EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0194

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-31 ta’ Jannar 2019.
Georgios Pandalis vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 51(1)(a) u (2) u Artikolu 75 – Trade mark tal-Unjoni Ewropea Cystus – Suppliment tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi – Dikjarazzjoni parzjali ta’ revoka – Assenza ta’ użu ġenwin tat-trade mark – Perċezzjoni tal-kelma ‘cystus’ bħala indikazzjoni deskrittiva tal-ingredjent prinċipali tal-prodotti kkonċernati – Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża C-194/17 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:80

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

31 ta’ Jannar 2019 ( *1 )

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 51(1)(a) u (2) u Artikolu 75 – Trade mark tal-Unjoni Ewropea Cystus – Suppliment tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi – Dikjarazzjoni parzjali ta’ revoka – Assenza ta’ użu ġenwin tat-trade mark – Perċezzjoni tal-kelma ‘cystus’ bħala indikazzjoni deskrittiva tal-ingredjent prinċipali tal-prodotti kkonċernati – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża C‑194/17 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑13 ta’ April 2017

Georgios Pandalis, residenti fi Glandorf (il-Ġermanja), irrappreżentat minn A. Franke, Rechtsanwältin,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Hanne u D. Walicka, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

LR Health & Beauty Systems GmbH, stabbilita f’Ahlen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn N. Weber u L. Thiel, Rechtsanwälte,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ Ġunju 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, Georgios Pandalis jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ Frar 2017 Pandalis vs EUIPO – LR Health & Beauty Systems (Cystus) (T‑15/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:75), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat‑30 ta’ Ottubru 2015 (Każ R 2839/2014‑1), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn LR Health & Beauty Systems u G. Pandalis (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009

2

L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1), intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut”, jistipula, fil-paragrafu 1(c) tiegħu:

“Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

c)

trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”.

3

L-Artikolu 51 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Raġunijiet għal revoka”, jipprevedi:

“1.   Id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-[EUIPO] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

a)

jekk, għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark [fl-Unjoni Ewropea] f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu […];

[…]

2.   Meta r-raġunijiet ta’ revoka ta’ drittijiet jeżistu biss fir-rigward ta’ xi wħud biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, id-drittijiet tal-proprjetarju għandhom jiġu dikjarati bħala revokati fir-rigward ta’ dawk il-prodotti jew servizzi biss.”

4

L-Artikolu 64 tal-imsemmi regolament, intitolat “Deċiżjonijiet dwar appelli”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Wara li ssir l-eżaminazzjoni tal-permissibilità tal-appell, il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi l-appell. Il-Bord tal-Appell jista’ jew jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ lill-dak id-dipartiment għal prosekuzzjoni ulterjuri.”

5

L-Artikolu 75 tal-imsemmi regolament, intitolat “Stqarrija tar-raġunijiet li fuqhom id-deċiżjonijiet huma bbażati”, huwa fformulat kif ġej:

“Id-deċiżjonijiet tal-[EUIPO] għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda fir-rigward ta’ liem il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom.”

Id-Direttiva 2002/46/KE

6

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 490), jistipula:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva:

a)

‘supplimenti ta’ l-ikel’ ifisser oġġetti ta’ l-ikel li l-għan tagħhom huwa li jissupplementaw id-dieta normali u l- fonti kkonċentrati ta’ nutrijenti jew sustanzi oħrajn b’effett nutrizzjonali jew fiżjoloġiku, waħedhom jew f’għaqdiet, mibjugħa b’dożi, jiġifieri forom, bħala kapsuli, pastillji, pirmli, pilloli u forom oħra bħalhom, borżetti tat-terra, ampulli ta’ likwidi, flixkien tal-qtar, u forom oħra ta’ likwidi u trabijiet, intiżi li jkunu meħudin fi kwantitajiet ta’ miżura żgħira”.

7

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/13/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75)], l-isem li permezz tiegħu il-prodotti fil-parametri ta’ din id-Direttiva huma mibjugħin għandhom ikunu ‘suppliment tal-ikel’.

2.   L-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-riklamar m’għandhomx jattribbwixxu lis-supplimenti tal-ikel il-kwalità ta’ prevenzjoni, trattament jew kura ta’ xi marda umana, jew jirreferu għal tali kwalitajiet.

3.   Mingħajr preġudizzju ghad-Direttiva [2000/13], l-ittikkettjar għandhom juru il-partikularitajiet segwenti:

a)

l-ismijiet tal-kategoriji tan-nutrijenti jew tas-sustanzi li jikkaratterizzaw il-prodott jew xi indikazzjoni tan-natura ta’ dawk in-nutrijenti jew sustanzi;

b)

il-porzjon tal-prodott rakkommandat għal konsum għal kull jum;

c)

twissija biex id-doża rakkommandata għal kuljum ma tinqabiżx;

d)

dikjarazzjoni li s-supplimenti ta’ l-ikel ma għandhomx jintużaw bħala sostitut għal dieta varjata;

e)

dikjarazzjoni li l-prodotti għandhom ikunu maħżuna f’post fejn tfal żgħar ma jistgħux jilħquhom.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

8

Fl‑10 ta’ Awwissu 1999, l-appellant G. Pandalis ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea mal-EUIPO. It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija s-sinjal verbali Cystus (iktar ’il quddiem it-“trade mark inkwistjoni”).

9

Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu b’mod partikolari taħt il-Klassi 30 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”), u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Suppliment tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10

It-trade mark inkwistjoni ġiet irreġistrata fil‑5 ta’ Jannar 2004, taħt in-numru 1273 119.

11

Fit‑3 ta’ Settembru 2013, LR Health & Beauty Systems GmbH ippreżentat talba għar-revoka tat-trade mark inkwistjoni għall-prodotti rreġistrati kollha, abbażi tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, għar-raġuni li l-imsemmija trade mark ma kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin għal perijodu mhux interrott ta’ ħames snin.

12

Fit‑12 ta’ Settembru 2014, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO (iktar ’il quddiem id-“Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni”) ċaħħdet lill-appellant mid-drittijiet tiegħu għal parti mill-prodotti rreġistrati, fosthom b’mod partikolari s-“supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”, li jaqgħu taħt il-Klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice.

13

Fit‑30 ta’ Ottubru 2015, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”) ċaħad ir-rikors ippreżentat mill-appellant kontra din id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. B’mod partikolari, l-ewwel nett, huwa qies li l-appellant ma kienx għamel użu tal-kelma “cystus” bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri sabiex jindika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti tiegħu, iżda għamel użu deskrittiv tiegħu sabiex jindika li l-prodotti inkwistjoni kienu jinkludu estratti tal-varjetà tal-pjanta Cistus Incanus L. bħala s-sustanza attiva prinċipali. F’dan ir-rigward, l-użu parzjali tas-simbolu “®” u l-fatt li l-kelma “cystus” tinkiteb bl-ittra “y” ma humiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li hemm użu bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea.

14

It-tieni nett, il-Bord tal-Appell qies li l-appellant ma kienx ipproduċa provi konkreti u oġġettivi tal-użu tat-trade mark inkwistjoni għas-“supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”, li jaqgħu taħt il-Klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice. Fil-fatt, minn naħa, ma intweriex li l-kelma “cystus” kienet intużat bħala trade mark għall-prodotti Pilots Friend Immunizer®, Immun44® Saft u Immun44® Kapseln. Min-naħa l-oħra, ma ntweriex li l-pastilji, pastilji tal-griżmejn, dekozzjoni, taħlita likwida għall-gargarizzar u pilloli kontra l-infezzjonijiet (iktar ’il quddiem il-“prodotti Cystus l-oħrajn”), kienu jidħlu fil-kategorija ta’ prodotti deskritti bħala “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”, li jaqgħu taħt l-imsemmija Klassi 30. Il-Bord tal-Appell għaldaqstant qies, essenzjalment, li l-eżempji tal-użu tal-kelma “cystus” dwar dawn il-prodotti ma kinux jippermettu li jiġi ppruvat l-użu ġenwin tat-trade mark inkwistjoni għall-prodotti li kienet ġiet irreġistrata għalihom.

15

Il-Bord tal-Appell għaldaqstant ikkonkluda li t-trade mark inkwistjoni ma kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin fl-Unjoni Ewropea matul il-perijodu ta’ referenza.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

16

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrent f’dik il-kawża ppreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

17

Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, li kien magħmul, essenzjalment, minn tliet partijiet, ir-rikorrent f’dik il-kawża argumenta li l-Bord tal-Appell kien kiser l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 51(1)(a) ta’ dan ir-regolament, meta kklassifika t-trade mark inkwistjoni bħala indikazzjoni deskrittiva, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament.

18

Fil-punti 17 sa 20 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondata l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, dwar il-portata tal-eżami tal-Bord tal-Appell.

19

F’dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-imsemmi motiv, dwar id-dritt tar-rikorrent għal smigħ, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 23 sa 25 tas-sentenza tagħha, li, minkejja li d-dritt għal smigħ, kif stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, jestendi għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha kif ukoll għall-provi li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni, dan id-dritt ma japplikax madankollu għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni tkun bi ħsiebha tadotta. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat jisma’ rikorrent fuq evalwazzjoni fattwali li tagħmel parti mill-pożizzjoni finali tiegħu. Issa, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma ta deċiżjoni fuq l-eżistenza ta’ raġunijiet assoluti għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni u lanqas ma kkontesta l-karattru distintiv tat-trade mark inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent f’dik il-kawża kellu l-possibbiltà jieħu pożizzjoni, matul il-proċedimenti, fuq l-użu ġenwin ta’ din it-trade mark, inkluż neċessarjament fuq in-natura ta’ dan l-użu, fid-dawl tal-prodotti kkonċernati kollha. Il-Qorti Ġenerali, konsegwentement, ċaħdet din it-tieni parti bħala ineffettiva.

20

Fir-rigward tat-tielet parti tal-ewwel motiv invokat, dwar l-iżball li l-Bord tal-Appell wettaq meta qies li l-kelma “cystus” kienet deskrittiva fid-dawl tal-prodotti kollha tar-rikorrent f’dik il-kawża, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li teżamina din il-parti flimkien mat-tielet motiv tar-rikors.

21

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 31 sa 35 tas-sentenza appellata, it-tieni motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter imwettaq mill-Bord tal-Appell.

22

Insostenn tat-tielet motiv tiegħu, li kien magħmul minn żewġ partijiet, ir-rikorrent f’dik il-kawża argumenta li l-Bord tal-Appell kien kiser l-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009 meta ppronunċja r-revoka tat-trade mark inkwistjoni, minkejja li huwa kien wera li kien għamel użu ġenwin tagħha u konformi mal-għan tagħha għas-“supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”, li jaqgħu taħt il-Klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice.

23

L-ewwel parti ta’ dan it-tielet motiv kienet dwar in-natura tal-użu tat-trade mark inkwistjoni fuq l-ippakkjar tal-prodotti Pilots Friend Immunizer®, Immun44® Saft u Immun44® Kapseln.

24

Fil-punt 42 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li ma kienx ikkontestat mill-partijiet li l-prodotti inkwistjoni kienu jinkludu bħala prinċipju attiv essenzjali tal-estratti tal-pjanta li Cistus Incanus L. kienet tirrappreżenta d-denominazzjoni xjentifika tagħha u cistus id-denominazzjoni bil-Latin tagħha.

25

Fil-punt 43 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fid-dawl tal-kuntest tagħha, l-użu tal-kelma “cystus” fuq l-ippakkjar tal-prodotti inkwistjoni jkun ipperċipet mill-pubbliku bħala deskrittiva tal-ingredjent prinċipali ta’ dawn il-prodotti u mhux bħala li hija intiża li tidentifika l-oriġini kummerċjali ta’ dawn il-prodotti. B’dan il-mod, mill-espressjoni “estratt ta’ cystus®” u mill-inklużjoni tal-kliem “cystus®052” fil-lista tal-ingredjenti tal-prodotti Immun44®Saft jirriżulta b’mod partikolarment ċar li l-kelma “cystus” ma tindikax is-“suppliment tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”, li jaqa’ taħt il-Klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice, lanqas a fortiori l-oriġini kummerċjali tiegħu, iżda tindika biss waħda mill-ingredjenti tiegħu. In-numru kbir ta’ riferenzi għall-kelma “cystus” fuq l-ippakkjar tal-prodotti inkwistjoni u l-enfasi tagħhom ma tippermettix li jiġi stabbilit l-użu tal-imsemmija kelma bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea meta, bħal f’dan il-każ, il-pubbliku rilevanti ser jipperċepixxi dawn ir-riferimenti bħala li huma deskrittivi tas-sustanza attiva essenzjali tal-prodotti kkonċernati.

26

Fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li l-fatt li l-kelma “cystus” tinkiteb bl-ittra “y” ma kienx biżżejjed sabiex juri l-użu bħala trade mark. F’dan ir-rigward, ortografija ħażina ġeneralment ma tikkontribwixxix sabiex tagħmel distintiv sinjal li l-kontenut tiegħu kien jinftiehem mill-ewwel bħala li huwa deskrittiv. Dan huwa iktar il-każ peress li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell seta’ jqis, ġustament, li l-ittra “i” u “y” kemm-il darba kienu jintużaw b’mod interkambjabbli fil-kliem ta’ oriġini tal-Latin u li l-ittra “y” setgħet tiġi ppronunzjata bħall-ittra “i” fil-lingwa Ġermaniża. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell seta’ jqis, mingħajr ma jikkommetti żball, li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-kelma “cystus” bħala indikazzjoni deskrittiva li tagħmel riferiment għad-denominazzjoni tal-pjanta cistus u mhux bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, mingħajr madankollu ma jagħti deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ raġuni assoluta għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

27

It-tieni parti tat-tielet motiv invokat kienet dwar il-klassifikazzjoni tal-prodotti Cystus l-oħrajn. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma kien ikklassifika dawn il-prodotti bħala prodotti mediċinali, prodotti mediċi li jaqgħu taħt il-Klassi 5 tal-Ftehim ta’ Nice jew taħt kwalunkwe kategorija oħra, iżda sempliċement qies li ma kienx intwera b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-imsemmija prodotti kellhom jiġu kklassifikati bħala “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”, li jaqgħu taħt il-Klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice.

28

Wara li fakkret, fil-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata, ir-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ proċedura għal revoka ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 57 ta’ dik is-sentenza, li, minn naħa, ir-rikorrent f’dik il-kawża ma kienx ipproduċa l-prova li huwa kien għamel użu ġenwin tat-trade mark inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li s-sempliċi affermazzjoni li l-prodotti kkonċernati kienu “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”, li jaqgħu taħt il-Klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice, ma kinitx suffiċjenti.

29

Fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Bord tal-Appell seta’ ġustament iqis li n-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/46 li jimponu ċertu numru ta’ indikazzjonijiet obbligatorji għall-bejgħ ta’ prodott li l-għan tiegħu huwa li jissupplimenta d-dieta normali kien indizju partikolarment sinjifikanti kontra l-klassifikazzjoni ta’ “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”, li jaqgħu taħt il-Klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice.

30

Il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell lanqas ma kien wettaq żball meta qies li l-eżistenza ta’ numru tar-reġistrazzjoni farmaċewtika għall-prodotti Cystus l-oħrajn, il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti fl-ispiżeriji u, b’mod partikolari, il-fatt li, fil-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, kienet enfasizzata l-possibbiltà li dawn jipproteġu kontra l-influwenza u l-irjiħat kif ukoll il-kwalità tagħhom li jtaffu inflammazzjonijiet fil-ħalq jew fil-griżmejn, kien jikkostitwixxi indizju partikolarment sinjifikanti addizzjonali kontra l-klassifikazzjoni tagħhom ta’ “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”, li jaqgħu taħt il-Klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice.

31

Peress li l-ewwel u t-tielet motiv invokati ġew miċħuda kollha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors li kienet adita bih fl-intier tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32

Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitolb li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat‑12 ta’ Settembru 2014, sa fejn din tiddikjara li d-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni ġew irrevokati f’dak li jirrigwarda l-prodotti, inklużi fil-Klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice, deskritti bħala “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali];

tiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ppreżentata minn LR Health & Beauty Systems kontra t-trade mark inkwistjoni, sa fejn din it-talba tirrigwarda l-prodotti, inklużi fil-Klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice, deskritti bħala “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”, u

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

33

L-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

34

LR Health & Beauty Systems titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu, u

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

35

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka, essenzjalment, tliet aggravji, dwar, l-ewwel wieħed, il-klassifikazzjoni tal-prodotti Cystus l-oħrajn bħala “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”, li jaqgħu taħt il-Klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice, it-tieni wieħed, in-natura tal-użu tal-kelma “cystus” għall-prodotti Pilots Friend Immunizer®, Immun44® Saft u Immun44® Kapseln kif ukoll, it-tielet wieħed, id-dritt għal smigħ mill-Bord tal-Appell.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

36

L-ewwel aggravju jkopri l-motivi tas-sentenza appellata li jinsabu fil-punti 54 sa 59 tagħha. Dan huwa maqsum f’żewġ partijiet.

37

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant jargumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009.

38

F’dan ir-rigward, is-sentenza appellata ma tippermettix li wieħed ikun jaf jekk it-trade mark inkwistjoni intużatx għal “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi” jew għal supplimenti tal-ikel inġenerali. Issa, il-prodotti Cystus l-oħrajn, li l-ingredjent prinċipali tagħhom huwa s-cistus, jikkostitwixxu supplimenti tal-ikel, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/46, li ma jiddistingwixxix bejn is-supplimenti tal-ikel għal skopijiet mediċi u s-supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi.

39

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat iċ-ċirkustanza li l-pubbliċità għall-prodotti Cystus l-oħrajn kienet ibbażata fuq il-possibbiltà li dawn il-prodotti jipproteġu kontra l-influwenza u l-irjiħat, billi b’mod żbaljat qieset din iċ-ċirkustanza bħala indizju tal-fatt li dawn il-prodotti ma jistgħux jaqgħu taħt “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”.

40

Barra minn hekk, il-fatt li l-appellant eventwalment ma osservax ir-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar previsti fl-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva 2002/46 ġie wkoll żnaturat mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, din tal-aħħar interpretat dan il-punt fis-sens li prodott li ma josservax dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkostitwixxix suppliment tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi. Issa, l-ittikkettjar ma għandu ebda effett fuq il-klassifikazzjoni tal-prodotti Cystus l-oħrajn bħala supplimenti tal-ikel, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/46.

41

Il-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009 meta ħadet l-eżistenza ta’ numru tar-reġistrazzjoni farmaċewtika għall-prodotti Cystus l-oħrajn u l-bejgħ ta’ dawn il-prodotti fl-ispiżeriji bħala indizji partikolarment sinjifikanti kontra l-klassifikazzjoni tagħhom ta’ “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”. Issa, fil-Ġermanja, l-eżistenza ta’ tali numru farmaċewtiku ma għandux rabta mal-kwistjoni dwar jekk prodott għandux skopijiet mediċi jew le.

42

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx eżami differenti tal-pastilji kkummerċjalizzati taħt it-trade mark inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“pastilji”) sabiex tivverifika jekk dawn kinux jikkostitwixxu supplimenti tal-ikel, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/46.

43

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant jargumenta li s-sentenza appellata tinkludi motivazzjoni insuffiċjenti fil-kuntest tal-konstatazzjoni li tipprovdi li t-trade mark inkwistjoni ma kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin, fis-sens tal-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009 għas-“supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”.

44

Fil-fatt, l-appellant ma jistax ikun jaf ir-raġunijiet li għalihom il-fatti li huwa allega kif ukoll il-provi prodotti ma kkonvinċewx lill-Qorti Ġenerali tal-fatt li t-trade mark inkwistjoni kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin għal “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”. Barra minn hekk, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali ma tippermettix lill-appellant ikun jaf taħt liema kategorija jaqgħu l-prodotti tiegħu.

45

Barra minn hekk, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija insuffiċjenti, sa fejn din ma tippermettix lill-appellant ikun jaf ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx b’mod iddifferenzjat jekk it-trade mark inkwistjoni, sa fejn tirrigwarda l-pastilji, kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin għal “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”.

46

B’mod iktar speċifiku, il-pastilji ma ġewx ikkummerċjalizzati bl-indikazzjoni li tipprovdi li dawn jistgħu jipproteġu kontra l-influwenza u l-irjiħat kif ukoll li għandhom il-kwalità li jtaffu inflammazzjonijiet fil-ħalq jew fil-griżmejn. Fil-punt 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali madankollu qieset li din il-possibbiltà kienet tikkostitwixxi indizju partikolarment sinjifikanti kontra l-klassifikazzjoni tal-prodotti Cystus l-oħrajn bħala “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”.

47

L-EUIPO u LR Health & Beauty Systems jitolbu li dan l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

48

F’dan il-każ, l-appellant kiseb ir-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni għal prodotti deskritti bħala “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”, li jaqgħu taħt il-Klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice.

49

Fil-punti 54 sa 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Bord tal-Appell kien qies ġustament li r-rikorrent f’dik il-kawża ma kienx stabbilixxa li l-prodotti Cystus l-oħrajn setgħu jiġu kklassifikati bħala “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”, bil-konsegwenza li ma kienx ipprova li t-trade mark inkwistjoni kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, għall-imsemmija prodotti.

50

Insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell dwar il-klassifikazzjoni tal-prodotti Cystus l-oħrajn, l-appellant jargumenta, fl-ewwel ilment, li dawn il-prodotti jikkostitwixxu supplimenti tal-ikel, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/46, u jaqgħu taħt il-Klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice.

51

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, kif ukoll mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi għalhekk ma tikkostitwixxix, suġġett għall-każ tal-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, EU:C:2008:739, punt 68, u tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Apcoa Parking Holdings vs EUIPO, C‑32/17 P, mhux ippubblikat, EU:C:2018:396, punt 49).

52

Barra minn hekk, tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, EU:C:2008:739, punt 69, u tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Westermann Lernspielverlage vs EUIPO,C‑482/15 P, EU:C:2016:805, punt 36).

53

Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura eċċezzjonali ta’ aggravju bbażat fuq żnaturament tal-fatti u tal-provi, l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jimponu l-obbligu, b’mod partikolari, fuq appellant li jindika b’mod preċiż l-elementi li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u li juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wassluha għal dan l-iżnaturament (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Pensa Pharma vs EUIPO, C‑442/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:720, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argumenti li huwa jagħmel insostenn ta’ dan l-ewwel ilment, l-appellant sempliċement jikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali li għamlet il-Qorti Ġenerali sabiex tasal għall-konklużjoni li l-prodotti Cystus l-oħrajn ma kellhomx jiġu kklassifikati bħala “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”, li jaqgħu taħt il-Klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice, u jipprova, fir-realtà, jikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

55

Barra minn hekk u sa fejn l-appellant jallega li s-sentenza appellata hija bbażata fuq żnaturament ta’ fatti u ta’ provi, l-argumenti li huwa jagħmel insostenn ta’ din l-allegazzjoni ma jippermettux li jiġu identifikati l-elementi preċiżi li l-Qorti Ġenerali żnaturat u lanqas juru l-iżbalji ta’ analiżi allegatament imwettqa minnha. Għaldaqstant, dawn l-argumenti ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 ta’ din is-sentenza.

56

Konsegwentement, l-ewwel ilment invokat għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

57

L-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali, fit-tieni lment, li naqset milli twettaq eżami ddifferenzjat dwar il-pastilji, sa fejn, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, hija qieset b’mod ġenerali li, matul il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti Cystus l-oħrajn, dawn tal-aħħar kienu ppreżentati bħala li għandhom effetti tajbin fuq is-saħħa, li jikkostitwixxi indizju partikolarment sinjifikanti kontra l-klassifikazzjoni tagħhom ta’ “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”. Issa, l-appellant jikkontesta li l-pastilji ġew ikkummerċjalizzati bl-indikazzjoni li dawn għandhom tali effetti tajbin.

58

Mingħajr il-ħtieġa li jiġi ddeterminat jekk dan it-tieni lment huwiex ammissibbli, huwa biżżejjed jiġi rrilevat, bħalma għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tagħha, li huwa jagħmel qari żbaljat tal-punt 59 tas-sentenza appellata.

59

Fil-fatt, fl-imsemmi punt, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li l-pastilji kienu kkummerċjalizzati bl-indikazzjoni tal-effetti tajbin tagħhom fuq is-saħħa. Hija sempliċement irrilevat, mingħajr ma ddistingwixxiet il-pastilji minn fost il-prodotti Cystus l-oħrajn, li l-Bord tal-Appell ma kienx wettaq żball fil-kuntest tal-evalwazzjoni fattwali tiegħu tal-indizji addizzjonali partikolarment sinjifikanti kontra l-klassifikazzjoni tal-prodotti Cystus l-oħrajn bħala “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”.

60

Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ma kkontestatx l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punt 57 tad-deċiżjoni kontenzjuża, skont liema d-dokumenti prodotti mill-appellant ma kinux jindikaw jekk il-pastilji kinux “prodotti mediċi” jew “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”. Konsegwentement, il-pastilji fil-fatt kienu s-suġġett ta’ eżami ddifferenzjat li permezz tiegħu l-Bord tal-Appell u l-Qorti Ġenerali ħadu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn ma kinux ikkummerċjalizzati bl-indikazzjoni ta’ effetti tajbin fuq is-saħħa.

61

It-tieni motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

62

F’dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell, dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, l-appellant jargumenta, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali ma għamlet l-ebda konstatazzjoni fir-rigward tal-kategorija li kienu jaqgħu fiha l-prodotti Cystus l-oħrajn.

63

Madankollu, bħalma rrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, it-tilwima bejn LR Health & Beauty Systems u l-appellant tirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk dan tal-aħħar kienx f’pożizzjoni li jipproduċi l-prova ta’ użu ġenwin tat-trade mark inkwistjoni għall-prodotti Cystus l-oħrajn bħala “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”, li jaqgħu taħt il-Klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice.

64

Fil-kuntest tal-eżami ta’ din it-tilwima, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell kien qies ġustament li l-appellant ma kienx ipproduċa tali prova ta’ użu ġenwin. Ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li teżamina l-kwistjoni dwar taħt liema kategorija, minbarra l-Klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice, kellhom jaqgħu l-prodotti Cystus l-oħrajn, peress li tali kwistjoni ma għandhiex rilevanza għas-soluzzjoni tal-imsemmija tilwima.

65

F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

66

L-appellant jargumenta, min-naħa l-oħra, li s-sentenza appellata ma tippermettilux li jkun jaf ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma wettqitx eżami ddifferenzjat sabiex tivverifika jekk it-trade mark inkwistjoni, fir-rigward speċifikament tal-pastilji, kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin għal “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”.

67

F’dan ir-rigward, hemm lok jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tobbligax lill-Qorti Ġenerali sabiex tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha artikolati mill-partijiet fit-tilwima, u l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2018, Tsujimoto vs EUIPO, C‑85/16 P u C‑86/16 P, EU:C:2018:349, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68

Ċertament, il-Qorti Ġenerali ma ddistingwixxietx il-pastilji minn fost il-prodotti Cystus l-oħrajn. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 57 sa 64 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Bord tal-Appell eżamina l-kwistjoni dwar jekk il-pastilji, fost il-prodotti Cystus l-oħrajn, kinux jikkorrispondu mad-deskrizzjoni ta’ “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”.

69

Għaldaqstant, hemm lok jitqies li l-Qorti Ġenerali, billi ddeċidiet li l-Bord tal-Appell ma kienx wettaq żball fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-prodotti Cystus l-oħrajn, adottat l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell. Billi għamlet dan, bħalma rrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet impliċitament l-oġġezzjonijiet magħmula mill-appellant f’dak li jirrigwarda l-pastilji.

70

Għaldaqstant, it-tieni ilment invokat u, għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

71

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

72

It-tieni aggravju tal-appell huwa relatat mal-motivi tas-sentenza appellata fil-punti 43 u 46 tagħha. Dan jinvolvi żewġ partijiet.

73

Permezz tal-ewwel parti ta’ dan it-tieni aggravju, l-appellant jargumenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009 meta kklassifikat it-trade mark inkwistjoni bħala indikazzjoni deskrittiva li tagħmel riferiment għad-denominazzjoni tal-pjanta cistus, mingħajr ma għamlet riferiment għan-natura konkreta tal-użu bħala trade mark.

74

Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta rrilevat, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell seta’ jqis li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-kelma “cystus” bħala indikazzjoni deskrittiva li tagħmel riferiment għad-denominazzjoni tal-pjanta cistus, mingħajr madankollu ma tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ raġuni assoluta għal rifjut fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Din il-klassifikazzjoni sommarja mill-Qorti Ġenerali ċċaħħad lill-appellant minn kull possibbiltà li juża t-trade mark tiegħu konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha, fis-sens tal-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009.

75

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kien imissha vverifikat jekk l-appellant kienx uża t-trade mark inkwistjoni għal “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi” fil-forma li kien ġiet irreġistrata fiha jew f’forma li kienet tvarja minnha f’elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tagħha.

76

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kien imissha eżaminat il-kwistjoni dwar jekk it-trade mark inkwistjoni kinitx intużat konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha, li kienet li tindika oriġini kummerċjali. Issa, din it-trade mark intużat konformement ma’ din il-funzjoni, peress li l-konsumatur huwa mdorri li prodotti jkollhom, minbarra t-trade mark prinċipali, trade marks sekondarji li huma wkoll jinftiehmu bħala indikazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti.

77

It-tielet nett, il-pubbliku rilevanti jqis is-sinjal Cystus bħala trade mark li tindika s-supplimenti tal-ikel ikkummerċjalizzati minħabba l-fatt li din it-trade mark tintuża wkoll għall-pjanta cistus, mibjugħa bħala prodott finali. Konsegwentement, il-fatt li wieħed jindika l-prodotti kkonċernati permezz tas-sinjal Cystus jikkostitwixxi użu tat-trade mark, fis-sens li din tindika li l-produttur ta’ wieħed mill-elementi essenzjali tal-prodott huwa wkoll responsabbli għas-supplimenti tal-ikel ikkonċernati fit-totalità tagħhom.

78

Fir-rigward tas-“supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”, li jinkludu, bħala sustanza attiva prinċipali, estratti tal-pjanta cistus, l-appellant huwa, fir-realtà, imċaħħad mill-possibbiltà li juża t-trade mark tiegħu konformement mal-funzjoni ta’ din tal-aħħar.

79

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant jargumenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni fil-kuntest tal-konstatazzjoni li tipprovdi li t-trade mark inkwistjoni ma kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin, fis-sens tal-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009, għas-“supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi”.

80

F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 43 u 46 tas-sentenza appellata hija kuntradittorja, sa fejn din, minn naħa, hija kkonstatat b’mod konċiż li l-fatt li l-kelma “cystus” tinkiteb bl-ittra “y” ma kienx biżżejjed sabiex jintwera l-użu bħala trade mark. Madankollu, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tgħid li, abbażi ta’ dan l-argument, il-Bord tal-Appell seta’, mingħajr ma jkun żbaljat, iqis li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-kelma “cystus” bħala indikazzjoni deskrittiva li tagħmel riferiment għad-denominazzjoni tal-pjanta cistus u mhux bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea.

81

Il-motivazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali hija, barra minn hekk, insuffiċjenti, peress li hija ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom in-natura konkreta tal-użu tat-trade mark inkwistjoni ma tosservax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, peress li din it-trade mark ġiet irreġistrata, inter alia, għal “supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi” li jaqgħu taħt il-Klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice, għandu jiġi preżunt li din hija distintiva u mhux deskrittiva għal dawn il-prodotti.

82

L-EUIPO u LR Health & Beauty Systems jargumentaw li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

83

Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan it-tieni aggravju, għandu jitfakkar li trade mark tkun is-suġġett ta’ “użu ġenwin” meta tintuża, konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha, li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta’ użu ta’ natura simbolika li għandu l-iskop uniku li jżomm id-drittijiet mogħtija mit-trade mark. L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu kummerċjali tagħha huwiex reali, b’mod partikolari l-użu meqjus bħala ġġustifikat fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma mis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark (sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 43, u tas‑17 ta’ Marzu 2016, Naazneen Investments vs UASI, C‑252/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:178, punt 56).

84

Fir-rigward tat-trade marks individwali, din il-funzjoni essenzjali tikkonsisti f’li tiġi ggarantita lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz identifikat mit-trade mark, li tippermettilu li jiddistingwi mingħjar konfużjoni possibbli dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra. Fil-fatt, sabiex it-trade mark tkun tista’ taqdi r-rwol tagħha bħala element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat huwa intiż li jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ, hija għandha tikkostitwixxi l-garanzija li l-prodotti jew is-servizzi kollha identifikati minnha jkunu ġew prodotti jew ipprovduti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze, C‑689/15, EU:C:2017:434, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

85

Minn dan isegwi li l-kundizzjoni tal-użu ġenwin konformi mal-funzjoni essenzjali ma hijiex issodisfatta meta t-twaħħil ta’ trade mark fuq prodott la jikkontribwixxi sabiex jinħoloq suq għalihom u lanqas sabiex jiddistingwihom, fl-interess tal-konsumatur, mill-prodotti li joriġinaw minn impriżi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2009, Silberquelle, C‑495/07, EU:C:2009:10, punt 21).

86

F’dan il-każ, hemm lok jiġi kkonstatat li l-argument tal-appellant jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata.

87

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li, “fid-dawl tal-kuntest tiegħu”, l-użu tal-kelma “cystus” fuq l-ippakkjar tal-prodotti Pilots Friend Immunizer®, Immun44® Saft u Immun44® Kapseln jiġi pperċepit mill-pubbliku bħala deskrittiv tal-ingredjent prinċipali ta’ dawn il-prodotti u mhux bħala li huwa intiż li jidentifika l-oriġini kummerċjali tal-imsemmija prodotti.

88

Barra minn hekk, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li l-Bord tal-Appell seta’ jqis, mingħajr ma jikkommetti żball, li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-kelma “cystus” bħala indikazzjoni deskrittiva li tagħmel riferiment għad-denominazzjoni tal-pjanta cistus u mhux bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea.

89

Barra minn hekk, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li l-element “cystus” kellu “karattru distintiv dgħajjef”.

90

Minn dan isegwi, bħalma rrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li t-trade mark inkwistjoni kellha karattru deskrittiv.

91

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddistingwixxiet, minn naħa, l-użu tat-trade mark inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-użu tal-kelma “cystus”, ipperċepita mill-pubbliku bħala deskrittiva tal-ingredjent prinċipali tal-prodotti Pilots Friend Immunizer®, Immun44® Saft u Immun44® Kapseln. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 83 sa 85 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali setgħet twettaq tali distinzjoni, peress li trade mark ma hijiex dejjem użata konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità ta’ oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li ġiet irreġistrata għalihom.

92

Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant qieset, essenzjalment, wara evalwazzjoni tal-punti fattwali u tal-provi li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Bord tal-Appell kien irrileva ġustament li l-appellant ma kienx uża t-trade mark inkwistjoni konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha. Iktar milli t-trade mark inkwistjoni, l-appellant uża l-kelma “cystus” bħala deskrittiva tal-ingredjent prinċipali tal-prodotti kkonċernati.

93

Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk l-appellant użax it-trade mark inkwistjoni konformement mal-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tagħha jew użax il-kelma “cystus” fuq l-ippakkjar tal-prodotti kkonċernati tikkostitwixxi evalwazzjoni ta’ natura fattwali u għaldaqstant tista’ tkun is-suġġett ta’ appell biss fil-każ ta’ żnaturament, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 51 ta’ din is-sentenza. Issa, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant ma argumentax li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-punti ta’ fatt u l-provi suġġetti għall-evalwazzjoni tagħha.

94

F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

95

Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell, dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni, din hija bbażata fuq il-premessa li tipprovdi li l-Qorti Ġenerali qieset li t-trade mark inkwistjoni kienet deskrittiva fir-rigward tal-prodotti kkonċernati. Issa, bħalma jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, din il-premessa hija żbaljata.

96

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali esponiet, fil-punti 39 sa 49 tas-sentenza appellata, il-motivi li għalihom hija qieset li t-trade mark inkwistjoni ma kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009, għall-prodotti Pilots Friend Immunizer®, Immun44® Saft u Immun44® Kapseln.

97

F’dawn il-kundizzjonijiet, l-imsemmija tieni parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

98

L-appellant jagħmel riferiment għall-punti 23 sa 25 tas-sentenza appellata u jargumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn il-Bord tal-Appell ta deċiżjoni fuq l-eżistenza ta’ raġuni assoluta għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni billi rrileva l-karattru deskrittiv tat-trade mark inkwistjoni, bħalma jirriżulta mill-punti 32 u 34 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Kuntrarjament għal dak li tgħid il-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Appell wettaq din l-evalwazzjoni fil-kuntest tal-espożizzjoni introduttiva tad-deċiżjoni kontenzjuża u mhux f’dak tal-eżami tan-natura konkreta tal-użu tat-trade mark inkwistjoni.

99

Issa, l-appellant ma kellux l-okkażjoni jieħu pożizzjoni, matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, fuq il-konstatazzjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant kien imissha annullat id-deċiżjoni kontenzjuża minħabba ksur tad-dritt għal smigħ.

100

L-EUIPO u LR Health & Beauty Systems jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti mressqa mill-appellant.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

101

Fil-punti 23 sa 25 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors tal-ewwel istanza tar-rikorrent f’dik il-kawża, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ tiegħu, stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, kuntrarjament għal dak li argumenta r-rikorrent f’dik il-kawża, il-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma ta deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ raġunijiet assoluti għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni u lanqas ma kkontesta l-karattru distintiv tat-trade mark inkwistjoni u, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent f’dik il-kawża kellu l-possibbiltà jieħu pożizzjoni, matul il-proċedimenti, fuq l-użu ġenwin ta’ din it-trade mark, inkluż neċessarjament fuq in-natura ta’ dan l-użu, fir-rigward tal-prodotti kkonċernati kollha.

102

L-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li għamlet qari żbaljat tad-deċiżjoni kontenzjuża. Huwa jargumenta li l-Bord tal-Appell ta deċiżjoni dwar raġuni assoluta għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, li għaliha huwa ma ngħatax smigħ. F’dan ir-rigward, l-appellant jagħmel riferiment għall-punti 32 u 34 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

103

Fil-punt 32 ta’ din id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell ikkonstata li d-“denominazzjoni ġenerika xjentifika ta’ pjanta ma [kinitx] tikkostitwixxi biss l-isem tal-ġeneru tal-pjanta [u, konsegwentement, l-isem tal-prodott fis-sens wiesa’ jew indikazzjoni deskrittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009], iżda [kienet] tindika wkoll il-prodotti li l-ingredjent essenzjali tagħhom [inkiseb] minn pjanti ta’ dan il-ġeneru” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li din il-kunsiderazzjoni lanqas ma kienet imminata bis-sostituzzjoni tal-“i” bil-“y”, ittri użati kemm-il darba mingħajr distinzjoni fil-kliem ta’ oriġini tal-Latin.

104

Ċertament, dawn is-sentenzi jistgħu, meħuda waħedhom, iwasslu għal konfużjoni. Madankollu, mill-punt 29 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Bord tal-Appell irrileva li t-tilwima bejn LR Health & Beauty Systems u l-appellant kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dan tal-aħħar kienx għamel użu konkret tat-trade mark inkwistjoni konformement mal-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini jew sewwasew jekk kienx uża l-kelma “cystus” bħala indikazzjoni deskrittiva tal-ingredjent prinċipali tal-prodotti kkonċernati.

105

Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ma qiesx li, b’mod ġenerali, l-appellant ma setax jagħmel użu tat-trade mark inkwistjoni. Huwa qies, wara eżami tal-punti ta’ fatt u tal-provi, li, f’dan il-każ, il-kelma “cystus” kienet użata minnu bħala indikazzjoni deskrittiva li tagħmel riferiment għad-denominazzjoni tal-pjanta cistus.

106

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jargumenta l-appellant, il-punt 32 tad-deċiżjoni kontenzjuża ma tistax tinftiehem bħala affermazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li dan ta deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ raġuni assoluta għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni.

107

Barra minn hekk, fil-punti 33 u 34 tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-imsemmi Bord ippreċiża li ż-żieda tas-simbolu “®” kellu probabbilment jinftiehem fis-sens li l-appellant jiddikjara finalment fir-riklami tiegħu li huwa kien kiseb dritt għal trade mark fuq indikazzjoni deskrittiva.

108

F’dan ir-rigward, bħalma rrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn is-sentenzi ma jikkostitwixxux konstatazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell innifsu dwar il-fatt li l-kelma “cystus” tikkostitwixxi, b’mod ġenerali, indikazzjoni deskrittiva, iżda interpretazzjoni tal-komunikazzjoni li l-appellant għamel permezz tal-użu tas-simbolu “®”.

109

F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok jiġi kkonstatat li, billi qieset li l-Bord tal-Appell ma tax deċiżjoni fuq l-eżistenza ta’ raġuni assoluta għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball fil-qari tad-deċiżjoni kontenzjuża.

110

Għaldaqstant, it-tielet aggravju tal-appell ma jistax jintlaqa’.

111

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

112

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

113

Peress li l-appellant tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mill-EUIPO u minn LR Health & Beauty Systems.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Georgios Pandalis huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top