EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0012

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati l-20 ta’ Marzu 2018.
Ministerul Justiţiei u Tribunalul Botoşani vs Maria Dicu.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Cluj.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Dritt għal-leave annwali mħallas – Direttiva 2010/18/UE – Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri [parentali] – Leave parentali mhux meqjus li huwa perijodu ta’ xogħol effettiv.
Kawża C-12/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:195

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fl-20 ta’ Marzu 2018 ( 1 )

Kawża C-12/17

Ministerul Justiţiei,

Curtea de Apel Suceava et

Tribunalul Botoşani

vs

Maria Dicu u

Consiliul Superior al Magistraturii

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal-leave annwali mħallas – Tul taż-żmien – Kunċett ta’ ‘perijodu tax-xogħol effettiv’ – Dritt għal-leave parentali – Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-tul taż-żmien tal-leave parentali għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas”

Introduzzjoni

1.

L-għan ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa li jiddetermina jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ( 2 ) ‑ li jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika” – jobbligax lill-Istati Membri li jassimilaw it-tul ta’ żmien iddedikat minn ħaddiem għal-leave parentali tiegħu għal perijodu tax-xogħol effettiv li jagħti dritt għal-leave annwali mħallas.

2.

Il-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali huma dawn li ġejjin.

3.

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, M. Dicu, hija maġistrat. Hija bbenefikat minn leave parentali mill-1 ta’ Ottubru 2014 sat-3 ta’ Frar 2015. Mill-4 ta’ Frar 2015 sas-16 ta’ Settembru 2015, hija bbenefikat minn leave imsejjaħ “leave għal wild dipendenti ta’ inqas minn sentejn”. Dan il-leave huwa rregolat bl-Artikolu 2(1)(a) tal-ordonanţa de urgenţă a Guvernului nr. 111/2010 privind concediul şi indemnizaţia lunară pentru creşterea copiilor (id-Digriet b’Urġenza tal-Gvern Nru 111/2010 dwar il-Leave Parentali u l-Allowance Mensili għal Wild Dipendenti), li jipprevedi, essenzjalment, li l-persuni li, matul is-sentejn preċedenti d-data tat-twelid tal-wild, ikunu rċevew, fuq perijodu ta’ mhux inqas minn tnax-il xahar, paga jew dħul simili, għandhom jibbenefikaw minn leave għal wild dipendenti ta’ inqas minn sentejn u minn allowance ta’ kull xahar.

4.

Meta daħlet lura għax-xogħol mil-leave għal wild dipendenti tagħha, il-konvenuta fil-kawża prinċipali talbet lill-qorti li magħha kienet ikkollokata, it-Tribunalul Botoşani (il-Qorti Għolja ta’ Botoşani, ir-Rumanija), sabiex tibbenefika, mis-17 ta’ Settembru 2015, minn leave annwali mħallas għas-sena 2015 ( 3 ), li ngħatalha. Hija rċeviet, fl-ewwel lok, 30 jum ta’ leave annwali mħallas sas- 7 ta’ Ottubru 2015, imbagħad talbet, fit-tieni lok, li tieħu l-ħamest ijiem li kien fadlilha matul ix-xahar ta’ Diċembru 2015, u dan ġie miċħud lilha, billi l-qorti li magħha kienet ikkollokata kkunsidrat li l-leave li minnu hija kienet ibbenefikat ma setax jiġi assimilat għal perijodu tax-xogħol effettiv li jagħti dritt għal leave annwali mħallas. Barra minn hekk, it-Tribunalul Botoşani (il-Qorti Għolja ta’ Botoşani) kienet indikatilha f’dik l-okkażjoni li kien ser jitqies definittivament li kien ingħatalha leave annwali mħallas ta’ sebat ijiem għas-sena 2016 b’mod antiċipat.

5.

M. Dicu kkontestat din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunalul Cluj (il-Qorti Għolja ta’ Cluj, ir-Rumanija) li laqgħet ir-rikors tagħha fis-17 ta’ Mejju 2016 billi kkunsidrat li l-leave tal-edukazzjoni li minnu hija kienet ibbenefikat kellu jiġi kkunsidrat bħal perijodu tax-xogħol effettiv, l-istess bħall-perijodi ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol jew il-leave tal-maternità, u li huwa kien ifittex għan distint minn dak tal-leave annwali.

6.

It-Tribunalul Botoşani (il-Qorti Għolja ta’ Botoşani) kif ukoll il-Ministerul Justiţiei (il-Ministeru tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) ressqu appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Huma jargumentaw li l-leġiżlatur nazzjonali kien, konxjament, eskluda l-leave tal-edukazzjoni ta’ wild ta’ inqas minn sentejn mill-Artikolu 145(4) sa (6) tal-Kodiċi tax-Xogħol Rumen minn fejn jirriżulta li huma biss il-perijodi ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol, ta’ leave tal-maternità, ta’ leave minħabba espożizzjoni għal riskji partikolari matul it-tqala jew waqt li tkun tradda u ta’ leave għal wild marid għandhom jiġu kkunsidrati bħala perijodi tax-xogħol effettiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tul taż-żmien tal-leave annwali. Huma jsostnu li l-leave tal-edukazzjoni ta’ wild ta’ inqas minn sentejn huwa differenti minn dawn il-perijodi minħabba l-fatt li huwa jiddependi esklużivament mill-volontà tal-ħaddiem ikkonċernat.

7.

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali sostniet quddiem il-qorti tar-rinviju li minn ġurisprudenza nazzjonali jirriżulta li l-kompiti li jwettqu n-nisa dwar l-edukazzjoni tal-ulied jirrappreżentaw xogħol li, meta ma jkunux assunti mill-ommijiet infushom, jkunu assunti minn għalliema mħallsa, li jimmilita favur assimilazzjoni tal-ħin ddedikat għal-leave tal-edukazzjoni ta’ wild ta’ età żgħira mal-ħin tax-xogħol effettiv. Barra minn hekk, il-leave tal-edukazzjoni ta’ wild ta’ inqas minn sentejn jikkostitwixxi riskju tal-kuntratt tax-xogħol individwali li jista’ jseħħ għal raġunijiet oġġettivi li jaqgħu taħt l-interess superjuri tal-wild filwaqt li l-leave annwali jipproteġi l-interess personali u suġġettiv tal-ħaddiem. Il-leave tal-edukazzjoni ta’ wild iżgħar minn sentejn ma jistax, għalhekk, ikun ikkunsidrat bħala leave volontarju.

8.

Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-Consiliul Superior al magistraturii (il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, ir-Rumanija), li huwa wkoll konvenut fil-kawża prinċipali, esprima ruħu fis-sens li, fil-fehma tiegħu, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 4 ), leave iggarantit mid-dritt tal-Unjoni ma jistax jaffettwa leave ieħor ukoll iggarantit mid-dritt tal-Unjoni bħal-leave parentali stabbilit bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta’ Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas Rivedut”) ( 5 ). Issa, id-dritt għal-leave annwali mħallas huwa ggarantit bl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88. L-importanza speċjali, fid-dritt tal-Unjoni, tad-dritt għal-leave annwali mħallas għandha timmilita favur it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ leave parentali għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dritt għal-leave annwali, iktar u iktar għaliex dawn iż-żewġ tipi ta’ leave jfittxu għanijiet differenti (il-mistrieħ tal-ħaddiem f’każ, l-edukazzjoni tal-wild fl-ieħor) u li l-benefiċjarji tal-protezzjoni mogħtija permezz tal-għoti ta’ dawn il-leave huma distinti (il-ħaddiem fil-każ tal-leave annwali, il-wild fil-każ tal-leave parentali).

9.

Min-naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jirreferi għal-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali sabiex jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-leave annwali mħallas. Għalkemm il-leġiżlatur Rumen emenda l-liġi wara s-sentenzi Schultz-Hoff et ( 6 ) u Dominguez ( 7 ) sabiex jikkunsidra b’mod iktar wiesa’ l-perijodi msejħa “tax-xogħol effettiv”, il-qorti tar-rinviju tiddubita madankollu mill-possibbiltà li jiġu inklużi f’dawn il-perijodi l-leave parentali, li dwaru hemm qbil bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li l-leave tal-edukazzjoni li minnu bbenefikat M. Dicu huwa simili għalih. Fil-fatt, għall-qorti tar-rinviju, il-leave annwali mħallas huwa wieħed mill-obbligi tal-persuna li timpjega bi skambju għax-xogħol ipprestat mill-ħaddiem; imma, meta jkun bil-leave parentali, il-ħaddiem ma jipprovdix il-prestazzjoni li minnha jitwieled id-dritt għal-leave annwali mħallas. Barra minn hekk, id-Direttiva 2010/18 tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jagħtu leave parentali għal tul ta’ żmien massimu ta’ tmien snin u jidher eċċessiv li l-persuna li timpjega tkun obbligata li tagħti leave annwali mħallas għal perijodu daqstant twil li matulu l-ħaddiem ikun iddedika ruħu għall-edukazzjoni tal-wild tiegħu. Il-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiem matul il-leave parentali tiegħu għandha tkun imposta fuq l-Istat, bħala miżuri ta’ promozzjoni tal-għaqda familjari, u mhux fuq il-persuna li timpjega. Ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Schultz-Hoff et ( 8 ) u Dominguez ( 9 ) ma huwiex trasponibbli għall-każ fejn il-ħaddiem ikun qiegħed bil-leave parentali. Il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll li, skont id-Direttiva 2010/18, id-definizzjoni tas-sistema kuntrattwali matul il-leave parentali hija mħollija għall-evalwazzjoni tal-Istati Membri. Issa, l-Artikolu 51(a) tal-Kodiċi tax-Xogħol Rumen ( 10 ) jipprevedi sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol matul il-leave parentali tal-edukazzjoni ta’ wild ta’ età żgħira. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra wkoll li l-għan imfittex mil-leave annwali mħallas huwa distint minn dak imfittex mil-leave parentali. Fl-aħħar nett, hija tiċħad il-kritika ta’ trattament diskriminatorju, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas, li jsofri ħaddiem f’sitwazzjoni ta’ leave parentali meta mqabbel mal-ħaddiem li ma jkunx ibbenefika minn dan il-leave billi ż-żewġ sitwazzjonijiet ma humiex komparabbli.

10.

F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u, b’deċiżjoni ta’ rinviju li waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Jannar 2017, għamlitilha d-domanda preliminari li ġejja:

“[L]-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, għad-determinazzjoni tat-tul tal-leave annwali, teskludi l-perijodu li matul tiegħu l-ħaddiem kien fuq leave parentali għall-edukazzjoni ta’ wild ta’ inqas minn sentejn, bħala perijodu ta’ xogħol effettiv?”

11.

F’din il-kawża saru osservazzjonijiet bil-miktub mill-Consiliul Superior al Magistraturii (il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura), mill-Gvern Rumen, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern tal-Estonja, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Taljan u l-Gvern Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

12.

Waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Jannar 2018, il-Gvern Rumen, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

Analiżi

13.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dritt tal-Unjoni jimponix fuq l-Istati Membri li jieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodu li matulu l-ħaddiem ikun qiegħed bil-leave parentali għall-finijiet tal-kalkolu tad-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas, għandhom jitfakkru, fl-ewwel lok, ir-rekwiżiti kemm tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-leave annwali qabel ma jiġu eżaminati, fit-tieni lok, l-eventwali preskrizzjonijiet tal-Ftehim Qafas Rivedut fuq il-leave parentali f’dan ir-rigward.

Il-portata tad-dritt għal-leave annwali mħallas

14.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jistabbilixxi d-dritt għal-leave annwali mħallas billi jiggarantixxi lil kull ħaddiem dan il-leave għal tul taż-żmien minimu ta’ erba’ ġimgħat. Huwa biss eċċezzjonalment li l-perijodu minimu ta’ leave annwali mħallas jista’ jiġi ssostitwit b’kumpens finanzjarju, jiġifieri biss f’każ li tintemm ir-relazzjoni tax-xogħol ( 11 ).

15.

Il-post partikolari li jokkupa dan id-dritt għal-leave annwali mħallas fid-dritt tal-Unjoni huwa kkonfermat kemm mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni ( 12 ) (iktar ’il quddiem il-“Karta”) li, permezz tal-Artikolu 31 tagħha, ngħata l-istatus ta’ dritt fundamentali ( 13 ), kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

16.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li “d-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ kull ħaddiem irid ikun ikkunsidrat bħala prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari, li ma jistax jiġi dderogat u li t-twettiq fis-seħħ tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jrid jiġi effettwat biss fil-limiti espressament imħabbra mill-istess Direttiva [2003/88]” ( 14 ).

17.

L-għan imfittex mid-dritt għal-leave annwali jispjega l-importanza speċjali li tagħtih il-Qorti tal-Ġustizzja, għaliex dan “jippermetti lill-ħaddiem li jistrieħ u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji” ( 15 ). Dan huwa każ ta’ għan essenzjali għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiem, kif tfakkar il-premessa 4 tad-Direttiva 2003/88 ( 16 ). Din ir-rabta bejn il-mistrieħ effettiv tal-ħaddiem u l-protezzjoni effettiva tas-sigurtà u tas-saħħa ġiet ukoll enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 17 ). Fi kliem ieħor, perijodu tax-xogħol effettiv għandu jiftaħ id-dritt għal perijodu ta’ mistrieħ daqstant ieħor effettiv.

18.

L-għan speċifiku mfittex mid-dritt għal-leave annwali mħallas jispjega, fil-fehma tiegħi, għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “fir-rigward ta’ ħaddiema bil-leave tal-mard li ngħatalhom kif suppost, id-dritt għal-leave annwali mħallas mogħti mid-Direttiva 2003/88 stess lill-ħaddiema kollha […] ma jistax jiġi suġġettat minn Stat Membru għall-obbligu li huma jkunu effettivament ħadmu matul il-perijodu ta’ referenza stabbilit mill-imsemmi Stat” ( 18 ). Madankollu, fiċ-ċirkustanzi ta’ dak il-każ, kien involut ħaddiem li, minħabba raġunijiet ta’ mard, ma setax jieħu l-leave annwali mħallas ikkonsolidat fi tmiem perijodu li matulu huwa kien effettivament ħadem. B’hekk, fil-punti 44 u 45 tas-sentenza Schultz-Hoff et ( 19 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-ewwel nett “li ħaddiem li […]huwa bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu u wara li jgħaddi l-perijodu għall-ġarr tal-leave stabbilit mil-liġi nazzjonali, huwa mċaħħad minn kull perijodu li jagħtih il-possibbiltà li jibbenefika mil-leave annwali bil-ħlas tiegħu” ( 20 ), qabel ma ppreċiżat li, “[l]i jiġi aċċettat li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ inkapaċità għax-xogħol deskritti fil-punt preċedenti, id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti […] jistgħu jipprevedu l-estinzjoni tad-dritt tal-ħaddiem għal-leave annwali bil-ħlas iggarantit mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, mingħajr ma l-ħaddiem kellu l-possibbiltà effettivament li jeżerċita d-dritt mogħti lilu minn din id-direttiva, ikun ifisser li l-imsemmija dispożizzjonijiet qed jippreġudikaw id-dritt soċjali direttament mogħti mill-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva lil kull ħaddiem” ( 21 ).

19.

Id-dritt għal-leave annwali mħallas ifittex għan awtonomu li jippermetti lill-ħaddiem, wara li jkun effettivament attiv, li jistrieħ. Għaldaqstant, huwa minħabba l-għan partikolari għal kull wieħed minn dawn it-tipi ta’ leave, li, fis-sentenza Merino Gómez ( 22 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li “leave iggarantit bid-dritt Komunitarju ma jistax jaffettwa d-dritt li jieħu leave ieħor iggarantit b’dan id-dritt” ( 23 ). Dan kien każ ta’ sitwazzjoni li fiha d-dati ta’ leave ta’ maternità u d-dati ta’ leave annwali mħallas kollettiv kienu jikkoinċidu. Il-leave tal-maternità kien intiż sabiex jipproteġi l-kundizzjoni tal-mara matul it-tqala tagħha u wara, kif ukoll sabiex jipproteġi r-rapporti partikolari bejn il-mara u l-wild tagħha matul il-perijodu wara t-tqala u t-twelid ( 24 ), f’każ ta’ tali koinċidenza bejn il-perijodi, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala ssodisfatti ( 25 ). Il-ħaddiema inkwistjoni ma setgħetx għalhekk tiġi kkunsidrata bħala li bbenefikat mil-leave annwali mħallas tagħha minħabba li hija kienet bil-leave tal-maternità, billi dan tal-aħħar ma kienx intiż sabiex jippermetti lill-imsemmija ħaddiema li tistrieħ mix-xogħol effettiv ipprestat.

20.

Għalkemm jirriżulta minn dawn iż-żewġ sentenzi mfakkra ( 26 ) li perijodu ta’ tip ta’ leave ma jistax jissostitwixxi tip ieħor ta’ leave – fi kliem ieħor, il-ħaddiem li qiegħed bil-leave tal-maternità jew bil-leave tal-mard ma jitqiesx, minħabba f’hekk biss, li jkun effettivament gawda mid-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas, billi dawn it-tliet tipi ta’ leave ifittxu għanijiet distinti –, għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ppronunzjatx ruħha, f’dawn iż-żewġ kawżi, fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-perijodu li ħaddiem(a) (t)ikun bil-leave tal-mard jew bil-leave tal-maternità għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-leave annwali mħallas innifsu.

21.

Huwa fis-sentenza tagħha Dominguez ( 27 ) li l-Qorti tal-Ġustizzja jidher li kisret ir-rabta li kien preżunt li hija sostanzjali bejn il-provvista ta’ xogħol effettiv, minn naħa, u d-dritt għal-leave annwali mħallas, min-naħa l-oħra. Il-ħaddiema kkonċernata kienet hemmhekk talbet il-benefiċċju tal-jiem ta’ leave annwali mħallas fir-rigward tal-perijodu – ta’ iktar minn sena – li matulu hija kienet wieqfa mix-xogħol, perijodu li hija kienet tikkunsidra li kellu jiġi assimilat għal perijodu tax-xogħol effettiv. Huwa għalhekk f’dan il-kuntest speċifiku li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li “billi d-Direttiva 2003/88 ma tagħmel ebda distinzjoni bejn il-ħaddiema li huma assenti mix-xogħol minħabba leave tal-mard, matul il-perijodu ta’ riferiment, u dawk li fil-fatt ħadmu matul l-imsemmi perijodu, jirriżulta li, fir-rigward ta’ ħaddiema bil-leave tal-mard debitament preskritt, id-dritt għal-leave annwali mħallas mogħti minn din id-direttiva lill-ħaddiema kollha ma jistax jiġi ssuġġettat minn Stat Membru għall-kundizzjoni li l-ħaddiem ikun fil-fatt ħadem matul il-perijodu ta’ riferiment stabbilit mill-imsemmi Stat” ( 28 ). Għaldaqstant, “kull ħaddiem, kemm jekk ikun ħa leave tal-mard matul l-imsemmi perijodu ta’ riferiment minħabba inċident li jkun seħħ fil-post tax-xogħol jew f’xi post ieħor, kif ukoll jekk dan il-leave ikun ħadu minħabba mard ta’ kwalunkwe natura jew oriġini li tkun, ma jistax ikollu d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat” ( 29 ).

22.

Madankollu, minħabba d-differenza fundamentali bejn is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem bil-leave tal-mard u dak ta’ ħaddiem bil-leave parentali, marbuta b’mod partikolari mal-fatt li, fit-tieni ipoteżi, dan ma huwiex iktar każ ta’ inkapaċità għax-xogħol li seħħet indipendentement mill-volontà ta’ dan il-ħaddiem, din is-sitwazzjoni ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġi estiża għall-każ ta’ ħaddiem bil-leave parentali.

Is-silenzju tal-Ftehim Qafas Rivedut

23.

L-istess bħad-dritt għal-leave annwali mħallas, id-dritt għal-leave parentali huwa inkluż fl-Artikolu 33(2) tal-Karta. Dan ġie distint mill-Qorti tal-Ġustizzja mil-leave tal-maternità għaliex huwa mogħti lill-ġenituri sabiex huma jkunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild tagħhom ( 30 ). Għaldaqstant, dan ma għadux iktar każ, fil-kuntest tal-leave parentali, tal-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara msemmija f’dawn il-konklużjonijiet, imma ta’ għajnuna lill-ġenituri li jaħdmu sabiex jirrikonċiljaw ir-responsabbiltajiet professjonali u dawk tal-familja tagħhom ( 31 ) billi jippermettilhom li jinterrompu l-attività professjonali tagħhom filwaqt li jagħtihom l-assigurazzjoni li jsibu mill-ġdid il-post tax-xogħol tagħhom jew post ekwivalenti meta jirritornaw ( 32 ).

24.

Għaldaqstant, il-leave parentali jidher f’kull punt bħala leave speċifiku, irregolat minn regola partikolari, jiġifieri d-Direttiva 2010/18. Għalhekk, għandha tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ eventwali interazzjonijiet bejn il-leave annwali mħallas u l-leave parentali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2010/18 u, b’mod iktar partikolari, il-Ftehim Qafas Rivedut, ma jsemmu xejn dwar eventwali dritt għal-leave annwali mħallas li għandu jiġi rrikonoxxut u jkun disponibbli matul il-perijodu li fih il-ħaddiem ikun bil-leave parentali. Għandu jitfakkar ukoll li l-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim Qafas Rivedut ifakkar li dan jikkostitwixxi impenn tal-imsieħba soċjali, irrappreżentati mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali b’sejħa ġenerali, li jimplimentaw, permezz ta’ preskrizzjonijiet minimi ( 33 ) fuq il-leave parentali, miżuri maħsuba sabiex jippermettu rikonċiljazzjoni tar-responsabbiltajiet professjonali u dawk tal-familja u sabiex jippromwovu l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa ( 34 ).

25.

Il-Ftehim Qafas Rivedut jistabbilixxi dritt individwali għal-leave parentali mogħti lil kull ħaddiem, raġel jew mara, minħabba t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild sabiex jippermettilhom jieħdu kura tiegħu sakemm jilħaq età stabbilita ( 35 ). It-tul taż-żmien minimu tal-leave parentali huwa ffissat mill-Ftehim Qafas Rivedut għal erba’ xhur ( 36 ). Il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal-leave parentali u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tiegħu għandhom jiġu stabbiliti maġġorment mid-dritt nazzjonali ( 37 ). Il-ħaddiem bil-leave parentali jibbenefika minn protezzjoni tad-drittijiet tiegħu fil-qasam tal-impjieg u nondiskriminazzjoni: id-dritt li jsib mill-ġdid il-post tiegħu tax-xogħol jew post ekwivalenti fi tmiem il-leave parentali ( 38 ), iż-żamma tad-drittijiet akkwiżiti tiegħu jew dawk li jkunu qegħdin jiġu akkwistati fil-bidu tal-leave parentali ( 39 ) jew ukoll il-protezzjoni kontra kull trattament inqas favorevoli jew tkeċċija minħabba t-talba jew it-teħid ta’ leave parentali ( 40 ). Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, l-imsieħba soċjali jibqgħu sidien tad-definizzjoni tas-sistema tal-kuntratt jew tar-relazzjoni tax-xogħol għall-perijodu tal-leave parentali ( 41 ) kif ukoll tal-kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali ( 42 ) u tal-“kwistjonijiet kollha fil-qasam tad-dħul marbuta [mal-Ftehim Qafas Rivedut]” ( 43 ).

26.

F’dan l-istadju tar-raġunament, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali li ma jiġix ikkalkolat, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ M. Dicu fuq il-bażi tas-sena 2015, il-perijodu li matulu hija kienet bil-leave parentali, hija bbażata fuq l-Artikolu 51(1)(a) tal-Kodiċi tax-Xogħol Rumen li jipprevedi s-sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol matul il-leave parentali tal-edukazzjoni. Minħabba din is-sospensjoni, dan ma jistax jiġi assimilat għal perijodu tax-xogħol effettiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tul taż-żmien tal-leave annwali mħallas, kif jirriżulta mill-Artikolu 145(4) sa (6) ta’ dan il-kodiċi ( 44 ). Imma din is-sospensjoni tidher konformi mal-preskrizzjonijiet tal-Ftehim Qafas Rivedut.

27.

Barra minn hekk, mill-fatt stess ta’ din is-sospensjoni, ma jidhirx li hemm iktar tensjoni bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88. Billi r-relazzjoni tax-xogħol għandha, skont id-dritt nazzjonali u b’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni, tiġi kkunsidrata li hija sospiża għal motivi mhux marbuta mal-mard tal-ħaddiema kkonċernata ( 45 ), is-sitwazzjoni ta’ M. Dicu fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali mħallas ma tidhirx li hija komparabbli ma’ dik ta’ ħaddiem li jkollu l-ħin tax-xogħol tiegħu ridott provviżorjament. Issa, fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “[għalkemm] huwa eskluż li d-dritt ta’ ħaddiem għal-leave annwali mħallas minimu, iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, jista’ jitnaqqas f’sitwazzjoni kkaratterizzata mill-fatt li ħaddiem ma setax jonora l-obbligu tax-xogħol tiegħu minħabba raġuni ta’ mard matul il-perijodu ta’ referenza” ( 46 ), il-ġurisprudenza li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu li, fi tmiem ir-relazzjoni tax-xogħol, l-ebda kumpens finanzjarju għal leave annwali mħallas li ma tteħidx ma għandu jitħallas lill-ħaddiem li kien fuq leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u/jew perijodu ta’ referenza, li żammu milli jeżerċita d-dritt għal-leave annwali mħallas ( 47 ), “ma tistax tiġi applikata mutatis mutandis għal sitwazzjoni ta’ ħaddiem li l-ħin tax-xogħol tiegħu tnaqqas” ( 48 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi ddikjarat b’mod ċar li “s-sitwazzjoni ta’ ħaddiem li ma huwiex tajjeb għax-xogħol minħabba mard, minn naħa, u dik ta’ ħaddiem li l-ħin tax-xogħol tiegħu tnaqqas, min-naħa l-oħra, huma fundamentalment differenti” ( 49 ).

28.

Il-kuntest li fih il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dawn l-evalwazzjonijiet huwa, min-naħa tiegħu, kompletament komparabbli ma’ dak ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari billi t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernati rriżulta minn pjan soċjali miftiehem “dwar is-sospensjoni, bħala riżultat ta’ [dik ir-riduzzjoni], tal-obbligi reċiproċi ta’ min iħaddem u tal-impjegat fil-qasam ta’ prestazzjonijiet” ( 50 ). F’tali każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet illi d-dritt għal-leave annwali mħallas jista’ jiġi determinat b’applikazzjoni tar-regola pro rata temporis ( 51 ). Fil-fatt, fir-rigward tal-libertà rrikonoxxuta lill-Istati Membri li jiddefinixxu s-sistema kuntrattwali bejn il-ħaddiem li qiegħed bil-leave parentali u l-persuna li timpjegah kif ukoll l-assenza ta’ inġerenza tad-dritt tal-Unjoni fil-kwistjoni delikata tar-remunerazzjoni tal-leave parentali, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan fil-kalkolu tad-dritt għal-leave annwali mħallas ma hija xejn iktar mill-konsegwenza tas-sospensjoni tal-obbligi reċiproċi li sa dakinhar kienu jorbtu lil M. Dicu mal-persuna li timpjegaha ( 52 ). Il-fatt li din is-sospensjoni twassal għal tnaqqis fil-pro rata temporis tad-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ dan tal-aħħar ma tidhirx, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ċensurabbli. Għaldaqstant, f’dawn il-kundizzjonijiet, l-affermazzjoni ripetuta tal-Qorti tal-Ġustizzja li leave ggarantit bid-dritt tal-Unjoni ma jistax jaffettwa leave ieħor iggarantit minn dan id-dritt ( 53 ) lanqas ma hija kontradetta preċiżament għaliex id-dritt tal-Unjoni ma jiggarantix dritt għal-leave annwali mħallas f’perijodu fejn l-obbligi reċiproċi tal-ħaddiem u tal-persuna li timpjegah huma sospiżi u fejn ma huwiex magħruf li hemm perijodu tax-xogħol effettiv. Għalhekk, l-interpretazzjoni li jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ssegwi tipproteġi kemm l-integrità tal-leave annwali mħallas kif ukoll dik tal-leave parentali.

29.

Finalment, għandhom ikunu biss l-Istati Membri li jiddeċiedu, jekk ikun il-każ, li jmorru lil hinn mill-minimu preskritt fil-Ftehim Qafas Rivedut billi jassimilaw, jekk din tkun l-għażla tagħhom, il-perijodu ta’ leave parentali għal perijodu tax-xogħol effettiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas.

30.

Fl-aħħar nett, nixtieq nikkumbatti kull tentazzjoni ta’ interpretazzjoni tal-Ftehim Qafas Rivedut fis-sens li, moqri fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu d-dritt għal-leave annwali mħallas, huwa jinkludi obbligu għall-Istati Membri li jieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex jiddeterminaw id-dritt għal-leave annwali mħallas tal-ħaddiema kkonċernati, biss it-tul taż-żmien minimu tal-leave parentali iggarantit bil-klawżola 2(2) tal-Ftehim Qafas Rivedut – jiġifieri erba’ xhur. Minbarra li jidhirli li l-bażi ġuridika ta’ din l-interpretazzjoni hija inċerta għall-aħħar, inkluż minħabba l-fatt li ma ssib l-ebda reżonanza fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ddedikata għall-Ftehim Qafas Rivedut, f’kuntest ieħor ( 54 ), jien diġà wissejt b’mod espliċitu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-riskji involuti jekk dan it-tul taż-żmien minimu ta’ erba’ xhur isir il-qofol tal-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-ħaddiema bil-leave parentali. Mutatis mutandis, din it-twissija tibqa’ rilevanti għal dak li jikkonċerna r-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

31.

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li teskludi mill-kalkolu għad-determinazzjoni tat-tul taż-żmien tal-leave annwali mħallas ta’ ħaddiema l-perijodu li matulu din kienet bil-leave parentali tal-edukazzjoni ta’ wild ta’ età żgħira, billi ma tassimilax dan il-perijodu għal perijodu tax-xogħol effettiv.

Konklużjoni

32.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti hawn fuq, nipproponi li, għad-domanda preliminari magħmula mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija), il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej:

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-kalkolu, għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tul taż-żmien tal-leave annwali mħallas ta’ ħaddiema, il-perijodu li matulu dik kienet bil-leave parentali tal-edukazzjoni ta’ wild ta’ età żgħira, billi ma tassimilax dan il-perijodu għal perijodu tax-xogħol effettiv.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.

( 3 ) Id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ maġistrat, bħal M. Dicu huwa ta’ 35 jum fis-sena, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura Nru 325/2005 li Tapprova r-Regolament Dwar il-Leave tal-Imħallfin u tal-Prosekuturi.

( 4 ) Il-qorti tar-rinviju ssemmi hawnhekk is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 26).

( 5 ) ĠU 2010, L 68, p. 13.

( 6 ) Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18).

( 7 ) Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, (C‑282/10, EU:C:2012:33).

( 8 ) Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18).

( 9 ) Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33).

( 10 ) Din id-dispożizzjoni taqra kif ġej: “Il-kuntratt individwali tax-xogħol jista’ jiġi sospiż fuq l-inizjattiva tal-impjegat fis-sitwazzjonijiet li ġejjin: a) leave parentali tal-edukazzjoni ta’ wild ta’ inqas minn sentejn […]”. L-Artikolu 49(2) tal-Kodiċi tax-Xogħol Rumen jiddefinixxi l-effetti tas-sospensjoni tal-kuntratt kif ġej: “[i]s-sospensjoni tal-kuntratt individwali tax-xogħol twassal għas-sospensjoni tal-prestazzjoni tax-xogħol mill-impjegat u għas-sospensjoni tal-ħlas tad-drittijiet ta’ natura remunerattiva mill-persuna li timpjega”.

( 11 ) Ara l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88.

( 12 ) ĠU 2007, C 303, p. 1.

( 13 ) Skont l-Artikolu 31(2) tal-Karta, “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas”.

( 14 ) Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 25).

( 16 ) Fi kliem din il-premessa “[i]t-titjib tas-sigurtà, l-iġene u s-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol huwa għan li m’għandux ikun subordinat sempliċement għal raġunijiet ekonomiċi”.

( 17 ) Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata u l-punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda (C‑277/08, EU:C:2009:542, punt 20).

( 18 ) Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 41). Korsiv miżjud minni.

( 19 ) Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18).

( 20 ) Korsiv miżjud minni.

( 21 ) Korsiv miżjud minni.

( 22 ) Sentenza tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez (C‑342/01, EU:C:2004:160).

( 23 ) Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez (C‑342/01, EU:C:2004:160, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenzi tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑519/03, EU:C:2005:234, punt 32) u tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski (C‑116/06, EU:C:2007:536, punt 46).

( 25 ) Sentenza tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez (C‑342/01, EU:C:2004:160, punt 33).

( 26 ) Jiġifieri s-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18) u tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez (C‑342/01, EU:C:2004:160).

( 27 ) Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33).

( 28 ) Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 20).

( 29 ) Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 30).

( 30 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑519/03, EU:C:2005:234, punt 32), tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski (C‑116/06, EU:C:2007:536, punt 35), tas-16 ta’ Lulju 2015, Maïstrellis (C‑222/14, EU:C:2015:473, punt 31) u tas-16 ta’ Ġunju 2016, Rodríguez Sánchez (C‑351/14, EU:C:2016:447). Ara wkoll il-klawżola 2(1) tal-Ftehim Qafas Rivedut.

( 31 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Maïstrellis (C‑222/14, EU:C:2015:473, punt 38). Id-distinzjoni bejn il-leave tal-maternità u l-leave parentali tirriżulta barra minn hekk espressament mill-punt 15 tal-premessi ġenerali tal-Ftehim Qafas Rivedut (ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Rodríguez Sánchez (C‑351/14, EU:C:2016:447, punt 43)).

( 32 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, TSN u YTN (C‑512/11 u C‑513/11, EU:C:2014:73, punt 39). Fuq l-applikabbiltà tal-Ftehim Qafas Rivedut għall-ħaddiema li għandhom l-istatus ta’ uffiċjali, ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, H. (C‑174/16, EU:C:2017:637, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Ara wkoll il-klawżola 1 tal-Ftehim Qafas Rivedut.

( 34 ) Ara wkoll is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2014, TSN u YTN (C‑512/11 u C‑513/11, EU:C:2014:73, punt 38) u tas-7 ta’ Settembru 2017, H. (C‑174/16, EU:C:2017:637, punt 29).

( 35 ) Ara l-klawżola 2(1) tal-Ftehim Qafas Rivedut.

( 36 ) Ara l-klawżola 2(2) tal-Ftehim Qafas Rivedut.

( 37 ) Ara l-klawżola 3(1) tal-Ftehim Qafas Rivedut.

( 38 ) Ara l-klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas Rivedut.

( 39 ) Ara l-klawżola 5(2) tal-Ftehim Qafas Rivedut. Jirriżulta mill-fajl li d-drittijiet akkwiżiti, f’termini ta’ leave annwali mħallas, minn M. Dicu fil-mument tat-tluq tagħha fuq leave parentali ma ġewx ikkontestati fi tmiem dan il-leave.

( 40 ) Ara l-klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas Rivedut.

( 41 ) Ara l-klawżola 5(3) tal-Ftehim Qafas Rivedut.

( 42 ) Ara l-ewwel paragrafu tal-klawżola 5(5) tal-Ftehim Qafas Rivedut.

( 43 ) Ara t-tieni paragrafu tal-klawżola 5(5) tal-Ftehim Qafas Rivedut.

( 44 ) Fuq l-effetti tas-sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol matul il-perijodu ta’ leave parentali kif iddefiniti mid-dritt Rumen, ara n-nota ta’ qiegħ-il paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Konformement ma’ dak li fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm il-Konvenzjoni Nru. 132 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tal-24 ta’ Ġunju 1970 dwar il-leave annwali mħallas tipprevedi espressament li l-assenzi dovuti għal marda għandhom jiġu kkalkolati fil-perijodu ta’ servizz (ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 38)), hija ma tgħid xejn dwar x’għandu jsir fil-każ ta’ leave parentali.

( 46 ) Sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin (C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 26).

( 47 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 62).

( 48 ) Sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin (C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 26).

( 49 ) Sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin (C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 27).

( 50 ) Sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin (C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punti 28). Korsiv miżjud minni. Ara wkoll l-punt 32 ta’ din is-sentenza.

( 51 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikat l-ewwel nett il-ħaddiema kkonċernati bħala “ħaddiema part-time” (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin (C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 32)) imbagħad applikat għalihom il-ġurisprudenza tagħha rilevanti fil-qasam (fuq il-ġurisprudenza inkwistjoni, ara s-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols (C‑486/08, EU:C:2010:215, punti 3334) u għall-applikazzjoni tagħha għall-ħaddiema kkonċernati, ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin (C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punti 33 sa 35)).

( 52 ) Sabiex inkun komplet għall-aħħar, infakkar li s-sospensjoni tal-kuntratt u, għalhekk, tal-prestazzjonijiet reċiproċi hija mingħajr preġudizzju għall-kontinwità tar-relazzjoni ta’ xogħol, jiġifieri li l-ħaddiem bil-leave parentali jżomm din il-kwalità (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski (C‑116/06, EU:C:2007:536, punt 32)).

( 53 ) Ara l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Ara l-punt 20 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża H. (C‑174/16, EU:C:2017:306).

Top