EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0331

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta’ Mejju 2018.
K. vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie u H. F. vs Belgische Staat.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg, u mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38/KE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) – Limitazzjoni tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika – Tkeċċija mit-territorju minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Aġir li jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà – Persuna li l-applikazzjoni tagħha għall-ażil ġiet irrifjutata għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvezjoni ta’ Genève jew tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 28(1) – Artikolu 28(3)(a) – Protezzjoni minn tkeċċija – Residenza fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti – Raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika – Kunċett.
Kawżi maqgħuda C-331/16 u C-366/16.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:296

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ Mejju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38/KE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) – Limitazzjoni tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika – Tkeċċija mit-territorju minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Aġir li jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà – Persuna li l-applikazzjoni tagħha għall-ażil ġiet irrifjutata għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvezjoni ta’ Genève jew tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 28(1) – Artikolu 28(3)(a) – Protezzjoni minn tkeċċija – Residenza fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti – Raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika – Kunċett”

Fil-Kawżi magħquda C‑331/16 u C‑366/16,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sede ta’ Middelbourg, il-Pajjiżi l-Baxxi) (C‑331/16), u mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet tal-Barranin, il-Belġju) (C‑366/16), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-9 ta’ Ġunju 2016 u s-27 ta’ Ġunju 2016, li waslu għand il-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fit-13 ta’ Ġunju 2016 u l-5 ta’ Lulju 2016, fil-proċeduri

K.

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie (C‑331/16),

u

H. F.

vs

Belgische Staat (C‑366/16),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe u M. Vilaras (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Lulju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K., minn A. Eikelboom u A. M. van Eik, advocaten,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, C. S. Schillemans u B. Koopman, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn I. Florio u E. Matterne, advocaten,

għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn E. Armoët u E. de Moustier kif ukoll minn D. Colas, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Crane u G. Brown kif ukoll minn D. Robertson, bħala aġenti, assistiti minn B. Lask, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Diċembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tat-tieni subpragrafu tal-Artikolu 27(2), tal-Artikolu 28(1) u tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46 u rettifiki ĠU L 229, p. 35 u ĠU 2005, L 197, p. 34).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet, l-ewwel waħda, bejn K. u l-Istaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi), (iktar ’il-quddiem is-“Segretarju tal-Istat”), dwar deċiżjoni li tiddikjara lil K. bħala persuna mhux mixtieqa fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi (Kawża C‑331/16), it-tieni waħda, bejn H.F. u l-Belgische Staat (Stat Belġjan), dwar deċiżjoni li rrifjutat lil H.F. dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fit-territorju Belġjan (Kawża C‑366/16).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York, fil-31 ta’ Jannar 1967, u li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

4

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, wara li jiddefinixxi, b’mod partikolari, fit-Taqsima A, il-kunċett ta’ “refuġjat” għall-finijiet tal-imsemmija konvenzjoni, jistabbilixxi, fit-Taqsima F:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni ma japplikawx għall-persuni li dwarhom ikun hemm raġuni serja li jiġi susspettat li:

(a)

hu jew hi jkunu kkommettew delitt kontra l-paċi, delitt tal-gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif iddefiniti fl-istrumenti internazzjonali mfassla sabiex jagħmlu disposizzjoni rigward dawn id-delitti;

(b)

ikkommettew delitt serju mhux politiku barra l-pajjiż ospitanti qabel ma ġew aċċettati bħala refuġjati;

(ċ)

saru ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/38

5

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi:

“Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.”

6

Fil-Kapitolu VI “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”, l-Artikolu 27(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2.   Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali tal-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, preżenti u gravi biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.”

7

Skont l-Artikolu 28 tad-direttiva msemmija:

“1.   Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba politika pubblika jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis l-konsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-età, l-istat ta’ saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l-limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini.

2.   L-Istat Membru ospitanti ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

3.   Deċiżjoni ta’ tkeċċija m’għandhiex tittieħed kontra ċittadini ta’ l-Unjoni, ħlief meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri, jekk dawn:

(a)

għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti, jew

(b)

huma minorenni, ħlief jekk it-tkeċċija hi neċessarja għall-aħjar interessi tat-tifel/tifla, kif previst mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta’ l-20 ta’ Novembru 1989.”

Id-Direttiva 2011/95/UE

8

L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), jipprevedi:

“Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandu jiġi eskluż milli jkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serja li jitqiesu li:

(a)

ikun wettaq delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, fis-sens tal-istrumenti internazzjonali mfassla sabiex jipprevedu dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ dawn id-delitti;

(b)

hija kkommettiet delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż tar-refuġju qabel id-dħul tagħha bħala refuġjat; jiġifieri qabel il-mument tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fuq il-bażi tal-għoti ta’ stat ta’ refuġjat; partikolarment azzjonijiet krudili, anke jekk kommessi b’għan allegatament politiku, jistgħu jiġu klassifikati bħala delitti serji mhux politiċi;

(c)

huwa jew hija kienu ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif dikjarat fil-Preamblu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Kapitolu tan-Nazzjonijiet Uniti.”

Id-drittijiet nazzjonali

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

9

L-Artikolu 67 tal-Vreemdelingenwet (il-Liġi fuq il-Barranin), tat-23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000 Nru 495), jipprevedi:

“1.   Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3, il-[Ministru] jista’ jiddikjara l-barrani mhux mixtieq:

a.

jekk jirrisjedi b’mod illegali fil-Pajjiżi l-Baxxi u jekk huwa wettaq diversi drabi atti ssanzjonati minn din il-liġi;

b.

jekk huwa ġie kkundannat minn sentenza li saret definittiva għal delitt punibbli bi privazzjoni tal-libertà ta’ tliet snin jew iktar jew jekk, għal dan id-delitt, ġiet imposta fuqu l-miżura li tinsab fl-Artikolu 37a tal-code penal (il-Kodiċi Kriminali);

c.

jekk jirrappreżenta perikolu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali u jinsab jirrisjedi irregolarment fil-Pajjiżi l-Baxxi fis-sens tal-Artikolu 8(a) sa (e) inkluż jew taħt(1);

d.

bl-applikazzjoni ta’ trattat jew

e.

fl-interess tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi”.

[…]

3.   B’deroga mill-Artikolu 8, il-barrani ddikjarat mhux mixtieq ma jistax ikollu soġġorn regolari.”

Id-dritt Belġjan

10

Skont l-Artikolu 40a(2) tal-wet betreffende de toegang tot het grondgebied, het verblijf, de vestiging en de verwijdering van vreemdelingen (il-Liġi fuq l-Aċċess għat-Territorju, is-Soġġorn, l-Istabbiliment u t-Tkeċċija tal-barranin), tal-15 ta’ Diċembru 1980 (Belgisch Staatsblad, 31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fi żmien il-fatti fil-kawża prinċipali, għandhom jitqiesu bħala membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-axxendenti.

11

L-Artikolu 43 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Id-dħul u r-residenza ma jistgħux jiġu rrifjutati lil ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom jekk mhux għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ saħħa pubblika u dan, fil-limiti iktar ’il quddiem:

[…]

il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq il-kondotta personali tal-individwu kkonċernat. […] Il-kondotta personali tal-individwu kkonċernat għandha tkun ta’ theddida ġenwina, preżenti u gravi biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà.

Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq kunsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali ma għandhomx jiġu aċċettati;

[…]”

12

L-Artikolu 52(4) tal-koninklijk besluit betreffende de toegang tot het grondgebied, het verblijf, de vestiging en de verwijdering van vreemdelingen (id-Digriet Irjali fuq l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tkeċċija tal-Barranin), tat-8 ta’ Ottubru 1981 (Belgisch Staatsblad, 27 ta’ Ottubru 1981, p. 13740), jistipula:

“[…]

Jekk il-Ministru jew id-delegat tiegħu jirrikonoxxi d-dritt ta’ residenza jew jekk l-ebda deċiżjoni ma tittieħed fit-terminu previst fl-Artikolu 42 tal-Liġi, is-Sindku jew id-delegat tiegħu jikkonsenja lill-barrani ’karta ta’ residenza tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni‘, konformi mal-mudell li jinsab fl-anness 9.

[…]

Jekk il-Ministru jew id-delegat tiegħu ma jirrikonoxxux id-dritt ta’ residenza, din id-deċiżjoni hija nnotifikata lil membru tal-familja permezz tal-ħruġ ta’ dokument konformi mal-mudell li jinsab fl-anness 20, li jinkludi, skont il-każ, ordni sabiex jitlaq mit-territorju. […]”

It-tilwim fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Kawża C‑331/16

13

K. għandu n-nazzjonalità Kroata kif ukoll in-nazzjonalità tal-Bosnja-Ħerzegovina.

14

K. wasal fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-21 ta’ Jannar 2001, akkumpanjat minn martu u ibnu minuri. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, K. irrisjeda fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr interruzzjoni minn din id-data. Fis-27 ta’ April 2006, mart il-persuna kkonċernata welldet it-tieni iben tagħhom.

15

Fit-2 ta’ Frar 2001, K. ressaq quddiem is-Segretarju tal-Istat l-ewwel applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal tul iddeterminat bħala applikant għall-ażil Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda b’deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat tal-15 ta’ Mejju 2003, li saret definittiva wara konferma minn sentenza tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) tal-21 ta’ Frar 2005.

16

Fis-27 ta’ Lulju 2011, K. ressaq applikazzjoni ġdida għal ażil, li ġiet miċħuda b’deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat tas-16 ta’ Jannar 2013. Din id-deċiżjoni, li kienet akkumpanjata bi projbizzjoni ta’ dħul ġewwa t-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi għal tul ta’ għaxar snin, saret definittiva wara l-konferma tagħha b’sentenza tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) tal-10 ta’ Frar 2014.

17

Wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja fl-Unjoni Ewropea, K., fit-3 ta’ Ottubru 2014, talab lis-Segretarju tal-Istat it-tneħħija tal-projbizzjoni tad-dħul ġewwa t-territorju maħruġa kontrih. Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2015, is-Segretarju tal-Istat laqa’ din it-talba filwaqt li ddikjara lil K. bħala persuna mhux mixtieqa fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, abbażi tal-Artikolu 67(1)(e) tal-Liġi fuq il-Barranin. L-ilment mressaq minn K. kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2015.

18

F’din l-aħħar deċiżjoni, is-Segretarju tal-Istat qabelxejn irrefera għad-deċiżjonijiet tal-15 ta’ Mejju 2003 u 16 ta’ Jannar 2013 li ċaħdu l-applikazzjonijiet għal ażil ta’ K., li fihom ġie kkonstatat li dan tal-aħħar kien ħati ta’ aġir li jaqa’ taħt l-Artikolu1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève peress li kien jaf b’delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità mwettqa mill-unitajiet speċjali tal-armata Bosnijaka u peress li huwa stess ipparteċipa personalment f’dawn id-delitti. Is-Segretarju tal-Istat enfasizza wkoll li l-preżenza ta’ K. fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi kienet ta’ natura li tippreġudika r-relazzjonijiet internazzjonali tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u li kellu jiġi evitat li dan l-Istat Membru jsir pajjiż ospitanti għal persuni li kontrihom kien hemm raġunijiet serji li wieħed jissuspetta li kienu ħatja ta’ delitti serji. Barra minn hekk, is-Segretarju tal-Istat qies li l-protezzjoni tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika kien jirrikjedi li kollox għandu jiġi implimentat sabiex jipprojbixxi li ċittadini tal-Pajjiżi l-Baxxi jiġu f’kuntatt ma’ persuni li, fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, kienu ħatja ta’ aġir gravi li jaqa’ taħt l-Artikolu1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. B’mod partikolari, kien imperattiv li jiġi evitat li l-vittmi li sofrew minn atti li K. kien akkużat bihom, jew membri tal-familja tagħhom isibu ruħhom fil-preżenza tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi. Abbażi ta’ dawn l-elementi kollha, is-Segretarju tal-Istat ikkonkluda, minn naħa, li K. kien ta’ theddida reali, attwali u serja biżżejjed għal interess fundamentali tal-ħajja fis-soċjetà fil-Pajjiżi l-Baxxi u, min-naħa l-oħra, li d-dritt tar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ma kienx ta’ ostakolu sabiex K. jiġi ddikjarat bħala persuna mhux mixtieqa.

19

K. ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2015 quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa sostna, essenzjalment, li r-raġunijiet invokati mis-Segretarju tal-Istat sabiex jiġġustifikaw id-deċiżjoni tiegħu kienu insuffiċjenti. Fil-fatt, minbarra l-fatt li r-relazzjonjiet internazzjonali ta’ Stat Membru ma jaqgħux taħt l-ordni pubbliku, l-attwalità tat-theddida li kien jirrappreżenta kienet ibbażata fuq preżunzjonijiet ta’ aġir li fuqhom instab ħati iktar minn żewġ deċenni ilu u fuq it-teżi li biha l-fatt li dan l-aġir jaqa’ taħt l-Artikolu1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève joħloq theddida permanenti. Barra minn hekk, li jiġi pretiż li kwalunkwe kuntatt possibbli fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ K. ma’ vittma jwassal fih innifsu għal riskju għall-ordni pubbliku jwessa’ b’mod eċċessiv il-kunċett ta’ “ordni pubbliku”. Barra minn hekk, ma ntweriex b’mod konvinċenti li xi vittmi possibbli ta’ K. kienu jinsabu fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi. K. żied li, fi kwalunkwe każ, qatt ma ġie segwit lanqas a fortiori kkundannat għall-fatti li ġie akkużat bihom. Filwaqt li rrifera għall-punt 50 tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377), K. ikkonkluda li r-raġuni ġenerali, invokata mis-Segretarju tal-Istat, ibbażata fuq li kien ta’ theddida għall-ordni pubbliku, kienet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

20

Preliminarjament, il-qorti tar-rinviju tindika li, wara l-adeżjoni tal-Kroazja fl-Unjoni, id-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ K. Peress li l-projbizzjoni ta’ dħul ġewwa t-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi tista’ tiġi biss iddikjarata kontra ċittadin ta’ pajjiż terz, id-deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2013 dwar il-projbizzjoni ta’ dħul ta’ K. ġewwa t-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi għal perijodu ta’ għaxar snin ġiet irtirata peremezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2015, ikkonfermata bid-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2015, u ssostitwita minn dikjarazzjoni ta’ persuna mhux mixtieqa, din tikkostitwixxi miżura paragunabbli, li tista’ tiġi adottata kontra ċittadini tal-Unjoni. Kuntrarjament għall-projbizzjoni ta’ dħul, dikjarazzjoni ta’ persuna mhux mixtieqa tkun, fil-prinċipju, valida għal tul indeterminat, iżda l-persuna kkonċernata tista’ titlob l-irtirar tagħha wara l-iskadenza ta’ ċertu perijodu.

21

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tirrileva, li huwa paċifiku li jeżistu raġunijiet serji li jippermettu li jiġi kkunsidrat li K. wettaq delitt, fis-sens tal-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, fid-dawl tal-aġir tiegħu matul il-perijodu bejn April 1992 u Frar 1994, meta kien jifforma parti minn unità tal-armata Bosnijaka. Huwa wkoll paċifiku li K. abbanduna din l-armata fi Frar 1994. Id-dikjarazzjoni ta’ persuna mhux mixtieqa ta’ K. kienet esklużivament ibbażata fuq dan l-aġir. Fir-rigward tat-tul taż-żmien li għadda minn dakinhar, il-kwistjoni hija dwar jekk l-imsemmi aġir jistax’ jiġi meqjus bħala li huwa ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà, fis-sens tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38.

22

Skont il-qorti tar-rinviju, mill-ġurisprudenza tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jirriżulta li t-theddida li tirrappreżenta għall-interess fundamentali tas-soċjetà l-preżenza ta’ persuna f’sitwazzjoni bħal dik ta’ K. hija, min-natura tagħha, attwali b’mod permanenti u ma huwiex neċessarju li jsiru mistoqsijiet dwar l-aġir futur ta’ tali persuna. Din il-konklużjoni hija bbażata, minn naħa, fuq il-gravità eċċezzjonali tad-delitti msemmija fl-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u, min-naħa l-oħra, fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fuq is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661), tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, (C‑145/09, EU:C:2010:708), kif ukoll tat-22 ta’ Mejju 2012, I (C‑348/09, EU:C:2012:300).

23

Issa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-raġonevolezza ta’ din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38. Id-dubji tagħha huma msaħħa mill-fatt li l-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni timponi li l-miżuri ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, l-Artikolu 28(1) ta’ din id-direttiva jiddikjara ċertu numru ta’ fatturi li l-Istat Membru ospitanti għandu jieħu inkunsiderazzjoni qabel ma jadotta deċiżjoni ta’ tkeċċija, u l-Artikolu 28(3)(a) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li tali deċiżjoni ma tistax tittieħed ħlief għal raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika kontra ċittadin tal-Unjoni li rrisjeda fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti.

24

Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lil Parlament Ewropew u lil Kunsill dwar il-linji gwida intiżi sabiex itejbu t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 tat-2 ta’ Lulju 2009 (COM (2009) 313 final), li jikkonfermaw kemm hija kumplessa l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ miżura bħal dik deċiża fir-rigward ta’ K. K. u l-membri tal-familja tiegħu huma perfettament integrati fis-soċjetà tal-Pajjiżi l-Baxxi, peress li ilhom jgħixu fil-Pajjiżi l-Baxxi mis-sena 2001. Barra minn hekk, K. kien iddikjara li l-familja tiegħu kisbet in-nazzjonalità Kroata fuq il-bażi biss ta’ etniċità, iżda li l-Kroazja kienet totalment estranja għalihom u huma qatt ma għexu hemmhekk u ma għandhom l-ebda familja hemmhekk.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sede ta’ Middelbourg, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 27(2) tad-Direttiva [2004/38/KE] jippermetti li ċittadin tal-Unjoni li fir-rigward tiegħu ġie stabbilit fid-dritt, bħal f’dan il-każ, li […] l-l-Artikolu 1(F)(a) u (b) tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] japplika għalih, jiġi ddikjarat bħala persuna mhux mixtieqa minħabba li l-gravità tar-reati [delitti] koperti minn din id-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni twassal għall-konklużjoni li għandu jiġi kkunsidrat li t-theddida li dan jirrappreżenta għall-interessi fundamentali tas-soċjetà hija, min-natura tagħha stess, preżenti b’mod permanenti?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, kif għandu jiġi ddeterminat, meta huwa ppjanat li tiġi adottata deċiżjoni li persuna ma hijiex mixtieqa, jekk l-aġir taċ-ċittadin tal-Unjoni, kif iddefinit iktar ’il fuq, li fil-konfront tiegħu ġie deċiż li japplika l-Artikolu 1(F) initio tal- u l-Artikolu 1(F)(a) u (b) tal-[Konvenzjoni ta’ Genève], għandux jiġi kkunsidrat bħala li jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għall-interessi fundamentali tas-soċjetà? F’dan il-każ, kif għandu wieħed jikkunsidra l-fatt li l-aġir issanzjonat minn dan l-Artikolu 1(F) tal-[Konvenzjoni ta’ Genève], bħal f’dan il-każ, twettaq żmien twil ilu, jiġifieri, f’dan il-każ, bejn l-1992 u l-1994?

3)

Kif il-prinċipju ta’ proporzjonalità jinfluwenza l-evalwazzjoni ta’ jekk dikjarazzjoni li persuna ma hijiex mixtieqa tista’ tiġi adottata fil-konfront ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalih japplika l-Artikolu 1(F) initio u l-Artikolu 1(F)(a) u (b) tal-[Konvenzjoni ta’ Genève], bħal f’dan il-każ, fejn ġie ddikjarat applikabbli? Il-fatturi stabbiliti fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva [2004/38] għandhom ikunu kkunsidrati f’dan il-każ jew dawn għandhom jiġu kkunsidrati separatament? It-terminu ta’ għaxar snin residenza fil-pajjiż ospitanti, terminu previst fl-Artikolu 28(3)(a) tal-[imsemmija] direttiva, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ jew dan għandu jiġi kkunsidrat separatament? Il-fatturi stabbiliti fil-punt 3.3 tal-[Komunikazzjoni COM(2009) 313] għandhom jiġu kkunsidrati kollha kemm huma?”

Kawża C‑366/16

26

H.F., ta’ nazzjonalità Afgana, wasal fil-Pajjiżi l-Baxxi fis-7 ta’ Frar 2000 u ppreżenta applikazzjoni għall-ażil fis-6 ta’ Marzu 2000. B’deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tal-Pajjiżi l-Baxxi tas-26 ta’ Mejju 2003, H.F. ġie eskluż mill-istatus ta’ refuġjat abbażi tal-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ sentenza tar-Rechtbank te s’-Gravenhage (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi).

27

Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Jannar 2006, l-awtorità kompetenti tal-Pajjiżi l-Baxxi rrifjutat li toħroġ permess ta’ residenza temporanju fil-Pajjiżi l-Baxxi għal H.F. Din id-deċiżjoni wkoll ġiet ikkonfermata mir-Rechtbank te ’s-Gravenhage (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi). Peress li d-deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2003 saret definittiva, is-Segretarju tal-Istat adotta deċiżjoni ta’ projbizzjoni mit-territorju fir-rigward ta’ H.F.

28

Matul l-2011, H.F. u bintu stabbilixxew ruħhom fil-Belġju. Fil-5 ta’ Ottubru 2011, H.F. ippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza fil-Belġju, li ġiet miċħuda bħala inammissibbli permezz ta’ deċiżjoni tal-gemachtigde van de staatssecretaris voor Asiel en Migratie en Administrative Vereenvoudiging (id-Delegat tas-Segretarju tal-Istat għall-Ażil u l-Immigrazzjoni, Responsabbli mis-Simplifikazzjoni Amministrattiva, il-Belġju) (iktar ’il quddiem id-“delegat”) fit-13 ta’ Novembru 2012. Fl-istess jum, dan tal-aħħar adotta deċiżjoni li ordnat lil H.F. sabiex iħalli t-territorju Belġjan. H.F. ippreżenta rikorsi għall-annullament kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, li huwa sussegwentement irtira.

29

Fil-21 ta’ Marzu 2013, H.F. ippreżenta quddiem id-delegat talba intiża għall-kisba ta’ permess ta’ residenza fil-Belġju bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, għar-raġuni li bintu kellha n-nazzjonalità tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fit-12 ta’ Awwissu 2013, id-delegat adotta deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza bl-ordni li jħalli t-territorju Belġjan.

30

Bi tweġiba għat-tieni talba ta’ H.F. li kellha l-istess għan u mressqa fl-20 ta’ Awwissu 2013, id-delegat adotta, fit-18 ta’ Frar 2014, deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza bl-ordni li jħalli t-territorju Belġjan. Ir-rikors ippreżentat minn H.F. kontra din id-deċiżjoni tal-qorti kompetenti Belġjana sar res judicata.

31

Fit-18 ta’ Settembru 2014, H.F. ippreżenta t-tielet talba intiża għall-kisba ta’ permess ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. Wara din it-talba, fil-5 ta’ Jannar 2015, id-delegat mill-ġdid adotta deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza bl-ordni li jħalli t-territorju. Fuq rikors ta’ H.F. din id-deċiżjoni ġiet annullata mill-qorti kompetenti Belġjana fis-17 ta’ Ġunju 2015.

32

Wara dan l-annullament, id-delegat adotta, fit-8 ta’ Ottubru 2015, fir-rigward ta’ H.F., deċiżjoni dwar ir-rifjut ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur mingħajr ordni sabiex iħalli t-territorju. Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn H.F. quddiem ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet tal-Barranin, il-Belġju).

33

Skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, id-delegat ibbaża ruħu, sabiex jadotta din id-deċiżjoni, fuq l-informazzjoni li tinsab fil-proċess tal-proċedura ta’ ażil dwar H.F. fil-Pajjiżi l-Baxxi, miksuba bil-kollaborazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Minn dan il-proċess irriżulta li, skont l-evalwazzjoni magħmula mill-awtoritajiet kompetenti tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-qasam tal-ażil, H.F. kien wettaq delitti li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. B’mod partikolari huwa pparteċipa f’delitti tal-gwerra jew delitti kontra l-umanità, jew ta l-ordni, fil-kuntest tal-funzjonijiet li huwa kien jeżerċita, sabiex jitwettqu tali delitti. Id-delegat għalhekk qies li t-theddida, għall-interess fundamentali ta’ soċjetà, tal-preżenza ta’ persuna, bħal ma hija H.F., li huwa paċifiku li fuqu jeżistu raġunijiet serji li wieħed jaħseb li huwa wettaq delitti li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, tippreżenta, min-natura tagħha, natura attwali permanenti. L-evalwazzjoni tal-aġir futur ta’ din il-persuna ma hijiex, f’każ bħal dan, importanti, fid-dawl tan-natura u l-gravità tad-delitti kkonċernati, anki jekk il-plawżibbiltà u l-attwalità tat-theddida li tirriżulta mill-aġir tal-imsemmija persuna, bħal ma huwa r-riskju tar-reċediva ma għandhomx jintwerew. Ir-rifjut tad-dritt ta’ residenza f’każ bħal dan iservi wkoll sabiex jipproteġi lill-vittmi ta’ dawn id-delitti u, b’dan il-mod, is-soċjetà ospitanti u l-ordinament legali internazzjonali. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza lil H. F. ikun ipproporzjonat.

34

Il-qorti tar-rinviju tindika li, anki jekk id-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2015 ma fiha ebda ordni biex iħalli t-territorju Belġjan, għandha titqies bħala miżura tan-natura bħal dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38. Hija tistaqsi fuq il-kompatibbiltà ma’ din tal-aħħar dispożizzjoni tat-teżi li biha s-sigurtà nazzjonali tkun kompromessa bil-preżenza f’dan it-territorju ta’ persuna li kontriha ġiet adottata deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat li saret definittiva madwar għaxar snin qabel fil-Pajjiżi l-Baxxi.

35

Il-qorti tar-rinviju żżid li din il-problematika tippreżenta wkoll rabta mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, imsemmi fl-Artikolu 7 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Fil-fehma tagħha, fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar rifjut ta’ residenza, kien jidher mixtieq li tagħmel eżami skont it-test “ta’ bilanċ xieraq”.

36

Għaldaqstant ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet tal-Barranin, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva [2004/38], moqri flimkien jew mingħajr l-Artikolu 7 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li talba għal residenza, li ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ikun ressaq fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ dan iċ-ċittadin, li fir-rigward tiegħu jkun għamel użu mil-libertà ta’ moviment u ta’ stabbiliment tiegħu, jista’ jiġi rrifjutat fi Stat Membru minħabba theddida li tirriżulta mis-sempliċi preżenza, fis-soċjetà, ta’ dan il-membru tal-familja li, skont l-Artikolu 1F tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] u tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva [2011/95], ġie eskluż mill-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor minħabba l-implikazzjoni tiegħu f’fatti li seħħew f’kuntest storiku u soċjali speċifiku fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fejn l-attwalità u r-realtà tat-theddida li l-aġir ta’ dan il-membru tal-familja jirrappreżenta fl-Istat Membru ta’ residenza jkunu bbażati esklużivament fuq riferiment magħmul għad-deċiżjoni ta’ esklużjoni mingħajr ma f’din l-okkażjoni tkun saret evalwazzjoni tar-riskju ta’ reċidiva fl-Istat Membru ta’ residenza?”

37

B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2016, il-Kawżi C‑331/16 u C‑366/16 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel żewġ domandi preliminari u l-ewwel parti tat-tielet domanda fil-Kawża C‑331/16 u fuq id-domanda fil-Kawża C‑366/16

38

Permezz taż-żewġ domandi u l-ewwel parti tat-tielet domanda fil-Kawża C‑331/16, kif ukoll bid-domanda fil-Kawża C‑366/16, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li ċittadin tal-Unjoni jew ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ tali ċittadin, li jitlob l-għoti ta’ dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru, fil-passat, kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat għar-raġuni li kien hemm raġunijiet serji li wieħed jaħseb li kien ħati ta’ atti msemmija fl-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jew tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95, jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru li jikkunsidraw awtomatikament li s-sempliċi preżenza tiegħu fit-territorju tikkostitwixxi, irrispettivament mill-eżistenza jew le ta’ riskju ta’ reċediva, theddida reali, attwali u serja biżżejjed għall-interessi fondamentali tas-soċjetà, fis-sens tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38. Fil-każ ta’ risposta negattiva, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑331/16 tistaqsi kif għandha tevalwa l-eżistenza ta’ tali theddida u, b’mod partikolari, sa fejn għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul taż-żmien li għadda mill-allegata kummissjoni ta’ dawn l-atti. Hija tistaqsi wkoll fuq l-impatt tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, imsemmi fl-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar persuni mhux mixtieqa, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, tal-persuna li kienet is-suġġett ta’ tali deċiżjoni ta’ esklużjoni.

39

Mill-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri li jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu, tkun xi tkun in-nazzjonalità tiegħu, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà, madankollu dawn ir-raġunijiet ma jistgħux jiġu invokati għal raġunijiet purament ekonomiċi.

40

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm, essenzjalment, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jistabbilixxu, b’mod konformi mal-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u minn żmien għal ieħor, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika, b’mod partikolari, bħala ġustifikazzjoni għal deroga għall-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-persuni, dawn ir-rekwiżiti għandhom jinftiehmu b’mod strett, b’tali mod li l-portata tagħhom ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, I, C‑348/09, EU:C:2012:300, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, E, C‑193/16, EU:C:2017:542, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “ordni pubbliku”, li jinsab fl-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38, ġie interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li l-użu ta’ dan il-kunċett jippreżupponi, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza, minbarra l-inkwiet għall-ordni soċjali li kull ksur tal-liġi jinvolvi, ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, H. T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “sigurtà pubblika” mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kunċett ikopri kemm is-sigurtà interna ta’ Stat Membru u s-sigurtà esterna (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 43). Is-sigurtà interna tista’ tiġi affettwata, b’mod partikolari, minn theddida diretta għat-trankwillità u għas-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, I, C‑348/09, EU:C:2012:300, punt 28). Dwar is-sigurtà esterna, din tista’ tiġi affettwata, b’mod partikolari, mir-riskju ta’ perturbazzjoni gravi tar-relazzjonijiet esterni ta’ dan l-Istat Membru jew tal-koeżistenza paċifika tal-popli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 44).

43

F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet tal-qrati tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni tar-rifjut tat-talba ta’ K. kontra d-dikjarazzzjoni dwar l-istatus tiegħu ta’ persuna mhux mixtieqa fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, u d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ għoti lil H.F. ta’ dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur fit-territorju Belġjan, kienu mmotivati mill-fatt li, fid-dawl tal-esklużjoni preċedenti tagħhom mill-istatus ta’ refuġjat abbażi tal-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jew l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95, is-sempliċi preżenza tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri kkonċernati kienet ta’ natura li tippreġudika r-relazzjonijiet internazzjonali ta’ dawn l-Istati Membri kif ukoll bin-neċessità li tipprevjeni li l-persuni kkonċernati jistgħu jiġu f’kuntatt maċ-ċittadini tal-imsemmija Stati Membri li kienu vittimi ta’ delitti jew aġir li ġew akkużati bihom, possibbilment preżenti fit-territorju ta’ dawn l-istess Stati Membri.

44

Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż u dak tar-Renju Unit enfasizzaw fl-osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja li miżuri ta’ natura bħal dawk meħuda kontra K. u H.F. setgħu wkoll ikkontribwixxew sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-valuri fundamentali tas-soċjetà ta’ Stat Membru u tal-ordinament ġuridiku internazzjonali kif ukoll iżommu l-koeżjoni soċjali, il-fiduċja pubblika fis-sistemi tal-ġustizzja u tal-immigrazzjoni u l-kredibbiltà tal-impenn tal-Istati Membri fil-protezzjoni tal-valuri fundamentali msemmija fl-Artikoli 2 u 3 TUE.

45

Ma jistax jiġi eskluż, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, li raġunijiet bħal dawk mqajma fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri bħala li jikkostitwixxu raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, fis-sens tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38, li jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri li jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza, fit-territorju tagħhom, ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ tali ċittadin.

46

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-delitti u l-aġir imsemmija fl-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jew l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95 jikkawżaw preġudizzju serju għall-valuri fundamentali bħal ma huma r-rispett għad-dinjità umana u d-drittijiet tal-bniedem, li fuqhom, kif jiddikjara l-Artikolu 2 TUE, l-Unjoni hija bbażata, kif ukoll il-paċi, li l-Unjoni għandha bħala għan li tippromwovi, skont l-Artikolu 3 TUE.

47

Minn dawn l-elementi jirriżulta li restrizzjoni magħmula minn Stat Membru għall-moviment liberu u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ tali ċittadin, li kien is-suġġett, fil-passat, ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jew l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95, tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “miżuri ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] jew ta’ sigurtà pubblika” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38.

48

B’dan ippreċiżat, mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li l-miżuri ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq l-aġir personali tal-individwu kkonċernat.

49

Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) ta’ din id-direttiva jissuġġetta l-adozzjoni ta’ tali miżuri għall-kundizzjoni li l-aġir tal-persuna kkonċernata tirrappreżenta theddida reali, attwali u serja biżżejjed għal interess fundamentali tas-soċjetà jew l-Istat Membru ospitanti.

50

Issa, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li l-kriterji ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat previsti fl-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jew l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95 ġew stabbiliti sabiex jiġu esklużi minn dan l-istatus il-persuni meqjusa li ma tixirqilhomx il-protezzjoni marbuta ma’ dan l-istatus kif ukoll sabiex jiġi evitat li l-għoti tal-imsemmi status jippermetti lill-awturi ta’ ċerti delitti gravi jaħarbu mir-responsabbiltà kriminali, b’tali mod li l-esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat ma huwiex suġġett għall-eżistenza ta’ perikolu attwali għall-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 104).

51

Minn dan isegwi li l-fatt li l-persuna kkonċernata kienet is-suġġett, fil-passat, ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat skont waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma twassalx awtomatikament għall-konstatazzjoni li s-sempliċi preżenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti tikkostitwixxi theddida reali, attwali u serja biżżejjed għal interess fundamentali tas-soċjetà, fis-sens tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38.

52

Il-miżuri ġġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika jistgħu jittieħdu biss jekk, wara evalwazzjoni ta’ kull każ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jirriżulta li l-aġir individwali tal-persuna kkonċernata attwalment jirrappreżenta theddida reali u suffiċjentement gravi għall-interessi fundamentali tas-soċjetà (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell, C‑371/08, EU:C:2011:809, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punt 77).

53

Għalhekk tali evalwazzjoni hija wkoll neċessarja għall-finijiet tal-eventwali adozzjoni, mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, ta’ miżura bbażata fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, fis-sens tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, kontra persuna li kontriha l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-ażil ikkunsidraw li kienu jeżistu raġunijiet serji li wieħed jaħseb li hija wettqet delitti jew kienet ħatja ta’ aġir li jaqa’ taħt l-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jew l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95.

54

Din l-evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat li tagħha kien is-suġġett l-individwu kkonċernat kif ukoll l-elementi li fuqhom dawn huma bbażati, b’mod partikolari n-natura u l-gravità tad-delitti jew l-aġir li bihom huwa akkużat dan l-individwu, il-livell tal-implikazzjoni individwali tiegħu fihom kif ukoll l-eżistenza possibbli ta’ raġunijiet għall-eżenzjoni mir-responsabbiltà kriminali kif inhuma l-pressjoni jew id-difiża leġittima.

55

Eżami bħal dan isir iktar neċessarju fil-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, il-persuna kkonċernata ma kinitx is-suġġett ta’ ebda kundanna kriminali għad-delitti jew l-aġir invokati sabiex jiġġustifikaw iċ-ċaħda, fil-passat, tal-applikazzjoni tal-ażil tiegħu.

56

Barra minn hekk, għalkemm, b’mod ġenerali, il-konstatazzjoni ta’ theddida reali, attwali u serja biżżejjed għal interess fundamentali tas-soċjetà, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, timplika, fir-rigward tal-individwu kkonċernat, tendenza li fil-futur ikompli l-aġir li jikkostitwixxi tali theddida, huwa possibbli wkoll li fatt biss tal-aġir tal-passat jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ theddida simili (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, EU:C:1977:172, punt 29).

57

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑331/16 tistaqsi fuq l-impatt tat-tul sinjifikattiv ta’ żmien li għadda mill-allegat twettiq tal-atti li ġġustifikaw l-esklużjoni ta’ K. mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

58

F’dan ir-rigward, iż-żmien li għadda minn dan it-twettiq huwa, ċertament element rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ theddida kif imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O., C‑554/13, EU:C:2015:377, punti 60 sa 62). Madankollu, il-gravità eċċezzjonali possibbli tal-atti inkwistjoni tista’ tkun ta’ natura li tikkaratterizza, ukoll wara perijodu ta’ żmien relattivament twil, il-persistenza ta’ theddida reali, attwali u serja biżżejjed għal interess fundamentali tas-soċjetà.

59

Fil-Kawża C‑366/16, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq ir-rilevanza, għal din l-evalwazzjoni, tar-riskju tar-reċidiva fl-Istat Membru ospitanti, meta d-delitti jew l-aġir imsemmija fl-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jew fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95 seħħew fil-pajjiż ta’ oriġini tal-persuna kkonċernata, f’kuntest storiku u soċjali speċifiku li ma jistax jirriproduċi ruħu f’dan l-Istat Membru.

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ftit jidher probabbli li tali delitti jew aġir jistgħu jirrepetu ruħhom barra l-kuntest storiku u soċjali speċifiku, aġir tal-persuna kkonċernata li tixhed il-persistenza fiha, ta’ attitudini ta’ preġudizzju għall-valuri fundamentali msemmija fl-Artikoli 2 u 3 TUE, bħad-dinjità umana u d-drittijiet tal-bniedem, li dawn id-delitti u dan l-aġir juru, fir-rigward tagħha, jista’ jikkostitwixxi theddida reali, attwali u serja biżżejjed għal interess fundamentali tas-soċjetà, fis-sens tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38.

61

Għandu jerġa’ jiġi speċifikat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 u mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura li tirrestrinġi d-dritt għall-moviment liberu tista’ tkun iġġustifikata biss jekk hija tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li tassumi li jiġi ddeterminat jekk din il-miżura hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi l-kisba tal-għan li hija trid tilħaq u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Gaydarov, C‑430/10, EU:C:2011:749, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Din l-evalwazzjoni timplika li jiġu bbilanċjati, b’mod partikolari, minn naħa, it-theddida li l-aġir personali tal-individwu jirrappreżenta għall-interessi fundamentali tas-soċjetà ospitanti flimkien, min-naħa l-oħra, mal-protezzjoni tad-drittijiet li ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom jisiltu mid-Direttiva 2004/35 (ara, f’dan is-sens, is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li jiġu rrispettati, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja kif iddikjarat fl-Artikolu 7 tal-Karta u fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 112 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Istat Membru ospitanti huwa obbligat, b’mod partikolari, li jivverifika, f’dan il-kuntest, il-possibbiltà li jadotta miżuri oħra li jaffettwaw inqas il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tal-persuna kkonċernata li b’hekk ikunu wkoll adegwati sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi fundamentali invokati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Aladzhov, C‑434/10, EU:C:2011:750, punt 47).

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel żewġ domandi u l-ewwel parti tat-tielet domanda fil-Kawża C‑331/16, kif ukoll għad-domanda fil-Kawża C‑366/16, li l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li ċittadin tal-Unjoni jew ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ tali ċittadin, li jitlob l-għoti ta’ dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru, kien, fil-passat, is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jew tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95, ma jippermettix lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru li jikkunsidraw awtomatikament li s-sempliċi preżenza tiegħu f’dan it-territorju tikkostitwixxi, irrispettivament mill-eżistenza jew le ta’ riskju ta’ reċidiva, theddida reali, attwali u serja biżżejjed għal interess fundamentali tas-soċjetà, li tista’ tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika.

66

Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali theddida għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, tal-aġir personali tal-individwu kkonċernat, li tieħu inkunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat u l-elementi li fuqhom din hija bbażata, b’mod partikolari n-natura u l-gravità tad-delitti jew l-aġir li huwa akkużat bihom, il-livell tal-implikazzjoni individwali tiegħu fihom, l-eżistenza possibbli ta’ raġunijiet ta’ eżenzjoni tar-responsabbiltà kriminali tiegħu kif ukoll l-eżistenza jew le ta’ kundanna kriminali. Din l-evalwazzjoni globali għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni t-tul li għadda mit-twettiq preżunt ta’ dawn id-delitti jew aġir kif ukoll l-aġir ulterjuri tal-imsemmi individwu, b’mod partikolari dwar jekk dan l-aġir jurix persistenza, fih, ta’ attitudini ta’ preġudizzju għall-valuri fundamentali msemmija fl-Artikoli 2 u 3 TUE, b’mod li jista’ jipperturba t-trankwillità u s-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni. Is-sempliċi fatt li l-aġir passat ta’ dan l-indivdwu jinserixxi ruħu fil-kuntest storiku u soċjali speċifiku tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, li ma jistax jirrepeti ruħu fl-Istat Membru ospitanti, ma huwiex ta’ ostakolu għal tali konstatazzjoni.

67

Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandhom, barra minn hekk, jibbilanċjaw, minn naħa, il-protezzjoni tal-interess fundamentali tas-soċjetà inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-persuna kkonċernata, dwar l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħha bħala ċittadin tal-Unjoni kif ukoll dwar id-dritt tagħha ta’ rispett tal-ħajja privata u tal-familja.

Fuq it-tieni parti tat-tielet domanda fil-Kawża C‑331/16

68

Permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑331/16 tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk il-fatturi ddikjarati fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38 għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar persuna mhux mixtieqa, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, li l-applikazzjoni tal-ażil tagħha, fil-passat, ġiet miċħuda abbażi tal-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, u, min-naħa l-oħra, jekk il-protezzjoni msaħħa li minnha jibbenefikaw, skont l-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva, iċ-ċittadini li għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti tapplikax għas-sitwazzjoni ta’ tali individwu..

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, matul is-seduta, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi indika li d-deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2015 li ddikjarat lil K. bħala persuna mhux mixtieqa fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi implikat obbligu għal dan tal-aħħar li jħalli l-imsemmi territorju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-deċiżjoni għandha titqies bħala deċiżjoni ta’ tkeċċija fis-sens tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38.

70

Għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni fl-osservanza tal-prinċipju tal-proporzjonalità, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura u l-gravità tal-aġir li huwa akkużat bih l-individwu kkonċernat, it-tul u, skont il-każ, in-natura legali tar-residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, il-perijodu li għadda minn dan l-aġir, il-kondotta tiegħu matul dan il-perijodu, il-grad ta’ perikolu attwali għas-soċjetà, kif ukoll is-solidità tar-rabtiet soċjali, kulturali u tal-familja ma’ dan l-Istat Membru.

71

Fir-rigward tal-protezzjoni msemmija fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, hemm lok li jitfakkar li din id-direttiva timplimenta sistema ta’ protezzjoni kontra miżuri ta’ tkeċċija li hija bbażata fuq il-grad ta’ integrazzjoni tal-persuni kkonċernati fl-Istat Membru ospitanti, b’mod li iktar kemm tkun kbira l-integrazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, ikbar huwa s-salvagwardji li dawn il-persuni għandhom kontra t-tkeċċija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 25, kif ukoll tas-17 ta’ April 2018, B u Vomero, C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 44).

72

L-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, li bih deċiżjoni ta’ tkeċċija ma tistax tittieħed kontra ċittadin tal-Unjoni li rrisjeda fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti, ħlief fuq “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika kif imfissra mill-Istati Membri” jistabbilixxi ruħu fl-istruttura ta’ din is-sistema u jsaħħaħ b’mod kunsiderevoli l-protezzjoni tal-persuni li għalihom hija applikabbli din id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ miżuri ta’ tkeċċija li jistgħu jkunu s-suġġett tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 28).

73

Madankollu, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ April 2018B u Vomero (C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 61), l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċċju tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija mit-territorju previst fl-imsemmija dispożizzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata għandha dritt ta’ residenza permanenti, fis-sens tal-Artikolu 16 u tal-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva. Issa, mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li tali dritt jista’ jinkiseb biss jekk il-persuna kkonċernata rrisjediet legalment fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin konformement mal-kundizzjonijiet previsti taħt din id-direttiva, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 46), jew permezz ta’ strument tad-dritt tal-Unjoni preċedenti għat-30 ta’ April 2006, data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal, C‑162/09, EU:C:2010:592, punti 33 sa 40).

74

Residenza konformi mad-dritt ta’ Stat Membru, iżda li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija mid-dritt tal-Unjoni ma tistax, min-naħa l-oħra, titqies li hija residenza legali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, anki jekk ċittadin tal-Unjoni li jkun residenti għal iktar minn ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti abbażi biss tad-dritt nazzjonali ta’ dan ma jistax jitqies li kiseb id-dritt għar-residenza permanenti konformement mal-imsemmija dispożizzjoni, filwaqt li, matul din ir-residenza, huwa ma kienx jissodisfa l-imsemmija kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punti 4751).

75

F’dan il-każ, jekk id-deċiżjoni ta’ rinviju tindika li K. irrisjeda fit-territorju tal-Pajjiżi Baxxi b’mod mhux interrott minn Frar 2001, hija ma fiha ebda indikazzjoni, min-naħa l-oħra, li minnha jista’ jiġi dedott li K., minkejja r-rifjut tal-applikazzjonijiet għall-ażil tiegħu, wettaq perijodu ta’ residenza legali mhux interrotta ta’ ħames snin fuq dan it-territorju konformement mal-kundizzjonijiet iddikjarati mid-Direttiva 2004/38 jew permezz ta’ strument tad-dritt tal-Unjoni preċedenti għal dan. Għaldaqstant ma jistax jiġi dedott mill-imsemmija deċiżjoni li K. kiseb dritt ta’ residenza permanenti fis-sens tal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika, huwa permess li jiġi kkunsidrat li l-protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tal-imsemmija direttiva ma hijiex applikabbli għalih.

76

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tieni parti tat-tielet domanda fil-Kawża C‑331/16 li l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-miżuri previsti jimplikaw it-tkeċċija tal-individwu kkonċernat tal-Istat Membru ospitanti, dan tal-aħħar għandu jieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-aġir ta’ dan l-individwu, it-tul u, skont il-każ, in-natura legali tar-residenza tiegħu f’dan l-Istat Membru, il-perijodu li għadda mill-aġir li ġie akkużat bih, il-kondotta tiegħu matul dan il-perijodu, il-grad tal-perikolu attwali tiegħu għas-soċjetà, kif ukoll is-solidità tar-rabtiet soċjali, kulturali u tal-familja mal-imsemmi Stat Membru.

77

L-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal ċittadin tal-Unjoni li ma għandux dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti, fis-sens tal-Artikolu 16 u tal-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

78

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li ċittadin tal-Unjoni Ewropea jew ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ tali ċittadin, li jitlob l-għoti ta’ dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru, kien, fil-passat, is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 u kkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York, fil-31 ta’ Jannar 1967, jew l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, ma jippermettix lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru li jikkunsidraw awtomatikament li s-sempliċi preżenza tiegħu f’dan it-territorju tikkostitwixxi, irrispettivament mill-eżistenza jew le ta’ riskju ta’ reċidiva, theddida reali, attwali u serja biżżejjed għal interess fundamentali tas-soċjetà, li tista’ tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika.

Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali theddida għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, ta’ aġir personali tal-individwu kkonċernat, li tieħu inkunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat u l-elementi li fuqhom din hija bbażata, b’mod partikolari n-natura u l-gravità tad-delitti jew l-aġir li huwa akkużat bihom, il-livell tal-implikazzjoni individwali tiegħu fihom, l-eżistenza possibbli ta’ raġunijiet ta’ eżenzjoni tar-responsabbiltà kriminali tiegħu kif ukoll l-eżistenza jew le ta’ kundanna kriminali. Din l-evalwazzjoni globali għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni t-tul li għadda mit-twettiq preżunt ta’ dawn id-delitti jew aġir kif ukoll l-aġir ulterjuri tal-imsemmi individwu, b’mod partikolari dwar jekk dan l-aġir jurix persistenza, fih, ta’ attitudini ta’ preġudizzju ħsara għall-valuri fundamentali msemmija fl-Artikoli 2 u 3 TUE, b’mod li jista’ jipperturba t-trankwillità u s-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni. Is-sempliċi fatt li l-aġir passat ta’ dan l-indivdwu jinserixxi ruħu fil-kuntest storiku u soċjali speċifiku tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, li ma jistax jirrepeti ruħu fl-Istat Membru ospitanti, ma huwiex ta’ ostakolu għal tali konstatazzjoni.

Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandhom, barra minn hekk, jibbilanċaw, minn naħa, il-protezzjoni tal-interess fundamentali tas-soċjetà inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-persuna kkonċernata, dwar l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħha bħala ċittadin tal-Unjoni kif ukoll għad-dritt tagħha ta’ rispett tal-ħajja privata u tal-familja.

 

2)

L-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-miżuri previsti jimplikaw it-tkeċċija tal-individwu kkonċernat tal-Istat Membru ospitanti, dan tal-aħħar għandu jieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-aġir ta’ dan l-individwu, it-tul u, skont il-każ, in-natura legali tar-residenza tiegħu f’dan l-Istat Membru, il-perijodu li għadda mill-aġir li ġie akkużat bih, il-kondotta tiegħu matul dan il-perijodu, il-grad tal-perikolu attwali tiegħu għas-soċjetà, kif ukoll is-solidità tar-rabtiet soċjali, kulturali u tal-familja mal-imsemmiStat Membru.

L-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal ċittadin tal-Unjoni Ewropea li ma għandux dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti, fis-sens tal-Artikolu 16 u tal-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top