EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0108

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-24 ta’ Mejju 2016.
Paweł Dworzecki.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 4a(1) – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva – Eċċezzjonijiet – Eżekuzzjoni obbligatorja – Sentenza mogħtija f’kontumaċja – Kunċetti ta’ ‘taħrika ta’ persuna’ u ta’ ‘notifika uffiċjali b’mezzi oħra’ – Kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni.
Kawża C-108/16 PPU.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:346

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

24 ta’ Mejju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI — Mandat ta’ arrest Ewropew — Artikolu 4a(1) — Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri — Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni — Raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva — Eċċezzjonijiet — Eżekuzzjoni obbligatorja — Sentenza mogħtija f’kontumaċja — Kunċetti ta’ ‘taħrika ta’ persuna’ u ta’ ‘notifika uffiċjali b’mezzi oħra’ — Kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑108/16 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

Pawel Dworzecki,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, A. Arabadjiev, C. Lycourgos, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Ferreria, Amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ April 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Pawel Dworzecki, minn J. Dobosz u A. de Boon, avukati,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. Bulterman, M. Noort u B. Koopman, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn J. Sawicka u M. Pawlicka, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye, bħala aġenti, assistit minn J. Holmes, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, fis-seduta tal-11 ta’ Mejju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Kwadru 2002/584”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mis-Sad Okregowy w Zielonej Górze (qorti reġjonali ta’ Żielona Góra, il-Polonja) kontra Pawel Dworzecki.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 5 u 7 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 huma redatti kif ġej:

(5)

[...] [L]-introduzzjoni ta’ sistema ġdida simplifikata ta’ ċediment ta’ persuni mogħtija sentenza jew suspettati għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni jew prosekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jagħmel possibbli t-tneħħija tal-komplessità u potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. [...]

[...]

(7)

Billi l-iskop tat-tibdil tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq b’mod sodisfaċjenti mill-Istati Membri qed jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà msejjaħ fl-Artikolu 2 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu tal-aħħar, din id-Deċiżjoni Kwadru ma tmurx ’il hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.”

4

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u ċ-ċediment [l-konsenja] minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru ma għandhiex ikollha l-effett li temenda l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fondamentali u tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat [UE].”

5

Id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 tispeċifika r-raġunijiet tar-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ sentenza Ewropea meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret fil-kawża tagħha. Il-premessi tagħha 1, 2, 4, 6 sa 8 u 14 jiddikjaraw:

“(1)

Id-dritt tal-akkużat li jkun preżenti waqt il-kawża huwa inkluż fid-dritt għal proċess ġust previst fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Qorti ddikjarat ukoll li dan id-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-kawża mhuwiex assolut u li taħt ċerti kondizzjonijiet l-akkużat jista’, bil-volontà tiegħu, espressament jew taċitament iżda inekwivokabbilment, jirrinunzja dak id-dritt.

(2)

Id-diversi Deċiżjonijiet Kwadru li jimplimentaw il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji finali ma jitrattawx b’mod konsistenti l-kwistjoni ta’ deċiżjonijiet li ngħataw wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx personalment. Din id-diversità tista’ tikkomplika l-ħidma tal-prattikant fil-qasam u tfixkel il-kooperazzjoni ġudizzjarja.

[...]

(4)

Hu għalhekk meħtieġ li jingħataw raġunijiet ċari u komuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx personalment. Din id-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tirraffina d-definizzjoni ta’ tali raġunijiet komuni li jippermettu lill-awtorità tal-eżekuzzjoni tesegwixxi d-deċiżjoni minkejja l-assenza tal-persuna fil-kawża, filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt ta’ difiża tal-persuna. Din id-Deċiżjoni Qafas m’hijiex imfassla biex tirregola l-forom u l-metodi, inklużi l-ħtiġiet proċedurali, li huma użati biex jinkisbu riżultati speċifikati fid-Deċiżjoni Qafas, li huma kwistjoni li tirrigwarda l-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.

[...]

(6)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas li temenda Deċiżjonijiet Kwadru oħrajn jistabbilixxu kondizzjonijiet li taħthom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx personalment, m’għandhomx jiġu miċħuda. Dawn huma kondizzjonijiet alternattivi; meta tiġi sodisfatta waħda mill-kondizzjonijiet, l-awtorità emittenti, billi timla t-taqsima korrispondenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew jew taċ-ċertifikat relevanti taħt id-Deċiżjonijiet Kwadru l-oħra, tagħti l-assigurazzjoni li l-ħtiġiet kienu jew ser jiġu sodisfatti, li għandu jkun biżżejjed għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

(7)

Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx personalment, m’għandhomx jinċaħdu jekk hu jew hi kienu ikkonvokati personalment u għaldaqstant kienu b’hekk infurmati bid-data u l-post skedati tal-kawża li rriżultat fid-deċiżjoni, jew jekk hu jew hi fil-fatt irċeviet, b’mezzi oħrajn, informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hu jew hi kienet konxja mill-kawża skedata. F’dan il-kuntest, hu mifhum li l-persuna kellha tirċievi tali informazzjoni “fi żmien debitu”, li jfisser fi żmien biżżejjed li jippermettilha tipparteċipa fil-kawża u teżerċita b’mod effettiv id-dritt ta’ difiża tiegħu jew tagħha.

(8)

Id-dritt għal smigħ xieraq ta’ persuna akkużata huwa ggarantit mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, kif interpretata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan id-dritt jinkludi d-dritt tal-persuna konċernata li tidher personalment waqt il-kawża. Sabiex teżerċita dan id-dritt, il-persuna konċernata teħtieġ li tkun konxja mill-kawża skedata. Skond din id-Deċiżjoni Qafas l-għarfien tal-persuna dwar il-kawża għandu jiġi żgurat minn kull Stat Membru f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, waqt li jkun mifhum li dan għandu jkun konformi mal-ħtiġiet ta’ dik il-Konvenzjoni. F’konformità mal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, meta jkun qed jiġi kkunsidrat jekk il-mod kif l-informazzjoni tingħata hux biżżejjed biex jiżgura l-għarfien tal-persuna dwar il-proċess, tista’ tingħata wkoll, jekk ikun opportun, attenzjoni partikolari lid-diliġenza eżerċitata mill-persuna konċernata sabiex tirċievi informazzjoni indirizzata lilu jew lilha.

[...]

(14)

Din id-Deċiżjoni Qafas hija limitata għar-raffinazzjoni tad-definizzjoni tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent fi strumenti li jimplimentaw il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Għalhekk, dispożizzjonijiet bħal dawk relatati mad-dritt għal kawża mill-ġdid għandhom kamp ta’ applikazzjoni li huwa limitat għad-definizzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet ta’ non-rikonoxximent. Dawn mhumiex imfassla sabiex jarmonizzaw il-leġislazzjoni nazzjonali. Din id-Deċiżjoni Qafas hija mingħajr preġudizzju għall-istrumenti futuri tal-Unjoni Ewropea mfassla biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-liġi kriminali.”

6

L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 ġie inkluż permezz tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 u intitolat “Deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna ma dehritx personalment”. Huwa fformulat kif ġej:

“L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:

a)

fi żmien debitu,

i)

jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;

u

ii)

kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk huwa jew hija ma tidhirx għall-kawża;

[...]”

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

7

L-Overleveringswet (liġi dwar il-konsenja, iktar il quddiem l-“OLW”) ittrasponiet fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584. L-Artikolu 12 ta’ din il-liġi jaqra kif ġej:

“Il-konsenja ma hijiex awtorizzata meta l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa maħsub biex jeżegwixxi sentenza, meta l-akkużat ma deherx personalment għall-proċeduri li wasslu għal din is-sentenza, ħlief jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jindika li, skont ir-rekwiżiti proċedurali tal-Istat Membru emittenti:

a)

L-akkużat kien imħarrek fi żmien utli u għalhekk ġie personalment infurmat bid-data u l-post tal-proċeduri li wasslu għad-deċiżjoni, jew ġie infurmat uffiċjalment u effettivament b’mezzi oħra bid-data u l-post iffissati għal dawn il-proċeduri, b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li kien jaf bil-proċeduri skedati u ġie infurmat li setgħet ukoll tingħata deċiżjoni jekk huwa jonqos milli jidher; jew

[...]”

8

Il-punt D tal-Anness 2 tal-OLW, intitolat “Mudell ta’ mandat ta’ arrest Ewropew imsemmi fl-Artikolu 2(2) tal-OLW” jikkorrispondi mal-punt d) tal-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Fit-30 ta’ Novembru 2015, ir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) ġiet adita mill-officier van justitie bij de rechtbank (prosekutur pubbliku tal-qorti) b’talba għal eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fl-4 ta’ Frar 2015 mis-Sad Okregowy w Zielonej Góra (qorti reġjonali ta’ Zielona Góra, il-Polonja).

10

Dan il-mandat ta’ arrest Ewropew jitlob l-arrest u l-konsenja ta’ Pawel Dworzecki, ċittadin Pollak residenti f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi), għall-finijiet tal-eżekuzzjoni fil-Polonja ta’ tliet sentenzi ta’ ħabs, rispettivament ta’ sentejn, ta’ tmien xhur u ta’ sitt xhur. L-aħħar żewġ sentenzi għadhom iridu jiġu implementati bis-sħih, filwaqt li, fir-rigward tal-ewwel sentenza, seba’ xhur u tnax-il jum ta’ ħabs għadhom iridu jiġu skontati minn Pawel Dworzecki. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda biss il-konsenja għall-eżekuzzjoni tat-tieni sentenza ta’ ħabs.

11

Fir-rigward ta’ din is-sentenza tal-aħħar, il-punt D tal-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew jippreċiża li l-persuna kkonċernata ma dehritx personalment għall-kawża li wasslet għas-sentenza li timponi l-imsemmija piena. L-awtorità ġudizzjarja emittenti tkun, għalhekk, immarkat il-punt 1(b) li jinsab taħt il-punt D tal-formola tal-mandat ta’ arrest li tikkorrispondi mal-punt 3.1(b) tal-punt d) tal-formola annessa mad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 li tapplika fil-każ fejn “il-persuna ma ġietx ikkonvokata personalment iżda [...] tkun ġiet infurmata uffiċjalment u effettivament permezz ta’ mezzi oħra bid-data u l-post iffissati għal din il-kawża, u għalhekk ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata, u kienet infurmata li tista’ tingħata sentenza f’każ ta’ nuqqas ta’ dehra”.

12

Skont l-informazzjoni dwar kif il-kundizzjoni rilevanti ġiet issodisfatta, li għandu jkun speċifikat taħt il-punt 4 li jinsab taħt il-punt d) tal-imsemmija formola, li dan il-mandat ta’ arrest Ewropew jispeċifika, bl-Ingliż, dan li ġej:

“It-taħrika ntbagħtet fl-indirizz mogħti minn Pawel Dworzecki għan-notifika u waslet għand persuna adulta residenti f’dan l-indirizz, in-nannu ta’ Pawel Dworzecki, skont l-Artikolu 132 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali li jipprevedi li ‘fil-każ tal-assenza tad-destinatrju, l-att ta’ proċedura għandu jiġi nnotifikat lil persuna adulta residenti fid-dar tagħha, l-att ta’ proċedura jista’ wkoll jiġi nnotifikat fuq il-proprjetarju jew lis-sindku jew kap tar-raħal, bil-kundizzjoni li dawn il-persuni jimpenjaw ruħhom li jinnotifikaw lid-destinatarju'. Kopja tas-sentenza ġiet ukoll mibgħuta lill-istess indirizz u riċevuta minn persuna adulta residenti f’dan l-indirizz. Pawel Dworzecki barra minn hekk qal li huwa ħati u aċċetta minn qabel is-sentenza proposta mill-Prosekutur Pubbliku.”

13

Il-qorti tar-rinviju tosserva li hija diġà interpretat id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi meta ttrasponiet l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 fis-sens li r-reviżjoni tal-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti a) sa d) ta’ din id-dispożizzjoni għandha ssir meta jittieħed kont tad-dritt tal-Istat Membru emittenti. Għalhekk, b’mod partikolari, meta t-taħrika ngħatat lil residenti fid-dar tal-familja tal-persuna mfittxija, hija ma kinitx tapplika ir-raġuni ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previst fl-Artikolu 12 tal-OLW.

14

Il-qorti tar-rinviju madankollu tistaqsi jekk tali interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali hijiex konformi mal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584. Hija tqis fil-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni, bl-espressjoni “skont ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti” li tippreċedi l-lista ta’ punti minn a) sa d), tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, ried ifisser, b’mod partikolari bil-kwalifikattiv “ulterjuri”, li jenfasizza li d-Deċiżjoni Qafas 2009/299 ma kinitx intiża sabiex tarmonizza d-dritt tal-Istat Membri fil-qasam tal-proċeduri kriminali fir-rigward tas-sentenzi mogħtiija fil-kontumaċja b’mod ġenerali, u l-mod ta’ taħrika fil-kawżi kriminali b’mod partikolari, iżda biss li tipprevedi raġunijiet komuni għal nuqqas ta’ rikonoxximent fir-rigward tad-deċiżjonijiet mogħtija fil-kontumaċja fi kwistjonijiet kriminali. Minn dan isegwi li t-termini li jinsabu fil-punti a) sa d) tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni.

15

Fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dawn il-kunċetti, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-kundizzjonjiet stabbiliti fil-punt a) tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 ma humiex issodisfatti f’dan il-każ, peress li ma ġiex stabbilit li l-informazzjoni dwar id-data u l-post tal-proċess kienu effettivament u uffiċjalment miġjuba għall-attenzjoni ta’ Pawel Dworzecki.

16

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 li hija tipproponi x’aktarx li tkun iktar stretta mir-rekwiżiti li joħorġu mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. Fil-fatt, din l-aħħar qorti, b’mod partikolari fil-punti 99 u 101 tas-sentenza tagħha tal-1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0301JUDoo5658100), timponi biss ir-rekwiżit li l-akkużat ikollu “għarfien tal-kawżi u l-akkużi kontrih”.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-kunċetti ta’

‘fi żmien debitu, [...] kienet ikkonvokata [imħarrka] u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni’

u ta’

‘fi żmien debitu, [...] b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u tal-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit li hija kienet konxja mill-kawża skedata’,

użati fl-Artikolu 4a(1)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni?

2)

Jekk iva,

a)

dawn il-kunċetti awtonomi kif għandhom ġeneralment jiġu interpretati u

b)

każ bħal dak ta’ din il-kawża, li huwa kkaratterizzat mill-fatt li:

skont il-mandat ta’ arrest Ewropew, it-taħrika ġiet innotifikata, fl-indirizz tal-persuna mħarrka, lil persuna adulta residenti fid-dar tagħha li impenjat ruħha tgħaddi t-taħrika lill-persuna mħarrka;

Mingħajr li l-mandat ta’arrest Ewropew ma jistax jiġi ddeterminat jekk u meta dik il-persuna residenti fid-dar effettivament għaddiet it-taħrika lill-persuna mħarrka;

Id-dikjarazzjonijiet magħmula waqt is-seduta quddiem il-qorti tar-rinviju mill-persuna mħarrka ma jippermettux li jiġi ddeterminat jekk din tal-aħħar kinitx informata, fi żmien xieraq, dwar id-data u l-post tal-kawża skedata,

jaqa’ taħt wieħed miż-żewġ kunċetti awtonomi msemmija fl-ewwel domanda?”

Fuq il-proċedura b ’ urġenza

18

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza msemmija fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

19

Insostenn ta’ din it-talba, hija b’mod partikolari invokat il-fatt li Pawel Dworzecki attwalment qed jiġi mċaħħad mil-libertà pendenti l-konsenja effettiva tiegħu lejn ir-Repubblika tal-Polonja.

20

Din il-qorti żżid ukoll li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari jkollhom impatt dirett u determinanti fuq it-tul tad-detenzjoni ta’ Pawel Dworzecki fil-Pajjiżi l-Baxxi, peress li hija ma setgħetx, fl-assenza ta’ risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja, tiddeċiedi fuq il-konsenja tal-persuna kkonċernata għas-sentenzi kollha koperti mill-mandat ta’ arrest Ewropew.

21

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, li taqa’ tal-oqsma li jinsabu fit-Titolu V tat-tielet parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għalhekk huwa jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

22

Fit-tieni lok, rigward il-kriterju dwar l-urġenza, għandha, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tittieħed inkunsiderazzjoni iċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija attwalment imċaħħda mil-libertà u ż-żamma f’detenzjoni tagħha tiddependi fuq is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 24). Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata hija li tiġi evalwata kif inhi fid-data tal-eżami tat-talba sabiex tikseb li d-domanda preliminari hija ssottomessa għall-proċedura b’ urġenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 40).

23

F’dan il-każ, minn naħa waħda, huwa paċifiku li, f’din id-data, Pawel Dworzecki ġie mċaħħad mil-libertà. Min-naħa l-oħra, iż-żamma f’detenzjoni ta’ dan tal-aħħar jiddependi mill-eżitu tal-kawża prinċipali, peress li l-miżura ta’ detenzjoni li kien is-suġġett tagħha kienet ġiet ordnata, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra tiegħu.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl‑10 ta’ Marzu 2016, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-espressjonijiet “kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni” kif ukoll “b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata”, li jidhru f’din id-dispożizzjoni huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni.

26

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 1 tagħha, kif ukoll mill-premessi 5 u 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 din għandha bħala għan li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea tal-estradizzjoni, tat-13 ta’ Diċembru 1957, b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew issuspettati għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ kawżi, peress li din is-sistema tal-aħħar hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Għalhekk, id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 hija intiża li tistabbilixxi sistema ġdida simplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati bi ksur tal-liġi kriminali, sabiex tiġi ffaċilitata u aċċellerata l-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan mogħti lill-Unjoni li ssir żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja billi tiġi bbażata fuq il-grad ta’ fiduċja għolja li għandha teżisti bejn l-Istati Membri (sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jitqies il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozlowski,C‑66/08, EU:C:2008:437, punt 42, kif ukoll tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Axa Belgium, C‑494/14, EU:C:2015:692, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan għalkemm id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, u b’mod partikolari l-Artikolu 4a(1) tiegħu, tinkludi diversi referenzi espliċiti għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, l-ebda waħda minn dawn ir-referenzi għandha x’taqsam mal-kunċetti li jinsabu fl-Artikolu 4a(1)(a)(i).

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif sostnew ukoll il-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitqies li l-espressjonijiet suġġetti tal-ewwel domanda għandhom jinftiehmu bħala kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni u interpretati b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar.

31

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-ġenesi tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 4 ta’ din tal-aħħar, wara li kkonstatat li l-assenza ta’ leġiżlazzjoni uniformi ta’ kwistjonijiet relatati ma’ deċiżjonijiet li ngħataw wara proċess li fiha l-persuna kkonċernata ma dehritx jistgħu, b’mod partikolari, ifixklu l-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien meħtieġ li jiġu pprovduti raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent, preċiżi u komuni, ta’ deċiżjonijiet mogħtija wara proċess li fiha l-persuna kkonċernata ma dehritx personalment, mingħajr ma jipproċedi għal leġiżlazzjoni ta’ forom u ta’ modalitajiet, inklużi r-rekwiżiti proċedurali relatati mad-drittijiet tal-Istati Membri, li huma użati sabiex jinkisbu r-riżultati intiżi fl-imsemmija Deċiżjoni Qafas.

32

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 4a(1)(a)(i), tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjonijiet “ikkonvokata personalment” u kif ukoll “b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata”, f’din id-dispożizzjoni, huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni u għandhom ikollhom interpretazzjoni uniformi fl-Unjoni kollha.

Fuq it-tieni domanda

33

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ta’ taħrika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma kinitx innotifikata direttament lill-persuna kkonċernata iżda li ġiet konsenjata, fl-indirizz ta’ dan tal-aħħar, lil persuna adulta residenti fid-dar tagħha u li impenjat ruħha li tagħtiha lilha, mingħajr mal-mandat ta’ arrest Ewropew jippermetti li tiddetermina jekk u, skont il-każ, meta din il-persuna adulta effettivament għaddiet din it-taħrika lill-persuna kkonċernata.

34

Skont l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza jew ta’ miżura ta’ detenzjoni jekk il-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-proċess li wasslet għad-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-kundizzjonijiet fis-subparagrafi a), b), c) jew d) tal-paragrafu 1 ġew issodisfatti.

35

Minn dan isegwi li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi, bħala prinċipju, hija obbligata li twettaq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, minkejja l-assenza tal-persuna kkonċernata fil-kawża li wasslet għad-deċiżjoni, jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 huma ssodisfatti.

36

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 4a(1)(a)(i), ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun suġġetta għal tali obbligu meta l-persuna kkonċernata “kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni”, jew “b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata”.

37

Wara li kkunsidrat l-għanijiet segwiti mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, kif imfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li l-modalitaijiet tat-taħrika previsti mill-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, min-natura speċifika u komuni tagħhom, huma intiżi sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni u sabiex jippermettu lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni tipproċedi bil-konsenja tal-persuna kkonċernata minkejja l-assenza tagħha fil-proċess li wassal għall-kundanna tagħha, filwaqt li jiġu osservati bis-sħiħ id-drittijiet tad-difiża.

38

Fil-fatt, l-osservanza tal-kundizzjonijiet tat-taħrika msemmija fl-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 huma tali li jiżguraw li l-persuna kkonċernata rċeviet fi żmien utli l-informazzjoni dwar id-data u l-post tal-proċess tagħha u tippermetti ukoll lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni li tikkunsidra li d-drittijiet tad-difiża ġew osservati.

39

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu interpretati l-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584.

40

Il-gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, dak Pollakk u tar-Renju Unit iqisu, essenzjalment, li taħrika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt it-tieni sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584. Fir-rigward tal-għan tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, huma jqisu li taħrika, li, fl-assenza tad-destinatarju tagħħa, ġiet ikkonsenjata lil persuna adulta residenti fid-dar tal-imsemmi destinatarju u li impenjat ruħha li tagħtiha lilha, tippermetti li jitqies li din il-persuna ġiet b’hekk infurmata b’mod legalment suffiċjenti bid-data u l-post tal-proċess tagħha. Il-gvern tar-Renju Unit, b’mod partikolari, jirreferi f’dan ir-rigward għall-premessa 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, skont liema, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, attenzjoni tista’, jekk ikun il-każ, tingħata lid-diliġenza murija mill-persuna kkonċernata li tirċievi informazzjoni indirizzata lilu.

41

Madankollu, skont il‑Kummissjoni Ewropea, taħrika bħal dik fil-kawża prinċipali ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584. Anki jekk din l-istituzzjoni ma teskludix li l-informazzjoni dwar il-ħin u l-post tal-proċess tagħha jistgħu jiġu trażmessi b’mod validu b’mod indirett, permezz ta’ persuni oħra, lill-persuna mħarrka, sakemm ikun stabbilit li din tal-aħħar, kif tirrikjedi din id-dispożizzjoni, hija realment mgħarrfa b’din l-informazzjoni, jibqa’ l-fatt li l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tipprovdi elementi li jistabbilixxu li l-persuna kkonċernata kienet tassew konxja b’din l-informazzjoni. Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tifsira li hija bbażata fuq finzjoni ġuridika mingħajr ma l-awtorità ġudizzjarja emittenti tipprovdi elementi addizzjonali li jistgħu jistabbilixxu li din il-persuna tkun effettivament ġiet infurmata, minn dik l-awtorità, bid-data u bil-post tal-proċess tagħha, ma tistax titqies bħala konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm id-dritt tal-akkużat li jidher personalment waqt il-proċess jikkostitwixxi element essenzjali tad-dritt għal smigħ xieraq, dan ir-rekwiżit ma huwiex assolut. L-akkużat jista’ jirrinunzja għalih, volontarjament, espressament jew b’mod taċitu, bil-kundizzjoni li r-rinunzja hija stabbilita b’mod inekwivoku, u hija sostnuta minn garanziji minimi għall-gravità tar-reat kriminali li għalih l-akkużat huwa mfittex u ma jkunx hemm kunflitt ma’ xi interess pubbliku importanti. B’mod partikolari, il-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq ma jkunx stabbilit, anki jekk l-akkużat ma deherx personalment, ġaladarba huwa kien ġie infurmat bid-data u l-post tal-proċess jew kien irrappreżentat minn avukat, li kien tah mandat sabiex jagħmel dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, C‑399/11, Melloni,EU:C:2013:107, punt 49).

43

Id-dritt għal smigħ xieraq ta’ persuna mħarrka sabiex tidher quddiem qorti kriminali jirrikjedi wkoll li din tal-aħħar kienet ġiet infurmata b’mod li jippermettilha li torganizza d-difiża tagħha b’ mod effikaċi. L-Artikolu 4a(1)(a)(i), tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 ifittex li jilħaq dan il-għan mingħajr ma jispeċifika b’mod eżawrjenti liema mezzi jistgħu jintużaw sabiex jintlaħaq dan il-għan. Fil-fatt, minbarra taħrika fuq il-persuna, il-kundizzjonijiet f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti jekk il-persuna kkonċernata tkun ġiet infurmata uffiċjalment u effettivament bid-data u l-post iffissati għall-proċess tagħha b’“mezzi oħra”.

44

F’dan ir-rigward, kif spjegat fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, din tal-aħħar ma għandhiex bħala għan li tirregola l-livell ta’ dritt fl-Unjoni, il-forom u l-metodi li jagħmlu użu minnhom l-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsenja, inklużi r-rekwiżiti proċedurali applikabbli skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat.

45

L-għan imsemmi hawn fuq tal-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 huwa neċessarjament milħuq b’taħrika effettwata “personalment”, kif ipprovdut fl-ewwel parti tas-sentenza tal-isemmija dispożizzjoni, peress li tali mod ta’ taħrika tiżgura li l-persuna kkonċernata stess tirċievi t-taħrika u, għaldaqstant, ġiet infurmata bid-data u l-post tal-proċess tagħha.

46

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni parti tas-sentenza tal-istess dispożizzjoni, dawn huwa intiżi li jiksbu l-istess livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuna mħarrka, sabiex jiżguraw li għandu l-informazzjoni dwar id-data u l-post tal-proċess tagħha.

47

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, skont liema għandu jiġi stabbilit b’mod inekwivoku li l-persuna kkonċernata “kienet konxja mill-kawża skedata” iċ-ċirkustanza li taħrika ngħatat lil persuna terza li impenjat ruħha li tikkonsenja l-imsemmija taħrika lill-persuna kkonċernata, li din il-persuna hija residenti fid dar jew le tal-imsemmija persuna kkonċernata, ma tissodisfax, waħedha, dawn ir-rekwiżiti. Tali mod ta’ taħrika ma tippermettix fil-fatt li tistabbilixxi b’mod inekwivoku u lanqas il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun “effettivament” irċeviet l-informazzjoni dwar id-data u l-post tal-proċess tagħha lanqas, jekk ikun il-każ, il-mument speċifiku ta’ din it-taħrika.

48

Ċertament, kif osservat mill-Kummissjoni, ma jistax, bħala prinċipju, jiġi eskluż li l-konsenja tat-taħrika lil terza persuna tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584. Madankollu, sabiex jintlaħaq l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi stabbilit b’mod ċar li din il-parti terza tkun effettivament ikkonsenjat it-taħrika lill-persuna kkonċernata.

49

F’dan ir-rigward, hija l-awtorità ġudizzjarja emittenti li għandha tindika, fil-mandat ta’ arrest Ewropew, l-elementi li abbażi tagħhom ġie kkonstatat li l-persuna kkonċernata uffiċjalment u effettivament irċeviet l-informazzjoni dwar id-data u l-post tal-proċess tagħha. Meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiżgura li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4a(1)(a) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 huma ssodisfatti, din tista’ wkoll tinvoka elementi oħra, inklużi ċ-ċirkustanzi li bihom saret taf bil-kuntest tas-smigħ tal-persuna kkonċernata.

50

Barra minn hekk, peress li s-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 tfasslu bħala eċċezzjonijiet għal raġuni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent fakultattiva, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’, fi kwalunkwe każ, anki wara li jiġi kkonstatat li ma jkoprux is-sitwazzjoni inkwistjoni, tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħrajn li jippermettulha tiżgura li l-konsenja tal-persuna kkonċernata ma timplikax ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

51

Fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni tal-imsemmija raġuni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent fakultattiva, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ b’hekk tieħu inkunsiderazzjoni l-imġiba murija mill-persuna kkonċernata. Huwa fil-fatt f’dan l-istadju tal-proċedura ta’ konsenja li attenzjoni speċjali tista’ tingħata għal nuqqas manifest possibbli ta’ diliġenza min-naħa tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari meta jidher li hija fittxet li taħrab in-notifika tal-informazzjoni li ġiet indirizzata lilha.

52

Bl-istess mod, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ wkoll tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza, invokata mill-Gvern Pollakk matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont liema d-dritt nazzjonali tal-Istat Membru emittenti għandu jagħti, fi kwalunkwe każ, lill-persuna kkonċernata d-dritt għal proċess ġdid, meta, bħal f’dan il-każ, in-notifika tat-taħrika hija meqjusa effettwata bil-konsenja ta’ din tal-aħħar f’idejn persuna adulta residenti fid-dar tal-persuna kkonċernata.

53

Fi kwalunkwe każ, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha s-setgħa li titlob b’urġenza, skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, informazzjoni addizzjonali jekk tqis li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti ma hijiex suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-konsenja.

54

Fid-dawl tal--kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jissodisfax waħedha l-kundizzjonijiet f’din id-dispożizzjoni, taħrika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġiet innotifikata mhux direttament lill-persuna kkonċernata iżda ġiet ikkonsenjata, fl-indirizz ta’ dan tal-aħħar, f’idejn persuna adulta residenti fid-dar tagħha li impenjat ruħha li tikkonsenjaha lilha, mingħajr ma l-mandat ta’ arrest Ewropew jippermetti li jiġi żġurat jekk, u jekk ikun il-każ, meta din il-persuna adulta effettivament ikkonsenjat din it-taħrika lill-persuna kkonċernata.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri kif emendata mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas‑26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjonijiet “ikkonvokata personalment” u kif ukoll “b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata”, li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni u għandhom ikollhom interpretazzjoni uniformi fl-Unjoni kollha.

 

2)

L-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584 kif emendata mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma tissodisfax waħedha l-kundizzjonijiet f’din id-dispożizzjoni, taħrika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġiet notifikata mhux direttament lill-persuna kkonċernata iżda ġiet ikkonsenjata, fl-indirizz ta’ dan tal-aħħar, f’idejn persuna adulta residenti fid-dar tagħha li impenjat ruħha li tikkonsenjaha lilha, mingħajr ma l-mandat ta’ arrest Ewropew jippermetti li jiġi żġurat jekk u, f’dan il-każ, meta din il-persuna adulta effettivament ikkonsenjat din it-taħrika lill-persuna kkonċernata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top