EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0547

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ Novembru 2017.
Gasorba SL et vs Repsol Comercial de Productos Petrolíferos SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Ftehimiet bejn impriżi – Relazzjonijiet kummerċjali bejn operaturi ta’ pompi tal-petrol u kumpanniji taż-żejt u l-gass – Ftehim ta’ xiri esklużiv ta’ karburanti għal perijodu twil – Deċiżjoni li biha l-Kummissjoni Ewropea tiddikjara vinkolanti l-impenji ta’ impriża – Portata tan-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-impenji fir-rigward tal-qrati nazzjonali – Artikolu 9(1) u Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.
Kawża C-547/16.

Digital reports (Court Reports - general - 'Information on unpublished decisions' section)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:891

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

23 ta’ Novembru 2017 ( *1 )

“Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Ftehim bejn impriżi – Relazzjonijiet kummerċjali bejn operaturi ta’ pompi tal-petrol u kumpanniji taż-żejt u l-gass – Ftehim ta’ xiri esklużiv ta’ karburanti għal perijodu twil – Deċiżjoni li biha l-Kummissjoni Ewropea tiddikjara vinkolanti l-impenji ta’ impriża – Portata tan-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-impenji fir-rigward tal-qrati nazzjonali – Artikolu 9(1) u Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003”

Fil-Kawża C‑547/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ottubru 2016, fil-proċedura

Gasorba SL,

Josefa Rico Gil,

Antonio Ferrándiz González

vs

Repsol Comercial de Productos Petrolíferos SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby (Relatur) u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Gasorba SL, Rico Gil u A. Ferrándiz González, minn D. García Riquelme, procurador, A. Hernández Pardo, abogado, kif ukoll minn L. Ruiz Ezquerra, abogado,

għal Repsol Comercial de Productos Petrolíferos SA, minn A. Requeijo Pascua u P. Arévalo Nieto, abogados, kif ukoll minn M. Villarrubia García, abogada,

għall-Gvern Spanjol, minn A Gavela Llopis, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Castilla Contreras kif ukoll minn F. Jimeno Fernández u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) u tal-Artikolu 101(3) TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Gasorba SL, Josefa Rico Gil u Antonio Ferrándiz González (iktar ’il quddiem, flimkien, “Gasorba et”) u Repsol Comercial de Productos Petrolíferos SA (iktar ’il quddiem “Repsol”) dwar il-validità, fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE, ta’ kuntratt ta’ kera ta’ pompa tal-petrol b’obbligu ta’ xiri esklużiv.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 13 u 22 tar-Regolament Nru 1/2003 huma fformulati kif ġej:

“(13)

Fejn, fil-kors tal-proċeduri li jistgħu iwasslu għal ftehim jew il-projbiżjoni ta’ prattiċi, l-impriża toffri l-irbit tal-Kummissjoni bħal meta trid tilħaq il-kunċerni tagħha, il-kummissjoni għandha tkun kapaċi tadotta deċiżjonijiet li jagħmlu dawk ir-rabtiet vinkolanti fuq l-impriża kunċernata. Deċiżjoni ta’ rabta għandha ssib li ma għadx fadal raġunijiet għal azzjoni mil-Kummissjoni mingħajr ma tikkonkludi jekk kienx hemm jew għadx hemm xi ksur. Deċiżjoni[jiet] ta’ rabta huma mingħajr preġudizzju għall-qawwa ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal‑Istati Membri li jagħmlu sejba bħal din u jieħdu deċiżjoni fuq il-każ. Deċiżjoni ta’ rabta ma tkunx xieraqa f’każi ffejn il-Kummissjoni qed taħseb li timponi multa.

[…]

(22)

Sabiex tiżgura qbil mal-prinċipji ċerti legali u l-applikazzjoni uniformi tal-liġijiet tal-kompettività tal-Kommunità f’sistema ta poteri paralleli, deċizzjonijiet li huma f’kunflit għandhom jiġu evitati. Huwa għalhekk neċessarju li jiġi klarifikat, skont il-liġi tal-preċedent tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-effetti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-proċeduri tal-qrati u l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Deċiżjonijiet ta’ irbit adottati mil-Kummissjoni ma jaffetwax is-saħħa tal-qrati u l-awtoritajiet ta’ Stati Membri li japplikaw l-Artikoli [101] u [102 TFUE].”

4

Skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament dwar: “Poteri tal-qrati nazzjonali”

“Qrati nazzjonali ħa jkollhom is-setgħa li japplikaw l-Artikoli [101] u [102 TFUE].”

5

L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, li huwa ddedikat għar-“Rabta”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn il-Kummissjoni qed taħseb li tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li ksur jinġieb fit-temm [tmiem] u l-impriża konċernata toffri rabta [impenn] li tilħaq il‑konċerni espressi lilhom mil-Kummissjoni fl-istima preliminari, il-Kummissjoni tista b’deċiżjoni tagħmel dak l-rbit [impenn] vinkolanti fuq l-impriża. Deċiżjoni bħal din tista tiġi adottata għal perjodu speċifiku u ħa [għandha] ttikkonkludi li ma hemmx aktar raġuni għall-azzjoni mil-Kummissjoni.”

6

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1/2003 dwar “Koperazzjoni bejn qrati nazzjonali” jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-proċeduri għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE], qrati ta’ Stati Membri jistgħu jistaqsu lil Kummissjoni biex tittrasmettilhom l-informazzjoni fil-pussess tagħha jew l-opinjoni tagħha fuq id-domandi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità.”

7

L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1/2003 intitolat “L-applikazzjoni uniformi tal-Liġi tal-Kompetizzjoni tal-Komunità”, jiddikjara fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta il-qrati nazzjonali jiddeċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni. Huma jridu jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fil-proċeduri li jniżjat [mressqa minnha]. Għal dak l-effet, il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu stima jekk huwiex neċessarju li jpoġġu [jissospendu] dawn il-proċeduri. Dan l-obligu hu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obligazzjonijiet taħt l-Artikolu [267 TFUE].”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Fil-15 ta’ Frar 1993, J. Rico Gil u A. Ferrándiz González ikkonkludew żewġ kuntratti ma’ Repsol.

9

Permezz tal-ewwel wieħed minn dawn il-kuntratti intitolat “att ta’ kostituzzjoni ta’ użufrutt” J. Rico Gil u A. Ferrándiz González ikkostitwixxew dritt reali ta’ użufrutt favur Repsol, għal perijodu ta’ 25 sena, fuq biċċa art li tinsab f’Orba (Spanja) u fuq il-pompa tal-petrol mibnija hemmhekk, kif ukoll fuq il-konċessjoni amministrattiva li awtorizzat l-operat ta’ din il-pompa tal-petrol.

10

Permezz tat-tieni wieħed minn dawn il-kuntratti, intitolat “kuntratt ta’ trasferiment tal-operat ta’ pompa tal-petrol, ta’ bini u ta’ industrija u ta’ xiri esklużiv” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kiri”), Repsol kriet lil A. Ferrándiz González l-art u l-pompa tal-petrol għal perijodu ta’ 25 sena, bil-korrispettiv ta’ kera fix-xahar ta’ ESP 10000 (pesetas Spanjoli) (madwar EUR 60).

11

Fit-12 ta’ Novembru 1994, J. Rico Gil, A. Ferrándiz González u ż-żewġt itfal tagħhom ikkostitwixxew kumpannija Gasorba, li ġiet issurrogata fid-drittijiet ta’ J. Rico Gil u A. Ferrándiz González ibbażati fuq kuntratti konklużi ma’ Repsol, bil-kunsens ta’ din tal-aħħar.

12

Il-kuntratt ta’ kera kien jimponi fuq il-kerrejja, matul il-perijodu kollu tal-kuntratt ta’ kera, li jixtru esklużivament mingħand Repsol, li kienet tavżahom perijodikament dwar l-ogħla prezzijiet tal-bejgħ tal-karburant lill-pubbliku u kienet tippermetti lill-kerrejja li jagħtu skontijiet imnaqqsa mill-kummissjoni tagħhom, mingħajr tnaqqis mid-dħul tal-fornitur.

13

Il-Kummissjoni fetħet proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE kontra Repsol. Wara evalwazzjoni preliminari, hija qieset li l-kuntratti ta’ distribuzzjoni esklużiva għal perijodu twil, inklużi l-kuntratti li jorbtu l-partijiet fil-kawża prinċipali, iqajmu dubji dwar il-kompatibbiltà tagħhom mal-Artikolu 101 TFUE, sa fejn setgħu jipprovokaw “effett ta’ saturazzjoni” kbir fuq is-suq Spanjol tal-kummerċ bl-imnut tal-karburant.

14

Bi tweġiba għall-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, Repsol issottomettiet lil din tal-aħħar proposti ta’ impenji li jinkludu, b’mod partikolari, li fil-futur ma tikkonkludix kuntratti ta’ esklużività għal perijodu twil, li toffri inċentivi finanzjarji lill-kerrejja tal-pompi tal-petrol ikkonċernati sabiex itemmu, qabel ma jiskadu, il-kuntratti ta’ xiri għal perijodu twil li kienu jorbtuhom ma’ Repsol, kif ukoll li ma takkwistax, matul perijodu determinat, pompi tal-petrol indipendenti li tagħhom hija ma kinitx diġà l-fornitur.

15

L-imsemmija impenji ġew reżi obbligatorji permezz tad-Deċiżjoni 2006/446/KE tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ April 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (Kawża COMP/B‑1/38.348 – Repsol CPP) (ĠU 2006, L 176, p. 104, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar l-impenji”).

16

Id-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni huwa fformulat kif ġej:

Artikolu 1

L-impenji […] huma vinkolanti għal Repsol.

Artikolu 2

Il-proċedura f’din il-kawża għandha tingħalaq.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni tapplika mid-data tan-notifika tagħha lil Repsol sal-31 ta’ Diċembru 2011.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Repsol.”

17

Wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, Gasorba et ippreżentaw rikors kontra Repsol, quddiem il-Juzgado de lo Mercantil de Madrid Nru 4 (qorti tal-kummerċ ta’ Madrid, Spanja), fis-17 ta’ April 2008, intiż, minn naħa, għall-annullament tal-kuntratt ta’ kera għar-raġuni li kien kuntrarju għall-Artikolu 101 TFUE u, min-naħa l-oħra, għal kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-imsemmi kuntratt.

18

Madankollu, dawn ġew miċħuda, qabel kollox, permezz ta’ sentenza mogħtija fit-8 ta’ Lulju 2011 minn din il-qorti, imbagħad, fl-appell, permezz ta’ sentenza ta’ konferma tal-Audiencia Provincial de Madrid (qorti provinċjali ta’ Madrid, Spanja) tas-27 ta’ Jannar 2014.

19

Peress li d-deċiżjoni dwar l-impenji ma tipprekludix qorti nazzjonali milli tannulla kuntratt kopert minn din l-istess deċiżjoni minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE, Gasorba et ippreżentaw appell ta’ kassazzjoni quddiem it-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja).

20

Din il-qorti tal-aħħar tqis li jeżistu dubji dwar il-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali fir-rigward tal-Artikoli 9 u 16 tar-Regolament Nru 1/2003. F’dan ir-rigward hija tindika li l-Kummissjoni tidher li mminimizzat l-effett tad-deċiżjoni fuq l-impenji billi indikat, fl-avviż tat-8 ta’ Lulju 2009, mitlub abbażi tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1/2003 mill-Juzgado de lo Mercantil de Barcelona (qorti tal-kummerċ ta’ Barcelona) fil-kuntest tal-kawża li tat lok għad-digriet tas-27 ta’ Marzu 2014, Bright Service (C‑142/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:204), li din id-deċiżjoni ma tippreġudikax l-analiżi li l-Kummissjoni tista’ twettaq abbażi ta’ investigazzjonijiet sussegwenti u ta’ fatti addizzjonali. L-imsemmija deċiżjoni lanqas ma tippreġudika l-analiżi li għandha twettaq il-qorti nazzjonali. Skont il-Kummissjoni, id-deċiżjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom bħala l-uniku għan tagħhom li jagħmlu obbligatorji, għall-impriżi kkonċernati, l-impenji proposti mill-partijiet sabiex jirrimedjaw il-problemi tal-kompetizzjoni kkonstatati, iżda ma jippronunzjawx ruħhom fuq l-eżistenza ta’ ksur passat jew attwali tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1/2003 […] id-deċiżjoni dwar l-impenji tipprekludi li qorti nazzjonali tkun tista’ tannulla l-ftehimiet li tirreferi għalihom din id-deċiżjoni minħabba t-tul ta’ żmien tal-klawżola ta’ provvista esklużiva, minkejja li jistgħu jiġu ddikjarati nulli minħabba kawżi oħra bħal, pereżempju, l-impożizzjoni mill-fornitur fuq ix-xerrej (jew fuq il-bejjiegħ mill-ġdid) ta’ prezz minimu ta’ bejgħ lill-pubbliku?

2)

F’din l-ipoteżi, jista’ jitqies li l-kuntratti għal perijodu twil affettwati mid-deċiżjoni fuq l-impenji […] jibbenefikaw, bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni, minn eżenzjoni individwali taħt l-Artikolu 101(3) TFUE?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

22

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għandux jiġi interpretat li jipprekludi lill-qorti nazzjonali milli tannulla ftehim bejn impriżi abbażi tal-Artikolu 101(2) TFUE, meta l-Kummissjoni tkun aċċettat minn qabel l-impenji li saru fil-kuntest tal-istess ftehim u reżi obbligatorji f’deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament.

23

Konformement mal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri fid-dawl tal-premessa 22 ta’ dan l-istess regolament, l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija bbażata fuq sistema ta’ kompetenzi paralleli fil-kuntest ta’ liema kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali jistgħu japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE.

24

L-uniformità tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija ggarantita b’mod partikolari mill-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 li jobbliga lill-qrati nazzjonali li ma jiħdux deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa skont ir-Regolament Nru 1/2003.

25

Issa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta li deċiżjoni meħuda abbażi ta’ dan l-artikolu għandha bħala effett b’mod partikolari li tirrendi obbligatorji l-impenji, proposti mill-impriżi, li huma ta’ natura li jwieġbu għall-preokkupazzjonijiet kompetittivi identifikati mill-Kummissjoni matul l-evalwazzjoni preliminari tagħha. Għandu jiġi kkonstatat li tali deċiżjoni ma tiċċertifikax il-konformità tal-prattika, li kienet is-suġġett tal-preokkupazzjonijiet, mal-Artikolu 101 TFUE.

26

Fil-fatt, peress li, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, moqri fid-dawl tal-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista’ tagħmel biss “evalwazzjoni preliminari” tas-sitwazzjoni kompetittiva, mingħajr ma, sussegwentement, id-deċiżjoni dwar l-impenji meħuda abbażi ta’ dan l-artikolu tistabbilixxi jekk kienx hemm ksur jew le, ma jistax jiġi eskluż li qorti nazzjonali tikkonkludi li l-prattika li hija s-suġġett tad-deċiżjoni dwar l-impenji tikser l-Artikolu 101 TFUE u li, billi tagħmel hekk, hija tintendi, b’differenza mill-Kummissjoni, li tistabbilixxi ksur ta’ dan l-artikolu.

27

Barra minn hekk, il-premessi 13 u 22 tar-Regolament Nru 1/2003, moqrija flimkien, jispeċifikaw espliċitament li d-deċiżjonijiet dwar l-impenji, huma bla preġudizzju għall-fakultà li għandhom l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri li jiddeċiedu l-kawża, u ma jaffettwawx is-setgħa li għandhom il-qrati u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE.

28

Minn dan isegwi li deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma toħloqx aspettattiva leġittima fir-rigward tal-impriżi kkonċernati dwar il-fatt li l-aġir tagħhom ikun konformi mal-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjoni dwar l-impenji ma tistax ma “tillegalizzax” l-aġir tal-impriża kkonċernata fis-suq, u wisq inqas retroattivament.

29

Għaldaqstant, il-qrati nazzjonali ma jistgħux jinjoraw deċiżjonijiet bħal dawn. Fil-fatt, dawn l-atti huma, fi kwalunkwe każ, ta’ natura deċiżiva. Barra minn hekk, kemm il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stipulat fl-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll l-għan ta’ applikazzjoni effettiva u uniformi tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jirrikjedu li l-qorti nazzjonali tikkunsidra l-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni u li tikkunsidraha bħala indizju, jew saħansitra bħala provi prima facie, tan-natura antikompetittiva tal-ftehim inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 101(1) TFUE.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni dwar l-impenji adottata mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ ċerti ftehimiet bejn impriżi, skont l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament, ma tipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jeżaminaw il-konformità tal-imsemmija ftehimiet mar-regoli tal-kompetizzjoni u jikkonstataw, fejn xieraq, l-annullament ta’ dawn tal-aħħar skont l-Artikolu 101(2) TFUE.

Fuq it-tieni domanda

31

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

32

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni dwar l-impenji adottata mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti ftehimiet bejn impriżi, skont l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament, ma tipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jeżaminaw il-konformità tal-imsemmija ftehimiet mar-regoli tal-kompetizzjoni u jikkonstataw, fejn xieraq, l-annullament ta’ dawn tal-aħħar skont l-Artikolu 101(2) TFUE.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top