EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0088

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fl-10 ta’ April 2018.
Zurich Insurance PLC u Metso Minerals Oy vs Abnormal Load Services (International) Ltd.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni – It-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu – Post tal-provvista tas-servizzi – Kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija bejn żewġ Stati Membri – Rotta kkostitwita minn diversi stadji u mwettqa b’diversi mezzi ta’ trasport.
Kawża C-88/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:224

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fl‑10 ta’ April 2018 ( 1 )

Kawża C‑88/17

Zurich Insurance plc

Metso Minerals Oy

vs

Abnormal Load Services (International) Limited

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja))

“Deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – ‘Regolament Brussell I’ – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni f’materji marbutin ma’ kuntratti – Danni – Determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu – Post fejn ġew ipprovduti s-servizzi jew fejn kellhom jiġu pprovduti – Kuntratt li jirrigwarda t-trasport ta’ merkanzija minn Stat Membru għal ieħor li jinvolvi diversi stadji u iktar minn mezz wieħed ta’ trasport (trasport multimodali)”

1.

Din il-kawża tikkonċerna ġurisdizzjoni internazzjonali fir-rigward ta’ talba għal danni ta’ oriġini kuntrattwali skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”) ( 2 ), f’kuntest li jinvolvi trasport multimodali ta’ merkanzija minn Stat Membru għal ieħor.

2.

Trasportatur Brittaniku ntrabat b’kuntratt ma’ impriża Finlandiża u assuma l-obbligu ta’ trasport ta’ merkanzija mill-Finlandja għar-Renju Unit. Wara li l-merkanzija kkonċernata ntilfet hija u tiġi ttrasportata fir-Renju Unit, l-impriża Finlandiża u l-assiguratur tal-merkanzija fittxew għad-danni quddiem qorti Finlandiża.

3.

It-tilwima waslet quddiem il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja) li qed tfittex kjarifika dwar jekk il-qrati Finlandiżi għandhomx ġurisdizzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Brussell I.

4.

Fis-sentenzi tagħha Rehder ( 3 ) u flightright et ( 4 ), il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet, fil-kuntest ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, li l-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ danni ta’ oriġini kuntrattwali tista’ tistrieħ kemm fuq il-post tal-imbark kif ukoll il-post ta’ destinazzjoni finali. Fl-assenza ta’ xi preċedent fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jindirizza direttament il-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ ksur ta’ kuntratt għat-trasport multimodali ta’ merkanzija bejn Stati Membri, id-domanda li għandha tingħata risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża hija jekk ir-regola li ġiet stabbilita fil-kuntest ta’ vvjaġġar bl-ajru ta’ passiġġieri tapplikax għal din is-sitwazzjoni.

5.

Wasalt għall-konklużjoni li l-qrati Finlandiżi jistgħu jinvokaw ġurisdizzjoni fuq it-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Brussell I, għaliex il-post tad-dispaċċ tal-merkanzija skont kuntratt għal servizzi ta’ trasport huwa post fejn huwa pprovdut servizz b’rabta ma’ kuntratt għat-trasport ta’ merkanzija.

I. Il-kuntest ġuridiku

6.

L-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I jaqra kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1.

(a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

(b)

għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

[…]

fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

[…]”

II. Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7.

Abnormal Load Services (International) Ltd (iktar ’il quddiem “ALS”), il-konvenuta fil-kawża prinċipali, hija trasportatur Brittaniku bis-sede tagħha fir-Renju Unit ( 5 ).

8.

F’Lulju 2008, ALS ikkonkludiet kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija ma’ Metso Minerals Oy (“Metso”), manifattur Finlandiż ta’ tagħmir għall-industriji tal-minjieri u tal-kostruzzjoni. Kellu jiġi ttrasportat kraxer ċilindrokoniku minn Pori fil-Finlandja għal Sheffield fir-Renju Unit. Il-kraxer kien assigurat minn Zurich Insurance plc (iktar ’il quddiem “Zurich”). Kemm Metso kif ukoll Zurich huma r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

9.

ALS, bl-għajnuna ta’ sottokuntratturi, ittrasportat il-kraxer kif ġej. Il-kraxer l-ewwel ġie ttrasportat minn Pori għal Rauma fil-Finlandja permezz ta’ trakk b’low loader. F’Rauma, dan inħatt minn fuq it-trakk u ġie misjuq għal fuq vapur permezz tal-enerġija tiegħu stess. Wara li ġie ttrasportat bil-baħar lejn ir-Renju Unit, il-kraxer reġa’ nstaq permezz tal-enerġija tiegħu stess biex tniżżel minn fuq il-vapur ( 6 ) fil-port ta’ Hull u ġie mgħobbi fuq trakk ieħor. Peress li d-destinatarju tal-kunsinna ta’ Metso ma kellux spazju suffiċjenti jew adegwat fejn jaħżnu, talab lil sottokuntrattur ta’ ALS isuq il-kraxer f’wieħed mill-imħażen tiegħu u jżommu hemmhekk temporanjament għal ftit jiem. Madankollu, il-kraxer dam maħżun hemmhekk għal perijodu itwal ( 7 ), u sparixxa qabel ma seta jiġi kkunsinnat lid-destinatarju tal-kunsinna f’Sheffield.

10.

Zurich ikkumpensat lil Metso għall-valur tal-kraxer, mingħajr l-eċċess.

11.

Fit‑30 ta’ Settembru 2009, Zurich u Metso talbu quddiem is-Satakunnan käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Satakunta, il-Finlandja) biex ALS tiġi ordnata tħallashom id-danni f’ammont ekwivalenti għall-valur tal-kraxer.

12.

Fis-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Marzu 2013, is-Satakunnan käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Satakunta) ordnat lil ALS tħallas is-somma mitluba fir-rikors, peress li kienet iddeċidiet li kellha ġurisdizzjoni biex tisma’ l-kawża peress li kienet tikkonċerna t-trasport bit-triq ta’ merkanzija, u li l-ġurisdizzjoni kienet ibbażata fuq regoli Finlandiżi li jimplimentaw l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt ta’ Trasport Internazzjonali ta’ Merkanzija bit-Triq [traduzzjoni mhux uffiċjali] (iktar ’il quddiem iċ-“CMR”) ( 8 ).

13.

Fl-appell, ippreżentat minn ALS, il-Vaasan Hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Vaasa, il-Finlandja) iddeċidiet li l-każ kien jinvolvi trasport ikkombinat, li l-partijiet ma kellhomx jiġu kkunsidrati li qablu dwar liema qorti kellha ġurisdizzjoni skont iċ-CMR, li din tal-aħħar ma kinitx applikabbli u li lanqas il-Vaasan Hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Vaasa) ma kellha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolment Brussell I. Għalhekk ċaħdet l-appell fis-sentenza tagħha tat‑30 ta’ Marzu 2015, għaliex inammissibbli.

14.

Fl-appell ippreżentat quddiem il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema), Zurich u Metso argumentaw li d-deċiżjoni tal-Vaasan Hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Vaasa) għandha tiġi annullata u li ALS għandha tiġi ordnata tħallas id-danni, jew li l-kawża għandha terġa’ tintbagħat quddiem il-Vaasan Hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Vaasa) biex tiddeċiedi dwar il-mertu.

15.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-post(ijiet) tal-provvista ta’ servizzi fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 kif għandhom jiġu ddeterminati fil-każ ta’ kuntratt li jirrigwarda t-trasport ta’ merkanzija bejn Stati Membri u t-trasport huwa kompost minn partijiet differenti li għalihom jintużaw modi differenti ta’ trasport?”

16.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-konvenuta kif ukoll mill-Gvernijiet tal-Finlandja, tal-Portugall u tal-Isvizzera u mill-Kummissjoni Ewropea. Ma ntalbet li ssir ebda seduta u ma saret ebda waħda.

III. Sinteżi tal-osservazzjonijiet sottomessi

17.

Ser navviċina s-soluzzjoni għad-domanda magħmula billi l-ewwel niġbor fil-qosor l-osservazzjonijiet prinċipali sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

18.

ALS tikkontesta l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Finlandiżi, filwaqt li l-Gvernijiet tal-Finlandja, tal-Portugall u tal-Isvizzera kif ukoll il-Kummissjoni huma tal-fehma li l-qrati Finlandiżi għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali.

19.

ALS targumenta li huwa biss il-post fejn isir il-ħatt li għandu jitqies bħala l-post ta’ eżekuzzjoni, u tallega li l-post ta’ eżekuzzjoni jista’ jkun biss post wieħed u li l-post ta’ destinazzjoni finali huwa ta’ importanza kunsiderevolment ikbar mill-post tad-dispaċċ. Hija tafferma li dan tal-aħħar ftit li xejn huwa iktar importanti mid-diversi postijiet fejn il-merkanzija titgħabba mill-ġdid. Għall-kuntrarju ta’ passiġġieri bl-ajru, il-partijiet f’kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija ma humiex interessati fil-modi ta’ trasport użati matul il-vjaġġ, peress li l-uniku interess tagħhom huwa li l-merkanzija tasal fid-destinazzjoni finali tagħha. Barra minn hekk, ALS tissuġġerixxi li s-sitwazzjoni hija simili għal dik ta’ aġent tal-bejgħ li jopera fi Stati Membri differenti, sitwazzjoni li fir-rigward tagħha il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kawża Wood Floor Solutions Andreas Domberger, li l-ġurisdizzjoni hija marbuta mal-post tad-domiċilju tal-aġent ( 9 ). ALS tagħmel ukoll riferiment għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Réunion européenne et, fejn, f’każ ta’ trasport ikkombinat bil-baħar u bit-triq, ġie deċiż li huma l-qrati tal-post fejn kellha tinġarr il-merkanzija li għandhom ġurisdizzjoni għal responsabbiltà delittwali ( 10 ). Dan, skont ALS, huwa konsistenti mad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli fir-rigward ta’ kuntratti ta’ trasport skont ir-Regolament Ruma I ( 11 ), li jagħti grad ta’ preferenza lill-post tal-kunsinna u li għandhu jiġi interpretat b’teħid inkunsiderazzjoni tar-Regolament Brussell I.

20.

Il-Gvernijiet tal-Finlandja u tal-Portugall it-tnejn jistrieħu fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-post minn fejn it-trasportatur ħa l-merkanzija u l-post speċifikat għall-kunsinna tagħha huma, b’mod indaqs, marbutin strettament mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt fil-kuntest ta’ kuntratt li jikkonċerna t-trasport tal-merkanzija. Il-Gvern Finlandiż prinċipalment jinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Wood Floor Solutions Andreas Domberger, filwaqt li l-Gvern Portugiż jiċċita l-kawżi Rehder, Nickel & Goeldner Spedition ( 12 ) u Color Drack ( 13 ) u jinvoka l-kunċett ta’ “post tal-provvista prinċipali tas-servizzi”.

21.

Il-Kummissjoni, b’riferiment għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Rehder, Wood Floor Solutions Andreas Domberger u Color Drack, tirrikonoxxi li fi kwalunkwe każ, il-post tal-wasla huwa l-post ta’ eżekuzzjoni, peress li huwa l-post finali fil-katina ta’ trasport. Madankollu, il-Kummissjoni tkompli targumenta li, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ prossimità, ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali, ikun xieraq li jiġi rrikonoxxut ukoll il-post tad-dispaċċ bħala l-post ta’ eżekuzzjoni. Skont il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni inkwistjoni għalhekk tkun komparabbli ma’ dik li tirriżulta fil-kawża Rehder. Għalhekk, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li f’din il-kawża r-rikorrent huwa liberu li jagħżel bejn il-post tad-dispaċċ skont il-kuntratt ta’ trasport tal-merkanzija u l-post tal-kunsinna speċifikat fl-istess kuntratt.

22.

Il-Gvern Svizzeru jiddikjara li, fl-interpretazzjoni ta’ regola ta’ ġurisdizzjoni, l-iskop tar-regola jrid jittieħed inkunsiderazzjoni. Fost argumenti oħra, il-Gvern Svizzeru jsostni li l-għanijiet li fuqhom hija bbażata d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni kuntrattwali skont l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Brussell I huma l-prossimità u l-prevedibbiltà. Il-Gvern Svizzeru huwa tal-fehma li kemm il-post tad-dispaċċ kif ukoll il-post tal-kunsinna, għandhom jitqiesu bħala postijiet ta’ eżekuzzjoni. Jekk, pereżempju, il-merkanzija ġġarrab ħsara jew tintilef fil-post tad-dispaċċ, ma jkunx jidher xieraq li l-ġurisdizzjoni tiġi llimitata għall-qrati tal-pajjiż tad-destinazzjoni, minħabba d-diffikultajiet li jkunu inklużi fil-ġbir ta’ provi rilevanti hemmhekk. Il-Gvern Svizzeru jżid li l-postijiet fejn il-merkanzija titgħabba mill-ġdid matul il-vjaġġ ma għandhomx, madankollu, jitqiesu li huma postijiet ta’ eżekuzzjoni peress li, l-ewwel nett, ma jistgħux jiġu previsti miż-żewġ partijiet kontraenti minħabba li l-għażla dwar tali postijiet normalment titħalla esklużivament f’idejn it-trasportatur, u t-tieni nett, in-numru ta’ fora disponibbli għandu jiġi ristrett.

IV. Analiżi

23.

Bħala punt preliminari, għandu jiġi nnotat li l-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju Finlandiża tikkonċerna tilwima dwar jekk, fil-kuntest ta’ trasporti multimodali internazzjonali ta’ merkanzija, il-qrati fl-Istat Membru tad-dispaċċ tal-merkanzija għandhomx ġurisdizzjoni internazzjonali. Id-deċiżjoni tar-rinviju hija fformulata b’mod usa’ biex potenzjalment tinkludi kemm il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tad-destinazzjoni kif ukoll dik tal-Istati Membri fejn il-merkanzija inkwistjoni tkun fi tranżitu. Madankollu, biex tinsab soluzzjoni għad-domanda kif inhi fformulata ma huwiex neċessarju li jsir riferiment għal dawn il-kwistjonijiet fir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju. Madankollu, skont l-aspett imsemmi ikta ’il fuq dwar il-limitazzjoni tan-numru ta’ fora disponibbli, dawn huma indirettament rilevanti b’tali mod li ser insemmihom di passaggio f’dan il-kuntest.

A.   Introduzzjoni

24.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat f’diversi kawżi l-ġurisdizzjoni internazzjonali fil-kuntest ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija. Iżda, l-ebda waħda minn dawn ma tikkonċerna ġurisdizzjoni speċjali fir-rigward ta’ kuntratt għat-trasport ta’ merkanzija skont l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Brussell I, li hija l-kwistjoni li tqajmet f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

25.

Sa fejn huwa kkonċernat it-trasport bl-art ta’ merkanzija, dawn is-sentenzi prinċipalment jittrattaw iċ-CMR u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu jekk tilwima taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni taċ-CMR ( 14 ) u f’din il-kawża, il-Vaasan Hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Vaasa), iddeċidiet li ċ-CMR ma kinitx applikabbli ratione materiae minħabba li l-kawża tinvolvi trasport ikkombinat.

26.

Għal din ir-raġuni, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema), ifformulat id-domanda magħmula f’termini ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Brussell I, u tagħmel dan minħabba l-fatt li ċ-CMR ma hijiex applikabbli ( 15 ).

27.

L-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Brussell I jipprevedi “ġurisdizzjoni speċjali”, bħala alternattiva għal “ġurisdizzjoni ġenerali”. Għall-konvenuta fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Brussell I moqri flimkien mal-Artikolu 60(1) tal-istess regolament, ġurisdizzjoni ġenerali hija f’idejn il-qrati fir-Renju Unit, fejn ALS għandha s-sede tagħha. Għalhekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħu jagħżlu li jressqu lill-konvenuta quddiem qrati Finlandiżi biss jekk il-Finlandja tissodisfa l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Brussell I, jiġifieri jekk il-Finlandja kienet “il-post tat-twettieq tal-obbligi” skont it-tifsira tal-istess artikolu.

28.

Il-kwistjoni dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tqum fil-kawża prinċipali għaliex il-każ huwa marbut mhux biss mal-Finlandja iżda wkoll ma’ pajjiżi oħra: il-Finlandja hija l-pajjiż tad-dispaċċ tal-merkanzija u fejn tinsab is-sede tal-kunsinnatur, filwaqt li d-destinazzjoni tal-merkanzija li qed tinġarr kif ukoll il-post fejn tinsab is-sede tat-trasportatur huwa fir-Renju Unit, fejn, barra minn hekk, spiċċat intilfet il-merkanzija. Fl-aħħar nett, sabiex il-kraxer jgħaddi mill-Finlandja għar-Renju Unit, dan kellu jiġi ttrasportat mill-ibħra ta’ Stati Membri oħra jew ibħra li ma humiex taħt is-sovranità ta’ xi Stat. Fi kliem iktar sempliċi, dawn it-territorji u l-ibħra kollha huma postijiet fejn kien eżegwit il-kuntratt.

29.

Peress li, sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali fir-rigward ta’ kuntratt ta’ servizzi, l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Brussell I, jipprevedi li l-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu previst fil-kuntratt huwa l-“post […] fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi”, tqum il-kwistjoni jekk il-pajjiżi kollha li fihom saret parti mill-eżekuzzjoni tal-obbligu għandhomx ġurisdizzjoni jew jekk għandux ġurisdizzjoni wieħed minnhom biss jew uħud minnhom.

30.

Skont il-formulazzjoni tagħhom, kemm is-subparagrafu (a) kif ukoll is-subparagrafu (b) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolment Brussell I, jirreferu għall-“post tat-twettieq” u fil-każ tas-subparagrafu (b), addizzjonalment għall-“post fl-Istat Membru” ( 16 ). Għalhekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-użu tas-singular jidher li post wieħed biss jista’ jitqies li għandu ġurisdizzjoni speċjali fir-rigward ta’ materji kuntrattwali. Madankollu, din il-konklużjoni ma hijiex sostnuta mill-ġurisprudenza.

31.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, li, fin-nuqqas tal-kapaċità li jiġi stabbilit post prinċipali wieħed ta’ eżekuzzjoni, kull wieħed mill-postijiet ta’ eżekuzzjoni għandu rabta suffiċjenti ta’ prossimità mal-elementi materjali tat-tilwima, u għaldaqstant, rabta sinjifikattiva fir-rigward tal-ġurisdizzjoni. F’tilwima li tikkonċerna l-bejgħ ta’ merkanzija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li f’każ bħal dan, ir-rikorrent jista’ jħarrek lill-konvenut f’wieħed mill-postijiet ta’ eżekuzzjoni, tal-għażla tiegħu, abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Brussell I ( 17 ).

32.

Dan huwa konsistenti mal-ġurisprudenza dwar ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà delittwali, li skontha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, li iktar minn post wieħed jista’ jkollu jiġi kkunsidrat meta l-post fejn seħħ id-dannu ma huwiex l-istess post fejn seħħ l-avveniment li jagħti lok għar-responsabbiltà għad-danni ( 18 ).

33.

Fil-kawża Réunion européenne et ( 19 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, f’kuntest ta’ trasport ta’ merkanzija bil-baħar u sussegwentement bl-art ( 20 ) qieset li l-kwistjoni hija waħda relatata ma’ responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali u għaldaqstant ma ddeċidietx dwar ġurisdizzjoni għal kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt.

34.

Fir-rigward ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ħarġet żewġ sentenzi li jiċċaraw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-ġurisdizzjoni f’materji kuntrattwali skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Brussell I, li ser nikkunsidra issa fid-dettall.

B.   Ġurisprudenza li tikkonċerna t-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri

1. Il-kawża Rehder

35.

Fil-kawża Rehder ( 21 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar ġurisdizzjoni internazzjonali fir-rigward ta’ talbiet ibbażati fuq ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri ta’ titjira ( 22 ). Ir-rikorrent f’dik il-kawża ressaq kawża quddiem qorti Ġermaniża għad-danni li rriżultaw minn titjira kkanċellata minn München (il-Ġermanja) lejn Vilnjus (il-Litwanja), għalkemm is-sede tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat kienet f’Riga (il-Latvja). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti tal-Istati Membri kemm tal-post tat-tluq kif ukoll tal-wasla tal-ajruplan għandhom ġurisdizzjoni. L-għażla aħħarija bejn dawn iż-żewġ għażliet għandha tkun f’idejn ir-rikorrent.

36.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, fid-dawl tan-natura tas-servizzi rilevanti pprovduti lill-passiġġieri matul il-vjaġġ, iż-żewġ postijiet ippreżentaw rabta suffiċjenti ta’ prossimità mal-elementi materjali tat-tilwima. Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-postijiet fejn l-ajruplan jista’ jieqaf ma kellhomx “ir-rabta meħtieġa mal-kontenut essenzjali tas-servizzi li jirriżultaw mill-[kuntratt rilevanti]” ( 23 ).

37.

Meta kienet qiegħda tikkunsidra r-rilevanza tal-postijiet tat-tluq u tal-wasla ta’ titjira, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn din is-sitwazzjoni u waħda ta’ kuntratt ta’ bejgħ b’“kunsinni ta’ oġġetti f’żewġ postijiet differenti, li jikkostitwixxu operazzjonijiet distinti u kwantifikabbli sabiex tiġi stabbilita l-kunsinna prinċipali skont kriterji ekonomiċi”. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “[t]-trasport bl-ajru jikkostitwixxi, minħabba n-natura tiegħu stess, servizzi pprovduti b’mod indiviżibbli u magħquda mill-post tat-tluq sal-post tal-wasla tal-ajruplan, b’mod illi f’dawn il-każijiet mhuwiex possibbli li tkun distinta, skont kriterji ekonomiċi, parti speċifika tas-servizz li jikkostitwixxi s-servizz prinċipali, li huwa pprovdut f’post preċiż” ( 24 ).

38.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-konklużjoni tagħha kienet konsistenti mar-rekwiżiti ta’ prossimità, ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat f’dan ir-rigward li l-għażla, limitata għal żewġ fora, ippermettiet li ż-żewġ partijiet jidentifikaw faċilment il-qrati li quddiemhom tista’ titressaq it-talba u li jkun possibbli li ssir l-evalwazzjoni tar-riskju relatata ma’ din it-talba.

2. Il-kawża flightright et

39.

Il-prinċipji ta’ hawn fuq ġew ikkonfermati fil-kawża flightright et ( 25 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tittratta tliet kawżi magħquda li jikkonċernaw titjiriet maqsumin, fejn, barra minn hekk, kull taqsima tat-titjira kienet operata minn trasportatur bl-ajru differenti.

40.

Fl-ewwel waħda minn dawn il-kawżi, flightright GmbH kienet l-assenjatarja tat-talbiet magħmula minn żewġ passiġġieri fir-rigward ta’ titjiriet imdewma u ressqet kawża fil-qrati Ġermaniżi kontra Air Nostrum. L-assenjaturi kienu pprenotaw t-titjiriet tagħhom ma’ Air Berlin taħt numru ta’ riżervazzjoni uniku, minn Ibiza (Spanja) lejn Düsseldorf (il-Ġermanja) via Palma de Mallorca (Spanja). L-ewwel parti, li kienet operata minn Air Nostrum, kienet imdewma u l-passiġġieri tilfu t-titjira tagħhom minn Palma de Mallorca għal Düsseldorf. Il-kwistjoni kienet jekk il-qorti Ġermaniża adita minn flightright GmbH kellhiex ġurisdizzjoni.

41.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Brussell I ( 26 ) għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ titjira b’konnessjoni, kien jikkostitwixxi l-“post ta’ eżekuzzjoni” ta’ din it-titjira, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjonijiet, il-post tal-wasla tat-tieni titjira. Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni f’kuntest li fih il-passiġġieri kienu ttrasportati fuq żewġ titjiriet konnessi li t-tnejn li huma kienu operati minn trasportaturi bl-ajru differenti u r-rikors għad-danni għal dewmien sostanzjali tat-titjira b’konnessjoni abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 kien ibbażat fuq irregolarità li seħħet fl-ewwel waħda mill-imsemmija titjiriet, operata mit-trasportatur bl-ajru li miegħu l-passiġġieri kkonċernati ma kellhomx rabta kuntrattwali (Air Nostrum) ( 27 ).

42.

Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-kunċett tal-“post ta’ eżekuzzjoni” fformulat fil-kawża Rehder, minkejja li jirreferi għal titjira diretta operata mill-parti l-oħra tal-kuntratt tal-passiġġier ikkonċernat, japplika wkoll, mutatis mutandis, f’dak li jikkonċerna każijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża flightright et, fejn, l-ewwel nett, kienet ikkonċernata biss it-titjira b’konnessjoni, u, it-tieni nett, it-trasportatur bl-ajru li jopera t-titjira inkwistjoni ma kkonkluda ebda kuntratt direttament mal-passaġġieri kkonċernati ( 28 ).

43.

Peress li l-post tal-wasla tat-tieni parti kellu rabta biżżejjed stretta mal-elementi materjali tat-tilwima u, għaldaqstant, żgura r-rabta stretta, meħtieġa mir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni speċjali stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Brussell I bejn il-kuntratt ta’ trasport bl-ajru u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, dan kien jissodisfa l-għan ta’ prossimità ( 29 ). Din is-soluzzjoni kienet ukoll konsistenti mal-prinċipju ta’ prevedibbiltà li fuqu huma bbażati dawn ir-regoli sa fejn ippermettiet li kemm ir-rikorrent kif ukoll il-konvenut jidentifikaw il-qorti tal-post tal-wasla tat-tieni titjira, kif indikat fl-imsemmi kuntratt ta’ trasport bl-ajru, bħala qorti li tista’ tiġi adita ( 30 ).

3. Ġabra fil-qosor

44.

Fil-qosor, sa fejn huma kkonċernati titjiriet imdewma u d-danni li għandhom jitħallsu għall-ksur ta’ dan it-tip ta’ kuntratt ta’ trasport, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis kemm il-post tat-tluq kif ukoll il-post tad-destinazzjoni finali bħala ugwalment sinjifikattivi skont il-kuntratt, biex b’hekk tistabbilixxi rabta territorjali suffiċjenti bejn dawn il-postijiet u kwalsiasi proċeduri li jirriżultaw mis-sitwazzjoni kuntrattwali.

45.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkaratterizza dawn iż-żewġ postijiet bħala “l-post tat-twettieq” skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Brussell I, li jistabbilixxi rabta suffiċjentement stretta mal-elementi materjali ta’ tilwima dwar obbligi kuntrattwali, bħall-obbligu għall-ħlas tad-danni.

46.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiġġustifika din il-klassifikazzjoni b’riferiment għal prinċipji oħra sanċiti f’ġurisprudenza stabbilita dwar ġurisdizzjonijiet speċjali, prinċipalment il-prinċipji ta’ prevedibbiltà u ta’ evalwazzjoni tar-riskju.

47.

Barra minn dawn iż-żewġ postijiet prinċipali ta’ eżekuzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat post ieħor li wkoll jista’ jitqies li huwa sinjifikattiv għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport. Dan huwa l-post fejn tintemm l-ewwel parti ta’ vjaġġ li jikkonsisti minn żewġ titjiriet. Abbażi tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża flightright et, madankollu dan il-post ma jissodisfax l-għan ta’ prossimità.

C.   Applikabbiltà għal trasport multimodali ta’ merkanzija

48.

Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu ttrasposti għal sitwazzjonijiet li jinvolvu trasport multimodali ta’ merkanzija kif inhu fil-każ ineżami.

49.

Is-sitwazzjoni preżenti hija differenti minn dik tal-kawżi dwar il-linji tal-ajru fir-rigward tal-oġġett ittrasportat u tal-mezzi ta’ trasport. Ser nindirizza dawn id-differenzi waħda wara l-oħra u ser nispjega għaliex, madankollu, il-kawżi Rehder u flightright et, fil-fehma tiegħi, huma applikabbli.

1. Il-merkanzija vs il-passiġġieri

50.

Il-fatt li, f’din il-kawża, ġiet ittrasportata merkanzija ma jibdilx b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni fir-rigward tal-post tat-tluq. Il-post għadu rilevanti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt għandu grad ta’ prossimità suffiċjentement stretta, anki meta mqabbel mal-postijiet minn fejn għadda t-trasport meta l-merkanzija kienet qed tiġi ttrasportata mill-Finlandja għar-Renju Unit permezz ta’ trakk jew ta’ vapur.

51.

Kif innotat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Rehder, meta passiġġier jimbarka fuq ajruplan, is-servizzi rilevanti fir-rigward tal-kuntratt ta’ ġarr ta’ passiġġieri bl-ajru huma “r-reġistrazzjoni u l-imbarkazzjoni ta’ passiġġieri u l-fatt li dawn tal-aħħar jintlaqgħu abbord tal-ajruplan fil-post tat-tlugħ previst fil-kuntratt tat-trasport inkwistjoni, it-tluq tal-ajruplan fil-ħin previst, it-trasport tal-passiġġieri u tal-bagalji tagħhom mill-post tat-tluq għall-post tal-wasla, [u l]-ħarsien tal-passiġġieri matul il-vjaġġ”. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jipprekludu li postijiet fejn l-ajruplan jista’ jagħmel waqfa jitqiesu postijiet fejn qorti jista’ jkollha ġurisdizzjoni minħabba n-nuqqas ta’ “rabta meħtieġa mal-kontenut essenzjali tas-servizzi li jirriżultaw mill-[kuntratt rilevanti]” ( 31 ).

52.

Peress li l-merkanzija għandha tintbagħat minn persuna, kemm jekk tkun il-kunsinnatur jew wieħed mir-rappreżentanti tiegħu, is-sitwazzjoni fil-post tat-tluq hija deċiżiva b’mod simili jekk il-merkanzija għandha tiġi kkunsinnata b’suċċess.

53.

Huwa għalhekk li s-sentenzi li jikkonċernaw it-trasport bl-ajru ta’ persuni jistgħu jiġu ttrasposti għal din il-kawża. Fil-każ tat-trasport ta’ merkanzija, il-kunsinnatur għandu l-interess li l-merkanzija tasal fil-post tad-destinazzjoni fil-ħin, mingħajr ma tintilef jew iġġarrab ħsara. Għalhekk, il-kunsinnatur għandu jieħu prekawzjonijiet fil-post tat-tluq, jiġifieri li jgħaddi l-merkanzija fil-ħin u l-post it-tajjeb u li jimballa, jiksi jew jiżgura din il-merkanzija b’mod xieraq, sabiex ma jkun hemm ebda ħsara waqt il-vjaġġ. Barra minn hekk, il-parti kontraenti l-oħra, it-trasportatur, għandha teżegwixxi parti importanti tas-servizz miftiehem fil-post tad-dispaċċ, jiġifieri li jirċievi, jaħżen b’mod xieraq u jipproteġi l-merkanzija minn kwalunkwe ħsara.

54.

Iktar minn hekk, għalkemm iċ-CMR ma hijiex rilevanti għall-kawża prinċipali, għandu jiġi nnotat li, kif argumentaw il-Gvern Svizzeru u l-Kummissjoni, din tistrieħ ukoll fuq il-fatt li jkun hemm rabta suffiċjentement stretta bejn it-trasport tal-merkanzija u l-Istat li jista’ jkollu ġurisdizzjoni. Skont l-Artikolu 31(1)(b) taċ-CMR, kemm il-post tat-tluq kif ukoll il-post tal-wasla huma fatturi ta’ konnessjoni indipendenti ( 32 ), li jistgħu jagħtu ġurisdizzjoni internazzjonali. Regola paragunabbli ta’ ġurisdizzjoni tista’ tinsab fl-Artikolu 21(1)(c) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġarr ta’ Merkanzija bil-Baħar ( 33 ).

55.

Ir-Regolament Ruma I invokat minn ALS ma huwiex direttament rilevanti għad-domanda magħmula għaliex jikkonċerna l-għażla tad-dritt. Madankollu, ir-regoli tad-dritt internazzjonali privati huma wkoll ibbażati fuq il-fatt li jkun hemm rabta stretta. Sabiex jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli għal kuntratti ta’ trasport ta’ merkanzija, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma I juża kombinazzjoni tar-residenza abitwali tat-trasportatur, il-“post tar-riċezzjoni” u l-“post tal-kunsinna” u r-residenza abitwali tal-kunsinnatur. Dan isostni l-argument li dawn il-postijiet huma kollha rilevanti fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ jekk hemmx rabta stretta f’każijiet li jinvolvu t-trasport ta’ merkanzija, fejn wieħed minn dawn il-postijiet huwa l-post tad-dispaċċ (il-“post tar-riċezzjoni”).

2. Trasport multimodali bit-triq/bil-baħar vs trasport bl-ajru

56.

Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fi flightright et indirizzat karatteristika li hija tipika għat-trasport multimodali, jiġifieri l-fatt li l-merkanzija tiġi ttrasportata f’numru ta’ stadji separati.

57.

Dawn l-istadji separati kienu preżenti fil-kawża flightright et, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li n-natura ta’ tali vjaġġ ma tbiddilx il-pożizzjoni vitali tal-postijiet tat-tluq u tad-destinazzjoni anki jekk fi flightright et, bħall-kawża inkwistjoni, it-trasportatur bl-ajru u t-trasportatur użaw sottokuntratturi.

58.

Fir-rigward taż-żewġ tipi ta’ trasport multimodali ta’ merkanzija u ta’ titjiriet maqsumin, iż-żewġ postijiet prinċipali fejn jiġu pprovduti s-servizzi huma marbutin mill-biljett ta’ imbarkazzjoni fil-każ ta’ trasport bl-ajru, u mill-kuntratt bejn l-ispeditur u t-trasportatur, fil-każ ta’ trasport multimodali. L-għan sottostanti ta’ tali kuntratt, jiġifieri li oġġett jiġi ttrasportat minn post speċifiku għal post speċifiku ieħor, jiġifieri li l-oġġett jiġi ttrasportat minn A sa B, jagħmel iż-żewġ postijiet iż-żewġ punti aħħarin ta’ spettru wieħed, anki jekk bejniethom jista’ jkun hemm preżenti d-distanza u ż-żmien. L-għan tal-kuntratt huwa sempliċement li tiġi koperta d-distanza. Dawn iż-żewġ postijiet – tat-tluq u tad-destinazzjoni – huma fundamentali għall-kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija u huwa biss flimkien li jifformaw l-elementi essenzjali u tipiċi tiegħu.

59.

Fis-sitwazzjoni preżenti, fejn il-mezzi użati għat-trasport tal-merkanzija nbidlu mal-iżvolġiment tal-vjaġġ u b’mod partikolari fil-portijiet, il-fatt li l-merkanzija tiġi ttrasportata f’numru ta’ stadji differenti huwa wkoll karatteristika inevitabbli ta’ tali trasport. Madankollu, fil-fehma tiegħi, anki l-fatt li kien neċessarju li merkanzija tqila u goffa bħall-kraxer inkwistjoni tinħatt u li tiġi ttrasferita fuq l-art permezz tal-enerġija tagħha stess, bil-perikoli f’termini ta’ telf jew ħsara inerenti fi proċedura ta’ dan it-tip, (inkluża l-possibbiltà ta’ serq) ma jbiddilx is-sitwazzjoni b’tali mod li jagħtu lill-postijiet minn fejn titgħabba mill-ġdid il-merkanzija jew lil dawk ta’ trażbord importanza ekwivalenti għall-post tad-dispaċċ. Għalhekk il-fatt li dan l-aħħar post, flimkien mal-post tad-destinazzjoni, jiġi rrikonoxxut bħala wieħed miż-żewġ “postijiet ta’ eżekuzzjoni” ma jżidx in-numru ta’ fora disponibbli b’tali mod li jagħti lok għal tħassib dwar forum shopping.

60.

Barra minn hekk, hija prattika komuni li l-postijiet minn fejn il-merkanzija titgħabba mill-ġdid jew ta’ trażbord ma jissemmewx f’kuntratti bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 34 ). L-aspett ta’ prevedibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fil-kawżi Rehder u flightright et u l-obbligu li jiġi limitat il-forum shopping, ifisser li postijiet minn fejn titgħabba mill-ġdid il-merkanzija ma humiex koperti mill-kunċett ta’ “post ta’ eżekuzzjoni” skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Brussell I. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-post ta’ eżekuzzjoni għandu jiġi dedott, sa fejn huwa possibbli, mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt innifsu ( 35 ).

61.

Ir-rwol prominenti tal-kuntratt fid-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni jfisser ukoll li għandha tingħata inqas importanza lill-fatt li l-kraxer intilef fir-Renju Unit u mhux fil-Finlandja. Fil-mument li l-partijiet ikkonkludew il-kuntratt, ma kienx prevedibbli fejn tista’ tinqala’ problema fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Għalhekk, għalkemm il-faċilità tal-amministrazzjoni tal-provi hija wkoll għan tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Brussell I, din titlef il-preċedenza meta mqabbla mal-prevedibbiltà, li hija wieħed mill-pilastri ( 36 ) tar-regoli ġurisdizzjonali komuni tiegħu.

3. Konklużjoni provviżorja

62.

Għalhekk jien tal-fehma li d-differenzi bejn is-sitwazzjonijiet li qed jiġu pparagunati hawnhekk – it-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri minn naħa u trasport multimodali ta’ merkanzija min-naħa l-oħra – ma humiex daqshekk sinjifikattivi li jippermetti li fil-kawża prinċipali jiġi applikat approċċ differenti minn dak applikat fil-kawżi Rehder u flightright et. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien hemm ġurisdizzjoni fil-“postijiet prinċipali fejn jiġu pprovduti s-servizzi” ( 37 ) għaliex dawn jipprovdu rabta suffiċjentement stretta mal-elementi materjali tat-tilwima ( 38 ). Għal sitwazzjonijiet ta’ trasport bit-triq u bil-baħar, din ir-rabta stretta hija kkonfermata permezz ta’ sistemi legali oħra bħaċ-CMR u r-Regoli ta’ Hamburg.

63.

Għalhekk, kemm il-post tad-dispaċċ kif ukoll il-post tad-destinazzjoni huma t-tnejn li huma “postijiet prinċipali ta’ eżekuzzjoni” skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Brussell I, filwaqt li b’mod ġenerali l-postijiet fejn issir it-tagħbija ma humiex.

V. Il-Konklużjoni

64.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, nissuġġerixxi li d-domanda magħmula mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja) tingħata r-risposta li ġejja:

Il-post jew il-postijiet tal-provvista ta’ servizzi fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, f’każ li jinvolvi kuntratt għat-trasport ta’ merkanzija bejn Stati Membri fejn il-merkanzija tiġi ttrasportata f’diversi stadji u permezz ta’ mezzi differenti ta’ trasport, jinkludi/u l-post tad-dispaċċ.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42). Mill‑10 ta’ Jannar 2015 dan ir-regolament ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1) (ir-“Regolament Brussell Ia”).

( 3 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439.

( 4 ) Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160.

( 5 ) Is-sede hija indikata fis-sottomissjonijiet tal-konvenuta lill-Qorti tal-Ġustizzja.

( 6 ) Kif speċifikat ALS fit-sottomissjonijiet tagħha, intuża l-vapur Birka Exporter tal-kumpannija marittima Finnlines.

( 7 ) Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ ALS.

( 8 ) Kif iffirmata f’Genève fid‑19 ta’ Mejju 1956, Serje tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti 1961, Nru 5742, p. 190. L-akronimu uffiċjali “CMR” ġej mit-titolu Franċiż tal-konvenzjoni (“Convention relative au contrat de transport international de marchandises par route”).

( 9 ) Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2010, Wood Floor Solutions Andreas Domberger, C‑19/09, EU:2010:137, punt 42.

( 10 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et, C‑51/97, EU:C:1998:509, punt 35.

( 11 ) Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6).

( 12 ) Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition, C‑157/13, EU:C:2014:2145.

( 13 ) Sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Color Drack, C 386/05, EU:C:2007:262.

( 14 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition, C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 36.

( 15 ) Ara l-punti 13 u 14 iktar ’il fuq.

( 16 ) Enfasi miżjuda.

( 17 ) Sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2007, Color Drack, C‑386/05, EU:C:2007:262, punt 42. Il-kawża kienet tikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija li bis-saħħa tiegħu l-konvenuta, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, assummiet l-obbligu li tikkunsinna l-merkanzija lil diversi bejjiegħa bl-imnut tar-rikorrenti fl-Awstrija. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jista’ jkun hemm numru ta’ postijiet ta’ kunsinna.

( 18 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 1976, Bier vs Mines de Potasse d’Alsace, 21/76, EU:C:1976:166, punti 24 u 25 u tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et, C‑51/97, EU:C:1998:509, punt 28.

( 19 ) Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et, C‑51/97, EU:C:1998:509, punt 26.

( 20 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li hija l-att predeċessur tar-Regolament Brussell I u li b’konsistenza magħha dan tal-aħħar għandu jiġi interpretat, ara t-tieni sentenza tal-premessa 19 tar-Regolament Brussell I u ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 36.

( 21 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439.

( 22 ) Regolament tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

( 23 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 40.

( 24 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 42.

( 25 ) Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160.

( 26 ) Peress li l-kawża flightright et kienet tikkonċerna tliet settijiet ta’ proċeduri li bdew fuq perijodu ta’ żmien, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet obbligata li tinterpreta kemm it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Brussell I, kif ukoll is-suċċessur tiegħu, it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Brussell Ia, li għandu formulazzjoni identika.

( 27 ) Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 56

( 28 ) Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 69.

( 29 ) Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 74. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 44.

( 30 ) Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 75. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 45, u tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition, C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 41.

( 31 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 40.

( 32 ) L-Artikolu 31(1) taċ-CMR jipprovdi: “Għall-kawżi kollha li jirriżultaw mit-trasport ta’ merkanzija suġġetti għal din il-konvenzjoni, ir-rikorrent jista’ jressaq kawża […] fil-qrati tal-pajjiżi li, fit-territorju tagħhom: (b) il-post fejn il-merkanzija għaddiet għand min ġarrha jew dak previst għall-kunsinna tagħha, […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 33 ) Kif iffirmata f’Hamburg fil-31 ta’ Marzu 1978, Serje tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti 1992, Nru 29215, p. 3. Din il-konvenzjoni hija magħrufa l-iktar bħala r-“Regoli ta’ Hamburg”, l-Artikolu 21(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi: “Fi proċeduri ġudizzjarji li jirrigwardaw il-ġarr ta’ merkanzija taħt din il-konvenzjoni ir-rikorrent jista’, fuq għażla tiegħu, iressaq azzjoni f’qorti li, skont il-liġi tal-Istat fejn tinsab il-qorti, għandha l-kompetenza u li l-ġurisdizzjoni tagħha tkopri wieħed mill postijiet li ġejjin: […] (ċ) il-port ta’ fejn tingħabba l-merkanzija jew il-port ta’ fejn tinħatt il-merkanzija: […]”

( 34 ) Il-Gvern Svizzeru fis-sottomissjonijiet tiegħu ddikjara li din kienet prattika komuni. Il-qorti tar-rinviju ma tatx dettalji fir-rigward tal-kontenut tal-kuntratt ta’ trasport tal-merkanzija u ma pproduċietx il-kuntratt quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. ALS speċifikat li l-obbligu prinċipali tagħha kien li tieħu l-miżuri loġistiċi neċessarji għat-trasferiment tal-kraxer minn Pori għal Sheffield. ALS indikat ukoll, fis-sottomissjonijiet tagħha, li mill‑2004 sal‑2011, Metso u ALS ikkonkludew 418‑il kuntratt ta’ trasport għall-makkinarju ta’ Metso.

( 35 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2010, Wood Floor Solutions Andreas Domberger, C‑19/09, EU:C:2010:137, punt 38.

( 36 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek tad‑19 ta’ Ottubru 2017, fil-Kawżi magħquda flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2017:787, punt 81.

( 37 ) Enfasi miżjuda.

( 38 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 73.

Top