Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0041

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fis-26 ta’ April 2018.
    Isabel González Castro vs Mutua Umivale et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/85/KEE – Artikoli 4, 5 u 7 – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Ħaddiema li qiegħda tredda’ – Xogħol ta’ billejl – Xogħol bix-xift imwettaq parzjalment matul il-lejl – Evalwazzjoni tar-riskji preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol – Miżuri ta’ prevenzjoni – Kontestazzjoni mill-ħaddiema kkonċernata – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 19 – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess – Oneru tal-prova.
    Kawża C-41/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:289

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fis-26 ta’ April 2018 ( 1 )

    Kawża C‑41/17

    Isabel González Castro

    vs

    Mutua Umivale

    Prosegur España SL

    Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS)

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja))

    “Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema — Direttiva 92/85/KEE — Artikolu 7 — Jekk ‘xogħol ta’ bil-lejl’ ikoprix xogħol bix-xift meta l-ħaddiema kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha matul il-lejl — Ħaddiema li qed tredda’ — Evalwazzjoni tal‑kundizzjonijiet tax-xogħol ikkontestati mill-ħaddiema kkonċernata — Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54/KE — Oneru tal-prova — Tqassim tal-oneru tal-prova — Ugwaljanza fit-trattament — Diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess”

    1. 

    F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja gwida fir-rigward tas-sens tal-espressjoni “xogħol ta’ bil-lejl” fid-Direttiva 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax‑xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu ( 2 ). Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk omm li qed tredda’ li taħdem bix-xift b’arranġament li fih ċerti sigħat jinħadmu bil-lejl tibbenefikax minn protezzjoni speċifika taħt din id-direttiva. Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk, fil-każ li l-ħaddiema kkonċernata tikkontesta deċiżjoni li tirrifjuta li tawtorizzaha tieħu leave sabiex tredda’ lill-wild tagħha u l-ħlas ta’ allowance għal dak il-perijodu, tapplikax id-Direttiva 2006/54/KE dwar l‑implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol ( 3 ). Ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jitfgħu l-oneru tal‑prova fuq il-persuna li timpjega (jew l-awtorità kompetenti, skont il‑każ) sabiex jiġi pprovat li ma kienx hemm diskriminazzjoni fil-każ inkwistjoni.

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 89/391

    2.

    Id-Direttiva 89/391/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol ( 4 ) hija Direttiva Qafas. Hija tiddefinixxi “prevenzjoni” bħala “il-passi jew miżuri kollha meħuda jew mfassla fil-fażijiet kollha ta’ xogħol fl-intrapriża sabiex jipprevjenu jew inaqqsu riskji kkaġunati mix-xogħol” ( 5 ). It-Taqsima II tipprevedi l-obbligi tal-persuna li timpjega, li jinkludu obbligu li jiġu żgurati s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema f’kull aspett relatat max-xogħol ( 6 ). Id-Direttiva tipprevedi li gruppi ta’ riskju partikolarment sensittivi għandhom jiġu protetti kontra l-perikoli li jaffettwawhom speċifikament ( 7 ) u tagħti s-setgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta direttivi individwali sabiex jinkoraġġixxu titjib fl-ambjent tax-xogħol fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema ( 8 ).

    Id-Direttiva 92/85

    3.

    Id-Direttiva 92/85 ġiet adottata fil-kuntest tad-Direttiva 89/391. Il‑premessi jindikaw li ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu għandhom jiġu kkunsidrati bħala grupp ta’ riskju speċifiku ( 9 ). Il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ dawn il-ħaddiema ma għandhiex tirriżulta fi trattament sfavorevoli għal nisa fis-suq tax-xogħol u lanqas għandha tnaqqas mis-saħħa tad-direttivi rigward l-ugwaljanza fit-trattament għall-irġiel u n-nisa ( 10 ). Ċerti attivitajiet jistgħu jkunu ta’ riskju speċifiku għal dan il-grupp ta’ ħaddiema: dawn ir-riskji għandhom jiġu evalwati u r-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni għandu jiġi kkomunikat lill‑ħaddiema kkonċernata ( 11 ). Jekk ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni jiżvela l-eżistenza ta’ riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa tal‑ħaddiema mara, għandu jsir provvediment għall-protezzjoni tagħha ( 12 ). Għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet għal dan il-grupp ta’ ħaddiema biex dawn ma jkunux meħtieġa jaħdmu bil-lejl meta dan ikun neċessarju għas-sigurtà u s-saħħa tagħhom ( 13 ).

    4.

    L-Artikolu 1(1) jipprevedi li l-għan tad-Direttiva 92/85 “huwa li jimplementa miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu”.

    5.

    Id-definizzjonijiet li ġejjin huma pprovduti fl-Artikolu 2:

    “(a)

    ħaddiema tqila għandha tfisser ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

    (b)

    ħaddiema li welldet reċentement għandha tfisser ħaddiema li welldet reċentement fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha dwar il-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika;

    (c)

    ħaddiema li qiegħda tredda’ tfisser ħaddiema li qiegħda tredda’ fis‑sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika.”

    6.

    Skont l-Artikolu 3(1), il-Kummissjoni fasslet linji gwida dwar, fost l-oħrajn, l-evalwazzjoni tal-aġenti fiżiċi kkunsidrati bħala perikolużi għas-sigurtà jew għas-saħħa tal-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2 ( 14 ). It‑tieni paragrafu tal-Artikolu 3(1) jipprevedi li “[il]-linji ta’ gwida għandhom ukoll ikopru movimenti u qagħdiet, għeja fiżika u mentali u tipi oħra ta’ stress fiżiku u mentali konness max-xogħol imwettaq minn ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2”. L-Artikolu 3(2) jipprevedi li l-Linji Gwida jservu bħala bażi għall‑evalwazzjoni tar-riskji msemmija fl-Artikolu 4.

    7.

    L-Artikolu 4(1) jipprevedi li għall-attivitajiet kollha li jistgħu jinvolvu riskju speċifiku ta’ espożizzjoni għall-aġenti, proċessi jew kundizzjonijiet tax-xogħol li tagħhom lista mhux eżawrjenti hija mogħtija fl-Anness I ( 15 ), il-persuna li timpjega għandha tevalwa n-natura, il-grad u t-tul tal-espożizzjoni fl-impriża u/jew fl-istabbiliment ikkonċernat, tal-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2. L-għan tal-evalwazzjoni huwa sabiex jiġu evalwati kull riskju għas-sigurtà u s-saħħa u kwalunkwe effett possibbli fuq, fost l-oħrajn, it-treddigħ mill-ħaddiema kkonċernata, u sabiex jiġu deċiżi x’miżuri għandhom jittieħdu. Skont l-Artikolu 4(2), il-ħaddiema kkonċernata għandha tiġi informata bir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni u bil-miżuri kollha li għandhom jittieħdu għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

    8.

    L-Artikolu 5 jistabbilixxi l-azzjoni li għandha tittieħed wara r-riżultati tal-evalwazzjoni skont l-Artikolu 4 fejn dik l-evalwazzjoni turi li hemm riskju għas-sigurtà jew is-saħħa jew effett fuq it-tqala jew it‑treddigħ ta’ ħaddiema. F’dawn il-każijiet, il-persuni li jimpjegaw għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li, permezz ta’ aġġustament temporanju tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew tal-ħinijiet tax‑xogħol tal‑ħaddiema ikkonċernata, l-espożizzjoni ta’ dik il-ħaddiema għal dawn ir-riskji jiġi evitat (Artikolu 5(1)). Jekk dan l-aġġustament tal‑kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew tas-sigħat tax-xogħol tagħha ma jkunx teknikament u/jew oġġettivament possibbli, jew ma jistax jiġi mitlub b’mod raġonevoli għal motivi ġġustifikati debitament, il-persuna li timpjega għandha tieħu l-passi neċessarji sabiex tagħti pożizzjoni oħra lill-ħaddiema kkonċernata (Artikolu 5(2)). Jekk it-tibdil tal-pożizzjoni ma jkunx teknikament jew oġġettivament possibbli jew ma jkunx jista’ jiġi mitlub b’mod raġonevoli għal motivi ġġustifikati debitament, il-ħaddiema kkonċernata għandha tingħata leave skont il‑liġi u/jew prattika nazzjonali għaż-żmien kollu li huwa neċessarju sabiex tiġi protetta s-sigurtà jew is-saħħa tagħha (Artikolu 5(3)).

    9.

    L-Artikolu 7 huwa intitolat “Ix-xogħol ta’ bil-lejl”. Dan jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 2 ma jkunux imġiegħla li jagħmlu xogħol ta’ bil-lejl waqt it-tqala tagħhom u għal żmien wara t-twelid li għandu jiġi stabbilit mill-awtorità nazzjonali kompetenti għas-sigurtà u s-saħħa, soġġett għas-sottomissjoni, skond il-proċeduri stabbiliti mill‑Istati Membri, għal test mediku li jiddikjara li dan huwa neċessarju għas-sigurtà jew is-saħħa tal-ħaddiema kkonċernata.

    2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l‑possibilità, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali, li:

    (a)

    taqleb għal xogħol bi nhar; jew

    (b)

    ikun hemm leave mix-xogħol jew estensjoni tal-leave tal-maternità meta dan it-trasferiment mhux teknikament u/jew oġġettivament possibbli u ma jistax jiġi mitlub b’mod raġonevoli għal motivi ġustifikati.”

    10.

    L-Artikolu 11(1) jipprevedi li, sabiex jiġu żgurati d-drittijiet tal‑ħaddiema protetti bid-Direttiva 92/85 meta, fost l-oħrajn, l‑evalwazzjoni li tkun saret taħt l-Artikolu 4 tiżvela riskju u li għandha tittieħed azzjoni ulterjuri skont l-Artikolu 5 jew f’każijiet fejn l‑Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva jkun applikabbli, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji favur il-ħaddiema, inkluż iż-żamma ta’ ħlas u/jew l-intitolament għal allowance xierqa.

    Id-Direttiva 2003/88

    11.

    Id-Direttiva 2003/88/KE li tikkonċerna ċerti aspetti tal‑organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ( 16 ) tinkludi d-definizzjoni segwenti:

    “‘ħin ta’ bil-lejl’ ifisser kwalunkwe perjodu ta’ mhux anqas minn seba’ sigħat, kif definiti bil-liġi nazzjonali, u li għandu jinkludi, fi kwalunkwe każ, il-perjodu ta’ bejn nofs-il-lejl u l-5.00;

    […]” ( 17 )

    Id-Direttiva 2006/54

    12.

    Il-premessi tad-Direttiva 2006/54 jinkludu d-dikjarazzjonijiet segwenti. Huwa ċar mid-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li trattament sfavorevoli ta’ ħaddiema relatat ma’ tqala jew maternità jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess. Tali trattament għandu għalhekk ikun espressament kopert bid-Direttiva ( 18 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet b’mod konsistenti l-leġittimità, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal‑mara waqt it-tqala u l-maternità u li jiġu introdotti miżuri ta’ protezzjoni għall-maternità bħala mezz biex tintlaħaq ugwaljanza reali. Id‑Direttiva 2006/54 għandha għalhekk tkun mingħajr preġudizzju għad‑Direttiva 92/85 ( 19 ). Finalment, “l-adozzjoni ta’ regoli fuq id-dmir tal-prova jilgħab irwol sinifikanti sabiex jassigura li l‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jista’ jkun effettivament infurzat. Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Gustizzja […], għalhekk għandhom jittieħdu dispozizzjonijiet li jiżguraw li d-dmir tal-prova jmur fuq il-konvenut fejn ikun hemm każ prima facie ta’ diskriminazzjoni, barra meta jkun hemm proċeduri fejn huwa għall-qorti jew organi nazzjonali oħra kompetenti sabiex jinvestigaw il-fatti. Huwa għalhekk neċessarju li tiċċara li l-apprezzament tal-fatti minn fejn jista jkun maħsub li kien hemm diskriminazzjoini diretta jew indiretta tibqa materja għall-organu nazzjonali relevanti bi qbil mal-prattika u l-liġi nazzjonali. Il-quddiem huwa għall-Istati Membri li jintroduċu, skond proċeduri xierqa, regoli ta’ evidenza li huma aktar favorevoli għall-atturi” ( 20 ).

    13.

    L-Artikolu 1 jipprevedi li l-għan tad-Direttiva huwa li “jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol”.

    14.

    Diskriminazzjoni diretta hija ddefinita fl-Artikolu 2(1)(a) bħala li tirriżulta “fejn persuna waħda tiġi trattata minħabba s-sess b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi trattata, ġiet trattata jew kieku tiġi trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli”. Skont l-Artikolu 2(1)(b), diskriminazzjoni indiretta tirriżulta “fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l‑ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa”. Skont l-Artikolu 2(2)(ċ), “diskriminazzjoni” tinkludi “kwalunkwe trattament anqas favorevoli ta’ mara li jkollu x’jaqsam ma’ tqala jew leave tal-maternità fis-sens [tad‑Direttiva 92/85]”.

    15.

    L-Artikolu 14(1) jipprojbixxi diskriminazzjoni abbażi tas-sess fir‑rigward, fost l-oħrajn, il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol (Artikolu 14(1)(ċ)).

    16.

    L-Artikolu 19 jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, skond is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jaħsbu li ġew ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma ġiex applikat għalihom jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun il-konvenut li jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    2.   Il-paragrafu 1 m’għandux iwaqqaf lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta’ evidenza li huma aktar favorevoli għall-kwerelanti.

    […]

    4.   Paragrafi [1 u 2] għandhom japplikaw ukoll għal:

    (a)

    is-sitwazzjonijiet koperti […], safejn hija kkonċernata d‑diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, mid-[Direttiva 92/85] […]”

    17.

    Skont l-Artikolu 28, id-Direttiva 2006/54 għandha tkun bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet (tal-Unjoni u nazzjonali) dwar il‑protezzjoni tan-nisa, partikolarment fir-rigward tat-tqala u l-maternità. Dan l-artikolu jipprovdi wkoll b’mod speċifiku li din id-direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal, fost l‑oħrajn, id‑Direttiva 92/85.

    Id-dritt Spanjol

    18.

    L-Artikolu 26 tal-Ley 31/1995 de Prevención de Riesgos Laborales (il-Liġi 31/1995 dwar il-Prevenzjoni tar-Riskji fuq il-Post tax‑Xogħol) tat-8 ta’ Novembru 1995 (iktar ’il quddiem l-“LPRL”) jipprevedi dan li ġej:

    “1.   L-evalwazzjoni tar-riskji [għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema] imsemmija fl-Artikolu 16 ta’ din il-Liġi għandha tinkludi evalwazzjoni tan-natura, tal-grad u tat-tul ta’ espożizzjoni ta’ ħaddiema nisa tqal jew ħaddiema li welldu reċentement għal aġenti, proċessi jew kundizzjonijiet tax-xogħol li jista’ jkollhom effett negattiv fuq is-saħħa tal-ħaddiema jew tal-fetu fi kwalunkwe attività li jista’ jkollha riskju speċifiku. Jekk ir‑riżultati tal-evalwazzjoni jiżvelaw riskju għas-sigurtà jew is-saħħa jew possibbiltà ta’ effett fuq it-tqala jew it-treddigħ ta’ dawn il-ħaddiema, il‑persuna li timpjega għandha tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tiġi evitata l-espożizzjoni għal dak ir-riskju billi jiġu aġġustati l‑kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħinijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernata.

    Dawn il-miżuri għandhom jinkludu, fejn meħtieġ, li ma jinħadimx xogħol ta’ bil-lejl jew xogħol bix-xift.

    2.   Meta l-aġġustament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-ħinijiet tax-xogħol ma jistax isir jew, minkejja tali aġġustament, il‑kundizzjonijiet tax-xogħol jista’ jkollhom effett negattiv fuq is-saħħa tal-ħaddiema tqila jew tal-fetu u ċertifikat f’dan is-sens jinħareġ mid‑Dipartiment Mediku tal-[Instituto Nacional de la Seguridad Social (“l-INSS”)] jew mill-assiguratur reċiproku, skont l-entità li magħha l‑impriża jkollha ftehim dwar polza ta’ assigurazzjoni għal riskji fuq il‑post tax-xogħol, flimkien ma’ rapport mit-tabib tal-mediċina ġenerali tas-Servicio Nacional de Salud [is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa, Spanja] li jikkura l-ħaddiema, din tal-aħħar għandha tiġi assenjata pożizzjoni ta’ xogħol jew funzjoni differenti kompatibbli mal‑kundizzjoni tagħha. Wara konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal‑ħaddiema, il-persuna li timpjega għandha tistabilixxi lista ta’ pożizzjonijiet ta’ xogħol li huma mingħajr riskju għal dawn il-finijiet.

    Bidla għal pożizzjoni ta’ xogħol jew għal funzjoni oħra għandha ssir skont ir-regoli u l-kriterji applikati fil-każijiet ta’ mobbiltà funzjonali u għandha tkun fis-seħħ sakemm l-istat tas-saħħa tal-ħaddiema jippermettilha tirritorna għall-pożizzjoni preċedenti tagħha.

    […]

    3.   Jekk tali bidla għal pożizzjoni oħra ma hijiex teknikament jew oġġettivament possibbli jew ma tistax tkun raġonevolment mitluba għal raġunijiet iġġustifikati debitament, il-ħaddiema kkonċernata jista’ jkollha l-kuntratt tagħha sospiż għal raġunijiet ta’ riskji matul it-tqala, skont l‑Artikolu 45(1)(d) [tar-Real Decreto Legislativo 1/1995, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1995 li japprova t-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema) tal-24 ta’ Marzu 1995], għall-perijodu meħtieġ għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tagħha u sakemm hija tibqa’ fl-impossibbiltà li tirritorna għall-pożizzjoni preċedenti tagħha, jew li timxi għal pożizzjoni oħra kompatibbli mal-kundizzjoni tagħha.

    4.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu għandhom ikunu applikabbli matul il-perijodu tat-treddigħ jekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol jista’ jkollhom effett negattiv fuq is-saħħa tal-ħaddiema kkonċernata jew tal-wild tagħha u ċertifikat f’dan is-sens jinħareġ mid‑Dipartiment Mediku tal-[INSS] jew mill-assiguratur reċiproku, skont l-entità li magħha l-impriża jkollha ftehim dwar polza ta’ assigurazzjoni għal riskji fuq il-post tax-xogħol, flimkien ma’ rapport mit-tabib tal-mediċina ġenerali tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa li jikkura lill-ħaddiema jew lill-wild tagħha. Barra minn hekk, il-ħaddiema kkonċernata jista’ jkollha l-kuntratt tagħha sospiż minħabba riskji waqt it-treddigħ ta’ tfal taħt id‑disa’ xhur, skont l-Artikolu 45(1)(d) tad-[Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1995], jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l‑artikolu jkunu ssodisfatti.”

    19.

    Taħt id-dritt Spanjol, sitwazzjoni ta’ riskju waqt it-treddigħ tirriżulta f’sospensjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg u fi ħlas ta’ benefiċċju tas‑sigurtà soċjali biss fejn jiġi muri li hemm riskju u li ma huwiex possibbli li tiġi aġġustata l-pożizzjoni jew li l-persuna tiġi ttrasferita għal pożizzjoni oħra.

    20.

    Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) indikat ripetutament f’sentenzi li jirrigwardaw xogħol bix‑xift u xogħol ta’ bil-lejl li l-arranġamenti tax-xogħol ma humiex awtomatikament ikkunsidrati bħala riskji għat-treddigħ. Madankollu, hija ddeċidiet li tali riskju jista’ jitqies li jeżisti meta s-sigħat tax-xogħol ma jkunux konsistenti mal-intervalli regolari tat-treddigħ tat-tarbija, sakemm l‑inkompatibbiltà ta’ treddigħ dirett ma tkunx tista’ tittaffa billi jinġibed il‑ħalib u li, fi kwalunkwe każ, ikollu jintwera li l-fatt li jinġibed il-ħalib ma huwiex irrakkomandat fil-każ partikolari għal raġunijiet relatati mas-saħħa tal-omm jew tat-tarbija.

    21.

    Fir-rigward tad-dritt proċedurali, l-Artikolu 96 tal-Ley 36/2011 reguladora de la jurisdicción social (il-Liġi 36/2011 li tirregola l-qrati soċjali) tal-10 ta’ Ottubru 2011 (iktar ’il quddiem il-“Ley 36/2011”) huwa intitolat “Oneru tal-prova fil-każ ta’ diskriminazzjoni u inċidenti fuq il-post tax-xogħol”. L-Artikolu 96(1) jittrasponi l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 billi jipprovdi li f’każijiet fejn persuna tqis li hija leża minħabba n-nuqqas ta’ osservanza fir-rigward tagħha tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tistabbilixxi fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bbażata, fost l-oħrajn, fuq is-sess, l-oneru tal-prova idur fuq il-parti konvenuta.

    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

    22.

    Isabel González Castro kienet impjegata bħala uffiċjal tas-sigurtà minn Prosegur España SL. Fit-8 ta’ Novembru 2014, hija welldet tifel, li hija reddgħet. Minn Marzu 2015, hija ħadmet fiċ-ċentru kummerċjali As Termas f’Lugo (Spanja) ( 21 ). Hija kienet taħdem skont ritmu ta’ rotazzjoni varjabbli ta’ tmien sigħat. Is-servizz tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tagħha kien ipprovdut minn mill-inqas żewġ uffiċjali tas-sigurtà, bl-eċċezzjoni tax-xiftijiet li ġejjin meta kien hemm biss uffiċjal tas-sigurtà wieħed: mit‑Tnejn sal-Ħamis minn nofs il-lejl sat-8.00; il-Ġimgħa mis-2.00 sat-8.00; is-Sibt mis-2.00 sat-8.00 u l-Ħdud mis-1.00 sat-8.00.

    23.

    Mill-proċess ipprovdut mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fit‑3 ta’ Marzu 2015, I. González Castro kisbet ċertifikat mid-Dipartiment tal-Pedjatrija tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa dwar ir-riskji waqt it‑treddigħ, li jikkonferma li hija kienet tabilħaqq qiegħda tredda’ lil binha. L-assiguratur tal-persuna li timpjega, Mutua Umivale, bagħtet lil Prosegur España ittra standard bid-data tat-3 ta’ Marzu 2015 li kienet tgħid li t-talba għal ħlas ta’ allowance waqt it-tqala jew it-treddigħ kienet irrifjutata, “għaliex ma kien hemm l-ebda riskju”. I. González Castro imliet formola intitolata “Talba għal ċertifikat mediku li jindika l‑eżistenza ta’ riskju waqt it-treddigħ” bid-data tad-9 ta’ Marzu 2015 li ssottomettiet lill-persuna li kienet timpjegaha. Il-kliem standard fuq il-formola kien jgħid, “Iċ-ċertifikat mediku mitlub għandu, fil-każ tiegħek, jiġġustifika t-trasferiment tiegħek għal pożizzjoni oħra jew bidla fil-funzjonijiet li inti teżerċita. Huwa biss jekk dan ma jsirx għar-raġunijiet preskritti bil-liġi, li inti għandek titħallas l-allowance għal riskju matul it-tqala jew it-treddigħ.” Ir-rappreżentant ta’ Prosegur España mela formola intitolata “Ċertifikat għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tal-persuna li timpjega fl-iskema tas-sigurtà soċjali fir-rigward ta’ talba għall-ħlas ta’ allowance finanzjarja għal riskju matul it-treddigħ” bid-data tat-13 ta’ Marzu 2015 li jiddikjara li I. González Castro kienet impjegata bħala uffiċjal tas-sigurtà, il-funzjonijiet tagħha kienu jinkludu sorveljanza madwar il-bini u, fejn meħtieġ, tara li ma jitwettqux atti kriminali u li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha ma kinux jaffettwaw it-treddigħ ( 22 ).

    24.

    Sussegwentement, Mutua Umivale eżaminat b’mod formali t-talba ta’ I. González Castro għal ċertifikat mediku. Fis-17 ta’ Marzu 2015, Mutua Umivale kitbet lil I. González Castro u rrifjutat it-talba tagħha għal ċertifikat mediku billi ddikjarat li, abbażi tal-elementi li l‑ħaddiema stess kienet ipproduċiet, ma kien hemm l-ebda riskju inerenti fil-pożizzjoni tagħha li seta’ jkun ta’ preġudizzju għaliha. Id-dokumenti annessi mal‑ittra kienu jikkwotaw b’mod estensiv mill-handbook tal‑Assoċjazzjoni tal-Pedjatriċi Spanjola “Gwida għall-evalwazzjoni ta’ riskju fuq il-post tax-xogħol waqt it-treddigħ” prodott għall-INSS (iktar ’il quddiem il-“handbook tal-Assoċjazzjoni tal-Pedjatriċi Spanjola”). Mutua Umivale indikat f’din l-ittra li “xift ta’ bil-lejl u xogħol bix-xift jew il-fatt li wieħed jaħdem waħdu fihom infushom ma joħolqux riskju ċar għat-treddigħ, u għalkemm dan ix-xogħol jista’ jirriżulta fil-fatt li t‑treddigħ ikun inqas prattiku minħabba r-ritmu tal-ħinijiet tax-xogħol, ma hemmx riskju li t-treddigħ ikun interrott jekk ir-rakkomandazzjonijiet li aħna tajniek jiġu segwiti” ( 23 ).

    25.

    Fl-24 ta’ April 2015, I. González Castro kitbet lil Mutua Umivale sabiex tikkontesta dan ir-rifjut. It-talba tagħha ġiet miċħuda minn Mutua Umivale b’ittra tal-4 ta’ Mejju 2015 abbażi tal-fatt li fil-pożizzjoni ta’ I. González Castro ma kienx hemm riskju li jipperikola s-saħħa tal-wild. Fl-4 ta’ Awwissu 2015 Mutua Umivale pproduċiet rapport mediku ffirmat minn Dr Maria Renau Escudero. Ir-rapport kien jiċċita ċ-ċertifikat mid-Dipartiment tal-Pedjatrija li hija kienet ipproduċiet u d-dikjarazzjonijiet tal-persuna li timpjegaha li “la l-kundizzjonijiet tax‑xogħol tagħha u lanqas l-attivitajiet u l-funzjonijiet tagħha bħala uffiċjal tas‑sigurtà ma kienu jaffettwaw it-treddigħ”. Ir-rapport kien jiċċita wkoll il‑handbook tal-Assoċjazzjoni tal-Pedjatriċi Spanjola. Huwa jikkonkludi li ma hemmx riskju għall-ħaddiema kkonċernata li jaffettwa t-treddigħ billi jiċċita dan il-handbook: “skont il-kriterji tagħna, ix-xogħol ta’ bil-lejl kif ukoll ix-xogħol bix-xift ma jimplikawx minnhom infushom riskju manifest għat-treddigħ, anki jekk wieħed jista’ jaqbel li dawn iż-żewġ ċirkustanzi jkollhom impatt fuq it-treddigħ, jiġifieri li dan tal-aħħar ikun inqas prattiku, minħabba r-ritmu tal-ħinijiet tax-xogħol”. Fit‑30 ta’ Diċembru 2015, ir-rikors ta’ I. González Castro kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mill-Juzgado de lo Social No 3 de Lugo (il-Qorti Industrijali Nru 3, Lugo) abbażi tal-fatt li xogħol bix-xift jew xogħol ta’ bil-lejl ma jirrappreżentax riskju waqt it-treddigħ skont il-ġurisprudenza tal‑Qorti Suprema Spanjola u l-handbook tal-Assoċjazzjoni tal-Pedjatriċi Spanjola. I. González Castro appellat minn din is-sentenza quddiem il‑qorti tar-rinviju.

    26.

    I. González Castro tallega li hija kienet f’riskju matul il-perijodu li kienet tredda’ lil binha għal tliet raġunijiet: (i) in-natura stess tax‑xogħol ta’ uffiċjal tas-sigurtà (il-perikolu involut u l-istress relatat); (ii) il-fatt li x-xogħol tagħha kien bix-xift, xi drabi bil-lejl u waħedha; u (iii) l-fatt li ma kienx possibbli li tredda’ fuq il-post tax-xogħol peress li, kif allegat, ma kienx hemm post fejn tagħmel dan u ma setgħetx titlaq mix-xogħol sabiex tredda’. Mutua Umivale (l-assiguratur) tirrispondi li x‑xogħol ta’ I. González Castro ma kienx jinvolvi riskju reali għat‑treddigħ, iżda kien biss jinvolvi “diffikultà” għat-treddigħ, li hija inerenti fi kwalunkwe xogħol. Hija ssostni li xogħol ta’ bil-lejl u xogħol bix-xift fihom infushom ma jimplikawx li hemm riskju manifest għat‑treddigħ, “għalkemm jistgħu jirrendu t-treddigħ iktar inkonvenjenti”, u li d-diffikultajiet jew l-inkompatibbiltà tat-treddigħ dirett “jistgħu jitnaqqsu billi jinġibed il-ħalib tas-sider barra mill-post tax-xogħol, peress li jista’ jinħażen, anki f’temperatura ambjent, għal ħinijiet twal”.

    27.

    Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li ma hemmx provi li I. González Castro kellha aċċess għal faċilità fuq il-post tax-xogħol sabiex tredda’ lil binha jew sabiex tiġbed il-ħalib tas-sider, jew li l-pożizzjoni tagħha setgħet tiġi aġġustata jew mibdula sabiex jiġu evitati l-fatturi li I. González Castro allegat li kienu jirrappreżentaw riskju għat-treddigħ.

    28.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju għamlet id-domandi preliminari segwenti:

    “(1)

    L-Artikolu 7 tad-[Direttiva 92/85] għandu jiġi interpretat fis‑sens li x-xogħol ta’ bil-lejl li ma għandhomx ikunu obbligati jwettqu l-ħaddiema nisa li għalihom jirreferi l-Artikolu 2, fejn huma għalhekk inklużi l-ħaddiema nisa li qed ireddgħu, ma jinkludix biss ix-xogħol li jitwettaq kollu kemm hu fil-ħin ta’ bil‑lejl, iżda wkoll ix-xogħol bix-xift meta wħud minn dawn ix‑xiftijiet, bħal fil-każ inkwistjoni, ikunu ta’ bil-lejl?

    (2)

    F’tilwima fejn tiġi diskussa l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ riskju matul it-treddigħ ta’ ħaddiema, għandhom japplikaw ir-regoli speċjali dwar l-oneru tal-prova tal-Artikolu 19(1) tad‑[Direttiva 2006/54], traspost fl-ordinament ġuridiku Spanjol, fost oħrajn, permezz tal-Artikolu 96(1) tal-[Ley 36/2011], b’rabta mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 5 tad-[Direttiva 92/85], traspost fl-ordinament ġuridiku Spanjol permezz tal-Artikolu 26 tal-[LPRL], fil-każ ta’ leave mix-xogħol tal-ħaddiema li qed tredda’ u, fil-każ tagħha, għar-rikonoxximent tal-allowance marbuta ma’ sitwazzjoni bħal din fl-ordinament ġuridiku intern fid-dawl tal-Artikolu 11(1) [tad-Direttiva 92/85]?

    (3)

    L-Artikolu 19(1) [tad-Direttiva 2006/54] jista’ jiġi interpretat fis-sens li huma ‘fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta’ ta’ ħaddiema li qed tredda’, f’kawża li titratta l-eżistenza ta’ riskju matul it-treddigħ naturali b’eżenzjoni mill-obbligu ta’ xogħol, prevista fl-Artikolu 5 tad-[Direttiva 92/85] u trasposta fl-ordinament ġuridiku Spanjol fl-Artikolu 26 tal-[LPRL] fejn: (1) il-ħaddiema toffri servizzi f’sistema ta’ xogħol bix-xiftijiet bħala uffiċjal tas-sigurtà, u b’ħin ta’ bil-lejl f’uħud mix-xiftijiet ta’ xogħol li barra minn hekk twettaq waħedha, u barra minn hekk (2) billi tagħmel ir-ronda u tassisti, fil‑każ tagħha, urġenzi (delitti, każijiet ta’ nirien, jew inċidenti oħrajn); u dan kollu mingħajr barra minn hekk ma (3) tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ post adegwat għat-treddigħ naturali fiċ‑ċentru tax-xogħol, jew, fil-każ tagħha, biex tipproċedi għall‑estrazzjoni mekkanika tal-ħalib tal-omm?

    (4)

    Ġaladarba l-‘fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta’ skont l-Artikolu 19(1) tad‑[Direttiva 2006/54] b’rabta mal-Artikolu 5 tad‑[Direttiva 92/85], traspost fl-ordinament ġuridiku Spanjol fl-Artikolu 26 tal-[LPRL], f’kawża li titratta l-eżistenza ta’ riskju matul it-treddigħ naturali b’eżenzjoni mill-obbligu ta’ xogħol: Huwa rikjest mill-ħaddiema li qed tredda’ li biex tiġi eżentata mix‑xogħol konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tittrasponi l-Artikolu 5(2) u (3) tad-[Direttiva 92/85], għandha turi li l-aġġustament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew tal-ħin tax-xogħol ma jirriżultax li huwa tekniku u/jew oġġettivament possibbli jew ma jistax raġonevolament jiġi rikjest u li bidla fil-post tax-xogħol ma tirriżultax li hija teknika u/jew oġġettivament possibbli jew ma tistax tiġi raġonevolament rikjesta? Jew, għall‑kuntrarju, għandhom ikunu l-partijiet l-oħra (imprenditur u [Mutua Umivale] li tħallas il-benefiċċju ta’ sigurtà soċjali marbuta mas-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol) li għandhom jipproduċu l‑provi ta’ dawn is-sitwazzjonijiet?”

    29.

    Saru sottomissjonijiet bil-miktub mill-INSS, mill-Gvern Ġermaniż u dak Spanjol u mill-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tat‑22 ta’ Frar 2018 l-istess partijiet, minbarra l-Gvern Ġermaniż, ippreżentaw sottomissjonijiet orali.

    Evalwazzjoni

    Osservazzjonijiet preliminari

    30.

    L-INSS huwa tal-opinjoni li d-dritt Spanjol jipprovdi risposti għad-domandi tal-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, huwa jsostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex meħtieġa.

    31.

    Jidhirli li filwaqt li l-miżuri nazzjonali li jimplimentaw id‑Direttivi 92/85, 2003/88 u 2006/54 jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni awtorevoli tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li dawn l-miżuri nazzjonali jittrasponu taqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tixtieq taċċerta ruħha jekk il-kunċett ta’ xogħol ta’ bil-lejl fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85 għandux jiġi interpretat fid-dawl tad-Direttiva 2003/88 u jekk iċ-ċirkustanzi ta’ I. González Castro jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni. Hija tixtieq tkun taf ukoll sa fejn id-Direttiva 92/85 għandha tinqara flimkien mad-Direttiva 2006/54. Dawn huma kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha l‑fakultà li tistabbilixxi d-domandi li għandhom isiru ( 24 ). Meta ressqet it‑talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju sempliċement eżerċitat din is-setgħa. Għalhekk ma naqbilx mal-INSS: id-domandi tal‑qorti tar-rinviju għandhom jiġu eżaminati.

    32.

    Huwa stabbilit li I. González Castro kienet impjegata minn Prosegur España u fil-perijodu kkonċernat hija kienet ikkunsidrata bħala “ħaddiema li qed tredda’” għall-finijiet tal-Artikolu 2(ċ) tad‑Direttiva 92/85 ( 25 ). Kif iddikjarat reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja “[…] l-kundizzjoni ta’ mara li treddgħa hija marbuta strettament mal‑maternità, u b’mod partikolari ‘ma’ tqala jew leave tal-maternità’, il‑ħaddiema li jreddgħu għandhom ikunu protetti bl-istess mod bħall‑ħaddiema tqal jew li welldu reċentement” ( 26 ).

    33.

    Huwa wkoll stabbilit li l-modalitajiet ta’ xogħol ta’ I. González Castro kienu dawk ta’ ħaddiema bix-xift, li kienu jinkludu sigħat ta’ xogħol imwettqa matul il-lejl.

    34.

    Finalment, għandi nindika li taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85 l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l‑ħaddiema ma jkunux obbligati jwettqu xogħol ta’ bil-lejl matul it-tqala u għal perijodu wara t-twelid, stabbilit mill-awtorità nazzjonali kompetenti. Id-deskrizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-qorti tar‑rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tindika li fi Spanja l‑perijodu huwa ta’ 9 xhur wara t-twelid. Huwa stabbilit li t-talba ta’ I. González Castro għal allowance saret matul dan il-perijodu.

    Id-domanda 1

    35.

    Permezz tad-domanda 1, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk “ix‑xift ta’ bil-lejl” għall-finijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85 jinkludix xogħol bix-xift meta l-ħaddiema kkonċernata taħdem biss ftit sigħat bil-lejl.

    36.

    L-INSS jissottometti li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi jekk I. González Castro hijiex ħaddiema li taħdem bil-lejl skont ir-regoli nazzjonali u jekk hemmx riskju għat-treddigħ iċċertifikat minn tabib, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85 u skont ir-regoli nazzjonali rilevanti.

    37.

    Huwa bla dubju veru li l-funzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u dawk tal-qorti tar-rinviju huma distinti b’mod ċar u hija esklużivament din tal-aħħar li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 27 ). Madankollu, fi proċeduri bbażati fuq l-Artikolu 267 TFUE, mit-tqassim tal‑kompetenzi bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kemm jista’ jkun fid-dawl tal-kliem u tal-għan tad-direttivi inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq ( 28 ). Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tar‑regoli nazzjonali ma’ dawn id-direttivi. Madankollu, il-Qorti tal‑Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni sabiex din il‑qorti tkun tista’ taqdi din il-funzjoni ( 29 ).

    38.

    Il-Ġermanja tissottometti li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-Direttiva 2003/88. Hija ssostni li “xift ta’ bil-lejl” ikopri xogħol bix-xift jekk ċerti sigħat jinħadmu matul il-lejl. Spanja tiddikjara li x-xogħol bix-xift li jsir bil-lejl jaqa’ taħt il-kunċett ta’ xogħol ta’ bil-lejl, iżda ma jsegwix li tali xogħol joħloq riskju intrinsiku għall-ħaddiema li jreddgħu. Il-Kummissjoni tissottometti li x‑xogħol ta’ bil-lejl ikopri mhux biss xogħol li jsir kompletament bil-lejl iżda wkoll xogħol bix-xift li tal-inqas parti minnu jsir bil-lejl.

    39.

    Naqbel mal-Kummissjoni għar-raġunijiet segwenti.

    40.

    L-ewwel nett, minkejja li l-kunċett ta’ xogħol bil-lejl ma huwiex iddefinit fid-Direttiva 92/85, ix-xogħol ta’ bil-lejl ma jistax ikun limitat għal arranġamenti partikolari ta’ sigħat ta’ xogħol. Fl-opinjoni tiegħi, “xogħol ta’ bil-lejl” jista’ jkopri kemm ix-xogħol li jsir kompletament bil‑lejl kif ukoll xogħol bix-xift fejn parti biss mis-sigħat jinħadmu bil-lejl.

    41.

    It-tieni nett, hija ġurisprudenza stabbilita li fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa importanti li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha ( 30 ).

    42.

    Il-qari li nipproponi tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85 huwa konsistenti mal-għanijiet ta’ din id-direttiva. L-għan tad-Direttiva 92/85 huwa l-promozzjoni tat-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa fuq ix-xogħol tal‑ħaddiema tqal, li jkunu welldu reċentement jew li jkunu qed ireddgħu ( 31 ). Għalhekk, ħaddiema li qed tredda’ tagħmel parti minn grupp ta’ riskju speċifiku li fil-konfront tiegħu għandhom jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa. Barra minn hekk, huwa konsistenti mal-għan ġenerali preventiv ta’ din il-miżura li nisa li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva għandhom ikunu eliġibbli għall-protezzjoni taħt l-Artikolu 7 jekk jaħdmu xiftijiet ta’ bil-lejl, minflok jaħdmu matul il-lejl kollu b’mod sistematiku.

    43.

    Id-Direttiva 2003/88 titfa’ dawl fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ xogħol ta’ bil-lejl fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85?

    44.

    Iż-żewġ direttivi għandhom l-istess bażi legali ( 32 ). Madankollu, l‑Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85 ma jagħmilx riferiment għad‑definizzjoni ta’ “ħin ta’ bil-lejl” fl-Artikolu 2(3) tad‑Direttiva 2003/88 u xogħol ta’ bil-lejl ma huwiex terminu ddefinit f’din l-aħħar direttiva ( 33 ).

    45.

    Barra minn hekk, id-Direttiva 92/85 tipproteġi grupp ta’ ħaddiema partikolarment vulnerabbli ( 34 ) u għandu jiġi stabbilit jekk il-ħaddiema kkonċernata tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva sabiex tibbenefika mid‑dispożizzjonijiet tagħha. Ir-regoli tad-Direttiva 2003/88 ma humiex neċessarjament rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.

    46.

    Jidhirli li x-xogħol ta’ bil-lejl fis-sens tad-Direttiva 92/85 mhux neċessarjament għandu l-istess tifsira bħal ħin ta’ bil-lejl fis-sens tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/88. Hija pjuttost kwistjoni ta’ interpretazzjoni koerenti taż-żewġ direttivi.

    47.

    L-espressjoni “ħin ta’ bil-lejl” fid-Direttiva 2003/88 hija ddefinita fl-Artikolu 2(3) bħala kwalunkwe perijodu ta’ mhux anqas minn seba’ sigħat, kif iddefinit bil-liġi nazzjonali, u li għandu jinkludi, fi kwalunkwe każ, il-perijodu ta’ bejn nofs-il-lejl u l-5.00. Jiena nikkunsidra li l-kelma “lejl” fid-Direttiva 92/85, fl-assenza ta’ xi raġuni imperattiva għall‑kuntrarju, għandha tingħata l-istess tifsira. Dan ifisser li, jekk ħaddiema twettaq il-funzjonijiet tagħha matul dan il-perijodu, dawn is-sigħat ta’ xogħol jikkostitwixxu xogħol ta’ bil-lejl għall-finijiet tal-Artikolu 7 tad‑Direttiva 92/85. Ninnota li d-Direttiva 2003/88 tuża l-espressjoni “kwalunkwe perjodu”, u dan jissuġġerixxi li x-xogħol bix-xift ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni.

    48.

    Naqbel ukoll mal-osservazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju li, jekk ix-xogħol bix-xift imwettaq bil-lejl kellu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85, omm li tredda’ li taħdem bix-xift matul dawk is-sigħat tirċievi inqas protezzjoni minn nisa li jaħdmu bil-lejl biss. Huwa diffiċli li jitwemmen li tali riżultat kien l‑intenzjoni tal-leġiżlatur.

    49.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ripetut (fir-rigward ta’ dik li issa hija d-Direttiva 2006/54) li l-Istati Membri huma obbligati li fil‑leġiżlazzjoni nazzjonali ma jistabbilixxux il-prinċipju li xogħol ta’ bil-lejl min-nisa huwa pprojbit, anki jekk dan ikun suġġett għal eċċezzjonijiet, filwaqt li xogħol ta’ bil-lejl minn irġiel ma huwiex ipprojbit. Tali projbizzjoni tkun kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ( 35 ).

    50.

    Madankollu, it-tlettax-il premessa tad-Direttiva 92/85 tipprevedi li għandu jsir provvediment, fost l-oħrajn, għall-ħaddiema li qed ireddgħu biex dawn ma jkunux meħtieġa jaħdmu bil-lejl meta dan il-provvediment ikun neċessarju għas-sigurtà u s-saħħa tagħhom. Flimkien mal-istruttura tal-Artikolu 7, dan jindika li għandu jkun hemm evalwazzjoni individwali taċ-ċirkustanzi tal-ħaddiema kkonċernata.

    51.

    Il-proċess tal-kawża ppreżentat mill-qorti nazzjonali juri li I. González Castro kisbet konferma medika ċċertifikata li kienet qed tredda’ u li kienet bdiet il‑proċess sabiex tikseb ċertifikat mediku insostenn tat-talba tagħha billi mliet it-taqsima tal-formola intitolata “Talba għal ċertifikat mediku li jindika l‑eżistenza ta’ riskju waqt it-treddigħ” fid-9 ta’ Marzu 2015. Waqt is‑seduta, l-INSS iddikjara li ma huwiex parti mill-proċess sabiex jinħareġ tali ċertifikat mediku, li hija kwistjoni bejn il-ħaddiema, il-persuna li timpjegaha u jekk ikun il-każ l-assiguratur tiegħu (f’dan il-każ, Mutua Umivale). Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet ukoll informata li l-ħaddiema setgħet tissottometti rapport minn tabib ieħor, bħal tabib tal-mediċina ġenerali, iżda li ma kienx ċar jekk rapport ta’ dan it-tip huwiex suffiċjenti fih innifsu sabiex tinbeda l-proċedura u sabiex jirrendi lill-applikanti eliġibbli għal protezzjoni taħt id-Direttiva 92/85.

    52.

    Ovvjament, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet ta’ fatt neċessarji. Madankollu, l-ittra ta’ Mutua Umivale lill-persuna li timpjega lil I. González Castro tat-3 ta’ Marzu 2015 tissuġġerixxi li t-talba tagħha ma kinitx ser tintlaqa’ sa minn qabel ma kienet applikat b’mod formali għaċ-ċertifikat mediku fid-9 ta’ Marzu 2015 ( 36 ). Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-persuna li kienet timpjegaha jew Mutua Umivale għamlu evalwazzjoni individwali taċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħha. Mill‑informazzjoni disponibbli fis-sottomissjonijiet tal-INSS u tal-Gvern Spanjol, id-deskrizzjoni tal‑qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha u d-dokumenti fil-proċess ta’ din il-qorti, jidher li l‑prassi nazzjonali attwali hija li meta profil ta’ pożizzjoni partikolari ma huwiex irrikonoxxut mill-handbook tal-Assoċjazzjoni tal-Pedjatriċi Spanjola bħala li għandu riskju għat-treddigħ, it-talba tal-ħaddiema għal ċertifikat mediku tiġi awtomatikament miċħuda ( 37 ).

    53.

    Jiena konvint li tali approċċ huwa kuntrarju għad-Direttiva 92/85. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li x-xogħol ta’ bil-lejl fih riskju. Iċ‑ċertifikat mediku huwa intiż sabiex jiskatta evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-ħaddiema partikolari fi kwalunkwe każ speċifiku. Is-sistema deskritta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tvarja, b’mod ċar, mill-għanijiet tal‑leġiżlatur.

    54.

    M’iniex qed nissuġġerixxi li kien hemm aġir skorrett fil-kawża kkonċernata. Madankollu, proċedura li fiha assiguratur responsabbli sabiex iħallas l-allowance mitluba minn ħaddiema jaġixxi wkoll bħala filtru, billi jiddeċiedi jekk dik il-ħaddiema tistax tikseb ċertifikat mediku mitlub skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85 hija fundamentalment imperfetta. L-assiguratur qiegħed f’pożizzjoni li fiha għandu kunflitt ta’ interess ċar.

    55.

    Jekk I. González Castro tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1), hija tiġi protetta bid-Direttiva 92/85 u ma hemmx għalfejn jiġu kkunsidrati l-Artikoli 4 u 5 (ara d-domandi 2 sa 4), peress li meta japplika l-Artikolu 7 ma huwiex meħtieġ li tiġi invokata l-evalwazzjoni ġenerali tar-riskji taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/85 ( 38 ). Kif inhuma l-affarijiet, ma huwiex ċar jekk l-Artikoli 4 u 5 għadhomx rilevanti għat-tilwima fil-kawża prinċipali ( 39 ).

    56.

    Għalhekk nikkonkludi li ħaddiema li taħdem bix-xift u li teżerċita wħud mill-funzjonijiet tagħha bil-lejl tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/85, bil-kundizzjoni li tissottometti ċertifikat mediku li jiddikjara li huwa neċessarju li jittieħdu miżuri sabiex jiġi evitat riskju għas-sigurtà u s-saħħa tagħha skont l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, wara li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jekk ir-rikorrenti pprovdietx, jew jekk tpoġġietx f’pożizzjoni fejn setgħet tipprovdi, tali ċertifikat.

    Id-domandi 2, 3 u 4

    Osservazzjonijiet ġenerali

    57.

    Taħt l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, skont is-sistemi ġudizzjarji rispettivi tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni jqisu li ġew leżi minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jistabbilixxu fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun il-konvenut li jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ( 40 ). Permezz tad-domandi 2, 3 u 4, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob gwida dwar kif din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85. Dawn id-domandi huma partikolarment rilevanti jekk I. González Castro ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85 għal leave mix-xogħol u ħlas ta’ allowance skont l‑Artikolu 11, peress li ma hemm l-ebda possibbiltà li tiġi ttrasferita għal pożizzjoni ta’ xogħol bi nhar biss ( 41 ).

    58.

    Il-qorti tar-rinviju bbażat id-domandi 2, 3 u 4 fuq il-premessa li kieku saret evalwazzjoni kif suppost skont l-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 92/85, din kienet tiżvela riskju għall-ħaddiema li tredda’ u li għalhekk huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata liema azzjoni kellha tittieħed għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tagħha skont l-Artikolu 5. Madankollu, fid-deċiżjoni tar-rinviju (jew fil-proċess tal‑kawża nazzjonali anness magħha) ma hemm l-ebda informazzjoni li turi li saret evalwazzjoni skont l-Artikolu 4(1) u (2) tad‑Direttiva 92/85. Waqt is-seduta, il-Gvern Spanjol informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 26 tal-LPRL huwa d-dispożizzjoni prinċipali li timplementa l-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva 92/85, iżda li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tagħmilx distinzjoni ċara bejn dawn iż-żewġ artikoli ta’ din id-direttiva. Ma huwiex kompletament ċar jekk l-Artikolu 4 jew l‑Artikolu 7 (jew inkella t-tnejn li huma) jifformawx il-bażi għat-talba għal allowance ta’ I. González Castro. Din hija kwistjoni li finalment għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

    59.

    Iċ-ċirkustanzi ta’ I. González Castro jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/85?

    60.

    Din id-dispożizzjoni tapplika għal ħaddiema li qed tredda’ “[g]ħall-attivitajiet kollha li jistgħu jinvolvu riskju speċifiku ta’ espożizzjoni għal aġenti, proċessi jew kondizzjonijiet tax-xogħol li tagħhom lista mhux eżawrijenti hija mogħtija fl-Anness I”. Il-fatt li I. González Castro ma kinitx taħdem fil-mini taħt l-art (l-unika kategorija elenkata taħt “Kundizzjonijiet ta’ xogħol” fit-tabella mhux eżawrjenti tal‑Anness I) ma jfissirx li pożizzjoni bħal tagħha hija neċessarjament eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/85. L-evalwazzjoni tar-riskji li għandha ssir skont l-Artikolu 4(1) hija eżegwita abbażi tal‑Linji Gwida li jkopru, fost l-oħrajn, “għeja fiżika u mentali u tipi oħra ta’ stress fiżiku u mentali konness max-xogħol imwettaq minn ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2” ta’ din id-Direttiva ( 42 ). Xogħol bix-xift u xogħol ta’ bil-lejl huma żewġ sitwazzjonijiet li huma identifikati fil‑Linji Gwida ( 43 ). Għalhekk, il-kliem espliċitu wżat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85 jikkonferma li pożizzjoni bħal dik li kellha I. González Castro taqa’ effettivament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

    61.

    L-Artikolu 4 huwa d-dispożizzjoni ġenerali li tipprevedi l-azzjoni li għandha tittieħed fir-rigward tal-attivitajiet kollha li jista’ jimplikaw riskju speċifiku għall-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/85. L-Artikolu 7, min-naħa l-oħra, huwa dispożizzjoni speċifika li tapplika għall-każijiet ta’ xogħol ta’ bil-lejl, li l-leġiżlatur iddistingwixxa bħala li jippreżenta riskju partikolari għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu.

    62.

    Hija l-persuna li timpjega li għandha tagħmel l-evalwazzjoni tar‑riskji, iktar milli l-ħaddiema kkonċernata, li titlob b’mod espliċitu l‑protezzjoni taħt id-Direttiva 92/85. Dan huwa kompletament konsistenti mal-qafas stabbilit bid-Direttiva 89/391, li jpoġġi obbligu fuq il-persuni li jimpjegaw sabiex jieħdu azzjoni preventiva sabiex jiżguraw is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fl-aspetti kollha relatati max‑xogħol ( 44 ).

    63.

    Fil-qosor, id-Direttiva 92/85 introduċiet rekwiżit ta’ evalwazzjoni u ta’ komunikazzjoni tar-riskji. Meta r-riżultati tal-evalwazzjoni tar-riskji li ssir skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jiżvelaw riskju għas-sigurtà jew is-saħħa u effett potenzjali fuq it-tqala jew it-treddigħ ta’ ħaddiema, l‑Artikolu 5(1) u (2) jipprevedu li l-persuna li timpjega hija meħtieġa taġġusta b’mod temporanju l-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew il-ħinijiet tax-xogħol tal-ħaddiema ( 45 ). Jekk dan ikun impossibbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi, il‑ħaddiema kkonċernata għandha tiġi ttrasferita għal pożizzjoni ieħor. Huwa biss meta tali trasferiment ma jkunx possibbli li l-Artikolu 5(3) jipprevedi li l-ħaddiema tingħata l-leave, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew il-prassi nazzjonali, għall-perijodu kollu meħtieġ għall-protezzjoni tas-sigurtà jew is-saħħa tagħha ( 46 ). B’hekk, l-Artikolu 5 japplika biss jekk ir-riżultati tal-evalwazzjoni skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/85 jiżvelaw riskju għas-sigurtà jew is-saħħa jew effett, f’dan il-każ, fuq il‑ħaddiema li tredda’ kkonċernata.

    64.

    Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma ssemmiex b’mod espliċitu l-Artikolu 4 tad‑Direttiva 92/85 fid-domandi tagħha, dan ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl‑elementi kollha meħtieġa għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva (f’dan il-każ, b’mod partikolari, l-Artikolu 4) li jistgħu jkunu ta’ għajnuna ( 47 ).

    65.

    B’hekk, jiena nifhem li d-domandi 2, 3 u 4 qed jitolbu gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54 f’dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet għall‑oneru tal-prova u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/85. Ser nikkunsidra d‑domandi 2 u 3 flimkien qabel ma neżamina d-domanda 4.

    Id-domandi 2 u 3

    66.

    Ir-regoli li jaqilbu l-oneru tal-prova fuq il-persuna li timpjega (jew l-awtorità kompetenti) taħt l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 japplikaw meta ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad‑Direttiva 92/85 tikkontesta evalwazzjoni tar-riskji mwettqa taħt l‑Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva (jew fejn japplika l-Artikolu 7) (domanda 2)? Barra minn hekk, xi jfisser “fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta” fis-sens tal‑Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54? Il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari jekk il-fatti segwenti jurux diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni: (i) il-fatt li l-ħaddiema taħdem xogħol bix-xift xi drabi waħedha bil-lejl; (ii) il-fatt li x-xogħol jinkludi sorveljanza ta’ bini u, jekk meħtieġ, assistenza f’każijiet ta’ emerġenza; u (iii) il-fatt li ma hemmx evidenza li l-post tax-xogħol għandu faċilitajiet adegwati għat-treddigħ jew sabiex issir estrazzjoni tal-ħalib tal-omm (domanda 3).

    67.

    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-riskji taħt l-Artikolu 4, il‑persuna li timpjega hija meħtieġa tagħmel evalwazzjoni skont il-Linji Gwida ( 48 ). Hija l-persuna li timpjega li għandha tidentifika: (i) il-perikoli, li jinkludu għejja mentali u fiżika kif ukoll piżijiet fiżiċi u mentali oħra; u (ii) il-kategorija tal-ħaddiema, f’dan il-każ omm li tredda’; u li tagħmel l-arranġamenti għal evalwazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva tar-riskji li għandha ssir minn persuna kompetenti. Il-Linji Gwida jagħmluha ċara li evalwazzjoni tar-riskji għandha tieħu debitament inkunsiderazzjoni parir mediku u t-tħassib tal-mara kkonċernata ( 49 ).

    68.

    Il-Linji Gwida jindikaw dan li ġej fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-riskji tal-“Għejja mentali u fiżika u sigħat ta’ xogħol”: “Sigħat twal ta’ xogħol, xogħol bix-xift u xogħol ta’ bil-lejl jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq is-saħħa ta’ ommijiet li welldu jew li qed jistennew tarbija, u fuq it-treddigħ. Mhux in-nisa kollha huma affettwati bl-istess mod, u r-riskji assoċjati jvarjaw skont it-tip ta’ xogħol eżerċitat, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u l-persuna kkonċernata […] kemm l-għejja mentali kif ukoll fiżika jiżdiedu matul it-tqala u fil-perijodu wara t-twelid minħabba numru ta’ bidliet fiżjoloġiċi u oħrajn li jseħħu. Peress li jgħejjew iktar, ċerti nisa tqal u li jreddgħu jista’ jkun li ma jkunux jistgħu jaħdmu xiftijiet irregolari jew fit-tard jew xogħol ta’ bil-lejl, jew iwettqu xogħol overtime. L-arranġamenti tal-ħin tax‑xogħol […] jistgħu jaffetwaw is-saħħa tal-mara tqila u tal-wild li għadu ma twelidx tagħha, l-irkupru tagħha wara t-twelid, jew l-abbiltà tagħha li tredda’, u jistgħu jżidu r-riskji ta’ stress u mard relatat mal-istress” ( 50 ).

    69.

    Il-qorti tar-rinviju tispjega li t-talba ta’ I. González Castro ġiet miċħuda l-ewwel darba minħabba li “xogħol bix-xift jew xogħol ta’ bil‑lejl ma jirrappreżentax riskju matul it-treddigħ, skont is-sentenzi tat‑Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) u l-handbook tal-Assoċjazzjoni tal-Pedjatriċi Spanjola, u minħabba li l-fatt li l-ħaddiema “tagħmel rondi, tirrispondi għal sejħiet ta’ allarm għal eventwali każijiet ta’ emerġenza (aġir kriminali, nirien) u, fil-qosor, tibqa’ viġilanti fil-każ ta’ inċident (u taqdi dawn id-doveri waħedha f’ċerti każijiet)” ma “jinvolvi l-ebda riskju għat‑treddigħ jew jagħmilha impossibbli li tredda’ peress li l-ħalib jista’ jiġi estratt barra mill-ħinijiet tax-xogħol”.

    70.

    Din id-dikjarazzjoni tissuġġerixxi li l-awtorità kompetenti kkunsidrat il-profil ġenerali tal-pożizzjoni ta’ I. González Castro b’riferiment għal gwida ġenerali, iżda ma eżaminatx iċ-ċirkustanzi individwali tagħha kif mitlub minn qari konġunt tal-Artikoli 3(2) u 4 tad‑Direttiva 92/85.

    71.

    Taħt l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, skont is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jqisu li ġew leżi minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità oħra kompetenti, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, huwa l-konvenut li għandu jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. L-Artikolu 19(4)(a) tad‑Direttiva 2006/54 jipprevedi, fost l-oħrajn, li r-regoli li jaqilbu l-oneru tal-prova previsti fl-Artikolu 19(1) japplikaw ukoll għal sitwazzjonijiet koperti mid-Direttiva 92/85, sa fejn ikun hemm diskriminazzjoni bbażata fuq is‑sess ( 51 ). L-assenza ta’ evalwazzjoni adegwata tar-riskji skont l‑Artikolu 4 tad-Direttiva 92/85 tirrappreżenta trattament inqas favorevoli għall-ħaddiema relatat mat-tqala jew mal-leave ta’ maternità għall-finijiet ta’ din id-direttiva, skont l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54: din tikkostitwixxi, għaldaqstant, diskriminazzjoni fis-sens ta’ dan l-att ( 52 ).

    72.

    Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni indiretta kif iddefinit fl‑Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54 ma jistax ikun rilevanti għall‑ħaddiema li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad‑Direttiva 92/85. Dispożizzjonijiet, kriterji jew prattiċi li jwasslu għal trattament inqas favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew mal-leave ta’ maternità ma jistgħux ikunu minnhom infushom “apparentament newtrali”, għaliex dawn id-dispożizzjonijiet għandhom konsegwenzi biss għall-kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema ddefiniti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/85 ( 53 ). Għalhekk, meta ħaddiema tistrieħ fuq id-Direttiva 92/85, il-kwistjoni hija jekk hemmx fatti li minnhom tista’ tiġi preżunta diskriminazzjoni diretta għall-finijiet tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 ( 54 ).

    73.

    L-Artikolu 19(4)(a) tad-Direttiva 2006/54 jispeċifika, fost l‑oħrajn, li r-regoli li jaqilbu l-oneru tal-prova previsti fl-Artikolu 19(1) japplikaw ukoll għas-sitwazzjonijiet koperti mid-Direttiva 92/85, sa fejn ikun hemm diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Kull trattament inqas favorevoli ta’ ħaddiema minħabba li hija omm li tredda’ għandu jitqies li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad‑Direttiva 2006/54 u għalhekk jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess ( 55 ). Konsegwentement, ir-regoli tal-Artikolu 19(1) tad‑Direttiva 2006/54 huma potenzjalment applikabbli.

    74.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, billi rriżerva d-dritt għall-Istati Membri li jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet intiżi sabiex jipproteġu n-nisa fir-rigward tat-tqala u l-maternità, l‑Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54 jirrikonoxxi l-leġittimità, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tas-sessi, l-ewwel nett, tal-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika ta’ mara matul u wara t‑tqala, u t-tieni nett, tal-protezzjoni tar-relazzjoni speċjali bejn il-mara u l-wild tagħha matul il-perijodu wara t-twelid. Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54, kwalunkwe diskriminazzjoni kontra mara f’tali ċirkustanzi hija koperta bil-projbizzjoni prevista minn din id‑direttiva, sa fejn hija relatata mal-impjieg u mal-kundizzjonijiet tax‑xogħol tal-ħaddiema kkonċernata fis-sens tal-Artikolu 14(1)(ċ) ta’ n id-direttiva ( 56 ).

    75.

    Il-fatti identifikati mill-qorti tar-rinviju jirriżultaw f’diskriminazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 19(1) tad‑Direttiva 2006/54?

    76.

    Jekk il-persuna li timpjega ma twettaqx evalwazzjoni skont l‑Artikolu 4(1) meta l-ħaddiema kkonċernata taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 92/85, dan in-nuqqas jikkostitwixxi “fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta” fis-sens tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54. Il-fatturi msemmija mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha (xogħol bix-xift, id-doveri mistennija minn uffiċjal tas-sigurtà, nuqqas ta’ faċilitajiet sabiex tredda’ fuq il-post tax-xogħol) huma rilevanti għal kwalunkwe evalwazzjoni. Madankollu, ma hijiex il‑preżenza ta’ dawn l-elementi li għandha twassal għall-evalwazzjoni mill-persuna li timpjega ( 57 ). Il-ħtieġa li titwettaq evalwazzjoni tirriżulta mill-kundizzjoni tal-mara, f’dan il-każ il-ħaddiema li tredda’, u mill‑obbligi tal-persuna li timpjega skont l-Artikolu 4 tad‑Direttiva 92/85.

    77.

    Madankollu, meta l-ħaddiema kkonċernata tikkunsidra li ġiet leża u tista’ turi li l-evalwazzjoni mwettqa ma kinitx tinkludi evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi individwali tagħha, tali sitwazzjoni twassal ukoll għal preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta għall‑finijiet tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54. Jidhirli li dan huwa l-każ meta l-persuna li timpjega jew l-awtoritajiet kompetenti japplikaw politika jew regola ġenerali fis-sens li xogħol bix-xift jew xogħol ta’ bil-lejl ma jirrappreżentawx riskju intrinsiku għat-treddigħ, mingħajr ma jeżaminaw is-sitwazzjoni partikolari tal-ħaddiema kkonċernata u tal-wild tagħha. Tali approċċ effettivament jippreġudika l‑għanijiet kemm tad‑Direttiva 92/85 kif ukoll tad-Direttiva 2006/54. Tali proċess iqiegħed lill-ħaddiema f’pożizzjoni li fiha jkollha tikkontesta u, jekk ikun il-każ, tikkonfuta preżunzjoni li l-pożizzjoni tagħha ma tpoġġihiex f’riskju. Dan jikkuntrasta bil-qawwa mal-fatt li ż-żewġ direttivi jirrikonoxxu li l-ħaddiema li jaqgħu taħt l-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/85 huma grupp partikolarment vulnerabbli ( 58 ). B’hekk, proċess ta’ evalwazzjoni li jirrikjedi lill-ħaddiema kkonċernata tikkonfuta l‑preżunzjoni ġenerali li ma hijiex f’riskju għaliex il-profil tal-pożizzjoni tagħha ma huwiex ikkunsidrat li jinvolvi riskji għal ommijiet li jreddgħu jikkostitwixxi trattament inqas favorevoli ta’ mara għall-finijiet tal‑Artikolu 2(2)(ċ) tad‑Direttiva 2006/54 moqri flimkien mal‑Artikolu 19(1) u (4)(a) ta’ din id-direttiva.

    78.

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex effettivament l-effett tar-regoli nazzjonali inkwistjoni; jekk saritx evalwazzjoni skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85; u sa fejn saret tali evalwazzjoni fil-każ ta’ I. González Castro, jekk kinitx konformi mal-Linji Gwida.

    79.

    Meta ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad‑Direttiva 92/85 tikkunsidra li hija leża, minħabba li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat fil-konfront tagħha, u turi li l-persuna li timpjegaha ma wettqitx evalwazzjoni skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva sabiex tevalwa r-riskji għas-sigurtà u s-saħħa tagħha, jew li din l-evalwazzjoni ma saritx b’mod konformi mal-Linji Gwida msemmija fl‑Artikolu 3 tad-Direttiva 92/85, dawn iċ-ċirkustanzi joħolqu preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 19(1) tad‑Direttiva 2006/54. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-applikazzjoni prattika tas-sistema nazzjonali inkwistjoni toperax b’mod li huwa inkompatibbli mar-regola f’din id-dispożizzjoni li titfa’ l-oneru tal‑prova fuq il-konvenut.

    Domanda 4

    80.

    Permezz tad-Domanda 4, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-persuna li timpjega għandhiex l-oneru tal-prova jekk tikkontesta l-allegazzjoni tal‑ħaddiema li hija intitolata għal leave u għal ħlas ta’ allowance abbażi tal‑Artikoli 5(3) u 11 tad-Direttiva 92/85. Din il-qorti tgħid li din id‑domanda tqum biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għad‑Domanda 3.

    81.

    Abbażi tal-analiżi tiegħi sa issa, din id-domanda ssir rilevanti biss jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata (i) li l-awtoritajiet kompetenti wettqu evalwazzjoni skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85 li tiżvela riskju għas‑sigurtà jew is-saħħa ta’ I. González Castro, (ii) li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha ma setgħux jiġu aġġustati temporanjament (Artikolu 5(1)) u (iii) li hija ma setgħetx tiġi ttrasferita għal pożizzjoni oħra (Artikolu 5(2)). Filwaqt li d-deskrizzjoni tal-fatti fid-deċiżjoni tar-rinviju ma tirriflettix din il-premessa, xorta jibqa’ l-każ li l-allegazzjoni ta’ I. González Castro li hija intitolata għal leave u għal ħlas ta’ allowance hija l-bażi tal-proċedura nazzjonali. Risposta għad-Domanda 4 għalhekk tista’ tgħin lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi fil-proċedura nazzjonali.

    82.

    Hija l-persuna li timpjega li għandha l-perspettiva ġenerali tal‑kundizzjonijiet tax-xogħol u tar-rekwiżiti tal-ħaddiema tagħha u li hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa x’miżuri huma adegwati sabiex jiġu ttrattati r-riskji kollha identifikati. B’hekk, sa fejn l-evalwazzjoni ta’ miżuri ulterjuri skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85 hija parti mill-kawża prinċipali, l-oneru tal-prova previst fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 jibqa’ fuq il-persuna li timpjega ( 59 ). Il-pożizzjoni kuntrarja xxejjen il‑protezzjoni mogħtija bid-Direttiva 92/85 ( 60 ). Inżid li din tidher li hija primarjament is-sitwazzjoni meta tkun meħtieġa diskussjoni bejn il‑ħaddiema u l-persuna li timpjega rigward liema aġġustamenti huma meħtieġa.

    83.

    B’hekk, sa fejn l-evalwazzjoni ta’ miżuri ulterjuri skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85 hija parti mill-kawża prinċipali, l-oneru tal-prova skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 jibqa’ fuq il-konvenut.

    Konklużjoni

    84.

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti r-risposti segwenti għad-domandi magħmula mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja):

    Ħaddiema li taħdem bix-xift u li teżerċita wħud mill-funzjonijiet tagħha bil‑lejl tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis‑saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, bil-kundizzjoni li tissottometti ċertifikat mediku li jiddikjara li huwa meħtieġ li jittieħdu miżuri sabiex jiġi evitat riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa tagħha skont l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, wara li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jekk ir-rikorrenti pprovdietx, jew jekk tpoġġietx f’pożizzjoni fejn setgħet tipprovdi, tali ċertifikat.

    Ir-regoli fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol li jaqilbu l-oneru tal-prova fuq il-konvenut japplikaw f’ċirkustanzi fejn il-ħaddiema li qed tredda’ fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad‑Direttiva 92/85 turi li l-persuna li timpjegaha ma wettqitx evalwazzjoni tar-riskji skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id‑direttiva.

    Meta ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad‑Direttiva 92/85 tikkunsidra li hija leża minħabba li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat fil-konfront tagħha, u turi li l-persuna li timpjegaha ma wettqitx evalwazzjoni skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id‑direttiva sabiex tevalwa r-riskji għas-sigurtà u s-saħħa tagħha, jew li din l-evalwazzjoni ma saritx b’mod konformi mal-Linji Gwida msemmija fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, dawn iċ‑ċirkustanzi joħolqu preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-applikazzjoni prattika tas-sistema nazzjonali inkwistjoni toperax b’mod li huwa inkompatibbli mar-regola f’din id-dispożizzjoni li titfa’ l-oneru tal-prova fuq il-konvenut.

    Sa fejn l-evalwazzjoni ta’ miżuri ulterjuri skont l-Artikolu 5 tad‑Direttiva 92/85 hija parti mill-kawża prinċipali, l-oneru tal-prova skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 jibqa’ fuq il-konvenut.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110).

    ( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 (ĠU 2006, L 204, p. 23). Ara wkoll il-punti 12 sa 17 iktar ’il quddiem.

    ( 4 ) Direttiva tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 1989 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349).

    ( 5 ) Artikolu 3(d).

    ( 6 ) Artikolu 5(1).

    ( 7 ) Artikolu 15.

    ( 8 ) Artikolu 16(1).

    ( 9 ) It-tmien premessa.

    ( 10 ) Id-disa’ premessa.

    ( 11 ) L-għaxar premessa.

    ( 12 ) Il-ħdax-il premessa.

    ( 13 ) It-tlettax-il premessa.

    ( 14 ) Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Linji Gwida dwar l-evalwazzjoni tal‑aġenti kimiċi, fiżiċi u bijoloġiċi u l-proċessi industrijali kkunsidrati bħala perikolużi għas-sigurtà jew għas-saħħa tal-ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu (COM(2000) 466 finali/2 (“il-Linji Gwida”)).

    ( 15 ) Il-lista fl-Anness I tinkludi l-aġenti fiżiċi, bijoloġiċi u kimiċi, proċessi u kundizzjonijiet tax-xogħol. L-uniku punt taħt dawn tal-aħħar huwa “Xogħol fil-mini taħt l-art”.

    ( 16 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

    ( 17 ) Artikolu 2(3).

    ( 18 ) Premessa 23.

    ( 19 ) Premessa 24.

    ( 20 ) Premessa 30.

    ( 21 ) Ser nirreferi għall-perijodu li beda f’Marzu 2015 meta I González Castro kienet taħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà għal Prosegur España u kienet tredda’ lil binha bħala l-“perijodu materjali”.

    ( 22 ) Fil-punt 3 ta’ din il-formola, Prosegur España tiddikjara li hija kienet ipprovat taġġusta l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ I. González Castro sabiex tittrasferixxiha lejn pożizzjoni oħra, iżda li tali trasferiment ma kienx possibbli għaliex il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha ma kellhom l-ebda influwenza fuq it-treddigħ.

    ( 23 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 24 ) Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Kaba (C‑466/00, EU:C:2003:127, punt 40 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain (C‑162/06, EU:C:2007:681, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 25 ) “Ħaddiema” għall-finijiet tad-Direttiva 92/85 huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal‑Unjoni, ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa (C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 39).

    ( 26 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos (C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 59). Ara wkoll it-tmien premessa tad-Direttiva 92/85.

    ( 27 ) Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 58).

    ( 28 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:395, punt 8).

    ( 29 ) Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain (C‑162/06, EU:C:2007:681, punti 1920 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 30 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Maïstrellis (C‑222/14, EU:C:2015:473, punt 30).

    ( 31 ) Sentenza tat-18 ta’ Marzu 2014, D. (C‑167/12, EU:C:2014:169, punt 29 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    ( 32 ) Il-bażi legali tad-Direttiva 92/85 kienet l-Artikolu 118a tat-Trattat KEE; għad‑Direttiva 2003/88 kienet l-Artikolu 137 KE (id-dispożizzjoni korrispondenti għall‑Artikolu 118a tat-Trattat preċedenti). Id-dispożizzjoni ekwivalenti issa hija l‑Artikolu 153 TFUE.

    ( 33 ) Id-Direttiva 92/85 ippreċediet id-Direttiva 2003/88 bi ħdax-il sena. Din tal-aħħar ikkodifikat id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993 dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197). L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li d‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391 għandhom ikunu applikabbli b’mod sħiħ, fost l‑oħrajn, għax-xogħol ta’ bil-lejl, għax-xogħol bix-xift u għall-arranġamenti tax-xogħol. Ara wkoll il-premessa 3 tad-Direttiva 2003/88.

    ( 34 ) Sentenza tat-18 ta’ Marzu 2014, D. (C-167/12, EU:C:2014:169, punti 3334).

    ( 35 ) Sentenzi tat-13 ta’ Marzu 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑197/96, EU:C:1997:155, punt 4 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-4 ta’ Diċembru 1997, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑207/96, EU:C:1997:583, punt 4 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll id-disa’ premessa tad-Direttiva 92/85.

    ( 36 ) Ara l-punt 23 iktar ’il fuq.

    ( 37 ) Ara l-punti 24 u 25 iktar ’il fuq.

    ( 38 ) Il-proposta oriġinali COM(90) 406 finali kienet tindika li kellu jkun hemm perijodu mandatorju li fih il-ħaddiema kkonċernata ma għandhiex taħdem xogħol ta’ bil-lejl. Dan il-perijodu jista’ jiżdied b’perijodu addizzjonali meta jiġi ppreżentat ċertifikat mediku li jindika li dan kien meħtieġ għas-saħħa tal-ħaddiema. It-test ġie mibdul fil-proposta emendata COM(92) 259 finali tal-10 ta’ Ġunju 1992 għall-kliem li issa huwa rifless fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85.

    ( 39 ) Ara l-punti l-oħra 57 sa 64 iktar ’il quddiem.

    ( 40 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Kelly (C‑104/10, EU:C:2011:506, punt 29 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Din il-kawża kienet tirrigwarda d-Direttiva tal‑Kunsill 97/80/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar il-piż tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 264).

    ( 41 ) Ara l-punt 27 iktar ’il fuq.

    ( 42 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1), ara l-punt 6 iktar ’il fuq.

    ( 43 ) Ara l-punt 68 iktar ’il quddiem.

    ( 44 ) Ara l-punt 2 iktar ’il fuq.

    ( 45 ) Ara l-ħdax-il premessa tad-Direttiva 92/85.

    ( 46 ) Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Parviainen (C‑471/08, EU:C:2010:391, punti 3132 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 47 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos (C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 48 ) L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/85. Ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos (C‑531/15, EU:C:2017:789, punti 44 sa 51), u l-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (EU:C:2017:287, punti 41 sa 45).

    ( 49 ) Dawn jinkludu l-kwistjoni dwar jekk il-ħaddiema kkonċernata għadha tibda t-treddigħ: ara l-paġni 8 u 9 tal-Linji Gwida.

    ( 50 ) Ara t-tabella fil-paġna 13 tal-Linji Gwida.

    ( 51 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos (C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 53).

    ( 52 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos (C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 62).

    ( 53 ) Fi kważi l-ispeċi tal-annimali kollha li huma eteroġeni, il-wild ġeneralment jinġarr mill-mara sat-twelid. Madankollu, fil-ħut tal-familja Syngnathidae (li jinkludu żwiemel tal-baħar), huma l-irġiel li jwettqu din il-funzjoni. Peress li dan ma huwiex il-każ fil-bnedmin, huwa intrinsikament mhux plawsibbli li jkun hemm dispożizzjoni, kriterju jew prassi apparentament newtrali li tqiegħed persuni ta’ sess wieħed fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni ta’ sess ieħor fir-rigward tat-tqala, tal-fatt li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu. Tali dispożizzjonijiet, kriterji jew prassi ma jistgħux ikunu “apparentament newtrali” peress li jistgħu jaffettwaw biss lin-nisa, li jaqgħu f’dawn il-kategoriji speċifiċi ferm.

    ( 54 ) Ara l-punt 14 iktar ’il fuq u l-premessa 23 tad-Direttiva 2006/54.

    ( 55 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos (C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 60).

    ( 56 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos (C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 64).

    ( 57 ) Għalhekk, ma jistax ikun determinanti jekk uħud minn dawn il-fatturi jeżistux jew le.

    ( 58 ) Ara l-punt 3 iktar ’il fuq.

    ( 59 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos (C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 75). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (EU:C:2017:287, punti 9091), u l-premessa 30 tad-Direttiva 2006/54.

    ( 60 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos (C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 74).

    Top