43

Fit-tieni lok, l-appellanti jikkontestaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni, mill-Qorti Ġenerali fil-punti 67 sa 73 tas-sentenza appellata, tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1998, ITT Promedia vs Il-Kummissjoni (T‑111/96, EU:T:1998:183), u mill‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266). Din il-ġurisprudenza, li tikkonċerna l-Artikolu 102 TFUE, hija wkoll rilevanti fil-kuntest tal-Artikolu 101 TFUE.

44

Minn naħa, l-appellanti jallegaw li l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 1998, ITT Promedia vs Il-Kummissjoni (T‑111/96, EU:T:1998:183), huma ssodisfatti f’dan il-każ. Fil-fatt, l-allegazzjonijiet inkwistjoni fihom informazzjoni żbaljata jew qarrieqa li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi miżura meħuda f’bona fide. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ, sa fejn dawn l-allegazzjonijiet ġew indirizzati, b’mod partikolari, lil awtoritajiet inkompetenti.

45

Min-naħa l-oħra, l-appellanti jsostnu li l-evalwazzjoni ġuridika tal-aġir ikkritikat lill-impriżi msemmija fl-ilment ma tistax tkun suġġetta għall-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali minħabba n-natura u l-persistenza tal-aġir ta’ dawn l-impriżi. Huma jikkritikaw, f’dan il-kuntest, il-punti 49, 50, 70 u 71 tas-sentenza appellata, u jikkritikaw ukoll lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali tal-kawża u jsostnu li l-awtoritajiet Pollakki inkwistjoni kif ukoll il-pulizija u l-prosekutur Awstrijaċi kienu marbuta, rispettivament, li jagħmlu investigazzjoni u li jiftħu proċeduri wara l-allegazzjonijiet.

46

Fit-tielet lok, l-appellanti jinsistu dwar id-dimensjoni transkonfinali tal-ksur ikkritikat, li hija ta’ natura li tiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni mill-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, dan il-ksur kien jikkonċerna t-territorju ta’ mill-inqas erba’ Stati Membri, u mhux ta’ żewġ Stati Membri biss, kif allegatament il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat.

47

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-punt 62 tas-sentenza appellata, ir-riferiment lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ lment ma jistax, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, jiġi kkunsidrat bħala argument favur il-kompetenza esklużiva ta’ dik l-awtorità. Ma jistax jiġi dedott mill-istruttura tar-Regolament Nru 1/2003 li l-eventwali kompetenza ta’ tali awtorità nazzjonali tista’ tipprekludi l-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni, u dan iktar u iktar meta l-proċedura nazzjonali ma kinitx miftuħa għal raġunijiet proċedurali. Issa, f’dan il-każ, il-kobor tal-ksur allegat, id-daqs tiegħu u t-tul tiegħu, kif enfasizzati mill-appellanti fl-ilment tagħhom indirizzat lill-Kummissjoni, għandu jkollhom impatt fuq l-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni, kif dan jirriżulta mis-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, AEPI vs Il-Kummissjoni (C‑425/07 P, EU:C:2009:253, punt 53).

48

Fir-raba’ lok, l-appellanti jqisu li l-punti 56 u 57 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li la l-portata tal-investigazzjoni mitluba u lanqas l-estent ta’ aġir li jkopri bosta Stati Membri ma kienu jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni mill-Kummissjoni. Skont l-appellanti, l-ammont tar-riżorsi meħtieġa minn tali investigazzjoni turi, għall-kuntrarju, li l-Kummissjoni hija l-awtorità fl-aħjar pożizzjoni sabiex tieħu proċeduri kontra l-awturi tal-ksur inkwistjoni. Dan ikun iktar u iktar il-każ minħabba l-insuffċjenza tal-private enforcement.

49

Bħala anness mar-replika tagħhom, l-appellanti pproduċew żewġ dokumenti li fihom lista tal-entitajiet li hemm riferiment għalihom fl-ilment u li jiddeskrivu l-attivitajiet imwettqa minn dawn tal-aħħar f’diversi Stati Membri.

50

Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel aggravju jiġi miċħud bħala, essenzjalment inammissibbli u parzjalment ineffettiv. Hija tqis, barra minn hekk, li d-dokumenti prodotti fl-anness tar-replika huma inammissibbli.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw, essenzjalment, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-fondatezza tal-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-interess tal-Unjoni li jitkompla l-eżami tal-kawża.

52

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti li permezz tagħhom l-appellanti jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali huma inammissibbli skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, peress li dawn tal-aħħar ma jallegawx żnaturament tal-fatti u tal-provi eżaminati mill-Qorti Ġenerali. Dan huwa l-każ tal-argumenti intiżi sabiex jiġu kkontestati l-kunsiderazzjonijiet, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, tal-għan tal-miżuri meħuda mill-entitajiet li hemm riferiment għalihom fl-ilment. Huma wkoll inammissibbli l-argumenti dwar il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali, l-allegata inkompetenza tagħhom u l-fatt li l-istħarriġ inizjalment ma kien wera l-ebda irregolarità. Fl-aħħar nett, l-argumenti li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet, fil-punti 59 u 64 tas-sentenza appellata, tal-portata ġeografika tal-ksur allegat huma inammissibbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, barra minn hekk, lanqas ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tad-dokumenti prodotti mill-appellanti fl-anness tar-replika sabiex tintwera l-portata, b’mod partikolari territorjali, tal-aġir li bih huma ikkritikati l-entitajiet li hemm riferiment għalihom fl-ilment.

53

Prinċipalment, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-probabbiltà li jiġi kkonstatat ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, għandu jiġi osservat li, hekk kif l-appellanti barra minn hekk josservaw, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li seta’ jiġi previst li kien hemm, fl-uniċi elementi li jinsabu fl-ilment, indizji ta’ koordinazzjoni potenzjali bejn l-entitajiet msemmija f’dan l-ilment. Madankollu, fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ikkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-ispjegazzjonijiet mogħtija minn xi wħud minn dawn l-entitajiet kienu tali li jiġġustifikaw li allegazzjonijiet isiru b’mod simultanju mal-awtoritajiet nazzjonali u, min-naħa l-oħra, osservat li jista’ jkun leġittimu, għal dawk l-entitajiet, li jinformaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’eventwali nuqqasijiet tal-kompetituri tagħhom li josservaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

54

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali debitament ħadet inkunsiderazzjoni mhux biss l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-entitajiet li hemm riferiment għalihom fl-ilment, iżda wkoll l-elementi mressqa mill-appellanti.

55

F’dan il-kuntest, l-argument tal-appellanti intiż sabiex jikkontesta l-punt 44 tas-sentenza appellata huwa bbażat fuq qari żbaljat ta’ dan il-punt. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali hemmhekk sempliċement iċċitat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma applikatha għaċ-ċirkustanzi tal-każ. Fi kwalunkwe kaz, sa fejn l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-annullament, mill-qrati nazzjonali, tad-deċiżjonijiet adottati wara allegazzjonijiet magħmula mill-entitajiet li hemm riferiment għalihom fl-ilment, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni dan il-fatt.

56

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-iżbalji allegati fir-rigward tal-applikazzjoni, fil-punti 67 sa 73 tas-sentenza appellata, tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1998, ITT Promedia vs Il-Kummissjoni (T‑111/96, EU:T:1998:183), u tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266), għandu jiġi osservat li, fil-punti 69 sa 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li dawn iż-żewġ sentenzi kienu jirrigwardaw aġir differenti minn dak attribwit, f’dan il-każ, lill-entitajiet li hemm riferiment għalihom fl-ilment. Skont il-Qorti Ġenerali, fil-kawżi li wasslu għal dawn is-sentenzi, l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji aditi mill-impriżi f’pożizzjoni dominanti ma kellhom l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fuq jekk jew le jiħdux passi dwar t-talbiet ta’ dawn l-impriżi. Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-punti 49 u 50 tas-sentenza appellata, li għalihom jirreferi il-punt 71 ta’ din is-sentenza, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, l-awtoritajiet aditi kellhom ta’ tali marġni.

57

B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar jekk ġewx issodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi msemmija fil-punt preċedenti marbuta, skont l-appellanti, mal-fatti li, minn naħa, l-azzjoni, bħall-allegazzjonijiet inkwistjoni f’dan il-każ, saret mhux f’bona fide, iżda saret bl-għan li tagħti fastidju lill-parti avversa u li, fl-ilment u li, min-naħa l-oħra, l-azzjoni hija maħsuba bħala parti minn pjan li l-għan tiegħu huwa li tiġi eliminata l-kompetizzjoni. Għaldaqstant, l-argument tal-appellanti li l-imsemmija kundizzjonijiet kienu ssodisfatti f’dan il-każ huwa ineffettiv.

58

Barra minn hekk, anki jekk l-appellanti jixtiequ jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqu żball ta’ liġi sa fejn hija ssuġġettat l-applikabbiltà tal-imsemmija ġurisprudenza għall-assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet u tal-qrati aditi, l-argumentazzjoni tagħhom ma hijiex issostanzjata biżżejjed fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza u hija, għaldaqstant, inammissibbli.

59

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni fid-dawl tal-portata tal-ksur allegat u r-riferiment lil awtorità nazzjonali kompetenti, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tal-appellanti intiż sabiex jikkontestaw il-punt 62 tas-sentenza appellata hija bbażata fuq qari żbaljat ta’ dan il-punt. Fil-fatt, mill-imsemmi punt u lanqas mill-imsemmija sentenza meħuda fl-intier tagħha ma jirirżulta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li t-tressiq ta’ lment quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-kompetenza ta’ din l-awtorità jistgħu jeskludu l-ftuħ ta’ investigazzjoni mill-Kummissjoni.

60

Min-naħa l-oħra, huwa minnu li, kif l-appellanti jsostnu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar diġà ddeċidiet li, meta l-Kummissjoni tevalwa l-interess tal-Unjoni li tiftaħ investigazzjoni, hija marbuta li f’kull każ tevalwa l-gravità tal-allegat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-persistenza tal-effetti ta’ dan il-ksur u li b’mod partikolari, dan l-obbligu jimplika li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-tul u l-kobor tal-ksur allegat kif ukoll l-impatt tiegħu fuq is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fl-Unjoni (sentenza tat‑23 ta’ April 2009, AEPI vs Il-Kummissjoni, C‑425/07 P, EU:C:2009:253, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Madankollu, peress li l-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni li għandu lment tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, la għandu jiġi limitat in-numru ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni li għalihom tista’ tirreferi l-Kummissjoni, u lanqas, bil-kontra, jiġi impost fuqha l-użu esklużiv ta’ċerti kriterji (sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il-Kummissjoni, C‑119/97 P, EU:C:1999:116, punt 79, kif ukoll tas‑17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C‑449/98 P, EU:C:2001:275, punt 46). Fid-dawl tal-fatt li, f’qasam bħal dak tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-kuntest fattwali u legali jista’ jvarja konsiderevolment minn kawża għal oħra, huwa possibbli li jiġu applikati kriterji li qabel ma kinux ikkunsidrati sa dak iż-żmien (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il-Kummissjoni, C‑119/97 P, EU:C:1999:116, punt 80), jew li tingħata prijorità lil kriterju wieħed sabiex jiġi evalwat dan l-interess tal-Unjoni (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C‑449/98 P, EU:C:2001:275, punt 47).

62

Issa, ir-regoli stabbiliti fil-punt preċedenti ma jistgħux jiġu kkontestati mill-ġurisprudenza ċċitata mill-appellanti u mfakkra fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, li għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest partikolari li fih hija stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, EFIM vs Il-Kummissjoni, C‑56/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:575, punt 86).

63

Issa, għalkemm l-appellanti jallegaw li huma ppreżentaw ilment mhux mingħajr raġuni lill-Kummissjoni u li l-ksur li kien ikopri perijodu ta’ seba’ snin u kellu dimensjoni transkonfinali, huma naqsu milli jispjegaw fejn, fir-rigward tal-kuntesti rispettivi tal-kawżi li wasslu għal din il-ġurisprudenza u ta’ din il-kawża, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument tagħhom dwar l-interess tal-Unjoni fid-dawl tal-imsemmija ġurisprudenza. Minn dan isegwi li l-argumenti li huma jisiltu minn din l-istess ġurisprudenza għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

64

Fir-raba’ lok, l-argumenti tal-appellanti, ibbażati fuq il-fatt li, fil-punti 56 u 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-portata tal-invetigazzjoni u l-estent tal-aġir inkwistjoni ma jiġġustifikax il-ftuħ ta’ proċedura, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati, peress li huma kuntrarji għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 61 ta’ din is-sentenza.

65

Fil-fatt, dawn l-argumenti jaslu, essenzjalment, li jaffermaw li, peress li l-investigazzjoni mitluba tkopri t-territorju ta’ diversi Stati Membri u tkun teħtieġ riżorsi kbar, il-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ investigazzjoni mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, b’mod partikolari, il-probabbiltà żgħira li jiġi kkonstatat ksur għar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Dawn l-argumenti jimmilitaw għaldaqstant sabiex jistabbilixxu l-portata territorjali u l-ispiża tal-investigazzjoni fi kriterji deċiżivi sabiex jiġi kkonstatat l-interess tal-Unjoni sabiex tiftaħ investigazzjoni bi ksur tal-imsemmija ġurisprudenza.

66

Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli, parzjalment ineffettiv u, parzjalment infondat.

Fuq it-tieni aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

67

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-konklużjoni, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret l-effett utli tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

68

Fl-ewwel lok, huma jallegaw li l-Qorti Ġenerali ma tatx l-importanza meħtieġa għar-rwol li kellha l-Kummissjoni, sa fejn għandha, skont l-Artikolu 17(1) TUE u l-Artikolu 105 TFUE, tissorvelja l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, u tiżgura l-effett utli tagħhom. Huma jqisu li, għalkemm il-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali fit-trattament tal-ilmenti, din is-setgħa ma hijiex mingħajr limiti. B’mod partikolari, din l-istituzzjoni ma tistax iċċaħħad l-Artikoli 101 u 102 TFUE mill-effett utli tagħhom billi tirrifjuta li tiftaħ investigazzjoni għalkemm l-appellanti ippreżentawlha fatti u provi li jistabbilixxu għall-inqas il-probabbiltà ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċerna t-territorju ta’ diversi Stati Membri u infurmawha bir-rifjut, mill-UOKiK, li jiftaħ proċedura minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, rifjut li kontra tiegħu huma ma jkollhom l-ebda rimedju ta’ kontestazzjoni..

69

F’dan il-kuntest, l-affermazzjoni, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tivverifika jekk l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni adita b’ilment analogu kellhiex mezzi istituzzjonali, finanzjarji u tekniċi sabiex twettaq il-missjoni li ġiet fdata lilha bir-Regolament Nru 1/2003 tmur kontra s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2010, CEAHR vs Il-Kummissjoni (T‑427/08, EU:T:2010:517, punt 173).

70

F’dan il-każ, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tapprova ċ-ċaħda tal-ilment, peress li l-ksur inkwistjoni kien jikkonċerna diversi Stati Membri u li ma għandhomx protezzjoni effettiva quddiem l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni. Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, l-impossibbiltà li jiġi ppreżentat rikors kontra r-rifjut tal-UOKiK li jiftaħ proċedura setgħet tippreġudika l-Artikoli 101 u 102 TFUE, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni.

71

Fit-tieni lok, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali bi żbalji, fil-punti 79 et seq tas-sentenza appellata, dwar l-impossibilità attwali, għalihom, li jiksbu protezzjoni effettiva quddiem l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali.

72

Minn naħa, huma jqisu li l-affermazzjoni, fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, li tgħid li huma naqsu milli juru li l-UOKiK ma għandux l-intenzjoni li jieħu azzjoni kontra, u jissanzjona b’mod effikaċi, il-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, ma tistax tinftiehem fid-dawl tal-provi li huma pproduċew quddiem il-Qorti Ġenerali. Huwa inkontestabbli li l-UOKiK ma eżaminax il-mertu tal-ilment tagħhom minħabba l-preskrizzjoni.

73

Min-naħa l-oħra, fil-punti 80 et seq tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-possibbiltà teoretika li jressqu azzjoni għall-kumpens tad-dannu kkawżat minn prattiki li jmorru kontra l-Artikoli 101 u 102 TFUE quddiem il-qrati nazzjonali. Konsegwentement, hija ma kinitx debitament eżaminat il-possibbiltajiet għall-appellanti li jressqu azzjoni bħal din. Issa, fil-prattika, tali azzjoni kienet tkun impossibbli għal raġunijiet proċedurali u istituzzjonali, filwaqt li l-mekkaniżmi li jittrasponu d-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1), fid-dritt nazzjonali kienu biss fl-istadju tal-bidu. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Qorti Ġenerali kienu ilhom konxji bl-ineffiċjenza tal-private enforcement.

74

L-appellanti jqisu li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tapprova r-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ investigazzjoni minkejja l-eżistenza evidenti tal-kundizzjonijiet li juru n-neċessità li jiġi applikat id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

75

Il-Kummissjoni tirribatti li t-tieni aggravju huwa kemm inammissibbli kif ukoll parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

76

Fil-punt 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment qieset li, anki f’kuntest li fih l-awtorità nazzjonali ta’ kompetizzjoni, f’dan il-każ l-UOKiK, kien ċaħad l-ilment nazzjonali għal raġuni marbuta ma’ regola nazzjonali ta’ preskrizzjoni u anki jekk eventwali investigazzjoni tal-Kummissjoni setgħet tirrendi inqas oneruż, fil-kuntest tar-rikorsi ppreżentati quddiem il-qrati nazzjonali, l-oneru ta’ prova tal-appellanti, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ investigazzjoni ma kellhiex il-konsegwenza li tneħħi kull effett utli mill-Artikoli 101 u 102 TFUE.

77

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti essenzjalment jallegaw li din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali tmur kontra l-effett utli ta’ dawn l-artikoli. F’dan ir-rigward jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom li, essenzjalment, l-appellanti jqisu li l-kompitu tal-Kummissjoni li tiżgura l-osservanza tal-imsemmija artikoli kellu jwassal għall-ftuħ ta’ investigazzjoni għal tliet raġunijiet.

78

L-ewwel nett, l-appellanti jibbażaw l-argument tagħhom fuq il-fatt li huma kienu pproduċew provi intiżi li juru l-probabbiltà ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE li jikkonċerna t-territorju ta’ diversi Stati Membri.

79

Din l-affermazzjoni madankollu hija bbażata fuq premessa fattwali invalidata mill-Qorti Ġenerali u għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ikkonkludiet, fil-punti 53 u 54 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li l-probabbiltà li jiġi kkonstatat ksur kienet baxxa fid-dawl tal-elementi mressqa quddiemha. Min-naħa l-oħra, hija kkonstatat, fil-punti 63 u 64 ta’ din is-sentenza, li l-imsemmi ksur kien jikkonċerna essenzjalment it-territorju ta’ żewġ Stati Membri.

80

Fi kwalunkwe każ, anki jekk, bħalma jallegaw l-appellanti, l-allegat ksur kien jirrigwarda t-territorju ta’ diversi Stati Membri, hemm lok li jiġi rrilevat li l-argument tagħhom imur kontra l-ġurisprudenza stabbilita, imfakkra fil-punt 61 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, dan l-argument iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni hija obbligata, taħt piena ta’ ksur tal-effett utli tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, li tiftaħ investigazzjoni biss fuq il-motiv biss li l-ksur allegat jikkonċerna diversi Stati Membri.

81

It-tieni nett, l-appellanti jallegaw li huma ma setgħux jiksbu protezzjoni effettiva fil-livell nazzjonali, peress li l-UOKiK irrifjuta li jiftaħ proċedura minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni b’deċiżjoni li ma hemm l-ebda rimedu għaliha, u l-Kummissjoni kellha tivverifika minn qabel li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jħarsu d-drittijiet tagħhom b’mod sodisfaċenti.

82

F’dan ir-rigward, mill-punti 77 u 79 tas-sentenza appellata jirriżulta li, kif l-appellanti kkonfermaw fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rifjut tal-UOKiK li jeżamina l-ilment nazzjonali huwa bbażat fuq l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, li l-appellanti ma stabbilixxewx li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, u li huma ma kinux issottomettew għall-evalwazzjoni tal-UOKiK, fl-ilment nazzjonali, evidenza fattwali li tirrigwarda perijodu wara l-2008. Minn dan isegwi li l-appellanti ma wrewx kif ma kienx ikun possibbli għalihom li jiksbu l-osservanza mal-Artikoli 101 u 102 TFUE quddiem l-awtoritajiet nazzjonali. Għall-kuntrarju, l-impossibbiltà, allegata minnhom, li jiksbu l-osservanza tal-Artikoli 101 u 102 TFUE quddiem l-UOKiK hija dovuta għan-nuqqas ta’ diliġenza tagħhom stess.

83

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Qorti Ġenerali korrettament fakkret fil-punti 80 sa 82 u 84 tas-sentenza appellata, l-appellanti jistgħu jibdew quddiem il-qrati nazzjonali l-azzjonijiet għall-kumpens tad-danni allegatament subiti minħabba l-aġir li dwaru sar l-ilment sabiex jiksbu l-osservanza tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u li jinvokaw id-drittijiet li huma jisiltu minn dawn id-dispożizzjonijiet quddiem qorti nazzjonali, b’mod partikolari meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tilqax l-ilment tagħhom.

84

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u naqset li tapplika il-ġurisprudenza tagħha stess meta ddeċidiet, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li r-rekwiżit ta’ effikaċja ma jistax jinvolvi l-obbligu għall-Kummissjoni li tivverifika, meta hija tikkonstata l-assenza ta’ interess tal-Unjoni li tiftaħ l-investigazzjoni, jekk l-awtorità ta’ kompetizzjoni nazzjonali jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha mezzi istituzzjonali, finanzjarji u tekniċi sabiex twettaq il-missjoni li ġiet fdata lilha bir-Regolament Nru 1/2003, tali żball, fi kwalunkwe ipoteżi, huwa ineffettiv. Għaldaqtant, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat l-argument dwar l-imsemmi punt 78 fil-mertu.

85

Huwa wkoll ineffettiv l-argument li jgħid li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, qieset fil-punt 79 tas-sentenza appellata li l-UOKiK ma għandux l-intenzjoni li jieħu proċeduri kontra u jissanzjona b’mod effikaċi l-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, peress li dan l-argument sempliċement jikkritika motiv ta’ din is-sentenza mogħti għall-kompletezza.

86

It-tielet nett, l-appellanti jqisu li l-possibbiltà li titressaq azzjoni għall-kumpens tad-danni quddiem il-qrati nazzjonali ma hijiex effettiva u l-Qorti Ġenerali kellha tanalizza l-possibbiltajiet reali, għalihom, li jressqu proċeduri quddiem l-imsemmija qrati.

87

Issa, kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw li l-partijiet individwi jingħataw id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 34) u ma hijiex il-Kummissjoni li għandha ttaffi, bil-ftuħ ta’ investigazzjoni li teħtieġ riżorsi sinjifikattivi filwaqt li l-probabbiltà li jiġi kkonstatat ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE hija baxxa, in-nuqqasijiet eventwali tal-protezzjoni ġudizzjarja fil-livell nazzjonali.

88

Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq l-allegati lakuni tal-protezzjoni ġudizzjarja quddiem il-qrati nazzjonali.

89

Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

Fuq it-tielet aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

90

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li, billi ċaħdet ir-rikors tagħhom u approvat id-deċiżjoni kontenzjuża adottata mingħajr eżami komplet tal-mertu tal-kawża, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

91

F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, huma tennew il-pożizzjoni tagħhom żviluppata fil-kuntest tat-tieni aggravju, dwar l-assenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-livell nazzjonali. Minn naħa, id-deċiżjoni tal-UOKiK li jirrifjuta l-ftuħ ta’ proċedura minħabba l-preskrizzjoni ma hijiex suġġetta għal appell skont il-ġurisprudenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva, il-Polonja). Matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li ma kienx eskluż li din il-ġurisprudenza tista’ tippreġudika l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Min-naħa l-oħra, il-proċeduri ta’ private enforcement ma jkunux effikaċi. Minn dan isegwi li l-punt 99 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat minn ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

92

Sussegwentement, l-appellanti jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali naqset b’mod żbaljat milli teżamina s-sustanza tal-motiv tagħhom ta’ annullament ibbażat fuq iċ-ċaħda tad-dritt għal rimedju effettiv. B’hekk, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament affermat li huma kellhom rimedju kontra ċ-ċaħda tal-ilment. Madankollu, il-motiv tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali kien ibbażat fuq il-fatt li l-assenza ta’ deċiżjoni fuq il-mertu adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 kienet ċaħdithom mill-possibbiltà li jissuġġetaw tali deċiżjoni għal stħarriġ ġudizzjarju dwar l-eżistenza jew le f’dan il-każ ta’ ksur tal-Artikoli 101 u/jew 102 TFUE. Il-Qorti Ġenerali kkuntentat ruħha li teżamina l-mertu tad-deċiżjoni kontenzjuża mill-perspettiva tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ preċiżjoni u ta’ dettall kif din tirriżulta mill-punt 38 tas-sentenza appellata. Issa, tali eżami ma jiggarantixxix id-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għal rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

93

Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-obbligu tal-Kummissjoni li tittratta l-kawża fi żmien raġonevoli, konformement mal-Artikolu 41 tal-Karta.

94

Il-Kummissjoni tirribatti li t-tielet aggravju huwa kemm inammissibbli kif ukoll infondat.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

95

Fl-ewwel lok, l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq allegat nuqqas ta’ protezzjoni quddiem il-qrati nazzjonali għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 87 ta’ din is-sentenza.

96

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali debitament wieġbet, fil-punti 93 sa 95 tas-sentenza appellata, għall-argumentazzjoni tagħhom li tgħid li l-assenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi fuq il-mertu dwar l-eżistenza jew l-assenza ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE kienet tali li tippreġudika d-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

97

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet din l-argumentazzjoni. Fil-fatt, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 94 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jagħtix lil-lanjant id-dritt li jitlob l-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva dwar l-eżistenza jew le tal-ksur allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il-Kummissjoni, C‑119/97 P, EU:C:1999:116, punt 87; kif ukoll id-digriet tal‑31 ta’ Marzu 2011, EMC Development vs Il-Kummissjoni, C‑367/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:203, paragrafu 73).

98

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-mertu, dwar l-eżistenza tal-ksur allegat fl-ilment.

99

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tal-appellanti dwar it-tul tal-proċeduri quddiem il-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali huwa limitat għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi u l-argumenti mressqa quddiem l-ewwel qorti, għaliex parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti argument li ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2016, BSH vs EUIPO, C‑43/15 P, EU:C:2016:837, punt 43, u tat-13 ta’ Diċembru 2017, Telefónica vs Il-Kummissjoni, C‑487/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:961, punt 84).

100

Issa, f’dan il-każ, mill-punt 22 tas-sentenza appellata jirriżulta li, mingħajr ma l-appellanti jikkontestaw dan quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biss waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti Ġenerali li huma invokaw matul it-tul tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni filwaqt li spjegaw, bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, li huma ma kellhomx l-intenzjoni li jqajmu motiv ġdid ibbażat fuq ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli.

101

L-asppellanti ma jistgħux, għaldaqstant, jikkontestaw, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tul tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni.

102

Barra minn hekk, huwa b’mod żbaljat li l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina ex officio t-tul ta’ din il-proċedura (ara, b’analoġija, id-digriet tat‑13 ta’ Dieċmbru 2000, SGA vs Il-Kummissjoni, C‑39/00 P, EU:C:2000:685, punt 45).

103

Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

104

Peress li ebda wieħed miż-żewġ aggravji mressqa mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom ma ntlaqa’, hemm lok li dan l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

105

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) tal-istess regolament, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regolament, jipprevedi li l-parti li titlef hija kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

106

Peress li l-appellanti tilfu l-appell tagħhom, hemm lok li jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

107

Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 141(1) u l-Artikolu 184(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-parti li tirrinunzja għall-atti hija kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba mill-parti l-oħra fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja għall-atti. B’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 141(4) u tal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fin-nuqqas ta’ talba dwar l-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

108

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li Star Agro għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Agria Polska sp. z o.o., Agria Chemicals Poland sp. z o.o. U Agria Beteiligungsgesellschaft mbH huma kkundannati li jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Star Agro Analyse und Handels GmbH għandha tbat l-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-proċedura: il-Pollakk.

Top