EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016TJ0026
Judgment of the General Court (Seventh Chamber) of 25 October 2017 (Extracts).#Hellenic Republic v European Commission.#EAGF and EAFRD — Expenditure excluded from financing — Irregularities in the determination of amounts owed — Delays in the procedure for recovery of amounts owed — Failure to offset between funds — Determination of the amount of interest — Proportionality — Flat-rate financial correction — Articles 31 to 33 of Regulation (EC) No 1290/2005 — Individual situations.#Case T-26/16.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-25 ta’ Ottubru 2017 (Estratti).
Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea.
FAEG u FAEŻR – Spejjeż esklużi mill-finanzjament – Irregolaritajiet fil-konstatazzjoni tal-ammont tad-djun – Dewmien fil-proċedura ta’ rkupru tad-djun – Assenza ta’ kumpens bejn fondi – Determinazzjoni tal-ammont tal-interessi – Proporzjonalità – Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa – Artikoli 31 sa 33 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 – Każijiet individwali.
Kawża T-26/16.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-25 ta’ Ottubru 2017 (Estratti).
Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea.
FAEG u FAEŻR – Spejjeż esklużi mill-finanzjament – Irregolaritajiet fil-konstatazzjoni tal-ammont tad-djun – Dewmien fil-proċedura ta’ rkupru tad-djun – Assenza ta’ kumpens bejn fondi – Determinazzjoni tal-ammont tal-interessi – Proporzjonalità – Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa – Artikoli 31 sa 33 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 – Każijiet individwali.
Kawża T-26/16.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2017:752
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)
25 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )
“FAEG u FAEŻR – Spejjeż esklużi mill-finanzjament – Irregolaritajiet fil-konstatazzjoni tal-ammont tad-djun – Dewmien fil-proċedura ta’ rkupru tad-djun – Assenza ta’ kumpens bejn fondi – Determinazzjoni tal-ammont tal-interessi – Proporzjonalità – Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa – L-Artikoli 31 sa 33 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 – Każijiet individwali”
Fil-Kawża T-26/16,
Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn G. Kanellopoulos, O. Tsirkinidou u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u A. Sauka, bħala aġenti,
konvenuta,
li għanda bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2098, tat 13 ta’ Novembru 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2015, L 303, p. 35), sa fejn din tikkonċerna lir-Repubblika Ellenika,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)
komposta minn V. Tomljenović, President, A. Marcoulli u A. Kornezov (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta ta’ 16 ta’ Frar 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Fil-kuntest tal-finanzjament tal-politika agrikola komuni, il-Kummissjoni Ewropea kellha twettaq ċertu numru ta’ verifikazzjonijiet tal-ispejjeż imwettqa mir-rikorrenti, ir-Repubblika Ellenika. Hija l-ewwel nett wettqet verifika fuq il-bażi ta’ dokumenti (IR/2009/017/GR) f’għadd ta’ każijiet individwali, wara l-ittra ta’ osservazzjonijiet tagħha tal-10 ta’ Frar 2009, sussegwentement, mit-8 sal-10 ta’ Settembru 2009, hija wettqet verifika fuq il-post (IR/2009/004/GR). |
2 |
Permezz ta’ ittra ta’ osservazzjonijiet tal-4 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Ellenika dwar in-nuqqasijiet u l-irregolaritajiet li hija kienet irrilevat waqt din il-verifika fuq il-post, li jirrigwardaw, l-ewwel nett, dewmien fil-proċedura ta’ rkupru, kemm minħabba d-dekorrenza ta’ iktar minn erba’ snin bejn id-data tar-rapport tal-verifika u dik tal-ewwel konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja, kif ukoll minħabba d-dekorrenza ta’ iktar minn sena bejn l-ewwel konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja u l-ħruġ ta’ ordni ta’ rkupru, it-tieni nett, l-assenza ta’ kumpens tad-djun bejn il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), it-tielet nett, id-determinazzjoni żbaljata tal-ammont tal-interessi dovuti kif ukoll, xi drabi, l-assenza ta’ indikazzjoni tal-interessi dovuti meta ma jkunx twettaq irkupru u, ir-raba’ nett, każijiet individwali fejn kien hemm dewmien fl-irkupru. Hija pproponiet, konsegwentement, l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea u li tnaqqas lir-Repubblika Ellenika s-somma ta’ EUR 11467310.85. |
3 |
Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Marzu 2010, ir-Repubblika Ellenika kkommunikat in-nuqqas ta’ qbil tagħha ma’ din l-analiżi. Saret laqgħa bilaterali fl-1 ta’ April 2011, li wasslet għal minuti datati t-12 ta’ Lulju 2011. Il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li l-awtoritajiet Griegi ma kinux f’pożizzjoni li jipprovdu informazzjoni fuq il-każijiet kollha fejn kien hemm dewmien fl-irkupru, minbarra l-każijiet individwali diġà identifikati minnha. Ir-Repubblika Ellenika indikat, min-naħa tagħha, diffikultajiet dwar il-proċedura ta’ kumpens bejn il-fondi u n-nuqqas ta’ sottovalutazzjoni min-naħa tagħha tal-ammont tal-interessi dovuti. Fir-rigward tal-każijiet individwali, ir-Repubblika Ellenika ddikjarat li hija tal-opinjoni li l‑anzjanità tagħhom jew il-kontestazzjoni ġudizzjarja tagħhom jipprekludu li l-ispejjeż relatati magħhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
4 |
Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Ellenika, bil-Grieg, dwar il-proposta tagħha li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni s-somma ta’ EUR 11467310.85 (iktar ’il quddiem in-“notifika”). Fis-7 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika Ellenika talbet l-intervent tal-korp ta’ konċiljazzjoni. |
5 |
Matul il-proċedura ta’ konċiljazzjoni, il-korp ta’ konċiljazzjoni rrileva, fl-opinjoni tiegħu tad-19 ta’ Ottubru 2013, qabel kollox, li l-partijiet setgħu jaslu għal qbil dwar, b’mod partikolari, il-bażi ta’ kalkolu tal-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa proposta ta’ 10 % u, sussegwentement, li, fir-rigward tal-livell tal-imsemmija korrezzjoni, dan bl-ebda mod ma seta’ jkun ta’ għajnuna għall-partijiet, peress li l-awtoritajiet Griegi ma pprovdewx it-tabella tal-każijiet li fihom it-termini ma ġewx osservati, u, fl-aħħar nett, li kellha tinġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 33(3)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1), li “[kien] jidher li jeskludi l-kumpens jekk sommom li ntefqu minn (FAEŻR) [kienu] s-suġġett ta’ rkupru.” Għall-bqija, il-korp ta’ konċiljazzjoni indika li ma seta’ jara l-ebda raġuni biex iqajjem dubju dwar il-konklużjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni. |
6 |
Il-Kummissjoni, li, fl-intervall, kienet irċiviet elementi ġodda, f’ittra tas-17 ta’ Lulju 2015 (iktar ’il quddiem l-“ittra tas-17 ta’ Lulju 2015”), minn naħa, għolliet il-kalkolu tal-bażi tal-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 10 % u, min-naħa l-oħra, aċċettat, f’każ wieħed, li ma twettaqx korrezzjoni u, fil-każ l-ieħor, li tnaqqas l-ammont bin-nofs. Minn dan irriżultat żieda fl-ammont finali tas-somma li tirrappreżenta l-ispejjeż esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni, li tammonta issa għal EUR 11534827.97. |
7 |
Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2098, tat-13 ta’ Novembru 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-FAEG u skont il-FAEŻR (ĠU 2015, L 303, p. 35, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni fl-aħħar eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni l-ispejjeż sostnuti mill-Organismos Pliromon kai Elegchou Koinotikon Enischyseon Prosanatolismou kai Eggyiseon (aġenzija Ellenika ta’ pagament u ta’ verifika tal-għajnuna Komunitarja ta’ gwida u garanzija, iktar ’il quddiem l-“Opekepe”), għal ammont totali ta’ EUR 12647843.53. |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
8 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Jannar 2016, ir-Repubblika Ellenika ressqet din il-kawża. [omissis] |
15 |
It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-16 ta’ Frar 2017. |
16 |
Ir-Repubblika Ellenika titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
17 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
Id-dritt |
[omissis]
Fuq il-motivi tar-rikors
19 |
Insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament, ir-Repubblika Ellenika tinvoka essenzjalment ħames motivi, ibbażati, rispettivament:
|
Fuq l-ewwel motiv
20 |
Ir-Repubblika Ellenika ssostni, insostenn tal-ewwel motiv tagħha, li l-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ġiet applikata f’dan il-każ mingħajr bażi legali. Fil-fatt, l-irregolaritajiet ikkonstatati ma kinux jikkonċernaw nuqqasijiet relatati mal-kontrolli tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ korrezzjoni b’rata fissa skont l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005, iżda l-ġestjoni sussegwenti ta’ pagamenti irregolari, li jistgħu jkunu s-suġġett biss ta’ korrezzjonijiet speċifiċi taħt l-Artikoli 32 u 33 tal-istess regolament. Issa, l-Artikolu 31(3) tal-imsemmi regolament biss japplika għall-każijiet speċifiċi ta’ irregolarità msemmija fl-Artikoli 32 u 33 imsemmija iktar ’il fuq, peress li dawn iż-żewġ artikoli jirreferu espliċitament għalih. Il-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa taqa’ biss taħt l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005, li ma japplikax għall-irregolaritajiet li huma s-suġġett tal-Artikoli 32 u 33 tal-imsemmi regolament. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 31(4) u (5) ta’ dan l-istess regolament tikkonferma din l-analiżi. Ir-Repubblika Ellenika tinvoka wkoll l-interpretazzjoni konġunta tal-Artikolu 3(1)(a) u tal-Artikolu 8(1)(c)(iii) tar-Regolament Nru 1290/2005 u tal-premessi 25 u 26 ta’ dan tal-aħħar. |
21 |
Barra minn hekk, id-dokument tal-Kummissjoni VI/5330/97, tat-23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Linji gwida dwar il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji matul il-preparazzjoni tad-deciżjoni tal-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG - it-Taqsima tal-Garanziji” (iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), jirrigwarda esklużivament il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005, kif indikat fil-ġurisprudenza, b’mod partikolari, fis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (T-588/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:688, punt 98). Il-Kummissjoni, għalhekk, illimitat lilha nnifisha fis-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma huwiex possibbli li tiġi applikata f’dan il-każ il-korrezzjoni b’rata fissa implementata fid-deċiżjoni kkontestata, minkejja t-twettiq tal-irregolaritajiet inkwistjoni. |
22 |
Billi tenfasizza n-natura eċċezzjonali tal-użu ta’ korrezzjonijiet finanzjarji b’rata fissa, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, f’dan il-każ, l-ammont reali tas-somom mhux irkuprati jista’ jiġi kompletament iddeterminat, b’mod partikolari minħabba t-tabelli previsti fl-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006, trażmessi lill-Kummissjoni mill-Istati Membri, u dan irendi l-metodu b’rata fissa mingħajr sens. |
23 |
Fir-replika, ir-Repubblika Ellenika żżid li, jekk l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti mill-Kummissjoni kienu eżatti, l-impożizzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji b’rata fissa kienet tkun ukoll possibbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jew tan-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, li jikkostitwixxu l-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 31(5)(b) tar-Regolament Nru 1290/2005. |
24 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Ellenika. |
25 |
L-eżami tal-ewwel motiv jirrikjedi li jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk il-Kummissjoni għandhiex bażi legali sabiex tirrikorri għal korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa fil-każ tal-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet taħt l-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 1290/2005 u, fit-tieni lok, jekk iva, jekk l-applikazzjoni ta’ tali korrezzjoni kinitx iġġustifikata, f’dan il-każ, fid-dawl tan-nuqqasijiet ikkonstatati. |
26 |
Għandu jiġi, qabelxejn, speċifikat li, f’dan il-każ, l-azzjoni tal-Kummissjoni, mill-verifiki tad-dokumenti u fuq il-post imwettqa minnha fl-2009 sal-analiżi mwettqa minnha tal-opinjoni tal-korp ta’ konċiljazzjoni, mogħtija fid-19 ta’ Ottubru 2013, kienet irregolata mir-Regolament Nru 1290/2005, applikabbli f’dak iż-żmien. Fil-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment ukoll għall-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549), applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2015 skont l-Artikolu 121(2)(c) tal-istess regolament. Issa, l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 jirriproduċi essenzjalment l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 u jiżviluppah. Għaldaqstant, u sa fejn il-partijiet jibbażaw l-argumenti tagħhom fuq dan l-aħħar regolament, huwa suffiċjenti, għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, li jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1290/2005. |
27 |
Il-possibbiltà li tintuża korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa tirriżulta mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu 31(1) u (2) tar-Regolament Nru 1290/2005. Dawn tal-aħħar jirrikonoxxu lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tiddeċiedi “liema ammonti għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament [tal-Unjoni] [j]ekk il-Kummissjoni ssib li l-infiq kif indikat fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 twettaq b’mod li kiser ir-regoli [tal-Unjoni]” u jawtorizzawha sabiex tevalwa “l-ammonti li jridu jiġu esklużi abbażi tal-gravità tan-nuqqas ta’ konformità reġistrat”, b’teħid inkunsiderazzjoni “tan-natura u l-gravità tal-vjolazzjoni u tad-dannu finanzjarju kkawżat [lill-Unjoni]” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, Il-Ġreċja vs Il-Kummissjoni, T-294/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:261, punti 150 sa 154 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Għandu jitfakkar ukoll li l-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni b’rata fissa u l-kriterji inklużi fil-Linji gwida ġew irrikonoxxuti bħala konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-332/01, EU:C:2004:496, punt 70; tas-7 ta’ Ottubru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-153/01, EU:C:2004:589, punt 73, u tas-17 ta’ Mejju 2013, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T-294/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:261, punt 155), peress li korrezzjoni deċiża mill-Kummissjoni skont il-Linji gwida hija intiża sabiex tevita l-imputazzjoni lill-FAEG u lill-FAEŻR tal-piż tal-ammonti li ma jkunux servew għall-finanzjament ta’ għan imfittex mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni u ma tikkostitwixxix sanzjoni (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T-214/07, mhux ippubblikata, EU:T:2011:130, punt 136, u tas-17 ta’ Mejju 2013, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T-294/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:261, punt 175). Skont il-ġurisprudenza, ir-rati fissi inklużi fil-Linji gwida jippermettu kemm l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u l-ġestjoni tajba tar-riżorsi tal-Unjoni kif ukoll li jiġi evitat li l-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha billi timponi fuq l-Istati Membri korrezzjonijiet eċċessivi u sproporzjonati (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑181/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:331, punt 234, u tas-17 ta’ Mejju 2013, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T-294/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:261, punt 175). |
29 |
Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk teżistix bażi legali li tippermetti t-twettiq ta’ korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa għall-irregolaritajiet imsemmija fl-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 1290/2005, għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tal-imsemmi regolament, u b’mod partikolari tal-Artikoli 31 sa 33 tiegħu, ma teskludi l-possibbiltà li l-Artikolu 31(2) ta’ dan l-istess regolament jiġi applikat għall-irregolaritajiet imsemmija fl-Artikoli 32 u 33 tiegħu. |
30 |
Ċertament, l-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 1290/2005 jirreferu għall-Artikolu 31 tal-istess regolament biss sabiex jindikaw l-obbligu tal-Kummissjoni, meta din, b’applikazzjoni tal-imsemmija Artikoli 32 u 33, tiddeċiedi “li timponi s-somom li jridu jiġu rkuprati lill-Istat Membru” (Artikolu 32(4) u Artikolu 33(5) tar-Regolament Nru 1290/2005) jew “li teskludi mis-somom tal-finanzjament is-somom li għandhom jitħallsu mill-baġit [tal-Unjoni]” (Artikolu 32(8) tar-Regolament Nru 1290/2005), li ssegwi “l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 31(3)” tal-imsemmi regolament. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li din id-dispożizzjoni, ta’ natura purament proċedurali, tipprevedi li, “ [q]abel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni sabiex jiġi rrifjutat finanzjament, ir-riżultati tal-ispezzjoni mill-Kummissjoni u t-tweġibiet mill-Istati Membri għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan, iż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaslu għal qbil dwar l-azzjoni li trid tittieħed”, u li “ [jekk ma jintlaħaqx qbil], l-Istat Membru jista’ jitlob proċedura mmirata lejn ir-rikonċiljazzjoni tal-pożizzjoni ta’ kull parti fi żmien erba’ xhur. Rapport tar-riżultat tal-proċedura għandu jingħata lill-Kummissjoni, li għandha teżaminah qabel ma tiddeċiedi dwar kwalunkwe rifjut għall-finanzjament.” Din hija l-proċedura li ġiet applikata f’dan il-każ. |
31 |
Madankollu, il-fatt li l-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 1290/2005 jirreferu biss espliċitament għall-Artikolu 31(3) tal-istess regolament ma jfissirx li t-twettiq għal korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa għandu jiġi eskluż fil-każ tal-irregolaritajiet previsti fl-imsemmija Artikoli 32 u 33 |
32 |
Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 31(5)(a) tar-Regolament Nru 1290/2005 jirriżulta li l-Artikolu 31(4) tal-istess regolament “ma japplikax fil-każ ta’ irregolaritajiet koperti mill-Artikoli 32 u 33”, li jimplika, għall-kuntrarju, li l-paragrafi l-oħra tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, inkluż il-paragrafu 2 tiegħu, huma applikabbli għall-irregolaritajiet imsemmija fl-Artikoli 32 u 33 ta’ dan l-istess regolament. |
33 |
Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tikkonforma mal-għan, imsemmi fil-premessi 25 u 26 tar-Regolament Nru 1290/2005, intiż għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li huwa l-bażi għar-regoli ta’ verifika tal-eżekuzzjoni baġitarja tajba tal-fondi agrikoli previsti fit-Titolu IV tal-imsemmi regolament, li fih huma inklużi l-Artikoli 31 sa 33 tiegħu. Fil-fatt, l-esklużjoni tal-possibbiltà ta’ twettiq ta’ korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa, minn naħa, iċċaħħad lill-Kummissjoni minn kull mezz ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni meta din ma tkunx tista’ tikkwantifika bi preċiżjoni s-somom li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni skont l-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 1290/2005, u dan minħabba l-fatt li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ipprovdielha l-informazzjoni neċessarja f’dan ir-rigward, u, min-naħa l-oħra, tippermetti lill-Istat Membru li jwettaq in-nuqqas li jevita l-obbligi tiegħu, b’tali mod li jikseb vantaġġ min-nuqqasijiet tiegħu stess. |
34 |
Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, l-użu ta’ korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ma huwiex prekluż bħala tali meta jiġu implementati l-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 1290/2005. |
35 |
Ebda argument imressaq mir-Repubblika Ellenika ma jista’ jikkonfuta din il-konklużjoni. |
36 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Ellenika msemmi fil-punt 23 iktar ’il fuq, ibbażat fuq il-fatt li, jekk l-adozzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa kienet possibbli għall-konsegwenzi finanzjarji tal-irregolaritajiet imsemmija fl-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 1290/2005, allura din tkun ukoll possibbli fil-każ imsemmi fl-Artikoli 31(5)(b) tal-istess regolament, dwar l-għajnuna mill-Istat u nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-esklużjoni li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprovdi hija intiża sabiex tispeċifika li t-terminu ta’ 24 xahar previst fl-Artikolu 31(4) tal-imsemmi regolament evidentement ma japplikax għall-proċeduri li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat u n-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, li huma s-suġġett tar-Regolament Nru 1290/2005. |
37 |
It-tieni nett, l-Artikolu 3(1)(a) tal-Artikolu 8(1)(c)(iii) tar-Regolament Nru 1290/2005 u l-premessi 25 u 26 ta’ dan tal-aħħar, li r-Repubblika Ellenika tinvoka, mingħajr ma tressaq madankollu argumenti speċifiċi bbażati fuq dawn id-dispożizzjonijiet, ma jidhrux li għandhom x’jaqsmu b’mod tanġibbli mal-kwistjoni tal-bażi legali tal-korrezzjoni finanzjarja adottata f’dan il-każ u, għaldaqstant, ma jaffettwawx lil din il-kwistjoni. |
38 |
It-tielet nett, lanqas ma jistgħu jintlaqgħu l-argumenti li r-Repubblika Ellenika tiddeduċi mil-Linji gwida. |
39 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi speċifikat li xejn fil-Linji gwida ma jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005 għall-konsegwenzi finanzjarji tal-irregolaritajiet imsemmija fl-Artikoli 32 u 33 tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-imsemmija Linji gwida “jispeċifikaw biss il-metodu u l-parametri li tuża l-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament, fuq il-bażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005” (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Il-Greċja vs Il-KummissjoniT-588/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:688, punt 98). |
40 |
Sussegwentement, mill-Anness 2 tal-Linji gwida jirriżulta li, meta huwa impossibbli li jiġi ddeterminat l-ammont reali tal-pagamenti irregolari u, minħabba dan, l-ammont tat-telf finanzjarju sostnut mill-Unjoni, għandhom jiġu applikati korrezzjonijiet b’rata fissa skont l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ telf iffaċċjat mill-baġit tal-Unjoni minħabba n-nuqqasijiet fis-sistema tal-verifiki. Issa, tali impossibbiltà li jiġi ddeterminat l-ammont preċiż tal-pagamenti irregolari tista’ sseħħ kemm fil-livell tal-kontrolli tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż kif ukoll fil-livell tal-kontrolli li jirrigwardaw l-irkupru tas-somom indebitament imħallsa, u dan, kif indikat fil-Linji gwida stess, minħabba “n-natura stess tal-kontroll ex post.” |
41 |
Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Linji gwida ma japplikawx għall-irregolaritajiet imsemmija fl-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 1290/2005, dan il-fatt biss ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jċaħħad minn bażi legali l-użu ta’ tali korrezzjoni b’rata fissa, peress li l-interpretazzjoni ta’ dawn l-irregolaritajiet ma tistax tmur kontra dik tad-dritt sekondarju. Issa, huwa fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1290/2005 stess u, b’mod partikolari, tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li dan jirrikonoxxi lill-Kummissjoni, li din setgħet tadotta l-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni b’rata fissa inkluż fil-Linji gwida (ara l-punti 27 u 28 iktar ’il fuq). |
42 |
Għandu għalhekk jiġi konkluż li kienet teżisti bażi legali, jiġifieri l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005, li tippermetti lill-Kummissjoni tapplika korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa għall-konsegwenzi finanzjarji tal-irregolaritajiet ikkonstatati taħt l-Artikoli 32 u 33 tal-imsemmi regolament meta hija ma setgħetx tiddetermina l-ammont preċiż tas-somom mhux irkuprati. L-istess raġunament jista’, barra minn hekk, jiġi applikat għall-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, iktar u iktar għaliex l-Artikolu 52(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi espliċitament il-possibbiltà li jitwettqu korrezzjonijiet finanzjarji b’rata fissa “meta minħabba n-natura tal-każ jew minħabba li l-Istat Membru ma jkunx ipprovda l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni, ma jkunx possibbli bi sforz proporzjonat li tiġi identifikata b’mod aktar preċiż il-ħsara finanzjarja magħmula lill-Unjoni”. |
43 |
Għandu issa jiġi vverifikat jekk l-applikazzjoni ta’ din il-korrezzjoni kinitx iġġustifikata f’dan il-każ fid-dawl tan-nuqqasijiet ikkonstatati (ara l-punt 25 iktar ’il fuq). |
44 |
Għandu, qabelxejn, jitfakkar l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li l-Kummissjoni tiġi informata, kemm dwar l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-FAEG kif ukoll dwar dawk sostnuti fil-kuntest tal-FAEŻR. Kemm l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1290/2005 kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33(4) tal-istess regolament jipprovdu għalhekk li, “meta jintbagħtu l-kontijiet annwali, kif previst fl-Artikolu 8(1)(c)(iii), l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’rapport fil-qosor dwar il-proċeduri ta’ rkupru li twettqu bi tweġiba għall-irregolaritajiet. Dan għandu jagħti analiżi tal-ammonti li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati, skont il-proċedura amministrattiva u/jew ġudizzjarja u skont is-sena tas-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja tal-irregolarità.” Barra minn hekk, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1290/2005 jirriżulta li “[l]-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni informazzjoni dettaljata tal-proċeduri ta’ rkupru individwali u tas-somom individwali mhux irkuprati.” |
45 |
Issa, kif irrileva l-korp ta’ konċiljazzjoni fil-punt 6.2 tal-opinjoni tiegħu tad-19 ta’ Ottubru 2013, “l-awtoritajiet Elleniċi ma pproduċewx tabella tal-każijiet li fihom it-termini ma kinux ġew osservati.” Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ellenika fil-punt 32 tar-rikors, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi bi preċiżjoni l-ammonti mhux irkuprati, peress li dan l-Istat Membru ma kienx debitament ikkompleta t-tabelli tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006, minkejja t-talbiet ripetuti f’dan is-sens mill-Kummissjoni. Dan in-nuqqas, kif jirriżulta mill-punt 19.6.3 tar-rapport fil-qosor, jaqa’ taħt il-kontrolli fundamentali li “ma [kinux] ġew applikati jew li ġew applikati b’mod tant dgħajjef jew tant mhux frekwenti li kienu kompletament mhux xierqa sabiex jippenalizzaw l-irregolaritajiet skont ir-rekwiżiti [li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni].” Dawn il-kontrolli fundamentali kienu jikkonsistu fi proċeduri xierqa u f’kontrolli sabiex jiġi żgurat, fl-ewwel lok, li l-ammonti indebitament imħallsa jiġu, tempestivament, identifikati, irkuprati u rrimborsati lill-fondi, fit-tieni lok, li d-dokumenti tal-kontabbiltà u d-data dwar il-ġestjoni tad-data tkun eżatta u, fit-tielet lok, li l-ktieb tad-debituri u l-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006 jkunu kompleti. |
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-Linji gwida, l-assenza ta’ kontrolli fundamentali jew l-applikazzjoni dgħajfa jew mhux frekwenti tagħhom tista’ tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa. |
47 |
Għaldaqstant, peress li, matul il-verifiki mwettqa fl-2009, hija kienet ikkonstatat, waqt l-eżami ta’ diversi fajls individwali, assenza jew dewmien rikorrenti fl-irkupru ta’ djun tal-fondi kkonċernati, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tibża fl-eżistenza ta’ nuqqasijiet simili fil-fajls kollha u, għaldaqstant, fid-dawl tal-Linji gwida, peress li ma kienx possibbli li titwettaq evalwazzjoni preċiża tat-telf sostnut mill-Unjoni, li tikkunsidra korrezzjoni b’rata fissa (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, fir-rigward tal-anomaliji fil-verifiki mwettqa minn Stat Membru, is-sentenza tal-24 ta’ April 2008, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-418/06 P, EU:C:2008:247, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. [omissis] |
Fuq it-tielet u r-raba’ motiv
65 |
Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta, essenzjalment, il-fondatezza tal-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa tal-allegat nuqqas ta’ kumpens tad-djun bejn fondi agrikoli u tikkunsidra, fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, bħala illegali l-bażi tal-imsemmija korrezzjoni bbażata fuq l-obbligu ta’ kontabbiltà tal-interessi fit-tabelli previsti fl-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006. |
66 |
Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li min-notifika jirriżulta espliċitament li l-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 10 % proposta fil-punt 1.1 tal-anness tagħha minħabba dewmien fil-proċedura ta’ rkupru “tkopri, ukoll, ir-riskju għall-fondi deskritti fil-punt 1.2 (Kumpens) u fil-punt 1.3 (Indikazzjoni tal-interessi fit-[tabelli tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006])”. Huwa speċifikat ukoll, fil-punt 1.2 fit-tmiem tal-anness tan-notifika, li “ebda korrezzjoni addizzjonali ma [ġiet] konsegwentement proposta” minħabba l-assenza ta’ proċedura speċifika ta’ kumpens bejn il-fondi. L-istess raġunament sar fir-rigward tan-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-interessi fit-tabelli tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006, peress li l-Kummissjoni tindika, fil-punt 1.3 fit-tmiem tal-anness tan-notifika, li l-korrezzjoni inkwistjoni “kienet koperta mill-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % proposta fil-punt 1.1 (minħabba dewmien fil-proċedura ta’ rkupru)”. |
67 |
L-ittra tas-17 ta’ Lulju 2015 għandha wkoll anness li jiġbor fil-qosor il-pożizzjoni tal-Kummissjoni wara l-intervent tal-korp ta’ konċiljazzjoni. Din tenfasizza, fit-tieni inċiż tal-punt 2, li l-“korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 10 % proposta fil-punt A (dewmien fil-proċedura ta’ rkupru) tkopri wkoll il-punti B u C (kumpens bejn fondi u differiment tal-interessi fit-tabella tal-Anness III [tar-Regolament Nru 885/2006])”. L-istess kliem jintużaw fir-rapport fil-qosor, fit-tieni inċiż fit-tmiem tal-punt 19.6.5. |
68 |
Dan l-approċċ huwa barra minn hekk konformi mal-Linji gwida, li skonthom, meta l-istess sistema tiġġenera diversi nuqqasijiet, ir-rati fissi ma jkunux kumulattivi, fejn l-iktar nuqqas serju jitqies li huwa indikattiv tar-riskji ppreżentati mis-sistema ta’ verifika fl-intier tagħha. |
69 |
Għalhekk jirriżulta b’mod ċar mill-konstatazzjonijiet preċedenti li ż-żewġ nuqqasijiet li huma s-suġġett tat-tielet u r-raba’ motivi ma wasslu għal ebda żieda tal-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 10 % imposta minħabba dewmien fl-irkupru tad-djun. Minn dan isegwi li l-eżami tat-tielet u tar-raba’ motiv ma jistax jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. |
70 |
Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sa fejn ċerti motivi ta’ deċiżjoni huma, waħedhom, tali li jiġġustifikaw id-deċiżjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-vizzji relatati ma’ motivi oħra tal-att, fi kwalunkwe każ, ma jaffettwawx id-dispożittiv tagħha. Barra minn hekk, peress li d-dispożittiv ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni tibbaża fuq diversi elementi ta’ raġunament li kull wieħed minnhom huwa fih innifsu suffiċjenti biex jifforma bażi għal dan id-dispożittiv, dan l-att jista’, fil-prinċipju, jiġi annullat biss jekk kull wieħed minn dawn l-elementi huwa vvizzjat b’illegalità. F’dan il-każ, żball jew illegalità oħra li taffettwa biss wieħed minn dawn l-elementi tar-raġunament ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża peress li dan l-iżball ma setax ikollu influwenza determinanti fuq id-dispożittiv adottat mill-istituzzjoni awtriċi ta’ din id-deċiżjoni (digriet tas-26 ta’ Frar 2013, Castiglioni vs Il-Kummissjoni, T-591/10, mhux ippubblikat, EU:T:2013:94, punt 44; sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2015, Franza vs Il-Kummissjoni, T-1/12, EU:T:2015:17, punt 73, u tat-28 ta’ Settembru 2016, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, T-437/14, EU:T:2016:577, punt 73). |
71 |
Konsegwentement, it-tielet u r-raba’ motiv għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. |
Fuq il-ħames motiv
72 |
Fil-kuntest tal-ħames motiv tagħha, ir-Repubblika Ellenika titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda disa’ każijiet individwali li, kull wieħed minnhom, hija tqis bħala vvizzjat minn diversi lmenti li ser jiġu eżaminati każ b’każ. [omissis] |
114 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu u, konsegwentement, ir-rikors huwa miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
115 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
116 |
Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Tomljenović Marcoulli Kornezov Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Ottubru 2017. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.
( 1 ) Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ dan id-digriet li l-Qorti Ġenerali tqis li l-ppublikazzjoni tagħhom hija utli.