EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0207

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta’ Ottubru 2018.
Kawża mressqa mill-Ministerio Fiscal.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Audiencia Provincial de Tarragona.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 2002/58/KE – Artikoli 1 u 3 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Protezzjoni – Artikoli 5 u 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7 u 8 – Data pproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali għad-data għal finijiet ta’ investigazzjoni – Livell ta’ gravità tal-ksur li jista’ jiġġustifika l-aċċess għad-data.
Kawża C-207/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:788

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 2002/58/KE – Artikoli 1 u 3 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Protezzjoni – Artikoli 5 u 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7 u 8 – Data pproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali għad-data għal finijiet ta’ investigazzjoni – Livell ta’ gravità tal-ksur li jista’ jiġġustifika l-aċċess għad-data”

Fil-Kawża C‑207/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Tarragona (il-Qorti Provinċjali ta’ Tarragona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ April 2016, fil-proċedura mibdija minn

Ministerio Fiscal

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz (Relatur), J. L. da Cruz Vilaça, C. G. Fernlund u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, M. Berger, E. Jarašiūnas u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Jannar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Ministerio Fiscal, minn E. Tejada de la Fuente,

għall-Gvern Spanjol, minn M. Sampol Pucurull, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn A. Brabcová, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren u M. Wolff, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan,, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Irlanda, minn M. Browne, L. Williams u E. Creedon kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn E. Gibson, BL,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas kif ukoll minn E. de Moustier u E. Armoet, bħala aġenti,

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u J. Davidoviča, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn D. Lutostańska u J. Sawicka, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon u C. Brodie, bħala aġenti, assistiti minn C. Knight, barrister, u G. Facenna, QC,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Martínez del Peral u P. Costa de Oliveira kif ukoll minn R. Troosters u D. Nardi, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat mill-Ministerio Fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, Spanja) kontra deċiżjoni tal-Juzgado de Instrucción no 3 de Tarragona (il-Qorti Istruttorja Nru 3 ta’ Tarragona, iktar ’il quddiem il-“Qorti Istruttorja”) li tirrifjuta li l-pulizija ġudizzjarja tingħata aċċess għal data personali miżmuma minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 95/46

3

Skont l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), “ipproċessar ta’ data personali” tfisser, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, “kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita [interkonnessjoni], imblokk, tħassir jew distruzzjoni”.

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, jipprevedi li:

“1.   Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika.”

Id-Direttiva 2002/58

5

Il-premessi 2, 11, 15 u 21 tad-Direttiva 2002/58 jgħidu s-segwenti:

“(2)

Din id-Direttiva tfittex li tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8 [tagħha].

[…]

(11)

Bħad-Direttiva [95/46], din id-Direttiva ma tittrattax kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali relatati ma’ l-attivitajiet li mhumiex regolati mil-liġi Komunitarja. Għaldaqstant ma tbiddilx il-bilanċ eżistenti bejn id-dritt ta’ l-individwu għall-privatezza u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva, neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, difiża, sigurta ta’ l-Istat (li tinkludi il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet huma ta’ materja ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-infurzar tal-liġi kriminali. Konsegwenetement, din id-Direttiva ma taffetwax l-abbiltà ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-interċezzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-iskopijiet u skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, hekk kif interpretati mid-deċi[ż]jonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn il-miżuri għandhom jkunu xierqa, strettament proporzjonali għall-iskop maħsub kif ukoll neċessarji fi ħdan soċjetà demokratika u għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji adegwati skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali.

[…]

(15)

Komunikazzjoni tista’ tinkludi kull informazzjoni dwar l-isem, in-numru, l-indirizz provdut mill-mittent tal-komunikazzjoni jew l-utent ta’ konnessjoni sabiex issir il-komunikazzjoni. Traffic data tista tinkludi kull traduzzjoni ta’ din l-informazzjoni permezz tan-network fejn il-komunikazzjoni hija trasmessa sabiex issir it-trasmissjoni. […]

[…]

(21)

Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġi pprevenut l-aċċess mhux awtorizzat ta’ komunikazzjonijiet sabiex titħares il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni, li tinkludi kemm il-kontenut kif ukoll kull data relatata ma’ din il-komunikazzjoni, permezz ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni u servizzi ta’ telekomunikazzjoni elettroniċi disponibbli pubblikament. Il-leġislazzjoni nazzjonali f’ċerti Stati Membri tipprojbixxi biss l-aċċess intenzjonali mhux awtorizzat għall-komunikazzjonijiet.”

6

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u mira”, jipprevedi li:

“1.   Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippartikularizzaw u jikkomplementaw id-Direttiva [95/46] għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Minbarra hekk, jipprovdu għall-ħarsien ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-abbonati li huma persuni legali.

3.   Din id-Direttiva ma tgħoddx għal attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bħal dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u f’kull każ għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurta ta’ l-Istat (inkluż il-benessere ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet jirrigwardaw affarjiet ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali.”

7

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid-Direttiva [95/46] u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)].

Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

Data dwar it-traffiku’ tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha;

(c)

‘data dwar is-sit’ tfisser data pproċessata f’network ta’ komunikazzjoni elettronika jew minn servizz ta’ komunikazzjoni elettronika, li tindika il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament;

(d)

‘komunikazzjoni’ tfisser informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta’ partijiet permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament. Dan ma jinkludix informazzjoni mibgħuta bħala parti minn servizz ta’ xandir lill-pubbliku fuq network ta’ komunikazzjoni elettronika, ħlief sa fejn l-informazzjoni tista’ tkun relatata ma’ l-abbonat jew utent identifikabbli li jirċievi l-informazzjoni;

[…]”

8

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Servizzi konċernati”, jipprevedi li:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli f’networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fil-Komunità, inklużi n-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-data u l-apparat ta’ identifikazzjoni.”

9

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1).

[…]

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva [95/46], dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. […]”

10

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Data dwar it-traffiku”, jistabbilixxi li:

“1.   Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2.   Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.

[…]”

11

L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva [95/46]”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [95/46]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

Id-dritt Spanjol

Il-Liġi 25/2007

12

L-Artikolu 1 tal-Ley 25/2007 de conservación de datos relativos a las redes comunicaciones electrónicas y a la redes públicas de comunicaciones (il-Liġi 25/2007 dwar iż-Żamma ta’ Data Relatata mal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u man-Netwerks Pubbliċi tal-Komunikazzjonijiet), tat‑18 ta’ Ottubru 2007 (BOE Nru 251, tad‑19 ta’ Ottubru 2007, p. 42517), jistabbilixxi li:

“1.   Din il-liġi għandha l-għan li tirregola l-obbligu tal-operaturi li jżommu d-data ġġenerata jew ipproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew ta’ netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni, kif ukoll l-obbligu li jikkomunikaw din id-data lill-aġenti awtorizzati kull darba li din tintalbilhom permezz tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja neċessarja, għall-finijiet ta’ skoperta, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta’ reati serji previsti fil-Kodiċi Kriminali jew fil-liġijiet kriminali speċjali.

2.   Din il-liġi għandha tapplika għal data dwar it-traffiku u għal data dwar il-lokalizzazzjoni li tikkonċerna kemm il-persuni fiżiċi kif ukoll dawk ġuridiċi, u għad-data relatata meħtieġa sabiex jiġi identifikat l-abbonat jew l-utent irreġistrat.

[…]”

Il-Kodiċi Kriminali

13

L-Artikolu 13(1) tal-Ley Orgánica 10/1995 del Código Penal (il-Kodiċi Kriminali), tat‑23 ta’ Novembru 1995 (BOE Nru 281, tal‑24 ta’ Novembru 1995, p. 33987), huwa fformulat kif ġej:

“Ir-reati serji huma dawk li l-liġi tissanzjona b’piena serja”.

14

L-Artikolu 33 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi li:

“1.   Skont in-natura tagħhom u t-tul taż-żmien tagħhom, il-pieni jiġu kklassifikati bħala serji, inqas serji jew żgħar.

2.   Il-pieni serji huma:

a)

Il-priġunerija għall-għomor li tista’ tiġi riveduta.

b)

Il-priġunerija għal tul taż-żmien ta’ iktar minn ħames snin.

[…]”

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali

15

Wara d-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, il-Ley de Enjuiciamiento Criminal (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) ġie emendat bil-Ley Orgánica 13/2015 de modificación de la Ley de Enjuiciamiento Criminal para el fortalecimiento de las garantías procesales y la regulación de las medidas de investigación tecnológica (il-Liġi Organika 13/2015 dwar l-Emenda tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali bl-Għan li Jissaħħu l-Garanziji Proċedurali u l-Leġiżlazzjoni tal-Miżuri ta’ Investigazzjoni Teknoloġika), tal‑5 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 239, tas‑6 ta’ Ottubru 2015, p. 90192).

16

Din il-liġi daħlet fis-seħħ fis‑6 ta’ Diċembru 2015. Hija tinkorpora, fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-qasam tal-aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet telefoniċi u telematiċi li nżammet mill-fornituri ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

17

L-Artikolu 579(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi Organika 13/2015, jistabbilixxi li:

“1.   Il-qorti tista’ tawtorizza l-interċettazzjoni tal-korrispondenza privata, bil-posta u telegrafika, inklużi faks, Burofax u ordnijiet postali internazzjonali, li l-persuna ssuspettata tibgħat jew tirċievi, kif ukoll il-ftuħ u l-analiżi tagħha jekk ikun hemm indizji li jippermettu li wieħed jaħseb li din tista’ tiżvela jew tivverifika fatt jew fattur rilevanti għall-kawża, meta l-investigazzjoni jkollha bħala għan wieħed mir-reati li ġejjin:

1°)

Reati intenzjonati ssanzjonati b’piena massima mġarrba ta’ mill-inqas tliet snin priġunerija;

2°)

Reati mwettqa fil-kuntest ta’ organizzazzjoni kriminali;

3°)

Reati ta’ terroriżmu.

[…]”

18

L-Artikolu 588 ter j tal-istess kodiċi jipprevedi li:

“1.   Id-data elettronika miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi jew mill-persuni li jipprovdu l-komunikazzjoni skont il-leġiżlazzjoni dwar iż-żamma ta’ data relatata mal-komunikazzjonijiet elettroniċi, jew fuq inizjattiva proprja tagħhom għal raġunijiet kummerċjali jew oħrajn, u li tkun marbuta ma’ proċessi ta’ komunikazzjoni, tista’ tiġi kkomunikata sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura biss b’awtorizzazzjoni ġudizzjarja.

2.   Meta l-għarfien ta’ din id-data jintwera li jkun indispensabbli għall-investigazzjoni, il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni għandha tintalab tawtorizza l-aċċess għall-informazzjoni li tkun tinsab fl-arkivji awtomatizzati tal-fornituri ta’ servizzi, b’mod partikolari għal tfittxija trażversali jew intelliġenti ta’ data, meta jiġu ppreċiżati n-natura tad-data li jkun neċessarju l-għarfien tagħha u r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-komunikazzjoni tagħha.”

Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Hernandez Sierra ressaq ilment quddiem il-pulizija għal serq bi vjolenza, li seħħ fis‑16 ta’ Frar 2015, li matulu huwa korra u insterqulu l-portafoll tiegħu u t-telefon ċellulari tiegħu.

20

Fis‑27 ta’ Frar 2015, il-pulizija ġudizzjarja adixxiet lill-Qorti Istruttorja b’talba intiża sabiex tordna lil diversi fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jikkomunikaw in-numri tat-telefon li kienu ġew attivati, bejn is‑16 ta’ Frar u s‑27 ta’ Frar 2015, flimkien mal-kodiċi dwar l-identità internazzjonali tat-tagħmir mobbli (iktar ’il quddiem il-“kodiċi IMEI”) tat-telefon ċellulari misruq kif ukoll id-data personali dwar l-identità ċivili tal-proprjetarji jew tal-utenti tan-numri tat-telefon li jikkorrispondu għall-kards tas-SIM attivati b’dan il-kodiċi, bħal kunjomhom, isimhom u, jekk ikun il-każ, l-indirizz tagħhom.

21

Permezz ta’ digriet tal‑5 ta’ Mejju 2015, il-Qorti Istruttorja ċaħdet din it-talba. Minn naħa, hija ddeċidiet li l-miżura mitluba ma kinitx utli għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-awturi tal-ksur. Min-naħa l-oħra, hija rrifjutat li tilqa’ din it-talba peress li l-Liġi 25/2007 kienet tillimita t-trażmissjoni tad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għal ksur serju. Skont il-Kodiċi Kriminali, ksur serju jiġi ssanzjonat b’pieni li jċaħħdu l-libertà ta’ iktar minn ħames snin, filwaqt li l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinux jidhru li jikkostitwixxu tali ksur.

22

L-Uffiċċju tal-Prosekutur appella minn dan id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju, billi qies li l-komunikazzjoni tad-data inkwistjoni kellha ssir minħabba n-natura tal-fatti u bis-saħħa ta’ sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), tas‑26 ta’ Lulju 2010, li kienet tirrigwarda każ simili.

23

Il-qorti tar-rinviju tesponi li, wara li ngħata l-imsemmi digriet, il-leġiżlatur Spanjol emenda l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali bl-adozzjoni tal-Liġi Organika 13/2015. Din il-liġi, li hija rilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali, introduċiet żewġ kriterji alternattivi ġodda sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ gravità ta’ ksur. Minn naħa, hemm kriterju sostantiv identifikat permezz ta’ aġir li jikkorrispondi ma’ klassifikazzjonijiet kriminali fejn in-natura kriminali hija speċifika u serja, u li jippreġudika partikolarment l-interessi legali individwali u kollettivi. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur nazzjonali uża kriterju normattiv formali, ibbażat fuq il-piena prevista għar-reat inkwistjoni. Il-limitu ta’ tliet snin priġunerija li huwa jipprevedi issa jkopri, madankollu, il-maġġoranza tar-reati. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-interess tal-Istat li jissanzjona aġir kriminali ma jistax jiġġustifika ndħil sproporzjonat fid-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta.

24

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tqis li, fil-kawża prinċipali, id-Direttivi 95/46 u 2002/58 jistabbilixxu rabta mal-Karta. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ għalhekk, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, minkejja l-annullament tad-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54), permezz tas-sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238).

25

F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ż-żamma u l-komunikazzjoni ta’ data dwar it-traffiku jikkostitwixxu ndħil partikolarment serju fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta u identifikat l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fosthom il-gravità ta’ ksur li tiġġustifika ż-żamma ta’ din id-data u l-aċċess għaliha għal skopijiet investigattivi.

26

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Audiencia Provincial de Tarragona (il-Qorti Provinċjali ta’ Tarragona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-gravità suffiċjenti tar-reati inkwantu kriterju li jiġġustifika l-ksur tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tista’ tiġi identifikata unikament billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-piena li tista’ tiġi imposta fuq ir-reat li jkun qed jiġi investigat jew huwa neċessarju, minbarra dan, li jiġu identifikati fl-aġir li jikkostitwixxi reat livelli partikolari ta’ dannu għal interessi legali individwali jew kollettivi?

2)

Skont il-każ, jekk kienx [kien] konformi mal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha [tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238] inkwantu regoli ta’ stħarriġ strett tad-direttiva [2002/58], l-istabbiliment tal-gravità tar-reat unikament skont il-piena li tista’ tiġi imposta, x’għandu jkun dan il-livell minimu [ta’ din il-piena]? Ikun kompatibbli ma dispożizzjoni ġenerali ta’ limitu ta’ tliet snin priġunerija?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ Mejju 2016, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet sospiża sakemm tingħata s-sentenza fil-kawżi magħquda Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15 (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, EU:C:2016:970, iktar’ il quddiem is-“sentenza Tele2 Sverige u Watson et”). Wara li ngħatat din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju ġiet mistoqsija dwar jekk hija xtaqitx iżżomm jew tirtira t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Bi tweġiba, il-qorti tar-rinviju qalet, permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Frar 2017, li hija kienet qieset li din is-sentenza ma kinitx tippermettilha tevalwa, b’ċertezza suffiċjenti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tkompliet fis‑16 ta’ Frar 2017.

Fuq id-domandi preliminari

28

Il-Gvern Spanjol jeċċepixxi, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari u, min-naħa l-oħra, l-inammissibbiltà ta’ din it-talba.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Spanjol esprima l-opinjoni, sostnuta wkoll mill-Gvern tar-Renju Unit waqt is-seduta, li tgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari għar-raġuni li l-kawża prinċipali hija, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ direttivi. Għaldaqstant, din il-kawża ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-Karta, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, ma hijiex applikabbli.

30

Skont il-Gvern Spanjol, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Tele2 Sverige u Watson et, li miżura leġiżlattiva li tirregola l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58. Madankollu, f’dan il-każ, din hija talba ta’ aċċess ta’ awtorità pubblika, bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni kriminali, għal data personali miżmuma mill-fornituri ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Il-Gvern Spanjol jikkonkludi li din it-talba ta’ aċċess taqa’ taħt l-eżerċizzju, mill-awtoritajiet nazzjonali, ta’ ius puniendi, b’tali mod li tikkostitwixxi attività tal-Istat relatata ma’ oqsma tad-dritt kriminali li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 u fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58.

31

Sabiex tiġi evalwata din l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/58 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li din id-direttiva tipprovdi għall-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali neċessarji sabiex, b’mod partikolari, jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u ta’ libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u għall-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Skont l-Artikolu 1(2) tagħha, l-imsemmija direttiva tispeċifika u tissupplimenta d-Direttiva 95/46 għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

32

L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha “l-attivitajiet ta’ l-Istat” fl-oqsma msemmija, inklużi l-attivitajiet tal-Istat fil-qasam kriminali u fl-oqsma li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà tal-Istat, inkluż il-benessere ekonomiku tal-Istat meta jkunu involuti attivitajiet marbuta mas-sigurtà tal-Istat (sentenza Tele2 Sverige u Watson et, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-attivitajiet imsemmija bħala eżempji huma, f’kull każ, attivitajiet li huma speċifiċi għall-Istati jew għall-awtoritajiet Statali, li ma humiex marbuta mal-oqsma ta’ attività tal-individwi (ara, b’analoġija, għal dak li jirrigwarda l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan Todistajat, C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Fir-rigward tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/58, dan jipprovdi li din id-direttiva tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku fuq in-netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fl-Unjoni, inklużi n-netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-mezzi ta’ ġbir ta’ data u ta’ identifikazzjoni (iktar ’il quddiem is-“servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”). Għaldaqstant, l-imsemmija direttiva għandha titqies bħala li tirregola l-attivitajiet tal-fornituri ta’ tali servizzi (sentenza Tele2 Sverige u Watson et, punt 70).

34

Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-miżuri leġiżlattivi msemmija f’din id-dispożizzjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, anki jekk dawn ikunu marbuta ma’ attivitajiet li huma speċifiċi għall-Istati jew għall-awtoritajiet Statali, li ma humiex marbuta mal-oqsma ta’ attività tal-individwi, u anki jekk l-għanijiet li tali miżuri għandhom jissodisfaw jikkoinċidu sostanzjalment mal-għanijiet segwiti mill-attivitajiet previsti fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58. Fil-fatt, l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva tippreżumi neċessarjament li l-miżuri nazzjonali msemmija fiha jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, peress li din tal-aħħar tawtorizza espliċitament lill-Istati Membri sabiex jadottawhom biss b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minnha. Barra minn hekk, il-miżuri leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirregolaw, għall-finijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, l-attività tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tele2 Sverige u Watson et, punti 72 sa 74).

35

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-imsemmi Artikolu 15(1), moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/58, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, mhux biss miżura leġiżlattiva li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jżommu d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni, iżda wkoll miżura leġiżlattiva li tikkonċerna l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali għad-data miżmuma minn dawn il-fornituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tele2 Sverige u Watson et, punti 75 u 76).

36

Fil-fatt, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tad-data dwar it-traffiku marbuta ma’ dawn il-komunikazzjonijiet, iggarantita fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58, tapplika għall-miżuri meħuda minn kwalunkwe persuna oħra li ma tkunx l-utent, kemm jekk din tkun persuna jew entità privata u kemm jekk tkun entità Statali. Kif tikkonferma l-premessa 21 ta’ din id-direttiva, din hija intiża li tipprekludi “[kull] aċċess” mhux awtorizzat għall-komunikazzjonijiet, inkluż għal “kull data relatata ma’ din il-komunikazzjoni”, bil-għan li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (sentenza Tele2 Sverige u Watson et, punt 77).

37

Għandu jingħad ukoll li miżuri leġiżlattivi li jobbligaw lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jżommu data personali jew jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti aċċess għal din id-data, jimplikaw neċessarjament ipproċessar, minn dawn il-fornituri, tal-imsemmija data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tele2 Sverige u Watson et, punti 75 u 78). Tali miżuri, sa fejn jirregolaw l-attivitajiet tal-imsemmija fornitur, ma jistgħux għalhekk jiġu assimilati ma’ attivitajiet li huma speċifiċi għall-Istati, imsemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58.

38

F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-talba inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha l-pulizija ġudizzjarja talbet awtorizzazzjoni ġudizzjarja sabiex jiksbu aċċess għal data personali miżmuma minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, hija bbażata fuq il-Liġi 25/2007, moqrija flimkien mal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, li tirregola l-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi għal din id-data. Din il-leġiżlazzjoni hija ta’ natura li tippermetti lill-pulizija ġudizzjarja, fil-każ ta’ għoti ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja mitluba fuq din il-bażi, tirrikjedi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha data personali u, b’dan il-mod, iwettqu, fid-dawl tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46, applikabbli fil-kuntest tad-Direttiva 2002/58 skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din tal-aħħar, “ipproċessar” ta’ tali data, fis-sens ta’ dawn iż-żewġ direttivi. Għaldaqstant, l-imsemmija leġiżlazzjoni tirregola l-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u taqa’, konsegwentement, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt mqajjem mill-Gvern Spanjol li jgħid li din it-talba ta’ aċċess tintervjeni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni kriminali ma jistax jirrendi d-Direttiva 2002/58 inapplikabbli għall-kawża prinċipali bis-saħħa tal-Artikolu 1(3) tagħha.

40

Huwa wkoll irrilevanti, f’dan ir-rigward, li t-talba għal aċċess inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża, kif jirriżulta mit-tweġiba bil-miktub tal-Gvern Spanjol għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja u kif ikkonfermat kemm minn dan il-gvern kif ukoll mill-Uffiċċju tal-Prosekutur waqt is-seduta, li jingħata aċċess biss għan-numri tat-telefon li jikkorrispondu għall-kards tas-SIM attivati bil-kodiċi IMEI tat-telefon ċellulari misruq kif ukoll għad-data dwar l-identità ċivili tal-proprjetarji ta’ dawn il-kards, bħal kunjomhom, isimhom u, jekk ikun il-każ, l-indirizz tagħhom, bl-eċċezzjoni tad-data dwar il-komunikazzjonijiet imwettqa b’tali kards tas-SIM u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni li tikkonċerna t-telefon ċellulari misruq.

41

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2002/58 tirregola, bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 3 tagħha, kull ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Barra minn hekk, skont il-punt (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “data dwar it-traffiku” ikopri “data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha”.

42

F’dan l-aħħar rigward, b’mod iktar partikolari għal dak li jirrigwarda d-data dwar l-identità ċivili tal-proprjetarji tal-kards tas-SIM, mill-premessa 15 tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li d-data dwar it-traffiku tista’, b’mod partikolari, tinkludi l-isem u l-indirizz tal-mittent tal-komunikazzjoni jew tal-utent ta’ konnessjoni sabiex issir il-komunikazzjoni. Id-data dwar l-identità ċivili tal-proprjetarji tal-kards tas-SIM tista’, barra minn hekk, tkun neċessarja għall-fatturazzjoni tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pprovduti u għalhekk hija parti mid-data dwar it-traffiku, kif iddefinita fil-punt (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Għalhekk, din id-data taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58.

43

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ammissibbiltà

44

Il-Gvern Spanjol isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli għar-raġuni li hija ma tidentifikax b’mod ċar id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi. Barra minn hekk, it-talba tal-pulizija ġudizzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax l-interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet imwettqa permezz ta’ kards tas-SIM attivati bil-kodiċi IMEI tat-telefon ċellulari misruq, iżda l-ħolqien ta’ rabta bejn dawn il-kards u l-proprjetarji tagħhom, b’tali mod li l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet ma tkunx affettwata. L-Artikolu 7 tal-Karta msemmija fid-domandi preliminari huwa għalhekk irrilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

45

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan Todistajat, C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi biżżejjed punti ta’ fatt u ta’ liġi kemm għall-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domandi preliminari kif ukoll sabiex jinftiehem il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-domandi. B’mod partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-domandi preliminari huma intiżi li jippermettu lill-qorti tar-rinviju tevalwa l-kwistjoni dwar jekk u sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li fuqha hija bbażata t-talba tal-pulizija ġudizzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhiex għan li jista’ jiġġustifika l-ksur tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Issa, skont din l-istess qorti, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58, b’mod li l-Karta hija applikabbli fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, id-domandi preliminari għandhom rabta diretta mas-suġġett tal-kawża prinċipali u għaldaqstant ma jistgħux jitqiesu bħala ipotetiċi.

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari huma ammissibbli.

Fuq il-mertu

48

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data intiża għall-identifikazzjoni tal-proprjetarji tal-kards tas-SIM attivati permezz ta’ telefon ċellulari misruq, bħall-kunjomijiet, l-ismijiet u, jekk ikun il-każ, l-indirizzi ta’ dawn il-proprjetarji, jikkostitwixxi ndħil fid-drittijiet fundamentali ta’ dawn tal-aħħar, stabbiliti f’dawn l-artikoli tal-Karta, li jkun suffiċjentement serju sabiex dan l-aċċess jiġi llimitat, fil-qasam tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, skont liema kriterji għandha tiġi evalwata l-gravità tal-ksur inkwistjoni.

49

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, hekk kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex intiża li jiġi ddeterminat jekk id-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġietx miżmuma minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi b’osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Din it-talba tirrigwarda, kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, biss il-kwistjoni dwar jekk u sa liema punt l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġġustifika l-aċċess ta’ awtoritajiet pubbliċi, bħall-pulizija ġudizzjarja, għal tali data, mingħajr ma l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ aċċess li jirriżultaw mill-Artikolu 15(1) ikunu is-suġġett ta’ din it-talba.

50

B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi dwar l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk il-ksur li fir-rigward tiegħu l-awtoritajiet tal-pulizija jistgħu jiġu awtorizzati, għall-finijiet ta’ investigazzjoni, li jkollhom aċċess għal data personali miżmuma minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ikunx ta’ gravità suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-indħil li jinvolvi tali aċċess fid-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), u Tele2 Sverige u Watson et.

51

Għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ indħil f’dawn id-drittijiet fundamentali, għandu jitfakkar li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 76 u 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għal tali data jikkostitwixxi ndħil fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, irrikonoxxut mill-Artikolu 7 tal-Karta, anki fl-assenza ta’ ċirkustanzi li jippermettu li dan l-indħil jiġi kklassifikat bħala “serju” u mingħajr ma huwa rilevanti jekk l-informazzjoni inkwistjoni dwar il-ħajja privata jkollhiex jew le natura sensittiva jew jekk il-persuna kkonċernata tkunx batiet jew le xi inkonvenjenzi minħabba dan l-indħil. Tali aċċess jikkostitwixxi wkoll indħil fid-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali ggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta, peress li jikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 1/15(Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 124126 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Għal dak li jirrigwarda l-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirregola l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li, b’hekk, tidderoga mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, għandu jitfakkar li l-lista tal-għanijiet li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 hija ta’ natura eżawrjenti, b’tali mod li dan l-aċċess għandu effettivament u strettament jissodisfa wieħed minn dawn l-għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tele2 Sverige u Watson et, punti 90 u 115).

53

Issa, fir-rigward tal-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, għandu jiġi osservat li l-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma tillimitax dan l-għan għall-ġlieda kontra reati serji, iżda ssemmi r-“reati kriminali” b’mod ġenerali.

54

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fir-rigward tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, hija biss il-ġlieda kontra l-kriminalità serja li tista’ tiġġustifika l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għal data personali miżmuma minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet li, meħuda fl-intier tagħha, tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati b’din id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tele2 Sverige u Watson et, punt 99).

55

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja mmotivat din l-interpretazzjoni abbażi tal-fatt li l-għan segwit minn leġiżlazzjoni li tirregola dan l-aċċess għandu jkun marbut mal-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali inkwistjoni li jimplika dan l-aċċes (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tele2 Sverige u Watson et, punt 115).

56

Fil-fatt, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, indħil serju jista’ jiġi ġġustifikat biss, fil-qasam tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, permezz tal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità li għandha tiġi kklassifikata wkoll bħala “serja”.

57

Min-naħa l-oħra, meta l-indħil li jinvolvi tali aċċess ma jkunx serju, l-imsemmi aċċess jista’ jiġi ġġustifikat minn għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ “reati kriminali” b’mod ġenerali.

58

Għalhekk, qabelxejn, għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, l-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li aċċess tal-pulizija ġudizzjarja għad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali jimplika għandux jitqies bħala “serju”.

59

F’dan ir-rigward, it-talba inkwistjoni fil-kawża prinċipali li biha l-pulizija ġudizzjarja qiegħda titlob, għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali, l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja sabiex jingħatalhom aċċess għal data personali miżmuma minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, hija intiża biss sabiex jiġu identifikati l-proprjetarji tal-kards tas-SIM attivati, matul perijodu ta’ tnax-il jum, bil-kodiċi IMEI tat-telefon ċellulari misruq. Kif ġie osservat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, din it-talba hija intiża sabiex jinkiseb aċċess unikament għan-numri tat-telefon li jikkorrispondu għal dawn il-kards tas-SIM kif ukoll għal data dwar l-identità ċivili tal-proprjetarji tal-imsemmija kards, bħal pereżempju kunjomhom, isimhom u, jekk ikun il-każ, l-indirizz tagħhom. Min-naħa l-oħra, din id-data ma tirrigwardax, kif ikkonfermaw kemm il-Gvern Spanjol kif ukoll l-Uffiċċju tal-Prosekutur waqt is-seduta, il-komunikazzjonijiet imwettqa permezz tat-telefon ċellulari misruq u lanqas il-lokalizzazzjoni tiegħu.

60

Għalhekk, jidher li d-data msemmija fit-talba għal aċċess inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti biss li jsir konnessjoni, matul perijodu ddeterminat, bejn il-kards tas-SIM attivati permezz tat-telefon ċellulari misruq u l-identità ċivili tal-proprjetarji ta’ tali kards tas-SIM. Mingħajr kontroverifika mad-data dwar il-komunikazzjonijiet imwettqa permezz ta’ tali kards tas-SIM u mad-data dwar il-lokalizzazzjoni, din id-data ma tippermettix li jsiru magħrufa la d-data, il-ħin, it-tul u d-destinatarju tal-komunikazzjonijiet imwettqa permezz tal-kards tas-SIM inkwistjoni u lanqas il-post jew il-frekwenza tagħhom ma’ ċerti persuni matul perijodu speċifiku. Għalhekk, l-imsemmija data ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati b’din id-data.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aċċess biss għad-data msemmija fit-talba inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kklassifikat bħala ndħil “serju” fid-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati b’din id-data.

62

Kif jirriżulta mill-punti 53 sa 57 ta’ din is-sentenza, l-indħil li aċċess għal tali data jimplika jista’ għalhekk jiġi ġġustifikat mill-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ “reati kriminali” b’mod ġenerali, li għalih tirreferi l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, mingħajr ma huwa neċessarju li tali ksur jiġi kklassifikat bħala “serju”.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data intiża għall-identifikazzjoni tal-proprjetarji tal-kards tas-SIM attivati permezz ta’ telefon ċellulari misruq, bħall-kunjomijiet, l-ismijiet u, jekk ikun il-każ, l-indirizzi ta’ dawn il-proprjetarji, jikkostitwixxi ndħil fid-drittijiet fundamentali ta’ dawn tal-aħħar, stabbiliti f’dawn l-artikoli tal-Karta, li ma huwiex suffiċjentement serju sabiex dan l-aċċess jiġi llimitat, fil-qasam tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data intiża għall-identifikazzjoni tal-proprjetarji tal-kards tas-SIM attivati permezz ta’ telefon ċellulari misruq, bħall-kunjomijiet, l-ismijiet u, jekk ikun il-każ, l-indirizzi ta’ dawn il-proprjetarji, jikkostitwixxi ndħil fid-drittijiet fundamentali ta’ dawn tal-aħħar, stabbiliti f’dawn l-artikoli tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li ma huwiex suffiċjentement serju sabiex dan l-aċċess jiġi llimitat, fil-qasam tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top