EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0306

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-31 ta’ Mejju 2018.
Éva Nothartová vs Sámson József Boldizsár.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tatabányai Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni – Ġurisdizzjoni speċjali – Artikolu 8(3) – Kontrotalba li toriġina jew li ma toriġinax mill-kuntratt jew mill-fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali.
Kawża C-306/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:360

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

31 ta’ Mejju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni – Ġurisdizzjoni speċjali – Artikolu 8(3) – Kontrotalba li toriġina jew li ma toriġinax mill-kuntratt jew mill-fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali”

Fil-Kawża C‑306/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tatabányai Törvényszék (il-Qorti ta’ Tatabánya, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

Éva Nothartová

vs

Sámson József Boldizsár,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Malenovský, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u P. Lacerda, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Talabér‑Ritz u M. Heller, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Éva Nothartová u Sámson József Boldizsár, fir-rigward ta’ allegat ksur tad-dritt għall-preżentazzjoni personali u tad-dritt fuq fonogramma ta’ É. Nothartová, li b’rabta magħha S. J. Boldizsár ressaq kontrotalba.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li dan huwa intiż, fl-interess tal-funzjonament tas-suq intern, sabiex jintroduċi “dispożizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u sabiex jiżguraw għarfien u eżekuzzjoni malajr u sempliċi ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru”.

4

Il-premessi 15 u 16 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu:

“(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(16)

Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.”

5

Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni jinsabu fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament.

6

L-Artikolu 4(1), li jinsab fit-Taqsima 1, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tal-Kapitolu II tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

7

L-Artikolu 5, li jinsab fl-imsemmija Taqsima 1 tar-Regolament Nru 1215/2012, jiddisponi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

8

L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mit-Taqsima 2, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal-Kapitolu II tiegħu, jipprevedi, fil-punt 2 tiegħu:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

[…]

2)

fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

9

Bis-saħħa tal-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament, li jinsab ukoll f’din it-Taqsima 2, “[p]ersuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija bil-qorti […] fuq kontrotalba li toriġina mill-istess kuntratt jew fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali, fil-qorti li fiha tkun pendenti t-talba oriġinali”.

Id-dritt Ungeriż

10

L-Artikolu 147(1) tal-polgári perrendtartásról szóló 1952. évi III. Törvény (il-Liġi Nru 3 tal‑1952, li tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jiddisponi:

“Sa tmiem is-seduta, qabel ma tinqata’ s-sentenza tal-ewwel istanza, il-konvenut jista’ jressaq kontrotalba kontra r-rikorrent, sakemm id-dritt li ser jiġi invokat mill-konvenut jirriżulta jew huwa marbut mal-istess relazzjoni ġuridika bħal dik tat-talba tar-rikorrent jew sakemm l-obbligu li huwa s-suġġett tal-kontrotalba jista’ jkun is-suġġett ta’ tpaċija kontra l-obbligu li huwa s-suġġett tat-talba tar-rikorrent […]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, É. Nothartová, ċittadina Slovakka ddomiċiljata s-Slovakkja, ippreżentat, quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tatabányai Törvényszék (il-Qorti ta’ Tatabányai, l-Ungerija), rikors kontra S. J. Boldizsár, ċittadin Ungeriż iddomiċiljat l-Ungerija, intiż sabiex jiġi kkonstatat ksur tad-dritt tagħha għall-preżentazzjoni personali u tad-dritt tagħha fuq fonogramma. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li dan tal-aħħar ħa ritratti u filmati mingħajr l-għarfien tagħha, li mbagħad ġew integrati, inter alia, f’filmati mxandra fuq l-internet, b’mod partikolari fuq is-sit YouTube.

12

Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-konvenut fil-kawża prinċipali ressaq kontrotalba għad-danni għar-raġuni, l-ewwel nett, li t-talba oriġinali għandha l-effet li xxekkel id-distribuzzjoni tal-kreazzjonijiet intellettwali tiegħu fuq YouTube, it-tieni nett, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali rreferiet għalih b’mod żbaljat, għaliex użat isem missieru, liema fatt jikser id-dritt għall-isem kif ukoll id-dritt għar-rispett ta’ persuni mejtin, it-tielet nett, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali semmiet in-numru tar-reġistrazzjoni tal-vettura tiegħu, bi ksur tad-“dritt tal-personalità tal-vettura”.

13

Skont il-qorti tar-rinviju, il-kontrotalba mressqa mill-konvenut fil-kawża prinċipali ma oriġinatx mill-fatti li fuqhom hija bbażata t-talba oriġinali, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1215/2012.

14

Konsegwentement, hija tikkunsidra li, jekk l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa l-uniku dispożizzjoni applikabbli għall-kontrotalbiet, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kontrotalba mressqa mill-konvenut fil-kawża prinċipali sa fejn din il-kontrotalba ma toriġinax mill-fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali.

15

Kuntrarjament, jekk l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi biss kontrotalbiet li joriġinaw mill-kuntratt jew mill-fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali, il-qorti tar-rinviju tqis li hija madankollu għandha ġurisdizzjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, sabiex tiddeċiedi fuq il-kontrotalba mressqa mill-konvenut fil-kawża prinċipali.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tatabányai Törvényszék (il-Qorti ta’ Tatabányai) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Meta kontrotalba toriġina minn kuntratt jew minn fatti differenti minn dawk li fuqhom hija bbażata t-talba oriġinali:

a)

għandu japplika biss l-Artikolu 8(3) tar-Regolament [Nru 1215/2012] peress li huwa l-unika dispożizzjoni li tikkonċerna l-kontrotalba, jew

b)

l-Artikolu 8(3) tar-Regolament [Nru 1215/2012] jikkonċerna biss il-kontrotalbiet li joriġinaw mill-kuntratt jew mill-fatti li fuqhom hija bbażata t-talba oriġinali, u għalhekk ma jistax japplika għal kontrotalbiet li ma joriġinawx minn dan il-kuntratt jew minn dawn il-fatti, bil-konsegwenza li, fir-rigward ta’ dawn il-kontrotalbiet, jista’ jiġi stabbilit, abbażi ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni oħra tar-Regolament [Nru 1215/2012], li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fuq it-talba oriġinali għandha wkoll ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fuq il-kontrotalba?”

Fuq id-domanda preliminari

17

Bid-domanda tagħha, maqsuma f’żewġ partijiet, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe regola oħra ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista f’dan ir-regolament, f’sitwazzjoni fejn il-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni ta’ allegat ksur tad-drittijiet tal-personalità ta’ rikorrent għar-raġuni li ttieħdu ritratti u filmati mingħajr l-għarfien tiegħu, tiġi adita, mill-konvenut, b’kontrotalba għad-danni abbażi tar-responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali tar-rikorrent, minħabba, inter alia, ir-restrizzjoni tal-kreazzjoni intellettwali tiegħu li hija s-suġġett tat-talba oriġinali.

18

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriproduċu, essenzjalment, il-formulazzjonijiet rispettivi tal-Artikolu 5(3) u tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament tal-aħħar u, qabel dan, tal-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni, tibqa’ valida għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, bħala analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kareda, C‑249/16, EU:C:2017:472, punt 27; tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan, C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 24, u tal‑31 ta’ Jannar 2018, Hofsoe, C‑106/17, EU:C:2018:50, punt 36).

19

Konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru. L-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi derogi għal din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali stabbiliti fit-Taqsimiet 2 sa 7 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament.

20

F’dan ir-rigward, mill-premessa 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li, minbarra d-domiċilju tal-konvenut, hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u t-tilwima jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

21

Għalhekk, fl-interess li jiġi evitat li jiġu adottati deċiżjonijiet ġudizzjarji kontradittorji, l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 jagħti lill-konvenut il-possibbiltà li jagħmel kontrotalba li toriġina mill-kuntratt jew mill-fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali, fil-qorti li fiha tkun pendenti t-talba oriġinali.

22

Huwa effettivament fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li l-forum speċjali tal-kontrotalba jagħmilha possibbli lill-partijiet sabiex dawn iħallu l-pretensjonijiet reċiproċi tagħhom, li għandhom oriġini komuni, jiġu deċiżi fl-istess proċedura u quddiem l-istess qorti. Għalhekk, jiġu evitati proċeduri multipli u dawk li ma humiex meħtieġa (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2016, Kostanjevec, C‑185/15, EU:C:2016:763, punt 37).

23

Konformement ma’ dan il-għan, f’sitwazzjoni fejn qorti tkun ġiet adita b’talba waħda jew iktar invokati bħala kontrotalba, hija għandha tevalwa sa fejn dawn it-talbiet għandhom oriġini komuni mat-talba oriġinali, tant li jaqgħu taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1215/2012.

24

Għal dan il-għan, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-qorti għandha tivverifika b’mod partikolari jekk l-eżami tal-kontrotalba intiża għall-ħlas ta’ danni minħabba li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tirrestrinġi l-kreazzjoni intellettwali tal-konvenut fil-kawża prinċipali jeħtieġx li din tevalwa l-legalità jew in-nuqqas ta’ legalità tal-fatti li fuqhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tibbaża t-talbiet tagħha stess, sa fejn il-kreazzjoni intellettwali, li l-użu tiegħu l-konvenut fil-kawża prinċipali jikkunsidra bħala mifxul, hija meqjusa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala l-bażi tal-ksur tad-dritt tagħha tal-preżentazzjoni personali.

25

Jekk hemm il-ħtieġa li ssir din l-evalwazzjoni, l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat li jagħti lill-imsemmija qorti l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar il-kontrotalba mressqa mill-konvenut fil-kawża prinċipali.

26

Madankollu, għandu jiġi osservat li l-ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 hija ta’ natura mhux esklużiva meta mqabbla ma’ regoli oħra ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minnu. Hija fakultattiva mhux biss meta mqabbla mar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, meta implimentata fil-kawża prinċipali, iżda wkoll fir-rigward ta’ regoli oħra ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti mill-imsemmi regolament.

27

Fil-fatt, kif il-Kummissjoni Ewropea sostniet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, in-natura mhux esklużiva u fakultattiva tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali tirriżulta mhux biss mill-għanijiet u mill-istruttura tar-Regolament Nru 1215/2012, iżda wkoll mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 8(3) tiegħu, li jispeċifika li persuna “tista’ wkoll” tiġi mfittxija bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, u mhux li din għandha tiġi mfittxija hemmhekk b’mod esklużiv.

28

Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita fir-rigward tal-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif emendata, u r-Regolament Nru 44/2001, li hija wkoll rilevanti fil-kuntest tar-Regolament Nru 1215/2012, li l-għan tiegħu ma huwiex li jgħaqqad ir-regoli proċedurali tal-Istati Membri, iżda li jirregola l-ġurisdizzjoni tal-qrati għas-soluzzjoni ta’ kawżi f’materji ċivili u kummerċjali fir-relazzjonijiet bejn dawn l-Istati u li jiffaċilita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġurisdizzjonali (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka, C‑327/10, EU:C:2011:745, punt 37). Madankollu, peress li dan ir-regolament ma jiddeterminax il-kundizzjonijiet li skonthom, wara li tkun stabbilixxiet il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha bis-saħħa tal-imsemmi regolament, qorti tista’ jew għandha teżamina flimkien diversi talbiet bejn l-istess partijiet, dawn il-kundizzjonijiet jaqgħu, bħala prinċipju, taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, G, C‑292/10, EU:C:2012:142, punt 45).

29

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika, b’mod mhux esklużiv, f’sitwazzjoni fejn il-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni ta’ allegat ksur tad-drittijiet tal-personalità ta’ rikorrent għar-raġuni li ttieħdu ritratti u filmati mingħajr l-għarfien tiegħu, tiġi adita, mill-konvenut, b’kontrotalba għad-danni abbażi tar-responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali tar-rikorrent, minħabba, inter alia, ir-restrizzjoni tal-kreazzjoni intellettwali tiegħu li hija s-suġġett tat-talba oriġinali, meta l-eżami ta’ din il-kontrotalba jeżiġi li din il-qorti tevalwa l-legalità jew in-nuqqas ta’ legalità tal-fatti li fuqhom ir-rikorrent jibbaża t-talbiet tiegħu stess.

Fuq l-ispejjeż

30

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika, b’mod mhux esklużiv, f’sitwazzjoni fejn il-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni ta’ allegat ksur tad-drittijiet tal-personalità ta’ rikorrent għar-raġuni li ttieħdu ritratti u filmati mingħajr l-għarfien tiegħu, tiġi adita, mill-konvenut, b’kontrotalba għad-danni abbażi tar-responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali tar-rikorrent, minħabba, inter alia, ir-restrizzjoni tal-kreazzjoni intellettwali tiegħu li hija s-suġġett tat-talba oriġinali, meta l-eżami ta’ din il-kontrotalba jeżiġi li din il-qorti tevalwa l-legalità jew in-nuqqas ta’ legalità tal-fatti li fuqhom ir-rikorrent jibbaża t-talbiet tiegħu stess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l‑Ungeriż.

Top