This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0144
Judgment of the Court (Sixth Chamber) of 1 February 2017.#Município de Palmela v Autoridade de Segurança Alimentar e Económica (ASAE) – Divisão de Gestão de Contraordenações.#Request for a preliminary ruling from the Tribunal Judicial da Comarca de Setúbal.#Reference for a preliminary ruling — Procedures for the provision of information in the field of technical standards and regulations and of rules on Information Society services — Directives 83/189/EEC and 98/34/EC — Draft technical regulation — Notifying the European Commission — Obligations of Member States — Infringement — Consequences.#Case C-144/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-1 ta’ Frar 2017.
Município de Palmela vs Autoridade de Segurança Alimentar e Económica (ASAE) – Divisão de Gestão de Contraordenações.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca de Setúbal.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Direttivi 83/189/KEE u 98/34/KE – Abbozz ta’ regolament tekniku – Komunikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea – Obbligi tal-Istati Membri – Ksur – Konsegwenzi.
Kawża C-144/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-1 ta’ Frar 2017.
Município de Palmela vs Autoridade de Segurança Alimentar e Económica (ASAE) – Divisão de Gestão de Contraordenações.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca de Setúbal.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Direttivi 83/189/KEE u 98/34/KE – Abbozz ta’ regolament tekniku – Komunikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea – Obbligi tal-Istati Membri – Ksur – Konsegwenzi.
Kawża C-144/16.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:76
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
1 ta’ Frar 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proċeduri ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni — Direttivi 83/189/KEE u 98/34/KE — Abbozz ta’ regolament tekniku — Komunikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea — Obbligi tal-Istati Membri — Ksur — Konsegwenzi”
Fil-Kawża C‑144/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca de Setúbal (qorti tad-distrett ta’ Setúbal, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura
Município de Palmela
vs
Autoridade de Segurança Alimentar e Económica (ASAE) – Divisão de Gestão de Contraordenações,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, A. Arabadjiev u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn T. Müller, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braga da Cruz u D. Kukovec, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE, tat‑28 ta’ Marzu 1983, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tan-normi u r-regolamenti tekniċi (ĠU 1983, L 109, p. 8), kif emendata bl-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 83/189”), kif ukoll tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 2, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Município de Palmela (muniċipalità ta’ Palmela, il-Portugall) u l-Autoridade de Segurança Alimentar e Económica (ASAE) – Divisão de Gestão de Contraordenações [Awtorità għas-sigurtà tal-ikel u l-ekonomija (ASAE) –, il-Portugall], dwar multa imposta fuq l-ewwel wieħed, minħabba ksur tar-regoli dwar il-kundizzjonijiet ta’ sigurtà li għandhom jiġu osservati fil-lokalizzazzjoni, fl-implementazzjoni, fil-ħolqien u fl-organizzazzjoni funzjonali tal-ispazji ta’ logħob u ta’ rikreazzjoni kif ukoll tat-tagħmir ta’ rikreazzjoni u tas-superfiċji ta’ impatt. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 83/189
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/189 kien ifformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-direttiva għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:
[…]
[…]
[…]
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċċjali] |
4 |
L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva kien jipprevedi: “Suġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam mal-istandard rilevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġiżlazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz. Fejn ikun xieraq, u għajr jekk ma jkunux diġà bagħtuh b’komunika minn qabel, l-Istati Membri għandhom simultanjament jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet bażiċi leġiżlattivi jew regolatorji interessati prinċipalment u direttament, jekk it-tagħrif ta’ dan it-test ikun meħtieġ biex jistma l-implikazzjonijiet tal-abozz ta’ regolament tekniku. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-abbozz mill-ġdid skont il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq jekk jagħmlu tibdil lill-abbozz li jkollu l-effett li jibdel b’mod sinjifikattiv l-iskop tiegħu, iqassru l-iskeda imfassla oriġinarjament għall-implimentazzjoni, iżidu l-ispeċifikazzjonijiet jew il-ħtiġiet jew jagħmlu lil dawn ta’ l-aħħar iktar stretti. […]” [traduzzjoni mhux uffiċċjali] |
Id-Direttiva 98/34
5 |
Id-Direttiva 98/34, li ħassret id-Direttiva 83/189, kienet tistipula fl-Artikolu 1 tagħha: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:
[…]
[…]
[…]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva kien ifformulat kif ġej: “Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz. Fejn ikun xieraq, u għajr jekk ma jkunux diġà bagħtuh b’komunika minn qabel, l-Istati Membri għandhom simultanjament jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet bażiċi leġislattivi jew regolatorji interessati prinċipalment u direttament, jekk it-tagħrif ta’ dan it-test ikun meħtieġ biex jistma l-implikazzjonijiet ta’ l-abozz ta’ regolament tekniku. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-abbozz mill-ġdid skond il-kondizzjonijiet ta’ hawn fuq jekk jagħmlu tibdil lill-abbozz li jkollu l-effett li jibdel b’mod sinifikanti l-iskop tiegħu, iqassru l-iskeda imfassla oriġinarjament għall-implimentazzjoni, iżidu l-ispeċifikazzjonijiet jew il-ħtiġiet jew jagħmlu lil dawn ta’ l-aħħar iktar stretti. […]” |
Id-dritt Portugiż
7 |
Ir-Regulamento que estabelece as condições de segurança a observar na localização, implantação, conceção e organização funcional dos espaços de jogo e recreio, respetivamente, equipamento e superfícies de impacto (regolament li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ sigurtà li għandhom jiġu osservati fil-lokalizzazzjoni, fl-implementazzjoni, fil-ħolqien u fl-organizzazzjoni funzjonali tal-ispazji ta’ logħob u ta’ rikreazzjoni kif ukoll tat-tagħmir relatat u tas-superfiċji ta’ impatt), anness mad-Decreto-Lei no 379/97 (Digriet Leġiżlattiv Nru 379/97), tas‑27 ta’ Diċembru 1997 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament EJR”), fl-Artikolu 13 tiegħu, intitolat “Informazzjoni utli”, kien jistipula: “Fl-ispazji ta’ logħob u ta’ rikreazzjoni, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi murija f’diversi postijiet, b’mod viżibbli u li jinqara:
|
8 |
L-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament EJR, intitolat “Konformità mar-rekwiżiti ta’ sigurtà”, kien jipprevedi: “1 – Il-konformità mar-rekwiżiti ta’ sigurtà għandha tiġi ċċertifikata mill-produttur jew mill-mandatarju tiegħu, jew mill-importatur stabbilit fl-Unjoni Ewropea, billi juri fuq it-tagħmir u l-ippakkjar tiegħu, b’mod viżibbli, li jinqara u li ma jitħassarx, il-kliem “Konformità mar-rekwiżiti ta’ sigurtà”. 2 – Il-produttur jew il-mandatarju tiegħu, jew l-importatur stabbilit fl-Unjoni Ewropea ta’ tagħmir intiż għall-ispazji ta’ logħob ta’ rikreazzjoni, għandu wkoll juri, b’mod viżibbli, li jinqara u li ma jitħassarx:
[…]” |
9 |
Id-Decreto-Lei no 119/2009 (Digriet Leġiżlattiv Nru 119/2009), tad‑19 ta’ Mejju 2009, emenda r-Regolament EJR, b’mod partikolari l-Artikoli 13 u 16 tiegħu. |
10 |
L-Artikolu 13 tar-Regolament EJR, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 119/2009, jaqra kif ġej: “Fl-ispazji ta’ logħob u ta’ rikreazzjoni, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi murija f’diversi postijiet, b’mod viżibbli u li jinqara:
|
11 |
L-Artikolu 16(2) tar-Regolament EJR, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 119/2009, jiddisponi: “Il-produttur jew il-mandatarju tiegħu, jew l-importatur stabbilit fl-Unjoni Ewropea ta’ tagħmir intiż għall-ispazji ta’ logħob ta’ rikreazzjoni, għandu wkoll juri, b’mod viżibbli, li jinqara u li ma jitħassarx:
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 |
Fil‑25 ta’ Novembru 2010, l-ASAE indirizzat proċess verbali li minnu jirriżulta li l-muniċipalità ta’ Palmela kienet wettqet xi ksur previst u ssanzjonat bir-Regolament EJR, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 119/2009. |
13 |
Fir-risposta ppreżentata fit‑2 ta’ Marzu 2011, il-muniċipalità ta’ Palmela argumentat, prinċipalment, li l-ksur li hija kkritikata għalih ma setax jiġi imputat lilha minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tar-regoli allegatament miksura. Sussidjarjament, fid-dawl tal-gravità negliġibbli ta’ dan il-ksur, din il-muniċipalità enfasizzat li sempliċi twissija kienet tkun biżżejjed bħala sanzjoni għall-imsemmi ksur. |
14 |
Fit‑23 ta’ Ottubru 2013, il-muniċipalità ta’ Palmela rċeviet notifika tad-deċiżjoni tal-ASAE li imponitilha multa unika fl-ammont ta’ EUR 15500, flimkien ma’ EUR 100 bħala spejjeż legali. Fl‑14 ta’ Novembru 2013, hija appellat minn din id-deċiżjoni. |
15 |
Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ April 2014, it-Tribunal Judicial da Comarca de Setúbal (qorti tad-distrett ta’ Setúbal, il-Portugall) iddikjarat inapplikabbli d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(b) u tal-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament EJR, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 119/2009, u, sussegwentement, annullat id-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u ta’ kontradizzjoni bejn il-motivi u d-dispożittiv tagħha. Fit‑30 ta’ Jannar 2016, il-muniċipalità ta’ Palmela rċeviet notifika ta’ deċiżjoni ġdida, li imponitilha multa unika ta’ EUR 10000, flimkien ma’ EUR 100 bħala spejjeż legali. |
16 |
Il-muniċipalità ta’ Palmela appellat minn din id-deċiżjoni ġdida quddiem il-qorti tar-rinviju, filwaqt li staqsietha tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ notifika tar-regolamenti tekniċi stabbilit bid-Direttiva 98/34. |
17 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Istati Membri huma suġġetti, bis-saħħa ta’ din id-direttiva, għall-obbligu li jinnotifikaw kemm ir-regolamenti tekniċi u l-emendi sussegwenti tagħhom kif ukoll it-test tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji bażiċi prinċipali li huma l-iktar assoċjati direttament magħhom. Billi titlaq mill-premessa, ibbażata fuq il-ġurisprudenza nazzjonali, li l-Artikolu 13(b) u l-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament EJR, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 119/2009, jikkostitwixxu regolamenti tekniċi, dik il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ notifika tal-imsemmija regolamenti lill-Kummissjoni. |
18 |
Barra minn hekk, dik il-qorti tqajjem il-kwistjoni jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu huwiex ssanzjonat bl-inapplikabbiltà ta’ dawn ir-regolamenti biss, jew tat-test kollu li jagħmlu parti minnu. |
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Judicial da Comarca de Setúbal (qorti tad-distrett ta’ Setúbal) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
20 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija l-kompetenza ta’ din ta’ l-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan id-dawl, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tat-28 ta’ April 2016, Oniors Bio, C‑233/15, EU:C:2016:305, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, jista’ jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (digriet tal‑14 ta’ Lulju 2016, BASF, C‑456/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:567, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
21 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fil-każ li d-dispożizzjonijiet nazzjonali, bħall-Artikolu 13(b) kif ukoll l-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament EJR, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 119/2009, jikkostitwixxux regolamenti tekniċi fis-sens tad-Direttivi 83/189 u 98/34, jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 83/189 u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li s-sanzjoni tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà tar‑regolamenti tekniċi mhux innotifikati tolqot biss l-imsemmija regoli jew il-leġiżlazzjoni kollha li jagħmlu parti minnha. |
22 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 119/2009 emenda l-Artikolu 13(b) kif ukoll l-Artikolu 16(2) tar-Regolament EJR, filwaqt li ħalla l-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament kif inhu. Il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li l-imsemmija regolamenti nazzjonali jikkostitwixxu regolamenti tekniċi. |
23 |
F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament EJR, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 119/2009, għandu jiġi kkonstatat, bħall-qorti tar-rinviju, li effettivament dan jikkostitwixxi regolament tekniku fis-sens tad-Direttivi 83/189 u 98/34, sa fejn din id-dispożizzjoni tistabbilixxi rekwiżiti imposti fuq prodott għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq u taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kompożizzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ tali prodott. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni taqa’ taħt il-kategorija ta’ “ħtiġiet oħra” fis-sens kemm tal-punt 3 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/189 kif ukoll tal-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34. |
24 |
Għandu jiġi eżaminat jekk tistax tittieħed l-istess konklużjoni fir-rigward tal-Artikolu 13(b) tar-Regolament EJR, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 119/2009, peress li dan id-digriet leġiżlattiv ġie adottat meta d-Direttiva 98/34 kienet diġà fis-seħħ. |
25 |
Għandu jitfakkar f’dan il-kuntest li l-kunċett ta’ “regolament tekniku” ikopri erba’ kategoriji ta’ miżuri, jiġifieri, l-ewwel nett, l-“[i]speċifikazzjoni teknika”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34; it-tieni nett, il-“ħtiġiet oħra”, kif iddefiniti fil-punt 4 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, it-tielet nett, ir-“regola dwar is-servizzi”, imsemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, u, ir-raba’ nett, “il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 1 tal-istess direttiva (sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, Ince, C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 70). |
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat, fl-ewwel lok, li l-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika” jippreżumi li l-miżura nazzjonali neċessarjament tagħmel riferiment għall-prodott jew għall-ippakkjar tiegħu bħala tali u tistabbilixxi għalhekk wieħed mill-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott. Min-naħa l-oħra, meta miżura nazzjonali tipprevedi kundizzjonijiet għall-istabbiliment tal-impriżi, bħal dispożizzjonijiet li jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali għal approvazzjoni minn qabel, dawn il-kundizzjonijiet ma jikkostitwixxux speċifikazzjonijiet tekniċi (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, M. u S., C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Fit-tieni lok, sabiex miżura nazzjonali tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “ħtiġiet oħra” fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, din għandha tikkostitwixxi “kondizzjoni” li tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott ikkonċernat jew it-tqegħid tiegħu fis-suq. Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk tali miżura għandhiex tiġi kklassifikata bħala “kondizzjoni” marbuta mal-użu tal-prodott ikkonċernat jew jekk għall-kuntrarju din hijiex miżura nazzjonali li tappartjeni lil kategorija ta’ regolamenti tekniċi msemmija fil-punt 11 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-appartenenza għal waħda jew l-oħra minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ regolamenti tekniċi ta’ miżura nazzjonali tiddependi mill-portata tal-projbizzjoni stabbilita minn din il-miżura (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, M. u S., C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Fit-tielet lok, il-kunċett ta’ “regola dwar is-servizzi”, imsemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, ikopri biss ir-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, jiġifieri kull servizz ipprovdut b’mezz elettroniku u fuq talba individwali ta’ destinatarju tas-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, M. u S., C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
F’dan il-każ, l-Artikolu 13(b) tar-Regolament EJR, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 119/2009, għamilha obbligatorja li tiġi murija, f’diversi postijiet fl-ispazju ta’ logħob u ta’ rikreazzjoni, l-informazzjoni dwar il-kapaċità massima li jista’ jilqa’ dan l-ispazju. |
30 |
L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li tali dispożizzjoni ma taqax taħt il-kategorija ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, sa fejn huwa stabbilit li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu rekwiżiti u għanijiet ġenerali fil-qasam tas-sigurtà u tal-protezzjoni, mingħajr ma neċessarjament jirreferu għall-prodott ikkonċernat jew għall-imballaġġ tiegħu fihom infushom u, b’hekk, mingħajr ma jistabbilixxu l-karatteristiċi ta’ dan il-prodott, ma jikkostitwixxux speċifikazzjonijiet tekniċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Intercommunale Intermosane u Fédération de l’industrie et du gaz, C‑361/10, EU:C:2011:382, punti 17 u 18). |
31 |
It-tieni nett, l-imsemmija dispożizzjoni lanqas ma taqa’ taħt il-kategorija tar-regoli dwar is-servizzi, imsemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, peress li din ma tirrigwardax servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. |
32 |
Fl-aħħar nett, sabiex jiġi ddeterminat jekk, skont il-każ, dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 13(b) tar-Regolament EJR, kif emendat permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 119/2009, taqax taħt il-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 jew taħt il-punt 11 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi vverifikat jekk din tistax tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-kompożizzjoni jew in-natura tal‑prodott ikkonċernat jew it-tqegħid tiegħu fis-suq, jiġifieri l-istallazzjonijiet fl-ispazji ta’ logħob u ta’ rikreazzjoni, bħala “kondizzjoni” dwar l-użu tal-prodotti kkonċernati, jew jekk din taqax taħt il-kategorija ta’ projbizzjonijiet imsemmija fil-punt 11 tal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva. |
33 |
Minn naħa, huwa stabbilit li dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix “ħtiġiet oħra”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, fid-dawl tan-natura ġenerali tar-rekwiżiti li tipprevedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Intercommunale Intermosane u Fédération de l’industrie et du gaz, C‑361/10, EU:C:2011:382, punt 21). Min-naħa l-oħra, hija ma tinkludix projbizzjonijiet li permezz tagħhom hija tista’ taqa’ fil-kategorija ta’ projbizzjonijiet fil-punt 11 tal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva. |
34 |
F’tali ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjoni, bħall-Artikolu 13(b) tar-Regolament EJR, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 119/2009, ma tikkostitwixxix regolament tekniku fis-sens tad-Direttiva 98/34. |
35 |
F’dak li jirrigwarda s-sanzjoni tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà tar-regolamenti tekniċi li ma ġewx ikkomunikati lill-Kummissjoni, għandu jitfakkar qabel kollox li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 83/189 kien jipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku u li dan l-obbligu nżamm fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34. |
36 |
Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ tali obbligu ta’ notifika huwa ssanzjonat bl-inapplikabbiltà tar-regolamenti tekniċi mhux innotifikati (ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 83/189, is-sentenza tat‑30 ta’ April 1996, CIA Security International, C‑194/94, EU:C:1996:172, punt 54, kif ukoll, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 98/34, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, Ince, C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Fir-rigward tal-portata ta’ tali sanzjoni, minkejja li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 83/189 u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jeħtieġu li jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni l-abbozz ta’ liġi li fih regolamenti tekniċi kollu, l-inapplikabbiltà li tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi obbligu testendi mhux għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ tali liġi, iżda biss għar-regolamenti tekniċi li jkunu jinsabu fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, Ince, C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 68). |
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 83/189 u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sanzjoni tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ regolament tekniku mhux innotifikat, bħall-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament EJR, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 119/2009, tolqot biss l-imsemmi regolament tekniku u mhux il-leġiżlazzjoni kollha li jagħmel parti minnha. |
Fuq l-ispejjeż
39 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE, tat‑28 ta’ Marzu 1983, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tan-normi u r-regolamenti tekniċi, kif emendata bl-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑20 ta’ Lulju 1998, għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sanzjoni tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ regolament tekniku mhux innotifikat, bħall-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regulamento que estabelece as condições de segurança a observar na localização, implantação, conceção e organização funcional dos espaços de jogo e recreio, respetivamente, equipamento e superfícies de impacto (regolament li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ sigurtà li għandhom jiġu osservati fil-lokalizzazzjoni, fl-implementazzjoni, fil-ħolqien u fl-organizzazzjoni funzjonali tal-ispazji ta’ logħob u ta’ rikreazzjoni kif ukoll tat-tagħmir relatat u tas-superfiċji ta’ impatt), anness mad-Decreto-Lei no 379/97 (Digriet Leġiżlattiv Nru 379/97), tas‑27 ta’ Diċembru 1997, kif emendat bid-Decreto-Lei no 119/2009 (Digriet Leġiżlattiv Nru 119/2009), tad‑19 ta’ Mejju 2009, tolqot biss l-imsemmi regolament tekniku u mhux il-leġiżlazzjoni kollha li jagħmel parti minnha. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.