EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0429

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-21 ta’ Settembru 2017.
Małgorzata Ciupa et vs II Szpital Miejski im. L. Rydygiera w Łodzi obecnie Szpital Ginekologiczno-Położniczy im dr L. Rydygiera Sp. z o.o. w Łodzi.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Łodzi.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Redundancies kollettivi – Direttiva 98/59/KE – Artikolu 1(1) u Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘redundancies’ – Assimilazzjoni mar-redundancies ta’ ‘termini ta’ kuntratt tax-xogħol li jsir fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem’ – Bidla unilaterali, mill-persuna li timpjega, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tar-remunerazzjoni – Determinazzjoni tal-’intenzjoni’ tal-persuna li timpjega li twettaq redundancies.
Kawża C-429/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:711

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

21 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Redundancies kollettivi – Direttiva 98/59/KE – Artikolu 1(1) u Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘redundancies’ – Assimilazzjoni mar-redundancies ta’ ‘termini ta’ kuntratt tax-xogħol li jsir fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem’ – Bidla unilaterali, mill-persuna li timpjega, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tar-remunerazzjoni – Determinazzjoni tal-‘intenzjoni’ tal-persuna li timpjega li twettaq redundancies”

Fil-Kawża C-429/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Łodzi, VII Wydział Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (qorti reġjonali ta’ Łódź, VII diviżjoni tax-xogħol u tal-assigurazzjonijiet soċjali, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura

Małgorzata Ciupa,

Jolanta Deszczka,

Ewa Kowalska,

Anna Stańczyk,

Marta Krzesińska,

Marzena Musielak,

Halina Kaźmierska,

Joanna Siedlecka,

Szymon Wiaderek,

Izabela Grzegora

vs

II Szpital Miejski im. L. Rydygiera w Łodzi obecnie Szpital Ginekologiczno-Położniczy im dr L. Rydygiera sp. z o.o. w Łodzi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Berger, President tal-Awla, A. Borg Barthet u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal II Szpital Miejski im. L. Rydygiera w Łodzi obecnie Szpital Ginekologiczno-Położniczy im dr L. Rydygiera sp. z o.o. w Łodzi, minn M. B. Marchel, radca prawny,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Stobiecka-Kuik, kif ukoll minn L. Baumgart u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal‑20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Małgorzata Ciupa et u l-persuna li timpjegahom, II Szpital Miejski im. L. Rydygiera w Łodzi obecnie Szpital Ginekologiczno-Położniczy im. dr L. Rydygiera sp. z o.o. w Łodzi (sptar muniċipali no2 L. Rydygier de Łódź, attwalment l-isptar għall-ġinekoloġija u l-ostetrija Dottor L. Rydygier ta’ Łódź, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“isptar ta’ Łódź”), dwar id-deċiżjoni tal-isptar ta’ Łódź li jibgħat lil xi ħaddiema notifiki ta’ bidla, li wassal għat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol ta’ wħud minn dawn il-ħaddiema mingħajr ma ġiet osservata l-proċedura ta’ tkeċċija prevista mil-liġi nazzjonali li tittrasponi l-imsemmija direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 98/59

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/59, intitolat “It-tifsiriet u l-iskop” jipprovdi:

“1.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘redundancies kollettivi’ ifisser tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati meta, skond l-għażla ta’ l-Istati Membri, in-numru tar-redundancies huwa:

(i)

jew, fuq perijodu ta’ 30 ġurnata:

mill-inqas 10 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw iżjed minn 20 u inqas minn 100 impjegat,

mill-inqas 10 % tan-numru ta’ ħaddiema fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw mill-inqas 100 iżda inqas minn 300 ħaddiem,

mill-inqas 30 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw 300 ħaddiema jew iżjed,

(ii)

jew, fuq perijodu ta’ 90 ġurnata, mill-inqas 20, ikun xi jkun in-numru ta’ impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti inkwistjoni;

(b)

‘rappreżentanti tal-ħaddiema’ jfisser ir-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti mill-liġijiet jew mill-prattiċi ta’ l-Istati Membri.

Għall-iskop tal-kalkolu tan-numru tar- redundancies kif previst fis-subparagrafu tal-punt (a), it-termini [terminazzjoni] ta’ kuntratt tax-xogħol li jsir fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem għal raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati għandhom ikunu assimilati mar- redundancies sakemm, hemm mill-inqas ħames redundancies.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal:

[…]

(b)

ħaddiema impjegati minn korpi amministrattivi jew minn stabbilimenti regolati minn liġi pubblika (jew, fl-Istati Membri fejn dan il-kunċett mhux magħruf, minn korpi ekwivalenti);

[…]”

4

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Meta dak li jħaddem ikun qed jikkontempla redundancies kollettivi, huwa għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim.

2.   Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikopru mezzi u miżuri li jevitaw redundancies kollettivi jew tnaqqis ta’ numri ta’ impjegati affettwati, u biex jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati, inter alia, li jgħinu għall-impjieg jew it-taħriġ mll-ġdid tal-ħaddiema mingħajr xogħol.

[…]”

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva ma għandhiex taffetwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għal ħaddiema jew li jippromovu jew li jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema.”

Id-dritt Pollakk

6

L-Artikolu 231 tal-Kodeks Pracy (kodiċi tax-xogħol), adottat bil-liġi tas‑26 ta’ Ġunju 1974 (Dz. U. tal-1974, Nru 24, intestatura 141), kif emendat (iktar ’il quddiem il-“kodiċi tax-xogħol”), dwar il-konsegwenzi tat-trasferiment ta’ impriża, jipprevedi:

“§ 1   Fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ waħda mill-partijiet tagħha lil persuna oħra li timpjega, din issir parti għar-relazzjonijiet ta’ xogħol eżistenti, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5.

§ 2.   Il-persuna li timpjega inizjali u l-persuna li timpjega l-ġdida huma responsabbli in solidum għall-obbligi li jirriżultaw mir-relezzjoni ta’ xogħol, li tnisslu qabel it-trasferiment ta’ parti mill-impriża lill-persuna li timpjega l-ġdida.

§ 3.   Meta ma jkunux jeżistu organizzazzjonijiet sindakali fl-impriża tal-persuni li jimpjegaw imsemmija fil-paragrafu 1, il-persuna li timpjega inizjali u l-persuna li timpjega l-ġdida għandhom jinfurmaw bil-miktub lill-ħaddiema dwar id-data prevista għat-trasferiment tal-impriża jew ta’ waħda mill-partijiet tagħha lill-persuna li timpjega l-ġdida, ir-raġunijiet għat-trasferiment, il-konsegwenzi legali, ekonomiċi u soċjali tiegħu għall-ħaddiema kif ukoll il-miżuri previsti dwar il-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-ħaddiema, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-salarju u tat-taħriġ mill-ġdid; l-informazzjoni għandha tingħata tal-inqas 30 ġuranta qabel id-data ta’ trasferiment tal-impriża jew ta’ waħda mill-partijiet tagħha lill-persuna li timpjega l-ġdida.

§ 4.   F’terminu ta’ xahrejn mit-trasferiment tal-impriża jew ta’ waħda mill-partijiet tagħha lill-persuna li timpjega l-ġdida, il-ħaddiem jista’, mingħajr ma jkollu josserva t-terminu ta’ preavviż legali regolari, itemm ir-relazzjoni ta’ xogħol fi żmien sebat ijiem minn meta jkun ġie avżat. Ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol b’dan il-mod jipproduċi, fil-konfront tal-ħaddiem, l-istess konsegwenzi li d-dispożizzjonijiet legali jattribwixxu għax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol mill-persuna li timpjega bl-avviż ta’ tmiem l-impjieg.

§ 5.   Mill-akkwist tal-impriża jew ta’ waħda mill-partijiet tagħha, il-persuna li timpjega għandha toffri kundizzjonijiet ġodda tax-xogħol u tas-salarju lill-ħaddiema diġà impjegati mal-impriża fuq bażi oħra minbarra l-kuntratt ta’ xogħol u għandha tistabbilixxi t-terminu, li ma jistax ikun ta’ inqas minn sebat ijiem, sabiex dawn jiddikjaraw jekk jaċċettawx jew jirrifjutawx il-kundizzjonijiet proposti. Fin-nuqqas ta’ ftehim dwar il-kundizzjonijiet il-ġodda tax-xogħol u tas-salarju, ir-relazzjoni ta’ xogħol eżistenti tiġi xolta fl-iskadenza ta’ terminu ugwali għall-avviż ta’ tmiem l-impjieg, li jibda jgħaddi mid-data tal-preżentata mill-ħaddiem tad-dikjarazzjoni ta’ rifjut tal-kundizzjonijiet proposti jew mill-aħħar ġurnata prevista għall-preżentazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni. Id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-paragrafu 4 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

§ 6.   It-trasferiment tal-impriża jew ta’ waħda mill-partijiet tagħha lil persuna li timpjega l-ġdida ma jikkostitwixxix raġuni li jiġġustifika li l-persuna li timpjega ttemm ir-relazzjoni ta’ xogħol”

7

L-Artikolu 42 tal-kodiċi tax-xogħol, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li d-dispożizzjonijiet dwar ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol japplikaw b’analoġija għall-bidla tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tar-remunerazzjoni li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol permezz ta’ notifika ta’ bidla. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, il-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tar-remunerazzjoni huma kkunsidrati bħala mibdula meta kundizzjonijiet ġodda jkunu ġew proposti lill-ħaddiema bil-miktub. Il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jipprevedi li, fil-każ ta’ rifjut tal-ħaddiem li jaċċetta l-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tar-remunerazzjoni proposti, il-kuntratt ta’ xogħol għandu jiġi xjolt fl-iskadenza tat-terminu previst min-notifika ta’ bidla. Jekk, f’nofs dan it-terminu, il-ħaddiem ma jkunx immanifesta l-oppożizzjoni tiegħu għall-kundizzjonijiet proposti, għandu jiġi kkunsidrat li jkun aċċettahom.

8

L-Artikolu 2417 tal-kodiċi tax-xogħol, dwar ix-xoljiment u t-terminazzjoni tal-kuntratt kollettiv, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-kuntratt kollettiv għandu jiġi xjolt:

1)

fuq il-bażi ta’ dikjarazzjoni unanima tal-partijiet;

2)

fl-iskadenza tat-terminu li għalih ġie konkluż;

3)

fl-iskadenza tat-terminu tal-avviż ta’ tmiem l-impjieg mogħti minn wieħed mill-partijiet.”

9

L-Artikolu 2418 tal-kodiċi tax-xogħol, dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt kollettiv wara t-trasferiment tal-impriża, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Fl-iskadenza tat-terminu ta’ applikazzjoni tal-kuntratt kollettiv eżistenti, il-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol jew ta’ kwalunkwe att ieħor li fuqu hija bbażata r-relazzjoni ta’ xogħol li jirriżultaw minn dan il-kuntratt kollettiv għandhom japplikaw sal-iskadenza tat-terminu ta’ avviż ta’ bidla ta’ dawn il-kundizzjonijiet. Id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 24113(2) għandhom japplikaw.”

10

L-Artikolu 24113(2) tal-kodiċi tax-xogħol jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt kollettiv li huma inqas favorevoli għall-ħaddiema għandhom jiġu introdotti permezz tan-notifika ta’ bidla tal-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt ta’ xogħol jew ta’ kwalunkwe att ieħor li fuqu hija bbażata r-relazzjoni ta’ xogħol. Fir-rigward tal-bidla tal-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt ta’ xogħol jew ta’ kwalunkwe att ieħor li fuqu hija bbażata r-relazzjoni ta’ xogħol permezz tan-notifika ta’ bidla, id-dispożizzjonijiet li jillimitaw il-possibbiltà ta’ bidla tal-kundizzjonijiet ta’ kuntratt bħal dan jew ta’ att bħal dan permezz ta’ notifika ta’ bidla ma humiex applikabbli.”

11

Skont l-Artikolu 1 tal-ustawa o szczególnych zasadach rozwiązywania z pracownikami stosunków pracy z przyczyn niedotyczących pracowników (liġi dwar ir-regoli speċifiċi applikabbli għat-terminazzjoni ta’ relazzjoni tax-xogħol għal raġunijiet mhux attribwibbli lill-ħaddiema), tat-13 ta’ Marzu 2003, (Dz.U. tal-2003 Nru 90, intestatura 844), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“liġi tal-2003”):

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi għandhom japplikaw meta persuna li timpjega tal-inqas 20 impjegat ikollha tkeċċi, għal raġunijiet mhux imputabbli lill-ħaddiema, permezz ta’ xoljiment imwettaq fuq l-inizjattiva tal-persuna li timpjega jew bi ftehim bejn il-partijiet, sakemm, tul perijodu massimu ta’ 30 ġurnata, il-proċedura ta’ tkeċċija tkun tirrigwarda tal-inqas:

1)

10 impjegati, jekk il-persuna li timpjega, timpjega tal-inqas 100 impjegat;

2)

10 % tal-impjegati, jekk il-persuna li timpjega, timpjega tal-inqas 100 impjegat iżda inqas minn 300;

3)

30 impjegat, jekk il-persuna li timpjega, timpjega tal-inqas 300 impjegat jew iktar.”

12

L-Artikolu 2 tal-liġi tal-2003 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fil-kuntest tar-redundancies kollettivi previsti, il-persuna li timpjega għandha l-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet sindakali eżistenti fl-impriża.

2.   Il-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tirrigwarda b’mod partikolari l-possibbiltà li tiġi evitata r-redundancy kollettiva jew li tnaqqas il-portata tagħha, u l-problemi tal-ħaddiema kkonċernati, inkluż b’mod partikolari l-possibbiltà ta’ taħriġ mill-ġdid jew taħriġ professjonali, kif ukoll il-ksib ta’ impjiegi ġodda għall-ħaddiema li jitkeċċew.

3.   Il-persuna li timpjega għandha tinforma bil-miktub lill-organizzazzjonijiet sindakali tal-impriża dwar ir-raġunijiet għar-redundancy kollettiva prevista, in-numru ta’ ħaddiema impjegati u l-gruppi professjonali li huma jagħmlu parti minnhom, il-gruppi professjonali tal-ħaddiema kkonċernati mir-redundancy kollettiva, il-perijodu li fih għandhom jitwettqu dawn ir-redundancies, il-kriterji ta’ selezzjoni proposti għall-għażla tal-ħaddiema li għandhom jiġu inklużi fil-proċedura ta’ redundancy kollettiva, l-ordni ta’ redundancy tal-ħaddiema, il-proposti għas-soluzzjoni tal-problemi tal-ħaddiema kkonċernati mir-redundancy kollettiva prevista, u, jekk dawn jinkludu benefiċċji finanzjarji, il-persuna li timpjega hija wkoll marbuta tagħti informazzjoni dwar il-metodu ta’ kalkolu tagħhom.

[…]”

13

L-Artikolu 3(1), tal-liġi tal-2003 jipprevedi li, f’terminu ta’ 20 ġurnata mid-data tan-notifika msemmija fl-Artikolu 2(3) ta’ din il-liġi, il-persuna li timpjega u l-organizzazzjonijiet sindakali għandhom jilħqu ftehim. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, dan il-ftehim għandu jistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu segwiti fir-rigward tal-ħaddiema kkonċernati mir-redundancy kollettiva prevista kif ukoll l-obbligi tal-persuna li timpjega sa fejn ikun neċessarju għas-soluzzjoni tal-problemi l-oħra tal-ħaddiema kkonċernati mir-redundancy kollettiva prevista.

14

L-Artikolu 5 tal-liġi tal-2003, applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, kien jipprovdi:

“1.   L-Artikoli 38 u 41 tal-kodiċi tax-xogħol, bla ħsara għall-paragrafi 2 sa 4, u d-dispożizzjonijiet partikolari dwar il-protezzjoni speċjali tal-ħaddiema kontra r-redundancy jew kontra t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, bla ħsara għall-paragrafu 5, ma għandhomx japplikaw għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol fuq l-inizjattiva tal-persuna li timpjega fil-kuntest ta’ proċedura ta’ redundancy kollettiva.

2.   Fin-nuqqas ta’ konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3, l-Artikolu 38 tal-kodiċi tax-xogħol għandu japplika għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol fuq l-inizjattiva tal-persuna li timpjega kif ukoll għan-notifika ta’ bidla.

[…]

5.   Matul perijodu ta’ protezzjoni speċjali kontra r-redundancy jew it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, il-persuna li timpjega tista’ biss tbiddel il-kundizzjonijiet eżistenti tax-xogħol u tar-remunerazzjoni fir-rigward ta’ ħaddiem:

1)

li ma jonqsux iktar minn 4 snin sabiex jilħaq l-età tal-irtirar, tan-nisa tqal, tal-ħaddiema fuq leave tal-maternità, fuq leave tal-adozzjoni, fuq leave parentali;

2)

li jkun membru tal-kumitat tal-persunal ta’ impriża tal-Istat;

3)

li jkun membru tal-uffiċċju tal-organizzazzjoni sindakali;

[…]

6.   Jekk il-bidla tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tar-remunerazzjoni permezz ta’ notifika ta’ bidla jkollha bħala konsegwenza t-tnaqqis tar-remunerazzjoni, il-ħaddiema msemmija fil-paragrafu 5 għandhom jirċievu, sa tmiem il-perijodu li fih huma jibbenefikaw minn protezzjoni speċjali kontra r-redundancy jew it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, indennizz kumpensatorju kkalkolat skont ir-regoli li jirriżultaw mill-kodiċi tax-xogħol.

7.   Fil-kuntest tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol minħabba proċedura ta’ redundancy kollettiva, il-kuntratti ta’ xogħol konklużi għal żmien determinat jew għaż-żmien ta’ kompitu determinat jistgħu jiġu xolti minn waħda jew l-oħra tal-partijiet permezz ta’ avviż ta’ tmiem l-impjieg ta’ ġimagħtejn.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

M. Ciupa et huma impjegati mill-isptar ta’ Łódź full-time fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

16

Mis-sena 2009, it-telf finanzjarju tal-isptar ta’ Łódź żied minn sena għal sena. Fl‑2013, ġie deċiż li l-isptar ta’ Łódź isir kumpannija kummerċjali minflok ma titwettaq il-likwidazzjoni tiegħu li kienet tirriżulta fl-eliminazzjoni ta’ iktar minn mitt impjieg. Waqt din il-konverżjoni, ma ġiex previst it-tnaqqis tal-impjiegi sabiex l-isptar ta’ Łódź iżomm il-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi mediċi ffirmat mal-Fond Nazzjonali għas-Saħħa. Wara li eżawrixxa s-sorsi ta’ ekonomija kollha minbarra l-pagi, l-isptar ta’ Łódź sab ruħu obbligat li jnaqqas il-livell tar-remunerazzjonijiet tal-persunal kollu tiegħu. Għaldaqstant, huwa ppropona lill-ħaddiema kollha tnaqqis temporanju tas-salarju ta’ 15 %. Madwar 20 % ta’ dawn il-ħaddiema aċċettaw dan it-tnaqqis. Nota ta’ bidla, li tirrigwarda r-reviżjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-salarju ġġustifikata min-“neċessità li titwettaq ristrutturazzjoni tal-ispejjeż tal-persunal [tal-isptar ta’ Łódź] minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli” ġiet innotifikata lill-ħaddiema l-oħra. F’din l-ittra, ġie propost lill-ħaddiema, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ avviż, tnaqqis ta’ salarju applikabbli sal-1 ta’ Frar 2015.

17

M. Ciupa et ressqu kawża quddiem is-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Śródmieścia w Łodzi (qorti distrettwali ta’ Łódź-Śródmieście à Łódź, il-Polonja) sabiex il-bidla tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-salarju tagħhom tiġi ddikjarata inapplikabbli. It-talba tagħhom ġiet miċħuda minn din il-qorti. L-isptar ta’ Łódź, filwaqt li kkonsulta individwalment lill-ħaddiema membri tal-organizzazzjoni sindakali rrappreżentati fi ħdanu, dwar dan il-proġett ta’ bidla, ma pprevediex redundancy kollettiva u, għaldaqstant, ma tax bidu għal proċedura applikabbli għal din it-tip ta’ tkeċċija.

18

Skont il-qorti tar-rinviju, li quddiemha tressaq l-appell ippreżentat minn M. Ciupa et mid-deċiżjoni tas-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Śródmieścia w Łodzi (qorti distrettwali ta’ Łódź-Śródmieście à Łódź), il-ġurisprudenza tas-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja) dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-obbligi previsti fl-Artikoli 2 sa 4 tal-liġi tal‑2003 japplikawx għall-persuna li timpjega meta din tkun bagħtet lill-impjegati tagħha notifika ta’ bidla ma hijiex stabbilita b’mod ċar. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li din il-ġurisprudenza x’aktarx iktar tmur fid-direzzjoni ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali.

19

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra barra minn hekk li, fir-rigward ta’ persuna li timpjega, li timpjega tal-inqas 20 impjegat li tipprevedi li tbiddel il-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ ħaddiema li n-numru tagħhom huwa ekwivalenti jew ogħla min-numru ta’ ħaddiema msemmi fl-Artikolu 1(1) tal-liġi tal-2003, l-obbligu ta’ konsultazzjoni mas-sindakati jmur id f’id ma’ dak li jiġu segwiti l-proċeduri previsti minn din il-liġi, b’mod partikolari fl-Artikoli 2 sa 4 u 6 tagħha. F’każ bħal dan, in-numru ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol li jkunu ġew itterminati sussegwentement għar-rifjut tal-kundizzjonijiet ġodda tal-impjieg proposti mill-persuna li timpjega u l-fatt li dawn it-terminazzjonijiet ikunu jirriżultaw mir-rieda tal-ħaddiema huwa rrilevanti. Fil-fatt, huwa rilevanti biss li l-bidla tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tkun inbdiet mill-persuna li timpjega u li, konsegwentement, ix-xoljiment tal-kuntratt li jirriżulta minn dan ma jkunx jiddependi mir-rieda tal-persuna li timpjega. Skont l-Artikolu 2(1) tal-liġi tal-2003, meta persuna li timpjega tipprevedi li twettaq redundancies kollettivi, hija jkollha twettaq konsultazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet sindakali tal-impriża. Dawn il-konsultazzjonijiet jirrigwardaw għalhekk dak li jkun “previst” mill-persuna li timpjega, u mhux il-bidliet li jkunu ġew aċċettati jew ix-xoljimenti ta’ kuntratti ta’ xogħol li jistgħu jirriżultaw mir-rifjut tal-impjegati. Għalhekk il-persuna li timpjega li tipprevedi tibgħat lill-impjegati tagħha notifiki ta’ bidla għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-numru ta’ dawn in-notifiki ta’ bidla sabiex tiddetermina jekk dawn il-bidliet previsti jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet dwar ir-redundancies kollettivi u, għaldaqstant, jekk hijiex obbligata tikkonsulta mas-sindakati.

20

Madankollu, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għada ma ddeċidietx dwar il-punt kif in-notifiki ta’ bidla għandhom jiġu kklassifikati fid-dawl tad-Direttiva 98/59, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-qari mwettaq minnha ta’ din id-direttiva.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Łodzi, VII Wydział Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (qorti reġjonali tal-Łódź, VII diviżjoni tax-xogħol u tal-assigurazzjonijiet soċjali, il-Polonja), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li timpjega, li timpjega tal-inqas 20 ħaddiem u li għandha l-intenzjoni [tbiddel] il-kundizzjonijiet kuntrattwali fir-rigward ta’ ħaddiema li n-numru tagħhom jikkorrispondi ma’ dak iddefinit fl-Artikolu 1(1) tal-[liġi tal-2003] għandha l-obbligu li timplementa l-proċeduri previsti fl-Artikoli 2 sa 4 u 6 ta’ dik il-liġi; fi kliem ieħor, dan l-obbligu jikkonċerna s-sitwazzjonijiet previsti:

fl-Artikolu 24113(2), moqri flimkien mal-Artikolu 2418(2) u mal-Artikolu 23[1] tal-[kodiċi tax-xogħol];

fl-Artikolu 24113(2), moqri flimkien mal-Artikolu 772(5), jew mal-Artikolu 2417(1) tal-kodiċi tax-xogħol; u

fl-Artikolu 42(1), moqri flimkien mal-Artikolu 45(1) tal-kodiċi tax-xogħol?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, fid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għal diversi dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali filwaqt li tipprevedi diversi klassifikazzjonijiet possibbli, fid-dritt nazzjonali, tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

23

Issa, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija bħala prinċipju marbuta li tibbaża ruħha fuq il-kriterji li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Naftiliaki Etaireia Thasou u Amaltheia I Naftiki Etaireia, C‑128/10 u C‑129/10, EU:C:2011:163, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq id-domanda preliminari fid-dawl tal-premessi li jirriżultaw mid-deciżjoni tar-rinviju mingħajr ma twettaq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali bbażata fuq tliet sitwazzjonijiet astratti msemmija mid-domanda.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li bidla unilaterali, għad-detriment tal-ħaddiema, mill-persuna li timpjega, tal-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni li, fil-każ ta’ rifjut tal-ħaddiem, twassal għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, għandhiex titqies bħala “redundancy” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u jekk l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna li timpjega għandha twettaq il-konsultazzjonijiet previsti f’dan l-aħħar Artikolu 2 meta hija tipprevedi li twettaq tali bidla unilaterali tal-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni.

26

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar, qabelxejn, li mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, li minnu jirriżulta li din id-direttiva tapplika biss sa fejn ir-“redundancies” huma tal-inqas ħamsa, jirriżulta li l-imsemmija direttiva tagħmel distinzjoni bejn ir-“redundancies” minn “termini [terminazzjoni] ta’ kuntratt tax-xogħol li jsir fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem għal raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Pujante Rivera, C‑422/14, EU:C:2015:743, punti 4445).

27

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “redundancy” imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li l-fatt li persuna li timpjega tipproċedi, unilateralment u għad-detriment tal-ħaddiem, għal bidla sostanzjali tal-elementi essenzjali tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu għal raġunijiet mhux inerenti għall-persuna ta’ dan il-ħaddiem jaqa’ taħt dan il-kunċett (sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, Pujante Rivera, C‑422/14, EU:C:2015:743, punt 55).

28

Minn dan isegwi li l-fatt li persuna li timpjega tipproċedi, unilateralment u għad-detriment tal-ħaddiem, għal bidla mhux sostanzjali ta’ element essenzjali tal-kuntratt ta’ xogħol għal raġunijiet mhux inerenti għall-persuna ta’ dan il-ħaddiem jew għal bidla sostanzjali ta’ element mhux essenzjali tal-imsemmi kuntratt għal raġunijiet mhux inerenti għall-persuna ta’ dan il-ħaddiema jistax jitqies bħala “redundancy” fis-sens tal-imsemmija direttiva.

29

Fir-rigward tan-notifika ta’ bidla inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li din tipprevedi tnaqqis temporanju tal-ammont tar-remunerazzjoni ta’ 15 % u, wara diversi xhur, din ir-remunerazzjoni terġa’ lura għal-livell inizjali tagħha. Issa, ma jistax jiġi kkontestat li r-remunerazzjoni tikkostitwixxi element essenzjali tal-kuntratt ta’ xogħol u li tnaqqis tagħha ta’ 15 % jista’, bħala prinċipju, jitqies bħala “bidla sostanzjali”, iżda xorta jibqa’ l-fatt li n-natura temporanja ta’ dan it-tnaqqis iċċekken b’mod sinjifikattiv il-portata tal-bidla prevista tal-kuntratt ta’ xogħol.

30

Madankollu, finalment hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tistabbilixxi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jekk it-tnaqqis temporanju tar-remunerazzjoni inkwistjoni għandux jitqies bħala bidla sostanzjali.

31

Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li n-notifika ta’ bidla inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kunċett ta’ “redundancy”, ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol sussegwentement għar-rifjut tal-ħaddiem li jaċċetta bidla bħal dik proposta fl-imsemmija notifika ta’ bidla, għandu jiġi kkunsidrat bħala terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol imwettaq fuq l-inizjattiva tal-persuna li timpjega għal raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, b’tali mod li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tan-numru totali ta’ redundancies imwettqa.

32

Fir-rigward tal-punt dwar minn liema mument persuna li timpjega hija obbligata twettaq il-konsultazzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-obbligi ta’ konsultazzjoni u ta’ notifika jinħolqu qabel deċiżjoni tal-persuna li timpjega li tittermina l-kuntratti ta’ xogħol (sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2005, Junk, C-188/03, EU:C:2005:59, punt 37, kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et, C‑44/08, EU:C:2009:533, punt 38) u li t-twettiq tal-għan, espress fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 98/59, li jiġu evitati xoljimenti ta’ kuntratti ta’ xogħol jew li jitnaqqas in-numru tagħhom ikun ippreġudikat jekk il-konsultazzjoni tar-rappreżentanti jitwettaq wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni tal-persuna li timpjega (sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2005, Junk, C‑188/03, EU:C:2005:59, punt 38, kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et, C‑44/08, EU:C:2009:533, punt 46).

33

Għandu jingħad ukoll li l-kawża prinċipali, l-istess bħall-kawża li wasslet għas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et (C‑44/08, EU:C:2009:533, punt 37), hija marbuta ma’ deċiżjonijiet ekonomiċi li, bħalma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma kellhomx direttament l-għan li jitterminaw relazzjonijiet ta’ xogħol speċifiċi, iżda li setgħu madankollu jkollhom riperkussjonijiet fuq l-impjieg ta’ ċertu numru ta’ ħaddiema.

34

Issa, fil-punt 48 tas-sentenza tagħha tal-10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et (C‑44/08, EU:C:2009:533), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 għandha tinbeda mill-persuna li timpjega fil-mument meta tkun ġiet adottata deċiżjoni strateġika jew kummerċjali li ġġegħlha tipprevedi jew tipproġetta redundancies kollettivi.

35

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 16 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġi evitata likwidazzjoni tal-isptar ta’ Łódź u eliminazzjonijiet ta’ impjiegi, twettqu ċertu numru ta’ bidliet. Peress li dawn il-bidliet irriżultaw insuffiċjenti sabiex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-isptar ta’ Łódź, dan tal-aħħar ikkunsidra li kien neċessarju li jitwettqu l-bidliet proposti sabiex jiġi evitat li jkollhom jittieħdu deċiżjonijiet li jkollhom direttament bħala għan it-terminazzjoni ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol speċifiċi. Issa, f’sitwazzjoni bħal din, l-isptar ta’ Łódź kellu raġonevolment jistenna li ċertu numru ta’ ħaddiema ma jaċċettawx il-bidla tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u li, konsegwentement, il-kuntratt tagħhom jiġi xolt.

36

Għaldaqstant, peress li d-deċiżjoni li jitwettqu n-notifiki ta’ bidla kienet neċessarjament timplika, għall-isptar ta’ Łódź, il-previżjoni tar-redundancies kollettivi, sa fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 kienu ssodisfatti, dan kellu jwettaq il-konsultazzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

37

Din il-konklużjoni tapplika iktar u iktar peress li l-iskop tal-obbligu ta’ konsultazzjoni previst fl-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, jiġifieri li jiġu evitati xoljimenti ta’ kuntratti ta’ xogħol jew li jitnaqqas in-numru kif ukoll il-konsegwenzi tagħhom (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et (C‑44/08, EU:C:2009:533, punt 46), u l-għan imfittex, skont il-qorti tar-rinviju, min-notifiki ta’ bidla, jiġifieri li jiġu evitati tkeċċijiet individwali, huma simili f’ħafna aspetti. Fil-fatt, peress li deċiżjoni li twassal għal bidla tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tista’ tippermetti li jiġu evitati redundancies kollettivi, il-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 2 tal-istess direttiva għandha tinbeda fil-mument meta l-persuna li timpjega tipprevedi li twettaq tali bidliet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK etC‑44/08, EU:C:2009:533, punt 47).

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretata fis-sens li bidla unilaterali, għad-detriment tal-ħaddiema, mill-persuna li timpjega, tal-kundizzjonijiet tar-remunerazzjoni li, fil-każ ta’ rifjut tal-ħaddiem, twassal għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tista’ titqies bħala “redundancy” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li timpjega għandha twettaq il-konsultazzjonijiet previsti f’dan l-aħħar artikolu meta hija tipprevedi li twettaq tali bidla unilaterali tal-kundizzjonijiet tar-remunerazzjoni, sa fejn il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jkunu ssodisfatti, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi, għandu jiġi interpretat fis-sens li bidla unilaterali, għad-detriment tal-ħaddiema, mill-persuna li timpjega, tal-kundizzjonijiet tar-remunerazzjoni li, fil-każ ta’ rifjut tal-ħaddiem, twassal għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tista’ titqies bħala “redundancy”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li timpjega għandha twettaq il-konsultazzjonijiet previsti f’dan l-aħħar artikolu meta hija tipprevedi li twettaq tali bidla unilaterali tal-kundizzjonijiet tar-remunerazzjoni, sa fejn il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jkunu ssodisfatti, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top