EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0704

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati l-31 ta’ Jannar 2019.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:85

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil‑31 ta’ Jannar 2019 (1)

Kawża C704/17

D. H.

fil-preżenza ta’:

Ministerstvo vnitra

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 6 u 47 – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 9 – Garanziji għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li huma suġġetti għal detenzjoni amministrattiva – Stħarriġ ġudizzjarju ta’ tali deċiżjonijiet – Dritt għal rimedju effettiv – Regoli nazzjonali li jagħlqu l-proċess ta’ stħarriġ ġudizzjarju mal-ħelsien ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali”






1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/33/UE (2) li tipprovdi garanziji għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali mqiegħda f’detenzjoni amministrattiva abbażi ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk din id-direttiva moqrija flimkien mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3), b’mod partikolari d-drittijiet għal-libertà u għas-sigurtà u għal rimedju effettiv stabbiliti minnha, jipprekludux regoli nazzjonali li jipprevedu li proċeduri li jikkontestaw deċiżjoni ta’ detenzjoni għandhom jingħalqu jekk il-persuna kkonċernata tinħeles.

2.        Il-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju teħtieġ, inter alia, li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv flimkien mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ekwivalenza u ta’ effettività fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali nazzjonali.

 Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”)

3.        L-Artikolu 5(1) tal-KEDB (4) jipprovdi li “[k]ulħadd għandu d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-persuna”. L-Artikolu 5(4) jistabbilixxi li “[k]ull min ikun ipprivat mil-libertà tiegħu b’arrest jew detenzjoni jkollu dritt li jagħmel proċeduri biex il-legalità tad-detenzjoni tiegħu tiġi deċiża malajr minn qorti u l-libertà tiegħu tiġi ordnata jekk id-detenzjoni ma tkunx skont il-liġi”. Skont l-Artikolu 5(5), “[k]ull min ikun vittma ta’ arrest jew detenzjoni bi ksur tad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jkollu dritt esegwibbli għal kumpens”.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Karta

4.        L-Artikolu 6 jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà” (5). Id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 5 tal-KEDB ma humiex speċifikament irriprodotti.

5.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 jistabbilixxi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti (6).

6.        Skont l-Artikolu 51(1), id-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri “biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”.

7.        Skont l-Artikolu 52(1), “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti [mill‑]Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”. L-Artikolu 52(3) jistabbilixxi li “[sa fejn] il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-[KEDB]. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva”. L-Artikolu 52(7) jipprovdi li l-qrati tal-Unjoni u tal-Istati Membri għandhom jagħtu “il-kunsiderazzjoni dovuta” lill-“ispjegazzjonijiet imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni [tal‑]Karta” (7).

8.        L-Ispjegazzjonijiet jagħmluha ċara li “[i]d-drittijiet previsti fl-Artikolu 6 jikkorrispondu mad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 5 tal-KEDB, u, skond l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandhom l-istess sens u ambitu”. Għaldaqstant, “il-limitazzjonijiet li b’mod leġittimu jistgħu jiġu imposti [fuq dawn id-drittijiet] ma jistgħux jeċċedu dawk permessi mill-KEDB”. L-Ispjegazzjonijiet jindikaw li l-protezzjoni ggarantita fl-Artikolu 47 tal-Karta hija iktar estiża minn dik prevista mill-Artikolu 13 tal-KEDB, billi tiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti.

 Id-Direttiva 2013/32

9.        L-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2013/32 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (8) jipprovdi li “[f]ejn applikant jinżamm f’detenzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm il-possibbiltà ta’ reviżjoni ġudizzjarja rapida taħt id-Direttiva 2013/33”.

 Id-Direttiva 2013/33

10.      Il-premessi tad-Direttiva 2013/33 jinkludu d-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

–        Il-Kunsill Ewropew adotta l-Programm ta’ Stokkolma (9) li tenna impenn għall-għan li tiġi stabbilita żona komuni ta’ protezzjoni u solidarjetà bbażata fuq proċedura komuni tal-ażil u status uniformi għal dawk li jingħataw protezzjoni internazzjonali bbażata fuq standards għolja ta’ protezzjoni u proċeduri ġusti u effettivi (premessa 5);

–        Fir-rigward tat-trattament ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri huma marbuta b’obbligi skont l-istrumenti tad-dritt internazzjonali li fihom huma partijiet (premessa 10);

–        Tali persuni jistgħu jinżammu f’detenzjoni biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali ddefiniti b’mod ċar ħafna stipulati fid-Direttiva 2013/33 u suġġett għall-prinċipji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità fir-rigward kemm tal-forma kif ukoll tal-iskop ta’ tali detenzjoni; meta applikant għal protezzjoni internazzjonali jinżamm f’detenzjoni huwa għandu jkollu aċċess effettiv għall-garanziji proċedurali neċessarji, bħar-rimedju ġudizzjarju quddiem awtorità ġudizzjarja nazzjonali (premessa 15); u

–        Id-Direttiva 2013/33 tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta; hija tfittex li tippromwovi l-applikazzjoni, inter alia, tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta u għandha tiġi implimentata b’dan il-mod (premessa 35).

11.      L-Artikolu 2 jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin. “[A]pplikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” hija “talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop [tad-Direttiva 2001/95], li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha” (10). L-“applikant” tfisser “ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha tkun għadha ma tteħditx deċizjoni finali” (11). Fl-aħħar nett, “detenzjoni” tfisser ir-“restrizzjoni ta’ applikant minn Stat Membru f’post partikulari, fejn l-applikant ikun imċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu jew tagħha” (12).

12.      L-Artikolu 3 jistabbilixxi li d-Direttiva 2013/33 tapplika “[…] għaċ-ċittadini kollha minn pajjiżi terzi u dawk apolidi li jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fit-territorju, inkluż fil-fruntiera fl-ibħra territorjali jew fiż-żoni ta’ transitu, ta’ Stat Membru, sakemm jitħallew joqogħdu fit-territorju bħala applikanti […]”.

13.      Skont l-Artikolu 4, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli fir-rigward ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti.

14.      L-Artikolu 8 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet sostantivi li jirregolaw id-detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. L-applikanti jistgħu jinżammu f’detenzjoni biss għar-raġunijiet stabbiliti mill-Artikolu 8(3). B’mod partikolari, l-Artikolu 8(3)(d) jippermetti lill-Istati Membri jżommu applikant għal protezzjoni internazzjonali f’detenzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115/KE (13) “sabiex iħejju r-ritorn u/jew iwettqu l-proċess ta’ tneħħija”, meta l-Istat Membru kkonċernat “jkun jista’ jiddeċiedi [jissostanzja] abbażi ta’ kriterji oġġettivi, inkluż li [l-persuna kkonċernata] diġà kellhom l-opportunità li jaċċessaw il-proċedura tal-asil, li hemm raġunijiet raġonevoli biex jemmen li huwa jew hija qed japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali sempliċiment sabiex itawwlu jew jipprevjenu l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn”. Ir-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu stabbiliti mid-dritt nazzjonali.

15.      L-Artikolu 9 huwa intitolat “Garanziji għal applikanti detenuti”. Huwa jipprovdi:

“1.      Applikant għandu jiġi detenut biss għal żmien qasir kemm jista’ jkun u għandu jinżamm detenut biss sakemm ikunu applikabbli r-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 8(3).

[…]

2.      Id-detenzjoni tal-applikanti għandha tiġi ordnata bil-miktub minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi. L-ordni tad-detenzjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet fil-fatt u bi dritt li fuqhom hija bbażata.

3.      Fejn id-detenzjoni tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu rieżami ġudizzjarju minnufih tal-legalità tad-detenzjoni li jiġi mwettaq ex officio u/jew fuq talba tal-applikant. Meta jitwettaq ex officio tali rieżami għandu jiġi deċiż mill-aktar fis possibbli mill-bidu tad-detenzjoni. Meta jitwettaq fuq talba tal-applikant, huwa għandu jiġi deċiż mill-aktar fis possibbli wara t-tnehdija tal-proċedimenti rilevanti. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu fil-liġi nazzjonali l-perjodu li fih għandhom jitwettqu r-rieżami ex officio u/jew ir-rieżami fuq talba tal-applikant.

Meta, b’riżultat tar-rieżami ġudizzjarju, id-detenzjoni tinstab li kienet illegali, l-applikant ikkonċernat għandu jinħeles minnufih.

4.      L-applikanti detenuti għandhom jiġu infurmati minnufih bil-miktub, f’lingwa li jifhmu jew li huma raġonevolment mistennija li jifhmu, dwar ir-raġunijiet għad-detenzjoni u l-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali għall-kontestazzjoni tal-ordni tad-detenzjoni, kif ukoll dwar il-possibbiltà li jitolbu assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas.

5.      Id-detenzjoni għandha tiġi riveduta minn awtorità ġudizzjarja f’intervalli raġonevoli ta’ żmien, ex officio u/jew fuq talba tal-applikant ikkonċernat, b’mod partikolari kull meta din tkun għal perjodu estiż, iqumu ċirkostanzi relevanti jew issir disponibbli informazzjoni ġdida li jista’ jkollhom effett fuq il-legalità tad-detenzjoni.

6.      Fil-każijiet ta’ rieżami ġudizzjarju tal-ordni tad-detenzjoni previst fil-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-applikanti għandhom aċċess għal assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas. Din għandha tinkludi, mill-inqas, it-tħejjija tad-dokumenti proċedurali meħtieġa u parteċipazzjoni fis-smigħ quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji f’isem l-applikant.

[…]”

 Id-dritt nazzjonali

16.      Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li, sal-14 ta’ Awwissu 2017, id-dispożizzjonijiet dwar l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet ta’ detenzjoni stabbiliti mill-Artikolu 46a(6) sa (9) taz-Zákon č. 325/1999 Sb., o azylu (il-Liġi Nru 325/1999 dwar l-Ażil) kienu jippermettu lill-applikanti jikkontestaw deċiżjoni ta’ detenzjoni f’terminu ta’ 30 jum mid-data tan-notifika ta’ tali deċiżjoni. Il-Krajský soud (il-Qorti Reġjonali, ir-Repubblika Ċeka) – il-qorti tal-ewwel istanza – kienet obbligata tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors f’terminu ta’ sebat ijiem ta’ xogħol mid-data li fih jiġi ppreżentat il-fajl amministrattiv. Appell fuq punt ta’ liġi minn tali deċiżjoni seta’ jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju.

17.      B’effett mill-15 ta’ Awwissu 2017, l-Artikolu 46a(9) tal-Liġi Nru 325/1999 dwar l-Ażil ġie emendat bil-Liġi Nru 222/2017. Skont il-verżjoni emendata tal-Artikolu 46a(9) (14) (skont l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju), meta applikant għal protezzjoni internazzjonali jinħeles qabel ma tingħata d-deċiżjoni tal-qorti fuq rikors li jikkontesta deċiżjoni ta’ detenzjoni, dik il-qorti issa għandha awtomatikament tagħlaq il-proċeduri pendenti quddiemha. L-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jinformaw lill-qorti adita mingħajr dewmien bil-ħelsien tal-applikant. Dawn ir-regoli japplikaw kemm għall-proċeduri tal-ewwel istanza u, mutatis mutandis, għall-proċeduri tal-appell quddiem il-qorti tar-rinviju.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

18.      Fl-20 ta’ Marzu 2017, irriżulta li D. H. kien qiegħed jgħix fit-territorju tar-Repubblika Ċeka mingħajr dokumenti tal-ivvjaġġar validi jew permess ta’ residenza. Ittieħdet deċiżjoni ta’ tneħħija fil-konfront tiegħu li kienet tinkludi projbizzjoni ta’ dħul u nżamm f’detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija. Sussegwentement, D. H. applika għal protezzjoni internazzjonali fit-territorju tar-Repubblika Ċeka. Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2017, l-awtoritajiet kompetenti żammewh ulterjorment f’detenzjoni għar-raġuni li huwa kien ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali bl-għan uniku li jirregolarizza l-istatus ta’ residenza tiegħu u jevita li jitneħħa mir-Repubblika Ċeka (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ detenzjoni”).

19.      D. H. ikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Krajský soud (il-Qorti Reġjonali). Fl-4 ta’ Lulju 2017, dik il-qorti ċaħdet l-azzjoni ta’ D. H. bħala infondata. Fis-16 ta’ Awwissu 2017, jiġifieri jum wara d-dħul fis-seħħ tal-miżura nazzjonali inkwistjoni, D. H. ikkontesta dik is-sentenza fuq punt ta’ liġi quddiem il-qorti tar-rinviju.

20.      Fil-frattemp, fil-5 ta’ April 2017, D. H. irtira l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Huwa sussegwentement inħeles u, fil-5 ta’ Mejju 2017, telaq volontarjament mit-territorju tar-Repubblika Ċeka sabiex jivvjaġġa lejn ir-Repubblika tal-Bjelorussja. L-awtoritajiet kompetenti informaw lill-qorti tar-rinviju bil-ħelsien tiegħu u talbu li l-proċeduri tal-appell pendenti quddiem dik il-qorti jingħalqu, skont il-miżura nazzjonali inkwistjoni.

21.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi:

“L-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33 […] flimkien mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta […] tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix [lill-qorti tar-rinviju] tistħarreġ deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonċerna d-detenzjoni ta’ ċittadin barrani wara li dan iċ-ċittadin barrani jkun ġie meħlus mid-detenzjoni?”

22.      Ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-kawża ġiet assenjata lill-Awla Manja. Minkejja l-importanza manifesta tal-kwistjonijiet ikkonċernati, ma nżammet ebda seduta.

 Evalwazzjoni

 Ammissibbiltà

23.      Skont ġurisprudenza stabbilita, fi proċeduri skont l-Artikolu 267 TFUE, il-qorti nazzjonali, li hija l-unika waħda li għandha għarfien dirett tal-fatti tal-kawża, tinsab fl-aqwa pożizzjoni sabiex tevalwa, b’għarfien sħiħ tal-fatti, il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha. Konsegwentement, meta d-domanda magħmula minn qorti nazzjonali tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija obbligata tagħti deċiżjoni.

24.      D. H. inħeles mid-detenzjoni (u sussegwentement telaq mit-territorju tar-Repubblika Ċeka). Għalhekk tqum kwistjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja ser teżamina ex officio, dwar jekk il-qorti tar-rinviju hijiex qiegħda tfittex li tingħata opinjoni ġenerali jew kjarifiki dwar domanda ipotetika, ħaġa li tirrendi r-rinviju għal deċiżjoni preliminari inammissibbli (15).

25.      Fl-opinjoni tiegħi, dan ma huwiex il-każ. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ detenzjoni nfisha ma ġietx annullata, u li skont id-dritt nazzjonali applikant għandu jikseb l-annullament tad-deċiżjoni ta’ detenzjoni qabel ma jressaq talba għal kumpens minħabba detenzjoni illegali. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-għeluq awtomatiku jċaħħad lil tali applikanti mid-dritt għal tali kumpens. Din l-opinjoni hija kkontestata mill-Gvern Ċek.

26.      Ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq l-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li huma rilevanti għad-determinazzjoni tal-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, il-kuntest leġiżlattiv li fih tidħol id-domanda preliminari, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju (16). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa l-kwistjoni tal-konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni fil-kawża li jkollha quddiemha (17).

27.      Peress li jibqa’ possibbli li D. H. ikun jixtieq ikompli bil-proċeduri għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ detenzjoni tiegħu u l-qorti tar-rinviju jidhrilha li r-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti għad-domanda magħmula hija rilevanti għall-evalwazzjoni tagħha fil-kawża prinċipali, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina din id-domanda.

 Rimarki ġenerali

28.      Huwa paċifiku li D. H. applika għal protezzjoni internazzjonali u għalhekk huwa applikant fis-sens tad-Direttiva 2013/33 (18). Lanqas ma huwa kkontestat li, b’riżultat tad-deċiżjoni ta’ detenzjoni, huwa nżamm f’detenzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva.

29.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li, filwaqt li l-verżjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali fis-seħħ qabel il-15 ta’ Awwissu 2017 kienet tapplika għall-proċeduri ta’ D. H. għall-kontestazzjoni tad-deċiżjoni ta’ detenzjoni fl-ewwel istanza, il-verżjoni emendata ta’ din id-dispożizzjoni, li teżiġi l-għeluq awtomatiku, issa tapplika fil-proċeduri quddiemha.

30.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33 jipprekludix il-miżura nazzjonali inkwistjoni. Dik il-qorti hija konxja mir-responsabbiltà tagħha, u dan huwa ta’ min ifaħħru, li, jekk ikun hemm bżonn, tagħti effett sħiħ lil din id-direttiva mingħajr ma tistenna t-tneħħija minn qabel tal-miżura nazzjonali inkwistjoni permezz ta’ proċedura leġiżlattiva jew ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (19). Hija konxja wkoll mill-fatt li, sa fejn huwa possibbli, hija obbligata tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-kliem u tal-għanijiet tad-Direttiva 2013/33 sabiex tagħti effett lir-riżultat intiż (20), sabiex tiżgura li d-direttiva inkwistjoni tkun effettiva u li l-eżitu tal-proċeduri quddiemha jkun konsistenti mal-għan li d-direttiva tfittex li tilħaq (21). Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-miżura nazzjonali inkwistjoni li teżiġi l-għeluq awtomatiku tapplika għall-proċeduri kollha, kemm għal dik fl-ewwel istanza kif ukoll għal dik tal-appell.

31.      Meta l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji tal-Istati Membri japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2013/33, huma jkunu qegħdin jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (22). Għalhekk huma obbligati jirrispettaw id-drittijiet fundamentali għal-libertà u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbiliti mill-Artikoli 6 u 47 tal-Karta.

32.      Sa fejn il-Karta tistabbilixxi drittijiet li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-portata tagħhom għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti minn din il-Konvenzjoni (23). L-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta jiddikjaraw li l-Artikolu 6 jikkorrispondi għall-Artikolu 5 tal-KEDB, filwaqt li l-Artikolu 47 tal-Karta jestendi l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 13 tal-KEDB (24). Għaldaqstant, il-limitu minimu ta’ protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti għandu jiġi ddeterminat mhux biss b’riferiment għat-test tal-KEDB (25), iżda wkoll, inter alia, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (26).

33.      Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqis żewġ kwistjonijiet. L-ewwel nett, sa fejn jestendi d-dritt ta’ aċċess għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ detenzjoni skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33? It-tieni nett, sa fejn japplikaw għal proċeduri tal-appell li jistħarrġu l-legalità ta’ tali detenzjoni l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-istħarriġ ġudizzjarju fl-ewwel istanza?

 L-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ detenzjoni: l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33

34.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33 jistabbilixxi kundizzjonijiet sostantivi stretti li jirregolaw id-detenzjoni amministrattiva ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 9 jipprevedi numru ta’ garanziji importanti għal dawk li jinżammu f’detenzjoni b’dan il-mod. Dawn jinkludu li l-persuna kkonċernata għandha tinżamm f’detenzjoni biss sakemm ikunu applikabbli r-raġunijiet previsti fl-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva (Artikolu 9(1)). Id-deċiżjoni tar-rinviju ma hijiex espliċita f’dan ir-rigward, iżda jidher li D. H. inżamm f’detenzjoni abbażi tal-Artikolu 8(3)(d) (27).

35.      Meta applikant jinżamm f’detenzjoni, huwa għandu jkollu l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju rapidu tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ detenzjoni (28). Huwa jingħata salvagwardji proċedurali anċillari importanti: id-dritt li jiġi informat f’lingwa li jifhem dwar ir-raġunijiet għad-detenzjoni tiegħu u l-proċeduri għall-kontestazzjoni ta’ ordni ta’ detenzjoni (29) u d-dritt ta’ aċċess għal assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas (30). Meta d-detenzjoni tal-applikant tinstab li hija illegali, huwa għandu jinħeles minnufih.

36.      Peress li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33 għandhom jinqraw fid-dawl tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta u tad-dispożizzjonijiet tal-KEDB li għalihom tirreferi l-Karta, għandhom qabelxejn jitfakkru l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti mill-KEDB.

37.      L-Artikolu 5(1) tal-KEDB jipprovdi li ħadd ma għandu jiċċaħħad mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet speċifiċi elenkati f’din id-dispożizzjoni, u skont il-proċedura preskritta bil-liġi. Skont l-Artikolu 5(4), kull min jiċċaħħad mil-libertà tiegħu jkollu dritt li jressaq proċeduri sabiex il-legalità tad-detenzjoni tiegħu tiġi deċiża malajr minn qorti u l-libertà tiegħu tiġi ordnata jekk id-detenzjoni tkun illegali (31). Evidentement, l-għan prinċipali ta’ dan l-istħarriġ ġudizzjarju huwa li l-persuna miżmuma f’detenzjoni tkun tista’ tinforza d-dritt tagħha għal-libertà. Naturalment, jekk id-detenzjoni tkun illegali, huwa ma għandux jibqa’ jinżamm f’detenzjoni.

38.      Madankollu, la l-konsegwenzi u lanqas l-effetti ta’ detenzjoni illegali ma jisparixxu bil-maġija meta l-bibien ta’ ċentru ta’ detenzjoni jinfetħu beraħ u l-persuna miżmuma f’detenzjoni tinħeles. Konstatazzjoni minn qorti li persuna nżammet f’detenzjoni illegalment hija konstatazzjoni li hija ma messhiex inżammet imsakkra matul dawk il-jiem jew ġimgħat. Ebda setgħa fuq l-art ma tista’ troddilha dak iż-żmien lura daqslikieku kienet fil-libertà. Madankollu, il-qrati jistgħu jenfasizzaw u jiddikjaraw il-fatt li d-detenzjoni kienet illegali. Dan jiċċara s-sitwazzjoni fuq livell ġuridiku. Dan jista’ jkun importanti għall-futur, f’xi mument meta din il-persuna jkollha timla formola li tistaqsi dwar il-passat tagħha jew meta uffiċjal jew persuna li potenzjalment timpjegaha jwettqu verifika bil-kompjuter dwarha. Dan, fih innifsu, jista’ joffri ċerta konsolazzjoni: ir-rikonoxximent uffiċjali li twettqet azzjoni ħażina, inġustizzja. U jista’ jkun li l-persuna kkonċernata tkun tixtieq tmur lil hinn u tikseb kumpens għal dawk il-jiem jew ġimgħat mitlufa. Għalhekk l-Artikolu 5(5) tal-KEDB jistabbilixxi b’mod ċar u inekwivoku li kull min jiċċaħħad mil-libertà tiegħu bi ksur tar-regoli stabbiliti mill-paragrafi (1) u (4) ta’ dan l-artikolu għandu dritt eżegwibbli għal kumpens (32).

39.      F’dak li jirrigwarda d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja stabbilit mill-Artikolu 47 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż li jiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-eżistenza nfisha tal-Istat tad-dritt (33).

40.      Mit-test tal-Artikolu 9(3) u (5) tad-Direttiva 2013/33 jirriżulta ċar, mingħajr ebda dubju, li applikant miżmum f’detenzjoni għandu jkollu aċċess għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-detenzjoni tiegħu. Dan id-dritt jibqa’ jeżisti jekk, waqt li jkunu għadhom pendenti l-proċeduri li l-applikant ikun beda matul id-detenzjoni tiegħu, huwa jinħeles mid-detenzjoni permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti?

41.      Fl-opinjoni tiegħi, it-tweġiba għal din il-mistoqsija hija “iva”.

42.      L-Artikolu 9(3) jibda bil-kliem, “[f]ejn id-detenzjoni tiġi ordnata mill-awtoritajiet amministrattivi […]”. It-test ma jgħidx, “fejn applikant ikun f’detenzjoni”. Iktar preċiżament, l-enfasi hija fuq il-fatt ġuridiku li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ordnaw ċaħda tal-libertà. Huwa dan il-fatt ġuridiku li għandu jiġi eżaminat, għaliex huwa dan id-dritt għal-libertà li ġie ostakolat permezz tal-azzjoni tal-Istat.

43.      Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-Artikolu 9(2) jispeċifika li “[i]d-detenzjoni tal-applikanti għandha tiġi ordnata bil-miktub minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi. L-ordni tad-detenzjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet fil-fatt u bi dritt li fuqhom hija bbażata”. Hija l-ordni ta’ detenzjoni li hija s-suġġett tal-istħarriġ ġudizzjarju, għaliex hija din l-ordni li tikkostitwixxi l-bażi taċ-ċaħda tal-libertà. Meta, b’riżultat tal-eżami ta’ din l-ordni, “id-detenzjoni tinstab li kienet illegali, l-applikant ikkonċernat għandu jinħeles minnufih” (l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(3)). In-natura stretta tal-istħarriġ li għandu jitwettaq fir-rigward tal-legalità tal-ordni ta’ detenzjoni hija enfasizzata mill-premessa 15 tad-Direttiva 2013/33, li tispeċifika li l-applikanti jistgħu jinżammu f’detenzjoni biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali ddefiniti b’mod ċar u suġġett għall-prinċipji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità (34).

44.      Għalhekk jidhirli li l-formulazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33 issostni l-interpretazzjoni proposta minni.

45.      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-għanijiet u l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni, naturalment l-iskop normali u immedjat ta’ rikors għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ detenzjoni huwa li tiġi annullata l-ordni ta’ detenzjoni sabiex il-persuna kkonċernata terġa’ tikseb il-libertà tagħha. Madankollu, il-konsegwenzi u l-effetti tad-detenzjoni huma l-istess irrispettivament minn jekk il-ħelsien mid-detenzjoni jirriżultax minn deċiżjoni amministrattiva ulterjuri tal-awtoritajiet kompetenti jew minn deċiżjoni ta’ qorti li tannulla l-ordni ta’ detenzjoni inizjali.

46.      Interpretazzjoni tad-Direttiva fis-sens li ladarba l-persuna kkonċernata ma tkunx għadha f’detenzjoni hija ma tibqax protetta twassal għal anomaliji strambi. Żewġ eżempji huma biżżejjed sabiex jiġi ċċarat dan il-punt.

47.      Ser inqis li żewġ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, A u B, it-tnejn jinżammu f’detenzjoni mill-awtoritajiet kompetenti għal raġunijiet li ma humiex permessi skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33. It-tnejn li huma jippreżentaw rikorsi għal stħarriġ ġudizzjarju. Wara ġimagħtejn l-awtoritajiet jindunaw bl-iżball tagħhom fir-rigward tal-persuna A u jeħilsuha filgħodu tal-ħmistax-il jum tad-detenzjoni tagħha. Il-persuna B tibqa’ miżmuma f’detenzjoni. Waranofsinhar ta’ dakinhar stess, iż-żewġ rikorsi jinstemgħu mill-qorti responsabbli għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali talbiet. Jekk il-ħelsien mid-detenzjoni itemm id-drittijiet mogħtija mid-Direttiva, il-kawża ta’ A ser tiġi miċħuda filwaqt li B ser jikseb deċiżjoni li tannulla l-ordni ta’ detenzjoni, tordna l-ħelsien immedjat tiegħu mid-detenzjoni dak il-waranofsinhar stess u tagħtih il-possibbiltà li jikseb kumpens minħabba detenzjoni illegali. Huma biss sitt sigħat li jifirdu l-mumenti li fihom A u B jerġgħu jiksbu l-libertà tagħhom. It-tnejn li huma nżammu f’detenzjoni illegalment għal iktar minn ġimagħtejn. Madankollu, abbażi ta’ interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 9 fis-sens li jkopri biss l-applikanti li effettivament ikunu miżmuma f’detenzjoni meta jinstemgħu l-kawżi tagħhom, A jiċċaħħad minn kwalunkwe protezzjoni ġudizzjarja.

48.      Alternattivament, ser inqis li l-applikant C jinżamm f’detenzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Huwa każ ta’ żball fl-identità – minkejja li tabilħaqq huwa applikant għal protezzjoni internazzjonali, huwa fir-realtà ma huwiex il-persuna D li l-awtoritajiet għandhom l-intenzjoni li jżommu f’detenzjoni; u ma hemm ebda raġuni ġuridika sabiex jinżamm f’detenzjoni skont id-Direttiva. Huwa jippreżenta rikors għal stħarriġ ġudizzjarju. Qabel ma tkun tista’ tinstema’ l-kawża tiegħu (u filwaqt li jkun għadu qiegħed jipprotesta bil-qawwa li huwa ma huwiex il-persuna D), huwa jitkeċċa. Għalhekk huwa ma jkunx għadu miżmum f’detenzjoni. Abbażi tal-interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 9, minħabba li huwa jkun “inħeles” (billi jkun tkeċċa), huwa ma jkunx jista’ jdur lejn il-qrati għal protezzjoni.

49.      Jekk l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jneħħu persuna li jkunu qiegħdu f’detenzjoni skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33 mill-kamp ta’ applikazzjoni u mill-protezzjoni tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva sempliċement billi jieħdu deċiżjoni amministrattiva ulterjuri li teħles lil din il-persuna (u billi sussegwentement japplikaw dispożizzjoni ta’ għeluq awtomatiku bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali), ikun hemm possibbiltà reali ħafna ta’ abbuż. Billi suċċessivament iżommu f’detenzjoni, jeħilsu, jerġgħu jżommu f’detenzjoni u jerġgħu jeħilsu applikant għal protezzjoni internazzjonali, l-awtoritajiet ikunu jistgħu jiżguraw li huwa qatt ma jkun jista’ jikseb l-istħarriġ ġudizzjarju tal-ordni jew tal-ordnijiet ta’ detenzjoni.

50.      Meta ngħid dan, m’iniex qiegħda nallega li dan effettivament qiegħed iseħħ. Nirreferi minflok għall-eżempju storiku mir-Renju Unit ta’ Att tal-Parlament sfortunat li ġie adottat fl-agħar żmien tal-ġlieda tas-suffragettes sabiex jiksbu l-vot għan-nisa. Il-militanti kienu jintbagħtu l-ħabs għal atti ta’ dannu materjali minuri jew talli jostakolaw lill-pulizija. Fil-ħabs huma bdew iwettqu strajk tal-ġuħ u kienu jiġu mġiegħla jieklu b’mod pjuttost brutali. Is-simpatija tal-pubbliku bdiet ixxaqleb favur tagħhom. Il-Gvern Liberali ta’ Stanley Baldwin ġietu idea għaqlija. Minflok ma s-suffragettes jiġu mġiegħla jieklu fil-ħabs meta jkunu laħqu ċertu stat ta’ dgħufija minħabba li ma kinux qegħdin jieklu, għaliex ma jingħatawx il-libertà suġġetta għal kundizzjonijiet? Ladarba jkunu reġgħu bdew jieklu u jkunu reġgħu ħadu s-saħħa, huma jkunu jistgħu jerġgħu jiġu arrestati u jerġgħu jintbagħtu l-ħabs. Għalhekk il-Gvern adotta l-Prisoners (Temporary Discharge for Ill Health) Act 1913 (il-Liġi tal-1913 dwar il-Priġunieri – Meħlusa Temporanjament għal Raġunijiet ta’ Saħħa). Din il-liġi malajr saret magħrufa bħala “il-Liġi tal-Qattus u tal-Ġurdien”, għaliex kienet wisq evidenti l-analoġija kiefra ma’ qattus jilgħab mal-priża tiegħu qabel ma joqtolha. Bħal f’dak il-każ, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, huwa ċar li jeżisti l-potenzjal għal abbuż.

51.      Infakkar ukoll li l-qorti tar-rinviju indikat li deċiżjoni ta’ qorti li tannulla d-deċiżjoni ta’ detenzjoni hija prerekwiżit sabiex titressaq talba għal kumpens minħabba detenzjoni illegali. Nirrileva li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ċek ma jaċċettax li din hija neċessarjament il-pożizzjoni skont id-dritt nazzjonali, u nżomm lura milli nesprimi kwalunkwe opinjoni dwar jekk għandux raġun dan il-gvern jew għandhiex raġun in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) fir-rigward tal-interpretazzjoni korretta tad-dritt nazzjonali. Noffri biss żewġ osservazzjonijiet iktar ġenerali.

52.      L-ewwel nett, l-għan tal-garanziji previsti fl-Artikolu 9 huwa li jipprevedu stħarriġ tar-raġunijiet għad-detenzjoni stabbiliti mill-Artikolu 8(3) mhux biss sabiex jiġi żgurat li l-applikanti jinħelsu jekk dawn ir-raġunijiet ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti, iżda wkoll sabiex jiġi skoraġġit il-ksur arbitrarju tad-dritt tal-applikant għal-libertà (35). Peress li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Artikoli 6 u 47 tal-Karta, dan jimmilita favur interpretazzjoni mhux restrittiva. Għall-kuntrarju, jidhirli li l-interpretazzjoni opposta tmur kontra dawn id-drittijiet fundamentali (36).

53.      It-tieni nett, jidhirli li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interess ġuridiku ta’ persuna tipprovdi gwida utli f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi individwali adottati mill-Kunsill fl-ambitu tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, li rikorrent jibqa’ jkollu interess li jitlob l-annullament ta’ att, b’mod partikolari, meta konstatazzjoni ta’ illegalità tista’ raġonevolment isservi bħala bażi għal rikors futur għad-danni materjali jew morali (37) li jkunu ġew ikkawżati lilu mill-att ikkontestat (38). Anki fl-assenza ta’ prospett li jikseb kumpens għad-danni pekunjarji, huwa konċepibbli li rikorrent jista’ jkollu interess ġuridiku morali, għar-raġuni li annullament potenzjali jista’ jikkostitwixxi forma ta’ kumpens għad-dannu morali li jkun ġarrab minħabba l-illegalità tal-att inkwistjoni (39)

54.      Inqis li l-prinċipji stabbiliti minn din il-ġurisprudenza jistgħu loġikament jiġu trasposti għal sitwazzjoni bħas-sitwazzjoni preżenti, fejn il-persuna kkonċernata ġarrbet indħil fid-dritt fundamentali tagħha għal-libertà stabbilit mill-Artikolu 6 tal-Karta. Għaldaqstant, inqis li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33 mhux sempliċement jippermetti li applikant li jkun għadu miżmum f’detenzjoni jkollu aċċess għall-qrati għal stħarriġ ġudizzjarju. Dan jippermetti wkoll li applikant li jkun inżamm f’detenzjoni, iżda li sussegwentement inħeles permezz ta’ ordni amministrattiva, jitlob dikjarazzjoni li d-detenzjoni li għaliha kien ġie ssuġġettat kienet illegali. F’dan is-sens, huwa irrilevanti jekk tali dikjarazzjoni tipprovdix konsolazzjoni morali għall-inġustizzja mġarrba jew isservix bħala l-ewwel pass lejn kawża għal kumpens minħabba detenzjoni illegali.

55.      Fl-aħħar nett, infakkar li l-qorti tar-rinviju spjegat li l-miżura nazzjonali inkwistjoni tipprevedi l-għeluq awtomatiku, u b’dan il-mod teskludi l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni amministrattiva, saħansitra fl-ewwel istanza. Il-qorti tar-rinviju tesprimi l-opinjoni li tali arranġament huwa inkompatibbli mal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33, u jiena naqbel bir-rispett ma’ din l-opinjoni. Jidhirli li huwa diffiċli li dispożizzjoni li l-effett prattiku tagħha, fir-realtà, huwa li teskludi s-setgħa ta’ superviżjoni tal-qrati tiġi rrikonċiljata mal-prinċipju fundamentali ta’ Stat tad-dritt fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

56.      Għaldaqstant, inqis li, f’termini ġenerali, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33 jipprekludi regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn din ir-regola timponi fuq il-qrati nazzjonali li jagħlqu awtomatikament proċeduri ġudizzjarji mressqa minn applikant għal protezzjoni internazzjonali għall-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni magħmula kontrih jekk il-persuna kkonċernata tinħeles mid-detenzjoni permezz ta’ ordni amministrattiva sussegwenti qabel l-għoti tad-deċiżjoni tal-qorti.

 L-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ detenzjoni: appelli

57.      F’dawn il-proċeduri, D. H. ibbenefika minn eżami ġudizzjarju fl-ewwel istanza tad-deċiżjoni ta’ detenzjoni fil-każ tiegħu, qabel ma daħlet fis-seħħ il-verżjoni emendata tal-Artikolu 46a(9) tal-Liġi Nru 325/1999 dwar l-Ażil.

58.      Skont id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jżommu marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilhom jipprovdu li appell minn deċiżjoni tal-ewwel istanza dwar stħarriġ ġudizzjarju għandu jingħalaq awtomatikament jekk l-applikant jinħeles mid-detenzjoni permezz ta’ ordni amministrattiva?

59.      Kemm il-Gvern tar-Repubblika Ċeka kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li tali pożizzjoni hija kompatibbli mal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33.

60.      Ma naqbilx mal-opinjoni tagħhom.

61.      Id-Direttiva 2013/33 tfittex li tintroduċi standards għolja ta’ protezzjoni u proċeduri ġusti u effettivi għall-applikanti (40). Ix-xogħol preparatorju juri li ġew introdotti salvagwardji legali u proċedurali relatati mad-detenzjoni tal-applikanti sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta’ armonizzazzjoni u sabiex jittejbu l-istandards stabbiliti fil-miżura preċedenti li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (Direttiva 2003/9/KE) (41). L-għan kien li jiġi żgurat li tali regoli jkunu kompletament kompatibbli mad-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta kif ukoll ma’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali (42).

62.      Sa fejn id-Direttiva 2013/33 tipprevedi armonizzazzjoni minima tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti (43), din tistabbilixxi livell bażiku li taħtu ebda Stat Membru ma jista’ jinżel. Madankollu, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jadottaw regoli iktar ġenerużi.

63.      Id-Direttiva 2013/33 ma tistabbilixxix li l-Istati Membri għandhom jipprevedu t-tieni livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju fil-każ li applikanti jkunu jixtiequ jikkontestaw deċiżjoni tal-ewwel istanza (44). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jagħti lil individwu dritt ta’ aċċess għall-qrati iżda mhux għal numru ta’ livelli ta’ ġurisdizzjoni (45).

64.      Għaldaqstant, dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ kompletament fl-ambitu tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività fid-dritt tal-Unjoni (46). Nosserva, inċidentalment, li l-fatt li jiġi previst it-tieni livell ta’ ġurisdizzjoni jista’ jiġi pperċepit fis-sens li jagħti vantaġġi mhux biss lill-applikant. Għaldaqstant, pereżempju, dan jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jikkontestaw dawk li jidhrilhom (tajjeb jew ħażin) li jkunu deċiżjonijiet tal-ewwel istanza “li jiżvijaw mit-triq it-tajba”; u fejn ħafna mħallfin differenti tal-ewwel istanza jkunu responsabbli għall-għoti ta’ deċiżjoni, dan jippermetti li tiġi żviluppata ġabra ta’ ġurisprudenza fil-livell tal-appell li tipprovdi konsistenza u ċertezza legali għal kulħadd.

65.      Madankollu, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri, huwa importanti li jitqies li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33 jesprimi b’mod konkret id-dritt għal rimedju effettiv, f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti fil-kuntest usa’ tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. L-għan ta’ din id-direttiva huwa jiġi żgurat li jiġu stabbiliti salvagwardji legali u proċedurali sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet ta’ detenzjoni jkunu legali (47).

66.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi kawżi fejn individwu fittex li jippreżenta appell minn deċiżjoni tal-ewwel istanza dwar drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni iżda l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni ma kinitx tipprevedi t-tieni livell ta’ stħarriġ fuq livell nazzjonali. F’dawk il-kawżi kien neċessarju li jiġu eżaminati regoli proċedurali nazzjonali li jirregolaw l-iżvolġiment ta’ tali stħarriġ fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività. Żewġ eżempji reċenti jixhdu l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

67.      Għaldaqstant, il-kawża li wasslet għas-sentenza Belastingdienst/Toeslagen (48) kienet tirrigwarda l-appell ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz minn deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali li tordna r-rimbors ta’ kontribuzzjonijiet għall-kera u għall-kura li huwa kien irċieva. Il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-interpretazzjoni tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85/KE (49) u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikoli 18, 19(2) u 47 tal-Karta. Il-kwistjoni kienet dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet kinux jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li kienet tipprevedi appell minn sentenza tal-ewwel istanza li tikkonferma deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li timponi obbligu ta’ ritorn, ma kinitx tinkludi effett sospensiv ipso jure f’dan ir-rimedju anki meta l-persuna kkonċernata kienet invokat riskju serju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

68.      F’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, għalkemm ebda waħda minn dawn id-direttivi ma kienet tinkludi regoli dwar l-introduzzjoni u t-tfassil tat-tieni livell ta’ ġurisdizzjoni għall-appelli minn deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u minn deċiżjonijiet ta’ ritorn (50), “l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115, bħal dik tad-Direttiva 2005/85, għandha ssir, hekk kif jirriżulta mill-premessa 24 tal-ewwel direttiva u mill-premessa 8 tat-tieni direttiva, fir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta” (51). Il-Qorti tal-Ġustizzja għaddiet sabiex tanalizza d-dispożizzjonijiet nazzjonali billi użat bħala kriterju ż-żewġ prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività u ddeċidiet li, f’dak il-każ, il-prinċipju ta’ effettività ma kienx jinvolvi rekwiżiti li jmorru lil hinn mid-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari dawk iggarantiti mill-Artikolu 47 tal-Karta (52). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li ż-żewġ prinċipji ġew osservati.

69.      Għall-kuntrarju, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Sánchez Morcillo u Abril García, (53) li kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (54) u tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli nazzjonali inkwistjoni kienu jippreġudikaw l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumatur hekk kif intiża permezz tad-Direttiva 93/13 (55). Meta evalwat ir-regoli nazzjonali inkwistjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet mogħtija lil partijiet fil-kawża mid-Direttiva 93/13 (f’dak il-każ, kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti) jimplika rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja, stabbilit ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta, li l-qorti nazzjonali għandha tosserva. Din il-protezzjoni tgħodd kemm fil-livell tal-iffissar tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu kawżi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni kif ukoll f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relattivi għal tali kawżi (56).

70.      Jidhirli li l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża tal-aħħar jista’ jiġi applikat b’mod utli hawnhekk b’analoġija. Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet ta’ detenzjoni li ser tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet sostantivi fl-Artikolu 8, u l-garanziji fl-Artikolu 9, tad-Direttiva 2013/33, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, joperawx b’mod li jipproteġu lill-applikanti kif huma intiżi li jagħmlu.

71.      Sa fejn jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, jidhirli li l-aspetti li ġejjin tas-sitwazzjoni deskritta mill-qorti tar-rinviju huma partikolarment rilevanti.

72.      L-ewwel nett, għeluq awtomatiku jista’ jwassal għal trattament arbitrarju. Fil-każ li l-qorti tal-appell ma kinitx f’pożizzjoni li teżamina appell minn deċiżjoni tal-ewwel istanza dwar deċiżjoni ta’ detenzjoni qabel ma jkun inħeles l-individwu kkonċernat, ser ikun hemm differenza fit-trattament meta mqabbel ma’ każijiet li fihom l-applikant jinżamm f’detenzjoni. Anki jekk ir-raġunijiet għall-istħarriġ u ċ-ċirkustanzi relattivi jkunu l-istess, it-tieni applikant ikun f’pożizzjoni li jikkontesta d-deċiżjoni tal-ewwel istanza permezz ta’ appell, filwaqt li l-ewwel applikant ma jkunx f’pożizzjoni li jagħmel dan.

73.      It-tieni nett, l-awtoritajiet amministrattivi jkunu jistgħu jiżguraw, sempliċement billi jeħilsu l-applikant ikkonċernat, li l-qorti tal-appell qatt ma tkun f’pożizzjoni li tistħarreġ sentenza tal-ewwel istanza. L-opportunitajiet ugwali għall-partijiet qajla jiġu osservati b’dan il-mod (57). Barra minn hekk, sa fejn huma l-awtoritajiet kompetenti li jinnotifikaw lill-qrati meta jinħeles applikant, liema fatt jiskatta l-għeluq awtomatiku tal-proċeduri legali, dan iqiegħed lil dawn l-awtoritajiet f’pożizzjoni li jostakolaw lill-qorti tal-appell fit-twettiq tal-funzjonijiet indipendenti tagħha. Jekk – kif tiddikjara li huwa l-każ il-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju – appelli fuq punt ta’ liġi ġeneralment jaslulha biss wara li jkun inħeles l-applikant, l-għeluq awtomatiku jfisser li l-qorti tar-rinviju effettivament tiċċaħħad mill-opportunità li tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjonijiet ta’ detenzjoni.

74.      Filwaqt li huwa perfettament minnu li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33 ma jeżiġix it-tieni livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju, meta Stati Membri jagħżlu li jinkludu dan l-istħarriġ addizzjonali fis-sistemi nazzjonali tagħhom, il-kundizzjonijiet li taħthom għandu jitwettaq l-istħarriġ, fl-opinjoni tiegħi, għandhom josservaw il-qafas ġenerali tal-garanziji f’din id-direttiva u konsegwentement l-Artikolu 47 tal-Karta.

75.      F’dan ir-rigward, jista’ jitfassal parallel utli mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Sotgiu (58) li ngħatat diversi snin ilu. Dik il-kawża kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema prevista, favur l-amministrazzjoni pubblika, fl-Artikolu 48(4) tat-Trattat KEE. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interessi li din id-deroga kienet tippermetti lill-Istati Membri li jipproteġu kienu ssodisfatti bil-possibbiltà li tiġi ristretta l-ammissjoni ta’ ċittadini barranin għal ċerti attivitajiet fl-amministrazzjoni pubblika. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma setgħetx tiġi invokata sabiex jiġu ġġustifikati miżuri diskriminatorji fir-rigward ta’ remunerazzjoni u ta’ kundizzjonijiet oħra tax-xogħol kontra tali ħaddiema ladarba kienu ġew ammessi fis-servizz tal-amministrazzjoni pubblika (59).

76.      B’analoġija, meta Stat Membru effettivament jipprevedi t-tieni livell ta’ stħarriġ ta’ deċiżjonijiet ta’ detenzjoni, inqis li dan għandu mbagħad josserva l-garanziji fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33 moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, inkluż l-aċċess effettiv għal stħarriġ ġudizzjarju.

77.      Diġà ssuġġerejt banda oħra li, meta miżura nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun limitazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont it-tifsira tal-Artikolu 47 tal-Karta, tali limitazzjoni tista’ tkun iġġustifikata biss jekk tkun prevista f’liġi, jekk hija tosserva l-qofol ta’ dan id-dritt u (bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità), jekk tkun meħtieġa u ġenwinament tissodisfa għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. Kif naraha jiena, f’kawżi bħal din, jeħtieġ li jitwettaq l-eżami stabbilit fl-Artikolu 52(1) tal-Karta sabiex jitħares il-livell ta’ protezzjoni li l-Artikolu 47 tal-Karta jagħti lil individwi. L-applikazzjoni ta’ metodoloġija differenti jkollha l-effett sorprendenti (u fil-fehma tiegħi inaċċettabbli) li l-Istati Membri jkunu jistgħu jevitaw dan l-eżami għar-raġuni biss li jkunu qegħdin jaġixxu, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtonomija proċedurali tagħhom, f’qasam fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun esprima b’mod konkret id-dritt għal rimedju effettiv (60).

78.      F’dan il-kuntest, jidhirli li l-miżura nazzjonali inkwistjoni ma tissodisfax il-prinċipju ta’ effettività.

79.      X’għandu jingħad fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza?

80.      Dan il-prinċipju jimplika trattament ugwali għar-rimedji bbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali u dawk simili bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u mhux l-ekwivalenza tar-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli għal proċeduri ta’ natura differenti (61) Il-pożizzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlob protezzjoni internazzjonali, f’ċerti aspetti, hija partikolari. Pereżempju, hemm obbligi skont id-dritt internazzjonali kif ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni li ser jaffettwaw din is-sitwazzjoni (62). Għaldaqstant, ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlob protezzjoni internazzjonali fil-qafas tad-Direttiva 2013/33 ma huwiex neċessarjament suġġett għall-istess regoli proċedurali bħal dawk li jkopru kwistjonijiet nazzjonali.

81.      Nosserva li fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha l-qorti tar-rinviju tagħti diversi eżempji ta’ proċeduri nazzjonali li jinvolvu stħarriġ ġudizzjarju ta’ detenzjoni, bħall-istħarriġ tal-legalità ta’ detenzjoni mill-pulizija jew ta’ detenzjoni f’istituzzjoni tas-saħħa. Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jidher li dawn il-proċeduri jistgħu jkunu elementi ta’ paragun għall-miżura nazzjonali inkwistjoni. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk regoli proċedurali nazzjonali li jimplimentaw din id-direttiva jistgħux jiġu pparagunati ma’ regoli proċedurali iktar ġenerali li jirregolaw id-detenzjoni ta’ individwi. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, “[f]ir-rigward tan-natura paragunabbli tal-azzjonijiet, hija l-qorti nazzjonali, li għandha għarfien dirett tal-modalitajiet proċedurali applikabbli, li għandha tivverifika x-xebh tal-azzjonijiet ikkonċernati mill-perspettiva tas-suġġett tagħhom, tal-iskop tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom” (63).

 Konklużjoni

82.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka):

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn din ir-regola timponi fuq il-qrati nazzjonali li jagħlqu awtomatikament proċeduri ġudizzjarji mressqa minn applikant għal protezzjoni internazzjonali għall-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni magħmula kontrih jekk il-persuna kkonċernata tinħeles mid-detenzjoni permezz ta’ ordni amministrattiva sussegwenti qabel l-għoti tad-deċiżjoni tal-qorti.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).


3      ĠU 2010, C 83, p. 389 (iktar ’il quddiem il-“Karta”).


4      Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).


5      L-Artikolu 6 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 5 tal-KEDB.


6      Dan id-dritt huwa bbażat fuq l-Artikolu 13 tal-KEDB.


7      Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).


8      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 180, p. 60).


9      Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew mill-10 sal-11 ta’ Diċembru 2009.


10      Artikolu 2(a). Ir-referenza hija għad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).


11      Artikolu 2(b).


12      Artikolu 2(h).


13      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).


14      Iktar ’il quddiem, ser nirreferi għat-test emendat bħala l-“miżura nazzjonali inkwistjoni”; u għall-proċess li qiegħed jiġi kkontestat hawnhekk bħala “għeluq awtomatiku”.


15      Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punti 34 sa 36).


16      Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética (C‑500/06, EU:C:2008:421, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki (C‑213/07, EU:C:2008:731, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara l-punti 9 u 11 iktar ’il fuq.


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 49).


20      Sentenza tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:395, punt 8).


21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 59).


22      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      L-Artikolu 52(3) ifittex li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet inklużi fil-Karta u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB. Ara s-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, JZ (C‑294/16 PPU, EU:C:2016:610, punt 50).


24      Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, K. (C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 50).


25      Ara l-punt 8 iktar ’il fuq; ara wkoll (fir-rigward tal-Artikolu 6 tal-Karta) is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 37).


26      Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811, punt 35).


27      Ara l-punt 14 iktar ’il fuq għat-test ta’ din id-dispożizzjoni.


28      Ara kemm l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33.


29      Artikolu 9(4).


30      Artikolu 9(6).


31      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat-8 ta’ Lulju 2004, Vachev vs Il-Bulgarija, ECHR:2004:0708JUD004298798, punt 71.


32      Ara s-sentenzi tal-Qorti EDB tas-16 ta’ Ġunju 2005, Storck vs Il-Ġermanja, ECHR:2005:0616JUD006160300, punti 119 sa 122, u tad-19 ta’ Frar 2009, A. et vs Ir‑Renju Unit, ECHR:2009:0219JUD000345505, punti 226 sa 229.


33      Sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 73). Id-drittijiet korrispondenti fil-KEDB huma l-Artikoli 6 u 13.


34      Sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 56).


35      Minn dan isegwi li ma ninterpretax il-kliem “[m]eta applikant jinżamm detenut” fil-premessa 15 fis-sens li applikant għandu jinżamm fiżikament f’detenzjoni sabiex ikun eliġibbli sabiex jitlob l-istħarriġ ġudizzjarju. Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, il-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux forza legali vinkolanti u ma jistax jiġi invokat għall-finijiet ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat jew sabiex id-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu interpretati b’mod manifestament oppost għall-kliem użat fihom (ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, Deutsches Milch-Kontor, C‑136/04, EU:C:2005:716, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      Ara l-opinjoni tiegħi fil-kawża N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:85, punt 136); ara wkoll il-premessi 10 u 35 tad-Direttiva 2013/33.


37      Ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Gordon vs Il‑Kummissjoni (C‑198/07 P, EU:C:2008:761, punti 19 u 60).


38      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Xeda International u Pace International vs Il‑Kummissjoni (C‑149/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:433, punti 32 u 33).


39      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punti 70 sa 72), u tal-15 ta’ Ġunju 2017, Al-Faqih et vs Il‑Kummissjoni (C‑19/16 P, EU:C:2017:466, punti 36 u 37).


40      Premessa 5 tad-Direttiva 2013/33.


41      Direttiva tal-Kunsill tas‑27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101). Dan l-att ma kien jinkludi ebda dispożizzjoni speċifika li tistabbilixxi r-raġunijiet għad-detenzjoni jew il-garanziji għall-applikanti.


42      Il-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards minimi dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil KUMM(2008) 815 finali/2 tad‑9 ta’ Diċembru 2008.


43      Artikolu 4 tad-Direttiva 2013/33.


44      A fortiori, għalhekk, id-Direttiva 2013/33 ma tipprevedi ebda dispożizzjoni speċifika dwar l-iżvolġiment ta’ proċedura tal-appell, bħal jekk l-appell ta’ applikant għandux jingħalaq jekk huwa jinħeles mid-detenzjoni.


45      Sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      Il-modalitajiet proċedurali nazzjonali ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili fid-dritt intern (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) (ara l-punti 79 sa 81 iktar ’il quddiem) u ma għandhomx jagħmlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività) (ara l-punti 71 sa 78 iktar ’il quddiem); sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, ara wkoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TEU li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni legali effettiva “fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”.


47      Ara l-punt 57 iktar ’il fuq.


48      Sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776).


49      Direttiva tal-Kunsill tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2006, L 175M, p. 168).


50      Sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 30).


51      Sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 31), li tiċċita f’dan is-sens is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 51).


52      Sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 47).


53      Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099).


54      Direttiva tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


55      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punti 44 sa 46 u 50).


56      Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 35).


57      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, l-istess bħal, b’mod partikolari, dak tal-kontradittorju, huwa biss korollarju tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq li jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-avversarju tagħha. Ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punti 48 u 49).


58      Sentenza tat-12 ta’ Frar 1974 (152/73, EU:C:1974:13).


59      Sentenza tat-12 ta’ Frar 1974, Sotgiu (152/73, EU:C:1974:13, punt 4).


60      Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Star Storage et (C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:307, punti 37 u 38).


61      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 34).


62      Fost l-istrumenti tad-dritt internazzjonali hemm il-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus ta’ Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), kif issupplimentata bil-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).


63      Sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 43), li tiċċita s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04 (C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 39), u tad-9 ta’ Novembru 2017, Dimos Zagoriou (C‑217/16, EU:C:2017:841, punt 20).

Top