EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0239

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fis-17 ta’ Mejju 2018.
Gert Teglgaard u Fløjstrupgård I/S vs Fødevareministeriets Klagecenter.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Østre Landsret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Skemi ta’ għajnuna għall-bdiewa – Regolament (KE) Nru 1782/2003 – Artikolu 6(1) – Regolament (KE) Nru 73/2009 – Artikolu 23(1) – Regolament (KE) Nru 796/2004 – Artikolu 66(1) – Regolament (KE) Nru 1122/2009 – Artikolu 70(8)(a) – Kundizzjonalità – Tnaqqis f’pagamenti diretti minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti regolatorji marbuta mal-ġestjoni jew mal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba – Determinazzjoni tas-sena li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-perċentwal ta’ tnaqqis – Is-sena li fiha seħħ in-nuqqas ta’ osservanza.
Kawża C-239/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:328

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-17 ta’ Mejju 2018 ( 1 )

Kawża C-239/17

Gert Teglgaard

Fløjstrupgård I/S

vs

Fødevareministeriets Klagecenter

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka))

(Politika agrikola komuni — Skemi ta’ għajnuna għall-bdiewa — Kundizzjonalità — Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 — Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 — Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 — Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2007 — Tnaqqis f’pagamenti diretti — Ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli — Is-sena rilevanti għall-kalkolazzjoni ta’ tnaqqis f’pagamenti diretti)

1.

Ġabra ta’ mija u tlieta u sebgħin (173) kawża jinsabu bħalissa pendenti quddiem l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), dwar ħlas ta’ għajnuna skont skemi ta’ għajnuna diretta għall-bdiewa u tnaqqis minnu bħala sanzjoni għal nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità. Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tagħti gwida dwar l-interpretazzjoni tar-regoli li jiddeterminaw is-sena li abbażi tagħha għandu jiġi kkomputat tnaqqis f’perċentwali f’għajnuna bħala sanzjoni għal tali ksur. Jeħtieġ tingħata spjegazzjoni qasira dwar kif jaħdmu r-regoli biex wieħed jifhem il-kuntest li fih tressqu dawk il-kawżi.

2.

Bdiewa li jixtiequ jagħmlu użu mill-iskemi ta’ għajnuna ta’ pagamenti diretti jintalbu jkunu konformi ma’ għadd ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà b’rabta, fost l-oħrajn, maż-żoni ddikjarati bħala li qed jinħadmu mill-bdiewa u l-użu tagħhom.. Irregolaritajiet dwar il-kriterji ta’ eliġibbiltà jiġu ssanzjonati bi tnaqqis fl-għajnuna jew bl-esklużjoni tagħha li l-bdiewa kienu jkunu xorta oħra intitolati għaliha.

3.

Minbarra l-kriterji ta’ eliġibbiltà, li huma kundizzjonijiet biex bdiewa jkunu intitolati għall-għajnuna inkwistjoni, bdiewa li jirċievu għajnuna skont l-iskemi ta’ għajnuna ta’ pagamenti diretti jkunu soġġetti wkoll għal rekwiżiti ta’ kundizzjonalità. Wieħed minn dawn ir-rekwiżiti huwa relatat ma’ limitazzjonijiet dwar l-użu ta’ fertilizzanti. Konformità ma’ tali rekwiżiti ma hijiex kundizzjoni biex bdiewa jkunu intitolati għall-għajnuna, iżda nuqqas ta’ konformità b’mod simili tiġi ssanzjonata bi tnaqqis fl-ammont ta’ għajnuna li tingħata lill-bdiewa inkwistjoni (jew, f’każijiet estremi, bl-esklużjoni mill-għoti ta’ għajnuna).

4.

Ir-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità u s-sanzjonijiet imposti għal nuqqas ta’ konformità huma intiżi biex iħeġġu lill-bdiewa josservaw il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni li taffettwa l-attivitajiet tagħhom.

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1782/2003

5.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 ( 2 ) stabbilixxa regoli komuni għal skemi ta’ għajnuna diretta skont il-politika agrikola komuni. Il-premessa 2 tar-regolament kienet tgħid:

“Il-pagament sħiħ ta’ għajnuna diretta għandu jkun marbut ma’ l-osservanza tar-regoli relatati ma’ l-art agrikola, mal-produzzjoni u ma’ l-attività agrikola. […] Jekk dawk in-normi bażiċi mhumiex milħuqa, l-Istati Membri għandhom jirtiraw l-għajnuna diretta totalment jew parzjalment fuq il-bażi ta’ kriterji li huma proporzjonali, oġġettivi u gradwali. Dan [l-irtirar] għandu jkun mingħajr preġudizzju għas-sanzjonijiet stabbiliti issa jew fil-futur taħt dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità jew nazzjonali.”

6.

L-Artikolu 6 kellu bħala titolu “Tnaqqis jew esklużjoni mill-pagamenti”. L-ewwel paragrafu tiegħu, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, kien jipprovdi:

“Fejn il-kondizzjonijiet amministrattivi statutorji jew il-kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba mhumiex osservati, bħala riżultat ta’ azzjoni jew ommissjoni direttament attribwita lill-bidwi individwali, l-ammont totali ta’ pagamenti diretti li ser jingħataw fis-sena kalendarja li fiha seħħ in-nuqqas ta’ osservanza [konformità], u wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 10 u 11, għandhom jitnaqqsu jew jiġu kanċellati skond ir-regoli dettaljati stabbiliti taħt l-Artikolu 7” (enfasi miżjuda).

7.

L-Artikolu 6(1) ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 146/2008 ( 3 ) b’effett mill-1 ta’ April 2008. Wara l-emenda huwa kien jipprovdi:

“Meta l-kondizzjonijiet amministrattivi statutorji jew il-kondizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin ma jiġux osservati fi kwalunkwe ħin matul sena kalendarja partikolari, (minn issa ‘l quddiem imsejħa ‘is-sena kalendarja kkonċernata’), u n-nuqqas ta’ konformità in kwistjoni ikun ir-riżultat ta’ att jew ommissjoni attribwita direttament lill-bidwi [li jkun] ippreżenta applikazzjoni għall-għajnuna tul is-sena kalendarja kkonċernata, l-ammont totali tal-pagamenti diretti li għandu jingħata lil dak il-bidwi, wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 10 u 11, għandu jitnaqqas jew ikun ikkanċellat skond ir-regoli dettaljati stabbiliti fl-Artikolu 7.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll meta, in-nuqqas ta’ konformità in kwistjoni ikun ir-riżultat ta’ att jew ommissjoni attribwita direttament lill-persuna li lilha jew mingħandha tkun ġiet trasferita l-art agrikola.

Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-ewwel u t-tieni subparagrafi għas-sena 2008, is-sena kalendarja għandha tikkorrispondi għall-perijodu ta’ l-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2008.

[…]” (enfasi miżjuda).

8.

L-Artikolu 7 kellu bħala titolu “Regoli dettaljati għat-tnaqqis jew esklużjoni” ( 4 ) u kien jipprovdi:

“1.   Regoli dettaljati għat-tnaqqis u esklużjonijiet msemmija fl-Artikolu 6 għadhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2) [ ( 5 )]. F’dan il-kuntest, għandu jittieħed kont tas-severità, miżura [tal-firxa], permanenza u repetizzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza misjuba kif ukoll tal-kriterji mniżżla fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

[…]”

Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 796/2004

9.

Regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1782/2003 ġew debitament ippromulgati fir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 796/2004 ( 6 ). Il-premessi 55 sa 57 ta’ dan ir-regolament kienu jgħidu:

“(55)

Biex jiġu protetti effettivament l-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom jiġu adottati miżuri adegwati għall-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi [….]

(56)

Is-sistema ta’ tnaqqis u esklużjonijiet maħsuba fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 fir-rigward tal-konformità mal-obbligi [tal-obbligi ta’ kundizzjonalità] [hija] iżda [diretta] lejn miri differenti, jiġifieri biex tistabbilixxi inċentiv għall-bdiewa li jħarsu l-leġislazzjoni, diġà eżistenti, fl-oqsma differenti tal-konformità.

(57)

It-tnaqqis u l-esklużjonijiet għandhom jiġu stabbiliti wara li jingħata kont tal-prinċipju tal-proporzjonalità […] Fil-każ ta’ obbligi ta’ konformità it-tnaqqis u l-esklużjonijiet jistgħu jiġu biss applikati fejn il-bidwi jkun aġixxa bi traskuraġni jew xjentement. It-tnaqqis u l-esklużjonijiet għandhom jiġi gradati skond il-gravità u l-irregolarità kommessa u jistgħu jwasslu sal-esklużjoni totali minn skema waħda jew diversi ta’ għajnuna għal perjodu speċifiku […]”

10.

Skont il-premessa 70:

“Għandhom jiġu preskritti dispożizzjonijiet speċifiċi u dettaljati sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ekwa tat-tnaqqis varju li għandu jiġi applikat fir-rigward ta’ xi applikazzjoni waħda jew diversi applikazzjonijiet mill-istess bidwi. It-tnaqqis u l-esklużjonijiet li hemm provvediment dwarhom f’dan ir-Regolament għandhom jgħoddu mingħajr preġudizzju għal sanzjonijiet addizzjonali taħt xi dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-[Unjoni] jew nazzjonali.”

11.

Il-Kapitolu II tat-Titolu IV tal-Parti II kien jinkludi l-Artikoli 65 sa 67 u kellu bħala titolu “Sejbiet li għandhom x’jaqsmu ma’ konformità reċiproka [kundizzjonalità]”. L-Artikolu 65 kellu bħala titolu “Prinċipji ġenerali u tifsir” u kien jgħid, sa fejn huwa rilevanti għal dawn il-konklużjonijiet:

“[…]

2.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, azzjoni jew ommissjoni għandha tkun direttament attribwibbli għall-bidwi individwali li jkun ikkometta in-nuqaas ta’ konformità hu stess u li, fiż-żmien tal-istabbliment tan-nuqqas ta’ konformità in kwsitjoni, kien inkarigat mill-azjenda, ż-żona, l-unità ta’ produzzjoni jew l-annimal konċernat. […]

[…]

4.   In-nuqqasijiet ta’ konformità għandhom jitqiesu li jkunu ‘stabbiliti’ jekk ikunu stabbiliti bħala konsegwenza ta’ xi tip ta’ verifiki mwettqa skond dan ir-Regolament jew wara li jkunu nġiebu għall-attenzjoni tal-awtorità kompetenti ta’ kontroll b’xi mezz ieħor.”

12.

L-Artikolu 66 kellu bħala titolu “Applikazzjoni tat-tnaqqis fil-każ ta’ negliġenza”. Kien jgħid:

“1.   […] fejn nuqqas stabbilit ta’ konformità jirriżulta minn negliġenza tal-bidwi, għandu jiġi applikat tnaqqis fuq l-ammont kollu ta’ ħlasijiet diretti, kif imfissra fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, li jkun, jew għandu, jingħata lill-bidwi konċernat wara li jkun bagħat jew ikun ser jibgħat applikazzjonijiet għall-għajnuna fil-kors tas-sena kalendarja tas-sejba. Dak it-tnaqqis għandu, bħala regola ġenerali, jkun ta’ 3 % ta’ dak l-ammont sħiħ.

[…]” (enfasi miżjuda).

13.

L-Artikolu 67 kien intitolat “Applikazzjoni ta’ tnaqqis u esklużjonijiet fil-każi ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonat” u kien jipprovdi kif ġej:

“1.   […] fejn in-nuqqas ta’ konformità stabbilit ikun ġie kommess intenzjonalment mill-bidwi, it-tnaqqis li għandu jiġi applikat għall-ammont sħiħ imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 66(1) għandu, bħala regola ġenerali, ikun ta’ 20 % ta’ dak l-ammont sħiħ.

[…]”

14.

Skont l-Artikolu 81 tiegħu r-Regolament (KE) Nru 796/2004 daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Mejju 2004.

Ir-Regolament Nru 73/2009

15.

Ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 ( 7 ) ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 1782/2003 b’effett, sa fejn dan huwa rilevanti għal dawn il-konklużjonijiet, mill-1 ta’ Jannar 2009 ( 8 ). Skont il-premessa 3:

“Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 stabbilixxa l-prinċipju li l-bdiewa li ma jikkonformawx ma’ ċerti ħtiġiet fl-oqsma tas-saħħa tal-pubbliku, tal-annimali u tal-pjanti, u l-ambjent u l-benessri tal-annimali huma soġġetti għal tnaqqis jew għal esklużjoni minn appoġġ dirett. Din is-sistema ta’ “kundizzjonalità” tifforma parti integrali mill-appoġġ Komunitarju taħt il-pagamenti diretti u għalhekk għandha tinżamm […]”

16.

Il-premessa 53 kienet tgħid:

“[…] dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009. Madankollu, dawk id-dispożizzjonijiet li jistgħu jnaqqsu d-drittijiet tal-bdiewa jew joħolqu obbligi ġodda inter alia l-obbligi ta’ konformità ta’ kundizzjonalità li magħhom iridu jikkonformaw il-bdiewa matul is-sena, għandhom japplikaw mill-2010 […]”

17.

L-Artikolu 23 kellu t-titolu “Tnaqqis jew esklużjoni minn pagamenti fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-kundizjonalita”. Il-paragrafu 1 kien jipprovdi:

“Fejn fi kwalunkwe żmien f’sena kalendarja partikolari (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘is-sena kalendarja konċernata’) ma ssirx konformità mal-kundizzjonjiet amministrattivi statutorji u l-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba, u n-nuqqas ta’ konformità msemmi jkun ir-riżultat ta’ att jew ta’ nuqqas direttament marbut mal-bidwi li kien ippreżenta l-applikazzjoni għall-għajnuna fis-sena kalendarja konċernata, l-ammont totali ta’ pagamenti diretti li ngħata jew għandu jingħata lil dak il-bidwi […] [għandu] jitnaqqas jew jiġi eskluż f’konformità mar-regoli dettaljati stipulati fl-Artikolu 24.

[…]” (enfasi miżjuda).

18.

L-Artikolu 24(1) kien jipprovdi għal regoli ddettaljati għat-tnaqqis u l-esklużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23 li kellhom jiġu stabbiliti f’regolament ta’ implimentazzjoni separat. F’dan il-kuntest kellu jitqies, inter alia, kemm kien gravi, mifrux, permanenti u ripetut in-nuqqas ta’ konformità misjub.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1122/2009

19.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 ( 9 ), ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 796/2004 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010 ( 10 ). L-Artikolu 70 kien intitolat “Prinċipji ġenerali u definizzjoni”, u, sa fejn huwa rilevanti għal dawn il-konklużjonijiet, kien jipprovdi:

“[…]

4.   In-nuqqasijiet ta’ konformità għandhom jitqiesu li jkunu ‘ddeterminati’ jekk ikunu stabbiliti bħala konsegwenza ta’ xi tip ta’ kontrolli mwettqa skont dan ir-Regolament jew wara li l-awtorità kompetenti ta’ kontroll jew, fejn applikabbli, l-aġenzija tal-ħlas, tkun ġiet mgħarrfa, bi kwalunkwe mezz ieħor.

[…]

8.   Għall-applikazzjoni ta’ tnaqqis il-perċentwali tat-tnaqqis għandu jiġi applikat għall-ammont totali ta’:

(a)

ammont kumplessiv tal-pagamenti diretti li ngħata, jew li għandu jingħata, lill-bidwi konċernat b’segwitu tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna li hu ppreżenta jew li se jippreżenta matul is-sena kalendarja tas-sejba,u

[…]” (enfasi miżjuda).

20.

L-Artikolu 71 kien intitolat “Applikazzjoni tat-tnaqqis fil-każ ta’ negliġenza” u jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“[…] meta nuqqas ta’ konformità ddeterminat jirriżulta min-negliġenza tal-bidwi, għandu jiġi applikat tnaqqis. Bħala regoli ġenerali, dak it-tnaqqis għandu jkun 3 % tal-ammont totali msemmi fl-Artikolu 70(8).

Madankollu, l-aġenzija tal-ħlas tista’, abbażi tal-valutazzjoni fornuta mill-awtorità kompetenti ta’ kontroll fil-parti tal-evalwazzjoni tar-rapport tal-kontroll skont l-Artikoli 54(1)(c) [ ( 11 )], tiddeċiedi jew li tnaqqas dak il-perċentwal għal 1 % jew li żżidu għal 5 % ta’ dak l-ammont totali jew fil-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1)(c), li ma timponi l-ebda tnaqqis.”

21.

L-Artikolu 72 kien intitolat “Applikazzjoni ta’ tnaqqis u esklużjonijiet f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonat”. L-Artikolu 72(1) kien jipprovdi “[…] fejn in-nuqqas ta’ konformità ddeterminat ikun twettaq intenzjonalment mill-bidwi, it-tnaqqis li għandu jiġi applikat għall-ammont totali msemmi fl-Artikolu 70(8) għandu, bħala regola ġenerali, ikun ta’ 20 % ta’ dak l-ammont totali.”

22.

L-Artikolu 86(1) kien jgħid:

“Ir-Regolament (KE) Nru 796/2004 huwa mħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010.

Madankollu, huwa għandu jkompli japplika fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna li jirrelataw mas-snin ta’ suq jew mal-perjodi tal-primjum li jibdew qabel l-1 ta’ Jannar 2010.”

Id-Direttiva 91/676

23.

Fost il-leġiżlazzjoni li wasslet għal rekwiżit ta’ kundizzjonalità fiż-żmien rilevanti kien hemm id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE ( 12 ). L-Artikolu 1 jgħid li l-mira ta’ din id-direttiva hija li jitnaqqas u ma jitħallhiex ikun hemm tniġġis ta’ ilma kkawżat jew miġjub min-nitrati minn sorsi agrikoli.

Il-liġi nazzjonali

24.

Id-Direttiva 91/676 kienet implimentata fid-Danimarka, sa fejn huwa hawnhekk rilevanti, bil-Gødningsanvendelsesloven (il-Liġi Daniża dwar l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti).

25.

Ir-regoli tal-Unjoni dwar kundizzjonalità kienu implimentati fid-Danimarka permezz ta’ għadd ta’ regolamenti nazzjonali. Skont il-qorti tar-rinviju l-verżjonijiet kollha ta’ dawn ir-regolamenti fis-seħħ fiż-żmien rilevanti kienu fformulati fis-sens li tnaqqis fl-għajnuna pagabbli kellu jiġi kkalkolat abbażi tas-sena kalendarja li fiha jkun instab nuqqas ta’ konformità (iktar ’il quddiem is-“sena tas-sejba”) ( 13 ).

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

26.

Iż-żewġ kawżi ta’ prova għal dan ir-rinviju jikkonċernaw bdiewa li kienu nstabu li kisru r-rekwiżiti tagħhom ta’ kundizzjonalità billi kienu ffertilizzaw iżżejjed l-għelieqi tagħhom, għall-perijodi 2006/2007 u 2007/2008 (Gert Teglgaard), u 2006/2007 u 2008/2009 (Fløjstrupgård I/S) rispettivament.

27.

In-nuqqas ta’ konformita’ min-naħa ta’ G. Teglgaard u Fløjstrupgård kien ġie skopert wara li l-pulizija kienu għamlu tfittxija fil-bini ta’ importatur ta’ fertilizzanti li kien biegħ fertilizzant lil għadd kbir ta’ bdiewa mingħajr ma għarraf lil Plantedirektoratet (l-Aġenzija tal-Pjanti), u qabdu dokumenti proprjetà tiegħu. Il-fertilizzant inkwistjoni ma kienx ġie rreġistrat fil-kontijiet dwar fertilizzanti għal bdiewa. It-tfittxija u l-qbid seħħew f’Novembru 2009.

28.

Plantedirektorat bagħtet ittri ta’ konsultazzjoni fl-4 ta’ Jannar 2011. L-awtoritajiet Daniżi jqisu dik bħala d-data tas-“sejba” ta’ nuqqas ta’ konformità.

29.

Għall-bidu l-korp responsabbli għall-pagamenti agrikoli (fiż-żmien rilevanti, Naturerhvervsstyrelsen (magħruf bl-Ingliż bħala AgriFish Agency) kien ħa deċiżjonijiet fl-2011 u fl-2012 li naqqsu l-pagamenti ta’ għajnuna lill-bdiewa kkonċernati, inklużi G. Teglgaard u Fløjstrupgård. It-tnaqqis fl-għajnuna impost b’dawk id-deċiżjonijiet inizjali kien ibbażat fuq l-ammonti ta’ għajnuna pagabbli għal kull waħda mis-snin li fihom il-bdiewa kienu fil-fatt kisru l-obbligi tagħhom ta’ kundizzjonalità (iktar ’il quddiem is-“sena tal-ksur”) – jiġifieri, għal G. Teglgaard is-snin ta’ għajnuna 2007 u 2008, u għal Fløjstrupgård is-snin ta’ għajnuna 2007 u 2009 ( 14 ).

30.

Fl-2012, AgriFish Agency saret taf bid-dikjarazzjoni li ġejja li l-Kummissjoni kienet għamlet lill-Qorti tal-Awdituri fejn ikkummentat dwar “l-iskop tal-verifika u l-approċċ” ta’ dik l-istituzzjoni għall-verifika tas-suq u tal-għajnuna diretta għall-agrikoltura fir-Rapport Annwali dwar is-sena finanzjarja 2011 ( 15 ):

“Il-bdiewa li ma jirrispettawx ir-rekwiżiti [ta’ kundizzjonalità] huma intitolati li jirċievu l-pagamenti tagħhom, iżda jkunu sanzjonati fuq il-bażi tas-severità, il-vastità, il-permanenza u r-ripetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità misjub kif ukoll in-negliġenza jew l-intenzjoni tal-bidwi kkonċernat. Dan jidher ukoll bil-fatt li l-pagamenti jistgħu jsiru qabel il-kontrolli tal-kundizzjonalità jkunu tlestew u li l-penali ma jkunux ġew applikati fuq il-pagamenti magħmula fir-rigward tas-sena kalendarja meta l-bidwi jonqos li jkun konformi mar-rekwiżiti, iżda fuq il-pagamenti li jkunu saru fir-rigward tas-sena kalendarja tas-sejbiet li jkunu għamlu l-awtoritajiet nazzjonali” (enfasi miżjuda).

31.

F’korrispondenza sussegwenti bejn l-awtoritajiet Daniżi kompetenti u l-Kummissjoni, il-Kummissjoni indikat formalment b’ittra datata 7 ta’ Frar 2013 li tnaqqis f’għajnuna bħala sanzjoni għal ksur ta’ rekwiżiti ta’ kundizzjonalità kellu jiġi kkalkolat abbażi tal-għajnuna totali pagabbli għas-sena tas-sejba.

32.

AgriFish Agency imbagħad reġgħet fetħet il-każijiet preċedenti b’rabta ma’ tnaqqis f’għajnuna u ħadet deċiżjonijiet ġodda fl-2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet tal-2013”) li fihom hija bbażat it-tnaqqis f’għajnuna fuq l-ammont ta’ għajnuna mħallsa fis-sena tas-sejba, jiġifieri l-2011.

33.

Għal xi wħud mill-bdiewa, inklużi G. Teglgaard u Fløjstrupgård, li kienu żiedu ż-żona ta’ raba’ maħdum bejn is-sena (snin) tal-ksur u s-sena tas-sejba, id-deċiżjonijiet tal-2013 irriżultaw fi tnaqqis ikbar f’għajnuna. Fil-każ ta’ G. Teglgaard id-deċiżjoni l-ġdida tat lok għal tnaqqis ikbar f’għajnuna li kien ta’ 1908 483.02 Krona Daniża DKK (madwar EUR 256157) iktar mit-tnaqqis li kellu jkun applikat skont id-deċiżjoni inizjali. Għal Fløjstrupgård id-deċiżjoni l-ġdida rriżultat fi tnaqqis f’għajnuna ta’ 105 396.53 DKK (madwar EUR 14146) iktar minn dak skont id-deċiżjoni inizjali.

34.

G. Teglgaard u Fløjstrupgård ressqu lmenti kontra d-deċiżjonijiet tal-2013 ma’ Fødevareministeriets Klagecenter (iċ-Ċentru tal-Ilmenti tal-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ikel), li, b’deċiżjonijiet tat-22 ta’ Ġunju 2015 u tat-12 ta’ Diċembru 2014, rispettivament, ikkonferma d-deċiżjonijiet tal-2013 ta’ AgriFish Agency.

35.

G. Teglgaard u Fløjstrupgård imbagħad bdew proċeduri għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-2013 quddiem il-qorti tar-rinviju, li ssospendiet il-proċeduri u rrinvjat id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE:

“1.   F’sitwazzjoni fejn bidwi ma josservax ir-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni u l-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin f’sena kalendarja, u għalhekk hemm lok li jiġi applikat tnaqqis għall-pagamenti diretti tal-bidwi: ara l-Artikolu 6(1) tal-Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 796/2004, it-tnaqqis tal-għajnuna għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-ħlasijiet diretti tal-bidwi:

(a)

fis-sena kalendarja li fiha [jseħħ] in-nuqqas ta’ osservanza [konformità], jew

(b)

fis-sena kalendarja (sussegwenti) tad-determinazzjoni/konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza [konformità]?

2.   Ir-riżultat huwa l-istess taħt ir-regoli sussegwenti stabbiliti fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 73/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 70(4) u 8(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1122/2009?

3.   F’sitwazzjoni fejn bidwi ma josservax ir-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni u l-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin fl-2007 u l-2008, iżda n-nuqqas ta’ osservanza [konformità] huwa ddeterminat/kkonstatat l-ewwel darba fl-2011, huwa [r-Regolament Nru 1782/2003], moqri flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 796/2004, li japplika fil-kalkolu tat-tnaqqis tal-għajnuna, jew huwa [r-Regolament Nru 73/2009], moqri flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1122/2009, li japplika?”

36.

Osservazzjonijiet bil-miltub kienu ppreżentati minn G. Teglgaard u minn Fløjstrupgård, mill-Gvernijiet tal-Awstrija u tad-Danimarka u mill-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern tal-Awstrija, dawn il-partijiet attendew għas-seduta tal-15 ta’ Marzu 2018 u ppreżentaw argumenti orali.

Analiżi

Fuq it-tielet domanda

37.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, li ser nindirizza l-ewwel, il-qorti tar-rinviju titlob għal gwida dwar liema għadd ta’ regoli għandhom japplikaw meta bidwi jkun naqas milli jikkonforma ruħu ma’ rekwiżiti ta’ kundizzjonalità fl-2007 u fl-2008 u fejn in-nuqqas ta’ konformità jkun inkixef fl-2011: (i) ir-Regolament Nru 1782/2003, moqri flimkien mar-Regolament Nru 796/2004; jew (ii) ir-Regolament Nru 73/2009, moqri flimkien mar-Regolament Nru 1122/2009.

38.

F’dak li jirrigwarda ż-żewġ regolamenti tal-Kunsill, il-verżjoni oriġinali tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1782/2003 kienet tapplika mill-1 ta’ Jannar 2005 u l-verżjoni emendata tal-Artikolu 6 kienet tapplika mill-1 ta’ April 2008 ( 16 ). Ir-Regolament Nru 1782/2003 kien tħassar permezz tar-Regolament Nru 73/2009, li kien japplika mill-1 ta’ Jannar 2009 f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet rilevanti. L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament essenzjalment jirrepeti l-verżjoni emendata tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003.

39.

Skont l-Artikolu 2(e) tar-Regolament Nru 1782/2003 u l-Artikolu 2(e) tar-Regolament Nru 73/2009 (li huma fformulati b’mod kważi identiku u fl-istess sens fil-ħdax-il verżjoni fil-lingwi oriġinali), “pagamenti f’sena kalendarja partikolari” tfisser “pagamenti mogħtija jew li ser jingħataw għas-sena jew snin konċernati, inklużi l-pagamenti kollha għal perijodi oħra li jibdew f’dik is-sena kalendarja jew snin kalendarji”.

40.

Il-verżjoni emendata tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 kienet tipprovdi li għas-sena 2008, is-sena kalendarja kellha tikkorrispondi għall-perijodu mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2008 sa fejn kien jirrigwarda ż-żewġ subparagrafi preċedenti tal-Artikolu 6(1).

41.

Konsegwentement, il-verżjoni oriġinali tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 hija l-verżjoni applikabbli għal pagamenti mogħtija għas-sena kalendarja 2007, inklużi pagamenti għal perijodi oħra li bdew f’dik is-sena.

42.

Għas-sena kalendarja 2008 l-verżjoni oriġinali tal-Artikolu 6(1) kienet għal għajnuna mogħtija fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu 2008, inklużi pagamenti fir-rigward ta’ perijodi oħra li jkunu bdew matul dak il-perijodu ta’ tliet xhur.perijodu, li għandu jiġi interpretat bħala li jikkostitwixxi perijodu speċifiku jew “sena kalendarja” separata ( 17 ).

43.

Għal pagamenti mogħtija għall-perijodu mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2008, inklużi pagamenti għal perijodi oħra li kienu bdew f’dak il-perijodu ta’ disa’ xhur hija applikabbli l-verżjoni emendata tal-Artikolu 6(1).

44.

Fir-rigward tar-regolamenti tal-Kummissjoni: l-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 796/2004 jipprovdi li huwa jgħodd “għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jirrelataw mas-snin tal-marketing jew il-perjodu ta’ premium li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2005”. Ir-Regolament Nru 1122/2009 ħassar ir-Regolament Nru 796/2004. L-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 1122/2009 speċifikament jgħid:

“1.   Ir-Regolament (KE) Nru 796/2004 huwa mħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010.

Madankollu, huwa għandu jkompli japplika fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna li jirrelataw mas-snin ta’ suq jew mal-perjodi tal-primjum li jibdew qabel l-1 ta’ Jannar 2010.”

45.

L-Artikolu 2(25) tar-Regolament Nru 1122/2009 jiddefinixxi “perjodu ta’ primjum” bħala “il-perjodu li għalih jirreferu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna irrispettivament miż-żmien tal-preżentazzjoni tagħhom”.

46.

Għalhekk, skont il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, it-tnaqqis ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali li jirrigwardaw is-snin tas-suq jew il-perijodi tal-primjums li jkunu bdew wara l-1 ta’ Jannar 2005 u qabel l-1 ta’ Jannar 2010 huma rregolati bir-Regolament Nru 796/2004.

Fuq l-ewwel domanda

47.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju qed titlob kjarifika dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 u tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 796/2004 li jimplimenta dik id-dispożizzjoni. B’mod iktar speċifiku hija tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) għandux jiġi interpretat li jfisser li tnaqqis f’għajnuna bħala sanzjoni għall-ksur tar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità għandux ikun ikkalkolat abbażi tal-għajnuna diretta totali pagabbli għas-sena tal-ksur jew dik pagabbli għas-sena tas-sejba.

48.

L-ewwel nett ser neżamina l-verżjoni oriġinali tar-Regolament Nru 1782/2003. Imbagħad ser inqis jekk il-pożizzjoni nbidlitx bl-emenda għall-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament introdotta bir-Regolament Nru 146/2008, qabel ma ngħaddi għar-regoli ta’ implimentazzjoni ddettaljati maħruġa mill-Kummissjoni (Regolament Nru 796/2004). Din l-ordni ta’ analiżi tħares ir-relazzjoni ġerarkika bejn ir-regolament tal-Kunsill u r-regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

Ir-Regolament Nru 1782/2003

49.

Għaxra mill-ħdax-il verżjoni fil-lingwi oriġinali ( 18 ) tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, qabel l-emenda, għamluha ċara li t-tnaqqis li kellu jsir fir-rigward ta’ kull nuqqas ta’ konformità kellu jiġi applikat għas-sena tal-ksur. Għalhekk, pereżempju, il-verżjoni fil-lingwa Ingliża pprovdiet li t-tnaqqis kellu jiġi applikat għat-“total amount of direct payments to be granted in the calendar year in which the non compliance occurs”. Il-verżjoni Daniża, Olandiża, Finlandiża, Griega, Taljana, Portugiża, Spanjola u Svediża kollha jipprovdu b’mod espliċitu għall-istess riżultat ( 19 ), li jsegwi wkoll, għalkemm b’mod inqas espliċitu, mill-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża (loġikament, il-“betreffenden Kalenderjahr” tirrigwarda ż-żmien meta att jew ommissjoni partikolari jikkawżaw in-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni) ( 20 ).

50.

Verżjoni waħda f’lingwa – il-Franċiża – tal-Artikolu 6(1) kien fiha l-indikazzjoni kontradittorja li t-tnaqqis kellu jkun applikat għas-sena tas-sejba ( 21 ).

51.

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-kliem użat f’verżjoni lingwistika waħda ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi waħdanija għall-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni jew tingħata preċedenża fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, minħabba li tali approċċ ikun inkompatibbli mar-rekwiżit tal-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-Unjoni Ewropea ( 22 ).

52.

Hawnhekk huwa ċar li l-verżjoni fil-lingwa Franċiża ma taqbilx mal-verżjonijiet oriġinali fil-lingwi l-oħra kollha. Għal din ir-raġuni, hija ma tistax tintuża (kif il-Kummissjoni dehret li kienet qiegħda tissuġġerixxi fis-seduta) bħala l-bażi waħdanija għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1). Madankollu, jekk wieħed jassumi li t-test Franċiż ma huwiex sempliċement żball ta’ traduzzjoni, il-fatt li jkun hemm dak it-test diverġenti jfisser li interpretazzjoni purament litterali ta’ din id-dispożizzjoni bbażata fuq l-għaxar verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ma tistax, minnha nnifisha, tkun definittiva. Fejn ikun hemm diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ test legali tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata b’riferiment għall-għan u għall-iskema ġenerali tar-regoli li minnhom tkun tagħmel parti ( 23 ). Attenzjoni partikolari għandha tingħata għal kull limitazzjoni għal interpretazzjoni imposta minħabba l-ħtieġa ta’ konformità ma’ prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni, l-iktar mal-prinċipju ta’ ugwaljanza u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 24 ). Ser inqis dawn il-limitazzjonijiet importanti iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet ( 25 ).

Għan

53.

Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1782/2003 tgħid li “Il-pagament sħiħ ta’ għajnuna diretta għandu jkun marbut ma’ l-osservanza tar-regoli relatati ma’ l-art agrikola, mal-produzzjoni u ma’ l-attività agrikola” u li “l-Istati Membri għandhom jirtiraw l-għajnuna diretta totalment jew parzjalment fuq il-bażi ta’ kriterji li huma proporzjonali, oġġettivi u gradwali”, jekk dawk l-istandards ma jintlaħqux. L-Artikolu 6(1) stess jitlob li n-nuqqas ta’ konformità għandu jkun “direttament [attribwit] lill-bidwi individwali” biex ikun japplika t-tnaqqis.

54.

L-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1782/2003, kif ippromulgat oriġinarjament, kien, għalhekk li jiġi stabbilit sett ta’ regoli li kienu jipprovdu rabta diretta bejn nuqqas ta’ konformità u tnaqqis fl-għajnuna pagabbli ( 26 ).

55.

Dan l-għan jiġi osservat l-aħjar billi s-sanzjoni għal nuqqas ta’ konformità tiġi kkalkolata fuq il-bażi tal-għajnuna pagabbli fis-sena tal-ksur jew fis-sena tas-sejba?

56.

L-użu ta’ tnaqqis speċifikat f’perċentwali jżomm biss ir-rabta diretta intenzjonata mal-ksur li jkun qiegħed jiġi ssanzjonat jekk dak it-tnaqqis f’perċentwali jkun ikkalkolat abbażi tal-pagament ta’ għajnuna li xorta oħra kien ikun dovut għas-sena li fiha jkun seħħ il-ksur. Jekk it-tnaqqis f’perċentwali minflok ikun applikat għas-sena tas-sejba u dik is-sena tkun differenti mis-sena tal-ksur, is-sanzjoni tkompli tkun biss (pereżempju) tnaqqis ta’ 3 % f’għajnuna jekk jiġri li l-pagament ta’ għajnuna dovut għas-sena tas-sejba jkun, kumbinazzjoni, identiku għall-pagament ta’ għajnuna li kien ikun dovut għas-sena tal-ksur. Tali sanzjoni ma tistax b’mod prattiku tkun deskritta bħala li kienet ġiet ikkalkolata “fuq il-bażi ta’ kriterji li huma proporzjonali, oġġettivi u gradwali” ( 27 ).

57.

Jekk inqisu b’mod usa’ l-għan tar-regoli: l-għan tar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità u s-sanzjonijiet li japplikaw għal nuqqas ta’ konformità huwa li jġiegħlu lil bdiewa li jirċievu għajnuna skont l-iskemi ta’ għajnuna ta’ pagament dirett josservaw, sena wara sena, leġiżlazzjoni eżistenti b’rabta ma’ art, produzzjoni u attività agrikola ( 28 ). Dan l-għan, jidhirli, jinkiseb l-aħjar billi s-sanzjoni tiġi assoċjata direttament u b’mod ċar mas-sena tal-ksur.

58.

Hawnhekk, huwa importanti li wieħed jirrealizza li s-sena tas-sejba tiġi, f’ċertu sens, iddeterminata b’mod arbitrarju. Naċċetta li fejn kien hemm spezzjonijiet fuq il-post, ta’ sikwit jistgħu tabilħaqq jinstabu irregolaritajiet fl-istess sena bħas-sena tal-ksur. Jekk huwa hekk, ċertament, ir-riżultat tal-kalkolazzjoni tat-tnaqqis f’perċentwali jkun eżattament l-istess indipendentement minn jekk tittiħidx l-għajnuna diretta pagabbli fis-sena tal-ksur jew l-għajnuna diretta pagabbli fis-sena tas-sejba bħala l-bażi tal-kalkolazzjoni. It-tnejn huma identiċi. Madankollu, meta tinkixef irregolarità bħala riżultat ta’ kontroll differenti (bħal fil-każijiet li taw lok għal dawn ir-rinviji), is-sena tas-sejba tkun is-sena li fiha l-awtoritajiet kompetenti b’kumbinazzjoni jiskopru li jkun seħħ ksur. Jidher li ma hemmx bażi loġika biex jiġi sostnut li tnaqqis ta’ X % fl-għajnuna diretta li xorta oħra kienet tkun pagabbli għal sena sussegwenti li ma jkollha ebda rabta mas-sena tal-ksur jippreserva rabta “proporzjonali, oġġettiva u gradwali” bejn il-ksur u s-sanzjoni.

59.

Il-Kummissjoni ppruvat tissuġġerixxi li l-użu tas-sena tal-ksur bħala l-bażi jidħol fid-diffikultà li, meta s-sena tas-sejba tkun ġiet wara s-sena tal-ksur, il-pagament tal-għajnuna jkun diġà sar.

60.

Hawnhekk huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-komputazzjoni ta’ tnaqqis u l-imputazzjoni tiegħu għal pagament ta’ għajnuna li xorta oħra kien isir lil bidwi. Data tal-imgħoddi ta’ pagamenti agrikoli tinżammu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti: normalment, dan l-aħħar, f’sistemi kkompjuterizzati. Kif il-Kummissjoni ammettiet fis-seduta bi tweġiba għal mistoqsijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa, għalhekk, perfettament possibbli li l-komputazzjoni tat-tnaqqis issir abbażi tat-talba tal-imgħoddi għal għajnuna diretta fis-sena tal-ksur; u, imbagħad, li l-imputazzjoni ta’ dak it-tnaqqis issir għat-talba pendenti li jkun imiss għal għajnuna. Eżempju sempliċi huwa biżżejjed biex jintwera l-punt u biex tiġi enfasizzata x-xewqa li jiġi użat dan il-proċess.

61.

Nassumu li fl-ewwel sena bidwi A japplika għal EUR 10000 f’għajnuna diretta u debitament jirċevihom. Fit-tieni sena huwa jkabbar l-azjenda tiegħu u, għalhekk, japplika għal għajnuna diretta ta’ EUR 20000 u jirċeviha. Sussegwentement, fit-tielet sena, jiġi stabbilit li huwa fil-fatt ikun kiser b’mod negliġenti rekwiżit ta’ kundizzjonalità fl-ewwel sena. Fiż-żmien meta tkun saret din is-sejba, bidwi A jkollu applikazzjoni pendenti (għal għajnuna diretta għalih għat-tielet sena) –din id-darba għal EUR 30000, minħabba li jkun reġa’ żied id-daqs tal-azjenda tiegħu.

62.

Ir-regoli ta’ implimentazzjoni ddettaljati tal-Kummissjoni jispeċifikaw tnaqqis ta’ 3 % fl-għajnuna dovuta bħala sanzjoni għal ksur negliġenti ta’ obbligi ta’ kundizzjonalità (Artikolu 66 tar-Regolament Nru 796/2004). Huwa awtomatikament evidenti li dik is-sanzjoni ma tistax tkun imputata għall-għajnuna diretta għall-ewwel sena, minħabba li l-bidwi jkun diġà rċieva dik l-għajnuna. Madankollu, xejn ma jipprekludi li l-ammont tas-sanzjoni jiġi kkomputat b’riferiment għall-għajnuna diretta li kienet dovuta għall-ewwel sena (li tirriżulta f’sanzjoni ta’ EUR 300 – jiġifieri 3 % ta’ EUR 10000) u mbagħad li l-ammont jiġi imputat għall-pagament dirett ta’ għajnuna li l-bidwi għad irid jirċievi għat-tielet sena. Għalhekk, fit-tielet sena l-bidwi A għandu jirċievi EUR 30000 bi tnaqqis ta’ EUR 300, jiġifieri EUR 27700.

63.

Dan il-proċess b’mod korrett jissanzjona, bi tnaqqis ta’ 3 %, l-imġiba negliġenti tal-bidwi A fl-ewwel sena. Jekk is-sanzjoni tkun kemm ikkalkolata abbażi tal-għajnuna diretta dovuta fit-tielet sena, kif ukoll imputata għaliha, ir-riżultat ikun li tiġi applikata sanzjoni (ikkalkolata bħala 3 % ta’ EUR 30000, jiġifieri EUR 900) li ma tkunx tikkorrispondi għal 3 % tal-għajnuna diretta dovuta fis-sena meta jkun sar il-ksur negliġenti tar-rekwiżit ta’ kundizzjonalità. Minflok, is-sanzjoni għal dik l-imġiba negliġenti tkun b’rata ta’ 9 %.

64.

Għalhekk jiena tal-fehma li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, għandu jiġi interpretat li jfisser li tnaqqis f’għajnuna għal nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżiti ta’ kundizzjonalità għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-għajnuna diretta pagabbli għas-sena kalendarja li fiha jkun seħħ in-nuqqas ta’ konformità.

Ir-Regolament Nru 146/2008

65.

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 kien emendat bir-Regolament Nru 146/2008 b’effett mill-1 ta’ April 2008. Wara l-modifika, il-verżjoni fil-lingwa Ingliża kienet taqra:

“Where the statutory management requirements or good agricultural and environmental conditions are not complied with at any time in a given calendar year (hereinafter “the calendar year concerned”), and the non-compliance in question is the result of an act or omission directly attributable to the farmer who submitted the aid application in the calendar year concerned, the total amount of direct payments to be granted […] to that farmer, shall be reduced or cancelled […]”

66.

L-ebda waħda mill-verżjonijiet emendati tal-ħdax-il verżjoni lingwistika oriġinali ma tirreferi espliċitament għas-sena tas-sejba u jidher li d-diskrepanzi lingwistiċi bejn it-test Franċiż u t-testi tal-għaxar verżjonijiet lingwistiċi l-oħra qabel l-emenda kienu ġew solvuti.

67.

Fil-premessi tar-Regolament Nru 146/2008 (jew tabilħaqq f’dawk tar-Regolament Nru 73/2009, li sussegwentement issostitwixxa u ħassar ir-Regolament Nru 1782/2003 emendat) ma hemm xejn x’juri li kienet intiża xi bidla fir-rigward tal-kalkolu tat-tnaqqis li għandu jiġi applikat għal pagamenti ta’ għajnuna diretta bħala sanzjoni għal ksur ta’ rekwiżiti ta’ kundizzjonalità.

68.

Il-Kummissjoni tinnota dak il-fatt ( 29 ) u espressament tissottometti li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1782/2003 għandu, għalhekk, ikollu l-istess tifsira qabel u wara li kien ġie emendat bir-Regolament Nru 146/2008.

69.

Naqbel mas-sottomissjoni li l-verżjonijiet oriġinali u emendati għandu jkollhom l-istess tifsira. Jidhirli li interpretazzjoni sempliċi tat-test emendat jerġa’ juri r-rabta diretta li għandu jkun hemm bejn in-nuqqas ta’ konformità u s-sanzjoni li tirriżulta. Kif ġustament saħaq il-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu dwar l-ewwel domanda preliminari, din ir-rabta diretta tista’ biss tkun żgurata billi t-tnaqqis f’perċentwali li għandu jiġi applikat għall-għajnuna diretta li l-bidwi li jkun naqas kien xorta oħra jirċievi jiġi kkalkolat b’riferiment għall-għajnuna dovuta fis-sena tal-ksur. La t-test u lanqas it-teleoloġija ma jindikaw l-interpretazzjoni alternattiva li l-Kummissjoni tiffavorixxi.

70.

Għalhekk nikkonkludi li l-verżjoni emendata tal-Artikolu 6(1) għandha, bħall-verżjoni oriġinali, tiġi interpretata bħala li titlob tnaqqis f’għajnuna diretta bħala sanzjoni għal ksur ta’ rekwiżiti ta’ kundizzjonalità li għandu jiġi kkomputat abbażi tal-għajnuna diretta totali pagabbli fis-sena tal-ksur.

71.

F’dan il-kuntest, issa ngħaddi biex neżamina d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 796/2004

72.

L-Artikolu 66 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 796/2004 jgħid fil-ħdax-il verżjoni oriġinali tal-lingwi kollha li t-tnaqqis f’pagamenti diretti għal nuqqas ta’ konformità b’mod negliġenti mar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità għandu jiġi applikat għas-sena tas-sejba ta’ nuqqas ta’ konformità.

73.

Abbażi ta’ dan l-abbozzar il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 fid-dawl tal-kliem li hija kienet għażlet għar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni u tal-intenzjonijiet tagħha fl-għażla ta’ dak il-kliem.

74.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet b’mod konsistenti li regolament ta’ implimentazzjoni (leġiżlazzjoni terzjarja) adottat abbażi ta’ dispożizzjoni tassattiva f’regolament tal-Kunsill (leġiżlazzjoni sekondarja) ma jistax jidderoga mid-dispożizzjonijiet tar-regolament tal-Kunsill, li tiegħu huwa jkun subordinat ( 30 ). Il-partijiet rilevanti tar-Regolament Nru 796/2004 kienu ppromulgati abbażi tal-Artikoli 7 u 144 tar-Regolament Nru 1782/2003. Il-Kummissjoni kienet, għalhekk, marbuta bid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1782/2003 — b’mod partikolari bil-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 6(1) tiegħu — meta hija tadotta regoli ddettaljati biex tagħti effett lil dan il-prinċipju. Hija ma setgħetx legalment tistabbilixxi regoli li kienu jikkontradixxu r-Regolament Nru 1782/2003. Il-vires (setgħat delegati) li hija kellha biex tilleġiżla permezz ta’ regolamentazzjoni terzjarja kienu ċċirkoskritti b’dak li kien speċifikat fil-leġiżlazzjoni sekondarja (ġerarkikament superjuri) adottata mill-Kunsill.

75.

Diġà indikajt li, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 jippreskrivi s-sena tal-ksur bħala s-sena li għandha tintuża għall-komputazzjoni tat-tnaqqis f’perċentwali f’għajnuna diretta bħala sanzjoni għal dak il-ksur. It-test tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 796/2004, jekk jinqara b’mod intelliġenti, jista’ perfettament ikollu tifsira li hija kompatibbli ma’ dan ir-rekwiżit.

76.

Diġà ġbidt l-attenzjoni, fil-punt 60 iktar ’il fuq, għad-distinzjoni kruċjali bejn komputazzjoni u imputazzjoni. L-Artikolu 66(1) jgħid li “għandu jiġi applikat tnaqqis fuq l-ammont kollu ta’ ħlasijiet diretti […] li jkun, jew għandu, jingħata lill-bidwi konċernat wara li jkun bagħat jew ikun ser jibgħat applikazzjonijiet għall-għajnuna fil-kors tas-sena kalendarja tas-sejba” (enfasi miżjuda). Il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kelma “applikat” bħala li tfisser kemm ”komputat” kif ukoll “imputat”. Madankollu, ma hemmx raġuni lingwistika, sa fejn naf jiena, li timponi tali interpretazzjoni. “Applikat” hija kelma pjuttost astratta u ġenerali. Hija tista’ (nikkonċedi mill-ewwel) titqies li tfisser “komputat” (sinonima ma’ “kalkolat abbażi ta’”); u dan b’mod ċar huwa kif il-Kummissjoni tixtieq li l-kelma “applikat” tkun interpretata. Iżda “applikat” tista’ wkoll tfisser biss “imputat għal” (wara li jkun ġie “komputat”, jew “kalkolat”, fuq bażi differenti). Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ma hemmx raġuni tajba biex jingħad li “applikat” għandha neċessarjament tfisser kemm“komputat”kif ukoll“imputat” jekk dan imur kontra t-tifsira ta’ x’għandha tkun qed tipprova tikseb il-miżura (kif aktarx ikun il-każ jekk dik l-interpretazzjoni doppja kellha tkun adottata hawnhekk).

77.

Huwa minnu li l-kliem ta’ konklużjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 66(1) jagħmlu riferiment għal “3 % ta’ dak l-ammont sħiħ”, li jidher li qed jirreferi u jmur lura għall-pagament dovut fis-sena kalendarja tas-sejba. Jidhirli, meqjusa l-interpretazzjoni li nemmen li hija l-interpretazzjoni t-tajba tar-regolament tal-Kunsill (ġerarkikament superjuri), li l-kliem li jiena niżżilt fil-korsiv għandhom neċessarjament jiġu skartati.

78.

Minħabba li bi tweġiba għal mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta l-Kummissjoni sostniet bil-qawwa l-interpretazzjoni ppreferuta minnha tal-leġiżlazzjoni, huwa l-obbligu tiegħi li neżamina b’attenzjoni l-ġustifikazzjonijiet addizzjonali li hija ressqet biex issostni l-interpretazzjoni tagħha.

79.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni targumenta li spezzjonijiet fuq il-post dwar il-kundizzjonalità huma obbligatorji, filwaqt li kontroll amministrattiv (bħal dak applikat fil-każijiet li taw lok għal dan ir-rinviju) huwa fakultattiv ( 31 ). Għal din ir-raġuni, is-sena tal-ksur u s-sena tas-sejba jkunu normalment l-istess.

80.

Il-Gvern Daniż ma jaqbilx mal-Kummissjoni dwar il-fatti u jressaq dokumentazzjoni li tissuġġerixxi li ż-żewġ snin mhux dejjem neċessarjament jikkoinċidu.

81.

Huwa awtomatikament evidenti li meta s-sena tal-ksur u sena tas-sejba jkunu l-istess, ma jkunx jimporta liema minnhom tittieħed bħala l-bażi għall-komputazzjoni tat-tnaqqis f’perċentwali fil-pagament ta’ għajnuna bħala sanzjoni għal ksur tal-obbligi ta’ kundizzjonalità. Meta ż-żewġ snin ma jkunux l-istess, madankollu, l-għażla tas-sena għall-komputazzjoni tista’ tkun importanti ħafna ( 32 ). L-argument tal-Kummissjoni, għalhekk, ma huwiex rilevanti.

82.

It-tieni nett, il-Kummissjoni tirreferi għal konvenjenza amministrattiva. Deskritt b’mod ħanin, l-argument tagħha huwa li huwa eħfef li tittieħed l-istess sena bħala l-bażi għall-komputazzjoni tat-tnaqqis li jkollu jsir u li dik is-sena tkun il-perijodu li għalih għandu mbagħad jiġi imputat it-tnaqqis.

83.

Madankollu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja saqsietha fis-seduta, il-Kummissjoni aċċettat li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu qed iżommu rekords tal-imgħoddi ta’ pagamenti ta’ għajnuna, probabbilment f’forma kkompjuterizzata, u li ma jkunx diffiċli ħafna li ssir komputazzjoni tat-tnaqqis b’riferiment għas-sena tal-ksur u li ssir l-imputazzjoni tiegħu għas-sena tas-sejba. Il-Kummissjoni aċċettat ukoll li, meta ma jkunx hemm applikazzjoni pendenti għal għajnuna fis-sena tas-sejba (pereżempju, minħabba li l-persuna responsabbli għall-ksur tkun minn dak iż-żmien ’l hemm waqfet taħdem ir-raba’), jista’ jkun verament possibbli li l-komputazzjoni tat-tnaqqis ssir b’riferiment għas-sena tal-ksur u mbagħad jintalab rkupru tal-għajnuna mħallsa żejda f’dik is-sena bħala dejn dovut lill-awtoritajiet kompetenti. Dan jidhirli li jxejjen l-argument tal-Kummissjoni dwar il-konvenjenza amministrattiva.

84.

It-tielet nett, il-Kummissjoni straħet fuq l-intenzjoni li hija kellha meta fasslet ir-Regolament ta’ implimentazzjoni bħala linji gwida għal kif kellu jiġi interpretat ir-Regolament Nru 1782/2003. Jiena diġà ddiskutejt u ma aċċettajtx dan it-tip ta’ raġunament ( 33 ).

85.

Nikkonkludi li dawn l-argumenti ma jipprovdu ebda raġuni konvinċenti biex wieħed ikun ta’ fehma differenti dwar kif ir-regolament tal-Kunsill (u, b’implikazzjoni neċessarja, ir-regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni) għandu jiġi interpretat.

86.

Barra minn hekk, hemm oġġezzjoni ikbar u iktar fundamentali għall-pożizzjoni mressqa mill-Kummissjoni.

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza

87.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(2) TFUE jipprovdi li l-organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli “għandha teskludi kull diskrimnazzjoni bejn il-produtturi jew konsumaturi ta’ l-Unjoni” Dan il-kliem b’mod ċar jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bejn il-produtturi tal-istess prodott. Madankollu huwa ma jirreferix bi kliem tant ċar għall-kalkolazzjoni ta’ tnaqqis f’għajnuna mħallsa lil bdiewa skont ir-Regolament Nru 1782/2003. Dan espost, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fit-Trattat hija biss artikolazzjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza (jew ugwaljanza fit-trattament) li huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Unjoni. Dan il-prinċipju jitlob li sitwazzjonijiet simili ma jiġux ittrattati b’mod differenti sakemm id-differenza ma tkunx iġġustifikata b’mod oġġettiv ( 34 ).

88.

L-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1782/2003 magħmula mill-Kummissjoni fir-Regolament Nru 796/2004 u fil-gwida bil-miktub li hija tat lil AgriFish Agency fl-ittra tas-7 ta’ Frar 2013, li titlob li t-tnaqqis f’għajnuna għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-ammonti ta’ għajnuna għas-sena tas-sejba, hija konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza?

89.

Fil-fehma tiegħi, ir-risposta hija bla dubju “le”. Ser nuri dan bl-eżempju li ġej.

90.

Nassumu li l-bdiewa A, B u C qed jaħdmu oqsma agrikoli identiċi u li kull wieħed minnhom huwa intitolat għal EUR 10000 ta’ għajnuna diretta fl-ewwel sena. Kull wieħed minnhom jikkommetti eżattament l-istess ksur tar-rekwiżiti tagħhom ta’ kundizzjonalità fl-ewwel sena iżda l-ksur jibqa’ mhux magħruf f’dik is-sena.

91.

Fit-tieni sena l-bidwi A ma jibqax jaħdem ta’ bidwi u jittrasferixxi l-azjenda tiegħu lil bidwi ieħor. Il-Bidwi B ikompli jħaddem l-istess azjenda u jitlob l-istess ammont (EUR 10000) ta’ għajnuna diretta. Bidwi C jibda biex ikabbar id-daqs tal-azjenda tiegħu u, għaldaqstant, jibda jitlob iktar għajnuna diretta.

92.

Fit-tielet sena jsir magħruf il-ksur. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti debitament jagħmlu “sejbiet” ta’ nuqqasijiet ta’ konformità u joħorġu deċiżjonijiet li jkunu ddeterminaw tnaqqis f’għajnuna diretta għal kull bidwi ta’ 3 % kkalkolat – kif il-Kummissjoni tinsisti li għandu jkun il-każ – abbażi tal-ammont totali ta’ għajnuna diretta li kull bidwi kien intitolat għalih fit-tielet sena.

93.

B’riżultat ta’ dan, bidwi A (li ma għamilx talba għal għajnuna diretta fit-tielet sena minħabba li ma kienx baqa’ bidwi) huwa suġġett għal tnaqqis f’pagament dirett ta’ 3 % x żero. Jeħlisha ħafif. Bidwi B, li għadu jaħdem l-istess raba’ bħal fl-ewwel sena u huwa intitolat għal EUR 10000 f’pagamenti diretti għat-tielet sena, huwa suġġett għal tnaqqis f’pagamenti diretti għalih ta’ 3 % x EUR 10000, jew EUR 300. Is-sanzjoni imposta fuqu hija, b’kumbinazzjoni, l-istess bħalma kienet tkun kieku s-sena tal-ksur kienet tqieset bħala s-sena tal-kalkolazzjoni għat-tnaqqis ta’ 3 % f’għajnuna. (ngħid “b’kumbinazzjoni” minħabba li l-affarijiet ġraw b’mod li d-daqs tal-azjenda tiegħu u dak li kien intitolat għalih f’għajnuna diretta huma l-istess fit-tielet sena bħalma kienu fl-ewwel sena). Bidwi C kabbar l-azjenda tiegħu b’mod tabilħaqq sinjifikattiv u huwa intitolat għal EUR 100000 f’pagamenti diretti fit-tielet sena. Bħala konsegwenza s-sanzjoni għalih għal nuqqas ta’ konformità fl-ewwel sena huwa tnaqqis ta’ EUR 3000 applikat għal pagamenti diretti għalih għat-tielet sena.

94.

Jidher li r-riżultat tal-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-Kummissjoni huwa li jiġu imposti sanzjonijiet differenti b’mod vast fuq it-tliet bdiewa A, B u C (EUR 0, EUR 300 u EUR 3000 rispettivament) fir-rigward ta’ eżattament l-istess ksur tar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità fl-ewwel sena. Il-Kummissjoni ma ġabitx raġunijiet kompatibbli mal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li jibdew biex jiġġustifikaw riżultat bħal dan. Anzi, imġiba identika tiġi ssanzjonata b’mod differenti ħafna għal raġunijiet li bl-ebda mod ma huma relatati man-nuqqas effettiv ta’ konformità u li lanqas ma huma b’xi mod relatati mal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li qed tiġi infurzata.

95.

Il-Kummissjoni, konxja ta’ dawn id-diffikultajiet, tinvoka l-prinċipju ta’ proporzjonalità biex issolvi l-inġustizzja maħluqa b’dan il-mod. Għalhekk ser ngħaddi biex neżamina l-argument li hija tagħmel abbażi ta’ dan il-prinċipju.

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità

96.

Miżuri implimentati permezz ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni għandhom ikunu xierqa biex jintlaħaq l-għan imfittex u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex dan jinkiseb ( 35 ). Kif għandu jkun ovvju mill-eżempju li għadni kif tajt, il-kalkolazzjoni tas-sanzjoni, maħduma fuq perċentwali ta’ tnaqqis, abbażi tal-għajnuna diretta pagabbli fis-sena tas-sejba tonqos milli tissodisfa dan ir-rekwiżit. Ma hijiex “xierqa biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija” bir-Regolament Nru 796/2004. Tonqos milli tissanzjona nuqqas ta’ konformità meta l-bidwi ma jkunx intitolat għal għajnuna skont l-iskema ta’ pagamenti diretti f’dik is-sena sussegwenti (il-bidwi A fl-eżempju tiegħi). Għall-kuntrarju, hija tissanzjona ċerti każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità b’mod iktar sever milli meħtieġa (u, qisu jidher, b’mod iktar sever milli kien intenzjonat) (il-bidwi C fl-eżempju tiegħi). Ikun biss meta s-sena tal-ksur u s-sena tas-sejba jinzertaw jikkoinċidu li fil-fatt din il-metodoloġija żżomm ir-rabta diretta mixtieqa bejn il-ksur tar-regoli tal-kundizzjonalità u s-sanzjoni imposta għal dak il-ksur.

97.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha l-Kummissjoni taċċetta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jista’ jinkiser f’ċirkustanzi bħal dawn. Hija tissuġġerixxi bħala soluzzjoni li l-pagamenti diretti għas-sena ta’ nuqqas ta’ konformità jkunu minflok jistgħu jintużaw f’dawn il-każijiet limitati bħala l-bażi ta’ kalkolu. Kif nifhimha jiena, il-Kummissjoni b’hekk targumenta li l-metodoloġija korretta hija li tintuża s-sena tas-sejba bħala l-bażi għall-komputazzjoni tas-sanzjoni; iżda li meta dik ir-regola ġenerali tagħti lok għal riżultat li ovvjament ma jkunx korrett, ikun jista’ jiġi invokat il-prinċipju ta’ proporzjonalità biex tissewwa s-sitwazzjoni.

98.

Meta sarulha mistoqsijiet fis-seduta l-Kummissjoni ma setgħetx tindika fejn fil-ġurisprudenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet approvat l-użu tal-prinċipju ta’ proporzjonalità b’dan il-mod biex issewwi difett strutturali li jsir meta tintgħażel metodoloġija partikolari. Bl-istess mod jiena wkoll ma naf bl-ebda każ li jsostni din il-proposta ġdida.

99.

Fis-seduta l-Gvern Daniż enfasizza — b’mod korrett, fl-opinjoni tiegħi — li l-metodoloġija biex tiġi kkalkolata s-sanzjoni għandha, qabel kollox, tissodisfa żewġ kriterji. Għandha tkun ċara biex faċilment tkun applikata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal għadd kbir ħafna ta’ każijiet individwali; u għandha tipprovdi ċertezza legali kemm lill-bidwi individwali, kif ukoll lill-amministrazzjoni nazzjonali. Huwa diffiċli li jiġi kkonċepit arranġament li jkun iktar antagonistiku għal dawn iż-żewġ għanijiet minn dak li fih, fejn ir-riżultat maħluq bl-applikazzjoni tal-metodoloġija standard ikun “biżżejjed” inaċċettabli (irrispettivament minn dan xi jfisser preċiżament), il-bażi kollha tal-kalkolazzjoni mbagħad tinbidel skont id-diskrezzjoni tal-awtoritajiet, ferm imtaqqla bix-xogħol, li jamministraw l-iskema.

100.

Fl-aħħar nett, għandi nirreġistra wkoll l-argument tal-Kummissjoni li ma jkunx meħtieġ li wieħed jirrikorri għall-użu tal-prinċipju ta’ proporzjonalità bħala miżura korrettiva fejn ikun hemm nuqqas ta’ konformità intenzjonali mar-regoli, għaliex “fraus omnia corrumpit”. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda speċifikament għal perċentwali (ogħla) li għandha tiġi applikata bħala sanzjoni għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonat li hija differenti minn dik applikabbli għal nuqqas ta’ konformità minħabba negliġenza. F’dan l-isfond l-argument tal-Kummissjoni nsibu diffiċli jinftiehem u f’kull każ ma huwiex konvinċenti.

101.

Għalhekk jiena fermament nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrikorrix għal dan l-użu – fil-fehma tiegħi diskutibbli – tal-prinċipju ta’ proporzjonalità biex issolvi d-diffikultajiet li l-metodoloġija preferuta tal-Kummissjoni b’mod ċar tagħti lok għalihom; iżda pjuttost li tagħmel tagħha l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1782/2003 u tar-Regolament Nru 796/2004 li tevita li toħloq dawn id-diffikultajiet fl-ewwel lok.

Ir-risposta għal-ewwel domanda preliminari

102.

Għalhekk nikkonkludi li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, kemm fil-verżjoni oriġinali, kif ukoll kif emendat bir-Regolament Nru 146/2008, għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li t-tnaqqis f’perċentwali f’pagamenti ta’ għajnuna diretta bħala sanzjoni għal ksur tar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità għandu jiġi kkomputat abbażi tal-għajnuna diretta pagabbli għas-sena kalendarja li fiha jkun seħħ in-nuqqas ta’ konformità. L-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 796/2004 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li t-tnaqqis f’pagamenti ta’ għajnuna diretta bħala sanzjoni għal ksur tar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità għandu jiġi kkomputat b’riferiment għas-sena tal-ksur u għandu mbagħad ikun imputat – jiġifieri applikat – għall-pagament ta’ għajnuna pagabbli fis-sena tas-sejba.

Fuq it-tieni domanda

103.

Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti għall-ewwel domanda tkunx tapplika wkoll skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 73/2009 u l-Artikoli 70(4) u 70(8)(a) tar-Regolament Nru 1122/2009. Inkun nista’ nittratta din il-kwistjoni dalwaqt.

104.

L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 73/2009 jirriproduċi, kważi kelma b’kelma t-test tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 kif emendat bir-Regolament Nru 146/2008. Qari tal-preambolu tar-Regolament Nru 73/2009 ma juri ebda intenzjoni min-naħa tal-leġiżlatur li jinbidel il-prinċipju li jinstab fil-verżjoni emendata tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1782/2003 meta nbidel għall-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 73/2009.

105.

L-analiżi li għamilt iktar ’il fuq dwar l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1782/2003, kemm fil-verżjoni oriġinali tiegħu, kif ukoll fil-verżjonijiet emendati, għalhekk tgħodd ukoll għall-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 73/2009.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1122/2009

106.

L-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 1122/2009, “Prinċipji ġenerali u definizzjoni”, kien jipprovdi fil-paragrafu 4, li “In-nuqqasijiet ta’ konformità għandhom jitqiesu li jkunu ‘ddeterminati’ jekk ikunu stabbiliti bħala konsegwenza ta’ xi tip ta’ kontrolli mwettqa skont dan ir-Regolament jew wara li l-awtorità kompetenti ta’ kontroll jew, fejn applikabbli, l-aġenzija tal-ħlas, tkun ġiet mgħarrfa, bi kwalunkwe mezz ieħor”, u fil-paragrafu 8 li “il-perċentwal tat-tnaqqis għandu jiġi applikat mal-ammont totali tal-ammont kumplessiv tal-pagamenti diretti li ngħata, jew li għandu jingħata, lill-bidwi konċernat b’segwitu tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna li hu ppreżenta jew li se jippreżenta matul is-sena kalendarja tas-sejba […]”

107.

Għar-raġunijiet li semmejt fil-punti 74 sa 101 iktar ’il fuq dwar ir-regola korrispondenti fl-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 796/2004, l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 1122/2009, biex ikun konformi mal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 73/2009, għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li t-tnaqqis f’pagamenti ta’ għajnuna diretta bħala sanzjoni għal ksur ta’ rekwiżiti ta’ kundizzjonalità għandu jiġi kkomputat b’riferiment għas-sena tal-ksur u għandu mbagħad jiġi imputat — jiġifieri applikat — għall-għajnuna pagabbli fis-sena tas-sejba.

108.

Ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha, għalhekk, tkun li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 73/2009 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li t-tnaqqis f’perċentwali f’pagamenti ta’ għajnuna diretta bħala sanzjoni għall-ksur tar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità għandu jiġi kkomputat abbażi tal-għajnuna diretta pagabbli għas-sena kalendarja li fiha jkun seħħ in-nuqqas ta’ konformità. L-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 1122/2009 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li t-tnaqqis f’pagamenti ta’ għajnuna diretta bħala sanzjoni għal ksur tar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità għandu jiġi kkomputat b’riferiment għas-sena tal-ksur u għandu mbagħad jiġi imputat – jiġifieri applikat – għall-għajnuna pagabbli fis-sena tas-sejba.

Konklużjoni

109.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jogħġobha tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka) kif ġej:

Id-domanda 3:

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa kif oriġinarjament ippromulgat, japplika għal pagamenti mogħtija fir-rigward tas-sena kalendarja 2007, inklużi pagamenti fir-rigward ta’ perijodi oħra li kienu bdew f’dik is-sena.

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, kif oriġinarjament ippromulgat, japplika għal pagamenti mogħtija fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu 2008, inklużi pagamenti fir-rigward ta’ perijodi oħra li kienu bdew f’dak il-perijodu ta’ tliet xhur.

Għal pagamenti fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2008, inklużi pagamenti fir-rigward ta’ perijodi oħra li kienu bdew f’dak il-perijodu ta’ disa’ xhur, japplika l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 146/2008 tal-14 ta’ Frar 2008.

Skont l-Artikolu 86 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004 japplika għal applikazzjonijiet għal għajnuna relatati mas-snin tas-suq jew ma’ perijodi ta’ primjums li kienu bdew qabel l-1 ta’ Jannar 2010.

Id-domanda 1:

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, kemm fil-verżjoni oriġinali tiegħu u kif emendat bir-Regolament Nru 146/2008, għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li t-tnaqqis f’perċentwali f’pagamenti ta’ għajnuna diretta bħala sanzjoni għal ksur tar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità għandu jiġi kkomputat abbażi tal-għajnuna diretta pagabbli għas-sena kalendarja li fiha jkun seħħ in-nuqqas ta’ konformità. L-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 796/2004 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li t-tnaqqis f’pagamenti ta’ għajnuna diretta bħala sanzjoni għal ksur tar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità għandu jiġi kkomputat b’riferiment għas-sena tal-ksur u għandu mbagħad ikun imputat – jiġifieri applikat – għall-pagament ta’ għajnuna pagabbli fis-sena tas-sejba.

Id-domanda 2:

L-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li t-tnaqqis f’perċentwali f’pagamenti ta’ għajnuna diretta bħala sanzjoni għall-ksur tar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità għandu jiġi kkomputat abbażi tal-għajnuna diretta pagabbli għas-sena kalendarja li fiha jkun seħħ in-nuqqas ta’ konformità. L-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 1122/2007 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li t-tnaqqis f’pagamenti ta’ għajnuna diretta bħala sanzjoni għal ksur tar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità għandu jiġi kkomputat b’riferiment għas-sena tal-ksur u għandu mbagħad jiġi imputat – jiġifieri applikat – għall-għajnuna pagabbli fis-sena tas-sejba.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269).Ser nirreferi għar-Regolament Nru 1782/2003 bħala r-regolament bażiku.

( 3 ) Regolament tal-14 ta’ Frar 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, u r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2008 L 46, p. 1). Skont l-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament il-verżjoni emendata tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 kienet tapplika mill-1 ta’ April 2008.

( 4 ) L-Artikolu 7 kien ukoll emendat bir-Regolament Nru 146/2008. Madankollu, il-bidliet introdotti bl-emendi ma humiex rilevanti għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 5 ) L-Artikolu 144(2) kien jagħmel riferiment għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjon (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124) u “l-proċedura tal-ammnistrazzjoni” prevista mill-Artikolu 4 ta’ dik id-deċiżjoni.

( 6 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità [kundizzjonalità], modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243)

( 7 ) Regolament tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009 L 30, p. 16).

( 8 ) Skont il-premessa 2 tar-Regolament Nru 73/2009, dan sar “fl-interess taċ-ċarezza” wara li r-Regolament Nru 1782/2003 kien ġie emendat sostanzjalment bosta drabi. Ir-Regolament Nru 73/2009 kien huwa stess tħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015 bir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013 L 347, p. 608).

( 9 ) Regolament tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU 2009 L 316, p. 65).

( 10 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1122/2009 kien min-naħa tiegħu tħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015 bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jemenda r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014 L 181, p. 48).

( 11 ) Ir-“rapport tal-kontroll” imsemmi fl-Artikolu 54 huwa meħtieġ għall-evalwazzjoni tad-daqs tan-nuqqas ta’ konformità fir-rigward ta’ kull att u/jew standard abbażi tal-kriterji “severità”, “firxa”, “permanenza” u “repetizzjoni” skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 b’indikazzjoni ta’ kull fattur li kellu jwassal għal żieda jew diminuzzjoni fit-tnaqqis li kellu jiġi applikat (Artikolu 54(1)(c)).

( 12 ) Direttiva tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68).

( 13 ) Id-digriet tar-rinviju jiċċita ċerti paragrafi mir-regoli Daniżi ppromulgati fl-2010, li jidhru li jagħmlu riferiment għas-sena “li fiha l-applikazzjoni għal għajnuna jew it-talba għal pagament ikunu ġew riċevuti u li fihom ikun instab il-ksur” (enfasi miżjuda). Għalkemm ma nesprimi ebda opinjoni dwar l-interpretazzjoni tal-liġi Daniża, qisu jidher, abbażi tad-digriet tar-tinviju tal-qorti tar-rinviju, li r-regoli Daniżi, almenu sa fejn hija kkonċernata l-verżjoni ppromulgata fl-2010, kienu joperaw bil-preżunzjoni li dawn iż-żewġ snin kienu jkunu l-istess.

( 14 ) Fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 qabel ma kien ġie emendat tintuża l-espressjoni “l-ammont totali ta’ pagamenti diretti li ser jingħataw fis-sena kalendarja li fiha seħħ in-nuqqas ta’ osservanza [konformità],”. Il-verżjoni emendata ta’ dik id-dispożizzjoni tirreferi għal “l-ammont totali tal-pagamenti diretti li għandu jingħata”, l-istess bħall-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 73/2009 (biż-żieda tal-kliem “jew għandu jingħata”. Ir-regolamenti tal-Kummissjoni b’mod simili jużaw kliem varjabbli,. Nifhem li dawn l-erba’ regolamenti kollha qed jagħmlu riferiment għall-“għajnuna diretta totali pagabbli”.

( 15 ) Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (ĠU 2012 C 344, p. 1, p. 75, punt 3.9.).

( 16 ) Ara l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 146/2008.

( 17 ) Dan isegwi mill-fatt li l-verżjoni emendata tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 kienet tapplika mill-1 ta’ April 2008 skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 146/2008, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq.

( 18 ) B’“verżjonijiet fil-lingwi oriġinali” infisser il-verżjonijiet fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien meta ġie ppromulgat ir-Regolament Nru 1782/2003..

( 19 ) Bid-Daniż: “det kalenderår, hvor den manglende overholdelse finder sted”; bl-Olandiż “het kalenderjaar waarin de niet-naleving plaatsvindt”; bil-Finlandiż: “sinä kalenterivuonna, jona noudattamatta jättäminen tapahtuu”; bil-Grieg: “να καταβληθούν κατά το ημερολογιακό έτος κατά το οποίο σημειώθηκε η μη εφαρμογή”; bit-Taljan: “nell’anno civile in cui si è verificata l’inosservanza”; bil-Portugiż: “no ano civil em que ocorre tal incumprimento”; bl-Ispanjol: “en el año natural en que se produzca el incumplimiento” u bl-Isvediż: “det år då överträdelsen inträffar”.

( 20 ) Il-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża tgħid: “Werden die Grundanforderungen an die Betriebsführung oder der gute landwirtschaftliche und ökologische Zustand aufgrund einer unmittelbar dem einzelnen Betriebsinhaber zuzuschreibenden Handlung oder Unterlassung nicht erfüllt, so wird der Gesamtbetrag der in dem betreffenden Kalenderjahr […] zu gewährenden Direktzahlungen […] gekürzt oder ausgeschlossen”.

( 21 ) Il-verżjoni fil-lingwa Franċiża tgħid: “le montant total des paiements directs à octroyer au titre de l’année civile au cours de laquelle le non-respect est constaté, est réduit ou supprimé”.

( 22 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2012, DR u TV2 Danmark, C‑510/10, EU:C:2012:244, punt 44.

( 23 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2012, DR u TV2 Danmark, C‑510/10, EU:C:2012:244, punt 45.

( 24 ) Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Dowling, C‑85/90, EU:C:1992:170, punt 10, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Schutzverband der Spirituosen-Industrie, C‑457/05, EU:C:2007:345, punt 44.

( 25 ) Ara l-punti 87 sa 94 u 96 sa 102 iktar ’il quddiem, rispettivament.

( 26 ) Ir-rekwiżit li n-nuqqas ta’ konformità għandu jkun “direttament attribwit” lill-bidwi oriġinarjament kellu rabta mar-rekwiżit minn qabel biex bidwi jkun intitolat għal għajnuna jekk kien ikollu ħbula rilevanti ta’ raba’ għad-dispożizzjoni tiegħu għal perijodu speċifikat ta’ mill-inqas ta’ għaxar xhur: ara l-Artikolu 44(3) tar-Regolament Nru 1782/2003. L-emendi li saru permezz tar-Regolament Nru 146/2008 naqqsu dan il-perijodu għal jum wieħed u wessgħu r-responsabbiltà tal-applikant għall-għajnuna għal nuqqas ta’ konformità dwar iż-żoni ddikjarati bħala raba’ maħdum f’ċerti każijiet, bħal fejn l-art tkun ġiet ittrasferita: ara l-Artikolu 1(3) u l-premessi 2 u 3 tar-Regolament Nru 146/2008.

( 27 ) Ser neżamina r-ramifikazzjonijiet li jista’ jkollha l-interpretazzjoni ffavorita mill-Kummissjoni, għal bidwi waħdu u għal grupp ta’ tliet bdiewa li kollha jwettqu l-istess ksur tal-obbligi tagħhom ta’ kundizzjonalità, permezz ta’ żewġ eżempji prattiċi: ara l-punti 61 sa 63 u 90 sa 93 iktar ’il quddiem.

( 28 ) Ara l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1782/2003.

( 29 ) Il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha tapplika l-istess analiżi għall-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 73/2009, li hija tqis li għandu jingħata l-istess tifsira bħall-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1782/2003.

( 30 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 1971, Deutsche Tradax, 38/70, EU:C:1971:24, punt 10, u tat-2 ta’ Marzu 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑179/97, EU:C:1999:109, punt 20.

( 31 ) Il-Kummisjoni hawnhekk iċċitat l-Artikolu 25(1) u (2) tar-Regolament Nru 1782/2003; u l-Artikolu 22(1) u (2) tar-Regolament Nru 73/2009.

( 32 ) Ara l-eżempji mogħtija fil-punti 61 sa 63 iktar ’il fuq u fil-punti 90 sa 93 iktar ’il quddiem.

( 33 ) Ara l-punt 74 iktar ’il fuq.

( 34 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et, 117/76 u 16/77, EU:C:1977:160, punt 7.

( 35 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et, 137/85, EU:C:1987:493, punt 15; tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 122; tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs BĊE, C‑11/00, EU:C:2003:395, punt 156 u tat-13 ta’ Diċembru 2012, Maatschap L.A. en D.A.B. Langestraat en P. Langestraat-Troost, C‑11/12, EU:C:2012:808, punt 39.

Top