EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0450

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Hogan, ippreżentati fil-5 ta’ Diċembru 2018.
Landeskreditbank Baden-Württemberg - Förderbank vs Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).
Appell – Politika ekonomika u monetarja – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Artikolu 6(4) – Regolament (UE) Nru 468/2014 – Artikolu 70(1) – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kompiti kkonferiti lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Mekkaniżmu Superviżorju Uniku – Eżerċizzju ta’ dawn il-kompiti mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali – Istituzzjoni ta’ kreditu ‘inqas sinjifikanti’ – ‘Ċirkustanzi partikolari’ li jiġġustifikaw li istituzzjoni ta’ kreditu titqies bħala ‘inqas sinjifikanti’.
Kawża C-450/17 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:982

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fil‑5 ta’ Diċembru 2018 ( 1 )

Kawża C‑450/17 P

Landeskreditbank Baden-Württemberg - Förderbank

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Appell – Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Artikolu 6(4) – Regolament (UE) Nru 468/2014 – Artikolu 70(1) – Mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) – Kompetenzi tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Eżerċizzju deċentralizzat mill-awtoritajiet nazzjonali – Klassifikazzjoni ta’ istituzzjoni bħala entità sinjifikanti – Superviżjoni diretta mill-BĊE – Eċċezzjoni – Eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari – Klassifikazzjoni ta’ entità ssorveljata bħala mhux xierqa b’mod sinjifikanti”

1. 

Il-falliment tal-bank ewlieni ta’ investiment tal-Istati Uniti, Lehman Brothers, f’Settembru 2008 ġeneralment huwa maħsub li jimmarka l-bidu ta’ kriżi fiskali u bankarja ewlenija li kważi kellha tinfirex għall-ekonomiji avvanzati kollha. Tant kienet severa u fit-tul din il-kriżi – li kienet teħtieġ, bħalma ġara, rikapitalizzazzjonijiet u n-nazzjonalizzazzjonijiet tal-banek f’diversi Stati Membri – li kien ifisser dak li kien jammonta għal theddida eżistenzjali għall-istabbiltà fiskali ta’ diversi pajjiżi fi ħdan iż-żona tal-euro u, saħansitra, f’mumenti minnhom, għas-sopravvivenza tal-munita euro stess.

2. 

Din il-kriżi, għaldaqstant, ħalliet dell twil. Minn dakinhar, il-leġiżlaturi u r-regolaturi batew sabiex fehmu l-enormità ta’ din il-kriżi bankarja u sabiex jifhmu kif fil-konfront ta’ dak li preċedentement dehret li kienet sistema ta’ regolamentazzjoni perfettament adegwata, dik is-sistema fl-aħħar falliet meta ġiet ittestjata f’dawk il-ġranet suwed tal-2008 ’l quddiem. Waħda mil-lezzjonijiet li tgħallem il-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li l-prattiki bankarji paralleli u n-nuqqas li wieħed jifhem in-natura tar-riskju sistemiku li potenzjalment għandhom istituzzjonijiet bankarji ewlenin jinsabu fil-qalba tan-nuqqasijiet regolatorji esposti mill-kriżi tal-2008.

3. 

F’ħafna modi, dan kollu jifforma l-isfond ta’ dan l-appell ippreżentat mil-Landeskreditbank Baden-Württemberg - Förderbank (iktar ’il quddiem l-“appellant”) bil-għan li jannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE (T‑122/15, EU:T:2017:337) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”). Permezz ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni ECB/SSM/15/1 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal‑5 ta’ Jannar 2015. Dik id-deċiżjoni tal-BĊE kienet imbagħad ittieħdet skont l-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 24(7) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-BĊE fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku”). L-effett nett ta’ dik id-deċiżjoni kien li l-BĊE kien irrifjuta li jirrikonoxxi l-appellant bħala entità inqas sinjifikanti skont l-Artikolu 6(4) ta’ dak ir-regolament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

4. 

Il-klassifikazzjoni tal-appellant bħala entità sinjifikanti kienet tinvolvi s-superviżjoni prudenzjali diretta ta’ dik l-entità mill-BĊE iktar milli mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi. L-appellant jallega li għandu jiġi kklassifikat bħala entità inqas sinjifikanti minħabba l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolari” skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u l-Artikoli 70 tar-Regolament tal-BĊE (EU) Nru 468/2014 tas‑16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ĠU 2014, L 141, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Qafas tal-MSU”). Qabel ma neżamina dan l-argument, għandhom jitfakkru d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti.

I. Il-kuntest ġuridiku

A. Ir-Regolament Bażiku

5.

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Bażiku jipprevedi li “[d]an ir-Regolament jikkonferixxi lill-BĊE kompiti speċifiċi fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, bil-għan li jikkontribwixxu għas-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni u kull Stat Membru, b’rigward sħiħ u bid-dover ta’ attenzjoni għall-unità u l-integrità tas-suq intern abbażi ta’ trattament ugwali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu bil-għan li jkun impedut arbitraġġ regolatorju.”

6.

L-Artikolu 2 tar-Regolament Bażiku, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(9)

‘Mekkaniżmu superviżorju uniku’ (MSU) tfisser is-sistema ta’ superviżjoni finanzjarja komposta mill-BĊE u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti kif deskritt fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament.”

7.

L-Artikolu 4 tar-Regolament Bażiku, intitolat “Kompiti kkonferiti lill-BĊE”, jiddikjara fil-paragrafu 1 li “Fil-qafas tal-Artikolu 6, il-BĊE għandu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, ikun esklussivament kompetenti biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, [disa’ ħidmiet elenkati] b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti”.

8.

L-Artikolu 6 tar-Regolament Bażiku, intitolat “Kooperazzjoni fi ħdan il-MSU”, jiddikjara:

“1.   Il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fi ħdan MSU li huwa magħmul mill-BĊE u minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Il-BĊE għandu jkun responsabbli mill-funzjonament effettiv u konsistenti tal-MSU.

[…]

4.   Fir-rigward tal-kompiti definiti fl-Artikolu 4, ħlief għall-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 tiegħu, il-BĊE għandu jkollu r-responsabbiltajiet stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandu jkollhom ir-responsabbiltajiet stabbiliti fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, fil-qafas tal-proċeduri, u soġġett għall-proċeduri, imsemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-kumpaniji holding finanzjarji jew il-kumpaniji holding finanzjarji mħalltin li ġejjin jew fergħat, li huma stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti:

dawk li huma inqas sinifikanti fuq bażi konsolidata, fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti, jew individwalment fil-każ speċifiku tal-fergħat, li huma stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti. Is-sinifikanza għandha tkun ivvalutata abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(i)

id-daqs,

(ii)

l-importanza għall-ekonomija tal-Unjoni jew kwalunkwe Stat Membru parteċipanti;

(iii)

is-sinifikanza tal-attivitajiet transkonfinali.

Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu hawn fuq, istituzzjoni ta’ kreditu jew kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta ma għandhiex titqies bħala inqas sinifikanti, dment li ma jkunx ġustifikat b’ċirkostanzi partikolari li għandhom jiġu speċifikati fil-metodoloġija, jekk kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tkun sodisfatta:

(i)

il-valur totali tal-assi tagħha jaqbeż EUR 30 biljun;

(ii)

il-proporzjon tal-assi totali tagħha fuq il-PDG tal-Istat Membru parteipanti jaqbeż l-20 %, sakemm il-valur totali tal-assi tagħha ma jkunx taħt il-5 biljun ewro;

(iii)

wara notifika mill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħha li hija tqis tali istituzzjoni bħala li għandha rilevanza sinifikanti rigward l-ekonomija domestika, il-BĊE jieħu deċiżjoni li tikkonferma tali sinifikanza wara valutazzjoni komprensiva mill-BĊE, inkluż valutazzjoni tal-karta tal-bilanċ, ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu.

Il-BĊE jista’ wkoll, fuq inizjattiva proprja, jikkunsidra li istituzzjoni tkun ta’ rilevanza sinifikanti fejn tkun stabbilixxiet sussidjarji bankarji f’aktar minn Stat Membru parteċipanti wieħed u l-attivi jew il-passivi transkonfinali tagħha jirrappreżentaw parti sinifikanti tal-attivi jew il-passivi totali tagħha soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-metodoloġija.

Dawk li għalihom assistenza finanzjarja pubblika ġiet rikjesta jew riċevuta direttament mill-[Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF)] jew [Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES)] ma għandhomx jitqiesu bħala inqas sinifikanti.

Minkejja s-subparagrafi preċedenti, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament fir-rigward tat-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu l-aktar sinifikanti f’kull wieħed mill-Istati Membri parteċipanti, sakemm mhux iġġustifikat minħabba ċirkostanzi partikolari.

[…]

5.   Fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-paragrafu, u fi ħdan il-qafas definit fil-paragrafu 7:

(a)

il-BĊE għandu joħroġ regolamenti, linji gwida jew struzzjonijiet ġenerali lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, skont liema l-kompiti definiti fl-Artikolu 4 ħlief għall-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 tiegħu jitwettqu u deċiżjonijiet superviżorji jiġu adottati minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali;

Tali struzzjonijiet jistgħu jirreferu għas-setgħat speċifiċi fl-Artikolu 16(2) għal gruppi jew kategoriji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-fini li tkun żgurata l-konsistenza tal-eżiti superviżorji fi ħdan il-MSU;

(b)

meta meħtieġ biex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin, il-BĊE jista’ f’kull ħin, fuq l-inizjattiva proprja wara li jikkonsulta l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew fuq talba minn awtorità nazzjonali kompetenti, jiddeċiedi li jeżerċita direttament hu stess is-setgħat rilevanti kollha għal istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 4, inkluż f’każ fejn l-assistenza finanzjarja tkun intalbet jew riċevuta indirettament mill-EFSF jew il-MES;

(c)

il-BĊE għandu jeżerċita sorveljanza fuq il-funzjonament tas-sistema, abbażi tar-responsabbiltajiet u l-proċeduri stabbiliti f’dan l-Artikolu, u b’mod partikolari l-punt (c) tal-paragrafu 7;

(d)

il-BĊE jista’ f’kull ħin jagħmel użu mis-setgħat imsemmija fl-Artikoli 10 sa 13;

(e)

il-BĊE jista’ jitlob ukoll informazzjoni, fuq bażi ad hoc jew kontinwa, mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali dwar il-prestazzjoni tal-kompiti mwettqa minnhom skont dan l-Artikolu.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu u jkunu responsabbli għall-kompiti msemmija fil-punti (b), (d) sa (g) u (i) tal-Artikolu 4(1) u għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet superviżorji rilevanti kollha fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fl-l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, fil-qafas u soġġett għall-proċeduri msemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

[…]

7.   Il-BĊE għandu, f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, u abbażi ta’ proposta minn Bord Superviżorju, jadotta u jippubblika qafas biex jiġu organizzati arranġamenti prattiċi ta’ implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu. […]

[…]”

B. Ir-Regolament Qafas tal-MSU

9.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Qafas tal-MSU, intitolat “Suġġett u skop”, jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar dawn kollha li ġejjin:

(a)

il-qafas imsemmi fl-Artikolu 6(7) tar-Regolament MSU, jiġifieri qafas biex jiġu organizzati l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament MSU fir-rigward tal-kooperazzjoni fi ħdan l-MSU, sabiex jinkludi:

(i)

il-metodoloġija speċifika għall-evalwazzjoni u r-rieżami ta’ jekk entità taħt superviżjoni hijiex ikklassifikata bħala sinifikanti jew inqas sinifikanti skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU, u l-arranġamenti li jirriżultaw minn din l-evalwazzjoni;

[…]”

10.

L-Artikolu 70 tar-Regolament Qafas SSM intitolat “Ċirkustanzi partikolari li jwasslu għall-klassifikazzjoni ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni bħala inqas sinifikanti”, jiddikjara;

“1.   Ikunu jeżistu ċirkustanzi partikolari kif imsemmija fit-tieni u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU (iktar ’il quddiem iċ-‘ċirkustanzi partikolari’), meta jkun hemm ċirkustanzi speċifiċi u fattwali li minħabba fihom ma jkunx xieraq li entità taħt superviżjoni tiġi kklassifikata bħala sinifikanti, meta jitqiesu l-objettivi u l-prinċipji tar-Regolament MSU u, b’mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin.

2.   It-terminu ‘ċirkustanzi partikolari’ għandu jiġi interpretat b’mod strett.”

11.

L-Artikolu 71 tar-Regolament Qafas tal-MSU intitolat “Evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari” jipprevedi:

“1. Il-kwistjoni jekk jeżistux ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw li entità taħt superviżjoni li f’każ ieħor tkun sinifikanti tiġi kklassifikata bħala inqas sinifikanti għandha tiġi ddeterminata fuq bażi ta’ każ b’każ u speċifikament għall-entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni kkonċernati, iżda mhux għal kategoriji ta’ entitajiet taħt superviżjoni.

[…]”

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

12.

L-appellant huwa l-bank ta’ investiment u tal-iżvilupp (Förderbank) tal-Land ta’ Baden-Württemberg (il-Ġermanja). Imwaqqaf permezz tal-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar il-Bank Reġjonali ta’ Kreditu tal-Land ta’ Baden-Württemberg, huwa persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, u l-Land ta’ Baden-Württemberg huwa l-azzjonist uniku tal-ishma.

13.

Fil‑25 ta’ Ġunju 2014, il-BĊE informa lill-appellant, essenzjalment, li minħabba d-daqs tiegħu kien jaqa’ taħt is-superviżjoni tiegħu minflok is-superviżjoni kondiviża tal-MSU, skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u stiednu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

14.

Fl‑10 ta’ Lulju 2014, l-appellant ikkontesta dik l-analiżi billi invoka, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u l-Artikoli 70 u 71 tar- Regolament Qafas tal-MSU.

15.

Fl‑1 ta’ Settembru 2014, il-BĊE adotta deċiżjoni li tikklassifika lill-appellant bħala entità sinjifikanti fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku.

16.

Fis‑6 ta’ Ottubru 2014, l-appellant talab l-eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 24(1), (5) u (6) tar-Regolament Bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni [2014/360/UE tal-Bank Ċentrali Ewropew] tal‑14 ta’ April 2014 dwar l-istabbiliment ta’ Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU 2014, L 175, p. 47). Fit‑23 ta’ Ottubru 2014, inżammet seduta quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami.

17.

Fl‑20 ta’ Novembru 2014, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami ta opinjoni li tikkonstata l-legalità tad-deċiżjoni tal-BĊE.

18.

Fil‑5 ta’ Jannar 2015, il-BĊE adotta d-deċiżjoni kkontestata, li ħassret u ssostitwixxiet id-deċiżjoni tal‑1 ta’ Settembru 2014, filwaqt li żammet il-klassifikazzjoni tar-rikorrent bħala entità sinjifikanti.

19.

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE rrileva li l-valur tal-attiv tar-rikorrent kien jeċċedi EUR 30 biljun u rrifjuta li jilqa’ l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq l-eżistenza ta’ “ċirkostanzi partikolari”, fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku, li jiġġustifika li huwa kien għadu jaqa’ taħt is-superviżjoni prudenzjali diretta tal-awtoritajiet Ġermaniżi.

20.

Essenzjalment, il-BĊE enfasizza l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

il-klassifikazzjoni tar-rikorrent bħala entità sinjifikanti ma kinitx f’kontradizzjoni mal-għanijiet tar-Regolament Bażiku;

il-profil tar-riskju ta’ entità ma kienx kwistjoni rilevanti fl-istadju tal-klassifikazzjoni tagħha;

anki jekk jitqies li huwa kien tal-fehma li kienu jeżistu ċirkustanzi partikolari fil-każ tar-rikorrent, huwa kellu wkoll jivverifika jekk tali ċirkustanzi kinux jiġġustifikaw li r-rikorrent jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala entità inqas sinjifikanti;

skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Qafas tal-MSU, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi partikolari” kellu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva u, għaldaqstant, kien biss meta s-sorveljanza diretta tal-BĊE ma kinitx xierqa li entità setgħet tiġi kklassifikata mill-ġdid minn “sinjifikanti” għal “inqas sinjifikanti”;

it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ma setax jobbligah jivverifika jekk l-applikazzjoni tal-kriterji tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku għal entità kinitx proporzjonata u l-eżami tan-natura “m[hux] xier[qa]” tal-klassifikazzjoni ta’ entità bħala sinjifikanti ma kienx identiku għal tali eżami ta’ proporzjonalità;

in-natura xierqa tal-oqsfa superviżorji nazzjonali u l-kapaċità tagħhom li japplikaw standards superviżorji għoljin ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li l-eżerċizzju ta’ superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE ma kienx xieraq, peress li r-Regolament Bażiku ma kienx jissuġġettah għall-obbligu li juri in-natura mhux xierqa tal-oqsfa superviżorji nazzjonali jew ta’ standards nazzjonali ta’ superviżjoni.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

21.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Marzu 2015, l-appellant talab l-annullament tar-regolament kontenzjuż. L-appellant qajjem ħames motivi ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u tal-Artikolu 70 tar-Regolament Qafas tal-MSU fl-għażla tal-kriterji applikati mill-BĊE, it-tieni fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti; it-tielet fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-raba’ fuq użu ħażin ta’ setgħat li jirriżultaw minn assenza tal-BĊE li jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu; u l-ħames, fuq ksur mill-BĊE tal-obbligu tiegħu li jikkunsidra ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ.

22.

Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellant.

IV. It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.

L-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, billi tordna ż-żamma tal-effetti tas-sostituzzjoni tad-deċiżjoni tal-BĊE tal‑1 ta’ Settembru 2014;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

24.

Il-BĊE u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

V. L-appell

25.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iressaq tliet aggravji, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u tal-Artikolu 70 tar-Regolament Qafas tal-MSU, it-tieni nett fuq id-distorsjoni tad-deċiżjoni kkontestata u fuq l-evalwazzjoni żbaljata tar-rekwiżiti applikabbli għall-motivazzjoni u, it-tielet nett, fuq żbalji proċedurali mwettqa mill-Qorti Ġenerali permezz tal-introduzzjoni fis-sentenza tagħha ta’ elementi li ma humiex is-suġġett ta’ dawn il-proċeduri.

A. L-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u tal-Artikolu 70 tar-Regolament Qafas tal-MSU

26.

L-ewwel aggravju jinqasam f’tliet partijiet.

1.   L-interpretazzjoni żbaljata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU

27.

Fl-ewwel parti, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

28.

L-appellant jinvoka tliet argumenti

a)   L-interpretazzjoni testwali żbaljata

29.

Fl-ewwel lok, l-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat li “ċirkostanzi partikolari” ( 2 ) li jwasslu għall-klassifikazzjoni ta’ entità bħala entità inqas sinjifikanti jeżistu biss jekk is-superviżjoni prudenzjali diretta mill-awtoritajiet nazzjonali hija iktar adattata sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Bażiku minflok is-superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE. Skont l-appellant, l-interpretazzjoni letterali tat-terminu “ma jkunx xieraq” ( 3 ) tal-Qorti Ġenerali hija bbażata ruħha biss fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità li skontu il-kwistjoni dwar jekk att tal-Unjoni huwiex xieraq li tiddependi fuq jekk huwiex adattat sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 4 ). Intqal mill-appellant li l-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ibbażat ruħha fuq terminoloġija li ġejja minn kuntest totalment differenti u mhux fuq it-tifsira normali tat-terminu.

30.

Barra minn hekk, l-appellant iddikjara li l-Qorti Ġenerali assumiet b’mod żbaljat li hija biss il-verżjoni Ingliża tar-Regolament Qafas tal-MSU (u għalhekk it-terminu “ma jkunx xieraq”) li hija deċiżiva u b’hekk tikser il-prinċipju li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha huma awtentiċi ndaqs. L-appellant isostni li l-kunċetti “geeignet”, “aptes”, “idóneos”, “idonei” u “geschickt” jintużaw rispettivament fil-verżjoni Ġermaniża, dik Franċiża, Spanjola, Taljana u Olandiża tas-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et ( 5 ), ma jikkorrispondux mat-termini “unangemessen”, “inappropriée”, “inadecuada”, “inappropriata” u “niet passend” użati fl-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

31.

Skont l-appellant, it-termini “ma jkunx xieraq” u “ċirkustanzi partikolari” huma kunċetti legali indeterminati. L-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u l-Artikolu 70 tar-Regolament Qafas tal-MSU għandhom għalhekk jiġu interpretati b’riferiment għall-iskop u l-istruttura ġenerali tagħhom fid-dawl ta’ dritt ta’ livell superjuri.

32.

Il-BĊE u l-Kummissjoni jitolbu li dan l-argument jiġi miċħud. Min-naħa tiegħi, nista’ biss naqbel.

33.

Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-appellant ma jikkontestax il-validità tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku jew l-Artikolu 70 tar-Regolament Qafas tal-MSU. Minflok, dak li huwa inkwistjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża - u mill-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali - hija l-interpretazzjoni korretta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, peress li l-attiv tal-appellant jaqbeż EUR 30 biljun ( 6 ) isegwi li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku, huwa ma għandux jitqies “bħala inqas sinifikanti, dment li ma jkunx ġustifikat b’ċirkostanzi partikolari”. Jista’ jiġi osservat ukoll li l-appellant ma jikkontestax l-evalwazzjoni tal-BĊE li l-attiv tiegħu jeċċedi sew il-limitu leġiżlattiv applikabbli.

34.

Fil-fehma tiegħi, huwa ċar mit-termini “dment li ma jkunx ġustifikat b’ċirkostanzi partikolari”, li jinsabu fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku, li l-klassifikazzjoni ta’ entità li tissodisfa kwalunkwe kriterju ddettaljat speċifikat f’din id-dispożizzjoni bħala entità inqas sinjifikanti hija eċċezzjoni għar-regola normali li s-superviżjoni prudenzjali diretta ta’ entità bħal din li b’xi mod tilħaq dawn il-kriterji għandha tiġi eżerċitata mill-BĊE. Skont l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU, tali “ċirkustanzi partikolari” jeżistu fejn il-klassifikazzjoni ta’ entità bħala sinjifikanti “ma [t]kunxx xier[qa]” filwaqt li tqis l-għanijiet u l-prinċipji tar-Regolament Bażiku u, b’mod partikolari, il-ħtieġa li tiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards ta’ superviżjoni prudenzjali għoljin, u nżid, il-ħtieġa li nħarsu kontra riskji sistemiċi potenzjalment moħbija maħluqa minn istituzzjonijiet bankarji kbar b’attiv immobbiljari kbir. Dan huwa enfasizzat mill-fatt li l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Qafas tal-MSU jipprevedi li t-terminu “ċirkustanzi partikolari” fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku għandu jiġi interpretat b’mod strett. Id-differenza ovvja hawnhekk hija li l-klassifikazzjoni ta’ entità li tissodisfa kwalunkwe kriterju rilevanti bħala inqas sinjifikanti hija pjuttost ta’ natura eċċezzjonali u tidderoga min-norma. Dan kollu jfisser li meta xi wieħed mill-kriterji speċifikati fl-Artikolu 6(4) ikun issodisfatt, kwalunkwe entità bankarja, bħall-appellant, li tixtieq turi l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolari” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ma għandhiex sempliċiment tagħmel hekk b’sempliċi affermazzjonijiet, iżda għandha tistabbilixxi dan b’mod partikolarment konvinċenti.

35.

Inqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat fil-punt 44 tas-sentenza appellata li l-kliem tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU jiffoka fuq jekk is-superviżjoni diretta ta’ entità mill-BĊE, li fil-prinċipju ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala sinjifikanti ( 7 ) u għalhekk suġġetta għal superviżjoni diretta mill-BĊE, hijiex xierqa jew le. Kif tosserva ġustament il-Qorti Ġenerali, ma jsir l-ebda riferiment fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku jew fl-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU għal eżami tal-ħtieġa għal superviżjoni diretta tal-entità mill-BĊE jew għall-fatt li s-superviżjoni diretta mill-awtoritajiet nazzjonali hija daqstant kapaċi li tikseb l-għanijiet tar-Regolament Bażiku bħas-superviżjoni mill-BĊE biss ( 8 ).

36.

F’dan ir-rigward, l-iskema leġiżlattiva hija ċara. Wieħed irid jibda mill-premessa li kwalunkwe entità bankarja li tissodisfa kwalunkwe mill-kriterji ddettaljati speċifikati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku hija kkunsidrata jew meqjusa mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala “sinifikanti”, u b’hekk teħtieġ superviżjoni diretta mill-BĊE. Fil-każ ta’ entità bħall-appellant, ladarba l-assi tagħha jaqbżu l-limitu ta’ EUR 30 biljun, allura l-leġiżlatur tal-Unjoni jippreżumi li hija meħtieġa superviżjoni diretta tal-BĊE, sakemm l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari li jirrifjutaw din il-preżunzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU tiġi stabbilita b’mod konvinċenti.

37.

X’inhuma, allura, iċ-ċirkustanzi partikolari mressqa mill-appellant sabiex isostnu l-allegazzjoni tiegħu li għandha titqies bħala li taqa’ taħt l-eċċezzjoni tal-Artikolu 6(4)? L-argumenti prinċipali mressqa f’dan il-kuntest huma relatati mal-liġijiet li jirregolaw il-mudell ta’ impriża tiegħu u n-natura tal-operazzjonijiet tiegħu lill-klijenti. B’mod speċifiku, huwa sostnut li dawn l-għanijiet leġiżlattivi jiddefinixxu l-objettiv ewlieni tiegħu tal-għoti ta’ finanzi għal kompiti speċifiċi ta’ servizz pubbliku u jobbligaw lill-Istat Federali (Land) ta’ Baden-Würtemberg sabiex jipprovdilu r-riżorsi sabiex ikun jista’ jwettaq dawn il-kompiti. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-mudell ta’ impriża tiegħu għandu riskju ftit għoli, u peress li jinsab kważi kollu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, is-sempliċità stess tal-istruttura tiegħu tiżgura ġestjoni tajba tar-riskji, jiġifieri assenza ta’ rilevanza sistemika bħala istituzzjoni ta’ kreditu fi ħdan is-sistema bankarja Ġermaniża kollha.

38.

Fil-fehma tiegħi, anki jekk dawn l-argumenti kellhom jiġu aċċettati bħala fattwalment korretti, huma essenzjalment irrilevanti għall-kwistjonijiet inkwistjoni. Ma hemm xejn fir-Regolament Bażiku jew fir-Regolament Qafas tal-MSU li jissuġġerixxi li jew l-istruttura ġuridika tal-entità bankarja, il-liġijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tal-funzjonijiet bankarji tiegħu jew il-mudell ta’ impriża tiegħu, jew, għal din il-kwistjoni, in-natura tar-riskju li joħloq għall-istabbiltà bankarja huma rilevanti għall-klassifikazzjoni tiegħu bħala sinjifikanti taħt ir-Regolament Bażiku. Hawnhekk ta’ min ifakkar li t-tielet sentenza tal-Artikolu 1 tar-Regolament Bażiku tobbliga lill-BĊE li “għandu jqis bis-sħiħ it-tipi differenti, mudelli ta’ negozju u daqsijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu”, sabiex il-qafas leġiżlattiv jipprevedi li l-BĊE jeżerċita kontroll superviżorju fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu b’diversità ta’ mudelli ta’ impriża. Waħda mil-lezzjonijiet ulterjuri li l-leġiżlatur tal-Unjoni silet mill-kriżi finanzjarja tal-2008 kienet li ħafna mill-assunzjonijiet faċli li qabel kienu saru dwar in-natura tar-riskju finanzjarju jew l-assenza ta’ rilevanza sistemika ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu partikolari kienu finalment intwerew li kienu bla bażi meta kienu effettivament ivverifikati. Dan wara kollox huwa għaliex ir-Regolament Bażiku jitlaq mill-ipoteżi ex ante li istituzzjoni ta’ kreditu b’attiv ta’ dan id-daqs għandha tkun suġġetta għas-superviżjoni tal-BĊE, irrispettivament minn jekk din l-istituzzjoni tkun – jew ma tkunx – ta’ riskju sistemiku reali għall-istabbiltà finanzjarja. Minn dan jirriżulta li assenza ta’ riskju sistemiku pperċepit fih innifsu ma jfissirx li l-klassifikazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni bħala entità sinjifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku ma hijiex xierqa.

39.

Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ( 9 ) ibbażat fuq il-formulazzjoni li tinsab fil-punt 67 tas-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400) sabiex tinterpreta t-terminu “ma jkunx xieraq” ma jistax, fil-fehma tiegħi, jitqies bħala ġuridikament żbaljat. Għalkemm il-punt 67 tas-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400) bla dubju huwa marbut mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali ċċitat il-punt inkwistjoni sempliċiment sabiex turi fil-punt 46 tas-sentenza appellata li eżami dwar jekk att huwiex xieraq huwa distint minn eżami dwar jekk imurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ.

40.

Barra minn hekk, l-argumenti tal-appellant dwar il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU u l-punt 67 tas-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400) huma, nibża’, mhux konvinċenti. Inqis li s-sens ordinarju tat-termini “geeignet”, “aptes”, “idonei”, “idonei” u “geschickt” użati rispettivament fil-verżjoni lingwistika Ġermaniża, u dik Franċiża, Spanjola, Taljana u Olandiża tas-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 67) huwa l-antonimu tas-sens ordinarju tat-termini “unangemessen”, “inappropriée”, “inadecuada”, “inappropriata” u “niet passend” użati fl-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU. Huwa għalhekk ċar mill-formulazzjoni espliċita tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU, li s-superviżjoni ta’ entità mill-awtorità nazzjonali kompetenti hija permessa biss meta s-superviżjoni diretta mill-BĊE ma hijiex tajba jew inadegwata jew “mhux xierqa” fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament bażiku. Dan jista’, pereżempju, jinħoloq fejn is-superviżjoni prudenzjali ma tkunx milħuqa b’mod adegwat mill-BĊE.

b)   Il-prinċipju ta’ proporzjonalità

41.

Fit-tieni lok, l-appellant jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali naqset milli tinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità applikabbli fir-rigward tal-kompetenzi skont l-Artikolu 5(4) TUE.

42.

L-appellant ssostni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-prinċipju ta’ proporzjonalità applikabbli fir-rigward tal-kompetenzi ma huwiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU ( 10 ) ibbażat fuq il-fatt li “l-awtoritajiet nazzjonali […] jaġixxu fil-kuntest tal-implementazzjoni deċentralizzata ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni, u mhux l-eżerċizzju ta’ kompetenza nazzjonali” ( 11 ). L-appellant iqis li l-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-Artikolu 5(4) TUE japplika wkoll għall-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni u għalhekk għandu jiġi osservat mill-BĊE meta jaġixxi bħala awtorità superviżorja Ewropea u, b’mod partikolari, meta jikklassifika entità bħala sinjifikanti jew inqas sinjifikanti.

43.

L-appellant iqis li minn analiżi globali tal-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament Bażiku jidher li l-BĊE għandu kompetenza esklużiva fir-rigward tas-superviżjoni ta’ entitajiet sinjifikanti filwaqt li l-awtoritajiet nazzjonali jżommu l-kompetenzi eżistenti minn qabel fir-rigward ta’ entitajiet inqas sinjifikanti. Il-premessi 15, 28 ( 12 ) u 37 sa 40 ( 13 ) tar-Regolament Bażiku ma jsostnux il-konstatazzjoni kuntrarja tal-Qorti Ġenerali.

44.

L-appellant isostni wkoll li billi l-bażi legali tar-Regolament Bażiku huwa l-Artikolu 127(6) TFUE, il-Kunsill, kuntrarjament għal dak li rriżulta mill-Qorti Ġenerali fil-punti 63 u 72 tas-sentenza appellata, ma jistax jagħti setgħat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Huwa jkompli billi jsostni li skont l-Artikolu 5(4) TUE superviżjoni diretta mill-BĊE ma hijiex meħtieġa fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma kapaċi jilħqu l-għanijiet tar-Regolament Bażiku. “Ċirkostanzi partikolari” skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku jeżistu – skontha – fejn, minħabba ċirkustanzi speċifiċi u fattwali tal-każ, superviżjoni prudenzjali diretta mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti hija mill-inqas kapaċi li tikseb l-għanijiet tar-Regolament Bażiku bħala superviżjoni diretta mill-BĊE. F’dan il-każ, hija meħtieġa r-riklassifikazzjoni ta’ entità sinjifikanti bħala entità inqas sinjifikanti.

45.

Il-BĊE u l-Kummissjoni jsostnu li dan l-argument għandu jiġi miċħud. Jiena naqbel magħhom.

46.

Huwa importanti li wieħed jinnota mill-bidu li l-appellant ma jargumentax li xi dispożizzjoni tar-Regolament Bażiku jew tar-Regolament Qafas tal-MSU tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità deskritt fl-Artikolu 5(4) TUE ( 14 ).

47.

L-appellant pjuttost jikkunsidra li peress li l-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament Bażiku jillimitaw biss is-setgħat superviżorji esklużivi lill-BĊE fir-rigward ta’ entitajiet sinjifikanti filwaqt li l-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu, bħala prinċipju, kompetenti fir-rigward ta’ entitajiet inqas sinjifikanti, il-BĊE, meta jeżamina jekk jirriklassifikax entità bħala inqas sinjifikanti minħabba l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolari”, huwa għandu josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-BĊE għandu għalhekk jeżamina każ b’każ jekk superviżjoni prudenzjali ta’ entità partikolari tistax tkun għaldaqstant miksuba mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, f’liema każ, l-entità għandha tkun ikklassifikata bħala inqas sinjifikanti.

48.

Minn dak li ntqal jirriżulta li huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompetenzi ta’ tqassim bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti skont l-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament Bażiku fir-rigward ta’ entitajiet inqas sinjifikanti qabel ma teżamina l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minn dik il-qorti.

1) It-tqassim tal-kompetenzi

49.

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li “ġiet iddelegata kompetenza esklużiva lill-BĊE, mill-Kunsill, fir-rigward tal-kompiti previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku u li l-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament għandu l-għan uniku li jippermetti l-implimentazzjoni deċentralizzata fil-qafas tal-MSU ( 15 ) ta’ din il-kompetenza mill-awtoritajiet nazzjonali, taħt il-kontroll tal-BĊE, fil-konfront tal-entitajiet inqas sinjifikanti u fir-rigward tal-kompiti previsti fl-Artikolu 4(1)(b) u (d) sa (i) tar-Regolament Bażiku, filwaqt li jagħti lill-BĊE kompetenza esklużiva sabiex jiddetermina l-kontenut tal-kunċett ta’ ‘ċirkostanzi partikolari’ skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) ta’ dan l-istess regolament, li ġie implementat bl-adozzjoni tal-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Qafas tal-MSU”.

50.

Min-naħa tiegħi naqbel kompletament mal-analiżi tal-Qorti Ġenerali. L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku jagħti lill-BĊE kompetenza esklussiva biex iwettaq id-disa’ kompiti speċifikati fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu “kollha” stabbiliti fl-Istati Membri ( 16 ) parteċipanti fil-qafas tal-Artikolu 6 ta’ dak ir-regolament. Hawnhekk ta’ min ifakkar li ma ssir l-ebda distinzjoni għal dan l-iskop fl-Artikolu 4 tar-Regolament Bażiku bejn entitajiet sinjifikanti u inqas sinjifikanti. Madankollu, l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku jipprevedi, fir-rigward ta’ entitajiet inqas sinjifikanti, li l-BĊE għandu jkollu ċerti responsabbiltajiet ( 17 ) f’relazzjoni mal-kompiti speċifikati fil-punti (b), (d) sa (g) u (i) tal-Artikolu 4(1) filwaqt li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom responsabbiltajiet oħra fir-rigward ta’ dawk il-kompiti. Il-BĊE waħdu huwa responsabbli għall-kompiti elenkati fl-Artikolu 4(1)(a) u (ċ) tar-Regolament Bażiku fir-rigward ta’ entitajiet inqas sinjifikanti.

51.

L-Artikolu 6(5)(a) tar-Regolament Bażiku jipprevedi li l-BĊE għandu joħroġ regolamenti, linji gwida jew struzzjonijiet ġenerali lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti speċifikati fl-Artikolu 4 ( 18 ). Sabiex jiżgura standards superviżorji għoljin, il-BĊE jista’ jiddeċiedi li jeżerċita s-setgħat kollha rilevanti fir-rigward ta’ entità waħda jew iktar li huma inqas sinjifikanti ( 19 ). Barra minn hekk, il-BĊE għandu s-setgħa li jissorvelja t-tħaddim tas-sistema ( 20 ), jista’ fi kwalunkwe ħin jagħmel użu mis-setgħat investigattivi li jinsabu fl-Artikoli 10 sa 13 tar-Regolament Bażiku ( 21 ) u jista’ jitlob informazzjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali dwar it-twettiq tal-kompiti tagħhom ( 22 ).

52.

B’kuntrast, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu u jkunu responsabbli għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku, ħlief dawk fl-Artikolu 4 (a) u (ċ), u jadottaw id-deċiżjonijiet superviżorji rilevanti kollha fir-rigward ta’ entitajiet inqas sinjifikanti skont il-qafas adottat mill-BĊE, “f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali […]”, skont l-Artikolu 6(7) tar-Regolament Bażiku ( 23 ). Abbażi ta’ dan il-qafas, il-BĊE adotta r-Regolament Qafas tal-MSU, inklużi l-Artikoli 70 u 71 tiegħu li jistipulaw ir-regoli sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolari” ( 24 ).

53.

Minħabba l-ammont qawwi tal-kompetenzi mogħtija lill-BĊE fir-rigward ta’ entitajiet inqas sinjifikanti u r-rwol manifestament sekondarju jew anċillari li għandhom l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali f’dan ir-rigward taħt ir-Regolament Bażiku, ma nistax naqbel mal-pretensjoni tal-appellant li dawn l-awtoritajiet iżommu l-kompetenzi eżistenti minn qabel fir-rigward ta’ dawn l-entitajiet. Il-BĊE għalhekk jeżerċita s-superviżjoni prudenzjali esklużiva ta’ entitajiet inqas sinjifikanti fir-rigward tad-disa’ kompiti speċifikati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku u huwa megħjun ( 25 ) f’dan l-eżerċizzju fir-rigward tal-kompiti speċifikati fil-punti (b), (d) sa (g) u (i) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku.

54.

Barra minn hekk, fir-rigward tat-talba tal-appellant fir-rigward tal-bażi ġuridika tar-Regolament Bażiku, ma nistax naqbel mal-analiżi tiegħu tas-sentenza appellata peress li l-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx, fil-punti 63 u 72 ta’ dik is-sentenza, li ġew konferiti setgħat fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Dawn il-punti jirreferu speċifikament għall-kompetenza esklużiva tal-BĊE/tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, minħabba li r-Regolament Bażiku jipprevedi li l-BĊE, u mhux l-Istati Membri, għandu jeżerċita superviżjoni prudenzjali esklużiva ta’ entitajiet inqas sinjifikanti fir-rigward tad-disa’ kompiti speċifikati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku, l-argument tal-appellant dwar il-bażi ġuridika tar-Regolament Bażiku deskritt fil-punt 44 iktar ’il fuq ma jistax jirnexxi u għandu jiġi miċħud.

2) L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

55.

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant fil-punti 42 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li l-prinċipju ta’ proporzjonalità kien irrilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali eżaminat din il-kwistjoni fil-fond fil-punti 66 sa 85 tas-sentenza appellata u rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-prinċipju fil-punti 66 sa 68 ta’ dik is-sentenza.

56.

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(4) TUE jirriżulta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità japplika għall-kontenut u l-forma ta’ kwalunkwe azzjoni tal-Unjoni, inkluż, kif issostni l-appellant, l-azzjoni meħuda mill-Unjoni meta taġixxi fil-kompetenza esklużiva tagħha.

57.

Fil-fehma tiegħi, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jistax ibiddel it-tqassim tal-kompetenzi tal-Istati Membri u tal-Unjoni li hija rregolata mill-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenzi skont l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 5(2) TUE. Skont l-Artikolu 5(1) TUE “il-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni huma regolati mill-prinċipju ta’ l-għoti ta’ kompetenzi”. L-Artikolu 5(2) TUE jipprevedi li, “[s]kont il-prinċipju ta’ l-għoti tal-kompetenzi, l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex twettaq l-objettivi stabbiliti minn dawn it-Trattati. Il-kompetenzi kollha li ma jingħatawx lill-Unjoni fit-Trattati jibqgħu għand l-Istati Membri”. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jistax għalhekk jiġi invokat sabiex tingħata kompetenza tal-Unjoni lill-Istati Membri jew viċi versa. Madankollu, l-“eżerċizzju [tal-kompetenzi tal-Unjoni] huwa regolat mill-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità” ( 26 ).

58.

Meta jinterpreta l-kunċetti ta’ “ċirkostanzi partikolari” skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u “ma jkunx xieraq” skont l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-BĊE jista’ ma jikklassifikax entità li għandha tiġi kklassifikata bħala sinjifikanti bħala insinjifikanti sakemm dik l-azzjoni ma tkunx, b’mod partikolari, xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi tar-Regolament Bażiku u ma teċċedix il-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

59.

Għaldaqstant ma huwiex biżżejjed li jiġi stabbilit li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jiksbu l-għanijiet tar-Regolament Bażiku ( 27 ), kif argumenta l-appellant, peress li dan sempliċement jissodisfa r-rekwiżit tal-adegwatezza tal-azzjoni skont ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità. Għall-kuntrarju, il-fatt li s-superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tista’ tilħaq aħjar l-għanijiet tar-Regolament Bażiku ( 28 ) - u b’hekk jiġi żgurat li l-klassifikazzjoni ta’ entità li għandha titqies bħala sinjifikanti bħala insinjifikanti ma taqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

60.

Kwalunkwe tentattiv li tiġi kklassifikata entità li għandha titqies bħala sinjifikanti bħala insinjifikanti skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku fuq il-bażi li l-għanijiet ta’ dak ir-regolament jistgħu jintlaħqu bl-istess mod permezz ta’ superviżjoni diretta mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mhux biss imur kontra t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-BĊE stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni, iżda ma josservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

61.

Fi kwalunkwe każ, inqis li l-argument ta’ proporzjonalità kif imressaq mill-appellant f’dan l-appell huwa sostanzjalment kontestazzjoni indiretta għall-validità tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku. Kif diġà osservajt, l-iskema leġiżlattiva hija ċara peress li l-entitajiet bankarji li jissodisfaw xi waħda mill-kundizzjonijiet enumerati speċifikati fihom preżuntivament jitqiesu li huma sinjifikanti sakemm ma jiġux stabbiliti b’mod ċar ċirkustanzi partikolari. Dan huwa enfasizzat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Qafas tal-MSU li jiddikjara li t-terminu “ċirkustanzi partikolari” għandu jiġi interpretat b’mod strett.

62.

Filwaqt li, ċertament, l-applikazzjoni potenzjali tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma tistax, f’każ xieraq, tiġi eskluża, fl-istess ħin il-prinċipju ma jistax jintuża b’mod li effettivament idgħajjef l-effett utli tal-iskema leġiżlattiva stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Iżda dan huwa dak li l-appellant effettivament fittex li jikseb permezz ta l-appell preżenti.

63.

F’dan il-kuntest ma nistax nevita li naħseb li l-appellant b’mod separat naqas milli jressaq argumenti bbażati fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku. L-argument ta’ proporzjonalità minflok jidher li huwa argument li minħabba li jkun possibbli - anki mixtieq - li l-appellant ikun irregolat direttament mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, huwa l-BĊE li għandu l-oneru li jistabbilixxi li b’xi mod kien meħtieġ li jsir il-kuntrarju. Dan, madankollu, huwa argument li huwa pjuttost inkonsistenti mal-kuntest ċar tal-iskema leġiżlattiva u, kif għadni kif għidt, ifisser sostanzjalment sfida indiretta għall-validità tagħha.

64.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha nikkunsidra li l-argument ta’ proporzjonalità kif imressaq mill-appellant ma huwiex fondat.

c)   Ksur tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni “ut res magis valeat quam pereat” u l-obbligu li ma tiġix rikjesta “probatio diabolica”

65.

Fit-tielet lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ interpretazzjoni ut res magis valeat quam pereat u l-obbligu li ma tiġix rikjesta probatio diabolica. L-argument imressaq hawnhekk jammonta, fil-fatt, għal affermazzjoni li l-eċċezzjoni fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) ma għandhiex tkun eċċessivament diffiċli li tiġi stabbilita.

66.

L-appellant jikkunsidra li l-kunċett ta’ “ċirkostanzi partikolari” fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku ma jistax jiġi interpretat b’tali mod li qatt ma tista’ tiġi maqluba l-preżunzjoni li entitajiet li jissodisfaw il-kriterji elenkati minn din id-dispożizzjoni għandhom ikunu kklassifikati entitajiet sinjifikanti. Filwaqt li l-kriterji relatati mal-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolari” skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Qafas tal-MSU huma suġġetti għal “interpretazzjoni stretta”, hija ssostni li madankollu għandhom jiġu applikati dawk il-kriterji. Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali fil-punti 46 u 80 tas-sentenza appellata ma fehmitx dan il-punt, u b’hekk, tagħmilha impossibbli għall-appellant li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi partikolari.

67.

L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 80 tas-sentenza appellata meta tiddikjara li “superviżjoni prudenzjali diretta mill-awtoritajiet nazzjonali [għandha] aħjar sabiex jintlaħqu l-għanijiet u l-prinċipji tar-Regolament Bażiku” u li dan il-punt irid jiġi pprovat mill-entitajiet sinjifikanti. Skont ir-rikorrent, la r-Regolament Bażiku u lanqas ir-Regolament Qafas tal-MSU ma jistabbilixxu ġerarkija bħal din bejn superviżjoni li hija “aħjar” sabiex tikseb l-objettivi tar-Regolament Bażiku u dik li hija “inqas aħjar” li tagħmel dan. Il-kriterju tal-Qorti Ġenerali li s-superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali hija “aħjar” hija, skont l-appell, mhux xierqa u ċċaħħad lil entitajiet sinjifikanti b’kull possibbiltà realistika li fil-fatt jipproduċu l-prova rikjesta minn dik il-qorti peress li dawn l-entitajiet għandhom jistabbilixxu fatti relatati mal-mod kif joperaw id-diversi awtoritajiet superviżorji, fatti li ma jaqgħux fl-isfera ta’ kompetenza ta’ dawn l-entitajiet. Ir-regola dwar “ċirkustanzi partikolari” li tirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u mill-Artikolu 70 tar-Regolament Qafas tal-MSU hija maħsuba sabiex tevita inkonsistenzi li jirriżultaw minn applikazzjoni simplistika tal-kriterju tad-daqs f’każ partikolari li kienet twassal sabiex jingħataw kompetenzi eċċessivi lill-BĊE.

68.

Fir-risposta tagħhom, il-BĊE u l-Kummissjoni jikkunsidraw li huwa possibbli li jintwerew “ċirkostanzi partikolari” skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku. Huma rreferew għal numru ta’ eżempji ta’ deċiżjonijiet adottati mill-BĊE f’dan ir-rigward.

69.

Fir-replika tiegħu, l-appellant isostni li d-deċiżjonijiet tal-BĊE msemmija mill-BĊE u mill-Kummissjoni ma applikawx il-kriterju adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Skont l-appellant, dawk id-deċiżjonijiet tal-BĊE jipprovaw għall-kuntrarju li l-BĊE jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b’mod arbitrarju u opportunistiku.

70.

Jidhirli li din l-allegazzjoni tal-appellant għandha tiġi miċħuda. Preliminarjament, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja li qed taġixxi fil-kapaċità tagħha ta’ qorti tal-appell ma tistax tevalwa jekk l-eżempji ta’ deċiżjonijiet tal-BĊE mogħtija mill-BĊE u mill-Kummissjoni jsostnux l-argument tagħhom li applikazzjoni tal-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku ma tirrikjedix probatio diabolica. Din hija kwistjoni ta’ fatt li ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq appell.

71.

Kif diġà osservajt, mill-Artikolu 70(2) tar-Regolament Qafas tal-MSU jirriżulta ċar li t-terminu “ċirkustanzi partikolari” fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku għandu jiġi interpretat b’mod strett. Il-klassifikazzjoni ta’ entità sinjifikanti bħala entità inqas sinjifikanti minħabba l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku għandha konsegwentement titqies bħala ta’ natura eċċezzjonali.

72.

Forsi, ma huwiex daqstant neċessarju li wieħed jipprova jagħti definizzjoni eżawrjenti ta’ x’jikkostitwixxi “ċirkostanzi partikolari” għall-iskop ta’ dan l-appell. Minkejja dan, l-għan regolatorju taż-żewġ regolamenti – li wara kollox huwa maħsub sabiex jiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin permezz tal-applikazzjoni tal-istess regoli sostantivi relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ dik l-entità, irrispettivament minn jekk dan huwiex magħmul f’livell nazzjonali jew fil-livell tal-BĊE – l-eċċezzjoni maħsuba fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku tidher prinċipalment diretta għal dawk iċ-ċirkustanzi speċjali u mhux tas-soltu fejn il-klassifikazzjoni tal-entità bħala sinjifikanti tikkostitwixxi fil-prattika għal ostakolu għall-applikazzjoni konsistenti ta’ dawn l-istandards superviżorji għoljin.

73.

L-appellant jirreplika li huwa effettivament impossibbli li jiġi pprovat li s-superviżjoni prudenzjali diretta mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tista’ tilħaq aħjar l-għanijiet tar-Regolament Bażiku, peress li dan ikun jeħtieġ għarfien tal-mod li bih joperaw l-awtoritajiet superviżorji varji.

74.

Min-naħa tiegħi, nikkunsidra li dan l-argument għal kollox mhux konvinċenti. Ċertament, huwa iktar faċli li tissodisfa l-kriterju rrakkomandat mill-appellant iktar milli dak stabbilit mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Iżda ż-żewġ kriterji jeħtieġu għarfien fil-fond tal-mod li bih joperaw il-BĊE u awtorità nazzjonali kompetenti speċifika. Fid-dawl tal-fatt li l-mod li bih joperaw il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali hija magħrufa mill-pubbliku, ma narax kif huwa impossibbli li jintwera f’każ partikolari li s-superviżjoni prudenzjali diretta mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tista’ tilħaq aħjar l-għanijiet tar-Regolament Bażiku. Barra minn hekk, l-appellant huwa entità b’riżorsi abbundanti u, wieħed jassumi, b’għarfien estensiv tal-prattika u r-regoli bankarji. Kieku kien hemm “ċirkostanzi partikolari” li jistgħu jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku sabiex is-superviżjoni diretta terġa’ lura mill-BĊE lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, wieħed jimmaġina li l-appellant ma jdumx sabiex jindika dawn il-kunsiderazzjonijiet partikolari. Iżda, b’mod stramb, baqa’ sieket dwar din il-kwistjoni preċiża, u pprefera jippreżenta dawk li għandhom jitqiesu, fid-dawl tal-fatti ta’ dan l-appell, bħala argumenti pjuttost teoretiċi dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-interazzjoni tiegħu mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku.

2.   Żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti

75.

Fit-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 101 sa 112 tas-sentenza appellata billi naqset milli teżamina ċ-ċirkustanzi speċifiċi mqajma mill-appellant u tevalwa jekk fil-każ tal-appellant kienx hemm “ċirkostanzi partikolari” skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku. Il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq din l-evalwazzjoni u sempliċement ikkonstatat fil-punt 108 tas-sentenza appellata li l-appellant ma kienx argumenta li s-superviżjoni nazzjonali tkun tista’ tilħaq aħjar l-għanijiet tar-Regolament Bażiku milli s-superviżjoni diretta mill-BĊE.

76.

Il-BĊE u l-Kummissjoni jitolbu li dan l-argument jiġi miċħud. Jien naqbel magħhom.

77.

Għandu jiġi nnotat, kif diġà osservajt, li fl-ewwel istanza, fir-rikors tiegħu l-appellant ma jikkontestax il-fatt li huwa ressaq insostenn tal-argument tiegħu, li kellu jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala entità inqas sinjifikanti, kienu biss immirati biex juri li superviżjoni diretta mill-BĊE ma kinitx meħtieġa ( 29 ).

78.

Fil-fehma tiegħi, kieku l-Qorti Ġenerali kellha, ex officio, teżamina l-fatti mressqa mill-appellant sabiex tevalwa jekk is-superviżjoni diretta mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tkunx tista’ tilħaq aħjar l-għanijiet tar-Regolament Bażiku kienet tikser il-projbizzjoni ta’ deċiżjoni ultra petita ( 30 ). Dik il-mistoqsija, li ma tqajmitx mill-appellant fir-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, ma taqax fl-eċċezzjoni dwar kwistjonijiet ta’ ordni pubblika li l-Qorti Ġenerali tista’ tqajjem ex officio.

79.

L-appellant jikkontesta wkoll l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 109 sa 111 tas-sentenza appellata li permezz tagħha dik il-qorti ċaħdet it-talba tiegħu li minħabba d-diversità tal-ordinamenti ġuridiċi u l-awtoritajiet superviżorji, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jikkooperaw aħjar bejniethom milli mal-BĊE sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji prudenzjali fuq il-bażi li l-appellant ma kien ipproduċa l-ebda prova li turi li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet Ġermaniżi rilevanti kienet iktar faċli minn dik mal-BĊE.

80.

Mill-punt 109 tas-sentenza appellata jidher li kien biss fir-risposta tiegħu fl-ewwel istanza li l-appellant ipproduċa ċerti provi bl-għan li juri li l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun tista’ tilħaq aħjar l-għanijiet tar-Regolament Bażiku. Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex teżamina dawn il-provi fuq il-bażi li kienu jikkostitwixxu, skont il-BĊE u l-Kummissjoni, motiv ġdid u għalhekk kienet inammissibbli, inqis li l-appellant fil-fatt ma ddikjarax li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 111 tas-sentenza appellata hija żbaljata. F’dan l-appell, l-appellant sempliċement jallega li ma kienx avżat li kellu jipproduċi dawn il-provi u, fi kwalunkwe każ, dan kien jimponi piż impossibbli fuqu.

81.

Peress li l-appellant innifsu ressaq din l-istqarrija, hija r-responsabbiltà tiegħu li jipproduċi provi li jappoġġjawha. Barra minn hekk, fid-dawl tat-tweġiba tiegħi fit-taqsima preċedenti ( 31 ), jien insib ruħi mhux konvint mill-allegazzjoni tal-appellant li ma jistax jipproduċi provi relatati mal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali jew mal-operat tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-BĊE li huma kollha kwistjonijiet li huma fi ħdan id-dominju pubbliku. Kieku tassew li s-superviżjoni ta’ dan l-appellant fil-livell tal-BĊE kienet setgħet tippreġudika l-applikazzjoni ta’ standards bankarji regolatorji xierqa ta’ livell għoli, huwa għal darb’oħra biżżejjed li wieħed jgħid li l-appellant bla dubju għandu l-għarfien espert u r-riżorsi neċessarji sabiex ikun jista’ jagħmel dan il-każ. Għal darb’oħra, ma nistax nonqos li nikkonstata li naqas milli jagħmel hekk, u pprefera għal dan il-għan li jistrieħ fuq argumenti essenzjalment astratti bbażati fuq il-proporzjonalità.

3.   Ir-rifjut żbaljat li jiġi rrikonoxxut li l-BĊE naqas milli jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu u kiser l-obbligu tiegħu li jeżamina l-każ

82.

Fit-tielet parti tal-ewwel aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonstatat li l-BĊE ma kisirx l-obbligu tiegħu li juża s-setgħa diskrezzjonali tiegħu bħala “l-argumenti ppreżentati mir-rikorrent matul il-proċedura amministrattiva kienu intiżi biss li juru li l-għanijiet tar-Regolament Bażiku setgħu jintlaħqu b’superviżjoni diretta tar-rikorrent mill-awtoritajiet nazzjonali”. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat fil-punti 140 et seq. tas-sentenza appellata li l-BĊE ma jistax “jiġi kkritikat li ma eżerċitax is-setgħa diskrezzjonali tiegħu meta ċaħad, mill-ewwel, argument irrilevanti”.

83.

Skont l-appellant, hija daqstant żbaljata l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 149 tas-sentenza appellata li “li ċ-ċirkustanzi li, fir-rigward tagħhom il-BĊE ġie kkritikat li ma ħax inkunsiderazzjoni, kienu irrilevanti fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU”, u li għaldaqstant, “il-BĊE ma setax jiġi kkritikat b’mod utli talli ma ħax tali ċirkustanzi inkunsiderazzjoni meta applika din id-dispożizzjoni.”

84.

L-appellant isostni li l-fatti ppreżentati ma kinux irrilevanti għall-eżami tal-BĊE u l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu peress li l-appellant invokahom insostenn tal-kriterju ġuridiku korrett li għandu jiġi applikat skont l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU. Fi kwalunkwe każ, la l-BĊE u lanqas il-Qorti Ġenerali ma jistgħu sempliċement jiċħdu l-argument ta’ parti bħala “irrilevanti” għar-raġuni biss li, mill-perspettiva tagħhom, dak l-argument huwa bbażat fuq kriterju ġuridiku żbaljat. Għall-kuntrarju, il-BĊE għandu jikkunsidra l-fatti rilevanti kollha u jeżerċita bis-sħiħ is-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE ma jissodisfax dan ir-rekwiżit.

85.

Il-BĊE u l-Kummissjoni jsostnu li dan l-argument għandu jiġi miċħud. Jien naqbel magħhom.

86.

Peress li l-kriterju ġuridiku korrett għal “ċirkostanzi partikolari” skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku u “ma jkunx xieraq” skont l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU huwa jekk il-kisba tal-għanijiet tar-Regolament Bażiku jistax ikun issalvagwardjat aħjar permezz ta’ superviżjoni diretta mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat fil-punti 140 u 149 tas-sentenza appellata li l-argumenti jew provi li għandhom tendenza li jissodisfaw kriterju ġuridiku differenti, jiġifieri, dik l-fatt li s-superviżjoni mill-awtoritajiet Ġermaniżi rilevanti tkun biżżejjed sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, huma irrilevanti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li l-BĊE ma kienx uża b’mod ħażin is-setgħat tiegħu billi naqas milli jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu fl-applikazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU u ma kienx naqas milli jqis iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

87.

Inżid li, kieku l-Qorti Ġenerali jew, wara kollox, il-BĊE aġixxew fuq il-bażi ta’ provi li sempliċement urew li s-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi tkun biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Bażiku imma li ma jmorrux iktar minn hekk u jistabbilixxu li l-kisba tal-għanijiet ta’ dak ir-regolament tista’ tiġi ssalvagwardjata aħjar permezz ta’ superviżjoni diretta mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huma jkunu wettqu żball ta’ liġi.

B. It-tieni aggravju, ibbażat fuq l-iżnaturament tad-deċiżjoni kkontestata u fuq evalwazzjoni żbaljata tar-rekwiżiti applikabbli għall-motivazzjoni

88.

It-tieni aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.

1.   Il-Qorti Ġenerali żnaturat ir-raġunament tad-deċiżjoni kkontestata

89.

L-appellant isostni li, fil-punti 31 u 34 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat ir-raġunament tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk wettqet żball ta’ liġi ( 32 ).

90.

Fl-ewwel lok, l-appellant iqis li fil-punt 31 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali qalbet l-ordni tas-sentenzi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata u fit-tieni lok, rabtet din id-deċiżjoni mal-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal‑20 ta’ Novembru 2014 ( 33 ) anki jekk tali rabta ma tidhirx fid-deċiżjoni kkontestata nnifisha. L-appellant jenfasizza l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata sempliċement tiddikjara li l-klassifikazzjoni tal-entità sorveljata bħala sinjifikanti ma hijiex f’kontradizzjoni mal-għanijiet tar-Regolament Bażiku. Id-deċiżjoni kkontestata ma tgħidx li huwa għal din ir-raġuni li s-superviżjoni tal-appellant ma hijiex “mhux xierqa” fis-sens tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami enfasizza l-fatt li l-appellant kellu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jindikaw li s-superviżjoni diretta mill-awtorità nazzjonali kompetenti tkun tista’ tiggarantixxi aħjar l-għanijiet tar-Regolament Bażiku. L-appellant madankollu jqis li din l-allegata konnessjoni bejn il-kriterji stabbiliti fl-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal‑20 ta’ Novembru 2014 u d-deċiżjoni kkontestata ma teżistix. Id-deċiżjoni kkontestata ma tirreferix għas-silta kkwotata minn dik l-opinjoni u lanqas għal xi silta oħra tagħha. Bil-kontra, l-opinjoni ma ssemmix il-kriterju ta’ “kontradizzjoni” mal-għanijiet tar-Regolament Bażiku, li għalih tirreferi d-deċiżjoni kkontestata.

91.

L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali, wara li rreferiet għar-riproduzzjoni żbaljata tagħha tad-deċiżjoni kkontestata fil-punt 31 tas-sentenza appellata, eżaminat fil-punt 34 ta’ dik is-sentenza l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, l-opinjoni tal-BĊE fir-rigward tal-kriterju ta’ evalwazzjoni li għandu jiġi applikat. L-appellant jinnota li skont il-Qorti Ġenerali, mid-deċiżjoni kkontestata, interpretata fid-dawl tal-opinjoni, jirriżulta li l-BĊE jikkunsidra li l-applikazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU ma tistax twassal għall-klassifikazzjoni ta’ entità bħala inqas sinjifikanti sakemm superviżjoni diretta mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi tkun tista’ tiggarantixxi aħjar l-għanijiet tar-Regolament Bażiku milli s-sorveljanza mill-BĊE ( 34 ). L-appellant isostni li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmix dan il-kriterju mqar għal darba.

92.

Il-BĊE u l-Kummissjoni jsostnu li dan l-argument għandu jiġi miċħud. Jien naqbel magħhom.

93.

Minbarra l-obbligu taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Bażiku u l-Artikolu 33(1) u (2) tar-Regolament Qafas tal-MSU sabiex il-BĊE jiddikjara raġunijiet fid-deċiżjoni tiegħu, l-Artikolu 296 TFUE jiddikjara b’mod ċar li atti ġuridiċi ( 35 ) għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati.

94.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet ta’ difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-Qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att. Il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni, li tkun adottat l-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Madankollu, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti mill-motivazzjoni jiddependu miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, b’mod partikolari mill-kontenut tal-miżura inkwistjoni, min-natura tar-raġunijiet mogħtija u mill-interess li dawk li għalihom il-miżura tkun indirizzata, jew għal partijiet oħra li lilhom tkun tikkonċerna b’mod dirett u individwali, jista’ jkollhom sabiex jiksbu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. Għalhekk, minn naħa, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha ( 36 ).

95.

Ninnota preliminarjament li s-sempliċi affermazzjoni mill-appellant li l-ordni tas-sentenzi fid-deċiżjoni kkontestata nqalbet mill-Qorti Ġenerali ma turix, fiha nnifisha, li t-tifsira ta’ dik id-deċiżjoni ġiet distorta.

96.

Barra minn hekk, inqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal‑20 ta’ Novembru 2014 ( 37 ) hija marbuta mad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk hija parti mill-kuntest li fih tagħmel parti dik id-deċiżjoni ( 38 ).

97.

L-appellant innifsu mhux biss jiddikjara li l-opinjoni kienet “annessa” mad-deċiżjoni kkontestata u saret riferiment għaliha fiha bħala parti mill-kuntest storiku li fih ġiet adottata dik id-deċiżjoni, imma jiddikjara wkoll li skont l-Artikolu 24(9) tar-Regolament Bażiku ( 39 ) u l-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal‑14 ta’ April 2014 dwar it-twaqqif ta’ Bord Amministrattiv ta’ Reviżjoni u r-Regoli Operattivi tiegħu ( 40 ), il-BĊE huwa obbligat li jehmeż ( 41 ) l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami mad-deċiżjonijiet ġodda kollha.

98.

Inqis li huwa evidenti mill-Artikolu 24(7) ( 42 ) u (9) tar-Regolament Bażiku li l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, l-abbozz ġdid ta’ deċiżjoni sottomess mill-Bord ta’ Sorveljanza u d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill Regolatorju skont dak l-artikolu huma intrinsikament marbuta. Dan huwa minnu anki jekk l-opinjoni ma torbotx lill-Bord ta’ Sorveljanza jew lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE ( 43 ).

99.

Minħabba l-obbligu skont l-Artikolu 24(7) tar-Regolament Bażiku tal-Bord ta’ Sorveljanza sabiex iqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u sabiex minnufih jissottometti abbozz ta’ deċiżjoni ġdida lill-Kunsill Regolatorju u l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tiġi għall-istess konklużjoni bħall-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal‑20 ta’ Novembru 2014, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li l-opinjoni tista’ tiġi kkunsidrata sabiex jiġi evalwat jekk id-deċiżjoni kkontestata fihiex motivazzjoni adegwata ( 44 ).

100.

Għalhekk l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

2.   Il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonstata li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx motivata b’mod adegwat

101.

Fit-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellant isostni li billi l-Qorti Ġenerali żnaturat ir-raġunament tad-deċiżjoni kkontestata u ssostitwiet ir-raġunament tagħha għal dak tal-BĊE, hija injorat il-fatt li l-BĊE ma osservax l-obbligu ta’ motivazzjoni. Skont l-appellant, ir-raġunament tad-deċiżjoni kkontestata huwa illoġiku u intrinsikament kontradittorju.

102.

Peress li din il-parti tat-tieni aggravju hija bbażata fuq l-assenza ta’ rabta bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal‑20 ta’ Novembru 2014 u li din tal-aħħar ma tifformax parti mill-kuntest li fih id-deċiżjoni kkontestata kienet adottata, nikkunsidra li għandu wkoll jiġi miċħud bħala ineffettiv.

103.

Madankollu, għal raġunijiet ta’ kompletezza nipproponi li nindirizza numru ta’ argumenti mqajma mill-appellant.

104.

L-appellant jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tirrikonoxxi li d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax il-motivi ġuridiċi li fuqhom hija bbażata peress li l-BĊE fid-deċiżjoni kkontestata sempliċement jagħmel kuntrast bejn kriterji ġuridiċi differenti. Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata ma tindikax b’mod ċar il-fatti li l-BĊE kellu l-intenzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni meta jiddeċiedi jekk il-klassifikazzjoni ta’ entità bħala sinjifikanti hijiex xierqa.

105.

L-appellant jinnota li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm kontradizzjoni “bejn, minn banda, ir-referenza fl-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami dwar il-fatt li l-eżitenza ta’ ‘ċirkostanzi partikolari’ timplika li l-għanjiet tar-Regolament Bażiku, u, b’mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti ta’ standards superviżorji prudenzjali għoljin, għandhom ikunu żgurati aħjar bis-superviżjoni diretta mill-awtoritajiet nazzjonali u, mill-banda l-oħra, ir-riferiment fid-deċiżjoni kkontestata għall-fatt li s-superviżjoni diretta [tal-appellant] mill-BĊE għandha tkun kuntrarja għall-għanijiet tar-Regolament Bażiku sabiex l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU jkun applikabbli”.

106.

Nikkunsidra wkoll li ma hemm l-ebda kontradizzjoni bejn dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet u li, minħabba r-rabta bejn id-dokumenti inkwistjoni, l-ewwel wieħed sempliċement iservi sabiex jiċċara it-tieni wieħed fid-dawl tal-kuntest ġuridiku rilevanti. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku jirrikjedi l-eżistenza ta’ “ċirkostanzi partikolari” sabiex tiġi kklassifikata mill-ġdid entità sinjifikanti bħala inqas sinjifikanti, u b’hekk jiġi żgurat li s-superviżjoni prudenzjali diretta titwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mhux mill-BĊE. Skont l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU, “ċirkustanzi partikolari” jeżistu fejn, b’mod partikolari l-klassifikazzjoni ta’ entità sorveljata bħala sinjifikanti ma hijiex xierqa, meta jitqiesu l-għanijiet u l-prinċipji tar-Regolament Bażiku. L-enfasi magħmula kemm fl-opinjoni kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-għanijiet tar-Regolament Bażiku għalhekk hija għalkollox konsistenti mal-kuntest ġuridiku inkwistjoni u ma hijiex kontradittorja. L-appellant joġġezzjona fir-realtà għar-rekwiżit, imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata u l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami ( 45 ) kkonfermata mill-Qorti Ġenerali ( 46 ), li juri li l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superjuri ta’ sorveljanza prudenti hija żgurata aħjar permezz ta’ superviżjoni diretta mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Din hija kwistjoni ta’ mertu iktar milli waħda ta’ motivazzjoni ( 47 ).

107.

L-appellant jikkunsidra wkoll li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi li fid-deċiżjoni kkontestata l-BĊE ma eżaminax l-argumenti li qajjem matul il-proċedura amministrattiva. Fil-punt 130 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-BĊE ma huwiex marbut li jipprovdi raġunijiet iddettaljati li jirribattu l-argumenti tal-appellanti peress li kienu “manifestament irrilevanti” fid-dawl tal-interpretazzjoni favur il-BĊE. L-appellant stqarr quddiem il-Qorti Ġenerali u kompla jistqarr quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja li ma jistax jifhem ir-raġunijiet għaliex l-argumenti tiegħu kienu allegatament “irrilevanti” mid-deċiżjoni kkontestata jew mill-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami.

108.

Inqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat fil-punt 130 tas-sentenza appellata li l-appellant seta’ faċilment jiddeduċi mid-deċiżjoni kkontestata u mill-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, għaliex l-argumenti tiegħu, li fil-fehma tiegħi b’mod ċar sostna kriterju totalment differenti għal “ċirkostanzi partikolari” minn dak li ġie stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata u l-opinjoni kienu “manifestament irrilevanti”.

109.

Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffikaċi u, fi kwalunkwe każ, infondata.

C. It-tielet aggravju bbażat fuq żbalji proċedurali mwettqa mill-Qorti Ġenerali permezz tal-introduzzjoni fis-sentenza tagħha ta’ elementi li ma kinux is-suġġett tal-proċeduri

110.

L-appellant jikkunsidra li s-sentenza appellata tikser id-dritt tiegħu għal smigħ u r-rekwiżit tal-konformità mal-prinċipju tal-kontradittorju, li huma prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali bbażat il-motivi tas-sentenza appellata fuq żewġ kwistjonijiet deċiżivi li ma kinux parti mill-proċeduri, jiġifieri r-rekwiżit ta’ prova li s-superviżjoni mill-awtorità kompetenti Ġermaniża kienet iktar xierqa minn superviżjoni mill-BĊE u l-prova ta’ kollaborazzjoni bejn dik l-awtorità u l-Ministeru tal-Finanzi tal-Istat Federali (Land).

111.

L-appellant jinnota li l-Qorti Ġenerali qieset fil-punt 46 tas-sentenza appellata li “ċirkostanzi partikolari”“neċessarjament [tinftiehem] li l-eżerċizzju ta’ superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE, minħabba l-klassifikazzjoni ta’ entità bħala ‘sinifikanti’, huwa inqas kapaċi li jilħaq l-għanijiet tar-Regolament Bażiku milli huwa l-eżerċizzju ta’ superviżjoni prudenzjali diretta ta’ dik l-entità mill-awtoritajiet nazzjonali”. Il-Qorti Ġenerali bbażat is-sentenza tagħha fuq il-fatt li l-appellant ma kienx argumenta li s-superviżjoni diretta mill-awtorità kompetenti Ġermaniża tkun tista’ tikseb l-għanijiet tar-Regolament Bażiku iktar milli s-superviżjoni diretta mill-BĊE ( 48 ). Peress li dak il-kriterju ma kienx imsemmi matul il-proċeduri mill-BĊE jew mill-Qorti Ġenerali u ma jissemmiex fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-appellant għal smigħ u r-rekwiżit tal-prinċipju tal-kontradittorju. B’hekk, Il-Qorti Ġenerali tat “sentenza ta’ sorpriża”.

112.

L-appellant isostni wkoll li l-Qorti Ġenerali qieset li l-argumenti sostantivi tiegħu kienu irrilevanti għax ma kienx argumentat li s-superviżjoni diretta mill-awtorità kompetenti Ġermaniża tkun tista’ tikseb l-għanijiet tar-Regolament Bażiku aħjar.

113.

Matul il-proċeduri, l-appellant argumenta, fir-rigward tal-għan tal-applikazzjoni konsistenti ta’ standards prudenzjali għoljin, li mhux biss kien suġġett għal leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali differenti iżda wkoll li kien suġġett għal awtoritajiet superviżorji nazzjonali differenti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument għar-raġuni li “huwa biżżejjed jiġi osservat li l-[appellant] ma jenfasizza ebda arranġament jew kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Land ta’ Baden-Württemberg u l-awtoritajiet Ġermaniżi li jistgħu jagħmlu kooperazzjoni bejniethom iktar faċli milli mal-BĊE” ( 49 ). L-appellant jikkunsidra li l-fatt li prova ta’ tali arranġament jew forma oħra ta’ “kollaborazzjoni” bejn l-awtorità Ġermaniża rilevanti, id-Deutsche Bundesbank u l-Istat Federali (Land) hija meħtieġa sabiex issir il-prova li s-superviżjoni diretta mill-awtorità Ġermaniża rilevanti tista’ tilħaq aħjar l-għan ta’ applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji prudenzjali għolja ma kienx ġie msemmi qabel mill-BĊE jew mill-Qorti Ġenerali matul il-proċeduri.

114.

Il-BĊE u l-Kummissjoni jsostnu li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud. Jien naqbel magħhom.

115.

Fil-punti 45 u 46 tar-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellant argumenta li l-kriterju ta’ “ċirkostanzi partikolari” deskritt fl-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal‑20 ta’ Novembru 2014, jiġifieri li l-“għanijiet tar-[Regolament Bażiku] u b’mod partikolari l-kisba ta’ standards superviżorji għoljin, jintlaħqu aħjar jekk l-entità li tissodisfa l-kriterji ta’ sinifikat kienu klassifikati bħala inqas sinifikanti u, bħala konsegwenza, jibqgħu taħt is-superviżjoni diretta tal-awtorità kompetenti nazzjonali rilevanti” kienet żbaljata peress li ma kinitx ġejja mir-Regolament Bażiku jew mir-Regolament ta’ Qafas tal-MSU ( 50 ). Il-BĊE wieġeb għal dan l-argument b’mod estensiv fir-risposta tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 26 u 50 tiegħu ( 51 ).

116.

Huwa għalhekk ċar mir-rikors u d-difiża msemmija iktar ’il fuq, li l-kriterju għal “ċirkostanzi partikolari” ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali kien diskuss b’mod estensiv mill-partijiet u b’hekk jiżgura li d-dritt tal-appellant għal smigħ kien irrispettat u r-rekwiżit tal-konformità mal-prinċipju tal-kontradittorju kien osservat.

117.

Il-fatt li fil-punt 88 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellant kien sempliċement argumenta fl-ittri tiegħu tal‑10 ta’ Lulju 2014 ( 52 ) u tas-6 ta’ Ottubru 2014 ( 53 ) li ma kienx hemm bżonn ta’ superviżjoni prudenzjali mill-BĊE sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin, mingħajr ma jsemmi l-fatt li superviżjoni nazzjonali tkun tista’ tilħaq dawn l-għanijiet b’mod aħjar ma jurix li l-kriterju għal “ċirkostanzi partikolari” stabbilit mill-Qorti Ġenerali ma kienx diskuss quddiemha mill-partijiet ( 54 ) u huwa kontradett b’mod ċar mill-qari tan-noti tal-partijiet quddiem il-Qrati Ġenerali kif muri fil-punti 115 u 116 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

118.

Fir-rigward tal-argument tal- appellant dwar il-punt 111 tas-sentenza appellata ( 55 ), nikkunsidra li dan ma jistax jipprevali. Fil-punt 111 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement ċaħdet bħala mhux issostanzjat l-argument imqajjem mill-appellant fir-replika tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali li s-superviżjoni prudenti mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi rilevanti tkun tista’ tikseb l-objettiv ta’ standards ta’ superviżjoni prudenti għolja msemmija fl-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

119.

It-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

120.

Peress li ebda wieħed mill-aggravji mressqa mill-appellant insostenn tal-appell tiegħu ma ntlaqa’, inqis li dan l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

VI. Spejjeż

121.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba mill-parti rebbieħa.

122.

Peress li l-BĊE u l-Kummissjoni talbu l-ispejjeż u l-appellant tilef l-appell, l-appellant għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-BĊE u tal-Kummissjoni.

VII. Konklużjoni

123.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lil-Landeskreditbank Baden-Württemberg - Förderbank ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku

( 3 ) Ara l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU u l-punt 46 tas-sentenza appellata.

( 4 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 67).

( 5 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 67).

( 6 ) Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li l-valur totali tal-attiv tal-appellant fid-data rilevanti kien ta’ EUR 70682 biljun.

( 7 ) Skont il-kriterji ddettaljati deskritti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku.

( 8 ) Ara l-punti 44 u 46 tas-sentenza appellata.

( 9 ) Ara l-punt 45 tas-sentenza appellata.

( 10 ) Ara l-punti 66 sa 72 tas-sentenza appellata. FMSU

( 11 ) Ara l-punt 72 tas-sentenza appellata.

( 12 ) Ara l-punti 56 et seq. tas-sentenza appellata.

( 13 ) Ara l-punt 58 tas-sentenza appellata.

( 14 ) Ara pereżempju l-punti 61 sa 72 tas-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u L-Kunsill (C‑176/09, EU:C:2011:290). F’din il-kawża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu sostna li dispożizzjoni ta’ direttiva kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li l-kriterju li jiddefinixxi l-ambitu ta’ din id-direttiva kien irrilevanti għall-għanijiet tiegħu.

( 15 ) Skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament Bażiku, “‘Mekkaniżmu superviżorju uniku’ (MSU) ifisser is-sistema ta’ superviżjoni finanzjarja komposta mill-BĊE u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti kif deskritt fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament”.

( 16 ) Huwa ċar ukoll minn qari tal-premessa 15 tar-Regolament Bażiku li kien previst l-għoti ta’ ċerti kompiti speċifiċi ta’ sorveljanza lill-BĊE. Barra minn hekk, skont il-premessa 28 tar-Regolament Bażiku “kompiti superviżorji mhux ikkonferiti lill-BĊE għandhom jibqgħu f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali”. L-eżempji tal-kompiti li għandhom jibqgħu mal-awtoritajiet nazzjonali deskritti f’dik il-premessa ma jikkoinċidux mal-kompiti konferiti lill-BĊE skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku. Ara l-punt 57 tas-sentenza appellata. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, fl-ebda punt il-Qorti Ġenerali ma ddeċidiet li l-lista ta’ kompiti superviżorji li għandhom jibqgħu mal-awtoritajiet nazzjonali hija eżawrjenti. Fil-fatt, mill-użu tal-kelma “jinkludu” f’din il-premessa jirriżulta li l-lista tal-kompiti hija eżempju.

( 17 ) Elenkati fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament Bażiku.

( 18 ) Esklużi l-kompiti speċifikati fl-Artikolu 4(a) u (ċ) tar-Regolament Bażiku.

( 19 ) Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Bażiku.

( 20 ) Artikolu 6(5)(ċ) tar-Regolament Bażiku.

( 21 ) Artikolu 6(5)(d) tar-Regolament Bażiku.

( 22 ) Artikolu 6(5)(e) tar-Regolament Bażiku.

( 23 ) Artikolu 6(6) tar-Regolament Bażiku. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinfurmaw lill-BĊE bil-miżuri meħuda skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament Bażiku u jikkoordinaw mill-qrib dawk il-miżuri mal-BĊE. Barra minn hekk, għandhom jirrapportaw lill-BĊE fuq bażi regolari dwar it-twettiq tal-attivitajiet tagħhom.

( 24 ) Artikolu 6(7) tar-Regolament Bażiku.

( 25 ) Ara l-premessa 37 tar-Regolament Bażiku.

( 26 ) Enfasi miżjuda minni.

( 27 ) Ara l-punt 74 tas-sentenza appellata.

( 28 ) Ara l-punti 40, 75 u 80 tas-sentenza appellata.

( 29 ) Ara l-punt 104 tas-sentenza appellata.

( 30 ) Mir-regoli li jirregolaw il-proċedura quddiem il-Qrati tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 76 u l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-kwistjoni hija fil-prinċipju stabbilita u limitata mill-partijiet u li l-Qrati tal-Unjoni Ewropea ma jistgħux jiddeċiedu ultra petita: ara, pereżempju, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2018, EUIPO vs European Dynamics Luxembourg et (C‑376/16 P, EU:C:2018:299, punt 33).

( 31 ) Ara b’mod partikolari l-punt 74 iktar ’il fuq.

( 32 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il-Kummissjoni (C‑164/98 P, EU:C:2000:48, punti 44 sa 49).

( 33 ) Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.

( 34 ) Ara l-punt 128 tas-sentenza appellata.

( 35 ) Għalhekk l-atti leġiżlattivi u amministrattivi għandhom jagħtu r-raġunijiet. Ara wkoll l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba u l-obbligu tal-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

( 36 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba (C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punti 49, 50, 5354).

( 37 ) Huwa ċar mill-Artikolu 24(1) tar-Regolament Bażiku li l-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami huwa organu intern tal-BĊE. L-argument tal-appellant li l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u d-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux ikunu marbuta għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata peress li ż-żewġ dokumenti huma redatti minn awturi differenti ma jistax jipprevali hekk kif iż-żewġ dokumenti joħorġu mill-istess istituzzjoni u jagħmlu parti mill-proċedura deskritta fl-Artikolu 24 tar-Regolament Bażiku.

( 38 ) Skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Bażiku, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami jwettaq reviżjoni amministrattiva interna tad-deċiżjonijiet adottati mill-BĊE fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu skont dak ir-regolament wara talba għal reviżjoni sottomessa skont l-Artikolu 24(5).

( 39 ) Dik id-dispożizzjoni tiddikjara li “l-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid ippreżentat mill-Bord tar-Reviżjoni u d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill Regolatorju skont dan l-Artikolu għandu jkun motivat u nnotifikat lill-partijiet”.

( 40 ) Skont dik id-dispożizzjoni, “l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv, l-abbozz tad-deċiżjoni l-ġdid ippreżentat mill-Bord tar-Reviżjoni u d-deċiżjoni l-ġdida adottata mill-Kunsill Regolatorju għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet mis-Segretarju tal-Kunsill Regolatorju inkluż ir-raġunament rilevanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 41 ) Dan it-terminu ma huwiex użat mit-testi ġuridiċi stess.

( 42 ) Skont l-Artikolu 24(7) tar-Regolament Bażiku, “[w]ara li jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rieżami, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jesprimi opinjoni fi żmien adatt skont l-urġenza tal-kwistjoni u mhux aktar tard minn xahrejn minn meta jirċevi t-talba u jgħaddi l-każ għat-tħejjija ta’ abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Bord Superviżorju. Il-Bord Superviżorju għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u għandu jippreżenta minnufih abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Kunsill Governattiv. L-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jew jabroga d-deċiżjoni inizjali, jew jissostitwiha b’deċiżjoni ta’ kontenut identiku, jew inkella jissostitwiha b’deċiżjoni emendata. L-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jitqies adottat sakemm il-Kunsill Governattiv ma joġġezzjonax f’perijodu massimu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol.” (Enfasi miżjuda minni).

( 43 ) Ara l-Artikolu 16(5) tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal‑14 ta’ April 2014 dwar l-istabbiliment ta’ Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu.

( 44 ) Ara l-punt 127 tas-sentenza appellata.

( 45 ) Ara l-punti 31, 32 u 128 tas-sentenza appellata.

( 46 ) Ara l-punt 81 tas-sentenza appellata.

( 47 ) Sentenza tat‑2 ta’ April 1998, il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67).

( 48 ) Ara l-punt 88 tas-sentenza appellata.

( 49 ) Ara l-punt 111 tas-sentenza appellata.

( 50 ) Ara wkoll il-punti 8 u 9 tar-replika tal-appellant quddiem il-Qorti Ġenerali.

( 51 ) Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll il-punti 4, 10 u 76 tal-kontroreplika tal-BĊE quddiem il-Qorti Ġenerali.

( 52 ) Ara l-punt 14 iktar ’il fuq.

( 53 ) Ara l-punt 16 iktar ’il fuq.

( 54 ) Barra minn hekk kien imsemmi speċifikament fil-punt 6.7 l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal‑20 ta’ Novembru 2014.

( 55 ) Ara l-punt 113 iktar ’il fuq.

Top