This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0390
Judgment of the Court (Second Chamber) of 5 July 2018.#Criminal proceedings against Dániel Bertold Lada.#Request for a preliminary ruling from the Szombathelyi Törvényszék.#Reference for a preliminary ruling — Judicial cooperation in criminal matters — Framework Decision 2008/675/JHA — Taking account in new criminal proceedings of a previous conviction in another Member State — Special procedure for recognition of a conviction in another Member State — Review and legal reclassification of the earlier decision — Principle of mutual recognition — Article 82(1) TFEU.#Case C-390/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ Lulju 2018.
Proċeduri kriminali kontra Dániel Bertold Lada.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Szombathelyi Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2008/675/ĠAI – Teħid inkunsiderazzjoni, fl-okkażjoni ta’ proċedura kriminali ġdida, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna ppronunzjata preċedentement fi Stat Membru ieħor – Proċedura speċjali ta’ rikonoxximent ta’ kundanna kriminali mogħtija fi Stat Membru ieħor – Reviżjoni u tiġdid legali tad-deċiżjoni preċedenti – Prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku – Artikolu 82(1) TFUE.
Kawża C-390/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ Lulju 2018.
Proċeduri kriminali kontra Dániel Bertold Lada.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Szombathelyi Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2008/675/ĠAI – Teħid inkunsiderazzjoni, fl-okkażjoni ta’ proċedura kriminali ġdida, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna ppronunzjata preċedentement fi Stat Membru ieħor – Proċedura speċjali ta’ rikonoxximent ta’ kundanna kriminali mogħtija fi Stat Membru ieħor – Reviżjoni u tiġdid legali tad-deċiżjoni preċedenti – Prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku – Artikolu 82(1) TFUE.
Kawża C-390/16.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:532
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
5 ta’ Lulju 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2008/675/ĠAI – Teħid inkunsiderazzjoni, fl-okkażjoni ta’ proċedura kriminali ġdida, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna ppronunzjata preċedentement fi Stat Membru ieħor – Proċedura speċjali ta’ rikonoxximent ta’ kundanna kriminali mogħtija fi Stat Membru ieħor – Reviżjoni u tiġdid legali tad-deċiżjoni preċedenti – Prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku – Artikolu 82(1) TFUE”
Fil-Kawża C‑390/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Szombathelyi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szombathely, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura kontra
Dániel Bertold Lada,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, C. Toader, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u M. M. Tátrai, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sipos u R. Troosters kif ukoll minn S. Grünheid, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-6 ta’ Frar 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 67 u 82 TFUE, tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU 2000, L 239, p. 19), iffirmata fid-19 ta’ Ġunju 1990 f’Schengen (il-Lussemburgu), u tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI, tal-24 ta’ Lulju 2008, dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda (ĠU 2008, L 220, p. 32). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura mibdija quddiem qorti Ungeriża għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ kundanna kontra Dániel Bertold Lada fi Stat Membru ieħor u li saret res judicata. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 2, 5 sa 7 u 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jipprovdu:
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprevedi: “Il-fini ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru hi li tiddetermina l-kondizzjonijiet li taħthom, matul proċedimenti kriminali fi Stat Membru kontra persuna, kundanni preċedenti li ngħataw kontra l-istess persuna għal fatti differenti fi Stati Membri oħrajn, jittieħdu in konsiderazzjoni.” |
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Teħid in konsiderazzjoni, matul proċedimenti kriminali ġodda, ta’ kundanna mogħtija fi Stat Membru ieħor”, jipprevedi: “1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li matul proċedimenti kriminali kontra persuna, kundanni preċedenti li ngħataw kontra l-istess persuna għal fatti differenti fi Stati Membri oħrajn, li fir-rigward tagħhom inkisbet informazzjoni taħt strumenti applikabbli għal għajnuna legali reċiproka jew għall-iskambju ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali, jittieħdu in konsiderazzjoni sal-livell li jittieħdu in konsiderazzjoni kundanni nazzjonali preċedenti, u li jiġu attribwiti lilhom effetti legali ekwivalenti bħal kundanni nazzjonali preċedenti, bi qbil mad-dritt nazzjonali. 2. Il-Paragrafu 1 għandu japplika fl-istadju ta’ qabel il-kawża, fl-istadju tal-kawża innifisha u fil-ħin ta’ l-eżekuzzjoni tal-kundanna, partikolarment fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura applikabbli, inklużi dawk relatati mad-detenzjoni proviżorja, id-definizzjoni tar-reat, it-tip u l-livell tas-sentenza, u r-regoli dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni. 3. It-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħrajn, kif previst fil-paragrafu 1, m’għandux ikollu l-effett li jfixkel, jirrevoka jew jirrevedi kundanni preċedenti jew kwalunkwe deċiżjoni relatata ma’ l-eżekuzzjoni tagħhom mill-Istat Membru li jkun qed imexxi l-proċedimenti l-ġodda. […]” |
Id-dritt Ungeriż
6 |
L-Artikolu 46 tan-nemzetközi bűnügyi jogsegélyről szóló 1996. évi XXXVIII. törvény (il-Liġi Nru XXXVIII tal-1996 dwar l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali”) huwa mfassal kif ġej: “(1) Il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja għandu jirċievi n-notifikazzjonijiet li jippermettu r-rikonoxximent tal-effettività ta’ sentenza barranija kif ukoll it-talbiet li ġejjin minn barra intiżi għat-trażmissjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li tneħħi l-libertà, u jibgħathom lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni […] […] (2) Il-proċedura ta’ rikonoxximent ta’ sentenza kkomunikata mill-awtorità ċentrali, maħtura għal dan l-għan, ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi introdotta sa mhux iktar tard mill-mument meta t-tħassir mir-rekord kriminali msemmi fl-informazzjoni dwar is-sentenza mogħtija mill-Istat Membru ssir legalment effettiva. (3) Sakemm mhux previst mod ieħor f’din il-liġi, il-proċedura ġudizzjarja hija rregolata mir-regoli ġenerali tal-Kapitolu XXIX [tal-Liġi Nru XIX tal-1998 li tistabbilixxi l-kodiċi tal-proċedura kriminali [a büntetőeljárásról szóló 1998 évi XIX. Törvény], dwar il-proċeduri speċjali […]” |
7 |
Fit-Titolu IV, Kapitolu 1 ta’ din il-liġi, intitolat “Rikonoxximent tal-effettività ta’ sentenza barranija”, huma inklużi l-Artikoli 47 u 48 tagħha. |
8 |
Skont l-Artikolu 47 tal-imsemmija liġi: “(1) Sentenza ta’ qorti barranija b’awtorità ta’ res judicata għandha l-istess effetti bħal sentenza mogħtija minn qorti Ungeriża jekk il-proċedura li kien is-suġġett tagħha l-awtur tar-reat barra mill-pajjiż kif ukoll il-piena imposta jew il-miżura applikata ma humiex kuntrarji għall-ordni ġuridiku Ungeriż. […] (3) Jekk il-qorti Ungeriża rrikonoxxiet l-effettività tas-sentenza barranija, ir-reat għandu jitqies daqs li kieku kien is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-qorti Ungeriża b’awtorità ta’ res judicata. […]” |
9 |
L-Artikolu 48 tal-istess liġi jipprovdi: “1. Meta tagħti d-deċiżjoni tagħha, il-qorti hija marbuta bil-fatti hekk kif ġew ikkonstatati mill-qorti barranija. 2. Fil-proċeduri li jiżvolġu quddiemha, il-qorti għandha tikkonstata liema huma l-konsegwenzi ġuridiċi li l-liġi Ungeriża torbot mal-kundanna. Jekk il-piena jew il-miżura imposta mis-sentenza tal-qorti barranija ma tkunx kompletament kompatibbli mal-liġi Ungeriża, il-qorti għandha tikkonstata fid-deċiżjoni tagħha liema hija l-piena jew il-miżura applikabbli skont il-liġi Ungeriża, filwaqt li tiżgura li din tikkorrispondi mill-iktar viċin possibbli għall-piena jew għall-miżura li imponiet il-qorti barranija u – fil-każ ta’ domanda dwar l-eżekuzzjoni –konsegwentement tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni tal-piena jew tal-miżura. 3. Fil-konstatazzjoni tal-piena jew tal-miżura applikabbli, għandu jsir riferiment għal-liġi applikabbli fil-mument li fih twettaq il-ksur; Jekk mil-liġi Ungeriża applikabbli fil-mument tal-konstatazzjoni tal-piena jew tal-miżura applikabbli jirriżulta li l-att inkwistjoni ma għadux reat kriminali jew li dan għandu jiġi repress b’mod inqas sever, hija din il-liġi l-ġdida li għandha tiġi applikata. […] 5. Jekk il-piena ta’ ħabs imposta mis-sentenza barranija ma hijiex kompatibbli mal-liġi Ungeriża rigward il-forma ta’ eżekuzzjoni tagħha jew tat-tul tagħha, il-qorti Ungeriża għandha tiddeċiedi l-piena u t-tul tagħha skont il-liġi Ungeriża, inklużi r-regoli li jirregolaw il-forma ta’ eżekuzzjoni tal-piena u l-ammissjoni għal-libertà kondizzjonali, filwaqt li jiġu kkunsidrati pieni previsti mill-kodiċi kriminali għar-reat li jirriżulta mill-fatti abbażi tas-sentenza u billi jiġu kkunsidrati regoli dwar id-determinazzjoni tal-pieni. Jekk it-tul tal-piena ta’ ħabs imposta mis-sentenza barranija tkun iqsar minn dik li kieku kienet tiġi imposta skont il-liġi Ungeriża, fid-dawl ukoll tar-regoli tal-Kodiċi kriminali fil-qasam ta’ mitigazzjoni ta’ pieni, it-tul tal-piena ta’ ħabs deċiża mill-qorti Ungeriża għandu jkun ugwali għat-tul tal-piena deċiża mill-qorti barranija. Il-piena ddeterminata mill-qorti Ungeriża ma tistax tkun itwal minn dik il-piena mogħtija mill-qorti barranija. […] 7. Il-qorti Ungeriża għandha tinforma lis-servizzi tar-rekords kriminali dwar ir-rikonoxximent tal-effettività ta’ sentenza barranija. […]” |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
10 |
Fit-8 ta’ Jannar 2016, D. B. Lada, ċittadin Ungeriż, kien is-suġġett ta’ kundanna kriminali mil-Landesgericht Wiener Neustadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Wiener Neustadt, l-Awstrija) b’piena ta’ ħabs ta’ erbatax–il xahar fuq akkuża ta’ tentattiv ta’ serq bi żgass fuq oġġetti ta’ valur għoli. Din il-qorti ddeċidiet li dan kellu jiskonta ħdax–il xahar minn din il-piena u ssospendiet l-eżekuzzjoni għal tliet xhur ta’ priġunerija. |
11 |
Il-qorti msemmija tat din is-sentenza waqt seduta pubblika, li fiha l-akkużat, li kien taħt detenzjoni provviżorja, kien preżenti. Dan ibbenefika mill-assistenza ta’ avukat difensur u seta’ jesprimi ruħu fil-lingwa materna tiegħu bl-għajnuna ta’ interpretu. |
12 |
L-istess qorti bagħtet lill-Ministeru tal-Ġustizzja Ungeriż, b’mod partikolari, il-verdett kontra D. B. Lada. |
13 |
Il-Ministeru tal-Ġustizzja bagħat id-dokumenti, miktubin bil-Ġermaniż, lis-Szombathelyi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szombathely, l-Ungerija), il-qorti tar-rinviju, bħala l-qorti li hija kompetenti ratione materiae u territorjalment biex timplementa, skont l-Artikolu 46 tal-Liġi dwar l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali, il-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent tal-effettività ta’ sentenza barranija. |
14 |
Din il-qorti eżaminat id-dokumenti mibgħuta u ttraduċiethom fil-lingwa Ungeriża. Matul il-proċedura, din ħatret avukat difensur sabiex jassisti lil D. B. Lada u kkonstatat li l-kkundanna tiegħu mill-qorti Awstrijaka ma kinitx tinsab fir-rekord kriminali Ungeriż, iżda li din kienet tinsab fis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS). Din ikkonstatat ukoll li l-piena ta’ priġunerija kienet qed tiġi eżegwita. |
15 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-bidu ta’ tali proċedura speċjali ta’ rikonoxximent, għandu jiġi eżaminat jekk id-drittijiet fundamentali u d-dispożizzjonijiet fundamentali tal-liġi Ungeriża dwar il-proċedura kriminali ġewx irrispettati matul il-proċedura barranija. |
16 |
Sussegwentement, il-proċedura speċjali inkwistjoni tipprovdi li, sabiex ikunu jistgħu jagħrfu l-effetti fl-Ungerija ta’ sentenza mogħtija f’pajjiż barrani, f’dan il-każ dik mogħtija mil-Landesgericht Wiener Neustadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Wiener Neustadt), hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, u jekk ikun il-każ tikkwalifika mill-ġdid, fuq il-bażi tal-fatti kkunsidrati mill-qorti barranija, il-ksur imwettaq mill-persuna kkundannata abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-kodiċi kriminali Ungeriż fis-seħħ fil-mument tal-fatti. |
17 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, f’kawża bħal dik li tressqet quddiemha, għandhom ukoll, jekk ikun il-każ, jiġu fformulati mill-ġdid id-dispożizzjonijiet tas-sentenza barranija skont il-Kodiċi Kriminali Ungeriż, inkluż it-tip u l-livell tas-sanzjoni, bil-kundizzjoni li din tal-aħħar ma tkunx iktar severa mill-piena deċiża fis-sentenza barranija. |
18 |
Skont din il-qorti, il-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent tal-effettività tas-sentenzi barranin fl-Ungerija timplika, għalhekk, fil-prattika, minn naħa, kwalifika ġdida tal-fatti diġà ġġudikati mill-qrati barranin u li jidhru fid-deċiżjonijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-adattament tas-sanzjonijiet imposti mill-qrati barranin skont id-dritt Ungeriż applikabbli. Minħabba dan, din tqis li din il-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent tidher li tipproċedi daqs li kieku kienet tinvolvi proċedimenti kriminali ġodda kontra l-imputat għall-istess fatti. |
19 |
Fi tmiem l-imsemmija proċedura speċjali ta’ rikonoxximent, il-kundanni mogħtija minn tali qrati jiżdiedu fir-rekord kriminali Ungeriż tal-persuna kkonċernata, sabiex dawn il-kundanni jkunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-okkażjoni ta’ proċedimenti kriminali futuri eventwali fl-Ungerija għal fatti oħra kontra l-istess persuna. Is-sentenzi rrikonoxxuti b’dan il-mod jistgħu, pereżempju, jiġġustifikaw fil-futur li din il-persuna titqies bħala reċidiva. |
20 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk proċedura speċjali ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi barranin, bħal dik prevista mill-Artikoli 46 sa 48 tal-liġi dwar l-assistenza reċiproka ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali, hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali kif ukoll tal-prinċipju ne bis in idem, kif stabbilit mid-dritt primarju tal-Unjoni. |
21 |
Minħabba s-similarità tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma’ dik magħmula fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh (C‑25/15, EU:C:2016:423), din l-aħħar sentenza ġiet innotifikata, b’ittra tal-14 ta’ Settembru 2016, lil din il-qorti. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU 2009, L 93, p. 23), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI, tas-6 ta’ April 2009, dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315 (ĠU 2009, L 93, p. 33), fis-sens li jipprekludu l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi proċedura speċjali ta’ rikonoxximent mill-qorti ta’ Stat Membru ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li tikkundanna lil persuna għat-twettiq ta’ reat. |
22 |
Permezz ta’ ittra li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ottubru 2016, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li żżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, billi ppreċiżat li l-fatti li taw lok għas-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh (C‑25/15, EU:C:2016:423), kienu jirrigwardaw biss l-ispejjeż ta’ traduzzjoni u ta’ interpretazzjoni tad-deċiżjoni mogħtija minn qorti Awstrijaka li ġew ordnati jitħallsu, matul il-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent Ungeriża tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni fl-Ungerija, mill-persuna kkundannata fl-Awstrija, sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tuża l-lingwa materna tagħha matul din il-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent. |
23 |
Barra minn hekk, is-Szombathelyi Törvényszék (Il-Qorti ta’ Szombathely) tindika li, wara din is-sentenza, il-qrati Ungeriżi żviluppaw prattiċi diverġenti. B’hekk, ċerti qrati kienu komplew japplikaw il-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent imsemmija, filwaqt li qrati oħrajn arkivjaw il-kawżi kkonċernati mingħajr eżitu jew qegħdin jistennew modifika tal-leġiżlazzjoni li tipprevedi l-użu tal-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent. |
24 |
Finalment, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fis-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh (C-25/15, EU:C:2016:423), il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq id-Deċiżjoni Qafas 2008/675, filwaqt li din hija rilevanti għall-proċeduri pendenti quddiem din il-qorti, peress li, fl-Ungerija, fl-okkażjoni ta’ proċeduri kriminali kontra persuna, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħra kontra l-istess persuna għal fatti differenti huwa suġġett għar-rikonoxximent minn qabel fid-dritt intern tal-effettività tas-sentenzi ta’ kundanna barranin, rikonoxximent li mingħajru dawn tal-aħħar jiġu mċaħħda minn kull effett ġuridiku. |
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szombathelyi Törvényszék (Il-Qorti ta’ Szombathely) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
26 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Deċiżjoni Qafas 2008/675, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 82 TFUE, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li t-teħid inkunsiderazzjoni fi Stat Membru, fl-okkażjoni ta’ proċedura kriminali ġdida mibdija kontra persuna, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna kriminali definittiva mogħtija preċedentement minn qorti ta’ Stat Membru ieħor kontra l-istess persuna għal fatti differenti, ikun suġġett għal proċedura speċjali ta’ rikonoxximent minn qabel, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-qrati ta’ dan l-ewwel Stat Membru. |
27 |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jipprevedi li din hija intiża sabiex tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom il-kundanni preċedenti ppronunzjati fi Stat Membru kontra persuna għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-każ ta’ proċedura kriminali ġdida mibdija fi Stat Membru ieħor kontra dik l-istess persuna u għal fatti differenti (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Beshkov, C-171/16, EU:C:2017:710, punt 25). |
28 |
Għal dan l-għan, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tagħha, jistabbilixxi fir-rigward tal-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li, f’dan il-każ, il-kundanni preċedenti ppronunzjati fi Stat Membru ieħor, li għalihom tkun inkisbet informazzjoni permezz ta’ strumenti applikabbli fil-kuntest ta’ assistenza ġudizzjarja reċiproka jew ta’ skambju ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali, minn naħa, jittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn il-kundanni nazzjonali preċedenti jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, jiġu attribwiti lilhom effetti ekwivalenti għal dawk marbuta ma’ dawn il-kundanni tal-aħħar konformement ma’ dan id-dritt, kemm jekk ikunu effetti fattwali jew ta’ dritt proċedurali jew sostantiv (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Beshkov, C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 26). |
29 |
L-Artikolu 3(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jispeċifika li dan l-obbligu għandu japplika fl-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali, fl-istadju tal-proċedura kriminali nnifisha u fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-kundanna, partikolarment fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura applikabbli, inklużi dawk relatati mal-klassifikazzjoni tar-reat, it-tip u l-livell tal-piena involuta, kif ukoll ir-regoli li jirregolaw l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni. B’hekk, il-premessi 2 u 7 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprovdu li l-qorti nazzjonali għandha tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni kundanni ppronunzjati fl-Istati Membri l-oħra inter alia sabiex tiddetermina l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni li jistgħu jiġu implementati u li l-effetti marbuta ma’ dawn il-kundanni għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk marbuta mad-deċiżjonijiet nazzjonali għal kull wieħed minn dawn l-istadji tal-proċedura (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Beshkov, C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 27). |
30 |
Minn dak li ntqal jirriżulta, b’mod partikolari, li l-imsemmija deċiżjoni qafas hija intiża, bħala prinċipju, għal sitwazzjonijiet li fihom inbdiet proċedura kriminali ġdida kontra persuna kkundannata preċedentement fi Stat Membru ieħor. Dan il-kunċett ta’ “proċedura kriminali ġdida” jinkludi l-fażi ta’ qabel il-proċedura kriminali, il-proċedura kriminali nnifisha u l-eżekuzzjoni tal-kundanna. |
31 |
Issa, fil-kawża prinċipali, hekk kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, D. B. Lada ma huwiex suġġett għal proċedura kriminali ġdida fl-Ungerija, fis-sens imsemmi fil-punt preċedenti, fejn tqum, għall-qorti nazzjonali kkonċernata, il-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjoni meħuda mill-qorti Awstrijaka. |
32 |
Madankollu, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għall-awtoritajiet Ungeriżi, il-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija f’pajjiż barrani, prevista fl-Artikoli 46 sa 48 tal-liġi dwar l-assistenza reċiproka ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali, tikkostitwixxi stadju preliminari u neċessarju għat-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali ġdida mibdija kontra persuna fl-Ungerija, ta’ kundanna preċedenti mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor kontra l-istess persuna għal fatti differenti. B’hekk, peress li l-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent inkwistjoni hija indispensabbli għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundanni kriminali barranin fuq persuna fl-ipoteżi fejn proċedura kriminali ġdida tinbeda kontriha, din il-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent tidher li hija intrinsikament marbuta mal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675. |
33 |
Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 hija rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk proċedura speċjali ta’ rikonoxximent ta’ sentenza barranija, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprekludix din id-Deċiżjoni Qafas minn kull effett utli. |
34 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikoli 46 sa 48 tal-Liġi dwar l-għajnuna ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali jistabbilixxu proċedura speċjali ta’ rikonoxximent minn qabel, mill-qrati Ungeriżi kompetenti, tal-kundanni definittivi mogħtija mill-qrati barranin, li għandhom bħala għan li jagħtu lid-deċiżjoni li biha dawn il-kundanni huma rrikonoxxuti l-effett ta’ kundanna deċiża minn qorti Ungeriża. |
35 |
Din il-proċedura timplika, skont il-qorti tar-rinviju, eżami tal-kundanna barranija kkonċernata biex jiġi vverifikat fl-ewwel lok, b’mod partikolari, li d-drittijiet fundamentali jkunu ġew osservati fil-proċeduri barranin. Sussegwentement, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti kompetenti, jekk ikun il-każ, li għandha tikkwalifika mill-ġdid il-ksur skont il-kodiċi kriminali Ungeriż fis-seħħ fid-data tal-fatti u li għandha tibdel it-tip jew il-livell tal-piena jew tal-miżura imposta mill-qorti tal-Istat Membru l-ieħor, jekk din tal-aħħar ma tkunx kompletament kompatibbli ma’ dik prevista fid-dritt Ungeriż. |
36 |
Hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Deċiżjoni Qafas 2008/675 tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka fiż-żona ta’ ġustizzja Ewropea peress li tiffavorixxi kultura ġudizzjarja li fiha l-kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor, fil-prinċipju, jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li proċedura speċjali ta’ rikonoxximent prevista minn Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fir-rigward ta’ kundanna preċedenti mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, timponi l-obbligu li jiġi vverifikat jekk din il-qorti osservatx id-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata tista’, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, tpoġġi f’dubju l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u, għaldaqstant, wieħed mill-għanijiet previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2008/675 (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 191, u s-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 78). |
38 |
B’mod partikolari, din id-deċiżjoni qafas, kif tistipula l-premessa 2, hija intiża sabiex timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-qasam kriminali, stabbilit fl-Artikolu 82(1) TFUE, li ssostitwixxa l-Artikolu 31 TUE li fuq il-bażi tiegħu ġiet adottata din id-deċiżjoni qafas. Dan il-prinċipju jipprekludi li t-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-imsemmija deċiżjoni qafas, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija qabel fi Stat Membru ieħor ikun suġġett għall-implimentazzjoni ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent minn qabel u li din id-deċiżjoni tkun, fuq din il-bażi, suġġetta għal eżami mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Beshkov, C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Huwa għalhekk li l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jistabbilixxi espressament eżami mill-ġdid bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’hekk id-deċiżjonijiet ta’ kundanna mogħtija preċedentement fl-Istati Membri l-oħra għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni hekk kif ikunu ġew ippronunzjati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Beshkov, C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 37). |
40 |
Madankollu, għalkemm id-Deċiżjoni Qafas 2008/675 tipprekludi eżami mill-ġdid, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tista’ twassal għal kwalifika mill-ġdid tar-reat kriminali u għal modifika tal-piena mogħtija fi Stat Membru ieħor, għandu jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni qafas ma tipprekludix li dan l-Istat Membru fejn isseħħ il-proċedura kriminali l-ġdida jista’ jispeċifika l-modalitajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundanni preċedenti mogħtija f’dan l-Istat Membru ieħor, fejn tali spjegazzjoni jkollha l-uniku għan li jiġi ddeterminat jekk huwiex possibbli li jintrabtu ma’ dawn il-kundanni effetti legali ekwivalenti għal dawk attribwiti għall-kundanni nazzjonali preċedenti b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali. |
41 |
Tali konstatazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 13 ta’ din id-deċiżjoni qafas, li tgħid li l-esklużjoni ta’ possibbiltà li tiġi riveduta kundanna preċedenti ma għandhiex timpedixxi lil Stat Membru milli jieħu deċiżjoni, jekk meħtieġ, sabiex jiġu attribwiti l-effetti legali ekwivalenti għal tali kundanna preċedenti. |
42 |
Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-deċiżjoni qafas, din “ma tfittix li tarmonizza l-konsegwenzi attribwiti mil-leġislazzjoni nazzjonali differenti għall-eżistenza ta’ kundanni preċedenti u l-obbligu li jittieħdu in konsiderazzjoni kundanni preċedenti li ngħataw fi Stati Membri oħrajn jeżisti biss sal-punt li l-kundanni nazzjonali preċedenti jittieħdu in konsiderazzjoni taħt id-dritt nazzjonali”. |
43 |
F’dan ir-rigward, il-premessa 6 tal-istess deċiżjoni qafas tipprovdi “[g]ħalhekk din id-Deċiżjoni Kwadru ma fiha l-ebda obbligu li jittieħdu in konsiderazzjoni tali kundanni preċedenti per eżempju f’każijiet fejn l-informazzjoni miksuba taħt strumenti applikabbli mhix suffiċjenti, fejn kundanna nazzjonali ma kinitx tkun possibbli rigward l-att li għalih il-kundanna preċedenti kienet ġiet imposta jew is-sanzjoni imposta preċedentement mhix magħrufa mis-sistema legali nazzjonali”. |
44 |
Għalhekk, anki jekk din id-deċiżjoni qafas ma tipprekludix lil Stat Membru milli jadotta, jekk meħtieġ, deċiżjoni li tippermetti li jingħataw effetti legali ekwivalenti lil kundanna preċedenti adottata fi Stat Membru ieħor, l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ma tistax madankollu, u fi kwalunkwe każ, timplika l-implimentazzjoni ta’ proċedura nazzjonali speċjali ta’ rikonoxximent minn qabel bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Beshkov, C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 38). |
45 |
Barra minn hekk, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tippermetti li jingħataw effetti legali ekwivalenti lil kundanna preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor, bħal dik imsemmija fil-premessa 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, tirrikjedi eżami każ b’każ, fid-dawl ta’ sitwazzjoni konkreta. Din il-possibbiltà ma tistax tiġġustifika l-implimentazzjoni ta’ proċedura speċjali ta’ rikonoxximent fir-rigward tal-kundanni mogħtija fi Stat Membru ieħor, li hija, minn naħa, neċessarja għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija kundanni matul proċedura kriminali ġdida u, min-naħa l-oħra, li tista’ twassal għal riklassifikazzjoni tar-reat imwettaq u tal-piena imposta. |
46 |
Barra minn hekk, fis-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh (C‑25/15, EU:C:2016:423, punti 53 u 55), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u d-Deċiżjoni 2009/316 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi proċedura speċjali ta’ rikonoxximent tas-sentenzi barranin, bħal dik prevista fl-Artikoli 46 sa 48 tal-liġi Ungeriża dwar l-assistenza reċiproka ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali, minħabba, b’mod partikolari, li tali proċedura, qabel ir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-kundanni fir-rekord kriminali, li tippreżumi barra minn hekk it-trażmissjoni u t-traduzzjoni ta’ dawn is-sentenzi, tista’ ttawwal drastikament iż-żmien meħtieġ għal din ir-reġistrazzjoni, tista’ tikkomplika l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, iċċaħħad l-utilità tal-mekkaniżmu tat-traduzzjoni awtomatizzata previst fid-Deċiżjoni 2009/316 u, b’dan il-mod, tipperikola t-twettiq tal-għanijiet imfittxija mid-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u minn din id-deċiżjoni. |
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni Qafas 2009/315 u d-Deċiżjoni Qafas 2008/675 huma inseparabbilment marbuta flimkien. Fil-fatt, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jikkooperaw b’diliġenza u b’mod uniformi fi skambji ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali, sabiex jiġi evitat li l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali li quddiemhom proċedimenti kriminali ġodda kontra persuna li kienet diġà s-suġġett ta’ deċiżjonijiet ta’ kundanna mogħtija mill-qrati ta’ Stati Membri oħra għal fatti oħra, jadottaw deċiżjoni mingħajr ma jkunu jistgħu jieħdu kont ta’ tali kundanni preċedenti. Għaldaqstant, proċeduri nazzjonali li jistgħu jippreġudikaw tali skambju diliġenti ta’ informazzjoni jmorru kemm kontra d-Deċiżjoni Qafas 2009/315, moqrija flimkien mad-Deċiżjoni 2009/316, kif ukoll mad-Deċiżjoni Qafas 2008/675. |
48 |
Isegwi li d-Deċiżjoni Qafas 2008/675, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 82 TFUE, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li t-teħid inkunsiderazzjoni fi Stat Membru, fl-okkażjoni ta’ proċedura kriminali ġdida mibdija kontra persuna, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna kriminali definittiva mogħtija preċedentement minn qorti ta’ Stat Membru ieħor kontra l-istess persuna għal fatti differenti, ikun suġġett għal proċedura speċjali ta’ rikonoxximent minn qabel, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-qrati ta’ dan l-ewwel Stat Membru. |
Fuq it-tieni domanda
49 |
Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
50 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI tal-24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 82 TFUE, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li t-teħid inkunsiderazzjoni fi Stat Membru, fl-okkażjoni ta’ proċedura kriminali ġdida mibdija kontra persuna, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna kriminali definittiva mogħtija preċedentement minn qorti ta’ Stat Membru ieħor kontra l-istess persuna għal fatti differenti, ikun suġġett għal proċedura speċjali ta’ rikonoxximent minn qabel, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-qrati ta’ dan l-ewwel Stat Membru. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.