EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0492

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fis-26 ta’ Settembru 2018.
Südwestrundfunk vs Tilo Rittinger et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Tübingen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mogħtija mill-Istati – Artikolu 107(1) TFUE – Artikolu 108(3) TFUE – Organi tax-xandir pubbliku – Finanzjament – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tobbliga lill-adulti kollha li għandhom akkomodazzjoni fit-territorju nazzjonali jħallsu kontribuzzjoni lill-impriżi tax-xandir pubbliku.
Kawża C-492/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:777

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis‑26 ta’ Settembru 2018 ( 1 )

Kawża C‑492/17

Südwestrundfunk

vs

Tilo Rittinger,

Patric Wolter,

Harald Zastera,

Dagmar Fahner,

Layla Sofan,

Marc Schulte

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Tübingen (Qorti Reġjonali ta’ Tübingen, il-Ġermanja))

“Domanda preliminari — Għajnuna mill-Istat — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tobbliga lill-adulti kollha li għandhom akkomodazzjoni fit-territorju nazzjonali jħallsu kontribuzzjoni lill-impriżi tax-xandir pubbliċi”

1. 

Is-servizzi pprovduti mill-entitajiet pubbliċi tax-xandir fil-Ġermanja jsegwu l-mandat kostituzzjonali, idderivat mill-Artikolu 5 tal-Grundgesetz (Liġi Bażika), dwar il-libertà tal-opinjoni, tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, artistika u xjentifika. Il-Bundesverfassungsgericht (Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) interpretat dan l-artikolu fis-sens li jirrikjedi li dawn is-servizzi jingħataw b’garanzija tal-imparzjalità u d-diversità, l-oġġettività u l-bilanċ tal-kontenut tal-programmi tagħhom ( 2 ).

2. 

Peress li l-Istati Federali (Länder) għandhom kompetenza leġiżlattiva fil-qasam tax-xandir pubbliku, il-ħolqien u l-ġestjoni tal-entitajiet pubbliċi awdjoviżivi, kif ukoll il-provvista tas-servizzi tagħhom fil-livell federali, ġew irregolati minn serje ta’ ftehimiet bejn dawn l-Istati. Minn dawn jirriżulta li l-entitajiet pubbliċi (ARD, ZDF fuq skala nazzjonali ( 3 ) u oħrajn bħal SWR ( 4 ) fuq skala reġjonali) huma ffinanzjati minn dħul li, prinċipalment, ġej minn tliet kanali: il-kontribuzzjoni awdjoviżiv (li huwa s-suġġett ta’ dan ir-rinviju) ( 5 ), il-bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar u attivitajiet kummerċjali oħrajn.

3. 

Fl-2007, il-Kummissjoni ddikjarat ( 6 ) li l-mod ta’ finanzjament tas-servizz pubbliku tax-xandir Ġermaniż seta’ jiġi kklassifikat bħala “għajnuna eżistenti” fis-sens tal-punt i tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999 ( 7 ). Fid-Deċiżjoni tagħha tal‑2007, madankollu, il-Kummissjoni sabet ċerti elementi li għamluha inkompatibbli mas-suq intern, u għalhekk talbet lill-Gvern Ġermaniż sabiex jadotta serje ta’ miżuri, kif fil-fatt ġara. Xejn ma affettwa l-kontribuzzjoni (li qabel kienet it-taxxa) li hija s-suġġett ta’ dan ir-rinviju preliminari.

4. 

Fl‑2013, daħlet fis-seħħ emenda ta’ dan il-mod ta’ finanzjament: fil-qosor, jekk, sa dak il-mument, it-taxxa kienet dovuta għall-pussess ta’ kull riċevitur ta’ programmi awdjoviżivi ġewwa akkomodazzjoni, minn issa huwa biżżejjed is-sempliċi pussess ta’ din l-akkomodazzjoni bħala proprjetarju jew kerrej ( 8 ).

5. 

Il-kriterju l-ġdid għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni ġie kkontestat quddiem diversi qrati Ġermaniżi ( 9 ), inkluż il-Landgericht Tübingen (il-Qorti Reġjonali ta’ Tübingen, il-Ġermanja), li tagħmel id-domandi tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-kontribuzzjoni mad-dritt tal-Unjoni.

6. 

Dawn il-konklużjonijiet, fuq istruzzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser ikunu limitati għall-analiżi tad-domandi preliminari relatati mal-għajnuna mill-Istat.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Il-Protokoll Nru 29 anness mat-TFUE

7.

Fid-dawl tar-rwol partikolari li għandhom is-sistemi ta’ xandir pubbliku tal-Istati Membri fir-rigward tal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà u l-ħtieġa li jiġi ppreservat il-pluraliżmu tal-midja, kif iddikjarat fl-ewwel premessa tiegħu, il-Protokoll Nru 29 anness mat-TFUE dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri, introdott permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam ( 10 ), jipprovdi kif ġej:

“Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jipprovdu għall-finanzjament ta’ servizz pubbliku ta’ xandir sa fejn dan il-finanzjament ikun mogħti lill-organizzazzjonijiet tax-xandir għat-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku kif mogħtija, definita u organizzata minn kull Stat Membru, u sakemm dan il-finanzjament ma jaffettwax il-kondizzjonijiet ta’ kummerċ u l-kompetizzjoni fl-Unjoni sal-punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni, waqt li jibqa’ jittieħed kont tat-twettiq tal-missjoni ta’ dak is-servizz pubbliku.”

2. Ir-Regolament Nru 659/1999

8.

Skont l-Artikolu 1,

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

(a)

‘għajnuna’ għandha tfisser kull miżura li taderixxi l-kriterja kollha mqiegħda fl-Artikolu [107](1) tat-Trattat;

(b)

‘għajnuna eżistenti’ għandha tfisser:

(i)

[…] l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat;

(ii)

għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

[…]

(ċ)

‘għajnuna ġdida’ għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;

[…]

(f)

‘għajnuna kontra l-liġi’ għandha tfisser għajnuna ġdida li tiddaħħal fis-seħħ f’kontravenzjoni ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat [FUE];

[…]”.

3. Ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 ( 11 )

9.

Il-premessa 4 tipprovdi:

“(4)

Fl-interessi taċ-ċertezza legali huwa xieraq li jingħamel ċar li żidiet żgħar sa 20 % ta’ l-estimi oriġinali ta’ skema ta’ għajnuna, b’mod partikolari biex jingħata kont ta’ l-effetti ta’ l-inflazzjoni, ma jkunux meħtieġa li jiġu notifikati lill-Kummissjoni billi x’aktarx ma jeffettwawx l-istima oriġinali tal-Kummissjoni tal-kompatibilità ta’ l-iskema, kemm-il darba l-kondizzjonijiet l-oħra ta’ l-iskema ta’ għajnuna jibqgħu mhux mibdula.”

10.

L-Artikolu 4 jipprevedi:

“1.   Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq komuni. Iżda żieda fl-estimi oriġinali ta’ skema eżistenti ta’ għajnuna sa 20 % m’għandhiex titqies bħala alterazzjoni għall-għajnuna eżistenti.

[…]”

4. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-istat għax-xandir tas-servizz pubbliku ( 12 )

11.

Skont il-punt 21 tal-Komunikazzjoni tal-2009:

“L-effett tal-intervent tal-Istat, mhux l-għan tiegħu, huwa l-element deċiżiv fi kwalunkwe valutazzjoni dwar il-kontenut tal-għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu [107(1)]. Ix-xandara tas-servizz pubbliku normalment jiġu ffinanzjati jew mill-baġit tal-Istat jew permezz ta’ taxxa li titħallas mid-detenturi ta’ apparat tax-xandir. […] Dawn il-miżuri finanzjarji normalment huma attribwibbli lill-awtoritajiet pubbliċi u jinvolvu t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat […]”.

B.   Id-dritt Ġermaniż

12.

Mill-ftehimiet bejn l-Istati Federali fil-qasam tax-xandir pubbliku, għandhom jissemmew dawn li ġejjin għall-finijiet ta’ din il-kawża: a) il-Ftehim dwar ix-xandir u l-mezzi telematiċi ( 13 ); b) il-Ftehim dwar il-finanzjament tax-xandir ( 14 ); u c) il-Ftehim dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva ( 15 ).

1. Il-Ftehim tal-Istat dwar ix-xandir

13.

L-Artikoli 12 sa 14 jistipulaw il-prinċipji bażiċi li huwa bbażat fuqhom il-finanzjament tax-xandir pubbliku fil-Ġermanja. L-allokazzjoni finanzjarja għandha tippermetti lis-servizz pubbliku tax-xandir iwettaq il-missjonijiet iddefiniti mill-Kostituzzjoni u l-liġijiet, filwaqt li jiggarantixxi l-eżistenza kontinwa u l-iżvilupp tiegħu.

14.

L-Artikolu 13 jelenka t-tliet pilastri bażiċi tal-finanzjament (il-kontribuzzjoni awdjoviżiva, id-dħul mir-reklamar u dħul ieħor), u jenfasizza li l-kontribuzzjoni għandha tkun is-sors prinċipali tad-dħul.

15.

Hija stabbilita kummissjoni għall-istħarriġ u d-determinazzjoni tal-bżonnijiet finanzjarji tal-entitajiet tax-xandir pubbliku ( 16 ). Dawn il-bżonnijiet huma kkalkulati, skont l-Artikolu 14, skont il-prinċipji tal-ekonomija u l-effiċjenza, inklużi l-possibbiltajiet ta’ razzjonalizzazzjoni, ibbażati fuq il-previżjonijiet stabbiliti mill-entitajiet pubbliċi nnifishom.

16.

Għad-determinazzjoni tal-ammont tal-kontribuzzjoni, l-Artikolu 14(4) jirreferi għall-Ftehim dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva.

2. Liġi tal-Land dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva ( 17 )

17.

Peress li huma l-Istati Federali li huma responsabbli sabiex jinkorporaw il-ftehimiet imsemmija fil-leġiżlazzjonijiet tagħhom, għandha tissemma l-Liġi tal-Land Baden-Württenberg, li d-domanda tal-qorti tar-rinviju tikkonċerna l-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni.

18.

L-Artikolu 1 jipprevedi:

“L-iskop tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva huwa li jiġi żgurat il-finanzjament xieraq tas-servizz pubbliku tax-xandir, fis-sens tal-Artikolu 12(1) tal-[Ftehim dwar ix-xandir] u tal-missjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 40 ta’ dak l-istess ftehim”.

19.

Skont l-Artikolu 2,

“1.   Fis-settur privat, fuq kull akkomodazzjoni għandha tħallas kontribuzzjoni awdjoviżiva mill-possessur tagħha (il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni).

2.   Possessur ta’ akkomodazzjoni tfisser kwalunkwe persuna maġġorenni li tgħix fiha. Titqies possessur tal-akkomodazzjoni kull persuna li:

1.

tiddikjara l-indirizz tagħha f’dik l-akkomodazzjoni b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni, jew

2.

hija mniżżla bħala kerrej f’kuntratt ta’ kiri relatat ma’ dik l-akkomodazzjoni. […]”

20.

L-Artikolu 10 jippreskrivi li d-dħul miksub mill-ġbir tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva ser jgħaddi prinċipalment għand l-organu reġjonali tax-xandir tal-post fejn tinsab l-akkomodazzjoni.

21.

Dak l-istess artikolu 10 jipprovdi:

“[…]

(5)   L-ammont tad-debiti awdjoviżivi li ma humiex imħallsin għandu jiġi ffissat mill-organu reġjonali tax-xandir […]

(6)   Il-kalkoli maħruġa minn debiti li ma humiex imħallsin isiru effettivi permezz tal-proċedura ta’ infurzar amministrattiva.”

3. Il-Liġi dwar il-proċedura ta’ infurzar amministrattiv tal-Land ta’ Baden-Württenberg ( 18 )

22.

Fil-Ġermanja, il-ġbir tad-djun mal-amministrazzjoni huwa rregolat mil-liġijiet tal-Länder. Fil-każ tal-Land Baden-Württemberg, l-Artikoli 13 u 14 tagħha jikkonċernaw, rispettivament, l-atti u l-kunċetti li taħthom jistgħu jiġu eżegwiti l-ammonti dovuti lill-amministrazzjonijiet, kif ukoll ir-rekwiżiti formali meħtieġa. Ir-rekwiżit ta’ qabel huwa obbligatorju b’perijodu ta’, mill-inqas, ġimgħa għal ħlas volontarju.

23.

L-Artikolu 15, relatat mal-ġbir ta’ krediti permezz ta’ infurzar amministrattiv, jirreferi, essenzjalment, għad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Abgabenordnung (il-Kodiċi Ġermaniż dwar it-Taxxi). Dawn għandhom japplikaw mutatis mutandis, bil-kundizzjoni li ma jkunx aġent ġudizzjarju li jesegwixxi l-kreditu, iżda l-amministrazzjoni kompetenti ( 19 ).

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari

24.

Id-debituri fil-proċeduri pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju huma persuni responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni li ma ħallsuhiex, jew li ħallsuha biss parzjalment, f’perijodi differenti bejn Jannar 2013 u tmiem l-2016.

25.

Fl‑2015 u l-2016, l-SWR ħarġet, abbażi tal-kalkoli tagħha stess u kważi dejjem għal ammonti ta’ diversi mijiet ta’ euro, titoli eżekuttivi kontra kull wieħed mid-debituri, fejn talbithom iħallsu l-kontribuzzjoni flimkien mas-sovrataxxi għal ħlas tardiv u dewmien.

26.

Id-debituri rrifjutaw li jħallsu minħabba li kkontestaw il-konformità tar-regolament il-ġdid, b’mod partikolari, mal-Artikolu 108 TFUE. Fl-opinjoni tagħhom: a) il-modifika tat-tranżazzjoni taxxabbli kienet sostanzjali, tant li kellha tkun innotifikata lill-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ tagħha; b) il-kontribuzzjoni tintuża sabiex tiffinanzja monopolju tas-sistema ta’ trażmissjoni DVB-T2 tat-televiżjoni diġitali terrestri, li teskludi operaturi barranin; u c) is-sistema ta’ eżekuzzjoni forzata tal-kontribuzzjoni li ma hijiex imħallsa, fil-forma ta’ eżekuzzjoni amministrattiva awtonoma, tirrappreżenta għajnuna oħra inkompatibbli mal-Artikolu 107 TFUE, minħabba li teskludi l-entitajiet tax-xandir pubbliċi mill-proċedura komuni ta’ eżekuzzjoni forzata.

27.

L-Amtsgericht Tübingen (il-Qorti Distrettwali ta’ Tübingen, il-Ġermanja) issospendiet temporanjament tlieta minn dawn il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata, wara r-rikorsi tad-debituri. Fit-tlieta l-oħrajn, il-qrati kompetenti tal-bliet ta’ Reutlingen u Calw ċaħdu t-talbiet tad-debituri rispettivi.

28.

Dawn id-deċiżjonijiet, ġew appellati quddiem il-Landgericht Tübingen (il-Qorti Reġjonali ta’ Tübingen, il-Ġermanja). Fi tlieta minnhom, SWR tikkontesta s-sospensjoni tal-proċeduri msemmijin. Fit-tlieta l-oħrajn, id-debituri jikkontestaw iċ-ċaħda tat-talbiet tagħhom.

29.

Fir-rigward tad-domandi li ser neżamina f’dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju tindika, l-ewwel nett, li l-kontribuzzjoni terġa’ tmur lura biss għand il-kumpanniji pubbliċi tax-xandir, b’mod partikolari għand ZDF u SWR. Peress li ma huwiex volontarju, ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni u ma jimplika ebda korrispettiv, il-kontribuzzjoni hija simili għal taxxa u, minħabba n-natura regolatorja tagħha, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ( 20 ).

30.

Għall-qorti tar-rinviju, il-bidla leġiżlattiva li taffettwa l-fatt li jiġġenera l-kontribuzzjoni (qabel, il-pussess ta’ riċevitur, issa l-pussess ta’ akkomodazzjoni), mill‑1 ta’ Jannar 2013, tfisser bidla sostanzjali li kellha tkun innotifikata lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) TFUE. Fi kwalunkwe każ, l-għajnuna li tirriżulta minn tali modifika hija inkompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3) TFUE.

31.

It-tieni nett, il-kontribuzzjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, peress li parti mid-dħul miksub jintuża sabiex tiġi implimentata sistema ta’ trażmissjoni televiżiva diġitali terrestri, id-DVB-T2, f’forma ta’ monopolju u li huma esklużi minnha l-operaturi tax-xandir minn Stati Membri oħrajn. Għall-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni hija komparabbli ma’ dik li tat lok għas-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, dwar it-tranżizzjoni minn teknoloġija analoga għal dik diġitali ( 21 ).

32.

Barra minn hekk, hija taxxa imposta bi skop, peress li kabbret in-numru ta’ persuni taxxabbli sabiex tkopri l-popolazzjoni adulta kollha, li wassal għal żieda sinjifikattiva fid-dħul ta’ madwar seba’ mitt miljun euro fis-sena. Fil-qosor, ir-regolament il-ġdid jikkostitwixxi għajnuna mil-Istat illegali billi jiffinanzja l-attività tal-entitajiet pubbliċi u privati permezz tad-DVB-T2 permezz tat-taxxa.

33.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, it-tielet nett, li l-entitajiet pubbliċi tax-xandir jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat oħra, billi huma permessi joħorġu t-titoli eżekuttivi tagħhom sabiex jiġbru d-debiti li ma humiex imħallsin. Il-mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni taħt id-dritt pubbliku, li huwa iktar effettiv, rapidu u ekonomiku mill-proċedura eżekuttiva ordinarja, li l-amministrazzjonijiet ma humiex obbligati jirrikorru għaliha, jirriżulta fi tnaqqis fl-ispejjeż ta’ eżekuzzjoni.

34.

F’dan il-kuntest, il-Landgericht Tübingen (il-Qorti Reġjonali ta’ Tübingen) tagħmel seba’ domandi prelimari lill-Qorti tal-Ġustizzja, li, għar-raġunijiet diġà indikati hawn fuq, ser jiġu elenkati biss l-ewwel tlieta:

“1)

Il-Baden-württembergisches Gesetz vom 18.10.2011 zur Geltung des Rundfunkbeitragsstaatsvertrags (liġi ta’ Baden-Württemberg tat‑18 ta’ Ottubru 2011, dwar l-applikazzjoni tat-Trattat inter-Statali dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva tas‑17 ta’ Diċembru 2010 […], kif emendata l-aħħar permezz tal-Artikolu 4 tan-Neunzehnter Rundfunkänderungsstaatsvertrag (id-dsatax-il trattat inter-Statali dwar tibdil fix-xandir) tat‑3 ta’ Diċembru 2015 […] hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, peress li l-kontribuzzjoni stabbilita minn dan it-test u li għandha fil-prinċipju titħallas mingħajr eċċezzjoni minn kull adult li jirrisjedi fil-Land Ġermaniż ta’ Baden-Württemberg favur l-organi tax-xandir SWR u ZDF tikkostitwixxi għajnuna preferenzjali li tikser id-dritt tal-Unjoni Ewropea, sa fejn din tagħti esklużivament vantaġġ lil dawn l-organi pubbliċi tax-xandir meta mqabbla ma’ organi tax-xandir privati? L-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li din il-liġi li tikkonċerna l-kontribuzzjoni awdjoviżiva kellha tiġi approvata mill-Kummissjoni u li, fin-nuqqas ta’ tali approvazzjoni, hija ineffettiva?

2)

L-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jiġu interpetati fis-sens li japplikaw għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ‘RdFunkBeitrStVtrBW’ li jipprevedu li kull adult residenti f’Baden-Württemberg għandu fil-prinċipju jħallas mingħajr eċċezzjoni kontribuzzjoni esklużivament favur xandara uffiċjali/tas-servizz pubbliku, peress li din il-kontribuzzjoni tinkludi għajnuna preferenzjali li tikser id-dritt tal-Unjoni Ewropea bl-effett li xandara minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea huma esklużi minħabba raġunijiet tekniċi, għaliex il-kontribuzzjonijiet jintużaw sabiex jiġi stabbilit metodu ta’ trażmissjoni kompetittiv (DVB-T2 – monopolju), li l-użu tiegħu minn xandara barranin ma huwiex previst? L-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jiġu interpetati fis-sens li dawn ma japplikawx biss għal għajnuna finanzjarja diretta, iżda wkoll għal privileġġi b’rilevanza ekonomika (awtorizzazzjoni sabiex jinħareġ titolu eżekuttiv, setgħa li tittieħed azzjoni kemm inkwantu impriża ekonomika kif ukoll bħala awtorità pubblika, pożizzjoni aħjar sabiex jiġi kkalkolat id-dejn?)

3)

Huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-projbizzjoni ta’ għajnuna preferenzjali jekk, permezz ta’ liġi nazzjonali tal-Baden-Württemberg, xandar Ġermaniż, li huwa rregolat mid-dritt pubbliku u li huwa stabbilit bħala awtorità, li jikkompeti fl-istess ħin fis-suq tar-reklamar ma’ xandara privati, ikun f’pożizzjoni privileġġata fil-konfront tagħhom, peress li huwa, b’mod differenti minnhom, ma għandux jadixxi qorti ordinarja rigward kreditu fil-konfront ta’ spettaturi sabiex ikun jista’ jimplementa eżekuzzjoni forzata, iżda jkun jista’ huwa stess joħroġ titolu eżekuttiv, mingħajr il-bżonn li jadixxi qorti, li jawtorizzah bl-istess mod li jipproċedi fir-rigward ta’ eżekuzzjoni forzata?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35.

Id-digriet tar-rinviju wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Awwissu 2017, wara li ddepożitaw osservazzjonijiet bil-miktub SWR, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Svediż u l-Kummissjoni, li r-rappreżentanti tagħhom intervjenew fis-seduta li saret fl‑4 ta’ Lulju 2018.

36.

Matul is-seduta, il-partijiet ikkummentaw dwar il-kwistjonijiet speċifiċi li l-Qorti tal-Ġustizzja stednithom jindirizzaw: a) ir-raġunijiet għall-introduzzjoni tal-kontribuzzjoni; b) iż-żieda fil-ġbir bħala riżultat tal-emenda regolatorja u l-effett esklużiv tagħha fuq il-finanzjament ta’ attivitajiet tax-xandir pubbliku; u c) il-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni forzata tad-debiti li ma humiex imħallsin.

IV. Analiżi

37.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-SWR u l-Gvern Ġermaniż invokaw l-inammissibbiltà parzjali jew totali tar-rinviju preliminari. F’dawn il-konklużjonijiet, minħabba n-natura limitata tagħhom, rigward id-domandi diġà msemmija, ma iniex ser nitkellem dwar din l-oġġezzjoni, ħlief fir-rigward tat-tieni waħda.

A.   L-emenda tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva bħala għajnuna ġdida (l-ewwel domanda preliminari)

1. Sintesi tal-argumenti tal-partijiet

38.

Il-partijiet kollha li ssottomettew osservazzjonijiet jaqblu li l-Liġi tal-Land ma timmodifikax l-għajnuna eżaminata bid-Deċiżjoni tal‑2007 b’mod sostanzjali. Konsegwentement, peress li ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida, ma hemmx għalfejn tiġi nnotfikata lill-Kummissjoni.

39.

SWR, sostnuta mill-Gvern Ġermaniż, targumenta li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun meħtieġa n-notifika tal-miżura ma humiex issodisfatti ( 22 ). Għalhekk, ma nbidlux: a) il-qasam tal-attività tas-servizz pubbliku tax-xandir; b) il-benefiċjarji tal-kontribuzzjoni li jibqgħu jkunu biss l-entitajiet pubbliċi; c) is-sors tal-finanzjament, fejn huwa ppreservat il-kriterju tal-possibbiltà li wieħed jirċievi programmi awdjoviżivi u mhux is-segwiment konkret tagħhom; u d) l-ammont tal-kontribuzzjoni. Il-bidla tal-fatt ġeneratur hija tirrispondi għall-bżonn li jiġi indirizzat il-ħlas tardiv li dejjem jiżdied u jitnaqqas il-piż tal-prova fil-bosta proċeduri għan-nuqqas ta’ ħlas.

40.

Fuq il-bażi tal-fatt li l-iskema ta’ finanzjament għall-entitajiet pubbliċi tax-xandir Ġermaniżi kienet diġà ġiet ikklassifikata bħala għajnuna eżistenti bid-Deċiżjoni tal‑2007, il-Gvern Svediż jiddikjara li jkun utli li jiġi analizzat il-portata tal-bidla introdotta. Ir-riforma tal-metodu sabiex wieħed jirċievi l-kontribuzzjoni hija sempliċi modifika amministrattiva li ma tbiddilx is-sustanza tal-iskema. Għalhekk, ma hemm l-ebda modifika ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 u tal-Komunikazzjoni tal‑2009. Fi kwalunkwe każ, skont il-Protokoll Nru 29, id-dispożizzjonijiet tat-TFUE ma jimpedixxux lill-Istati Membri milli jipprovdu kif jiġi ffinanzjat dan is-servizz pubbliku.

41.

Għall-Kummissjoni, id-dħul rċevut permezz tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva għandu jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat bl-istess mod bħall-għajnuniet mill-Istat miksuba mill-imposta preċedenti, f’konformità mal-punti 142 sa 151 tad-Deċiżjoni tal‑2007.

42.

Fil-fatt, dan id-dħul għadu suġġett għall-kriterji stabbiliti mil-liġi ( 23 ), għall-benefiċċju ta’ organu pubbliku ta’ interess ġenerali, u l-ġbir tiegħu, il-kalkolu tiegħu u l-użu tiegħu huma suġġetti għal kontroll mill-Istat ( 24 ). Fil-qosor, huwa finanzjament mill-Istat jew permezz ta’ mezzi pubbliċi ( 25 ).

43.

Il-Kummissjoni taqbel mal-SWR u mal-Gvern Ġermaniż li l-għan imfittex, in-natura tal-vantaġġ, iċ-ċirku jew l-attivitajiet tal-benefiċjarji, il-bażi legali jew l-ammont tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva ma nbidlux, iżda nbidlu biss il-parametri tal-kalkolu (ma għadux ir-riċevitur, iżda l-akkomodazzjoni). Din il-modifika hija ġġustifikata mill-bidliet teknoloġiċi, b’mod partikolari, mill-multiplikazzjoni ta’ tagħmir multimedjali portabbli.

2. L-evalwazzjoni

44.

Għalkemm l-ewwel domanda preliminari hija maqsuma fi tnejn, fil-verità, ikun biżżejjed li jiġi deċiż jekk il-liġi l-ġdida tal-Land kellhiex tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, minħabba li tinvolvi trasformazzjoni sostanzjali tal-iskema finanzjarja approvata (b’kundizzjonijiet) permezz tad-Deċiżjoni tal‑2007.

45.

Skont il-ġurisprudenza, il-modifiki fi skema ta’ għajnuna mill-Istat jistgħu isiru kemm għall-għajnuniet diġà eżistenti, kif ukoll għal proġetti inizjali nnotifikati lill-Kummissjoni ( 26 ). F’din il-kawża ma huwiex ikkontestat il-fatt li r-riforma legali tal‑2011 timmodifika għajnuna eżistenti jew skema ta’ għajnuna approvata preċedentement, fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999.

46.

Id-dibattitu jiffoka, għalhekk, fuq jekk din il-modifika hijiex sostanzjali jew sempliċiment ta’ natura formali jew amministrattiva. Minn din is-sentenza, tista’ tiġi ċċarata l-kompatibbiltà tal-miżura l-ġdida mas-suq komuni ( 27 ), skont it-termini tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004.

47.

In-natura minuri tal-bidla fl-għajnuna eżistenti, li ma toħloqx l-obbligu li din tiġi nnotifikata, tiddependi fuq il-fatt jekk il-modifiki jaffettwawx “elementi li jikkostitwixxu l-iskema ta’ għajnuna li diġà teżisti” ( 28 ). “Modifika sostanzjali” isseħħ meta jinbidlu wieħed jew iktar minn dawn l-elementi fundamentali, kemm jekk huma suġġettivi ( 29 ), oġġettivi ( 30 ) jew temporanji ( 31 ).

48.

L-importanza tal-modifika għandha tiġi evalwata, fil-każ ta’ għajnuna eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tat-TFUE, skont il-kontenut, il-modalitajiet u l-limiti tal-għajnuna nnifisha ( 32 ). Madankollu, meta bħal f’dan il-każ, l-għajnuna, eżistenti jew le ( 33 ), tkun ġiet eżaminata minn qabel u approvata mill-Kummissjoni, id-deċiżjoni tal-istess Kummissjoni tintuża bħala referenza ( 34 ).

49.

Fid-dawl ta’ dawn il-premessi, jiena nemmen li r-riforma introdotta mil-Liġi tal-Land ma taqax taħt il-kunċett ta’ modifika sostanzjali tas-sistema ta’ qabel.

50.

Il-modifika tikkonċerna l-finanzjament ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (dak tax-xandir pubbliku fil-Ġermanja), li għalih tapplika wkoll id-distinzjoni bejn għajnuna eżistenti u dik ġdida. ( 35 ) Għalhekk, fid-Deċiżjoni tal‑2007, il-Kummissjoni analizzat kemm il-preżenza ta’ vantaġġ fil-finanzjament ta’ dak is-servizz pubbliku permezz ta’ (dik li kienet) it-taxxa, fid-dawl tal-kriterji tal-ġurisprudenza Altmark ( 36 ), kif ukoll il-kompatibbiltà tiegħu mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE.

51.

Infakkar li l-bidla introdotta mil-Liġi tal-Land kienet sabiex tissostitwixxi l-pussess ta’ riċevitur ta’ sinjali maħruġa mill-organi Ġermaniżi tax-xandir, bħala fatt li jiġġenera l-obbligu li titħallas il-kontribuzzjoni minħabba s-sempliċi fatt li persuna ta’ età maġġuri għandha akkomodazzjoni Ir-regola hija, għalhekk, “kontribuzzjoni waħda għal kull akkomodazzjoni”.

52.

Mill-informazzjoni disponibbli huwa dedott li din il-bidla ma affettwatx lill-benefiċjarji tal-għajnuna, li għadhom l-entitajiet pubbliċi tax-xandir. Hija affettwat lill-persuni taxxabbli bl-obbligu tal-ħlas, minħabba li l-obbligu jestendi għad-detenturi ta’ proprjetajiet li ma kinux neċessarjament taxxabbli qabel.

53.

L-elementi temporali jibqgħu intatti wkoll, peress li, filwaqt li jeżisti l-mandat kostituzzjonali li rreferejt għalih ( 37 ), l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jipprovdu sabiex l-organi tax-xandir ikollhom il-mezzi essenzjali għall-missjoni tagħhom.

54.

Fir-rigward tal-elementi oġġettivi, l-iskop tal-miżura (l-iffinanzjar tas-servizz pubbliku) jew iċ-ċirku tal-attivitajiet issussidjati ma jinbidilx. Kif diġà semmejt, il-modifika hija limitata sabiex tissostitwixxi l-pussess ta’ apparat bl-okkupazzjoni ta’ akkomodazzjoni.

55.

Din il-modifika, fit-teorija, tista’ twassal għal żieda fin-numru ta’ persuni taxxabbli u, konsegwentement, żieda fid-dħul rċevut mill-entitajiet tax-xandir f’dan il-kuntest. Madankollu, ma jidhirx li dan kien il-każ fil-prattika. Il-Kummissjoni tirriproduċi l-figuri ppubblikati mill-KEF ( 38 ), li juru li dak id-dħul baqa’ stabbli mill‑2009 (qabel l-emenda leġiżlattiva) sal‑2016 ( 39 ).

56.

Fi kwalunkwe każ, l-ammont irċevut mill-organi pubbliċi tax-xandir ma jiddependix biss fuq l-irkupru ġenerali tal-kontribuzzjoni ( 40 ). Fost l-elementi li jinfluwenzaw id-determinazzjoni tal-ammont tad-dħul finali ta’ dawn l-organi li ġej mill-kontribuzzjoni, għandu jiġi enfasizzat l-intervent tal-KEF, li jikkontrolla u jikkalkula l-bżonnijiet finanzjarji tal-entitajiet pubbliċi tax-xandir ( 41 ). Ir-rapporti tal-KEF iservu bħala l-bażi għad-deċiżjonijiet formali tal-Parlamenti u tal-Gvernijiet tal-Istati Federali, li jistabbilixxu l-ammont tal-kontribuzzjoni ( 42 ).

57.

Għalhekk, jiġi nnotat li ma hijiex iż-żieda fin-numru ta’ persuni taxxabbli u lanqas iż-żieda (preżunta) fl-irkupru finali miksuba b’dan il-mod li hija rilevanti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar in-novità tal-miżura, fis-sens imsemmi iktar ’il fuq. Ikun xi jkun l-irkupru, il-parti minnu li tmur għall-organi pubbliċi tax-xandir (jiġifieri, l-parti li fil-verità tista’ tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat) hija dik iffissata, wara intervent tal-KEF, mill-Gvernijiet u mill-Parlamenti tal-Istati Federali. Għalhekk, ma hemmx relazzjoni awtomatika bejn iż-żieda (eventwali) fid-dħul finali u l-ammont ta’ għajnuna rċevuta mill-organi pubbliċi tax-xandir.

58.

Fi kliem ieħor, bidla fir-rwol assenjat lill-KEF ( 43 ), fil-kriterji ta’ allokazzjoni tagħha dwar il-ħtiġijiet oġġettivi ta’ finanzjament jew fl-obbligu tal-Gvernijiet jew il-Parlamenti tal-Istati Federali li jikkonformaw mal-proposti tagħhom, għall-iffissar tal-ammont tal-kontribuzzjoni, jista’ jkollha impatt ikbar fuq l-ammont tal-għajnuna milli l-modifika tal-element oġġettiv tal-fatt li jiġġenera l-kontribuzzjoni.

59.

Wieħed għandu jinnota li, meta jiġu applikati l-kriterji tal-ġurisprudenza Altmark bħala parametri ta’ analiżi, l-intervent tal-KEF huwa rilevanti sabiex l-għajnuna mogħtija lill-organi pubbliċi tax-xandir tirrispetta, mingħajr ma taqbiżhom, l-ammonti neċessarji sabiex ikopru l-ispejjeż inerenti fl-obbligu tas-servizz pubbliku tagħhom ( 44 ).

60.

Għalhekk, hemm konformità mal-Protokoll Nru 29 anness mat-TFUE, li jirrikonoxxi l-kompetenza tal-Istati Membri li jipprovdu għall-finanzjament ta’ servizz pubbliku ta’ xandir, “sa fejn” ir-riżorsi pprovduti lill-organi tax-xandir ikunu “għat-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku kif mogħtija, definita u organizzata minn kull Stat Membru”.

61.

Il-KEF tiggarantixxi wkoll li d-dħul iġġenerat mill-attivitajiet kummerċjali tal-organi pubbliċi tax-xandir jitnaqqas mill-ammont tal-għajnuna. L-istess jiġri bl-eċċess eventwali ta’ dħul, jekk ma jintużax sabiex jiġu koperti l-ispejjeż previsti ( 45 ). Skont il-Gvern Ġermaniż, dan id-dħul żejjed huwa użat sabiex imur fir-riżervi finanzjarji tal-entitajiet pubbliċi tax-xandir. Dawn tal-aħħar ma jistgħux iżommu dawn ir-riżervi qabel ma tkun evalwathom il-KET għall-finijiet tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament.

62.

F’dan il-kuntest, is-sempliċi bidla tal-bażi li fuqha jiġi ddeterminat l-obbligu tal-ħlas mill-persuni taxxabbli ma għandhiex biżżejjed piż sabiex tibdel, waħedha, l-ammont tal-għajnuna pubblika rċevuta mill-organi tax-xandir, u lanqas sabiex tinfluwenza, għalhekk, il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern ( 46 ).

63.

Jekk dak li ntqal preċedentement ma jkunx biżżejjed, għandu jingħad ukoll li l-bidla tal-fatt ġeneratur hija spjegata ukoll, fost raġunijiet oħrajn, bl-avvanzi fit-teknoloġija. Kieku nżammet is-sistema l-antika (“kontribuzzjoni waħda għal kull apparat”), kien ikun hemm ir-riskju li jiġi mmultiplikat id-dħul, minħabba l-proliferazzjoni ta’ tagħmir ġdid, bħal kompjuters personali ( 47 ) jew smartphones, b’mod partikolari, li jippermettu aċċess għall-programmi tax-xandir ( 48 ).

64.

Ir-riforma tikkonforma wkoll mal-għan li tiġi ssemplifikata l-ġestjoni tal-ġbir tal-kontribuzzjoni, li, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet magħmulin, kienet taffaċċja ħlas tardiv taħt is-sistema kurrenti fuq il-bażi tal-pussess tar-riċevitur.

65.

Taħt dawn il-kundizzjonijiet, inqis li l-bidla magħmula mil-Liġi tal-Land ma għandhiex biżżejjed portata, kemm kwalitattiva jew kwantitattiva, sabiex titqies bħala bidla sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999, li għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni.

B.   Il-kontribuzzjoni bħala għajnuna għall-ħolqien ta’ stazzjon ta’ trażmissjoni kompetitur (monopolju DVB-T2) li l-użu tiegħu ma huwiex maħsub għal xandara barranin (l-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari)

1. Sintesi tal-argumenti tal-partijiet

66.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, SWR tenfasizza li l-aċċessibbiltà teknika tas-servizz pubbliku hija marbuta mill-qrib mal-missjoni ta’ interess ġenerali tax-xandir. Hija tiċħad li s-sistema ta’ trażmissjoni tad-DVB-T2 toħloq monopolju favur l-organi pubbliċi tax-xandir, minħabba li mill-40 stazzjon 26 minnhom huma disponibbli għall-kompetituri. Fi kwalunkwe każ, l-iżvilupp tagħha ma jinvolvi l-ebda vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE u lanqas ma jiddiskrimina kontra operaturi barranin, peress li, min-natura tagħom, il-funzjonijiet tagħha jimplikaw it-trażmissjoni fit-territorju fejn jipprovdu x-xandir.

67.

Il-Gvern Ġermaniż jaqbel mal-allegazzjonijiet ta’ SWR filwaqt li jsostni, primarjament, in-nuqqas ta’ rilevanza tat-tqegħid fis-seħħ tas-sistema tat-trażmissjoni diġitali terrestri DVB-T2 sabiex tiġi evalwata l-bidla fil-kontribuzzjoni fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tat-TFUE.

68.

Lanqas il-Kummissjoni ma tifhem kif l-użu tad-dħul mill-kontribuzzjoni awdjoviżiva għall-investimenti f’teknoloġiji ġodda jista’ eventwalment iwassal sabiex jinbena monopolju fil-qasam tat-televiżjoni diġitali terrestri DVB-T2 u tipprovdi data sabiex tikkorrobora d-disponibbiltà tagħhom għall-operaturi privati. Minn naħa waħda, hija tqis li l-investimenti tal-entitajiet pubbliċi tax-xandir jikkostitwixxu spejjeż assoċjati mat-twettiq tal-missjoni tagħha ta’ interess ġenerali. Min-naħa l-oħra, hija tinvoka l-punt 74 tal-Komunikazzjoni dwar ix-xandir pubbliku, li jsemmi espressament il-ħolqien ta’ riżervi finanzjarji eċċezzjonali għall-investimenti teknoloġiċi importanti, indispensabbli għat-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku msemmija hawn fuq. Għalhekk, dawn l-investimenti huma kompatibbli mal-Artikolu 106(2) TFUE.

69.

Il-Gvern Svediż ma pprovdiex opinjoni dwar din il-kwistjoni.

2. L-evalwazzjoni

70.

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tidher li tistaqsi li jiġi ddikjarat li l-kontribuzzjoni, kif stabbilita mil-Liġi tal-Land, hija inkompatibbli mal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, minħabba li l-ġbir tagħha jintuża sabiex isir it-trasferiment mis-sistema ta’ trażmissjoni diġitali għas-sinjali DVB-T għal sinjal iktar avvanzat (DVB-T2), li huma esklużi minnu xandara minn Stati Membri oħrajn.

71.

Naqbel ma’ dawk li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-kritika tagħhom tar-rilevanza ta’ din id-domanda u tal-mod li bih ġiet magħmula, peress li ma tispjegax b’mod ċar il-kuntest ġuridiku ta’ riferiment. Din iċ-ċirkustanza timpedixxi li tiġi ddeterminata l-kompatibbiltà tal-Liġi tal-Land, f’dan il-każ, mad-dritt tal-Unjoni.

72.

Sussidjarjament, naħseb li d-domanda hija bbażata fuq premessi ambigwi jew mhux ċari biżżejjed. Pereżempju, meta tindirizza t-teknoloġija DVB-T2, tikklassifikaha bħala monopolju, iżda din it-teknoloġija hija miftuħa għal xandara pubbliċi u privati, b’tali mod li l-operaturi pubbliċi Ġermaniżi ma humiex f’pożizzjoni privileġġata fir-rigward tal-operaturi privati.

73.

Fl-avvanz lejn it-teknoloġija ġdida DVB-T2, huma l-awtoritajiet kompetenti (u mhux l-entitajiet tax-xandir) dawk li jadottaw id-deċiżjonijiet dwar il-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni u l-ippjanar taż-żoni tax-xandir. Kif issostni l-Kummissjoni, ikunu xi jkunu l-varjazzjonijiet fuq il-fatt li jiġġenera l-kontribuzzjoni, ma għandhomx x’jaqsmu mal-fatt li n-numru ta’ frekwenzi disponibbli fil-Ġermanja u fi Stati Membri oħrajn huwa limitat skont regoli oħrajn.

74.

Il-fatt li l-fondi miġbura bil-kontribuzzjoni jservu sabiex ix-xandara pubbliċi jkollhom aċċess għat-teknoloġija DVB-T2 ma jinvalidax, fih innifsu, il-Liġi tal-Land, u lanqas ma jinvolvi neċessarjament għajnuna mill-Istat li tmur kontra t-TFUE. Kif diġà spjegajt b’risposta għall-ewwel domanda preliminari, il-KEF għandha tanalizza l-ispejjeż u l-investimenti (b’mod partikolari, dawk relatati ma’ titjib teknoloġiku, bħad-DVB-T2), sabiex tagħraf liema huma dawk iġġustifikati bit-twettiq tal-funzjonijiet tas-servizz pubbliku fdati lill-entitajiet taħt il-kontroll tagħha ( 49 ).

75.

Konsegwentement, anki fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-qorti tar-rinviju elementi ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-kwalifika tal-għajnuna mill-Istat għall-ammonti miġbura permezz tal-kontribuzzjoni u użati għall-ħolqien tas-sistema DVB-T2, dawn l-ispjegazzjonijiet ma humiex rilevanti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-Liġi tal-Land mad-dritt tal-Unjoni.

C.   Il-mekkaniżmu ta’ infurzar amministrattiv tal-kontribuzzjoni mhux imħallsa bħala għajnuna ġdida (it-tieni parti tat-tieni domanda u t-tielet domanda preliminari)

1. Sintesi tal-argumenti tal-partijiet

76.

SRW u l-Gvern Ġermaniż ifakkru li meta tinġabar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva, anki permezz ta’ proċedura ta’ infurzar, l-organi reġjonali tax-xandir jeżerċitaw il-missjoni ta’ servizz pubbliku li ġie mogħtija lilhom mil-liġi u jaġixxu bħala entitajiet ta’ dritt pubbliku (jiġifieri, bħala membri tal-amministrazzjoni indiretta tal-Istat), li jagħmilhom differenti mill-operaturi privati.

77.

Huma jinnotaw li l-użu tal-infurzar amministrattiv tat-talbiet li jirriżultaw min-nuqqas ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni awdjoviżiv kien wieħed mill-elementi li evalwat il-Kummissjoni fil-kuntest tad-Deċiżjoni tal‑2007.

78.

Il-Gvern Ġermaniż iżid li kemm il-finanzjament tas-servizz pubbliku tax-xandir kif ukoll il-fatt ġeneratur u l-proċedura ta’ rkupru jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

79.

Għall-Kummissjoni, il-possibbiltà ta’ ħruġ ta’ titoli infurzabbli tikkostitwixxi vantaġġ għall-operaturi privati. Sa fejn dan il-privileġġ huwa parti mill-kumpens imħallas lill-entitajiet pubbliċi tax-xandir għat-twettiq tal-missjoni tagħhom ta’ servizz pubbliku, huwa kompatibbli mar-regoli dwar għajnuna mill-Istat ( 50 ). Dan jista’ jiġi deskritt bħala dritt anċillari għall-missjoni pubblika tax-xandir u jfisser element inerenti għall-għajnuna eżistenti, kif ġie ddikjarat fid-Deċiżjoni tal‑2007.

80.

Il-Gvern Svediż ma ressaq osservazzjonijiet lanqas dwar din id-domanda preliminari.

2. Evalwazzjoni

81.

It-tielet domanda preliminari hija marbuta mat-tieni parti tat-tieni domanda, peress li t-tnejn li huma jirrigwardaw l-iskema ta’ infurzar amministrattiv sabiex jinġabru l-kontribuzzjonijiet mhux imħallsa. Għalhekk, ser nanalizzahom flimkien.

82.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tindirizza, għalkemm b’mod tanġenzjali, kwistjoni li tikkonċerna l-iskema ta’ infurzar amministrattiv tal-krediti mhux imħallsa bħala kontribuzzjoni awdjoviżiva, u kkonstatat li l-organi li kellhom dawn il-possibbiltajiet kellhom il-prerogattivi tal-awtorità pubblika ( 51 ). Il-fatt li dik il-kawża kienet tikkonċerna kuntratti pubbliċi ma jostakolax it-trasferiment ta’ dik il-konklużjoni għall-każ preżenti.

83.

Huwa veru li, skont is-sentenza Trapeza Eurobank Ergasias ( 52 ), li tirreferi għaliha l-Kummissjoni, miżura simili tista’ tiġi kklassifikata bħala privileġġata, fir-rigward ta’ kompetituri privati oħrajn. Madankollu, wieħed ma għandux jinsa li l-kontribuzzjoni hija intiża biss sabiex tiffinanzja l-missjoni ta’ servizz pubbliku attribwita lill-kumpanniji pubbliċi tax-xandir, iżda mhux l-attivitajiet kummerċjali. Konsegwentement, il-ġbir permezz ta’ proċedura ta’ awtoprotezzjoni amministrattiva jiżgura l-ġbir tal-fondi meħtieġa sabiex ikun hemm konformità ma’ dak is-servizz, filwaqt li jiġi segwit il-mandat legali.

84.

Jekk, kif tafferma l-qorti tar-rinviju, il-kontribuzzjoni għandha natura simili għal taxxa, ma huwiex illoġiku li jintużaw l-istess strumenti (ta’ infurzar) għall-ġbir tagħha bħal dawk li jintużaw sabiex jinġabru t-taxxi. Minħabba n-natura tiegħu bħala prerogattiva tad-dritt pubbliku, kemm il-ġbir volontarju kif ukoll dak eżekuttiv jevidenzjaw l-aspett inerenti tagħhom għall-garanzija ta’ provvista tas-servizz pubbliku tax-xandir. Is-sistema ta’ eżekuzzjoni forzata tikkontribwixxi wkoll għall-effettività tal-ġbir.

85.

Fi kwalunkwe każ, l-argument deċiżiv sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, fir-rigward tal-iskema tal-għajnuna pubblika, huwa li, kif innotat minn SWR u l-Gvern Ġermaniż, fid-Deċiżjoni tal‑2007 l-Kummissjoni diġà ħadet inkunsiderazzjoni l-eżistenza tal-prerogattiva tal-ġbir ta’ inadempjenzi permezz ta’ proċedura eżekuttiva ta’ natura amministrattiva.

86.

Il-Kummissjoni indikat, f’din id-deċiżjoni, li l-kumpanniji tax-xandir kienu ngħataw id-dritt li jiġbru l-kontribuzzjoni direttament, anki permezz ta’ infurzar amministrattiv ( 53 ). Din l-evalwazzjoni ppermettiet li jiġi kkunsidrat li d-dħul miksub b’dan il-mod jibqa’ taħt il-kontroll pubbliku u, għalhekk, kellu n-natura ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ( 54 ).

87.

Peress li l-Liġi tal-Land ma introduċiet ebda innovazzjoni f’dan ir-rigward, billi żammet intatta s-sistema ta’ infurzar amministrattiv li kienet tinsab fir-regolamenti preċedenti, hija koperta mid-Deċiżjoni tal‑2007.

88.

Barra minn hekk, id-differenza fit-trattament bejn l-operaturi tax-xandir pubbliċi u dawk privati, f’dan il-punt, ma tistax tiġi analizzata b’mod iżolat, iżda fid-dawl tad-drittijiet u l-obbligi kollha legalment assunti mit-tnejn li huma. L-organi tad-dritt pubbliku għandhom limitazzjonijiet, idderivati mit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom ta’ servizz pubbliku, li l-operaturi privati ma għandhomx. Min-naħa l-oħra, ma hemm xejn li jżommhom milli jgawdu minn setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk tad-dritt privat, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju ulterjuri.

89.

Id-disparità tal-istatus ġuridiku tista’ tiġġustifika li, għall-ġbir ta’ kontribuzzjoni bin-natura ta’ dritt pubbliku, jintużaw l-istrumenti ta’ natura amministrattiva pprovduti sabiex issir l-eżekuzzjoni forzata tiegħu, f’każ ta’ inadempjenza.

V. Konklużjoni

90.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara inammissibbli l-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari u tirrispondi lil-Landgericht Tübingen (il-Qorti Reġjonali ta’ Tübingen, il-Ġermanja), fir-rigward tal-ewwel tliet domandi preliminari, kif ġej:

“1)

Il-Liġi tal-Land Baden-Württemberg tat‑18 ta’ Ottubru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Istat dwar il-kontribuzzjoni għax-xandir tas‑17 ta’ Diċembru 2010, li tibdel il-fatt ġeneratur tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva billi tibdel il-pussess ta’ riċevitur b’detenzjoni ta’ akkomodazzjoni:

ma tikkostitwixxix bidla ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108] tat-Trattat KE.

għalhekk ma toħloqx għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999, li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE, jew tiġi approvata minn din l-istituzzjoni.

2)

L-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik tal-Land Baden-Württemberg, li tawtorizza lill-entitajiet pubbliċi tax-xandir iffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjoni awdjoviżiva joħorġu t-titoli eżekuttivi tagħhom stess u jeżegwixxuhom, sabiex jiġbru l-imsemmija kontribuzzjoni, f’każ ta’ inadempjenza, mingħajr il-bżonn li jirrikorru għal proċess ġudizzjarju ordinarju.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Sentenza tal‑24 ta’ Frar 1961 (BVerfGE 12, 205-1. Rundfunkentscheidung), punt 182.

( 3 ) Akronimi taż-żewġ stazzjonijiet tat-televiżjoni pubbliċi prinċipali fil-Ġermanja. L-akronimu ARD jikkorrispondi għall-“Arbeitsgemeinschaft der öffentlich-rechtlichen Rundfunkanstalten der Bundesrepublik Deutschland” (Konsorzju tal-kumpanniji pubbliċi tax-xandir tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) u ZDF jikkorrispondi għal “Zweites Deutsches Fernsehen” (It-tieni stazzjon tat-televiżjoni Ġermaniż).

( 4 ) “Südwestrundfunk, Anstalt des öffentlichen Rechts” (Entità pubblika tax-xandir tal-Lbiċ, entità rregolata mid-dritt pubbliku, iktar ’il quddiem, “SWR”)

( 5 ) Ser nuża t-terminu “kontribuzzjoni” sabiex nirreferi għar-“Rundfunkbeitrag” fis-seħħ mill‑2013. Sa din id-data, id-dritt Ġermaniż kien jikklassifikah bħala “Rundfunkgebühr”, jiġifieri, taxxa awdjoviżiva. Madankollu, ir-rappreżentant ta’ SWR waqt is-seduta ċċara li, fil-verità, in-natura ġuridika tat-taxxa awdjoviżiva taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti kienet l-istess bħal dik tal-kontribuzzjoni attwali, peress li tintaxxa l-possibbiltà li wieħed jirċievi s-servizzi pubbliċi ta’ xandir, u mhux ir-riċezzjoni effettiva tagħhom.

( 6 ) C(2007) 1761 final. Għajnuna mill-Istat E/2005 (ex CP 2/2003, CP 232/2002, CP 43/2003, CP 243/2004 u CP 195/2004) — Financing of public service broadcasters in Germany (iktar ’il quddiem, “Deċiżjoni tal‑2007”), li tinsab biss bl- Ingliż u bil-Ġermaniż, punti 200 sa 216.

( 7 ) Regolament tal-Kunsill (KE) tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 (issa l-Artikolu 108 TFUE) tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). Dan ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015 L 248, p. 9), li ma japplikax ratione temporis għal din il-kawża.

( 8 ) Il-kontribuzzjoni hija dovuta wkoll mill-imprendituri, fuq il-bażi ta’ diversi fatturi (bini tan-negozju u vetturi użati għal skopijiet professjonali). Peress li t-tilwimiet quddiem il-qorti tar-rinviju ma jinvolvu ebda imprenditur, ser nirreferi biss għall-kontribuzzjoni dovuta mill-persuni fiżiċi li huma sidien ta’ akkomodazzjonijiet.

( 9 ) Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) iddeċidiet dwar dan fis-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2016. Il-Bundesvefassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) iddikjarat li r-riforma tal-kontribuzzjoni hija konformi mal-Liġi Bażika, ħlief fir-rigward tar-residenzi sekondarji fis-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2018 (Kawża 1 BvR 1675/16, 1 BvR 745/17, 1 BvR 836/17, 1 BvR 981/17).

( 10 ) ĠU 1997, C 340, p. 109. Iktar ’il quddiem imsejjaħ ukoll il-“Protokoll ta’ Amsterdam”.

( 11 ) Regolament tal-Kummissjoni tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4 p. 3).

( 12 ) ĠU 2009, C 257, p. 1 (iktar ’il quddiem, il-“Komunikazzjoni tal‑2009”).

( 13 ) “Rundfunkstaatsvertrag”, li jinkludi l-leġiżlazzjoni bażika tas-sistema doppja tax-xandir fil-Ġermanja; l-aħħar emenda (il-21 waħda) ġiet adottata fit‑18 ta’ Diċembru 2017 u daħlet fis-seħħ fil‑25 ta’ Mejju 2018 (iktar ’il quddiem “Ftehim dwar ix-xandir”).

( 14 ) “Rundfunkfinanzierungsstaatsvertrag” tal‑31 ta’ Awwissu 1991 emendat l-aħħar bl-għoxrin emenda tal-Ftehimiet tal-Istati dwar ix-xandir pubbliku mit‑8 sas‑16 ta’ Diċembru 2016.

( 15 ) “Rundfunkbeitragsstaatsvertrag”, li l-verżjoni fis-seħħ tiegħu hija dik tal‑15 ta’ Diċembru 2010, emendata l-aħħar fl‑2017; iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva”.

( 16 ) “Kommission zur Überprüfung und Ermittlung des Finanzbedarfs der Rundfunkanstalten”, (iktar ’il quddiem, “KEF”)

( 17 ) Liġi tat‑18 ta’ Ottubru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva tas‑17 ta’ Diċembru 2010 [“Baden-württembergisches Gesetz vom 18.10.2011 zur Geltung des Rundfunkbeitragsstaatsvertrags (RdFunkBeitrStVBW) vom 17. Dezember 2010]”, kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 4 tad-dsatax-il emenda tal-Ftehim dwar ix-xandir tat‑3 ta’ Diċembru 2015 (il-Liġi tat‑23 ta’ Frar 2016; GBl. p. 126 et seq., b’mod partikolari, p. 129). Iktar ’il quddiem, il-“Liġi tal-Land”.

( 18 ) Verwaltungsvollstreckungsgesetz für Baden-Württemberg tat‑12 ta’ Marzu 1974.

( 19 ) Madankollu, l-Artikolu 15a jippermetti lill-Amministrazzjonijiet jirrikorru għal eżekuzzjoni furzata tad-dritt ċivili.

( 20 ) F’dan is-sens, il-qorti tar-rinviju tinvoka s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑544/09 P, EU:C:2011:584).

( 21 ) Kawża C‑544/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:584. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Ġermanja kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T‑21/06, mhux ippubblikata, EU:T:2009:387). F’din tal-aħħar ġiet ikkonfermata l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ Novembru 2005 dwar għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur l-introduzzjoni tat-televiżjoni diġitali terrestri (DVB-T) f’Berlin-Brandenburg (innotifikata bin-numru C(2005) 3903) (ĠU 2006, L 200, p. 14), li ddikjarat dik l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern.

( 22 ) Hija tirreferi għas-sentenza tad‑9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit (C‑44/93, EU:C:1994:311).

( 23 ) B’riferiment għas-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummisjoni (173/73, EU:C:1974:71), punt 16, kif ukoll għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża NN 88/98, Finanzjament ta’ stazzjon tal-aħbarijiet li huwa nieqes mill-pubbliċità 24 siegħa kuljum bi ħlas ta’ liċenzja mill-BBC (ĠU 2000, C 78, p. 6).

( 24 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni (C‑83/98 P, EU:C:2000:248); u tal‑15 ta’ Lulju 2004, Pearley et (C‑345/02, EU:C:2004:448), inklużi l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer tal‑11 ta’ Marzu 2004, f’din il-kawża tal-aħħar (EU:C:2004:145), punt 67. Hija tirreferi wkoll għal żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-Kawża N 631/2001, dwar il-kontribuzzjoni favur il-BBC — ir-Renju Unit; u fil-Kawża E 2/2008, dwar il-finanzjament tal-ORF — l-Awstrija.

( 25 ) Issemmi s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑337/98, EU:C:2000:543).

( 26 ) Sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C. (C‑138/09, EU:C:2010:291), punt 46.

( 27 ) Dwar il-kunċett ta’ modifika ta’ għajnuna eżistenti, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Carrefour Hypermarchés et (C‑510/16, EU:C:2017:929), punti 51 sa 56.

( 28 ) Skont l-Avukat Ġenerali Trabucchi fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Van der Hulst (C‑51/74, EU:C:1974:134), punt 7.

( 29 ) Pereżempju, estensjoni rilevanti taċ-ċirku tal-benefiċjarji.

( 30 ) Pereżempju, meta jinbidlu l-vantaġġi stabbiliti mill-iskema u n-natura tagħhom, kif ukoll l-ammont tagħhom jew l-attivitajiet professjonali li jgawdu mill-benefiċċju. Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit (C‑44/93, EU:C:1994:311), punt 29.

( 31 ) Pereżempju, iż-żieda fil-perijodu li fih jibda d-dritt għall-għajnuna jew l-estensjoni temporanja tal-għajnuna diġà mogħtija. Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA Srl et vs Il-Kummissjoni (C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387), punti 92 sa 94; u tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u l-Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados (C‑590/14 P, EU:C:2016:797), punti 58 u 59.

( 32 ) Sentenza tad‑9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit (C‑44/93, EU:C:1994:311), punt 28.

( 33 ) Sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C. (C‑138/09, EU:C:2010:291), punti 46 u 47.

( 34 ) Dan huwa dedott, pereżempju, mis-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni vs l-Italja (C‑467/15 P, EU:C:2017:799), punti 37 sa 44; u tal‑20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C. (C‑138/09, EU:C:2010:291), punti 28 sa 41.

( 35 ) Sentenza tal‑15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España (C‑387/92, EU:C:1994:100), punti 17 u 18.

( 36 ) Sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415) (iktar ’il quddiem, “ġurisprudenza Altmark”). Ara l-punti 157 sa 169 tad-Deċiżjoni tal‑2007.

( 37 ) Punt 1 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Dawn il-figuri juru dħul (f’miljuni ta’ euro) stabbli fis-snin 2009 sa 2016: fl‑2009, 7416; fl‑2010, 7362; fl‑2011, 7347; fl‑2012, 7306; fl‑2013, 7480; fl‑2014, 8082; fl‑2015, 7842; u fl‑2016, 7825. Id-data tinstab fir-rapporti tal-KEF Nru 20 (2016), tabella 124, p. 199 (snin 2013-2016) [https://kef-online.de/fileadmin/KEF/Dateien/Berichte/20._Bericht.pdf]; u Nru 19 (2014), tabella 96, p. 141 (snin 2009-2012) [https://kef-online.de/fileadmin/KEF/Dateien/Berichte/19._Bericht.pdf] (nota 24 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni).

( 39 ) Dan huwa kkorroborat mid-data pprovduta mill-Gvern Ġermaniż matul is-seduta. Kien biss fis-snin 2013/2014 li l-irkupru żdied bi 8.7 % meta mqabbel ma’ dak tas-sena 2012, l-aħħar sena finanzjarja ta’ validità tar-regolament preċedenti; iżda dik iż-żieda mmotivat, preċiżament, it-tnaqqis tal-ammont tal-kontribuzzjoni mill‑1 ta’ April 2015 (minn EUR 17.98 sa EUR 17.50, li 30 ċenteżmi minnhom ġew assenjati lir-riżervi finanzjarji).

( 40 ) F’dan is-sens, għalkemm f’kuntest ieħor, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest (C‑174/02, EU:C:2005:10), punt 28.

( 41 ) Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et (C‑337/06, EU:C:2007:786), punt 21.

( 43 ) Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż ikkonferma li r-riforma tal‑2011 ma affettwatx il-prerogattivi tal-KEF.

( 44 ) Il-Ġermanja impenjat ruħha li l-KEF tibbaża l-kalkoli tagħha biss fuq l-ispejjeż li jkunu saru permezz tat-twettiq ta’ servizz pubbliku (Deċiżjoni tal‑2007, punt 379). Madankollu, jiġi ammess profitt żgħir u l-possibbiltà ta’ eċċess li jintuża sabiex jiġu promossi mezzi ġodda.

( 45 ) Ara l-punti 382 u 385 tad-Deċiżjoni tal‑2007.

( 46 ) Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni għall-monitoraġġ kontinwu li hija meħtieġa li twettaq skont l-Artikolu 108(1) u li wettqet mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal‑2007. Hija enfasizzat li, sa issa, ma sabet ebda modifika li tista’ tikkawża l-ħtieġa għal eżami mill-ġdid tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-iskema ta’ finanzjament tal-entitajiet pubbliċi Ġermaniżi tax-xandir.

( 47 ) Il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali) ikkonfermat, fid-digriet tat‑22 ta’ Awwissu 2012, li l-pussess ta’ kompjuter personali b’konnessjoni mal-internet, minn fejn wieħed jista’ jirċievi l-programmi tal-organi tax-xandir pubbliku, kien ikun biżżejjed sabiex tkun dovuta l-kontribuzzjoni (Kawża 1 BvR 199/11).

( 48 ) Ċertament, madankollu, li l-firxa usa’ mistennija tat-tagħmir li jiġġenera l-obbligu tal-ħlas, skont l-interpretazzjoni stretta tar-regoli preċedenti kienet tikkawża diffikultajiet għall-ġbir tiegħu fil-prattika peress li l-kontroll tal-appartenenza ta’ dak it-tagħmir kellu problemi konsiderevoli.

( 49 ) Fi kwalunkwe każ, hija l-Kummissjoni li għandha tinvestiga n-natura, kompatibbli jew le, tal-fondi pubbliċi allokati għall-installazzjoni tas-sistema DVB-T2, li hija kwistjoni differenti u teħtieġ analiżi kumplessa. Hekk ġara, dak iż-żmien, meta seħħet l-introduzzjoni tat-televiżjoni diġitali terrestri (DVB-T) f’Berlin-Brandenburg, li semmejt fin-nota 21.

( 50 ) Hija tinvoka s-sentenza tas‑16 ta’ April 2015, Trapeza Eurobank Ergasias (C‑690/13, EU:C:2015:235).

( 51 ) Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et (C‑337/06, EU:C:2007:786), punt 44.

( 52 ) Sentenza tas‑16 ta’ April 2015 (C‑690/13, EU:C:2015:235), punt 29: “l-Artikolu 87(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, privileġġi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħhom bank ikollu d-dritt […] li jeżegwixxi rkupru forzat b’sempliċi dokument iffirmat”.

( 53 ) Id-Deċiżjoni tal‑2007, punti 144 u 145.

( 54 ) Id-Deċiżjoni tal‑2007, punt 150.

Top