EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0647

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati l-20 ta’ Diċembru 2017.
Adil Hassan vs Préfet du Pas-de-Calais.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal administratif de Lille.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Proċeduri ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura – Artikolu 26(1) – Adozzjoni u notifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment qabel l-aċċettazzjoni tal-att għall-finijiet ta’ teħid lura mill-Istat Membru rikjest.
Kawża C-647/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:1018

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fl-20 ta’ Diċembru 2017 ( 1 )

Kawża C‑647/16

Adil Hassan

vs

Préfet du Pas-de-Calais

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal administratif de Lille (il-Qorti Amministrattiva ta’ Lille, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 – Obbligu fuq l-awtoritajiet nazzjonali li jressqu talba ta’ teħid ta’ responsabbiltà biex ma jadottawx deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jiġi aċċettat it-teħid ta’ responsabbiltà mill-Istat mitlub”

1.

L-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jadottaw, fir-rigward ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, u jinnotifikawh b’“deċiżjoni ta’ trasferiment antiċipat”, jiġifieri deċiżjoni li tipprovdi għat-trasferiment tiegħu lejn Stat Membru li dawn l-awtoritajiet identifikaw bħala responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”) ( 2 ) qabel ma dak l-Istat Membru, debitament mitlub minn dawk l-awtoritajiet, jaċċetta t-teħid ta’ responsabbiltà jew it-teħid lura mill-parti kkonċernata?

2.

Dan huwa l-kontenut tad-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mit-tribunal administratif de Lille (il-Qorti Amministrattiva ta’ Lille, Franza) fit-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett tal-kawża odjerna. Din it-talba kienet tqajmet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Adil Hassan, ċittadin Iraqi u l-préfet (prefett) ta’ Pas-de-Calais (Franza), fir-rigward tal-validità tad-deċiżjoni li biha dan tal-aħħar ordna t-trasferiment ta’ A. Hassan lejn il-Ġermanja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3.

Konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Dublin III għandu l-għan li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi ddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mressqa għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (iktar ’il quddiem “l-Istat Membru responsabbli”). Dawn il-kriterji huma stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan l-imsemmi regolament, fl-Artikoli 8 sa 15 u, konformement mal-Artikolu 7(1) ta’ dak l-istess regolament, għandhom jiġu applikati fl-ordni li fih huma stabbiliti. Konformement mal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, meta ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan l-istess regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet issottomessa jkun responsabbli mill-eżami.

4.

Il-Kapitolu V tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi l-obbligi tal-Istat Membru responsabbli. Taħt dan il-kapitolu, l-Artikolu 18(1)(b) jipprovdi li dak l-Istat Membru huwa meħtieġ “jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29 [tal-imsemmi regolament], applikant ( 3 ) li l-applikazzjoni tiegħu tkun taħt eżami u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr document ta’ residenza”. L-Istat Membru responsabbli huwa wkoll meħtieġ, konformement l-Artikolu 18(2) tal-istess regolament, li jeżamina l-applikazzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali jew li jtemm l-eżami.

5.

Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III, “[a]pplikant li jkun preżenti fi Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza jew li hemm iddepożita applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali wara li jirtira l-ewwel applikazzjoni tiegħu magħmula fi Stat Membru ieħor matul il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għandu jittieħed lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, mill-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet l-ewwel iddepożitata, bil-ħsieb li jtemm il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli”.

6.

L-Artikolu 24(1) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi li, meta Stat Membru, li fit-territorju tiegħu persuna msemmija fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), ta’ dak ir-regolament ikun mingħajr dokument ta’ residenza u li dwaru ma tkun ġiet ippreżentata l-ebda applikazzjoni ġdida għall-protezzjoni internazzjonali (iktar ’il quddiem “l-Istat Membru li jagħmel it-talba”), iqis li Stat Membru ieħor huwa responsabbli, skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) tal-istess regolament, jista’ jitlob lil dak l-Istat Membru ieħor sabiex jieħu lura din il-persuna.

7.

Konformement mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III l-Istat Membru mitlub għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa u jagħti deċiżjoni dwar it-talba kemm jista’ jkun malajr, u, fi kwalunkwe każ, sa mhux iktar tard minn xahar mid-data ta’ riċezzjoni tat-talba. Meta t-talba tkun ibbażata fuq data miksuba mis-sistema Eurodac, skont ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 ( 4 ) dan il-limitu ta’ żmien għandu jitnaqqas għal ġimagħtejn. L-Artikolu 25(2) tar-Regolament Dublin III jispeċifika li l-assenza ta’ tweġiba fl-iskadenza tat-terminu ta’ xahar jew tat-terminu ta’ ġimagħtejn imsemmija fl-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament għandu jfisser aċċettazzjoni tat-talba, u tagħti lok għall-obbligu li tittieħed lura l-persuna kkonċernata, inkluż l-obbligu li jiġu pprovduti arranġamenti xierqa għall-wasla tagħha.

8.

L-Artikolu 26 tar-Regolament Dublin III jidher fit-Taqsima IV tal-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament, bl-isem “Salvagwardji proċedurali”. Taħt it-titolu “Notifika tad-deċiżjoni tat-trasferiment”, dan l-artikolu jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 u fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, tiegħu, dan li ġej:

“1.   Meta l-Istat Membru mitlub jaċċetta li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d), l-Istat Membru rikjedenti għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li hija tiġi trasferita lejn l-Istat Membru responsabbli u, fejn xieraq, bid-deċiżjoni li ma jeżaminax l-applikazjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali […]

2.   Id-deċiżjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 għandha tinkludi informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli, inkluż id-dritt ta’ applikazzjoni għal effett sospensiv, fejn applikabbli, u dwar il-limiti ta’ żmien applikabbli biex jintalbu dawn ir-rimedji u biex ikun eżegwit it-trasferiment u, għandha, jekk meħtieġ, tinkludi informazzjoni dwar il-post fejn, u d-data li fiha l-persuna kkonċernata għandha tidher, jekk dik il-persuna tkun ser tivvjaġġa lejn l-Istat Membru responsabbli bil-mezzi tiegħha stess.”

9.

Konformement mal-Artikolu 27(1) u (2) tar-Regolament Dublin III, id-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment għandu dritt effettiv ta’ appell, fi żmien raġonevoli, taħt forma ta’ appell minn dik id-deċiżjoni jew ta’ reviżjoni, fil-fatt u fid-dritt, tagħha quddiem qorti.

10.

L-Artikolu 28(2) tar-Regolament Dublin III, inkluż fit-Taqsima V tal-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament, intitolat “Id-detenzjoni għar-raġunijiet ta’ trasferiment”, huwa fformulat kif ġej:

“Meta jkun hemm riskju sinifikanti li l-persuna taħrab, l-Istati Membri jistgħu jżommu lill-persuna kkonċernata taħt detenzjoni sabiex jiżguraw proċeduri ta’ trasferiment skont dan ir-Regolament, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali u biss sa fejn id-detenzjoni tkun proporzjonali, jekk ma jkunux jistgħu jiġu applikati effettivament miżuri alternattivi oħra inqas koerżivi”

Id-dritt Franċiż

11.

Skont l-Artikolu L. 742‑1 tal-Kodiċi tad-dħul u tar-residenza ta’ persuni barranin u tad-dritt ta’ ażil (iktar ’il quddiem imsejjaħ is-“Ceseda”), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali:

“Meta l-awtorità amministrattiva tqis li l-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil taqa’ taħt il-kompetenza ta’ Stat ieħor li lilu hija għandha l-intenzjoni tressaq talba, il-barrani għandu d-dritt li jibqa’ fit-territorju Franċiż sa tmiem il-proċedura sabiex jiġi ddeterminat l-Istat responsabbli sabiex jeżamina t-talba tiegħu u, fejn xieraq, sakemm iseħħ it-trasferiment effettiv tiegħu lejn dak l-Istat. […]”.

12.

Skont l-Artikolu L. 742‑3 tas-Ceseda:

“Bla ħsara għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 742‑1, il-persuna barranija li l-eżami tal-applikazzjoni tagħha għall-ażil hija r-responsabbiltà ta’ Stat ieħor tista’ tiġi ttrasferita lejn l-Istat responsabbli għal dan l-eżami.

Kull deċiżjoni ta’ trasferiment għandha tkun suġġetta għal deċiżjoni mmotivata bil-miktub meħuda mill-awtorità amministrattiva.

Din id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata. Hija għandha ssemmi l-mezzi u t-termini tal-appell kif ukoll id-dritt li tgħarraf jew li jiġi mgħarraf il-konsulat, rappreżentant legali jew lil kwalunkwe persuna tal-għażla tagħha. Meta l-persuna kkonċernata ma tkunx megħjuna mill-avukat, l-elementi prinċipali tad-deċiżjoni għandhom jiġu kkomunikati lilu f’lingwa li jifhem jew li huwa raġonevolment maħsub li jifhem”.

13.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu I tal-Artikolu L. 742‑4, tas-Ceseda, it-terminu disponibbli għall-maġistrat maħtur mill-president tal-qorti amministrattiva sabiex jiddeċiedi dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment lill-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament Dublin III huwa ta’ ħmistax-il ġurnata, iżda dan il-perijodu, madankollu, ma huwiex preskritt fuq piena ta’ nullità. L-appell minn din id-deċiżjoni huwa sospensiv.

14.

L-Artikolu L. 551‑1, dwar it-tqegħid f’detenzjoni amministrattiva, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li fil-każijiet previsti fil-punti 1 sa 7 tal-paragrafu I tal-Artikolu L. 561‑2 tas-Ceseda, il-barrani jista’, meta jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet, jiġi ddetenut mill-awtorità amministrattiva f’postijiet li ma humiex taħt l-awtorità tal-amministrazzjoni tal-ħabs, għal perijodu ta’ tmienja u erbgħin siegħa. Konformement mal-punt 1 tal-paragrafu I tal-Artikolu L. 561‑2 tas-Ceseda, l-awtorità amministrattiva tista’ tieħu deċiżjoni ta’ arrest domiċiljarju fir-rigward tal-barrani li ma jistax iħalli t-territorju Franċiż minnufih iżda li t-tneħħija tiegħu tibqa’ raġonevoli meta dan il-barrani “jkun suġġett għal deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu L. 742‑3 [tas-Ceseda]”. L-Artikolu L. 742‑5 tas-Ceseda jippreċiża li l-Artikolu L. 551‑1 japplika għall-barrani li huwa suġġett għal deċiżjoni ta’ trasferiment “man-notifika ta’ din id-deċiżjoni”.

Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.

A. Hassan, imwieled fil-5 ta’ Jannar 1991 f’Shingal (l-Iraq), ġie arrestat mis-servizzi tal-pulizija tal-ajru u tal-fruntieri ta’ Pas-de-Calais (Franza) fis-26 ta’ Novembru 2016 waqt li kien fiż-żona ristretta tat-terminal tal-port ta’ Calais (Franza). Konsultazzjoni tal-fajl Eurodac uriet li l-marki tas-swaba’ tiegħu ġew irreġistrati mill-awtoritajiet Ġermaniżi fis-7 ta’ Novembru u fl-14 ta’ Diċembru 2015 bħala persuna li qed tapplika għall-ażil ( 5 ).

16.

Fl-istess ġurnata ta’ din l-indaġni u ta’ din il-konsultazzjoni tal-fajl Eurodac, il-préfet ta’ Pas-de-Calais ressaq talba ta’ teħid lura lill-awtoritajiet Ġermaniżi. Fl-istess ħin, huwa ddeċieda li jittrasferixxi lil A. Hassan lejn il-Ġermanja u jpoġġih f’detenzjoni amministrattiva.

17.

A. Hassan, li lilu ġiet innotifikata din id-deċiżjoni fl-istess ġurnata, ikkontesta, minn naħa, it-tqegħid tiegħu f’detenzjoni amministrattiva mill-juge des libertés et de la détention (l-Imħallef responsabbli mit-tqegħid ta’ persuna f’detenzjoni provviżorja) tat-tribunal de grande instance de Lille (il-Qorti Għolja ta’ Lille, Franza) u, min-naħa l-oħra, talab, lill-qorti tar-rinviju, l-annullament tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali”) ( 6 ) meta ordnat it-trasferiment tiegħu lejn il-Ġermanja.

18.

Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Novembru 2016, l-imħallef responsabbli mit-tqegħid ta’ persuna f’detenzjoni provviżorja, tat-tribunal de grande instance de Lille (il-Qorti Għolja ta’ Lille, Franza), ordna l-ħelsien mill-ordni ta’ detenzjoni fil-konfront ta’ A. Hassan.

19.

Fil-kuntest tar-rikors tiegħu għal annullament, A. Hassan isostni, fost affarijiet oħra, li d-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali tikser l-Artikolu 26 tar-Regolament Dublin III, peress li din id-deċiżjoni ttieħdet u ġiet innotifikata lilu qabel ma l-Istat Membru mitlub, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, wieġeb b’mod espliċitu jew impliċitu għat-talba tal-awtoritajiet Franċiżi. Bħala difiża, il-préfet ta’ Pas-de-Calais isostni li la l-Artikolu 26 tar-Regolament Dublin III u lanqas l-Artikolu L. 742‑3 tas-Ceseda ma jipprekludu li jieħu, sa mit-tqegħid f’detenzjoni, deċiżjoni ta’ trasferiment u li jinnotifikaha lill-persuna kkonċernata, li tista’ teżerċita r-rimedji disponibbli għaliha, skont l-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament. Huwa jsostni li, fi kwalunkwe każ, it-trasferiment ma jistax jitwettaq sakemm l-Istat Membru mitlub ma jkunx aċċetta li jieħu responsabbiltà ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata.

20.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-bażi legali fid-deċiżjoni kkontestata għall-ordni tad-detenzjoni ta’ A. Hassan fil-kawża prinċipali ma hijiex l-Artikolu 28 tar-Regolament Dublin III, iżda l-Artikoli L. 551‑1 u L 561‑2 tas-Ceseda, u li l-préfet ta’ Pas-de-Calais ikkunsidra li, fid-dawl tal-liġi nazzjonali applikabbli, kellu neċessarjament, sabiex ikun jista’ jipproċedi għat-tqegħid f’detenzjoni ta’ A. Hassan, jieħu minn qabel deċiżjoni ta’ trasferiment, mingħajr ma jistenna tweġiba mill-Istat Membru mitlub. Proċedura bħal din tikkorrispondi għal prattika mifruxa tal-awtoritajiet kompetenti Franċiżi.

21.

Din il-qorti tenfasizza wkoll li teżisti ġurisprudenza diverġenti fir-rigward tal-validità ta’ din il-prattika. Filwaqt li xi wħud mill-qrati amministrattivi mitluba jieħdu konjizzjoni tal-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment antiċipati annullaw dawn tal-aħħar minħabba l-ksur tal-Artikolu 26 tar-Regolament Dublin III ( 7 ), oħrajn ikkunsidraw li dan l-artikolu ma pprekludiex lill-awtoritajiet Franċiżi milli jieħdu deċiżjoni u jinnotifikaw lill-persuna kkonċernata qabel it-tweġiba tal-Istat Membru mitlub għat-talba għat-teħid ta’ responsabbiltà jew it-teħid lura mressqa minn dawk l-awtoritajiet ( 8 ).

22.

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li, għalkemm l-interpretazzjoni kemm litterali kif ukoll teleoloġika tal-Artikolu 26 tar-Regolament Dublin III hija fis-sens li deċiżjoni ta’ trasferiment ma tistax tittieħed mill-awtoritajiet tal-Istat Membru u tista’ tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata biss wara l-aċċettazzjoni espressa jew impliċita tal-Istat Membru mitlub, l-adozzjoni u n-notifika lill-persuna kkonċernata ta’ dik id-deċiżjoni ma jipprekludux lil din il-persuna tikkontesta b’mod effettiv id-deċiżjoni msemmija quddiem il-qorti kompetenti, skont kif previst fl-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament. Hija tindika li, fi kwalunkwe każ, din id-deċiżjoni ma tistax tiġi eżegwita qabel it-tweġiba tal-Istat Membru mitlub u tiġi annullata fil-każ li dak l-Istat Membru joġġezzjona li jieħu r-responsabbiltà jew jieħu lura mill-ġdid l-applikant.

23.

Id-deċiżjoni tar-rinviju tippreċiża li A. Hassan ma ressaq ebda applikazzjoni għall-ażil fi Franza.

24.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-tribunal administratif de Lille (il-Qorti Amministrattiva ta’ Lille) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri dwar it-talba ta’ A. Hassan u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 tar-Regolament [Dublin III] jipprekludu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li ressaq talba, quddiem Stat Membru ieħor li huwa jqis bħala l-Istat responsabbli skont il-kriterji stabbiliti mir-Regolament, għat-teħid inkarigu ta’ ċittadin jew għat-teħid lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew ta’ persuna mingħajr Stat li ppreżentat applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha għadha ma tteħditx deċiżjoni finali jew ta’ persuna oħra msemmija fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d) tar-Regolament, milli jieħdu deċiżjoni ta’ trasferiment u jinnotifikawha lill-persuna kkonċernata qabel l-aċċettazzjoni ta’ dan l-inkarigu ta’ ċittadin jew dan it-teħid lura mill-Istat mitlub?”

25.

Ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

Analiżi

Osservazzjonijiet preliminari

26.

Qabel ma ngħaddi għall-analiżi tad-domanda preliminari, għandhom isiru żewġ kjarifiki dwar il-kuntest fattwali u legali tal-kawża prinċipali.

27.

Fl-ewwel lok, ninnota li għalkemm, fid-database Eurodac, A. Hassan huwa mniżżel bħala persuna li applika għall-ażil fil-Ġermanja, jidher minn qari tal-proċess tal-kawża prinċipali ppreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-proċedura sabiex huwa jista’ jitqies formalment bħala persuna li applikat għall-ażil f’dak l-Istat Membru ma ġietx iffinalizzata ( 9 ).

28.

Mingħajr dubju, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi kriterju wiesa’ ħafna biex jiddetermina l-mument minn meta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali titqies li saret fi Stat Membru għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament ( 10 ). Għalhekk, għal dan il-għan, huwa biżżejjed li “formola sottomessa mill-applikant jew rapport ippreparat mill-awtoritajiet [tkun waslet] għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat”. Barra minn hekk, fil-każ ta’ A. Hassan, jista’ verosimilment jiġi preżunt li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti, anki fin-nuqqas tat-tressiq minn dan tal-aħħar ta’ applikazzjoni formali għall-ażil fil-Ġermanja ( 11 ), b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li hu ġie indikat fid-database Eurodac bħala persuna li qed tapplika għall-ażil f’dak l-Istat Membru ( 12 ). Jibqa’ l-fatt madankollu li la d-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas id-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali ma jispeċifikaw fuq liema subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Dublin III ġiet ibbażata t-talba indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għat-teħid lura ta’ A. Hassan ( 13 ).

29.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex dubju li r-Regolament Dublin III japplika għall-każ ta’ A. Hassan u li hija ma għamlitx domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, jiena se nassumi, għall-iskopijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, li s-sitwazzjoni ta’ A. Hassan taqa’ taħt l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III (applikant li l-applikazzjoni tiegħu qed tiġi eżaminata u li qiegħed mingħajr permess ta’ residenza, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor) u li t-talba għat-teħid lura lejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mill-awtoritajiet Franċiżi ġiet ippreżentata skont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament (tressiq ta’ talba għat-teħid lura meta ma tkun ġiet ippreżentata l-ebda applikazzjoni ġdida fl-Istat Membru li jagħmel it-talba).

30.

Fit-tieni lok, nosserva li, wara t-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża, il-cour d’appel (il-Qorti tal-Appell ta’ Douai, Franza), adita b’appell minn sentenza tat-tribunal administratif de Lille (il-Qorti Amministrattiva ta’ Lille) biex tannulla deċiżjoni ta’ trasferiment antiċipat adottata mill-préfet ta’ Pas-de-Calais f’ċirkustanzi analogi għal dawk fil-kawża prinċipali, għamlet lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) sensiela ta’ mistoqsijiet dwar, fost affarijiet oħra, il-legalità ta’ dan it-tip ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-Artikoli L. 742‑2 u L. 742‑3 tas-Ceseda. Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ta l-opinjoni tiegħu fid-19 ta’ Lulju 2017 ( 14 ), billi ddikjara, f’dan ir-rigward, li deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli “tista’ tittieħed, u a fortiori tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata, biss wara t-teħid ta’ responsabbiltà mill-Istat mitlub”. L-intervent tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) għandu għaldaqstant iwaqqaf il-prassi amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 15 ), kif ukoll id-differenzi fil-ġurisprudenza msemmija mill-qorti tar-rinviju.

31.

Jixraq li ssir osservazzjoni preliminari finali, din id-darba bl-esklużjoni taċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32.

Jekk ir-riforma tas-sistema ta’ Dublin prevista mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal regolament li jemenda r-Regolament Dublin III tiġi adottata ( 16 ), id-domanda preliminari magħmula mit-tribunal administratif de Lille (il-Qorti Amministrattiva ta’ Lille) titlef l-interess tagħha fir-rigward tal-proċeduri ta’ teħid lura. L-Artikolu 26 ta’ din il-proposta fil-fatt jipprovdi għas-sostituzzjoni ta’ talbiet ta’ teħid lura b’“notifiki ta’ teħid lura”, li ma jirrikjedux tweġiba mill-Istat Membru mitlub iżda sempliċi konferma tal-irċevuta. Għalhekk, l-Artikolu 27 ta’ din il-proposta jemenda l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III, li l-bqija tal-kliem tiegħu jibqa’ sostanzjalment l-istess filwaqt li jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għal proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà biss. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-proċeduri ta’ teħid lura, l-Artikolu 27(2) ta’ din il-proposta jipprevedi li “l-Istat Membru fejn tkun tinsab il-persuna konċernata għandu jinnotifika lill-persuna konċernata bil-miktub mingħajr dewmien dwar id-deċiżjoni li tiġi ttrasferita lejn l-Istat Membru responsabbli”.

Fuq id-domanda preliminari

33.

Permezz tad-domanda tagħha, it-tribunal administratif de Lille (il-Qorti Amministrattiva ta’ Lille) tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III jipprekludix li l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tadotta u tinnotifika lill-applikant għall-protezzjoni internazzjonali deċiżjoni li tiddisponi dwar it-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru li hija tikkunsidra bħala responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III qabel ma dan l-aħħar Stat ikun ta l-kunsens espliċitu jew impliċitu tiegħu għat-teħid ta’ responsabbiltà jew it-teħid lura tal-imsemmi applikant.

34.

Il-partijiet ikkonċernati kollha li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja huma tal-fehma li l-interpretazzjoni litterali tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III twassal għall-konklużjoni li d-deċiżjoni ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli tista’ tiġi nnotifikata biss lill-persuna kkonċernata wara li dak l-Istat ikun aċċetta, espliċitament jew impliċitament, it-teħid ta’ responsabbiltà jew it-teħid lura tagħha.

35.

Jiena tal-istess fehma. Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni huwa ċar. Prattikament fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, l-użu ta’ konġunzjoni li tintroduċi klawżola subordinata kundizzjonali jew temporali ( 17 ) mingħajr ambigwità jindika l-istabbiliment ta’ ordni proċedurali u kronoloġika preċiża bejn, minn naħa, l-aċċettazzjoni tal-Istat Membru mitlub u, min-naħa l-oħra, in-notifika tad-deċiżjoni ta’ trasferiment lill-persuna kkonċernata. L-Istat Membru li jagħmel it-talba għandu jagħmel din in-notifika biss jekk (u għalhekk neċessarjament wara li) l-Istat Membru responsabbli jkun irrisponda favorevolment għat-talba ta’ responsabbiltà jew teħid lura, jew jekk it-terminu għal tali risposta jkun skada, li jwassal għal ftehim impliċitu.

36.

Il-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III jirrifletti wkoll l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif jidher mix-xogħol preparatorju ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għar-riformulazzjoni tar-Regolament Dublin II ( 18 ), li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Dublin III ( 19 ) (iktar ’il quddiem il-“proposta tal-Kummissjoni għal Regolament”), semmiet ir-rekwiżit li “tispeċifika aktar” il-proċedura għan-notifika tad-deċiżjoni ta’ trasferiment lill-persuna kkonċernata. Id-dokument abbozzat mis-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanja din il-proposta jindika li d-dettalji li għandhom jiġu pprovduti għandhom jirrigwardaw iż-“żmien, il-forma u l-kontenut ta’ din in-notifika” ( 20 ). Skont dawn l-indikazzjonijiet, l-Artikolu 25(1) ta’ din il-proposta ddefinixxa proċedura ta’ notifika unika ‐ valida kemm fil-proċedura għat-teħid ta’ responsabbiltà tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll dik tat-teħid lura ( 21 ) ‐ li għandha bħala għan id-“deċiżjoni ta’ trasferiment” tal-persuna kkonċernata lill-Istat Membru responsabbli ( 22 ). Dan l-artikolu kien redatt kważi fl-istess termini bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III, u matul il-proċess leġiżlattiv kien suġġett għal emendi ta’ importanza minuri ( 23 ).

37.

Minkejja l-assenza ta’ ambigwità fit-test tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III, il-Kummissjoni tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, sabiex tirrispondi d-domanda preliminari billi tiddikjara li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix l-adozzjoni u n-notifika ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment antiċipat. Tali soluzzjoni hija, fil-fehma tagħha, konsistenti mal-għan ewlieni tar-Regolament Dublin III – li jikkonsisti f’li jiġi stabbilit metodu effettiv għad-determinazzjoni rapida tal-Istat Membru responsabbli, filwaqt li jiġu preklużi movimenti sekondarji tal-applikant għall-ażil ‐ u li ma tippreġudikax id-drittijiet tal-persuni kkonċernati.

38.

F’dan ir-rigward, qabel kollox nosserva li, għalkemm ma saritilhiex domanda dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, f’sentenza reċenti mogħtija wara t-tmiem tal-proċedura bil-miktub fil-kawża li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III, deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata biss wara li l-Istat Membru mitlub ikun aċċetta t-teħid ta’ responsabbiltà jew it-teħid lura tagħha ( 24 ). L-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni għalhekk tidher li diġà ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja.

39.

Indipendentement minn dan, din l-interpretazzjoni bl-ebda mod ma tikkonvinċini, qabel kollox minn perspettiva metodoloġika.

40.

Ċertament huwa minnu, kif fakkret il-Kummissjoni, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 25 ). Madankollu, niddubita li l-użu ta’ argumenti ta’ natura sistematika jew teleoloġika jista’ jwassal sabiex tali dispożizzjoni tingħatalha tifsira radikalment differenti, jekk mhux opposta, għal dik li toħroġ mit-test ċar tagħha, u dan anki meta tali operazzjoni għandha, ipotetikament, tirriżulta f’riżultat koerenti mal-għanijiet tal-att li fih qiegħda dik id-dispożizzjoni.

41.

Sussegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, jiena tal-fehma li analiżi sistematika u teleoloġika tappoġġja l-interpretazzjoni li toħroġ mill-kliem mhux ambigwu tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III.

42.

Fl-ewwel lok, filwaqt li mill-Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li l-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli jispiċċa biss bit-trasferiment tal-applikant lejn dak l-Istat, il-Kapitolu VI, Taqsimiet II u III, ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-proċeduri applikabbli rispettivament “biex jittieħed inkariġu” u “talbiet biex jittieħed lura”, li huma ppreżentati bħala passi interni f’dak il-proċess. Issa, dawn il-proċeduri jibdew bit-tressiq ‐ mill-Istat Membru li fi ħdanu tressqet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali (Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament) jew tal-Istat Membru li fi ħdanu persuna msemmija fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) tal-istess regolament ressqet applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali (Artikolu 23 tal-istess regolament) jew li tinsab fit-territorju tiegħu (Artikolu 24 tal-istess regolament) ‐ ta’ talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura indirizzata lill-Istat Membru meqjus responsabbli u tintemm biss bit-tweġiba, espliċita jew impliċita, ta’ dak l-Istat. Huwa biss meta jitlestew dawn il-proċeduri li jkun possibbli li wieħed jgħaddi għall-istadju finali tal-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, jiġifieri t-trasferiment tal-persuna kkonċernata (Artikolu 29 tal-istess regolament), li ma jistax jinbeda sakemm tingħata deċiżjoni finali dwar l-appell jew ir-reviżjoni mid-deċiżjoni tat-trasferiment, jekk jingħata effett sospensiv. It-Taqsima IV tal-istess Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III, li fih jinsab l-Artikolu 26, hija mqiegħda wara t-taqsimiet iddedikati għall-proċeduri deskritti iktar ’il fuq u qabel it-Taqsima VI. Fis-sistema ta’ dan il-kapitolu, in-notifika tad-deċiżjoni ta’ trasferiment (Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament) u l-eżerċizzju tad-dritt ta’ appell (Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament) huma stadji (eventwali) tal-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jintervjenu biss meta u jekk il-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet II u III tal-istess kapitolu jitlestew bil-ftehim, espliċitu jew impliċitu, tal-Istat Membru mitlub.

43.

Fit-tieni lok, tali interpretazzjoni sistematika hija kkonfermata mill-analiżi tat-termini użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Filwaqt li l-Artikoli 22 u 25 tar-Regolament Dublin III jużaw il-frażi “Stat Membru mitlub” sabiex jindikaw l-Istat Membru li lilu ġiet indirizzata talba għat-teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura, liema talba tkun għadha ma ġietx imwieġba, l-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament juża l-espressjoni l-“Istat Membru responsabbli” sabiex jindika l-Istat Membru li lejh huwa maħsub it-trasferiment tal-persuna kkonċernata. Din id-diversità terminoloġika timmarka, b’mod evidenti, it-tranżizzjoni lejn stadju proċedurali fil-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli, li huwa iktar tard minn dawk deskritti fil-Kapitolu VI, Taqsimiet II u III, tar-Regolament Dublin III, tranżizzjoni li sseħħ meta l-Istat Membru mitlub jaqbel li jieħu jew jieħu lura lill-persuna kkonċernata.

44.

Fit-tielet lok, ninnota li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Dublin III jgħid li d-deċiżjoni ta’ trasferiment imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu fiha informazzjoni, inter alia, “dwar il-limiti ta’ żmien applikabbli […] biex ikun eżegwit it-trasferiment u, għandha, jekk meħtieġ, tinkludi informazzjoni dwar il-post fejn, u d-data li fiha l-persuna kkonċernata għandha tidher, jekk dik il-persuna tkun ser tivvjaġġa lejn l-Istat Membru responsabbli bil-mezzi tiegħha stess”. Peress li din l-informazzjoni tiddependi, minn naħa, mid-data li fiha l-Istat Membru mitlub ikun ta l-kunsens tiegħu, impliċitament jew espliċitament, għat-teħid ta’ responsabbiltà jew it-teħid lura tal-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, mill-kontenut ta’ din it-tweġiba (meta tkun espliċita), il-kjarifika li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Dublin III, tikkorrobora interpretazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu fejn in-notifika tad-deċiżjoni ta’ trasferiment issir biss ladarba l-Istat Membru li jkun għamel it-talba jkun irċieva l-kunsens tal-Istat Membru mitlub.

45.

Fir-raba’ lok, l-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jadottaw waħda mit-tliet għażliet speċifikati f’(a) sa (c) ta’ din id-dispożizzjoni, jew sabiex jiżguraw effett sospensiv awtomatiku għall-appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment jew għat-talba għar-reviżjoni tagħha, jew sabiex il-persuna kkonċernata tingħata l-possibbiltà li titlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dik id-deċiżjoni. Il-paragrafu 4 tal-istess artikolu jipprevedi, min-naħa tiegħu, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprovdu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, minn jeddhom, jiddeċiedu dwar tali sospensjoni. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet jippresupponu li d-deċiżjoni ta’ trasferiment hija infurzabbli immedjatament, li ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment antiċipat ( 26 ).

46.

Fil-ħames lok, filwaqt li l-fatt li tiġi nnotifikata d-deċiżjoni ta’ trasferiment qabel ma l-Istat Membru mitlub ikun ta l-kunsens tiegħu biex jieħu r-responsabbiltà jew jieħu lura l-persuna kkonċernata ma jipprekludix lil dik il-persuna milli tippreżenta appell minn dik id-deċiżjoni (jew talba għal reviżjoni) taħt l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, huwa madankollu meħtieġ li jiġi eżaminat jekk ċirkustanza bħal din ikollhiex bħala effett li tillimita l-portata ta’ dan l-appell, hekk kif inhu speċifikat fil-premessa 19 tar-regolament imsemmi, li fid-dawl tiegħu l-appell għandu jippermetti l-verifika tal-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-regolament ( 27 ).

47.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja wissiet kontra interpretazzjoni restrittiva tal-portata tad-dritt ta’ appell previst fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III. Tali interpretazzjoni tabilħaqq tkun tista’ tipprekludi l-għan li ttejjeb il-protezzjoni mogħtija lill-applikanti taħt is-sistema ta’ Dublin, kif stabbilit fil-premessa 9 ta’ dan ir-regolament ( 28 ). Issa, li l-persuna kkonċernata tiġi obbligata tippreżenta appell minn deċiżjoni li ma tinkludix l-elementi kollha li jagħmluha possibbli li jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III ġewx applikati b’mod korrett sabiex it-trasferiment ikun jista’ jsir, fil-fatt, inaqqas il-portata tad-dritt tagħha li tappella.

48.

B’mod iktar partikolari, jekk wieħed kellu jikkunsidra, kuntrarjament għall-kliem ċar tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III, li l-kunċett ta’ “deċiżjoni ta’ trasferiment” għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din dispożizzjoni jinkludi d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment antiċipat, dan ikun jimplika li l-obbligu ta’ notifika tal-Istat Membru li jagħmel it-talba mhux neċessarjament jestendi għal elementi bħad-data jew il-kontenut tat-tweġiba mogħtija mill-Istat Membru mitlub, meta din it-tweġiba hija espliċita. Dawn l-elementi qatt ma jistgħu, għalhekk, jiġu kkommunikati lill-persuna kkonċernata. F’dan il-każ, bħal fil-każ fejn il-komunikazzjoni tagħhom issir wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar l-appell jew tkun tressqet it-talba għal reviżjoni ‐ li ħafna drabi jista’ jkun il-każ, minħabba t-termini qosra ħafna għal dawn it-tipi ta’ proċeduri ‐ il-persuna kkonċernata ma jkollha l-ebda possibbiltà li tikkontesta l-informazzjoni li tinsab fit-tweġiba tal-Istat Membru mitlub fir-rigward tar-raġunijiet li wassluh sabiex jaċċetta t-talba għat-teħid ta’ responsabbiltà jew it-teħid lura ( 29 ), jew sabiex jivverifika, fil-każ fejn ma jingħatax effett sospensiv, jekk l-eżekuzzjoni tat-trasferiment tagħha ssir fir-rispett tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III. Fl-aħħar nett, il-persuna kkonċernata ma tibqax f’pożizzjoni wkoll li tivverifika jekk it-trasferiment ġiex eżegwit fit-terminu previst, skont il-każ, mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(3) jew mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III ( 30 ), u għalhekk, jekk l-Istat Membru li lejh tiġi ttrasferita jibqax responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali skont ir-regola ddikjarata rispettivament fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 28(3), jew fl-Artikolu 29(2) ta’ dak ir-regolament. Issa, għalkemm f’ċirkustanzi differenti minn dawk tal-kawża prinċipali, fis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Shiri (C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 44), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollu dritt li jirrikorri għal rimedju effettiv u fil-pront li jippermettilu li jieħu vantaġġ mill-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2), tar-Regolament Dublin III ( 31 ). Issa, tali dritt ma jkunx iggarantit, fiċ-ċirkustanzi deskritti iktar ’il fuq.

49.

Fis-sitt lok, jekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-fatt li Stat Membru li jagħmel it-talba jkun awtorizzat jinnotifika d-deċiżjoni ta’ trasferiment mingħajr ma wieħed jistenna t-tweġiba tal-Istat Membru mitlub ikun mingħajr dubju koerenti mal-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil, imsemmija fil-premessa 5 tar-Regolament Dublin III, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest tar-Regolament Dublin II, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux intenzjoni jissagrifika l-protezzjoni ġudizzjarja tal-applikanti għall-ażil għal tali rekwiżit ta’ ħeffa ( 32 ). Din il-konstatazzjoni tgħodd, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, a fortiori fir-rigward tar-Regolament Dublin III, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea żviluppa b’mod kunsiderevoli, permezz ta’ dan ir-regolament, il-garanziji proċedurali offruti lill-applikanti għall-ażil fi ħdan is-sistema ta’ Dublin ( 33 ). Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikoli 22 u 25 tar-Regolament Dublin III, l-obbligu ta’ stennija għall-kunsens espliċitu jew impliċitu tal-Istat Membru mitlub ifisser, l-iktar, dewmien fin-notifika tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ xahrejn, fil-każ ta’ talba għal teħid ta’ responsabbiltà, u ta’ xahar, fil-każ ta’ talba ta’ teħid lura.

50.

Minħabba r-raġunijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III għandha tinqara fis-sens li tipprojbixxi lill-Istat Membru li jagħmel it-talba milli jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li jittrasferiha lill-Istat Membru mitlub qabel ma dan tal-aħħar ikun ta l-kunsens tiegħu, espliċitament jew impliċitament, għal trasferiment bħal dan.

51.

Ladarba tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ tali “notifika antiċipata”, il-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni fuq it-trasferiment tistax tiġi adottata qabel ma jkun ingħata l-kunsens tal-Istat Membru mitlub bilfors titlef kull interess prattiku. Peress li t-termini għall-preżentazzjoni tal-appell previst fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jistgħu jibdew jiddekorru biss mill-mument li tiġi nnotifikata d-deċiżjoni lill-persuna kkonċernata, l-adozzjoni “antiċipata” tagħha ma tinvolvi l-ebda tnaqqis sinjifikattiv taż-żmien ta’ proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura, u għalhekk tibqa’ newtrali fir-rigward tal-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali mressqa mill-Kummissjoni.

52.

Għalhekk, nosserva li, għalkemm l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III jirreferi espressament biss għan-notifika tad-deċiżjoni ta’ trasferiment u mhux għall-adozzjoni tagħha, l-Artikolu 5(2)(b) u (3) tar-Regolament Dublin III isemmi l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-regolament bħala d-dispożizzjoni li fuq il-bażi tagħha tittieħed id-deċiżjoni li l-applikant jiġi ttrasferit lill-Istat Membru responsabbli ( 34 ). Issa, argumenti sistematiċi sostanzjalment simili għal dawk stabbiliti fil-punti 42 sa 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet iwasslu għal esklużjoni ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li jkun possibbli għall-Istati Membri li jiddeċiedu t-trasferiment qabel ma l-Istat Membru mitlub ikun ta l-kunsens għat-teħid ta’ responsabbiltà jew it-teħid lura tal-persuna kkonċernata. Għall-kuntrarju, dawn l-argumenti jwassluna sabiex nikkunsidraw li, qabel il-kunsens tal-Istat Membru mitlub għat-teħid ta’ responsabbiltà jew it-teħid lura tal-persuna kkonċernata, ma humiex issodisfatti l-elementi kollha sabiex tkun tista’ tiġi adottata mill-Istat Membru li jagħmel it-talba deċiżjoni ta’ trasferiment lejn dak l-Istat Membru skont il-proċeduri stabbiliti mir-Regolament Dublin III.

53.

Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III ma jawtorizza la n-notifika u lanqas l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru mitlub qabel ma l-Istat tal-aħħar ikun ta l-kunsens tiegħu, b’mod impliċitu jew espliċitu, għat-teħid ta’ responsabbiltà jew it-teħid lura tal-persuna kkonċernata.

54.

Qabel ma nikkonkludi, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat, wara li ġew ikkunsidrati r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-prattika tal-awtoritajiet Franċiżi li jadottaw deċiżjonijiet ta’ trasferiment antiċipati, li l-Artikolu 28 tar-Regolament Dublin III ma jipprekludix li l-persuna kkonċernata tinżamm f’detenzjoni qabel ma jkun ġie deċiż it-trasferiment tagħha, meta l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’din id-dispożizzjoni sabiex tittieħed tali miżura jkunu ġew issodisfatti ( 35 ). Il-projbizzjoni li jittieħdu miżuri ta’ detenzjoni qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment hija għalhekk ibbażata biss fuq id-dritt Franċiż u mhux fuq id-dritt tal-Unjoni ( 36 ).

Konklużjoni

55.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej id-domanda preliminari magħmula mit-tribunal administratif de Lille (il-Qorti Amministrattiva ta’ Lille, Franza):

L-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, jipprekludi lill-Istat Membru li jkun ressaq, quddiem l-Istat Membru li huwa jqis li huwa responsabbli għal tali eżami, talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura fuq il-bażi tal-Artikoli 21, 23 u 24 ta’ dan ir-regolament, milli jadotta u jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni tat-trasferiment tagħha lejn l-Istat Membru mitlub qabel ma dan tal-aħħar ikun aċċetta t-teħid ta’ responsabbiltà jew it-teħid lura ta’ dik il-persuna.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31). Dan ir-regolament jikkostitwixxi riformulazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Ewropew (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 109, iktar ’il quddiem ir-regolament “Dublin II”), li, min-naħa tiegħu, issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Dublin, tal-15 ta’ Ġunju 1990 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 26.). Fl-4 ta’ Mejju 2016 ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, (iktar ’il quddiem il-“proposta għal regolament li jemenda r-Regolament Dublin III”) (COM(2016) 270 finali).

( 3 ) L-Artikolu 2(c) tar-Regolament Dublin III jiddefinixxi l-applikant bħala ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha deċiżjoni finali tkun għadha ma ngħatatx.

( 4 ) Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-Eurodac għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1).

( 5 ) Mill-fajl jirriżulta li n-numru ta’ referenza assenjat għar-rekord tal-marki tas-swaba’ ta’ A. Hassan jindika l-kategorija li għaliha jikkorrispondi dan ir-rekord, f’dan il-każ il-kategorija 1, jiġifieri dik ta “persuna li qed tapplika għall-ażil”.

( 6 ) Din id-deċiżjoni tiddikjara li “l-awtoritajiet [Ġermaniżi] ġew aditi llum b’talba għal teħid lura u li għadhom ma għarrfux, b’mod sovran, il-kunsens tagħhom, u b’hekk id-data u l-modalitajiet tad-dħul mill-ġdid eventwali tal-persuna kkonċernata fit-territorju tagħhom”. L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tiddikjara li “A. Hassan, ċittadin Iraqin li qiegħed illegalment fi Franza, għandu jiġi ttrasferit lill-awtoritajiet Ġermaniżi”. Il-miżura ta’ trasferiment ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu L. 742‑3 tas-Ceseda. Fir-rigward tal-miżura ta’ detenzjoni amministrattiva, l-adozzjoni tagħha kienet iġġustifikata mill-préfet ta’ Pas-de-Calais fuq il-bażi li l-persuna kkonċernata “ma toffrix garanziji ta’ rappreżentanza effettiva biex tipprevjeni r-riskju li tevita l-miżura […] tat-tneħħija u ma tistax titlaq mit-territorju Franċiż immedjatament minħabba l-ħtieġa li jinkiseb il-kunsens tal-awtoritajiet tal-Istat Membru mitlub”. Din il-miżura hija adottata fuq il-bażi tal-Artikolu L. 511‑1, III, 3°, u tal-Artikolu L. 551‑1 tas-Ceseda, għalkemm id-deċiżjoni tispeċifika wkoll li hemm riskju li l-persuna kkonċernata taħrab, fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament Dublin III.

( 7 ) Il-qorti tar-rinviju tiċċita, bħala eżempju, is-sentenza tal-Qorti Amministrattiva ta’ Rouen (Franza) Nru 1603104, tat-23 ta’ Settembru 2016. Hija tirreferi wkoll għal digriet tal-Imħallef responsabbli mit-tqegħid ta’ persuna f’detenzjoni provviżorja, tat-tribunal de grande instance de Lille (il-Qorti Għolja ta’ Lille) tal-10 ta’ Novembru 2016.

( 8 ) Il-qorti tar-rinviju tiċċita b’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti Amministrattiva ta’ Rouen (Franza) Nru 1603199, tal-5 ta’ Ottubru 2016 u Nru 1603674, tad-19 ta’ Novembru 2016 u s-sentenzi tal-Qorti Amministrattiva ta’ Rouen (Franza) Nru 1606297, tas-26 ta’ Awwissu 2016 u Nru 1607048, tat-23 ta’ Settembru 2016.

( 9 ) Fit-talba tiegħu quddiem il-qorti nazzjonali, A. Hassan sostna li hu “[ried] jitlob l-ażil fil-Ġermanja, iżda li qatt ma kellu intervista dwar ir-raġunijiet għall-applikazzjoni tiegħu”. F’silta oħra ta’ din l-applikazzjoni, huwa jsostni li l-préfet ta’ Pas-de-Calais ma weriex li [ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] kienet l-ewwel Stat Membru fejn intalab l-ażil.

( 10 ) L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi li l-“proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru”.

( 11 ) F’dan ir-rigward nagħmel riferiment għall-punti 75 sa 103 tas-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament Dublin III fir-rigward tal-proċeduri għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-ażil fil-Ġermanja.

( 12 ) L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 603/2013 jistabbilixxi li “[k]ull Stat Membru għandu jieħu fil-pront il-marki tas-swaba’ tas-swaba’ kollha ta’ kull applikant għall-protezzjoni internazzjonali li jkollu tal-inqas 14‑il sena u għandu, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li tiġi ddepożitata l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali, kif iddefinit mill-Artikolu 20(2) [tar-Regolament Dublin III], jittrażmettihom flimkien mad-data msemmija fl-Artikolu 11(b) sa (g) ta’ dan ir-Regolament lis-Sistema Ċentrali”.

( 13 ) F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali tillimita ruħha sabiex tiċħad bħala infondat l-ilment ta’ A. Hassan ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali għar-raġuni li hija ma tispeċifikax minn liema subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Dublin III tirriżulta s-sitwazzjoni ta’ A. Hassan.

( 14 ) Avis [Opinjoni] Nru 408919 (ECLI:FR:CECHR:2017:408919.20170719).

( 15 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-Repubblika Franċiża tieħu ħsieb tenfasizza li, għalkemm din il-prattika hija mifruxa fost ċerti awtoritajiet tal-prefettura, din ma hijiex kondiviża mill-awtorità amministrattiva ċentrali Franċiża.

( 16 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 17 ) Tali konġunzjoni li t-tifsira tagħha tikkorrispondi bil-Franċiż, skont il-każ, għal espressjonijiet “lorsque”, “quand”, “dans le cas où”, “si ”, “dans la mesure où” hija użata fil-verżjonijiet fil-lingwa Bulgara (“когато”), Ċeka (“pokud”), Daniża (“når”), Estonjana (“kui”), Irlandiża (“i gcás ina”), Griega (“όταν”), Spanjola (“cando”), Kroata (“kada”), Taljana (“quando”)), Latvjana (“Ja”), Litwana (“Jei”), Ungeriża (“amennyiben”), Maltija (“meta”), Olandiża (“wanneer”), Pollakka (“w przypadku gdy”), Portugiża (“caso”), Rumena (“atunci când”), Slovena (“kadar se”), Slovakka (“ked”), Finlandiża (“jos”), Svediża (“om”), u Ingliża (“where”). Fil-verżjoni bil-Ġermaniż, hija l-kostruzzjoni tas-sentenza li tagħmel is-suċċessjoni temporali bejn iż-żewġ atti.

( 18 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 19 ) Ara l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (Riformolata) (COM/2008/0820 finali).

( 20 ) Dokument SEC(2008) 2962, tat-3 ta’ Diċembru 2008, disponibbli biss fil-verżjoni fil-lingwa Ingliża, ara t-Taqsima “Effective right to remedy”, punt 1, fejn hemm imsemmi, fl-għażliet kollha previsti, ir-rekwiżit biex “further specify the procedure for notification of transfer decisions to asylum-seekers, in particular as regards the time, form and content of such notifications”. F’dan is-sens, ara, ukoll, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 49).

( 21 ) F’dan is-sens, l-Artikolu 25(1) tal-proposta għal regolament tal-Kummissjoni kien maħsub sabiex jissostitwixxi l-Artikolu 19(1) (fil-każ ta’ teħid ta’ responsabbiltà), u l-Artikolu 20(1)(b) (fir-rigward tat-teħid lura), tar-Regolament Dublin II.

( 22 ) L-espressjoni “deċiżjoni ta’ trasferiment” ma kinitx tidher fir-Regolament Dublin II li, fl-Artikolu 19(1) tiegħu, jipprovdi li wara l-aċċettazzjoni mill-Istat Membru mitlub, l-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għall-ażil kienet tressqet għandu jinnotifika lill-applikant bid-“deċiżjoni li l-applikazzjoni m’għandhiex tkun eżaminata, u bl-obbligu li jittrasferixxi l-applikant lill-Istat Membru responsabbli”. Fir-rigward tal-Artikolu 20(1)(b) ta’ dan l-istess regolament, dan kien jipprovdi li l-Istat Membru li jagħmel it-talba “għandu jinnotifika lill-persuna [li] tfittex l-ażil bid-deċiżjoni dwar il-fatt li jittieħed lura mill-Istat Membru responsabbli” mingħajr ma jispeċifika meta għandha ssir din in-notifika.

( 23 ) Ara r-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal regolament tal-Kummissjoni, A6-0284/2009, tad-29 ta’ April 2009, p. 18.

( 24 ) Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, A.S. (C‑490/16, EU:C:2017:585, punti 3360).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, fost l-oħrajn, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 30).

( 26 ) Għalkemm ir-Regolament Dublin III ma jipprojbixxix espressament it-trasferiment ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz lill-Istat Membru mitlub qabel ma dan tal-aħħar ikun ta l-kunsens tiegħu sabiex jieħu r-responsabbiltà jew jerġa’ jieħdu lura, l-awtorizzazzjoni lill-Istati Membri sabiex jagħmlu trasferiment bħal dan ittappan iċ-ċarezza u l-effiċjenza tas-sistema stabbilita mir-Regolament Dublin III. Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament hija essenzjalment ibbażata fuq l-iżvolġiment ta’ proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, indikat abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 41, u tas-7 ta’ Ġunju 2016, Karim, C‑155/15, EU:C:2016:410, punt 23), dan il-proċess huwa aspett wieħed tal-proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà u ta’ teħid lura li għandhom jitwettqu obbligatorjament konformement mar-regoli stabbiliti, b’mod partikolari, fil-Kapitolu VI ta’ dak ir-regolament. Issa, dawn ir-regoli jispeċifikaw proċedura li tikkonsisti fi stadji suċċessivi differenti u trasferiment magħmul qabel ma l-passi proċedurali preċedenti jkunu ġew ikkompletati ma jistax ikun konformi magħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddiriġiet ruħha lejn dan fis-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, A.S. (C‑490/16, EU:C:2017:585), fejn, fil-punt 50, hija ppreċiżat li l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III “jirrigwarda l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment u jista’ jiġi applikat biss ladarba jiġi stabbilit il-prinċipju ta’ trasferiment, jiġifieri l-iktar kmieni meta l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jkun aċċetta t-talba sabiex jieħu, jew jieħu lura, l-inkarigu”.

( 27 ) Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 40), u tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 43). Ara wkoll, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Karim (C‑155/15, EU:C:2016:410, punt 22).

( 28 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 53).

( 29 ) Ċertament, din l-informazzjoni ‐ li għandha tkun is-suġġett ta’ komunikazzjoni lid-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, sabiex jiġi żgurat id-dritt tiegħu għal rimedju effettiv ‐ x’aktarx li tkun tinsab fit-tweġiba għal talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà milli dik ta’ talba għal teħid lura, jiġifieri f’sitwazzjonijiet differenti minn dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fl-ipproċessar tal-ewwel tip ta’ talbiet, l-Istat Membru mitlub huwa, fil-fatt, meħtieġ li jivverifika b’mod komprensiv u oġġettiv jekk ġietx stabbilita r-responsabbiltà tiegħu għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha li hija direttament jew indirettament disponibbli għalih, u għalhekk billi tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll informazzjoni li ma hijiex magħrufa mill-Istat Membru li jagħmel it-talba (ara r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003, tat-2 ta’ Settembru 2003, għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003). Madankollu, fil-fehma tiegħi ma jistax jiġi kkunsidrat li tiġi adottata interpretazzjoni differenti tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III u tal-portata tal-obbligu ta’ notifika li dan l-artikolu jipprevedi skont it-tip ta’ talba, għall-finjiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà jew it-teħid lura, li ressaq l-Istat Membru li jgħaddi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

( 30 ) Dan it-terminu huwa ta’ sitt ġimgħat mill-aċċettazzjoni impliċita jew espliċita mill-Istat Membru mitlub tat-talba għat-teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura, jew mill-mument li l-appell jew ir-reviżjoni ma jibqax ikollhom effett sospensiv meta l-persuna kkonċernata tkun iddetenuta fil-mument meta jseħħ wieħed minn dawn iż-żewġ avvenimenti (it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III, kif interpretat mis-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2017, Khir Amayry, C‑60/16, EU:C:2017:675, punti 3954). Fil-każijiet l-oħra, dan il-perijodu huwa ta’ sitt xhur li jibdew jiddekorru minn wieħed mill-avvenimenti msemmija iktar ’il fuq.

( 31 ) Ninnota, inċidentalment, li l-proposta għal regolament li jemenda r-Regolament Dublin III tipprovdi għall-eliminazzjoni tas-sistema ta’ trasferiment tar-responsabbiltà lill-Istat li jagħmel it-talba fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza minn dan tal-aħħar tat-termini previsti biex isir it-trasferiment.

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian (C‑19/08, EU:C:2009:41, punt 48).

( 33 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 57).

( 34 ) Ninnota, inċidentalment, li l-proposta għal regolament li jemenda r-Regolament Dublin III tipprevedi li temenda l-paragrafi msemmija iktar ’il fuq tal-Artikolu 5 ta’ dak ir-regolament, billi tneħħi kwalunkwe riferiment għad-deċiżjoni ta’ trasferiment.

( 35 ) Il-proposta għal regolament li jemenda r-Regolament Dublin III kienet tipprevedi li d-detenzjoni tista’ tiġi applikata biss mill-mument li d-deċiżjoni għat-trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli tkun ġiet innotifikata lill-persuna kkonċernata (Artikolu 27(4)), iżda din id-dispożizzjoni ġiet emendata matul il-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament Dublin III.

( 36 ) F’dan ir-rigward, ninnota li fl-opinjoni tiegħu tad-19 ta’ Lulju 2017, iċċitata fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ikkonferma li l-Artikolu L. 742‑2 tas-Ceseda ma jippermettix l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni amministrattiva fuq il-bażi tal-Artikolu L. 551‑1 tas-Ceseda qabel l-adozzjoni (u n-notifika) ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment.

Top