EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0504
Judgment of the Court (Sixth Chamber) of 20 December 2017.#Deister Holding AG and Juhler Holding A/S v Bundeszentralamt für Steuern.#References for a preliminary ruling from the Finanzgericht Köln.#References for a preliminary ruling — Direct taxation — Freedom of establishment — Directive 90/435/EEC — Article 1(2) — Article 5 — Parent company — Holding company — Withholding tax on profits distributed to a non-resident parent holding company — Exemption — Fraud, tax evasion and abuse — Presumption.#Joined Cases C-504/16 and C-613/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
Deister Holding AG u Juhler Holding A/S vs Bundeszentralamt für Steuern.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Finanzgericht Köln.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni diretta – Libertà ta’ stabbiliment – Direttiva 90/435/KEE – Artikolu 1(2) – Artikolu 5 – Kumpannija omm – Holding – Taxxa f’ras il-għajn ta’ profitti mqassma lil kumpannija omm holding mhux residenti – Eżenzjoni – Evażjoni, evitar u abbuż f’materja fiskali – Preżunzjoni.
Kawżi magħquda C-504/16 u C-613/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
Deister Holding AG u Juhler Holding A/S vs Bundeszentralamt für Steuern.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Finanzgericht Köln.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni diretta – Libertà ta’ stabbiliment – Direttiva 90/435/KEE – Artikolu 1(2) – Artikolu 5 – Kumpannija omm – Holding – Taxxa f’ras il-għajn ta’ profitti mqassma lil kumpannija omm holding mhux residenti – Eżenzjoni – Evażjoni, evitar u abbuż f’materja fiskali – Preżunzjoni.
Kawżi magħquda C-504/16 u C-613/16.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:1009
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
20 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni diretta – Libertà ta’ stabbiliment – Direttiva 90/435/CEE – Artikolu 1(2) – Artikolu 5 – Kumpannija omm – Holding – Taxxa f’ras il-għajn ta’ profitti mqassma lil kumpannija omm holding mhux residenti – Eżenzjoni – Evażjoni, evitar u abbuż f’materja fiskali – Preżunzjoni”
Fil-Kawżi magħquda C‑504/16 u C‑613/16,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-8 ta’ Lulju u tal-31 ta’ Awwissu 2016, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fit-23 ta’ Settembru u t-28 ta’ Novembru 2016, fil-proċeduri
Deister Holding AG, li kienet Traxx Investments NV (C‑504/16),
Juhler Holding A/S (C‑613/16)
vs
Bundeszentralamt für Steuern,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn C. G. Fernlund (Relatur), Proeident tal-Awla, J.C. Bonichot u E. Regan, Inmħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Deister Holding AG, minn J. Schönfeld u C. Süß, Rechtsanwälte, |
– |
għal Juhler Holding A/S, minn A. Stange, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, kif ukoll minn E. de Moustier u S. Ghiandoni, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz u H. Shev, kif ukoll minn F. Bergius u L. Swedenborg, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u M. Wasmeier, bħala aġenti, |
– wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49TFUE kif ukoll tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE tat-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ommijiet-sussidjarji”). |
2 |
Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn rispettivament Deister Holding AG, li kienet Traxx Investments NV (iktar ’il quddiem “Traxx”), u Juhler Holding A/S u, min-naħa l-oħra, il-Bundeszentralamt für Steuern (l-Uffiċċju Ċentrali Federali tat-Taxxi, il-Ġermanja), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jeżenta mit-taxxa f’ras il-għajn id-dividendi riċevuti mis-sussidjarji Ġermaniżi tagħhom. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
It-tielet u l-ħames premessa tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji tistipula: “Billi d-dispożizzjonijiet eżistenti tat-taxxa li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji ġenituri u s-sussidjarji tagħhom fl-Istati Membri differenti ivarjaw b’mod apprezzabbli minn Stat Membru għall-ieħor u huma ġeneralment inqas vantaġġużi minn dawk li japplikaw għall-kumpanniji ġenituri u s-sussidjari fl-istess Stat Membru; billi l-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti tiġi b’hekk żvantaġġata meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji fl-istess Stat Membru; billi huwa meħtieġ li jiġi eliminat dan l-iżvantaġġ bid-dħul ta’ sistema komuni sabiex tiffaċilita r-raggruppament tal-kumpanniji; […] Billi huwa barra minn hekk meħieġ, sabiex tiġi żgurata n-newtralità fiskali, illi l-profitti li kumpanija sussidjarja tqassam lill-kumpanija ġenitur tagħha jiġu eżentati mit-taxxa […]” |
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu japplika din id-Direttiva:
[…] 2. Din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew dawk imsejsa fuq ftehim meħtieġa għall-prevenzjoni tal-frodi jew l-abbuż.” |
5 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, ‘kumpannija ta’ Stat Membru’ għandha tfisser kull kumpannija li:
[…]
[…]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva tistabbilixxi: “1. Għall-għanijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva:
2. Bħala deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandu jkollhom il-għażla li:
|
7 |
Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji: “Il-profitti li sussidjarja tqassam lill-kumpannija parent għandhom ikunu eżentati mit-taxxa f’ras il-għajn.” |
8 |
L-anness ta’ din id-direttiva, intitolat “Lista ta’ Kumpanniji Msemmija fl-Artikolu 2(1)(A)”, issemmi:
[…]
[…]
[…]” |
Id-dritt Ġermaniż
9 |
L-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-”EStG”), tipprovdi fl-Artikolu 36 tiegħu: “(1) Ħlief kif provdut xort’oħra f’din il-liġi, it-taxxa fuq id-dħul titħallas fl-aħħar tal-perijodu ta’ tassazzjoni. (2) Għandu jsir tpaċija fuq it-taxxa fuq id-dħul fuq:
(3) L-ammonti tat-taxxa msemmija fit-tieni subparagrafu (2) tal-paragrafu 2 għandhom jiġu arrotondati għall-euro. Fir-rigward tat-taxxi minn ras il-għajn, l-ammonti totali ta’ taxxa waħda hija arrotondata. (4) Jekk jirriżulta, wara għadd, eċċess għad-detriment tal-persuna taxxabbli, dan tal-aħħar (il-persuna taxxabbli) irid iħallas immedjatament sa fejn l-eċċess jikkorrispondi għal taxxa f’ras il-għajn fuq id-dħul diġà pagabbli, iżda li għadu ma tħallasx; f’każijiet oħra, huwa għandu jitħallas fix-xahar ta’ wara l-avviż tat-taxxa (ħlas finali). Jekk jirriżulta, wara għadd, li hemm eċċess favur il-persuna taxxabbli, dan l-eċċess għandu jitħallas wara n-notifika tal-avviż tat-taxxa. […]” |
10 |
L-ewwel subparagrafu (1) tal-Artikolu 43(1) tal-EStG jipprevedi: “Il-kategoriji li ġejjin ta’ dħul tal-kapital domestiku u, fil-każijiet imsemmija fil-punt 6, fil-punt 7(a) u fil-punti 8 sa 12, kif ukoll fit-tieni sentenza, minn sors barrani, jagħtu lok għal taxxa minn ras il-għajn:
[…]” |
11 |
Skont l-Artikolu 43b(1) tal-EStG, fuq talba tal-persuna taxxabbli, it-taxxa fuq id-dħul ta’ kapital ma tkunx imposta fuq id-dħul ta’ kapital, fis-sens tal-Artikolu 20(1)(1) tal-EStG, riċevuti kumpannija omm li la s-sede u lanqas it-tmexxija tagħha ma jinsabu fit-territorju nazzjonali u jiġu mid-distribuzzjoni ta’ dividendi ta’ sussidjarja. |
12 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43b(2) tal-EStG, huwa mifhum b’“kumpannija omm” fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 43b, kumpannija li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness 2 ta’ din il-liġi u li, skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva [90/435], kif emendata bid-Direttiva [2006/98], fiż-żmien tal-ħolqien tat-taxxa fuq id-dħul fuq id-dħul minn kapital skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tal-EStG tista’ turi li hija għandha fil-kapital tas-sussidjarja sehem dirett ta’ 15 % mill-inqas. |
13 |
Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 43b(2) tal-EStG jipprevedi li għandu jintwera wkoll li s-sehem inżamm mingħajr interruzzjoni għal tnax-il xahar. |
14 |
L-Artikolu 50d(3) tal-EStG jipprovdi: “Kumpannija barranija ma hijiex intitolata għal tnaqqis, sħiħ jew parzjali, taħt il-paragrafi 1 jew 2 fejn l-ishma f’din il-kumpannija huma miżmuma minn persuni li ma jkunux intitolati għal rimbors jew l-eżenzjoni jekk irċevew d-dħul direttament, u
Hija biss is-sitwazzjoni tal-kumpannija barranija li hija deċiżiva; peress li l-karatteristiċi organizzattivi, ekonomiċi jew karatteristiċi oħra importanti tal-impriżi li għandhom rabtiet mal-kumpannija barranija (l-Artikolu 1(2) tal-Außensteuergesetz (il-Liġi dwar ir-Relazzjonijiet Fiskali mal-Barranin)) ma humiex ikkunsidrati. Ma hemmx attività ekonomika proprja meta l-kumpannija barranija tieħu dħul gross mill-ġestjoni ta’ attivi jew tittrasferixxi l-attivitajiet prinċipali tagħha lil terzi. […]” |
15 |
L-Artikolu 42 tal-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxi) jistabbilixxi: “(1) Il-liġi tat-taxxa ma tistax tiġi evitata b’użu abbużiv ta’ skemi previsti mil-leġiżlazzjoni. Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dispożizzjoni fiskali sabiex tiġi miġġielda l-evitar tat-taxxa jkunu ssodisfatti, il-konsegwenzi legali huma ddeterminati mill-imsemmija dispożizzjoni. F’każijiet oħra fejn ġie stabbilit abbuż, fis-sens tal-paragrafu 2, it-taxxa dovuta għandha titħallas taħt l-istess kundizzjonijiet bħal taħt l-iskema ġuridika xierqa għat-tranżazzjonijiet ekonomiċi. (2) Jitwettaq abbuż fejn tintgħażel skema legali mhux xierqa, li jagħti lill-persuna taxxabbli jew lil terz benefiċċju tat-taxxa mhux previst mil-liġi fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ skema ġuridika xierqa. Din ir-regola ma tapplikax jekk il-persuna taxxabbli tistabbilixxi l-eżistenza ta’ raġunijiet mhux fiskali għall-għażla tal-arranġament, li għandha titqies fid-dawl tas-sitwazzjoni kollha tagħha.” |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
16 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju dwar il-Kawża C‑504/16 jirriżulta li Deister Holding hija s-suċċessur universali ta’ Traxx, li kellha s-sede tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-attività ta’ din il-kumpannija tal-aħħar kienet prinċipalment tikkonsisti f’li żżomm ishma f’diversi kumpanniji stabbiliti fi Stati differenti u li tiżgura l-finanzjament tagħhom, fosthom billi tipprovdi self lil kumpanniji tal-grupp ikkonċernat. |
17 |
Mill-2005, Traxx kellu sehem ta’ 26.5 % għall-inqas f’Deister electronik GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż. Minn Marzu 2007, Traxx kellha uffiċċju mikri fil-Pajjiżi l-Baxxi u impjegat żewġ kollaboraturi matul l-2007 u l-2008. L-uniku azzjonist ta’ Traxx, is-Sur Stobbe, kien iddomiċiljat fil-Ġermanja. |
18 |
Fid-19 ta’ Novembru 2007, Deister electronik qassmet dividendi lil Traxx, li fuqhom l-ewwel waħda minn dawn il-kumpaniji ġabret it-taxxa fuq id-dħul tal-kapital u s-suppliment u ħallas l-ammonti ta’ dawn lill-amministrazzjoni fiskali. Fis-16 ta’ Mejju 2008, Traxx talbet li din id-distribuzzjoni ta’ dividendi tiġi eżentata minn din it-taxxa u suppliment. |
19 |
Peress li din l-amministrazzjoni opponiet deċiżjoni li tiċħad din it-talba kif ukoll għall-ilment imressaq kontra din id-deċiżjoni, Deister Holding bħala suċċessur legali ta’ Traxx, ippreżentat rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja), billi invokat l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni mal-libertà ta’ stabbiliment u d-Direttiva ommijiet-sussidjarji. |
20 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju dwar il-Kawża C-613/16 jirriżulta li Juhler Holding hija kumpannija holding li għandha s-sede tagħha fid-Danimarka. Il-kapital ta’ din tal-aħħar huwa miżmum 100 % minn Juhler Services Limited, kumpannija rregolata mid-dritt Ċiprijott. L-azzjonist uniku ta’ din l-aħħar kumpannija hija persuna fiżika stabbilita f’Singapor. |
21 |
Juhler Holding għandha ishma f’iktar minn 25 sussidjarja, li wħud minnhom għandhom ukoll is-sede tagħhom fid-Danimarka, Stat Membru fejn hija stabbilita. Il-grupp ikkonċernat jipprovdi provvisti ta’ servizzi ta’ persunal disponibbli, għal terz tal-volum tagħhom f’dan l-Istat Membru. Mis-sena 2003, Juhler Holding kellha sehem ta’ 100 % fil-kapital ta’ temp-team Personal GmbH, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja. |
22 |
Minn din id-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Juhler Holding kellha, barra minn hekk, patrimonju immobbiljari, li din il-kumpannija hija responsabbli għall-kontroll finanzjarju tal-grupp, sabiex ittejjeb l-ispiża ta’ interessi ta’ din tal-aħħar, li hija tissorvelja u tikkontrolla r-riżultati tas-sussidjarji varji tagħha u li għandha linja tat-telefon u indirizz elettroniku. Fuq is-sir internet ta’ dan il-grupp, hija tinsab fost il-kuntatti. Min-naħa l-oħra, din il-kumpannija ma għandhiex l-uffiċċji tagħha stess. Jekk meħtieġ, tuża bini, tagħmir u persunal minn kumpaniji oħra tal-istess grupp. Fl-aħħar nett, id-direttur ta’ Juhler Holding huwa wkoll membru tal-bordijiet ta’ diversi kumpaniji tal-istess grupp. |
23 |
Matul l-2011, Juhler Holding irċeviet dividendi minn temp-team Personal. Peress li dawn id-dividendi kienu suġġetti għal taxxa minn ras il-għajn kif ukoll għas-suppliment ta’ solidarjetà, l-ewwel waħda minn dawn il-kumpaniji talbet ir-rimbors. Peress li l-amministrazzjoni fiskali opponiet deċiżjoni li tiċħad din it-talba u l-ilment imressaq kontra din id-deċiżjoni, Juhler Holding ippreżentat rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln), billi invokat l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali bil-libertà ta’ stabbiliment u d-Direttiva ommijiet-sussidjarji. |
24 |
Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli fiż-żewġ kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tispeċifika, fl-ewwel lok, li kuntrarjament għall-opinjoni tal-amministrazzjoni fiskali, huwa l-Artikolu 50d(3) tal-EStG fil-verżjoni li tirriżulta mill-Jahressteuergesetz 2007 (il-Liġi Fiskali Annwali tal-2007), tat-13 ta’ Diċembru 2006 (BGBl. 2006–I, p. 2878), li tapplika. Barra minn hekk, f’każ ta’ inkompatibbiltà ta’ dan l-artikolu mad-dritt tal-Unjoni, minkejja l-Artikolu 42 tal-Kodiċi tat-Taxxa, dwar il-ġlieda kontra l-abbuż f’sitwazzjonijiet domestiċi, għandu jsir ir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
25 |
L-imsemmija qorti tesponi, fit-tieni lok li, skont id-dritt nazzjonali, id-dividendi mqassma minn kumpannija sussidjarja Ġermaniża lill-kumpannija omm mhux residenti tagħha huma, jew fuq talba tal-persuna taxxabbli eżenti mit-taxxa fuq id-dħul, jew suġġetti għal taxxa minn ras il-għajn, li, fuq talba tal-persuna taxxabbli, tista’ tiġi rrimborsata. |
26 |
Madankollu, skont l-Artikolu 50d(3) tal-EStG, id-dritt għall-eżenzjoni jew għar-rimbors huwa eskluż meta, minn naħa, l-azzjonisti tal-kumpannija omm mhux residenti ma għandhomx dritt għall-eżenzjoni jew għar-rimbors, jekk irċevew dawn id-dividendi direttament, u li, min-naħa l-oħra, waħda mit-tliet kundizzjonijiet li ġejjin hija ssodisfatta, jiġifieri, jekk ma jkunx hemm raġunijiet ekonomiċi jew raġunijiet importanti oħra għall-interpożizzjoni tal-kumpannija omm mhux residenti, jekk il-kumpannija omm mhux residenti ma tiħux iktar minn 10 % tad-dħul gross totali tagħha għas-sena fiskali kkonċernata tal-attività ekonomika tagħha stess (b’mod partikolari ma huwiex meħud mill-attività ekonomika stess ta’ din il-kumpannija dħul li ġej mill-ġestjoni tal-attiv) jew jekk il-kumpannija omm mhux residenti ma tkunx ħadet sehem fl-attività ekonomika ġenerali ma’ impriża organizzata b’mod adegwat, fid-dawl tal-għan soċjali tagħha. |
27 |
Din l-istess qorti tispeċifika li, sabiex jiġi evalwat jekk il-kumpannija omm mhux residenti teżerċitax attività ekonomika proprja, din il-leġiżlazzjoni tikkunsidra biss is-sitwazzjoni tal-kumpannija omm mhux residenti. Il-karatteristiċi organizzattivi, ekonomiċi jew il-karatteristiċi oħra importanti tal-impriżi kumpaniji li għandhom rabtiet ma’ din il-kumpannija ma humiex ikkunsidrati. Dan ma jqisx l-istruttura u l-istrateġija tal-grupp li għalih din il-kumpannija tappartjeni. Konsegwentement, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50d(3) tal-EStG sitwazzjonijiet fejn, f’dan il-grupp, l-ishma jkunu marru b’mod permanenti f’kumpannija omm holding mhux residenti u fejn dan jikkorrispondi għal strateġija reali tal-grupp ikkonċernat. |
28 |
Madankollu, fil-każ ta’ kumpannija omm holding residenti li l-attività hija limitata, l-eżistenza ta’ interpożizzjoni sostenibbli tkun biżżejjed għal tali kumpannija sabiex tingħata t-tpaċija jew ir-rimbors tat-taxxa. |
29 |
Barra minn hekk, minbarra l-ġestjoni tal-assi, il-ġestjoni attiva ta’ kumpannija ta’ leasing, ta’ kiri, ta’ investiment u ta’ finanzjament jew ta’ kumpannija holding ma huwiex, fil-każ ta’ kumpannija omm mhux residenti, titqies bħala li tikkostitwixxi attività ekonomika tagħha stess, fis-sens tal-Artikolu 50d(3) tal-EStG. |
30 |
Barra minn hekk, sabiex l-eżenzjoni jew ir-rimbors tat-taxxa jiġi rrifjutat, huwa biżżejjed, skont il-qorti, li l-kumpannija omm mhux residenti tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 50d(3) tal-EStG. F’dan il-każ, il-leġiżlatur Ġermaniż jippreżumi, mingħajr ma jkun possibbli li jikkonfuta din il-preżunzjoni, li hija skema mhux xierqa. |
31 |
Din il-qorti tiddubita l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-libertajiet ta’ moviment u D-direttiva ommijiet-sussidjarja. F’dan il-kuntest, hija tqis li ż-żewġ kawżi prinċipali jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment, ladarba l-kumpanniji omm kkonċernati li għandhom sehem li jiggarantulhom influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tas-sussidjarja Ġermaniża tagħhom. |
32 |
L-imsemmija qorti tqis li l-Artikolu 50d(3) tal-EStG jikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u hija tiddubita li r-raġuni ta’ interess ġenerali marbuta mal-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa tista’ tiġġustifika dan l-ostakolu, peress li, minn naħa, taqa’ taħt dan l-artikolu kumpannija mhux residenti li ma tkunx ir-riżultat ta’ skema purament artifiċjali, nieqsa minn realtà ekonomika u li, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi artikolu jistabbilixxi preżunzjoni inkonfutabbli ta’ abbuż jew ta’ frodi. |
33 |
Fir-rigward tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li hemm diskrepanza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 1(2) tagħha, billi l-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu fil- verżjoni bil-lingwa Ġermaniża – kuntrarjament għal dik ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra bħalma huma l-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, Ingliża, Franċiża jew bit-Taljana – ma għandhiex il-kelma “meħtieġa”. Din il-qorti tqis li, minkejja din id-diverġenza, il-kunċett ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt primarju tal-Unjoni. |
34 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemu u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment identiċi fiż-żewġ kawżi:
|
35 |
B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tas-6 ta’ April 2017, il-Kawżi C‑504/16 u C‑613/16 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
36 |
Il-Gvern Ġermaniż isostni li d-domandi magħmula f’dawn iż-żewġ kawżi, sa fejn jikkonċernaw l-Artikolu 50d(3) kollu tal-EStG, imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-finijiet li jkun riżolt it-tilwim pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. |
37 |
Fir-rigward tal-Kawża C-504/16, dan il-gvern jikkunsidra li l-unika domanda li għandha tingħata risposta hija jekk il-libertà ta’ stabbiliment u l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarja, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, jipprekludux “dispożizzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tirrifjuta l-eżenzjoni ta’ ħlasijiet ta’ dividendi mit-taxxa fuq id-dħul mill-kapital lil kumpannija omm barranija li l-uniku azzjonist tagħha għandu r-residenza tiegħu fit-territorju nazzjonali, meta l-ishma f’din il-kumpannija jkunu miżmuma minn persuni li ma jkollhomx dritt għar-rimbors jew għall-eżenzjoni jekk huma jirċievu d-dħul direttament u fuq il-bażi li l-kumpannija omm barranija ma teżerċitax attività ekonomika proprja li tmur lil hinn mis-sempliċi pussess ta’ ishma, u li, barra minn hekk, raġunijiet ekonomiċi jew raġunijiet importanti oħra li jiġġustifikaw l-interpożizzjoni tagħha bejn is-sieħeb nazzjonali u s-sussidjarja nazzjonali huma nieqsa”. |
38 |
Fir-rigward tal-Kawża C-613/16, skont l-imsemmi gvern, l-unika domanda li għandha tingħata risposta hija jekk il-libertà tal-istabbiliment u l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, jipprekludu “dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrifjuta l-eżenzjoni ta’ ħlasijiet ta’ dividendi mit-taxxa fuq id-dħul mill-kapital lil kumpannija omm barranija spearata fit-tul, li tmur lil hinn mis-sempliċi pussess ta ‘ishma u li wkoll ma għandhiex uffiċċji jew persunal tagħha stess”. |
39 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et, C-532/15 u C-538/15, EU:C:2016:932, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala regola, hija marbuta li tiddeċiedi (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et, C‑532/15 u C‑538/15, EU:C:2016:932, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et, C‑532/15 u C‑538/15, EU:C:2016:932, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward li, fiż-żewġ kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju spjegat fid-dettall ir-raġuni għaliex hija qieset li kien neċessarju li tirrispondi d-domanda tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Artikolu 50d(3) tal-EStG sabiex tiddeċiedi f’dawn it-tilwimiet li hija adita bihom. Għalhekk, ma jidhirx li d-domandi magħmula ma humiex ta’ interess għas-soluzzjoni ta’ dawn it-tilwimiet. |
43 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln). |
Fuq il-mertu
44 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, minn naħa waħda, u l-Artikolu 49 TFUE, min-naħa l-oħra, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, meta ishma f’kumpannija omm mhux residenti huma miżmuma minn persuni li ma jkunux intitolati għar-rimbors jew għall-eżenzjoni minn taxxa minn ras il-għajn jekk huma irċevew direttament id-dividendi minn sussidjarja residenti, jirrifjuta, fil-każ fejn waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni tkun issodisfatta, l-eżenzjoni tal-ħlasijiet tad-dividendi mit-taxxa fuq id-dħul kapitali lil din il-kumpannija omm. |
Fuq l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE
45 |
Peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw kemm dispożizzjonijiet tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji kif ukoll dawk tat-Trattat TFUE u li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull miżura nazzjonali f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux dik tad-dritt primarju, għandu jiġi speċifikat li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva ma joperawx tali armonizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punti 15 sa 17). |
46 |
Minn dan kollu jirriżulta li leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, iżda wkoll tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt primarju. |
Dwar l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, moqri flimkien mal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva
47 |
Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, f’dan il-każ ma kienx ikkontestat, minn naħa, li l-kumpaniji inkwistjoni fiż-żewġ kawżi prinċipali jaqgħu fid-Direttiva ommijiet-sussidjarji u, min-naħa l-oħra, li d-dividendi mqassma minn Deister electronik lil Traxx kif ukoll dawk imqassma minn temp-team Personal u Juhler Holding jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva. |
48 |
Id-Direttiva ommijiet-sussidjarji, hekk kif jirriżulta mit-tielet premessa tagħha, hija intiża li, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema fiskali komuni, telimina kull penalizzazzjoni tal-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta pparagunata mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji tal-istess Stat Membru u li, b’dan il-mod, tiffaċilita l-formazzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji fil-livell tal-Unjoni. Din id-direttiva hija intiża għaldaqstant sabiex tiżgura n-newtralità, fil-livell fiskali, tat-tqassim ta’ profitti minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2017, Wereldhave Belgium et, C‑448/15, EU:C:2017:180, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Għal dan il-għan, il-ħames premessa tal-imsemmija direttiva tipprevedi li, sabiex tiġi żgurata n-newtralità fiskali, għandhom jiġu eżentati mit-taxxa f’ras il-għajn il-profitti li kumpannija sussidjarja tqassam lill-kumpannija omm tagħha. |
50 |
Fuq din il-bażi, sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja, l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jqajjem il-prinċipju tal-projbizzjoni tat-taxxi f’ras il-għajn fuq il-profitti mqassma minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
Meta pprojbixxa lill-Istati Membri li jintaxxaw f’ras il-għajn il-profitti mqassma minn sussidjarja residenti lill-kumpannija omm mhux residenti tagħha, dan l-artikolu tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji jillimita l-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tat-tassazzjoni tal-profitti mqassma mill-kumpanniji stabbiliti fit-territorju tagħhom lill-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
B’hekk, peress li d-Direttiva ommijiet-sussidjarji ttendi li ttaffi t-trattament fiskali ta’ kooperazzjoni transkonfinali fi ħdan l-Unjoni, l-Istati Membri ma jistgħux unilateralment jintroduċu miżuri restrittivi u jissuġġettaw id-dritt li jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn skont l-Artikolu 5(1) għal kundizzjonijiet differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1996, Denkavit et, C‑283/94, C‑291/94 u C‑292/94, EU:C:1996:387, punt 26, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
Madankollu, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, billi jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali jew konvenzjonali sabiex jipprevjenu l-frodi u l-abbużi, jistabbilixxi deroga mir-regoli fiskali previsti minn din id-direttiva. |
54 |
Fir-rigward ta’ dan l-Artikolu 1(2), għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju rreferiet għall-eżistenza ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ dan l-artikolu, sa fejn il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża ta’ dan l-Artikolu 1(2), b’mod differenti fost oħrajn, mill-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, dik Ingliża, Franċiża jew Taljana, ma tużax il-kelma “meħtieġa”. |
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, ma huwiex importanti li l-kelma “meħtieġa” ma tinsabx fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tiegħu. Fil-fatt, l-Istati Membri jistgħu, fi kwalunkwe każ, jeżerċitaw il-possibbiltà mogħtija lilhom minn dan l-artikolu biss fl-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997Leur-Bloem, C‑28/95, EU:C:1997:369, punti 38 u 43). |
56 |
Issa, l-osservanza ta’ dan il-prinċipju jirrikjedi li l-miżuri previsti mill-Istati Membri, sabiex jipprevjenu l-frodi u l-abbużi, għandhom ikunu xierqa biex jintlaħaq dan l-għan u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et, 137/85, EU:C:1987:493, punt 15, kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C‑262/09, EU:C:2011:438, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
Minn dan isegwi li, minkejja l-eżistenza tad-diverġenza lingwistika msemmija, il-possibbiltà mħollija lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, tista’ tkopri biss dispożizzjonijiet nazzjonali jew konvenzjonali meħtieġa għal dan il-għan. |
58 |
Din l-interpretazzjoni hija wkoll ikkonfermata mill-għan ta’ din id-direttiva li, kif jirriżulta mill-punti 48 u 52 ta’ din is-sentenza, ittendi li ttaffi ir-reġim fiskali tal-kooperazzjoni transkonfinali fi ħdan l-Unjoni, sabiex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ gruppi ta’ kumpanniji fil-livell tal-Unjoni. |
59 |
Fir-rigward tal-miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi u l-abbużi, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, għandu jiġi rrilevat li, ladarba din id-dispożizzjoni tipprevedi deroga mir-regola ġenerali stabbilita minn din id-direttiva, jiġifieri l-benefiċċju tas-sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għall-kumpanniji ommijiet u sussidjarji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, l-imsemmi artikolu għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2010, P. Ferrero e C. u General Beverage Europe, C‑338/08 u C‑339/08, EU:C 2010:364, punt 45, kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2017, Euro Park Service, C‑14/16, EU:C:2017:177, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
60 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, sabiex leġiżlazzjoni tista’ titqies bħala intiża sabiex jiġu evitati l-frodi u l-abbużi, l-għan speċifiku tagħha għandu jkun li jiġi ostakolat aġir li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ skemi purament artifiċjali, mingħajr realtà ekonomika, li l-għan tagħhom huwa li jittieħed benefiċċju indebitu minn vantaġġ fiskali (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
B’hekk, preżunzjoni ġenerali ta’ frodi u ta’ abbuż ma tista’ tiġġustifika la miżura fiskali li tippreġudika l-għanijiet ta’ direttiva, u lanqas miżura fiskali li tippreġudika l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
62 |
Sabiex jiġi vverifikat jekk tranżazzjoni jkollhiex għan ta’ frodi u ta’ abbuż, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux jikkuntentaw ruħhom li japplikaw kriterji ġenerali stabbiliti minn qabel, iżda għandhom iwettqu eżami individwali tat-tranżazzjoni kkonċernata kollha. L-istabbiliment ta’ miżura fiskali li għandha portata ġenerali li awtomatikament teskludi ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli mill-vantaġġ fiskali, mingħajr ma l-amministrazzjoni fiskali tkun obbligata li tipprovdi l-inqas prova prima facie jew indikazzjoni ta’ frodi u ta’ abbuż, imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu evitati l-frodi u l-abbużi (sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-proċessi disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta ishma f’kumpannija omm mhux residenti huma miżmuma minn persuni li ma humiex intitolati għall-eżenzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn jekk huma direttament irċevew dividendi minn sussidjarja stabbilita fil-Ġermanja, din il-leġiżlazzjoni tissuġġetta l-għoti tal-benefiċċju tal-vantaġġ fiskali tal-eżenzjoni mit-taxxa minn ras il-għajn prevista fl-Artikolu 5(2)1, tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, għar-rekwiżit li l-ebda waħda mit-tliet kundizzjonijiet stabbiliti f’dik il-leġiżlazzjoni ma tkun issodisfatta, jiġifieri jekk raġunijiet ekonomiċi jew raġunijiet importanti oħra li jiġġustifikaw l-interpożizzjoni tal-kumpannija omm mhux residenti huma nieqsa, jekk il-kumpannija omm mhux residenti tirċievi mhux iktar minn 10 % tad-dħul gross totali tagħha fis-sena finanzjarja li tikkonċerna l-attività ekonomika tagħha stess, jew jekk il-kumpannija omm mhux residenti ma tipparteċipax fl-attività ekonomika ġenerali ma’ impriża organizzata b’mod xieraq fid-dawl tal-iskop ta’ negozju tagħha, mingħajr ma jitqiesu l-karatteristiċi organizzattivi, ekonomiċi jew oħrajn importanti tal-impriżi li għandhom rabtiet mal-kumpannija omm mhux residenti. Barra minn hekk, kumpannija omm mhux residenti ma titqiesx bħala li teżerċita attività ekonomika proprja meta tieħu dħul gross mill-ġestjoni ta’ attivi jew tittrasferixxi l-attivitajiet prinċipali tagħha lil terzi. |
64 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex bħala għan speċifiku li teskludi mill-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali l-iskemi purament artifiċjali li l-għan tagħhom huwa li jittieħed benefiċċju indebitu minn dan il-vantaġġ, iżda hija intiża, b’mod ġenerali, għal kull sitwazzjoni fejn ishma f’kumpannija omm mhux residenti jinżammu minn persuni li ma humiex intitolati għal tali eżenzjoni jekk jirċievu d-dividendi direttament. |
65 |
Issa, il-fatt biss li tali ishma jinżammu minn tali persuni ma jimplikax, fih innifsu, li hemm skema purament artifiċjali, nieqsa minn realtà ekonomika, maħluqa biss sabiex tibbenefika indebitament minn vantaġġ fiskali. |
66 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi speċifikat li ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji li t-trattament fiskali rriżervat lill-persuni li għandhom ishma f’kumpanniji omm residenti fl-Unjoni jew li l-oriġini ta’ dawn il-persuni jkollhom xi effett kwalunkwe fuq id-dritt ta’ dawn il-kumpanniji li jibbażaw ruħhom fuq vantaġġi fiskali previsti minn din id-direttiva. |
67 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kumpannija omm mhux residenti hija, fi kwalunkwe każ, suġġetta għal-leġiżlazzjoni fiskali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
68 |
Fit-tieni lok, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta l-għoti tal-eżenzjoni mit-taxxa minn ras il-għajn prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji għar-rekwiżit li l-ebda waħda mit-tliet kundizzjonijiet previsti minn din l-istess leġiżlazzjoni, imsemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, ma tkun issodisfatta. |
69 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, meta ssuġġettat l-għoti tal-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni għal tali rekwiżit, mingħajr ma l-amministrazzjoni fiskali tkun marbuta li tipprovdi prova prima facie tal-assenza ta’ motivi ekonomiċi jew ta’ frodi jew abbuż, l-imsemmija leġiżlazzjoni tistabbilixxi, kif jirriżulta mill-punt 62 ta’ din is-sentenza, preżunzjoni ġenerali ta’ frodi jew ta’ abbuż u, b’hekk, ksur tal-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva ommijiet-sussidjarji, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) tiegħu, jiġifieri li jipprevjeni t-tassazzjoni doppja tad-dividendi mqassma minn sussidjarja residenti lill-kumpannija mhux residenti tagħha mill-Istat Membru ta’ residenza ta’ din is-sussidjarja, sabiex tiffaċilita l-kooperazzjoni u li jkun hemm gruppi ta’ kumpanniji fil-livell tal-Unjoni. |
70 |
It-tieni nett, peress li din l-istess leġiżlazzjoni, fil-każijiet fejn waħda mit-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fiha ma hijiex issodisfatta, ma tippermettix lill-kumpannija omm mhux residenti l-possibbiltà li tipproduċi provi tal-eżistenza ta’ raġunijiet ekonomiċi, hija tintroduċi, barra minn hekk, preżunzjoni inkonfutabbli ta’ frodi jew ta’ abbuż. |
71 |
It-tielet nett, dawn il-kundizzjonijiet, kemm jekk meħuda individwalment kif ukoll flimkien, ma jistgħux fihom infushom jimplikaw l-eżistenza ta’ frodi jew ta’ abbuż. |
72 |
Fil-fatt, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva ommijiet-sussidjarji ma fiha l-ebda rekwiżit dwar in-natura tal-attività ekonomika tal-kumpaniji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jew l-ammont ta’ dħul li ġej mill-attività ekonomika proprja tagħhom. |
73 |
Issa, il-fatt li l-attività ekonomika tal-kumpannija omm mhux residenti tikkonsisti fil-ġestjoni tal-attivi tas-sussidjarji tagħha jew li d-dħul ta’ din il-kumpannija omm ġej biss minn din il-ġestjoni ma jistax, fih innifsu, jimplika l-eżistenza ta’ skema purament artifiċjali, nieqsa minn kull realtà ekonomika. F’dan il-kuntest, il-fatt li l-ġestjoni tal-attivi ma huwiex ikkunsidrat li jikkostitwixxi attività ekonomika fil-kuntest tat-taxxa fuq il-valur miżjud ma huwiex ta’ importanza, peress li t-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-imsemmija taxxa jaqgħu f’kuntesti ġuridiċi distinti, b’kull wieħed minnhom b’għanijiet differenti. |
74 |
Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tipprevedi l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konstatazzjoni ta’ tali skema tirrikjedi li, fuq bażi ta’ każ b’każ, isir eżami globali tas-sitwazzjoni inkwistjoni, dwar elementi bħall-karatteristiċi organizzattivi, ekonomiċi u l-karatteristiċi l-oħra importanti tal-grupp ta’ kumpanniji li għalih tappartjeni l-kumpannija omm ikkonċernata kif ukoll l-istrutturi u l-istrateġiji ta’ dan il-grupp. |
75 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
Dwar il-libertà applikabbli
76 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwistjoni tat-trattament fiskali ta’ dividendi tista’ taqa’ kemm taħt il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll taħt il-moviment liberu tal-kapital (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
77 |
Fir-rigward tal-kwistjoni jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt waħda jew l-oħra mil-libertajiet ta’ moviment, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
78 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża li tapplika biss għall-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha, taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Min-naħa l-oħra, dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għal ishma miksuba biss bl-intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li jkun hemm influwenza fuq it-tmexxija u l-kontroll tal-impriża għandhom jiġu eżaminati esklużivament fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
79 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet applikabbli għall-kumpanniji li kienu jżommu tal-inqas 15 % tal-kapital tas-sussidjarji tagħhom. Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni ma tinkludix informazzjoni dwar l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni. |
80 |
Dan is-sehem mhux neċessarjament timplika li l-kumpannija li żżommha teżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija li tqassam id-dividendi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
81 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi fattwali tal-każ ineżami sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni intiża mill-kawża prinċipali taqax taħt waħda jew l-oħra minn dawn il-libertajiet ta’ moviment (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
82 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-Kawża C‑504/16, mill-proċess disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Traxx kellha, fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sehem mill-inqas ta’ 26.5 % f’Deister electronik. F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li tali sehem jagħti lil din l-ewwel kumpannija influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tat-tieni kumpannija, li tippermettilha li tiddetermina l-attivitajiet tagħha. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminati fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment. |
83 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-Kawża C‑613/16, mill-proċess disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Juhler Holding kellha, fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kapital kollu ta’ temp-team Personal. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dan is-sehem kien jagħti lil din l-ewwel waħda minn dawn il-kumpanniji influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tat-tieni waħda, li tippermettilha li tiddetermina l-attivitajiet tagħha. Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal dawn l-ishma għandha, f’din il-kawża wkoll, tiġi eżaminata fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment. |
84 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi ċċarat li l-oriġini tal-azzjonisti tal-kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taffettwax id-dritt ta’ dawn il-kumpanniji li jinvokaw il-libertà ta’ stabbiliment. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-oriġini tal-azzjonisti, kemm jekk huma persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-kumpanniji residenti fl-Unjoni jkollha effett fuq id-dritt ta’ dawn il-kumpanniji li jagħmlu użu minn din il-libertà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, fil-kawżi prinċipali, huwa paċifiku li l-kumpanniji ommijiet kkonċernati huma kumpanniji stabbiliti fl-Unjoni. Konsegwentement, dawn il-kumpanniji jistgħu jibbażaw rwieħhom fuq il-libertà ta’ stabbiliment. |
85 |
Minn dan isegwi li hemm lok li d-domandi magħmula jingħataw risposta fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment. |
Fuq il-libertà ta’ stabbiliment
86 |
Il-libertà ta’ stabbiliment, li l-Artikolu 49 TFUE rrikonoxxa liċ-ċittadini tal-Unjoni, tinkludi għalihom l-aċċess għall-attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll li jikkostitwixxu u li jmexxu impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk iddefiniti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess. Din tinkludi, konformement mal-Artikolu 54 TFUE, għall-kumpanniji kkostitwiti b’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom is-sede tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom ġewwa l-Unjoni, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ sussidjarja, ta’ fergħa jew ta’ aġenzija (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
87 |
Fir-rigward tat-trattament fl-Istat Membru ospitanti, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, peress li t-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE tħalli b’mod espliċitu lill-operaturi ekonomiċi l-possibbiltà li jagħżlu liberament il-forma legali xierqa għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom fi Stat Membru ieħor, din l-għażla libera ma għandhiex tiġi limitata minn dispożizzjonijiet fiskali diskriminatorji (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
88 |
Barra minn hekk, għandhom jitqiesu bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
89 |
F’dan il-każ, mill-proċessi disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa biss meta sussidjarja residenti tqassam profitti lil kumpannija omm mhux residenti li l-għoti tal-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa minn ras il-għajn previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji huwa suġġett għar-rekwiżit previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
90 |
Tali differenza fit-trattament, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, tista’ tiddisswadi kumpannija omm mhux residenti milli teżerċita, fil-Ġermanja, attività ekonomika permezz ta’ sussidjarja stabbilita f’dan l-Istat Membru u tikkostitwixxi, għalhekk, ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment. |
91 |
Tali ostakolu jista’ jiġi ammess biss jekk jikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew jekk huwa ġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni. Huwa wkoll neċessarju, f’dan l-aħħar każ, li l-ostakolu jkun xieraq sabiex jiggarantixxi li jintlaħaq l-għan li huwa jfittex li jilħaq u li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
92 |
Fir-rigward tan-natura paragunabbli tas-sitwazzjoni ta’ kumpannija residenti u ta’ dik ta’ kumpannija mhux residenti li jirċievu dividendi minn sussidjarja residenti, għandu jiġi ppreċiżat li l-eżenzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn tal-profitti mqassma minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha hija intiża, hekk kif issemma fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġi evitata taxxa doppja jew taxxa marbuta ta’ dawn il-profitti. |
93 |
Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fir-rigward tal-miżuri previsti minn Stat Membru sabiex jipprevjeni jew inaqqas it-tassazzjoni bħala katina jew it-taxxa doppja tal-profitti mqassma minn kumpannija residenti, li l-azzjonisti benefiċjarji residenti ma jinsabux neċessarjament f’sitwazzjoni li hija paragunabbli ma’ dik tal-azzjonisti benefiċjarji residenti ta’ Stat Membru ieħor, hija ppreċiżat ukoll li, peress li Stat Membru jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu mhux biss fuq id-dħul tal-azzjonisti residenti, iżda wkoll fuq dak tal-azzjonisti mhux residenti, għad-dividendi li huma jirċievu minn kumpannija residenti, is-sitwazzjoni ta’ dawn l-azzjonisti mhux residenti tersaq lejn dik tal-azzjonisti residenti (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
94 |
Fil-kawżi prinċipali, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għażlet li teżerċita l-kompetenza fiskali tagħha fuq il-profitti mqassma mis-sussidjarja residenti lill-kumpannija omm mhux residenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din il-kumpannija omm mhux residenti, sa fejn tikkonċerna d-dividendi, tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ kumpannija omm residenti. |
95 |
F’dak li jikkonċerna l-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tal-ostakolu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li dan huwa ġġustifikat kemm mill-għan ta’ ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa kif ukoll minn dak intiż li jiżgura tqassim ekwilibrat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri. |
96 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-għan intiż tal-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u dak intiż sabiex jitħares tqassim ekwilibrat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri huma marbuta, u, min-naħa l-oħra li dawn jistgħu, peress li jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jiġġustifikaw ostakolu għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
97 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-għan intiż tal-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, kemm jekk invokat skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji jew bħala ġustifikazzjoni ta’ ostakolu għad-dritt primarju, għandu l-istess portata (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 60 sa 74 ta’ din is-sentenza japplikaw ukoll f’dak li jikkonċerna din il-libertà. |
98 |
Barra minn hekk, fir-rigward tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, għandu jkun speċifikat li, billi tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu taxxa minn ras il-għajn fuq il-profitti mqassma minn sussidjarju residenti lill-kumpannija omm mhux residenti tagħha, id-direttiva ommijiet-sussidjarji prinċipali tirregola l-kwistjoni ta’ dan it-tqassim. |
99 |
Għaldaqstant, l-għan tal-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u dak li jiġi ssalvagwardjat tqassim ibbilanċjata tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri ma jistgħux, fiċ-ċirkustanzi, jiġġustifikaw ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment. |
100 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, minn naħa waħda, u l-Artikolu 49 TFUE, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, meta ishma f’kumpannija omm mhux residenti huma miżmuma minn persuni li ma jkunux intitolati għar-rimbors jew għall-eżenzjoni minn taxxa minn ras il-għajn jekk huma direttament irċevew id-dividendi ġejjin minn sussidjarja residenti, jirrifjuta, fil-każ fejn waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni tkun issodisfatta, l-eżenzjoni tal-ħlasijiet tad-dividendi mit-taxxa fuq id-dħul kapitali lil din il-kumpannija omm. |
Fuq l-ispejjeż
101 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE tat-20 ta’ Novembru 2006, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, minn naħa waħda, u l-Artikolu 49 TFUE, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, meta ishma f’kumpannija omm mhux residenti huma miżmuma minn persuni li ma jkunux intitolati għar-rimbors jew għall-eżenzjoni minn taxxa minn ras il-għajn jekk huma direttament irċevew id-dividendi ġejjin minn sussidjarja residenti, jirrifjuta, fil-każ fejn waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni tkun issodisfatta, l-eżenzjoni tal-ħlasijiet tad-dividendi mit-taxxa fuq id-dħul kapitali lil din il-kumpannija omm. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.