EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0434
Judgment of the Court (Second Chamber) of 20 December 2017.#Peter Nowak v Data Protection Commissioner.#Request for a preliminary ruling from the Supreme Court.#Reference for a preliminary ruling — Protection of individuals with regard to the processing of personal data — Directive 95/46/EC — Article 2(a) — Concept of ‘personal data’ — Written answers submitted by a candidate in a professional examination — Examiner’s comments with respect to those answers — Article 12(a) and (b) — Extent of the data subject’s rights to access and rectification.#Case C-434/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
Peter Nowak vs Data Protection Commissioner.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘data personali’ – Risposti bil-miktub mogħtija mill-kandidat waqt eżami professjonali – Korrezzjonijiet tal-eżaminatur marbuta ma’ dawn ir-risposti – Artikolu 12(a) u (b) – Portata tad-drittijiet ta’ aċċess u ta’ rettifika tal-persuna kkonċernata.
Kawża C-434/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
Peter Nowak vs Data Protection Commissioner.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘data personali’ – Risposti bil-miktub mogħtija mill-kandidat waqt eżami professjonali – Korrezzjonijiet tal-eżaminatur marbuta ma’ dawn ir-risposti – Artikolu 12(a) u (b) – Portata tad-drittijiet ta’ aċċess u ta’ rettifika tal-persuna kkonċernata.
Kawża C-434/16.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:994
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
20 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘data personali’ – Risposti bil-miktub mogħtija mill-kandidat waqt eżami professjonali – Korrezzjonijiet tal-eżaminatur marbuta ma’ dawn ir-risposti – Artikolu 12(a) u (b) – Portata tad-drittijiet ta’ aċċess u ta’ rettifika tal-persuna kkonċernata”
Fil-Kawża C-434/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Lulju 2016, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura
Peter Nowak
vs
Data Protection Commissioner,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal, u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Nowak, minn G. Rudden, solicitor, u N. Travers, SC, |
– |
għad-Data Protection Commissioner, minn D. Young, solicitor, u P. A. McDermott, SC, |
– |
għall-Irlanda, minn E. Creedon u L. Williams kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn A. Caroll, barrister, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Elleniku, minn G. Papadaki u S. Charitaki, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér u A. Pálfy, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn I. Oliveira, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Nardi u H. Kranenborg, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Lulju 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU 1995, L 281, p. 31). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Peter Nowak u d-Data Protection Commissioner (il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data, l-Irlanda) dwar ir-rifjut, minn dan tal-aħħar, li jagħti lil P. Nowak aċċess għal kopja kkorreġuta ta’ eżami li għamel dan tal-aħħar, minħabba li l-informazzjoni inkluża f’din il-kopja ma kinitx tikkostitwixxi data personali. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 95/46
3 |
Id-Direttiva 95/46 li, skont l-Artikolu 1 tagħha, għandha bħala għan il-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, kif ukoll l-eliminazzjoni ta’ ostakoli għall-moviment liberu ta’ din id-data, tipprovdi, fil-premessi 25, 26 u 41:
[…]
|
4 |
Il-kunċett ta’ “data personali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva bħala “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu”. |
5 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, li jinsab fis-Sezzjoni I, intitolata “Prinċipji dwar il-kwalità tad-data”, tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, huwa fformulat kif ġej: “1. Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:
2. Għandu jkun il-kontrollur li jassigura konformità mal-paragrafu 1.” |
6 |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46, li jinsab fis-Sezzjoni II, intitolata “Kriterji biex l-ipproċessar ta’ data jkun leġittimu”, tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, jipprovdi: “Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:
jew […]
jew […]
jew
|
7 |
L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ aċċess”, jipprovdi: “Stati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur:
|
8 |
L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eżenzjonijiet u Restrizzjonijiet”, jipprovdi: “1. Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil: […]
[…]” |
9 |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Id-dritt tas-suġġett tad-data li jagħmel oġġezzjoni”, jipprovdi: “Stati Membri għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data d-dritt:
[…]” |
10 |
L-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Awtorità ta’ superviżjoni”, jipprovdi: “1. Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva. […] 3. Kull awtorità għandha jkollha partikolarment:
[…] Deċiżjonijiet ta’ l-awtorità ta’ superviżjoni li jagħtu lok għal ilmenti jistgħu jkunu appellati fil-qrati. 4. Kull awtorità ta’ superviżjoni għandha tisma’ talbiet maghmulin minn kull persuna, jew minn għaqda li tirrappreżenta lil dik il-persuna, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet jew libertajiet tagħha fl-ipproċessar ta’ data personali. Il-persuna kkonċernata għandha tkun mgħarrfa bir-riżultat tat-talba. […]” |
Ir-Regolament (UE) 2016/679
11 |
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU 2016, L 119, p. 1), huwa applikabbli, skont l-Artikolu 99(2), b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018. L-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li d-Direttiva 95/46 hija abrogata b’effett mill-istess data. |
12 |
L-imsemmi regolament jipprovdi, fl-Artikolu 15 tiegħu, intitolat “Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”: “1. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja: […] […] 3. Il-kontrollur għandu jipprovdi kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata. […] 4. Id-dritt li tinkiseb kopja msemmija fil-paragrafu 3 ma għandux jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.” |
13 |
L-Artikolu 23 tar-Regolament 2016/679, intitolat “Restrizzjonijiet”, jipprovdi: “1. Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 […], meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’: […]
[…]
[…]”. |
Id-dritt Irlandiż
14 |
Id-Data Protection Act 1988 (il-Liġi tal-1988 dwar il-Protezzjoni tad-Data), kif emendata mid-Data Protection (Amendment) Act 2003 (il-Liġi Emendatorja tal-2003 dwar il-Protezzjoni tad-Data) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data”), hija intiża li tittrasponi d-Direttiva 95/46 fl-ordinament ġuridiku Irlandiż. L-Artikolu 1(1) ta’ din il-liġi jiddefinixxi l-kunċett ta’ “data personali” kif ġej: “Data dwar persuna ħajja li hija identifikata jew li tista’ tiġi identifikata mid-data inkwistjoni jew minn data oħra flimkien ma’ informazzjoni oħra fil-pussess tal-Kontrollour tad-Data jew li tista’ tiġi fil-pussess tiegħu”. |
15 |
Id-dritt ta’ aċċess huwa rregolat mill-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data, li l-paragrafu 6 tiegħu, li jirrigwarda speċifikament it-talbiet għal aċċess tar-riżultati tal-eżamijiet, jipprovdi kif ġej:
|
16 |
L-Artikolu 6 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data jistabbilixxi d-dritt għal rettifika u tneħħija tad-data personali, li l-ipproċessar tagħha ma huwiex konformi ma’ din il-liġi. |
17 |
L-Artikolu 10(1)(b)(i) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data jeżiġi li l-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data għandu jinvestiga lment “sakemm ma jkunx tal-fehma li l-ilment huwa frivolu jew vessatorju”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
18 |
P. Nowak kien kontabilist prattikant li għadda mill-eżamijiet ta’ kontabbilità tal-ewwel livell kif ukoll minn tliet eżamijiet tat-tieni livell organizzati mill-Institute of Chartered Accountants of Ireland (il-Korp Professjonali tal-Kontabilisti tal-Irlanda, iktar ’il quddiem il-“Korp Professjonali tal-Kontabilisti”). Madankollu, huwa ma għaddiex mill-eżami ta’ “Kontabbiltà tal-Finanzi Strateġiċi u tal-Ġestjoni”, li kien jagħti l-possibbiltà lill-kandidati jikkonsultaw materjal matul l-eżami (“open book exam”). |
19 |
Wara li ma għaddiex mill-eżami għar-raba’ darba, fil-ħarifa tal-2009, P. Nowak inizjalment ressaq ilment intiż għall-kontestazzjoni tar-riżultat tiegħu. Wara li dan l-ilment ġie miċħud f’Marzu 2010, huwa ppreżenta, f’Mejju 2010, talba għal aċċess, skont l-Artikolu 4 tal-Liġi dwar id-Data Personali, tad-data personali kollha li tikkonċernah, miżmuma mill-Korp Professjonali tal-Kontabilisti. |
20 |
Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Ġunju 2010, il-Korp Professjonali tal-Kontabilisti ttrażmetta lil P. Nowak sbatax-il dokument, iżda rrifjuta li jittrażmettilu l-kopja tal-eżami tiegħu, peress li din ma kinitx tinkludi data personali fis-sens tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data. |
21 |
Għaldaqstant, P. Nowak ikkuntattja lill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data sabiex jikkontesta l-fondatezza tal-motiv ta’ rifjut ta’ komunikazzjoni tal-kopja tal-eżami tiegħu. Fix-xahar ta’ Ġunju 2010, dan wieġbu permezz ta’ messaġġ elettroniku fejn indika, b’mod partikolari, li “b’mod ġenerali, il-kopji tal-eżami ma humiex eżaminati [għall-finijiet tal-protezzjoni tad-data] […] peress li, b’mod ġenerali, dawn id-dokumenti ma jikkostitwixxux data personali”. |
22 |
Din ir-risposta tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data ġiet segwita bi skambju ta’ korrispondenza bejn P. Nowak u l-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data li ntemmet, fl-1 ta’ Lulju 2010, permezz tal-preżentazzjoni minn P. Nowak ta’ lment formali. |
23 |
Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Lulju 2010, il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data informa lil P. Nowak li, wara eżami tal-każ tiegħu, huwa ma kienx ikkonstata ksur tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data u li, konformement mal-Artikolu 10(1)(b)(i) ta’ din il-liġi, li jipprevedi l-każ ta’ lmenti frivoli jew vessatorji, huwa ddeċieda li ma jinvestigax l-ilment tiegħu. Din l-ittra kienet tindika, barra minn hekk, li d-dokumenti li fir-rigward tagħhom P. Nowak iddeċieda li jeżerċita “dritt ta’ korrezzjoni ma kinux jikkostitwixxu data personali li fir-rigward tagħhom kien japplika l-Artikolu 6 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data”. |
24 |
P. Nowak ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Circuit Court (il-Qorti taċ-Ċirkwit, l-Irlanda). Din tal-aħħar ikkonstatat l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba l-fatt li, fin-nuqqas ta’ investigazzjoni tal-ilment mill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data, ma kienx hemm deċiżjoni li kontriha seta’ jiġi ppreżentat rikors. Sussidjarjament, din il-qorti kkonstatat li dan ir-rikors kien infondat, peress li l-kopja tal-eżami ma kinitx tikkostitwixxi data personali. |
25 |
Għaldaqstant, P. Nowak appella mis-sentenza tal-imsemmija qorti quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), li madankollu kkonfermat din is-sentenza. Is-sentenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) min-naħa tagħha, ġiet ikkonfermata mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda). Is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), li awtorizzat l-appell kontra s-sentenza tal-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell), ikkonstatat l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn P. Nowak kontra d-deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data. |
26 |
Madankollu, peress li kellu dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk kopja tal-eżami tistax tikkostitwixxi data personali fis-sens tad-Direttiva 95/46, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
27 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-risposti bil-miktub mogħtija minn kandidat waqt eżami professjonali u kwalunkwe kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dan l-eżami, jikkostitwixxu data personali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 jiddefinixxi d-data personali bħala “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli”. Skont din id-dispożizzjoni, “persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu”. |
29 |
Huwa paċifiku li kandidat ta’ eżami professjonali huwa persuna fiżika li tista’ tiġi identifikata direttament, permezz ta’ isimha, jew indirettament, permezz ta’ numru ta’ identifikazzjoni, indikati fuq il-kopja tal-eżami jew fuq il-kopertura ta’ tali kopja. |
30 |
Kuntrarjament għal dak li jidher li jargumenta l-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data, huwa irrilevanti, f’dan il-kuntest, il-punt dwar jekk l-eżaminatur jistax jew le jidentifika l-kandidat fil-mument tal-korrezzjoni u tan-notazzjoni tal-kopja tal-eżami. |
31 |
Fil-fatt, sabiex data tiġi kklassifikata bħala “data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, ma huwiex meħtieġ li l-informazzjoni kollha li tippermetti li tiġi identifikata l-persuna kkonċernata tkun f’idejn persuna waħda (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer, C-582/14, EU:C:2016:779, punt 43). Barra minn hekk, huwa paċifiku li, fil-każ li l-eżaminatur ma jkunx jaf l-identità tal-kandidat waqt in-notazzjoni tar-risposti mogħtija minnu fil-kuntest ta’ eżami, l-entità li torganizza l-eżami, f’dan il-każ, il-Korp Professjonali tal-Kontabilisti, għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni neċessarja li tippermettilha tidentifika mingħajr diffikultajiet jew dubji l-kandidat permezz tan-numru ta’ identifikazzjoni tiegħu, indikat fuq il-kopja tal-eżami jew fuq il-kopertura ta’ din il-kopja, u għalhekk tattribwixxi r-risposti lil dak il-kandidat. |
32 |
Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk ir-risposti bil-miktub mogħtija mill-kandidat waqt eżami professjonali u kwalunkwe kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ tali eżami jikkostitwixxux informazzjoni li tikkonċerna dan il-kandidat, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46. |
33 |
Għalhekk, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 huwa wiesa’ ħafna u d-data personali koperta minn din id-direttiva hija varja (sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer, C-553/07, EU:C:2009:293, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Fil-fatt, l-użu tal-espressjoni “kull data” fil-kuntest tad-definizzjoni tal-kunċett “data personali” li tinsab fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 jirrifletti l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jattribwixxi portata wiesgħa lil dan il-kunċett, li ma hijiex limitata għal data sensittiva jew privata, iżda tinkorpora potenzjalment kull tip ta’ informazzjoni kemm oġġettiva kif ukoll suġġettiva, f’għamla ta’ opinjonijiet jew evalwazzjonijiet, bil-kundizzjoni li “tikkonċerna” lill-persuna inkwistjoni. |
35 |
Fir-rigward ta’ din l-aħħar kundizzjoni, din hija ssodisfatta meta, minħabba l-kontenut, il-finalità jew l-effett tagħha, l-informazzjoni tkun relatata ma’ persuna partikolari. |
36 |
Kif isostnu, essenzjalment, P. Nowak, il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, tal-Greċja, tal-Ungerija, tal-Awstrija, tal-Portugall kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ir-risposti bil-miktub mogħtija minn kandidat f’eżami professjonali jikkostitwixxu tali informazzjoni relatata miegħu jew magħha bħala persuna. |
37 |
Fil-fatt, qabelxejn, il-kontenut ta’ dawn ir-risposti jirrifletti l-livell ta’ konoxxenza u ta’ kompetenza tal-kandidat f’qasam partikolari kif ukoll, f’ċerti każijiet, l-intellett, il-ġudizzju u l-kapaċità kritika tiegħu. Fil-każ ta’ eżami miktub bl-idejn, ir-risposti jinkludu wkoll informazzjoni relatata mal-kitba bl-idejn tiegħu. |
38 |
Sussegwentement, il-ġbir ta’ tali risposti għandu l-għan li jiġu evalwati l-kapaċitajiet professjonali tal-kandidat u l-abbiltà tiegħu li jeżerċita l-professjoni inkwistjoni. |
39 |
Fl-aħħar nett, l-użu ta’ din l-informazzjoni, li jimplika s-suċċess jew il-falliment tal-kandidat fl-eżami kkonċernat, jista’ jkollu effett fuq id-drittijiet u l-interessi tiegħu, sa fejn jista’ jiddetermina jew jinfluwenza, pereżempju, iċ-ċansijiet tiegħu li jaċċedi għal professjoni jew għal pożizzjoni mixtieqa. |
40 |
Il-konstatazzjoni li r-risposti bil-miktub mogħtija minn kandidat f’eżami professjonali jikkostitwixxu informazzjoni li tikkonċerna kandidat minħabba l-kontenut, il-finalità u l-effett tagħha tapplika wkoll, barra minn hekk, fil-każ ta’ eżami b’konsultazzjoni ta’ materjal. |
41 |
Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tagħha, kull eżami huwa intiż li jiddetermina u jistabbilixxi l-prestazzjoni individwali ta’ persuna speċifika, jiġifieri l-kandidat, u mhux, għad-differenza pereżempju ta’ sondaġġ rappreżentattiv, li tinkiseb informazzjoni indipendenti relatata ma’ din il-persuna. |
42 |
Fir-rigward tal-kummenti tal-eżaminatur dwar ir-risposti tal-kandidat, għandu jiġi kkonstat li, l-istess bħar-risposti mogħtija mill-kandidat waqt l-eżami, dawn jikkostitwixxu informazzjoni li tikkonċerna lil dan il-kandidat. |
43 |
Għalhekk, il-kontenut ta’ dawn il-kummenti jirrifletti l-opinjoni jew l-evalwazzjoni tal-eżaminatur dwar il-prestazzjonijiet individwali tal-kandidat waqt l-eżami, u b’mod partikolari dwar il-konoxxenzi u l-kompetenzi tiegħu fil-qasam ikkonċernat. Barra minn hekk, l-imsemmija kummenti għandhom bħala finalità li jiddokumentaw l-evalwazzjoni mill-eżaminatur tal-prestazzjoni tal-kandidat u jistgħu jkollhom effetti fuq dan tal-aħħar, kif jindika l-punt 40 ta’ din is-sentenza. |
44 |
Il-konstatazzjoni li l-kummenti tal-eżaminatur dwar ir-risposti mogħtija mill-kandidat waqt l-eżami jikkostitwixxu informazzjoni li, minħabba l-kontenut, il-finalità u l-effett tagħha, hija relatata ma’ dan il-kandidat, ma hijiex kontradetta bil-fatt li dawn il-kummenti jikkostitwixxu wkoll informazzjoni dwar l-eżaminatur. |
45 |
Fil-fatt, l-istess informazzjoni tista’ tikkonċerna diversi persuni fiżiċi u għalhekk tikkostitwixxi fir-rigward ta’ kull waħda minnhom, bil-kundizzjoni li dawn il-persuni jkunu identifikati jew identifikabbli, data personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46. |
46 |
Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni bħala data personali ta’ risposti bil-miktub mogħtija mill-kandidat waqt l-eżami professjonali u kwalunkwe kummenti marbuta ma’ dawn ir-risposti ma tistax tiġi affettwata, kuntrarjament għal dak li jargumentaw il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data u l-Gvern Irlandiż, mill-fatt li din il-klassifikazzjoni timplika għal dan il-kandidat, fil-prinċipju, drittijiet ta’ aċċess u ta’ rettifika, skont l-Artikolu 12(a) u (b) tad-Direttiva 95/46. |
47 |
F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, diversi prinċipji u garanziji, previsti mid-Direttiva 95/46, huma marbuta ma’ din il-klassifikazzjoni u huma l-konsegwenza ta’ din il-klassifikazzjoni. |
48 |
Fil-fatt, mill-premessa 25 tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li l-prinċipji tal-protezzjoni previsti minnha huma riflessi, minn naħa, fl-obbligi imposti fuq il-persuni li huma responsabbli mill-ipproċessar tad-data, liema obbligi jikkonċernaw b’mod partikolari l-kwalità tad-data, is-sigurtà teknika, in-notifikazzjoni lill-awtorità superviżorja, u ċ-ċirkustanzi li fihom jista’ jseħħ l-ipproċessar, u min-naħa l-oħra, fid-drittijiet mogħtija lill-persuni li d-data tagħhom hija suġġett għal ipproċessar li jiġu informati dwaru, li jikkonsultaw id-data, li jitolbu rettifika u saħansitra li jikkontestaw l-ipproċessar f’ċerti ċirkustanzi. |
49 |
Għalhekk, jekk l-informazzjoni li tikkonċerna lil kandidat, inkluża fir-risposti mogħtija minnu waqt eżami professjonali u fil-kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ tali eżami, ma tiġix ikklassifikata bħala “data personali”, dan ikollu l-konsegwenza li din l-informazzjoni tiġi kompletament eskluża mill-portata tal-prinċipji u tal-garanziji li għandhom jiġu osservati fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali u b’mod partikolari, mill-prinċipji li jirrigwardaw il-kwalità ta’ tali data u l-leġittimizzazzjoni tal-ipproċessar tagħha, stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 95/46, kif ukoll mid-drittijiet ta’ aċċess, ta’ rettifika u ta’ kontestazzjoni tal-persuna kkonċernata, previsti fl-Artikoli 12 u 14 ta’ din id-direttiva, u mill-kontroll eżerċitat mill-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva. |
50 |
Għaldaqstant, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa paċifiku li kandidat ta’ eżami għandu, b’mod partikolari, interess leġittimu, ibbażat fuq il-protezzjoni tal-ħajja privata tiegħu, fil-possibbiltà li joġġezzjona għall-fatt li r-risposti mogħtija waqt dak l-eżami u l-kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dawk ir-risposti jiġu pproċessati lil hinn mill-proċedura tal-eżami u, b’mod partikolari, jiġu trażmessi lil terzi, jew ippubblikati, mingħajr il-kunsens tiegħu. Bl-istess mod, l-entità li torganizza l-eżami hija marbuta, bħala entità responsabbli mill-ipproċessar tad-data, tiżgura li r-risposti u l-kummenti jinħażnu b’mod li jiġi evitat li terzi jaċċedu għalihom illegalment. |
51 |
Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li d-drittijiet ta’ aċċess u ta’ rettifika, previsti fl-Artikolu 12(a) u (b) tad-Direttiva 95/46 jistgħu wkoll jiġu invokati fir-rigward tar-risposti bil-miktub mogħtija mill-kandidat waqt eżami professjonali u ta’ kwalunkwe kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dan l-eżami. |
52 |
Huwa minnu li d-dritt ta’ rettifika, previst fl-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 95/46 ma jistax jawtorizza lil kandidat “jirrettifika”, a posteriori, risposti “żbaljati”. |
53 |
Fil-fatt, mill-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li n-natura eżatta u kompleta tad-data personali għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-finalità li għaliha nġabret din id-data. Din il-finalità hija intiża, fir-rigward tar-risposti ta’ kandidat għal eżami, sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ konoxxenza u ta’ kompetenza ta’ dan il-kandidat fid-data tal-eżami. Dan il-livell huwa ġustament rifless fi kwalunkwe żbalji f’dawn ir-risposti. Għalhekk, tali żbalji ma jirrappreżentawx ineżattezza, fis-sens tad-Direttiva 95/46, li tagħti lok għal dritt ta’ rettifika skont l-Artikolu 12(b) tagħha. |
54 |
Min-naħa l-oħra, huwa possibbli li jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom ir-risposti ta’ kandidat ta’ eżami u l-kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dawn ir-risposti jkunu ineżatti, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 95/46, pereżempju minħabba l-fatt li, bi żball, il-kopji tal-eżami ġew skambjati b’mod li r-risposti ta’ kandidat ieħor ġew attribwiti lill-kandidat ikkonċernat, jew li parti mill-karti li jinkludu r-risposti tal-kandidat intilfet b’mod li l-imsemmija risposti ma humiex kompleti, jew li eventwali kummenti tal-eżaminatur ma jiddokumentawx korrettament l-evalwazzjoni tal-eżaminatur dwar ir-risposti tal-kandidat ikkonċernat. |
55 |
Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tagħha, ma jistax jiġi eskluż li kandidat jista’, skont l-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 95/46, ikollu dritt li jitlob lill-entità responsabbli mill-ipproċessar tad-data, li r-risposti tal-eżami u l-kummenti tal-eżaminatur marbuta mal-eżami, jitneħħew jew jinqerdu wara ċertu żmien. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(1)(e) ta’ din id-direttiva, id-data personali tista’, fil-prinċipju, tiġi kkonservata f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata għal perijodu mhux itwal minn dak li huwa neċessarju sabiex jitwettqu l-għanijiet li għalihom inġabret id-data jew li għalihom ġiet ipproċessata sussegwentement. Fid-dawl tal-finalità tar-risposti mogħtija minn kandidat waqt eżami u tal-kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dawn ir-risposti, il-konservazzjoni f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tal-kandidat ma tidhirx, a priori, li tkun iktar neċessarja ladarba l-proċedura tal-eżami tingħalaq definittivament u ma tistax iktar tiġi kkontestata, b’mod li dawn ir-risposti u l-kummenti jitilfu kull valur probatorju. |
56 |
Sa fejn ir-risposti bil-miktub mogħtija mill-kandidat waqt eżami professjonali u kwalunkwe kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dan l-eżami jistgħu għalhekk jiġu suġġetti għal verifika, b’mod partikolari, tal-eżattezza tagħhom u tan-neċessità tal-konservazzjoni tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 95/46, u jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rettifika jew ta’ tneħħija, skont l-Artikolu 12(b) tagħha, hemm lok li jitqies li l-fatt li kandidat jingħata dritt ta’ aċċess għal dawn ir-risposti u għal dawn il-kummenti, skont l-Artikolu 12(a) ta’ din id-direttiva, iservi l-għan ta’ din l-aħħar li tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja privata ta’ dan il-kandidat fir-rigward tal-ipproċessar tad-data li tikkonċernah (ara, a contrario, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, YS et, C-141/12 u C-372/12, EU:C:2014:2081, punti 45 u 46), u dan indipendentement mill-punt dwar jekk l-imsemmi kandidat għandux jew le dritt ta’ aċċess ukoll skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-proċedura ta’ eżami. |
57 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata jimplika, b’mod partikolari, li kull persuna fiżika tista’ tkun ċerta li d-data personali li tikkonċernaha hija korretta u tiġi pproċessata legalment. Kif jirriżulta mill-premessa 41 tad-Direttiva 95/46, huwa sabiex ikunu jistgħu jsiru l-verifiki neċessarji li l-persuna kkonċernata għandha, skont l-Artikolu 12(a) tagħha, dritt ta’ aċċess għad-data li tikkonċernaha. Dan id-dritt ta’ aċċess huwa neċessarju, b’mod partikolari, sabiex jippermetti lill-persuna kkonċernata tikseb, skont il-każ, mingħand l-entità responsabbli mill-ipproċessar tad-data, ir-rettifika, it-tneħħija jew l-imblokk ta’ din id-data, u konsegwentement, teżerċita d-dritt previst fl-Artikolu 12(b) tal-imsemmija direttiva (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, YS et, C-141/12 u C-372/12, EU:C:2014:2081, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
58 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-drittijiet ta’ aċċess u ta’ rettifika, skont l-Artikolu 12(a) u (b) tad-Direttiva 95/46, ma jestendux għal domandi f’eżami, li bħala tali ma jikkostitwixxux tali data personali tal-kandidat. |
59 |
Min-naħa l-oħra, kemm id-Direttiva 95/46 kif ukoll ir-Regolament 2016/679, li jissostitwixxiha, jipprevedu ċerti limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet. |
60 |
Għaldaqstant, skont l-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi intiżi li jillimitaw il-portata tal-obbligi u tad-drittijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, meta tali limitazzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja sabiex tissalvagwarda d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn. |
61 |
L-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament 2016/679 jestendi l-lista tal-motivi tal-limitazzjonijiet, preżentement prevista fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46, għal “objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru”. Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tar-Regolament 2016/679, dwar id-dritt ta’ aċċess tal-persuna kkonċernata, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li d-dritt għall-kisba ta’ kopja ta’ data personali ma jistax jippreġudika d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn. |
62 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-risposti bil-miktub mogħtija minn kandidat waqt eżami professjonali u kwalunkwe kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dawn ir-risposti, jikkostitwixxu data personali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
63 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-risposti bil-miktub mogħtija minn kandidat waqt eżami professjonali u kwalunkwe kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dawn ir-risposti, jikkostitwixxu data personali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.