EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0014

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-12 ta’ Lulju 2018.
VAR Srl u Azienda Trasporti Milanesi SpA (ATM) vs Iveco Orecchia SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/17/KE – Artikolu 34 – Provvista ta’ spare parts għal karozzi tal-linja u trolleybuses – Speċifikazzjonijiet tekniċi – Prodotti ekwivalenti – Possibbiltà li tiġi prodotta l-prova ta’ ekwivalenza wara l-għoti tal-kuntratt.
Kawża C-14/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:568

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/17/KE – Artikolu 34 – Provvista ta’ spare parts għal karozzi tal-linja u trolleybuses – Speċifikazzjonijiet tekniċi – Prodotti ekwivalenti – Possibbiltà li tiġi prodotta l-prova ta’ ekwivalenza wara l-għoti tal-kuntratt”

Fil-Kawża C‑14/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

VAR Srl

Azienda Trasporti Milanesi SpA (ATM)

vs

Iveco Orecchia SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász (Relatur), K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal VAR Srl, minn M. Goria u S. E. Viscio, avvocati,

għal Azienda Trasporti Milanesi SpA (ATM), minn M. Zoppolato u A. Rho, avvocati,

għal Iveco Orecchia SpA, minn F. Brunetti u F. Scanzano, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli u C. Pluchino, avvocati dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti [għoti ta’ kuntratti] ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn VAR Srl u Azienda Trasporti Milanesi SpA (iktar ’il quddiem “ATM”) u Iveco Orecchia SpA dwar l-għoti ta’ kuntratt għall-provvista ta’ “spare parts” oriġinali jew oġġetti ekwivalenti għal karozzi tal-linja u trolleybuses tat-trade mark IVECO.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 42 tad-Direttiva 2004/17 tistabbilixxi:

“L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mfassla minn xerreja għandhom jippermettu li jinfetaħ akkwist pubbliku għall-kompetizzjoni, Għal dan il-għan, għandu jkun possibbli li jiġu sottomessi offerti li jirriflettu d-diversita ta’ soluzzjonijiet tekniċi. Għal din ir-raġuni, għandu jkun possibbli li jitfasslu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi f’termini ta’ twettieq u ħtiġijiet funzjonali u, fejn tintgħamel riferenza għall-istandard Ewropew jew, fl-assenza tiegħu, għall-istandard nazzjonali, offerti bażati fuq arranġamenti oħra ekwivalenti li jilħqu l-ħtiġijiet ta’ l-entitajiet kontraenti u huma ekwivalenti f’termini ta’ sigurtà għandhom jitqiesu mill-entitajiet kontraenti. Biex tintwera ekwivalenza, persuni li jagħmlu l-offerti għandhom jiġu permessi li jużaw kull forma ta’ xhieda. Entitajiet kontraenti għandhom ikunu jistgħu jipprovdu raġuni għal kull deċiżjoni li l-ekwivalenza ma teżistix f’każ imsemmi. […]”

4

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti”, jipprovdi:

“Entitajiet kontraenti għandhom jittrattaw lil operaturi ekonomiċi ugwalment (indaqs) u mhux b’mod diskriminatorju u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti.”

5

L-Artikolu 34 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Speċifikazzjonijiet Tekniċi”, jipprevedi:

“1.   Speċifikazzjonijiet tekniċi kif definiti f’punt 1 ta’ l-Anness XXI għandhom jiġu dikjarati fid-dokumentazzjoni tal-kuntratt, bħal avviżi tal-kuntratt, dokumenti tal-kuntratt jew dokumenti addizzjonali. Kull meta jkun possibbli dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu definiti sabiex jitqiesu kriterji ta’ aċċessibilita għal persuni b’diżabilitajiet jew disinn għall-utenti kollha.

2.   Speċifikazzjonijiet tekniċi għandhom joffru aċċess ugwali għal persuni li jagħmlu l-offerti u m’għandux ikollhom l-effett li joħolqu ostakoli mhux ġustifikati għall-ftuħ ta’ akkwist pubbliku għall-kompetizzjoni.

3.   Mingħajr preġudizzju għal regoli tekniċi nazzjonali li jorbtu legalment, sal-punt li huma kompatibbli mal-liġi [tal-Unjoni], l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu formulati:

(a)

jew permezz ta’ riferenza għal speċifikazzjonijiet tekniċi definiti fl-Anness XXI u, f’ordni skond il-preferenza, standards nazzjonali li jbiddlu [jittrasponu] standards Ewropej, approvazzjonijiet tekniċi Ewropej, speċifikazzjonijiet tekniċi komuni, standards internazzjonali, sistemi oħra tekniċi ta’ riferenza stabbiliti mill-korpijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej jew – fejn dawn ma jeżistux – standards nazzjonali, approvazzjonijiet tekniċi nazzjonali jew speċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali li għandhom x’jaqsmu mad-disinn, il-kalkolu u l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet u l-użu tal-prodotti. Kull riferenza għandha tiġi akkompanjata mill-kliem jew ‘ekwivalenti’;

(b)

jew f’termini ta’ twettieq jew ħtiġijiet funzjonali; dawn ta’ l-aħħar jistgħu jinkludu karatteristiċi ambjentali. Madankollu, dawn il-parametri jridu jkunu preċiżi biżżejjed biex jippermettu lill-persuni li jagħmlu l-offerti biex jistabbilixxu l-kontenut tas-suġġett tal-kuntratt u jippermettu lill-entitajiet kontraenti li jagħtu l-kuntratt;

(ċ)

jew f’termini ta’ twettieq jew ħtiġijiet funzjonali kif imsemmi f’sottoparagrafu (b), b’riferenza għall-ispeċifikazzjonijiet imsemmija f’sottoparagrafu (a) bħala mezz li bih titqies konformita ma’ dan it-twettieq jew ħtieġijiet funzjonali;

(d)

jew billi jirreferu għall-ispeċifikazzjonijiet imsemmija f’sottoparagrafu (a) għal ċerti karatteristiċi, u billi jirreferu għat-twettieq jew il-ħtiġijiet funzjonali msemmija f’sottoparagrafu (b) għal karatteristiċi oħra.

4.   Fejn entità kontraenti tagħmel użu mill-għażla li tirreferi għall-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3(a), ma tistax tirrifjuta offerta fuq il-bażi li l-prodotti u s-servizzi offruti ma jikkonformawx ma’ l-ispeċifikazzjonijiet li għalihom tkun irreferiet, ladarba l-persuna li tagħmel l-offerti tagħti xhieda fl-offerta tagħha għas-sodisfazzjoni ta’ l-entità kontraenti, bi kwalunkwe mezz xieraq, li s-soluzzjonijiet li hija tipproponi jissodisfaw f’manjiera ekwivalenti l-ħtiġijiet definiti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

Mezz xieraq jista’ jiġi kostitwit minn dossier tekniku mill-fabbrikant jew rapport test minn korp magħruf.

5.   Fejn entità kontraenti tuża l-għażla provduta fil-paragrafu 3 li tippreskrivi twettieq jew ħtiġijiet funzjonali, ma tistax tirrifjuta offerta għal prodotti, servizzi jew xogħlijiet li jikkonformaw ma’ standard nazzjonali li jbiddel standard Ewropew, ma’ approvazzjoni tekniku Ewropew, speċifikazzjoni teknika komuni, standard internazzjonali, jew sistema teknika ta’ riferenza stabbilita minn korp ta’ standardizzazzjoni Ewropew, jekk dawk l-ispeċifikazzjonijiet jindirizzaw it-twettieq jew ħtiġijiet funzjonali li tkun ippreskriviet.

Fl-offerta tagħha, l-persuna li tagħmel l-offerti għandha tagħti xhieda għas-sodisfazzjon ta’ l-entità kontraenti u permezz ta’ kull mezz xieraq li l-prodott, is-servizz jew ix-xogħol f’konformita ma’ l-istandard jilħqu t-twettieq jew ħtiġijiet funzjonali ta’ l-entità kontraenti.

Mezz xieraq jista’ jiġi kostitwit minn dossier tekniku mill-fabbrikant jew rapport test minn korp magħruf.

[…]

7.   ‘Korpijiet magħrufa’, fit-tifsira ta’ dan l-Artikolu, huma laboratorji ta’ test u kalibrazzjoni, u korpijiet ta’ ċertifikazzjoni u spezzjoni li jikkonformaw ma’ standards applikabbli Ewropej.

Entitajiet kontraenti għandhom jaċċettaw ċertifikati minn korpijiet magħrufa stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra.

8.   Sakemm mhux ġustifikat mill-kontenut tas-suġġett tal-kuntratt, speċifikazzjonijiet tekniċi m’għandhomx jirreferu għal għamla jew sors speċifiku, jew proċess partikolari, jew għal marki tal-fabbrika, patentijiet, tipi jew oriġinu jew produzzjoni speċifika bl-effett li jiġu favoriti jew eliminati ċerti impriżi jew ċerti prodotti. Din ir-riferenza għandha tiġi permessa, fuq bażi eċċezzjonali, fejn deskrizzjoni preċiża u intelliġenti (intelligible) biżżejjed tal-kontentut tas-suġġett tal-kuntratt skond il-paragrafi 3 u 4 mhijiex possibbli; din ir-riferenza għandha tiġi akkompanjata mill-kliem ‘jew ekwivalenti’.”

6

L-Artikolu 49 tad-Direttiva 2004/17, intitolat “Tagħrif għal applikanti għall-kwalifika, kandidati u persuni li jagħmlu l-offerti”, jipprovdi fit-tieni inċiż tal-paragrafu 2:

“ Fuq talba mill-parti konċernata, entitajiet kontraenti għandhom, kemm jista’ jkun malajr, jgħarrfu:

[…]

kull persuna li tagħmel l-offerti bir-raġunijiet għar-rifjut ta’ l-offerta tagħha, inkluż, għall-każijiet riferiti fl-Artikolu 34(4) u (5), ir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom ta’ nuqqas ta’ ekwivalenza jew id-deċiżjonijiet tagħhom li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi ma jilħqux il-ħtiġijiet tat-twettieq jew tat-tip funzjonali”.

7

L-Artikolu 51 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Entitajiet kontraenti għandhom jivverifikaw li l-offerti sottomessi mill-persuni li jagħmlu l-offerti magħżula jikkonformaw mar-regoli u l-ħtiġijiet applikabbli għal offerti u jagħtu l-kuntratt fuq il-bażi tal-kriterji preskritti fl-Artikoli 55 u 57.”

Id-dritt Taljan

8

Skont l-Artikolu 68 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163 – Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 163 li jistabbilixxi l-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi għal Xogħlijiet, għal Servizzi u għal Provvisti li jittrasponi d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE), tat-12 ta’ April 2006 (GURI Nru 100, tat-2 ta’ Mejju 2006), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatt tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006”):

“1.   L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif definiti f’punt 1 tal-Anness VIII jidhru fid-dokumentazzjoni tal-kuntratt, bħal avviżi ta’ kuntratt, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew dokumenti addizzjonali. Kull meta jkun possibbli dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu definiti sabiex jitqiesu l-kriterji ta’ aċċessibilità għal persuni b’diżabilitajiet jew disinn għall-utenti kollha kif ukoll il-protezzjoni tal-ambjent.

2.   L-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom joffru aċċess ugwali għal persuni li jagħmlu l-offerti u m’għandux ikollhom l-effett li joħolqu ostakoli mhux ġustifikati għall-ftuħ ta’ akkwist pubbliku għall-kompetizzjoni.

3.   Mingħajr preġudizzju għal regoli tekniċi nazzjonali li jorbtu legalment, sal-punt li huma kompatibbli mal-liġi Komunitarja, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu fformulati:

(a)

jew b’referenza għal speċifikazzjonijiet tekniċi definiti fl-Anness VIII u, f’ordni ta’ preferenza, għal standards nazzjonali li jittrasponu standards Ewropej, approvazzjonijiet tekniċi Ewropej, speċifikazzjonijiet tekniċi komuni, standards internazzjonali, sistemi oħra ta’ referenza teknika stabbiliti mill-korpi standarizzanti Ewropej jew - fejn dawn ma jeżistux - skont standards nazzjonali, approvazzjonijiet tekniċi nazzjonali jew speċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali relatati mat-tifsil, kalkolu u twettiq tax-xogħlijiet u implimentazzjoni tal-prodotti. Kwalunkwe referenza għandha tkun segwita bit-terminu “jew ekwivalenti”;

[…]

4.   Fejn awtoritajiet kontraenti jagħmlu użu mill-għażla li jirreferu għall-ispeċifikazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3(a), ma jistgħux jirrifjutaw offerta fuq il-bażi li l-prodotti u servizzi li nxteħtet l-offerta għalihom ma jikkonformax mal-ispeċifikazzjonijiet li għalihom tkun irreferiet, darba min jixħet l-offerta jipprova fl-offerta tiegħu għas-sodisfazzjon ta’ l-awtorità kontraenti, b’kull mezz xieraq li s-soluzzjonijiet li hu jipproponi jissodisfaw f’manjera ekwivalenti l-ħtiġijiet definiti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

5.   Mezz xieraq jista’ jieħu l-forma ta’ fajl tekniku tal-manifattur jew rapport dwar test minn korp rikonoxxut.

6.   L-operatur ekonomiku li joffri soluzzjonijiet ekwivalenti mar-rekwiżiti definiti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jirrapportaha b’dikjarazzjoni separata, li huwa jehmeż mal-offerta tiegħu.

[…]

13.   Sakemm mhux ġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt, speċifikazzjonijiet tekniċi ma għandhomx jirreferu għal għamla jew oriġini speċifika, jew proċess partikolari, jew għal trade marks, privattivi, tipi jew oriġini jew produzzjoni speċifika bl-effett li jiġu favoriti jew eliminati ċerti impriżi jew ċerti prodotti. Din ir-riferenza għandha tiġi permessa, fuq bażi eċċezzjonali, fejn deskrizzjoni biżżejjed preċiża u li tinftiehem tas-suġġett tal-kuntratt skont il-paragrafi 3 u 4 ma hijiex possibbli; din ir-riferenza għandha tiġi akkompanjata mill-kliem ‘jew ekwivalenti’.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-25 ta’ Frar 2015, ATM nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa għall-għoti ta’ kuntratt dwar “il-provvista ta’ spare parts oriġinali u/jew tagħmir oriġinali u/jew ekwivalenti għal karozzi tal-linja u trolleybuses IVECO”.

10

Il-valur tal-kuntratt kien stmat għal EUR 3350000 eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). L-offerti kellhom jiġu evalwati fid-dawl tal-kriterju tal-irħas prezz, bil-possibbiltà ta’ ftuħ mill-ġdid ta’ kompetizzjoni wara l-ewwel offerti, peress li l-bażi ta’ ftuħ mill-ġdid ta’ kompetizzjoni kienet l-aħjar offerta sottomessa.

11

L-ispare parts li għandhom jiġu pprovduti kienu indikati fuq lista stabbilita minn ATM. Din il-lista kienet espressament tirreferi għal parts ta’ trade mark speċifika (FIAT/IVECO). L-għadd ta’ spare parts differenti proposti fl-offerta kien ta’ madwar 2200.

12

Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-dokumenti tal-kuntratt, kienu kkunsidrati bħala “spare parts oriġinali” parts ipprovduti mill-manifattur tal-vettura, iżda wkoll minn fornituri tal-manifattur li setgħu jiċċertifikaw li dawn kienu ġew prodotti skont l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards ta’ produzzjoni ddefiniti mill-manifattur tal-vettura. L-“ispare parts ekwivalenti” kienu ddefiniti bħala l-parts immanifatturati minn kwalunkwe impriża li tiċċertifika li l-kwalità tal-ispare parts tikkorrispondi għal dik tal-komponenti użati għall-immuntar tal-vettura u għal dik tal-ispare parts ipprovduti mill-manifattur tal-vettura”.

13

Għal dak li jikkonċerna l-metodi tal-offerta, id-dokumenti tal-kuntratt kienu jipprevedu li l-offerent kellu jindika bis-sigla “EQ” kull prodott offrut bħala “ekwivalenti” għall-ispare part ta’ IVECO.

14

Ġie wkoll ippreċiżat fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li, fil-każ ta’ sejħiet għall-offerti, il-forniment ta’ parts ekwivalenti ma huwiex aċċettat minn ATM ħlief jekk dawn il-parts kienu s-suġġett ta’ approvazzjonijiet jew ċertifikati ta’ ekwivalenza għall-oriġinali tal-prodotti offruti.

15

Żewġ impriżi li pparteċipaw fil-proċedura, Iveco Orecchia, li fil-kwalità tagħha ta’ konċessjonarja esklużiva ta’ grupp produttur tal-ispare parts ikkonċernati fir-rigward tal-Majjistral tal-Italja tista’ toffri parts oriġinali, u VAR. Fi tmiem il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, VAR ġiet ikklassifikata fl-ewwel post.

16

Iveco Orecchia ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lil VAR quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (it-Tribunal Amministrattiv Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja), li laqgħet it-talba tagħha. Dan it-tribunal għalhekk annulla din id-deċiżjoni minħabba li, b’mod partikolari, VAR ma pproduċietx il-prova ta’ ekwivalenza tal-prodotti li hija pproponiet meta mqabbla mal-parts oriġinali la meta ssottomettiet l-offerta tagħha u lanqas matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. VAR, sostnuta minn ATM, appellat minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja). ATM, sostnuta minn VAR, irrilevat ukoll appell mill-imsemmija sentenza quddiem din il-qorti, li għaqdithom flimkien.

17

Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jenfasizza li la l-kliem tal-leġiżlazzjoni speċifika tas-sejħa għal offerti u lanqas l-Artikolu 68(13) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 jipprevedu li evidenza tal-ekwivalenza tal-prodott oriġinali għandha tiġi pprovduta mill-offerent matul is-sejħa għal offerti. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 68(13) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, li jikkostitwixxi t-traspożizzjoni fid-dritt intern tal-Artikolu 34(8) tad-Direttiva 2004/17, huwa differenti fil-każ fejn l-awtorità kontraenti tiddefinixxi l-prodotti li huma s-suġġett tal-kuntratt skont l-Artikolu 68(3) tal-istess digriet leġiżlattiv, jiġifieri fil-każ fejn l-offerent ikun marbut juri fil-fażi tas-sejħa tal-offerti li s-soluzzjonijiet li huwa jipproponi jissodisfaw b’mod ekwivalenti r-rekwiżiti ddefiniti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Barra minn hekk, din il-qorti tispeċifika li għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fid-dokumenti tal-kuntratt skont liema, fil-każ ta’ prodotti ekwivalenti, l-ekwivalenza għandha tiġi murija permezz ta’ ċertifikat xieraq tal-manifattur, li għandu jiġi ppreżentat lill-awtorità kontraenti “fl-ewwel kunsinna ta’ spare part ekwivalenti” [tradizzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 34(8) tad-Direttiva 2004/17 tista’ tirrikjedi li l-prova tal-ekwivalenza tingħata fuq sottomissjoni ta’ offerta.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Prinċipalment: l-Artikolu 34(8) tad-Direttiva 2004/17/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-prova ta’ ekwivalenza bejn il-prodotti li għandhom jiġu pprovduti u l-prodotti tal-oriġini tkun ippreżentata fil-kuntest tal-offerta?

2)

Sussidjarjament għall-ewwel domanda, fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda ta’ interpretazzjoni [fil-punt 1] iktar ’il fuq: b’liema mod tista’ tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ imparzjalità, ta’ kompetizzjoni ġusta u ta’ amministrazzjoni tajba, kif ukoll tad-drittijiet ta’ difiża u tal-kontradittorju tal-offerenti l-oħra?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

19

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 34(8) tad-Direttiva 2004/17 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fid-dokumenti tal-kuntratt jirreferu għal trade mark kummerċjali jew oriġini jew produzzjoni speċifika, l-entità kontraenti għandha teħtieġ li l-offerent juri diġà fl-offerta tiegħu, il-prova tal-ekwivalenza tal-prodotti proposti meta mqabbla ma’ dawk iddefiniti f’dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

20

Skont l-Artikolu 34(2) tad-Direttiva 2004/17, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jippermettu l-aċċess ugwali għall-offerenti u ma jistgħux ikollhom l-effett li joħolqu ostakoli mhux iġġustifikati għall-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi.

21

Huwa fid-dawl ta’ dan l-għan li l-Artikolu 34(8) tad-Direttiva 2004/17 jipprovdi li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma għandhomx jirreferu għal għamla jew sors determinat, jew proċess partikolari, la jagħmlu referenza għal trade mark, privattiva jew tip, għal oriġini jew produzzjoni determinata bl-effett li jiġu favoriti jew eliminati ċerti intrapriżi jew ċerti prodotti, sakemm ma jkunux iġġustifikati mis-suġġett tal-kuntratt. Referenza bħal din għandha tkun permessa biss fuq bażi eċċezzjonali, fil-każ fejn deskrizzjoni preċiża biżżejjed u tinftiehem tas-suġġett tal-kuntratt ma hijiex possibbli skont il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-artikolu. Referenza bħal din hija akkumpanjata mill-kliem “jew ekwivalenti”.

22

Din id-dispożizzjoni la tindika f’liema mument u lanqas b’liema mezzi n-natura “ekwivalenti” ta’ prodott propost minn offerent għandha tiġi ppruvata.

23

F’dan ir-rigward, jirriżulta espressament mill-Artikolu 34(3) sa (5), tad-Direttiva 2004/17 li l-offerent, fejn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi huma ddeterminati b’referenza għal ċerti standards u/jew f’termini ta’ prestazzjonijiet jew ta’ rekwiżiti funzjonali jew taħlita tagħhom, għandu jagħti prova fl-offerta tiegħu li dan kien jissodisfa r-rekwiżiti tad-dokumenti tal-kuntratt. Minn dan jirriżulta wkoll li tista’ tiġi prodotta prova “bi kwalunkwe mezz xieraq” u, f’dan ir-rigward, “[m]ezz xieraq jista’ jiġi kostitwit minn dossier tekniku mill-fabbrikant jew rapport test minn korp magħruf”.

24

B’hekk jirriżulta mill-paragrafi 3 sa 5 tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2004/17 jirriżulta li dawn jistabbilixxu regoli ġenerali dwar l-abbozzar ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, il-mezzi li bihom l-offerent jista’ jipprova li l-offerta tiegħu tissodisfa r-rekwiżiti li jidhru f’dawn l-ispeċifikazzjonijiet u l-mument li fih dawn il-provi għandhom jiġu rrapportati.

25

B’rabta ma’ dawn ir-regoli ġenerali, il-paragrafu 8 tal-imsemmi Artikolu 34 jipprevedi regoli speċifiċi li jirregolaw il-kundizzjonijiet li fihom tip partikolari ta’ definizzjoni tal-kontenut tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, b’mod partikolari ir-referenza għall-għamla jew sors determinat, jew proċess partikolari, jew referenza għal trade mark, għal privattiva jew tip, għal oriġini jew għal produzzjoni speċifika, huwa awtorizzat.

26

L-eċċezzjoni li tistabbilixxi, li min-natura tagħha għandha tiġi interpretata strettament, la ssemmi l-mument li fih l-offerent għandu jipprova li l-offerta tiegħu tissodisfa r-rekwiżiti li jidhru fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, u lanqas il-mezzi ta’ prova għad-dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar. Dawn l-elementi għalhekk jibqgħu suġġetti għar-regoli ġenerali li jinsabu fil-paragrafi 3 sa 5 tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2004/17.

27

Minn dan isegwi li, meta entità kontraenti tagħmel użu mill-possibbiltà mogħtija lilha mit-tieni sentenza tal-Artikolu 34(8) tal-imsemmija direttiva, hija għandha titlob mill-offerent li tixtieq tinvoka l-possibbiltà li tipproponi prodotti ekwivalenti għal dawk stabbiliti b’referenza għal trade mark, għal oriġini jew għal produzzjoni speċifika tiegħu, diġà fl-offerta tiegħu, il-prova ta’l-ekwivalenza tal-prodotti kkonċernati.

28

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata minn diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/17 u l-prinċipji li jirregolawha.

29

Qabel kollox, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza li huma stabbiliti fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jeħtieġu, b’mod partikolari, li l-offerenti għandhom ikunu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza kemm meta jkunu qegħdin jippreparaw l-offerti tagħhom kif ukoll meta dawn jiġu evalwati mill-awtorità kontraenti u jikkostitwixxu l-bażi tar-regoli tal-Unjoni dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, MT Højgaard u Züblin, C‑396/14, EU:C:2016:347, punt 37).

30

Issa, jekk offerent fi proċedura li fiha l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ġew iddefiniti skont il-mod partikolari u eċċezzjonali prevista fil-paragrafu 8 tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2004/17, kien awtorizzat li jagħti prova tal-ekwivalenza tal-prodotti tiegħu wara l-preżentata tal-offerta tiegħu, l-offerti ppreżentati mill-offerenti kollha ma jkunux soġġetti għall-istess kundizzjonijiet fil-mument tal-evalwazzjoni tagħhom.

31

L-Artikolu 51(3) tad-Direttiva 2004/17 jipprovdi li l-entitajiet kontraenti jivverifikaw il-konformità tal-offerti ppreżentati mill-offerenti magħżula mar-regoli u r-rekwiżiti applikabbli għall-offerti. Bl-istess mod, mit-tieni inċiż tal-Artikolu 49(2) u mill-premessa 42 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-entitajiet kontraenti għandhom jipprovdu raġuni għal kull deċiżjoni li tikkonkludi n-nuqqas ta’ ekwivalenza.

32

Issa, tali verifika u l-adozzjoni eventwali ta’ deċiżjoni li ssib nuqqas ta’ ekwivalenza jista’ jsir biss wara l-ftuħ tal-offerti, fl-istadju tal-evalwazzjoni ta’ dawn mill-entità kontraenti, u jeħtieġu li din l-entità għandha l-provi li jippermettulha tevalwa jekk u kemm l-offerti ppreżentati jissodisfaw ir-rekwiżiti li jidhru fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, taħt piena ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ irregolarità fl-iżvolġiment tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti.

33

Rigward il-mezzi li bihom l-offerenti jistgħu juru l-ekwivalenza tas-soluzzjonijiet li joffru, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2004/17 għandhom japplikaw ukoll fi proċedimenti fejn il-modalità partikolari ta’ fformular tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, prevista fil-paragrafu 8 tal-imsemmi artikolu, ġiet adottata, li jfisser l-użu ta’ kull mezz xieraq huwa permess.

34

Minn dan jirriżulta li, jekk l-awtorità kontraenti ma tistax tawtorizza lill-offerenti biex jipprovaw l-ekwivalenza tas-soluzzjonijiet li joffru wara d-depożitu tal-offerti tagħhom, dik l-entità għandha setgħa diskrezzjonali fl-iffissar ta’ mezzi li jistgħu jintużaw mill-offerenti sabiex jagħtu prova ta’ din l-ekwivalenza fl-offerti tagħhom. Din is-setgħa għandha, madankollu, tiġi eżerċitata b’tali mod li l-mezzi ta’ prova ammessi mill-entità kontraenti effettivament jippermettu lil dik l-entità twettaq evalwazzjoni utli tal-offerti li tressqu quddiemha u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan isir, filwaqt li jiġi evitat li dawn il-mezzi ta’ prova ma joħolqux ostakoli mhux iġġustifikati għal ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għal kompetizzjoni, bi ksur tal-Artikolu 34(2) tad-Direttiva 2004/17.

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 34(8) tad-Direttiva 2004/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fid-dokumenti tal-kuntratt jirreferu għal trade mark, għal oriġini jew għal produzzjoni speċifika, l-entità kontraenti għandha teħtieġ li l-offerent juri diġà fl-offerta tiegħu, il-prova tal-ekwivalenza tal-prodotti proposti meta mqabbla ma’ dawk iddefiniti f’dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

Fuq it-tieni domanda

36

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 34(8) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti [għoti ta’ kuntratti] ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fid-dokumenti tal-kuntratt jirreferu għal trade mark, għal oriġini jew għal produzzjoni speċifika, l-entità kontraenti għandha teħtieġ li l-offerent juri diġà fl-offerta tiegħu, il-prova tal-ekwivalenza tal-prodotti proposti meta mqabbla ma’ dawk iddefiniti f’dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top