EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0622

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Novembru 2018.
Scuola Elementare Maria Montessori Srl vs Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea vs Scuola Elementare Maria Montessori Srl u Il-Kummissjoni Ewropea vs Pietro Ferracci.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni li tiddikjara li l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern huwa impossibbli – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat – Rikorsi għal annullament ippreżentati minn kompetituri ta’ benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat – Ammissibbiltà – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni – Inċidenza diretta – Kunċett ta’ ‘impossibbiltà assoluta’ li tiġi rkuprata għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Kunċetti ta’ ‘impriża’ u ta’ ‘attività ekonomika’.
Kawżi magħquda C-622/16 P sa C-624/16 P.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:873

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Novembru 2018 ( *1 ) ( 1 )

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni li tiddikjara li l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern huwa impossibbli – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat – Rikorsi għal annullament ippreżentati minn kompetituri ta’ benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat – Ammissibbiltà – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni – Inċidenza diretta – Kunċett ta’ ‘impossibbiltà assoluta’ li tiġi rkuprata għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Kunċetti ta’ ‘impriża’ u ta’ ‘attività ekonomika’”

Fil-Kawżi magħquda C‑622/16 P sa C‑624/16 P,

li għandhom bħala suġġett tliet appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fil-25 ta’ Novembru 2016,

Scuola Elementare Maria Montessori Srl, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn E. Gambaro u F. Mazzocchi, avvocati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Grespan, P. Stancanelli u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Bellis u S. Fiorentino, avvocati dello Stato,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑622/16 P),

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Stancanelli, D. Grespan u F. Tomat, bħala aġenti,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Scuola Elementare Maria Montessori Srl, stabbilita f’Ruma, irrappreżentata minn E. Gambaro u F. Mazzocchi, avvocati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Bellis u S. Fiorentino, avvocati dello Stato,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑623/16 P),

u

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Stancanelli, D. Grespan u F. Tomat, bħala aġenti,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Pietro Ferracci, residenti f’San Cesareo (l-Italja),

rikorrent fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Bellis u S. Fiorentino, avvocati dello Stato,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑624/16 P),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, T. von Danwitz (Relatur) u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, D. Šváby, M. Berger, C. G. Fernlund u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Frar 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom fil-Kawżi C‑622/16 P u C‑623/16 P, Scuola Elementare Maria Montessori Srl u l-Kummissjoni Ewropea qegħdin jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondat ir-rikors ippreżentat minn Scuola Elementare Maria Montessori u intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/284/UE tad-19 ta’ Diċembru 2012 dwar l-għajnuna mill-istat SA.20829 (C 26/2010, qabel NN 43/2010 (qabel CP 71/2006)) Is-sistema għall-eżenzjoni mill-ICI [taxxa muniċipali fuq il-proprjetà immobbli] għal bini li jintuża minn istituzzjonijiet mhux kummerċjali għal skopijiet speċifiċi li ġiet implimentata mill-Italja (ĠU 2013, L 166, p. 24, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

2

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑624/16 P, il-Kummissjoni qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2016, Ferracci vs Il‑Kummissjoni (T‑219/13, EU:T:2016:485), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondat ir-rikors ippreżentat minn Pietro Ferracci u intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” bħala “kull att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri implimentattivi oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi definiti fi ħdan l-att f’manjiera ġenerali u astratta u kull azzjoni li abbażi tagħha għajnuna li m’hijiex magħquda ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit”.

4

L-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna [i]llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni ta’ rkupru’). Il‑Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.”

Il-fatti li wasslu għat-tilwim

5

Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, il-fatti li wasslu għat-tilwim, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 20 tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484) u tal-15 ta’ Settembru 2016, Ferracci vs Il‑Kummissjoni (T‑219/13, EU:T:2016:485) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sentenzi appellati”), jistgħu jiġu deskritti fil-qosor bil-mod segwenti.

6

P. Ferracci huwa l-proprjetarju ta’ lukanda għat-turisti “Bed & Breakfast”, komposta minn żewġt ikmamar. Scuola Elementare Maria Montessori hija stabbiliment ta’ tagħlim privat. Matul is-snin 2006 u 2007, huma ppreżentaw ilmenti quddiem il-Kummissjoni fejn allegaw li, minn naħa, l-emenda tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema nazzjonali dwar l-Imposta comunale sugli immobili (taxxa muniċipali fuq il-proprjetà immobbli, iktar ’il quddiem l-“ICI”), adottata mir-Repubblika Taljana, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 149(4) tat-Testo unico delle imposte sui redditi (it-Test Uniku dwar it-Taxxi fuq id-Dħul, iktar ’il quddiem it-“TUIR”), kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.

7

L-emenda tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ICI kienet essenzjalment intiża li tistabbilixxi li l-eżenzjoni minn din it-taxxa li minnha kienu jibbenefikaw, sa mill-1992, l-entitajiet mhux kummerċjali li jeżerċitaw, fil-proprjetà immobbli tagħhom, esklużivament attivitajiet fl-oqsma tal-assistenza soċjali, tas-sigurtà soċjali, tal-kura tas-saħħa, tal-edukazzjoni, tal-akkomodazzjoni, tal-kultura, tar-rikreazzjoni, tal-isport, tar-reliġjon u l-qima, kellha tinftiehem bħala li tapplika wkoll għall-imsemmija attivitajiet “indipendentement min-natura possibbilment kummerċjali tagħhom”. L-Artikolu 149(4) tat-TUIR kien jeżenta, essenzjalment, lill-entitajiet ekkleżjastiċi rrikonoxxuti bħala persuni ġuridiċi taħt id-dritt ċivili u lill-klabbs tal-isport mhux professjonali mill-applikazzjoni tal-kriterji previsti f’din id-dispożizzjoni għall-entitajiet l-oħra kollha għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-telf tal-kwalità ta’ entità mhux kummerċjali.

8

Fit-12 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward, minn naħa, tal-eżenzjoni mill-ICI u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 149(4) tat-TUIR.

9

Fil-15 ta’ Frar 2012, l-awtoritajiet Taljani indikaw lill-Kummissjoni li kellhom l-intenzjoni jadottaw leġiżlazzjoni ġdida fil-qasam tat-taxxa muniċipali fuq il-proprjetà immobbli u ħabbru li l-eżenzjoni mill-ICI kienet ser tiġi ssostitwita, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012, bl-eżenzjoni prevista fis-sistema l-ġdida dwar l-Imposta municipale unica (it-taxxa muniċipali unika, iktar ’il quddiem l-“IMU”). Din il-leġiżlazzjoni ġiet adottata fid-19 ta’ Novembru 2012.

10

Fid-19 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża fejn ikkonstatat, l-ewwel nett, li l-eżenzjoni mogħtija, fis-sistema tal-ICI, lill-entitajiet mhux kummerċjali li jeżerċitaw, fil-proprjetà immobbli tagħhom, attivitajiet speċifiċi, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern u kienet implimentata b’mod illegali mir-Repubblika Taljana, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. It-tieni nett, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ din il-kawża, kien ser ikun assolutament impossibbli għar-Repubblika Taljana li tirkupra l-għajnuna illegali, b’tali mod li l-Kummissjoni ma ordnatx dan l-irkupru fid-deċiżjoni kontenzjuża. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li la l-Artikolu 149(4) tat-TUIR u lanqas l-eżenzjoni prevista fis-sistema l-ġdida tal-IMU ma kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati

11

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ April 2013, P. Ferracci u Scuola Elementare Maria Montessori ppreżentaw, separatament, rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn, permezz tagħha, il-Kummissjoni kkonstatat li kien impossibbli għall-awtoritajiet Taljani jirkupraw l-għajnuna meqjusa li hija illegali u inkompatibbli mas-suq intern (iktar ’il quddiem l-“ewwel aspett tad-deċiżjoni kontenzjuża”), li l-Artikolu 149(4) tat-TUIR ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (iktar ’il quddiem it-“tieni aspett tad-deċiżjoni kontenzjuża”), u li lanqas is-sistema l-ġdida tal-IMU ma kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (iktar ’il quddiem it-“tielet aspett tad-deċiżjoni kontenzjuża”).

12

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, li l-Qorti Ġenerali rabtet mal-evalwazzjoni fil-mertu permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Ottubru 2014.

13

Fis-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali ddikjarat iż-żewġ rikorsi ammissibbli skont it-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li qieset li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tikkostitwixxi att regolatorju li jikkonċerna direttament lil P. Ferracci u lil Scuola Elementare Maria Montessori u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tagħhom. Fir-rigward tal-mertu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet iż-żewġ rikorsi.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet fl-appelli

14

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑622/16 P, Scuola Elementare Maria Montessori titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484), u, għaldaqstant, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tordnax l-irkupru tal-għajnuna mogħtija permezz tal-eżenzjoni mill-ICI u qieset li l-miżuri dwar l-eżenzjoni mill-IMU ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE;

fi kwalunkwe każ, tannulla l-partijiet tal-imsemmija sentenza dwar l-aggravji mqajma f’dan l-appell u meqjusa fondati u milqugħa mill-Qorti tal-Ġustizzja, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

15

Il‑Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Taljana, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż kemm ta’ din il-proċedura u kemm tal-proċedura fl-ewwel istanza.

16

Permezz tal-appelli tagħha fil-Kawżi C‑623/16 P u C‑624/16 P, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Taljana, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenzi appellati sa fejn, permezz tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li huma ammissibbli r-rikorsi fl-ewwel istanza, fuq il-bażi tat-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE;

tiddikjara li r-rikorsi fl-ewwel istanza huma inammissibbli fuq il-bażi tat-tieni u tat-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u, għaldaqstant, tiċħadhom fl-intier tagħhom, u

tikkundanna lil P. Ferracci u lil Scuola Elementare Maria Montessori jħallsu l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni kemm fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u kemm fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

17

Scuola Elementare Maria Montessori titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni fil-Kawża C‑623/16 P u tikkonferma s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484), sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li r-rikors ippreżentat minnha kontra d-deċiżjoni kontenzjuża kien ammissibbli, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-kawża.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ April 2017, il-Kawżi C‑622/16 P sa C‑624/16 P ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Fuq l-appelli tal-Kummissjoni fil-Kawżi C‑623/16 P u C‑624/16 P

19

Insostenn tal-appelli tagħha fil-Kawżi C‑623/16 P u C‑624/16 P, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Taljana, tinvoka aggravju wieħed, maqsum fi tliet partijiet, li permezz tiegħu tallega li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat kull waħda mit-tliet kundizzjonijiet kumulattivi previsti fit-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Fuq l-ewwel parti

L-argumenti tal-partijiet

20

Il‑Kummissjoni ssostni li l-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża bħala att regolatorju hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, li kull att mhux leġiżlattiv ta’ portata ġenerali huwa neċessarjament att regolatorju. Fit-tieni lok, mill-portata ġenerali tal-miżuri nazzjonali li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, b’mod żbaljat, li din id-deċiżjoni għandha natura regolatorja. Fit-tielet lok, sa fejn l-ewwel aspett tad-deċiżjoni kontenzjuża jikkonċerna grupp limitat ta’ persuni, il-Qorti Ġenerali fi kwalunkwe każ ma misshiex qieset li kull wieħed mit-tliet aspetti tad-deċiżjoni kontenzjuża kellu portata ġenerali.

21

Scuola Elementare Maria Montessori tikkontesta dawn l-argumenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, ġiet introdotta, fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, it-tielet frażi li għamlet inqas riġidi l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Fil-fatt, din il-frażi, mingħajr ma tissuġġetta l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi għall-kundizzjoni dwar l-inċidenza individwali, tiftaħ dan ir-rimedju fir-rigward tal-“atti regolatorji” li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni u li jikkonċernaw direttament lir-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 57).

23

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “atti regolatorji”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-kunċett għandu portata iktar limitata minn dak ta’ “atti”, użat fl-ewwel u fit-tieni frażijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u jkopri atti ta’ portata ġenerali bl-esklużjoni tal-atti leġiżlattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 58 sa 61).

24

F’dan ir-rigward, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni fis-sens li jeżistu atti mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali, bħad-deċiżjoni kontenzjuża, li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “att regolatorju”, fis-sens tat-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni ma għandha ebda bażi fil-formulazzjoni, fl-oriġini jew inkella fil-finalità ta’ din id-dispożizzjoni.

25

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, din tirreferi, b’mod ġenerali, għall-“atti regolatorji” u ma tinkludix indikazzjoni fis-sens li dan ir-riferiment ikopri biss ċerti tipi jew ċerti kategoriji sekondarji ta’ dawn l-atti.

26

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-oriġini tal-istess dispożizzjoni, mix-xogħol preparatorju tal-Artikolu III-365(4) tal-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li l-kontenut tiegħu ġie riprodott f’termini identiċi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jirriżulta li ż-żieda tat-tielet frażi f’din id-dispożizzjoni kienet intiża li testendi l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament fir-rigward tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi u li l-uniċi atti ta’ portata ġenerali li fir-rigward tagħhom kellu jinżamm approċċ restrittiv kienu l-atti leġiżlattivi (ara, b’mod partikolari, Segretarjat tal-Konvenzjoni Ewropea, Rapport Finali tal-Grupp ta’ Diskussjoni dwar il-Funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Marzu 2003 (CONV 636/03, punt 22), u nota ta’ komunikazzjoni tal-Praesidium lill-Konvenzjoni, tat-12 ta’ Mejju 2003 (CONV 734/03, p. 20)).

27

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għan tat-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dan huwa, kif jirriżulta mill-punti 22, 23 u 26 ta’ din is-sentenza, li jagħmel inqas riġidi l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi u ġuridiċi kontra l-atti kollha ta’ portata ġenerali, ħlief dawk li għandhom natura leġiżlattiva. Issa, l-esklużjoni, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ ċerti tipi jew ta’ kategoriji sekondarji ta’ atti mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali tmur kontra dan l-għan.

28

Għaldaqstant, għandu jitqies li l-kunċett ta’ “att regolatorju”, fis-sens tat-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ikopri l-atti mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali kollha. Peress li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tikkostitwixxix att leġiżlattiv, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, għall-finijiet tal-eżami tan-natura regolatorja tat-tliet aspetti ta’ din id-deċiżjoni, evalwat biss jekk dawn l-aspetti kellhomx portata ġenerali.

29

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fit-tieni lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, att ikollu portata ġenerali jekk japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u jekk jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni identifikati b’mod ġenerali u astratt (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1968, Zuckerfabrik Watenstedt vs Il-Kunsill, 6/68, EU:C:1968:43, p. 605; tal-15 ta’ Jannar 2002, Libéros vs Il‑Kummissjoni, C‑171/00 P, EU:C:2002:17, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

L-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” bħala “kull att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri implimentattivi oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi definiti fi ħdan l-att f’manjiera ġenerali u astratta u kull azzjoni li abbażi tagħha għajnuna li m’hijiex magħquda ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit”.

31

Fir-rigward tat-tieni frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni intiżi li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu skema nazzjonali għandhom portata ġenerali. Din il-portata ġenerali tirriżulta mill-fatt li tali deċiżjonijiet japplikaw għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u għandhom effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni identifikati b’mod ġenerali u astratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 31; tas-17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C‑519/07 P, EU:C:2009:556, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2018, Lowell Financial Services vs Il‑Kummissjoni, C‑219/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:508, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 u 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għat-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, il-kwistjoni ta’ jekk att għandux jew le portata ġenerali tikkonċerna kwalità oġġettiva tal-att li ma tistax tvarja skont id-diversi frażijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, interpretazzjoni fis-sens li att jista’ jkollu kemm portata ġenerali fil-kuntest tat-tieni frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jista’ ma jkollux tali portata fil-kuntest tat-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE tmur kontra l-għan li wassal għaż-żieda ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, jiġifieri li tagħmel inqas riġidi l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

33

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li t-tieni u t-tielet aspett tad-deċiżjoni kontenzjuża għandhom portata ġenerali.

34

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-ewwel aspett tad-deċiżjoni kontenzjuża, huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ordni ta’ rkupru tikkonċerna individwalment lill-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni sa fejn dawn ikunu esposti, sa mill-adozzjoni ta’ tali ordni, għar-riskju li l-vantaġġi rċevuti jiġu rkuprati u, għalhekk, jagħmlu parti minn grupp limitat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il‑Kummissjoni, C‑15/98 u C‑105/99, EU:C:2000:570, punti 33 sa 35; tad-29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑298/00 P, EU:C:2004:240, punt 39, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 56).

35

Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi konkluż li l-ewwel aspett tad-deċiżjoni kontenzjuża ma għandux portata ġenerali u, għalhekk, ma għandux natura regolatorja.

36

Fil-fatt, mill-imsemmija ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li dan l-aspett jikkonċerna individwalment lill-grupp limitat ta’ benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma jipprekludix li l-imsemmi aspett jitqies li għandu portata ġenerali sakemm japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni identifikati b’mod ġenerali u astratt.

37

Issa, dan huwa l-każ hawnhekk.

38

Fil-fatt, peress li, permezz tal-ewwel aspett tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm lok li tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija bis-saħħa tal-eżenzjoni mill-ICI, minkejja n-natura illegali u inkompatibbli mas-suq intern tagħha, din id-deċiżjoni żżomm fis-seħħ l-effetti antikompetittivi tal-miżura ġenerali u astratta li din l-eżenzjoni tikkostitwixxi fir-rigward ta’ numru indeterminat ta’ kompetituri tal-benefiċjarji tal-għajnuna mogħtija bis-saħħa ta’ din il-miżura. Għaldaqstant, l-imsemmija deċiżjoni tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni identifikati b’mod ġenerali u astratt.

39

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali kellha raġun meta qieset li l-ewwel aspett tad-deċiżjoni kontenzjuża għandu portata ġenerali. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-aggravju uniku tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni parti

L-argumenti tal-partijiet

40

Il‑Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li R. Ferracci u Scuola Elementare Maria Montessori kienu kkonċernati direttament minħabba s-sempliċi fatt li setgħu potenzjalment jinsabu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ benefiċjarji tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, l-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali ma huwiex konformi ma’ dak adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284), kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2015, Confederazione Cooperative Italiane et vs Anicav et (C‑455/13 P, C‑457/13 P u C‑460/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:616). Sabiex juri li huwa kkonċernat direttament, rikorrent għandu jistabbilixxi li l-att ikkontestat għandu effetti suffiċjentement konkreti fuq is-sitwazzjoni tiegħu.

41

Scuola Elementare Maria Montessori tikkontesta dawn l-argumenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun ikkonċernata direttament mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, kif prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li żewġ kriterji jkunu ssodisfatti fl-istess ħin, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, liema implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, Glencore Grain vs Il‑Kummissjoni, C‑404/96 P, EU:C:1998:196, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni,C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 66, kif ukoll digriet tad-19 ta’ Lulju 2017, Lysoform Dr. Hans Rosemann u Ecolab Deutschland vs ECHA, C‑666/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:569, punt 42).

43

Fir-rigward, b’mod speċifiku, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi enfasizzat li l-għan tagħhom huwa li jħarsu l-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium,C‑393/04 u C‑41/05, EU:C:2006:403, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 60). B’hekk, f’dan il-qasam, il-fatt li deċiżjoni tal-Kummissjoni żżomm kompletament l-effetti ta’ miżuri nazzjonali li fir-rigward tagħhom ir-rikorrent ikun sostna, fi lment indirizzat lil dik l-istituzzjoni, li ma kinux kompatibbli ma’ dan l-għan u li jqegħduh f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata jippermetti li jiġi konkluż li din id-deċiżjoni taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tiegħu, b’mod partikolari d-dritt tiegħu, li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li ma jġarrabx kompetizzjoni distorta mill-miżuri nazzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il‑Kummissjoni, 169/84, EU:C:1986:42, punt 30).

44

F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel wieħed miż-żewġ kriterji msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset, fil-punt 42 tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484) u fil-punt 45 tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Ferracci vs Il‑Kummissjoni (T‑219/13, EU:T:2016:485), li dan il-kriterju kien issodisfatt għar-raġuni li s-servizzi offruti rispettivament minn P. Ferracci u minn Scuola Elementare Maria Montessori kienu simili għal dawk offruti minn benefiċjarji tal-miżuri nazzjonali evalwati fid-deċiżjoni kontenzjuża u li, għaldaqstant, tal-ewwel “jista’ jkollhom relazzjoni ta’ kompetizzjoni” ma’ tat-tieni.

45

Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, dan ir-raġunament huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi.

46

Fil-fatt, għalkemm ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà, li tagħti deċiżjoni definittiva dwar ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn rikorrent u l-benefiċjarji tal-miżuri nazzjonali evalwati f’deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, bħad-deċiżjoni kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il‑Kummissjoni, 169/84, EU:C:1986:42, punt 28, kif ukoll tal-20 ta’ Diċembru 2017, Binca Seafoods vs Il‑Kummissjoni, C‑268/16 P, EU:C:2017:1001, punt 59), l-inċidenza diretta għal tali rikorrent ma tistax madankollu tiġi misluta mis-sempliċi natura potenzjali ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni, bħal dik ikkonstatata fis-sentenzi appellati.

47

Fil-fatt, sa fejn il-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta teżiġi li l-att ikkontestat jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata tivverifika jekk dan tal-aħħar esponiex b’mod rilevanti r-raġunijiet għaliex id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tqiegħdu f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata u, għaldaqstant, tista’ tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu.

48

Madankollu, għandu jitfakkar li, jekk il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni iżda d-dispożittiv tagħha jidher li jkun fondat minħabba motivi legali oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jimplika l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għandha ssir sostituzzjoni tal-motivi (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Dan huwa l-każ hawnhekk.

50

Fil-fatt, mir-rikorsi ppreżentati minn P. Ferracci u minn Scuola Elementare Maria Montessori quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li dawn kienu qegħdin jallegaw, filwaqt li ressqu provi insostenn ta’ dan u mingħajr ma ġew kontradetti fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, li l-istabbilimenti rispettivi tagħhom kienu jinsabu fil-viċinanzi immedjati ta’ entitajiet ekkleżjastiċi jew reliġjużi li kienu jeżerċitaw attivitajiet simili għal dawk tagħhom u li għalhekk kienu attivi fl-istess suq ta’ servizzi u fuq l-istess suq ġeografiku. Sa fejn tali entitajiet kienu, a priori, eliġibbli għall-miżuri nazzjonali evalwati fid-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jitqies li P. Ferracci u Scuola Elementare Maria Montessori ġġustifikaw b’mod rilevanti li d-deċiżjoni kontenzjuża setgħet tqiegħdhom f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata u li, għalhekk, din id-deċiżjoni kienet tikkonċerna direttament is-sitwazzjoni legali tagħhom, b’mod partikolari d-dritt tagħhom li ma jġarrbux, fuq dan is-suq, kompetizzjoni distorta mill-miżuri inkwistjoni.

51

Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, din il-konklużjoni ma hijiex imdaħħla inkwistjoni mis-sentenzi tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284), kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2015, Confederazione Cooperative Italiane et vs Anicav et (C‑455/13 P, C‑457/13 P u C‑460/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:616). Għalkemm f’dawk is-sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi fatt li dispożizzjonijiet adottati fil-kuntest tal-politika agrikola komuni jqiegħdu lil rikorrent f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata ma jippermettix, fih innifsu, li jiġi konkuż li dawn id-dispożizzjonijiet jaffettwaw is-sitwazzjoni legali ta’ dan ir-rikorrent, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għal rikorsi ppreżentati minn kompetituri ta’ benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat.

52

Fil-fatt, il-kawżi ċċitati fil-punt preċedenti ma kinux jikkonċernaw ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li għandhom speċifikament l-għan li jħarsu l-kompetizzjoni, kif tfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

53

Għaldaqstant, ir-rikorsi ta’ P. Ferracci u ta’ Scuola Elementare Maria Montessori kienu jissodisfaw l-ewwel wieħed miż-żewġ kriterji msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.

54

Fir-rigward tat-tieni wieħed minn dawn il-kriterji, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 45 tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484) u fil-punt 48 tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Ferracci vs Il‑Kummissjoni (T‑219/13, EU:T:2016:485), li d-deċiżjoni kontenzjuża, ikkunsidrata kemm taħt l-ewwel aspett tagħha u kemm taħt it-tieni u t-tielet aspett tagħha, tipproduċi l-effetti legali tagħha b’mod purament awtomatiku bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biss u mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra. Issa, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-kunsiderazzjoni, li ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dawn l-appelli, ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ liġi.

55

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali kellha raġun meta qieset li P. Ferracci u Scuola Elementare Maria Montessori kienu kkonċernati direttament mid-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, it-tieni parti tal-aggravju uniku mressaq mill-Kummissjoni fl-appelli tagħha għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tielet parti

L-argumenti tal-partijiet

56

Il‑Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-atti nazzjonali li jimplimentaw il-miżuri li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kinux miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ P. Ferracci u ta’ Scuola Elementare Maria Montessori. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, b’mod allegatament żbaljat, ċaħdet l-argument tagħha li dawn setgħu jitolbu li jibbenefikaw mit-trattament fiskali vantaġġuż irriżervat għall-kompetituri tagħhom u setgħu jressqu kawża quddiem il-qorti nazzjonali kontra rifjut min-naħa tal-amministrazzjoni filwaqt li jikkontestaw il-validità tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-kuntest ta’ tali kawża. Skont il-Kummissjoni, l-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali ma huwiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja żviluppata b’effett mis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852).

57

Scuola Elementare Maria Montessori tikkontesta dawn l-argumenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-espressjoni “li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”, li tinsab fit-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri, kif jirriżulta mill-oriġini tagħha, li jiġi evitat li individwu jkollu jikser il-liġi sabiex ikun jista’ jkollu aċċess għal qorti. Issa, meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni, ikun hemm ir-riskju li din tal-aħħar tiġi mċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk ma kellhiex rimedju quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, persuna fiżika jew ġuridika, minkejja li tkun ikkonċernata direttament mill-att inkwistjoni, ma tkunx f’pożizzjoni li tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att ħlief wara li tkun kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att billi tinvoka l-illegalità tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa kontra tagħha quddiem il-qrati nazzjonali (sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 27, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Għall-kuntrarju, meta att regolatorju jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmija miżuri joriġinawx mill-Unjoni jew mill-Istati Membri. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma jkunux jistgħu jikkontestaw direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni att regolatorju tal-Unjoni huma protetti kontra l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ tali att mill-possibbiltà li jikkontestaw il-miżuri ta’ implimentazzjoni li dan l-att jinvolvi (sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 28, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Meta l-implimentazzjoni ta’ tali att tkun ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jippreżentaw rikors dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni kontra l-atti ta’ implimentazzjoni fil-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jistgħu jinvokaw insostenn ta’ dan ir-rikors, skont l-Artikolu 277 TFUE, l-illegalità tal-att ta’ bażi inkwistjoni. Meta din l-implimentazzjoni tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, dawn il-persuni jistgħu jinvokaw l-invalidità tal-att ta’ bażi inkwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali u jistgħu jwassluhom sabiex jagħmlu, fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan (sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 29, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, sabiex jiġi evalwat jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, għandha titqies il-pożizzjoni tal-persuna li tkun qiegħda tinvoka d-dritt ta’ rimedju taħt it-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, il-kwistjoni ta’ jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ individwi oħra hija irrilevanti. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jsir riferiment esklużivament għas-suġġett tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punti 3031; tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punti 5051, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punti 3839 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

F’dan il-każ, sa fejn ir-rikorsi ta’ P. Ferracci u ta’ Scuola Elementare Maria Montessori kienu intiżi għall-annullament tal-ewwel aspett tad-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jitqies li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-materjalizzazzjoni tal-effetti legali tad-deċiżjoni li ma jiġix ordnat l-irkupru ta’ għajnuna meqjusa li hija illegali u inkompatibbli mas-suq intern, li hija s-suġġett ta’ dan l-ewwel aspett, ma kienet teħtieġ ebda miżura ta’ implimentazzjoni fil-konfront tagħhom li setgħet tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qorti tal-Unjoni jew il-qrati nazzjonali. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta kkonkludiet li l-imsemmi aspett ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, fis-sens tat-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE fil-konfront ta’ P. Ferracci u ta’ Scuola Elementare Maria Montessori. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tressaq ebda argument speċifiku sabiex tikkontesta din il-konklużjoni.

63

Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet aspett tad-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħhom il-Kummissjoni qieset li l-Artikolu 149(4) tat-TUIR u l-eżenzjoni prevista mis-sistema tal-IMU ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għandu jitfakkar li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li, fir-rigward tal-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu din l-iskema u l-atti li jimplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet, bħalma huwa avviż ta’ tassazzjoni, jikkostitwixxu miżuri ta’ implimentazzjoni li tinvolvi deċiżjoni li tiddikjara li l-imsemmija skema tkun inkompatibbli mas-suq intern jew li tiddikjara li din l-istess skema tkun kompatibbli ma’ dan is-suq bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-impenji meħuda mill-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punti 3536; tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punti 5253, kif ukoll tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni, C‑133/12 P, EU:C:2014:105, punti 3940).

64

Din il-ġurisprudenza hija dovuta għall-fatt li l-benefiċjarju ta’ skema ta’ għajnuna jista’, sa fejn jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali sabiex ikun eliġibbli għal din l-iskema, jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali jagħtuh l-għajnuna kif kienet tingħata fil-każ ta’ deċiżjoni inkundizzjonata li tiddikjara l-imsemmija skema kompatibbli mas-suq intern, u jista’ jikkontesta l-att li jirrifjuta din it-talba quddiem il-qrati nazzjonali billi jinvoka l-invalidità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara li l-iskema inkwistjoni tkun inkompatibbli mas-suq intern jew li tkun kompatibbli ma’ dan is-suq bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-impenji meħuda mill-Istat Membru kkonċernat, sabiex b’hekk iwassal lill-qrati nazzjonali jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punti 3659, kif ukoll id-digriet tal-15 ta’ Jannar 2015, Banco Bilbao Vizcaya Argentaria u Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑587/13 P u C‑588/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:18, punti 4965).

65

Madankollu, l-imsemmija ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għas-sitwazzjoni tal-kompetituri ta’ benefiċjarji ta’ miżura nazzjonali li tqieset li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, bħalma huma P. Ferracci u Scuola Elementare Maria Montessori. Fil-fatt, is-sitwazzjoni ta’ tali kompetitur hija distinta minn dik tal-benefiċjarji ta’ għajnuna msemmija minn din l-istess ġurisprudenza sa fejn dan il-kompetitur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mill-miżura nazzjonali inkwistjoni sabiex ikun eliġibbli għall-benefiċċju tagħha.

66

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, ikun artifiċjali jekk dan il-kompetitur ikun obbligat jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali jagħtuh dan il-benefiċċju u jikkontesta l-att li jirrifjuta din it-talba quddiem qorti nazzjonali sabiex din imbagħad tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-imsemmija miżura.

67

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tinvolvi, la taħt l-ewwel aspett tagħha u lanqas taħt it-tieni u t-tielet aspett tagħha, miżuri ta’ implimentazzjoni fil-konfront ta’ Scuola Elementare Maria Montessori u ta’ P. Ferracci.

68

Għaldaqstant, it-tielet parti tal-aggravju uniku mressaq mill-Kummissjoni fl-appelli tagħha għandu jiġi miċħud u, għalhekk, dawn l-appelli għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

Fuq l-appell ta’ Scuola Elementare Maria Montessori fil-Kawża C‑622/16 P

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

69

L-ewwel aggravju ta’ Scuola Elementare Maria Montessori, li permezz tiegħu tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċiedet li l-ewwel aspett tad-deċiżjoni kontenzjuża kien validu, huwa maqsum f’erba’ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, Scuola Elementare Maria Montessori ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 108 TFUE, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u l-Artikolu 4(3) TUE, meta rrikonoxxiet lill-Kummissjoni d-dritt li tikkonstata l-impossibbiltà assoluta li tiġi rkuprata l-għajnuna illegali sa mill-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u mhux biss fil-livell tal-implimentazzjoni ta’ ordni ta’ rkupru. Hija ssostni li l-impossibbiltà assoluta li tiġi rkuprata għajnuna illegali ma tikkostitwixxix prinċipju ġenerali tad-dritt fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

70

Permezz tat-tieni u tat-tielet parti, Scuola Elementare Maria Montessori ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “impossibbiltà assoluta” meta ddeċidiet li l-ewwel aspett tad-deċiżjoni kontenzjuża kien validu, sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li kien assolutament impossibbli li tiġi rkuprata l-għajnuna illegali inkwistjoni fuq il-bażi tal-fatt biss li kien impossibbli li tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa sabiex tiġi rkuprata din l-għajnuna bis-saħħa ta’ databases kadastrali u fiskali Taljani. Hija ssostni li tali fatt jikkostitwixxi diffikultà purament interna li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma setax jippermetti l-konklużjoni li kien assolutament impossibbli li tiġi rkuprata l-imsemmija għajnuna.

71

Barra minn hekk, Scuola Elementare Maria Montessori ssostni li l-Qorti Ġenerali ma osservatx it-tqassim tal-oneru tal-prova meta ċaħdet l-argumenti tagħha dwar l-eżistenza ta’ modalitajiet alternattivi li kienu jippermettu l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni. Skont Scuola Elementare Maria Montessori, ma kienx il-kompitu tagħha li turi l-possibbiltà li tiġi rkuprata din l-għajnuna iżda r-Repubblika Taljana kienet obbligata tikkoopera lealment mal-Kummissjoni billi tindika modalitajiet alternattivi li jippermettu l-irkupru, anki jekk parzjali, tal-imsemmija għajnuna.

72

Permezz tar-raba’ parti, Scuola Elementare Maria Montessori tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat il-provi meta ddeċidiet li kien impossibbli li tinkiseb l-informazzjoni neċessarja għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni bis-saħħa ta’ databases kadastrali u fiskali Taljani.

73

Il‑Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Taljana, tirribatti, fir-rigward tal-ewwel parti, li l-assenza ta’ ordni ta’ rkupru fid-deċiżjoni kontenzjuża hija konformi mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali meta dan l-irkupru jkun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Bis-saħħa tal-prinċipju ġenerali tad-dritt li “ħadd ma jista’ jkun obbligat iwettaq dak li huwa impossibbli”, il-Kummissjoni ma setgħetx timponi obbligu li l-implimentazzjoni tiegħu tkun, minn perspettiva oġġettiva u assoluta, impossibbli li titwettaq.

74

Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet partijiet, il-Kummissjoni ssostni li impossibbiltà assoluta li tiġi rkuprata l-għajnuna illegali tista’ tirriżulta wkoll mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata. L-argument dwar l-eżistenza ta’ modalitajiet alternattivi li setgħu ppermettew l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni jdaħħal inkwistjoni evalwazzjonijiet fattwali, li ma jistgħux jkunu s-suġġett ta’ appell. L-oneru tal-prova sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali metodi jaqa’, konformement mal-prinċipji ġenerali, fuq Scuola Elementare Maria Montessori, li invokat din l-eżistenza.

75

Fir-rigward tar-raba’ parti, l-argument ibbażat fuq l-iżnaturament tal-provi huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

76

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva dwar għajnuna illegali, li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju tagħha.

77

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, l-adozzjoni ta’ ordni ta’ rkupru tal-għajnuna illegali tikkostitwixxi l-konsegwenza loġika u normali tal-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ din l-għajnuna. L-għan prinċipali ta’ tali ordni huwa, fil-fatt, li tiġi eliminata d-distorsjoni ta’ kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv miksub permezz tal-għajnuna illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, EU:C:2005:774, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-1 ta’ Ottubru 2015, Electrabel u Dunamenti Erőmű vs Il‑Kummissjoni, C‑357/14 P, EU:C:2015:642, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity, C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 116).

78

Madankollu, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni ma għandhiex teżiġi l-irkupru tal-għajnuna jekk, meta tagħmel hekk, tkun qiegħda tmur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

79

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 107 u 110 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prinċipju li “ħadd ma jista’ jkun obbligat iwettaq dak li huwa impossibbli” jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Daimler,C‑179/15, EU:C:2016:134, punt 42).

80

Għalkemm minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jitqajjem minn Stat Membru kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 108(2) TFUE huwa dak ibbażat fuq impossibbiltà assoluta li tiġi implimentata korrettament id-deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 1986, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 52/84, EU:C:1986:3, punt 14; tal-1 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑207/05, mhux ippubblikata, EU:C:2006:366, punt 45, kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑481/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:845, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), din il-ġurisprudenza, madankollu, tikkonċerna biss il-motivi li jistgħu jiġu invokati fid-difiża tiegħu mill-imsemmi Stat Membru kontra ordni ta’ rkupru adottata mill-Kummissjoni u ma tikkonċernax il-kwistjoni ta’ jekk impossibbiltà assoluta li tiġi rkuprata l-għajnuna inkwistjoni tistax tiġi kkonstata jew le diġà fl-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

81

Barra minn hekk u fuq kollox, l-argument ta’ Scuola Elementare Maria Montessori li impossibbiltà assoluta li tiġi rkuprata l-għajnuna illegali tista’ tiġi kkonstatata biss wara l-adozzjoni ta’ ordni ta’ rkupru jmur kontra t-termini stess tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li minnhom jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandhiex tadotta ordni ta’ rkupru jekk, meta tagħmel hekk, tkun qiegħda tmur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

82

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Kummissjoni ma tistax tadotta, għaliex inkella tkun invalida, ordni ta’ rkupru li l-implimentazzjoni tagħha tkun, sa mill-adozzjoni tagħha, b’mod oġġettiv u assolut, impossibbli li titwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑75/97, EU:C:1999:311, punt 86).

83

Sa fejn Scuola Elementare Maria Montessori tibbaża wkoll l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(3) TUE, dan il-prinċipju japplika matul il-proċedura kollha marbuta mal-investigazzjoni ta’ miżura taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 34).

84

B’hekk, f’sitwazzjoni fejn, bħal fil-każ ineżami, l-Istat Membru kkonċernat jallega, sa mill-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, impossibbiltà assoluta li jsir l-irkupru, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jobbliga lil dan l-Istat Membru, sa minn dan l-istadju, iressaq għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata din l-allegazzjoni, u l-Kummissjoni hija obbligata teżamina fid-dettall dawn ir-raġunijiet. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Scuola Elementare Maria Montessori, dan il-prinċipju ma jobbligax lill-Kummissjoni torbot kull deċiżjoni li tiddikjara li l-għajnuna hija illegali u inkompatibbli mas-suq komuni ma’ ordni ta’ rkupru, iżda tobbligaha tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti mressqa quddiemha mill-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-eżistenza ta’ impossibbiltà assoluta ta’ rkupru.

85

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

86

Fir-rigward tar-raba’ parti ta’ dan l-aggravju, għandu jitfakkar li appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż l-elementi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u għandu jindika l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, ikunu wassluha għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li titwettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 152153, kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2016, Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

F’dan il-każ, Scuola Elementare Maria Montessori, fil-kuntest ta’ din ir-raba’ parti, tirreferi biss għat-tweġiba tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2015 għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, imsemmija fil-punt 100 tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484), li fiha l-Kummissjoni esponiet id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Taljana dwar id-databases fiskali.

88

Issa, għandu jiġi osservat, minn naħa, li Scuola Elementare Maria Montessori bl-ebda mod ma qiegħda tikkontesta l-preżentazzjoni tal-kontenut materjali ta’ din il-prova, kif tinsab fil-punti 101 u 102 ta’ dik is-sentenza, iżda tikkontesta biss l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fuq il-bażi ta’ din il-prova. Min-naħa l-oħra, Scuola Elementare Maria Montessori ma turix b’liema mod l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fis-sens li d-databases fiskali Taljani la kienu jippermettu l-identifikazzjoni retroattiva tat-tip ta’ attivitajiet eżerċitati mill-entitajiet benefiċjarji tal-eżenzjoni mill-ICI fir-rigward tal-proprjetà immobbli tagħhom u lanqas ma kienu jippermettu l-kalkolu tal-ammont tal-eżenzjonijiet miksuba b’mod illegali, tidher li hija manifestament żbaljata.

89

Għaldaqstant, ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju ma tistax tintlaqa’.

90

Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentati fir-rigward ta’ ksur ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali, Stat Membru li jiltaqa’ ma’ diffikultajiet imprevisti jew imprevedibbli jew jidentifika konsegwenzi li ma kinux previsti mill-Kummissjoni għandu jressaq dawn il-problemi għall-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar, filwaqt li jipproponi emendi adegwati għad-deċiżjoni inkwistjoni. F’tali każ, l-Istat Membru u l-Kummissjoni għandhom, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, jikkollaboraw in bona fide sabiex jegħlbu d-diffikultajiet b’osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, b’mod partikolari ta’ dawk dwar l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Lulju 2002, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑499/99, EU:C:2002:408, punt 24, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑304/09, EU:C:2010:812, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91

Madankollu, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ impossibbiltà assoluta ta’ implimentazzjoni ma tkunx issodisfatta meta l-Istat Membru konvenut sempliċement jinforma lill-Kummissjoni b’diffikultajiet interni, ta’ natura legali, politika jew prattika u dovuti għall-aġir jew għall-ommissjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu stess, li jitqajmu mill-implimentazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, mingħajr ma jkun ħa miżuri reali fil-konfront tal-impriżi kkonċernati sabiex jirkupra l-għajnuna u mingħajr ma jipproponi lill-Kummissjoni modalitajiet alternattivi għall-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni li jippermettu li jingħelbu dawn id-diffikultajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑214/07, EU:C:2008:619, punt 50, kif ukoll tat-12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑37/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:90, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

Din il-ġurisprudenza hija applikabbli, mutatis mutandis, għall-evalwazzjoni, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tal-eżistenza ta’ impossibbiltà assoluta li tiġi rkuprata għajnuna illegali. B’hekk, Stat Membru li, f’dan l-istadju tal-proċedura, jiltaqa’ ma’ diffikultajiet sabiex jirkupra l-għajnuna kkonċernata għandu jressaq dawn id-diffikultajiet għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u għandu jikkollabora lealment ma’ din l-istituzzjoni sabiex l-imsemmija diffikultajiet jingħelbu, b’mod partikolari billi jipproponilha modalitajiet alternattivi li jippermettu rkupru, anki jekk parzjali, ta’ din l-għajnuna. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni hija obbligata teżamina fid-dettall id-diffikultajiet invokati u l-modalitajiet alternattivi ta’ rkupru proposti. Huwa biss meta l-Kummissjoni tikkonstata, meta ttemm tali eżami fid-dettall, li ma hemmx modalitajiet alternattivi li jippermettu l-irkupru, anki parzjali, tal-għajnuna illegali kkonċernata li dan l-irkupru jista’ jitqies li huwa, b’mod oġġettiv u assolut, impossibbli li jitwettaq.

93

F’dan il-każ, mill-punti 76 u 85 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484), jirriżulta li l-Kummissjoni, fl-ewwel aspett tad-deċiżjoni kontenzjuża, sempliċement ikkonkludiet li kien assolutament impossibbli li tiġi rkuprata l-għajnuna illegali inkwistjoni fuq il-bażi biss tal-fatt li kien impossibbli li tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa għall-irkupru ta’ din l-għajnuna bis-saħħa tad-databases kadastrali u fiskali Taljani, filwaqt li astjeniet milli teżamina l-eventwali eżistenza ta’ modalitajiet alternattivi li jippermettu rkupru, anki jekk parzjali, ta’ din l-għajnuna.

94

Issa, meta kkonfermat din id-deċiżjoni fir-rigward ta’ dan il-punt, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

95

Fil-fatt, u kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 116 u 117 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-informazzjoni meħtieġa għall-irkupru tal-għajnuna illegali inkwistjoni ma setgħetx tinkiseb bis-saħħa tad-databases kadastrali u fiskali Taljani għandu jitqies li jagħmel parti minn diffikultajiet interni, dovuti għall-aġir jew għall-ommissjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali stess. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, tali diffikultajiet interni ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-irkupru huwa assolutament impossibbli.

96

Kif jirriżulta mill-punti 90 sa 92 ta’ din is-sentenza, irkupru ta’ għajnuna illegali jista’ jitqies li huwa, b’mod oġġettiv u assolut, impossibbli li jitwettaq fil-każ biss li l-Kummissjoni tikkonstata, wara li ttemm eżami fid-dettall, li huma ssodsifatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, ir-realtà tad-diffikultajiet invokati mill-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ modalitajiet alternattivi ta’ rkupru. Issa, kif ġie osservat fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-ewwel aspett tad-deċiżjoni kontenzjuża minkejja l-fatt li l-Kummissjoni astjeniet milli twettaq, f’din id-deċiżjoni, eżami fid-dettall sabiex tevalwa jekk kinitx issodisfatta t-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet.

97

L-iżball ta’ liġi li b’hekk hija vvizzjata bih is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484), jikkoinċidi ma’ dak li l-Qorti Ġenerali wettqet meta ċaħdet, fil-punti 86 u 104 sa 110 ta’ dik is-sentenza, l-argument imqajjem minn Scuola Elementare Maria Montessori fis-sens li l-Kummissjoni kien imissha eżaminat l-eżistenza ta’ modalitajiet alternattivi li jippermettu l-irkupru, anki jekk parzjali, tal-għajnuna inkwistjoni, għar-raġuni li Scuola Elementare Maria Montessori ma kienx irnexxielha tistabbilixxi din l-eżistenza.

98

Fil-fatt, sa fejn l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jobbliga lill-Kummissjoni sabiex, bħala regola ġenerali, tadotta miżura li tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali u sa fejn huwa biss b’mod eċċezzjonali li jippermettilha tirrinunzja għal dan l-irkupru, kienet il-Kummissjoni li kellha tistabbilixxi, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-kundizzjonijiet li jawtorizzawha tastjeni milli tadotta tali ordni kienu ssodisfatti, u ma kienx il-kompitu ta’ Scuola Elementare Maria Montessori li tipprova quddiem il-Qorti Ġenerali l-eżistenza ta’ modalitajiet alternattivi li jippermettu l-irkupru, anki jekk parzjali, tal-għajnuna inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx sempliċement tikkonstata li, quddiemha, Scuola Elementare Maria Montessori ma kienx irnexxielha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali modalitajiet alternattivi.

99

Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandhom jintlaqgħu u l-kumplament ta’ dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

100

Scuola Elementare Maria Montessori ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet li l-eżenzjoni mill-IMU li hija s-suġġett tat-tielet aspett tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għar-raġuni li din l-eżenzjoni ma kinitx applikabbli għal attivitajiet ekonomiċi. F’dan ir-rigward, Scuola Elementare Maria Montessori ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja meta ċaħdet l-argument tagħha bbażat fuq in-natura oneruża tal-attivitajiet koperti mill-imsemmija eżenzjoni għar-raġuni li din l-eżenzjoni kienet tapplika biss għall-attivitajiet ta’ tagħlim ipprovduti mingħajr ħlas jew bi ħlas ta’ ammont simboliku. Meta tiddefinixxi bħala “simboliku” ammont li jkopri parti mill-kost effettiv tas-servizz, il-leġiżlazzjoni Taljana tippermetti li l-eżenzjoni inkwistjoni tingħata lil operaturi li jiffinanzjaw is-servizzi ta’ tagħlim tagħhom prinċipalment bil-korrispettiv li jirċievu mingħand l-istudenti jew mingħand il-ġenituri tagħhom.

101

Barra minn hekk, Scuola Elementare Maria Montessori tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li l-inapplikabbiltà tal-eżenzjoni mill-IMU għal attivitajiet ekonomiċi hija żgurata wkoll mill-fatt li din l-eżenzjoni tkopri biss attivitajiet li ma humiex, min-natura tagħhom stess, f’kompetizzjoni ma’ attivitajiet ta’ operaturi oħra li għandhom skop ta’ lukru. Fil-fatt, dan il-fatt huwa irrilevanti fir-rigward tal-attivitajiet ta’ tagħlim sa fejn dawn, min-natura tagħhom, jinsabu f’kompetizzjoni mal-attivitajiet eżerċitati minn operaturi oħra fis-suq.

102

Il‑Kummissjoni u r-Repubblika Taljana jikkontestaw dawn l-argumenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

103

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE, jikkonċernaw l-attivitajiet ta’ impriżi. F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “impriża” jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 107, kif ukoll tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania,C‑74/16, EU:C:2017:496, punti 3941 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

104

Tikkostitwixxi attività ekonomika, b’mod partikolari, kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ servizzi f’suq partikolari, jiġifieri prestazzjonijiet ipprovduti normalment bi ħlas. F’dan ir-rigward, il-karatteristika essenzjali tal-ħlas tinsab fil-fatt li dan il-ħlas jikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku għall-prestazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, EU:C:2007:492, punti 3738, kif ukoll tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punti 4547).

105

Fir-rigward tal-attivitajiet ta’ tagħlim, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-korsijiet mogħtija minn stabbilimenti ta’ tagħlim iffinanzjati, essenzjalment, minn fondi privati li ma joriġinawx mill-fornitur tas-servizzi stess jikkostitwixxu servizzi, peress li l-għan imfittex minn dawn l-istabbilimenti jkun, effettivament, li jiġi offrut servizz bi ħlas (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106

F’dan il-każ, fil-punti 136 u 140 tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-eżenzjoni mill-IMU kienet tapplika biss għall-attivitajiet ta’ tagħlim ipprovduti bla ħlas jew inkella bi ħlas ta’ ammont simboliku li jkopri biss parti mill-ispiża reali tas-servizz, liema parti ma kellhiex tkun marbuta ma’ dan il-kost.

107

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss il-kompetenza, fil-kuntest tal-appell, li tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt, li għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti fil-proċess (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108

Issa, peress li Scuola Elementare Maria Montessori ma tinvoka ebda żnaturament, għandu jiġi miċħud immedjatament bħala infondat l-argument tagħha li l-leġiżlazzjoni Taljana tippermetti l-għoti tal-eżenzjoni mill-IMU lil attivitajiet ta’ tagħlim li jkunu ffinanzjati prinċipalment mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom.

109

Fir-rigward tal-argument ta’ Scuola Elementare Maria Montessori li l-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 103 sa 105 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 142 sa 144 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tagħha tad-dritt nazzjonali inkwistjoni, li l-eżenzjoni mill-IMU tapplika biss għall-attivitajiet ta’ tagħlim ipprovduti bla ħlas jew bil-ħlas ta’ ammont simboliku li ma jkunx marbut mal-ispiża tal-imsemmi servizz, hija setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tiċħad l-ilment ta’ Scuola Elementare Maria Montessori bbażat fuq l-argument li din l-eżenzjoni tapplika għal attivitajiet ta’ tagħlim ipprovduti bi ħlas.

110

Sa fejn Scuola Elementare Maria Montessori tikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li l-inapplikabbiltà tal-eżenzjoni mill-IMU għal attivitajiet ekonomiċi hija żgurata wkoll mill-fatt li din l-eżenzjoni tkopri biss l-attivitajiet li ma humiex, min-natura tagħhom stess, f’kompetizzjoni ma’ attivitajiet ta’ operaturi oħra li jsegwu skop ta’ lukru, l-argument tagħha għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv għaliex jikkonċerna motiv mhux essenzjali.

111

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

112

Madankollu, peress li t-tieni u t-tielet parti tat-tieni aggravju ntlaqgħu, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484) għandha tiġi annullata sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ewwel aspett tad-deċiżjoni kontenzjuża kien validu, u l-kumplament tal-imsemmi appell għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑220/13

113

Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tagħti deċiżjoni definittiva dwar il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

114

Dan huwa l-każ hawnhekk.

115

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, kif issostni essenzjalment Scuola Elementare Maria Montessori fil-kuntest tal-ewwel motiv invokat minnha fir-rikors, id-deċiżjoni kontenzjuża, ikkunsidrata taħt l-ewwel aspett tagħha, hija, għar-raġunijiet elenkati fil-punti 90 sa 99 ta’ din is-sentenza, ivvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat l-impossibbiltà assoluta li tiġi rkuprata l-għajnuna illegali mogħtija taħt l-ICI mingħajr ma eżaminat fid-dettall il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun tista’ ssir tali konstatazzjoni.

116

Għaldaqstant, l-ewwel motiv invokat minn Scuola Elementare Maria Montessori fir-rikors tagħha għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi miċħuda f’dan ir-rigward.

Fuq l-ispejjeż

117

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni definittiva hija stess dwar il-kawża, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Konformement mal-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

118

L-Artikolu 138(3) ta’ dawn l-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprevedi, barra minn hekk, li jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk dan ikun jidher li huwa ġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li, minbarra l-ispejjeż tagħha, waħda mill-partijiet għandha tbati wkoll parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

119

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jkunu għamlu intervent fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

120

F’dan il-każ, fir-rigward tal-appell fil-Kawża C‑622/16 P, għandu jiġi deċiż, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li Scuola Elementare Maria Montessori għandha tbati nofs l-ispejjeż rispettivi tagħha, u li l-Kummissjoni, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, għandha tbati nofs l-ispejjeż ta’ Scuola Elementare Maria Montessori. Fir-rigward tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑220/13, fid-dawl tal-fatt li huwa biss l-ewwel wieħed mill-motivi invokati minn Scuola Elementare Maria Montessori li ntlaqa’ b’mod definittiv, din tal-aħħar għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tal-Kummissjoni u tal-ispejjeż rispettivi tagħha, filwaqt li l-Kummissjoni għandha tbati terz tal-ispejjeż ta’ Scuola Elementare Maria Montessori u tal-ispejjeż rispettivi tagħha.

121

Fir-rigward tal-appell fil-Kawża C‑623/16 P, peress li l-Kummissjoni tilfet fir-rigward tal-aggravji tagħha, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub minn Scuola Elementare Maria Montessori.

122

Fir-rigward tal-appell fil-Kawża C‑624/16 P, peress li P. Ferracci ma talabx li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet fir-rigward tal-aggravji tagħha, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

123

Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha fil-Kawżi C‑622/16 P sa C‑624/16 P.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484), hija annullata sa fejn ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Scuola Elementare Maria Montessori Srl u intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/284/UE tad-19 ta’ Diċembru 2012 dwar l-għajnuna mill-istat SA.20829 (C 26/2010, qabel NN 43/2010 (qabel CP 71/2006)) Is-sistema għall-eżenzjoni mill-ICI [taxxa muniċipali fuq il-proprjetà immobbli] għal bini li jintuża minn istituzzjonijiet mhux kummerċjali għal skopijiet speċifiċi li ġiet implimentata mill-Italja, sa fejn il-Kummissjoni Ewropea ma ordnatx l-irkupru tal-għajnuna illegali mogħtija bis-saħħa tal-eżenzjoni mill-Imposta comunale sugli immobili (taxxa muniċipali fuq il-proprjetà immobbli).

 

2)

Il-kumplament tal-appell fil-Kawża C‑622/16 P huwa miċħud.

 

3)

Id-Deċiżjoni 2013/284 hija annullata sa fejn il-Kummissjoni Ewropea ma ordnatx l-irkupru tal-għajnuna illegali mogħija bis-saħħa tal-eżenzjoni mill-Imposta comunale sugli immobili (taxxa muniċipali fuq il-proprjetà immobbli).

 

4)

L-appelli fil-Kawżi C‑623/16 P u C‑624/16 P huma miċħuda.

 

5)

Scuola Elementare Maria Montessori Srl għandha tbati nofs l-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C‑622/16 P kif ukoll żewġ terzi tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea u tal-ispejjeż rispettivi tagħha marbuta mar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T‑220/13.

 

6)

Il‑Kummissjoni Ewropea għandha tbati, fir-rigward tal-ispejjeż rispettivi tagħha, terz tal-ispejjeż marbuta mar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T‑220/13 u dawk marbuta mal-appelli fil-Kawża C‑622/16 P sa C‑624/16 P, u, fir-rigward tal-ispejjeż ta’ Scuola Elementare Maria Montessori Srl, terz tal-ispejjeż marbuta mar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T‑220/13 u nofs l-ispejjeż marbuta mal-appell fil-Kawża C‑622/16 P, kif ukoll dawk sostnuti fil-kuntest tal-Kawża C‑623/16 P.

 

7)

Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti fil-Kawżi C‑622/16 P sa C‑624/16 P.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

( 1 ) Fil-punt 22 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.

Top