EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0191

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-10 ta’ April 2018.
Romano Pisciotti vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 18 u 21 TFUE – Estradizzjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerika ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu – Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u dan l-Istat terz – Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Projbizzjoni ta’ estradizzjoni applikata biss għaċ-ċittadini nazzjonali – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità – Informazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni.
Kawża C-191/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:222

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta’ April 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 18 u 21 TFUE – Estradizzjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerika ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu – Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u dan l-Istat terz – Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Projbizzjoni ta’ estradizzjoni applikata biss għaċ-ċittadini nazzjonali – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità – Informazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑191/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ April 2016, fil-proċedura

Romano Pisciotti

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, J. Malenovský, E. Levits u C.G. Fernlund (Relatur), Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J. C. Bonichot, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Y. BOT

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Lulju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal R. Pisciotti, minn R. Karpenstein, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u M. Hellmann, bħala aġenti, assistiti minn F. Fellenberg, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn M. Browne, L. Williams u E. Creedon kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, barrister,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. M. Tátrai u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, M. A. M. de Ree u M. Gijzen, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Nowak kif ukoll minn K. Majcher, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-21 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Romano Pisciotti, ċittadin Taljan, u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) dwar talba għall-estradizzjoni li tikkonċernah indirizzata lil dan l-Istat Membru mill-Istati Uniti tal-Amerika.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Ftehim UE-USA

3

Il-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika tal-25 ta’ Ġunju 2003 (ĠU 2003, L 181, p. 27, iktar ’il quddiem il-“Ftehim UE-USA”), jispeċifika, fl-Artikolu 1 tiegħu:

“Il-Partijiet Kontraenti jindaħlu, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, li jipprovdu titjib għall-koperazzjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet dwar l-estradizzjoni li japplikaw bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika li jirregolaw l-estradizzjoni ta’ min jikser il-liġi.”

4

Il-Ftehim UE-USA jipprevedi, fl-Artikolu 10 tiegħu, intitolat “It-talbiet għall-estradizzjoni jew għaċ-ċediment magħmula minn numru ta’ Stati”:

“1.   Jekk l-Istat mitlub jirċievi talbiet mill-Istat tat-talba u minn kull Stat jew Stati oħra għall-estradizzjoni ta’ l-istess persuna, jew għall-istess offiża jew għal offiżi differenti, l-awtorità eżekuttiva ta’ l-Istat mitlub għandha tistabbilixxi lil liema Stat, jekk ikun hemm minnhom, trid iċċedi l-persuna.

2.   Jekk Stat mitlub jirċievi talba għal estradizzjoni mill-Istati Uniti tal-Amerika u talba għaċ-ċediment [konsenja] tal-istess persuna skont il-mandat Ewropew għall-arrest, jew għall-istess offiża jew għal offiżi differenti, l-awtorità eżekuttiva tal-Istat mitlub għandha tistabbilixxi lil liema Stat, jekk ikun hemm minnhom, trid iċċedi l-persuna. Għal dan il-għan, l-awtorità kompetenti għandha tkun l-awtorità eżekuttiva ta’ l-Istat Membru mitlub jekk, skond it-trattat bilaterali ta’ l-estradizzjoni fis-seħħ bejn l-Istati Uniti u l-Istat Membru, id-deċiżjonijiet dwar talbiet li jikkompeti bejniethom għandhom isiru minn din l-awtorità; jekk mhux hekk ipprovvdut, l-awtorità kompetenti għandha tiġi nnominata mill-Istat Membru interessat skond l-Artikolu 19.

3.   Meta jkun qiegħed jagħmel id-deċiżjoni tiegħu skont il-paragrafi 1 u 2, l-Istat mitlub għandu jikkunsidra l-fatturi rilevanti kollha, inklużi l-fatturi diġà ddikjarati fit-trattat li japplika tal-estradizzjoni, imma mhux limitati għalihom, u, meta mhux iddikjarati, li ġejjin:

(a)

jekk it-talbiet kenux magħmula wara trattat;

(b)

il-postijiet fejn kienet kommessa kull waħda mill-offiżi;

(ċ)

l-interessi rispettivi ta’ l-Istati li jagħmlu t-talba;

(d)

il-gravità ta’ l-offiżi;

(e)

in-nazzjonalità tal-vittma;

(f)

il-possibbiltà ta’ kull estradizzjoni sossegwenti bejn l-Istati li jagħmlu t-talba; u

(g)

l-ordni kronoloġika li fiha ġew irċevuti t-talbiet mill-Istati li jagħmlu t-talba.”

5

L-Artikolu 17 tal-Ftehim UE-USA, intitolat “In-nuqqas ta’ derogi”, jipprovdi:

“1.   Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-invokazzjoni mill-Istat mitlub ta’ raġunijiet għar-rifjut li jkollhom x’jaqsmu ma’ materja mhux koperta b’dan il-Ftehim skont trattat bilaterali għall-estradizzjoni fis-seħħ bejn Stat Membru u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

2.   Meta l-prinċipji kostituzzjonali, jew id-deċiżjnijiet ġudizzjarji finali li jorbtu Stat Membru jistgħu joħolqu impedimenrt għat-twettiq ta’ l-obbligu tiegħu li jestradixxi, u s-soluzzjoni tal-materja ma tkunx ipprovvduta f’dan il-ftehim jew fi trattat bilatereali applikabbli, għandhom isiru konsultazzjonijiet bejn l-Istat tat-talba u dak mitlub.”

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI

6

Ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwardaw l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jinkludu d-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34).

Id-dritt Ġermaniż

Il-Liġi Fundamentali

7

L-Artikolu 16(2) tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) tat-23 ta’ Mejju 1949 (BGBl 1949, 1), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar’ il quddiem il-“Liġi Fundamentali”), jipprovdi:

“Ebda Ġermaniż ma jista’ jiġi estradit barra mill-pajjiż. Tista’ tinħareġ regola li tidderoga minn dan permezz ta’ liġi sabiex isseħħ l-estradizzjoni lejn Stat Membru […] jew lejn il-qorti internazzjonali, sakemm il-prinċipji ta’ Stat tad-dritt ikunu ggarantiti.”

It-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-Stati Uniti

8

L-Auslieferungsvertrag zwischen der Bundesrepublik Deutschland und den Vereinigten Staaten von Amerika (it-Trattat ta’ Estradizzjoni bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Istati Uniti tal-Amerika) tal-20 ta’ Ġunju 1978 (BGBl. 1980 II, p. 646, iktar ’il quddiem it-“Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-Stati Uniti”) jipprevedi fl-Artikolu 7(1) tiegħu:

“Il-Partijiet Kontraenti ma għandhomx l-obbligu li jestradixxi liċ-ċittadini tagħhom stess. […]”

L-IRG

9

Il-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi dwar l-Għajnuna Legali Internazzjonali fil-Qasam Kriminali) tat-23 ta’ Diċembru 1982 (BGBl.1982 I, p. 2071), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“IRG”), tipprovdi, fl-Artikolu 12 tagħha, intitolat “Awtorizzazzjoni għall-estradizzjoni”:

“[…] l-estradizzjoni tiġi awtorizzata biss jekk il-qorti tiddikjaraha ammissibbli.”

10

L-Artikolu 13 tal-IRG, intitolat “Kompetenza materjali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji jingħataw minn […] l-Oberlandesgericht [il-Qorti Reġjonali Superjuri]. Id-deċiżjonijiet tal-Oberlandesgericht [il-Qorti Reġjonali Superjuri] ma jistgħux jiġu appellati […]”

11

Skont l-Artikolu 23 tal-IRG, intitolat “Deċiżjoni dwar l-oġġezzjonijiet imressqa mill-imputat”:

“L-Oberlandesgericht [il-Qorti Reġjonali Superjuri] tiddeċiedi dwar l-oġġezzjonijiet imressqa mill-imputat kontra l-mandat ta’ arrest għall-finijiet tal-estradizzjoni jew kontra l-eżekuzzjoni tiegħu.”

12

L-Artikolu 74(1) tal-IRG jipprovdi li:

“Il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi jiddeċiedi dwar it-talbiet ta’ assistenza ġudizzjarja reċiproka barranin u dwar il-preżentazzjoni tat-talbiet ta’ assistenza ġudizzjarja reċiproka lil Stati barranin bi ftehim mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u ministeri federali oħra li l-kamp ta’ attività tagħhom ikun affettwat mill-assistenza ġudizzjarja reċiproka. […]”

Il-Kodiċi Kriminali

13

L-Artikolu 7(2) tal-iStrafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali, BGBl. 1998 I, p. 3322) jipprovdi li d-dritt kriminali Ġermaniż huwa applikabbli għal atti mwettqa barra l-Ġermanja “meta l-att ikun prekluż fl-Istat fejn twettaq jew meta l-post fejn twettaq l-att ma jkun jaqa’ taħt ebda ġurisdizzjoni kriminali, u meta l-awtur tiegħu kien barrani fil-mument tal-fatti, instab fit-territorju nazzjonali u, minkejja li l-liġi ta’ estradizzjoni tawtorizza l-estradizzjoni tiegħu skont it-tip ta’ reat, huwa ma jkunx ġie estradit għax ma tkun saret l-ebda talba għall-estradizzjoni fi żmien raġonevoli jew din tkun ġiet miċħuda jew l-estradizzjoni fiha nnifisha ma tkunx tista’ tiġi eżegwita”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

R. Pisciotti huwa ċittadin Taljan. Dan kien suġġett għal investigazzjoni fl-Istati Uniti sa mis-sena 2007 talli pparteċipa fi ftehimiet u akkordji antikompetittivi fl-Istati Uniti u għal talba għall-estradizzjoni għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Amerikani.

15

Fis-26 ta’ Awwissu 2010, inħareġ kontra tiegħu mandat ta’ arrest tal-US District Court for the Southern District of Florida in Fort Lauderdale (il-Qorti Distrettwali tal-Istati Uniti għad-Distrett ta’ Nofsinhar ta’ Florida f’Fort Lauderdale) kif ukoll att ta’ akkuża tal-grand jury ta’ dik il-qorti. R. Pisciotti kien akkużat li għamel parti minn grupp ta’ ħidma magħmul minn rappreżentanti kummerċjali tal-kumpanniji li jipproduċu l-pajpijiet marini, li ħadmu b’mod antikompetittiv billi qasmu s-suq tal-bejgħ ta’ dawn il-pajpijiet, fl-Istat ta’ Florida (l-Istati Uniti) u bnadi oħra, bejn is-sena 1999 u tmiem is-sena 2006.

16

Fis-17 ta’ Ġunju 2013, filwaqt li t-titjira provenjenti min-Niġerja lejn l-Italja waqfet fl-ajruport ta’ Frankfurt am Main (il-Ġermanja), R. Pisciotti ġie arrestat minn aġenti tal-Pulizija Federali tal-Ġermanja.

17

Fit-18 ta’ Ġunju 2013, R. Pisciotti ntbagħat quddiem l-Amtsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti tad-Distrett ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) sabiex tiġi ttrattata t-talba għal arrest imressqa mill-Istati Uniti tal-Amerika. Huwa ddikjara li jopponi estradizzjoni informali ssimplifikata.

18

Fuq il-bażi ta’ digriet mogħti mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) fl-24 ta’ Ġunju 2013, R. Pisciotti nżamm f’detenzjoni provviżorja bil-ħsieb tal-estradizzjoni tiegħu. Fis-7 ta’ Awwissu 2013, l-Istati Uniti tal-Amerika bagħtu lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja t-talba għall-estradizzjoni formali.

19

Fis-16 ta’ Awwissu 2013, l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main) ordnat iż-żamma taħt detenzjoni provviżorja ta’ R. Pisciotti bil-ħsieb ta’ estradizzjoni bħala tqegħid formali taħt detenzjoni sakemm issir l-estradizzjoni.

20

Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Jannar 2014, l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main) iddikjarat li t-talba għall-estradizzjoni ta’ R. Pisciotti kienet ammissibbli.

21

Fis-6 ta’ Frar 2014, R. Pisciotti adixxa lill-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) b’talba għal miżuri provviżorji biex iwaqqaf l-eżekuzzjoni tad-digriet tal-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main) tat-22 ta’ Jannar 2014. Il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) ċaħdet din it-talba b’digriet tas-17 ta’ Frar 2014.

22

Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Frar 2014, R. Pisciotti indika lill-Bundesministerium der Justiz (il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) li l-estradizzjoni tiegħu tmur kontra d-dritt tal-Unjoni sa fejn l-applikazzjoni litterali u limitata għaċ-ċittadini Ġermaniżi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) tal-Liġi Fundamentali tikser il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni.

23

Fis-17 ta’ Marzu 2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja awtorizzat l-estradizzjoni ta’ R. Pisciotti, li ġiet eżegwita fit-3 ta’ April 2014.

24

Fl-istess 17 ta’ Marzu, R. Pisciotti ressaq azzjoni quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) sabiex jistabbilixxi r-responsabbiltà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja talli awtorizzat l-estradizzjoni tiegħu u sabiex jikseb il-kundanna ta’ dan l-Istat Membru għall-ħlas tad-danni.

25

Wara li ammetta l-ħtija tiegħu fil-kuntest tal-proċedura kriminali mibdija kontrih fl-Istati Uniti, R. Pisciotti ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ sentejn, minn liema perijodu tnaqqsu disa’ xhur u nofs detenzjoni li għamel fil-Ġermanja, kif ukoll għal multa ta’ USD 50000 (dollaru Amerikan) (madwar EUR 40818). R. Pisciotti skonta l-piena fil-ħabs fl-Istati Uniti sakemm ġie meħlus fl-14 ta’ April 2015.

26

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija suġġetta għall-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 1(3) u mill-Artikolu 20(3) tal-Liġi Fundamentali, li twettaq l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ awtorizzazzjoni għall-estradizzjoni u li tosserva l-eventwali obbligi tad-dritt internazzjonali. Hija żżid li l-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) iddeċidiet, b’mod partikolari fil-każ ta’ R. Pisciotti, li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet minħabba n-nazzjonalità li tinsab fl-Artikolu 18 TFUE ma tapplikax fir-relazzjonijiet estradizzjonali mal-Istati terzi minħabba li dan il-qasam ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

27

Il-qorti tar-rinviju, b’kuntrast mal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali), tindika li hija jidhrilha li d-dritt tal-Unjoni japplika għal din il-kawża. Hija tenfasizza li R. Pisciotti għamel użu mid-dritt ta’ moviment stabbilit fl-Artikolu 21(1) TFUE meta waqaf fi Frankfurt am Main, waqt it-titjira tiegħu li kienet ġejja min-Niġerja u sejra lejn l-Italja. Iktar minn hekk, l-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti tista’ taqa’ wkoll, fil-fehma tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-Ftehim UE-USA.

28

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan il-kuntest, jekk l-Artikolu 17(2) ta’ dan il-ftehim jistax, madankollu, jinftiehem bħala li jintroduċi eċċezzjoni għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u bħala li jista’, għaldaqstant, jiġġustifika diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità. Madankollu, hija għandha t-tendenza li taħseb li, fid-dawl tad-dritt primarju tal-Unjoni, tali ġustifikazzjoni hija eskluża.

29

Fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk dan il-ksur huwiex “suffiċjentement serju” sabiex jagħti dritt għal kumpens. Hija tindika li ttendi lejn risposta fl-affermattiv billi tenfasizza li, fil-fehma tagħha, dan l-Istat Membru għandu biss marġni ta’ diskrezzjoni estremament imnaqqas, jekk mhux ineżistenti. Hija għandha madankollu dubju f’dan ir-rigward, partikolarment peress li ma kienx hemm ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni meta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ħadet id-deċiżjoni tagħha.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

Estradizzjoni bejn Stat Membru u Stat terz tifforma parti mill-oqsma li, irrispettivament minn kull każ individwali, qatt ma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattati, b’tali mod li ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tad-dritt tal-Unjoni bbażat fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE fil-kuntest tal-applikazzjoni (litterali) ta’ regola tad-dritt kostituzzjonali [f’dan il-każ l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) tal-Liġi fundamentali], li tipprekludi biss l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess lejn Stati terzi?

b)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva: l-ewwel domanda għandha tingħata risposta differenti jekk il-kwistjoni tkun tikkonċerna estradizzjoni bejn Stat Membru u l-Istati Uniti tal-Amerika, ibbażata fuq il-ftehim [UE-USA] dwar l-estradizzjoni?

2)

Sa fejn l-applikazzjoni tat-Trattati ma hijiex eskluża a priori għal dak li jirrigwarda l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti tal-Amerika:

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE kif ukoll il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jkun qed jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE b’mod mhux iġġustifikat jekk, fil-każ ta’ talbiet għall-estradizzjoni li joriġinaw minn Stat terz, jagħmel distinzjoni fuq il-bażi ta’ regola tad-dritt kostituzzjonali [f’dan il-każ l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) tal-Liġi fundamentali] bejn iċ-ċittadini tiegħu u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni billi jestradixxi biss lil dawn tal-aħħar?

3)

Fil-każ li, fil-każijiet imsemmija iktar ’il fuq, jiġi stabbilit ksur tal-projbizzjoni ġenerali ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE:

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, li fih l-awtorizzazzjoni għall-estradizzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti hija neċessarjament suġġetta għall-istħarriġ minn qabel tal-legalità fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, li madankollu l-eżitu tagħha jorbot lill-awtorità biss meta l-estradizzjoni tiġi ddikjarata inammissibbli, ksur serju jista’ jseħħ diġà fil-każ ta’ ksur sempliċi tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, jew huwa neċessarju ksur manifest?

4)

Fil-każ li ksur manifest ma huwiex neċessarju:

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi interpretata fis-sens li ksur suffiċjentement serju f’każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża għandu jiġi eskluż peress li, fl-assenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-każ konkret inkwistjoni (jiġifieri, l-applikabbiltà ratione materiae tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE fil-qasam tal-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti tal-Amerika), l-awtorità eżekuttiva nazzjonali tkun tista’, sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha, tinvoka l-konformità tagħha ma’ deċiżjonijiet mogħtija minn qabel mill-qrati nazzjonali fl-istess kawża?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

31

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ, bħal dak tal-kawża prinċipali, fejn ċittadin tal-Unjoni li jkun ġie suġġett għal talba għall-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti skont il-Ftehim UE-USA jkun ġie arrestat, bil-ħsieb tal-possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ din it-talba, fi Stat Membru li ma jkunx dak li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, is-sitwazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt.

32

F’dan ir-rigward, sa fejn talba għall-estradizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, issir fil-qafas tal-Ftehim UE-USA, wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan il-ftehim ikun applikabbli għaliha.

33

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C-182/15, EU:C:2016:630, punt 30), dwar talba għall-estradizzjoni minn Stat terz li miegħu l-Unjoni ma kkonkludietx ftehim ta’ estradizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk ir-regoli fil-qasam tal-estradizzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri fl-assenza ta’ tali ftehim, is-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jinkludu dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, kif mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE.

34

Hemm lok, għalhekk, li jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-imsemmija sentenza, li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni bħal R. Pisciotti, ċittadin Taljan, li għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-Unjoni billi waqaf fil-Ġermanja fil-vjaġġ ta’ ritorn tiegħu min-Niġerja, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE. Il-fatt li, meta huwa ġie arrestat, huwa kien jinsab biss fi tranżitu fil-Ġermanja ma huwiex tali li jikkonfuta din il-konstatazzjoni.

35

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ċittadin tal-Unjoni li jkun is-suġġett ta’ talba għall-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti jkun ġie arrestat, bil-ħsieb tal-possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ din it-talba, fi Stat Membru li ma jkunx dak li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, is-sitwazzjoni tal-imsemmi ċittadin tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt peress li dan iċ-ċittadin ikun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-Unjoni u din it-talba għall-estradizzjoni tkun saret fil-kuntest tal-Ftehim UE-USA.

Fuq it-tieni domanda

36

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ bħal dak espost fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 18 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil dan l-Istat Membru mitlub milli jistabbilixxi distinzjoni fuq il-bażi ta’ regola tad-dritt kostituzzjonali bejn iċ-ċittadini tiegħu u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra u milli jawtorizza tali estradizzjoni meta huwa ma jippermettix l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess.

37

It-tieni domanda għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Ftehim UE-USA.

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dan il-ftehim, li l-għan tiegħu huwa, skont l-Artikolu 1 tiegħu, li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika fil-qafas tar-relazzjonijiet eżistenti bejn l-Istati Membri u dan l-Istat terz fil-qasam tal-estradizzjoni ma jindirizzax il-kwistjoni, bħala tali, ta’ possibbiltà ta’ differenza fit-trattament, mill-Istat mitlub, bejn iċ-ċittadini tiegħu u ċ-ċittadini ta’ Stati oħra. Barra minn hekk, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 13 tiegħu dwar il-piena tal-mewt, dan il-ftehim ma jipprevedix raġunijiet speċifiċi għar-rifjut ta’ estradizzjoni.

39

Madankollu, l-Artikolu 17 tal-Ftehim UE-USA jipprovdi espressament, fil-paragrafu 1 tiegħu, li Stat Membru, bħala Stat mitlub, jista’ jinvoka, skont trattat bilaterali bejn dan l-Istat u l-Istati Uniti tal-Amerika, raġuni għar-rifjut ta’ estradizzjoni marbuta ma’ kwistjoni li ma hijiex irregolata mill-imsemmi ftehim. Fir-rigward tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-Stati Uniti, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(1) tiegħu jippermetti lill-Istati kontraenti ma jestradixxux liċ-ċittadini tagħhom stess.

40

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 17(2) tal-Ftehim UE-USA, jekk il-prinċipji kostituzzjonali tal-Istat mitlub ikunu ta’ natura li jostakolaw l-eżekuzzjoni tal-obbligu tiegħu ta’ estradizzjoni u la l-Ftehim UE-USA u lanqas it-trattat bilaterali applikabbli ma jippermettu soluzzjoni għall-kwistjoni, għandhom isiru konsultazzjonijiet bejn l-Istat mitlub u l-Istat li għamel it-talba.

41

Dan l-Artikolu 17 jippermetti għalhekk, bħala prinċipju, li Stat Membru jirriżerva, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bilaterali jew tar-regoli tad-dritt kostituzzjonali tiegħu, trattament partikolari għaċ-ċittadini nazzjonali tiegħu billi jipprekludi l-estradizzjoni tagħhom.

42

Madankollu, xorta huwa neċessarju li dan il-poter ikun eżerċitat konformement mad-dritt primarju u, b’mod partikolari, mar-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-ugwaljanza fit-trattament u tal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni.

43

Għalhekk, l-applikazzjoni minn Stat Membru, fuq il-bażi tal-Artikolu 17(1) jew (2) tal-Ftehim UE-USA, ta’ regola ta’ rifjut ta’ estradizzjoni li tinsab fi ftehim bilaterali bejn Stat Membru u l-Istati Uniti tal-Amerika, bħall-Artikolu 7(1) tat-Trattat ta’ Estradizzjoni Ġermanja-Stati Uniti, jew ukoll ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 16 tal-Liġi Fundamentali, li tipprovdi li ebda Ġermaniż ma huwa estradit, għandha tkun konformi mat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-Artikoli 18 u 21 tiegħu.

44

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli nazzjonali ta’ estradizzjoni ta’ Stat Membru li jintroduċu differenza fit-trattament skont jekk il-persuna kkonċernata tkunx ċittadina ta’ dan l-Istat Membru jew ċittadina ta’ Stat Membru ieħor, sa fejn dawn iwasslu sabiex ma jagħtux liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li daħlu fit-territorju tal-Istat mitlub il-protezzjoni kontra l-estradizzjoni li minnha jgawdu iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, jistgħu jaffettwaw il-libertà ta’ moviment fl-Unjoni taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C-182/15, EU:C:2016:630, punt 32)

45

Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-inugwaljanza fit-trattament li tikkonsisti fil-fatt li tiġi permessa l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, bħal R. Pisciotti, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment, fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C-182/15, EU:C:2016:630, punt 33).

46

Tali restrizzjoni għandha tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun proporzjonata mal-għan leġittimament imfittex (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn, C-391/09, EU:C:2011:291, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C-182/15, EU:C:2016:630, punt 34).

47

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuni li jkunu wettqu reat jidħol fil-kuntest tal-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontra dan il-fenomenu. Dan l-għan għandu jitqies, fil-kuntest taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, imsemmija fl-Artikolu 3(2) TUE, bħala ta’ natura leġittima fid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C-182/15, EU:C:2016:630, punt 3637 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Madankollu, miżuri li jirrestrinġu libertà fundamentali, bħal dik prevista fl-Artikolu 21 TFUE, ma jistgħux ikunu ġġustifikati minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi ħlief jekk dawn ikunu neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi li huma intiżi li jiggarantixxu, u dan biss sakemm dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu b’miżuri inqas restrittivi (sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn, C-391/09, EU:C:2011:291, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C-182/15, EU:C:2016:630, punt 38).

49

R. Pisciotti jsostni li, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tipprevedi fid-dritt nazzjonali tagħha, fl-Artikolu 7(2) tal-Kodiċi Kriminali, il-possibbiltà li tiftaħ proċeduri fit-territorju tagħha kontra persuna, li toriġina minn Stat Membru ieħor, meta l-estradizzjoni ma tkunx tista’ tiġi eżegwita, dan l-Istat Membru għandu jagħżel din is-soluzzjoni inqas restrittiva u ma jestradixxihx. Il-Gvern Ġermaniż madankollu jikkontesta l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li fuqha huwa bbażat dan l-argument.

50

F’dan il-każ, madankollu, il-kwistjoni tqum biss fir-rigward ta’ jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħetx taġixxi fir-rigward ta’ R. Pisciotti b’mod li jippreġudika inqas l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi tibagħtu lura lir-Repubblika Taljana minflok testradixxih lejn l-Istati Uniti tal-Amerika.

51

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa importanti li tingħata prijorità lill-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità bil-għan, jekk ikun il-każ, li l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru jingħataw l-opportunità li joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni. Għalhekk, meta Stat Membru li lejh ikun iċċaqlaq ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, jiġi indirizzat b’talba għall-estradizzjoni minn Stat terz li miegħu l-ewwel Stat Membru kkonkluda ftehim ta’ estradizzjoni, dan ikun obbligat jinforma lill-Istat Membru li tiegħu l-imsemmi ċittadin għandu n-nazzjonalità u, jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, jikkonsenjalu lil dan iċ-ċittadin, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sakemm dan l-Istat Membru jkollu l-ġurisdizzjoni, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, sabiex jiftaħ proċeduri kriminali kontra din il-persuna għal fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C-182/15, EU:C:2016:630, punti 4850).

52

Għalkemm din is-soluzzjoni ġiet stabbilita, kif jirriżulta mill-punt 46 tas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C-182/15, EU:C:2016:630), f’kuntest ikkaratterizzat mill-assenza ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam tal-estradizzjoni bejn l-Unjoni u l-Istat terz ikkonċernat, din hija intiża sabiex tapplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-Ftehim UE-Stati Uniti jagħti lill-Istat Membru mitlub is-setgħa li ma jestradixxix liċ-ċittadini tiegħu stess.

53

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata bl-argument imressaq minn ċerti gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, fis-sens li, essenzjalment, il-prijorità mogħtija lil talba għal konsenja fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ talba għall-estradizzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika tneħħi l-effett tar-regola, li tinsab fl-Artikolu 10(2) u (3) tal-Ftehim UE-USA, li permezz tagħha l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mitlub, fil-preżenza ta’ tali talbiet f’kompetizzjoni bejniethom, tiddetermina l-Istat li lilu l-persuna għandha tiġi kkonsenjata fuq il-bażi tal-elementi rilevanti kollha.

54

Fil-fatt, il-possibbiltà li l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni mfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza jostakola talba għall-estradizzjoni lejn pajjiż terz billi jagħti prijorità lil mandat ta’ arrest Ewropew, u dan sabiex tittieħed l-azzjoni li tippreġudika l-inqas id-dritt ta’ moviment liberu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 49), ma hijiex ta’ natura awtomatika. Għalhekk, sabiex jitħares l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuna kkonċernata għall-fatti li hija akkużata bihom fit-talba għall-estradizzjoni, jeħtieġ li l-mandat ta’ arrest Ewropew eventwalment maħruġ minn Stat Membru għajr l-Istat Membru mitlub ikun jirrigwarda tal-inqas dawn l-istess fatti u li, kif jirriżulta mill-punt 50 tas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C-182/15, EU:C:2016:630), l-Istat Membru emittenti jkollu l-ġurisdizzjoni, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, sabiex jiftaħ proċeduri kriminali kontra din il-persuna għal tali fatti anki meta dawn jitwettqu barra mit-territorju tiegħu.

55

F’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha kif ukoll mis-seduta li l-awtoritajiet konsulari tar-Repubblika Taljana nżammew informati bis-sitwazzjoni ta’ R. Pisciotti qabel l-eżekuzzjoni tat-talba għall-estradizzjoni inkwistjoni, mingħajr ma l-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani ma ħarġu mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward ta’ din il-persuna.

56

Hemm lok, għaldaqstant, li għat-tieni domanda tingħata r-risposta li, fil-każ, bħal dak fil-kawża prinċipali, fejn ċittadin tal-Unjoni li jkun is-suġġett ta’ talba għall-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti, fil-kuntest tal-Ftehim UE-USA, ikun ġie arrestat fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu huwa ċittadin, bil-ħsieb tal-possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ din it-talba, l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux lill-Istat Membru mitlub milli jistabbilixxi distinzjoni fuq il-bażi ta’ regola tad-dritt kostituzzjonali bejn iċ-ċittadini tiegħu u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra u milli jawtorizza tali estradizzjoni meta huwa ma jippermettix l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess, sakemm huwa jkun qiegħed minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu dan iċ-ċittadin ikollu n-nazzjonalità f’pożizzjoni li jitolbu l-konsenja ta’ dan iċ-ċittadin fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u dan l-Istat Membru tal-aħħar ma jkun ħa ebda miżura f’dan is-sens.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

57

Fid-dawl tar-risposta għat-tieni domanda, ma hemmx lok li t-tielet u r-raba’ domanda jiġu eżaminati.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ċittadin tal-Unjoni li jkun is-suġġett ta’ talba għall-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti jkun ġie arrestat, bil-ħsieb tal-possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ din it-talba, fi Stat Membru li ma jkunx dak li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, is-sitwazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt peress li l-imsemmi ċittadin ikun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-Unjoni Ewropea u l-imsemmija talba għall-estradizzjoni tkun saret fil-kuntest tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika tal-25 ta’ Ġunju 2003.

 

2)

Fil-każ, bħal dak fil-kawża prinċipali, fejn ċittadin tal-Unjoni li jkun is-suġġett ta’ talba għall-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerika, fil-kuntest tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika tal-25 ta’ Ġunju 2003, ikun ġie arrestat fi Stat Membru li ma jkunx dak li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, bil-ħsieb tal-possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ din it-talba, l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux lill-Istat Membru mitlub milli jistabbilixxi distinzjoni fuq il-bażi ta’ regola tad-dritt kostituzzjonali bejn iċ-ċittadini tiegħu u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra u milli jawtorizza din l-estradizzjoni meta huwa ma jkunx jippermetti l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess, sakemm huwa jkun qiegħed minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu dan iċ-ċittadin ikollu n-nazzjonalità f’pożizzjoni li jitolbu l-konsenja ta’ dan iċ-ċittadin fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u dan l-Istat Membru tal-aħħar ma jkun ħa ebda miżura f’dan is-sens.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top