EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0670

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Lulju 2017.
Tsegezab Mengesteab vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Minden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Artikolu 20 – Bidu tal-proċess ta’ determinazzjoni – Sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Rapport ippreparat mill-awtoritajiet, li jkun wasal quddiem l-awtoritajiet kompetenti – Artikolu 21(1) – Termini previsti għall-formulazzjoni ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu – Trasferiment tar-responsabbiltà lejn Stat Membru ieħor – Artikolu 27 – Rimedju ġudizzjarju – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju.
Kawża C-670/16.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:587

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Artikolu 20 – Bidu tal-proċess ta’ determinazzjoni – Sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Rapport ippreparat mill-awtoritajiet, li jkun wasal quddiem l-awtoritajiet kompetenti – Artikolu 21(1) – Termini previsti għall-formulazzjoni ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu – Trasferiment tar-responsabbiltà lejn Stat Membru ieħor – Artikolu 27 – Rimedju ġudizzjarju – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju”

Fil-Kawża C‑670/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Minden (qorti amministrattiva ta’ Minden, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura

Tsegezab Mengesteab

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič u L. Bay Larsen (Relatur), Presidenti ta’ Awla, E. Levits, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, C. G. Fernlund, C.Vajda, S. Rodin, F. Biltgen u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ April 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal T. Mengesteab, minn D. Ottembrino, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Crane, bħala aġent, assistita minn D. Blundell, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1), tal-Artikolu 20(2), tal-Artikolu 21(1) u tal-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013 L 180, p. 31, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Tsegezab Mengesteab, ċittadin Eritrew, u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), irrappreżentata mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (uffiċċju federali tal-migrazzjoni u tar-refuġjati, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“uffiċċju”), rigward id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li tiċħad l-applikazzjoni għall-ażil li T. Mengesteab kien ippreżenta, li tikkonstata l-assenza ta’ motivi li jipprojbixxu t-tneħħija tiegħu, li ordnat it-trasferiment tiegħu lejn l-Italja u fil-konfront tiegħu iddeċidiet projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza ta’ tul ta’ sitt xhur li jiddekorri mill-ġurnata tat-tneħħija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir‑Regolament (KE) Nru 343/2003

3

Ir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109) tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Dublin III.

4

L-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 343/2003 kien jipprovdi:

“Applikazzjoni għall-ażil għandha titqies li kienet iddepożitata meta formola sottomessa mill-applikant għall-ażil jew rapport ippreparat mill-awtoritajiet ikun wasal għand l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Fejn applikazzjoni ma tintgħamilx bil-miktub, iż-żmien li jgħaddi bejn id-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni u l-preparazzjoni ta’ rapport għandu jkun kemm jista’ jkun qasir.”

Ir‑Regolament (KE) Nru 1560/2003

5

Il‑punt 7 tal-Parti I tal-Lista A li tinsab fl-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003, tat-2 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200), kif emendat bir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 tat-30 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 39, p. 1), isemmi, fost il-provi tad-dħul illegali fit-territorju minn fruntiera esterna, “tqabbil pożittiv minn Eurodac minn paragun tal-marki tas-swaba’ tal-applikant mal-marki tas-swaba’ meħuda skont l-Artikolu 14 tar-Regolament [(UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013,dwar l-istabbiliment tal-‘Eurodac’ għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament Nru 604/2013 u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1)].”

Id‑Direttiva 2013/32/UE

6

L‑Artikolu 6(1) sa (4) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘proċeduri’”), jipprovdi:

“1.   Meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn, ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

Jekk l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali issir lil awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet bħal dawn, iżda mhumiex kompetenti għar-reġistrazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ir-reġistrazzjoni għandha ssir mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha opportunità effettiva biex tippreżentaha malajr kemm jista’ jkun. […]

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati fiżikament u/jew f’post magħżul.

4.   Minkejja l-paragrafu 3, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies bħala li ġiet riċevuta ladarba formola ppreżentata mill-applikant jew, fejn dan ikun previst fil-liġi nazzjonali, rapport uffiċjali, ikunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.”

7

L‑Artikolu 31(3) ta’ din l-istess direttiva jipprovdi dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni.

Fejn applikazzjoni tkun suġġetta għall-proċedura stabbilita fir-Regolament [Dublin III], il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur għandu jibda japplika mill-mument li l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tagħha jiġi determinat f’konformità ma’ dak ir-Regolament, l-applikant ikun fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru u l-awtorità responsabbli tkun ħadet responsabbiltà tiegħu.

[…]”

Id‑Direttiva 2013/33/UE

8

L‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96), jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi żmien tlett ijiem minn meta l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata, l-applikant jingħata dokument maħruġ f’ismu jew isimha stess li jiċċertifika l-istatus tiegħu jew tagħha bħala applikant jew li jiddikjara li huwa jew hiia jista’/tista’ toqgħod fit-territorju tal-Istat Membru waqt li l-applikazzjoni tiegħu jew tagħha tkun pendenti jew tkun qiegħda tiġi eżaminata.

[…]”

9

L-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“L-aċċess għas-sistema edukattiva m’għandux ikun pospost għal iktar minn tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata mill-minorenni jew f’ismu/isimha.

[…]”

10

L-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jkunu disponibbli lill-applikanti meta jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għall- protezzjoni internazzjonali.”

Ir‑Regolament Eurodac

11

Ir-Regolament Nru 603/2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Eurodac”) jipprovdi, fl-Artikolu 9(1) tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jieħu fil-pront il-marki tas-swaba’ tas-swaba’ kollha ta’ kull applikant għall-protezzjoni internazzjonali li jkollu tal-inqas 14-il sena u għandu, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li tiġi ddepożitata l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali, kif iddefinit mill-Artikolu 20(2) tar-Regolament [Dublin III], jittrażmettihom flimkien mad-data msemmija fl-Artikolu 11(b) sa (g) ta’ dan ir-Regolament lis-Sistema Ċentrali.

[…]”

12

L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Eurodac jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jieħu fil-pront il-marki tas-swaba’ tas-swaba’ kollha ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkollhom tal-inqas 14-il sena, li jinqabdu mill-awtoritajiet ta’ kontroll kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru wara li jkunu ġew minn pajjiż terz u li ma jintbagħtux lura fih jew li baqgħu fiżikament fit-territorju tal-Istati Membri u li ma nżammewx f’kustodja, reklużjoni jew detenzjoni waqt il-perjodu sħiħ bejn il-qbid u t-tneħħija fuq il-bażi tad-deċiżjoni li jintbagħtu lura.”

Ir-Regolament Dublin III

13

Il-premessi 4, 5, 9 u 19 tar-Regolament Dublin III jipprovdu:

“(4)

Il-konklużjonijiet [tal-Kunsill Ewropew, waqt il-laqgħa speċjali tiegħu] ta’ Tampere [fil-15 u fis-16 ta’ Ottubru 1999,] ddikjaraw ukoll li [Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)

Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

[…]

(9)

Fid-dawl tar-riżultati tal-valutazzjonijiet magħmula tal-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-ewwel fażi, huwa xieraq, f’dan l-istadju, li jkunu kkonfermati l-prinċipji sottostanti għar-Regolament [Nru 343/2003], waqt li jsir it-titjib neċessarju, fid-dawl tal-esperjenza, għall-effettività tas-sistema ta’ Dublin u l-protezzjoni mogħtija lill-applikanti skont dik is-sistema. […]

[…]

(19)

Sabiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati„ għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant.”

14

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.”

15

L‑Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Malli applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata fis-sens tal-Artikolu 20(2) fi Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti tiegħu għandhom jinfurmaw lill-applikant dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u b’ mod partikulari li:

[…]

b)

il-kriterji sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli, il-ġerarkija ta’ tali kriterji fil-passi differenti tal-proċedura u t-tul tagħhom, inkluż il-fatt li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata fi Stat Membru wieħed tista’ tirriżulta, li dak l-Istat Membru jsir responsabbli skont dan ir-Regolament anki jekk tali responsabbilità ma tkunx abbażi ta’ dawk il-kriterji;

c)

l-intervista personali skont l-Artikolu 5 u l-possibbiltà li tiġi ppreżentata informazzjoni dwar il-preżenza ta’ membri tal-familja, qraba jew relazzjonijiet familjari oħra fl-Istati Membri, inklużi l-mezzi li bihom l-applikant jista’ jippreżenta tali informazzjoni;

[…]”

16

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tal-istess regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8, l-Istat Membru fejn il-minorenni mhux akkumpanjat ikun iddepożitata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandu, kemm jista’ jkun malajr, jieħu azzjoni adatta biex jidentifika l-membri tal-familja, aħwa jew qraba tal-minorenni mhux akkumpanjat fit- territorju tal-Istati Membri, filwaqt li jipproteġu l-aħjar interessi tat-tifel jew it-tifla.”

17

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III huwa fformulat kif ġej:

“Fejn ikun stabbilit, fuq il-bażi ta’ prova jew xhieda ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 22(3) ta’ dan ir-Regolament [Eurodac], inklużi d-data li jirreferi għalihom il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 603/2013, li applikant ikun qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li jkun ġie minn pajjiż terz, l-Istat Membru hekk ippenetrat għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Dik ir-responsabbilità għandha tieqaf 12-il xahar wara d-data li fiha l-qsim irregolari tal-konfini jkun seħħ.”

18

L‑Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.

[…]”

19

L-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi;

“L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

a)

jieħu inkarigu, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 21, 22 u 29, ta’ applikant li jkun iddepożita applikazzjoni fi Stat Membru differenti;

b)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun taħt eżami u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr document ta’ residenza;

c)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun irtira l-applikazzjoni taħt eżami u jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza;

d)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-applikazzjoni tiegħu kienet rifjutata u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza.”

20

L‑Artikolu 20(1), (2) u (5) tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru.

2.   Applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies li kienet iddepożitata meta formola sottomessa mill-applikant jew rapport ippreparat mill-awtoritajiet ikun wasal għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Fejn applikazzjoni ma ssirx bil-miktub, iż-żmien li jgħaddi bejn id-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni u l-preparazzjoni ta’ rapport għandu jkun kemm jista’ jkun qasir.

[…]

5.   Applikant li jkun preżenti fi Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza jew li hemm iddepożita applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali wara li jirtira l-ewwel applikazzjoni tiegħu magħmula fi Stat Membru ieħor matul il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għandu jittieħed lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, mill-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet l-ewwel iddepożitata, bil-ħsieb li jtemm il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli.

[…]”

21

L‑Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi:

“Fejn Stat Membru li għandu kienet iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira tal-Artikolu 20(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu tal-applikant.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, f’każ ta’ ‘hit’ [riżultat pożittiv] mill-Eurodac b’data rreġistrata skont l-Artikolu 14 tar-Regolament [Eurodac], it-talba għandha tintbagħat fi żmien xagħrejn minn meta tiġi riċevuta l-‘hit’ skont l-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament.

Fejn it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant ma ssirx fi żmien il-perijodi stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, ir-responsibilità biex tkun eżaminata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha tkun tal-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni kienet iddepożitata.”

22

L-Artikolu 22 tar-Regolament Dublin III jipprovdi:

“1.   L‑Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa, u għandu jagħti deċiżjoni fuq it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant fi żmien xahrejn mill-irċevuta tat-talba.

[…]

3.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi, u tirrevedi perjodikament, żewġ listi, li juru l-elementi ta’ prova u xhieda ċirkostanzjali relevanti skont il-kriterji stabbiliti fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 44(2).

(a)

Prova:

i)

Dan jirreferi għal prova formali li tiddetermina r-responsabbilta skont dan ir-Regolament, sakemm ma tkunx irrifjutata bi prova għal kuntrarju;

[…]

6.   Fejn l-Istat Membru li jagħmel it-talba jkun ġab l-urġenza […], l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jagħmel kull sforz biex jikkonforma mal-limitu ta’ żmien mitlub. F’każijiet eċċezzjonali, fejn jista’ jkun muri li l-eżami ta’ talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant ikun partikolarment kompless, l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jista’ jagħti t-tweġiba tiegħu wara l-limitu ta’ żmien mitlub, imma f’kull każ fi żmien xahar. […]

7.   Nuqqas ta’ azzjoni fi żmien il-perijodu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1 u l-perijodu ta’ xahar imsemmi fil-paragrafu 6 għandu jkollu effett ugwali ta’ aċċettazzjoni tat-talba, u jinvolvi l-obbligu li tittieħed inkarigu tal-persuna, inklużi l-obbligu biex jipprovdi għal arranġamenti xierqa għal wasla.”

23

L-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-applikant […] għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.”

24

L‑Artikolu 28(3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Id-detenzjoni għandha tkun għal żmien qasir kemm jista’ jkun u m’għandiex tkun għal iżjed miż-żmien li raġonevolment huwa meħtieġ sabiex jiġu ssodisfati l-proċeduri amministrattivi meħtieġa b’diliġenza dovuta sakemm jitwettaq it-trasferiment taħt dan ir-Regolament

Fejn persuna tinżamm taħt detenzjoni skont dan l-Artikolu, il-perijodu għall-preżentazzjoni ta’ talba biex jittieħed inkarigu jew jittieħed lura ma għandux ikun itwal minn xahar minn meta t-talba tiġi ppreżentata. […]

[…]

Meta l-Istat Membru rikjedenti jonqas milli jikkonforma mat-termini ta’ żmien biex jippreżenta talba biex jittieħed inkarigu jew jittieħed lura […], il-persuna ma għandhiex tinżamm aktar taħt detenzjoni. […]”

Id-dritt Ġermaniż

25

L‑Artikolu 5(1) tal-Asylgesetz (liġi dwar l-ażil), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit-2 ta’ Settembru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 1798, iktar ’il quddiem l-“AsylG”) jipprovdi:

“Id-deċiżjonijiet relatati mal-applikazzjonijiet għall-ażil jittieħdu minn [l‑uffiċċju]. [L‑uffiċċju] huwa wkoll kompetenti, skont din il-liġi, sabiex jieħu miżuri u deċiżjonijiet fil-qasam tad-dritt tal-barranin.”

26

L‑Artikolu 14(1) tal-AsylG jipprovdi:

“L-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi ppreżentata mill-fergħa [tal-uffiċċju] marbuta maċ-ċentru ta’ akkoljenza kompetenti għall-akkoljenza tal-barranin.”

27

L‑Artikolu 23 tal-AsylG jistipula:

“(1)

Il-barrani milqugħ fiċ-ċentru ta’ akkoljenza huwa obbligat li jippreżenta ruħu, mingħajr dewmien jew fid-data stabbilita miċ-ċentru ta’ akkoljenza, fil-fergħa [tal-uffiċċju] sabiex jippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu.

(2)

[…] Iċ-ċentru ta’ akkoljenza jinforma mingħajr dewmien il-fergħa [tal-uffiċċju] marbut magħha li huwa laqa’ lill-barrani […].”

28

L‑Artikolu 63a(1) tal-AsylG jipprovdi:

“Ċertifikat ta’ reġistrazzjoni inkwantu applikant għall-ażil jinħareġ mingħajr dewmien lill-barrani li jitlob l-ażil, iżda li jkun għadu ma ppreżentax applikazzjoni għall-ażil. Dan jinkludi d-data personali u ritratt tal-applikant għall-ażil kif ukoll l-isem taċ-ċentru ta’ akkoljenza li fih il-barrani għandu jmur mingħajr dewmien sabiex japplika għall-ażil.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

29

T. Mengesteab talab l-ażil f’München (il-Ġermanja) mar-Regierung von Oberbayern (gvern ta’ Oberbayern, il-Ġermanja) fl-14 ta’ Settembru 2015. Fl-istess jum, l-ewwel ċertifikat ta’ reġistrazzjoni inkwantu applikant għall-ażil inħariġlu minn din l-awtorità. It-tieni ċertifikat ta’ dan it-tip inħariġlu, fit-8 ta’ Ottubru 2015, miż-Zentrale Ausländerbehörde Bielefeld (awtorità ċentrali tal-barranin ta’ Bielefeld, il‑Ġermanja).

30

Għalkemm il-mument li fih informazzjoni dwar l-applikant kienet ġiet trażmessa lill-uffiċċju minn waħda minn dawn l-awtoritajiet ma kienx ġie stabbilit waqt il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, madankollu din setgħet tikkonstata li T. Mengesteab kien bagħat lill-uffiċċju ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tiegħu bħala applikant għall-ażil diversi drabi u li l-uffiċċju kien irċieva, mhux iktar tard mill-14 ta’ Jannar 2016, l-oriġinal ta’ dan iċ-ċertifikat, kopja tiegħu jew l-informazzjoni prinċipali li kienet tinsab fih.

31

Fit-22 ta’ Lulju 2016, T. Mengesteab nstema’ mill-uffiċċju u seta’ jippreżenta applikazzjoni għall-ażil uffiċjali.

32

Billi t-tfittxija fis-sistema Eurodac kienet uriet li l-marki tas-swaba’ tal-persuna kkonċernata kienu ttieħdu fl-Italja, l-uffiċċju talab, fid-19 ta’ Awwissu 2016, lill-awtoritajiet Taljani li jieħdu inkarigu ta’ T. Mengesteab abbażi tal-Artikolu 21 tar-Regolament Dublin III.

33

L-awtoritajiet Taljani ma wieġbux għal din it-talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu.

34

Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2016, l-uffiċċju ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil li T. Mengesteab kien ippreżenta, ikkonstata l-assenza ta’ motivi li jipprojbixxu t-tneħħija tiegħu, ordna t-trasferiment tiegħu lejn l-Italja u ddeċieda fil-konfront tiegħu projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza ta’ tul ta’ sitt xhur li jiddekorri mill-jum tat-tneħħija.

35

T. Mengesteab ikkontesta din id-deċiżjoni tal-uffiċċju quddiem il-Verwaltungsgericht Minden (qorti amministrattiva ta’ Minden, il-Ġermanja), billi żied mar-rikors tiegħu applikazzjoni għal effett sospensiv. Din il-qorti laqgħet din l-applikazzjoni għal effett sospensiv fit-22 ta’ Diċembru 2016.

36

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali sostna li billi r-responsabbiltà tal-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu ġiet ittrasferita lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III, it-talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu tressqet biss wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur previst fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni.

37

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-dritt Ġermaniż jagħmel distinzjoni bejn il-pass li jikkonsisti li jintalab l-ażil, li ġeneralment jitwettaq ma’ awtorità li ma tkunx l-uffiċċju, u s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil formali tiegħu. Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlob l-ażil huwa ggwidat lejn ċentru ta’ akkoljenza fejn jirċievi ċertifikat ta’ reġistrazzjoni inkwantu applikant għall-ażil. Dan iċ-ċentru għandu sussegwentement jinforma mingħajr dewmien l-uffiċċju mill-fatt li l-persuna kkonċernata talbet l-ażil. Madankollu, l-awtoritajiet inkarigati minn din l-informazzjoni ta’ spiss naqsu milli jwettqu dan l-obbligu, b’mod partikolari fit-tieni parti tas-sena 2015, minħabba ż-żieda eċċezzjonali tan-numru ta’ applikanti għall-ażil li daħlu fil-Ġermanja matul dan il-perijodu. F’dan il-kuntest, diversi applikanti għall-ażil kellhom jistennew diversi xhur sabiex jippreżentaw l-applikazzjonijiet għall-ażil uffiċjali tagħhom, mingħajr ma kienu fil-pożizzjoni li jħaffu din il-proċedura.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Minden (qorti amministrattiva ta’ Minden) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Applikant għall-ażil jista’ jinvoka trasferiment tar-responsabbiltà lill-Istat Membru rikorrent minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ preżentazzjoni tat-talba sabiex jittieħed inkarigu (it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament [Dublin III])?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, applikant għall-ażil jista’ wkoll jinvoka trasferiment ta’ responsabbiltà meta l-Istat Membru mitlub jibqa’ dispost sabiex jieħu l-inkarigu tiegħu?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, huwa possibbli li jiġi dedott mill-kunsens espliċitu jew impliċitu (Artikolu 22(7) tar-Regolament [Dublin III]) tal-Istat Membru mitlub li dan jibqa’ dispost li jieħu inkarigu tal-applikant għall-ażil?

4)

It-terminu ta’ xahrejn previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament [Dublin III] jista’ jintemm wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament [Dublin III] meta l-Istat Membru rikorrent iħalli jiddekorri iktar minn xahar wara l-bidu tat-terminu ta’ tliet xhur qabel ma jibgħat talba għal konsultazzjoni tad-database Eurodac?

5)

Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies li ġiet ippreżentata fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament [Dublin III], b’effett mill-ewwel ħruġ ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni inkwantu applikant għall-ażil jew unikament bir-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni formali għall-ażil? B’mod partikolari:

a)

Iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni inkwantu applikant għall-ażil huwa formola jew rapport fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament [Dublin III]?

b)

L-awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament [Dublin III], hija l-awtorità kompetenti sabiex tirċievi l-formola jew tistabbilixxi r-rapport, jew l-awtorità kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ażil?

c)

Rapport ippreparat mill-awtoritajiet huwa meqjus ukoll bħala li wasal għand l-awtorità kompetenti meta l-kontenut essenzjali tal-formola jew tar-rapport ikunu ġew ikkomunikati lilha jew huwa meħtieġ li l-oriġinal jew kopja tar-rapport ikunu ġew trażmessi lilha?

6)

Id-dewmien bejn l-ewwel applikazzjoni għall-ażil jew l-ewwel ħruġ ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala applikant għall-ażil u t-tressiq ta’ talba sabiex jittieħed inkarigu jista’ jwassal għal trasferiment tar-responsabbiltà lill-Istat Membru rikorrent b’applikazzjoni analoga tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament [Dublin III] jew jeħtieġ li l-Istat Membru rikorrent jagħmel użu mid-dritt li jassumi r-responsabbiltà tiegħu skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament [Dublin III]?

7)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għal waħda mill-alternattivi tas-sitt domanda, minn liema perijodu jista’ jitqies li talba sabiex jittieħed inkarigu tressqet b’mod eċċessivament tardiv?

8)

Talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ inkarigu li fiha l-Istat Membru rikorrent jindika unikament id-data ta’ dħul fit-territorju tiegħu u d-data ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni uffiċjali għall-ażil iżda mhux id-data tal-ewwel applikazzjoni għall-ażil jew dik tal-ewwel ħruġ ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni inkwantu applikant għall-ażil, titqies li tressqet fit-terminu tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament [Dublin III] jew tali applikazzjoni hija ‘ineffettiva’?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

39

Il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

40

B’digriet tal-15 ta’ Frar 2017, (C‑670/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:120), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

41

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jinvoka, fil-kuntest ta’ rikors eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu, l-iskadenza ta’ terminu stabbilit fl-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament, u dan anki jekk l-Istat Membru mitlub huwa dispost li jieħu inkarigu ta’ dan l-applikant.

42

L‑Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jippreċiża li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

43

Il‑portata tar-rikors miftuħ lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu hija ppreċiżata fil-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, li tindika li, sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-dritt internazzjonali, ir-rimedju effettiv stabbilit minn dan ir-regolament kontra deċiżjonijiet ta’ trasferiment għandu jkopri, minn naħa, l-eżami tal-applikazzjoni tal-istess regolament u, min-naħa l-oħra, l-eżami tas-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi fl-Istat Membru li lejh l-applikant jiġi ttrasferit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 3839).

44

Dawn il-preċiżazzjonijiet huma kkorroborati mill-iżvilupp ġenerali li għaddiet minnha s-sistema ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ Dublin”) mill-fatt tal-adozzjoni tar-Regolament Dublin III, kif ukoll permezz tal-għanijiet intiżi minn dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 45).

45

Fir-rigward ta’ dan l-iżvilupp, hemm lok li jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, ma llimitax lilu nnifsu sabiex jistabbilixxi regoli organizzattivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli, iżda ddeċieda li jassoċja ma’ dan il-proċess l-applikanti għall-ażil, billi obbliga lill-Istati Membri sabiex jinformawhom bil-kriterji ta’ responsabbiltà u sabiex joffrulhom il-possibbiltà li jipprovdu l-informazzjoni li tippermetti l-applikazzjoni korretta ta’ dawn il-kriterji, kif ukoll billi jiżgurawlhom dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment eventwalment meħuda mal-eżitu tal-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 47 sa 51).

46

F’dak li jikkonċerna l-għanijiet intiżi minn dan ir-regolament, hemm lok, b’mod partikolari, li jiġi enfasizzat li mill-premessa 9 tiegħu jirriżulta li l-istess regolament, filwaqt li jikkonferma l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 343/2003, huwa intiż li jġib it-titjib neċessarju, fid-dawl tal-esperjenza, mhux biss għall-effettività tas-sistema ta’ Dublin, iżda wkoll għall-protezzjoni mogħtija lill-applikanti, fejn din hija b’mod partikolari żgurata minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva u kompleta li jibbenefikaw minnha (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 52).

47

Issa, interpretazzjoni restrittiva tal-portata tad-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III tista’ tfixkel it-twettiq ta’ dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 53).

48

Minn dan kollu jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tiżgura lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali protezzjoni ġudizzjarja effettiva li tiggarantixxilu, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jippreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu, li jista’ jirrigwarda l-eżami tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, inkluż l-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti minn dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Karim, C‑155/15, EU:C:2016:410, punt 22).

49

F’dan ir-rigward, għalkemm l-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III hija essenzjalment ibbażata fuq it-tmexxija ta’ proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, indikat abbażi ta’ kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 41, u tas-7 ta’ Ġunju 2016, Karim, C‑155/15, EU:C:2016:410, punt 23), għandu jiġi enfasizzat li dan il-proċess jikkostitwixxi aspett tal-proċeduri ta’ teħid inkarigu u ta’ teħid lura li għandhom obbligatorjament jitwettqu f’konformità mar-regoli stabbiliti, b’mod partikolari, fil-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament.

50

Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn il-proċeduri għandhom, b’mod partikolari, jitmexxew fl-osservanza ta’ sensiela ta’ termini imperattivi.

51

Għalhekk, l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li t-talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu għandha tiġi fformulata kemm jista’ jkun malajr u, fi kwalunkwe każ, f’terminu ta’ tliet xhur li jiddekorri mid-data ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Minkejja dan l-ewwel terminu, f’każ ta’ riżultat pożittiv Eurodac b’data rreġistrata skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Eurodac, din it-talba għandha tiġi fformulata f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri mir-riċezzjoni ta’ dan ir-riżultat.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa l-effetti tal-iskadenza ta’ dawn it-termini billi ppreċiża, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III li, għalkemm din it-talba ma hijiex ifformulata f’dawn it-termini, ir-responsabbiltà tal-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taqa’ fuq l-Istat Membru li lilu din l-applikazzjoni kienet ġiet sottomessa.

53

Isegwi li, għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament huma intiżi sabiex ifasslu l-proċedura ta’ teħid inkarigu, dawn jikkontribwixxu wkoll, bl-istess mod bħall-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli, fis-sens tal-istess regolament. Għalhekk, deċiżjoni ta’ trasferiment lejn Stat Membru li ma huwiex dak li lilu l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġiet sottomessa ma tistax tiġi validament adottata ladarba jiskadu t-termini li jinsabu f’dawn id-dispożizzjonijiet.

54

Dawn id-dispożizzjonijiet jikkontribwixxu għalhekk, b’mod determinanti, għat-twettiq tal-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, imsemmi fil-premessa 5 tar-Regolament Dublin III, billi jiggarantixxu, f’każ ta’ dewmien fit-twettiq tal-proċedura ta’ teħid inkarigu, li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jseħħ fl-Istat Membru fejn din l-applikazzjoni ġiet sottomessa, sabiex dan l-eżami ma jiġix imdewwem iktar permezz tal-adozzjoni u tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-għan li tiżgura li d-deċiżjoni ta’ trasferiment ikkontestata ġiet adottata wara applikazzjoni korretta tal-proċedura ta’ teħid inkarigu prevista minn dan ir-regolament, il-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment għandha tkun tista’ teżamina l-allegazzjonijiet ta’ applikant għall-ażil li qed jinvoka l-ksur tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Karim, C‑155/15, EU:C:2016:410, punt 26).

56

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument, invokat mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni, li n-natura proċedurali ta’ din ir-regola timplika li din ma tistax tiġi invokata fil-kuntest tar-rikors previst fl-Artikolu 27(1) tal-istess regolament.

57

Fil-fatt, minbarra dak li diġà ġie espost fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III ma jagħmel ebda distinzjoni bejn ir-regoli invokabbli fil-kuntest tar-rikors li dan jipprevedi u li l-premessa 19 ta’ dan ir-regolament tirreferi, b’mod ġenerali, għall-istħarriġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

58

Barra minn hekk, ir-restrizzjoni tal-portata tal-protezzjoni ġudizzjarja offerta mir-Regolament Dublin III hekk invokata ma hijiex koerenti mal-għan, espress fil-premessa 9 ta’ dan ir-regolament, li tissaħħaħ il-protezzjoni li jibbenefikaw minnha l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, peress li din il-protezzjoni msaħħa timmanifesta ruħha prinċipalment bl-għoti ta’ garanziji ta’ natura essenzjalment proċedurali għal dawn l-applikanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 47 sa 51).

59

Fir-rigward taċ-ċirkustanza, evokata mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha, li l-Istat Membru mitlub huwa dispost sabiex jieħu inkarigu l-persuna kkonċernata minkejja l-iskadenza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament, din ma tistax tkun determinanti.

60

Fil-fatt, sa fejn ir-rikors previst fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jista’ jiġi ppreżentat biss f’sitwazzjoni fejn l-Istat Membru mitlub ikun aċċetta, kemm espliċitament, skont l-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament, kemm impliċitament skont l-Artikolu 22(7) tiegħu, dan it-teħid inkarigu, din iċ-ċirkustanza ma tistax, b’mod ġenerali, twassal sabiex tiġi limitata l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju previst f’dan l-Artikolu 27(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ dak il-jum, A.S., C‑490/16, punti 33 u 34).

61

Minbarra dan, fir-rigward iktar speċifikament tal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi enfasizzat li t-tielet subparagrafu tiegħu jipprevedi, fil-każ ta’ skadenza tat-termini stabbiliti fiż-żewġ subparagrafi li jippreċeduh, trasferiment ipso iure tar-responsabbiltà tal-Istat Membru li miegħu l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġiet sottomessa, mingħajr ma dan it-trasferiment jiġi suġġett għal kwalunkwe reazzjoni tal-Istat Membru mitlub.

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li l-ewwel u t-tieni domandi jiġu risposti li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jinvoka, fil-kuntest ta’ rikors eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu, l-iskadenza ta’ terminu stabbilit fl-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament, u dan anki jekk l-Istat Membru mitlub huwa dispost li jieħu inkarigu ta’ dan l-applikant.

Fuq ir-raba’ domanda

63

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu tistax validament tiġi fformulata iktar minn tliet xhur wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fil-każ fejn din it-talba hija fformulata f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri mir-riċezzjoni ta’ riżultat pożittiv Eurodac, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

64

Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III, it-talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu għandha tiġi fformulata kemm jista’ jkun malajr u, fi kwalunkwe każ, f’terminu ta’ tliet xhur li jiddekorri mid-data ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

65

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, minkejja l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament, f’każ ta’ riżultat pożittiv Eurodac mad-data rreġistrata skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Eurodac, din it-talba għandha tiġi fformulata f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri mir-riċezzjoni ta’ dan ir-riżultat.

66

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III jippreċiża li, “[f]ejn it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant ma ssirx fi żmien il-perijodi stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, ir-responsibilità biex tkun eżaminata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha tkun tal-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni kienet iddepożitata.”

67

Għalhekk mill-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li t-talba għandha imperattivament tiġi fformulata fl-osservanza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament, li jimplika li talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi fformulata iktar minn tliet xhur wara s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, mingħajr ma r-riċezzjoni ta’ riżultat pożittiv Eurodac tkun ta’ natura li tippermetti li dan it-terminu jinqabeż.

68

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li l-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament jagħmel parti minnu, kif ukoll mill-għanijiet tiegħu, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

69

Fil-fatt, it-terminu speċifiku previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III huwa applikabbli biss fil-każ ta’ riċezzjoni ta’ riżultat pożittiv Eurodac ma’ data rreġistrata skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Eurodac, jiġifieri ma’ data tal-marki tas-swaba’ li jkunu ttieħdu fl-okkażjoni ta’ qsim irregolari ta’ fruntiera esterna.

70

Issa, mill-punt 7 tal-Parti I tal-Lista A li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1560/2003 jirriżulta li tali riżultat pożittiv jikkostitwixxi prova ta’ qsim irregolari ta’ fruntiera esterna, fis-sens tal-kriterju stabbilit fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III. Għalhekk dan ir-riżultat jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 22(3)(a)(i) ta’ dan ir-regolament, prova formali li tiddetermina r-responsabbiltà skont dan il-kriterju, għal daqstant żmien li din ma hijiex ikkonfutata bi prova kuntrarja.

71

Għaldaqstant, ir-riċezzjoni tar-riżultat pożittiv Eurodac imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament hija ta’ natura li tissemplifika l-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli fir-rigward tal-każijiet li fihom tali riżultat ma huwiex irċevut.

72

Għalhekk, din iċ-ċirkustanza tista’ tiġġustifika l-applikazzjoni, skont il-każ, ta’ terminu iqsar mit-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tal-istess regolament u mhux dik ta’ terminu supplimentari, li jiżdied ma’ dan it-terminu.

73

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III adottata fil-punt 67 ta’ din is-sentenza hija koerenti mal-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, imsemmi fil-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, inkwantu tiggarantixxi li talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu ma tistax tiġi validament ifformulata iktar minn tliet xhur wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

74

Konsegwentement, hemm lok li r-raba’ domanda tiġi risposta li l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu ma tistax tiġi validament ifformulata iktar minn tliet xhur wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, anki jekk din it-talba hija fformulata inqas minn xahrejn wara r-riċezzjoni ta’ riżultat pożittiv Eurodac, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq il-ħames domanda

75

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-oriġinal taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni inkwantu applikant għall-ażil, kopja tiegħu jew l-informazzjoni prinċipali li tinsab fih waslu fl-uffiċċju, li huwa l-awtorità inkarigata mill-eżekuzzjoni, fil-Ġermanja, tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Dublin III, iktar minn tliet xhur qabel il-formulazzjoni ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu, filwaqt li l-preżentazzjoni, miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, ta’ applikazzjoni għall-ażil formali seħħet inqas minn tliet xhur qabel il-formulazzjoni ta’ din it-talba.

76

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija meqjusa sottomessa meta dokument bil-miktub, stabbilit minn awtorità pubblika u li jiċċertifika li ċittadin ta’ pajjiż terz talab il-protezzjoni internazzjonali, ikun wasal quddiem l-awtorità inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament u, skont il-każ, meta l-informazzjoni prinċipali biss tidher f’tali dokument, iżda mhux dan id-dokument jew kopja tiegħu, ikunu jaslu quddiem din l-awtorità, jew, bil-kontra, jekk tali applikazzjoni hijiex meqjusa sottomessa unikament fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil formali.

77

L‑Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III jipprovdi li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha titqies sottomessa mill-mument meta formola ppreżentata mill-applikant jew rapport ippreparat mill-awtoritajiet ikun wasal quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

78

Billi dokument bil-miktub, stabbilit mill-awtoritajiet, ma jistax jitqies bħala formola ppreżentata mill-applikant, huwa għalhekk neċessarju, sabiex tiġi risposta l-ħames domanda, li jiġi stabbilit jekk dokument bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jikkostitwixxi “rapport ippreparat mill-awtoritajiet”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

79

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm it-termini użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferu b’mod ċar għal dokument bil-miktub, stabbilit mill-awtoritajiet, dawn ma jagħtu ebda dettalji rigward il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġi stabbilit dan id-dokument jew rigward l-informazzjoni li dan għandu jinkludi.

80

Ċertament, l-użu tal-kelma “rapport” jew ta’ kelma ekwivalenti fil-verżjonijiet fil-lingwa Ġermaniża, Spanjola, Franċiża, Taljana, Olandiża jew Rumena jista’ jħalli jippreżupponi li dan id-dokument għandu neċessarjament ikollu forma partikolari.

81

Madankollu, it-terminu użat f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħall-verżjonijiet fi-lingwa Daniża, Ingliża, Kroata, Litwana jew Svediża, sabiex jiġi indikat id-dokument ippreparat mill-awtoritajiet, imsemmi fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III, ma jinkludix indikazzjoni ċara fir-rigward tal-forma li dan id-dokument għandu jkollu.

82

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans, C‑280/04, EU:C:2005:753, punt 31).

83

Minbarra dan, għandu wkoll, sabiex tiġi interpretata l-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament, jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih din tagħmel parti minnu u tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament.

84

F’dan ir-rigward, għandu fl-ewwel lok jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tippreċiża, fit-tieni sentenza tagħha, li, fil-każ ta’ applikazzjoni mhux bil-miktub, it-terminu li jgħaddi bejn id-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni u l-preparazzjoni ta’ rapport għandu jkun kemm jista’ jkun qasir, li jwassal sabiex jiġi indikat, minn naħa, li l-preparazzjoni ta’ dan ir-rapport jikkostitwixxi essenzjalment formalità intiża sabiex jinkiseb l-għarfien dwar l-intenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlob il-protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, li t-twettiq tagħha ma għandux jiġi mdewwem.

85

Fit-tieni lok, mill-Artikolu 20(1) ta’ dan l-istess regolament jirriżulta li l-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli jibda hekk kif applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun sottomessa għall-ewwel darba quddiem Stat Membru.

86

Il-mekkaniżmi stabbiliti mir-Regolament Dublin III sabiex jinġabru l-elementi neċessarji fil-kuntest ta’ dan il-proċess huma intiżi sabiex jiġu applikati wara s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

87

Barra minn hekk l‑Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi espressament li huwa wara s-sottomissjoni ta’ tali applikazzjoni li l-applikant għandu jiġi informat, b’mod partikolari, dwar il-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, dwar l-organizzazzjoni ta’ intervista individwali u dwar il-possibbiltà li jipprovdi informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti. Bl-istess mod, mill-Artikolu 6(4) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-miżuri neċessarji sabiex jiġu identifikati l-membri tal-familja, aħwa jew qraba ta’ minuri mhux akkumpanjat fit-territorju tal-Istati Membri, b’mod partikolari sabiex jiġu applikati l-kriterji sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli jekk l-applikant għal protezzjoni internazzjonali huwa minuri mhux akkumpanjat, stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-istess regolament, għandhom jiġu implementati wara s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

88

Isegwi li, sabiex ikun jista’ jinbeda b’mod effettiv il-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, l-awtorità kompetenti għandha bżonn li tiġi informata, b’mod ċert, bil-fatt li ċittadin ta’ pajjiż terz talab protezzjoni internazzjonali, mingħajr ma jkun neċessarju li d-dokument bil-miktub ippreparat b’dan il-għan ikollu forma preċiżament stabbilita jew li jinkludi elementi supplimentari rilevanti għall-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti bir-Regolament Dublin III jew, a fortiori, għall-eżami fuq il-mertu tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Ma huwiex iktar neċessarju, f’dan l-istadju tal-proċedura, li intervista individwali tkun diġà ġiet organizzata.

89

L-eżami tax-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Nru 343/2003, li minnhom l-Artikolu 4(2) ġie adottat, mingħajr modifika sostanzjali, fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III, jikkorrobora din l-evalwazzjoni.

90

Fil-fatt, jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni [COM(2001) 447 finali] li waslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 343/2003, minn naħa, li applikazzjoni għall-ażil għandha titqies bħala effettivament sottomessa minn meta l-intenzjoni tal-applikant għall-ażil tkun ġiet ikkonfermata ma’ awtorità kompetenti u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament huwa meħud mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 1/97, tad-9 ta’ Settembru 1997, tal-kumitat stabbilit mill-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Dublin tal-15 ta’ Ġunju 1990 dwar ċerti dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-konvenzjoni (ĠU 1997, L 281, p. 1). Issa, dan l-aħħar artikolu kien jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu, li applikazzjoni għall-ażil hija meqjusa sottomessa “mill-mument fejn traċċa bil-miktub f’dan is-sens – formola ppreżentata mill-applikant għall-ażil jew rapport ippreparat mill-awtoritajiet, skont il-każ – tkun waslet quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat”.

91

Fit-tielet lok, l-effikaċja ta’ ċerti garanziji importanti mogħtija lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali tkun ristretta jekk ir-riċezzjoni ta’ dokument bil-miktub, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma kinitx biżżejjed sabiex timmanifesta s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

92

Li tiġi adottata tali interpretazzjoni jkollu għalhekk bħala effett mhux biss li jdewwem l-implementazzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jiġi żgurat l-approssimazzjoni ta’ minuri iżolat mill-membri tal-familja tiegħu, iżda wkoll sabiex jiġi mdewwem it-tul ta’ detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, sa fejn it-terminu massimu ta’ detenzjoni fl-aspettattiva tat-tressiq ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu huwa kkalkolat, konformement mal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III, mis-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

93

Fir-raba’ lok, ir-Regolament Dublin III jattribwixxi rwol speċifiku lill-ewwel Stat Membru li fih applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija sottomessa. Għalhekk, skont l-Artikolu 20(5) ta’ dan ir-regolament, dan l-Istat Membru huwa, bħala prinċipju, obbligat li jieħu lura lill-applikant li jkun jinsab fi Stat Membru ieħor, sakemm il-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ma jkunx ikkompletat. Minbarra dan, mill-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, meta ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan l-istess regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ġiet issottomessa huwa responsabbli mill-eżami.

94

Fid-dawl, b’mod partikolari, li tiġi żgurata applikazzjoni effettiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Eurodac jipprevedi li l-marki tas-swaba ta’ kull applikant għall-ażil għandhom, bħala prinċipju, jiġu trażmessi lis-sistema Eurodac mhux iktar tard minn 72 siegħa wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, kif iddefinita fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III.

95

F’dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġi kkunsidrat li dokument bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxix “rapport” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jippermetti, fil-prattika, liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jitilqu l-Istat Membru li fih huma talbu l-protezzjoni internazzjonali u li jitolbu mill-ġdid din il-protezzjoni ma’ Stat Membru ieħor, mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu ttrasferiti, għal din ir-raġuni, lejn l-ewwel Stat Membru u mingħajr anki li jkun possibbli li terġa’ tinstab it-traċċa tal-pass inizjali tagħhom billi tintuża s-sistema Eurodac. Tali sitwazzjoni tista’ taffettwa serjament il-funzjonament tas-sistema ta’ Dublin, billi tqajjem dubju dwar l-istatus partikolari li r-Regolament Dublin III jagħti lill-ewwel Stat Membru li fih hija sottomessa applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

96

Fil-ħames lok, li jiġi kkunsidrat li dokument bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi “rapport”, fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III, huwa konformi mal-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, imsemmi fil-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, peress li tali interpretazzjoni tiżgura li l-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli jibda malli jkun possibbli, mingħajr ma jkun hemm dewmien dovut għat-twettiq ta’ formalità li ma hijiex neċessarja għal-finijiet tat-twettiq ta’ dan il-proċess. Dan il-għan, min-naħa l-oħra, jiddgħajjef jekk id-data ta’ bidu ta’ dan il-proċess kienet tiddependi unikament minn għażla magħmula mill-awtorità kompetenti, bħall-għoti ta’ laqgħa sabiex issir intervista individwali.

97

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, dokument bil-miktub, bħal dak inkwistjoni fi-kawża prinċipali, stabbilit minn awtorità pubblika u li jiċċertifika li ċittadin ta’ pajjiż terz talab il-protezzjoni internazzjonali għandu jitqies bħala “rapport” fis-sens tal-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament.

98

Fir-rigward tar-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fis-sistema stabbilita minn dan ir-regolament u tal-iskop tagħha, kif jirriżultaw mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-trażmissjoni tal-informazzjoni prinċipali li tidher f’tali dokument lill-awtorità kompetenti għandha titqies bħala trażmissjoni lil din l-awtorità tal-oriġinal jew ta’ kopja ta’ dan id-dokument. Għalhekk din it-trażmissjoni hija suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija meqjusa sottomessa.

99

L-argument invokat mill-Gvern Ġermaniż u mill-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni, li skont dan għandha prinċipalment tittieħed inkunsiderazzjoni d-distinzjoni bejn “preżentazzjoni” u “sottomissjoni” ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tirriżulta mill-Artikolu 6 tad-Direttiva “proċeduri”, ma jistax iqajjem dubju dwar dawn il-konklużjonijiet.

100

Fil-fatt, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi ppreċiżata, f’din il-kawża, il-portata ta’ din id-distinzjoni, hemm lok, l-ewwel nett, li jiġi kkonstatat li l-eżami tal-vokabularju użat, f’dan ir-rigward, fl-atti differenti li jaqgħu taħt is-sistema komuni ta’ ażil ma jirriżultax konklużiv. Għalhekk, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Dublin III jirreferi, f’diversi verżjonijiet lingwistiċi, b’mod mhux differenzjat, għas-sottomissjoni u għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, filwaqt li, f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, dan jirreferi esklużivament, jew għas-sottomissjoni, jew għall-preżentazzjoni ta’ tali applikazzjoni. Bl-istess mod, id-Direttiva 2013/33 tuża dawn it-termini b’mod varjabbli fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 6(1) tagħha, tal-Artikolu 14(2) tagħha u tal-Artikolu 17(1) tagħha.

101

Sussegwentement, għalkemm l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “proċeduri” u l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III jippreżentaw xebh importanti, xorta jibqa’ l-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet ivarjaw, b’mod partikolari sa fejn l-ewwel fosthom ma jikkunsidrax it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dokument ippreparat mill-awtoritajiet ħlief jekk dan huwa previst mid-dritt nazzjonali. Minbarra dan, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “proċeduri” jippreżenta ruħu bħala eċċezzjoni għar-regola stabbilita fl-Artikolu 6(3) tagħha, fejn dik ir-regola ma għandhiex ekwivalenti fir-Regolament Dublin III.

102

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “proċeduri” u l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III jagħmlu parti minn żewġ proċeduri differenti, li jippreżentaw rekwiżiti proprji u li huma suġġetti, b’mod partikolari fil-qasam ta’ terminu, għal sistemi distinti, hekk kif jipprevedi l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva “proċeduri”.

103

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li l-ħames domanda tiġi risposta li l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija meqjusa sottomessa meta dokument bil-miktub, stabbilit minn awtorità pubblika u li jiċċertifika li ċittadin ta’ pajjiż terz talab il-protezzjoni internazzjonali, ikun wasal quddiem l-awtorità inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament u, skont il-każ, meta l-informazzjoni prinċipali biss tidher f’tali dokument, iżda mhux dan id-dokument jew kopja tiegħu, ikunu waslu quddiem din l-awtorità.

Fuq it-tielet u s-sitt sat-tmien domandi

104

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għad-domandi l-oħra, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u għas-sitt sat-tmien domandi.

Fuq l-ispejjeż

105

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jinvoka, fil-kuntest ta’ rikors eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu, l-iskadenza ta’ terminu stabbilit fl-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament, u dan anki jekk l-Istat Membru mitlub huwa dispost li jieħu inkarigu ta’ dan l-applikant.

 

2)

L‑Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu ma tistax tiġi validament ifformulata iktar minn tliet xhur wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, anki jekk din it-talba hija fformulata inqas minn xahrejn wara r-riċezzjoni ta’ riżultat pożittiv Eurodac, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

3)

L‑Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija meqjusa sottomessa meta dokument bil-miktub, stabbilit minn awtorità pubblika u li jiċċertifika li ċittadin ta’ pajjiż terz talab il-protezzjoni internazzjonali, ikun wasal quddiem l-awtorità inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament u, skont il-każ, meta l-informazzjoni prinċipali biss tidher f’tali dokument, iżda mhux dan id-dokument jew kopja tiegħu, ikunu waslu quddiem din l-awtorità.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.

Top