EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0669

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-18 ta’ Ottubru 2018.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa – Artikolu 4(1) – Annessi II u III – Denominazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni (ŻSK) – Foċena komuni.
Kawża C-669/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:844

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

18 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa – Artikolu 4(1) – Annessi II u III – Denominazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni (ŻSK) – Foċena komuni”

Fil-Kawża C‑669/16,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2016,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Norris-Usher u C. Hermes, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn G. Brown, bħala aġent, assistita minn R. Palmer u M. Armitage, barristers,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Ħames Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, C. G. Fernlund u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ddenominax siti għall-protezzjoni tal-foċena komuni (Phocoena phocoena), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4(1) u l-Annessi II u III tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitats”) u li, bħala korrelazzjoni, billi ma kkontribwixxiex għall-kostituzzjoni tan-netwerk ta’ Natura 2000 skont ir-rappreżentanza, fit-territorju tiegħu, tal-habitats ta’ din l-ispeċi, ir-Renju Unit naqas ukoll milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

2

L-għan tad-Direttiva dwar il-habitats, konformement mal-Artikolu 2(1) tagħha, huwa li tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri fejn japplika t-Trattat.

3

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxi l-kunċetti prinċipali użati fiha, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

g)

l-ispeċi li huma ta’ interess għall-Komunità jfissru dawk l-ispeċi li, fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2, huma:

(i)

fil-periklu, ħlief dawk l-ispeċi li l-medda naturali tagħhom hi żgħira f’dak it-territorju u li mhumiex fil-periklu li jinqerdu jew vulnerabbli fir-reġjun paleartiku tal-punent; jew

(ii)

vulnerabbli, jiġifieri x’aktarx maħsuba li qed jersqu lejn il-kategorija fil-periklu fil-ġejjieni qrib jekk il-fatturi kawżattivi jibgħu jaħdmu; jew

(iii)

rari, jiġifieri b’popolazzjonijiet żgħar li bħalissa mhumiex fil-periklu jew vulnerabbli, iżda li jinsabu f’riskju. L-ispeċi jinsabu f’żoni ġeografiċi ristretti jew huma mifruxa bil-ftit fuq medda aktar kbira; jew

(iv)

endemiċi u jeħtieġu attenzjoni partikolari minħabba n-natura speċifika ta’ l-habitat naturali tagħhom u/jew l-impatt qawwi ta’ l-isfruttament tagħhom fuq l-habitat naturali tagħhom u/jew l-impatt potenzjali ta’ l-isfruttament tagħhom fuq l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom.

Dawk l-ispeċi huma elenkati jew jistgħu jiġu elenkati fl-Anness II u/jew l-Anness IV jew V;

[…]

(j)

sit tfisser żona definita ġeografikament li dwarha hemm indikat b’mod ċar sa fejn twassal;

(k)

sit ta’ importanza għall-Komunità tfisser sit li, fir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi li jinsab fih, jgħin b’ mod sinifikanti fil-manteniment jew fir-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew ta’ speċi fl-Anness II u jista’ wkoll jgħin b’ mod sinifikanti għall-koerenza ta’ Natura 2000 imsemmija fl-Artikolu 3, u/jew jgħin b’ mod sinifikanti fil-ħarsien tad-diversità bioloġika fi ħdan ir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi konċernati.

Għall-ispeċi ta’ l-annimali li jimirħu fuq żoni kbar, is-siti ta’ importanza għall-Komunità għandhom jaqblu mal-postijiet fil-medda naturali ta’ dawk l-ispeċi li joffru l-fatturi fiżiċi jew bioloġiċi essenzjali għall-għijxien u r-riproduzzjoni tagħhom;

(l)

żona speċjali ta’ konservazzjoni tfisser sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat;

[…]”

4

L-Artikolu 3(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Għandu jiġi stabbilit n etwork ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

In-network Natura 2000 se jkun fiha ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali klassifikati mill-Istati Membri skond id-Direttiva [tal-Kunsill] 79/409/KEE [dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98)].

2.   Kull Stat Membru għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ Natura 2000 skond ir-rappreżentanza fit-territorju tiegħu tat-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan kull Stat Membru għandu jinnomina, skond l-Artikolu 4, xi siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni waqt li jitqiesu l-għanjiet stabbiliti fil-paragrafu 1.”

5

Il-proċedura ta’ denominazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni (iktar ’il quddiem “ŻSK”) hija stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-habitats u tiżvolġi f’erba’ stadji.

6

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-identifikazzjoni tas-siti u tan-notifika tagħhom lill-Kummissjoni, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. Għall-ispeċi ta’ l-annimali li jimirħu fuq żoni kbar, dawn is-siti għandhom jaqblu mal-postijiet fil-medda naturali ta’ dawk l-ispeċi li joffru l-fatturi fiżiċi jew bioloġiċi essenzjali għal ħajjithom u għar-riproduzzjoni. Għall-ispeċi akwatiċi mifruxa fuq żoni kbar, dawk is-siti jiġu proposti biss fejn hemm żona li tista’ tkun identifikata b’mod ċar li tirrappreżenta l-fattura fiżiċi u bioloġiċi essenzjali għall-għixien u r-riproduzzjoni tagħhom. Fejn jixraq, l-Istati Membri għandhom jipproponu l-adattament tal-lista in vista tar-riżultati tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11.

Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. Dik l-informazzjoni jrid ikun fiha mappa tas-sit, isimha, il-post, id-daqs u l-fatti magħrufa li jirriżultaw mill-applikar tal-kriterji speċifikati fl-Anness III (Stadju 1) mogħtija f’għamla stabbilita mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.”

7

Fit-tieni lok, meta l-Istat Membru kkonċernat jibgħat il-lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitats naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II jospitaw is-siti, jirriżulta mill-ewwel u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ dik id-Direttiva li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, minn din il-lista u bi ftehim mal-Istat Membru kkonċernat, abbozz ta’ lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja (iktar ’il quddiem “SIK”). Fit-tielet lok, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) u mal-Artikolu 4(3) tal-istess direttiva, il-lista ta’ siti magħżula bħala SIK għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 21 tagħha. Fir-raba’ lok, mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats jirriżulta li, ladarba jkun ġie adottat SIK skont din il-proċedura, l-Istat Membru kkonċernat jiddenominah bħala ŻSK.

8

L-Anness II tad-Direttiva dwar il-habitats, li jelenka speċijiet ta’ annimali u pjanti li huma ta’ interess Komunitarju li l-konservazzjoni tagħhom teħtieġ id-denominazzjoni ta’ ŻSK, jirreferi, fil-punt (a), intitolat “Annimali”, b’mod partikolari għal “Vertebrati”, inkluż fil-lista ta’ speċi ta’ “Cetacea”, il-foċena komuni.

9

L-Anness III ta’ din id-direttiva huwa intitolat “Kriterji biex ikunu magħżula siti li huma eliġibbli biex jintgħarfu bħala siti ta’ importanza għall-Komunità [SIK] u nominati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni [ŻSK]”. It-titolu “Stadju 1: Evalwazzjoni fuq livell nazzjonali ta’ l-importanza relattiva tas-siti għal kull tip ta’ habitat naturali fl-Anness I u kull speċi fl-Anness II (inkluż it-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità u l-ispeċi ta’ priorità)” jinkludi l-punt B li jelenka kif ġej il-“Kriterji ta’ evalwazzjoni tas-sit għal speċi msemmija fl-Anness II”:

“(a)

Daqs u kobor tal-popolazzjoni ta’ l-ispeċi li hemm fis-sit skond il-popolazzjonijiet li hemm fit-territorju nazzjonali.

(b)

Ammont ta’ konservazzjoni tal-karatteristiċi ta’ l-habitat naturali li huma importanti għall-ispeċi konċernati u l-possibiltajiet ta’ ripristinar.

(ċ)

Ammont ta’ iżolament tal-popolazzjoni li hemm fis-sit kif imqabbla mal-firxa naturali ta’ l-ispeċi.

(d)

Stima globali tal-valur tas-sit għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi konċernata.”

10

Din il-parti tal-Anness III tinkludi wkoll il-punt C li jippreċiża li, skont il-kriterji elenkati fil-punt B, “l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw is-siti li huma jipproponu fil-lista nazzjonali bħala siti eliġibbli biex ikunu identifikati bħala siti ta’ importanza għall-Komunità skond il-valur relattiv tagħhom għall-konservazzjoni ta’ kull tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew kull speċi fl-Anness II”.

Il-proċedura prekontenzjuża

11

Matul is-sena 2012, il-Kummissjoni rċeviet ilment mingħand l-organizzazzjoni mhux governattiva World Wildlife Fund UK dwar, b’mod partikolari, il-fatt li r-Renju Unit ma kienx iddenomina ŻSK għall-foċena komuni.

12

Insostenn tal-ilment, World Wildlife Fund UK hemżet rapport intitolat “Protezzjoni tal-foċena komuni fl-ibħra tar-Renju Unit”, imfassal minn żewġ esperti tal-ispeċi kkonċernata, Peter Evans u Sian Prior (iktar ’il quddiem ir-“rapport Evans u Prior”). Dan ir-rapport identifika sitt siti li, fuq il-bażi tad-data xjentifika disponibbli, kellhom ikunu s-suġġett ta’ denominazzjoni bħala ŻSK għal din l-ispeċi. Dawn kienu s-siti ddenominati rispettivament “Western Scotland and Inner Hebrides”, “North & West Anglesey”, “South-west Llyn”, “South Cardigan Bay”, “Pembrokeshire Marine/Sir Benfro Forol” u “Outer Bristol Channel”. Skont l-imsemmmi rapport, ħames siti oħra setgħu wkoll potenzjalment jagħmlu parti min-netwerk ta’ ŻSK, jiġifieri s-siti ddenominati “Northern Isles”, “Moray Firfth”, li jestendu sa East Grampian, “Eastern England”, “Dogger Bank” u “Skerries and Causeway”, li jinsabu fl-Irlanda ta’ Fuq. Ir-rapport Evans u Prior kien jinkludi abbozzi ta’ formoli standard tad-data għal kull wieħed mis-siti identifikati.

13

F’Settembru 2012, ir-Renju Unit ikkonstata li l-foċena komuni kienet preżenti f’34 sit Natura 2000 li huwa kien ippropona skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, iżda kien attribwixxa sempliċement bħala “D” taħt il-kriterju ta’ popolazzjoni, li jfisser li minn 34 sit propost, 33 ma setgħux jiġu kkunsidrati għal din l-ispeċi skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ SIK u, sussegwentement, ta’ ŻSK. Sit wieħed biss fir-Renju Unit ġie identifikat bħala li jissodisfa l-kriterju ta’ popolazzjoni “C”, jiġifieri s-sit UK0030383 “Skerries and Causeway”.

14

Fil-25 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni bagħtet formalment mistoqsijiet lill-Gvern tar-Renju Unit fil-kuntest tal-mekkaniżmu EU Pilot.

15

Ir-Renju Unit wieġeb formalment għal dawn il-mistoqsijiet, fil-kuntest ta’ dan l-istess mekkaniżmu, fis-17 ta’ Diċembru 2012.

16

Peress li qieset li l-proposta ta’ sit wieħed għall-ispeċi inkwistjoni kienet insuffiċjenti fid-dawl tar-rapport Evans u Prior, il-Kummissjoni, fil-21 ta’ Ġunju 2013, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju Unit, li fiha hija lmentat li r-Renju Unit kien naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jipproponi siti għall-foċena komuni, konformement mal-Artikolu 3(2) u mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats.

17

Ir-Renju Unit, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Awwissu 2013, wieġeb għall-ittra ta’ intimazzjoni billi kkontesta, essenzjalment, il-fatt li r-rapport Evans u Prior kien jipprovdi provi suffiċjenti li juru li kien hemm siti oħra li kellhom jiġu proposti fuq il-bażi ta’ informazzjoni xjentifika rilevanti eżistenti. Ir-Renju Unit indika, madankollu, li kien qiegħed jissokta bl-investigazzjonijiet tiegħu dwar dan il-punt bil-għan li jipproponi siti oħra għall-foċena komuni, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats.

18

Peress li ebda sit ieħor ma ġie propost f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, fis-17 ta’ Ottubru 2014, bagħtet opinjoni motivata lir-Renju Unit skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 258 TFUE, fejn ilmentat li r-Renju Unit kien kiser l-obbligu tiegħu li jipproponi, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, numru suffiċjenti ta’ siti għall-foċena komuni.

19

F’din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni fakkret, minn naħa, li, sad-data tat-trażmissjoni tagħha, l-uniku sit propost skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats kien is-sit “Skerries u Causeway” u, min-naħa l-oħra, li l-provi ppreżentati fl-abbozzi tal-formoli standard tad-data, kif inkorporati fir-rapport Evans u Prior, kienu jikkostitwixxu “l-aħjar prova disponibbli” għall-finijiet tad-denominazzjoni tas-siti proposti skont din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li hija kienet imħassba li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu u, għaldaqstant, in-nuqqas ta’ rikonoxximent fir-rigward ta’ dawn is-siti tal-protezzjoni pprovduta lilhom mill-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, jimplika b’mod konkret, li l-applikazzjonijiet għall-parks eoliċi marini kienu qegħdin jiġu pproċessati mingħajr kunsiderazzjoni għall-impatt tagħhom fuq il-popolazzjonijiet ta’ foċeni komuni.

20

Id-data ta’ skadenza għall-konformità mal-opinjoni motivata kienet is-16 ta’ Diċembru 2014.

21

Fir-risposta tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2014, ir-Renju Unit ippreżenta il-miżuri li kienu ttieħdu sabiex jiġu identifikati u proposti siti għall-foċena komuni kif ukoll skeda indikattiva għat-tlestija tal-miżuri neċessarji għal dan il-għan, inkluża ż-żamma ta’ konsultazzjoni pubblika.

22

Fid-29 ta’ Jannar 2015, inżammet laqgħa fi Brussell (il-Belġju) bejn l-uffiċjali tal-Kummissjoni u tar-Renju Unit, sabiex jiġi diskuss f’iktar dettall is-segwitu tal-opinjoni motivata mir-Renju Unit. Dakinhar, dan l-Istat Membru ppreżenta mappa taż-żoni magħżula għall-konsultazzjoni pubblika potenzjali.

23

Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-28 ta’ Mejju 2015, ir-Renju Unit ittrażmetta lill-Kummissjoni kopja tal-opinjoni inizjali tal-korp konsultattiv tiegħu tad-dritt pubbliku, kif ukoll dokument spjegattiv li jiddeskrivi kif il-kriterji stabbiliti fid-Direttiva dwar il-habitats ġew applikati fl-analiżi inizjali. Dawn id-dokumenti identifikaw tmien żoni magħżula għall-finijiet ta’ konsultazzjoni pubblika potenzjali, li kienu mqassma fuq tliet “unitajiet ta’ ġestjoni” sabiex jinkiseb “netwerk rappreżentattiv ta’ siti”.

24

Wara li, fit-3 ta’ Diċembru 2015, ir-Renju Unit ittrażmetta lill-Kummissjoni verżjoni aġġornata ta’ skeda li kienet tipprevedi dewmien addizzjonali ta’ mhux inqas minn tmien xhur, fid-19 ta’ Jannar 2016, huwa informa lill-Kummissjoni li kienet tnediet konsultazzjoni pubblika dwar id-determinazzjoni ta’ ħames siti li setgħu jiġu proposti fl-Ingilterra, f’Wales u fl-Irlanda ta’ Fuq.

25

Fit-23 ta’ Marzu 2016, tnediet konsultazzjoni pubblika separata għal sit fl-Iskozja.

26

Fit-22 ta’ Settembru 2016, ir-Renju Unit ippropona formalment li żona msejħa “Inner Hebrides and fil-Minches”, li tinsab fl-ibħra Skoċċiżi, titqies bħala ŻSK għall-foċena komuni fl-Iskozja tal-Punent.

27

Peress li r-Renju Unit ma kienx, għalhekk, ħa l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fit-23 ta’ Diċembru 2016.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

28

B’att separat tal-14 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors skont l-Artikolu 151 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

29

B’deċiżjoni tas-26 ta’ Settembru 2017, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ngħaqdet mal-mertu u r-Renju Unit ġie mistieden jippreżenta risposta.

L-argumenti tal-partijiet

30

Ir-Renju Unit isostni, essenzjalment, li r-rikors huwa inammissibbli peress li l-ilmenti, kif esposti fir-rikors, huma intiżi b’mod partikolari kontra miżuri li huwa adotta biss wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-konformità mal-opinjoni motivata, jiġifieri, b’mod partikolari, il-proposta magħmula minn dan l-Istat Membru fit-22 ta’ Settembru 2016, tal-kostituzzjoni ta’ ŻSK addizzjonali, imsejħa “Inner Hebrides and fil-Minches”, li tinsab fl-ibħra Skoċċiżi.

31

Barra minn hekk, fil-punt 33, ir-rikors isemmi speċifikament in-nuqqas ta’ “siti” proposti għall-foċeni komuni, filwaqt li l-opinjoni motivata hija bbażata fuq il-fatt li r-Renju Unit sempliċement ippropona biss sit wieħed intiż li jsir ŻSK. Fil-punti 57 sa 58 tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li d-denominazzjoni tar-Renju Unit tas-sit “Inner Hebrides and Minches” ma tikkostitwixxix konformità mal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats.

32

Skont ir-Renju Unit, sabiex tilmenta kontra n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi taħt din id-Direttiva permezz tas-sit “Inner Hebrides and Minches” bħala ŻSK potenzjali, il-Kummissjoni kellha tressaq proċedura prekontenzjuża f’dan ir-rigward.

33

Konsegwentement, ir-rikors jinkludi, bi ksur tal-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, ilmenti li ma kinux inklużi fl-opinjoni motivata u li jitressqu kontra miżuri nazzjonali adottati wara li ġiet adottata l-imsemmija opinjoni motivata.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sakemm ma huwiex intiż li jippreġudika l-garanziji essenzjali li jibbenefikaw minnhom l-Istati Membri abbażi tal-Artikolu 258(1) TFUE, dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat il-mertu tal-kawża.

35

Skont il-Kummissjoni, l-elementi esposti fir-rikors tagħha jikkonkordaw mal-ilmenti fformulati fl-opinjoni motivata, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 258 TFUE u mal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

36

Fil-fatt, l-ewwel nett, il-ksur ikkonstatat fl-opinjoni motivata u dak ikkonstatat fir-rikors jikkonċerna essenzjalment l-istess nuqqas imputabbli lir-Renju Unit, jiġifieri l-fatt li ma pproponiex numru suffiċjenti ta’ siti għall-foċena komuni skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats u, b’korrelazzjoni, in-nuqqas li jikkontribwixxi għall-kostituzzjoni tan-netwerk Natura 2000. Is-siti differenti msemmija fir-rikors jissemmew pjuttost sabiex juru li r-Renju Unit jippersisti bil-ksur ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tiegħu li jipproponi numru suffiċjenti ta’ siti. Huwa f’dan il-kuntest li għandu jinqara r-rikors fl-intier tiegħu, inkluż il-punt 33 tiegħu.

37

Il-Kummissjoni ssostni, sussegwentement, li mir-rikors jirriżulta ċarament li r-referenzi għal fatti u ċirkustanzi li seħħew wara s-16 ta’ Diċembru 2014 huma esklużivament intiżi li jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja kuntest fattwali komplet u li jispeċifikaw, “għall-finijiet ta’ kompletezza”, li l-Kummissjoni qieset li l-ksur kien għadu fis-seħħ fid-data tal-preżentata tar-rikors.

38

Fl-aħħar nett, anki li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-portata tar-rikors teċċedi l-portata tal-ilment ifformulat fl-opinjoni motivata abbażi tal-fatt li hemm riferiment għall-fatti u ċirkustanzi li seħħew wara s-16 ta’ Diċembru 2014, dan ma għandu, fi kwalunkwe każ, iwassal għall-konklużjoni li r-rikors huwa inammissibbli fl-intier tiegħu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l-Artikolu 258 TFUE, huwa stabbilit mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’mod li r-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess raġunjijet u motivi ta’ din l-opinjoni (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑171/08, EU:C:2010:412, punt 25, u tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 37).

40

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ Stat Membru għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru prevalenti fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑351/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2150, punt 20, u tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 40).

41

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kemm fl-opinjoni motivata kif ukoll fir-rikors, il-Kummissjoni tilmenta li r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats billi ma ddenominax siti għall-protezzjoni tal-foċena komuni, u konsegwentement, ma kkontribwixxiex għall-kostituzzjoni tan-netwerk Natura 2000.

42

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, sa fejn hemm riferiment għal “siti” proposti għall-foċena komuni, għandu jiġi nnotat li r-referenza fil-plural essenzjalment tirrifletti sempliċement il-kliem tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-habitats.

43

It-tieni nett, filwaqt li huwa minnu li, kif jenfasizza ir-Renju Unit ukoll, l-opinjoni motivata kienet tikkonċerna biss is-sit “Skerries u Causeway”, l-uniku sit propost qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, filwaqt li, fil-punti 57 sa 58 tar-rikors, il-Kummissjoni tiddiskuti l-proposta addizzjonali tas-sit “Inner Hebrides and Minches”, li saret wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu, jirriżulta minn qari tal-imsemmija siltiet tar-rikors fil-kuntest tagħhom li r-riferiment għal dan l-aħħar sit sar mill-Kummissjoni biss għall-finijiet ta’ kompletezza u sussidjarjament, mingħajr ma estendiet għalhekk is-suġġett tal-kawża kif iddefinit, b’mod konkordanti, fil-konklużjonijiet tal-opinjoni motivata u tar-rikors.

44

Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, din it-tieni proposta ta’ sit ma hijiex ser tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-504/14, EU:C:2016:847, punt 69).

45

Minn dan jirriżulta li r-rikors huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

46

Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4(1) kif ukoll taħt l-Annessi II u III tad-Direttiva dwar il-habitats, peress li dawn l-obbligi jikkonċernaw il-protezzjoni tal-foċena komuni.

47

Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri li t-territorju tagħhom jinkludi siti li jospitaw il-foċena komuni kienu obbligati jibagħtu lill-Kummissjoni, mhux iktar tard mill-10 ta’ Ġunju 1995, lista ta’ siti proposti għall-protezzjoni tal-ispeċi. Fid-dawl tal-kumplessità tal-kostituzzjoni tan-netwerk Natura 2000 fl-ambjent marittimu, ikkostititwit minn diversi ŻSK, il-Kummissjoni inizjalment ma ppreżentatx rikorsi kontra l-Istati Membri li ma kinux osservaw din l-iskadenza. Madankollu, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni [COM(2006) 216] tat-22 ta’ Mejju 2006, intitolata “Waqfien tat-telf tal-biodiversità sal-2010 u lil hinn – Preżervazzjoni tas-servizzi ekosistematiċi għall-benesseri tal-bniedem” kienet tipprevedi li n-netwerk Natura 2000 fl-ambjent marittimu kellu jiġi stabbilit mhux iktar tard mis-sena 2012 u li l-Istati Membri kollha li jospitaw il-foċena komuni fir-reġjun tal-Atlantiku, minbarra r-Renju Unit, kellhom jidentifikaw siti fl-ilmijiet marittimi tagħhom sa din l-iskadenza.

48

Sas-16 ta’ Diċembru 2014, ir-Renju Unit kien ippropona sit wieħed biss għall-foċena komuni, jiġifieri s-sit “Skerries u Causeway”, li kien insuffiċjenti sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-obbligu li tiġi stabbilita lista eżawrjenti ta’ siti, kif previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. Sa fejn in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu fil-fatt ipprekluda l-kostituzzjoni tan-netwerk Natura 2000, kif previst fl-Artikolu 3(1) ta’ dik id-Direttiva, ir-Renju Unit naqas ukoll milli jwettaq dan l-obbligu.

49

Skont il-Kummissjoni, in-natura insuffiċjenti ta’ lista li telenka sit wieħed biss tirriżulta, l-ewwel nett, mill-fatt li, skont l-informazzjoni li hija għandha abbażi tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-habitats, 56 % tas-superfiċje ta’ distribuzzjoni tal-ispeċi kkonċernata fiż-żona tal-Atlantiku tinsab fl-ilmijiet marittimi tar-Renju Unit, filwaqt li s-sit propost minn dan l-Istat Membru jkopri biss 0.1 % ta’ din is-superfiċje.

50

It-tieni nett, ir-rapport Evans u Prior identifika sitt siti li fir-rigward tagħhom l-informazzjoni rilevanti disponibbli fid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport matul is-sena 2012 kellhom iwasslu lir-Renju Unit jipproponihom bħala ŻSK potenzjali u ħames siti oħra li setgħu potenzjalment jiġu proposti sabiex jiġu integrati fin-netwerk ta’ ŻSK.

51

It-tielet nett, in-natura insuffiċjenti ta’ lista li telenka sit wieħed biss għall-foċena komuni fir-Renju Unit hija kkonfermata minn sorsi oħra, bħall-konklużjonijiet tas-seminar bijoġeografiku marittimu Natura 2000 għar-reġjun tal-Atlantiku, li sar f’Galway (l-Irlanda) fl-24 u fil-25 ta’ Marzu 2009, kif ukoll l-opinjoni inizjali tal-Joint Nature Conservation Committee (Kumitat Konġunt għall-Konservazzjoni tan-Natura), li identifika tmien siti potenzjali għall-foċena komuni fl-ilmijiet marittimi tar-Renju Unit.

52

Ir-raba’ nett, Stati Membri oħra identifikaw siti għall-foċena komuni li jinsabu qrib ħafna ta’ sit identifikat fir-rapport Evans u Prior bħala li jista’ jiġi propost għad-denominazzjoni bħala ŻSK iżda r-Renju Unit ma pproponihx.

53

Il-Kummissjoni tiċħad l-argument li permezz tiegħu r-Renju Unit jikkontesta r-rilevanza u l-fondatezza tal-informazzjoni u tal-provi li fuqhom hija tibbaża ruħha, b’mod partikolari r-rapport Evans u Prior. Ir-Renju Unit lanqas ma jista’ jinvoka l-kumplessità u d-diffikulatajiet marbuta mal-identifikazzjoni ta’ siti marittimi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li dan l-Istat Membru ripetutament ma osservax l-iskedi previżjonali tiegħu stess.

54

Il-Kummissjoni tosserva, barra minn hekk, li s-sit addizzjonali li r-Renju Unit iddenomina b’effett mis-16 ta’ Diċembru 2014, jiġifieri s-sit “Inner Hebrides and Minches”, huwa wkoll insuffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi taħt id-Direttiva dwar il-habitats, peress li s-superfiċje kumulata ta’ dan is-sit u tas-sit “Skerries and Causeway” tkopri inqas minn 3 % tas-superfiċje ta’ distribuzzjoni stmata tal-foċena komuni fir-reġjun tal-Atlantiku fl-ilmijiet marittimi tar-Renju Unit.

55

Fir-risposta tiegħu, ir-Renju Unit jenfasizza, qabelxejn, li l-identifikazzjoni ta’ ŻSK potenzjali adatti għall-foċena komuni huwa proċess estremament diffiċli, b’mod partikolari minħabba l-fatt li d-Direttiva dwar il-habitats teżiġi espressament li s-siti għandhom jiġu proposti bħala ŻSK biss fil-każ ta’ siti li jistgħu jiġu “identifikat[i] b’mod ċar”, u li n-natura adatta ta’ sit għall-finijiet tal-identifikazzjoni tiegħu bħala ŻSK potenzjali għandha tkun suġġetta għal evalwazzjoni xjentifika rigoruża u li huwa imperattiv li jiġu evitati inutilment riżorsi għal siti li, evidentement, ma jikkontribwixxux sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva dwar il-habitats u tan-netwerk Natura 2000. Id-delimitazzjoni ta’ siti bħala ŻSK potenzjali hija partikolarment diffiċli fil-każ tal-foċena komuni sa fejn dan huwa ċetaċju naturalment mifrux ħafna u li fir-rigward tal-aġir riproduttiv tiegħu ftit li xejn hemm informazzjoni. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, fir-rigward ta’ tali delimitazzjoni, sar progress sostanzjali mir-Renju Unit b’effett mid-data tal-opinjoni motivata u, sussegwentement, mid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors.

56

Madankollu, ir-Renju Unit jirrikonoxxi li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu għall-konformità mal-opinjoni motivata, l-identifikazzjoni u l-proposta mir-Renju Unit ta’ lista li telenka sit wieħed biss bħala ŻSK potenzjali, jiġifieri “Skerries and Causeway”, ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats fir-rigward tal-foċena komuni. F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit jirrikonoxxi li huwa kien naqas ukoll, sa din id-data, mill-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 3(2) ta’ din id-Direttiva li jikkontribwixxi għall-kostituzzjoni tan-netwerk Natura 2000 skont ir-rappreżentanza, fit-territorju tiegħu, tal-foċena komuni.

57

Min-naħa l-oħra, ir-Renju Unit jikkontesta l-kritika tal-Kummissjoni dwar l-approċċ metodoloġiku tiegħu għall-identifikazzjoni u l-proposta ta’ siti. Madankollu, ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar dawn il-kwistjonijiet peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt preċedenti, dan l-Istat Membru rrikonoxxa n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tiegħu fl-opinjoni motivata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58

Għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-habitats jipprevedi l-kostituzzjoni ta’ netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ ŻSK, imsejjaħ “Natura 2000”, li huwa fformat minn siti li jospitaw tipi ta’ habitats naturali elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva u ta’ habitats ta’ speċijiet elenkati fl-Anness II tal-imsemmija direttiva, bħall-foċena komuni, li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors.

59

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar il-habitats jobbliga lill-Istati Membri jikkontribwixxu għall-kostituzzjoni tan-netwerk Natura 2000 skont ir-rappreżentanza, fit-territorji rispettivi tagħhom, ta’ tali tipi ta’ habitats naturali u ta’ tali habitats ta’ speċijiet, u li jiddenominaw, għal dan il-għan, konformement mal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva u skont il-proċedura stabbilita minnha, siti bħala ŻSK.

60

Il-proċedura tad-denominazzjoni ta’ dawn is-siti bħala ŻSK, kif prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-habitats tiżvolġi f’erba’ stadji, li l-ewwel wieħed fosthom jikkonsisti, konformement mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, fl-istabbiliment, għal kull Stat Membru, fuq il-bażi tal-kriterji tal-għażla previsti fl-Anness III ta’ din id-Direttiva, ta’ lista ta’ siti li jindikaw it-tipi ta’ habitats naturali u l-ispeċijiet indiġeni li jospitaw, imsemmija rispettivament fl-Annessi I u II tagħha, u fit-trażmissjoni ta’ din il-lista lill-Kummissjoni.

61

Għandu jiġi rrilevat li l-listi ta’ siti hekk proposti mill-Istati Membri jservu sussegwentement, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-habitats, ta’ bażi għall-istabbiliment, mill-Kummissjoni, ta’ abbozz ta’ lista ta’ SIK.

62

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat ripetutament li, sabiex jiġi stabbilit abbozz ta’ lista ta’ SIK, li jista’ jwassal għall-kostituzzjoni ta’ netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ ŻSK, il-Kummissjoni għandu jkollha lista eżawrjenti ta’ siti li, fuq livell nazzjonali, għandhom interess ekoloġiku rilevanti mill-perspettiva tal-għan tal-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġi li hemm riferiment għalihom fid-Direttiva dwar il-habitats (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2000, First Corporate Shipping, C-371/98, EU:C:2000:600, punt 22, u tal-11 ta’ Settembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-220/99, EU:C:2001:434, punt 31).

63

Barra minn hekk, huwa b’dan il-mod biss li jista’ jintlaħaq l-għan, stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, taż-żamma jew tar-restituzzjoni, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tat-tipi ta’ habitats naturali u habitats tal-ispeċijiet ikkonċernati fis-superfiċje ta’ distribuzzjoni naturali tagħhom, li tista’ testendi tul waħda jew iktar mill-fruntieri interni tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, mill-Artikolu 1(e) u (i) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tagħha, jirriżulta li l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ habitat naturali jew ta’ speċi għandu jiġi evalwat b’rabta mat-territorju Ewropew kollu tal-Istati Membri, li fir-rigward tiegħu japplika t-Trattat (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-71/99, EU:C:2001:433, punt 28).

64

F’dan il-każ, huwa paċifiku li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri fis-16 ta’ Diċembru 2014, ir-Renju Unit, għall-finijiet li tiġi stabbilita l-lista ta’ siti msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, kien stabbilixxa sit wieħed biss fuq il-lista li jospita l-foċena komuni, jiġifieri s-sit “Skerries and Causeway”.

65

Madankollu, fir-risposta tiegħu, ir-Renju Unit jirrikonoxxi li, f’din id-data, l-identifikazzjoni u l-proposta ta’ dan is-sit kienu insuffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligu impost fuqu, skont dan l-Artikolu 4(1), li jistabbilixxi l-lista ta’ siti li jospitaw il-foċena komuni u, għalhekk, li jikkontribwixxi għall-kostituzzjoni tan-netwerk Natura 2000, konformement ma’ dak li jipprevedi l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva.

66

Peress li, barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreżentat provi suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-insuffiċjenza ta’ siti fuq il-lista trażmessa mir-Renju Unit, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma pproponiex u ma ttrażmettiex, fit-terminu previst, konformement mal-Artikolu 4(1) kif ukoll mal-Annessi II u III tad-Direttiva dwar il-habitats, lista li tindika numru suffiċjenti ta’ siti li jospitaw il-foċena komuni, u billi, f’dan ir-rigward, ma kkontribwixxiex, konformement mal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, għall-kostituzzjoni tan-netwerk Natura 2000 skont ir-rappreżentanza, fit-territorju tiegħu, ta’ habitats ta’ din l-ispeċi, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq l-ispejjeż

67

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma pproponiex u ma ttrażmettiex, fit-terminu previst, konformement mal-Artikolu 4(1) kif ukoll mal-Annessi II u III tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, lista li tindika numru suffiċjenti ta’ siti li jospitaw il-foċena komuni (Phocoena phocoena), u billi, f’dan ir-rigward, ma kkontribwixxiex, konformement mal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, għall-kostituzzjoni tan-netwerk Natura 2000 skont ir-rappreżentanza, fit-territorju tiegħu, ta’ habitats ta’ din l-ispeċi, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont dawn id-dispożizzjonijiet.

 

2)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top